Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-lum nixtieq nieqaf nitkellem ftit fuq it-tema ta’ l-ambjent, kif diġà kelli ċ-ċans nagħmel f’diversi okkażjonijiet.  Dan anki għax il-lum qed jitfakkar il-Jum Dinji tal-Ambjent, imwaqqaf mill-Ġnus Magħquda, li jsejħilna b’mod qawwi biex neqirdu l-ħela u r-rimi ta’ l-ikel.

 

Meta nitkellmu fuq ambjent, fuq il-ħolqien, ħsiebi jmur lejn l-ewwel paġni tal-Bibbja, lejn il-Ktieb tal-Ġenesi, fejn insibu li Alla qiegħed lir-raġel u l-mara fid-dinja biex jikkultivawha u jieħdu ħsiebha (ara 2:15).  U jiġuni f’moħħi dawn il-mistoqsijiet: Xi jfisser jikkultivaw u jieħdu ħsieb l-art?  Aħna qegħdin tassew nikkultivaw u nieħdu ħsieb il-ħolqien?  Jew qed nisfruttawh u nittraskurawh?  Il-verb “tikkultiva” ifakkarni fl-għożża li biha l-bidwi jieħu ħsieb l-għalqa tiegħu biex hekk tagħti l-frott u dan jinqasam: kemm attenzjoni, passjoni u dedikazzjoni!  Il-kultivazzjoni u l-ħarsien tal-ħolqien huma kmand li Alla mhux biss ta fil-bidu ta’ l-istorja, imma jagħtih lil kull wieħed u waħda minna; huma parti mill-pjan tiegħu; ifissru li nkabbru d-dinja b’responsabbiltà, billi nibdluha fi ġnien, post li fih jista’ jgħix kulħadd.  Benedittu XVI fakkarna kemm-il darba li dan ix-xogħol li fdalna f’idejna Alla l-Ħallieq jitlob minna li l-ewwel nifhmu x’inhuma r-ritmu u l-loġika tal-ħolqien.  Imma minflok, aħna spiss inħallu tmexxina s-suppervja li għandna biex niddominaw, nippossiedu, nimmanipulaw, nisfruttaw; ma “nħarsuhx”, na nirrispettawhx, ma nqisuhx bħala don li ngħatalna b’xejn u li għandna nieħdu ħsiebu.  Qed nitilfu l-atteġġjament ta’ l-istagħġib, tal-kontemplazzjoni, tas-smigħ tal-ħolqien; u għalhekk m’hux jirnexxilna iżjed naqraw fih dak li Benedittu XVI isejjaħ “ir-ritmu ta’ l-istorja ta’ mħabba ta’ Alla mal-bniedem”.  Għaliex qed iseħħ dan?  Għax naħsbu u ngħixu b’mod orizzontali, tbegħidna minn Alla, m’aħniex naqraw is-sinjali tiegħu.

 

Imma li “nikkultivaw u nieħdu ħsieb” ma jfissirx biss ir-relazzjoni bejnna u l-ambjent, bejn il-bniedem u l-ħolqien, imma għandu x’jaqsam ukoll mar-relazzjonijiet umani.  Il-Papiet tkellmu dwar ekoloġija umana, marbuta sew ma’ l-ekoloġija ambjentali.  Qed ngħixu fi żmien ta’ kriżi; dan narawh fl-ambjent, imma fuq kollox narawh fil-bniedem.  Il-persuna umana qiegħda fil-periklu: din ħaġa ċerta, il-persuna umana l-lum tinsab fil-periklu, u għalhekk hi urġenti l-ekoloġija umana!  U l-periklu hu gravi għax il-kawża tal-problema m’hix waħda tal-qoxra, imma profonda: m’hix biss kwistjoni ta’ ekonomija, imma ta’ etika u ta’ antropoloġija.  Il-Knisja dan għafset fuqu iżjed minn darba; u ħafna jgħidu: iva, sew qed tgħid, veru… imma s-sistema tibqa’ għaddejja bħal qabel, għax dak li jiddomina kollox hu d-dinamika ta’ ekonomija u ta’ sistema finanzjarja nieqsa minn kull etika.  Il-lum m’hux il-bniedem li jikkmanda, imma l-flus, il-flus jikkmandaw.  U Alla Missierna, il-missjoni li jieħdu ħsieb id-dinja ma tahiex lill-flus, imma lilna: lir-raġel u lill-mara.  Aħna għandna din il-ħidma x’nagħmlu!  Minflok, qed naraw irġiel u nisa ssagrifikati lill-idoli tal-profitt u tal-konsum: hi l-“kultura ta’ l-iskart”.  Jekk jitkisser kompjuter, traġedja, imma l-faqar, il-ħtiġijiet, it-tbatija ta’ tant persuni spiċċaw saru ħaġa normali.  Jekk f’xi lejla xitwija, hawn qribna f’Via Ottaviano, ngħidu aħna, tmut persuna, dik m’hix aħbar.  Jekk f’tant partijiet tad-dinja hemm tfal li m’għandhomx x’jieklu, dik m’hix aħbar, dik donnha normali.  Ma jistax ikun hekk!  Madankollu, dawn il-ħwejjeġ qed isiru normali: li xi persuni bla dar imutu fil-kesħa tat-triq, dan ma jagħmilx ħoss.  Għall-kuntrarju, jekk fil-boroż finanzjarji ta’ xi bliet, il-volum ta’ l-ishma jitbaxxa b’xi għaxar punti, din tkun traġedja.  Wieħed li qed imut ma jagħmilx aħbar, imma jekk jinżlu għaxar punti fil-boroż, din traġedja!  Hekk jintremew il-persuni, bħallikieku kienu żibel.

 

Din il-“kultura ta’ l-iskart” għandha t-tendenza li ssir mentalità komuni, li kulħadd jittieħed minnha.  Il-ħajja umana, il-persuna m’għadhiex titqies bħala valur primarju li wieħed għandu jirrispetta u jipproteġi, speċjalment jekk hi persuna fqira jew diżabbli, jekk għadha ma bdietx tiswa – bħat-tarbija li għadha fil-ġuf –, jew m’għadha tiswa għal xejn – bħall-anzjan.  Din il-kultura ta’ l-iskart ġabitna insensibbli anki għall-ħela u għar-rimi ta’ l-ikel, xi ħaġa li ta’ min jistmerraha iżjed meta f’kull parti tad-dinja, sfortunatament, tant persuni u familji qed ibatu l-ġuħ jew qed jieklu ikel ħażin.  Dari n-nanniet tagħna kienu joqogħdu attenti ħafna biex ma jarmu xejn mill-ikel żejjed li jifdlilhom.  Il-konsumiżmu wassalna biex drajna dejjem biż-żejjed u kuljum bil-ħela ta’ l-ikel, li xi kultant m’għadniex kapaċi nagħtuh il-valur li għandu, li jmur lil hemm mis-sempliċi parametri ekonomiċi.  Ħa nżommu f’moħħna, imma, li l-ikel li jintrema hu bħallikieku nsteraq minn fuq il-mejda ta’ min hu fqir, ta’ min hu bil-ġuħ!  Nistedinkom ilkoll biex tirriflettu fuq il-problema tan-nuqqas u tal-ħela ta’ l-ikel, biex insibu toroq u modi li, billi jaffrontaw serjament din il-problematika, isiru mezzi ta’ solidarjetà u ta’ kondiviżjoni ma’ dawk li l-iżjed għandhom bżonn.

 

Xi jiem ilu, fil-Festa tal-Corpus Domini, qrajna r-rakkont tal-miraklu tal-ħobż: b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet Ġesù jagħti tiekol lill-folla.  U l-għeluq tas-silta hu importanti: “U kulħadd kiel u xaba’, u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa” (Lq 9:17).  Ġesù jitlob lid-dixxipli biex ma jħallu xejn jinħela: l-ebda rimi!  U hemm dan il-fatt tat-tnax-il qoffa: Għaliex tnax?  Xi jfisser dan?  Tnax hu n-numru tat-tribujiet ta’ Israel, jirrappreżenta simbolikament lill-poplu kollu.  U dan jurina li meta l-ikel jinqasam l-istess bejn kulħadd, b’solidarjetà, ħadd ma jonqsu l-meħtieġ, kull komunità tista’ tindirizza l-ħtiġijiet ta’ l-iżjed foqra.  Ekoloġija umana u ekoloġija ambjentali jimxu id f’id.

 

Għalhekk nixtieq li lkoll nieħdu bis-serjetà l-impenn li nirrispettaw u nieħdu ħsieb il-ħolqien, li nkunu attenti għal kull persuna, li neħduha kontra l-kultura tal-ħela u ta’ l-iskart, biex nippromovu kultura tas-solidarjetà li tlaqqagħna ma’ xulxin.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard