Eċċellenza,

Għeżież Ħbieb,

 

Fl-okkażżjoni hienja tal-ewwel laqgħa tagħna, nixtieq nagħtikom merħba bl-istess kliem li bihom il-predeċessur tiegħi, il-Venerabbli Qaddej t’Alla Pawlu VI, laqa’ lill-Arċisqof Michael Ramsey fil-laqgħa storika tiegħu fl-1966:  «Il-passi tiegħek ma jaslux hawn f’dar barranija […] Aħna ninsabu kuntenti li niftħulek il-bibien, u mal-bibien, il-qalb tagħna; għaliex aħna ninsabu kuntenti u onorati […] li nilqgħuk “mhux bħala barrani u frustier, imma bħala ko-ċittadin tal-Qaddisin u tal-Familja ta’ Alla” (ara Ef 2, 19-20) »

Jien naf li l-Eċċellenza Tiegħek, waqt iċ-ċerimonja tal-istallazzjoni tiegħek fil-Kattidral ta’ Canterbury, ftakart fit-talb fl-Isqof il-ġdid ta’ Ruma.  Inħossni profondament grat u naħseb li aħna li bdejna l-ministeri rispettivi tagħna ftit jiem bogħod minn xulxin, ikollna dejjem motiv partikulari biex insaħħu lil xulxin bit-talb. 

L-istorja tar-relazzjonijiet bejn il-Knisja ta’ l-Ingilterra u l-Knisja (Kattolika) ta’ Ruma hija twila u kumplessa, u mhux nieqsa minn mumenti dollorużi.  L-aħħar għaxriet ta snin, madankollu, kienu mmarkati b’mixja li qarrbitna u mixja ta’ fraternita’, li għalihom irridu nroddu ħajr sinċerament lil Alla.  Din il-mixja twettqet kemm permezz tad-djalogu teoloġiku, bil-ħidmiet tal-Kummissjoni Internazzjonali anglikana-kattolika, u  permezz tat-tkabbir  ta’ relazzjonijiet mill-qalb f’kull livell u permezz ta’ qsim tal-hajja ta’ kuljum  fi spirtu ta rispett reciproku u hidma sinciera flimkien.  Għalhekk, jien tassew kuntent li llum hawn ukoll preżenti, flimkien miegħek, l-Arċisqof ta’ Westminster, Mons. Vincent Nichols.  Il-għaqda flimkien ta’ dawn ir-rabtiet għenet biex tinżamm il-mixja ’l quddiem anke meta fid-djalogu teoloġiku feġġew diffikultajiet ikbar minn dawk li wieħed seta’ jimmaġina fil-bidu tal-mixja.

Jien ukoll grat għall-isforz sinċier li l-Knisja fl-Ingilterra wriet biex tifhem ir-raġunijiet li wasslu l-Predeċessur tiegħi, Benedittu XVI, biex joffri struttura kanonika fi grad li twieġeb għall-mistoqsijiet ta’ dawk il-gruppi ta’ anglikani li kienu talbu li jiġu milqugħin, anke bħala grupp, fil-Knisja kattolika: jiena ċert li dan jippermetti biex it-tradizzjonijiet spiritwali, liturġiċi u pastorali li jsawru l-patrimonju anglikan ikunu aktar magħrufa u apprezzati fid-dinja kattolika.

Il-laqgħa tallum, għażiż ħuna, hija l-okkażżjoni biex tfakkarna li l-impenn għat-tfittxija tal-għaqda bejn l-insara ma tiġix minn raġunijiet ta’ ordni politiku, imma mir-rieda nnifisha tal-Mulej Ġesu’ Kristu, li għamilna aħwa tiegħu u wlied tal-Missier waħdieni.  Għalhekk, it-talb, li llum ngħollu flimkien, huwa ta’ importanza fundamentali.

Mit-talb jiġġedded jum wara ieħor l-impenn biex nimxu lejn il-għaqda li tista’ ssib espressjoni fil-ħidma flimkien f’diversi oqsma tal-ħajja ta’ kuljum,  Fost dawn, tilbes tifsira speċjali, ix-xhieda li tagħmel referenza għal Alla u tal-promozzjoni tal-valuri nsara quddiem soċjeta’ li tidher xi drabi tqiegħed għad-diskussjoni wħud mill-pedamenti nfushom tal-għixien flimkien, bħar-rispett lejn il-qdusija tal-ħajja umana, il-għaqda tal-istitut tal-familja mibnija fuq iż-żwieġ, valur li Inti kellek okkażżjoni reċentement tiġbed l-attenzjoni għalih.

Hemm ukoll, imbagħad, l-impenn għal ġustizzja soċjali akbar, għal sistema ekonomiku li tqiegħed lilha nfisha għas-servizz tal-bniedem u għall-vantaġġ tal-ġid komuni.  Fost il-ħidmiet tagħna, bħala xhieda tal-imħabba ta’ Kristu, hemm dak li jagħti leħen l-għajta tal-fqar, sabiex ma jkunux abbandunati għall-liġijiet tal-ekonomija li xi drabi tidher li tikkonsidra l-bniedem biss bħala konsumatur.

Jiena naf li l-Eċċellenza Tiegħek huwa b’mod partikulari sensibbli għal dawn il-kwistjonijiet kollha, li dwarhom naqsmu flimkien ħafna ideat, hekk kif ukoll naf bl-impenn tiegħek biex tkun favur ir-rikonċiljazzjoni u li tinstab soluzzjoni tal-ġlied bejn il-ġnus.  Dwar dan, flimkien mal-Arċisqof Nichols, Inti ħeġġiġt l-awtoritajiet biex isibu solużżjoni paċifika fil-ġlied tas-Sirja, li tkun garanzija għas-sigurta’ wkoll tal-popolazzjoni kollha, inklużi l-minoranzi, li fosthom hemm il-komunitajiet nsara antiki tal-post.  Kif urejt Int ukoll, aħna l-insara inġibu l-paċi u l-grazzja bħala teżor li nagħtuh lid-dinja; imma dawn it-teżori jistgħu iġibu l-frott biss meta l-insara jgħixu u jaħdmu flimkien f’armonija.  Ikun hekk iktar ħafif li wieħed jagħti sehemu biex jibni relazzjoni ta’ rispett u għixien flimkien fil-paċi ma’ dawk li huma ta’ tradizzjonijiet reliġjużi oħra u wkoll ma’ dawk li ma jemmnux.

L-għaqda li għaliha sinċerament naspiraw hija don li jiġi minn fuq u li għandu l-għeruq tiegħu fil-komunjoni tagħna ta’ mħabba mal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.  Kristu nnifsu wegħedna: “fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom” (Mt 18, 20).  Ejjem nimxu, għażiż ħuna, lejn il-għaqda, mgħaqudin fraternament fil-karita’ waqt li jkollna bħala punt kostanti ta’ referenza lil Ġesu’ Kristu, Ħuna l-kbir.  Ejjew insibu fl-adorazzjoni ta’ Ġesu’ Kristu il-bażi u r-raġuni sħiħa tal-mixja tagħna.  Jalla l-Missier tal-ħniena jisma’ u jwettaq it-talb li qegħdin nagħmlulu flimkien.  Inqegħedu t-tamiet tagħna fiH “li f’kollox għandu l-qawwa li jagħmel kollox bil-wisq iżjed milli aħna nistgħu nitolbu jew naħsbu” (Ef 3, 20).

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn

Patri Silvestru Bonavia OFM Cap