Talb u Laqgħa tal-Papa Franġisku mal-Abbatini Ġermaniżi

Omelija u Diskors

It-Tlieta, 5 ta’ Awwissu 2014

 

Das Wort des heiligen Paulus aus dem Galaterbrief, das wir eben gehört haben, lässt uns aufhorchen. Die Zeit ist reif, sagt Paulus. Jetzt macht Gott Ernst. Was Gott den Menschen schon immer mit den Worten der Propheten sagen will, das macht er nun an einem schlagenden Beispiel deutlich. Gott macht uns klar, dass er der gute Vater ist. Und wie macht er das? Wie macht er das? Dadurch, dass er seinen Sohn Mensch werden lässt. An diesem konkreten Menschen Jesus können wir kapieren, was Gott eigentlich meint. Er will Menschen, die frei sind, weil sie sich als Kinder eines guten Vaters immer geborgen wissen.

Um dies zu verwirklichen, braucht Gott nur einen Menschen. Er braucht eine Frau, eine Mutter, die seinen Sohn als Mensch zur Welt bringt. Das ist die Jungfrau Maria, die wir mit dieser Vesper heute Abend ehren. Sie war ganz frei. In ihrer Freiheit hat sie Ja gesagt. Sie hat für immer das Gute getan. So hat sie Gott und den Menschen gedient. Sie hat so Gott und den Menschen gedient. Halten wir uns ihr Beispiel vor Augen, wenn wir wissen wollen, was Gott von uns als seinen Kindern eigentlich erwartet.

[Il-kelma ta’ San Pawl li għadna kemm smajna, meħuda mill-Ittra lill-Galatin, tqanqal l-attenzjoni tagħna.  Pawlu jgħid li l-milja taż-żmien waslet.  U issa Alla qed iwettaq l-opra deċiżiva tiegħu. Dak li  sa minn dejjem  Hu ried jgħid lilna l-bnedmin – u wassalhulna permezz ta’ kliem il-profeti – issa qed jurihulna b’mod ċar. Alla qed jurina li hu l-Missier tajjeb. U kif qed jagħmel dan? Kif qed jagħmlu? Qed jagħmel dan permezz ta’ Ibnu li ħa l-ġisem u sar wieħed minna. Permezz ta’ dan il-bniedem li jismu Ġesù, aħna  nistgħu nifhmu dak li hemm  fil-ħsieb t’Alla. Hu jridna nkunu  bnedmin ħielsa, għax inħossuna  ulied ta’ Missier tajjeb li dejjem jieħu ħsiebna.

Biex iwettaq dan il-pjan tiegħu, Alla kellu bżonn biss ta’ persuna umana. Kellu  bżonn ta’ mara, ta’ omm li ġġib lil Ibnu fid-dinja. U din hi l-Verġni Marija, li qed nonorawha b’din iċ-ċelebrazzjoni tagħna tal-vespri. Marija kienet il-mara tassew ħielsa. Qalet “iva” bl-aktar mod ħieles. U dejjem għamlet it-tajjeb. U hekk qdiet ‘l Alla u l-bnedmin.  Ejjew nimxu fuq l-eżempju tagħha, jekk irridu nkunu nafu dak li Alla jistenna minna bħala wliedu.]


 Mistoqsijiet tal-abbatini

1. Santità, fl-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium li ġiet ippubblikata  fil-ħarifa tas-sena l-oħra  inti  tkellimt fuq “l-urġenza” li ż-żgħażagħ ikunu “iżjed protagonisti” fil-ħajja tal-Knisja.  Skont int, x’jistgħu jagħmlu ż-żgħażagħ biex ikunu iżjed protagonisti?

2. Santità,  jien nieħu gost inkun abbati. Iżda  dan mhux dejjem ikun faċli. Ikun hemm  ħdud fejn nippreferi nibqa’ rieqed ftit ieħor; u xi drabi  jkolli  impenji oħra, bħal per eżempju xi attività sportiva jew indoqq xi strument; u tkun xi tkun id-deċiżjoni tiegħi dejjem inħoss xi ftit tar-rimors. Imbagħad, hemm xi wħud minn ħbiebi li ma jifhmux għalfejn jien abbati, u  dawn jew jiddieħku bija inkella joħduha kontrija għax dan l-impenn ma tantx iħallili żmien għall-affarijiet oħra. Tista’ tagħtini parir x’għandi nagħmel f’din is-sitwazzjoni?  

3. Santità, il-motto ta’ dan il-pellegrinaġġ jgħid: “Ħielsa! Allura nistgħu nagħmlu l-ġid”.  Dan il-kliem ifakkarna f’dak il-pass tal-Vanġelu meta Ġesù jfejjaq raġel b’idu niexfa u dan seta’ litteralment  “jieħu ħajtu f’idejh”. F’dak il-pass tal-Vanġelu Ġesù jitkellem dwar il-jum is-Sibt fejn jurina li Alla jagħtina l-libertà sabiex fil-ħajja tagħna u fl-ambjent fejn ngħixu nkunu nistgħu nagħmlu l-ġid. Fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum, fl-iskola jew fil-formazzjoni professjonali, mal-ġenituri tiegħi u anki fil-Knisja, spiss kollox idur fuq ir-regoli. Kif nista’ nisperimenta fil-ħajja tiegħi li l-fidi tfisser libertà?

4. Santità, hawnhekk faċli għalina lkoll  biex inħossuha din il-libertà;  iżda meta mmorru lura d-dar, l-affarijiet ikunu xort’oħra. Kif nistgħu ngħixuha din il-libertà  fil-ħajja tagħna ta’ kuljum?

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

Vielen Dank für Ihren Besuch!
[Grazzi ħafna taż-żjara tagħkom]

Nixtieq noffrilkom xi punti  ta’ riflessjoni filwaqt li nżomm quddiem għajnejja l-mistoqsijiet li għamluli dawn l-erba’ rappreżentanti tagħkom….

Intom qed tistaqsu x’tistgħu tagħmlu biex tkunu iżjed protagonisti fil-Knisja u x’tistenna mill-abbatini l-komunità nisranija.  L-ewwelnett niftakru li d-dinja għandha bżonn ta’ nies li jkunu xhieda u juru lill-oħrajn li Alla jħobbna, li hu Missierna. Fis-soċjetà, kull individwu hu fid-dmir li jagħti s-sehem tiegħu għas-servizz tal-ġid komuni billi joffri l-affarijiet meħtieġa għall-ħajja: ikel, ilbies, kura medika, tagħlim, informazzjoni, ġustizzja…  Flimkien ma’ dan, aħna d-dixxipli tal-Mulej għandna missjoni oħra: li nkunu “kanali” li jittrażmettu l-imħabba ta’ Ġesù.  U f’din il-missjoni intom, it-tfal u ż-żgħażagħ, għandkom rwol partikulari: intom imsejħin biex tkellmu lil sħabkom dwar Ġesù, mhux biss fil-komunitajiet parrokkjali  jew fl-għaqdiet tagħkom, imma fuq kollox ‘l barra minn dawn. Dan hu impenn riżervat b’mod speċjali għalikom, għax hu aktar faċli għalikom li tiltaqgħu mal-oħrajn u bil-kuraġġ, bl-entużjażmu u bil-mod spontanju tagħkom taslu fil-moħħ u fil-qalb ta’ dawk li tbiegħdu mill-Mulej. Hemm ħafna tfal u żgħażagħ tal-età tagħkom li għandhom bżonn kbir ta’ xi ħadd li bil-ħajja tiegħu jgħidilhom li Ġesù jafna, li Ġesù jħobbna, li Ġesù jaħfrilna, li hu jaqsam magħna d-diffikultajiet tagħna u li hu jsostnina bil-grazzja tiegħu.

 Imma biex nitkellmu mal-oħrajn dwar Ġesù jeħtieġ li nkunu nafuh u nħobbuh, li nagħmlu l-esperjenza tiegħu permezz tat-talb u tas-smigħ tal-kelma tiegħu. Is-servizz liturġiku tagħkom jagħmel din il-ħaġa aktar faċli għax jgħinkom tkun qrib ta’ Ġesù Kelma u Ħobż tal-ħajja. Nagħtikom dan il-parir: Erġgħu aqraw waħidkom, fil-kwiet il-Vanġelu li tkunu smajtu  fil-liturġija, u applikawh għal ħajjitkom;  bl-imħabba ta’ Kristu li tirċievu fit-Tqarbin Imqaddes, tkun tistgħu tgħixuh. Il-Mulej isejjaħ lil kull wieħed minnkom biex jaħdem fl-għalqa tiegħu; isejħilkom biex tkunu protagonisti ferħana fil-Knisja tiegħu, lesti li taqsmu ma’ sħabkom dak li Hu jagħtikom, speċjalment il-ħniena tiegħu.

Nifhem id-diffikultajiet tagħkom biex twettqu l-impenn tagħkom ta’ abbatini u fl-istess ħin tkomplu bl-attivitajiet differenti  meħtieġa biex tikbru umanament u kulturalment. Hemm bżonn li torganizzaw ruħkom, li tipprogrammaw l-affarijiet b’mod ekwilibrat…. imma intom Ġermaniżi, u dan tafu tagħmluh sew! Ħajjitna hi magħmula miż-żmien u ż-żmien hu rigal t’Alla, għalhekk jeħtieġ nużawh  għall-azzjonijiet tajba u li jħallu l-frott. Forsi bosta tfal u żgħażagħ jaħlu ħafna ħin f’affarijiet bla siwi:  chatting fuq l-internet jew fuq il-mobile, it-teleserials, il-prodotti tal-progress teknoloġiku li suppost jissimplifikaw u jtejbu l-kwalità tal-ħajja, imma li xi drabi ma jħallux ħin għal dak li hu tassew importanti. Fost il-ħafna affarijiet  fir-rutina ta’ kuljum, waħda mill-prijoritajiet għandha tkun li niftakru fil-Ħallieq tagħna li jagħtina l-ħajja, li jħobbna, li jakkumpanjana fil-mixja tagħna.

U propju għax ħalqana xbieha tiegħu, aħna rċevejna mingħandu anki d-don kbir tal-libertà. Iżda jekk din il-libertà ma nużawhiex tajjeb, nitbiegħdu minn Alla u nistgħu naslu  biex nitilfu d-dinjità li hu libbisna biha. Għalhekk hemm bżonn ta’ orjentamenti, ta’ indikazzjonijiet u anki ta’ regoli, kemm fis-soċjetà kif ukoll fil-Knisja, biex jgħinuna nagħmlu r-rieda t’Alla u b’hekk ngħixu skont id-dinjità tagħna ta’ bnedmin u ta’ wlied Alla. Meta l-libertà ma tkunx magħġuna bil-Vanġelu, din tista’ tinbidel f’jasar: il-jasar tad-dnub. L-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, tbiegħdu mir-rieda divina u waqgħu fil-jasar tad-dnub, jiġifieri għamlu użu ħażin mil-libertà. Għeżież tfal, tużawx ħażin il-libertà tagħkom! Tħassrux id-dinjità kbira ta’ wlied Alla li ġiet mogħtija lilkom! Jekk timxu wara Ġesù u l-Vanġelu tiegħu, il-libertà tagħkom twarrad bħal pjanta u tagħmel frott tajjeb u abbundanti! U issibu l-veru ferħ għax Hu jridna nkunu rġiel u nisa realizzati li jkollhom il-milja tal-ferħ. Hu biss meta ngħidu iva  għar-rieda t’Alla li nkunu nistgħu nwettqu t-tajjeb u nkunu dawl tad-dinja u melħ tal-art!

 Jalla l-Verġni Marija, dik magħrufa bħala “il-qaddejja tal-Mulej” (Lk 1,38) tkun il-mudell għalikom fil-mod kif taqdu lil Alla; jalla hi, l-Omm tagħna, tgħinkom biex, fil-Knisja u fis-soċjetà, tkunu protagonisti tat-tajjeb, operaturi tal-paċi, tfal  u żgħażagħ mimlija tama u kuraġġ.


Miġjuba għall-Malti minn Vivienne Attard.