SOLENNITÀ TAL-QADDISIN APPOSTLI PIETRU U PAWLU

PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Is-Sibt,  29 ta’ Ġunju, 2013

 

Għeżież ħuti!

Illum, id-29 ta’ Ġunju, hija l-festa solenni ta’ San Pietru u San Pawl.  B’mod speċjali hija l-festa tal-Knisja ta’ Ruma, mibnija fuq il-martirju ta’ dawn iż-żewġ Appostli.  Imma hija wkoll festa kbira għall-Knisja universali, għaliex il-Poplu kollu t’Alla huwa midjun lejhom minħabba d-don tal-fidi.  Pietru kien l-ewwel li stqarr li Ġesu’ huwa l-Kristu, l-Iben ta’ Alla.  Pawlu xerred din l-aħbar fid-dinja greko-rumana.  U l-Provvidenza riedet li t-tnejn li huma waslu hawn Ruma u hawn xerrdu demmhom għall-fidi.  Għaldaqstant, il-Knisja ta’ Ruma saret mill-ewwel, spontanjament, il-punt ta’ riferenza għall-Knejjes kollha mferrxa mad-dinja.  U dan mhux bil-qawwa tal-Imperu, imma bil-qawwa tal-martirju, tax-xhieda li huma taw għal Kristu! Fl-aħħar mill-aħħar hija dejjem l-imħabba ta’ Kristu biss li tiġġenera l-fidi u li tmexxi ‘l quddiem il-Knisja.

Niftakru f’Pietru.  Meta stqarr il-fidi tiegħu f’Ġesu’, dan m’għamlux bil-kapaċita’ umana tiegħu, imma għaliex kien mirbuħ mill-grazzja li Ġesu’ ħareġ minnu, mill-imħabba li kien iħoss fi kliemu u li kien jara fl-azzjonijiet tiegħu: Ġesu’ kien juri l-imħabba t’Alla fil-persuna tiegħu!

U l-istess ġralu Pawlu, anke jekk b’mod differenti.  Bħala żgħażugħ, Pawlu kien għadu tal-insara, u meta Ġesu’ Mqajjem mill-imwiet sejjaħlu fit-triq ta’ Damasku, ħajtu nbidlet: fehem li Ġesu’ ma kienx mejjet, imma ħaj, u sar iħobb lilu wkoll li qabel kien għadu tiegħu!  Hekku l-esperjenza tal-ħniena, tal-maħfra t’Alla f’Ġesu’ Kristu: din hija l-Bxara t-Tajba, l-Evanġelju li Pietru u Pawlu sperimentaw fihom infushom u li għalih taw ħajjithom.  Ħniena, Maħfra!  Il-Mulej dejjem jaħfrilna, il-Mulej għandu l-ħniena, huwa ħanin, għandu qalb ħanina u dejjem jistenniena.

Għeżież ħuti, x’ferħ huwa li temmen f’Alla li huwa kollu mħabba, kollu grazzja!  Din hija l-fidi li Pietru u Pawlu rċivew minn Kristu u li huma għaddew lill-Knisja.  Infaħħru lill-Mulej għal dawn iż-żewġ xhieda glorjużi, u bħalhom inħallu lilna nfusna niġu mirbuħin minn Kristu, mill-ħniena ta’ Kristu.

Niftakru wkoll li Xmun Pietru kellu ħuh, Andrija, li qasam miegħu l-esperjenza tal-fidi f’Ġesu’.  Mhux biss, imma Andrija kien iltaqa’ ma’ Ġesu’ qabel Xmun u malajr tkellem dwaru ma’ ħuh u ħadu għand Ġesu’.  Nieħu pjaċir infakkru wkoll għaliex illum, skont it-tradizzjoni sabiħa, hawn preżenti f’Ruma id-Delegazzjoni tal-Patrijarkat ta’ Kostantinopli, li għandha bħala patrun tagħha l-Appostlu Sant’Andrija.  Ilkoll flimkien nibgħatu t-tislijiet tagħna mill-qalb lill-Patrijarka Bartolomeo I u nitolbu għalih u għal dik il-Knisja.  Nistedinkom ukoll titolbu lkoll flimkien Ave Maria għall-Patrijarka Bartolomeo I:  ngħidu lkoll flimkien: Sliem għalik, Marija...

Nitolbu wkoll għall-Arċisqfijiet Metropoliti tad-diversi Knejjes tad-dinja li lilhom ftit ħin ilu jiena tajt il-Pallju, simbolu ta’ komunjoni u unita’.

Ommna maħbuba, Marija Santissma takkumpanjana u ssaħħaħna lkoll. 


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

bil-ferħ insellem il-pellegrini li ġew minn diversi pajjiżi biex jiffesteġġjaw lill-Arċisqfijiet Metropoliti.  Nitlob għall-Komunitajiet kollha tagħhom; b’mod partikulari nagħmel kuraġġ lill-poplu taċ-Ċentrafrika, li huwa ppruvat b’mod iebes, biex jimxi b’fidi u tama.

Insellem lilkom bi mħabba: lill-familji, il-fidili ta’ tant parroċċi u assoċjazzjonijiet; b’mod partikulari dawk tad-djoċesi ta’ Iglesias, tal-belt ta’ Aragona u ta’ Casal Popolo.

Lilkom ilkoll il-festa t-tajba u l-ikla t-tajba.  Nerġa’ narakom.

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap