Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fuq l-ewwel faċċata tal-kalendarju tas-sena l-ġdida li għoġbu jtina l-Mulej, il-Knisja tqiegħed bħala minjatura stupenda, is-solennità liturġika ta’ Marija Santissma Omm Alla.  F’dan l-ewwel jum tas-sena solari, inwaħħlu għajnejna fuqha biex, taħt il-ħarsien matern tagħha nkunu nistgħu nerġgħu nibdew il-mixja tul il-mogħdija taż-żmien.

L-Evanġelju tal-lum (Lq 2, 16-21) jerġa’ jeħodna fl-istalla ta’ Betlem.  Ir-rgħajja jaslu jgħaġġlu u jsibu lil Marija, lil Ġużeppi u lill-Bambin; u jirrakkuntaw it-tħabbira li tawhom l-anġli, jiġifieri li t-tarbija hija s-Salvatur.  Kulħadd jibqa’ mistgħaġeb filwaqt li “Marija, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejna u bejn ruħha” (v. 19).  Il-Verġni tgħinna nifhmu kif għandna nilqgħu l-avveniment tal-Milied: mhux superfiċjalment, imma fi qlubna.  Turina kif għandna nirċievu r-rigal ta’ Alla verament: ngħożżuh fi qlubna u nimmeditaw dwaru.  Hija stedina lil kull wieħed u waħda minna biex nitolbu billi nikkuntemplaw u nduqu dan ir-rigal li hu Ġesù nnifsu.

Huwa permezz ta’ Marija li Iben Alla jieħu s-sura tal-ġisem.  Iżda l-maternità ta’ Marija mhix limitata għal dan biss: grazzi għall-fidi tagħha, hija hi wkoll l-ewwel dixxiplu ta’ Ġesù u dan “iwessa’” l-maternità tagħha.  Kellha tkun il-fidi ta’ Marija biex f’Kana qanqlet l-ewwel “sinjal” mirakoluż li għin biex tissaħħaħ il-fidi tad-dixxipli.  Bl-istess fidi, Marija hi preżenti f’riġlejn is-salib u tilqa’ lil Ġwanni l-Appostlu bħala binha; u, fl-aħħar, wara l-qawmien, issir omm li titlob għall-Knisja li fuqha jinżel bil-qawwa l-Ispirtu s-Santu f’jum il-Pentekoste.

Bħala omm, Marija taqdi funzjoni speċjali ħafna: hi medjatriċi bejn Binha Ġesù u l-bnedmin fir-realtà tan-nuqqasijiet tagħhom, fir-realtà tal-faqar tagħhom u t-tbatijiet.  Marija, tinterċedi, bħalma għamlet f’Kana, għax hi konxja li bħala omm tista’, anzi għandha turi l-ħtiġijiet tal-bnedmin lil Binha, speċjalment dawk ta’ min hu l-aktar dgħajjef u fil-bżonn.  U propju t-tema tal-Jum Dinji ta-Paċi li qed niċċelebraw illum hu dedikat lilhom: “Migranti u rifuġjati: irġiel u nisa li qed ifittxu l-paċi”: dan hu l-motto ta’ dan il-jum.  Għal darb’oħra nixtieq inkun il-leħen ta’ dawn ħutna li għall-futur tagħhom qed jitolbu bil-ħniena xefaq ta’ paċi.  Għal dil-paċi, li hi dritt ta’ kulħadd, ħafna minnhom huma lesti jirriskjaw ħajjithom fi vjaġġ li fil-biċċa l-kbira tal-każi hu twil u perikoluż; huma lesti li jaffrontaw diffikultajiet u tbatijiet (cfr Messaġġ għall-Jum Dini tal-Paċi, 2018, 1).

Jekk jogħġobkom, ma nitfux it-tama fi qlubhom; ma noħonqux l-istennija tagħhom għall-paċi!  Hu importanti li min-naħa ta’ kulħadd, istituzzjonijiet ċivili, realtajiet edukattivi, assitenzjali u ekkleżjali, jkun hemm impenn biex lir-rifuġjati, lill-migranti u lil kulħadd, niggarantixxu ġejjieni ta’ paċi.  Jalla l-Mulej itina li matul dis-sena l-ġdida naħdmu bil-ġenerożità, bil-ġenerożità, biex nagħmlu d-dinja aktar solidali u akkoljenti.  Nistedinkom titolbu għal dan, filwaqt li flimkien magħkom inqiegħed f’idejn Marija Omm Alla u Ommna, is-sena 2018 li għadha kif bdiet.  Il-monaċi anzjani Russi, mistiċi, żmien ilu kienu jgħidu li fi żmien il-maltemp spiritwali kien meħtieġ li wieħed jistkenn taħt il-mant tal-Qaddisa Omm Alla.  Aħna w naħsbu fit-taħwid li hawn illum, u fuq kollox, fil-migranti u r-rifuġjati, nitolbu bħalma kienu għallmuna nitolbu huma: “Taħt il-protezzjoni tiegħek infittxu kenn, Qaddisa Omma Alla: la twarrabx it-talbiet tagħna, aħna li ninsabu fil-prova, iżda eħlsina minn kull periklu, O Verġni glorjuża u mbierka.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

fuq l-għatba tal-2108, nagħti lil kulħadd minn qiegħ qalbi, l-awgurju tiegħi ta’ kull ġid għas-sena l-ġdida!

Nixtieq irrodd ħajr lill-President tar-Repubblika tal-Italja għall-awguri li tani lbieraħ filgħaxija fil-messaġġ tal-aħħar tas-sena, li jiena rroddlu lura minn qalbi, filwaqt li nawgura lil-poplu Taljan sena ta’ hena u paċi, imdawla bil-barka dejjiema ta’ Alla.

Nesprimi l-apprezzament tiegħi għall-ħafna inizjattivi ta’ talb u attivitajiet favur il-paċi, li ġew organiżżati madwar id-dinja kollha fl-okkażjoni tal-lum, il-Jum Dinji ta-Paċi.  Qed naħseb b’mod partikolari fil-Mixja Nazzjonali li saret ilbieraħ filgħaxija f’Sotto il Monte, imnedija miċ-CEI, Caritas Italiana, Pax Christi u Azzjoni Kattolika. U nsellem lill-parteċipanti tal-manifestazzjoni “Paċi fl-Artijiet Kollha” li l-Komunità Sant’ Egidio organiżżat f’Ruma u f’ħafna pajjiżi oħra.  Għeżież ħbieb, ninkoraġġikom biex tissuktaw f’dan l-impenn tagħkom ta’ solidarjetà speċjalment fil-periferiji tal-ibliet, biex tiffaċilitaw il-konvivenza paċifika.

Insellem lilkom ilkoll, għeżież pellegrini li tinsabu hawn, partikolarment lil dawk minn New York, lill-banda mużikali minn California u l-grupp “Pro Loco” minn Massalengo.

Inġġedded lil kulħadd l-awgurju ta’ sena ta’ paċi fil-grazzja tal-Mulej u taħt il-protezzjoni materna ta’ Marija, l-Omm Qaddisa ta’ Alla.  Is-sena t-tajba, il-pranzu t-tajjeb u, tinsewx titolbu għalija.  Arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber