Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dawn il-Ħdud, l-Evanġelju, skont kif irrakkunat minn San Mark, jurina lil Ġesà jfejjaq morda ta’ kull xorta.  F’dal-qafas joqgħod tajjeb il-Jum Dinji tal-Morda li qed ikun iċċelebrat illum 11 ta’ Frar, fit-tifkira tal-Beata Verġni Marija ta’ Lourdes.  Għalhekk, bil-ħarsa ta’ qlubna fuq il-grotta ta’ Massabielle, nikkuntemplaw lil Ġesù bħala l-veru tabib tal-ġisem u tar-ruħ, li Alla l-Missier bagħtu fid-dinja biex ifejjaq l-umanità, miġrugħa bid-dnub u l-konsegwenzi tiegħu.

Il-paġna evanġelika tal-lum (cfr Mk 1,40-45) ittina l-fejqan ta’ raġel marid bil-lebbra, marda li fl-Antik Testment kienet meqjusa bħala impurità gravi u kienet tfisser li l-lebbruż jinfired minn mal-komunità: kienu jgħejxu maqtugħin għal rashom.  Din il-kundizzjoni kienet waħda ta’ qsim il-qalb għax il-mentalità ta’ dak iż-żmien kienet iġġiegħel lill-marid iħossu mhix pur quddiem Alla wkoll, mhux quddiem il-bnedmin biss.  Quddiem Alla wkoll.  Għalhekk, il-lebbruż tal-Evanġelju jitlob bil-ħniena lil Ġesù b’dan il-kliem “Jekk trid tista’ tfejjaqni!” (v. 40).

Malli jisma’ dal-kliem, Ġesù tiġih ħniena (cfr v. 41).  Importanti ħafna nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq dak li ħass jidwi fih Ġesù, kif konna għamilna matul il-Ġublew tal-Ħniena.  L-opra ta’ Ġesù ma tinftiehemx, ma nistgħux nifhmu lil Kristu nnifsu, jekk aħna ma nidħlux fil-qalb tiegħu mimlija kumpassjoni u ħniena.  Hu dan li jqanqlu biex imidd idu lejn dak ir-raġel marid bil-lebbra, imissu u jgħidlu: “irrid, tkun imfejjaq!” (v. 40).  L-aktar ħaġa li tħawwdek hi li Ġesù imiss lil-lebbruż, għax dan kien ipprojbit għal kollox skont il-liġi ta’ Mosè.  Li tmiss lebbruż kien ifisser li inti titniġġes ukoll minn ġewwa, fl-ispirtu, jiġifieri ssir impur.  Imma f’dal-każ it-tniġġiż m’għaddiex mingħand il-lebbruż lejn Ġesù, anzi, minn Ġesù ħarġet qawwa għal għand il-lebbruż biex isaffih.  F’dal-fejqan, aħna nammiraw mhux biss il-kumpassjoni, il-ħniena u wkoll l-ażżard ta’ Ġesù, li ma jħabbilx rasu la mit-tniġġiż u lanqas mir-regoli, imma l-fatt li hu kien mqanqal biss mir-rieda tiegħu li jeħles lil dak ir-raġel mis-saħta li kienet qed tgħakksu.

Ħuti, ebda marda ma ġġib l-impurità: żgur li l-mard jolqot lill-persuna sħiħa, imma bl-ebda mod ma tmiss jew tostakola ir-relazzjoni tagħha ma’ Alla.  Anzi, persuna marida tista’ tkun f’għaqda akbar ma’ Alla.  Iżda d-dnub, dak żgur li jagħmilna impuri!  L-egoiżmu, is-suppervja, li nindhesu mad-dinja tal-korruzzjoni, dan hu mard tal-qalb li jeħtieġ li nissaffew minnu, billi nduru lejn Ġesù bħalma għamel il-lebbruż: “Jekk trid, tista ssaffini!”.

U issa noqgħodu ftit fis-skiet, u kull wieħed u waħda minna – intom ilkoll, jien, kulħadd – jaħseb ftit f’qalbu u jħares fih innifsu biex jara liema huma l-impuritajiet tiegħu, dnubietu.  U kull wieħed u waħda minna, fis-skiet, imma bil-vuċi ta’ qalbu, jgħid lil Ġesù: “Jekk trid, tista ssaffini”.  Nagħmlu dan ilkoll fis-skiet.

“Jekk trid, tista ssaffini”.

“Jekk trid, tista ssaffini”.

U kull darba li nersqu lejn is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni b’qalbna niedma, il-Mulej itennielna: “Irrid, tkun imsaffi!”  Kemm hemm hena f’dan!  B’hekk il-ġdim tad-dnub jgħib, nerġgħu nibdew ngħejxu bil-ferh ir-relazzjoni filjali tagħna ma’ Alla u niddaħħlu mill-ġdid f’għaqda sħiħa mal-komunità.

Bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, Ommna Immakulata, nitolbu lill-Mulej, li ġab s-saħħa lill-morda, biex ifejjaq il-ġrieħi ġewwinija tagħna wkoll, bil-ħniena bla tarf tiegħu, ħalli jroddilna lura t-tama  u l-paċi tal-qalb.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Illum jiftħu r-reġistrazzjonijiet għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, li se jsir fil-Panama f’Jannar tal-2019.  Jien ukoll, fil-preżenza ta’ żewġ żgħażagħ, issa se nirreġistra permezz tal-internet (jagħfas il-buttuina fuq it-”tablet”).  Araw, inktibt bħala pellegrin għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.  Jeħtiġilna nħejju ruħna!  Nistieden liż-żgħażagħ kollha tad-dinja biex dan l-avveniment ta’ grazzja u fraternità jgħejxuh bil-fidi  kemm jekk imorru l-Panama u wkoll jekk jiċċelebrawh fil-komunitajiet tagħhom.

Fil-15 ta’ Frar, fil-Lvant Imbiegħed u fi nħawi oħra tad-dinja, miljuni ta’ rġiel u nisa se jiċċelebraw l-ewwel tas-sena tal-qamar.  Nibgħat tislima minn qiegħ qalbi lill-familji tagħhom kollha, bl-awgurju li jgħejxu b’solidarjetà dejjem aħjar bejnitehom, il-fraternità u x-xewqa tat-tajjeb, billi jagħtu sehemhom biex itnħoloq soċjetà li fiha kull persuna tkun milqugħa, imħarsa, immexxija ‘l quddiem u integrata.  Nistiedem it-talb għad-don tal-paċi, teżor prezzjuż li għandna nfittxuh bil-kumpassjoni, b’ħarsitna fit-tul u bil-kuraġġ.  Inħossni qrib u nbierek lil kulħadd.

Insellem lill-familji, lill-parroċċi, lill-assoċjazzjonijiet u lil kull min ġie hawn mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja: b’mod partikolari lill-pellegrini minn Murcia (Spanja) u lit-tfal minn  Guimarães, fil-Portugall.

Insellem lill-komunità mill-Kongo li tgħejx f’Ruma u ningħaqad mat-talb tagħhom għall-paċi fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo.  Infakkar li din se tkun waħda mill-intenzjonijiet fil-Jum ta’ Talb u Sawm li jien nidejt għat-23 ta’ Frar.

Illum hawn preżenti bosta parroċċi Taljani u bosta żgħażagħ li għadhom kif irċevew il-Konfermazzjoni, oħrajn li jistqarru l-fidi u oħrajn li jmorru l-katekiżmu.  Mhux possibbli nsemmi lil kull grupp, imma nirringrazzjakom ilkoll tal-preżenza tagħkom u ninkoraġġikom biex timxu ‘l quddiem bil-ferh, bil-ġenerożità u biex kull fejn tkunu tagħtu xhieda tat-tjubija u l-ħniena tal-Mulej.

Ħsieb partikolari jmur lejn il-morda, li f’kull rokna tad-dinja, minbarra n-nuqqas ta’ saħħa fiżika, spiss ibatu wkoll mis-solitudni u l-emarġinazzjoni.  Il-Verġni Mqaddsa, Saħħa tal-Morda, tgħin lil kull wieħed u waħda biex isibu s-sabar fil-ġisem u fir-ruħ, bis-saħħa ta’ assistenza tas-saħħa xierqa u l-karità fraterna li taf tagħti l-attenzjoni u tkun solidali.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber