SOLENNITÀ TAL-QADDISIN KOLLHA

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

 Pjazza San Pietru - Il-Ġimgħa 1 ta’ Novembru 2013

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-festa tal-Qaddisin Kollha, li qed niċċelebraw il-lum, tfakkarna li l-għan ta’ l-eżistenza tagħna m’hix il-mewt, imma l-Ġenna!  Dan jiktbu l-Appostlu Ġwanni: “X’se nkunul quddiem mhuwiex irrivelat lilna.  Madankollu nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu (1 Ġw 3:2).  Il-Qaddisin, il-ħbieb ta’ Alla, jiżgurawna li din il-wegħda m’hix qarrieqa.  Fil-fatt, tul l-eżistenza tagħhom fuq din l-art huma għexu f’komunjoni profonda ma’ Alla.  F’wiċċ l-iżgħar u l-iżjed imkasbra fost ħuthom huma lemħu l-wiċċ ta’ Alla, u issa qed jikkontemplawh wiċċ imb’wiċċ fil-ġmiel glorjuż tiegħu.

 

Il-Qaddisin m’humiex xi supermen, lanqas twieldu perfetti.  Huma bħalna, bħal kull wieħed u waħda minna, huma persuni li qabel laħqu l-glorja tas-Sema għexu ħajja normali, bil-ferħ u n-niket tagħha, bl-uġigħ u bit-tamiet tagħha.  Imma x’kien li bidel ħajjithom?  Meta għarfu l-imħabba ta’ Alla, imxew warajha b’qalbhom kollha, mingħajr kundizzjonijiet jew ipokrezija; qattgħu ħajjithom fis-servizz ta’ l-oħrajn, ġarrbu tbatijiet u tiġrib mingħajr qatt urew mibegħda u billi wieġbu għad-deni bil-ġid, u xerrdu ferħ u sliem.  Din hi l-ħajja tal-Qaddisin: persuni li għall-imħabba ta’ Alla f’ħajjithom ma poġġewlux kundizzjonijiet; ma kinux ipokriti; qattgħu ħajjithom fis-servizz ta’ l-oħrajn biex setgħu jaqdu l-proxxmu; batew tant tiġrib, imma mingħajr qatt bagħdu lil ħadd.  Il-Qaddisin qatt ma bagħdu.  Ifhmuh sew dan: l-imħabba ġejja minn Alla, imma l-mibegħda mnejn hi ġejja?  Il-mibegħda ma tiġix minn Alla, imma mix-xitan!  U l-Qaddisin tbiegħdu mix-xitan; il-Qaddisin huma rġiel u nisa li għandhom il-ferħ ġo qalbhom u dan ixerrduh fost l-oħrajn.  Qatt ma juru mibegħda, imma dejjem jaqdu lill-oħrajn, lil dawk l-iktar fil-bżonn; jitolbu u jgħixu fil-ferħ; din hi t-triq tal-qdusija!

 

Il-qdusija m’hix xi privileġġ tal-ftit, bħallikieku xi ħadd messu xi wirt kbir; ilkoll kemm aħna fil-Magħmudija għandna f’idejna l-wirt li bih nistgħu nsiru qaddisin.  Il-qdusija hi vokazzjoni għal kulħadd.  Għalhekk ilkoll kemm aħna msejħa nimxu fit-triq tal-qdusija, u din it-triq għandha isem, wiċċ: il-wiċċ ta’ Ġesù Kristu.  Hu jgħallimna kif insiru qaddisin.  Fil-Vanġelu Hu jurina t-triq: dik tal-Beatitudnijiet (ara Mt 5:1-12).  Is-Saltna tas-Smewwiet, fil-fatt, hi miftuħa għal dawk li ma jistriħux fuq il-ħwejjeġ tad-dinja, imma fuq l-imħabba ta’ Alla; għal dawk li għandhom qalb sempliċi, umli, ma jippretendux li huma ġusti u ma jiġġudikawx lill-oħrajn, dawk li jafu jbatu ma’ min ibati u jifirħu ma’ min jifraħ, m’humiex vjolenti imma juru ħniena u jfittxu li jkunu bennejja tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi.  Il-Qaddis, il-Qaddisa huma bennejja tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi; jgħinu dejjem lin-nies jirrikonċiljaw ruħhom u jgħinu dejjem biex tinbena l-paċi.  U hekk il-qdusija ssir ħaġa sabiħa; hi triq kollha ġmiel!

 

Il-lum, f’din il-festa, il-Qaddisin qed iwasslulna messaġġ.  Qed jgħidulna: Afdaw fil-Mulej, għax il-Mulej ma jqarraqx bikom!  Ma jqarraq qatt, hu ħabib tajjeb li jinsab dejjem magħna.  Bix-xhieda tagħhom il-Qaddisin jinkuraġġuna biex ma nibżgħux immorru kontra l-kurrent jew li jkun hemm min ma jifhimniex u jiżżuffjetta bina meta nitkellmu dwarU u dwar il-Vanġelu; b’ħajjithom juruna li min jibqa’ fidil lejn Alla u lejn il-Kelma tiegħu sa minn fuq din l-art stess iduq il-faraġ ta’ mħabbtu u mbagħad “mitt darba iżjed” fil-ħajja ta’ dejjem.  Dan hu li fih nittamaw u li nitolbu lill-Mulej għal ħutna rġiel u nisa mejtin.  Il-Knisja fl-għerf tagħha poġġiet dritt wara xulxin il-festa tal-Qaddisin Kollha u t-Tifkira tal-fidili mejtin kollha.  Mat-talb tagħna ta’ tifħir lil Alla u ta’ qima lill-erwieħ qaddisa tingħaqad it-talba ta’ suffraġju għal dawk li telqu qabilna fil-mogħdija li minn din id-dinja tieħu għall-ħajja ta’ dejjem.

 

Nafdaw it-talba tagħna lill-interċessjoni ta’ Marija, Sultana tal-Qaddisin Kollha.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti,

 

Insellmilkom bi mħabba, speċjalment il-familji, il-gruppi parrokkjali u l-għaqdiet.

 

Tislima mill-qalb lil dawk li ħadu sehem dal-għodu fil-Ġirja tal-Qaddisin, organizzata mill-Fondazzjoni Don Bosco nel mondo.  San Pawl jgħidilna li l-ħajja kollha tan-Nisrani hi “ġirja” biex jikseb il-premju tal-qdusija: intom qed tagħtuna eżempju tajjeb!  Grazzi ta’ din il-ġirja!

 

Il-lejla sa mmur fiċ-ċimiterju tal-Verano biex niċċelebra l-Quddiesa hemm.  Sa nkun magħqud spiritwalment ma’ dawk kollha li f’dawn il-jiem ikunu jżuru ċ-ċimiterji, fejn hemm reqdin dawk kollha li telqu qabilna bis-sinjal tal-fidi u qed jistennew il-jum tal-qawmien.  B’mod partikulari sa nitlob għall-vittmi tal-vjolenza, speċjalment għall-Insara li tilfu ħajjithom minħabba l-persekuzzjonijiet.  Nitlob ukoll b’mod speċjali għal dawk kollha, ħutna rġiel u nisa, adulti u tfal li mietu bil-għatx, bil-ġuħ u mifnija bl-għeja huma u jivvjaġġaw biex jilqħu kundizzjoni ta’ ħajja aħjar.  F’dawn l-aħħar jiem rajna fl-aħbarijiet dik ix-xena kiefra tad-deżert: nagħmlu lkoll talba fis-skiet għal dawn ħutna.

 

Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba tal-Qaddisin Kollha.  Narakom u l-ikla t-tajba!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard