(Padre Lombardi)

Santità, merħba fostna għal din il-laqgħa li issa saret tradizzjoni u kollha nistennewha.  Aħna grati ħafna lejk li wara vjaġġ hekk intens għadek trid issib il-ħin għalina, u għalhekk nifhmu tajjeb ħafna kemm int disponibbli biex tgħinna.

 

Qabel nibdew bis-serje ta’ mistoqsijiet, xtaqt imma, anki f’isem il-kollegi tiegħi, nirringrazzja lill-EBU, il-European Broadcasting Union, li organizzat ix-xandiriet diretti mill-Afrika Ċentrali.  Ix-xandiriet diretti fuq it-televiżjoni li mill-Afrika Ċentrali xterdu mad-dinja kollha setgħu jsiru grazzi għall-European Broadcasting Union, u hawn għandna lil Elena Pinardi.  Nirringrazzjawha f’isem kulħadd.  L-EBU qed tfakkar il-65 sena ta’ ħidma tagħha, u nistgħu naraw li għad  hemm bżonnha, u għalhekk aħna grati ħafna lejha.

 

Allura, issa bħas-soltu ħsibna li nibdew b’dawk li laqgħuna f’pajjiżhom.  Billi għandna erba’ Kenjani, żewġ mistoqsijiet issa, fil-bidu, mill-Kenja.  L-ewwel waħda hi ta’ Namu Name, mill-Kenya Daily Nation.

 

(Bernard Namuname, Kenya Daily Nation)

Insellimlek, Santità.  Fil-Kenja int iltqajt mal-familji foqra f’Kangemi.  Smajt l-istejjer tagħhom ta’ esklużjoni mid-drittijiet fundamentali umani bħalma hu n-nuqqas ta’ aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb.  Dak in-nhar stess, int mort fl-istadju Kasarani fejn iltqajt maż-żgħażagħ.  Anki huma rrakkuntawlek l-istejjer tagħhom ta’ esklużjoni, minħabba fir-regħba tal-bnedmin u l-korruzzjoni tagħhom.  X’ħassejt int u tisma’ l-istejjer tagħhom?  U x’hemm bżonn nagħmlu biex inwaqqfu dawn l-inġustizzji?  Grazzi.

 

(Il-Papa Franġisku)

Fuq din il-problema, tkellimt ta’ l-inqas tliet darbiet b’mod qawwi.  Fl-ewwel laqgħa tal-Movimenti popolari, fil-Vatikan; fit-tieni laqgħa tal-Movimenti popolari, f’Santa Cruz de la Sierra, fil-Bolivja; u mbagħad darbtejn, darbtejn oħra: fl-Evangelii gaudium, xi ftit, u mbagħad b’mod ċar u b’saħħtu fil-Laudato si’.  Jien ma niftakarx l-istatistiċi u għalhekk nitlobkom ma tippubblikawx l-istatistiċi li ħa nsemmi, għax ma nafx humiex veri, imma smajt… naħseb li t-80% ta’ l-għana tad-dinja hu f’idejn is-17% tal-popolazzjoni; ma nafx dan hux minnu, imma jekk m’hux minnu, xi mkien ’l hemm qegħdin, għax hekk huma l-affarijiet.  Jekk xi ħadd minnkom jaf b’din l-istatistika, nitolbu jgħidhielna biex tkun korretta.  Hi sistema ekonomika fejn fiċ-ċentru hemm il-flus, l-alla flus.  Niftakar darba ltqajt ma’ ambaxxatur kbir, jitkellem bil-Franċiż, u qalli din il-frażi – ma kienx Kattoliku – imma qalli: Nous sommes tombés dans l’idolâtrie de l’argent”.  U jekk l-affarijiet ikomplu hekk, id-dinja tkompli miexja hekk.  Int staqsejtni x’ħassejt għax-xhieda taż-żgħażagħ f’Kangemi, fejn ukoll tkellimt ċar fuq id-drittijiet.  Ħassejt l-uġigħ tagħhom.  U naħseb kif in-nies m’hix tintebaħ…  Tbatija kbira.  Il-bieraħ, ngħidu aħna, mort fl-isptar tat-tfal: l-uniku wieħed f’Bangui u fil-pajjiż!  U fit-taqsima tat-terapija intensiva m’għandhomx l-istrumenti għall-ossiġnu.  Kien hemm tant tfal li lanqas qed jieklu tajjeb, ħafna.  U t-tabiba qaltli: “Dawn fil-parti l-kbira tagħhom se jmutu, għax għandhom il-malarja, qawwija, u ma jiklux tajjeb”.  Il-Mulej – imma ma rridx nagħmel omelija! –, il-Mulej dejjem kien iċanfar lill-poplu, lill-poplu ta’ Israel – din hi kelma li aħna naċċettaw u nqimu, għax hi l-Kelma ta’ Alla – minħabba fl-idolatrija.  U l-idolatrija hi meta raġel jew mara jitilfu l-“karta ta’ l-identità”, li huma wlied Alla, u jippreferixxu jfittxu alla tad-daqs tagħhom.  Dan hu l-bidu.  Ibda minn hekk, jekk l-umanità ma tinbidilx, ikomplu l-miżerji, it-traġedji, il-gwerer, it-tfal imutu bil-ġuħ, l-inġustizzja…  X’qed jaħseb dan il-persentaġġ ta’ nies li għandhom f’idejhom it-80% ta’ l-għana tad-dinja?  U dan m’hux komuniżmu, din hi verità.  U l-verità m’hix ħaġa ħafifa narawha.  Jien nirringrazzjak li għamiltli din il-mistoqsija, għax din hi l-ħajja…

 

(Padre Lombardi)

U issa, it-tieni mistoqsija ġejja wkoll minn kollega ieħor mill-Kenja, minn Mumo Makau, mir-Radio Capital tal-Kenja.  Anki hu se jagħmel il-mistoqsija bl-Ingliż u jittraduċi Matteo.

 

(Mumo Makau, Radio Capital tal-Kenja)

Grazzi ħafna ta’ din l-opportunità, Santità.  Nixtieq naf x’kien għalik l-iktar mument memorabbli f’dan il-vjaġġ fl-Afrika?  Ma ddumx ma terġa’ tiġi f’dan il-kontinent?  U liema hi d-destinazzjoni li jmiss tiegħek?

 

(Il-Papa Franġisku)

Nibdew mill-aħħar: jekk kollox imur sew, naħseb li l-vjaġġ li jmiss sa jkun fil-Messiku.  Id-dati għadhom m’humiex preċiżi.  It-tieni: nerġax niġi fl-Afrika?  Imma, ma nafx…  Jien anzjan, il-vjaġġi huma tqal…  U l-ewwel mistoqsija: liema kien dak il-mument [li laqatni l-iktar]…  Tiġini f’moħħi dik il-folla, dak il-ferħ, dik il-kapaċità li tiffesteġġjaw, li tagħmlu festa fuq stonku vojt.  Għalija l-Afrika kienet sorpriża.  Jien ħsibt hekk: Alla jissorprendina, imma anki l-Afrika tissorprendina!  Ħafna mumenti…  Il-folla, il-folla.  Tħossha miżjura.  Għandhom sens kbir ta’ merħba.  Rajt, fit-tliet pajjiżi, li għandhom dan is-sens ta’ akkoljenza, għax kienu ferħanin li ħassewhom miżjura.  Imbagħad, kull pajjiż għandu l-identità tiegħu.  Il-Kenja hi ftit iktar moderna, żviluppata.  L-Uganda għandha l-identità tal-martri: il-poplu Ugandiż, kemm dak Kattoliku u kemm dak Anglikan, iqim il-martri.  Jien kont fiż-żewġ santwarji, dak Anglikan, l-ewwel, imbagħad dak Kattoliku; u l-memorja tal-martri hi l-karta ta’ l-identità tiegħu.  Il-kuraġġ li wieħed jagħti ħajtu għal ideal.  U r-Repubblika ta’ l-Afrika Ċentrali: ix-xewqa għall-paċi, għar-rikonċiljazzjoni, għall-maħfra.  Sa erba’ snin ilu huma għexu bħala aħwa, Kattoliċi, Protestanti, Musulmani.  Il-bieraħ mort għand l-Evanġeliċi, li jaħdmu tajjeb ħafna, u mbagħad ġew għall-Quddiesa, fil-għaxija.  Il-lum mort il-moskea, tlabt fil-moskea; anki l-Imam tela’ fuq il-popemobile biex nagħmlu d-dawra mal-grawnd ċkejken…  Dan hu: il-ġesti żgħar, dan hu li jridu, għax hemm grupp ċkejken li, naħseb, hu Nisrani jew jgħid li hu Nisrani, li hu vjolenti ħafna, dan  ma fhimtux sew…, imma dan m’hux l-Isis, dak ħaġa oħra.  U jridu l-paċi.  Issa se jinżammu l-elezzjonijiet, għażlu Stat ta’ transizzjoni, għażlu s-sindku [ta’ Bangui], din is-Sinjura, bħala president ta’ l-Istat ta’ transizzjoni, u hi ħa tagħmel l-elezzjonijiet; imma qed ifittxu l-paċi, bejniethom, ir-rikonċiljazzjoni, xejn mibegħda.

 

(Padre Lombardi)

Issa ngħaddu l-kelma lil Philip Pulella, li hu kollega tagħna mir-Reuters, li kollha nafu.

 

(Philip Pulella, Reuters)

Santità, il-lum nisimgħu ħafna fuq il-“Vatileaks”.  Bla ma nidħlu fil-mertu tal-proċess li għaddej, nixtieq nagħmillek din il-mistoqsija.  Int, fl-Uganda tkellimt b’mod spontanju, għidt li l-korruzzjoni teżisti kullimkien, u anki fil-Vatikan.  Allura, il-mistoqsija tiegħi hi din: x’importanza għandha l-istampa ħielsa u lajka biex teqred din il-korruzzjoni, kull fejn tinsab?

 

(Il-Papa Franġisku)

L-istampa ħielsa, lajka u anki konfessjonali, imma professjonali – għax il-professjonalità ta’ l-istampa tista’ tkun kemm lajka u kemm konfessjonali, l-importanti li jkunu professjonisti ta’ veru, li l-aħbarijiet ma jiġux immanipulati – għalija hi importanti, għax il-kundanna ta’ l-inġustizzji, tal-korruzzjoni, hi xogħol tajjeb, għax tgħid: “Hemm tinsab il-korruzzjoni”.  U mbagħad min hu responsabbli jkollu jagħmel xi ħaġa, jagħmel ġudizzju, jagħmel tribunal.  Imma l-istampa professjonali trid tgħid kollox, bla ma taqa’ fit-tliet dnubiet l-iżjed komuni: id-‘diżinformazzjoni’ – tgħid nofs l-informazzjoni u ma tgħidx in-nofs l-ieħor; il-kalunnja – l-istampa mhux professjonali: meta m’hemmx professjonalità, tħammeġ lill-ieħor b’verità jew m’hix; u d-diffamazzjoni, li hi meta tgħid ħwejjeġ li jisirqu l-fama tal-persuna, ħwejjeġ li bħalissa m’huma jagħmlu l-ebda ħsara, xejn, forsi ħwejjeġ tal-passat…  U dawn huma t-tliet difetti li qed jaħbtu għall-professjonalità ta’ l-istampa.  Għandna bżonn tal-professjonalità.  Il-ġust: il-ħaġa hi hekk, hekk u hekk.  U fuq il-korruzzjoni, tara tajjeb l-informazzjoni u tagħtiha: iva, jekk hemm il-korruzzjoni hawn, minħabba f’dan, dak u dik…  Imbagħad, ġurnalista li hu professjonista ta’ vera, jekk jiżbalja, jitlob skuża: Hekk kont naħseb, imma mbagħad intbaħt li m’hux hekk.  U hekk l-affarijiet jimxu tajjeb ħafna.  Dan importanti ħafna.

 

(Padre Lombardi)

Mela issa ngħaddu l-kelma lil Philippine de Saint-Pierre, li hi responsabbli mit-televiżjoni Kattolika Franċiża: mela, immorru Franza, f’Pariġi.  Ilkoll ninsabu qrib ħafna ta’ Franza f’dan il-perjodu.

 

(Philippine De Saint-Pierre, responsabbli mit-televiżjoni Kattolika Franċiża KTO)

Santità, il-lejla t-tajba.  Int tajt omaġġ lill-pjattaforma maħluqa mill-Arċisqof, mill-Imam u mill-Pastor ta’ Bangui, u l-lum iżjed minn qatt qabel nafu li l-fundamentaliżmu reliġjuż qed jhedded il-pjaneta sħiħa: dan rajnieh f’Pariġi wkoll.  Allura, quddiem dan il-periklu taħseb int li d-dinjitarji reliġjużi għandhom jintervienu iżjed fil-kamp politiku?

 

(Il-Papa Franġisku)

Jintervienu fil-kamp politiku: jekk qed tifhem “jagħmlu l-politika”, le.  Li jkun qassis, pastor, imam, rabbin: din hi l-vokazzjoni tiegħu.  Imma indirettament ikun jagħmel il-politika meta jippriedka l-valuri, valuri veri, u wieħed mill-ikbar valuri hu l-fratellanza bejnietna.  Aħna lkoll ulied Alla, għandna l-istess Missier.  U f’dan is-sens, irridu nsawru politika ta’ għaqda, ta’ rikonċiljazzjoni… – hi kelma li ma togħġobnix, imma jkolli nużaha – ta’ tolleranza, imma mhux biss tolleranza, konvivenza, ħbiberija!  Hekk hu.  Il-fundamentaliżmu hu marda li ssibha fir-reliġjonijiet kollha.  Aħna l-Kattoliċi għandna xi wħud, mhux xi wħud, ħafna, li jemmnu li għandhom il-verità assoluta u joqogħdu jħammġu lill-oħrajn bil-kalunnja, bid-diffamazzjoni, u jagħmlu l-ħsara, jagħmlu l-ħsara.  U dan qed ngħidu għax din hi l-Knisja tiegħi, anki tagħna, kollha!  U rridu neħduha kontra dan.  Il-fundamentaliżmu reliġjuż m’hux reliġjuża.  Għaliex?  Għax m’hemmx Alla fih.  Hu idolatriku, l-istess kif huma idolatriċi l-flus.  Nagħmlu l-politika fis-sens li nikkonvinċu lil dawn in-nies li għandhom din it-tendenza, hi politika li rridu nagħmlu aħna l-mexxejja reliġjużi.  Imma l-fundamentaliżmu li jispiċċa dejjem fi traġedja jew f’reati, hu ħaġa ħażina, imma ssib xi ftit minnu f’kull reliġjon.

 

(Padre Lombardi)

Issa ngħaddu l-kelma lil Cristiana Caricato li qed tirrappreżenta lil Tv2000, it-televiżjoni Kattolika Taljana ta’ l-Isqfijiet.

 

(Cristiana Caricato minn Tv2000)

Santità, waqt li aħna dal-għodu konna Bangui, f’Ruma kienet qed tinżamm udjenza oħra tal-proċess ta’ Mons. Vallejo Balda, ta’ Chaouqui u taż-żewġ ġurnalisti.  Se nagħmillek il-mistoqsija li għamlulna wkoll ħafna persuni: Għaliex dawn iż-żewġ nomini?  Kif seta’ jkun li fil-proċess ta’ riforma li tajt bidu għalih int, żewġ persuni ta’ dan it-tip setgħu daħlu f’Kummissjoni, il-COSEA?  Taħseb li għamilt żball?

 

(Il-Papa Franġisku)

Jien naħseb li sar żball.  Mons. Valleja Balda daħal għall-kariga li kellu u li żamm sa issa.  Hu kien segretarju tal-Prefettura ta’ l-Affarijiet Ekonomiċi, u hu daħal.  U mbagħad, kif daħlet hi, imma m’iniex ċert, imma naħseb m’iniex niżbalja jekk ngħid – imma m’iniex ċert – li kien hu li ppreżentaha bħala mara midħla tad-dinja tar-relazzjonijiet kummerċjali…  Ħadmu, u meta temmu l-ħidma tagħhom il-membri ta’ dik il-kummissjoni li kien jisimha COSEA baqgħu f’xi postijiet, fil-Vatikan.  L-istess Vallejo Balda.  U s-Sinjura Chaouqui ma baqgħetx il-Vatikan għax daħlet għall-kummissjoni u mbagħad ma baqgħetx.  Xi wħud jgħidu li għalhekk irrabjat, imma l-imħallfin sa jgħidulna l-verità fuq l-intenzjonijiet, kif għamlu hekk…  Għalija [dan ħareġ] ma kinitx sorpriża, ma tajritlix in-ngħas, għax propjament hekk deher ix-xogħol li beda bil-Kummissjoni tal-Kardinali – is-“C9” – li jfittxu l-korruzzjoni u dak li m’hux miexi sew.  U hawn nixtieq ngħid ħaġa – m’għandhiex x’taqsam ma’ Vallejo Balda u Chaouqui, imma b’mod ġenerali, u mbagħad nerġa’ lura fuq hekk, jekk trid –: il-kelma “korruzzjoni” – qalha wieħed miż-żewġ Kenjani – tlettax-il jum qabel il-mewt ta’ San Ġwanni Pawlu II, f’dik il-Via Crucis, dak in-nhar il-Kardinal Ratzinger, li kien imexxi l-Via Crucis, tkellem dwar il-“ħmieġ tal-Knisja”: hu kkundanna dan!  L-ewwel!  Imbagħad imut il-Papa fl-Ottava ta’ l-Għid – kienet il-Ġimgħa l-Kbira –, imut il-Papa Ġwanni Pawlu II, u hu sar Papa.  Imma fil-Quddiesa “pro eligendo Pontifice” – hu kien Dekan – tkellem fuq l-istess ħaġa, u aħna eleġġejnieh minħabba f’din il-libertà tiegħu li jgħid l-affarijiet.  Ilu minn dak iż-żmien li fl-arja tal-Vatikan ingħad li hemm il-korruzzjoni, hemm il-korruzzjoni.  Fuq dan il-ġudizzju, jien għaddejt lill-imħallfin l-akkużi konkreti, għax dak li jinteressa lid-difiża hu l-formulazzjoni ta’ l-akkużi.  Jien ma qrajthomx, l-akkużi konkreti, tekniċi.  Jien ridt li dan jagħlaq qabel it-8 ta’ Diċembru, għas-Sena tal-Ħniena, imma naħseb li ma jistax ikun, għax nixtieq li l-avukati kollha tad-difiża jkollhom il-ħin biex jiddefendu, li jkun hemm il-libertà tad-difiża, kollha.  Hekk hu: kif ġew magħżula, u l-istorja kollha.  Imma l-korruzzjoni ilha ġejja.

 

(Cristiana Caricato)

Imma int x’għandek f’moħħok li tagħmel, kif tixtieq tipproċedi biex dawn l-episodji ma jerġgħux iseħħu?

 

(Il-Papa Franġisku)

Imma… jien nirringrazzja lil Alla li m’hawnx Lucrezia Borgia! [jidħku]  Ma nafx, inkompli miexi mal-kardinali, bil-missjoni li nnaddfu…  Grazzi.

 

(Padre Lombardi)

Grazzi.  Allura, issa jmiss lil Néstor Pongutá.  Néstor Pongutá hu Kolumbjan, jaħdem għal La W Radio u naħseb anki għal Caracol, insomma hu ħabib għażiż…

 

(Nèstor Ponguta, La W Radio u Caracol)

Santità, qabel xejn grazzi ta’ dak kollu li għidt b’riżq il-paċi f’pajjiżi, fil-Kolombja, u għal dak kollu li għamilt fid-dinja.  Imma f’din l-okkażjoni nixtieq nagħmillek mistoqsija partikulari.  Hu argument speċifiku li għandu x’jaqsam ma’ bidla politika fl-Amerika Latina, inkluża l-Arġentina, pajjiżek, fejn issa hemm is-Sur Macri wara tnax-il sena ta’ “Kirchneriżmu”, qed jinbidel xi ftit…  X’jidhirlek minn dawn il-bidliet, minn kif qed taqbad direzzjoni ġdida l-politika Amerikana Latina, tal-kontinent li minnu ġej int stess?

 

(Il-Papa Franġisku)

Jien smajt xi opinjoni, imma dwar din il-ġeopolitika, fil-verità, bħalissa ma nafx x’naqbad ngħid, tassew.  Tassew, ma nafx.  Għax, hemm problemi f’bosta pajjiżi fuq din il-linja, imma tassew ma nafx għaliex jew kif bdiet, ma nafx għaliex.  Tassew.  Li hemm bosta pajjiżi ta’ l-Amerika Latina f’din il-qagħda xi ftit jew wisq ta’ bidla, dan hu minnu, imma ma nafx nispjegah.

 

(Padre Lombardi)

Issa ngħaddu l-kelma lil Jürgen Baez mid-DPA, li jaħdem fl-Afrika ta’ Isfel.

 

(Jürgen Baez mid-DPA, l-Afrika ta’ Isfel)

Santità, l-AIDS qed tagħmel ħsara kbira lill-Afrika.  Il-kura l-lum qed tgħin lil ħafna persuni biex jgħixu fit-tul.  Imma l-epidemija għadha għaddejja.  Fl-Uganda biss, is-sena l-oħra kien hemm 135,000 persuna li laqqtu l-AIDS.  Fil-Kenja l-qagħda hi saħansitra agħar minn hekk.  L-AIDS hi l-ewwel kawża tal-mewt fost iż-żgħażagħ Afrikani.  Santità, int iltqajt ma’ tfal HIV-positive u smajt xhieda mqanqla fl-Uganda.  Madankollu, int ftit li xejn tkellimt fuq dan l-argument.  Aħna nafu li l-prevenzjoni hi fundamentali.  Nafu anki li l-kontraċettiv m’hux l-uniku mezz biex inwaqqfu l-epidemija.  Imma nafu li hu parti importanti mit-tweġiba.  Forsi wasal iż-żmien li l-Knisja tibdel il-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward?  Li tippermetti l-użu tal-kontraċettiv biex il-marda ma tibqax tixtered?

 

(Il-Papa Franġisku)

Jidhirli li l-mistoqsija hi żgħira wisq u jidhirli wkoll li hi mistoqsija parzjali.  Iva, hu wieħed mill-metodi; il-morali tal-Knisja ssib ruħha – naħseb – quddiem perplessità dwar dan il-punt: hu l-ħames jew is-sitt kmandament?  Niddefendu l-ħajja, jew li r-rapport sesswali jkun miftuħ għall-ħajja?  Imma m’hix din il-problema.  Il-problema hi ikbar.  Din il-mistoqsija ġġagħalni naħseb f’dik li darba għamlu lil Ġesù: “Għidilna, Mgħallem, tista’ tfejjaq nhar ta’ Sibt?”.  Hu obbligatorju tfejjaq!  Din il-mistoqsija, jekk tistax tfejjaq…  Imma l-ġuħ u l-għatx, l-abbuż tal-persuni, ix-xogħol sfurzat, in-nuqqas ta’ ilma tajjeb għax-xorb: dawn huma l-problemi.  Ejjew ma nistaqsux lilna nfusna jekk nistgħux nużaw din l-istikka jew l-oħra għal girfa żgħira.  Il-ġerħa l-kbira hi l-inġustizzja soċjali, l-inġustizzja ta’ l-ambjent, l-inġustizzja li semmejt ta’ l-abbuż, u n-nuqqas ta’ ikel u xorb għal kulħadd.  Din hi.  Jien ma niħux gost ninżel għal riflessjonijiet hekk każistiċi, meta hemm min qed imut minħabba li m’għandux x’jixrob u x’jiekol, minħabba l-ambjent li fih jgħix…  Meta kulħadd ikun fieq u meta ma jkunx hemm iżjed mard traġiku li jipprovoka lill-bniedem, kemm minħabba fl-inġustizzja soċjali, kemm minħabba l-gwadann tal-flus – aħseb ftit fit-traffikar ta’ l-armi! – meta ma jkunx hemm dawn il-problemi, naħseb li mbagħad inkunu nistgħu nistaqsu: “Tista’ tfejjaq nhar ta’ Sibt?”.  Għaliex ikomplu jiffabbrikaw l-armi u jittraffikaw l-armi?  Il-gwerer huma l-kawża ta’ l-ikbar imwiet…  Jien ngħid li m’għandniex noqogħdu naħsbu jekk hux leċitu jew le nfejqu s-Sibt.  Lill-umanità jien ngħidilha: agħmel ġustizzja, u meta kulħadd ikun fieq, meta ma jkunx hemm iżjed inġustizzja fid-dinja, nistgħu nitkellmu fuq is-Sibt.

 

(Padre Lombardi)

Marco Ansaldo mir-Repubblica, hemm hu, għall-grupp Taljan, li se jagħmillek il-mistoqsija tiegħu.

 

(Marco Ansaldo)

Iva, Santità, nixtieq nagħmillek mistoqsija ta’ dan it-tip, għax fil-ġurnali tal-ġimgħa l-oħra dehru żewġ ġrajjiet li fuqhom ikkonċentrat l-istampa.  Wieħed kien il-vjaġġ tiegħek fl-Afrika – u ovvjament kollha aħna kuntenti li għalaq b’suċċess kbir, fuq kull livell; l-ieħor kien il-kriżi, fuq livell internazzjonali, li rajna bejn ir-Russja u t-Turkija, bit-Turkija twaqqa’ ajruplan Russu għax daħal fl-ispazju ta’ l-ajru Tork għal sbatax-il sekonda; b’akkużi, skużi bla sens minn naħa u minn oħra, li kebbsu kriżi li frankament ma kellniex x’nambuha, f’din it-“tielet gwerra dinjija miġġielda f’biċċiet”, li dwarha int titkellem, fid-dinja tagħna.  Issa l-mistoqsija tiegħi hi: X’inhi l-pożizzjoni tal-Vatikan dwar dan?  Imma nixtieq anki mmur lil hemm u nistaqsik jekk, għal li jista’ jkun, ħsibtx li tattendi għall-101 anniversarju tal-ġrajjiet fl-Armenja, li sa jsir f’April, is-sena d-dieħla, l-istess kif kont għamilt is-sena l-oħra fit-Turkija…

 

(Il-Papa Franġisku)

Is-sena l-oħra jien wegħidt lit-tliet Patrijarki [Armeni] li kont se mmur: il-wegħda hemm qiegħda.  Ma nafx dan jistax isir, imma l-wegħda hemm qiegħda.  Imbagħad, il-gwerer: il-gwerer isiru minħabba fl-ambizzjoni, il-gwerer – qed nitkellem fuq il-gwerer mhux meta wieħed ġustament irid jiddefendi ruħu minn aggressur inġust –, imma l-gwerer, il-gwerer huma “industrija”!  Fl-istorja rajna ħafna drabi li pajjiż, jekk il-bilanċ ma jiġihx sew…  “Ejja nagħmlu gwerra!”, u hekk ineħħu l-“iżbilanċ”.  Il-gwerra hi biċċa negozju: negozju ta’ l-armi.  It-terroristi jagħmlu l-armi tagħhom?  Iva, forsi xi waħda żgħira.  Min jagħtihom l-armi biex jagħmlu l-gwerra?  Hemm xibka sħiħa ta’ interessi, fejn wara hemm il-flus, jew il-poter: il-poter imperjali, jew il-poter ekonomiku…  Imma aħna, ilna snin fi gwerra u kull darba ftit iżjed: il-“biċċiet” huma inqas biċċiet u saru ikbar…  U jien x’naħseb?  Il-Vatikan ma nafx x’jaħseb, imma x’naħseb jien?  Li l-gwerer huma dnub u huma kontra l-umanità, jeqirdu lill-bniedem, huma l-kawża ta’ abbużi, ta’ traffikar ta’ persuni, tant affarijiet…  Hemm bżonn jitwaqqfu.  Fil-Ġnus Magħquda, darbtejn għidtha din il-kelma, kemm hawn fil-Kenja u kemm fi New York: li xogħolhom m’għandux ikun nominaliżmu dikjarazzjonista, imma jkun effettiv: biex inġibu l-paċi.  Jagħmlu ħafna affarijiet: hawn l-Afrika rajt kif jaħdmu l-UN Peacekeepers…  Imma dan m’hux biżżejjed.  Il-gwerer m’humiex ta’ Alla.  Alla hu Alla tal-paċi.  Alla għamel id-dinja, ħalaq kollox sabiħ, kollox sabiħ u mbagħad, skond ir-rakkont Bibliku, wieħed qatel lil ħuh: l-ewwel gwerra, l-ewwel gwerra dinjija, bejn l-aħwa.  Ma nafx, dan jiġini li ngħid.  U b’ħafna wġigħ ta’ qalb qed ngħidu…  Grazzi.

 

(Padre Lombardi)

Mela issa ngħaddu l-kelma lil Beaudonnet, li jirrappreżenta lil France Télévisions: ninsabu mill-ġdid fi Franza.

 

(François Beaudonnet, minn France Télévisions)

Santità, il-lum f’Pariġi qed tiftaħ il-Konferenza fuq il-bidla fil-klima.  Int diġà għamilt sforz kbir biex kollox imur sew.  Imma aħna nistennew iżjed minn din il-laqgħa dinjija.  Aħna ċerti li l-Cop21 hu l-bidu ta’ soluzzjoni?  Grazzi ħafna.

 

(Il-Papa Franġisku)

Jien m’iniex ċert, imma nista’ ngħidlek li jew issa jew qatt!  Mill-ewwel waħda, li naħseb kienet f’Tokyo, għal din, ftit li xejn sar, u kull sena l-problemi jsiru iżjed gravi.  Waqt laqgħa ta’ universitarji fuq x’dinja nixtiequ nħallu lil uliedna, wieħed minnhom qal: “Imma int ċert li sa jkun hemm ulied għal din il-ġenerazzjoni?”.  Wasalna fit-tarf!  Wasalna fit-tarf ta’ suwiċidju, biex nuża kelma qawwija.  U jiena ċert li kważi dawk kollha li qegħdin Pariġi, għall-Cop21, huma konxji ta’ dan u jridu jagħmlu xi ħaġa.  L-aħħar darba qrajt li fi Greenland il-blokok tas-silġ tilfu miljuni ta’ tunnellati.  Fil-Paċifiku hemm pajjiż li qed jixtri minn għand pajjiż ieħor biex jittrasloka l-pajjiż, għax fi żmien għoxrin sena dak il-pajjiż ma jkunx jeżisti iżjed…  Le, jien għandi fiduċja.  Għandi fiduċja f’dawn in-nies, li se jagħmlu xi ħaġa; għax, ngħid jien, żgur li għandhom rieda tajba li jagħmlu, u nawgura li hekk hu.  U nitlob li dan iseħħ.

 

(Padre Lombardi)

Grazzi ta’ din in-nota ta’ ottimiżmu.  U issa, il-kelma lil Delia Gallagher, mis-CNN.

 

(Delia Gallagher, CNN)

Grazzi.  Int għamilt ħafna ġesti ta’ rispett u ta’ ħbiberija mal-Musulmani.  Nistaqsi: L-Islam u t-tagħlim ta’ Muhammad x’għandhom x’jagħtu lid-dinja tal-lum?

 

(Il-Papa Franġisku)

Ma fhimtx sew il-mistoqsija…  Nistgħu niddjalogaw, huma għandhom valuri.  Ħafna valuri.  Huma għandhom ħafna valuri u dawn il-valuri huma kostruttivi.  U jien għandi wkoll l-esperjenza ta’ ħbiberija – hi kelma qawwija, “ħbiberija” – ma’ Musulman: hu mexxej dinji…  Nistgħu nitkellmu: hu għandu l-valuri tiegħu, jien għandi tiegħi.  Hu jitlob, jien nitlob.  Ħafna valuri…  It-talb, ngħidu aħna.  Is-sawm.  Valuri reliġjużi, u anki valuri oħra.  Ma tistax teqred reliġjon għax hemm xi gruppi – jew ħafna gruppi – f’xi mument ta’ l-istorja, ta’ fundamentalisti.  Hu minnu, il-gwerer bejn ir-reliġjonijiet dejjem kienu, fl-istorja, dejjem.  Anki aħna għandna nitolbu maħfra.  Caterina de’ Medici ma kinitx xi qaddisa!  U dik il-Gwerra tat-Tletin Sena, dak il-Lejl ta’ San Bartilmew…  Irridu nitolbu maħfra aħna wkoll, ta’ l-estremiżmi fundamentalisti għall-gwerer tar-reliġjon.  Imma huma għandhom valuri, magħhom tista’ tiddjaloga.  Il-lum żort moskea, tlabt; anki l-Imam ried jiġi miegħi u jdur miegħi mal-grawnd ċkejken fejn kien hemm ħafna li ma setgħux jidħlu…  U fuq il-popemobile kien hemm il-Papa u l-Imam.  Setgħu jitkellmu.  Bħal kullimkien, hemm nies b’valuri, reliġjużi, u hemm nies li m’humiex hekk…  Imma kemm gwerer, mhux biss tar-reliġjon, għamilna aħna l-Insara?  Il-ħtif ta’ Ruma m’għamluhx il-Musulmani!  Dawn għandhom valuri, għandhom valuri.

 

(Padre Lombardi)

Grazzi.  Mela issa nistiednu lil Marta Calderón, mill-Catholic News Agency.

 

(Marta Calderón, Catholic News Agency)

Santità, nafu li sejjer il-Messiku.  Nieħdu gost insiru nafu xi ħaġa iżjed fuq dan il-vjaġġ u anki jekk f’din il-linja ta’ żjajjar lil pajjiżi li għandhom problemi, taħsibx li ħa żżur il-Kolombja jew, fil-futur, pajjiżi oħra ta’ l-Amerika Latina, bħall-Perù…?

 

(Il-Papa Franġisku)

Taf int, il-vjaġġi, fl-età tiegħi, ma tantx jagħmlu ġid…  Wieħed jista’ jivvjaġġa, imma dan iħalli s-sinjal tiegħu…  Imma l-Messiku mmur.  L-ewwel nett biex inżur lill-Madonna, għax hi l-Omm ta’ l-Amerika.  Għalhekk ħa mmur fil-Belt tal-Messiku.  Li ma kienx għall-Verġni ta’ Guadalupe, ma kontx immur il-Belt tal-Messiku, minħabba l-kriterju tal-vjaġġ: li nżur tlitt ibliet jew erbgħa li qatt ma żaruhom Papiet.  Imma ħa mmur, il-Messiku, għall-Madonna.  Imbagħad ħa mmur f’Chiapas, fin-Nofs in-Nhar, fuq il-fruntiera mal-Gwatemala; imbagħad immur Morella; u kważi żgur, fi triqti lura lejn Ruma, forsi ngħaddi jum jew ftit inqas f’Ciudad Juarez.  Fuq iż-żjara f’pajjiżi oħra ta’ l-Amerika Latina: fl-2017 ġejt mistieden immur Aparecida, il-Patruna l-oħra ta’ l-Amerika ta’ lsien Portugiż – għax hemm tnejn –, u minn hemm inkun nista’ nżur xi pajjiż ieħor, nagħmel Quddiesa f’Aparecida u mbagħad…  Imma ma nafx, m’hemmx pjanijiet…  Grazzi.

 

(Padre Lombardi)

Issa lura għall-Kenja, b’kollega ieħor tagħna li ġie vvjaġġa magħna mill-Kenja: jismu Mark Masai u hu min-National Media tal-Kenja.

 

(Mark Masai, National Media Group tal-Kenja)

Qabel xejn, grazzi li żort il-Kenja u l-Afrika, u nistennewk mill-ġdid il-Kenja, imma biex tistrieħ, mhux biex taħdem.  Issa, din kienet l-ewwel żjara tiegħek u kulħadd kien imħasseb fuq is-sigurtà.  X’tgħidilha lid-dinja li taħseb li l-Afrika hi biss milquta mill-gwerer u mimlija qerda?

 

(Il-Papa Franġisku)

L-Afrika hi vittma.  L-Afrika dejjem kienet abbużata minn qawwiet oħra.  Mill-Afrika kienu jiġu fl-Amerika, mibjugħa, l-ilsiera.  Hemm qawwiet li jfittxu biss li jaħtfu l-għana kbir ta’ l-Afrika.  Ma nafx, hu l-iżjed kontinent għani, forsi…  Imma ma jaħsbux kif ħa jgħinu biex ikabbru l-pajjiż, biex jista’ jimxi ’l quddiem, biex kulħadd ikollu xogħol…  L-isfruttament!  L-Afrika hi martri.  Hi martri ta’ l-abbuż ta’ l-istorja.  Dawk li jgħidu li mill-Afrika ġejjin id-diżastri u l-gwerer kollha, forsi m’humiex jifhmu sew il-ħsara li qed jagħmlu lill-umanità ċerti forom ta’ żvilupp.  U għalhekk jiena nħobbha l-Afrika, għax l-Afrika kienet vittma ta’ qawwiet oħra.

 

(Padre Lombardi)

Tajjeb.  Jidhirli li prattikament qbiżna s-siegħa, u għalhekk issa nagħlqu hawn il-mistoqsijiet.

 

Hemm omaġġ ieħor li riedu jagħmlulek – issa – mill-Cop21: hemm ktieb maħruġ minn Paris Match għall-Kapijiet ta’ l-Istat.  Hu ktieb ta’ ritratti magħmul għall-Kapijiet ta’ l-Istat fuq il-problemi ta’ l-ambjent.

 

(Caroline Pigozzi)

1,500 fotografu professjonista u mhux professjonista, magħżula għal dan il-ktieb ta’ ritratti.  Il-Kapijiet ta’ Stat kollha se jirċievu kopja l-lum.  Anki int, Santità.

 

(Padre Lombardi)

Allura, grazzi, Santità, għal dan iż-żmien li tajtna minkejja l-għeja tal-vjaġġ.  Nawgurawlek ritorn tajjeb lejn Ruma u li terġa’ lura għall-attivitajiet normali tiegħek.

 

(Il-Papa Franġisku)

Jien ngħid grazzi lilkom tax-xogħol tagħkom.  Issa ġej il-pranzu, qaluli li l-lum intom ħa ssumu, għax tridu taħdmu fuq din l-intervista!…  Grazzi ħafna tax-xogħol tagħkom u tal-mistoqsijiet tagħkom, ta’ l-interess tagħkom.  Ngħidilkom biss li jien naf inwieġeb fuq dak li naf, u dak li ma nafx ma ngħidux, għax ma nafux.  Ma nivvintax.  Grazzi ħafna.  Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard