Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta’ dal-Ħadd (cfr Mk 5,21-43) jippreżentalna żewġ mirakli mwettqin minn Ġesù, u jiddeskrivihom qieshom speċi ta’ marċ trijonfali lejn il-ħajja.

L-evanġelista l-ewwel jirrakkuntalna dwar ċertu Ġajru, wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, li jiġi għand Ġesù u jitolbu bil-ħniena biex imur għandu għax bintu, ta’ tnax-il sena, qiegħda tmut.  Ġesù jaċċetta u jmur miegħu; iżda mat-triq, tasal l-aħbar li t-tfajla mietet.  Nistgħu nimmaġinaw ir-reazzjoni ta’ dak il-missier.  Però Ġesù jgħidlu: “Tibżax, biss inti emmen!” (v.36).  Mal-wasla fid-dar ta’ Ġajru, Ġesù jkeċċi ‘l barra lill-bikkejja – kien hemm nisa li kienu qed jgħajtu kemm jifilħu – u jidħol fil-kamra waħdu flimkien mal-ġenituri u t-tliet dixxipli, u jdur lejn il-mejta u jgħidilha: “Tfalja, qiegħed ngħidlek, qum!” (v. 41).  U minnufih it-tfajla qamet qiesha stenbħet minn xi nagħsa tqila (cfr v. 42).

Fir-rakkont ta’ dal-miraklu, Marku jdaħħal ieħor: il-fejqan ta’ mara li kienet tbati bin-nixxiegħa tad-demm u li tfiq malli tmiss il-mantell ta’ Ġesù (cfr v.27).  Hawnhekk jolqtok il-fatt li l-fidi ta’ dil-mara tiġbed – tiġini l-volja li ngħid “serqet” - il-qawwa salvifika divina li hemm fi Kristu, li kif ħass dil-qawwa li kienet ħarġet minnu, pprova jara min kien missu.  U l-mara, b’ħafna mistħija, tersaq u tistqarr kollox.  Hu jgħidilha: “Binti, il-fidi tiegħek salvatek” (v.34).

Dawn huma żewġ rakkonti li jinfilzaw f’xulxin b’għan wieħed: il-fidi; u juru lil Ġesù bħala l-għajn tal-ħajja, bħala dak li jagħti lura l-ħajja li min jafda fih għal kollox.  Iż-żewġ protagonisti, jiġifieri missier it-tfajla u l-mara marida, mhumiex dixxipli ta’ Ġesù, madnakollu t-talba tagħhom tinstama’ minħabba l-fidi tagħhom.  Għadhom fidi f’dak ir-raġel.  Minn dan nifhmu li fit-triq tal-Mulej kulħadd jista’ jidħol; ħadd m’għandu jħossu qiesu deffiesi, abbusiv jew mingħajr dritt.  Biex nidħlu fil-qalb tiegħu, fil-qalb ta’ Ġesù, hemm kundizzjoni waħda: li nħossu l-bżonn tal-fejqan u nafdaw fih. Nistaqsikom: kull wieħed u waħda minnkom tħossuh il-bżonn tal-fejqan?  Minn xi ħaġa, minn xi dnub, minn xi problema?  U jekk tħossu dan, għandkom fidi f’Ġesù?  Dawn huma ż-żewġ kundizzjonijiet għall-fejqan, biex inkunu nistgħu nidħlu f’qalbu: inħossu l-bżonn tal-fejqan u nafdaw fih.  Ġesù jiskopri lil dawn in-nies minn fost il-folla u joħroġhom mill-anonimat, jeħlishom mill-biża’ li jgħejxu, li jirriskjaw.  Jagħmel dan b’ħarsa jew b’kelma li treġġagħhom lura lejn it-triq, wara tant tbatijiet u umiljazzjonijiet.  Aħna wkoll għandna s-sejħa li nitgħallmu u nimitaw dan il-kliem li jeħles u dan il-ħars il jrodd lura lil min nieqes minnhom, ir-rieda li jgħejx.

F’dil-paġna evanġelika jinitsġu flimkiem it-temi tal-fidi u tal-ħajja ġdida li Ġesù ġie biex joffri lil kulħadd.  Malli daħal fid-dar fejn kien hemm it-tfajla mejta, Hu jkeċċi ‘l barra li dawk li kienu qed jixhru u jibku (cfr v. 40) u jgħid: “It-tifla mhix mejta, imma rieqda” (v. 39).  Ġesù hu l-Mulej, u quddiemu l-mewt fiżika hi bħal raqda: m’hemmx raġuni għad-disperazzjoni.  Hemm mewt oħra li għandna nibżgħu minna: dik tal-qalb iebsa minħabba l-ħażen!  Minn dik għandna nibżgħu, iva!  Meta nħossu li qalbna bbieset, qalbna li qed tibbies, u, ippermettuli l-kelma, qalbna mummifikata, minn dan għandna nibżgħu.  Din hi l-mewt tal-qalb.  Imma anki d-dnub, anki l-qalb mummifikata, għal Ġesù qatt m’hi l-aħħar kelma għax Hu ġabilna l-ħniena infinita tal-Missier.  U wkoll jekk aħna waqajna, jilħaqna leħnu teneru u qawwi: “Jien qed ngħidlek: Qum!”.  Sabiħ tisma’ dil-kelma ta’ Ġesù tingħad lil kull wieħed u waħda minna: “Jien qed ngħidlek: qum! Imxi, Qum, kuraġġ, qum!”.  U Ġesù jrodd lura l-ħajja lit-tfajla u jrodd lura l-ħajja lill-mara mfejqa: ħajja u fidi lit-tnejn li huma.

Nitolbu lill-Verġni Marija takkumpanja l-mixja tagħna tal-fidi u ta’ mħabba konkreta speċjalment lejn min jinsab fil-bżonn.  U ninvokaw l-interċessjoni materna tagħha għal ħutna li jbatu fil-ġisem u fl-ispirtu.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

filwaqt li nġedded it-talb tiegħi għall-maħbub poplu tan-Nicaragua, nixtieq ningħaqad mal-isforzi li qed jagħmlu l-Isqfijiet ta’ dak il-pajjiż, flimkien ma’ bosta persuni ta’ rieda tajba, fir-rwol ta’ medjazzjoni u xhieda għall-proċess ta’ djalogu nazzjonali li għaddej bħalissa lejn it-triq tad-demokrazija.

Is-sitwazzjoni fis-Sirja għadha gravi, partikolarment fil-provinċja ta’ Daraa, fejn l-azzjonijiet militari ta’ dawn l-aħħar jiem laqtu wkoll skejjel u sptarijiet, u ħallew warajhom eluf ta’ turufnati oħra.  Flimkien mat-talb inġedded l-appell tiegħi sabiex lill-popolazzjoni, li diġà ilha mifnija snin, ma jkomplux iżidiulha t-tbatijiet.

Fost dal-ħafna kunflitti, hu dmir li wieħed isemmi inizjattiva li nistgħu nsejħulha storika – u nistgħu ngħidu li hi aħbar tajba: f’dal-ġranet, wara għoxrin sena, il-gvernijiet tal-Etjopja u l-Eritreja reġgħu bdew taħdidiet bejniethom għall-paċi.  Jalla dil-laqgħa tixgħel dawl ta’ tama għal dawn il-pajjiżi tal-Qarn tal-Afrika u għall-kontinet Afrikan kollu.

Naċċerta t’talb tiegħi ukoll għaż-żgħażagħ li għal aktar minn ġimgħa ilhom midfunin fi grotta taħt l-art fit-Tajlandja.

Is-Sibt li ġej se mmur Bari, flimkien ma bosta kapijiet ta’ Knejjes u Komuntajiet insara mill-Lvant Nofsani.  Se ngħejxu jum ta’ talb u riflessjoni fuq is-sitwazzjoni dejjem drammatika ta’ dak ir-reġjun, fejn tant ħutna fil-fidi għadhom isofru, u b’vuċi waħda flimkien nitolbu: Ikun fuqek is-sliem!” (Salm 122,8).  Nitlob lil kulħadd jakkumpanja bit-talb dal-pellegrinaġġ ta’ paċi u għaqda.

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini.  Insellem partikolarment lill-fidili ġejjin mill-Portugall u lis-saċerdoti tal-Istitut Sacerdos tal-Università Pontifiċja Regina Apostolorum; kif ukoll lis-sorijiet Franġiskani tal-Pentienza u l-Karità Kristjana mill-Polonja, u lill-fidili mill-Iraq.

Insellem lill-gruppi parrokkjali u lill-assoċjazzjonijiet: lis-Sorijiet Missjunarji tas-Sidtna tal-Appostli, ‘il-grupp ta’ adoloxxenti mill-Unità Pastorali ta’ Gallio, fid-djoċesi ta’ Padova, liż-żgħażgħ li se jagħmlu l-Griżma mill-parroċċa ta’ Maria Himmelfahrt f’Schattdorf u lill-familja spiritwali tad-Demm Prezzjożissmu ta’ Kristu, li għalih hu dedikat b’mod speċjali dan ix-xahar ta’ Lulju.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber