VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

F’TIRANA (L-ALBANIJA)

 QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Pjazza Madre Teresa (Tirana)

Il-Ħadd 21 ta’ Settembru 2014

 

Il-Vanġelu li għadna kemm smajna jgħidilna li, minbarra lit-Tnax-il Appostlu, Ġesù jsejjaħ tnejn u sebgħin dixxiplu ieħor u jibgħathom fl-irħula u fl-ibliet ixandru s-Saltna ta’ Alla (ara Lq 10:1-9,17-20).  Hu ġie biex iġib fid-dinja l-imħabba ta’ Alla u jrid ixerridha permezz tal-komunjoni u l-fraternità.  Għalhekk jiġbor minnufih komunità ta’ dixxipli, komunità missjunarja, u jħarriġhom għall-missjoni, biex “imorru”.  Il-metodu missjunarju hu ċar u sempliċi: id-dixxipli jmorru fid-djar u x-xandir tagħhom jiftaħ b’tislima li għandha tifsira kbira: “Is-sliem lil din id-dar!” (v. 5).  M’hix sempliċi tislima, hi anki don: il-paċi.  Kif il-lum ninsab hawn f’nofskom, għeżież ħuti Albaniżi, f’din il-pjazza ddedikata lil bint umli u kbira ta’ din l-art, il-Beata Madre Teresa ta’ Calcutta, nixtieq intennilkom din it-tislima: paċi fid-djar tagħkom, paċi fi qlubkom, paċi fin-nazzjon tagħkom!  Paċi!

 

Fil-missjoni tat-tnejn u sebgħin dixxiplu tidher l-esperjenza missjunarja tal-komunità Nisranija ta’ kull żmien: Kristu Rxoxt u ħaj jibgħat mhux biss lit-Tnax, imma lill-Knisja kollha, jibgħat lil kull imgħammed ħa jxandar il-Vanġelu lill-ġnus kollha.  Matul is-sekli, mhux dejjem ġiet milqugħa din l-aħbar ta’ paċi mwassla mill-messaġġiera ta’ Ġesù; xi drabi l-bibien ingħalqu f’wiċċhom.   Fil-passat riċenti, anki l-bieb ta’ pajjiżkom ġie magħluq, isserrat bil-katnazz tal-projbizzjonijiet u l-liġijiet ta’ sistema li kienet tiċħad li Alla u toħnoq il-libertà reliġjuża.  Dawk li kienu jibżgħu mill-verità u mil-libertà kienu jagħmlu minn kollox biex ibarru lil Alla minn qalb il-bniedem u jżommu lil Kristu u lill-Knisja barra mill-istorja ta’ pajjiżkom, anki jekk hu kien fost l-ewwel li laqa’ d-dawl tal-Vanġelu.  Fit-Tieni Qari, fil-fatt, smajna riferiment għall-Illirja, li fi żmien l-Appostlu Pawlu kienet tinkludi wkoll it-territorju ta’ l-Albanija tal-lum.

 

Meta naħsbu fuq dawk id-deċennji ta’ tbatijiet kiefra u persekuzzjonijiet qliel kontra l-Kattoliċi, l-Ortodossi u l-Musulmani, nistgħu ngħidu li l-Albanija kienet art tal-martri: ħafna isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi, fidili lajċi, ministri tal-kult ta’ reliġjonijiet oħra, ħallsu b’ħajjithom għall-fedeltà tagħhom.  Ma naqsux provi ta’ kuraġġ u koerenza kbira fl-istqarrija tal-fidi.  Kemm Insara sfaw mgħaffġa mit-theddid, imma bla biża’ baqgħu mexjin fit-triq li qabdu!  Ninġabar spiritwalment quddiem dak il-ħajt taċ-ċimiterju ta’ Scutari, imkien li hu simbolu tal-martirju tal-Kattoliċi, fejn kienu jisparawlhom, u b’kommozzjoni nqiegħed il-warda tat-talb u tat-tifkira grata u li ma tmut qatt.  Il-Mulej kien magħkom, għeżież ħuti, biex iweżinkom; Hu mexxiekom u farraġkom u fl-aħħar nett għolliekom fuq ġwienaħ l-ajkla kif darba għamel mal-poplu l-qadim ta’ Israel, kif smajna fl-Ewwel Qari.  L-ajkla, li tidher fil-bandiera ta’ pajjiżkom, tfakkarkom fis-sens tat-tama, biex dejjem tqiegħdu l-fiduċja tagħkom f’Alla, li qatt ma jqarraq imma hu dejjem qrib tagħna, speċjalment fil-waqtiet iebsin.

 

Il-lum il-bibien ta’ l-Albanija nfetħu mill-ġdid u qed jimmatura staġun ta’ protagoniżmu missjunarju ġdid għall-membri kollha tal-poplu ta’ Alla: kull imgħammed għandu post u ħidma xi jwettaq fil-Knisja u fis-soċjetà.  Kull wieħed u waħda jħossu msejjaħ biex jimpenja ruħu b’ġenerożità għax-xandir tal-Vanġelu u fix-xhieda tal-karità; biex isaħħaħ ir-rabtiet tas-solidarjetà ħa jippromovi kundizzjonijiet ta’ ħajja iktar ġusti u fraterni għal kulħadd.  Il-lum ġejt biex ngħidilkom grazzi tax-xhieda tagħkom u anki biex nagħmlilkom il-qalb ħa tkabbru t-tama fikom u madwarkom.  Tinsewhiex l-ajkla.  L-ajkla ma tinsihiex il-bejta tagħha, imma ttir fl-għoli.  Tiru fl-għoli!  Ogħlew ’il fuq!  Ġejt biex inħeġġiġkom tħajru jieħdu sehem lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda; biex b’mod regolari titmantnew mill-Kelma ta’ Alla waqt li tiftħu qlubkom għal Kristu, għall-Vanġelu, għal-laqgħa ma’ Alla, għal-laqgħa ta’ bejnietkom kif diġà qed tagħmlu: permezz ta’ dawn il-laqgħat ta’ bejnietkom intom tagħtu xhieda quddiem l-Ewropa kollha.

 

Fi spirtu ta’ għaqda bejn l-isqfijiet, is-saċerdoti, il-persuni kkonsagrati u l-fidili lajċi, inħeġġiġkom tagħmlu qabża fl-azzjoni pastorali tagħkom, li hi azzjoni ta’ qadi, u biex tkomplu tfittxu xejriet ġodda ta’ preżenza tal-Knisja fis-soċjetà.  B’mod partikulari, din l-istedina nagħmilha liż-żgħażagħ.  Kien hemm tant minnhom fit-triq mill-ajruport sa hawn!  Dan hu poplu żagħżugħ!  Żagħżugħ ħafna.  U fejn hemm iż-żgħożija, hemm it-tama.  Isimgħu lil Alla, qimu lil Alla u tħabbu bejnietkom bħala poplu, bħal aħwa.

 

Knisja li tgħix f’din l-art ta’ l-Albanija, grazzi ta’ l-eżempju tiegħek ta’ fedeltà.  Tinsewx il-bejta, l-istorja mbiegħda tagħkom, lanqas il-provi; tinsewx il-pjagi, imma tfittxux li tivvendikaw ruħkom.  Ibqgħu mexjin f’din il-ħidma tagħkom b’tama f’futur kbir.  Ħafna wlied ta’ l-Albanija batew, anki sas-sagrifiċċju ta’ ħajjithom.  Ix-xhieda tagħkom twieżen il-passi tagħkom tal-lum u ta’ għada fit-triq ta’ l-imħabba, fit-triq tal-ħelsien, fit-triq tal-ġustizzja u fuq kollox fit-triq tal-paċi.  Hekk ikun.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard