Għeżież ħbieb,

 

Inħossni tassew kuntent b’din il-laqgħa, li qed tiġbor flimkien lil dawk responsabbli mill-konfessjonijiet reliġjużi ewlenin preżenti fl-Albanija.  Insellem b’rispett minn qiegħ qalbi lil kull wieħed minnkom u lill-komunitajiet li qed tirrappreżentaw; u nirringrazzja mill-qalb lil Mons. Massafra għall-kelmtejn tiegħu ta’ preżentazzjoni u introduzzjoni.  Hu importanti li qegħdin hawn flimkien: hu s-sinjal ta’ djalogu li tgħixu ta’ kuljum, fejn tfittxu li tibnu bejnietkom relazzjonijiet ta’ fraternità u ta’ kollaborazzjoni, għall-ġid tas-soċjetà sħiħa.  Grazzi ta’ dak li qed tagħmlu.

 

Sfortunatament l-Albanija kienet xhud tal-vjolenza u l-ġrajjiet drammatiċi li tista’ tikkawża l-esklużjoni infurzata ta’ Alla mill-ħajja personali u komunitarja.  Meta, f’isem xi ideoloġija, jitkeċċa Alla mis-soċjetà, il-bniedem jispiċċa jqim lill-idoli, u malajr jitlef lilu nnifsu, id-dinjità tiegħu tiġi mkasbra, u d-drittijiet tiegħu mittiefsa.  Intom tafu tajjeb għal liema brutalitajiet nistgħu naslu meta nċaħħdu lill-bniedem mil-libertà tal-kuxjenza u l-libertà reliġjuża, u kif din il-ġerħa tfaqqar radikalment lill-umanità, għax nieqsa mit-tama u minn punti ta’ riferiment ideali.

 

Il-bidliet li seħħu ibda mis-snin disgħin tas-seklu l-ieħor kellhom anki bħala effett pożittiv il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet għal libertà reliġjuża effettiva.  Dan għamilha possibbli għal kull komunità li tnibbet mill-ġdid fi ħdanha tradizzjonijiet li ma kienu qatt intfew għal kollox, minkejja l-persekuzzjonijiet ħorox, u ppermetta lil kulħadd, kull wieħed anki skond il-konvinzjoni reliġjuża tiegħu, li joffri kontribut pożittiv għat-tiswir mill-ġdid, morali qabel ekonomiku, tal-pajjiż.

 

Fir-realtà, kif stqarr San Ġwanni Pawlu II fiż-żjara storika tiegħu fl-Albanija fl-1993, “il-libertà reliġjuża […] m’hijiex biss don prezzjuż tal-Mulej għal dawk kollha li għandhom il-grazzja tal-fidi: hi don għal kulħadd, għax hi garanzija fundamentali ta’ kull espressjoni oħra ta’ libertà […]  Xejn daqs il-fidi ma jfakkarna li, jekk għandna ħallieq wieħed, aħna wkoll ilkoll aħwa!  Il-libertà reliġjuża hi sur kontra t-totalitarjaniżmi kollha u kontribut deċiżiv għall-fraternità bejn il-bnedmin” (Messaġġ lill-poplu Albaniż, 25 ta’ April 1993).

 

Imma jeħtieġ inżidu minnufih: “Il-vera libertà reliġjuża taħrab it-tentazzjonijiet ta’ l-intolleranza u tas-settarjaniżmu, u tippromovi atteġġjamenti ta’ djalogu rispettuż u kostruttiv” (ibid).  Ma nistgħux ma narawx kif l-intolleranza lejn min għandu konvinzjonijiet reliġjużi differenti minn tagħna hi għadu perikuluż ħafna, li sfortunatament il-lum qed jidher f’ħafna reġjuni tad-dinja.  Bħala nies ta’ fidi, jeħtieġ ngħassu b’mod partikulari biex naraw li r-reliġjożità u l-etika li aħna nħaddnu b’konvinzjoni u li b’tant passjoni nagħtu xhieda tagħhom jesprimu ruħhom dejjem f’atteġġjamenti dejni ta’ dak il-misteru li jixtiequ jonoraw, u nirrifjutaw b’rieda soda bħala foloz, għax la jixirqu lil Alla u lanqas lill-bniedem, dawk il-forom kollha li jirrappreżentaw użu ħażin tar-reliġjon.  Ir-reliġjon awtentika hi għajn ta’ paċi u mhux ta’ vjolenza!  Ħadd ma jista’ juża isem Alla biex iwettaq xi vjolenza!  Il-qtil f’isem Alla hu sagrileġġ kbir!  Id-diskriminazzjoni f’isem Alla hi ħaġa diżumana.

 

Minn din l-ottika, il-libertà reliġjuża ma tibqax dritt li jista’ jiġi garantit biss mis-sistema leġislattiva mħaddma bħalissa, anki jekk din hi ħaġa neċessarja: hi spazju komuni – bħal dan ta’ hawn –, ambjent ta’ rispett u kollaborazzjoni li jinbena bis-sehem ta’ kulħadd, anki ta’ dawk li m’għandhom l-ebda konvinzjoni reliġjuża.  Ippermettuli nindika żewġ atteġġjamenti li jistgħu jkunu ta’ siwi partikulari fil-promozzjoni ta’ din il-libertà fundamentali.

 

L-ewwel wieħed hu li naraw f’kull raġel u mara, anki f’dawk li m’humiex ġejjin mit-tradizzjoni reliġjuża tagħna, mhux rivali, wisq inqas għedewwa, imma aħwa.  Min hu ċert mill-konvinzjonijiet tiegħu m’għandux bżonn jimponihom fuq ħadd jew jagħmel pressjoni fuq l-oħrajn: hu jaf li l-verità minnha nfisha għandha qawwa li tittieħed waħidha.  Fl-aħħar mill-aħħar, ilkoll kemm aħna pellegrini fuq din l-art, u f’dan il-vjaġġ tagħna, fix-xenqa tagħna għall-verità u għall-eternità, ma ngħixux bħala entitajiet awtonomi u awtosuffiċjenti, u la bħala individwi u lanqas bħala gruppi nazzjonali, kulturali jew reliġjużi, imma niddipendu wieħed mill-ieħor, aħna fdati f’idejn xulxin.  Kull tradizzjoni reliġjuża, mill-ġewwieni tagħha stess, trid tara kif tidħol responsabbli għall-ħajja ta’ l-oħra.

 

It-tieni atteġġjament għandu jkun ta’ impenn favur il-ġid komuni.  Kull darba li bit-tħaddin tat-tradizzjoni reliġjuża tagħna jixxettel fina servizz iżjed konvint, iżjed ġeneruż, iżjed diżinteressat lis-soċjetà kollha, hemm inkunu qed inħaddmu b’mod awtentiku u nkabbru l-libertà reliġjuża.  Għalhekk dan jidher mhux biss bħala spazju ta’ awtonomija li b’mod leġittimu nħossu li għandna nfittxu, imma bħala potenzjalità li bit-tħaddim progressiv tagħha tagħni lill-familja umana.  Iktar ma nkunu ta’ servizz għall-oħrajn, iktar inħossuna ħielsa!

 

Nagħtu daqqa t’għajn madwarna: kemm huma kbar il-ħtiġijiet tal-foqra, kemm għandhom bżonn is-soċjetajiet tagħna jsibu toroq lejn ġustizzja soċjali iktar mifruxa, lejn żvilupp ekonomiku inklużiv!  Kemm għandu bżonn il-bniedem li ma jitlifx minn taħt għajnejh is-sens profond ta’ l-esperjenzi tal-ħajja u li jikseb mill-ġdid it-tama!  F’dawn l-oqsma ta’ ħidma, irġiel u nisa mnebbħa mill-valuri tat-tradizzjonijiet reliġjużi tagħhom jistgħu joffru kontribut importanti, anzi, wieħed li xejn ma jista’ jeħodlu postu.  Din hi l-art partikularment għammiela anki għad-djalogu bejn ir-reliġjonijiet.

 

U mbagħad, nixtieq naċċenna għal ħaġa li hi dejjem fantażma: ir-relattiviżmu, “kollox relattiv”.  Hawnhekk irridu nżommu quddiem għajnejna prinċipju ċar: ma tistax tiddjaloga jekk ma titlaqx mill-istess identità tiegħek.  Mingħajr identità ma jistax jeżisti djalogu.  Ikun djalogu fantażma, djalogu fl-arja: m’għandniex bżonnu.  Kull wieħed u waħda minna għandu l-identità reliġjuża tiegħu, u għandu jibqa’ fidil lejha.  Imma l-Mulej jaf kif imexxi l-istorja.  Nitilqu lkoll kemm aħna mill-identità tagħna, u ma noqogħdux nagħmlu tabirruħna li għandna oħra, għax dan ma jiswiex u ma jgħinx, dan relattiviżmu.  Dak li hemm komuni bejnietna hu l-mixja tal-ħajja, hu r-rieda tajba li nitilqu mill-identità tagħna biex nagħmlu l-ġid lil ħutna.  Nagħmlu l-ġid!  U hekk, nimxu flimkien bħal aħwa.  Kull wieħed minna joffri x-xhieda ta’ l-identità tiegħu lill-ieħor u jiddjaloga ma’ l-ieħor.  Imbagħad id-djalogu jista’ jibqa’ miexi ’l quddiem fuq kwistjonijiet teoloġiċi, imma dak li hu l-isbaħ u l-iktar importanti hu li nimxu flimkien mingħajr ma niċħdu l-identità tagħna, mingħajr ma ngħattuha b’maskra, bla ipokrezija.  Jiswielna li naħsbu f’dan.

 

Għeżież ħbieb, inħeġġiġkom iżżommu ħajja u tkabbru t-tradizzjoni ta’ relazzjonijiet tajba bejn il-komunitajiet reliġjużi li jeżistu fl-Albanija, u tħossukom magħqudin fis-servizz lill-għażiż pajjiżkom.  Bi ftit sens ta’ umoriżmu nistgħu ngħidu li dan qisu tîm tal-futbol: il-Kattoliċi kontra l-oħrajn kollha, imma lkoll flimkien, għall-ġid tal-pajjiż u ta’ l-umanità!  Komplu kunu sinjali għall-pajjiż tagħkom – u mhux biss – li huma possibbli relazzjonijiet kordjali u ta’ kollaborazzjoni għammiela bejn il-membri ta’ diversi reliġjonijiet.  U nitlobkom favur: li titolbu għalija.  Anki jien għandi bżonn, ħafna bżonn.  Grazzi.

 

 

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard