Il-qari tal-lum ikellimna fuq Alla tal-ħajja, li jirbaħ fuq il-mewt. Ħa nieqfu ftit, b’mod partikulari, fuq l-aħħar fost is-sinjali mirakulużi li Ġesù jagħmel qabel l-Għid tiegħu, fuq il-qabar ta’ ħabibu Lazzru.

 

Hemm kollox jidher li ntemm: il-qabar magħluq b’ġebla kbira; madwaru hemm biss biki u deżolazzjoni. Anki Ġesù jħossu mqanqal mill-misteru drammatiku tal-mewt ta’ persuna għażiża: “Ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna” (Ġw 11:33). Imbagħad “beka” (v. 35) u mar ħdejn il-qabar, jgħid il-Vanġelu, fejn “ħass ruħu mqanqal għal darb’oħra” (v. 38). Din hi l-qalb ta’ Alla: bogħod mill-ħażen imma qrib ta’ min ibati; ma jagħmilx xi seħer biex il-ħażen jgħib għalkollox, imma jikkum-patixxi t-tbatija, jagħmilha tiegħu u jibdilha billi jidħol fiha.

 

Imma ninnutaw li, qalb id-deżolazzjoni ġenerali għall-mewt ta’ Lazzru, Ġesù ma jħallix il-qtigħ il-qalb jagħmel bih. Anki jekk hu stess kien qed ibati, jitlob fidi qawwija; ma jingħalaqx fil-biki, imma, imqanqal, jibda miexi lejn il-qabar. Ma jħallix jibilgħu l-ambjent emottiv ta’ rassenjazzjoni li jsib madwaru, imma jitlob b’fiduċja u jgħid: “Missier, irroddlok ħajr” (v. 41). Hekk, fil-misteru tat-tbatija, li quddiemu l-ħsieb u l-progress jitfarrku bħal nemus fuq il-ħġieġ, Ġesù joffrilna l-eżempju ta’ kif għandna nġibu ruħna: ma jaħrabx mit-tbatija, li hi ħaġa ta’ din il-ħajja, imma ma jħallix il-pessimiżmu jagħmlu lsir tiegħu.

 

Hekk, madwar dak il-qabar, isseħħ laqgħa-skontru mill-kbar. Minn naħa hemm id-delużjoni kbira, il-prekarjetà tal-ħajja tagħna fuq din l-art li, wiċċ imbwiċċ mat-tbatija tal-mewt, spiss idduq id-disfatta, dalma ġewwenija li donnha ma tistax tingħeleb. Ir-ruħ tagħna, maħluqa għall-ħajja, tbati meta tħoss li l-għatx tagħna għall-etern hi maħqura minn ħażen qadim u mudlam. Minn naħa hemm din id-disfatta tal-qabar. Imma mill-banda l-oħra hemm it-tama li tirbaħ fuq il-mewt u l-ħażen, li għandha isem: it-tama jisimha Ġesù. Hu ma jġibilniex xi ftit tal-ġid jew xi rimedju biex itawlilna ħajjitna, imma jħabbrilna: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja; min jemmen fija, imqar jekk imut, jgħix” (v. 25). Għalhekk jgħidilhom b’qawwa: “Neħħu l-blata!” (v. 39) u jgħajjat lil Lazzru b’vuċi għolja: “Oħroġ!” (v. 43).

 

Għeżież ħuti, aħna mistiedna niddeċiedu fuq liema naħa rridu noqogħdu. Nistgħu nibqgħu fuq in-naħa tal-qabar jew inkunu fuq in-naħa ta’ Ġesù. Hemm min jingħalaq fid-dwejjaq tiegħu u hemm min jiftaħ qalbu għat-tama. Hemm min jibqa’ maqbud qalb it-tifrik tal-ħajja u min, bħalkom, bl-għajnuna ta’ Alla jerfa’ t-tifrik u jerġa’ jibda jibni mill-ġdid b’tama kollha sabar.

 

Quddiem l-“għaliex” il-kbar tal-ħajja għandna żewġ toroq: jew noqogħdu nħarsu kollna diqa lejn l-oqbra tal-bieraħ u tal-lum, jew nitolbu lil Ġesù jersaq qrib tal-oqbra tagħna. Iva, għax kull wieħed u waħda minna diġà għandu qabar żgħir, xi parti xi ftit mejta fil-qalb tiegħu: ġerħa, tort li għamlulu jew li għamel lil ħaddieħor, rabja li ma tistax issib mistrieħ, dnub li ma jirnexxilniex negħlbu. Ejjew illum nindividwaw dawn l-oqbra żgħar tagħna li għandna ġo fina u nistiednu lil Ġesù jidħol hemm. Stramba, imma spiss nippreferu nibqgħu waħidna fl-għerien mudlama li għandna ġo fina, milli nistiednu lil Ġesù jidħol; aħna ttentati nfittxu dejjem lilna nfusna, mgħarrqa u midfuna qalb il-ħsibijiet tad-dwejjaq tagħna, nilagħqu l-ġrieħi tagħna, flok immorru għandu, li jgħidilna: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11:28). Ejjew ma nħallux tjassarna t-tentazzjoni li nibqgħu waħidna u qalbna maqtugħa nibku fuq dak li ġralna; ma nċedux għal-loġika tal-biża’, inutli u li ma twassal imkien, li noqogħdu ntennu b’rassenjazzjoni li kollox sejjer ħażin u xejn m’għadu bħalma kien darba. Din hi l-atmosfera tal-qabar; meta l-Mulej jixtieq jiftħila t-triq tal-ħajja, dik tal-laqgħa tagħna miegħu, tal-fiduċja fih, tal-qawmien tal-qalb, it-triq ta’ “Qum! Qum, oħroġ!”. Dan hu li jitlob minna l-Mulej, u hu jinsab maġenbna biex dan nagħmluh.

 

Mela ejjew nisimgħu tingħad lil kull wieħed u waħda minna l-kelma ta’ Ġesù lil Lazzru: “Oħroġ!”; oħroġ mix-xkiel tad-diqa bla tama; ħoll il-faxex tal-biża’ li qed itaqqlu l-mixja tiegħek; lill-ħbula tad-dgħufijiet u tat-tħassib żejjed li jxekkluk, tennilhom li Alla kapaċi jħoll l-għoqiedi. Meta nimxu wara Ġesù, nitgħallmu ma naqflux ħajjitna madwar il-problemi li jixxebilku magħha: dejjem se jkun hemm problemi, dejjem, u meta nsolvu waħda, dritt titfaċċa oħra. Imma nistgħu nsibu stabbiltà ġdida, u din l-istabbiltà hi proprju Ġesù, din l-istabbiltà jisimha Ġesù, li hu l-qawmien u l-ħajja: miegħu l-ferħ jgħammar fil-qalb, it-tama titwieled mill-ġdid, it-tbatija tinbidel f’paċi, il-biża’ f’fiduċja, il-prova f’offerta ta’ mħabba. U mqar jekk it-toqol ma jonqos qatt, dejjem se jkun hemm id-driegħ tiegħu li jerfagħna mill-ġdid, il-Kelma tiegħu li tagħmlilna l-qalb u tgħid lilna lkoll, lil kull wieħed u waħda minna: “Oħroġ! Ejja għandi!”. Jgħid lilna lkoll: “La tibżgħux”.

 

Anki lilna, illum bħal dakinhar, Ġesù qed jgħidilna: “Neħħu l-blata!”. Hu kemm hu tqil l-imgħoddi, u kbir id-dnub, u qawwija l-mistħija, ejjew ma nbarru qatt it-triq lill-Mulej li jrid jidħol. Quddiemu ejjew inneħħu dik il-blata li żżommu milli jidħol ġewwa: issa hu ż-żmien it-tajjeb biex inneħħu d-dnub tagħna, ir-rabta tagħna mal-vanitajiet ta’ din id-dinja, il-kburija li timblukkalna r-ruħ tagħna, tant tilwim ta’ bejnietna, fil-familji,… Dan hu ż-żmien it-tajjeb biex inneħħu dan kollu.

 

Miżjura u meħlusa minn Ġesù, nitolbu l-grazzja li nkunu xhieda tal-ħajja f’din id-dinja li hi tant għatxana għaliha, xhieda li jqanqlu u jirxuxtaw it-tama ta’ Alla fil-qlub għajjiena u mtaqqla mid-diqa. It-tħabbira tagħna hi l-ferħ tal-Mulej ħaj, li llum ukoll għadu jgħidilna, kif qal lil Eżekjel: “Ara, jiena niftaħ l-oqbra tagħkom, intellagħkom mill-oqbra tagħkom, poplu tiegħi” (Eżek 37:12).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard