Padre Lombardi

Tajjeb, mela: nirringrazzjaw ferm lill-Qdusija Tiegħu li jinsab magħna, anki fi tmiem ġurnata hekk impenjattiva.  Ried li jisma’ xi mistoqsijiet, imma ftit, u fil-vjaġġ.  U għalhekk adottajna bħala kriterju dak li nħallu jagħmlu l-mistoqsijiet lil tliet kollegi tagħna Albaniżi, li għamlu l-vjaġġ kollu magħna: ġew Ruma propju biex jivvjaġġaw miegħek, u issa qed jerġgħu lura Ruma biex jagħlqu din l-esperjenza miegħek.  Ġejjin minn tliet stazzjonijiet televiżivi Albaniżi.  Nibdew bis-Sinjura Mira Tuci, li ġejja mit-televiżjoni nazzjonali Alabaniża.

 

Ġurnalista

Santità, inti tlaqt b’idea f’moħħok dwar l-Albaniżi, l-Albanija.  Kif l-Albaniż bata, imma hu anki tolleranti.  Sibt xi kwalità oħra fl-Albaniżi, li stajt tmiss b’idejk?  Huma dawn il-kwalitajiet it-tajba biex ireġġgħu lill-ajkla lura fil-bejta tagħha?

 

Il-Papa Franġisku

Iktar ngħid li rranġajt xi ftit dawk l-affarijiet li qed issemmi int, imma t-tbatija li intom l-Albaniżi għaddejtu minnha, stajt naraha iktar mill-qrib.  Dwar tolleranti… ħa nibdel il-kelma.  Mhux tolleranti, l-Albaniż; hu ħija.  Għandu l-kapaċità tal-fratellanza: hu iżjed minn hekk.  U dan tarah fil-mod kif jgħix, fil-kollaborazzjoni bejn Musulmani, Ortodossi u Kattoliċi.  U jikkollaboraw, imma bħala aħwa, le?  U mbagħad, ħaġa oħra li laqtitni sa mill-bidu hi ż-żgħożija tal-pajjiż: meta għamilt dan il-kumment, qaluli li dan hu l-aktar pajjiż żagħżugħ ta’ l-Ewropa.  Imma wieħed jista’ jara kif l-Albanija għandha żvilupp superjuri fil-kultura u anki fil-governanza, grazzi għal din il-fratellanza.

 

Ġurnalista

Santità, int u miexi mill-vjal ċentrali ta’ Tirana taħt ir-ritratti tal-kjeriċi maqtula fi żmien ir-reġim Komunista, f’pajjiż li sa ħamsa u għoxrin sena ilu kien impost fuqu l-ateiżmu ta’ l-Istat, x’emozzjoni personali ħassejt?

 

Il-Papa Franġisku

Jien ili xahrejn nistudja xi ftit dak il-perjodu diffiċli ta’ l-Albanija, biex nifhmu aħjar; studjajt ukoll xi ftit kif beda.  Imma intom għandkom għeruq kulturali mill-isbaħ, u b’saħħithom, ta’ kultura kbira, sa mill-bidu.  Studjajt dan il-perjodu u kien perjodu kiefer: il-livell ta’ ħruxija kien terribbli.  Meta rajt dawn ir-ritratti, imma mhux biss tal-Kattoliċi, anki l-Ortodossi, anki l-Musulmani, … u meta ħsibt fil-kliem li qalulhom: “Imma int m’għandekx temmen f’Alla” – “Jiena nemmen fih!” – bumm, u kienu joqtluhom.  Għalhekk ngħid li t-tliet komponenti reliġjużi taw xhieda ta’ Alla u issa qed jagħtu xhieda ta’ fratellanza.

 

Ġurnalista

Santità, int żort l-Albanija li hu pajjiż b’maġġoranza Musulmana.  Imma ż-żjara seħħet fi żmien prekarju f’dik li hi sitwazzjoni globali: int stess iddikjarajt li t-Tielet Gwerra Dinjija ġa bdiet.  Il-messaġġ tiegħek ta’ din iż-żjara hu biss għall-Albaniżi, jew imur lil hemm?

 

Il-Papa Franġisku

Le, imur lil hemm.  L-Albanija mxiet triq il-paċi, il-konvivenza u l-kollaborazzjoni li tmur lil hemm, hi sinjal għall-pajjiżi li bħalha għandhom għeruq etniċi diversi.  Int għidt: “Hu pajjiż b’maġġoranza Musulmana”; iva, imma m’hux pajjiż Musulman.  Hu pajjiż Ewropew.  Għalija din kienet sorpriża.  L-Albanija hi pajjiż Ewropew, propju minħabba l-kultura tiegħu – il-kultura ta’ konvivenza, anki l-kultura storika li kellu.

 

Ġurnalista

Wara li għamilt dan il-vjaġġ fl-Albanija, li tinsab fl-Ewropa, liema huma dak li jmiss?

 

Il-Papa Franġisku

Iva, il-ġografija, ma nistax nibdilha.  Il-vjaġġi li jmiss sa jkunu fil-25 ta’ Novembru, Strasbourg, il-Kunsill ta’ l-Ewropa u l-Parlament Ewropew, it-tnejn li huma.  U mbagħad, fit-28 – forsi – it-Turkija, biex inkun hemm għall-festa tat-30, ta’ Sant’Indrija, mal-Patrijarka Bartilmew.

 

Ġurnalista

Santità, fhimna li int għandek viżjoni ta’ l-Albanija xi ftit differenti minn dik ta’ l-Ewropej, jiġifieri: aħna nħarsu lejn l-Ewropa kważi bħala l-Unjoni Ewropea; int għażilt, bħala l-ewwel pajjiż biex iżżur fl-Ewropa, pajjiż tal-periferija li ma jagħmilx parti mill-Unjoni Ewropea.  X’għandek xi tgħid lil dawk li jħarsu biss lejn l-Ewropa tas-“setgħana”?

 

Il-Papa Franġisku

Li dan hu messaġġ, dan il-vjaġġ tiegħi, hu sinjal: hu sinjal li jien irrid nibgħat.

 

Ġurnalista

Naħseb li lkoll rajniek tibki, għall-ewwel darba, ikkommovejt ruħek ħafna f’dik il-laqgħa: naħseb kien l-aktar mument kommoventi tal-vjaġġ.

 

Il-Papa Franġisku

Tisma’ martri jitkellem fuq il-martirju tiegħu, hi ħaġa qawwija!  Naħseb li lkoll kemm aħna li konna hemm konna kommossi: ilkoll.  U dawn ix-xhieda tkellmu qishom qed jitkellmu fuq xi ħadd ieħor, b’naturalezza, b’umiltà.  Lili għamilli ħafna ġid dan!  Grazzi ħafna, u l-ikla t-tajba.

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard