Qari minn Noel Galea

ITTRA APPOSTOLIKA

ADMIRABILE SIGNUM

TAL-QDUSIJA TIEGĦU

FRANĠISKU

FUQ IT-TIFSIRA U L-VALUR TAL-PRESEPJU

 

1. Is-sinjal tal-għaġeb tal-presepju, hekk għażiż għall-poplu Nisrani, iqanqal dejjem sens ta’ seħer u għoġba. Meta nuru f’rappreżentazzjoni t-twelid ta’ Ġesù nkunu qed inħabbru b’sempliċità u ferħ il-Misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla. Fil-fatt, il-presepju huwa bħal Vanġelu ħaj, ħiereġ mill-paġni tal-Iskrittura Mqaddsa. Aħna u nikkontemplaw ix-xena tal-Milied, mistednin nibdew mixja spiritwali, miġbuda mill-umiltà ta’ Dak li sar bniedem biex jiġi jiltaqa’ ma’ kull bniedem. U niskopru li hu tant iħobbna li jrid jitwaħħad magħna, biex aħna wkoll nistgħu nitwaħħdu miegħu.

 

B’din l-Ittra nixtieq inħeġġeġ it-tradizzjoni sabiħa tal-familji tagħna li fil-jiem ta’ qabel il-Milied iħejju l-presepju. Kif ukoll id-drawwa li jarmawh fuq il-postijiet tax-xogħol, fl-iskejjel, fl-isptarijiet, fil-ħabsijiet, fil-pjazez… Huwa tabilħaqq taħriġ ta’ fantasija kreattiva, li jinqeda bl-akbar firxa ta’ materjali biex jagħti l-ħajja lil kapulavuri ċkejkna ta’ ġmiel. Nitgħallmuh minn meta nkunu tfal: meta l-missier u l-omm, flimkien man-nanniet, jgħaddulna din id-drawwa ferrieħa, li tiġbor fiha spiritwalità popolari mill-aktar għanja. Nawgura li din il-prattika qatt ma tonqos; anzi, nittama li, hemm fejn ma baqgħetx tinżamm, jerġgħu jiskopruha u jagħtuha l-ħajja.

 

2. L-għeruq tal-presepju nsibuhom qabelxejn f’xi dettalji tal-Vanġelu tat-twelid ta’ Ġesù f’Betlehem. L-evanġelista Luqa sempliċiment jgħid li Marija “wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda” (2:7). Ġesù jitqiegħed f’maxtura, li bil-Latin hi præsepium, li minnha ġejja l-kelma presepju.

 

Meta daħal f’din id-dinja, il-post li sab l-Iben ta’ Alla kien fejn il-bhejjem imorru jieklu. It-tiben isir l-ewwel sodda għal Dak li kellu jurina li hu “l-ħobż li niżel mis-sema” (Ġw 6:41). Simboloġija li diġà Santu Wistin, flimkien mal-Missirijiet l-oħra, kien inqeda biha meta kiteb: “Mimdud ġo maxtura, sar għalina ikel” (Serm. 189,4). Fir-realtà, il-presepju fih diversi misteri tal-ħajja ta’ Ġesù u jqarribhom lejn il-ħajja tagħna ta’ kuljum.

 

Imma niġu minnufih għall-bidu tal-presepju kif nifhmuh aħna. Ejjew bil-ħsieb tagħna mmorru Greccio, fil-Wied ta’ Rieti, fejn San Franġisk waqaf aktarx fi triqtu minn Ruma, fejn fid-29 ta’ Novembru 1223 kien irċieva mingħand il-Papa Onorju III il-konferma tar-Regola tiegħu. Wara l-vjaġġ tiegħu fl-Art Imqaddsa, dawk l-għerien kienu jfakkruh b’mod partikulari fil-pajsaġġ ta’ Betlehem. U huwa possibbli li l-Fqajjar ta’ Assisi, meta kien Ruma, fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, baqa’ milqut mill-mużajċi bir-rappreżentazzjoni tat-twelid ta’ Ġesù, proprju hemm fil-post fejn, skont tradizzjoni antika, kienu miżmuma l-għudiet tal-maxtura.

 

Il-Fonti Franġiskani jirrakkontaw fid-dettall dak li seħħ fi Greccio. Ħmistax-il jum qabel il-Milied, Franġisku sejjaħ lil wieħed raġel mill-post, jismu Giovanni, u talbu jgħinu biex iwettaq xewqa li kellu: “Jiena rrid infakkar b’mod ħaj it-tfajjel li twieled f’Betlehem, u li b’xi mod nara b’għajnejja l-ħtiġijiet u n-nuqqas ta’ kumdità li sab ruħu fihom meta ġie mqiegħed fil-maxtura u kif kien mimdud fuq it-tiben bejn il-baqra u l-ħmara”.[1] Malli semgħu jgħid dan, il-ħabib fidil tiegħu dlonk mar iħejji fuq il-post magħżul dak kollu li kien meħtieġ, skont ix-xewqa tal-qaddis. Fil-25 ta’ Diċembru waslu Greccio ħafna patrijiet minn bosta nħawi u waslu wkoll irġiel u nisa mid-djar tal-kampanja tal-qrib, li ġabu magħhom ward u msiebaħ biex idawlu dak il-lejl qaddis. Meta wasal Franġisku, sab il-maxtura bit-tiben fiha, il-baqra u l-ħmar. In-nies li marret tħaffef hemm inħakmet minn ferħ liema bħalu, li qatt ma kienet daqet qabel, quddiem dik ix-xena tal-Milied. Imbagħad is-saċerdot iċċelebra solennement l-Ewkaristija fuq il-maxtura, u hekk wera r-rabta bejn l-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla u l-Ewkaristija. Dakinhar, fi Greccio, ma kienx hemm pasturi: il-presepju nbena u ngħax minn dawk li kienu preżenti.[2]

 

U hekk twieldet din it-tradizzjoni tagħna: kulħadd madwar il-grotta u mimlijin bil-ferħ, mingħajr ebda distanza bejn il-ġrajja li qed isseħħ u dawk li issa għandhom sehem fil-misteru.

 

L-ewwel bijografu ta’ San Franġisk, Tumas minn Celano, ifakkar kif f’dak il-lejl, max-xena sempliċi u li tmiss il-qalb, żdied ukoll id-don ta’ viżjoni tal-għaġeb: wieħed minn dawk preżenti ra mimdud fil-maxtura lil Ġesù Bambin innifsu. Minn dak il-presepju tal-Milied 1223, “kulħadd reġa’ lura lejn daru mimli b’ferħ li ma jitfissirx”.[3]

 

3. Bis-sempliċità ta’ dak is-sinjal, San Franġisk wettaq opra kbira ta’ evanġelizzazzjoni. It-tagħlim tiegħu nifed il-qalb tal-Insara u jibqa’ sa żmienna bħala għamla ġenwina ta’ kif nipproponu mill-ġdid b’sempliċità l-ġmiel tal-fidi tagħna. Barra minn hekk, l-istess post fejn sar l-ewwel presepju jesprimi u jqanqal dawn is-sentimenti. Greccio jsir kenn għar-ruħ li tistaħba fuq il-blata biex tħalli l-ħemda taħfinha fiha.

 

Għaliex il-presepju jqanqal tant seħer u jmissilna qalbna? Qabelxejn għaliex jikxef il-ħlewwa ta’ Alla. Hu, il-Ħallieq tal-univers, jitbaxxa għaċ-ċokon tagħna. Id-don tal-ħajja, diġà kull darba misterjuż għalina, iżjed u iżjed isaħħarna meta nilmħu kif Dak li twieled minn Marija huwa l-għajn u l-qawwa li twieżen kull ħajja. F’Ġesù, il-Missier tana ħuna li jiġi jfittixna meta aħna mifxula u nitilfu d-direzzjoni; ħabib fidil li jinsab dejjem qrib tagħna; tana lil Ibnu li jaħfrilna u jerfagħna lura mid-dnub.

 

Meta nibnu l-presepju fid-djar tagħna jgħinna nerġgħu ngħixu l-istorja li għexu n-nies ta’ Betlehem. Naturalment, il-Vanġeli dejjem jibqgħu l-għajn li minnha nistgħu nagħrfu u nimmeditaw dik il-Ġrajja; madankollu, ir-rappreżentazzjoni tagħha fil-presepju tgħinna nistħajlu x-xeni, tqanqlilna qalbna, tistedinna nħossuna parti mill-istorja tas-salvazzjoni, kontemporanji tal-ġrajja li hi ħajja u attwali fl-iktar kuntesti storiċi u kulturali differenti.

 

B’mod partikulari, sa mill-għeruq Franġiskani tiegħu l-presepju hu stedina biex “inħossu”, biex “immissu” l-faqar li l-Iben ta’ Alla għażel għalih fl-Inkarnazzjoni tiegħu. U hekk, impliċitament, hu sejħa biex nimxu warajh fit-triq tal-umiltà, tal-faqar, tat-tneżżigħ, li mill-maxtura ta’ Betlehem twassal għal fuq is-Salib. Hu sejħa biex niltaqgħu miegħu u naqduh bi ħniena f’ħutna l-iktar fil-bżonn (ara Mt 25:31-46).

 

4. Nixtieq issa nagħmel lista qasira tad-diversi sinjali tal-presepju biex nifhmu aħjar is-sens li hemm fihom. L-ewwel u qabel kollox, inħobbu nirrappreżentaw il-kuntest tas-sema mimli kwiekeb fid-dalma u fil-ħemda tal-lejl. Dan ma nagħmluhx biss b’fedeltà lejn ir-rakkonti tal-Vanġelu, imma anki minħabba fit-tifsira li jġorr fih. Ejjew naħsbu f’kemm drabi d-dalma ddawwar il-ħajja tagħna. Safrattant, imqar f’dawk il-mumenti, Alla ma jitlaqniex waħidna, imma hu preżenti biex iwieġeb għall-mistoqsijiet deċiżivi dwar is-sens ta’ ħajjitna: Jien min jien? Mnejn jien ġej? Għaliex twelidt f’dan iż-żmien? Għaliex inħobb? Għaliex inbati? Għaliex irrid immut? Biex iwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet Alla sar bniedem. Il-qrubija tiegħu ġġib dawl fejn hemm id-dlam u ddawwal lil dawk li qegħdin fid-dlamijiet tat-tbatija (ara Lq 1:79).

 

Jixirqilhom kelma wkoll il-pajsaġġi li jagħmlu parti mill-presepju u li spiss jirrappreżentaw ir-rovini ta’ djar u palazzi antiki, li f’xi każi jieħdu post il-grotta ta’ Betlehem u jsiru l-għamara tal-Familja Mqaddsa. Dawn ir-rovini donnhom huma mnebbħa mil-Legenda Aurea tad-Dumnikan Jacopo minn Voragine (seklu tlettax), fejn naqraw bit-twemmin pagan li t-tempju tal-Paċi f’Ruma kellu jiġi fix-xejn meta tiled Verġni. Dawn ir-rovini huma fuq kollox is-sinjal li jidher tal-umanità wara l-waqgħa, ta’ dak kollu li jitfarrak, li hu korrott u ta’ swied il-qalb. Dan ix-xenarju jurina li Ġesù hu l-ġdid qalb dinja antika, u hu ġie biex ifejjaq u jibni mill-ġdid, biex irodd lil ħajjitna u lid-dinja l-ġmiel oriġinali tagħhom.

 

5. Kemm emozzjoni għandha taħkimna aħna u nqiegħdu fil-presepju l-muntanji, in-nixxigħat, in-nagħaġ u r-ragħajja! B’hekk niftakru, kif kienu ħabbru minn qabel il-profeti, li l-ħolqien kollu għandu sehem fil-festa tal-miġja tal-Messija. L-anġli u l-istilla kometa huma s-sinjal li aħna wkoll imsejħin nimxu biex naslu fl-għar u naduraw lill-Mulej.

 

“Ejjew immorru Betlehem ħa naraw x’ġara kif għarrafna l-Mulej” (Lq 2:15): hekk jgħidu r-ragħajja wara t-tħabbira li jagħmlulhom l-anġli. Hu tagħlim sabiħ ħafna li jasal għandna fis-sempliċità tad-deskrizzjoni. B’differenza minn tant nies ħsiebha biex tagħmel elf ħaġa oħra, ir-ragħajja jsiru l-ewwel xhieda tal-essenzjal, jiġifieri tas-salvazzjoni li tingħata bħala don. Huma l-persuni l-iktar umli u l-iktar foqra li jafu kif għandhom jilqgħu l-ġrajja tal-Inkarnazzjoni. Lil Alla li jiġi jiltaqa’ magħna f’Ġesù Tarbija, ir-ragħajja jweġbuh billi jibdew mexjin lejh, għal laqgħa ta’ mħabba u ta’ għoġba kollha gratitudni. Hija sewwasew din il-laqgħa bejn Alla u wliedu, grazzi għal Ġesù, li tagħti l-ħajja lir-reliġjon tagħna, li tibni l-ġmiel waħdieni tagħha, li jidher b’mod partikulari fil-presepju.

 

6. Fil-presepji tagħna s-soltu nqiegħdu għadd ta’ pasturi simboliċi. Qabelxejn, dawk ta’ tallaba u ta’ nies li ma jafux b’għana ieħor ħlief dak tal-qalb. Anki huma jersqu bil-jedd kollu qrib ta’ Ġesù Bambin, mingħajr ħadd ma jista’ jisfrattahom jew ibegħedhom minn benniena maħluqa hekk ta’ malajr illi l-foqra xejn ma jistunaw madwarha. Anzi, il-foqra huma l-ipprivileġġjati ta’ dan il-misteru u, spiss, dawk li l-aktar jirnexxilhom jagħrfu l-preżenza ta’ Alla ġo nofsna.

 

Il-foqra u n-nies sempliċi fil-presepju jfakkruna li Alla jsir bniedem għal dawk li l-iżjed iħossu l-ħtieġa ta’ mħabbtu u jitolbuh ikun qribhom. Ġesù, “ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29), twieled fqir, għex ħajja sempliċi biex jgħallimna nilqgħu l-essenzjal u ngħixu bih. Mill-presepju joħroġ ċar il-messaġġ li ma nistgħux inħallu jagħmuna l-għana ta’ din l-art u tant proposti ta’ ferħ li jtir mar-riħ. Il-palazz ta’ Erodi jidher fl-isfond, magħluq, trux għat-tħabbira ta’ ferħ. Imwieled f’maxtura, Alla nnifsu jagħti bidu għall-unika vera rivoluzzjoni li trodd tama u dinjità lil dawk li m’għandhom xejn tagħhom, lill-imwarrbin: ir-rivoluzzjoni tal-imħabba, ir-rivoluzzjoni tal-ħlewwa. Mill-presepju, Ġesù jxandar, b’qawwa umli, is-sejħa għall-qsim mal-foqra bħala t-triq lejn dinja iżjed umana u fraterna, fejn ħadd ma jħossu eskluż jew imwarrab.

 

Spiss it-tfal – imma anki l-adulti! – iħobbu jżidu fil-presepju pasturi oħra li donnhom m’għandhom l-ebda rabta mar-rakkonti tal-Vanġelu. Imma din l-immaġinazzjoni trid tesprimi li f’din id-dinja ġdida mnedija minn Ġesù hemm wisa’ għal dak kollu li hu uman u għal kull ħlejqa. Mir-ragħaj għall-ħaddied, mill-furnar għad-daqqaqa, min-nisa qed iġorru l-bomblu tal-ilma għat-tfal jilagħbu…: dan kollu jirrappreżenta l-qdusija tal-ħajja ta’ kuljum, il-ferħ li nagħmlu b’mod straordinarju l-affarijiet ta’ kuljum, meta Ġesù jaqsam magħna l-ħajja divina tiegħu.

 

7. Ftit ftit il-presepju jwassalna fl-għar, fejn insibu l-pasturi ta’ Marija u ta’ Ġużeppi. Marija hija omm li tikkontempla lit-tarbija tagħha u turiha lil dawk kollha li jiġu jżuruha. Il-pastur tagħha jfakkarna fil-misteru kbir li fih daħlet din it-tfajla meta Alla ħabbat fuq il-bieb tal-qalb safja tagħha. Għat-tħabbira tal-anġlu li talabha biex issir l-omm ta’ Alla, Marija wieġbet b’ubbidjenza sħiħa u totali. Kliemha: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38), hu għalina lkoll xhieda ta’ kif bil-fidi għandna nintelqu fir-rieda ta’ Alla. B’dik l-“iva” Marija saret omm l-Iben ta’ Alla mingħajr ma tilfet il-verġinità tagħha, anzi, grazzi għalih, ikkonsagratha. Nilmħu fiha l-Omm ta’ Alla li ma żżommx lil Binha għaliha biss, imma titlob minn kulħadd li jobdi kelmtu u jqegħidha fil-prattika (ara Ġw 2:5).

 

Ħdejn Marija, jipproteġi lit-Tarbija u lil ommha, hemm San Ġużepp. Ġeneralment iġibuh b’bastun f’idu, u xi drabi anki qed iżomm musbieħ. San Ġużepp għandu rwol importanti ħafna fil-ħajja ta’ Ġesù u ta’ Marija. Huwa l-ħarries li ma jehda qatt jipproteġi l-familja tiegħu. Meta Alla għarrfu bit-theddida ta’ Erodi, ma qagħadx itella’ u jniżżel biex jitlaq fi vjaġġ u jemigra lejn l-Eġittu (ara Mt 2:13-15). U meta l-periklu kien għadda, reġa’ ħa lura l-familja f’Nazaret, fejn sar l-ewwel edukatur ta’ Ġesù bħala tfajjel u adolexxent. Ġużeppi ġarr f’qalbu l-misteru kbir li geżwer fih lil Ġesù u lil martu Marija, u ta’ raġel ġust li kien dejjem fada fir-rieda ta’ Alla u qegħidha fil-prattika.

 

8. Il-qalb tal-presepju tibda tħabbat meta, nhar il-Milied, inqiegħdu fih il-pastur ta’ Ġesù Bambin. Alla hekk jidher, f’tarbija, biex aħna nistgħu nilqgħuh f’dirgħajna. Fid-dgħufija tistaħba l-qawwa ta’ dak li kollox joħloq u jibdel. Jidher impossibbli, imma hekk hu: f’Ġesù, Alla sar daqsxejn ta’ tarbija u f’din il-qagħda ried jikxef il-kobor ta’ mħabbtu, li tidher fi tbissima u f’dirgħajh miftuħa għal kulħadd.

 

It-twelid ta’ tarbija jġib ferħ u għoġba, għax iqegħidina quddiem il-misteru kbir tal-ħajja. Aħna u naraw jixegħlu l-għajnejn tal-koppja żagħżugħa quddiem binhom li għadu kemm twieled, nistgħu nifhmu s-sentimenti fi qlub Marija u Ġużeppi li huma u jaraw lit-tarbija Ġesù jħossu l-preżenza ta’ Alla f’ħajjithom.

 

“Għax il-ħajja dehret” (1 Ġw 1:2): hekk l-Appostlu Ġwanni jiġbor il-Misteru kollu tal-Inkarnazzjoni. Il-presepju jurina, iħallina mmissu din il-ġrajja unika u straordinarja li bidlet il-mixja tal-istorja, u li magħha wkoll timxi n-numerazzjoni tas-snin, qabel u wara t-twelid ta’ Kristu.

 

Il-mod kif iġib ruħu Alla kważi jifxilna, għax donnu jidher impossibbli li hu jista’ jħalli l-glorja tiegħu biex isir bniedem bħalna. X’sorpriża naraw lil Alla li jieħu fuqu l-istess imġiba tagħna: jorqod, jerda’ l-ħalib minn sider ommu, jibki u jilgħab bħat-tfal kollha! Bħal dejjem, Alla jħawwadna, huwa imprevedibbli, dejjem barra mill-iskemi tagħna. Għalhekk il-presepju, waqt li jurina lil Alla hekk kif daħal fid-dinja tagħna, jipprovokana biex inħarsu lejn ħajjitna bħala mdaħħla f’dik ta’ Alla; jistedinna nsiru dixxipli tiegħu jekk irridu naslu għat-tifsira aħħarija tal-ħajja.

 

9. Meta tkun qed toqrob il-festa tal-Epifanija, inqiegħdu fil-presepju t-tliet pasturi tas-Slaten Maġi. Huma u josservaw il-kewkba, dawn l-għorrief għonja tal-Lvant bdew il-vjaġġ tagħhom lejn Betlehem biex jaraw lil Ġesù, u joffrulu b’doni deheb, inċens u mirra. Anki dawn ir-rigali għandhom tifsira allegorika: id-deheb iweġġaħ ir-regalità ta’ Ġesù; l-inċens id-divinità tiegħu; il-mirra l-umanità qaddisa tiegħu li kellha tara l-mewt u d-difna.

 

Meta nħarsu lejn din ix-xena fil-presepju aħna msejħin nirriflettu fuq ir-responsabbiltà li kull Nisrani għandu li jsir evanġelizzatur. Kull wieħed u waħda minna għandu jwassal il-Bxara Sabiħa lil dawk kollha li magħhom jiltaqa’, u b’għemejjel konkreti ta’ ħniena jagħti xhieda li hu ltaqa’ ma’ Ġesù u mal-imħabba tiegħu.

 

Il-Maġi jgħallmuna li nistgħu nitilqu mill-bogħod ħafna biex naslu għand Kristu. Huma rġiel għonja, barranin għorrief, għatxana għall-infinit, li jitilqu għal vjaġġ twil u perikoluż li jwassalhom sa Betlehem (ara Mt 2:1-12). Quddiem it-Tarbija Sultan jinħakmu minn ferħ kbir. Ma jiskandalizzawx ruħhom bil-faqar tal-ambjent; ma jibqgħux lura milli jinżlu għarkupptejhom jadurawh. Quddiemu jifhmu li Alla, kif jirregola b’għerf sovran il-mixja tal-kwiekeb, hekk ukoll imexxi l-istorja, iniżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u jgħolli liċ-ċkejknin. U bla dubju ta’ xejn, meta reġgħu lura f’pajjiżhom, min jaf kemm irrakkuntaw dwar din il-laqgħa sorprendenti mal-Messija, u hekk nidew il-vjaġġ tal-Vanġelu fost il-ġnus.

 

10. Quddiem il-presepju, il-ħsieb tagħna bla xkiel ta’ xejn itir fuq meta konna għadna tfal u konna nistennew bla sabar iż-żmien biex nibdew nibnuh. Dawn it-tifkiriet iwassluna biex nagħrfu dejjem mill-ġdid id-don kbir li rċivejna meta għaddewlna l-fidi; u fl-istess waqt iġagħluna nħossuna fid-dmir li bil-ferħ kollu ndewqu lil uliedna u lin-neputijiet tagħna l-istess esperjenza. Mhux importanti kif narmaw il-presepju, jista’ jkun dejjem l-istess jew jinbidel kull sena; dak li jgħodd hu li dan ikellem lil ħajjitna. Kull fejn ikun u jkun f’liema għamla jkun, il-presepju jirrakkonta l-imħabba ta’ Alla, Alla li sar tarbija biex jgħidilna kemm hu qrib ta’ kull bniedem, hi x’inhi l-qagħda li fiha dan jinsab.

 

Għeżież ħuti, il-presepju jagħmel parti mill-proċess ħelu u esiġenti tat-trażmissjoni tal-fidi. Ibda mit-tfulija u mbagħad f’kull età tal-ħajja, jedukana kif nikkontemplaw lil Ġesù, kif inħossu l-imħabba ta’ Alla għalina, kif inħossu u nemmnu li Alla huwa magħna u aħna miegħu, ilkoll ulied u aħwa grazzi għal dik it-Tarbija Bin Alla u l-Verġni Marija. U kif inħossu li hawn jinsab l-hena. Fl-iskola ta’ San Franġisk, ejjew niftħu qalbna għal din il-grazzja sempliċi, inħallu li mill-istagħġib tinbet talba umli: il-“grazzi” tagħna lil Alla li ried jaqsam magħna kollox biex ma jitlaqna qatt waħidna.

 

Mogħtija fi Greccio, fis-Santwarju tal-Presepju, fl-1 ta’ Diċembru 2019, is-seba’ tal-pontifikat.

 

FRANĠISKU

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Tumas minn CelanoVita Prima, 84: Fonti Franġiskani (FF), n. 468.

[2] Ara ibid., 85: FF, n. 469.

[3] Ibid., 86: FF, n. 470.