Papa Franġisku

Angelus

30 ta’ Ġunju 2013

 

Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

Il-vanġelu ta’ dan il-Ħadd (Lq 9,51-62) jippreżentalna silta importanti ħafna mill-ħajja ta’ Kristu: il-mument li fih – kif jikteb San Luqa – “b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm” (9,51).  Ġerusalemm hija l-aħħar waqfa, fejn Ġesù, fl-aħħar Għid tiegħu, irid imut u jqum mill-imwiet, u hemm iwassal għat-tmiem il-missjoni salvifika tiegħu.

Minn dak il-mument, wara li “b’rieda sħiħa dar”, Ġesù jwaqqaf ħarstu fuq il-mira aħħarija, u anke lin-nies li jiltaqa’ magħhom u li jitolbuh biex jimxu warajh, jgħidilhom ċar liema huma l-kundizzjonijiet: mhux se jkollhom dar stabbli; iridu jitgħallmu jinqatgħu mill-affezzjonijiet umani; ma jissobbihomx għal dak li jkunu telqu warajhom.

Imma Ġesù jgħid ukoll lil dawk id-dixxipli li kellhom imorru qablu lejn Ġerusalemm iħabbru l-miġja tiegħu, biex ma jimponu xejn: jekk ma jsibux min jilqgħu, kellhom jimxu ‘l quddiem għal post ieħor.  Ġesù qatt ma jimponi xejn, Ġesù umli, Ġesù jistieden.  Jekk inti trid, ejja.  L’umità ta’ Ġesù hekk hi: Hu jistieden dejjem, qatt ma jimponi.

Dan kollu jġegħlna naħsbu.  Jurina, per eżempju, l-importanza li kellha, anke għal Ġesù, il-kuxjenza:  li jisma’ l-kelma tal-Missier f’qalbu u jobdiha.  Fil-ħajja tiegħu fid-dinja, Ġesù ma’ kienx, ħa ngħidu hekk, immexxi minn “remonte control”: huwa kien il-Verb inkarnat, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, u f’mument tal-ħajja tiegħu ddeċieda bis-sħiħ li jitla’ sa Ġerusalem għall-aħħar darba;  deċiżjoni li ħadha fil-kuxjenza tiegħu, imma li ma ħadhiex waħdu: ħadha flimkien mal-Missier, f’għaqda sħiħa miegħu!  Iddċieda li jobdi lill-Missier, waqt li kellu qalbu miftuħa biex jisimgħu u jobdi r-rieda tiegħu.  Hu għalhekk li l-għażla kienet b’rieda sħiħa, għax ħadha flimkien mal-Missier.  U fil-Missier Ġesù kien isib il-qawwa u d-dawl li jmexxuh fil-mixja tiegħu.  U Ġesù kien ħieles, f’dik l-għażla tiegħu hu kien ħieles.  Ġesù jrid lilna l-insara ħielsa bħalu, b’dik il-libertà li tiġi minn dan id-djalogu mal-Missier, minn dan id-djalogu ma’ Alla.  Ġesù la jrid insara egoisti, li jimxu skont ma jgħid il-“jien” tagħhom, li ma jitkellmux ma’ Alla; lanqas ma jrid insara bla sinsla, insara li m’għandhomx rieda, insara li huma mmexxija minn “remote control”, inkapaċi li jkunu kreattivi, li jfittxu dejjem li jingħaqdu mar-rieda ta’ xi ħadd ieħor u li mhumiex ħielsa.  Ġesù jridna ħielsa, u din il-libertà kif isseħħ? Isseħħ permezz tad-djalogu ma’ Alla, kull wieħed fil-kuxjenza tiegħu.  Jekk nisrani ma jafx jitkellem ma’ Alla, ma jafx jisma’ lil Alla fil-kuxjenza tiegħu, ifisser li mhux liberu, mhux liberu.

Għalhekk irridu nitgħallmu nisimgħu aktar il-kuxjenza tagħna.  Imma noqgħodu attenti!  Dan ma jfissirx li nagħmlu ta’ rasna, dak li jinteressana, dak li jaqblilna, li jogħġobna... Mhux hekk!  Il-kuxjenza huwa dak l-ispazju li hemm f’kull wieħed minna miftuħ għas-smigħ tal-verità, tat-tajjeb, għas-smigħ ta’ Alla; huwa l-post ġo fija fejn isseħħ l-għaqda tiegħi miegħu, miegħu li jitkellem ma’ qalbi u jgħinni nagħżel, jgħinni nifhem it-triq li minnha rrid ngħaddi, u li, meta nkun għamilt l-għażla tiegħi, jgħinni nimxi ‘l quddiem u jgħinni nibqa’ fidil.

Aħna kellna eżempju mill-aqwa ta’ kif inhu dan ir-rapport ma’ Alla fil-kuxjenza, eżempju mill-isbaħ ta’ ftit ġimgħat ilu.  Il-Papa Benedittu XVI tana dan l-eżempju kbir meta l-Mulej urih, fit-talb, liema kien il-pass li hu kellu jagħmel.  Hu obda, b’sens kbir ta’ dixxerniment u ta’ kuraġġ, il-kuxjenza tiegħu, jiġifieri r-rieda ta’ Alla li kienet qed tkellmu fil-qalb tiegħu.  U dan l-eżempju ta’ dan il-missier tagħna jagħmlilna ħafna ġid għax huwa eżempju ta’ min jimxi fuqu.

Il-Madonna, b’sempliċità kbira, kienet tisma’ u timmedita f’qalbha il-Kelma ta’ Alla u dak li kien qed jiġri lil Ġesù.  Imxiet wara binha b’konvinzjoni mill-aktar profonda, b’tama qawwija.  Ħa tgħinna Marija biex insiru dejjem aktar irġiel u nisa ta’ kuxjenza, ħielsa fil-kuxjenza tagħna, għaliex huwa fil-kuxjenza li jsir id-djalogu ma’ Alla; irġiel u nisa, kapaċi nisimgħu il-leħen ta’ Alla u li nobuh bir-rieda tagħna.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Illum fl-Italja tiġi ċċelebrata l-ġurnata tal-karità tal-Papa.  Nixtieq inrodd ħajr lill-isqfijiet u lill-parroċċi kollha, speċjalment dawk l-aktar fqar, għat-talb u l-offerti li jgħinu tant inizjattivi pastorali u opri ta’ ħniena tas-suċċessur ta’ Pietru f’kull parti tad-dinja. Grazzi lil kulħadd!

Insellem minn qalbi lil pellegrini kollha li hawn preżenti, b’mod speċjali lill-ħafna nsara li ġew mill-Ġermanja.  Insellem ukoll lill-pellegrini minn Madrid, Augsburg, Sonnino, Casarano, Lenola, Sambucetole u Montegranaro; il-grupp tal-lajċi dumnikani, il-Fraternità appostolika tad-Divina Misericordia ta’ Piazza Armerina, il-ħbieb tal-missjoni tal-Preziosissimo Sangue, l’UNITALSI ta’ Ischia di Castro u ż-żgħażagħ ta’ Latisana.

Nitlobkom titolbu għalija. Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba. Sa ma nerġgħu niltaqgħu!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia