Għeżież ħuti,
Kunent li għandi l-okkażjoni niltaqa’ magħkom hawnhekk fil-Fakulta’ tat-Teoloġija Evanġelika. Nirringrazzja lid-Dekan tal-Fakulta’ u lill-President tal-Alleanza tal-Evanġeliċi fl-Afrika Ċentrali għall-kliem ġentili tagħhom ta’ merħba. B’sentiment profond ta’ mħabba fraterna, insellem lil kull wieħed u waħda minnkom u permezz tagħkom anki lill-membri tal-komunitajiet tagħkom. Aħna lkoll qegħdin hawn biex naqdu lill-istess Kristu Rxost, li llum qed jiġborna lkoll hawnhekk flimkien. U għax irċevejna l-istess Magħmudija, aħna mistiedna biex inħabbru l-ferħ tal-Evanġelju lill-irġiel u n-nisa ta’ dan il-pajjiż għażiż tal-Afrika Ċentrali.
Il-poplu tagħkom ilu żmien twil għaddej minn tiġrib u vjolenza li jġibu magħhom ħafna tbatija. U dan juri kemm hu meħtieġ u urġenti li nwasslu t-tħabbira tal-Evanġelju. Għax hu l-ġisem ta’ Kristu stess li qed ibati; qed ibati fil-membri l-aktar għeżież tiegħu: il-foqra , il-morda, l-anzjani u l-imwarrbin, it-tfal bla ġenituri jew dawk li jridu jaqdfu għal rashom, bla ħadd jiggwidhom u bla edukazzjoni. Hemm ukoll dawk miġruħa f’ruħhom u f’ġisimhom mill-vjolenza u mill-mibegħda, dawk li l-gwerra ċaħdithom minn kollox, mix-xogħol, mid-dar, mill-għeżież tagħhom.
Alla jħares lejn dawk kollha li qed ibatu bla ebda differenza. Dan l-ekumeniżmu spiss sejjaħtlu ekumeniżmu tad-demm. Il-komunitajiet tagħna kollha qed ibatu minħabba l-inġustizzja u l-mibegħda għamja mqanqla mix-xitan. Nixtieq nieħu din l-opportunita’ biex nesprimi s-solidarjeta’ tiegħi u ngħid li jien qrib ta’ Pastor Nicholas li dan l-aħħar id-dar tiegħu ġiet mġarrfa u anki mogħtija n-nar, kif sar ukoll liċ-ċenrtu tal-komunita’ tiegħu. F’dan il-kuntest diffiċli, il-Mulej ma jieqafx jistedinna biex nuru t-tenerezza, il-kumpassjoni u l-ħniena tiegħu ma’ kulħadd. Din it-tbatija komuni u din il-missjoni komuni huma okkażjoni providenzjali biex inkomplu nimxu dejjem aktar ‘l quddiem fit-triq tal-unita’, u huma wkoll mezz spiritwali indispensabbli. Kif jista’ l-Missier jirrifjuta l-grazzja tal-unita’, ukoll jekk b’mod imperfett, lil uliedu li qed ibatu flimkien u li f’diversi ċirkustanzi jiddedikaw ruħhom flimkien għall-qadi ta’ ħuthom il-bnedmin?
Għeżież ħuti, il-firda bejn l-insara hi skandlu, l-ewwelnett għax tmur kontra r-rieda tal-Mulej. Hi skandlu wkoll meta tikkunsidra kemm hawn mibegħda u vjolenza li qed ifarrku u jifirdu l-umanita’, u meta tara tant forom ta’ oppożizzjoni kontra l-Evanġelju ta’ Kristu. Napprezza l-ispirtu ta’ rispett reċiproku u ta’ kollaborazzjoni li teżisti fost l-insara ta’ pajjiżkom u nħeġġiġkom tkomplu f’din it-triq b’servizz komuni fil-karita’. Din hi xhieda ta’ Kristu, li tibni l-unita’.
Jalla dejjem aktar u b’kuraġġ, tkattru l-perseveranza u l-imħabba, l-impenn fit-talb u r-riflessjoni komuni filwaqt li ssiru tafu dejjem aktar lil xulxin, u tkabbru l-fiduċja u l-ħbiberija lejn xulxin, ħalli titwettaq il-milja tal-komunjoni li fiha nittamaw bis-sħiħ.
Niżgurakom mit-talb tiegħi f’din il-mixja fraterna ta’ servizz, ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ ħniena, mixja fit-tul imma mimlija ferħ u tama.
Nitlob lill-Mulej Ġesu’ biex iberikkom ilkoll; nitolbu jbierek il-komunitajiet tagħkom u l-Knisja tagħna wkoll. U nitlobkom titolbu għalija. Grazzi ħafna.
Miġjub għall-Malti minn Vivienne Attard.