Ħejjejt kelmtejn għalikom biex ngħidhomlkom, u se ngħaddihom lill-Arċisqof biex imbagħad wara jqassamhomlkom.  It-traduzzjoni diġà saret.  Kemm jgħadduhielkom.

 

Imma issa fettilli ngħidilkom ħaġa oħra…  Smajna fil-Qari: “Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ.  Hu jfarraġna fl-hemm kollu tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ hemm” (2 Kor 1:3-4).  Dan hu t-test li fuqu l-Knisja l-lum tistedinna nirriflettu fl-Għasar.  F’dawn ix-xahrejn, ħejjejt ruħi għal din iż-żjara billi qrajt l-istorja tal-persekuzzjoni ta’ l-Albanija.  U għalija kienet sorpriża: ma kontx naf li l-poplu tagħkom bata daqshekk!  Imbagħad, il-lum, fi triqti mill-ajurport sal-pjazza, rajt dawn ir-ritratti kollha tal-martri: jidher ċar li dan il-poplu għad għandu f’qalbu l-martri tiegħu, dawk li batew tant!  Poplu tal-martri…  U l-lum, fil-bidu ta’ din iċ-ċelebrazzjoni, messejt ma’ tnejn minnhom.  Dak li nista’ ngħidilkom hu dak li qalu huma, bil-ħajja tagħhom, bil-kliem sempliċi tagħhom…  Irrakkuntaw l-affarijiet b’sempliċità… imma b’weġgħa hekk kbira!  U aħna nistgħu nistaqsuhom: “Imma kif għamiltu biex ġarrabtu tant tribulazzjonijiet?”.  U jgħidulna dan li għadna kemm smajna f’din is-silta mit-Tieni Ittra lill-Korintin: “Alla hu Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ.  Hu kien li farraġna!”.  Dan qaluhulna b’din is-sempliċità kollha.  Batew ħafna.  Batew fiżikament, psikikament, u anki fit-taqtigħ il-qalb ta’ l-inċertezza: jekk hux se jisparawlhom jew le, u hekk kienu jgħixu, b’dan it-taqtigħ il-qalb.  U l-Mulej kien ifarraġhom…  Jiġi f’moħħi Pietru, fil-ħabs, marbut fil-ktajjen; il-Knisja kollha kienet qed titlob għalih.  U l-Mulej farraġ lil Pietru.  U l-martri, u dawn it-tnejn li smajna l-lum, il-Mulej farraġhom għax kien hemm nies fil-Knisja, il-poplu ta’ Alla – in-nisa xjuħ qaddisa u twajba, tant sorijiet tal-klawsura… – li kienu qed jitolbu għalihom.  U dan hu l-misteru tal-Knisja: meta l-Knisja titlob lill-Mulej biex ifarraġ lill-poplu tiegħu; u l-Mulej ifarraġ umilment, anki fil-moħbi.  Ifarraġ fl-intimità tal-qalb u jfarraġ bil-qawwa tiegħu.  Jiena żgur li huma ma jiftaħrux b’dak li għaddew minnu, għax jafu li kien il-Mulej li mexxiehom.  Imma lilna huma qed jgħidulna xi ħaġa!  Qed jgħidulna li għalina, li ġejna msejħin mill-Mulej biex nimxu warajh mill-qrib, il-faraġ waħdieni jiġi minnU.  Ħażin għalina jekk infittxu xi faraġ ieħor!  Ħażin għall-qassisin, għas-saċerdoti, għar-reliġjużi, għas-sorijiet, għan-novizzi, għall-ikkonsagrati meta jfittxu l-faraġ tagħhom ’il bogħod mill-Mulej!  Jien il-lum ma rridx “insawwatkom” bi kliemi, ma rridx insir il-“bojja” hawnhekk; imma kunu afu sewwa: jekk intom tfittxu l-faraġ tagħkom band’oħra, mhux ħa tkunu ferħana!  Iżjed minn hekk: ma tkun tista’ tfarraġ lil ħadd, għax qalbek ma tkunx infetħet għall-faraġ tal-Mulej.  U tispiċċa, kif jgħid il-kbir Elija lill-poplu ta’ Israel, “izzappap b’riġlejk it-tnejn”.  Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ.  Hu jfarraġna fl-hemm kollu tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ hemm”.  Dan hu li għamlu dawn it-tnejn, il-lum.  Umilment, bla pretensjonijiet, bla ma qagħdu jitkabbru, u lilna għamlulna servizz: farrġuna.  Qed jgħidulna wkoll: “Aħna midinbin, imma l-Mulej kien magħna.  Din hi t-triq.  Taqtgħux qalbkom!”.  Skużawni jekk il-lum qed nużakom bħala eżempju, imma lkoll għandna nkunu ta’ eżempju għal xulxin.  Immorru lura d-dar b’dan il-ħsieb tajjeb f’moħħna: il-lum messejna mal-martri.

 


Diskors miktub:

 

Għeżież ħuti!

 

B’liema ferħ qed niltaqa’ magħkom fl-art maħbuba tagħkom; irrodd ħajr lill-Mulej u rrodd ħajr lilkom ilkoll tal-merħba li biha lqajtuni!  Issa li ninsab f’nofskom nista’ nesprimi aħjar kemm inħossni qrib ta’ l-impenn tagħkom b’riżq l-evanġelizzazzjoni.

 

Minn meta pajjiżkom ħareġ minn taħt id-dittatura, il-komunitajiet ekkleżjali reġgħu ħadu l-ħajja u bdew jorganizzaw ruħhom mill-ġdid fl-azzjoni pastorali, u issa jħarsu b’tama lejn il-futur.  B’mod partikulari, il-ħsieb rikonoxxenti tiegħi jmur lejn dawk ir-Rgħajja li ħallsu prezz għoli għall-fedeltà tagħhom lejn Kristu u għad-deċiżjoni li jibqgħu magħqudin mas-Suċċessur ta’ Pietru.  Kienu qalbiena fid-diffikultajiet u fil-prova!  Għad għandna fostna saċerdoti u reliġjużi li daqu l-ħabs u l-persekuzzjoni, bħas-soru u dan ħuna li rrakkontawlna l-istorja tagħhom.  Kollni kommoss ngħannaqkom miegħi, u nagħti ġieħ lil Alla għax-xhieda fidila tagħkom, li tqanqal lill-Knisja kollha biex tibqa’ miexja bil-ferħ fix-xandir tal-Vanġelu.

 

B’esperjenza bħal din f’qalbha, il-Knisja fl-Albanija tista’ tikber fil-missjunarjetà u fil-kuraġġ appostoliku.  Naf u napprezza l-impenn li bih qed teħduha kontra forom ġodda ta’ “dittatura” li r-riskju hu li jżommu lsiera tagħhom lill-persuni u l-komunitajiet.  Jekk ir-reġim ateu pprova jifga l-fidi, dawn id-dittaturi, iktar sottili, jistgħu jifgaw l-imħabba.  Jiġuni f’moħħi l-individwaliżmu, ir-rivalità u l-konfronti sħan li ma jiqfux: hi mentalità tad-dinja li minnha jistgħu jittieħdu anki l-komunitajiet Insara.  M’għandniex għax naqtgħu qalbna quddiem dawn id-diffikultajiet, tibżgħux tibqgħu mexjin fit-triq tal-Mulej.  Hu dejjem magħkom, jagħtikom il-grazzja tiegħu u jgħinkom twieżnu lil xulxin, taċċettaw lil xulxin hekk kif intom, b’komprensjoni u ħniena, u xxettlu l-komunjoni bejn l-aħwa.

 

L-evanġelizzazzjoni hi iżjed effikaċi meta sseħħ bi ħsieb wieħed u b’kollaborazzjoni sinċiera bejn id-diversi realtajiet ekkleżjali u bejn missjunarji u kleru lokali: dan jitlob kuraġġ biex wieħed jissokta jfittex xejriet ġodda ta’ ħidma komuni u ta’ għajnuna reċiproka fl-oqsma tal-katekeżi, ta’ l-edukazzjoni Kattolika, kif ukoll tal-promozzjoni umana u tal-karità. F’dawn l-oqsma hu prezzjuż ukoll sehem il-movimenti ekkleżjali, li jafu jipproġettaw u jaġixxu f’komunjoni mar-Rgħajja u bejniethom.  Dan hu li jien nara hawnhekk: isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u lajċi, Knisja li tixtieq timxi fil-fraternità u fl-għaqda.

 

Meta l-imħabba għal Kristu titqiegħed ’il fuq minn kollox, anki fuq il-ħtiġijiet leġittimi partikulari, allura nsiru kapaċi noħorġu minna nfusna, mill-“affarijiet żgħar” personali jew tal-gruppi tagħna, u nimxu lejn Ġesù li jiġi jiltaqa’ magħna f’ħutna; il-pjagi tiegħu għadhom jidhru anki l-lum fuq il-ġisem ta’ tant irġiel u nisa li għandhom il-ġuħ u l-għatx, li huma umiljati, li jsibu ruħhom il-ħabs jew l-isptar.  U huwa sewwa sew meta mmissu u ndewwu bil-ħlewwa dawn il-ġrieħi li nistgħu ngħixu sal-qiegħ nett il-Vanġelu u naduraw lil Alla ħaj fostna.

 

Huma ħafna l-problemi li tħabbtu wiċċkom magħhom ta’ kuljum!  Huma jwasslukom biex tintefgħu b’passjoni f’attività appostolika ġeneruża.  Madankollu, aħna nafu li waħidna ma nistgħu nagħmlu xejn.  “Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja” (Salm 127:1).  Dan l-għarfien isejħilna biex ta’ kuljum nagħtu l-ispazju li jixraqlu lill-Mulej, biex niddedikawlu l-ħin tagħna, niftħulu qalbna, biex Hu jaħdem f’ħajjitna u fil-missjoni tagħna.  Dak li l-Mulej iwiegħed li jagħti lil min jitolbu b’fiduċja u perseveranza, jissupera dak li nistgħu nistħajlu aħna (ara Lq 11:11-12): barra dak li nitolbu, jagħtina wkoll l-Ispirtu s-Santu.  Id-dimensjoni kontemplattiva ssir indispensabbli, qalb l-impenji l-aktar urġenti u tqal.  U iktar ma l-missjoni ssejħilna nimxu lejn il-periferiji eżistenzjali, iktar qalbna tħoss il-bżonn intimu li tkun magħquda ma’ dik ta’ Kristu, mimlija ħniena u mħabba.

 

U meta nqisu li s-saċerdoti u l-ikkonsagrati m’humiex aktar biżżejjed, il-Mulej Ġesù jtenni l-lum anki lilkom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit!  Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema fil-ħsad tiegħu” (Mt 9:37-38).  Ma rridux ninsew li din it-talba titlaq minn ħarsa: il-ħarsa ta’ Ġesù, li jara kemm hu kbir il-ħsad.  Għandna aħna wkoll din il-ħarsa?  Nafu nagħrfu kemm hu kotran il-frott li l-grazzja ta’ Alla kabbret, u l-ħidma li jonqos issir fil-qasam tal-Mulej?  Hu minn din il-ħarsa ta’ fidi lejn l-għalqa ta’ Alla li jitwieled it-talb, is-sejħa ta’ kuljum li tagħfas fuq il-Mulej biex jibgħat aktar vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi.  Intom, għeżież seminaristi, u intom, għeżież postulandi u novizzi, intom il-frott ta’ dan it-talb tal-poplu ta’ Alla, li dejjem jimxi qabel u jsieħeb it-tweġiba personali tagħkom.  Il-Knisja fl-Albanija għandha bżonn ta’ l-entużjażmu u l-ġenerożità tagħkom.  Il-ħin li l-lum qed tiddedikaw għal formazzjoni spiritwali, teoloġika, komunitarja u pastorali soda, sa jħalli l-frott għax jgħinkom biex, għada, taqdu kif suppost lill-poplu ta’ Alla.  In-nies, iktar milli mgħallma, tfittex ix-xhieda: xhieda umli tal-ħniena u tal-ħlewwa ta’ Alla; saċerdoti u reliġjużi b’qalb imwaħħda ma’ dik ta’ Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb, kapaċi jwasslu lil kulħadd l-imħabba ta’ Kristu.

 

Dwar dan, flimkien magħkom u flimkien mal-poplu kollu Albaniż, nixtieq irrodd ħajr lil Alla għal tant missjunarji rġiel u nisa, li l-azzjoni tagħhom kienet determinanti biex setgħet titwieled mill-ġdid il-Knisja fl-Albanija u għadha sal-lum ta’ rilevanza kbira.  Huma taw sehem importanti biex saħħu l-wirt spiritwali li isqfijiet, saċerdoti, persuni kkonsagrati u lajċi Albaniżi kkonservaw, qalb provi u tiġrib mill-aktar qliel.  Naħsbu ftit fil-ħidma kbira li għamlu l-Istituti reliġjużi għat-tiġdid ta’ l-edukazzjoni Kattolika: din il-ħidma jixirqilha li tiġi rikonoxxuta u mwieżna.

 

Għeżież ħuti, taqtgħux qalbkom quddiem id-diffikultajiet; fuq il-passi ta’ missirijietkom, kunu determinati li tagħtu xhieda ta’ Kristu, imxu “flimkien ma’ Alla, lejn it-tama li qatt ma tqarraq”.  Fil-mixja tagħkom ħossukom dejjem imsieħba u mwieżna mill-imħabba tal-Knisja kollha.  Nirringrazzjakom minn qalbi għal din il-laqgħa u nafda lil kull wieħed u waħda minnkom u l-komunitajiet, il-proġetti u t-tamiet tagħkom f’ħoġor l-Omm Imqaddsa ta’ Alla.  Inberrikom minn qalbi u nitlobkom biex, jekk jogħġobkom, titolbu għalija.

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard