SOLENNITÀ TA' MARIJA SS. OMM ALLA

LIII JUM DINJI TAL-PAĊI

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa, 1 ta' Jannar, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!  Is-sena t-tajba!

Ilbieraħ filgħaxija għalaqna s-sena 2019 b'radd il-ħajr lil Alla għad-don taż-żmien u għall-ġid kollu li għamel magħna.  Illum qed nibdew l-2020 bl-istess atteġġjament ta' gratitudni u tifħir.  Ma nistgħux inserrħu rasna li l-pjaneta tagħna bdiet dawra ġdida madwar ix-xemx u li aħna l-bnedmin qed inkomplu ngħixu fiha.   Qatt ma jista' jkollna rasna mistrieħa, anzi hu dejjem 'miraklu' li għandu jħallina mistgħaġbin u li għalih ngħidu grazzi.

Fl-ewwel jum tas-sena l-Liturġija tiċċelebra l-Imqaddsa Omm Alla, il-Verġni ta' Nazaret li ġabet lil Ġesù fid-dinja, is-Salvatur.  Dik it-trabija hi l-barka t'Alla għal kull raġel u mara, għall-familja umana u għad-dinja kollha.  Ġesù ma neħħiex il-ħażen mid-dinja imma għelbu mill-għeruq.  Is-salvazzjoni tiegħu mhix 'maġika', imma hi salvazzjoni 'paċenzjuża', jiġifieri titlob il-paċenzja tal-imħabba, ifisser li hija titgħabba bil-ħażen u tneħħilu s-setgħa tiegħu.  Il-paċenzja tal-imħabba: l-imħabba ttina l-paċenzja.  Ħafna drabi nitilfu l-paċenzja: jien ukoll, u nitlob skuża għall-eżempju ħażin tal-bieraħ (probabbilment kien qed jirreferi għar-reazzjoni li kellu meta dik il-mara ġibditu bil-goff minn driegħu).  Għalhekk aħna u nikkuntemplaw il-presepju, bl-għajnejn tal-fidi naraw id-dinja mġedda, meħlusa mill-ħakma tal-ħażen u mqiegħda taħt is-sinjorija rjali ta' Kristu, il-Bambin mimdud fil-maxtura.

Hu għalhekk li llum Omm Alla qed tberikna.  U kif tberikna l-Madonna?  Billi turina lil Binha.  Terfgħu fuq dirgħajha u turihulna, u b'hekk tkun qed tberikna.  Tbierek il-Knisja kollha, tbierk id-dinja.  Kif kantaw l-anġli f'Betlem, Ġesù huwa "l-ferħ tal-poplu kollu", huwa l-glorja t'Alla u l-paċi għall-bnedmin kollha (cfr Lq 2,14).

Din kienet ir-raġuni għala l-Qaddis Papa Pawlu VI ried jiddedika l-ewwel jum tas-sena għall-paċi - hu Jum il-Paċi -, għat-talb,  sabiex insiru konxji u nerfgħu r-responsabbiltà tal-paċi.  Għal dis-sena 2020 dan hu l-messaġġ: il-paċi hi mixja ta' tama, mixja li tmexxina permezz tad-djalogu, ir-rikonċiljazzjoni u l-konverżjoni ekoloġika.

Għaldaqstant, ejjew inwaħħlu ħarsitna fuq l-Omm u fuq l-Iben li qed turina.  Fil-bidu tas-sena, inħalluha tberikna!  Inħalli lill-Madonna tberikna permezz ta' Binha.

Ġesù huwa l-barka ta' kull min hu mgħakkes taħt il-madmad tal-jasar, jasar morali u jasar materjali.  Hu jeħles bl-imħabba.  Lil min tilef l-istima tiegħu nnnifsu u baqa' priġunier tal-vizzjijiet, Ġesù jgħidlu: Il-Missier iħobbok, ma jabbandunakx, jistenna b'paċenzja bla heda li terġa' lura (cfr Lq 15,20).  Lil min hu vittma ta' inġustizzji u sfruttament u mhux qed jara d-dawl fit-tarf tal-mina, Ġesù jiftaħlu l-bieb tal-fraternità, fejn isib uċuħ, qlub u jdejn li jilqugħ, fejn ikun jista' jaqsam ma' ħaddieħor il-morr u d-disperazzjoni, u jikseb lura ftit tad-dinjità.  Lil min hu marid serju u jħossu abbandunat u bla kuraġġ Ġesù jersaq qribu, imisslu l-pjagi bit-tenerezza, ixerred fuqu ż-żejt tal-faraġ u d-dgħufija jibdilha f'qawwa ta' ġid biex iħoll l-għoqod l-aktar imaħħbla.  Lil ħabsi li jkollu t-tentazzjoni li jingħalaq fih innifsu, Ġesù jiftaħlu x-xefaq tat-tama mill-ġdid u jibda minn raġġ ta' dawl ċkejken.

Għeżież ħuti, ejjew ninżlu minn fuq il-pedistalli tas-suppervja tagħna - ilkoll kemm aħna tiġina t-tentazzjoni tal-kburija - u nitolbu l-barka lil Qaddisa Omm Alla, l-Omm umli ta' Alla.  Hi turina lil Ġesù: inħalluha tberikna, niftħu qlubna għat-tjubija tagħha.  Hekk, is-sena li qed tibda tkun mixja ta' tama u ta' paċi, mhux bil-kliem, iżda bil-ġesti tad-djalogu fil-ħajja ta' kuljum, ġesti ta' rikonċiljazzjoni u kura tal-ħolqien.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti!

Lilkom ilkoll hawn preżenti fi Pjazza San Pietru u lilkom li tinsabu magħna permezz tal-medja, nagħtikom l-awguri tiegħi ta' paċi  u riżq għas-sena l-ġdida.

Irrodd ħajr lill-President tar-Repubblika Taljana, l-Onorevoli Sergio Mattarella, għall-ħsieb li ndirizzali fil-messaġġ tal-aħħar tas-sena u jien irrodlu lura billi nsejjaħ il-barka t'Alla fuq il-missjoni għolja tiegħu.

Insellem minn qalbi lill-parteċipanti tal-manifestazzjoni "Paċi fl-artijiet kollha".  Dil-manifestazzjoni hi organiżżata mill-Komunità ta' Sant'Egidio f'Ruma u f'bosta bliet tad-dinja.  Huma għandhom ukoll skola għall-paċi.  Ibqgħu mexjin 'il quddiem!

U nsellem lill-pellegrini mill-Istati Uniti tal-Amerka, minn New Zealand u minn Spanja; liż-żgħażagħ Taljani, Albaniżi u Maltin flimkien mas-sorijiet tal-Karità; lill-ħbieb volontarji tal-"Fraterna Domus".

Nestendi t-tislima tiegħi u l-inkoraġġiment tiegħi għall-inizjattivi tal-paċi, kollha kemm huma, li l-Knejjes partikolari, l-assoċjazzjonijiet u l-moviment ekkelżjali organiżżaw f'dal-Jum tal-Paċi: laqgħat ta' talb u ta' fraternità akkumpanjati mis-solidarjetà mal-aktar foqra.  Infakkar partikolarment il-mixja li saret ilbieraħ f'Ravenna.

Ħsiebi jdur ukoll lejn il-volontarji li, fil-postijiet fejn il-paċi u l-ġustizzja huma mhedda, bil-kuraġġ jagħżlu li jkunu preżenti bil-non-vjolenza u bla armi; kif ukoll lill-militari li jadħmu fil-missjonijiet ta' paċi fiż-żoni fejn hemm il-kunflitti.  Grazzi ħafna lilhom ukoll!

Lil kulħadd, jemmen u ma jemminx, għax aħna lkoll aħwa, nawgura li qatt ma tehdew tittamaw f'dinja ta' paċi, li għandkom tibnu flimkien jum wara ieħor.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber