Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u s-sena t-tajba!

Sabiħ li fil-bidu tas-sena aħna nawguraw lil xulxin.  B’hekk inkunu qed inġeddu lil xulxin ix-xewqa li dak li qed jistennina jkun xi ftit aħjar.  Fundamentalment dan huwa sinjal ta’ tama li jqanqalna u jistedinna biex nemmnu fil-ħajja.  Madankollu nafu li mas-sena l-ġdida mhux se jinbidel kollox, u li tant problemi tal-bieraħ se jibqgħu magħna għada wkoll.  Allura rrid nagħtikom awgurju msaħħaħ minn tama reali li qed nislet mill-liturġija tal-lum.

Huma l-kliem li l-Mulej innfsu talab biex bihom jitbierek il-poplu tiegħu: «Il-Mulej ikun dawl għal wiċċek (...)  Il-Mulej idawwar wiċċu lejk» (Numri 6,25-26).  Jien ukoll nawguralkom dan: li l-Mulej iqiegħed ħarstu fuqkom u li intom tkunu tistgħu tifirħu għax ta’ kuljum, wiċċu mimli ħneina, jiddi aktar mix-xemx, jiżreġ fuqkom mingħajr qatt ma jgħabex!  L-iskoperta tal-wiċċ ta’ Alla ġġedded il-ħajja.  Għax hu Missier innamrat mill-bniedem, li ma jgħejja qatt jerġa’ jibda mill-ġdid magħna biex iġeddidna.  Il-Mulej għandu paċenzja kbira magħna!  Qatt ma jgħejja jerġa’ jibda mill-ġdid meta aħna naqgħu.  Iżda l-Mulej ma jwiegħedx tibdil maġiku.  Hu ma jużax il-bakketta maġika.  Iħobb jibdel ir-realtà minn ġewwa, bil-paċenzja u bl-imħabba: jitlob li jidħol f’ħajjitna bid-delikatezza, bħax-xita fil-ħamrija, biex imbagħad tagħti l-frott. Jistennina dejjem, bit-tenerezza.  Kull filgħodu mal-qawmien nistgħu ngħidu: “Illum il-Mulej qiegħed idawwalni b’wiċċu”.  Talba sabiħa li hi realtà.

Il-barka Biblika tkompli hekk: (Il-Mulej) itik il-paċi (v.26).  Illum qed niċċelebraw il-Jum Dinji tal-Paċi bit-tema: Irbaħ l-indifferenza u tikseb il-paċi”.  Il-paċi li Alla l-Missier jixtieq jiżra’ fid-dinja, irridu nikkultivawha aħna.  Mhux biss, imma trid ukoll “tinkiseb”.  Dan ifisser taqbida, taqbida spiritwali li seħħ fi qlubna.  Għax l-għadu tal-paċi mhux biss il-gwerra, imma l-indifferenza wkoll, li naħsbu biss fina nfusna, (indifferenza) li toħloq il-ħitan, is-suspetti, il-biża’ u l-għeluq.  Dawn huma kollha għedewwa tal-paċi.  Għall-grazzja t’Alla għandna ħafna informazzjoni: imma kultant tant qed negħrqu fl-aħbarijiet, li nispiċċaw nitbiegħdu mir-realtà, minn ħija, oħti li għandhom il-ħtieġa tagħna  Tul dis-sena nibdew niftħu qlubna, billi nagħtu mill-ġdid l-attenzjoni lill-proxxmu, lil min hu l-aktar qribna.  Din hi t-triq li biha tinkiseb il-paċi.

Biex naslu għal dan, tgħinna r-Reġina tal-Paċi, Omm Alla, li llum qed niċċelebraw is-solennità tagħha.  Hi  kienet tgħożż dan kollu f’qalbha u taħseb fuqu» (Luqa 2,19).  It-tamiet u t-tħassib, il-gratitudni u l-problemi: kull ma kien jiġri fil-ħajja, fil-qalb ta’ Marija kien isir talb, djalogu ma’ Alla.  U Hi tagħmel l-istess magħna: tindokra l-ferħat u tħoll l-għoqod ta’ ħajjitna billi tqegħedhom quddiem il-Mulej.

Niafdaw f’idejn Marija s-sena l-ġdida ħalli fiha jkattru l-paċi u l-ħniena.


Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Nixtieq irrodd ħajr lill-President tar-Repubblika Taljana għall-awguri li tani lbieraħ waqt il-messaġġ tal-aħħar tas-sena.  Jien nirreċiprokahom minn qalbi.

Nesprimi l-gratitudni tiegħi għall-għadd ta’ inizjattivi ta’ talb u ħidma għall-paċi organiżżati f’kull rokna tad-dinja fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Paċi li qed niċċelebraw illum.  Qed naħseb b’mod partikolari fil-Mixja Nazzjonali, li saret ilbieraħ f’Molfetta, li kienet organiżżata miċ-CEI, Il-Caritas, Pax Christi  u l-Azzjoni Kattolika; sabiħ li wieħed ikun jaf li tant persuni, speċjalment żgħażagħ, għażlu li jgħixu l-ewwel jum tas-sena b’dal-mod.  Insellem minn qiegħ qalbi lill-parteċipanti għas-sehem fil-manifestazzjoni “Paċi fl-artijiet kollha” li saret r’Ruma u f’tant Pajjiżi, mill-Komunità ta’ Sant’Egidio.  Għeżież ħbieb, ninkoraġġikom biex tkomplu bl-impenn tagħkom favur ir-rikonċiljazzjoni u l-armonija.  U nsellem lill-familji tal-Moviment tal-Imaħbba Familjari, li dal-lejl għamlu velja fi Pjazza San Pietru biex jitolbu għall-paċi u l-għaqda fil-familji tad-dinja kollha.  Grazzi lil kulħadd għal dawn l-inizjattivi sbieħ u għat-talb tagħkom.

Tislima minn qalbi tmur lejkom, għeżież pellegrini li tinsabu hawn.  Ħsieb speċjali jmur għal “Cantori della Stella” - Sternsinger – tfal u żgħażagħ li fil-Ġermanja u fl-Awstrija jwasslu l-barka ta’ Ġesù u jiġbru biex jgħinu lil tfal u żgħażagħ bħalhom, li huma foqra.   Insellem lill-ħbieb u l-volontarji tal-Fraterna Domus, l-Oratorju ta’ Stezzano u lill-fidili li ġew minn Taranto.

Nawgura lil kulħadd sena ta’ paċi fil-grazzja tal-Mulej għani fil-ħniena u taħt il-protezzjoni materna ta’ Marija, l-Omm Qaddisa ta’ Alla.  U tinsewx kull filgħodu, meta tqumu, ftakru f’dik is-silta tal-barka ta’ Alla “Illum, il-Mulej qiegħed idawwalni b’wiċċu”.  Darb’oħra!  “Illum, il-Mulej qiegħed idawwalni b’wiċċu”.

Is-sena t-tajba, il-pranzu t-tajjeb u tinsewx titolbu għalija.  Arrivederci!

 

Miġjub għal-Malti mit-Taljan min Joe Huber