QUDDIESA B’SUFFRAĠJU TAL-ERWIEĦ TAL-KARDINALI U L-ISQFIJIET

LI MIETU MATUL IS-SENA

OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan, l-Altar tal-Kattedra

It-Tnejn, 4 ta’ Novembru 2013

 

Fil-klima spiritwali tax-xahar ta’ Novembru, immarkata mit-tifkira tal-fidili mejtin, niftakru f’ħutna Kardinali u Isqfijiet mid-dinja kollha li reġgħu lura lejn id-dar tal-Missier matul din l-aħħar sena.  Filwaqt li noffru għal kull wieħed minn dawn ħutna din l-Ewkaristija Mqaddsa, nitolbu lil Alla biex jagħtihom il-premju tas-sema mwiegħed lill-qaddejja tajba u fidili.

Smajna l-kliem ta’ San Pawl:  “Għax jien konvint li la l-mewt, la l-ħajja, la l-anġli, la l-gvernijiet, la l-affarijiet ta’ issa, la l-affarijiet li għad iridu jiġu, la l-qawwiet, la l-għoli u l-anqas il-fond, u l-ebda ħolqien ieħor ma jista’ jifridna mill-imħabba t’Alla li hi fi Kristu Ġesù, il-Mulej tagħna” (Rm 8, 38-39.

L-Appostlu jippreżenta l-imħabba ta’Alla bħala l-motiv l-aktar profond, qatt mirbuħ, tal-fidi u t-tama Nisranija.  Jelenka l-qawwiet kuntrarji u misterjużi li jistgħu jimminaw il-mixja tal-fidi.  Iżda minnufih jafferma b’sigurtà li ankè jekk l-eżistenza kollha tagħna tkun imdawwra bit-tfikxil, xejn ma jista’ qatt jifridna mill-imħabba li jistħoqqilna permezz ta’ Kristu nnifsu, permezz tal-għotja totali tiegħu.  Saħansirtra l-qawwiet tax-xitan, ostili għall-bniedem, jirrendu rwieħhom impotenti quddiem l-għaqda intima bejn Ġesù u dawk kollha li jilqgħuh bil-fidi.  Din ir-realtà tal-imħabba fidili li Alla għandu għal kull wieħed u waħda minna tgħinna naffrontaw b’serenità u qawwa l-mixja ta’ kuljum, li xi kultant tkun mgħaġġla, u drabi oħra tkun bil-mod u taqta’ l-qalb.

Hu biss id-dnub tal-bniedem li jista’ jinterrompi din ir-rabta.  Iżda ankè f’dan il-każ Alla dejjem ifittxu u jirrikonoxxih biex jirristabbilixxi miegħu għaqda li tibqa’ saħansitra wara l-mewt, anzi, għaqda li fil-laqgħa mal-Missier, tilħaq il-milja tagħha.  Din iċ-ċertezza tagħti sens ġdid u sħiħ lill-ħajja fuq din l-art u tqawwina fit-tama fil-ħajja ta’ wara l-mewt.

Infatti, kull darba li jkollna naffaċċjaw il-mewt ta’ persuna għażiża jew li konna nafu mill-qrib, nistaqsu lilna nfusna l-mistoqsija: “X’se jiġri mill-ħajja tagħha, mix-xogħol tagħha, mill-qadi tagħha fil-Knisja?”  Il-Ktieb tal-Għerf jagħtina tweġiba:  dawn jinsabu f’idejn Alla!  L-id hi s-sinjal tal-ospitalità u tal-protezzjoni, hi sinjal ta’ rapport personali ta’ rispett u ta’ fiduċja: tieħu b’idejn xulxin, tnewwel idek.  Bl-istess mod, dawn ir-rgħajja mimlija b’entużjażmu u li ddedikaw il-ħajja tagħhom għas-servizz tal-Missier u tal-proxxmu, jinsabu f’idejn Alla.  Dak li ħadmu għalih jibqa’ mħares tajjeb u ma jintilifx wara l-mewt.  It-tkomplija tal-ħidma tagħhom tinsab f’idejn Alla: sew fil-ferħ, sew fit-tbatija, sew fit-tama, sew fil-qtigħ il-qalb, b’fedeltà lejn il-Vanġelu u passjoni lejn is-salvazzjoni spiritwali u materjali tal-merħla afdata lilhom. 

Ankè d-dnubiet, id-dnubiet tagħna huma f’idejn Alla’: dawk l-idejn li huma kollha ħniena, idejn “miżgħuda” b’imħabba.  Mhux ta’ b’xejn Ġesù ried li jżomm il-marki tal-pjagi fuq idejH biex inħossu u nduqu mill-ħniena tiegħu.  U din hi l-qawwa tagħna, it-tama tagħna.

Din ir-realtà, mimlija bit-tama, hi fil-prospettiva tal-qawmien fl-aħħar jum, fil-ħajja bla tmiem, li lejha huma ddestinati “il-ġusti”, dawk kollha li jilqgħu l-Kelma ta’ Alla u jittamaw fl-iSpirtu tiegħu.

Irridu għalhekk niftakru b’dan il-mod lil ħutna Kardinali u Isqfijiet li ħallewna.  Bnedmin iddedikati għas-sejħa tagħhom u għas-servizz tagħhom lejn il-Knisja, li ħabbewha bħalma għarusa għandha tiġi maħbuba.  Fit-talb tagħna nafdaw lilhom fil-ħniena t’Alla, bl-interċessjoni ta’ Marija u ta’ San Ġużepp, biex jilqagħhom fis-saltna tiegħu ta’ dawl u ta’ paċi, fejn jgħixu fl-eternità l-ġusti u dawk kollha li kienu xhieda ħajja tal-Vanġelu.  Ankè f’din it-talba, nitolbu wkoll għalina nfusna, biex Alla jippreparana tajjeb għal din il-laqgħa tagħna miegħu.  Ma nafux il-waqt meta se jsejħilna, imma nafu li din il-laqgħa tagħna miegħu sejra sseħħ tassew. 

 

Miġjub għall-Malti minn Robert Gatt.