Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum (cfr Mt 23,1-12) huwa ambjentat f’Ġerusalemm, fiż-żmien tal-aħħar jiem tal-ħajja ta’ Ġesù; f’jiem mimlijin stennija u tensjonijiet ukoll.  Min-naħa Ġesù jikkritika bl-aħrax lill-iskribi u l-fariżej, min-naħa l-oħra hu jagħmel twissija lill-Insara taż-żminijiet kollha, għalhekk lilna wkoll.

Huwa jgħid lill-folla: “Fuq il-katedra ta’ Mosè qagħadu l-iskribi u l-fariżej.  Agħmlu dak li jgħidulkom”.  Dan ifisser li huma għandhom l-awtorità li jgħallmu dak li jaqbel mal-Liġi t’Alla.  Madankollu, minnufih iżid: “ imma tagħmlux bħalhom, għax huma kliem biss għandhom u fatti xejn” (v. 2-3).  Ħuti, difetti li spiss ikollu min għandu l-awtorità, kemm awtorità ċivili u wkoll ekkelżjastika, hu li jitolbu affarijiet, anki ġusti, mill-oħrajn, imma li huma l-ewwel nies ma jwettqux fil-prattika.  Għandhom ħajja doppja.  Ġesù jgħid: “Huma jorbtu qatet kbar u tqal  u jgħabbuhom fuq spallejn l-oħrajn, waqt li huma stess anqas b’sebgħahom ma jridu jħarrkuhom” (v. 4).  Dan l-atteġġjamnet hu tħaddim ħażin tal-awtorità li, minflok, l-ewwel sforz tagħha għandu jkun li tkun hi li tagħti l-eżempju.  Ll-awtorità tinbet mill-eżempju tajjeb biex tgħin lill-oħrajn jagħmlu dak li hu ġust u dmir, issostniehom fid-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom huma u mexjin fit-triq tat-tajjeb.  L-awtorità hi għajnuna, imma jekk imħaddma ħażin, issir oppressiva, lill-presuni ma tħallihomx jikbru u toħloq klima ta’ sfiduċja u ostilità, twassal ukoll għall-korruzzjoni.

Ġesù jkkundanna bla tlaqliq xi mġibiet negattivi tal-iskribi u ta’ xi fariżej: “Iridu l-ewwel post fl-ikliet, il-bankijiet ta’ quddiem fis-sinagogi u ‘l min isellmilhom fil-pajzez” (v.6-7). Din hi tentazzjoni li tinbet mis-suppervja umana u li mhux dejjem faċli tegħlibha.  Hu l-atteġġjament ta’ min jgħix biss biex jidher.

Imbagħad lid-dixxipli tiegħu Ġesù jtihom l-amar: “tħallux min isejħilkom ‘rabbi’ għax wieħed hu l-Imgħallem tagħkom u intom ilkoll aħwa, (.....) Tħallux min isejħilkom ‘mexxejja’ għax wieħed hu l-mexxeja tagħkom, Kristu.  Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom” (vv 8-11).

Aħna d-dixxipli ta’ Ġesù m’għandniex infittxu l-unuri, l-awtorità jew is-supremazjia.  Jien ngħidilkom li personalment inikkitni ħafna meta nara persuni li psikoloġikamnet jgħixu jiġru wara l-vanità tal-onorifiċenzi.  Aħna d-dixxipli ta’ Ġesù m’għandniex nagħmlu dan għax bejnietna għandu jkun hemm dejjem atteġġjament sempliċi u ta’ fraternità.  Aħna lkoll aħwa u bl-ebda mod m’għandna nippruvaw nirkbu fuq dahar xulxin jew inħarsu lejn ħaddieħor minn fuq għal isfel.  Ilkoll kemm aħna aħwa.  Jekk il-Missier Ċelesti tana xi kwalitajiet, għandna nqegħeduhom għas-servizz ta’ ħutna u mhux napprofittaw ruħna minnhom għas-sodisfazzjon u l-interess personali.  M’għandniex inqisu ruħna superjuri għal ħaddieħor; il-modestja hi essenzjali biex l-eżistenza tkun taqbel mat-tagħlim ta’ Ġesù, li hu manswet u ta’ qalb umli u ġie fostna biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi.

Il-Verġni Marija, “umli u għolja aktar minn kull maħluq ieħor” (Dante, Paradiso, XXXIII, 2), bl-interċessjoni materna tagħha tgħinna biex naħarbu l-kburija tal-vanità, u biex inkunu umli u doċli għall-imħabba li tiġi minn Alla, għas-servizz ta’ ħutna u l-ferħ tagħhom, li jkun ukoll il-ferħ tagħna.

 

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

ilbieraħ fl-Indja, ġiet proklamata Beata, Regina Maria Vattalil, reliġjuża tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Klarissi Franġiskani, li nqatlet minħabba l-fidi Kristjana tagħha fl-1995.  Swor Vattalil tat xhieda ta’ Kristu bl-imħabba u l-manswetudni, u tingħaqad mal-qtajja kbira tal-martri ta’ żmienna.  Jalla s-sagrifiċċju tagħha jkun żerriegħa tal-fidi u tal-paċi, speċjalment fl-art Indjana. Kienet twajba ħafna.  Kienu jsejħulha “is-soru tat-tbissima”.

Insellmilkom ilkoll, Rumani u pellegrini, partikolarment dawk li ġew minn Gomel fil-Bjelorussja, lill-membri tal-Fundazzjoni taċ-Ċentru Akkademiku Ruman, minn Madrid, lill-fidili minn Valenzja, Murcia u Torente (Spanja), u lir-reliġjużi nisa “Ulied il-Providenza Divina” li qed jiċċelebraw il-175 sena mit-twaqqif tagħhom.

Insellem lill-kor taż-żgħażagħ “I Minipolifonici” minn Trento – wara kantaw ftit! - lill-korijiet minn Candiana, Maser u Bagnoli di Sopra; lill-parteċipanti tal-Festival tal-mużika u l-arti sagra, li ġejjin minn diversi pajjiżi; lill-fidili minn Altamura, Guidonia, Lodi u mill-parroċċa San Luqa f’Ruma.

Nawguralkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber