Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Is-silta tal-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd (Mark 1, 21-28) tippreżentalna lil Ġesù li, flimkien mal-komunità żgħira tad-dixxipli, jidħol f’Kafarnaum, il-belt fejn kien jgħix Pietru, u li f’dak iż-żmien kienet l-akbar waħda tal-Galileja.  Ġesù jidħol f’dik il-belt.

L-evanġelista Marku jirrakkonta li Ġesù, peress li  kien il-jum tas-Sibt, baqa’ sejjer lejn is-sinagoga u beda jgħallem (v. 21).  Dan ifakkarna fil-primat tal-Kelma t’Alla, Kelma li jeħtieġ nisimgħuha, Kelma li jeħtieġ nilqugħha, Kelma li jeħtieġ inxandruha.  Malli wasal f’Kafarnaum Ġesù ma qagħadx jipposponi t-tħabbir tal-Evanġelju, ma ħasibx l-ewwel biex jara fejn sejjer joqgħod Hu u d-dixxipli, minkejja li dan hu neċessarju, ma qagħadx jaħli ħin jorganiżża ruħu.  Il-preokkupazzjoni ewlenija tiegħu kienet li jħabbar il-Kelma t’Alla bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.  U n-nies fis-sinagoga baqgħu mistagħġbin għax Ġesù: «kien jgħallem bħal wieħed li għandu s-setgħa u mhux bħall-kittieba» (v. 22).

Xi tfisser “bis-setgħa”?  Ifisser li fil-kliem ta’ “Ġesù bniedem” kienet tinħass il-qawwa kollha tal-Kelma t’Alla, kienet tinħass l-awtorevolezza ta’ Alla, li nebbaħ l-Iskrittura Mqaddsa.  U waħda mil-karatteristiċi tal-Kelma t’Alla hi li dak li jgħid iqiegħdu fis-seħħ.   Għax il-Kelma t’Alla hija l-istess rieda tiegħu.  Iżda aħna, ta’ spiss inlissnu kliem vojt, mingħajr bażi, jew kliem żejjed, kliem li ma jaqbilx mal-verità.  Imma l-Kelma t’Alla hija l-verità, hija magħquda mar-rieda tiegħu u dak li jgħid iseħħ.  Infatti, wara li pprietka, Ġesù juri mill-ewwel is-setgħa tiegħu għax lir-raġel li kien hemm fis-sinagoga jeħilsu mix-xitan li kien qed jaħkmu (Mark 1, 23-26).  Propju l-awtorità Divina ta’ Kristu qanqlet ir-reazzjoni ta’ satana li kien moħbi f’dak ir-raġel; Ġesù, min-naħa tiegħu, dritt għaraf leħen il-malinn u ordnalu bl-herra: “Iskot!  Oħroġ minnu!” (v. 25).  Ġesù jeħles lil dak ir-raġel mill-malinn bis-setgħa tal-kelma tiegħu biss.  U għal darb’oħra, min kien hemm, baqa’ mistgħaġeb: «Jikkmanda saħansitra lill-ispirti ħżiena u dawn jobduh!».  Il-Kelma t’Alla toħloq fina stagħġib.  Għandha l-qawwa li tħallina mistagħġbin. 

L-Evanġelju huwa l-kelma tal-ħajja: ma jgħakkisx lill-bniedem, bil-maqlub, jeħles lil min hu skjav ta’ tant spiriti ħżiena ta’ did-dinja: l-ispirtu tal-vanità, il-kilba għall-flus, is-suppervja, is-senswalità…..  L-Evanġelju jibdel il-qlub, jibdel il-ħajja, jittrasforma l-inklinazzjonijiet lejn il-ħażen f’intenzjonijiet ta’ ġid.  L-Evanġelju għandu ħila jibdel lill-bnedmin!  Għalhekk hu dmir tal-Insara li jxerrdu ma’ kullimkien il-qawwa redentriċi u jsiru missjunarji u ħabbara tal-Kelma t’Alla.  Dan hu suġġeriment ieħor li ttina l-istess silta tal-lum li ttemm billi tiftaħ lejn il-missjoni u tgħidilna: «Il-fama tiegħu – il-fama ta’ Ġesù – xterdet minnufih ma’ kullimkien, fl-inħawi kollha tal-Galileja» (v. 28).

Id-duttrina l-ġdida li Ġesù jgħallem bl-awtorità, hija dik li l-Knisja twassal lid-dinja flimkien mas-sinjali effikaċi tal-preżenza tiegħu: it-tagħlim awtorevoli u l-azzjoni li teħles ta’ Iben Alla, jsiru l-kliem ta’ salvazzjoni u l-ġesti ta’ mħabba li tagħmel il-Knisja missjunarja.  Ftakru dejjem li l-Evanġelju għandu l-qawwa li jibdel il-ħajja!  Tinsewhx dan.  Huwa l-Aħbar it-Tajba li tittrasformana, dejjem jekk aħna nħalluha tittrasforma lilna.  Hu għalhekk li dejjem ngħidilkom biex ikollkom kuntatt mal-Evanġelju kuljum, li taqrawh kuljum, silta, pass, timmeditawh u anki ġġorruh magħkom kull fejn tmorru: fil-but, fil-basket……  Cioè li tmantnu lilkom infiskom minn din l-għajn bla qies ta’ salvazzjoni.  Tinsewx!  Aqraw pass mill-Evanġelju kuljum.  Huwa l-qawwa li tibdilna, li tittrasformana: tbiddel il-ħajja, tbiddel il-qalb.

Nitolbu l-interċessjoni materna tal-Verġni Marija, Hi li laqgħet il-Kelma t’Alla u tatha lid-dinja, lill-bnedmin.  Hi tgħallimna nisimgħu sewwa u tagħmilna ħabbara awtorevoli tal-Evanġelju ta’ Ġesù.

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Nixtieq inħabbar li ls-Sibt 6 ta’ Ġunju, jekk Alla jrid, jiena sejjer Sarajevo, il-belt kapitali tal-Bożnja u l-Ħerżegovina.  Nistedinkom minn issa biex titolbu ħalli din iż-żjara tiegħi lil dawk il-popolazzjonijiet għeżież tkun ta’ inkoraġġiment għall-fidilli Kattoliċi, tqajjem ferment ta’ tjubija u tagħti kontribut għat-tisħiħħ tal-fraternità, tal-paċi, tad-djalogu inter-reliġjuż u tal-ħbiberija.

Insellem lil dawk kollha li qed jiltaqgħu f’Ruma biex jieħdu sehem fir-IV Kungress dinji organiżżat mill-iScholas Occurrentes, li se jsir fil-Vatikan bejn it-2 u l-5 ta’ Frar bit-tema: “L-edukazzjoni għall-kultura tal-laqgħa hija responsabbiltà ta’ kulħadd”.

Insellem lill-familji, lill-parroċċi, lill-assoċjazzjonijiet u lil kull min ġie hawn mill-Italja u minn bosta nħawi oħra tad-dinja: partikolarment il-pellegrini mill-Libanu u mill-Eġittu, l-istudenti minn Zafra u Bajadoz (Spanja); il-fidili minn Sassari, Salerno, Verona, Modena, Scano Montiferro u Taranto.

Illum fl-Italja qed jiġi ċelebrat “Jum il-Ħajja” bit-tema «Solidali għall-ħajja».  Nistqarr l-apprezzament tiegħi lill-assoċjazzjonijiet, lill-movimenti u lil dawk kollha li jiddefendu l-ħajja umana.  Ningħaqad mal-isqfijiet Taljani biex inħeġġeġ «it-tiġdid tal-għarfien tal-persuna umana u kura aktar flokha tal-ħajja, mit-tnissil sat-tmiem naturali» (Messaġġ għas-37 Jum Nazzjonali għall-Ħajja).  Meta aħna nkunu miftuħin għall-ħajja u nservu l-ħajja, inħossu l-qawwa rivoluzzjonarja tal-imħabba u tat-tenerezza (Eżort. Appos. “Il-Ferħ tal-Vanġelu”, 288), u nkunu qed ninawguraw umaniżmu ġdid, l-umaniżmu tas-solidarjetà, l-umaniżmu tal-ħajja.

Insellem lill-Kardinal Vigarju, lill-għalliema universitarji ta’ Ruma u lil dawk kollha mpenjati biex jippromwovu l-kultura tal-ħajja.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.   Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber