Il-Papa Frangisku

Angelus,

L-Erbgħa, 1 ta’ Jannar 2014

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u s-sena t-tajba!

Fil-bidu tas-sena l-ġdida nagħtikom ilkoll l-awguri għall-paċi u għal kull ġid.  L-awguri tiegħi huma dawk tal-Knisja, l-awguri insara!  Dawn tiegħu m’humiex awguri marbutin ma’ xi drawwa maġika u fatalistika ta’ ċiklu ġdid tal-ħajja li qed jibda.  Aħna nafu li l-istora għandha punt ċentrali: Ġesù Kristu, magħmul bniedem, li miet u li qam, li hu ħaj fostna. L-istorja wkoll għandha għan: is-Saltna ta’ Alla, saltna ta’ paċi, ta’ ġustizzja, ta’ ħelsien fl-imħabba. U l-istorja għandha wkoll qawwa li tmexxija lejn dan l-għan: il-qawwa hi l-Ispirtu s-Santu.  Aħna lkoll għandna l-Ispirtu s-Santu li rċevejna fil-Magħmudija, u Hu jimbuttana biex nimxu ‘l quddiem fit-triq tal-ħajja nisranija, fit-triq tal-istorja, lejn is-Saltna ta’ Alla.

Dan l-Ispirtu huwa dik il-qawwa li nisslet fil-ġuf tal-Verġni Marija, u hu l-istess qawwa li tmexxi l-proġetti u l-opri ta’ dawk kollha li jġibu l-paċi.  Fejn hemm raġel jew mara li jaħdmu għall-paċi, huwa l-Ispirtu s-Santu li jgħinhom, li jimbutthom biex iġibu l-paċi.  Illum żewġ triqat jiltaqgħu: il-festa tal-Imqaddsa Marija omm Alla, u l-Jum dinji tal-Paċi.  Tmint ijiem ilu instemgħet l-aħbar tal-anġli: “Glorja lil Alla  paċi lill-bnedmin”; illum nilqgħu l-istess aħbar mingħand omm Ġesù, li “kienet tgħożż b’qalbha dawn il-ħwejjeġ, u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2,19); nilqgħu din l-aħbar biex nimpenjaw irwieħna favurha matul din is-sena li qed tibda.

It-tema għal dan il-Jum dinji tal-Paċi hu “il-Fraternità: pedament u mogħdija għall-paċi”.  Il-Fraternità: bħal dawk ta’ qabli, l-ewwel fosthom il-Papa Pawlu VI, żviluppajt din it-tema f’messaġġ, li ġa ġie mxandar u li llum, formalment, qed ngħaddih lil kulħadd.  Fil-qiegħ ta’ dan il-ħsieb hemm il-konvinzjoni li aħna lkoll ulied il-Missier wieħed tas-sema, li lkoll nagħmlu parti mill-istess familja tal-bnedmin u li lkoll għandna l-istess destin.  Minn hawn jinbed id-dmir ta’ kull wieħed minna biex naħdmu sabiex id-dinja ssir komunità ta’ aħwa li jirrispettaw lil xulxin, li jaċċettaw lil xulxin bid-differenzi tagħhom u li jieħdu ħsieb xulxin.  Ninsabu wkoll imsejjħin biex nagħtu każ tal-vjolenza u tal-inġustizzja li jsiru f’ħafna partijiet tad-dinja u li ma jistgħux iħalluna indifferenti u weqfin: hemm bżonn l-impenn ta’ kull wieħed biex nibnu soċjetà aktar ġusta u li tieħu aktar ħsieb  Ilbieraħ irċevejt ittra mingħand raġel, fosi jinsab hawn fostkom, li kellimni fuq traġedja familjari, wara semmieli ħafna traġedji u gwerer oħra li jinsabu llum fid-dinja, u staqsieni: x’qed jiġri fil-qalb tal-bniedem biex jasal biex jagħmel dan kollu? U fl-aħħar qalli: “Issa rridu nieqfu”.  Anke jien naħseb li hemm bżonn nieqfu f’din it-triq ta’ vjolenza, u nfittxu l-paċi.  Ħuti, nagħmel tiegħi il-kliem ta’ dan ir-raġel: x’qed jiġri fil-qalb tal-bniedem? X’qed jiġri fil-qalb tal-ġens uman? Issa rridu nieqfu!

Minn kull rokna tad-dinja, illum l-insara kollha jgħolli talba lejn il-Mulej u jitolbuh id-don tal-paċi u l-kapaċità li jżommu l-paċi ħajja f’kull ambjent.  F’dan l-ewwel jum tas-sena, ħa jgħinna l-Mulej biex nimxu lkoll b’rieda akbar fil-mogħdijiet tal-ġustizzja u tal-paċi.  U ejjew nibdew fid-djar tagħna!  Ġustizzja u paċi fid-dar, fostna.  Nibdew fi djarna u mbagħad nimxu ‘l quddiem, lejn il-ġens kollu tal-bnedmin.  Imma hemm bżonn nibdew fi djarna.  Inħallu l-Ispirtu s-Santu jaħdem fi qlubna, iħoll l-għeluq u l-ebusija u jwassalna biex insiru aktar ħelwin quddiem id-dgħufija tal-Bambin Ġesù.  Il-paċi, infatti, teħtieġ il-qawwa tal-ħlewwa, il-qawwa mhux vjolenti tal-verità u tal-imħabba.

F’idejn Marija, Omm ir-Redentur, inpoġġu t-tama tagħna b’fiduċja ta’ wlied.  Lilha, li twassal il-maternità tagħha lill-bnedmin kollha, nafdaw l-għajta għall-paċi tal-popli mgħakksa mill-gwerer u mill-vjolenza, sabiex il-kuraġġ tad-djalogu u tar-rikonċiljazzjoni jsaltan fuq it-tentazzjonijiet għall-vendetta, is-suppervja u l-korruzzjoni.  Lilha nitolbuha biex il-Vanġelu tal-fraternità, imwassal u mixhud mill-Knisja, ikun jista’ jkellem lil kull kuxjenza u jwaqqa’ l-ħitan li qed iwaqqfu lill-għedewwa milli jingħarfu bħala aħwa.

 

Wara l-Anġelus il-Papa wassal dawn it-tislijiet:

Għeżież ħuti,

nixtieq inrodd ħajr lill-President tal-Repubblika Taljana għall-awguri li wassalli lbieraġ filgħaxija waqt il-Messaġġ tiegħu lill-Poplu Taljan.  Nirrċiproka dawn l-awguri minn qalbi, waqt li nsejjaħ il-barka tal-Mulej fuq il-poplu Taljan, sabiex, bis-sehem responsabbli ta’ kulħadd, ikun jista’ jħares ‘il quddiem bit-tama u l-fiduċja.

Insellem b’radd il-ħajr il-ħafna inizjattivi ta’ talb u impenn għall-paċi li qed isiru f’kull parti tad-dinja fl-okkażjoni tal-Jum dinji tal-Paċi.  Niftakar, b’mod partikulari, il-Mixja nazzjonali li saret ilbieraħ filgħaxija f’Campobasso, organizzata miċ-CEI, il-Caritas u l-Pax Christi.  Insellem lil dawk li qed jieħdu sehem fil-manifstazzjoni “Paci fl-artijiet kollha”, promoss f’Ruma u f’ħafna pajjiżi mill-Comunità di Sant’Egidio.  Insellem ukoll il-familji tal-Movimento dell’Amore Familiare, li għaddew dal-lejl fit-talb fi Piazza San Pietro. Grazzi! Grazzi għal dan it-talb!

Insellem kordjalment lill-pellegrini kollha li jinsabu hawn, lill-familji, lill-gruppi taż-żgħażagħ.  Ħsieb speċjali jmur għall-Kantanti tal-Istilla – Sternsinger – jiġifieri għat-tfal u ż-żgħażagħ li fil-Ġermanja u l-Awstrija jwasslu fid-djar il-barka ta’ Ġesù u jiġbru l-offerti għat-tfal li huma neqsin mill-aktar affarijiet bżonnjużi.  Grazzi tal-impenn tagħkom! U nsellem ukoll il-ħbieb u l-voluntiera tal-Fraterna Domus.

Nixtieq lil kulħadd sena ta’ paċi u ta’ grazzja tal-Mulej, u bil-ħarsien materna ta’ Marija, li llum insejjħula bl-isem ta’ “Omm Alla”. X’taħsbu jekk issa nsejjħulha lkoll “Imqaddsa Marija Omm Alla”? Ilkoll flimkien: Imqaddsa Marija Omm Alla! Imqaddsa Marija Omm Alla! Imqaddsa Marija Omm Alla! Nixtieqikom il-bidu t-tajjeb għal din is-sena u l-ikla t-tajba! Insellmilkom!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia