Il-lum Bangui saret il-kapitali spiritwali tad-dinja. Is-Sena Mqaddsa tal-Ħniena waslet qabel f’din l-art. Art li ilha bosta snin tbati mill-gwerra u l-mibegħda, in-nuqqas ta’ ftehim u ta’ paċi. Imma f’din l-art li qed tbati hemm ukoll il-pajjiżi kollha li għaddejjin mis-salib tal-gwerra. Bangui qed issir il-kapitali spiritwali tat-talb għall-ħniena tal-Missier. Ilkoll kemm aħna qed nitolbu għall-paċi, il-ħniena, ir-rikonċiljazzjoni, il-maħfra, l-imħabba. Għal Bangui, għar-Repubblika ta’ l-Afrika Ċentrali kollha, għad-dinja kollha, għall-pajjiżi li qed ibatu mill-gwerra, nitolbu l-paċi! U lkoll flimkien nitolbu mħabba u paċi. Ilkoll flimkien! [fl-ilsien Sango] “Doyé Siriri!” [itennu kollha: “Doyé Siriri!”].
U issa b’din it-talba niftħu s-Sena Mqaddsa: hawn, f’din il-kapitali spiritwali tad-dinja, il-lum!
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
F’dan l-ewwel Ħadd ta’ l-Avvent, żmien liturġiku ta’ l-istennija tal-Feddej u simbolu tat-tama Nisranija, Alla mexxa l-passi tiegħi sa għandkom, fuq din l-art, waqt li l-Knisja universali qed titħejja biex tiftaħ is-Sena Ġubilari tal-Ħniena, li aħna l-lum, hawn, għadna kemm bdejna. U ninsab partikularment kuntent li ż-żjara pastorali tiegħi qed taħbat mal-ftuħ fil-pajjiż tagħkom ta’ din is-Sena Ġubilari. Ibda minn dan il-Katidral, b’qalbi u b’moħħi nixtieq nilħaq bi mħabba lis-saċerdoti, l-ikkonsagrati u l-operaturi pastorali kollha ta’ dan il-pajjiż, spiritwalment magħquda magħna f’dan il-waqt. Permezz tagħkom, nixtieq insellem ukoll liċ-ċittadini kollha ta’ l-Afrika Ċentrali, il-morda, il-persuni anzjani, dawk miġruħin mill-ħajja. Xi wħud minnhom forsi huma qalbhom maqtugħa u bilkemm fadlilhom il-qawwa biex jaġixxu, u qegħdin sempliċement jistennew il-karità, il-karità tal-ħobż, il-karità tal-ġustizzja, il-karità ta’ ġest ta’ attenzjoni u ta’ tjieba. U aħna lkoll nistennew il-grazzja, il-karità tal-paċi.
Imma bħall-Appostli Pietru u Ġwanni li telgħu fit-Tempju, u li la kellhom deheb u lanqas fidda x’jagħtu lill-magħtub fil-bżonn, ġejt biex noffrilhom is-saħħa u l-qawwa ta’ Alla li jfejqu lill-bniedem, jerġgħu jwaqqfuh fuq riġlejh u jagħtuh il-ħila biex jibda ħajja ġdida, “jaqsam għax-xatt l-ieħor” (ara Lq 8:22).
Ġesù ma jibgħatniex waħidna fuq in-naħa l-oħra ta’ xatt l-għadira, imma pjuttost jistedinna naqsmu flimkien miegħU, billi kull wieħed u waħda minna jwieġeb għal sejħa speċifika. Għalhekk jeħtieġ nagħrfu li din il-mixja għan-naħa l-oħra tax-xatt ma nistgħux nagħmluha jekk mhux miegħU, billi ninħelsu mill-kunċetti ta’ familja u tad-demm li jifirdu, biex nibnu Knisja-Familja ta’ Alla, miftuħa għal kulħadd, li tieħu ħsieb ta’ dawk li l-iżjed għandhom bżonn. Dan jitlob li nkunu qrib ta’ ħutna, dan jimplika spirtu ta’ komunjoni. Qabel xejn m’hix kwistjoni ta’ mezzi finanzjarji; fis-sewwa kollu biżżejjed naqsmu fil-ħajja tal-poplu ta’ Alla, u nagħtu raġuni lit-tama li hemm fina (ara 1 Piet 3:15), billi nkunu xhieda tal-ħniena bla tarf ta’ Alla li, kif jagħfas is-Salm Responsorjali ta’ dan il-Ħadd, “hu tajjeb [u] juri triqtu lill-ħatja” (Salm 24:8). Ġesù jgħallimna li Missierna tas-Sema “italla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin” (Mt 5:45). Wara li aħna stess inkunu għamilna l-esperjenza tal-maħfra, jeħtieġ naħfru. Din hi l-vokazzjoni fundamentali tagħna: “Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-Smewwiet” (Mt 5:48). Waħda mill-esiġenzi essenzjali ta’ din is-sejħa għall-perfezzjoni hi l-imħabba għall-għedewwa, li tagħmel tajjeb kontra t-tentazzjoni għall-vendetta u kontra ċ-ċirku vizzjuż ta’ tpattija fuq l-oħra. Ġesù baqa’ jisħaq fuq dan l-aspett partikulari tax-xhieda Nisranija (ara Mt 5:46-47). Dawk li jevanġelizzaw, għalhekk, għandhom ikunu qabel xejn bennejja tal-maħfra, speċjalisti tar-rikonċiljazzjoni, esperti tal-ħniena. Hekk nistgħu ngħinu lil ħutna “jaqsmu għan-naħa l-oħra”, u nuruhom x’inhu s-sigriet tal-qawwa tagħna, tat-tama tagħna, tal-ferħ tagħna li għandhom l-għajn tagħhom f’Alla, għax huma msejsa fuq iċ-ċertezza li Hu qiegħed fid-dgħajsa magħna. Kif għamel ma’ l-Appostli fit-tkattir tal-ħobż, huwa lilna li l-Mulej jafda d-doni tiegħu biex noħorġu nqassmuhom ma’ kullimkien, inxandru l-kelma tiegħu li tqawwi l-qalb: “Ara, għad jiġu jiem, oraklu tal-Mulej, meta nġib fuq dar Israel u dar Ġuda l-ġid li wegħedthom” (Ġer 33:14).
Fit-testi liturġiċi ta’ dan il-Ħadd, nistgħu niskopru xi karatteristiċi ta’ din is-salvazzjoni ta’ Alla li ġiet imħabbra, li huma wkoll punti ta’ riferiment li jmexxuna fil-missjoni tagħna. Qabel xejn, l-hena mwiegħed minn Alla hu mħabbar f’termini ta’ ġustizzja. L-Avvent hu ż-żmien biex inħejju qlubna biex nistgħu nilqgħu lill-Feddej, jiġifieri dak li waħdu hu Ġust u Mħallef li jista’ jagħti lil kulħadd dak li ħaqqu. Hawn bħal bnadi oħra, tant irġiel u nisa għandhom għatx għar-rispett, għall-ġustizzja, għall-ugwaljanza, bla ma huma qed jaraw ebda sinjali pożittivi fuq ix-xefaq. Lil dawn, Hu jiġi biex jagħtihom id-don tal-ġustizzja tiegħu (ara Ġer 33:15). Ġej biex jara li l-istejjer personali u kollettivi tagħna, it-tamiet mitlufa u x-xewqat sterili tagħna jagħmlu l-frott. U jibgħatna nxandru, fuq kollox lil dawk li huma magħfusin mis-setgħanin ta’ din l-art, kif ukoll lil dawk mgħattnin taħt it-toqol ta’ dnubiethom: “Ġuda jinħeles u Ġerusalemm tgħammar b’moħħha mistrieħ, u għalhekk isejħulha: ‘Il-Mulej is-sewwa tagħna’” (Ġer 33:16). Iva, Alla hu Ġustizzja! Għalhekk aħna, l-Insara, imsejħin inkunu fid-dinja l-bennejja ta’ paċi msejsa fuq il-ġustizzja.
Is-salvazzjoni mistennija ta’ Alla daqstant ieħor għandha t-togħma ta’ l-imħabba. Fil-fatt, aħna u nitħejjew għall-misteru tal-Milied, aħna nagħmlu mill-ġdid il-mixja tagħna ta’ poplu ta’ Alla biex nilqgħu lill-Iben li ġie jurina li Alla m’hux biss Ġustizzja imma hu wkoll u qabel xejn Imħabba (ara 1 Ġw 4:8). Kullimkien, anki u fuq kollox hemm fejn isaltnu l-vjolenza, il-mibegħda, l-inġustizzja u l-persekuzzjoni, l-Insara huma msejħin jagħtu xhieda ta’ dan Alla li hu Mħabba. Waqt li nagħmel il-qalb lis-saċerdoti, il-persuni kkonsagrati u l-lajċi li, f’dan il-pajjiż, qed jgħixu l-virtujiet Insara xi kultant sal-punt ta’ l-eroiżmu, nifhem li d-distanza li tifridna mill-ideal hekk esiġenti tax-xhieda Nisranija xi drabi hi kbira tassew. Għalhekk nagħmel tiegħi taħt l-għamla ta’ talb dawk il-kelmiet ta’ San Pawl: “Jalla l-Mulej ikattrilkom u jfawwarkom bl-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd” (1 Tess 3:12). Dwar dan, ix-xhieda tal-pagani fuq l-Insara tal-Knisja tal-bidu għandha tibqa’ quddiem għajnejna u bħal fanal fuq ix-xefaq tagħna: “Araw kemm jinħabbu, jinħabbu tassew” (Tertulljanu, Apologetico, 39, 7).
Fl-aħħar nett, is-salvazzjoni mħabbra ta’ Alla tilbes mill-ġdid il-karattru ta’ qawwa li ma tintrebaħx u li għad tirbaħ fuq kollox. Fil-fatt, wara li ħabbar lid-dixxipli tiegħu s-sinjali terribbli li għad jidhru qabel il-miġja tiegħu, Ġesù jikkonkludi: “Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib” (Lq 21:28). U San Pawl jitkellem fuq imħabba “li tikber u tfur”, għax ix-xhieda Nisranija għandha tirrifletti din il-qawwa irreżistibbli li dwarha jitkellem il-Vanġelu. Mela hu anki qalb it-taqlib li qatt ma deher bħalu qabel li Ġesù jrid juri l-qawwa kbira tiegħu, il-glorja tiegħu li ma titqabbilx (ara Lq 21:27) u l-qawwa ta’ l-imħabba li ma ċċedi quddiem xejn, la quddiem is-smewwiet li jitqallbu, la quddiem l-art taqbad, lanqas quddiem l-imwieġ qalila. Alla hu iżjed b’saħħtu u iżjed qawwi minn kollox. Din il-konvinzjoni tagħti lil min jemmen is-serenità, il-kuraġġ u l-qawwa li jippersevera fit-tajjeb quddiem l-agħar kuntrarju. Mqar meta jaħbtu għalihom il-qawwiet tal-ħażen, l-Insara għandhom ikunu pronti, b’rashom merfugħa, lesti biex jieqfu sodi f’din il-battalja fejn Alla sa jkollu l-aħħar kelma. U din il-kelma sa tkun waħda ta’ mħabba u ta’ paċi!
Lil dawk kollha li jinqdew inġustament bl-armi ta’ din id-dinja, jien nagħmlilhom dan l-appell: ċedu dawn l-armi tal-mewt; pjuttost armaw ruħkom bil-ġustizzja, bl-imħabba u bil-ħniena, garanzija awtentika tal-paċi. Dixxipli ta’ Kristu, saċerdoti, reliġjużi jew lajċi impenjati f’dan il-pajjiż bl-isem hekk suġġestiv, postu fil-qalba ta’ l-Afrika u li hu msejjaħ jiskopri lill-Mulej bħala ċ-Ċentru veru ta’ dak kollu li hu tajjeb, il-vokazzjoni tagħkom hi li tlaħħmu l-qalb ta’ Alla fost iċ-ċittadini sħabkom. Ħa jagħmilna l-Mulej kollha “qawwija… ikollkom qdusija bla għajb quddiem Alla, Missierna, għal meta jiġi Sidna Ġesù mdawwar bil-qaddisin tiegħu!” (1 Tess 3:13). Rikonċiljazzjoni, maħfra, imħabba u paċi! Amen.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard