Il-Kelma ta’ Alla l-lum iddaħħalna, b’mod speċjali, fit-tifsira taż-żmien, biex nifhmu li ż-żmien m’hux xi realtà barranija għal Alla, u dan għas-sempliċi fatt li Hu ried jurina lilu nnifsu u jifdina fl-istorja, fiż-żmien.  It-tifsira taż-żmien, tat-temporalità, hi l-ambjent li fih issir l-epifanija ta’ Alla, jew aħjar, il-wirja tal-misteru ta’ Alla u ta’ l-imħabba konkreta tiegħu.  Fil-fatt, iż-żmien hu l-ħabbâr ta’ Alla, kif kien jgħid San Pietru Favre.

 

Il-liturġija tal-lum tfakkarna fil-frażi ta’ l-Appostlu Ġwanni: “Uliedi, waslet l-aħħar siegħa” (1 Ġw 2:18), u f’dik ta’ San Pawl li jkellimna fuq il-“milja taż-żmien” (Gal 4:4).  Għalhekk, il-ġurnata tal-lum turina kif iż-żmien li – biex ngħidu hekk – “intmess” minn Kristu, l-Iben ta’ Alla u ta’ Marija, u minnU rċieva tifsiriet ġodda u sorprendenti, dan sar iż-“żmien salvifiku”, jiġifieri ż-żmien definittiv ta’ salvazzjoni u ta’ grazzja.

 

U dan kollu jwassalna biex naħsbu fi tmiem il-mixja tal-ħajja, fi tmiem il-mixja tagħna.  Kif kien hemm bidu, sa jkun hemm tmiem, “żmien li titwieled, u żmien li tmut” (Koħ 3:2).  B’din il-verità, sempliċi u fundamentali imma daqshekk ieħor imwarrba u minsija, ommna l-Knisja mqaddsa tgħallimna nagħlqu s-sena u anki l-ġranet tagħna b’eżami tal-kuxjenza, li bih nerġgħu lura b’ħarsitna fuq dak li jkun seħħ; irroddu ħajr lill-Mulej għal kull ġid li rċivejna u li stajna nagħmlu u, fl-istess ħin, nerġgħu naħsbu fin-nuqqasijiet tagħna u fi dnubietna.  Irroddu ħajr u nitolbu maħfra.

 

Hu dak li qed nagħmlu l-lum ukoll fi tmiem sena oħra.  Infaħħru lill-Mulej bl-innu Te Deum u fl-istess ħin nitolbuH maħfra.  L-atteġġjament ta’ radd il-ħajr jagħmilna disponibbli għall-umiltà, biex nagħrfu u nilqgħu d-doni tal-Mulej.

 

L-Appostlu Pawlu, fil-Qari ta’ dan l-Ewwel Għasar, jiġbor fil-qosor ir-raġuni fundamentali li għaliha għandna rroddu ħajr lil Alla: Hu ħalaqna wliedu, addottana bħala wlied tiegħu.  Dan id-don li ma jistħoqqilniex, jimliena bi gratitudni kollha għoġba!  Xi ħadd forsi jaf jgħidli: “Imma aħna mhux diġà aħna lkoll uliedu, la aħna bnedmin?”.  Daż-żgur, għax Alla hu Missier ta’ kull persuna li tiġi fid-dinja.  Imma ma rridux ninsew li minħabba fid-dnub oriġinali li firidna mill-Missier tagħna, aħna ġejna mbiegħda minnU: ir-relazzjoni tagħna ta’ wlied hi profondament miġruħa.  Għalhekk Alla bagħat lil Ibnu biex jifdina bil-prezz tad-demm tiegħU.  U jekk hemm fidwa, dan għax hemm jasar.  Aħna konna wlied, imma sirna lsiera, għax imxejna wara l-vuċi tal-Ħażin.  Ħadd ma jista’ jifdina minn dak il-jasar sostanzjali jekk mhux Ġesù, li ħa l-ġisem tagħna mill-Verġni Marija u miet fuq is-salib biex jeħlisna, jeħlisna mill-jasar tad-dnub u jagħtina mill-ġdid il-kundizzjoni ta’ wlied li konna tlifna.

 

Il-liturġija tal-lum tfakkarna wkoll li, “fil-bidu (qabel kull żmien) kien il-Verb… u l-Verb sar bniedem”, u għalhekk Sant’Irinew jafferma: “Dan għaliex il-Verb sar bniedem, u l-Iben ta’ Alla sar Bin il-bniedem: biex il-bniedem, bix-xirka tiegħu mal-Verb li biha jirċievi l-filjazzjoni divina, isir iben Alla” (Adversus hæreses, 3,19,1: PG 7,939; ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 460).

 

L-istess don li għalih qed ngħidu grazzi hu fl-istess ħin ukoll motiv ta’ eżami tal-kuxjenza, ta’ reviżjoni tal-ħajja personali u komunitarja, biex nistaqsu lilna nfusna: Kif qed ngħixu?  Qed ngħixu ta’ wlied jew ta’ lsiera?  Qed ngħixu ta’ persuni mgħammda fi Kristu, midluka bl-Ispirtu s-Santu, mifdija, ħielsa?  Jew qed ngħixu skond il-loġika tad-dinja, korrotta, u nagħmlu dak li x-xitan jipprova jbellgħalna li hu fl-interess tagħna?  Fil-mixja ta’ ħajjitna dejjem teżisti t-tendenza li nirreżistu l-liberazzjoni; nibżgħu mill-ħelsien u, paradossalment, ftit jew wisq bla ma nafu, nippreferu l-jasar.  Il-ħelsien ibeżżagħna għax iqegħidna wiċċ imb’wiċċ maż-żmien u quddiem ir-responsabbiltà tagħna li ngħixuh tajjeb.  Min-naħa l-oħra, il-jasar jirriduċi ż-żmien għal “mument” u hekk inħossuna iżjed fiż-żgur, u għalhekk iġegħilna ngħixu mumenti bla ebda rabta ma’ l-imgħoddi tagħhom u mal-futur tagħna.  Fi kliem ieħor, il-jasar iżommna milli ngħixu b’mod sħiħ u reali l-preżent, għax jiżvujtah mill-passat u jagħlqu quddiem il-futur, quddiem l-eternità.  Il-jasar iġagħilna nemmnu li ma nistgħux noħolmu, intiru, nittamaw.

 

Xi jiem ilu, artista kbir Taljan kien qed jgħid li għall-Mulej kien iżjed faċli joħroġ lill-Israeliti mill-Eġittu milli joħroġ l-Eġittu mill-qalb ta’ l-Israeliti.  Iva, kienu ġew meħlusa “materjalment” mill-jasar, imma tul il-mixja tagħhom fid-deżert, bid-diversi diffikultajiet u bil-ġuħ, bdew iħossu n-nostalġija ta’ l-Eġittu u jiftakru f’meta “kienu jieklu… il-basal u t-tewm” (ara Num 11:5); imma nsew li dawn kienu jikluhom mal-mejda tal-jasar.  Fil-qalb tagħna iktar tbejjet in-nostalġija tal-jasar, għax minn barra tidher iżjed rassiguranti, milli dik tal-libertà, li hi iżjed riskjuża.  Kemm nieħdu gost nibqgħu magħluqa fil-gaġġa ta’ tant ġigġifogu, minn barra sabiħ imma li fir-realtà jtul biss għal ftit waqtiet!  U din hi s-saltna, dan hu l-faxxinu tal-mument!

 

Fuq dan l-eżami ta’ kuxjenza tiddipendi anki, għalina l-Insara, il-kwalità tal-ħidma tagħna, tal-mod kif ngħixu, tal-preżenza tagħna fil-belt, tas-servizz tagħna għall-ġid komuni, tas-sehem tagħna fl-istituzzjonijiet pubbliċi u ekkleżjali.

 

Għaldaqstant, u għax jien Isqof ta’ Ruma, nixtieq nieqaf ftit fuq l-istil ta’ ħajja tagħna f’Ruma, li tirrappreżenta don kbir, għax tfisser li qed ngħixu fil-belt eterna, għal Nisrani fuq kollox tfisser li jagħmel parti mill-Knisja mwaqqfa fuq ix-xhieda u fuq il-martirju tal-Qaddisin Appostli Pietru u Pawlu.  U għalhekk ta’ dan ukoll irroddu ħajr lill-Mulej.  Imma fl-istess waqt din hi responsabbiltà kbira.  U Ġesù qal: “Lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna minn għandu” (Lq 12:48).  Għalhekk nistaqsu: F’din il-belt, f’din il-komunità ekkleżjali, aħna ħielsa jew ilsiera, aħna qed inkunu melħ u dawl?  Aħna ħmira?  Jew aħna mitfijin, bla togħma, ostili, qalbna maqtugħa, irrilevanti jew għajjenin?

 

Bla dubju ta’ xejn, il-ġrajjiet gravi ta’ korruzzjoni, li ħarġu fil-beraħ dan l-aħħar, jitolbu konverżjoni serja u konxja tal-qlub għal twelid spiritwali u morali mill-ġdid, kif ukoll għal impenn imġedded biex nistgħu nibnu belt iktar ġusta u solidali, fejn il-foqra, id-dgħajfa u l-imwarrbin ikunu fiċ-ċentru tat-tħassib u l-ħidma tagħna ta’ kuljum.  Hemm bżonn ta’ kuljum ta’ atteġġjament kbir ta’ libertà Nisranija biex ikollna l-kuraġġ inxandru, fil-Belt tagħna, li hemm bżonn niddefendu lill-foqra, u mhux niddefendu ruħna mill-foqra, li għandna naqdu lid-dgħajfa u mhux ninqdew bid-dgħajfa!

 

It-tagħlim ta’ djaknu sempliċi Ruman jista’ jgħinna.  Meta lil San Lawrenz talbuh iġib miegħu u jurihom it-teżori tal-Knisja, sempliċement ħadilhom xi foqra.  Meta belt tieħu ħsieb tal-foqra u d-dgħajfa, taqbeż għalihom u tgħinhom biex jimxu ’l quddiem fis-soċjetà, huma jidhru bħala t-teżor tal-Knisja u teżor fis-soċjetà.  Min-naħa l-oħra, meta soċjetà tinjora lill-foqra, tippersegwitahom, tikkriminalizzahom, iġġibhom qishom “mafja”, dik is-soċjetà tiftaqar sal-punt tal-miżerja, titlef il-libertà tagħha u tippreferi “il-basal u t-tewm” tal-jasar, tal-jasar ta’ l-egoiżmu tagħha, tal-jasar tal-kodardja tagħha, u dik is-soċjetà ma tibqax Nisranija.

 

Għeżież ħuti, nagħlqu s-sena billi nerġgħu lura għall-istqarrija li teżisti “l-aħħar siegħa” u li teżisti l-“milja taż-żmien”.  Aħna u nagħlqu din is-sena, waqt li rroddu ħajr u nitolbu maħfra, nagħmlu sew jekk nitolbu l-grazzja li nistgħu nimxu fil-ħelsien biex hekk nistgħu nsewwu t-tant ħsarat li saru u nħarsu ruħna min-nostalġija tal-jasar, inħarsu ruħna milli “ninnostalġjaw” il-jasar.

 

Il-Verġni Mbierka, l-Omm Qaddisa ta’ Alla li hi propju fil-qalba tat-tempju ta’ Alla, meta l-Verb – li kien fil-bidu – sar wieħed minna fiż-żmien, Hi li tat lid-dinja l-Feddej, tgħinna nilqgħuH b’qalb miftuħa, biex inkunu u ngħixu tassew fil-ħelsien ta’ wlied Alla.  Hekk ikun.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard