VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-KENJA, L-UGANDA U R-REPUBBLIKA TA’ L-AFRIKA ĊENTRALI

(25-30 TA’ NOVEMBRU 2015)

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Grawnd tal-Kumpless sportiv Barthélémy Boganda, Bangui

(Repubblika ta’ l-Afrika Ċentrali)

It-Tnejn 30 ta’ Novembru 2015

 

Aħna u nisimgħu l-Ewwel Qari, nafu nibqgħu mistagħġba biż-żelu u d-dinamiżmu missjunarju li kellu l-Appostlu Pawlu.  “Kemm huma sbieħ riġlejn dawk li jħabbru l-ġid” (Rum 10:15)!  Din għalina hi stedina biex irroddu ħajr għad-don tal-fidi li rċivejna minn dawn il-messaġġiera li għaddewhielna.  Hi wkoll stedina biex nistagħġbu quddiem l-opra missjunarja li ġabet għall-ewwel darba – mhux wisq żmien ilu – il-ferħ tal-Vanġelu fuq din l-art maħbuba ta’ l-Afrika Ċentrali.  Hu sewwa, fuq kollox meta ż-żminijiet huma diffiċli, meta ma jonqsux il-provi u t-tbatijiet, meta l-futur hu inċert u nħossuna għajjenin, għax nibżgħu li m’aħniex ħa naslu, sewwa li ninġabru madwar il-Mulej, kif qed nagħmlu l-lum, biex nithennew bil-preżenza tiegħu, bil-ħajja ġdida u s-salvazzjoni li qed jipproponilna, bħal xatt ieħor li lejh jeħtieġ naqsmu.

 

Dan ix-xatt l-ieħor hu bla dubju ta’ xejn il-ħajja ta’ dejjem, il-Ġenna fejn aħna mistennija.  Din il-ħarsa lejn id-dinja li għad trid tiġi dejjem wieżnet il-kuraġġ ta’ l-Insara, ta’ l-iżjed foqra, ta’ l-iżjed ċkejkna, fil-pellegrinaġġ tagħhom fuq din l-art.  Din il-ħajja ta’ dejjem m’hix xi illużjoni, m’hix xi ħarba mid-dinja; hi realtà qawwija li ssejħilna u timpenjana għall-perseveranza fil-fidi u fl-imħabba.

 

Imma x-xatt l-ieħor iżjed immedjat, li aħna nfittxu li nilħqu, din is-salvazzjoni li ġġibilna l-fidi u li fuqha jitkellem San Pawl, hi realtà li tibdel minn issa l-ħajja preżenti tagħna u d-dinja li fiha ngħixu: “Wieħed jemmen f’qalbu biex ikollu l-ġustizzja” (ara Rum 10:10).  Hu jilqa’ l-istess ħajja ta’ Kristu li tagħmlu kapaċi jħobb lil Alla u jħobb lill-aħwa b’mod ġdid, sa ma jerġa’ jwelled dinja mġedda mill-imħabba.

 

Irroddu ħajr lill-Mulej għall-preżenza tiegħu u għall-qawwa li jagħtina fil-ħajja ta’ kuljum tagħna meta nġarrbu t-tbatija fiżika jew morali, weġgħa, luttu; għas-solidarjetà u l-ġenerożità li jagħmilna kapaċi nwettqu; għall-ferħ u l-imħabba li jixgħel fil-familji tagħna, fil-komunitajiet tagħna, minkejja, xi drabi, il-miżerja, il-vjolenza li mdawrin biha jew il-biża’ mill-għada; għall-kuraġġ li jqiegħed fi qlubna biex noħolqu relazzjonijiet ġodda ta’ ħbiberija, niddjalogaw ma’ min m’hux bħalna, li naħfru lil min għamlilna d-deni, li nħabirku b’riżq il-bini ta’ soċjetà iżjed ġusta u fraterna fejn ħadd m’hu abbandunat.  F’dan kollu, Kristu Rxoxt jaqbdilna jdejna u jeħodna nimxu warajh.  U jien nixtieq irrodd ħajr magħkom lil Alla tal-ħniena għal dak kollu li takom li tagħmlu sabiħ, ġeneruż, kuraġġjuż, fil-familji tagħkom u fil-komunitajiet tagħkom, matul il-ġrajjiet li seħħu f’pajjiżkom sa minn bosta snin ilu.

 

Madankollu, hu minnu wkoll li għadna ma wasalniex fid-destinazzjoni tagħna, qisna qegħdin f’nofs ix-xmara, u jeħtieġ niddeċiedu bil-kuraġġ, f’impenn missjunarju mġedded, li naqsmu lejn ix-xatt l-ieħor.  Kull mgħammed għandu kontinwament iwarrab dak li għad hemm fih mill-bniedem il-qadim, mill-bniedem midneb, dejjem lest biex jerġa’ jqum għas-sejħa tad-Demonju – u dak kollu li hu jagħmel fid-dinja tagħna u fiż-żmien ta’ kunflitti, ta’ mibegħda u ta’ gwerra li qed ngħixu fih –, li jrid iwasslu għall-egoiżmu, biex jingħalaq fih innifsu u jkun suspettuż, vjolenti u jdur għall-istint tal-qerda, tal-vendetta, ta’ l-abbandun u ta’ l-abbuż ta’ l-iżjed dgħajfa…

 

Aħna nafu wkoll xi triq twila fadlilhom jimxu l-komunitajiet Insara tagħna, imsejħin għall-qdusija.  Bla dubju, kollha għandna għax nitolbu maħfra lill-Mulej għall-ħafna reżistenzi u għal kemm noqogħdu nitlajjaw biex nagħtu xhieda tal-Vanġelu.  Jalla s-Sena Ġubilari tal-Ħniena, li għadha kemm fetħet fil-pajjiż tagħkom, tkun l-okkażjoni t-tajba.  U intom, għeżież ċittadini ta’ l-Afrika Ċentrali, għandkom fuq kollox tħarsu lejn il-futur u, qawwija fil-mixja li diġà terraqtu, tiddeċiedu b’fermezza li twettqu tappa ġdida fl-istorja Nisranija ta’ pajjiżkom, li timxu lejn ixfqa ġodda, li tinżlu iktar fil-fond, fl-ilmijiet profondi.  L-Appostlu Indrì, ma’ ħuh Pietru, lanqas għal waqt wieħed ma qagħdu jaħsbuha jħallux kollox għas-sejħa ta’ Ġesù, biex jimxu warajh: “U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh” (Mt 4:20).  Nibqgħu mistagħġba, anki hawn, bl-entużjażmu min-naħa ta’ l-Appostli, daqskemm jiġbidhom lejH Kristu, daqskemm iħossu li biH magħhom kollox jistgħu jagħmlu u għal kollox jifilħu.

 

Għalhekk, kull wieħed u waħda minna fil-qalb tiegħu jista’ jagħmel din il-mistoqsija hekk importanti fuq ir-rabta personali tiegħu ma’ Ġesù, jeżamina dak li diġà aċċetta – jew irrifjuta – biex wieġeb għas-sejħa tiegħu u jimxi warajh iktar mill-qrib.  L-għajta tal-messaġġiera qed tidwi iktar minn qatt qabel f’widnejna, propju meta ż-żminijiet huma iebsin; dik l-għajta li “tasal ma’ l-art kollha […] sa truf l-art kollha” (ara Rum 10:18; Salm 18:5).  U tidwi hawn, il-lum, f’din l-art ta’ l-Afrika Ċentrali; tidwi fi qlubna, fil-familji tagħna, fil-parroċċi tagħna, kull fejn ngħixu, u tistedinna għall-perseveranza fiż-żelu tal-missjoni, missjoni li teħtieġ messaġġiera ġodda, iżjed fil-għadd, iżjed ġenerużi, iżjed hienja, iżjed qaddisa.  U aħna lkoll imsejħa nkunu, kull wieħed u waħda, dan il-messaġġier li ħuna, minn kull razza, reliġjon, kultura, qed jistenna, spiss mingħajr ma jaf.  Fil-fatt, kif dan ħuna jista’ jemmen fi Kristu – jistaqsi San Pawl – jekk il-Kelma la hi mismugħa u lanqas imxandra?

 

Aħna wkoll, fuq l-eżempju ta’ l-Appostlu, jeħtieġ nimtlew bit-tama u bil-ħeġġa għall-futur.  Ix-xatt l-ieħor jinsab qrib, u Ġesù jaqsam l-għadira magħna.  Hu qam mill-mewt; minn dak in-nhar il-provi u t-tbatija li nġarrbu huma dejjem okkażjonijiet li jiftħu futur ġdid jekk aħna naċċettaw li nintrabtu mal-Persuna tiegħu.  Insara ta’ l-Afrika Ċentrali, kull wieħed u waħda minnkom hu msejjaħ ikun, bil-perseveranza tal-fidi tiegħu u bl-impenn missjunarju tiegħu, bennej tat-tiġdid uman u spiritwali ta’ pajjiżkom.  Nisħaq, bennejja tat-tiġdid uman u spiritwali.

 

Il-Verġni Marija, li wara li qasmet fit-tbatija tal-passjoni, issa taqsam fl-hena perfett ma’ Binha, tħariskom u tqawwikom f’din il-mixja ta’ tama.  Amen.

 

* * *

 

Qabel nagħtikom il-barka tiegħi, f’din il-festa ta’ Sant’Andrija, minn hawn, mill-qalba ta’ l-Afrika, nixtieq insellem lill-għażiż ħija Bartilmew, Patrijarka Ekumeniku.  Nagħmillu l-awguri ta’ ferħ, ta’ fraternità, u nitlob lill-Mulej ibierek lill-Knejjes ħutna.

 

Barka.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard