KAPPELLA PAPALI FIS-SOLENNITÀ TAL-QADDISIN APPOSTLI PIETRU U PAWLU

QUDDIESA U TQEGĦID TAL-PALLJU
LILL-METROPOLITI
ĠODDA

OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

Bażilika Vatikana
Is-Sibt, 29 ta’ Ġunju 2013

 

Sinjuri Kardinali,
Eminenza Tiegħek Metropolita Ioannis,
venerabbli ħuti fl-Episkopat u s-Saċerdozju
għeżiez ħuti!

 

Qegħdin niċċelebraw is-Solennita’ tal-Qaddisin Appostli Pietru u Pawlu, patruni ewlenin tal-Knisja ta’ Ruma: festa li hija ċelebrata ukoll b’aktar ferħ bil-preżenza ta’ Isqfijiet mid-dinja kollha.  Dan huwa għana li jgħinna ngħixu mill-ġdid, b’ċertu mod, il-ġrajja ta’ Għid il-Ħamsin: illum bħal dak inhar, il-fidi tal-Knisja titkellem bl-ilsna kollha u trid tgħaqqad il-popli f’familja waħda.

 Insellem minn qalbi u bi gratitudni id-Delegazzjoni tal-Patrijarkat ta’ Kostantinopli, immexxija mill-Metropolita Ioannis.  Inrodd ħajr lill-Patrijarka ekumeniku Bartolomeo I għal dan il-ġest fratern.  Insellem lis-Sinjuri Ambaxxaturi u l-Awtoritajiet ċivili.  U radd il-ħajr speċjali lit-Tomanerchor, il-Kor tat-Thomaskirche, [Knisja ta’ San Tumas] ta’ Lipsia – il-knisja ta’ Bach – li janima din il-Liturġija u li huwa preżenza oħra ekumenika.

Tlitt ħsibijiet fuq il-ministeru petrin, immexxija mill-verb “tikkonferma”.  Għal liema ħaġa huwa msejjaħ biex jikkonferma l-Isqof ta’ Ruma?

1.  Qabel xejn, jikkonferma fil-fidi.  L-Evanġelju jitkellem mill-istqarrija ta’ Pietru: “Inti l-Kristu, l-Iben t’Alla l-ħaj” (Mt 16,16), stqarrija li ma ġietx minnu, imma mill-Missier.  U hu minħabba din l-istqarrija li Ġesu’ jgħid:  “Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (v 18).  Ir-rwol, il-qadi ekkleżjali ta’ Pietru għandu l-pedament tiegħu fuq l-istqarrija ta’ fidi f’Ġesu’, l-Iben t’Alla l-ħaj, u din kienet possibbli bi grazzja mogħtija mill-għoli.  Fit-tieni parti tal-Evanġelju tallum naraw il-periklu ta meta wieħed jaħseb kif taħsibha d-dinja.  Meta Ġesu’ jitkellem dwar il-mewt u l-qawmien tiegħu, mit-triq ta’ Alla li ma taqbilx mat-triq umana tal-poter, f’Pietru jerġgħu jidhru id-demm u l-laħam: “beda jlum il-Mulej:... ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik” (16,22).  U Ġesu’ juża kelma iebsa: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan!  Inti tfixkil għalija” (v 23).  Meta aħna nħallu jirbħu l-ħsibijiet tagħna, is-sentimenti tagħna, il-loġika tal-poter uman u ma nħallux niġu mgħallma u mmexxija mill-fidi, minn Alla, insiru ġebla ta’ tfixkil.  Il-fidi fi Kristu hija d-dawl ta’ ħajjitna bħala nsara u bħala ministri fil-Knisja!

2. Jikkonferma fl-imħabba.  Fit-tieni Qari smajna il-kelmiet imqanqla ta’ San Pawl: “Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi” (2 Tim 4,7).  Mil-liema battalja qed jitkellem?  Mhux dik tal-armi umani, li b’dispjaċir għadha ddemma fid-dinja; imma hija l-battalja tal-martirju.  San Pawl għandu arma waħdanija: il-messaġġ ta’ Kristu u d-don ta’ ħajtu kollha għal Kristu u għall-oħrajn.  Hu huwa proprju dan li jesponi lilu nnifsu personalment, li jħalli lilu nnifsu jiġi kkunsmat għall-Evanġelju, li jsir kollox għal kulħadd, mingħajr ma jaħseb xejn fih innifsu li għamlu aktar emmnut u bena l-Knisja.  L-Isqof ta’ Ruma huwa msejjaħ biex jgħix u jikkonferma f’din l-imħabba għal Kristu u għal kulħadd mingħajr distinzjoni, limiti u barrieri.  U mhux biss l-Isqof ta’ Ruma: intom ilkoll, arċisqfijiet u isqfijiet ġodda, għandkom l-istess dmir: ħallu lilkom infuskom tiġu kkunsmati għall-Evanġelju, issiru kullox għal kulħadd.  Id-dmir li ma tħallu xejn, toħorġu minnkom infuskom għall-qadi tal-poplu qaddis u fidil ta’ Alla.

3. Jikkonferma fl-unita’.  Hawn nieqaf fuq il-ġest li għadna kemm wettaqna.  Il-Pallju huwa s-simbolu ta’ komunjoni mas-Suċċessur ta’ Pietru “prinċipju u pedament għal dejjem u li jidher tal-unita’ tal-fidi u tal-komunjoni” (Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. Domm, dwar il-Knisja Lumen gentium, 18).  U l-preżenza tagħkom illum, għeżież Ħuti, hija s-sinjal li l-komunjoni tal-Knisja ma tfissirx uniformita’  Il-Vatikan II, meta jirreferi għall-istruttura ġerarkika tal-Knisja jistqarr li l-Mulej “waqqaf l-Appostli bħala kulleġġ jew grupp stabbli, u li fuqhom qiegħed bħala ras lil Pietru, magħżul minnhom” (ibid 19).  Tikkonferma fl-unita’: is-Sinodu tal-Isqfijiet, f’armonija mal-primat.  Jeħtieġilna nimxu f’din it-triq tas-sinodalita’. Nikbru f’armonija bil-qadi tal-primat.  U jkompli l-Konċilju: “dan il-Kulleġġ, billi huwa magħmul minn ħafna, jesprimi l-varjeta’ u l-universalita’ tal-Poplu t’Alla” (ibid 22).  Fil-Knisja, il-varjeta’, li hija għana kbir, hija dejjem mibnija fuq l-armonija tal-unita’, bħala mużajk kbir li fih kull biċċa rħama żgħira tagħti sehemha biex tifforma id-disinn kbir waħdieni ta’ Alla.  U dan għandu jgħin biex negħelbu kull konflitt li jfieri l-ġisem tal-Knisja.  Magħqudin fid-differenzi:  m’hemmx triq oħra kattolika biex ningħaqdu.  Dan huwa l-ispirtu kattoliku, l-ispirtu nisrani: ningħaqdu fid-differenzi.  Din hija t-triq ta’ Ġesu’!  Il-Pallju, jekk huwa sinjal tal-komunjoni mal-Isqof ta’ Ruma, mal-Knisja universali, mas-Sinodu tal-Isqfijiet, huwa wkoll impenn biex kull wieħed minnkom ikun strument ta’ komunjoni.

Li nistqarru l-Mulej waqt li nħallu lilna nfusna niġu mgħallma minn Alla; nikkunsmaw lilna nfusna għall-imħabba ta’ Kristu u tal-Evanġelju tiegħu; inkunu qaddejja tal-unita’.  Dawn, għeziez ħuti fl-episkopat, huma l-konsenji li l-Appostli Qaddisin Pietru u Pawlu jafdaw lil kull wieħed minna, biex ikunu mgħajxa minn kull nisrani.  Tmexxina u takkumpanjana dejjem, bl-interċessjoni tagħha, il-Qaddisa Omm Alla: Regina tal-Appostli, itlob għalina!  Ammen.

 

Miġjub għall-Malti minn Patri FSilvestru Bonavia OFM Cap.