IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 19 ta’ Frar 2020

 

 Katekeżi fuq il-Beatitudnijiet: 4. Henjin ta’ qalbhom ħelwa

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fil-katekeżi tal-lum se nħarsu lejn it-tielet waħda mit-tmien beatitudnijiet tal-Vanġelu ta’ Mattew: “Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art” (Mt 5:5).

 

It-terminu “qalb ħelwa” li jintuża hawn irid litteralment ifisser ħelu, manswet, ġentili, mhux vjolenti. Il-qalb ħelwa tidher fil-mumenti ta’ kunflitt, tidher minn kif wieħed jirreaġixxi għal sitwazzjoni ostili. Kulħadd jista’ jidher ħelu meta kollox ikun trankwill, imma kif nirreaġixxu “taħt pressjoni”, jekk niġu attakkati, offiżi, aggrediti?

 

F’silta minnhom, San Pawl ifakkar fl-“umiltà u l-ħlewwa kollha ta’ Kristu” (2 Kor 10:1). U San Pietru min-naħa tiegħu jfakkarna fl-imġiba ta’ Ġesù fil-Passjoni: ma weġibx lura u ma heddidx, għax “ħalla f’idejn l-Imħallef ġust” (1 Pt 2:23). U l-qalb ħelwa ta’ Ġesù tidher fl-aqwa tagħha fil-Passjoni tiegħu.

 

Fl-Iskrittura l-kelma “qalb ħelwa” turina wkoll lil dak li m’għandux proprjetà ta’ din l-art; u għalhekk jolqotna l-fatt li t-tielet beatitudni tgħidilna sewwasew li dawk ta’ qalbhom ħelwa “jkollhom b’wirthom l-art”.

 

Fir-realtà, din il-beatitudni tikkwota s-Salm 37, li smajna fil-bidu tal-katekeżi. Anki hemm jitqiegħdu f’relazzjoni bejniethom il-qalb ħelwa u l-pussess tal-art. Dawn iż-żewġ affarijiet, jekk naħsbu tajjeb, jidhru inkompatibbli. Fil-fatt il-pussess tal-art huwa l-ambjent tipiku tal-kunflitt: spiss niġġieldu minħabba t-territorju, biex niksbu l-eġemonija fuq ċerta żona. Fil-gwerer, min hu l-iżjed b’saħħtu jmur minn fuq u jirbaħ artijiet oħra.

 

Imma ejjew inħarsu tajjeb lejn il-verb użat biex jindika l-pussess li se jkollhom dawk ta’ qalbhom ħelwa: huma ma jiksbux l-art; ma jgħidx “henjin ta’ qalbhom ħelwa għax għad ikollhom l-art”. Ikollhom “b’wirthom” l-art. Henjin ta’ qalbhom ħelwa għax “ikollhom b’wirthom” l-art. Fl-Iskrittura l-verb “tiret” għandu sens ikbar. Il-Poplu ta’ Alla jsejjaħ “wirtu” l-art ta’ Iżrael li hi l-Art Imwiegħda.

 

Dik l-art hija wegħda u don għall-poplu ta’ Alla, u ssir sinjal ta’ xi ħaġa ikbar minn sempliċi territorju. Hemm “art” – ippermettuli l-logħob bil-kliem – li hija s-Sema, jiġifieri l-art li lejha aħna mexjin: is-smewwiet ġodda u l-art ġdida li lejhom mexjin (ara Iż 65:17; 66:22; 2 Pt 3:13; Apok 21:1).

 

Allura min hu qalbu ħelwa hu dak li “jiret” l-aqwa minn fost it-territorji kollha. Mhuwiex beżżiegħi, “fjakk” li jiġri wara l-eħfef soluzzjoni biex jibqa’ barra mill-problemi. Xejn minn dan! Hu persuna li rċiviet wirt u ma tridx titilfu. Ta’ qalbu ħelwa mhuwiex dak li jakkomoda lil kulħadd, imma huwa d-dixxiplu ta’ Kristu li tgħallem jiddefendi art oħra. Hu jiddefendi l-paċi tiegħu, jiddefendi r-relazzjoni tiegħu ma’ Alla, jiddefendi d-doni tiegħu, id-doni ta’ Alla, billi jħares il-ħniena, il-fraternità, il-fiduċja, it-tama. Għax il-persuni ta’ qalbhom ħelwa huma persuni ħanina, fraterni u persuni mimlijin tama.

 

Hawn irridu naċċennaw għad-dnub tar-rabja, mutur vjolenti li kollha nafu x’saħħa għandu. Min hu dak li xi darba ma rrabjax? Kollha. Hemm bżonn naqilbu l-beatitudni u nistaqsu lilna nfusna: kemm affarijiet qridna bir-rabja? Kemm ħwejjeġ tlifna? Mument ta’ korla jista’ jeqred tant affarijiet; nitilfu l-kontroll u ma nibqgħux niżnu dak li hu tassew importanti, u nistgħu nirvinaw ir-relazzjoni ma’ ħuna, xi drabi bla ebda rimedju. Minħabba r-rabja, tant aħwa m’għadhomx jitkellmu bejniethom, huma mbiegħda minn xulxin. Dan hu bil-maqlub tal-qalb ħelwa. Il-ħlewwa tiġbor u tgħaqqad, ir-rabja tifred u taqsam.

 

Il-ħlewwa tirbaħ ħafna affarijiet. Il-qalb ħelwa kapaċi tirbaħ il-qalb, issalva l-ħbiberija u tant aktar, għax hemm min jitilgħulu, imma mbagħad jikkalma, jerġa’ jaħsibha u jerġa’ lura fil-passi ta’ qabel, u hekk nistgħu nerġgħu nibnu bil-ħlewwa.

 

L-“art” li rridu niksbu bil-ħlewwa hija s-salvazzjoni ta’ dak ħuna li dwaru jkellimna l-istess Vanġelu ta’ Mattew: “Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk” (Mt 18:15). M’hemmx art isbaħ mill-qalb tal-oħrajn, m’hemmx territorju isbaħ x’niksbu mill-paċi li nagħmlu mill-ġdid ma’ ħuna. U dik hija l-art li sa nirtu bil-qalb ħelwa tagħna!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard