Eccellenzi, għeżież Ambaxxaturi, Sinjuri,

Nagħtikom merħba u nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom daqstant numeruża u attenta għal dan l-appuntament tradizzjonali li jippermettilna nawguraw li s-sena li għadha kif bdiet tkun żmien ta’ ferħ, prosperità u paċi.  Sentiment ta’ rikonoxxenza partikulari jmur lejn id-Dekan tal-Korp Diplomatiku, l-Eċċellenza Tiegħu is-Sur Armindo Fernandes do Espírito Santo Vieira, l-Ambaxxatur tal-Angola, għall-kliem ta’ stima li ndirizzali f’isem il-Korp Diplomatiku kollu akkreditat mas-Santa Sede, li dan l-aħħar kiber minħabba t-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatiċi mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja, li seħħ xahar ilu.  Nixtieq, bl-istes mod nesprimi gratitudni lejn il-ħafna Ambaxxaturi li huma residenti fil-Belt ta’ Ruma, li l-għadd tagħhom żdied matul is-sena li għaddieet, kif ukoll lejn l-Ambaxxaturi li mhumiex residenti, li bil-preżenza tagħhom illum għandhom l-għan li jseddqu s-sentimenti ta’ ħbiberija li jgħaqqdu l-popli tagħhom mas-Santa Sede.  Fl-istess waqt ukoll, minn qalbi nesprimi l-kondoljanzi partikolari tiegħi lill-Ambaxxatur tal-Malasja, filwaqt li niftakar fil-predeċessur tiegħu Dato’ Mohd Zulkephli Bin Mohd Noor, li miet fi Frar li għadda.

Matul is-sena li għaddiet ir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi tagħkom u s-Santa Sede kellhom iċ-ċans li jissaħħu minħabba l-għadd ta’ żjarat minn Kapijiet ta’ Stati u tal-Gvern, b’rabta ma ħafna appuntamenti li kkaratteriżżaw is-Sena tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena li ntemm ftit ilu.  Ġew iffirmati jew ratifikati diversi ftehim bilaterali, kemm ta’ natura ġenerali li bihom ingħata stat ġuridiku lill-Knisja, mar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, mar-Repubblika tal-Afrika tan-Nofs, mal-Benin u  ma’ Timor-Leste, kif ukoll ta’ natura speċifika bħalma hu L’Avenant iffirmat ma’ Franza jew il-Konvenzjoni dwar Materji Fiskali mar-Repubblika tal-Italja, li daħal fis-seħħ ftit ilu u li magħhom jiżdied il-Memorandum ta’ Ftehim bejn is-Segreterija tal-istat u l-Gvern tal-Istati Emirati Għarab Magħquda.  Minbarra dan, fil-perspettiva tal-impenn tas-Santa Sede li tonora l-obbligi li ħadet min dawn il-konvenzjonijiet, sena ilu daħal fis-seħħ il-Comprehensive Agreement mal-Istat tal-Palestina.

 

Għeżież Ambaxxaturi,

Seklu ilu, id-dinja kienet tinsab fil-qalba tal-ewwel gwerra dinjija.  Straġi inutli (1), li fiha teknika ġdida ta’ taqbid żergħet il-mewt u kkawżat tabtijiet enormi lill-popolazzjoni ċivili li ma kellha ebda difiża.  Fl-1917, il-metodu tal-kunflitt inbidel radikalment u ħa bixra dejjem aktar dinjija meta bdew jitfaċċaw fuq ix-xefaq reġimi totalitarji li għal żmien twil kellhom ikunu r-raġuni ta’ firdiet li weġġgħu ħafna.  Mitt sena wara, bosta nħawi tad-dinja jistgħu jgħidu li għamlu kisbiet bis-saħħa ta’ perjodi twal ta’ paċi, li taw lok għall-opportunitajiet ta’ żvilupp ekonomiku u forom ta’ kumdità li qatt ma kien hawn bħalhom.  Jekk għal ħafna llum b’xi mod il-paċi tidher xi ħaġa “for granted” kważi dritt miksub li m’hemmx għalfejn nagħtu wisq aktar kas tiegħu, għal wisq nies dan għadu biss miraġġ imbiegħed.  Miljuni ta’ persuni jgħixu mdawwrin minn kunflitti bla sens.  Anki f’postijiet li żmien ilu kienu jitqiesu “ta’ serħan ir-ras”, illum jinħass sens ta’ biża’ ġenerali.  Ta’ spiss aħna nsibu ruħna bla ħila quddiem il-mewt, in-niket tal-innoċenti li jokorbu għall-għajnuna u l-faraġ, il-luttu ta’ min jibki persuna għażiża għalih minħabba l-vjolenza u l-mibgħeda, ibda mid-dramm tar-rifuġjati li jaħarbu mill-gwerrer jew tal-migranti li jitilfu ħajjithom traġikament.

Għalhekk nixtieq niddedika din il-laqgħa tal-lum għas-suġġett tas-sigurtà u l-paċi, għax fil-klima ta’ nkwiet ġenerali għall-preżent u l-inċertezza u diqa ta’ qalb għall-futur, li ninsabu mgħarrqin fihom, inħoss li hu importanti ngħid kelma ta’ tama li fiha tiġbor ukoll prospettiva ta’ mixja.

Propju ftit tal-jiem ilu għadna kif iċċelebrajna l-Ħamsin Jum Dinji tal-Paċi, imwaqqaf mill-predeċessur tiegħi, il-Beatu Pawlu VI «bħala awgurju u wegħda – fil-bidu tal-kalendarju li jkejjel u jiddeskrivi l-mixja tal-ħajja umana fiż-żmien – li tkun il-Paċi, bl-ekwilibriju ġust u benefiku tagħha li tiddomina t-tiswir tal-istorja tal-futur» (2).  Għall-Insara, il-paċi hi don tal-Mulej, imħabbra u kantata mill-anġli fil-waqt tat-twelid ta’ Kristu: «Glorja lil Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin li Hu jħobb» (Luqa 2,14).  Hi riżorsa pożittiva, «il-frott tal-ordni stampat fis-soċjetà umana» (3) minn Alla u mhux «sempliċiment l-assenza tal-gwerra» (4).  Ma nistgħux nirriduċuha biss għal ekwilibriju stabbli bejn il-qawwiet avversarji» (5), imma pjuttost hi teħtieġ l-impenn ta’ dawk il-persuni ta’ rieda tajba li «jixxenqu b’ħerqa kbira għal ġustizzja dejjem aktar perfetta» (6).

F’dil-perspettiva nesprimi l-konvizjoni sħiħa tiegħi li kull espressjojni reliġjuża hi msejħa biex tippromwovi l-paċi.  Dan stajt inħossu b’mod ta’ tifsir kbir matul il-Jum Dinji ta’ Talb għall-Paċi li sar f’Assisi f’Settembru li għadda, li fih ir-rappreżentanti tar-reliġjonijiet differenti ltaqgħu biex flimkien «jagħtu leħen lil  min qed ibati, lil min m’għandux leħen jew mhux mismugħ» (7), kif ukoll waqt iż-żjara li għamilt fit-Tempju Maġġuri ta’ Ruma jew fil-Moskeja ta’ Baku.

Nafu li qatt ma naqset il-vjolenza motivata mir-reliġjon, ibda propju mill-Ewropa fejn il-firdiet storiċi bejn l-Insara ġġebbdu għal wisq tul ta’ żmien.  Fil-vjaġġ li għamilt m’ilux fl-Isvezja fhimt li hemm ħtieġa urġenti biex jitfejjqu l-feriti tal-passat u biex nimxu flimkien lejn għanijiet komuni.  Fil-bażi ta’ dil-mixja ma jistax ma jkunx hemm djalogu awtentiku bejn il-konfessjonijiet reliġjużi differenti.  Hu djalogu possibbli u meħtieġ, kif ippruvajt nagħti xhieda bil-laqgħa li kelli f’Kuba mal-Patrijarka Ċirillu ta’ Moska, kif ukoll matul il-vjaġġi appostoliċi fl-Armenja, fil-Ġorġja u fl-Ażerbajġan, fejn ħassejt li hemm aspirazzjoni ġusta fost il-popolazzjonijiet biex jintemmu l-kunflitti li ilhom snin jippreġudikaw l-armonija u l-paċi.

Fl-istess waqt jaqbel li ma ninsewx il-bosta ħidmiet ispirati mir-reliġjonijiet, li kultant anki bis-sagrifiċċju tal-martri, jikkoperaw biex jinbena l-ġid komuni permezz tal-edukazzjoni u l-assistenza, l-aktar fir-reġjuni l-aktar foqra jew fejn hemm il-kunflitti.  Dawn il-ħidmiet huma kontribut għall-paċi u jagħtu xhieda konkreta dwar kif nistgħu ngħixu u naħdmu flimkien minkejja li niffurmaw parti minn popli, kulturi  u tradizzjonijiet differenti, kull darba li fiċ-ċentru tal-attivitajiet tagħna aħna nqiegħdu d-dinjità tal-persuna umana.

Sfortunatament aħna nafu kif sal-lum, minflok tiftaħ lejn l-oħrajn, l-esperjenza reliġjuża kultant tkun użata bħala pretest ta’ għeluq, emarġinazzjoni u vjolenza.  Qed nirreferi partikolarment għat-terroriżmu ta’ oriġini fundamentalista, li anki matul i-sena li għaddiet ħasad tant vittmi madwar id-dinja kollha: fl-Afganistan, fil-Bangladesh, fil-Belġju, fil-Burkina Faso, fl-Eġittu, fi Franza, fil-Ġermanja, fil-Ġordanja, fl-Iraq, fin-Niġerja, fil-Pakistan, fl-Istati Uniti tal-Amerika, fit-Tunisija u fit-Turkija.  Huma ġesti vili li jużaw lit-tfal biex joqtlu bħalma ġara fin-Niġerja: jimmiraw lil min ikun qed jitlob bħalma ġara fil-katidral Koptu tal-Kajr, lil min ikun jivvjaġġa lejn ix-xogħol, bħalma ġara fi Brussell, lil min ikun qed jippassiġġa fit-toroq tal-belt, bħal f’Nizza u Berlin, jew sempliċiment min ikun qed jiffesteġġja l-wasla tas-sena l-ġdida bħalma ġara f’Istanbul.

 

Hu ġenn omiċida li jabbuża mill-isem t’Alla biex jiżra’ l-mewt, f’attentat biex jafferma r-rieda ta’ dominju u poter.  Għalhekk nappella lill-awtoritajiet reliġjużi kollha biex jingħaqdu ħalli bil-qawwa jtennu li qatt ma tista’ toqtol f’isem Alla.  It-terroriżmu fundamentalista hu frott ta’ faqar spiritwali kbir, li spiss hemm marbut miegħu faqar soċjali notevoli.  Dan jista’ jkun megħlub għal kollox bil-kontribut komuni tal-mexxejja reliġjużi u dawk politiċi biss.   Tal-ewwel huma fid-dmir li jittrasmettu valuri reliġjużi li ma jaċċettawx kontrapożizzjoni bejn l-imħabba t’Alla u l-imħabba tal-proxxmu.  Tat-tieni huma fid-dmir li fl-isfera pubblika jiggarantixxu l-libertà reliġjuża billi jagħtu għarfien lill-kontribut pożittiv u kostruttiv li din tagħti fil-bini tas-soċjetà ċivili fejn l-appartenenza soċjali, ġustifikata mill-prinċipju taċ-ċittadinanza, u d-dimensjoni spiritwali tal-ħajja, qatt ma jkunu meqjusa bħal kontradittorji għal xulxin.  Minbarra dan, hu dmir ta’ min jiggverna li jkun responsabbli biex jevita li jinħolqu l-kundizzjonijiet li jagħmlu l-art fertili biex joktru l-fundamentaliżmi.  Dan jitlob li jkun hemm politika soċjali addattata li timmira li tiġġieled il-faqar, u li ma tistax tinjora li tagħti valur sinċier lill-familja bħala mkien privileġġajt fejn isseħħ il-maturazzjoni umana, minbarra li tagħmel investimenti importanti ħafna fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-kultura.

Rigward dan, nilqa’ b’interess l-inizjattiva tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-dimensjoni reliġjuża fid-djalogu kulturali, li s-sena li għaddiet kellha bħala tema ir-rwol tal-edukazzjoni fil-prevenzjoni tar-radikaliżżazjoni li twassal għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti.  Din hi opportunità biex wieħed jidħol aktar fil-fond tal-kontribut li jagħtu l-fenomenu reliġjuż u r-rwol tal-edukazzjoni lejn il-paċifikazzjoni awtentika tan-nisġa soċjali, meħtieġa biex f’soċjetà multikulturali sseħħ il-konvivenza.

F’das-sens, nixtieq nesprimi l-konvinzjoni tiegħi li kull awtorità politika qatt m’għandha tillimta ruħha biss biex tiggarantixxi s-sigurtà taċ-ċittadini tagħha – kunċett li faċilment jista’ jitqies bħala sempliċi “ħajja kalma” – imma hi msejħa ukoll biex tkun il-veru promotriċi u operatriċi tal-paċi.  Il-paċi hi virtù attiva li titlob l-impenn u l-kollaborazzjoni ta’ kull persuna individwali u tas-soċjetà kollha kemm hi, f’nisġa waħda.

Kif osserva l-Konċilju Vatikan II, «il-paċi qatt m’hi xi ħaġa li tintlaħaq darba għal dejjem, imma binja li trid tibqa’ tinbena ‘l ħin kollu» (8), billi tħares il-ġid tal-persuni bir-rispett lejn id-dinjità tagħhom.  Il-bini tas-soċjetà jeħtieġ l-ewwel u qabel kollox iċ-ċaħda tal-vjolenza kull darba li xi ħadd ikun irid jesiġi d-drittijiet tiegħu (9).  Il-Messaġġ għall-Jum Diinji tal-Paċi 2017, li jġib it-titlu In-non-vjolenza: stil ta’ politika għall-paċi ridt niddedikah propju għal dan il-prinċipju, biex infakkar propju li n-non vjolenza għandha tkun stil politiku ibbażat fuq il-primat tad-dritt u tad-dinjità ta’ kull persuna.

Il-bini tal-paċi jesiġi wkoll li «jkunu eliminati l-kawżi tal-ġlied li jistigaw il-gwerrer» (10), ibda mill-inġustizzji.  Infatti hemm rabta sfiqa bejn il-ġustizzja u l-paċi (11).  «Imma – kien josserva San Ġwanni Pawlu II – peress li l-ġustizzja umana hi dejjem fraġli u imperfetta, esposta għal-limitazzjonijiet u l-egoiżmi personali u tal-grupp, din għandha tkun imħaddma, u f’ċertu sens integrata bil-maħfra li tfejjaq il-feriti u ssewwi fil-fond ir-relazzjonijiet umani li jkunu tħarbtu».  Il-maħfra, bl-ebda mod m’hi kontrapożizzjoni għall-ġustizzja, pjuttost timmira lejn il-ġustizzja sħiħa li tressaq lejn l-ordni trankwill, li hi l-fejqan profond tal-feriti jnixxu li jinsabu fil-qlub.  Biex dan il-fejqan iseħħ, kemm il-ġustizzja kif ukoll il-maħfra huma essenzjali (12).  Dawn il-kelmiet, illum attwali aktar minn qatt qabel, sabu l-favur ta’ xi kapijiet ta’ Stati u tal-Gvernijiet li laqgħu l-istedina tiegħi biex jagħmlu ġest ta’ ħniena mal-ħabsin.  Lilhom u lil kull min jistinka biex joħloq kundizzjonijiet ta’ ħajja dinjitużi lill-ħabsin u jaħdem favur li dawn jerġgħu jsibu posthom lura fis-soċjetà, nixtieq nesprimi rikonoxxenza u gratitudni.

Jien konvint li għal ħafna, il-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena, kienet okkażjoni partikolarment propizja biex jiskopru wkoll «kemm hi kbira u pożitiva l-influwena tal-ħniena bħala valur soċjali» (13).  Kull individwu, għalhekk ikun jista jagħti sehemu biex titwieled «kultura tal-ħniena, mibnija fuq is-sejba mill-ġdid tal-laqgħa mal-oħrajn: kultura li fiha ħadd ma jħares lejn l-ieħor bl-indifferenza u lanqas ma jdawwar wiċċu meta jara t-tbatijiet ta’ ħuh» (14).  B’hekk biss nistgħu nibnu soċjetajiet miftuħin u akkoljenti għall-barrani u, fl-istess waqt, siguri u fil-paċi magħhom infushom.  Dan hu meħtieġ ħafna fiż-żmien t’issa li fih, f’diversi nħawi tad-dinja għadhom għaddejjin bla heda mwieġ kbar ta’ rifuġjati.  Qed naħseb b’mod partikulari fl-għadd kbir ta’ nies turufnati u rifuġjati f’xi żoni tal-Afrika, fix-xlokk tal-Asja u kull min jaħrab miż-żoni ta’ kunflitt fil-Lvant Nofsani.

Is-sena li għaddiet il-komunità internazzjonali ltaqgħet għal diskussjoni f’żewġ appuntamenti importanti mlaqqgħin mill-Ġnus Magħquda: l-ewwel Is-Summit Umanitarju Dinji u s-Summit dwar il-Moviment Enormi tar-Rifuġjati u l-Migranti.  Meħtieġ impenn komuni mal-migranti, itturufnati u rifuġjati li bih dawn in-nies jingħataw laqgħa dinjituża.  Dan jimplika li jkun hemm rabta sħiħa bejn id-dritt «ta’ kull persuna umana (...) li jemigra lejn komunitajiet politiċi u jistabbilixxi ruħu fihom» (15), u fl-istess ħin tingħata garanzija li l-migranti jkollhom il-possibiltà li jintegraw ruħhom fin-nisġa soċjali li jidħlu fiha, mingħajr ma’ din tħoss is-sigurtà tagħha, l-identità kulturali tagħha u l-ekwilibriji politiko-soċjali tagħha mhedda. Min-naħa l-oħra, l-imigranti nfushom m’għandhomx jinsew li huma fid-dmir li jirrispettaw il-liġijiet, il-kultura u t-tradizzjonijiet tal-pajjiż li jkun jilqagħhom.

Trattament prudenti min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi m’għandux ikun li titħaddem politika ta’ għeluq lejn il-migranti, imma jimplika li wieħed jevalwa bil-għaqal u b’ħarsa fit-tul sa liema punt pajjiżu, mingħajr ma jagħmel ħsara lil-ġid komuni taċ-ċittadini, jkun jista’ joffri ħajja dekoruża lill-migranti, speċjalemnt lil dawk li jkollhom ħtieġa effettiva tal-protezzjoni.  Fuq kollox il-kriżi drammatika attwali ma nistgħux nirriduċuha f’sempliċi għadd ta’ numri.  Il-migranti huma persuni b’isem, storja, familji u qatt ma jista’ jkun hemm paċi vera sakemm jibqa’ jeżisti mqar bniedem wieħed li jsofri l-vjolazzjoni tal-identità personali u jkun meqjus biss bħala ċifra statistika jew oġġett ta’ interess ekonomiku.

Il-problema tal-migrazzjoni hi kwistjoni li ma tistax tħalli lil xi pajjiżi indifferenti filwaqt li oħrajn iġorru t-toqol tas-sapport umanitarju, li mhux rari jgħabbihom b’piżijiet konsiderevoli u inkonvenjenzi gravi biex jaffrontaw emerġenza li donnha m’għandhiex tmiem.  Kulħadd għandu jħossu bennej u kontributur lejn il-ġid komuni internazzjonali permezz ta’ dawn il-ġesti konkreti ta’ umanità wkoll, ġesti li huma fatturi essenzjali ta’ dik il-paċi u ta’ dak l-iżvilupp li nazzjonijeit sħaħ u miljuni ta’ persuni, għadhom qed jistennew.  Għalhekk jien grat lejn tant pajjiżi li jilqgħu bil-ġenerożità lil min hu fil-bżonn, ibda minn diversi stati Ewropej, speċjalment l-Italja, il-Ġermanja, il-Greċja u l-Isvezja.

Jibqa’ dejjem ittimbrat f’moħħi l-vjaġġ li għamilt fil-gżira ta’ Lesvos, flimkien ma’ ħuti l-Patrijarka Bartilmew I u l-Arċisqof Ieronymos, fejn rajt u missejt b’idejja s-sitwazzjoni drammatika tal-kampijiet tar-rifuġjati, imma wkoll l-umanità u l-ispirtu ta’ servizz ta’ tant persuni impenjati biex jassistuhom.  Ma nistgħux ninsew l-akkoljenza mogħtija minn pajjiżi Ewropej oħra u tal-Lvant Nofsani bħalma huma l-Libanu, il-Ġordanja,  it-Turkija, kif ukoll l-impenn ta’ diversi pajjiżi tal-Afrika u tal-Asja.  Anki matul il-vjaġġ tiegħi fil-Messiku, fejn stajt inħoss il-ferħ tal-poplu Messikan, ħassejtni qrib tal-eluf ta’ migranti mill-Amerika ċentrali, li jsofru inġustizzji terribbli u perikli, fit-tentattiv tagħhom li jsibu futur aħjar, vittmi ta’ estorsjoni jew suġġetti għal dak il-kummerċ deplorabbli – għamla orribbli ta’ skjavitù moderna – li hi t-traffikar tal-persuni.

Għadu tal-paċi hi wkoll “il-viżjoni ridotta” tal-bniedem li jkun sehem mill-firxa ta’ dil-ħżunija, tad-diżugwaljanzi soċjali, tal-korruzzjoni.  Propju fil-konfront ta’ dal-fenomenu tal-aħħar, is-Santa Sede daħlet għal impenji ġodda, meta fid-19 ta’ Settembru li għadda iddepożitat formalment l-istrument tal-adeżjoni mal-Konvenzjooni tal-Ġnus Magħquda kontra l-Korruzzjoni, li l-Assembela Ġenerali tal-Ġnus Magħquda addottat nhar il-31 ta’ Ottubru, 2003.

Fl-Enċiklika tiegħu Populorum progressio, li dis-sena jaħbat il-ħamsinn anniversarju tagħha, il-Beatu Pawlu VI kienn fakkar li dawn id-diżugwaljanzi jipprovokaw il-ġlied.  «Il-mixja tal-paċi tgħaddi mill-iżvilupp» (16) li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom l-inkarigu li jinkoraġġuh u jiffavoruh billi joħolqu l-kundizzjonijiet xierqa ħalli r-riżorsi jitqassmu b’mod imparzjali u billi jistimolaw l-opportunitajiet tax-xogħol fuq kollox għaż-żgħażagħ.  Fid-dinja għad hawn wisq persuni, speċjalment tfal, li jsofru minn faqar endemiku u jgħixu f’kundizzjonijeit ta’ insikurezza fl-ikel – anzi l-ġuħ -  waqt li r-riżorsi naturali jsiru oġġett ta’ sfruttament tal-kilba tal-ftit u kwantitajiet enormi ta’ ikel jinħlew kuljum.

It-tfal u ż-żgħażagħ huma l-futur, huma dawk li aħna qed naħdmu u nibnu għaihom.  Ma nistgħux egoistikament nittraskurawhom u ninsewhom.  Għal dir-raġuni, kif fakkart reċentement f’ittra mibgħuta lill-isqfijiet kollha, jien inqis bħala prijorità d-difiża tat-tfal, li l-innoċenza tagħhom spiss hi mkissra taħt it-toqol tal-isfruttament, tax-xogħol klandestin u skjavitù, tal-prostituzzjoni u tal-abbużi mill-adulti, mill-briganti u n-negozjanti tal-mewt. (17).

Waqt il-vjaġġ tiegħi fil-Polonja fl-okkażjoni tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, kelli okkażjoni niltaqa’ ma’ eluf ta’ żgħażagħ, mimlijin entużjażmu u ferħ tal-ħajja.  F’ħafna oħrajn però, rajt l-uġigħ u t-tbatija.  Qed naħseb fil-ġuvintur u tfajliet żgħażagħ li jbatu l-konsegwenzi tal-kunflitt atroċi fis-Sirja, miċħudin mill-ferħ tat-tfulija u taż-żgħożija: mill-possibiltà li jilgħabu bla xkiel, sal-opportunità li jmorru l-iskola.  Il-ħsieb ma jaqta’ xejn tiegħi hu għalihom u għall-għażiż poplu Sirjan kollu, filwaqt li nagħmel appell lill-komunità internazzjonali biex timpenja ruħha biż-żelu ħalli jinbdew negozjati serji li jġibu fi tmiemu darba għal dejjem dal-kunflitt li qed jikkawża disastru umanitarju veru u propju.  Kull naħa mdaħħla fil-kwistjoni għandha tqis bħala prijorità r-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali u tiggarantixxi l-protezzjoni ċivili u l-għajnuna umanitarja meħtieġa lill-popolazzjoni.  Ix-xewqa komuni hi li l-waqfien mill-ġlied li kien iffirmat reċentement ikun sinjal ta’ tama għall-poplu Sirjan kollu, għax għandu bżonnu profondament.

Dan jesiġi li jkun hemm impenn sħiħ biex ikun miġġieled il-kummerċ deplorabbli tal-armi u l-ġirja bla waqfien biex ikunu prodotti u mxerrdin armamenti li qed ikunu dejjem aktar sofistikati.  Huma ta’ tħassib kbir l-esperimenti li seħħew fil-peniżola Koreana, li jiddestabiliżżaw ir-reġjun kollu u jqegħedu quddiem il-komunità internazzjonali kollha kemm hi, mistoqsijiet inkwetanti dwar ġirja ġdida lejn l-armamenti nukleari.  Kliem San Ġwanni Pawlu II fil-Pacem in Terris,  jibqa’ attwali ħafna meta jafferma li «l-għaqal u l-umanità jitobu li tieqaf il-ġirja għall-armamenti, simultanjament u reċiprokament jitnaqqsu l-armamenti li diġà jeżistu; u jkunu projbiti l-armi nukleari» (18).  F’dil-perspettiva, anki fid-dawl tal-Konferenza dwar id-Diżarm li se ssir dalwaqt, is-Santa Sede timpenja ruħha biex tippromwovi etika ta’ paċi u ta’ sigurtà li tmur ‘l hinn mill-biża’ u l-“għeluq”, li jikkundizzjona d-dibattitu dwar l-armi nuklejari.

Fejn jidħlu l-armamenti konvenzjonali wkoll, hemm bżonn nirrilevaw li l-faċilità li biha ta’ spiss hemm aċċess għas-suq tal-armi, anki ta’ kalibru żgħir, minbarra li jgħarraq is-sitwazzjoni fid-diversi żoni tal-kunflitt, jikkawża sentiment ta’ insikurezza u biża’ mifruxin, u hu perikoluż aktar ma joktru żminijiet ta’ inċertezza soċjali u tibdil epokali bħalma qed nassistu għalihom bħalissa.

Għadu tal-paċi hi l-ideoloġija li tirkeb fuq il-faqar soċjali biex tinċita disprezz u mibgħeda u li tħares lejn l-ieħor bħala għadu li għandu jkun meqrud.  Sfortunatament qed jitfaċċaw fuq ix-xefaq tal-umanità forom ġodda ta’ ideoloġiji ‘l ħin kollu.  Taħt il-maskra li jġibu l-ġid fost il-poplu, iħallu warajhom, minflok,  faqar, firdiet, tensjonijiet soċjali, tbatija u, mhux kultant, anki mewt.  Iżda l-paċi tinkiseb bis-solidarjetà.  Minnha tinbet ir-rieda għad-djalogu u l-kollaborazzjoni li għaliha d-diplomazija hi strument fundamentali.  Fil-perspettiva tal-ħniena u tas-solidarjetà jidħol l-impenn konvint tas-Santa Sede u tal-Knisja Kattolika biex tevita l-kunflitti jew biex takkumpanja proċeduri ta’ paċi, ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ tiftix għal soluzzjonijiet negozjati.  Jagħmillek il-qalb tinnota li xi tentattivi jiltaqgħu mar-rieda tajba ta’ tant persuni li, minn diversi nħawi, jimpenjaw ruħhom attivament u fattivament għall-paċi.  Qed naħseb fl-isforzi li saru matul dawn l-aħħar sentejn biex jitqarrbu lejn xuilxin Kuba u l-Istati Uniti tal-Amerika.  Qed naħseb ukoll fl-isforz perseveranti, minkejja ħafna diffikultajiet, biex jintemmu snin ta’ kunflitt fil-Kolombja.

Dan it-trattament għandu l-għan li jiffavorixxi l-fiduċja reċiproka, isostni l-mixjiet tad-djalogu u jisħaq dwar il-ħtieġa ta’ ġesti kuraġġużi, li huma urġenti daqs qatt qabel, anki fil-Venezwela, fejn il-konsegwenzi tal-kriżi politika, soċjali u ekonomika, ilhom żmien jgħafsu fuq il-popolazzjoni ċivili; jew fi nħawi oħra tal-globu, ibda mil-Lvant Nofsani, mhux biss biex jinġieb fi tmiemu l-kunflitt fis-Sirja, imma wkoll biex ikun ta’ fejda sħiħa favur soċjetà rikonċiljata għal kollox fl-Iraq u fil-Yemen.  Is-Santa Sede ġġedded l-appell insistenti tagħha biex jerġa’ jinbeda d-djalogu bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, ħalli jaslu għal soluzzjoni stabbli u dejjiema li tiggarantixxi koeżistenza paċifika taż-żewġ Stati b’konfini b’għarfien internazzjonali.  Ebda kunflitt m’għandu jsir drawwa li minnha donnu jidher li qatt ma nistgħu ninfirdu.  L-Iżraeljani u l-Palestinjani għandhom bżonn il-paċi.  Il-Lvant Nofsani kollu għandu ħtieġa urġenti tal-paċi.

Bl-istess mod, nawgura li jidħol fis-seħħ il-ftehim biex titreġġa’ lura l-paċi fil-Libja, fejn hu urġenti ħafna li l-partijiet mifrudin għal dawn l-aħħar snin, jerġgħu jingħaqdu.  Bl-istess mod ninkoraġġixxi kull sforz fuq livell lokali u internazzjonali biex tkun restawrata mill-ġdid il-konvivenza ċivili fis-Sudan, fis-Sudan tan-Nofsinhar u fir-Repubblika Ċentrali tal-Afrika, li huma tturmentati minn taqbid bl-armi ma jaqta’ xejn, massakri u qerda, kif ukoll f’Nazzjonijiet oħra tal-kontinent immarkati minn tensjonijiet u instabbiltà politika u soċjali.  Nesprimi tama partikolari li l-ftehim reċenti li ġie ffirmat fir-Repubblika Demokratika tal-Congo, ikun kontribut biex min għandu r-responsabbiltà politika jimpenja ruħu biż-żelu kollu biex jiffavorixxi r-rikonċiljazzjoni u d-djalogu bejn il-partijiet kollha tas-soċjetà ċivili.  Ħsiebi jmur ukoll fil-Myanmar sabiex fih isseħħ koeżistenza paċifika, u, bl-għajnuna tal-komunità internazzjonali, ma tonqosx l-għajnuna lil mingħandu ħtieġa urġenti u gravi tagħha.

--------------------------------------------------------------------------------------------------------------

Fl-Ewropa wkoll, fejn it-tensjonijiet mhumiex nieqsa, id-disponibbiltà għad-djalogu hi t-triq waħdanija biex tiggarantixxi s-sigurtà u l-iżvilupp tal-kontinent.  Għalhekk nilqa’ favorevolment l-inizjattivi mmirati biex jiffavorixxu l-proċess ta’ riunifikazzjoni f’Ċipru – propju llum jerġgħu jibdew in-negozjati - filwaqt li nawgura li fl-Ukrajna jkompli b’rieda tal-azzar, it-tiftix ta’ soluzzjonijiet possibbli biex jinġiebu fis-seħħ l-impejni li ħadu l-partijiet, u fuq kollox, tingħata tweġiba minnufih għas-sitwazzjoni umanitarja, li sal-lum għadha gravi.

L-Ewropa kollha għaddejja minn mument deċisiv tal-istorja tagħha, li fih hi msejħa biex issib mill-ġdid l-identità vera tagħha.  Dan ifisser li tiskopri mill-ġdid l-għeruq tagħha biex tkun tista’ tfassal il-futur tagħha.  Quddiem dak kollu li qed jimbotta lejn id-disgregazzjoni, huwa urġenti li l-“idea Ewropa” tkun aġġornata biex jitnissel umaneżmu ġdid mibni fuq il-ħila li jintegra, jiddjaloga u jiġġenera (19), (prinċipji) li għamlu kbir dan li nsejħulu “Il-Kontinet il-Qadim” (il Vecchio Continente).  Il-proċess tal-unifikazzjoni tal-Ewropa, mibdi wara t-tieni gwerra dinjija, kien u għadu okkażjoni unika ta’ stabbiltà, ta’ paċi u solidarjetà bejn il-popli.  Mill-post fejn ninsab ma nistax ma naffermax mill-ġdid l-interess u l-preokkupazzjoni tas-Santa Sede għall-Ewropa u l-futur tagħha, bl-għarfien li l-valuri li fuqu dal-proġett, li dis-sena jagħlaq sittin sena, jaf il-bidu tiegħu u fuqu mwaqqaf, huma l-istess għall-kontinent kollu u jaslu ‘l hinn mill-istess konfini tal-Unjoni Ewropea.

Eccellenzi Sinjuri,

Il-bini tal-paċi jfisser ukoll li naħdmu attivament biex inħarsu l-ħolqien.  Il-ftehim dwar il-klima ta’ Pariġi, li daħal fis-seħħ m’ilux, hu sinjal importanti tal-impenn komuni biex, lil min ġej warajna nħallulu dinja sabiħa li tista’ tgħix fiha.  Nawgura mill-qalbi li l-isforz mibdi fi żminijiet reċenti biex ikun affrontat it-tibdil fil-klima jsib dejjem aktar il-koperazzjoni ta’ kulħadd, għax l-Art hi d-dar komuni tagħna u jeħtieġ nifhmu li l-għażliet ta’ kull wieħed u waħda minna jkollhom effett fuq i-ħajja ta’ kulħadd.

Madankollu huwa evidenti wkoll li jeżistu fenomeni li jisbqu l-possibiltà tal-azzjoni umana.  Qed nirreferi għal bosta terremoti li laqtu xi reġjuni tad-dinja.  Naħseb qabel kollox f’dawk li seħħew fl-Ekwador, fl-Italja u fl-Indoneżja, li ħallew għadd kbir ta’ vittmi u fejn sa issa, bosta persuni għadhom jgħixu f’kundizzjonijiet prekarji ħafna.  Żort personalment xi żoni tat-terremot fiċ-ċentru tal-Italja, fejn, filwaqt li rajt b’għajnejja l-feriti li ħalla t-terremot f’art għanja bl-arti u l-kultura, stajt naqsam in-niket ma’ tant persuni, flimkien mal-kuraġġ u d-determinazzjoni li jerġgħu jibnu dak li tfarrak.  Nawgura li s-solidarjetà li għaqqdet lill-għażiż poplu Taljan fis-siegħat ta’ wara t-terremot, tkompli tkebbes lin-nazzjon kollu, speċjalment f’dal-mument delikat tal-istorja tiegħu.  Is-Santa Sede u l-Italja huma magħqudin b’mod partikolari minħabba raġunijiet storiċi, kulturali u ġjografiċi. Din ir-rabta dehret b’mod evidenti matul is-sena tal-Ġublew u rrodd ħajr lill-awtoritajiet Taljani kollha għall-għajnuna mogħtija fl-organiżżazzjoni ta’ dan l-avveniment, anki biex jiggarantixxu s-sigurtà tal-pellegrini li ġew minn kull naħa tad-dinja.

 

Għeżież Ambaxxaturi,

Il-paċi hija rigal, sfida u impenn.  Rigal għax tgelgel mill-istess qalb ta’ Alla; sfida għax hi għana li qatt ma nistgħu neħduha “for granted” u trid tibqa’ tinkiseb bla waqfien; impenn għax tesiġi l-ħidma sfiqa ta’ kull persuna ta’ rieda tajba biex tfittixha u tibniha.  Għalhekk, m’hemmx paċi vera jekk ma tibdiex mill-viżjoni tal-bniedem li jagħraf jippromwovi l-iżvilupp integrali, billi jżomm quddiem għajnejh id-dinjità traxxxendentali tiegħu, għax «l-iżvilupp hu l-isem il-ġdid tal-paċi» (20), kif fakkar il-Beatu Pawlu VI.  Għalhekk, dan hu l-awgurju sinċier tiegħi għas-sena li għadha kif bdiet: li bejn il-pajjiżi tagħna u l-popli tagħhom jalla jitkattru l-okkażjonijiet biex jaħdmu flimkien u jibnu paċi awtentika.  Min-naħa tagħha, is-Santa Sede, u partikolarment, is-Segreterija tal-Istat, se tkun disponibbli biex tikkollabora ma’ kull min hu impenjat biex itemm il-kunflitti li għaddejjin waqt li tagħti sapport u tama lill-popolazzjonijiet li qed isofru.

Fill-liturġija ngħidu t-tislima «il-paċi magħkom».  B’din l-espressjoni, rahan ta’ barkiet divini kotrana, inġedded lil kull wieħed u waħda minnkom, distinti membri tal-Korp Diplomatiku, lill-familji tagħkom, lill-pajjiżi li tirrappreżentaw, l-awguri l-aktar sinċieri tiegħi għas-sena l-ġdida.

Grazzi.

[1] Benedittu XV, Ittra lill-mexxejja tal-popli li jinsabu fi gwerra, 1 ta’ Awwissu, 1917: AAS IX (1917), 423.

[2] Pawlu VI, Messaġġ għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewwel Jum Dinji tal-Paċi (1 ta’ Jannar, 1968).

[3] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et spes, 78.

[4] Ibid.

[5] Ibid.

[6] Ibid.

[7] Diskors waqt il-Jum Dinji ta’ Talb għall-Paċi, Assisi, 20 ta’ Settembru, 2016.

[8] Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et spes, 78.

[9] Cfr ibid.

[10] Ibid, 83.

[11] Cfr Salm 85,11; Is 32,17.

[12] Messaġġ għaċ-Ċelebrazzjoni tal-XXXV Jum Dinji tal-Paċi: M’hemmx paċi mingħajr ġustizzja, m’hemmx ġustizzja mingħajr maħfra (1 ta’ Jannar, 2002).

[13] Ittra appostolika Misericordia et misera, 20 ta’ Novembru, 2016, 18.

[14] Ibid., 20.

[15] Ġwanni XXIII, Ittra Enċiklika Pacem in terris, 11 ta’ April, 1963, 12.

[16] Ittra Enċiklika Populorum progressio, 26 ta’ Marzu, 1967, 83.

[17] Cfr Ittra lill-isqfijiet fil-Festa tal-Innoċenti Martri, 28 ta’ Diċembru, 2016.

[18] Ittra Enċiklika Pacem in terris, 11 ta’ April, 1963, 60.

[19] Cfr Diskors fl-okkażjoni tal-għoti tal-Premju Carlo Magno, 6 ta’ Mejju, 2016..

[20] Pawlu VI, Ittra Enċiklika Populorum progressio, 26 ta’ Marzu 1967, 87.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber