Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fil-jiem li għaddew il-ħarsa ta’ adorazzjoni tagħna kienet fuq Iben Alla, imwieled f’Betlem: illum, solennità ta’ Marija Santissma Omm Alla, indawru għajnejna lejn l-Omm, imma fl-istess ħin nikkuntemplaw ir-rabta sfieqa li hemm bejniethom.  Dir-rabta ma tieqafx biss mal-fatt li hi nisslet u li ġie mnissel: Ġesù «twieled minn mara» (Gal. 4,4), għall-missjoni tas-salvazzjoni u ommu mhix maqtugħa barra minn dil-missjoni, anzi hi assoċjata intimament.  Marija tagħraf dan, għalhekk ma tingħalaqx fiha nfisha u tieqaf filli tikkunsidra biss ir-relazzjoni materna ma’ Ġesù, imma tibqa’ miftuħa u mimlija premura lejn l-avvenimenti kollha li jiġrulu: iżżomm u timmedita, tgħarrex u tidħol fil-fond kif ifakkarfna l-Evanġelju tal-lum (cfr Luqa 2, 19).  Diġa qalet l-iva tagħha u wriet li hi disponibbli li titwaħħad mat-twettiq tal-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla li «xerred l-imkabbra f’qalbhom, niżżel lis-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, għolla liċ-ċkejknin, temgħa ‘l min hu bil-ġuħ u l-għonja bagħthom ‘il barra b’xejn» (Luqa 1, 51-53).  Issa, siekta u attenta, tipprova tifhem x’irid Alla minnha jum wara l-ieħor.

Iż-żjara tar-rgħajja toffrilha l-okkażjoni biex tifhem xi ħaġa mill-volontà ta’ Alla li juri ruħu fil-preżenza ta’ dawn in-nies umli u foqra.  L-evanġelista Luqa jirrakuntalna ż-żjara tar-rgħajja b’sensiela insistenti ta’ verbi li jesprimu moviment.  Jgħid hekk: huma marru minnufih, sabu lit-tarbija ma’ Marija u Ġużeppi, rawh, irrakkuntaw dak li kien intqalilhom u fl-aħħar ifaħħru ‘l Alla (cfr Luqa 2, 16-20).  Marija ssegwi dal-passaġġ bl-attenzjoni, dak li jgħidu r-rgħajja, x’kien ġralhom, għax diġà qed tara fih il-moviment tas-salvazzjoni li għad jinbet mill-opra ta’ Ġesù u taddatta ruħha, lesta għal kull ma’ jitlob minnha l-Mulej.  Lil Marija, Alla ma jitlobhiex biss li tkun omm Ibnu l-waħdieni imma wkoll biex tikkopera miegħu fil-pjan tas-salvazzjoni, sabiex fiha, qaddejja umli, isibu l-milja tagħhom  l-opri l-kbar tal-ħniena divina.

U hekkhu, aħna u nikkuntemplaw bħalma għamlu r-rgħajja, l-ikona tal-Bambin f’dirgħajn Ommu, inħossu joktor fi qlubna sens ta’ rikonoxxenza immensa lejn Dik li tat lid-dinja s-Salvatur.  Għalhekk, fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida ngħidulha:

Grazzi, o Omm Qaddisa tal-Iben t’Alla, Ġesù, Omm qaddisa ta’ Alla!  Grazzi għall-umiltà tiegħek li ġibdet fuqha l-ħarsa t’Alla’ grazzi għall-fidi li biha lqajt Kelmtu.  Grazzi għall-kuraġġ li bih għidt «hawn jien», insejt lilek innifsek għax imsaħħra mill-Imħabba Qaddisa, magħquda ħaġa waħda mat-tama tiegħu.  Grazzi, o Omm Qaddisa ta’ Alla!  Itlob għalina, pellegrini fiż-żmien, għinna nimxu fit-triq tal-paċi.  Ammen.

 

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti, is-sena t-tajba!

U s-sena tkun tajba daqskemm kull wieħed u waħda minna, bl-għajnuna t’Alla, nfittxu li nagħmlu l-ġid kull jum li jgħaddi.  B’hekk tinbena l-paċi, billi ngħidu “le” bil-fatti għall-mibgħeda u “iva” għall-fraternità u r-rikonċiljazzjoni.  Daqs 50 sena ilu, il-Beatu Papa Pawlu Vi beda jiċċelebra f’din id-data, il-Jum Dinji tal-Paċi, biex isaħħaħ l-impenn komuni lejn il-bini ta’ dinja paċifika u fraterna. Fil-messaġġ ta’ din is-sena ipproponejt li nadottaw in-non-vjolenza bħala stil ta’ politika tal-paċi.

 

Sfortunatament il-vjolenza għolliet rasha anki f’dan il-lejl ta’ awguri u tama.  B’niket, nesprimi l-qrubija tiegħi mal-poplu Tork, nitlob għall-għadd kbir ta’ vittmi u għall-feruti u għan-nazzjon li jinsab fil-luttu, u nitlob lill-Mulej li jieqaf mal-bnedmin ta’ rieda tajba biex ixammru l-kmiem bil-kuraġġ biex jaffrontaw il-pjaga tat-terroriżmu u din it-tebgħa ta’ demm li qed tiksi d-dinja bid-dell tal-biża’ u konfużjoni.

Nixtieq irrodd ħajr lill-President tar-Repubblika tal-Italja għall-awguri li tanti lbieraħ filgħaxija waqt il-messaġġ lin-nazzjon.  Irroddom lura minn qalbi filwaqt li ninvoka l-barka tal-Mulej fuq il-poplu Taljan biex, bil-kontribut responsabbli u solidali ta’ kulħadd ikun jista’ jħares lejn il-futur bil-fiduċja u t-tama.

Insellem lilkom ilkoll hawn preżenti, lill-familji, lill-assoċjazzjonijiet, lill-gruppi taż-żgħażagħ u nawgura sena ġdida hienja u serena.  Nesprimi r-rikonoxxenza għi għall-inizjattivi ta’ talb u impenn għall-paċi li jittiedħu f’kull rokna tad-dinja.  Infakkar b’mod partikolari il-mixja nazzjonali tal-bieraħ filgħaxija f’Bologna, imnedija miċ-CEI, il-Caritas, l-Azzjoni Kattolika u l-Pax Christi, bl-għajnuna tad-Djoċesi u tal-Kunsill Lokali ta’ Bologna.

Insellem lill-parteċipanti li qed jieħdu sehem fil-manifestazzjoni “Paċi fl-artijiet kollha”, imnedija mill-Komunità ta’ Sant’Egidio.  Grazzi tal-preżenza tagħkom u tax-xhieda tagħkom!

U nawgura lil kulħadd sena ta’paċi fil-grazzja tal-Mulej u taħt il-protezzjoni materna ta’ Marija Omm Alla.

Il-festat-tajba u, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber