"Marta u Marija mhumiex żewġ modi ta’ mġieba li jmorru kontra xulxin"

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Il-Ħadd, 21 ta’ Lulju 2013

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dan il-Ħadd inkomlu naqraw mill-għaxar kapitlu tal-evanġelju ta’ San Luqa.  Is-silta tal-lum hu dik ta’ Marta u Marija.  Min huma dawn iż-żewġ nisa?  Marta u Marija, ħut Lazzru, huma qraba u dixxipli fidili tal-Mulej, li kienu jgħixu f’Betanja.  San Luqa jiddeskrivihom hekk:  Maria, f’riġlejn Ġesù, “kienet qed tisma kliemu”, waqt li Marta kienet okkupata b’ħafna qadi (cfr Lq 10, 39-40).  It-tnejn li huma jilqgħu lill-Mulej li jkun għaddej minn raħalhom, imma dan jagħmluh b’modi differenti.  Marija tinxteħet f’riġlejn Ġesù tisimgħu, Marta, mill-banda l-oħra, tħalli lilha nfisha tinġarr mill-affarijiet li kellha tipprepara, u tant għandha x’tagħmel li ddur lejn Ġesù u tgħidlu, Mulej, m'intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi!” (v. 40). U Ġesù jwieġeb billi jċanfarha bil-ħlewwa: “Marta Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ;  imma waħda hi meħtieġa” (v. 41).

Xi jrid jgħid Ġesù? Xinhi din il-ħaġa waħda li tagħha għandna bżonn?  L-ewwel nett irridu nifhmu li hawn Ġesù mhux qed jitkellem fuq il-konflitt bejn żewġ modi ta’ mġieba: is-smigħ tal-kelma tal-Mulej, il-kontemplazzjoni, u is-servizz konkret lill-proxxmu.  Mhumiex żewġ modi ta’ mġieba li jmorru kontra xulxin, anzi, huma żewġ aspetti essenzjali għall-ħajja nisranija tagħna; aspetti li qatt ma għandhom jinfirdu minn xulxin, imma għandhom jiġu mgħixxa b’għaqda u armonija profondi.  Imma allura għalfejjn Marta tiġi mċanfa, avolja bil-ħlewwa?  Għax lilha deherilha li kien essenzjali biss dak li hi kienet qed tagħmel, ħalliet lilha nfisha tinġarr minn dak li kellha “x’tagħmel”.  Fin-nisrani, il-ħidma ta’ servizz u ta’ karità ma tista’ tkun qatt maqtugħa mill-għajn ewlenija ta’ kull azzjoni tagħna: jiġifieri mis-smiegħ tal-Kelma tal-Mulej, li bħal Marija noqgħodu f’riġlejn Ġesù, fil-qagħda proprja tad-dixxipli.  Hu għal dan li Marta tiġi mċanfra.

Anke fil-ħajja nisranija tagħna, ejjew inħallu t-talb u l-azzjoni dejjem marbutin flimkien.  It-talb li ma jwassalx għal azzjoni konkreta lejn ħija li hu fqir, marid, fil-bżonn tal-għajnuna, ħija li jinsab fid-diffikultà, hija talba sterili u nieqsa.  Imma, bl-istess mod, meta fis-servizz lejn il-kominità nkunu wisq okkupati b’dak li għandna nagħmlu, meta nagħtu aktar importanza lill-affarijiet, lill-funzjonijiet, lill-istrutturi, u ninsew iċ-ċentralità ta’ Kristu, meta ma nżommux ħin biex niddjalogaw miegħu fit-talb, inkunu qed nirriskjaw li naqdu lilna nfusna u mhux lil Alla li jinsab fl-aħwa fil-bżonn.  San Benedittu kien jiġbor l-istil ta’ ħajja li kien jistieden lill-irħieb tiegħu biex jgħxu f’żewġ kelmiet: “ora et labora”, itlob u aħdem.  Huwa mill-kontemplazzjoni, minn dan ir-rapport ta’ ħbiberija mal-Mulej, li titnissel fina l-kapaċità li ngħixu u nwasslu l-imħabba ta’ Alla, il-ħniena tiegħu, il-ħlewwa tiegħu lill-oħrajn.  U anke xogħolna mal-aħwa fil-bżonn, ix-xogħol ta’ karità li nagħmlu fl-opri tal-ħniena, iwassalna għand il-Mulej, għax f’min hu fil-bżonn aħna naraw proprju Lilu, il-Mulej tagħna.

Nitolbu lill-Verġni Marija, omm is-smigħ u omm is-servizz, biex hi tgħallimna nirriflettu fil-qalb tagħna l-Kelma ta’ Binha, biex nitolbu bil-fedeltà, biex inkunu dejjem aktar attenti bil-fatti għall-bżonnijiet ta’ ħutna.

 

Wara l-Angelus il-Papa Franġisku sellem lil dawk kollha preżenti u wara kompla jgħid ..

Qed nara miktub hemmhekk, “Buon viaggio!”, (Il-vjaġġ it-tajjeb).  Grazzi!  Grazzi! Nitlobkom li fil-vjagg li se nibda għada, takkumpanjawni spiritwalment bit-talb.  Kif tafu se mmur Rio de Janeiro fil-Brażil, fl-okkażjoni tat-28 Jum Dinji taż-Żgħażagħ.  Se jkun hemm tant żgħażagħ hemm, mill-partijiet kollha tad-dinja.  U naħseb li din nistgħu insejħulha, il-ġimgħa taż-Żgħażagħ!  Il-protagonisti f’din il-ġimgħa se jkunu ż-żgħażagħ.  Dawk kollha li ser jiġu Rio jridu jisemgħu l-leħen ta’ Ġesù: “Mulej x’għandi nagħmel b’ħajti?  Liema hija t-triq għalija?”  Anke’ intom – ma nafx jekk hawnx żgħażagħ, illum, hawn fil-pjazza!   Hawn żgħażagħ?  Hekk hu: ankè intom żgħażagħ li qegħdin fil-pjazza, għamlu l-istess domanda lill-Mulej: “Mulej, Ġesù x’għandi nagħmel b’ħajti? Liema hija t-triq għalija?”

Nafdaw fl-interċessjoni tal-Beata Verġni Marija, li hi tant maħbuba u meqjuma fil-Brażil, dawn id-domandi, dik li se jagħmlu ż-żgħażagħ hemmhekk, u din li qed tagħmlu intom illum.  U jalla l-Madonna tgħinkom f’din il-pass tal-pellegrinaġġ.

Lilkom lkoll nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb! L-ikla t-tajba!  Narakom!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia