VIŻTA F’LAMPEDUSA

OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

It-Tnejn, 8 ta’ Lulju 2013

 

Immigranti mejtin fil-baħar, minn dawk  id-dgħajjes li minflok kienu triq ta’ tama spiċċaw kienu triq ta’ mewt. Dan kien t-titolu fil-ġurnali.  Meta ftit ġimgħat ilu qaluli b’din l-aħbar, li sfortunatament tirrepeti ruħha tant drabi, baqa’ fija l-ħsieb il-ħin kollu, qisu xewka fil-qalb li tweġġa. Għalhekk ħassejt li llum kelli niġi hawn biex nitolb, u biex inkun magħkom, iżda wkoll biex inqajjem mill-ġdid il-kuxjenza tagħna sabiex dak li ġara ma jerġgħax jiġri. Ma jerggħax jiġri, jekk jogħġobkom.

Iżda qabel nixtieq ngħid kelma ta' gratitudni sinċiera u ta’ nkoraġġiment lilkom, abitanti ta' Lampedusa u Linosa, lill-assoċjazzjonijiet, lill-voluntiera u lill-forzi tas-sigurtà, li wrejtu u qegħdin tagħtu attenzjoni lil dawn il-persuni fil-vaġġ tagħhom lejn xi ħaġa aħjar.  Intom realtà ċkejkna,  iżda intom tajtu eżempju ta solidarjetà. Grazzi! Grazzi wkoll lil Arċisqof Franġisku Montenegro għall-għajnuna tiegħu, u tal-ħidma pastorali. Insellem mill-qalb  lis-sinjura Sindku Giusy Nicolini, grazzi ħafna għall dak li inti għamilt u li qed tagħmel.

Ħsieb ukoll lill-għeżież immigranti Musulmani li llum, fil-għaxija, ser jibdew is-sawn tar-Ramadan. Nawguralkom ġid spiritwali abbundanti. Il-Knisja hija qrib tagħkom fit-tfittxija għal ħajja aktar dinjituża għalikom u għall-familji tagħkom. Għalikom, ‘o'scià!

Dalgħodu, fid-dawl tal-Kelma ta 'Alla li smajna, nixtieq nissuġġerixxi ftit kliem li fuq kollox iqajjem il-kuxjenza ta' kulħadd, iħeġġuna nirriflettu u li nibdlu bis-serjetà ċerti atteġġamenti.

"Adam, fejn int?": Hija l-ewwel mistoqsija li Alla jagħmel lill-bniedem wara d-dnub. "Fejn int Adam?" Imma Adam hu bniedem imħawwad li tilef postu fil-ħolqien għaliex ħaseb li jsir qawwi, li jista’ jaħkem kollox, li jkun Alla. U l-armonija titkisser, il-bniedem żbalja, u dan jirrepeti ruħu fir-relazzjoni mal-ieħor li m’għadux aktar  ħuk li għandek tħobb, imma sempliċement dak li jfixxkel il-ħajja tiegħi, u l-kumdità tiegħi.

U Alla jsaqsi it-tieni domanda: "Kajjin, fejn huwa ħuk?" Il-ħolma li jkun qawwi, li jkun kbir daqs Alla, anzi li jkun Alla, jwassal għal katina ta’ żbalji  li hija katina ta’ mewt, twasslek biex ixxerred id-demm ta’ ħuk stess!

 

Dawn iż-żewġ mistoqsijiet ta 'Alla nisemgħuhom anke llum bil-qawwa kollha tagħhom! Ħafna minna, ibda minni, aħna aljenati, m’aħniex aktar attenti għad-dinja li qed ngħixu fiha, ma nieħdux ħsieb, ma nħarsux dak li Alla ħalaq għal kulħadd , u lanqas aħna kapaċi li nieħdu ħsieb ta’ xulxin. U meta dan id-disorjentament jitferrex mad-dinja kollha, iwassal għal traġedji bħal dik li rajna.

 

"Fejn hu ħuk?"  Leħen id-demm tiegħu wasal għandi, jgħid Alla.  Din mhix domanda ndirizzata lill-oħrajn, imma hija domanda ndirizzata lili, lilek, u lil kull wieħed u waħda minna. Dawn ħutna fittxew li joħorgu minn sitwazzjonijiet diffiċli biex isibu daqsxejn ta’ serenità u ta’ paċi, kienu qed ifittxu post aħjar għalihom u għal familji tagħhom, iżda minflok sabu l-mewt. Kemm-il darba dawk li jfittxu dan ma jsibux min jifimhom, ma jsibux min jilqagħhom, ma jsibux solidarjetà! U leħinhom jitla’ sa ħdejn Alla! U għal darb' oħra, lilkom abitanti ta’ Lampedusa, grazzi tas-solidarjetà tagħkom. Riċentement smajt wieħed minn dawn ħutna. Qabel ma waslu, għaddew minn taħt idejn it-traffikanti, dawk li jisfruttaw il-faqar tal-oħrajn.  Dawn il-persuni, li għalihom il-faqar tal-oħrajn huwa għajn ta’ qliegħ. Kemm batew! Uħud ma jrexxielhomx jaslu.

 

"Fejn hu ħuk?" Min hu responsabbli għal dan id-demm? Fil-letteratura Spanjola insibu kummiedja ta’ Lope de Vega, li jirrakkonta kif in-nies tal-belt ta’ Fuente Ovejuna qatlu lill-gvernatur għaliex kien tirann, huma qatluh b’mod li ħadd ma jkun jaf minn qatlu. U meta l-imħallef tar-re staqsa "Min qatel l-Gvernatur?", kulħadd irrisponda: "Fuente Ovejuna, Sur Imħallef." Kulħadd u ħadd!

 

Anki llum, din id-domanda  toħroġ b'mod qawwa: Min hu responsabbli għad-demm ta  dawn  ħutna?  Hadd! Kollha kemm aħna inwieġbu hekk: Mhux jien, Jien m’għandix x’naqsam, l-oħrajn, jien m’għandix x’naqsam. Imma Alla jistaqsi lil kull wieħed minna: "Fejn huwa d-demm ta’ ħuk li l-karba tiegħu waslet sa għandi?"  Illum, ħadd fid-dinja ma jħossu responsabbli għal dan. Tlifna kull sens ta’ responsabbiltà ta’ aħwa. Waqajna fl-atteġġament ipokrita tas-saċerdot, u tal-qaddej tal-artal, li tkellem dwarhom Ġesù fil-parabbola tas-Sammaritan it-tajjeb. Inħarsu lejn ħuna nofsu mejjet fil-ġenb tat-triq, forsi naħsbu "miskin", u nkomplu fi triqtna. Din mhux biċċa tagħna, u b’dan inserrħu l-kuxjenza, tagħna, u inħossuna aħjar. Il-kultura tal-kumdità, twassalna biex naħsbu fina nfusna, twassalna li nkunu nsensibbli għall-karba tal-oħrajn, tagħmilna ngħixu fi bżieżaq tas-sapun, li huma sbieħ, imma ma huma xejn, huma biss illużjoni artificjali, tal-proviżorju, li twassal għall-indifferenza lejn l-oħrajn, anzi twassall għall-globalizzazzjoni tal-indifferenza. F'din id-dinja ta’ globalizzazzjoni waqajna fil-globalizzazzjoni tal-indifferenza. Drajna t-tbatija ta’ ħaddieħor, li ma jimpurtaniex minnha, ma tinteressanhiex, mhix affari tagħna!

 

Tiġi quddiemna x-xbieha mir-rumanz ta` Manzoni l-‘Innominato’. Il-globalizzazzjoni tal-indifferenza, tagħmilna lkoll, ‘Innominati’, responsabli bla isem u bla wiċċ.

 

“Adam fejn int?”, “Fejn hu ħuk?”, huma żewġ domandi li Alla għamel fil-bidu tal-umanita`, u li jagħmel ukoll lill-bnedmin kollha ta` żmienna, lilna ukoll.  Imma jien irrid li nistaqsu lilna nfusna t-tielet domanda: “Min minna beka għal din il-ġrajja u għal ġrajjiet oħra bħal din?”  Min beka għall-mewt ta’ dawn l-aħwa?  Min beka għal dawn il-persuni li kienu fuq id-dgħajsa? Għal ommijiet zgħażagħ li kellhom magħhom lill-uliedhom?  Għal dawn l-irgiel li xtaqu xi haga biex issostnu l-familji tagħhom? Aħna socjetà li nsiet l-esperjenza tal-biki, li titħassar: il-globalizzazzjoni tal-indifferenza neħħitilna l-kapacità li nibku! Fl-evanġelju smajna l-għajjat, il-biki, il-krieb kbir: “Rakel tibki lill-uliedha għax m’għadhomx iżjed”. Erodi żera l-mewt biex jiddefendi l-ġid tiegħu, propju l-bużżieqa tas-sapun tiegħu. U dan ikompli jirrepeti ruħu.  Nitolbu lill-Mulej li jħassar dak li baqa minn ta` Erodi, anki f’qalbna.  Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nibku għall-indifferenza tagħna, li nibku għall-kefrija li hawn fid-dinja, fina, anki għal dawk li fil-moħbi jieħdu deċizjonijiet soċjo-ekonomiċi li jiftħu t-triq għal drammi bħal din.

“Minn beka?” Minn beka llum fid-dinja?

 

Mulej, f’din il-liturgija, li hija liturgija ta’ penitenza, nitolbuk maħfra għal-indifferenza lejn tant ħutna. Nitolbuk maħfra, Missier, għal min qiegħed komdu u qiegħed maħluq fil-ġid tiegħu li jwasslu jagħlaq qalbu.  Nitolbuk maħfra għal dawk li bid-deċiżjonijiet tagħhom fuq livell mondjali, ħolqu sitwazzjonijiet li qed iwasslu għal dawn id-drammi. Maħfra Mulej!

Mulej anke llum nisimgħuk tistaqsina, “Adam fejn int?”, “Fejn hu d-demm ta` ħuk?”

 

Meta spiċcat iċ-ċelebrazzjoni, il-Papa qal …

 

Qabel ma nagħtikhom il-barka, nixtieq nirringrazzja għal darb’oħra, lill-abitanti ta` Lampedusa, għall-eżempju ta` mħabba u karità, għall-eżempju li qed tagħtu meta tilqgħu lil dawn in-nies. L-Isqof qal li Lampedusa hi ‘lighthouse’, b’dan l-ezempju ddawwal id-dinja, biex ikollna l-kuraġġ nilqagħu lil min qed ifittex ħajja aħjar. Grazzi tax-xhieda tagħkom u nixtieq anki nirringrazzja l-qalb tajba tagħkom fil-persuna ta` Dun Stefano. Hu irrakkuntali fuq il-vapur dak li hu u l-viċi jwettqu. Grazzi lilkom. Grazzi Dun Stefano.

 

Miġjub għall-Malti minn Arthur Rossi.