O Verġni Mqaddsa Marija ta’ Fatima, inġeddu l-gratitudni tagħna għall-preżenza tiegħek ta’ omm u leħinna jissieħeb ma’ dak ta’ kull nisel li jsejjaħlek hienja.
Fik niċċelebraw l-għemejjel kbar ta’ Alla, li qatt ma jegħja jitbaxxa bil-ħniena tiegħu biex jilħaq lill-ġens tal-bnedmin, mgħakkes mill-ħażen u miġruħ mid-dnub, biex ifejqu u jifdih.
Ilqa’ bit-tjieba tiegħek ta’ Omm l-att ta’ affidament li l-lum qed nagħmlu bil-fiduċja, quddiem din ix-xbieha tiegħek hekk għażiża għalina.
Aħna żguri li kull wieħed u waħda minna hu prezzjuż f’għajnejk u li għalik xejn m’hu barrani minn dak kollu li jgħammar fi qlubna.
Inħallu l-ħarsa wisq ħelwa tiegħek tilħaqna u nilqgħu t-tmellisa kollha faraġ tat-tbissima tiegħek.
Ħares b’dirgħajk lil ħajjitna: bierek u qawwi kull xewqa tagħna għat-tajjeb; ġedded u saħħaħ il-fidi tagħna; wieżen u ixgħel it-tama; qajjem u kebbes fina l-imħabba; dawwal lil kulħadd fil-mixja tal-qdusija.
Għallimna l-istess imħabba preferenzjali tiegħek għaċ-ċkejknin u l-foqra, għall-imwarrbin u l-batuti, għall-midinba u dawk ta’ qalbhom imbeżżgħa: iġbor lil kulħadd taħt il-ħarsien tiegħek u qegħidna lkoll f’riġlejn l-Iben maħbub tiegħek, Sidna Ġesù.
Ammen.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard |