ANGELUS

IL-PAPA FRANĠISKU

Il-Ħadd, 4 ta' Awwissu 2013

 

Għeżież ħuti!

Il-Ħadd li għadda kont qiegħed Rio de Janeiro fejn kienet qed tiġi fi tmiemha l-quddiesa u l-Ġurnata dinjija taż-Żogħżija.  Jien tal-fehma li lkoll flimkien għandna nirringrazzjaw lil Alla għar-rigal kbir li kienet din l-okkażjoni, don għall-Brażil, għall-Amerka Latina u għad-dinja kollha.  Kien pass ġdid tul il-pellegrinaġġ taż-żgħażagħ madwar il-kontinenti bis-Salib ta’ Kristu.  M’għandniex ninsew li l-Jiem dinjini taż-Żogħżija mhumiex “ċikċifogu”, mumenti ta’ entużjażmu kbir imma li jieqfu hemm mal-esperjenza; huma passi ta’ mixja twila, li bdiet fl-985 bl-inizjattiva tal-Papa Ġwanni Pawlu II.  Hu ta liż-żgħażagħ is-Salib u qallhom: morru, u jien niġi magħkom!  U hekk seħħ; u dan il-pellegrinaġġ taż-żgħażagħ tkompla mal-Papa Benedittu, u għall-grazzja ta’ Alla anke jien kelli ċ-ċans ngħix din l-esperjenza meraviljuża tul il-pass li sar din is-sena fil-Brażil.  Ftakru dejjem: iż-żgħażagħ mhux qed jimxu wara l-Papa, imma wara Ġesù Kristu, waqt li jġorru s-Salib tiegħu.  U il-Papa jmexxihom u jimxi magħhom f’din il-mixja ta’ fidi u tama.  Nirringrazzja għalhekk liż-żgħażagħ kollha li ħadu sehem, anke għas-sagrifiċċji li għamlu.  Nirringrazzja wkoll lill-Mulej għal-laqgħat l-oħra li kelli mar-Rgħajja u mal-poplu ta’ dak il-pajjiż kbir li hu l-Brażil, kif ukoll għal-laqgħat li kelli mal-awtoritajiet u mal-voluntiera.  Jalla l-Mulej iħallas lil dawk kollha li ħadmu b’riżq din il-festa kbira tal-fidi.  Irrid intenni r-radd il-ħajr tiegħi, grazzi knira lill-Brażiljani.  Nies sewwa dawn tal-Brażil, poplu ta’ qalb kbira!  Ma ninsiex il-merħba mill-qalb li tawni, it-tislimiet, il-ħarsa tagħhom, il-ferħ kbir tagħhom.  Dan hu poplu ġeneruż; nitlob lill-Mulej li jbierku fuq li jbierku!

Nixtieq nitlokom titolbu miegħi sabiex iż-żgħażagħ li ħadu sehem fil-Jum Dinji taż-Żgħożija jkunu jistgħu jittraduċu din l-esperjenza fil-mixja tagħhom ta’ kuljum, fl-imġieba ta’ kuljum; u li jkunu kapaċi jittraduċuh anke fl-għażliet importanti tal-ħajja, billi jwieġbu għas-sejħa persinali li qed jagħmlilhom il-Mulej.  Fil-liturġija tal-lum tidwi l-kelma provokanti ta’ Koħèlet: “Frugħa tal-frugħat... kollox frugħa” (1,2).  Iż-żgħażagħ huma sensibbli b’mod partikulari għat-tifsira u l-valuri vojta li spiss idawwruhom.  U b’xorti ħażina huma jbatu l-konsegwenzi.  Mill-banda l-oħra, il-laqgħa ma’ Ġesù ħaj, fil-familja kbira tiegħu li hi l-Knisja, timla l-qalb bil-ferħ, għax timliha bil-ħajja vera, bi tjubija qawwija, li la tgħaddi u lanqas titħassar:  dan il-ferħ rajnih fuq wiċċ iż-żgħażagħ f’Rio.  Imma din l-esperjenza trid tħabbat wiċċha mal-frugħa ta’ kuljum, dak il-velenu tal-vojt li jnawwar is-soċjetajiet tagħna li huma mibnija fuq il-profitt u fuq il-gwadann, li jagħmu liż-żgħażagħ bil-konsumeriżmu.  Il-Vanġelu ta’ dan il-Ħadd ifakkarna proprju f’din l-assurdità li hi meta wieħed jibni l-ferħ tiegħu fuq dak li għandu.  L-għani jgħid lilu nnifsu: “Ruħi, issa għandek ħafna ġid maħżun, striħ, kul, ixrob u xxala! Imma Alla jgħidlu: Iblaħ li int, dal-lejl stess se jitoluk lura ruħek. Dak li ħżint ta’ min se jkun? (cfr Lc 12, 19-20).  Għeżież ħuti, il-veru għana hu l-imħabba ta’ Alla maqsuma mal-aħwa.  Dik l-imħabba li ġejja minn Alla u li twassalna biex naqsmuha bejniena u ngħinu lil xulxin.  Min iduq din l-esperjenza ma jibżax mill-mewt, u jirċievi l-paċi tal-qalb.  Ejjew nafdaw din it-talba, it-talba biex nirċievu l-imħabbba ta’ Alla u li naqsmuha mal-aħwa, fl-interċessjoni tal-Verġni Marija.

 

Wara l-Angelus il-Papa sellem l-għaqdiet preżenti u l-messaġġ tiegħu kien dan:

Għeżież ħuti:

insellmilkom ilkoll u nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom hawn, minkejja s-sħana.

Ninsab tassew ferħan li qed insellem b’mod partikulari xi gruppi ta’ żgħażagħ: iż-żgħażagħ Karmelitani tal-Koazja; iż-żgħażagħ ta’ Sandon u Fossò tad-djoċesi ta’ Verona; dawk ta’ Mozanica fid-djoċesi ta’ Cremona; dawk ta’ Moncalieri, li ġew biċċa mit-triq  bil-mixi; u dawk ta’ Bergamo, li ġew bir-roti.  Grazzi lil kulħadd! Qed nara ħafna żgħażagħ fil-pjazza llum: qisna erġajna qegħdin Rio de Janeiro!

Illum nixtieq insellem bis-sħiħ b’mod speċjali lill-kappillani u lis-saċerdoti kollha tad-dinja, għax illum tiġi ċċelebrata t-tifkira tal-qaddis patrun tagħhom: San Ġwann Maria Vianey.  Għeżież ħuti fis-saċerdozju, ejjew nibqgħu magħqudin fit-talb u fl-imħabba pastorali.

Għada nfakkru l-Omm tagħna, il-Madonna taħt it-titulu ta’ Salus Populi Romani: ejjew nitolbuha tħarisna; u issa ejjew ilkoll insellmulha bl-Ave Maria.  Insellmu lill-Omm tagħna, ilkoll flimkien, u ntuha ċapċipa.

Nieħu gost ukoll infakkar li jumejn oħra niċċelebraw il-festa liturġika tat-Trasfigurazzjoni, u fiha niftakar ukoll b’ħafna gratitudni lill-Venerabbli Papa Pawlu VI, li ħalla din id-dinja proprju fil-lejla tas-6 ta’ Awwissu ta’ 35 sena ilu.

Għeżież ħbieb, nixtieqilkom il-Ħadd it-tajjeb u l-aqwa ġid għax-xahar ta’ Awwissu. L-ikla t-tajba! Nerġgħu niltaqgħu!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.