Għeżież ħuti,

Insellmilkom fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-Kungress internazzjonali tal-Azzjoni Kattolika, li għandu t-tema: “L-Azzjoni Kattollika f’missjoni ma’ kulħadd u għal kulħadd”. 

Kariżma – ħolqien ġdid fid-dawl tal-Evangelii Gaudium

Storikament l-Azzjoni Kattolika kellha l-missjoni li tifforma l-lajċi biex jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom fid-dinja.  Illum, fil-konkret, hija l-formazzjoni tad-dixxipli missjunarji.  Grazzi talli b’mod deċiż għamiltu l-Evangelii Gaudium bħala “l-magna carta” tagħkom.

Il-kariżma tal-Azzjoni Kattolika hi l-istess kariżma tal-Knisja inkarnata profondament fiż-żmien tal-lum u fil-preżent ta’ kull Knisja djoċesana li tiddixxerni bil-kontemplazzjoni u b’ħarsa attenta lejn il-ħajja tal-poplu tagħha filwaqt li tfittex toroq ġodda ta’ evanġeliżżazzjoni u missjoni, ibda mir-realtajiet diversi tal-parroċċi.

Tradizzjonalment, l-Azzjoni Kattolika kellha erba’ kolonni jew saqajn: it-Talb, il-Formazzjoni, is-Sagrifiċċju u l-Appostolat.  Skont il-waqt tal-istorja tagħha hi straħet l-ewwel fuq sieq u mbagħad fuq l-oħrajn.  B’hekk, f’ċertu mument, kien it-talb jew il-formazzjoni dottrinali l-aktar fid-dieher.  Minħabba l-karatteristiċi tal-mument, l-appostolat għandu jkun il-linja li tiddistingwikom u hija s-sieq li bħalissa tinsab tistrieħ mal-art qabel l-oħrajn.  U dan mhux qed ikun ta’ ħsara għar-realtajiet l-oħra, imma, bil-maqlub, hu dak li qed iwassal għal dil-pożizzjoni.  L-appostolat missjunarju jeħtieġ it-talb, il-formazzjoni u s-sagrifiċċju.  Dan jidher ċar f’Aparecida u fl-Evangelii GaudiumIl-missjoni tiġbor fiha dinamiżmu li jintegra.

Iffurmaw:  billi toffru proċess ta’ tkabbir fil-fidi, mixja kateketika permanenti orjentata lejn il-missjoni, addattat għal kull realtà, mibni fuq il-Kelma t’Alla, biex tixprunaw ħbiberija hienja ma’ Ġesù u l-esperjenza tal-imħabba fraterna.

Itolbu: b’dak it-tberrih qaddis li bih il-qalb titwaħħad mal-ħtiġijiet tal-poplu, mat-tbatijiet tiegħu u mal-ferħat tiegħu.  Talba miexja, li twassalkom ‘il bogħod ħafna.  B’hekk tevitaw li toqgħodu tħarsu fikom infuskom il-ħin kollu.

Issagrifikaw ruħkom: imma mhux biex tħossukom aktar nodfa, is-sagrifiċċju ġeneruż hu dak li jkun ta’ siwi għall-oħrajn.  Offru ħinkom billi tfittxu x’għandkom tagħmlu ħalli jikbru l-oħrajn, offru dak li hemm f’butkom billi taqsmuh ma’ min għandu anqas, offru bil-ġenerożità id-don tal-vokazzjoni personali biex issebbħu u sseddqu ­d-dar komuni.

Tiġdid tal-impenn fl-evanġeliżżazzjoni – djoċesanità - parroċċi

Il-missjoni mhix xogħol bħal xogħolijiet oħra tal-Azzjoni Kattolika, hija d-dmir.  L-Azzjoni kattolika għandha l-kariżma li tmexxi ‘l quddiem il-pastorali tal-Knisja.  Jekk il-forza li tiddistingwiha ma tkunx il-missjoni, l-essenza tal-Azzjoni Kattolika titlef it-togħma tagħha u titlef l-għan li għalih qed teżisti.

Hu vitali li l-Azzjoni Kattolika ġġedded l-impenn tagħha għall-evanġeliżżazzjoni billi tasal għand kulħadd u f’kull post, fl-okkażjonijiet kollha, fil-periferji eżistenzjali kollha, verament u mhux sempliċiment bħala sempliċi stqarrija ta’ prinċipji.

Dan jimplika li tfasslu mill-ġdid il-pjanijiet ta’ formazzjoni tagħkom, l-għamliet tal-appostolat u saħanstira l-istess talb tagħkom sabiex ikunu missjunarji fl-essenza u mhux skont l-okkażjoni.  Abbandunaw il-kriterju anitk ta’: dejjem hekk sar.  Kien hemm affarijiet li kienu verament tajbin ħafna u meritevoli, li jekk ninsistu li nibqgħu nirrepetuhom, illum huma ‘l barra mill-kuntest.

L-Azzjoni Kattolika għandha tieħu fuqha l-missjoni sħiħa tal-Knisja billi tkun tifforma parti bil-ġenerożità mill-Knisja djoċesana ibda mill-Parroċċa.

Il-missjoni tal-Knisja universali taġġorna ruħha f’kull Knisja partikolari skont il-kulur tagħha; bl-istess mod l-Azzjoni Kattolika tikseb ħajja awtentika billi twieġeb  u tagħmel tagħha l-pastorali ta’ kull Knisja djoċesana billi tkun parti konkreta minnha ibda mill-parroċċi. 

L-Azzjoni Kattolika għandha toffri lill-Knisja djoċesana lajkat matur dispost li jkun ta’ servizz għall-proġetti pastorali ta’ kull post bħala mod li bih twettaq il-vokazzjoni tagħha.  Għandkom tinkarnaw ruħkom fiha konkretament.

Ma tistgħux tkunu bħal dawk il-gruppi li huma tant universali li m’għandhom bażi mkien, li ma jwieġbu lil ħadd u li jfittxu dak li l-aktar jintgħoġob f’kull post partikolari.

Aġenti – Ilkoll mingħajr eċċezzjonijiet

Il-membri kollha tal-Azzjoni Kattolika huma dinamikament missjunarji.  It-tfal jevanġeliżżaw lit-tfal, iż-żgħażagħ jevanġeliżżaw liż-żgħażagħ, l-adulti lill-adulti eċċ.  Ħadd m’hu aħjar minn min hu bħalek biex jurik li hu possibbli tgħix il-ferħ tal-fidi.

Evitaw li taqgħu fit-tentazzjoni tal-perfezzjoniżmu permanenti tat-tħejjija għall-missjoni u tal-analiżi eterna, li meta tintemm ikun diġà għaddha żmiena u bolqot.  L-eżempju hu Ġesù mal-Appostli: ken jibgħathom b’dak li kellhom u mbagħad kien jiġborhom u jgħinhom jiddixxernu dwar l-esperjenzi li jkunu għamlu.

Ħallu r-realtà tiddettalkom ir-ritmu, u ħallu lill-Ispirtu s-Santu jmexxikom.  Huwa l-Imgħallem interjuri li jdawwal il-ħidma tagħna meta aħna nkunu ħielsa mill-preġudizzji u l-kundizzjonamenti.  Nitgħallmu kif nevanġeliżżaw, aħna u nevanġeliżżaw, bħal kif nitgħallmu nitolbu aħna u nitolbu, dment li qalbna jkollha d-dispożizzjoni t-tajba.

Ilkoll tistgħu tmorru għall-missjoni anki jekk mhux kulħadd jista’ joħroġ fit-toroq jew imur fil-kampanja.  Importanti ħafna l-wisa li tagħtu lill-persuni anzjani li ilhom membri żmien twil u li jitħalltu magħkom.  Wieħed jista’ jgħid li huma jistgħu jkunu s-sezzjoni kontemplattiva u li tinterċedi fid-diversi sezzjonijiet tal-Azzjoni Kattolika.  Huma jistgħu joħolqu l-patrimonju tat-talb u tal-grazzja għall-missjoni.  Kif ukoll il-morda.  It-talba tagħhom Alla jismagħha b’tenerezza speċjali.  Jalla dawn kollha jħossu li qed jipparteċipaw, u jindunaw li huma attivi u meħtieġa.

Destinatarji – Il-bnedmin kollha u l-periferiji kollha

Jeħtieġ li l-Azzjoni Kattolika tkun preżenti fid-dinja politika, imprenditorjali, professjonali, mhux għax taħseb li aħna Nsara perfetti u ffurmati, imma biex taqdi aħjar.

Hu indispensabbli li l-Azzjoni Kattolika tkun preżenti fil-ħabsijiet, fl-isptarijiet, fit-toroq, fil-mandraaġġi, fil-fabbriki.  Jekk ma tagħmilx hekk, tkun istituzzjoni ta’ nies merfugħin li ma jfissru xejn għal ħadd, lanqas għal-Knisja stess.

Irrid Azzjoni Kattolika qalb in-nies, fil-parroċċa, fid-djoċesi, fil-belt, fil-kwartier, fil-familja, fl-istudju u fix-xogħol, fil-kampanja, fl-ambjenti tal-ħajja li tgħix fihom.  Huwa f’dawn l-aeropagi ġodda li jittieħdu d-deċiżjonijiet u tinbena l-kultura.

Nissimplifikaw il-mod ta’ kif nintegraw.  Tkunux “dwana”.  Ma tistgħux tkunu restrittivi aktar mill-Knisja nfisha u lanqas papisti aktar mill-Papa.  Iftħu l-bibien, tagħmlux eżamijiet ta’ perfezzjoni Kristjana għax jekk tagħmlu hekk tkunu qed teżerċitaw fariżeiżmu ipokrita.  Hemm ħtieġa ta’ ħniena attiva.

L-impenn li jieħdu l-lajċi li jassoċjaw ruħhom mal-Azzjoni Kattolika jħares ‘il quddiem.  Din hija deċiżjoni lejn it-tiswir tal-bini tas-saltna.  Dil-grazzja partikolari ma nistgħux nagħmluha ħaġa “burokratika” għax l-istedina tal-Mulej tasal meta l-inqas inkunu nistennewha; lanqas nistgħu “nissagramentaliżżaw” dak li hu uffiċjali b’rikjesti li jappartjenu għal ambitu ieħor tal-ħajja tal-fidi u mhux għal dak tal-impenn tal-evanġeliżżazzjoni.  Kulħadd għandu d-dritt li jkun evanġeliżżatur.

Jalla l-Azzjoni Kattolika toffri spajzu ta’ akkoljenza u ta’ esperjenza Kristjana lil min, għal raġunijiet personali jħossu “Nisrani tat-tieni klassi”.

Il-MetoduQalb il-poplu

Il-metodu jiddependi minn ma’ min qiegħdin nirrelataw.  Kif qalilna l-Konċilju u kif ta’ spiss nitolbu waqt il-quddiesa: inkunu attenti u naqsmu mal-bnedmin it-taqbid u t-tamiet biex nuruhom it-triq tas-salvazzjoni.  L-Azzjoni Kattolika, ma tistax tibqa’ bogħod mill-poplu, imma tiġi mill-poplu u għandha tkun qalb il-poplu.  L-Azzjoni Kattolika għandkom tagħmluha aktar tal-poplu.  Mhix kwistjoni ta’ immaġni imma tal-awtentiċità tal-kariżma.  Lanqas m’hi demagoġija, imma mixja fuq il-passi tal-Imgħallem li ma kien jistmell xejn.

Biex tkunu tistgħu issegwu din il-mixja jkun tajjeb li jkollkom kwartier popolari.  Taqsmu l-ħajja man-nies u titgħallmu tiskopru liema huma l-interessi tagħhom u x’qed ifittxu, liema huma l-aspirazzjonijiet tagħhom u l-ġerħat l-aktar fondi; u x’għandhom bżonn mingħandna.  Dan hu importanti biex naqgħux fl-isterilità li nagħtu tweġibiet għall-mistoqsijiet li n-nies ma tkunx għamlithom.  Nistgħu naħsbu dwar kif se nevanġeliżżaw bilqiegħda fuq skrivanija, imma biss wara li nkunu morna qalb il-poplu u mhux bil-maqlub.

Azzjoni Kattolika aktar popolari, aktar tal-laħam, se ġġibilkom il-problemi għax ikunu jridu jingħaqdu mal-istituzzjoni nies li fid-dieher ma jkunux f’kundizzjoni li jissieħbu; familji li fihom il-ġenituri ma jkunux miżżewġin bil-Knisja, irġiel u nisa bil-passat jew il-preżent tagħhom diffiċli imma li qed jissieltu, żagħżagħ diżorjentati u miġrugħin.  Hija sfida għall-maternità ekkleżjali tal-Azzjoni Kattolika; li tirċievi lil kulħadd u takkumpanjahom fil-mixja tal-ħajja bis-slaleb li jġorru fuq spallejhom.

Kulħadd jista’ jieħu sehem b’dak li għandu u b’dak li jista’ jagħmel.

Il-formazzjoni ssir għal dan il-poplu konkret.  It-talb isir ma’ u għal dan il-poplu konkret.

Iftħu għajnejkom sewwa biex taraw is-sinjali li Alla jqiegħed fir-realtà, speċjalment fl-istqarrija tar-reliġjożità popolari.  Minn hemm tistgħu tifhmu aħjar il-qalb tal-bnedmin u tiskopru l-modi sorprendenti li bihom jaħdem Alla li jmorru ‘l hinn mill-kunċetti tagħna.

Proġett – Azzjoni Kattolika li toħroġĦerqa kbira għal Kristu, ħerqa kbira għall-poplu tagħna

Intom ipproponejtu li tkunu Azzjoni Kattolika li toħroġ u dan hu tajjeb għaliex fuq dan tibnu l-fus li fuqu dduru.  Li toħroġ ifisser li tinfetaħ, tkun ġeneruż, tiltaqa’ mar-realtà ‘l hinn mill-erba’ ħitan tal-istituzzjoni jew tal-parroċċi.  Dan ifisser li tirrifjuta li tikkontrolla kollox u li tipprogramma r-riżultati.  Din hi l-libertà frott tal-Ispirtu s-Santu, li tkabbarkom.

Il-proġett tal-evanġeliżżazzjoni tal-Azzjoni Kattolika għandu jimxi fuq dawn il-passi: primerear, jiġifieri tieħu l-inizjattiva, tipparteċipa, takkumpanja, ġġib il-frott, tiċċelebra.  Pass ‘il quddiem fil-ħruġ, tieħdu fuqkom il-laħam u timxu flimkien.  Infettaw bil-ferħ tal-fidi, ħa jidher fikom il-ferħ tal-evanġeliżżazzjoni tagħkom f’kull okkażjoni, kemm jekk ikun il-każ u wkoll jekk ma jkunx.

Taqgħux fit-tentazzjoni tal-istrutturaliżmu.   Kunu qalbenin, m’intomx aktar fidili lejn il-Knisja jekk tistennew li f’kull pass xi ħadd irid jgħidilkom x’għandkom tagħmlu.

Ħeġġu lill-membri tagħkom biex japprezzaw il-missjoni wiċċ imb’wiċċ, każwali, jew li tibda’ mill-azzjoni missjunarja tal-komunità’.

Il-lajkat tagħmluhx ħaġa klerikali.  L-aspirazzjoni tal-membri tagħkom m’għandhiex tkun dik li jiffurmaw parti mis-sinedriju tal-parroċċi li hu mdawwar bih il-kappillan iżda l-ħerqa kbira għas-saltna.  Però tinsewx tieħdu l-impostazzjoni tat-tema vokazzjonali bis-serjetà.  Skola ta’ qdusija li, bilfors, ikollha tgħaddi mill-iskoperta tal-vokazzjoni personali, li mhix dik li tkun diriġent jew qassis dilplomatiku, iżda l-ewwel u qabel kollox, evanġeliżżatur.

Għandkom tkunu mkien ta’ laqgħa għall-bqija tal-kariżmi istituzzjonali u tal-movimenti li jinsabu fil-Knisja mingħajr biża’ li titilfu l-identità tagħkom.  Minbarra dan, minn fost il-membri tagħkom għandhom joħorġu evanġeliżżaturi, katekisti, missjunarji, operturi soċjali li jkomplu jkabbru l-Knisja.

Ħafna drabi ntqal li l-Azzjoni Kattolika hi l-id imtawwla tal-ġerarkija u dan, aktar milli hu prerogattiva li minħabba fiha tħarsu lejn l-oħrajn bis-superjorità, hija responsabbiltà kbira ħafna li timplika fedeltà u koerenza ma’ dak li turi l-Knisja f’kull waqt tal-istorja, mingħajr ma tippretendu li tibqgħu ankrati mal-istrutturi tal-passat qieshom dawk biss jgħoddu u huma possibbli.  Il-fedeltà lejn il-missjoni tesiġi din “il-flessibiltà twajba” ta’ min għandu widna għall-poplu u l-oħra għal Alla.

Fil-pubblikazzjoni “La Acción Católica a luz de la teología Tomista”, (L-Azzjoni Kattolika fid-dawl tat-teoloġija Tomistika) tal-1937, naqraw: “Forsi l-Azzjoni Kattolika m’għandhiex issir Passjoni Kattolika?  Il-passjoni (ħerqa kbira) Kattolika, il-ħerqa tal-Knisja hi, li tgħix il-ferħ ħelu u ta’ faraġ tal-evanġeliżżazzjoni.  Dan hu dak li għandna bżonn mill-Azzjoni Kattolika.

Grazzi.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber