Il-Papa Frangisku

Angelus,

Il-Ħadd, 10 ta' Novembru 2013

 

Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

Il-vanġelu ta’ dan il-Ħadd jippreżentalna lil Ġesù li joħodha mas-Sadduċej, li kienu jiċħdu l-qawmien mill-imwiet. U huwa proprju fuq din it-tema li huma jsaqsuh biex ipoġġuh f’diffikultà u biex iwaqqgħu għaċ-ċajt il-fidi fil-qawmien mill-imwiet.  Jitilqu minn każ ipotetiku: “Mara kellha seba’ rġiel, wieħed wara l-mewt tal-ieħor,” u jistaqsu lil Ġesù: “Il-mara ta’ min se tkun dik il-mara wara mewtha?”.  Ġesù, dejjem b’qalb tajba u bil-paċenzja, l-ewwel ma jwieġeb hu li l-ħajja ta’ wara l-mewt m’għandhiex l-istess tqassim bħall-ħajja ta’ fuq l-art.  Il-ħajja ta’ dejjem hija ħajja oħra, f’post ieħor fejn, fost affarijiet oħra, mhux se jkun hemm aktar iż-żwieġ, li huwa marbut mal-eżistenza tagħna f’din id-dinja.  Dawk li jqumu mill-imwiet – jgħid Ġesù – ikunu bħall-anġli, u jgħixu fi stat differenti, li issa għadna ma nistgħux nifhmuh u anqas nimmaġinawh.  U hekk Ġesù jispjega.

Imma mbagħad Ġesù, biex ngħidu hekk, jgħaddi għall-attakk.  Dan jagħmlu billi jiċċita l-Kotba Mqaddsa b’sempliċità u oriġinalità li jħalluna mimlijin ammirazzjoni lejn l-imgħallem tagħna, l-uniku mgħallem!  Il-prova tal-qawmien mill-imwiet Ġesù jsibu fl-episodju ta’ Mosè u s-siġra tal-għollieq taqbad (cfr Eż 3, 1-6), fejn Alla jippreżenta ruħu bħala Alla ta’ Abraham, ta’ Iżakk u ta’ Ġakobb.  L-isem ta’ alla hu marbut mal-ismijiet tal-rġiel u tan-nisa li magħhom hu jintrabat, u din ir-rabta hi aktar qawwija mill-mewt.  U aħna nistgħu nitkellmu wkoll fuq ir-relazzjoni ta’ Alla magħna, ma’ kull wieħed minna: Hu Alla tagħna!  Hu Alla ta’ kull wieħed minna!  Daqs li kieku hu kien iġorr isimna.  Dan lilu jogħġbu u din hi l-alleanza tagħna miegħu.  Din hi r-raġuni għala Ġesù jafferma: “Alla mhux tal-mejtin, imma tal-ħajjin; għax għalih kulħadd jgħix” (Lq 20, 38).  Din hija r-rabta deċiżiva, l-alleanza fundamentali, l-alleanza ma’ Ġesù: Hu stess hu l-alleanza, hu stess hu l-Ħajja u l-Qawmien, għax bl-imħabba tiegħu, msallba fuq is-salib, rebaħ il-mewt.  F’Ġesù Alla jtina l-ħajja ta’ dejjem, jagħtiha lil kulħadd, u kulħadd grazzi għalih għandu t-tama ta’ ħajja aktar vera minn din.  Il-ħajja li Alla jħejji għalina mhix biss tisbiħ ta’ din il-ħajja li qed ngħixu: hi tgħaddi l-immaġinazzjoni tagħna, għax Alla dejjem ibellaħħna bl-imħabba u bil-ħniena tiegħu.

Għalhekk, dak li jiġri huwa l-oppost ta’ dak li kienu qed jistennew is-Sadduċej.  Mhix din il-ħajja li fuqha tinbena l-ħajja ta’ dejjem, il-ħajja l-oħra, dik li qed tistenniena, imma hi l-ħajja ta’ dejjem – dik il-ħajja – li ddawwal u tagħti t-tama lill-ħajja ta’ fuq l-art ta’ kull wieħed minna!  Jekk inħarsu biss bl-għajnejn tal-bnedmin naslu biex jgħidu li l-mixjta tal-bniedem twassal mill-ħajja għall-mewt.  Dan narawh!  Imma dan hu hekk biss jekk inħarsu bl-għajnejn ta’ bnedmin.  Ġesù jaqleb ta’ taħt fuq dan il-kunċett u juri kif il-mixja tagħna tmur mill-mewt għall-ħajja: il-ħajja sħiħa!  Aħna ninsabtu f’mogħdija, f’pellegrinaġġ lejn il-ħajja sħiħa, u dik il-ħajja hi dik li ddawwalna fil-mogħdija tal-ħajja tagħna!  Allura l-mewt tinsab warajna, mhux quddiemna.  Quddiemna jinsab Alla tal-ħajjin, Alla tal-alleanza, Alla li jġib ismi, isimna, kif hu qal:  “Jien Alla ta’ Abraham, Iżakk, Ġakobb”, u anke Alla b’ismi, b’ismek, b’ismek...b’isimna. Alla tal-ħajjin!... Hawn tinsab it-telfa sħiħa tal-mewt u tad-dnub, u l-bidu ta’ żmien ġdid ta’ ferħ u ta’ dawl bla tmiem.  Imma anke hawn, f’din il-ħajja, fit-talb, fis-Sagramenti, fil-fraternità, diġà nistgħu niltaqgħu ma’ Ġesù u mal-imħabba tiegħu, u hekk nistgħu nieħdu ħjiel mill-ħajja tal-qawmien.  L-esperjenza li nagħmlu tal-imħabba u l-fedeltà tiegħu tixgħel bħal nar fi qlubna u tkabbar it-tama tagħna fil-qawmien.  Fil-fatt, jekk Alla jżomm kelmtu u jħobb, dan ma jistax jagħmlu biss għal żmien limitat: il-fedeltà hi għal dejjem, ma tistax tinbidel.  L-imħabba ta’ Alla hi għal dejjem, ma tistax tinbidel!  Mhix għal żmien limitat: hi għal dejjem!  Hi biex timxi ‘il quddiem!  Hu jżomm kelmtu u jistenniena, jistanna lil kull wieħed minna, jimxi ma’ kull wieħed minnha f’din il-fedeltà dejjiema.

 

Wara l-Angelus il-Papa għamel dan l-indirizz

Illum wara nofsinhar f’Padeborn, fil-Ġermanja, se tiġi pproklamata Beata Maria Teresa Bonzel, il-fundatriċi tal-Sorijiet Franġiskani Foqra tal-Adorazzjoni Perpetwa, li għexet fis-seklu Dsatax.  L-Ewkaristija kienet l-għajn li minnha kienet tieħu l-qawwa spiritwali biex tiddedika ħajjitha bl-imħabba bla ma tgħejja lejn l-aktar batuti.  Infaħħru lill-Mulej għax-xhieda tagħha!

Nixtieq nassigura lill-popli tal-Filippini u tal-inħawi tal-madwar li ġew milquta mill-irwiefen terribbli, li ninsab qribhom f’dawn id-diffultajiet.  B’xorti ħażina l-vittmi huma ħafna u saret ukoll ħafna ħsara.  Ejjew nitolbu għal mumet fis-skiet, imbagħad nitolbu lill-Madonna, għal dawn ħuta, u nippruvaw inwasslu l-għajnuna konkreta tagħna lilhom.  Nitolbu fis-skiet. (Intqalet l-Ave Maria)

Illum jaħbat ukoll il-75 anniversarju mill-hekk imsejjaħ “Lejl tal-kristalli”: l-atti vjolenti li saru bejn id-9 u l-10 ta’ Novembru 1938 kontra l-Lhud, is-sinagogi, id-djar u l-ħwienet immarkaw pass ieħor xejn feliċi lejn it-traġedja tax-Shoah.  Inġeddu s-solidarjetà u l-preżenza tagħna qrib il-poplu Lhudi, hutna l-kbar.  U nitolbu lil Alla biex il-memorja tal-passat, il-memorja tad-dnubiet tal-imgħoddi tgħinna biex dejjem nishru u naħdmu kontra kull forma ta’ mibgħeda u intolleranza.

Illum ukoll, fl-Italja, jiġi ċċelebrat Jum ir-Radd il-Ħajr.  Ngħaqqad leħni ma’ dik tal-Isqfijiet biex nuri kemm jien qrib dawk kollha li huma bdiewa, b’mod speċjali liż-żgħażagħ li għażlu li jaħmu l-art.  Inħeġġeġ lil dawk kollha b’dan ix-xogħol biex jaħdmu sabiex ħadd ma jkun jonqsu ikel tajjeb u b’saħħtu.

Insellem lill-pellegrini kollha li ġew minn diversi pajjiżi, lill-gurppi parrokkjali, lill-għaqdied; b’mod speċjali nsellem lill-insara li ġew mid-djoċesi tal-Liguria flimkien mal-Kardinal Bagnasco u isqfijiet oħra minn dik ir-reġjun.

Insellem l-Istituto Secolare Operaie Parrochiali, is-Centro Académico Romano Fundación, l-insara mill-Istati Uniti tal-Amerka u ta’ Tahiti; kif ukoll lil dawk ta’ Riccione, Avezzano, Turin, Bertonico u Celano. Insellem b’mod speċjali liż-żgħażagħ tal-Opri Missjunarji Pontifiċjil, iż-żgħażagħ ta’ Pescara u Monte San Savino u l-Croce Verde ta’ Alessandira.

Nixtieq lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Insellmilkom u l-ikla t-tajba!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.