Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u s-sena t-tajba!

F’dan l-ewwel jum tas-sena, fi klima ferrieħi - minkejja l-kesħa – tal-Milied, il-Knisja tistedinna ndawru l-ħarsa ta’ fidi u ta’ mħabba tagħna lejn Marija Omm Ġesù.  Fiha, mara umli min Nażaret, «il-Verb sar bniedem u ġie jgħammar fostna» (Ġwanni 1,14).  Għalhekk huwa impossibbli li wieħed jifred il-kontemplazzjoni ta’ Ġesù, il-Verb tal-ħajja li deher fostna, b’mod li nistgħu mmissuh (cfr Ġwanni 1,1), mill-kontemplazzjoni ta’ Marija, li tatu mħabbitha u l-ġisem uman.

Illum nisimgħu l-kliem tal-Appostlu Pawlu: «Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara» (Galatin 4,4).  Dik il-frażi «imwieled minn mara» turi b’mod essenzjali, u allura b’mod aktar qawwi, l-vera umanità ta’ Iben Alla.  Kif jafferma wieħed mill-missirijiet tal-Knisja, Sant’Atanasju:  «Is-Salvatur tagħna kien verament bniedem u minn dan ġiet is-salvazzjoni tal-umanità kollha. (Ittra lil Epitetu PĠ 26).

Imma San Pawl iżid ukoll: «imwieled taħt il-liġi» (Galatin 4,4).  B’din l-espressjoni hu jisħaq li Kristu ħa fuqu l-kundizzjoni umana biex jeħlisha mill-mentalità legalistika magħluqa.  Infatti, il-liġi mneżża’ mill-grazzja, issir madmad insopportabbli u minflok tagħmlilna l-ġid, tagħmlilna d-deni.  Ġesù kien jgħid: “Is-Sibt hu magħmul għall-bniedem mhux il-bniedem għas-Sibt”.  Għalhekk dan hu l-għan għalfejn Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex isir bniedem: l-għan tal-liberazzjoni, anzi tar-riġenerazzjoni.  Liberazzjoni «biex jirhan lil dawk li kienu taħt il-liġi» (v 5); u r-redenzjoni nkisbet wara l-mewt tiegħu fuq is-Salib.  Imma, fuq kollox riġenerazzjoni: «biex aħna nsiru wlied addottivi» (v. 5).  Meta mwaħħdin miegħu, il-bnedmin  isiru realment ulied Alla.  Dan il-passaġġ stupend iseħħ fina bil-Magħmudija, li ttina t-tilqima biex insiru membri ħajjin fi Kristu u ddaħħalna fil-Knisja tiegħu.

Fil-bidu ta’ sena ġdida, jagħmlilna tajjeb niftakru l-jum tal-Magħmudija tagħna: niskopru mill-ġdid ir-rigal li rċevejna f’dak is-Sagrament li nissel fina ħajja ġdida: il-ħajja divina.  U dan bis-saħħa ta’ Ommna l-Knisja, li bħala mudell tagħha għandha lil Ommna Marija.  Bis-saħħa tal-Magħmudija aħna nidħlu f’komunjoni ma’ Alla u ma nibqgħux aktar skajvi tal-ħażen u tad-dnub, imma nirċievu l-imħabba, it-tenerezza, il-ħniena tal-Missier Ċelesti.  Nistaqsikom mill-ġdid: “Min minnkom jiftakar id-data ta’ meta ġie mgħammed?  Lil dawk li ma jiftakrux id-data ta’ meta tgħammdu, ntihom ix-“xogħol għad-dar”: fittxu din id-data u għożżuha tajjeb f’qalbkom.  Tistgħu titolbu l-għajnuna wkoll lill-ġenituri, lill-parrinijiet, liz-zijiet, lin-nanniet....  Il-jum li fih tgħammidna hu jum ta’ festa!  Ftakru jew fittxu d-data tal-Magħmudija tagħkom, ikun sabiħ ħafna li tirringrazzjaw lil Alla għar-rigal tal-Magħmudija.

Din il-qrubija ta’ Alla lejn l-eżistenza tagħna ttina l-vera paċi: id-don divin li rridu nitolbu għalih illum b’mod speċjali, fil-Jum Dinji tal-Paċi.  Hemmhekk qed naqra (posters li kienu f’idejn il-pellegrini fil-pjazza) “Il-paċi dejjem hi possibbli”.  Il-paċi dejjem hi possibbli!... Jeħtieġ infittxuha.... u hemmhekk qed naqra: “It-talb hu propju l-pedament tal-paċi!”  Il-paċi dejjem hi possibbli.  “It-talb hu l-għerq tal-paċi”.  It-talb hu propju l-għerq tal-paċi.  Il-paċi hija dejjem possibbli u t-talb tagħna huwa l-għerq tal-paċi.  It-talb iwarrad il-paċi.  Illum, il-Jum Dinji tal-Paċi, “Mhux aktar skjavi imma aħwa”: dan hu l-messaġġ ta’ dan il-jum.  Għax il-gwerrer jagħmluna skjavi, dejjem!  Dan hu messaġġ li jgħodd għalina lkoll.  Ilkoll kemm aħna msejħin biex niġġieldu kull forma ta’ skjavitù u biex nibnu l-fraternità.  Ikoll, kull iweħed u waħda skont ir-responsabbiltajiet li jġorr.  U ftakru tajjeb: il-paċi hija possibbli! U fl-għeruq tal-paċi hemm dejjem it-talb.  Nitolbu għall-paċi.  Hemm ukoll dawk l-iskejjel sbieħ tal-paċi: skejjel għall-paċi: għandna nibqgħu għaddejjin b’din l-edukazzjoni għall-paċi.

Lil Marija, Omm Alla u Ommna, nippreżentawlha l-intenzjonijiet tagħna li nagħmlu l-ġid.  Lilha nitolbuha tifrex fuqna lkoll u fuq il-jiem kollha tas-sena l-ġdida, il-mant tal-protezzjoni materna tagħha: «Qaddisa Omma Alla, tinjorax is-suppliki tagħna waqt li għaddejjin mill-provi, u eħlisna minn kull periklu, o Verġni glorjuża u mbierka».

U nistedinkom biex illum insellmu lil Madonna bħala Omm Alla.  Insellumla b’dik it-tislima: “Qaddisa Omm Alla!”  kif kienu sejħulha l-fidili fil-belt ta’ Efesu fil-bidu tal-Kristjaneżimu, meta kif jidħlu fil-knisja, kienu jgħidu bl-leħen għoli lir-rgħajja tagħhom din it-tislima lill-Madonna: “Qaddisa Omm Alla!”.  Ilkoll flimkien nirrepetu għal tlett darbiet: “Qaddisa Omm Alla”.

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll li tinsabu hawn u nawguralkom sena ġdida ta’ ferħ u hena.  Insellem partikolarment lill-pellegrini mill-pajjiżi Skandinavi u mis-Slovakkja, il-fidili minn Asola, Castiglione delle Stiviere, Saccolongo, Sotto il-Monte, Bonate Sotto a Benevento, iż-żgħażagħ minn Andria u minn Castelnovo del Garda.  Tislima mill-qalb tmur għal grupp “Stersinger” li ġew mid-djoċesi ta’ Fulda fil-Ġermanja.  Nirringrazzja lill gruppi kollha “Stersinger” tal-Ġermanja, tal-Awstrija u tal-Iżvizzera għall-impenn tagħhom li jmorru minn dar għal dar biex iħabbru t-twelid tal-Mulej u jiġbru għat-tfal fil-bżonn.  Frohe Weihnachten und ein gutes neues Jahr! (Il-Milied it-tajjeb u s-sena l-ġdida!).

Ħsiebi jmur ukoll lejn dawk li fid-djoċesijiet tad-dinja kollha, organiżżaw mumenti ta’ talb għall-paċi għax it-talb hu l-għerq tal-paċi.  Niftakar partikolarment fil-mixja nazzjonali li saret ilbieraħ f’Vicenza u l-manifestazzjoni “Paċi fl-Artijiet Kollha” li ġiet organiżżata f’Ruma u f’ħafna bliet oħra tad-dinja.

Bħalissa għandna kollegament ma’ Rovereto, fit-Trentino, fejn hemm il-qanpiena kbira bl-isem “Maria Dolens” li saret ad unur tal-mejtin tal-gwerrer kollha u kienet imbierka mill-Beatu Pawlu VI fl-1965.  Minn hawn u ftit ieħor se nisimgħu t-tokki tagħha.  Jalla dan ikun awgurju li qatt aktar ma jkun hawn gwerrer – qatt aktar gwerrer! – imma dejjem xewqa u impenn għall-paċi u l-fraternità bejn il-popli.
Is-sena t-tajba lil kulħadd.  Jalla tkun sena ta’ paċi fit-tgħannieqa tenera tal-Mulej u taħt il-protezzjoni materna ta’ Marija, Omm Alla u Ommna.  Insellmilkom ilkoll u  qed nara li hawn ħafna Messikani: insellmilhom... Jagħmlu ħafna storbju l-Messikani!

Is-sena t-tajba u jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber