SOLENNITÀ TAL-QADDISIN KOLLHA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Ċimiterju tal-Verano - Il-Ġimgħa 1 ta’ Novembru 2013

F’din is-siegħa, qabel inżul ix-xemx, qed ninġabru f’dan iċ-ċimiterju u naħsbu fil-futur tagħna, naħsbu f’dawk kollha li telqu, li mxew qabilna fil-ħajja u jinsabu fil-Mulej.

Kemm hi sabiħa din il-viżjoni tas-Sema li rajna fl-Ewwel Qari: il-Mulej Alla, il-ġmiel, it-tjieba, il-verità, it-tenerezza, l-imħabba sħiħa.  Dan kollu hemm jistenniena.  Dawk li ġew qabilna u mietu fil-Mulej qegħdin hemm.  Huma jħabbrulna li ġew mifdija mhux minħabba l-għemejjel tagħhom – wettqu wkoll għemejjel tajbin – imma ġew mifdija mill-Mulej: “Is-salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna li qiegħed fuq it-tron, u lill-Ħaruf” (Apok 7:10).  Hu li jsalvana, Hu li fi tmiem ħajjitna jaqbdilna jdejna bħal missier, u jeħodna propju f’dak is-Sema fejn hemm l-antenati tagħna.  Wieħed mix-xjuħ jistaqsi: “Dawn li għandhom l-ilbiesi twal bojod fuqhom min huma, u minn fejn ġejjin?” (v. 13).  Min huma dawn il-ġusti, dawn il-qaddisin li qegħdin fis-Sema?  It-tweġiba: “Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf” (v.14).

Fis-Sema nistgħu nidħlu biss grazzi għad-demm tal-Ħaruf, grazzi għad-demm ta’ Kristu.  Hu sewwa sew id-demm ta’ Kristu li ġġustifikana, li fetħilna l-bibien tas-Sema.  U jekk il-lum qed niftakru f’dawn ħutna rġiel u nisa li mxew qabilna fil-ħajja u qegħdin fis-Sema, dan għax huma ġew maħsula bid-demm ta’ Kristu.  Din hi t-tama tagħna: it-tama tad-demm ta’ Kristu!  Tama li ma tqarraqx.  Jekk fil-ħajja nimxu mal-Mulej, Hu qatt ma jiddiżappuntana!

Smajna fit-Tieni Qari dak li l-Appostlu Ġwanni qal lid-dixxipli tiegħu: “Araw b’liema għożża ħabbna l-Missier; nistgħu nissejħu wlied Alla, u hekk aħna tassew.  Għalhekk id-dinja ma tagħrafniex…  Issa aħna wlied Alla, imma x’se nkunu ’l quddiem m’huwiex irrivelat lilna.  Madankollu nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu” (1 Ġw 3:1-2).  Naraw lil Alla, nixbhu lil Alla: din hi t-tama tagħna.  U l-lum, propju fil-jum tal-Qaddisin u lejlet il-jum tal-Mejtin, jeħtieġ naħsbu ftit fuq it-tama: din it-tama li timxi magħna fil-ħajja.  L-ewwel Insara kienu jpinġu t-tama bħala ankra, bħallikieku l-ħajja kienet ankra mitfugħa f’xatt is-Sema u aħna kollha mexjin lejn dak ix-xatt, imqabbdin mal-ħabel ta’ l-ankra.  Din hi xbieha sabiħa ħafna tat-tama: b’qalbna ankrata hemm fejn għandna l-antenati tagħna, fejn hemm il-Qaddisin, fejn hemm Ġesù, fejn hemm Alla.  Din hi t-tama li ma tqarraqx bina; il-lum u għada huma jiem ta’ tama.

It-tama hi xi ftit bħall-ħmira, li twessagħlek qalbek; jiġu waqtiet iebsin fil-ħajja, imma permezz tat-tama qalbna tibqa’ miexja ’l quddiem u tħares lejn dak li hemm jistenniena.  Il-lum hu jum ta’ tama.  Ħutna rġiel u nisa jinsabu fil-preżenza ta’ Alla u anki aħna għad inkunu hemm, sempliċement bil-grazzja tal-Mulej, jekk nimxu fit-triq ta’ Ġesù.  Jagħlaq l-Appostlu Ġwanni: “Kull min għandu din it-tama fih, jissaffa” (v. 3).  Anki t-tama ssaffina, tħaffilna l-piż; din it-tisfija bit-tama f’Ġesù Kristu tqanqalna biex nimxu b’ħeffa, minnufih.  F’dan il-ħin tal-lum qabel l-għabex, kull wieħed u waħda minna jista’ jaħseb fl-għabex ta’ ħajtu: “Kif għad ikun l-għabex tiegħi?”.  Kollha kemm aħna sa jkollna l-għabex tagħna, kollha!  Qed inħares lejh bit-tama?  Inħares lejh b’dak il-ferħ li l-Mulej se jilqagħni għandu?  Dan hu ħsieb Nisrani, li jimliena bis-sliem.  Il-lum hu jum ta’ ferħ, imma ta’ ferħ seren, trankwill, tal-ferħ tas-sliem.  Naħsbu fl-għabex ta’ tant ħutna rġiel u nisa li telqu qabilna, naħsbu fl-għabex tagħna, meta dan għad jasal.  U naħsbu fil-qalb tagħna u nistaqsu lilna nfusna: “Fejn hi ankrata qalbi?”.  Jekk m’hix ankrata tajjeb, ejjew nankrawha hemm, f’dak ix-xatt, għax nafu li t-tama ma tqarraq qatt bina għax il-Mulej Ġesù ma jiddeludiniex.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard