Qabel l-Angelus il-Qdusija Tiegħu sellem lir-rappreżentanti taż-żgħażagħ li ħadu sehem fil-Laqgħa pre-Sinodali.   Dawn talbuh jieħu ritratt “selfie” flimkien magħhom.

Rajtu, qal il-Papa, illum ma tistax tara żgħażugħ li ma jiħux ritratt “selfie”.... u hekk għamlu!  Kienu bravi!

Qabel ma ntemmu din iċ-ċelebrazzjoni, nixtieq insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini li ħadtu sehem, speċjalment liż-żgħażagħ li ġejjin minn diversi nħawi tad-dinja, anki lil dawk – madwar 15-il elf – li ħadu sehem b’kollegament virtwali: insellem lil kulħadd.  Jien u niftakar bi gratitudni fil-vjaġġ li għamilt m’ilux fil-Perù, insellem lill-komunità Peruvjana li hawn fl-Italja.

Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, li llum qed isir fuq livell djoċesan, huwa tappa importanti fil-mixja lejn is-Sinodu ta’ Ottubru, kif ukoll fil-mixja ta’ tħejjija għall-Jum Dinji Internazzjonali, li se jsir fil-Panama f’Jannar tal-2019. Matul dan l-itinerarju għandna jakkumpanjawna l-eżempju u l-interċessjoni ta’ Marija, iż-żgħażugħa ta’ Nażaret li Alla għażel bħala Omm ta’ Ibnu.  Hi timxi magħna u hi gwida tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda fil-pellegrinaġġ tagħhom ta’ fidi u fraternità.

Jalla Marija tgħinna lkoll biex ngħejxu tajjeb il-Ġimgħa Mqaddsa.  Mingħandha nitgħallmu s-skiet interjuri, il-ħarsa tal-qalb, il-fidi mimlija mħabba, biex nimxu wara Ġesù fit-triq tas-salib, li jwassal għad-dawl glorjuż tal-Qawmien mill-Mewt.

U qabel nirreċitaw l-Angelus nixtieq ngħid grazzi kbira lill-Kardinal Baldisseri, lil Mons. Fabene u lis-Segreterija kollha tas-Sinodu u lill-kollaboraturi kollha li għenu tant matul dil-ġimgħa: grazzi ħafna!

L-Anġlu t’Alla ħabbar lil Marija........

Barka]

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber