Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

Nhar il-Ħadd li għadda l-liturġija ppreżentatilna lil Ġesù ttantat minn Satana fid-deżert, imma li fl-aħħar ħareġ rebbieħ fuq it-tentazzjoni.  Fid-dawl ta’ dal-Vanġelu għal darb’oħra għarafna li aħna bidinbin, imma għarafna wkoll ir-reħba fuq il-ħażin li hija offruta lil dawk kollha li jaqbdu t-triq tal-konverżjoni u, bħal Ġesù, irid jagħmlu r-rieda tal-Missier.  F’dan it-tieni Ħadd tar-Randan, il-Knisja turina l-għan ta’ din il-mixja ta’ konverżjoni, li huwa l-parteċipazzjoni fil-glorja ta’ Kristu, li tiddi fuq wiċċu, Hu li Hu Qaddej ubbidjenti, li miet u rxoxta għalina.

Il-paġna mill-vanġelu tħabbar l-episodju tat-Trasfigurazzjoni, li sseħħ fil-quċċata tal-ministeru pubbliku ta’ Ġesù.  Hu jinsab fit-triq lejn Ġerusalemm, fejn kellhom iseħħu l-profeziji tal-“Qaddej ta’ Alla” u jitwettaq is-sagrifiċċju salvifiku tiegħu.  Dan il-folol ma fehmihx: quddiem il-figura ta’ Messija li hu l-maqlub ta’ dak li kienu qed jistennew, telquh.  Imma huma kienu jistennew li l-Messija kien se jkun dak li jeħlishom mill-ħakma tar-Rumani, ħellies ta’ arthom, imma x-xbiha li joffrilhom Ġesù ma togħġobhomx u huma jitilquh.  Lanqas l-appostli ma jifhmu l-kliem li bihom Ġesù jħabbar l-għeluq tal-missjoni tiegħu fil-passjoni glorjuża. Ma jifhmux!  Għalhekk Ġesù jiddeċiedi li jdewwaq lil Pietru, Ġakbu u Ġwannu ftit mill-glorja tiegħu minn qabel, dik li glorja li kien se jkollu wara li jqum mill-mewt, biex iqawwihom fil-fidi u jħeġġiġhom jimxu warajh fit-triq tl-prova, fit-triq tas-Salib.  U hekk, fuq muntanja għolja, waqt li kien mitluf fit-talb, jinbidel quddiemhom: wiċċu u l-persuna tiegħu kollha jixgħelu b’dawl li jgħammex.  It-tlett dixxipli jibżgħu, waqt li sħaba tgħattihom u jinstema’ mill-għoli – hekk kif kien ġara fil-Magħmudija fil-Ġordan – leħen il-Missier: “Dan hu Ibni, il-maħbub: isimgħuh!” (Mk 9,7).  Ġesù huwa l-Iben li sar Qaddej, mibgħut fid-dinja biex iwettaq il-proġett tas-salvazzjoni permezz tas-Salib, biex isalva lilna lkoll.  L-għaqda sħiħa tiegħu mar-rieda tal-Missier tħalli l-glorja ta’ Alla, li hu Maħabba, tidher mill-umanità tiegħu.

Ġesù b’dal-mod juri lilu nnifsu bħala x-xbiha perfetta tal-Missier, id-dija tal-glorja tiegħu.  Dan huwa t-twettiq tar-rivelazzjoni; għalhekk ħdejh jidhru Mosé u Elija, li jirrappreżentaw il-Liġi u l-Profeti, biex juru li kollox jispiċċa u jibda f’Ġesù, fil-passjoni u l-glorja tiegħu.

Il-messaġġ għad-dixxipli u għalina huwa dan: “Isimgħuh!” Nisimgħu lil Ġesù.  Hu s-Salvatur: imxu warajh. Li nisimgħu lil Kristu, fil-fatt, ifisser li nilqgħu l-għerf ta-misteru tal-għid tiegħu, nimxu miegħu biex nagħmlu mill-ħajja tagħna rigal għall-oħrajn, f’ubbidjenza ħelwa għar-rieda ta’ Alla, b’atteġġjament ta’ distakk mill-affarijiet tad-dinja u ta’ ħelsien interjuri.  Jeħtieġ, fi kliem ieħor, inkunu lesti “nitilfu l-ħajja tagħna stess” (cfr Mk 8,35), nagħtuha sabiex kulħadd ikun jista’ jsalva: hekk niltaqgħu fil-ferħ ta’ dejjem.  Il-mogħdija ta’ Ġesù dejjem twasslilna l-ferħ, tinsewx!  Il-mogħdija ta’ Ġesù dejjem twasslilna l-ferħ. Dejjem se niltaqgħu mas-salib, mumenti ta’ prova, imma dejjem twassalna għall-ferħ.  Ġesù ma jidħakx bina, wegħedna l-ferħ u jtihulna jekk nimxu fit-toroq tiegħu.

Flimkien ma’ Pietru, Ġakbu u Ġwanni ejjew nitilgħu aħna wkoll illum fuq l-għolja tat-Trasfigurazjoni u ejjew nieqfu nikkontemplaw il-wiċċ ta’ Ġesù biex nilqgħu l-messaġġ u ngħixuh f’ħajjitna; għax anke aħna nistgħu niġu trasfigurati mill-Imħabba.  Fil-fatt l-imħabba tista’ tibdel kollox.  L-imħabba tbiddel kollox! Temmnuh dan? Tgħinna l-Verġni Marija li issa nsejjħulha permezz tat-talba tal-Angleus.

____

 

Wara l-Angelus il-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti,

b’xorti ħażina mhux qed jieqfu li jaslu aħbarijiet koroh mis-Sirja u mill-Iraq, aħbarijiet marbutin ma’ vjolenza, ħtif ta’ persuni u ħidma ta’ ħsara kontra l-insara u gruppi oħra.  Naċċerta lil kull min hu mdaħħal f’dawn iċ-ċirkustanzi li mhux qed ninsewh, imma ninsabu qrib tagħhom u qed nitolbu bil-qawwa biex tieqaf mill-aktar fis din il-brutalità li tagħha huma saru vittmi.  Tlabt għal din l-intenzjoni flimkien mal-Curia Romana waqt l-aħħar quddiesa tal-Irtir nhar il-Ġimgħa li għadda.  Fl-istess ħin nitlob lil kulħadd sabiex, kif jista’, jimpenja ruħu biex inaqqas it-tbatija ta’ dawn kollha li jinsabu għaddejjin minn din il-prova, spiss minħabba l-fidi li jistqarru.  Ejjew nitolbu għal dawn l-aħwa li qed ibatu minħabba l-fidi fis-Sirja u fl-Iraq... Nitolbu fis-skiet...

Nixtieq infakkar ukoll fil-Venezuela fejn bħalissa qed jerġgħu iqumu mumenti ta’ tensjoni.  Nitlob għall-vittmi u, b’mod partikulari, għal dak iż-żgħażugħ li nqatel ftit ġranet ilu f’San Cristobal.  Inwissi lil kulħadd għar-rifjut tal-vjolenza u għar-rispett tad-dinjità ta’ kull pesuna u tas-sagralità tal-ħajja umana, u nħeġġeb biex anke f’dan il-Pajjiż terġa’ tinqabad it-triq lejn is-sewwa, biex jinfetħu mill-ġdid spazju fejn jista’ jsir djalogu sinċier u konstruttiv.  Nafda dak il-poplu għażiż fl-interċessjoni materna tal-Madonna ta’ Coromoto.

Insellem lilkom ilkoll – familji, gruppi parrokkjali, għaqdiet – pellegrini minn Ruma, mill-Italja u minn diversi Pajjiżi.

Insellem lill-insara ġejjin minn San Francisco, Californa, u ż-żgħażagħ tal-parroċċi tal-Isola di Formentera.

Insellem il-gruppi Fontaneto d’Agogna e Montello; il-Vigili del Fuoco ta’ Tassullo; u l-adolexxenti ta’ Zambana.

Insellem lis-seminaristi ta’ Pavia flimkien mar-rettur tagħhom u d-direttur spiritwali.  Għadhom kemm spiċċaw l-irtir u llum sejrin lura fid-djoċesi.  Nitolbu għalihom u għas-seminaristi kollha l-grazzja li jsiru saċerdoti tajbin.

Nixtieq lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Tinsewx, nitlobkom, biex titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u nsellmilkom.

 

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia