L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Id-Djarju ta’ Santa Fawstina Kowalska

Ara l-verżjoni bl-Ingliż ...

Id-Djarju mqassam f'paragrafi kif ukoll skont it-tema ...

 

Santa Fawstina Kowalska

tal-Ħniena Divina

 

DJARJU

ta’ Santa Fawstina Kowalska

IL-ĦNIENA DIVINA ĠEWWA RUĦI

INTRODUZZJONI

 

1. Santa Marija Fawstina Kowalska, magħrufa llum fid-dinja kollha bħala ‘l-Appostlu tal-Ħniena Divina’, hija meqjusa mit-teoloġi bħala waħda mill-mistiċi kbar tal-Knisja.

 

Hija kienet it-tielet wild minn għaxra mweldin ġo familja kampanjola, fqira u reliġjuża fi Glogowiec, raħal fil-qalba tal-Polonja. Fawstina ġiet mgħammda fil-Knisja parrokkjali qrib Swinice, Warckie, u ngħatat l-isem ta’ Helena. Sa minn tfulitha fiha spikkaw it-tjubija, l-imħabba għat-talb, il-bżulija u l-ubbidjenza; kif ukoll is-sensitivita’ kbira li hi kellha għall-miżerja umana. Bilkemm laħqet għamlet tliet snin ta’ skola, għax fl-eta’ ta’ erbatax-il sena telqet mid-dar sabiex tgħin lill-ġenituri tagħha u taqla’ l-għejxien tagħha bħala qaddejja fil-bliet ta’ Aleksandrow u Lodz li jinsabu fil-qrib.  

 

Meta kellha biss seba’ snin (sentejn qabel l-ewwel Tqarbina tagħha) Helena kienet diġa’ qiegħda tħoss ġewwa ruħha s-sejħa għall-ħajja reliġjuża. Meta iktar tard qalet lill-ġenituri tagħha b’din ix-xewqa, bil-qawwa kollha huma ma ridux iħalluha tingħalaq f’kunvent. Minħabba din is-sitwazzjoni, Helena għamlet li setgħet biex twarrab din is-sejħa divina. Imma wara dehra ta’ Kristu jbati, Hu ċanfarha b’dal kliem: Kemm ser indum nissaportik u kemm ser iddum tgħidli le? (Djarju, 9) u bdiet tfittex kunvent fejn setgħet tidħol. Ħabbtet ħafna bibien ta’ kunventi, imma ħadd ma laqgħaha. Fl-aħħar nhar l-1 ta’ Awwissu 1925, Helena daħlet fil-kunvent tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena fi Triq Zytnia ġo Varsavja. Fid-Djarju tagħha, hija kitbet: “Deherli li kont dħalt fil-ħajja tal-Ġenna. Kien hemm talba waħda ħierġa bil-qawwa kollha minn qalbi, talba ta’ radd il-ħajr.” (Djarju, 17)

 

Madanakollu, wara ftit ġimgħat kellha tentazzjoni kbira li tmur f’kongregazzjoni oħra fejn ikollhom iktar ħin għat-talb. Kien f’dan il-waqt li l-Mulej Ġesu’ wrieha wiċċu midrub mimli tbatija u qalilha: Ser tkun int li tikkaġunali dan l-uġiegħ jekk inti tħalli dan il-kunvent. Jiena għal hawn sejjaħtlek u għal imkien iżjed; u Jiena ħejjejt ħafna grazzji għalik. (Djarju, 19)

Meta daħlet fil-Kongregazzjoni, Helena irċeviet l-isem ta’ Swor Fawstina. Hija għamlet in-novizzjat tagħha fi Krakovja, u hemmhekk fil-preżenza tal-Isqof Stanislaus Rospond, ħadet l-ewwel voti reliġjużi tagħha. Ħames snin wara għamlet il-professjoni tal-voti perpetwi tal-kastita’, faqar u ubbidjenza. Għalkemm ingħatat xogħol f’xi wħud mid-djar tal-Kongregazzjoni tagħha, għaddiet żmien itwal fid-djar ta’ Krakovja, Plock u Vilnius, fejn wettqet id-dmirijiet ta’ koka, ġardinara u purtinara.

 

Minn barra ma kien hemm xejn x’juri l-ħajja mistika tagħha tal-għaġeb u mimlija għana. Hija kienet twettaq id-dmirijiet tagħha b’ħeġġa kbira, kienet tosserva bil-fedelta’ r-regoli kollha tal-ħajja reliġjuża, kienet iżżomm il-ġabra u s-skiet, fil-waqt li l-ħin kollu kienet iġġib ruħha b’mod naturali, dejjem burdata tajba, ta’ qalbha tajba u mimlija mħabba li ma tfittixx li hu tagħha mal-proxxmu.

 

Ħajjitha kollha kienet mibnija fuq sforz kontinwu għal għaqda dejjem iktar sħiħa ma’ Alla waqt li tikkopera ma’ Ġesu’ b’għadd ta’ sagrifiċċji fil-ħidma tas-salvazzjoni tal-erwieħ. Hija stqarret fid-Djarju tagħha, ‘Ġesu’ tiegħi, Inti taf li, sa minn ċkuniti, jiena ridt insir qaddisa kbira, jiġifieri, jiena ridt inħobbok bi mħabba hekk kbira li ma jkun hemm ħadd iżjed li jkun ħabbek daqshekk s’issa.’ (Djarju, 1372)

 

Huwa d-Djarju tagħha li jikxfilna l-profondita’ tal-ħajja spiritwali tagħha. Jekk naqraw dawn il-pitazzi b’attenzjoni, ikollna stampa tal-għola grad tal-għaqda tar-ruħ tagħha ma’ Alla: kemm Alla fittex li jżomm kumpanija lir-ruħ tagħha, kif ukoll l-isforzi u t-taqbid tagħha fit-triq lejn il-perfezzjoni nisranija. Il-Mulej taha grazzji kbar: id-don tal-kontemplazzjoni, b’għerf profond tal-misteru tal-ħniena ta’ Alla; dehriet; rivelazzjonijiet; il-pjagi moħbijin; id-don tal-profezija u li taqra l-erwieħ, kif ukoll id-don mhux komuni taż-żwieġ mistiku. Għalkemm kellha din l-abbundanza ta’ doni, kitbet hekk: ‘La grazzji, la rivelazzjonijiet, la estażi, lanqas id-doni mogħtija lir-ruħ ma jagħmulha perfetta, imma aktar il-għaqda intima tar-ruħ ma’ Alla ... Il-qdusija u l-perfezzjoni tiegħi huma bbażati fuq l-għaqda intima tar-rieda tiegħi mar-rieda ta’ Alla.’ (Djarju, 1107)

 

L-istil awster ta’ ħajjitha flimkien mas-sawm li kien jgħejjiha, li hi kienet ħadet fuqha nnifisha wkoll qabel ma ngħaqdet mal-Kongregazzjoni, tant neħħewlha s-saħħa minn ġisimha li meta kienet għadha postulanta kien meħtieġ li jibgħatuha Skolimow qrib Varsavja sabiex tkun tista’ terġa’ tieħu saħħitha. Qrib it-tmiem tal-ewwel sena tan-novizzjat tagħha, kellha esperjenzi mistiċi li ġabulha uġigħ mhux tas-soltu ta’ dak li jsejħulu l-lejl mudlam (tar-ruħ), u iktar tard kellha tbatijiet spiritwali u morali li kellhom x’jaqsmu mat-twettiq tal-missjoni li hija kienet qiegħda tirċievi mingħand il-Mulej Ġesu’. Swor Fawstina offriet ħajjitha bħala sagrifiċċju għall-midinbin u minħabba dan kellha tbati wkoll diversi tbatijiet, sabiex permezz tagħhom setgħet tgħin lil-ruħhom. Fl-aħħar snin ta’ ħajjitha it-tbatijiet interni ta’ dak li jsejħulu l-lejl passiv tar-ruħ u mard tal-ġisem żdiedu fl-intensita’. It-tuberkolożi li xterditilha attakkatilha l-pulmuni u l-kanal tal-ikel. Minħabba f’hekk darbtejn kellha toqgħod għall-kura ta’ diversi xhur fl-isptar ta’ Triq Pradnik fi Krakovja. 

 

Bla saħħa f’ġisimha imma matura għal kollox spiritwalment, hija mietet b’fama ta’ qaddisa, f’għaqda mistika ma’ Alla, nhar il-5 ta’ Ottubru, 1938. Bil-kemm kellha 33 sena, li tlettax-il sena minnhom għetixhom bħala reliġjuża. Il-fdalijiet tagħha tpoġġew fil-qabar komuni fiċ-ċimiterju tal-kunvent fi Krakovja – Lagiewniki. Fl-1966, waqt il-proċess ta’ ġbir ta’ informazzjoni għall-beatifikazzjoni ta’ Swor Fawstina, il-fdalijiet tagħha ġew trasferiti għall-kappella tal-kunvent.

 

Lil din ir-reliġjuża sempliċi, bla skola imma kuraġġuża, li afdat lill-Mulej Ġesu’ għal kollox bla ebda limitu, Huwa taha l-missjoni kbira li xxandar il-messaġġ Tiegħu ta’ ħniena indirizzat lid-dinja kollha: Illum, Huwa qalilha, Jiena qiegħed nibgħatek bil-ħniena Tiegħi għand in-nies tad-dinja kollha. Jiena ma rridx nikkastiga lill-umanita’ li qiegħda tbati, imma nixtieq infejjaqha u nrossha mal-Qalb Tiegħi mimlija Ħniena. (Djarju, 1588) Inti s-segretarja tal-ħniena Tiegħi. Jiena għażiltek għal din il-missjoni f’din il-ħajja u fil-ħajja l-oħra’. (Djarju, 1605) ... sabiex inti tgħarraf lill-erwieħ bil-ħniena kbira Tiegħi għalihom, u sabiex inti tħeġġiġhom biex ikollhom fiduċja fil-ħniena Tiegħi bla tarf. (Djarju, 1567)

 

2. Il-Missjoni ta’ Swor Fawstina. Fi ftit kliem, il-missjoni tagħha tikkonsisti filli tfakkarna fil-veritajiet tal-fidi tagħna, li kienu sa minn dejjem imma li qisna nsejniehom, dwar l-imħabba ta’ Alla mimlija ħniena għall-bnedmin, u filli twasslilna suriet ġodda ta’ devozzjoni lejn il-Ħniena Divina, li meta aħna nipprattikawha tmexxina sabiex aħna niġġeddu fil-ħajja spiritwali fl-ispirtu nisrani ta’ fiduċja u ħniena.  

 

Id-Djarju li Ġesu’ kkmanda lil Swor Fawstina biex iżżommu fl-aħħar erba’ snin ta’ ħajjitha, huwa speċi ta’ ġurnal fejn l-awtriċi kitbet ġrajjiet li kienu qegħdin iseħħu, jew li kienu diġa’ seħħew, u li kellhom x’jaqsmu l-aktar mal-‘laqgħat’ li r-ruħ tagħha kellha ma’ Alla. Analiżi dettaljata u magħmula bis-sengħa tal-pitazzi tagħha kienet meħtieġa sabiex seta’ jittieħed minnhom dak kollu li ġie meqjus li hu esssenzjali għall-missjoni tagħha.  

 

Din il-ħidma ġiet imwettqa minn teologu eminenti li huwa stmat ħafna – ir-Reverendu Professur Ignacy Rozycki. Ġabra fil-qosor tal-opra teoloġika tiegħu miġbura bl-ikbar reqqa u fil-fond ġiet ippublikata bl-isem ‘Il-Ħniena Divina: Karatteristiċi Bażiċi tad-Devozzjoni tal-Ħniena Divina.’

 

Meta jiġu mqabblin ma’ din l-opra importanti teoloġika, il-publikazzjonijiet kollha li saru qabel dwar id-devozzjoni tal-Ħniena Divina, kif qaltilna biha Swor Fawstina, donnhom jimpurthom biss minn xi elementi tagħha jew minn xi affarijiet li huma iktar sekondarji. Ngħidu aħna, xi wħud minnhom jisħqu fuq il-Litanija jew in-Novena tal-Ħniena Divina, u jħallu barra s-Siegħa tal-Ħniena.

 

Dun Rozycki jiġbdilna l-attenzjoni tagħna għal dan il-fatt meta jgħid: ‘Qabel ma nsiru nafu l-elementi partikulari tad-devozzjoni tal-Ħniena Divina, jeħtieġ nintebħu li foshom m’aħniex ser insibu l-ebda waħda min-noveni jew litaniji li tant nafuhom sewwa jew li nħobbu ngħiduhom.’

 

Il-bażi li biha aħna nagħżlu dawn it-talbiet jew prattiki reliġjużi, u mhux oħrajn, bħala l-forom ġodda tad-devozzjoni tal-Ħniena Divina, insibuha fil-wegħdiet speċifiċi li hemm marbutin magħhom, li l-Mulej Ġesu’ wiegħed li jwettaq bil-kundizzjoni li wieħed ikollu fiduċja fit-tjubija ta’ Alla u li juri ħniena lejn il-proxxmu tiegħu. Dun Rozycki jurina li hemm ħames elementi fid-devozzjoni tal-Ħniena Divina.  

 

a. Ix-Xbieha ta’ Ġesu’ tal-Ħniena. L-għamla tagħha ġiet irrivelata fid-dehra li Swor Fawstina kellha fit-22 ta’ Frar 1931, fiċ-ċella tal-kunvent tagħha fi Plock. ‘Filgħaxija, x’ħin kont fiċ-ċella tiegħi,’ hija kitbet fid-Djarju, ‘jiena rajt il-Mulej Ġesu’ liebes libsa bajda. Id waħda kienet merfugħa ‘l fuq f’ġest ta’ barka, l-oħra kienet qiegħda tmiss il-libsa fuq sidru. Minn taħt il-libsa, miftuħa ftit fuq sidru, kienu ħerġin żewġ raġġi kbar, wieħed aħmar, l-ieħor bajdani...’ Wara ftit, Ġesu’ qalli: Pitter xbieha skont dak li inti qiegħda tara, bil-kliem: Ġesu’, jiena nafda Fik. (Djarju, 47) ‘Irrid li din ix-xbieha ... tiġi mbierka b’mod solenni fl-Ewwel Ħadd fuq l-Għid; dak il-Ħadd għandu jkun il-Festa tal-Ħniena. (Djarju, 49)

 

Għal din ir-raġuni, il-kontenut ta’ din ix-xbieha huwa marbut b’mod fil-qrib mal-liturġija ta’ dak il-Ħadd. F’dan il-jum, il-Knisja taqra l-Evanġelju skont San Ġwann dwar Kristu Rxoxt li deher fil-Kamra ta’ Fuq u dwar it-twaqqif tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni (Ġw. 20:19-29). Għalhekk, din ix-xbieha turi s-Salvatur li qam mill-imwiet, li jġib il-paċi lill-bnedmin permezz tal-maħfra tad-dnubiet bil-merti tal-Passjoni u l-mewt Tiegħu fuq is-Salib.  

 

Ir-raġġi tad-demm u tal-ilma li jidhru ħerġin mill-Qalb (il-Qalb ma tidhirx fix-xbieha) li ġiet minfuda b’lanza u l-marki tal-feriti kkawżati mill-pjagi tal-kruċifissjoni jfakkruna fil-ġrajjiet tal-Ġimgħa l-Kbira (Ġw 19:17-18; 33-37). Ix-xbieha tas-Salvatur mimli ħniena, mela, tgħaqqad flimkien iż-żewġ ġrajjiet tal-Evanġelju li juru bl-aħjar mod il-milja tal-imħabba ta’ Alla għall-umanita’.  

 

Iż-żewġ raġġi huma karatteristika distintiva ta’ din ix-xbieha ta’ Kristu. Il-Mulej Ġesu’ meta ġie mistoqsi dwar xi jfissru, spjega hekk: Iż-żewġ raġġi jfissru Demm u Ilma. Ir-raġġ l-abjad jissimbolizza l-Ilma li jsaffi lill-erwieħ u jagħmilhom ġusti. Ir-raġġ l-aħmar jissimbolizza d-Demm li hu l-ħajja tal-erwieħ ... Hieni dak li jgħammar għall-kenn tagħhom. (Djarju, 299) Is-Sagramenti tal-Magħmudija u tar-Riċonċiljazzjoni jsaffu r-ruħ, u l-Ewkaristija tmantniha bl-akbar abbundanza. B’dan il-mod, iż-żewġ raġġi jfissru s-Sagramenti Mqaddsa u l-grazzji kollha tal-Ispirtu s-Santu, li s-simbolu bibliku Tiegħu hu l-ilma, kif ukoll il-Patt il-Ġdid li Alla għamel mal-bnedmin bid-Demm ta’ Kristu.   

 

Ix-xbieha ta’ Ġesu’ tal-Ħniena ħafna drabi jsejħulha ‘Ix-Xbieha tal-Ħniena Divina’, li hi ħaġa f’waqtha, għax hu preċiżament fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu li l-imħabba ta’ Alla għall-umanita’ wriet ruħha b’mod l-iżjed ċar.  

 

Ix-xbieha mhux biss turi l-Ħniena Divina, iżda sservi wkoll bħala sinjal li jerġa’ jfakkar fid-dmir tan-Nisrani ta’ fiduċja f’Alla u ta’ mħabba attiva lejn il-proxxmu. Skont ir-rieda ta’ Ġesu’, ix-xbieha għandha firma b’dan il-kliem: ‘Ġesu’ jiena nafda Fik.’

 

Ġesu’ qal ukoll: Permezz ta’ din ix-xbieha Jiena nagħti ħafna grazzji lill-erwieħ. Għandha tkun tifkira ta’ dak li titlob minn għandhom il-ħniena Tiegħi, għax ukoll fidi mill-aktar qawwija ma tiswa xejn mingħajr l-opri. (Djarju, 742)

 

Mal-qima tax-xbieha, jekk nifhmuha b’dan il-mod, b’rabta mal-attitudni nisranija ta’ fiduċja u ħniena, il-Mulej Ġesu’ għamel wegħdiet speċjali, bħalma huma s-salvazzjoni eterna, progress kbir fit-triq tal-perfezzjoni nisranija, il-grazzja ta’ mewta tajba, u l-grazzji l-oħrajn kollha possibbli li l-bnedmin jitolbuh għalihom bil-fiduċja: Permezz ta’ din ix-xbieha, Jiena ser nagħti ħafna grazzji lill-erwieħ; mela, araw li kull ruħ ikollha aċċess għaliha. (Djarju, 570)

 

b. Il-Festa tal-Ħniena Divina. Din tieħu l-ewwel post fost l-elementi kollha tad-Devozzjoni tal-Ħniena Divina, kif ġiet irrivelata lil Swor Fawstina. Waqt li Ġesu’ talab għall-ewwe; darba t-twaqqif tagħha fi Plock fl-1931, Hu jgħid x’inhi r-Rieda Tiegħu dwar il-pittura tax-xbieha: Jiena nixtieq li jkun hemm Festa tal-Ħniena. Jiena rrid li din ix-xbieha, li inti tpitter bil-pinzell, tiġi imbierka b’mod solenni fl-Ewwel Ħadd fuq l-Għid; dak il-Ħadd għandu jkun il-Festa tal-Ħniena. (Djarju, 49)

 

L-għażla tal-Ewwel Ħadd fuq l-Għid għall-Festa tal-Ħniena għandha tifsira teoloġika profonda ħafna, li turi r-rabta’ intima li hemm bejn il-Misteru tal-Għid tal-Fidwa u l-misteru tal-Ħniena Divina. Din ir-relazzjoni integra tiġi iktar u iktar imsaħħa bin-Novena tal-Kurunella tal-Ħniena Divina li tibda fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira bħala thejjija għall-festa.  

 

Din il-festa mhijiex biss jum partikulari ddedikat għall-qima ta’ Alla fil-misteru Tiegħu tal-ħniena, imma wkoll żmien ta’ grazzja għall-bnedmin kollha. Il-Mulej Ġesu’ qal: Jiena nixtieq li l-Festa tal-Ħniena (nota139) tkun kenn u refuġju għall-erwieħ kollha, u l-aktar għall-imsejkna midinbin. (Djarju, 699) L-erwieħ jintilfu minkejja l-Passjoni ħarxa Tiegħi. Jiena qiegħed nagħtihom l-aħħar tama ta’ salvazzjoni: jiġifieri, il-Festa tal-Ħniena Tiegħi. Jekk huma ma jadurawx il-ħniena Tiegħi, huma jintilfu għall-eternita’. (Djarju, 965, 998).

 

Il-kobor ta’ din il-festa nistgħu inqisuh minn kemm huma kbar il-wegħdietstraordinarji li l-Mulej rabar ma’ din il-festa. Ġesu’ qal: ... kull min jersaq lejn l-Għajn tal-Ħajja f’dan il-jum jingħata maħfra sħiħa ta’ dnubietu u l-kastig tagħhom. (Djarju, 300), U wkoll, F’dan il-jum tinfetaħ il-profondita’ sħiħa tal-ħniena tenera Tiegħi. Jiena nferra’ oċejan sħiħ ta’ grazzji fuq dawk l-erwieħ li jersqu lejn l-għajn tal-ħniena Tiegħi ... L-ebda ruħ m’għandha tibża’ tersaq Lejja, ukoll jekk għandha d-dnubiet ħomor bħall-iskarlatt. (Djarju, 699).

 

Sabiex aħna nkunu nistgħu niksbu l-grazzji minn dawk ir-rigali kbar, irridu nilqgħu l-kundizzjonijiet tad-devozzjoni tal-Ħniena Divina, (fiduċja fit-tjubija ta’ Alla u mħabba attiva lejn il-proxxmu), irridu nkunu fi stat ta’ grazzja santifikanti – nkunu morna nqerru u nitqarbnu fi stat xieraq. Ġesu’ jfisser: L-ebda ruħ ma tista’ tkun iġġustifikata sakemm hija ma ddurx bil-fiduċja lejn il-ħniena Tiegħi, u din ir-raġuni għaliex l-Ewwel Ħadd fuq l-Għid għandu jkun il-Festa tal-Ħniena. F’dak il-jum tas-saċerdoti għandhom jgħidu lil kulħadd bil-ħniena kbira Tiegħi, li ħadd ma jista’ jqisha. (Djarju, 570).

 

c. Il-Kurunella tal-Ħniena Divina. Din il-Kurunella Ġesu’ nnifsu ddettaha lil Swor Fawstina f’Vilnius bejn it-13 u l-14 ta’ Settembru 1935, bħala talba ta’ tpattija sabiex ittaffi l-qilla ta’ Alla. (Djarju, 474-476).

 

Dawk li jitolbu din il-Kurunella joffru lil Alla l-Missier ‘il-Ġisem, u d-Demm, ir-Ruħ u d-Divinita’ ta’ Ġesu’ Kristu bħala tpattija għad-dnubiet tagħhom, tal-maħbubin tagħhom, u dawk tad-dinja kollha. Meta jingħaqdu mas-sagrifiċċju ta’ Ġesu’, huma jkunu qegħdin jagħmlu l-appell tagħhom lill-imħabba kbira li Missierna fis-Sema għandu għal Ibnu, u fih, għall-umanita’ kollha.  

 

B’din it-talba, dawk li jkunu qegħdin jgħiduha jitolbu ‘ħniena għalina u għad-dinja kollha’, u meta jagħmlu dan, ikunu qegħdin iwettqu opra ta’ ħniena. Jekk il-fidili jżiedu ma’ dan il-bażi tal-fidużja u jilqgħu l-kundizzjonijiet li hemm marbuta ma’ kull talba f’waqtha (umilta’, perseveranza, ħwejjeġ li jsiru bi qbil mar-rieda ta’ Alla), huma jistgħu jistennew it-twettiq tal-wegħdiet ta’ Kristu li huma marbutin b’mod speċjali mas-siegħa tal-mewt: il-grazzja tal-konverżjoni u ta’ mewta fil-paċi.  

 

Mhux biss dawk li jgħidu l-Kururella jaqilgħu dawn il-grazzji, imma wkoll il-moribondi li maġenbhom tkun qiegħda tingħad din it-talba. Il-Mulej qal: Meta tingħad din il-kurunella fejn is-sodda ta’ persuna qiegħda tmut, il-korla ta’ Alla tittaffa, ħniena bla qies iddawwar ir-ruħ ... (Djarju, 811). Il-wegħda ġenerali tgħid: Jiena nieħu gost nagħtihom dak kollu li huma jitolbuni permezz tal-Kurunella. (Djarju, 1541) ... jekk dak li intom titolbu jkun skont ir-rieda Tiegħi. (Djarju, 1731). Għax, dak kollu li ma jaqbilx mar-rieda ta’ Alla mhux tajjeb għall-bnedmin, speċjalment għall-ferħ etern tagħhom.

 

F’okkażjoni oħra, Ġesu’ qal: ... meta tgħid il-Kurunella inti tkun qegħda tressaq l-umanita’ iktar qrib Tiegħi. (Djarju, 929) U għal darb’oħra: Dawk l-erwieħ li jgħidu din il-Kurunella jkunu mgħannqin mill-ħniena Tiegħi matul ħajjithom u l-aktar fis-siegħa tal-mewt tagħhom. (Djarju, 754).

 

d. Is-Siegħa tal-Ħniena Kbira. F’Ottubru 1937, fi Krakovja, f’ċirkustanzi li Swor Fawstina ma ddeskrivithomx bid-dettall, il-Mulej Ġesu’ rrakkomandalha tqim is-siegħa tal-mewt Tiegħu ... kull darba li inti tisma’ l-arloġġ idoqq it-tielet siegħa, inti tidħol kollok kemm int fil-ħniena Tiegħi, tadurha u tigglorifikha; sejjaħ is-setgħa bla tarf tagħha għad-dinja kollha, u l-aktar għall-imsejkna midinbin; għax f’dak il-mument il-ħniena nfetħet beraħ għal kull ruħ. (Djarju, 1572).

 

Il-Mulej Ġesu’ stabilixxa wkoll it-talb li huwa xieraq għal din il-forma ta’ devozzjoni tal-Ħniena Divina ... agħmel mill-aħjar sabiex inti tagħmel il-Via Sagra f’din is-siegħa, jekk id-dmirijiet tiegħek jippermettulek; u jekk inti ma tkunx tista’ tagħmel il-Via Sagra, almenu idħol fil-kappella għal mument wieħed u adura, lis-Sagrament Imqaddes, lill-Qalbi, li hi mimlija ħniena; u jekk ma tkunx tista’ tmur il-kappella, inġabar fit-talb hemm fejn tkun tinsab, imqar għal waqt qasir. (Djarju, 1572).

 

Ir-Rev. Professur Rozycki jsemmi tliet kundizzjonijiet biex it-talb li jsir f’din is-siegħa jiġi mismugħ:  

1. Irid jiġi indirizzat lil Ġesu’.

2. Irid jingħad fit-tlieta ta’ wara nofs in-nhar.

3. Irid isejjaħ bil-qawwa kollha l-valur u l-merti tal-Passjoni ta’ Kristu.  

 

Il-Mulej Ġesu’ wiegħed: F’din is-siegħa inti tista’ tikseb kollox għalik innifsek u għall-oħrajn; din kienet is-siegħa tal-grazzja għad-dinja kollha – il-ħniena rebħet fuq il-ġustizzja. (Djarju, 1572)

 

e. It-Tixrid tal-Qima tal-Ħniena Divina. Meta jiddiskuti l-elementi essenzjali tad-devozzjoni tal-Ħniena Divina, ir-Rev. Prof. Rozycki jsemmi wkoll it-tixrid tal-qima tal-Ħniena Divina bħala waħda minnhom għaliex hemm xi wegħdiet ta’ Kristu marbutin ma’ din il-ħaġa wkoll: L-erwieħ li jxerrdu l-qima lejn il-ħniena Tiegħi Jiena nħarishom għal ħajjithom kollha bħalma Omm l-aktar ħelwa tieħu ħsieb it-tarbija tagħha, u fis-siegħa tal-mewt Jiena ma nkunx Imħallef għalihom, imma s-Salvatur mimli ħniena. (Djarju, 1075).

 

L-essenza tad-devozzjoni tal-Ħniena Divina tinsab fl-attitudni nisranija ta’ fiduċja f’Alla u ta’ mħabba attiva lejn il-proxxmu. Il-Mulej Ġesu’ qal: Jiena nixtieq il-ħlejjaq jafdaw Fija. (Djarju, 1059), u Huwa jistennihom juru l-ħniena permezz tal-opri, tal-kliem u tat-talb. U iżjed: Inti għandek turi ħniena lejn il-proxxmu tiegħek dejjem u kullimkien. Int m’għandekx tibqa’ lura minn dawn jew tipprova tiskuża jew tassolvi lilek innifsek minn dan. (Djarju, 742). Kristu jrid li dawk li jqimuh jagħmlu għallinqas att wieħed ta’ mħabba lejn il-proxxmu kuljum.  

 

It-tixrid tal-qima tal-Ħniena Divina m’għandhiex bżonn ħafna kliem, imma dejjem teħtieġ l-attitudni nisranija ta’ fidi, ta’ fiduċja f’Alla u li nimtlew dejjem iżjed bil-ħniena. F’ħajjitha Swor Fawstina tat preċiżament l-eżempju ta’ ħidma apostolika bħal din.  

 

f. Id-devozzjoni tal-Ħniena Divina għandha l-għan li ġġedded il-ħajja reliġjuża fil-Knisja fi spirtu ta’ fiduċja u ħniena nisranija. Huwa f’dan il-kuntest li għandna nikkunsidraw l-ideja ta’ ‘kongregazzjoni ġdida’, li naqraw dwarha fil-paġni tad-Djarju. Din ix-xewqa ta’ Kristu mmaturat bil-mod fil-ħsieb ta’ Swor Fawstina, u kellha ċerta evoluzzjoni minn ordni strettament kontemplattiv għal movement li hu magħmul minn kongregazzjonijiet attivi (irġiel u nisa) u minn lajċi.  

 

Din il-komunita’ kbira ta’ nies li tinkludi n-nazzjonijiet kollha hija familja waħda li tingħaqad flimkien, l-ewwelnett, bl-għajnuna ta’ Alla fil-misteru tal-ħniena Tiegħu u mbagħad, mix-xewqa li għandhom l-insara kemm li jirriflettu dik il-ħniena fil-qlub u fl-opri tagħhom, kif ukoll li l-glorja ta’ Alla tkun riflessa fl-erwieħ kollha. Hija komunita’ ta’ persuni li, b’modi differenti skont l-istat u s-sejħa tagħhom (saċerdoti, reliġjużi u lajċi) jgħixu skont l-idejal tal-Evanġelju ta’ fiduċja u ta’ ħniena; ixandru l-misteru li ħadd ma jifhmu tal-ħniena ta’ Alla permezz ta’ ħajjithom u ta’ kliemhom; li jiksbu l-ħniena divina għad-dinja permezz tat-talb tagħhom.  

 

Il-missjoni ta’ Swor Fawstina għandha ġustifikazzjoni profonda fl-Iskrittura Mqaddsa u d-dokumenti tal-Knisja; taqbel b’mod tal-għaġeb speċjalment mal-enċiklika Dives in misericordia (Għani fil-Ħniena) tal-Qdusija Tiegħu l-Papa, Ġwanni Pawlu II.

 

 

 

Lista Kronoloġika tal-Ġrajjiet

fil-ħajja ta’ Santa Marija Fawstina - Helena Kowalska

tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena

 

 

25 ta’ Awwissu 1905 - Helen Kowalska twieldet fir-raħal ta’ Glogowiec, fil-kontea ta’ Turek, Provinċja ta’ Lodz, fil-Polonja (skont id-dokumenti tat-twelid kif miżmuma fil-parroċċa).

 

27 ta’ Awwissu 1905 – Ġiet mgħammda fil-knisja ta’ San Każimiru, Swinice Warckie, kontea ta’ Turek, mill-Kappillan ir-Reverendu Joseph Chodynski. Tawha l-isem ta’ Helena. (Atti tal-parroċċa fi Swinice).

 

1912 – Fl-eta’ ta’ seba’ snin, Helena semgħet għall-ewwel darba leħen ġewwa ruħha, issejħilha għal mod ta’ ħajja iktar perfett. (Djarju 1:3).

 

1914 Għamlet l-ewwel Tqarbina tagħha. Qarbinha l-Kappillan, ir-Reverendu Pawlowski (Atti tal-parroċċa fi Swinice).

 

Novembru 1917 – Bdiet l-edukazzjoni elementari tagħha fi Swinice (Minuti minn Zbiorczej Szkoly Gminnej w Swinicach Warckich, 6 ta’ April 1976).

 

1919 Fl-eta’ ta’ 14-il sena, Helena bdiet taħdem għall-familja Bryszewski f’Aleksandrow qrib Lodz, sabiex tgħin lil ġenituri tagħha. (Tifkiriet ta’ ommha, Marianne Kowalska).

 

30 ta’ Ottubru 1921 Tirċievi s-Sagrament tal-Griżma f’Alexandrow qrib Lodz, mill-Isqof Vincent Tymienecki.

 

1922 - Wara li damet sena taħdem għall-familja Bryszewski, marret lura d-dar u qalet lil kulħadd li xtaqet issir soru. Il-ġenituri tagħha kienu deċiżi li jopponu din il-mossa. (Djarju 1:4; Tifkiriet ta’ ommha).

 

Il-Ħarifa tal-1922 Helena telqet għal Lodz tfittex xogħol ieħor sabiex hija tgħin lill-ġenituri tagħha. Hija ħadmet għal tliet terzjarji (Tifkiriet ta’ ommha, p. 5; Tifkiriet ta’ Stanislava Rapacka).

 

2 ta’ Frar 1923 Wara li rrferietha aġenzija tax-xogħol, bdiet taħdem għal Marcianne Sadowska, li kellha ħanut f’Numru 29, Triq Abaramowski, Lodz, fejn baqgħet sal-1 ta’ Lulju 1924 (Tifkiriet tas-Sinjura Sadowska, p.2).

 

Lulju 1924 Helena marret Varsavja sabiex tidħol f’kunvent hemmhekk (Tifkiriet mil-Madre Ġenerali Michael Moraczewska, miktubin bl-idejn, p.1; Djarju 1:4).

 

Hija applikat fil-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena f’Numru 3/9 Triq Zytnia, f’Varsavja. Is-Superjura qisitha bħala ‘ordinarja, xejn speċjali’ u ppruvatha. Qaltilha tibda taħdem sabiex tkun tista’ tħallas għal ħwejjiġha. (Tifkiriet tal-Madre Michael, p. 1; Tifkiriet ta’ Swor Borgia, p. 1).

 

Sajf 1924 Helena marret taħdem bħala qaddejja għal Aldona Lipszyc, f’Ostrowek, kontea ta’ Klembow, qrib Varsavja (Tifkiriet ta’ A. Lipszyc, p.1).

 

1 ta’ Awwissu 1925 Reġgħet applikat biex tidħol fil-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena, u din id-darba aċċettawha. (Tifkiriet tal-Madre Michael Moraczewska, p. 2; Tifkiriet ta’ Swor Borgia, p.1; Djarju 1:6).

 

Għall-ħabta tat-22 ta’ Awwissu 1925 - Helena riedet tħalli l-Kongregazzjoni sabiex tidħol f’ordni iktar strett. Hija ħasset li kien hemm ftit ħin biss għat-talb fil-Kongregazzjoni tal-Madonna tal-Ħniena (Tifkiriet tal-Madre Michael, p.2; Djarju 1:6).

 

Awwissu 1925 – Is-Superjura bagħtitha Skolimow, dar tal-vaganzi għall-Kongregazzjoni, qrib Varsavja, sabiex terġa’ takkwista saħħitha. (Tifkiriet tal-Madre Michael, p.2).

 

23 ta’ Jannar 1926 Telqet għan-Novizzjat fi Krakovja sabiex tispiċċa il-perjodu tagħha bħala postulanta, tagħmel irtir, u tipprofessa. (Tifkiriet ta’ Swor Borgia, p. 1; Djarju 1:7).

 

30 ta’ April 1926 Wara rtir ta’ tmint ijiem, hija ħadet l-abitu u l-isem tagħha bħala soru. Minn issa ‘l quddiem Helena ser iġġib l-isem ta’ Swor Marija Fawstina (Kronaka ta’ Krakovja 111:177; Tifkiriet ta’ Swor Clemens).

 

20 ta’ Ġunju 1926 Bidla amministrattiva tad-Direttriċi tan-Novizzjat influwenzat il-formazzjoni spiritwali ta’ Swor Fawstina (Kronaka ta’ Krakovja 111:179).

 

3 ta’ April 1927 - Swor Fawstina kellha l-esperjenza tal-lejl mudlam tal-ispirtu. Il-prova baqgħet sejra kważi sat-tmiem tan-Novizzjat. Il-Madre Direttriċi, Mary Joseph Brzoza, għamlitilha l-kuraġġ, skużatha mill-eżerċizzi spiritwali formali, u ħajritha turi fedelta’ kbira lejn Alla. (Djarju 1:8).

 

16 ta’ April 1928 Fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira, il-fjamma tal-Imħabba Divina ħaddnet in-novizza fit-tbatijiet tagħha. Hija nsiet it-tbatijiet tal-imgħoddi, u għarfet b’mod iktar ċar kemm bata’ Kristu għalina. (Djarju 1:10).

 

20 ta’ April 1928 Filgħaxija Swor Fawstina flimkien ma’ sorijiet oħrajn, bdiet l-irtir qabel ma’ għamlet il-voti temoranji. (Kronaka 111:203; Tifkiriet tal-Madre Michael, p.3; Djarju 1:11).

 

30 ta’ April 1928 - Swor Fawstina għamlet l-ewwel professjoni tagħha ta’ voti temporanji, li hi baqgħet iġġedded kull sena għal ħames snin, sal-waqt meta hija mbagħad għamlet il-voti perpetwi tagħha. (Kronaka ta’ Krakovja 111:203; Tifkiriet tal-Madre Michael, p.3).

 

Mis-6 sal-10 ta’ Diċembru 1928 Fil-Kapitlu Ġenerali tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena, il-Madre Michael Moraczewska ġiet magħżula Madre Ġenerali (Kronaka ta’ Krakovja 111:210).

 

(Il-Madre Michael kellha tkun Surerjura matul il-ħajja reliġjuża kollha ta’ Swor Fawstina. F’waqtiet diffiċli hija kienet ta’ għajnuna u faraġ għaliha. F’idejha Swor Fawstina kellha tpoġġi l-voti perpetwi tagħha. Qabel ma’ mietet hija talbet maħfra lill-Kongregazzjoni kollha permezz tal-Madre Superjura, għan-nuqqasijiet kollha tagħha matul il-ħajja reliġjuża tagħha kollha) (Tifkiriet tal-Madre Michael, pp. 5, 11, 12).

 

31 ta’ Ottubru 1928 - Swor Fawstina telqet għal 3/9 Triq Żytnia, Varsavja, fejn qabduha taħdem fil-kżina. (Kronaka ta’ Krakovja 111:212).

 

21 ta’ Frar 1929 Telqet għal Vilnius biex tissostitwixxi soru li kienet sejra għat-tielet prova tagħha. (Kronaka ta’ Vilnius 1:9).

 

11 ta’ April 1929 Bit-tren ta’ filgħodu, hija telqet minn Vilnius sabiex terġa’ tmur lura Varsavja. (Kronaka ta’ Vilnius 1:21).

 

Ġunju 1929 Tawha xogħol f’dar li kienet għadha kif ġiet iffurmata fi triq Hetmanska, Varsavja. (Tifkiriet tas-Sorijiet).

 

Wara ftit xhur Swor Fawstina reġgħet lura fid-dar fi 3/9 Triq Żytnia. Sadattant l-istudenti (tfajliet li kienu taħt il-kura tagħha) li kienet taħdem magħhom wiegħdu li jmorru hemm warajha. (Tifkiriet tas-Sorijiet).

 

7 ta’ Lulju 1929 Għal żmien qasir, Swor Fawstina ġiet mibgħuta f’dar tal-Kongregazzjoni f’Kiekrz qrib Poznan, minflok soru tal-kċina li ma tantx kienet f’sikkitha. (Tifkiriet ta’ Swor Xavier; ittra tas-6 ta’ Lulju (sena mhux magħrufa) li kienet fit-Tifkiriet; Djarju 1:74).

 

Ottubru 1929 Hija kienet diġa’ f’Varsavja, bħalma deher f’ittra indirizzata lil Swor Justine, bid-data 20 ta’ Ottubru 1929. (Ittri #25:66).

 

Mejju-Ġunju 1930 Meta bagħtuha fid-dar tal-Kongregazzjoni fi Plock, Swor Fawstina bdiet taħdem daqqa fil-post fejn kienu jaħmu l-ħobż; fil-kċina; u fil-post fejn kienu jaħżnu l-ħobż. (Tifkiriet tal-Madre Michael, p.3).

 

Waqt iż-żmien li hi damet fi Plock (minn Ġunju 1930 sa Novembru 1932), hija qattgħet xi żmien fi Biala (dar tal-Kongregazzjoni li tinsab f’raħal xi għaxar kilometri ‘l bogħod minn Plock).

 

(Minħabba l-fatt li l-Kronaki ta’ Varsavja u ta’ Plock nqerdu waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, huwa diffiċli li nkunu verament ċerti mid-dati taż-żmien li hija għaddiet f’dawn id-djar).

 

Ittra mibgħuta lil Swor Justine Golofit, li ġġib id-data tas-17 ta’ Diċembru 1930, tixhed għall-fatt li Swor Fawstina f’dak iż-żmien, kienet għadha qiegħda fi Biala (Ittri #26:68).

 

22 ta’ Frar 1931 - Swor Fawstina rat dehra tal-Mulej Ġesu, li qalilha tpinġi xbieha skont dak li hi kienet qiegħda tara. (Djarju 1:18; Tifkiriet tal-Madre p. 4).

 

Novembru 1932 Hija waslet f’Varsavja għat-Tielet Prova tagħha, lis-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena jagħmlu qabel ma jieħdu l-voti perpetwi. (Tifkiriet tal-Madre Michael, p.5; Djarju 1:84).

 

Qabel ma bdiet it-Tielet Prova, marret Walendow sabiex tagħmel irtir. (Tifkiriet ta’ Swor Seraphina Kukulska; Djarju 1:84).

 

1 ta’ Diċembru 1932 Flimkien ma’ sorijiet oħrajn, hija bdiet it-Tielet Prova taħt id-direzzjoni ta’ Swor Margaret Gimbutt (Tifkiriet tal-Madre Michael, p.5; Djarju 1:89).

 

It-Tielet Prova f’din il-Kongregazzjoni ddum ħames xhur. Matul dan iż-żmien, Swor Fawstina ħadmet fis-sagristija u għenet lil Swor Suzanne Tokarski (Tifkiriet tal-Madre Michael, p. 5; Tifkiriet ta’ Swor Suzanne; Djarju 1:89).

 

Marzu 1933 - Swor Fawstina rċeviet żjara minn oħtha Wanda. (Djarju 1:97).

 

18 ta’ April 1933 Flimkien ma’ sorijiet oħra, Swor Fawstina marret Krakovja sabiex tagħmel irtir ta’ tmint ijiem u l-professjoni tal-voti perpetwi tagħha. (Kronaka ta’ Krakovja IV:8).

 

21 ta’ April 1933 Beda l-irtir ta’ tmint ijiem taħt id-direzzjoni ta’ Patri Wojnar, S.J. (Kronaka ta’ Krakovja IV:8; Djarju 1:102).

 

1 ta’ Mejju 1933 - Swor Fawstina għamlet il-voti perpetwi tagħha. Iċ-ċelebrant f’din iċ-ċerimonja kien l-Isqof Stanislaus Rospond. Wara l-voti, Swor Fawstina baqgħet Krakovja għal xahar ieħor, (Tifkiriet tal-Madre Michael, p.5; Kronaka ta’ Krakovja IV:8; Djarju 1:114).

 

25 ta’ Mejju 1933 Hija telqet għal Vilnius (Kronaka ta’ Vilnius, p. 178). (Fil-Kronaka nsibu din in-nota: Swor Fawstina, li għamlet il-professjoni tal-voti perpetwi tagħha fi Krakovja, waslet il-Ħamis filgħaxija, bit-tren).

 

2 ta’ Jannar 1934 - Swor Fawstina marret għall-ewwel darba għand l-artist Kazimirowski, li kellu jpitter ix-xbieha tal-Ħniena Divina (Tifkiriet ta’ Dun Sopocko, p.1; Tifkiriet tal-Madre Michael, p.6; Djarju 11:240).

 

29 ta’ Marzu 1934 Hija offriet lilha nnifisha għall-midinbin, l-aktar għal dawk l-erwieħ li tilfu l-fiduċja fil-Ħniena Divina. (Djarju 1:133).

 

Ġunju 1934 Tlestiet il-pittura tax-xbieha tal-Ħniena Divina, li saret mill-pittur E. Kazimirowski skont ma qaltlu Swor Fawstina. Hija bdiet tibki għax ix-xbieha tal-Mulej Ġesu’ ma kenitx daqshekk sabiħa daqskemm kienet ratu hi (Tifkiriet ta’ Dun Sopocko, p. 1; Djarju I: 134).

 

26 ta’ Lulju 1934 - Swor Fawstina marida kellha riħ (Kronaka ta’ Vilnius, p. 223).

 

28 ta’ Lulju 1934 Hija bdiet tikteb id-Djarju.

 

12 ta’ Awwissu 1934 Hija mardet serjament. Sejħu lil Dr. Maciejewska kif ukoll lil Dun Sopocko, li amministralha s-Sagrament tal-Griżma tal-Morda. (Kronaka ta’ Vilnius, p. 226).

 

13 ta’ Awwissu 1934 Saħħitha tiġi ‘l quddiem. (Kronaka ta’ Vilnius, p. 226).

 

26 ta’ Ottubru 1934 Hi u miexja mal-istudenti mill-ġnien għall-ikla ta’ filgħaxija (fis-sitta neqsin għaxar minuti) Swor Fawstina rat lill-Mulej Ġesu’ fuq il-Kappella f’Vilnius l-istess kif kienet ratu fi Plock; jiġifieri, bir-raġġi bojod u ħomor. Ir-raġġi dawlu l-kappella tal-Kongregazzjoni u l-infermerija tal-istudenti; u mbagħad infirxu fuq id-dinja kollha. (Arkivji – dokumenti ta’ Swor Fawstina).

 

15 ta’ Frar 1935 - Swor Fawstina rċiviet l-aħbar li ommha kienet marida serjament u telqgħet minnufih dak in-nhar filgħaxija għar-raħal tagħha ta’ Glogowiec, qrib Lodz (Kronaka ta’ Vilnius, p. 261 ; Djarju 1:165-169).

 

Meta telqet mid-dar tagħha, Swor Fawstina waqfet Varsavja sabiex tara lill-Madre Ġenerali, Michael Moraczewska, u d-Direttriċi li kellha qabel, Swor Mary Joseph Brzoza. Ftit ġranet wara, marret lura Vilnius [Djarju 1:169).

(Il-Kronaka ta’ Vilnius ma ssemmix id-data meta marret lura).

 

4 ta’ Marzu 1935 - Swor Petronilla u Swor Fawstina marru is-suq bil-vagun li kien isir kull sena fil-festa ta’ San Kazimiru, għal għodda u xi affarijiet li kellhom bżonn fid-dar. (Kronaka ta’ Vilnius p. 264).

 

29 ta’ Settembru 1935 - Sister Faustina accompanies some of the other sisters to the Church of St. Michael for the Forty-Hour Devotions (Vil. Chron., p. 302).

 

19 ta’ Ottubru 1935 - Swor Antonina u Swor Fawstina telqu għall-irtir ta’ tmint ijiem fi Krakovja, (Kronaka ta’ Vilnius, p. 307; Kronaka ta’ Krakovja IV:49).

 

4 ta’ Novembru 1935 Filgħaxija Swor Fawstina reġgħet lura Vilnius mill-irtir (Kronaka ta’ Vilnius, p. 311).

 

8 ta’ Jannar 1936 Marret iżżur lill-Isqof Jalbrzykowski u tatu l-aħbar li l-Mulej Ġesu’ kien qiegħed jitlob il-bidu ta’ kon-gregazzjoni ġdida. (Djarju 11:50).

 

17 ta’ Marzu 1936 - Swor Borgia Tichy, Superjura tad-dar f’Vilnius, irċeviet informazzjoni mill-Madre Ġenerali li lil Swor Fawstina kienu bidlulha l-post minn Vilnius għal Walendow (Kronaka ta’ Vilnius, p. 337).

 

19 ta’ Marzu 1936 - Swor Borgia ikkonsultat mal-Arċisqof Jalbrzykowski dwar Swor Fawstina (Kronaka ta’ Vilnius, p. 338).

 

21 ta’ Marzu 1936 - Swor Fawstina marret bit-tren ta’ filgħodu minn Vilnius għal Varsavja. (Kronaka ta’ Vilnius, p. 338), u baqgħet Varsavja għal ftit jiem. (Djarju 11:90).

 

25 ta’ Marzu 1936 Waslet Walendow – dar tal-Kongregazzjoni li tinsab fil-kampanja, kilometru ‘l bogħod minn Varsavja. Is-sorijiet tawha merħba bil-ferħ u bis-sinċerita’. (Tifkiriet; Djarju 11:91).

 

April 1936 Wara ftit ġimgħat, bagħtuha f’dar oħra fil-kampanja, kilometru ‘l bogħod minn Walendow, f’post jismu Derdy (Tifkiriet tal-Madre Michael, p. 8).

 

Din id-dar tinsab fost is-saġar, u Swor Fawstina li ssaħħret mis-sbuħija naturali tal-post, kitbet lil Dun Sopocko u qaltlu kemm kienet qed tħossha ferħana f’ittra li ġġib id-data tal-11 ta’ Mejju 1936 (Ittri:#3:5).

 

11 ta’ Mejju 1936 Flimkien ma’ Swor Edmund Sekul, telqet minn Derdy biex tmur toqgħod Krakovja b’mod permanenti (Kronaka ta’ Krakovja IV:60), fejn l-ewwel bdiet taħdem fil-ġnien, umbagħad kienet għassa mal-kanċell. (Tifkiriet tal-Madre Michael, p. 8).

 

19 ta’ Ġunju 1936 Flimkien ma’ xi sorijiet, hija ħadet sehem f’purċissjoni ad unur tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ fid-dar tal-Ġiżwiti f’Numru 26, Triq Kopernik (Kronaka ta’ Krakovja IV:61 ; Djarju II: 111).

 

14 ta’ Settembru 1936 L-Arċisqof Jalbrzykowski, fi triqtu lejn Tarnow, żar il-kunvent fi Krakovja u għadda ftit minuti f’konverżazzjoni ma’ Swor Fawstina (Kronaka ta’ Krakovja IV:67; Djarju II: 133; Tifkiriet ta’ Swor Felicia u Swor Irene).

 

19 ta’ Settembru 1936 - Swor Fawstina għamlet eżami mediku fl-isptar ta’ Pradnik (Djarju II: 133-134).

 

20 ta’ Ottubru 1936 Fi Krakovja hija għamlet irtir ta’ tmint ijiem immexxi mmexxi minn Patri Wojton, S.J. (Kronaka ta’ Krakovja IV:70; Djarju 11:153).

 

9 ta’ Diċembru 1936 Għal raġunijiet ta’ saħħa, is-Superjuri bagħtu lil Swor Fawstina fl-isptar ta’ Pradnik, f’sanatorju għall-pazjenti tat-tuberkulożi fi Krakovja (Kronaka ta’ Krakovja IV:74; Djarju 11:198).

 

13 ta’ Diċembru 1936 - Swor Fawstina qerret għand il-Mulej Ġesu’ (Djarju II: 207).

 

24 ta’ Diċembru 1936 Bil-permess tat-tabib, hija reġgħet lura fil-kunvent għall-vaganzi tal-Milied. (Kronaka ta’ Krakovja IV:74; Djarju 11:226).

 

27 ta’ Diċembru 1936 Reġgħet daħlet fl-isptar fi Pradnik għal iktar kura. (Djarju 11:230).

 

27 ta’ Marzu 1937 Reġgħet lura minn Pradnik. Saħħitha ġiet ‘il quddiem b’mod sinifikanti. (Kronaka ta’ Krakovja IV: 82; Diary 111:18).

 

13 ta’ April 1937 Saħħitha tant marret għall-agħar li kellha tibqa’ fis-sodda. (Djarju 111:22-23).

 

14 ta’ April 1937 Għajjiena bil-mard tagħha, hija talbet lill-Mulej Ġesu’ jagħtiha s-saħħa u t-talba tagħha ġiet mismugħa. (Djarju 111:23).

 

23 ta’ April 1937 Waqt irtir ta’ tmint ijiem li beda fl-20 ta’ April fil-kunvent ta’ Krakovja, Swor Fawstina ħadet din l-opportunita’ sabiex tagħmel l-irtir tagħha ta’ tlett ijiem. (Kronaka ta’ Krakovja IV:82; Djarju 111:26).

 

29 ta’ April 1937 Wara l-irtir, hija tkellmet ma’ dik li qabel kienet id-Direttriċi tagħha tan-Novizzi, Swor Mary Joseph, li għamlet l-irtir tagħha fi Krakovja. (Djarju 111:29-30).

 

4 ta’ Mejju 1937 - Swor Fawstina rċeviet permess mingħand il-Madre Ġenerali Michael Moraczewska sabiex titlaq mill-Kongregazzjoni. (Tifkiriet tal-Madre Michael, p. 9; Djarju III: 30-31).

 

20 ta’ Lulju 1937 Saret taf li kienet ser tintbagħat f’dar tal-Kongregazzjoni f’Rabka (Djarju 111:54).

 

[Il-Kronaka ma ssemmix din il-ħaġa; iżda tinnota li s-Superjura marret Rabka għal jumejn, fatt li seta’ kellu xi konnesjoni mat-tluq ta’ Swor Fawstina). (Kronaka ta’ Krakovja IV:88 – bid-data tad-19 ta’ Lulju; Tifkiriet ta’ Swor Irene).

 

29 ta’ Lulju 1937 - Swor Fawstina telqet għal Rabka (Djarju 111:54-55; Tifkiriet).

 

10 ta’ Awwissu 1937 Hija skopriet li l-klima ta’ Rabka ma kenitx taqbel magħha, imma kienet qiegħda ġġegħelha tħossha iktar marida, għalhekk reġgħet lura fi Krakovja. (Djarju IV:4).

 

12 ta’ Awwissu 1937 - Dun Sopocko jagħmel waqfa fil-kunvent fi Krakovja u jqatta’ xi ħin ma’ Swor Fawstina (Tifkiriet ta’ Swor Felicia; Djarju IV:4-5).

 

25 ta’ Awwissu 1937 - Dun Sopocko għadda xi ġranet fi Krakovja. Swor Fawstina kienet ferħana b’dan għaliex kienet anzjuża sabiex tarah. (Djarju IV:16).

 

29 ta’ Awwissu 1937 Hija ngħatat il-permess li tkellem lil Dun Sopocko fit-tul (Djarju IV:17).

(Il-Kronaki din il-ħaġa ma jsemmuhiex).

 

6 ta’ Settembru 1937 Minħabba li saħħitha kienet qiegħda tonqosha, ix-xogħol tagħha nbidel minn dak ta’ ġardinara għall-purtinara. (Tifkiriet tal-Madre Michael, p.10; Djarju IV:25).

 

19 ta’ Settembru 1937 - Ħuha Stanley mar iżurha. (Djarju IV:40).

 

27 ta’ Settembru 1937 - Swor Fawstina u Swor Irene Krzyzanowska, Superjura tad-dar, marru għand l-istampatur biex jiddeċiedi dwar xi santi li kellhom jiġu stampati bix-xbieha tal-Ħniena Divina. (Djarju IV:45; Tifkiriet ta’ Swor Irene, p. 2).

 

21 ta’ April 1938 Is-saħħa ta’ Swor Fawstina marret għall-agħar, u s-Superjuri tagħha ddeċidew li jerġgħu jibagħtuha fl-isptar ta’ Pradnik. (Kronaka ta’ Krakovja IV:119; Tifkiriet tal-Madre Michael, p. 10).

 

2-5 ta’ Ġunju 1938 Hija għamlet irtir ta’ tliet ijiem fl-isptar. (Tifkiriet ta’ Swor Irene Krzyzanowska u Swor Felicia; Djarju MV. 114).

 

Ġunju 1938 Hija waqfet tikteb id-Djarju.

 

Lulju 1938 Il-Madre Ġenerali Michael Moraczewska marret iżżurha fl-isptar. (Tifkiriet tal-Madre Michael, p. 10; Tifkiriet ta’ Swor Felicia).

 

Awwissu 1938 Fl-aħħar ittra tagħha lill-Madre Ġenerali, hija talbet maħfra għad-difetti tagħha matul ħajjitha kollha u spiċċat bil-kliem: sakemm niltaqgħu fil-ġenna” (Ittri #23:64; Tifkiriet ta’ Madre Michael, p. 11).

 

24 ta’ Awwissu 1938 - Sister Camille, who is also a patient at the hospital in Pradnik, telephones to the Superior that Sister Faustina’s health has significantly worsened. The Superior rides to the hospital and spends the night at Sister Faustina’s bedside (Cracow Chron. IV: 129).

 

25 ta’ Awwissu 1938 - Dun T. Czaputa, Kappillan tad-dar tal-Kongregazzjoni fi Krakovja, mar l-isptar ta’ Pradnik sabiex jamministra s-Sagrament tal-Griżma tal-Morda. (Kronaka ta’ Krakovja IV:129).

 

28 ta’Awwissu 1938 - Dun Sopocko, li kien jinsab fi Krakovja, żar il-Kongregazzjoni u lil Swor Fawstina ħafna drabi fl-isptar. (Tifkiriet ta’ Dun Sopocko, p. 3; Kronaka ta’ Krakovja IV: 129).

 

2 ta’ Settembru 1938 - Dun Sopocko żar lil Swor Fawstina fis-sanatorju ta’ Pradnik u raha mitlufa f’estasi. (Tifkiriet ta’ Dun Sopocko, p. 5; Tifkiriet ta’ Swor Felicia).

 

17 ta’ Settembru 1938 Swor Fawstina kienet debboli ħafna u ma setgħetx iżżomm ikel. Minn Pradnik ħaduha d-dar. Hija ħassitha kalma u tat eżempju tajjeb ħafna lil kulħadd. Kienet qiegħda tistenna l-waqt li tingħaqad mal-Mulej Ġesu’ u ma kellha l-ebda biża’ mill-mewt. (Kronaka ta’ Krakovja IV: 131).

 

22 ta’ Settembru 1938 Filwaqt li ħasset saħħitha tonqosha dejjem iżjed, hija talbet maħfra mingħand il-Kongregazzjoni kollha għal dawk id-drabi meta hija kienet naqsithom mingħajr ma riedet, u bdiet tistenna bis-serenita’ kollha l-miġja tal-Għarus tagħha tas-Sema. (Kronaka ta’ Krakovja IV:132).

 

26 ta’ Settembru 1938 - Dun Sopocko żarha għall-aħħar darba fi Krakovja, u hi qaltlu: L-unika funzjoni tiegħi hi li jiena ngħix fil-preżenza ta’ missieri fis-Sema.”

(Dun Sopocko innota likienet qisha ħlejqa sopranaturali,” u żied, “f’dak il-waqt ma kienx għad baqagħli l-iċken dubju li dak li kienet tikbet fid-djarju tagħha dwar it-tqarbina minn idejn l-Anġlu kien tassew minnu.” (Tifkiriet ta’ Dun Sopocko, p. 5)

 

2 ta’ Ottubru 1938 - Swor Fawstina, b’saħħitha tnaqqas bin-naqra n-naqra, imma dejjem tagħti eżempju tajjeb lil ħulħadd, kienet qiegħda tistenna bil-kalma kollha t-tluq tagħha. (Kronaka ta’ Krakovja IV:133).

 

5 ta’ Ottubru 1938 Patri Andrasz, SJ, wasal fl-4 ta’ filgħaxija u Swor Fawstina qerret għall-aħħar darba. (Kronaka ta’ Krakovja IV: 134).

 

Fid-9 ta’ filgħaxija, il-Kappillan Dun T. Czaputa, flimkien mas-sorijiet miġburin flimkien, talab maġenb is-sodda tagħha t-talb għall-moribondi; Swor Fawstina, baqgħet f’sensiha sal-aħħar u ngħaqdet ma’ dawk li kienu qegħdin jitolbu. (Kronaka ta’ Krakovja IV: 134).

 

Fl-11 neqsin kwart ta’ filgħaxija, Swor Fawstina Kowalska, wara ħafna tbatijiet li hija ġarrbet b’paċenzja kbira, marret tingħaqad mal-Mulej sabiex jagħtiha l-premju. (Kronaka ta’ Krakovja IV:134).

 

7 ta’ Ottubru 1938 Il-funeral ta’ Swor Fawstina Kowalska sar fl-Ewwel Ġimgħa tax-xahar u fil-festa tal-Madonna tar-Rużarju.

 

Il-Ġiżwiti, Patri Wojton u Patri Chabrowski mill-Monasteru ta’ Pjazza Santa Barbara, u qassis minn 26 Triq Kopernik ħadu sehem fil-funeral.  

 

Fit-8:30 ta’ filgħodu tkanta l-Matutin, imbagħad Patri Wojton iċċelebra l-Liturġija fl-artal prinċipali u Patri Chabrowski fl-altar tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ (fejn bħalissa tinsab ix-xbieha tal-Ħniena Divina – li saret famuża għal ħafna grazzji bla għadd li ġew maqlugħin).

 

Patri Chabrowski iċċelebra l-Quddiesa liebes l-abjad. Kif ġie nnotat fil-Kronaka, kollox sar b’mod mill-isbaħ. Ħadd mill-membri tal-familja ta’ Swor Fawstina ma kien preżenti fil-funeral. (Kronaka ta’ Krakovja IV: 134).

 

Swor Fawstina ġiet midfuna fiċ-ċimiterju tal-kunvent li jinsab fil-ġnien tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena, 3/9 Triq Wronia, Lagiewniki, Krakovja, fil-qabar komuni li hemm f’dan iċ-ċimiterju.

 

21 ta’ Ottubru 1965 27 sena wara l-mewt ta’ Swor Fawstina, l-Isqof Julian Groblicki, b’delega speċjali mill-Arċisqof Karol Wojtyla, beda s-sezzjoni solenni fl-Arċidjoċesi ta’ Krakovja, il-Proċess ta’ Informazzjoni li għandu x’jaqsam mal-ħajja u l-virtujiet ta’ Swor Fawstina. Minn issa ‘l quddiem, Swor Fawstina kellu jingħatalha t-titlu, ‘Qaddejja ta’ Alla.’

 

25 ta’ Novembru 1966 Filwaqt li kien qiegħed isir il-Proċess ta’ Informazzjoni dwar il-virtujiet, il-kitbiet u d-devozzjoni tal-Qaddejja ta’ Alla Swor Fawstina (mill-21 ta’ Ottubru 1965 sal-20 ta’ Settembru 1967), inqalgħu l-fdalijiet tagħha mill-qabar u ħaduhom f’qabar imħejji speċjali għaliha fil-kappella tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena. Fuq il-qabar hemm ċangatura sewda b’salib fin-nofs. Iċ-ċangatura normalment ikollha fjuri friski li jpoġġuhom hemm il-fidili, li qegħdin jitolbu għal ħafna grazzji bl-interċessjoni ta’ Swor Fawstina.

 

20 ta’ Settembru 1967 L-Eminenza Tiegħu il-Kardinal Karol Wojtyla għalaq il-Proċess ta’ Informazzjoni tal-Qaddejja ta’ Alla fl-Arċidjoċesi ta’ Krakovja.

 

26 ta’ Jannar 1968 Is-Sagra Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin laqgħet f’Ruma l-Atti tal-Proċess ta’ Informazzjoni.

 

31 ta’ Jannar 1968 Permezz ta’ Digriet tas-Sagra Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin, ingħata bidu formali għall-Proċess ta’ Beatifikazzjoni tal-Qaddejja ta’ Alla Swor Fawstina H. Kowalska.

 

18 ta’ April 1993 Il-Venerabli Swor Fawstina Kowalska ġiet ibbeatifikata f’Ruma fl-Ewwel Ħadd fuq l-Għid – f’jum il-Festa tal-Ħniena Divina – mill-Papa Ġwanni Pawlu II (Karol Wojtyla – l-istess Isqof li kien beda l-Proċess ta’ Informazzjoni dwar il-virujiet tagħha).

 

30 ta’ April 2000 Il-Beata Swor Marija Fawstina Kowalska ġiet dikjarata Qaddisa f’Ruma mill-Papa Ġwanni Pawlu II, f’jum il-Ħadd tal-Ħniena Divina, fis-sena tal-Ġublew tas-sena 2000. Waqt l-omelija tal-Kanonizzazjoni, il-Papa iddikjara: Min issa ‘l quddiem l-Ewwel Ħadd fuq l-Għid jkun magħruf bħala l-Ħadd tal-Ħniena Divina mill-Knisja Universali.”

 

Binti, ikteb b’mod diliġenti kull sentenza li Jiena ngħidlek dwar il-ħniena Tiegħi, għaliex din hi maħsuba għal għadd kbir ta’ erwieħ li għad jieħdu ħafna ġid spiritwali minnha. (Djarju, 1142)

 

  


 

IL-ĦNIENA DIVINA ĠEWWA RUĦI

(Djarju ta' Swor Fawstina)

 

L-Ewwel Pitazz

 

1.     O Mħabba Eterna, Inti tordna li għandha tiġi mpittra x-Xbieha Mqaddsa Tiegħek! (nota1)

U tirrivelalna l-għajn tal-ħniena li aħna ma nistgħux nimmaġinawha,

Inti tbierek lil kull min jersaq lejn ir-raġġi Tiegħek,

U ruħ li hi kollha kemm hi sewda tinbidel u ssir bajda silġ.

O Ġesu’ ħelu, hawnhekk (nota2) Inti waqqaft it-tron tal-ħniena Tiegħek

Sabiex Inti ġġib il-ferħ u t-tama lill-bniedem midneb.

Mill-Qalb miftuħa Tiegħek, bħallikieku minn għajn safja,

Inixxi l-faraġ lill-qalb u lir-ruħ niedma.

 

Jalla t-tifħir u l-glorja għal din ix-xbieha

Qatt ma jieqfu ħerġin minn ruħ il-bnedmin.

Jalla t-tifħir tal-ħniena ta’ Alla joħroġ minn kull qalb,

Issa, u f’kull siegħa, u għal dejjem ta’ dejjem.

 

O Alla tieghi

 

2.     Meta nħares fil-ġejjieni, jiena nitbeżża',

Imma għalfejn naqbeż fil-ġejjieni?

Il-mument ta’ issa biss huwa prezzjuż għalija,

Għax il-ġejjieni forsi għad qatt ma jkollu l-ebda ċans jidħol ġewwa ruħi.

M’għandhiex ħaġa taħt il-kontroll tiegħi.

Li jien nibdel, nirranġa jew inżid mal-imgħoddi:

Għax la l-għorrief u lanqas il-profeti ma kellhom il-ħila jagħmlu dan.

U għalhekk dak li ġara fl-imgħoddi hemm bżonn li jiena nafdaħ f'idejn Alla.

 

O waqt preżenti, inti tiegħi, kollok kemm int.

Jiena nixtieq li nużak bl-aħjar mod li nista’.

U għalkemm jiena dgħajfa u ċkejkna,

Inti tagħtini b’xejn il-grazzji tas-setgħa  bla taf Tiegħek.

U għalhekk jiena nafda fil-ħniena tiegħek,

Nimxi l-mixja tal-ħajja bħal tarbija żgħira,

Noffrilek kuljum din il-qalb

Taqbad bl-imħabba għall-ikbar glorja Tiegħek.

+

Ġ.M.Ġ

(Ġesu’, Marija, Ġużeppi)

3.                                             Alla u l-erwieħ

Sultan tal-ħniena, mexxi lr-ruħ tiegħi

Swor M. Fawstina

tas-Sagrament Imqaddes

 

                                Vilnius, 28 ta’ Lulju 1934

4.     O Ġesu' tiegħi, minħabba l-fiduċja tiegħi fik,

Jiena ninseġ eluf ta’ girlandi, u jiena naf

Li kollha kemm huma għad iwarrdu.

Meta x-xemx ta’ Alla għad tiddi fuqhom.

 

+ O Sagrament kbir u Divin

Li taħbi lil Alla tiegħi!

Ġesu’, kun miegħi f’kull waqt,

U l-ebda biża' ma jidħol ġewwa qalbi.

 

+                                            Vilnius, 28 ta’ Lulju 1934

 


 

 

Ġ.M.Ġ                                             L-Ewwel Pitazz

 

Alla u l-erwieħ

 

5.     Ħallina nadurawk, O l-aktar qaddisa Trinita’, issa u għal dejjem. Ħallina nadurawk fl-opri kollha Tiegħek u fil-ħlejjaq kollha Tiegħek. Jalla l-kobor tal-ħniena tiegħek jiġbed l-ammirazzjoni u jiġi gglorifikat, O Alla.

6.     Jiena għandi nikteb (nota3) dwar il-laqgħat li ruħi jkollha miegħek, O Alla, fil-waqtiet speċjali meta inti tiġi żżurni. Jiena għandi nikteb dwarek; jiena li ma nistax nifhem il-ħniena tiegħek għar-ruħ imsejkna tiegħi. Ir-rieda mqaddsa tiegħek hija l-ħajja ta’ ruħi. Jiena lqajt din l-ordni permezz ta’ dak li għalija hu r-rappreżentant Tiegħek hawn f’din id-dinja, dak li jfissirli r-rieda mqaddsa Tiegħek. Ġesu’, Inti qiegħed tara kemm hi ħaġa iebsa għalija li nikteb, kemm ma nafx inniżżel b’mod ċar l-esperjenza li jien inkun għaddejja minnha fir-ruħ tiegħi. O Alla, tista’ l-pinna tikteb dak li  ħafna drabi m’hemmx kliem li bih jista’ jitfisser? Imma Inti qiegħed tagħtini l-ordni li nikteb, O Alla; dak huwa biżżejjed għalija.

 

   Varsavja, 1 ta’ Awissu 1925

Dħul fil-Kunvent

 

7.     Minn meta kelli 7 snin, ħassejt ġewwa fija s-sejħa żgura ta’ Alla, il-grazzja ta’ vokazzjoni għall-ħajja reliġjuża. Kien fis-seba’ sena ta’ ħajti li, għall-ewwel darba, jiena smajt il-leħen ta’ Alla ġewwa ruħi; jiġifieri, stedina għal ħajja iktar perfetta. Imma jiena mhux dejjem obdejt is-sejħa tal-grazzja. Ma ltqajt ma’ ħadd li seta’ jfehmni dawn il-ħwejjeġ.

 

8.     It-tmintax-il sena ta’ ħajti. Appell mill-qalb lill-ġenituri tiegħi biex jagħtuni l-permess nidħol fil-kunvent. Il-ġenituri tiegħi rrifjutaw kategorikament. Wara li din it-talba tiegħi ma ġietx milqugħa jiena ngħatajt għall-ħwejjeġ fiergħa tal-ħajja, u ma tajt ebda importanza lis-sejħa tal-grazzja, għalkemm ruħi ma sabet l-ebda sodisfazzjon fl-ebda waħda minn dawn l-affarijiet. Is-sejħa bla ebda waqfien tal-grazzja kienet qed tikkaġunali dieqa kbira; iżda ppruvajt inrażżan din is-sejħa divina permezz tad-divertiment. Ġewwa fija, jiena kont qiegħda naħrab minn Alla, billi ndur b’qalbi kollha lejn il-ħlejjaq. Imma l-grazzja ta’ Alla rebħet ġewwa ruħi.

 

9.     Darba kont qiegħda f’ballu (probabilment f’Lodz) ma’ waħda minn ħuti. Filwaqt li kulħadd kien qiegħed jieħu gost, ruħi kienet għaddejja minn turmenti kbar. Meta bdejt niżfen, f’daqqa waħda jiena rajt lil Ġesu’ maġenbi, Ġesu’ ttorturat bl-uġigħ, imneżża’ minn ħwejjġu, miksi kollu kemm hu ġrieħi, u Hu qalli dan il-kliem: Kemm ser indum nissaportik u kemm ser idum tgħidli le? F’dak il-waqt waqfet il-mużika ħelwa, u l-kumpanija li kelli għebet minn quddiem għajnejja; bqajna Ġesu’ u jiena. Poġġejt bil-qiegħda maġenb oħti l-għażiża, taparsi għandi wġigħ ta’ ras sabiex nostor dak li kien qiegħed jiġri ġewwa ruħi. Wara ftit, ħriġt ‘il barra mingħajr ħadd ma nduna, ħallejt lil oħti u ‘l-ħbieb tiegħi kollha warajja u qbadt it-triq lejn il-Katidral ta’ San Santislaws Kostka.

 

Kien diġa’ beda jbexbex; kien hemm ftit nies biss fil-katidral. Fil-waqt li ma tajt l-ebda kas ta’ dak li kien qiegħed jiġri madwari, intfajt wiċċi fl-art quddiem is-Sagrament Imqaddes u tlabt lill-Mulej li, fil-ħniena Tiegħu, jgħinni nifhem x’kelli nagħmel wara din l-esperjenza.

 

10.                       Imbagħad smajt il-kliem: Mur mill-ewwel f’Varsavja; hemmhekk inti tidħol f’kunvent. Wara t-talb tiegħi jiena qomt bilwieqfa, mort id-dar, u ħadt ħsieb xi affarijiet li kelli bżonn nirranġa. Mill-aħjar li stajt, jien afdajt f’oħti billi tarraftilha dak li kien ġara ġewwa ruħi. Jien għidtilha ssellem għalija lill-ġenituri tagħna, u b’dan il-mod, bil-libsa ta’ fuqi biss, u b’xejn iktar, jien wasalt Varsavja.

 

11.                       Malli nżilt mit-tren u rajt lil kulħadd ġej u sejjer għall-affari tiegħu, għelibni l-biża’. X’ser nagħmel? Lejn min ser indur, billi ma kont naf lil ħadd? Għalhekk, jien għidt lil Omm Alla, “Marija, mexxini, iggwidani.” F’daqqa waħda, smajt dan il-kliem ġewwa fija jgħidli nitlaq mill-belt u mmur f’ċertu villaġġ fil-qrib fejn kelli nsib alloġġ tajjeb għal-lejl. Hekk għamilt u fil-fatt sibt li kollox kien preċiż bħalma kienet qaltli Omm Alla.

 

12.                       L-għada kmieni ħafna jiena vvjaġġajt lura lejn il-belt u dħalt fl-ewwel knisja li rajt (il-Knisja ta’ San Ġakbu fi Triq Grojecka f’Ochota, subborg ta’ Varsavja). Hemmhekk bdejt nitlob sabiex inkun naf  iżjed x’inhi r-rieda ta’ Alla. Kien hemm il-quddies, waħda wara l-oħra. Waqt waħda minnhom jiena smajt il-kliem: Mur għand dak il-qassis (Dun James Dabrowski, kappillan tal-parroċċa ta’ San Ġakbu) u għidlu kollox; huwa jgħidlek x’għandek imbagħad tagħmel. X’ħin spiċċat il-Quddiesa, jiena dħalt fis-sagristija. Jiena għidt lill-qassis dak kollu li kien ġara ġewwa ruħi, u tlabtu jagħtini parir fejn nista’ nidħol soru, f’liema ordni reliġjuża.

 

13.                       Għall-ewwel il-qassis kien  sorpriż, imma qalli li għandu jkolli fiduċja qawwija li Alla kien ser jipprovdi għall-ġejjieni tiegħi. “Għalissa,” huwa qal, “jiena ser nibgħatek għand waħda sinjura twajba (Aldona Lipszycowa) (nota4) u inti oqgħhod għandha sakemm tidħol fil-kunvent.” Meta mort għand is-sinjura laqgħetni b’ġentilezza kbira. Waqt li kont noqgħod għandha, kont qiegħda nfittex kunvent, imma kull fejn ħabbatt bieb ta’ kunvent, ma laqgħunix u reġgħu bagħtuni lura. Qalbi kienet mimlija dwejjaq, u jiena għidt lill-Mulej Ġesu’, “Għinni; tħallinix waħdi.” Fl-aħħar ħabbatt fuq il-bieb tagħna. (nota5)

 

 

14.                       Meta l-Madre Superjura, il-Madre Ġenerali preżenti Michael (nota6), ħarġet tilqagħni – wara konverżazzjoni qasira, qaltli mmur għand is-Sinjur tad-dar u nistaqsih jekk jaċċettanix. Jiena fhimt mill-ewwel li kelli nistaqsi din il-ħaġa lill-Mulej Ġesu’, B’ferħ kbir, mort fil-kappella u saqsejt lil Ġesu’: “Sid ta’ din id-dar, Int taċċettani? Hekk qaltli npoġġilek il-mistoqsija waħda minn dawn is-sorijiet.”

 

F’daqqa waħda jien smajt din il-vuċi: Dan żgur li Jiena naċċetta; inti qiegħda ġewwa Qalbi. Meta ġejt lura mill-kappella, il-Madre Superjura staqsietni qabel kollox: “Mela, is-Sinjur aċċettak?” Jiena weġibt: “Iva”. (Hija qaltli) “Jekk is-Sinjur aċċetta, mela jiena wkoll naċċetta.”

 

 

15.                       U hekk jiena ġejt aċċettatta. Imma għal ħafna raġunijiet kelli nibqa’ fid-dinja għal iktar min sena ma’ dik il-mara twajba (Aldona Lipszycowa), iżda ma rġajtx mort lura fid-dar tiegħi stess.

        

F’dak iż-żmien jiena kelli nitqabad ma’ ħafna diffikultajiet, imma Alla kien ġeneruż ħafna miegħi bil-grazzji tiegħu. Xewqa dejjem tiżdied għal Alla bdiet taħkimni. Is-sinjura, għalkemm ruħ tajba, ma  setgħetx tifhem il-ferħ tal-ħajja reliġjuża u, bil-qalb tajba tagħha bdiet tagħmel pjanijiet oħra għall-ġejjieni tiegħi. Imma, jiena kont qiegħda inħoss li kelli qalb hekk kbira li xejn ma kien ser ikun jista’ jimlieha. U għalhekk jiena dort bix-xewqa kollha tar-ruħ tiegħi lejn Alla.

 

 

16.                       Kien waqt l-ottava ta’ Corpus Christi (25 ta’ Ġunju 1925). Alla mlieli ruħi bid-dawl interjuri ta’ għarfien iktar fil-fond Tiegħu bħala Tjubija Suprema u Sbuħija Suprema. Sirt naf kemm Alla jħobbni. Ma tintemm qatt l-imħabba Tiegħu għalija. Kien waqt il-vespri. Bi kliem sempliċi, li ħareġ bla ebda sforz mill-qalb, jiena għamilt vot ta’ kastita’ perpetwa lil Alla. Minn dak il-waqt jien ħassejt intimita’ ikbar ma’ Alla, l-Għarus tiegħi. Minn dak il-waqt jien għamilt ċella żgħira ġewwa qalbi fejn dejjem żammejt kumpanija lil Ġesu’.

 

 

17.                       Sa fl-aħħar wasal iż-żmien meta nfetaħ għalija l-bieb tal-kunvent- kien l-1 ta’ Awissu (1925), filgħaxija, lejliet il festa tal-Madonna tal-Anġli. Ħassejtni ferħana rrid intir; donni kont dħalt fil-ħajja tal-Ġenna. Talba waħda kienet ħierġa bil-qawwa minn qalbi, waħda ta’ radd il-ħajr.

 

 

18.                       Imma wara tliet ġimgħat ndunajt li hawnhekk hawn ftit wisq ħin għat-talb u nbaħt b’ħafna affarijiet oħrajn li kienu qegħdin iħejju lil ruħi biex nidħol f’komunita’ reliġjuża li tkun iktar stretta. Dan il-ħsieb ħakem lir-ruħi sewwa, imma r-rieda ta’ Alla ma kenitx fih. Xorta waħda, il-ħsieb, jew aħjar it-tentazzjoni, kompla jikber u jikber u wasal il-punt fejn, jum fost l-oħrajn, iddeċidejt li ngħarraf bit-tluq tiegħi lill-Madre Superjura u nitlaq mill-kunvent darba għal dejjem. Imma Alla poġġa ċ-ċirkustanza hekk li ma stajtx nsib lill-Madre Superjura (Michael). Qabel ma dħalt fis-sodda fil-kappella ż-żgħira (nota7), u tlabt lil Ġesu’ sabiex ikun Hu li jagħtini d-dawl f’din il-ħaġa. Imma ma rċevejt xejn f’ruħi ħlief li ma stajtx noqgħod bi kwieti; ħaġa stramba li ma stajtx nifhimha. Imma minkejja kollox, iddeċidejt li nfittex lill-Madre Superjura l-għada filgħodu dlonk wara l-Quddiesa u ngħidilha bid-deċiżjoni li kont ħadt.

 

 

19.                       Wasalt fiċ-ċella tiegħi. Is-sorijiet kienu diġa’ fis-sodda – kienu tfew id-dawl. Jiena dħalt fiċ-ċella mimlija dieqa u dwejjaq; ma kontx naf x’ser naqbad nagħmel bija nnifsi. Intfajt għal tuli fl-art u bdjet nitlob bil-ħerqa sabiex nsir naf x’inhi r-rieda ta’ Alla. Ħemda kullimkien bħal ġewwa t-tabernaklu. Is-sorijiet kollha kienu qedgħin jistrieħu bħal ostji bojod magħluqin fil-kalċi ma’ Ġesu’. Miċ-ċella tiegħi biss Alla seta’ jisma’ t-tnehid ta’ ruħ. Jiena ma kontx naf li ma kienx suppost titlob fiċ-ċella mingħajr permess wara d-disgħa. (nota8)

 

Ftit wara , dija mliet iċ-ċella tiegħi, u fuq il-purtiera jiena rajt wiċċ Ġesu’ mnikket ħafna. Kien hemm ġrieħi miftuħin fuq Wiċċu, u dmugħ kbir kien nieżel fuq il-gverta. Ġaladarba ma kontx naf  x’kien ifisser dan kollu, jien staqsejt lil Ġesu’: “Ġesu’ min weġġgħek daqshekk?” U Ġesu’ qalli: Ser tkun int li tikkaġunali dan l-uġigħ jekk inti tħalli dan il-kunvent. Jiena għal hawn sejjaħtlek u għal imkien iżjed; u Jiena ħejjejt ħafna grazzji għalik. Tlabt lil Ġesu’ jiskużani u dlonk biddilt id-deċiżjoni tiegħi.

 

 Il-jum ta’ wara kien jum il-qrar. Jiena tgħarraft lill-konfessur dak kollu li kien ġara ġewwa r-ruħ tiegħi, u l-konfessur wieġeb li, minn dan, ir-rieda ta’ Alla kienet ċara li jiena kelli nibqa’ f’din il-kongregazzjoni u li jiena lanqas biss ma kelli naħseb f’ordni reliġjuża oħra. Minn dak il-waqt ‘il quddiem, dejjem ħassejtni ferħana u kuntenta.

 

 

20.                       Ftit wara, ħassejtni marida (għeja ġenerali). L-għażiża Madre Superjura bagħtitni flimkien ma’ żewġ sorjiet oħra għal ftit mistrieħ fi Skolimow, mhux bogħod minn Varsavja. Kien f’dak iż-żmien li jiena tlabt lill-Mulej jurini għal min iktar kelli nitlob. Ġesu’ qalli li, fil-lejl ta’ wara, Huwa kellu jgħarrafni għal min kelli nitlob.

 

(Il-lejl ta’ wara) jiena rajt l-Anġlu Kustodju tiegħi, li ordnali nimxi warajh. F’mument wieħed sibt ruħi f’post mimli ċpar u nar fejn kien hemm folla kbira ta’ erwieħ qegħdin ibatu. Kienu qedgħin jitolbu bil-ħeġġa, imma bl-ebda siwi, għalihom stess; aħna biss nistgħu ngħinnuhom. Il-fjammi li kienu jaħarquhom lili ma missewnix. L-Anġlu Kustodju tiegħi ma telaqnix fl-ebda waqt. Jiena staqsejt lil dawn l-erwieħ x’kienet l-ikbar sofferenza tagħhom. B’vuċi waħda huma weġbuni li l-ikbar turment tagħhom kien ix-xewqa kbira tagħhom għal Alla. Rajt lill-Madonna żżur l-erwieħ fil-Purgatorju. L-erwieħ isejħulha ‘Il-Kewkba tal-Baħar’. Hija ġġibilhom is-serħan. Jiena ridt inkompli nitkellem magħhom iktar, imma l-Anġlu Kustodju tiegħi sejjaħli biex nitlaq. Aħna ħriġna minn dak il-ħabs ta’ tbatija. (Smajt vuċi nterna) tgħid: Il-ħniena Tiegħi dan ma tridux, imma l-ġustizzja hekk titlob. Minn dak iż-żmien ‘il hawn, jiena ninsab f’għaqda iktar mill-qrib ma’ l-erwieħ li qedgħin ibatu.

 

 

21.                       Spiċċa ż-żmien tiegħi bħala postulanta (29 ta’ Awissu 1926). Is-Superjuri tiegħi (probabilment Madre Leonard u Madre Jane(nota9)) bagħtuni fin-novizzjat fi Krakovja. Ferħ li qatt ma stajt nobsru kien qiegħed isaltan f’ruħi. Meta wasalna fin-novizzjat, kienet qiegħda tmut Swor (Henry)(nota10). Fitit ġranet wara hija ġiet għandi (fl-ispirtu, wara l-mewt tagħha) u qaltli mmur għand il-Madre Direttriċi tan-Novizzi (Swor Margaret)(nota11) u ngħidilha titlob lill-konfessur tagħha, Dun Rospond(nota12), joffri Quddiesa waħda għaliha u tliet ġakulatorji.  Għall-ewwel jien għidt iva għal din il-ħaġa, imma l-għada ddeċidejt li ma mmurx għand il-Madre Direttriċi, għaliex ma kontx ċerta jekk dan kienx ġara f’ħolma jew fir-realta’.  U għalhekk jiena ma mortx.

 

Il-lejl ta’ wara reġgħet irrepetiet ruħha l-istess ħaġa b’mod iktar ċar, jiena ma kellix dubju iżjed. Madankollu, xorta waħda filgħodu jiena ddeċidejt li ma kontx ser ngħid lid-Dirrettriċi b’din il-ħaġa jekk ma kontx ser naraha (lil Swor Henry) matul il-ġurnata. Dlonk iltaqajt magħha fil-kuritur. Hija ċanfritni għax ma kontx mort mill-ewwel, u ruħi ma setgħetx issib mistrieħ bl-ebda mod. Jiena għalhekk mill-ewwel mort għand il-Madre Direttriċi u għidtilha kulma kien ġrali. Il-Madre weġbitni li kienet sejra tieħu ħsieb din il-ħaġa. Dlonk il-paċi saltnet f’ruħi, u fit-tielet jum din is-soru ġiet għandi u qaltli: “Alla jpattilek.”

 

22.                       Fil-jum li fih jiena ħadt il-libsa (ta’ Soru)(nota13), Alla ppermettieli nifhem kemm kelli nbati. Rajt b’mod ċar għalxiex kont dħalt. Għal waqt wieħed kelli esperjenza ta’ dik it-tbatija. Imma mbagħad Alla reġa’ mlieli ruħi b’konsolazzjonijiet kbar.

 

 

23.                       Għall-aħħar ta’ l-ewwel sena tan-novizzjat tiegħi, id-dlam beda jifrex id-dell tiegħu fuq ruħi. Ma ħassejt l-ebda konsolazzjoni fit-talb; kelli nagħmel sforz kbir fil-meditazzjoni; beda jaħkimni l-biża’. Bdejt nidħol iktar fil-fond ġewwa fija stess; u ma stajt nsib xejn ħlief miżerja kbira. Stajt nara wkoll b’mod ċar il-qdusija kbira ta’ Alla. Ma kellix ħila nerfa’ għajnejja lejh, imma għamilt lili nnifsi bħal trab taħt saqajh u bdejt nittallab għall-ħniena. Ruħi baqgħet f’dan l-istat għal kważi sitt xhur. Il-Madre Direttriċi maħbuba tagħna (Mary Joseph)(nota14) għamlitli l-kuraġġ f’dawn il-mumenti diffiċli. Imma din it-tbatija baqgħet dejjem tiżdied bil-qawwa tagħha.

 

 Kienet riesqa t-tieni sena tan-novizzjat. Kull meta bdejt niftakar li kelli nieħu l-voti, ruħi kienet tirtogħod bil-biża’. Ma bdejtx nifhem x’kont qiegħda naqra; ma stajtx nimmedita’; deherli li t-talb tiegħi ma kienx qiegħed jogħġob lil Alla. Deherli li, meta kont nersaq lejn is-Sagramenti Mqaddsa, kont inkun qiegħda noffendi lil Alla iżjed u iżjed. Imma minkejja dan, il-konfessur tiegħi (Dun Theodore)(nota15) ma ppermettilix nitlef lanqas tqarbina waħda. Alla kien qiegħed jaħdem b’mod stramb ħafna ġewwa ruħi. Ma stajt nifhem xejn minn dak li kien qiegħed jgħidli l-konfessur tiegħi. Il-veritajiet sempliċi tal-fidi saru għalija affarijiet li jiena ma stajtx nifhimhom. Ruħi kienet imdejjqa, u ma stajt insib faraġ imkien.

 

Kien hemm waqt meta kelli impressjoni qawwija ħafna li Alla kien warrab wiċċu minni. Dan il-ħsieb terribli nifed lil ruħi minn barra sa ġewwa; f’nofs din it-tbatija ruħi bdiet tħoss l-esperjenza tal-agunija tal-mewt. Ridt immut imma ma stajtx. Ġieni l-ħsieb: x’jiswa li wieħed jipprova jkollu l-virtujiet; għalfejn għandu wieħed jimmortifika lilu nnifsu jekk dan kollu ma jogħġobx lil Alla? Meta għarraft b’dan lid-Direttriċi tan-Novizzi, rċevejt din it-tweġiba, “Kun af, għażiża oħti, li Alla għażlek għall-qdusija kbira. Dan huwa sinjal li Alla jridek tkun qrib Tiegħu ħafna fil-Ġenna. Għandu jkollok fiduċja kbira fil-Mulej Ġesu’.”

 

Dan il-ħsieb terribli li Alla ma jridx jaf iżjed bik hu fil-fatt, it-tortura li l-erwieħ ikkundannati għall-infern isofru. Jiena mort niġri għand il-Pjagi ta’ Ġesu’ u rrepetejt il-kliem ta’ fiduċja, imma dan il-kliem sar għalija tortura iżjed kbira. Mort quddiem is-Sagrament Imqaddes, u bdjet nitkellem ma’ Ġesu’: “Ġesu’, Inti għidt li hi iktar possibbli li omm tinsa lit-tarbija tagħha milli Alla jinsa l-kreatura Tiegħu, u li anke jekk hija tinsa lit-tarbija tagħha, Jiena, Alla, qatt ma sejjer ninsa lill-kreatura tiegħi. O Ġesu’, qiegħed tisma’ kif qiegħda tokrob ruħi? Indenja ruħek tisma’ l-krib mimli wġigħ ta’ bintek. Jiena nafda fik. O Alla, għaliex is-smewwiet u l-art jgħaddu, imma kelmtek tibqa’ għal dejjem.” Pero’ xorta waħda ma sibt lanqas mument wieħed serħan.

 

 

24.                       Darba, malli qomt, fil-waqt li kont qegħidt lili nnifsi fil-preżenza ta’ Alla, f’daqqa waħda ħakmitni għal kollox id-disperazzjoni. Dalma perfetta fir-ruħ. Iġġilidtilha mill-aħjar li stajt sa nofs in-nhar. Wara nofs inhar, beżgħat li verament iwasslu għall-mewt bdew jagħmlu għalija; is-saħħa fiżika tiegħi bdiet tħallini. Mort niġri fiċ-ċella tiegħi, intfajt għarkobbtejja quddiem il-Kurċifiss u bdejt nibki u ngħajjat għall-ħniena. Imma Ġesu’ ma semax l-għajjat tiegħi. Ħassejt is-saħħa fiżika tiegħi tħallini kompletament. Waqajt fl-art, filwaqt li d-disperazzjoni mliet kull rokna ta’ ruħi. Sofrejt torturi terribli li bl-ebda mod ma kienu differenti mit-torturi tal-infern. Bqajt f’dan l-istat għal tliet kwarti. Ridt immur nara lid-Direttriċi, imma kont qiegħda nħossni bla ebda saħħa. Ridt ngħajjat imma ma kellix vuċi. B’xorti tajba, waħda mis-sorijiet (novizza oħra, Swor Plaċida Putyra) daħlet fiċ-ċella tiegħi.. Meta sabitni f’dik il-kundizzjoni hekk stramba dlonk għarrfet lid-Direttriċi b’dan. Il-Madre ġiet mill-ewwel. Malli daħlet fiċ-ċella hija qalet: “F’isem l-ubbidjenza qaddisa, (nota16) qum mill-art.” F’daqqa waħda qawwa barranija refgħatni mill-art u qomt bil-wieqfa, qrib l-għażiża Madre Direttriċi. Bi kliem mimli tjubija, hija bdiet tispjegali li din kienet prova li Alla bagħtli u qaltli: “Għandu jkollok fiduċja kbira; Alla dejjem hu Missierna, ukoll meta jibgħatilna l-provi.”

 

 Erġajt lura għad-dmirijiet tiegħi qisni waħda li kont ħriġt mill-qabar, bis-sensi tiegħi mimlijin esperjenza li r-ruħ tiegħi kienet għaddiet minnha. Matul is-servizz ta’ filgħaxija, ruħi reġgħet bdiet tagunizza f’dalma terribli. Jiena ħassejtni li kont taħt il-ħakma ta’ Alla l-Ġust – l-oġġett tal-korla Tiegħu.  Waqt dawn il-mumenti terribli jiena għidt lil Alla: “Ġesu’, Int li fl-Evanġelu xebbaħt lilek innifsek ma’ omm l-izjed ħelwa (nota17), jiena nafda fil-kliem Tiegħek għaliex inti l-verita’ u l-ħajja. Minkejja kollox, Ġesu’, jiena nafda fik meta jkolli nissara ma’ kull sentiment ġewwa fija li jeħodha kontra t-tama. Agħmel bija dak li trid; jiena qatt ma ser inħallik, għax inti l-għajn tal-ħajja tiegħi.” Huwa biss xi ħadd li għex mumenti bħal dawn li jista’ jifhem kemm hu terribli dan it-turment fir-ruħ.

 

 

25.                       Billejl, ġiet iżżurni l-Omm ta’ Alla, bil-Bambin Ġesu’ f’dirgħajha. Ruħi mtliet bil-ferħ, u jiena għidt, “Marija, Ommi Inti taf b’liema mod terribli jiena qiegħda nbati?” U l-Omm ta’ Alla weġbitni: “Jiena naf kemm qiegħda tbati, imma tibżax. Jiena qiegħda naqsam miegħek fit-tbatija tiegħek, u dan nibqa’ nagħmlu.” Hija tatni tbissima ta’ mħabba u għebet minn quddiemi. F’daqqa waħda saħħa u kuraġġ kbir reġgħu nibtu mill-ġdid ġewwa ruħi; imma dan kompla jseħħ għal ġurnata waħda biss. Donnu l-infern kien qiegħed jikkonfoffa kontrija. Mibgħeda terribbli bdiet tfeġġ ġewwa ruħi, mibgħeda għal dak kollu li hu qaddis u divin. Bdejt inqis li dawn it-turmenti spiritwali kellhom ikunu xortija għall-bqija ta’ ħajti. Dort lejn is-Sagrament Imqaddes u għidt lil Ġesu’: “Ġesu’, Għarus tiegħi, m’intix qiegħed tara li ruħi qiegħda tmut minħabba ix-xewqa li għandha għalik? Kif tista’ tinħeba minn qalb li tħobbok b’mod hekk sinċier? Aħfirli, Ġesu’,tkun magħmula r-rieda qaddisa Tiegħek fija. Jien ser inbati fis-skiet bħal ħamiema, mingħajr tgergir. Ma jiena sejra nippermetti lil qalbi lanqas għajta waħda ta’ tgergir u ta’ dwejjaq.”

 

 

26.                       Spiċċa n-novizzjat. It-tbatija ma naqsitx. Nuqqas ta’ saħħa fiżika tani d-dispensa mill-eżerċizzi spiritwali kollha (tal-komunita’); jiġifieri, ħa posthom talb ta’ ġakulatorji qosra. Fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira (16 ta’ April 1928) – Ġesu’ qabad il-qalb tiegħi u poġġieha ġewwa l-istess fjamma ta’ mħabbtu. Dan ġara waqt l-adorazzjoni ta’ filgħaxija. F’daqqa waħda, il-Preżenza Divina mlietni, u jiena nsejt kollox. Ġesu’ tani x’nifhem kemm kien bata Hu għalija. Din il-ħaġa seħħet għall-żmien qasir ħafna. Xenqa kbira u qawwija - xenqa li nħobb lil Alla.

 

 

27.                       L-ewwel voti. (L-ewwel professjoni ta’ voti temporanji, 30 ta’ April, 1928). Xewqa mħeġġa li nisvojta lili nnifsi għal Alla permezz ta’ mħabba attiva imma mħabba li ħadd ma jinduna biha, ukoll dawk is-sorijiet l-iktar qrib tiegħi. Imma wkoll wara l-voti, id-dalma kompliet issaltan f’ruħi għal kważi sitt xhur. Darba, waqt li kont qiegħda nitlob, ruħi mtliet b’Ġesu’, id-dalma nħallet u għebet, u ġewwa fija smajt dan il-kliem: Int l-ferħ Tiegħi; Inti l-hena ta’ Qalbi. Minn dak il-waqt, ħassejt is-Santissima Trinita’ ġewwa l-qalb tiegħi; jiġifieri, ġewwa fija stess. Ħassejtni mgħarrqa fid-dawl Divin. Minn dak iż-żmien, ruħi baqgħet f’għaqda intimita’ ma’ Alla, bħal tifla mal-Missier maħbub tagħha.

 

 

28.                       Darba Ġesu’ qalli, Mur għand il-Madre Superjura (probabilment Madre Raphael)(nota18) u itlobha tħallik tilbes ċilizju għal sebat ijiem, u darba kull lejl inti għandek tqum u tiġi fil-kappella. Jiena għidt iva, imma sibt ċerta diffikulta’ biex immur għand is-Superjura. Filgħaxija Ġesu’ staqsieni, Kemm ser iddum tħalliha għal darb’oħra? Iddeċidejt li ngħid lill-Madre Superjura l-ewwel darba stess li naraha.

 

 L-għada filgħodu qabel nofs inhar rajt lill-Madre Superjura sejra r-refettorju u, peress li l-kċina, ir-refettorju u l-kamra żgħira ta’ Swor Aloysia jinsabu lkoll qrib ta’ xulxin, jiena tlabt lill-Madre Superjura biex tidħol fil-kamra ta’ Swor Aloysia u għidtilha bix-xewqa tal-Mulej Ġesu’. Meta saret taf b’dan, il-Madre wieġbet: “Ma nagħtikx ebda permess tilbes l-ebda ċilizju. Assolutament le! Li kieku l-Mulej Ġesu’ kellu jagħtik is-saħħa ta’ koloss, imbagħad nippermettilek dawk il-mortifikazzjonijiet.”

 

 Jien tlabt skuża lill-Madre talli ħadtilha l-ħin tagħha u tlaqt ‘l barra mill-kamra. F’dak il-waqt rajt lil Ġesu’ wieqaf fil-bieb tal-kċina, u għidtlu, “Inti ordnajtli nitlob għal dawn il-mortifikazzjonijiet, imma l-Madre Superjura ma tridx tagħtini l-permess.” Ġesu’ qalli, Jiena kont hawn waqt il-konverżazzjoni tiegħek mas-Superjura u naf kollox. Jiena minix qiegħed nitlob mortifikazzjoni mingħandek imma ubbidjenza. Permezz tal-ubbidjenza, inti Lili tagħtini glorja kbira u takkwista mertu għalik.

 

29.                       Waħda Madre (probabilment Madre Jane), meta saret taf bir-relazzjoni intima’ tiegħi mal-Mulej Ġesu’, qaltli li żgur kont qiegħda nqarraq bija nnifsi. Hija qaltli li l-Mulej Ġesu’ jissieħeb b’dan il-mod mal-qaddisin biss u mhux ma’ erwieħ midinbin “bħalek, oħti!” Wara li qaltli hekk, qisni ma bdejtx nafdah lil Ġesu. F’waħda mill-konverżazzjonijiet tiegħi Miegħu, filgħodu, jiena għidtlu, “Ġesu’, Inti xi illużjoni?” Ġesu’ weġibni, Imħabbti ma tidħak b’ħadd.

 

 

30.                       Darba kont qiegħda naħseb fuq it-Trinita’ Qaddisa, fuq l-essenza ta’ Alla. Ridt inkun naf għal kollox u ngħarbel u nifhem min hu Alla ...F’waqt wieħed l-ispirtu tiegħi nqabad f’dik li dehret li kienet d-dinja l-oħra. Rajt dawl li ħadd ma jista’ jilħqu, u f’dan id-dawl dawk li dehru li huma tliet għejun ta’ dawl li jiena ma stajtx nifhimhom. U minn dak id-dawl ħareġ kliem f’forma ta’ beraaq li dawwar is-sema u l-art. Għax ma fhimt xejn, ħassejtni qalbi sewda ħafna. F’daqqa waħda, minn dan il-baħar ta’ dawl li ħadd ma jista’ jilħqu ġie s-Slavatur l-iżjed maħbub tagħna, sabiħ bil-Pjagi mdawwlin Tiegħu, sbuħija li ma tistax titfisser bil-kliem. U minn dan id-dawl ħarġet vuċi li qalet, Min hu Alla fl-Essenza Tiegħu, ħadd ma jista’ jgħarbel jew jifhem, la l-moħħ tal-Anġli u lanqas tal-bnedmin. Ġesu’ qalli, Kun af lil Alla permezz tal-kontemplazzjoni tal-attributi Tiegħu. Mument wieħed wara, Huwa għamel is-sinjal tas-Salib b’idu u għeb.

 

 

 

31.                       + Darba rajt folla kbira ta’ nies fil-kappella tagħna, quddiem il-kappella u fit-triq, għax ma kienx hemm post għalihom ġewwa(nota19). Il-kappella kienet imżejna għall-festa. Kien hemm ħafna saċerdoti ħdejn l-altar, u mbagħad is-sorijiet tagħna u oħrajn minn ħafna kongregazzjonijiet oħra. Kollha kienu qedgħin jistennew il-persuna li kellha tieħu postha fuq l-altar. F’daqqa waħda smajt vuċi tgħid li jiena kelli nieħu posti fuq l-altar. Imma malli tlaqt mill-kuritur sabiex naqsam il-bitħa u nidħol fil-kappella billi nimxi wara l-vuċi li kienet qiegħda ssejjaħli, in-nies kollha bdew iwaddbuli kulma ġie f’idejhom: tajn, ġebel, ramel, xkupi, hekk li għall-ewwel ħsibtha darbtejn qabel ma komplejt nimxi ‘l quddiem. Imma l-vuċi baqgħet issejjaħli b’iktar ħeġġa. Għalhekk bqajt nimxi bil-kuraġġ kollu.

 

X’ħin dħalt fil-kappella, is-superjuri, is-sorijiet, l-istudenti(nota 20), u wkoll il-ġenituri tiegħi bdew jissutawni b’kull ma ġie f’idejhom, u allura, ridt u ma ridtx, malajr ħadt posti fuq l-altar. Malli wasalt hemm, l-istess nies, l-istudenti, is-sorijiet, is-superjuri u l-ġenituri tiegħi kollha bdew jiftħu dirgħajhom quddiemi jitolbuni l-grazzji; u jiena ma kelli xejn kontrihom f’qalbi għax kienu waddbuli kulma ġie f’idejhom, u bqajt mistagħġba kif ħassejt imħabba speċjali ħafna għal dawk l-istess persuni li kienu ġegħluni mmur iktar malajr fil-post magħżul għalija. Fl-istess waqt ruħi mtliet b’ferħ kbir li ma jitfissirx bil-kliem, u smajt dawn il-kliem, Agħmel kulma jogħġbok, qassam grazzji kif trid, lil min trid u meta trid. Imbagħad, f’daqqa waħda, il-viżjoni għebet.

 

 

 

32.                       Darb’oħra jien smajt dan il-kliem, Mur għand is-Superjura u itlobha tħallik tagħmel siegħa adorazzjoni kuljum għal disgħat ijiem. Waqt din l-adorazzjoni ipprova ngħaqad fit-talb ma’ Ommi. Itlob b’qalbek kollha f’għaqda ma’ Marija, u ipprova wkoll matul dan il-ħin agħmel it-Triq tas-Salib. (Via Sagra). Jiena qlajt il-permess, għalkemm mhux għal siegħa sħiħa, imma għall-ħin biss li jkun għad baqagħli wara li nkun temmejt id-dmirijiet tiegħi.

 

 

 

33.                       Kelli nagħmel din in-novena għall-intenzjoni ta’ Pajjiżi. Fis-seba’ ġurnata tan-novena rajt, bejn is-sema u l-art, l-Omm ta’ Alla, liebsa libsa tleqq. Hija kienet qiegħda titlob b’idejha marbutin fuq sidirha, b’għajnejha jħarsu ċassi lejn is-Sema. Mill-Qalb Tagħha kienu ħerġin raġġi tan-nar, xi wħud minnhom ippuntati lejn is-Sema fil-waqt li l-oħrajn kienu qedgħin jiksu lil pajjiżna.

 

 

 

34.                       Meta għarraft lill-konfessur tiegħi b’dawn l-affarijiet u oħrajn(nota 21), huwa wieġeb li dawn setgħu kienu ġejjin verament minn Alla, imma li huma setgħu kienu wkoll illużjoni. Minħabba li dmirijieti kienu jinbidlu ta’ sikwit, jiena ma kellix konfessur fiss u, minbarra dan, kont insib diffikulta’ kbira meta kont nitkellem fuq dawn l-affarijiet. Jiena tlabt b’ħerqa lill-Mulej biex jagħtini dik il-grazzja kbira - jiġifieri, direttur spiritwali. Imma t-talba tiegħi ġiet mismugħa biss wara li għamilt il-voti perpetwi, meta jiena mort Vilnius. Is-saċerdot kien Dun Sopocko.(nota 22) Alla kien ippermettieli narah f’viżjoni interna wkoll qabel ma mort Vilnius.(nota 23)

 

 

 

35.                       Li kieku kelli direttur spiritwali mill-ewwel, kieku żgur ma kontx naħli daqshekk mill-grazzji ta’ Alla. Konfessur jista’ jgħin ħafna lir-ruħ, imma jista’ wkoll jagħmlilha ħafna ħsara. O, kemm għandhom bżonn joqgħodu atteni l-konfessuri għall-ħidma tal-grazzja ta’ Alla fl-erwieħ tal-penitenti tagħhom! Din hija ħaġa ta’ importanza kbira. Permezz tal-grazzji li jiġu mogħtijin lir-ruħ, wieħed jista’ jagħraf  kemm tkun ta’ grad għoli l-intimita’ tagħha ma’ Alla.

 

 

 

36.                       Darba ġejt imsejħa quddiem it-tribunal ta’ Alla. Kont qiegħda waħdi quddiem il-Mulej. Ġesu’ deher bħalma aħna nafuh waqt il-Passjoni Tiegħu. Ftit wara, għebu l-pjagi Tiegħu minbarra ħamsa, dawk f’idejh, f’riġlejh u f’ġenbu. F’daqqa waħda jiena rajt il-kundizzjoni ta’ ruħi, kollha kemm hi, kif jaraha Alla. Stajt nara b’mod ċar dak kollu li ma jogħġobx lil Alla. Stajt nara b’mod ċar dak kollu li  ma jogħġobx lil Alla. Ma kontx naf li saħansitra l-iżgħar nuqqasijiet irridu nagħtu rendikont tagħkom. X’waqt kien dan! Min jista’ jiddeskrivih? Li ssib ruħek quddiem Alla, għal tliet darbiet Qaddis!

 

Ġesu’ staqsieni, Min int? Jiena weġibt, “Jiena l-qaddejja tiegħek, Mulej.” Inti tinsab ħatja ta’ ġurnata nar fil-purgatorju. Ridt nintefa’ mill-ewwel fil-fjammi tal-purgatorju imma Ġesu’ waqqafni u qalli: X’tippreferixxi, tbati issa għal ġurnata fil-purgatorju jew għal ftit fid-dinja? Jiena weġibt, “Ġesu’, jiena rrid inabti fil-purgatorju, u rrid inbati wkoll l-ikbar uġigħ fid-dinja, wkoll jekk dan kellu jkun sal-aħħar tad-dinja.” Ġesu’ qalli, Biżżejjed waħda (minnhom); inti ser terġa’ tmur fid-dinja, u hemm inti għad tbati ħafna imma mhux għal żmien twil; inti tagħmel ir-rieda Tiegħi u dak li jiena nixtieq, u qaddej fidil Tiegħi ser jgħinnek sabiex inti tagħmel dan. Issa serraħ rasek fuq sidri, fuq il-Qalb Tiegħi, u iġbed minnha saħħa u forza għal dawn it-tbatijiet għax imkien iżjed ma inti ser issib serħan jew għajnuna jew faraġ. Kun af li ser ikollok issofri ħafna, ħafna, imma dan m’għandux ibeżżgħek, Jiena qiegħed miegħek.

 

 

 

37.                       Ftit wara jiena mradt.(nota24) Nuqqas ta’ saħħa fiżika għalija kienet skola fejn tgħallimt il-paċenzja. Ġesu’ biss jaf kemm sforzi kelli nagħmel fuq ir-rieda tiegħi biex inwettaq dmirijiet.(nota25)

 

 

 

38.                       Sabiex isaffi r-ruħ, Ġesu’ juża strument jew ieħor li jogħġbu. F’ruħi kelli ngħaddi minn abbandun sħiħ min-naħa ta’ ħlejjaq oħra; ħafna drabi s-sorijiet(nota26) kienu jifhmu ħażin l-aħjar intenzjonijiet tiegħi, sura ta’ tbatija li hi mill-iktar ħarxa; imma Alla jippermettiha, u aħna rridu nilqgħuha għax hekk insiru nixbhu lil Ġesu’. Kien hemm ħaġa waħda li ma stajtx nifhem għal żmien twil: Ġesu’ kkmandani ngħid kollox lis-Superjuri tiegħi, imma s-Superjuri tiegħi ma emmnux li għidtilhom u kienu jitħassruni bħallikieku kont taħt xi delużjoni jew kont qiegħda nimmaġina l-affarijiet.

 

 Minħabba f’hekk, peress li emmint li kont vittma ta’ delużjoni, iddeċidejt li lil Alla naħrab niltaqa’ miegħu ġewwa fija għaliex bdejt nibża’ minn dawn l-illużjonijiet. Imma l-grazzja ta’ Alla kienet qiegħda tiġri warajja ma’ kull pass li kont nagħmel, u Alla kellimni meta l-inqas kont qiegħda nistennieh.

 

 

 

39.                       + Darba Ġesu’ qalli li kien se jġib kastig fuq l-isbaħ belt f’pajjiżna (probabilment Varsavja). Dan il-kastig kellu jkun dak li bih Alla kien ikkastiga lil Sodoma u Gomorra.(nota 27) Jiena stajt nara l-korla kbira ta’ Alla u tkexkixa nifdet lil qalbi. Tlabt fis-skiet. Wara ftit, Ġesu’ qalli: Binti, ingħaqad Miegħi mill-qrib waqt is-Sagrifiċċju u offri d-Demm u l-Pjagi Tiegħi lil Missieri bħala tpattija għad-dnubiet ta’ dik il-belt. Kompli tenni dan mingħajr ma tieqaf matul il-Quddiesa kollha. Agħmel dan għal sebat ijiem. Fis-seba’ jum rajt lil Ġesu’ fi sħaba tiddi u bdejt nitolbu sabiex iħares lejn il-belt u pajjiżna kollu. Ġesu’ ħares (‘l isfel) bil-ħniena. Meta rajt it-tjubija ta’ Ġesu’, bdejt nitolbu l-barka Tiegħu. Dlonk Ġesu’ qalli, Minħabba fik Jiena nbierek il-pajjiż kollu. U Hu għamel sinjal kbir tas-salib fuq pajjiżna. Meta rajt din it-tjubija ta’ Alla, ferħ kbir mela r-ruħ tiegħi.

 

 

 

40.                       + Is-sena 1929. Darba waqt il-Quddiesa, ħassejt b’mod speċjali ħafna li Alla kien qrib tiegħi, għalkemm ippruvajt indawwar wiċċi u naħrab Minnu. F’diversi okkażjonijiet jiena ħrabt minn Alla għaliex ma ridtx inkun vittma ta’ l-ispirtu ħażin, billi xi wħud qaluli, iktar minn darba, li dan kien il-każ. U din l-inċertezza damet għal żmien mhux ħażin. Waqt il-Quddiesa, qabel it-Tqarbin, kellna t-tiġdid tal-voti. Meta konna qomna mill-ġinokkjaturi u bdejna nirreċitaw il-formola biex nagħmlu l-voti, Ġesu’ deher f’daqqa maġenbi liebes libsa bajda b’ċinglu tad-deheb madwar qaddu u qalli, Jiena nagħtik imħabba eterna sabiex is-safa tiegħek qatt ma tittebba’ u bħala sinjal inti qatt ma tkun suġġetta għal tentazzjonijiet kontra s-safa. Ġesu’ ħall iċ-ċinglu tiegħu tad-deheb u rabtu madwar qaddi.

 

Minn dak iż-żmien ‘il hawn jiena qatt ma kelli l-ebda esperjenza ta’ attakki kontra din il-virtu’, kemm f’qalbi kif ukoll f’moħħi. Wara jiena fhimt li din kienet waħda mill-ikbar grazzji li l-Verġni Marija l-iktar Imbierka kienet akkwistat għalija, minħabba li kont ili għal ħafna snin nitlobha din il-grazzja. Minn dak iż-żmien ‘il hawn bdejt inħoss devozzjoni dejjem akbar lejn l-Omm ta’ Alla. Hija għallmitni kif għandi nħobb lil Alla ġewwa fija u wkoll kif għandi nagħmel ir-rieda mqaddsa Tiegħu f’kollox. O Marija, Int ferħ, għaliex permezz Tiegħek Alla niżel f’din id-dinja ġewwa qalbi.

 

 

 

41.                       Darba rajt qaddej ta’ Alla f’periklu mminenti li jagħmel dnub mejjet. Jiena bdejt nitlob lil Alla sabiex jogħġbu jibgħat fuqi t-turmenti kolha ta’ l-infern u t-tbatijiet kollha kollha li jixtieq jibgħatli sakemm dan is-saċerdot jinħeles u jiġi maħtuf mill-okkażjoni li jagħmel dnub. Ġesu’ sema’ t-talba tiegħi u f’dak l-istess waqt, ħassejt kuruna tax-xewk fuq rasi. Ix-xewk nifed lil rasi b’saħħa kbira u baqa’ nieżel dritt għal ġo moħħi. Dan dam sejjer għal tliet siegħat; il-qaddej ta’ Alla ġie meħlus minn dan id-dnub, u ruħu ġiet imsaħħa bi grazzja speċjali ta’ Alla.

 

 

 

42.                       Darba, fil-jum tal-Milied (1928), jiena ħassejt madwari l-preżenza ta’ Alla li jista’ kollox. U għal darb’oħra ħrabt minn din il-laqgħa interna mal-Mulej. Tlabt lill-Madre Superjura għall-permess li mmur Jozefinek(nota28) biex inżur lis-sorijiet hemmhekk. Is-Superjura tatna l-permess, u aħna bdejna nlestu sabiex immorru preċiż wara l-pranzu. Is-sorijiet l-oħra kienu diġa’ qedgħin jistennewni fil-bieb tal-kunvent waqt li jiena mort niġri fiċ-ċella tiegħi biex inġib il-mantell. Waqt li kont ġejja lura, minħabba li kont għaddejja minn ħdejn il-kappella ż-żgħira, rajt lil Ġesu’ bilwieqfa fil-bieb. Huwa qalli, Kompli miexja imma Jiena se nieħu lil qalbek. F’daqqa waħda ħassejt li ma kellix qalbi f’sidri. Imma s-sorijiet kienu qedgħin iċanfruni għax kont qiegħda nitnikker u bdew jgħidu li kien diġa’ sar il-ħin. Għalhekk għaġġilt u mort magħhom. Imma ħassejtni mdejqa u skomda, u xenqa stramba mliet lil ruħi, għalkemm ħadd ma kien jaf x’kien qed jiġri ħlief Alla.

 

 Wara li konna ilna xi ftit minuti biss f’Jozefinek, jiena għidt lis-sorijiet, “Ejja mmorru lura d-dar.” Is-sorijiet xtaqu għallinqas ftit waqtiet ta’ mistrieħ, imma l-Ispirtu tiegħi ma seta’ jsib l-ebda paċi. Jiena fehemthom li kellna mmorru lura qabel jidlam; u minħabba li kellna distanza mhux ħażin x’nagħmlu, qbadna t-triq lura minnufih. Meta l-Madre Superjura ltaqgħet magħna fl-intrata staqsietni, “Mela għadhom ma marrux is-sorijiet, jew diġa’ ġejtu lura?” Jiena għidtilha li diġa’ konna ġejna lura għax jiena ma ridtx niġi lura filgħaxija. Naħħejt il-mantell minn fuqi u mort mill-ewwel fil-kappella ż-żgħira. Malli dħalt Ġesu’ qalli, Mur għand il-Madre Superjura u għidilha li ġejtu lura, mhux għax ridtu taslu d-dar qabel ma jidlam, imma għax Jiena kont ħadtlek qalbek. Għalkemm din il-ħaġa kienet diffiċli għalija, jien mort għand is-Superjura u għidtilha bis-sinċerita’ kollha r-raġuni vera għaliex jiena kont ġejt lura daqshekk kmieni, u tlabt maħfra lill-Mulej għal dak kollu li ma kienx għoġbu. U mbagħad Ġesu’ mlieni b’ferħ kbir. Jiena fhimt li, ‘l bogħod minn Alla, m’hemm kuntentizza mkien.

 

 

 

43.                       Darba rajt żewġ sorijiet li kienu ser imorru l-infern. Agunija terribli ċarrtitli ruħi; bdejt nitlob lil Alla għalihom, u Ġesu’ qalli, Mur għand il-Madre Superjura u għidilha li dawk iż-żewġ sorijiet huma fil-periklu li jagħmlu dnub mejjet. L-għada għarraft b’dan lis-Superjura. Waħda minnhom kien diġa’ jiddispjaċiha ħafna u l-oħra kienet għaddeja  minn taqbida kbira.

 

 

 

44.                       Darba Ġesu’ qalli, Jiena ser inħalli din id-dar... għax hawnhekk hawn affarijiet li ma jogħġbunix. U l-Ostja ħarġet mit-tabernaklu u ġiet tistrieħ f’idejja u jiena, mimlija ferħ, poġġejtha lura fit-tabernaklu. Din il-ħaġa  rrepetiet ruħha t-tieni darba, u jien għamilt l-istess. Minkejja dan, reġa’ ġara l-istess it-tielet darba, imma l-Ostja nbidlet fil-Mulej Ġesu’ ħaj u qalli, Minix ser nibqa’ iżjed hawn! Malli qalli hekk, imħabba qawwija għal Ġesu’ mlietli ruħi. Jiena weġibt, “U jiena, jiena minix ser inħallik titlaq minn din id-dar, Ġesu’! U għal darb’oħra Ġesu’ reġa’ għeb filwaqt li l-Ostja baqgħet f’idejja. Għal darb’oħra jiena rġajt poġġejtha fil-pissidi u għalaqtha fit-tabernaklu. U Ġesu’ baqa’ magħna. Jiena wegħedt li nagħmel tliet ijiem ta’ adorazzjoni bħala tpattija.

 

 

 

45.                       Darba Ġesu’ qalli, Għid lill-Madre Ġenerali (Michael) li f’din id-dar... qiegħda ssir it-tali ħaġa... li ma togħġobnix u toffendini ħafna. Jiena din il-ħaġa m’għidtilhiex mill-ewwel lill-Madre, imma l-inkwiet li l-Mulej ġegħelni nħoss ma ppermetilix nistenna lanqas minuta oħra, u jiena ktibt minnufih lill-Madre Ġenerali u reġgħet ġiet l-paċi f’ruħi.

 

 

 

46.                       Spiss kont inħoss il-Passjoni tal-Mulej Ġesu’ f’ġismi, għalkemm (l-oħrajn) ma kinux jindunaw b’dan, u jiena fraħt b’dan għax Ġesu’ hekk ried. Imma dan dam biss għal żmien qasir. Dawn it-tbatijiet kienu jħeġġu lil ruħi bin-nar tal-imħabba għal Alla u għall-erwieħ immortali. L-imħabba tissaporti kollox, l-imħabba hija aktar b’saħħitha mill-mewt, l-imħabba ma tibża’ minn xejn...

 

 

 

22 ta’ Frar 1931

 

47.                       Filgħaxija xħin kont fiċ-ċella tiegħi, rajt lill-Mulej Ġesu’ liebes libsa bajda. Id waħda kienet merfugħa f’ġest ta’ barka, l-oħra kienet qiegħda tmiss il-libsa fuq sidru. Minn taħt il-libsa Tiegħu li kienet kemmxejn miftuħa fuq is-sider, kienu ħerġin żewġ raġġi kbar, wieħed aħmar, l-ieħor bajdani. Jiena żammejt ħarsti fissa fuq il-Mulej fis-skiet; ruħi kienet mimlija b’sens ta’ qima u ta’ stagħġib, imma wkoll b’ferħ kbir. Wara ftit, Ġesu’ qalli, Pitter xbieha skont dak li inti qiegħda tara, bil-kliem: Ġesu’, jiena nafda Fik. Jiena nixtieq li din ix-xbieha tkun meqjuma, l-ewwel fil-kappella tagħkom, u (imbagħad) fid-dinja kollha.

 

 

 

48.                       Jiena nwiegħed li r-ruħ li tqim din ix-xbieha ma tintilifx. Jiena nwiegħed ukoll li hi tirbaħ fuq l-għedewwa (tagħha) diġa’ hawnhekk f’din id-dinja, l-aktar fis-siegħa tal-mewt. Jiena stess niddefendiha bħala l-glorja Tiegħi stess.

 

 

 

49.                       Meta għidt lill-konfessur(nota29) tiegħi b’din il-ħaġa, rċevejt din it-tweġiba: “Dan qiegħed jirreferi għal ruħek.” Huwa qalli, “Ċertament, pitter ix-xbieha ta’ Alla ġewwa ruħek.” Meta ħriġt mill-konfessinarju, jiena rġajt smajt kliem bħal dan: Ix-xbieha Tiegħi diġa’ qiegħda ġewwa ruħek. Jiena nixtieq li jkun hemm Festa tal-Ħniena. Jiena rrid li din ix-xbieha, li inti tpitter b’pinzell, tiġi mbierka b’mod solenni fl-Ewwel Ħadd fuq l-Għid (dan il-Ħadd issa qed jissejjaħ it-Tieni Ħadd ta’ l-Għid); dak il-Ħadd għandu jkun il-Fetsa tal-Ħniena.

 

 

 

50.                       + Jiena nixtieq li s-saċerdoti jipproklamaw din il-ħniena kbira Tiegħi għall-erwieħ tal-midinbin. Il-midneb m’għandux jibża’ jersaq Lejja. Il-fjammi tal-ħniena qedgħin jaħarquni- u qegħdin jgħajtu sabiex jiġu mitfija; jiena rrid inxerridhom fuq dawn l-erwieħ.

 

 Ġesu’ lmenta miegħi b’dan il-kliem, Meta l-erwieħ ma jurux fiduċja fija Fija, Jiena nħoss il-ġewwieni Tiegħi jiċċarrat. Meta ruħ magħżula ma turix fiduċja fija, dan jikkawżali uġigħ ikbar; minkejja li l-imħabba Tiegħi għalihom ma tispiċċa qatt, huma ma jafdawnix. Saħansitra l-mewt Tiegħi mhix biżżejjed għalihom. Ħażin għar-ruħ li tabbuża minn dawn. (id-doni)

 

 

 

51.                       Meta jiena tkellimt dwar dan mal-Madre Superjura (Rose,(nota 30) u għidtilha) li Alla kien talab dan mingħandi, hija wieġbet li Ġesu’ għandu jagħti xi sinjal sabiex aħna nkunu nistgħu nagħrfuh b’mod iktar ċar. Meta jien tlabt lill-Mulej Ġesu’ għal sinjal bħala prova “li Inti verament Alla u Mulej tiegħi u li din it-talba ġejja mingħandek”, jiena smajt din il-vuċi ġewwa fija: Jiena għad niċċara dan kollu lis-Superjura bil-grazzji li jiena nagħti permezz ta’ din ix-xbieha.

 

 

 

52.                       Meta ppruvajt naġrab minn dawn l-ispirazzjonijiet interni, Alla qalli li, fil-jum tal-ġudizzju Huwa għad jitlob mingħandi nurmu kbir ta’ erwieħ. Darba, għajjiena mejta minħabba dawn id-diffikultajiet diversi li kien qiegħed ikolli minħabba dak li kien qalli Ġesu’ u minħabba dak li Hu kien talabni nagħmel għall-pittura ta’ din ix-xbieha, jien ddeċidejt li mmur għand Patri Andrasz(nota31) qabel ma nagħmel il-voti perpetwi, u nitolbu jħollni mill-obbligu ta’ dawn l-ispirazzjonijiet interni u mid-dmir li npitter din ix-xbieha. Wara li sema’ l-qrara tiegħi, Patri Andrasz tani din it-tweġiba: “Jiena ma jien sejjer inħollok minn xejn, Sor; mhux sewwa li inti twarrab dawn l-ispirazzjonijiet interni, imma għandek assolutament – nerġa’ ngħid, assolutament - titkellem dwarhom mal-konfessur tiegħek; inkella, inti sejra titfixkel minkejja l-grazzji kbar li inti qiegħda tirċievi mingħand Alla.” “Għalissa inti qiegħda tiġi għandi sabiex tqerr, imma ifhimni sewwa, Sor, inti jeħtieġ li jkollok konfessur fiss; jiġifieri, direttur spiritwali.”

 

 

 

53.                       Din il-ħaġa nkwetatni mhux ftit. Kont ħsibt li kien ser jirnexxili neħles minn kollox, u ġara preċiż il-kuntrarju – kmand ċar u tond sabiex naqta’ x-xewqat ta’ Ġesu’. U issa, turment ieħor, minħabba li ma kelli l-ebda konfessur permanenti. Ukoll kieku kelli immur għand l-istess konfessur għal ċertu perjodu ta’ żmien, ma stajtx niftaħ qalbi miegħu dwar dawn il-grazzji, u dan kien jikkawżali wġigħ li ma jistax jitfisser bil-kliem. Għalhekk tlabt lil Ġesu’ biex jagħti dawn il-grazzji lil xi ħadd ieħor, għax jiena ma kontx naf kif nagħmel użu minnhom u kont qiegħda biss naħlihom. “Ġesu’, ikollok ħniena minni, tafdalix f’idejja affarijiet hekk kbar, għax Inti qiegħed tara li jiena daqsxejn trab u ma ninqala’ assolutament għalxejn.”

 

 

 

 Imma t-tjubija ta’ Ġesu’ hija bla tarf; huwa kien wegħedni għajnuna li tidher hawn f’din id-dinja, u xi ftit ta’ żmien wara jiena rċevejtha f’Vilnius, fil-persuna ta’ Dun Sopocko. Jiena kont diġa’ sirt nafu qabel ma mort Vilnius, permezz ta’ dehra interna. Darba rajtu fil-kappella tagħna bejn l-altar u l-konfessinarju u f’daqqa waħda smajt vuċi ġewwa ruħi tgħidli, Din hija l-għajnuna li tidher għalik f’din id-dinja. Huwa jgħinek tagħmel ir-rieda Tiegħi fid-dinja.

 

 

 

54.                       Darba, għajjiena b’dawn l-inċertezzi kollha, jiena tlabt lil Ġesu’, “Ġesu’, Inti Alla jew fantażma? Għax, is-Superjuri tiegħi qegħdin jgħidu li hawn kull xorta ta’ illużjoni u fantażmi. Jekk Inti l-Mulej tiegħi, qiegħda nitolbok tberikni.” Imbagħad Ġesu’ għamel sinjal kbir tas-salib fuqi u jiena wkoll raddejt is-salib. Meta jiena tlabt maħfra lil Ġesu’ għal din il-mistoqsija, Huwa wieġeb li ma kont ikkawżajtlu l-ebda dispjaċir b’din il-mistoqsija u qalli li l-fiduċja tiegħi kient għoġbitu ħafna.

 

 

 

55.                       1933.                            Parir Spirtwali mogħti lili

  minn Patri Andrasz, SJ.

 

L-EWWEL: M’għandekx twarrab dawn l-ispirazzjonijiet interni imma għandek dejjem tgħid kollox lill-konfessur tiegħek. Jekk inti tinduna li dawn l-ispirazzjonijiet interni jirreferu għalik stess, jiġifieri, li huma għall-ġid ta’ ruħek jew għall-ġid ta’ erwieħ oħra, jiena nħeġġek sabiex inti ssegwihom; u m’għandekx twarrabhom, imma dejjem għandek taġixxi b’dan il-mod b’konsultazzjoni mal-konfessur tiegħek.

 

IT-TIENI: Jekk dawn l-ispirazzjonijiet ma jaqblux mal-fidi jew mal-ispirtu tal-Knisja, għandek mill-ewwel twarrabhom għax ikunu ġejjin mill-ispirtu ħażin.

 

IT-TIELET: Jekk dawn l-ispirazzjonijiet ma jirreferux għall-erwieħ, b’mod ġenerali, u lanqas b’mod speċifiku, għall-ġid tagħhom, m’għandekx teħodhom b’serjeta’ żejda, u jkun aħjar ukoll li twarrabhom.

 

 Imma din id-deċiżjoni m’għandekx teħodha waħdek, la mod u lanqas ieħor, għax faċli tiżbalja minkejja dawn il-favuri kbar mingħand Alla. Umilta’, umilta’ u umilta’ dejjem għax waħedna ma nistgħu nagħmlu xejn; kollox huwa sempliċiment grazzja ta’ Alla.

 

 Inti qiegħda tgħidli li Alla jitlob fiduċja kbira mingħand l-erwieħ; mela, kun inti l-ewwel waħda li turi din l-fiduċja. U kelma waħda oħra – aċċetta dan kollu bis-serenita’.

 

 Il-kliem ta’ wieħed mill-konfessuri: “Sor, Alla qiegħed iħejji ħafna grazzji speċjali għalik, imma pprova agħmel ħajtek ċara bħall-kristall quddiem il-Mulej, u tagħtix kas ta’ dak li ħaddieħor jaħseb dwarek. Ħalli lil Alla jkun biżżejjed għalik; Huwa biss.” Għall-aħħar tan-novizzjat tiegħi, konfessur (forsi kien Dun Theodore) qalli: “Għaddi ħajtek tagħmel il-ġid, sabiex jiena nkun nista’ nikteb fuq il-paġni tagħha: Hija għaddiet ħajjitha tagħmel il-ġid. Jalla Alla jwettaq dan ġewwa fik.”

 

 Darb’oħra konfessur qalli: “Ġib ruħek quddiem Alla bħall-armla tal-Evanġelju: għalkemm il-munita’ li hija waddbet fil-kaxxa ftit kienet tiswa, quddiem Alla kienet tiswa ħafna iktar mill-offerti kbar kollha ta’ l-oħrajn.”

 

 F’okkażjoni oħra t-twissija li rċevejt kienet din: “Ġib ruħek b’tali mod li dawk kollha li jiġu f’kuntatt miegħek iħossuhom ferħanin li jkunu ltaqgħu miegħek. Iżra’ l-ferħ madwarek għax int rċevejt ħafna mingħand Alla; agħti, mela, lill-oħrajn bil-ġenerożita’. Huma għandhom jitilqu minn ħdejk bil-qalb tagħhom mimlija ferħ, ukoll jekk ikun rrnexxielhom biss imissu l-keffa tal-libsa tiegħek. Żomm sewwa f’moħħok il-kliem li qiegħed ngħidlek bħalissa.”

 

 Darb’oħra huwa tani din ir-rakkomandazzjoni: “Ħalli lil Alla jimbotta d-dagħajsa tiegħek ‘il barra fl-ilma fond, lejn il-fond li ħadd ma jista’ jkejlu tal-ħajja nterjuri.”

 

 Hawn xi kelmiet minn konverżazzjoni li kelli mal-Madre Direttriċi (Mary Joseph) għall-aħħar tan-novizzjat tiegħi; “Sor, ħalli s-sempliċita’ u l-umilta’ jkunu l-karateristiċi ta’ ruħek. Għix dejjem ta’ tifla żgħira, dejjem bil-fiduċja, dejjem mimlija sempliċita’ u umilta’, kuntena b’kollox, ferħana f’kull ċirkustanza. Hemm, fejn l-oħrajn jibżgħu, inti tibqa’ għaddejja bil-kalma kollha, minħabba din is-sempliċita’ u l-umilta’. Ftakar f’din il-ħaġa, Sor, għal ħajtek kollha: bħalma l-ilmijiet jinżlu minn fuq il-muntanji għal ġol-widien, hekk ukoll, il-grazzji ta’ Alla jinżlu biss f’erwieħ umli.”

 

 

 

56.                       O Alla tiegħi, jiena qiegħda nifhem sewwa li Inti qiegħed titlob mingħandi din it-tfulija spiritwali(nota32), għax Inti qiegħed kontinwament titlobhieli permezz tar-rappreżentanti tiegħek.

 

Fil-bidu tal-Ħajja reliġjuża tiegħi, it-tabtija u l-hemm kienu jbeżżgħuni u jaqtgħuli qalbi. Jiena għalhekk kont nitlob il-ħin kollu, u ngħid lil Ġesu’ jsaħħaħni u jagħtini l-qawwa tal-Ispirtu Qaddis Tiegħu sabiex inkun nista’ f’kollox nagħmel ir-rieda qaddisa Tiegħu, għax jiena minn dejjem kont nagħraf id-dgħjufija tiegħi. Jiena naf  sewwa x’insarraf, għax, b’dan il-għan f’moħħu, Ġesu’ fetaħli l-għajnejn ta’ ruħi; jien abbiss ta’ miżerja, u għalhekk jiena nifhem kull tajjeb li hemm ġewwa ruħi, hu x’inhu, jikkonsisti biss fil-grazzja qaddisa Tiegħu. L-għarfien tal-miżerja tiegħi stess jippermettili fl-istess ħin li nagħraf l-immensita’ tal-ħniena Tiegħek. Fil-ħajja nterjuri tiegħi, b’għajn waħda jiena qiegħda nara l-abbiss tal-miżerja u x-xejn tiegħi, u bl-oħra nara l-abbiss tal-ħniena Tiegħek, O Alla.

 

 

 

57.                       O Ġesu’ tiegħi, inti l-ħajja ta’ ħajti. Inti taf tajjeb li jiena ma nixtieq xejn iżjed ħlief il-glorja ta’ Ismek u li l-erwieħ isiru jafu bit-tjubija tiegħek. Għaliex jaħarbu minnek l-erwieħ, Ġesu’? Jien dan ma nistax nifhmu. Kemm nixtieq li nkun nista’ nqatta’ l-qalb tiegħi f’biċċiet żgħar u hekk noffrilek, O Ġesu’, kull biċċa qisha qalb sħiħa, sabiex inpatti xi ftit għall-qlub li ma jħobbukx! Jiena nħobbok, Ġesu’, b’kull qatra ta’demmi, u bil-qalb kollha lesta nxerred demmi għalik sabiex nagħtik prova tas-sinċerita’ ta’ mħabbti. O Alla tiegħi, iktar ma nsir nafek inqas nista’ nifhmek, imma dan il-fatt li ma nistax nifhem jippermettili nintebaħ kemm tassew inti kbir! U hija din l-impossibbilta’ li ma nistax nifhmek li terġa’ tqabbadli qalbi għalik, Mulejja.  Minn dak il-waqt meta Inti ħallejtni niffissa l-ħarsa ta’ ruħi fuqek, O Ġesu’, jiena stajt ingawdi l-paċi u ma xtaqt xejn iżjed. Jiena sibt id-destin tiegħi f’dak il-waqt meta ruħi intilfet fik, l-għan waħdieni ta’ mħabbti. Tbatijiet, hemm, umiljazzjonijiet, fallimenti, u suspetti li ltqajt magħhom, Ġesu’, huma xrar li jżommu mkebbes in-nar ta’ mħabbti għalik. Ix-xewqat tiegħi huma qawwija u ma nistax naqtagħhom. Nixtieq naħbi minnek il-fatt li qiegħda nbati. Ma rrid qatt nirċievi l-premju għall-isforzi tiegħi u għall-azzjonijiet tajbin tiegħi. Int Ġesu’, il-premju waħdieni tiegħi fik innifsek; Int biżżejjed, Teżor ta’qalbi! Irrid naqsam b’sens ta’ kompassjoni fit-tbatija tal-proxxmu tiegħi u naħbi t-tbatijieti tiegħi stess, mhux biss minnhom, imma minnek ukoll, Ġesu’.

 

It-tbatija hija grazzja kbira; bit-tbatija r-ruħ issir bħas-Salvatur; fit-tbatija l-imħabba ssir safja bħall-kristall; iktar ma tkun kbira t-tbatija, iktar ssir safja l-imħabba.

 

 

 

58.                       + Darba bil-lejl, soru li kienet mietet xahrejn qabel ġiet għandi. Kienet soru tal-ewwel kor. Meta rajtha kienet f’kundizzjoni terribli, imdawra kollha kemm hi bil-fjammi b’wiċċha sfigurat bl-uġigħ. Din il-ħaġa damet ftit ħin biss, u mbagħad għabet. Tkexkixa għaddiet minn ġo ruħi għax ma kontx naf jekk kinetx qiegħda tbati fil-purgatorju jew fl-infern. Madankollu jiena rdoppjajt it-talb tiegħi għaliha. Il-lejl ta’ wara reġgħet ġiet, imma rajtha fi stat iktar terribli, imdawra bi fjammi aktar qawwija, u fuq wiċċha kienet tidher disperazzjoni sħiħa. Jiena stagħġibt x’ħin rajtha f’kundizzjoni agħar wara t-talb li kont offrejt għaliha u staqsejtha: ‘Mela t-talb tiegħi ma għenekx?’ Hija wieġbet li t-talb tiegħi ma kienx għenha u li xejn ma seta’ jgħinha. Jiena għidtilha: ‘U t-talb li l-kommunita’ kollha offriet għalik, lanqas dak ma tak l-ebda għajnuna?’ Hija wieġbet le u qalet li dan it-talb kien għen lil xi erwieħ oħrajn. Jiena weġibt: ‘Jekk it-talb tiegħi mhux jgħinek, Sor, jekk jogħġbok terġax tiġi għandi.’ Hija għabet minnufih. Minkejja, dan jien komplejt nitlob.

 

Wara li kien għadda xi żmien reġgħet ġiet għandi bil-lejl, imma d-dehra tagħha kienet diġa’ nbidlet. Issa ma kienx hemm iżjed fjammi bħalma kien hemm qabel, u wiċċha kien jiddi, għajnejha jleqqu bil-ferħ. Hija qaltli li jiena kelli mħabba vera għall-proxxmu tiegħi u li ħafna erwieħ oħrajn kienu ħadu l-ġid mit-talb tiegħi. Hija ħeġġitni biex qatt ma nieqaf nitlob għall-erwieħ tal-purgatorju, u żiedet tgħid li hi ma kellhiex iddum hemmhekk wisq iżjed. Kemm huma tal-għaġeb id-digrieti ta’ Alla!

 

 

 

59.                       1933. Darba smajt dan il-kliem ġor-ruħ tiegħi: Agħmel novena għal pajjiżek. Din in-novena tkun tikkonsisti fir-reċita’ tal-Litanija tal-Qaddisin. Itlob permess mingħand il-konfessur tiegħek. (x’aktarx Dun Sopocko jew Patri Andrasz)

 

 

 

60.                       Fl-ewwel qrara li għamilt qlajt il-permess u bdejt in-novena dak inhar stess filgħaxija. Għall-aħħar tal-litanija rajt dija kbira u f’nofsha, Alla l-Missier. Bejn din id-dija u d-dinja rajt lil Ġesu’, imsammar mas-Salib hekk li meta Alla ried iħares lejn id-dinja, kellu jħares minn ġol-pjagi ta’ Ġesu’. U jiena fhimt li kien minħabba f’Ġesu’ li Alla jbierek lid-dinja.

 

 

 

61.                       O Ġesu’ nirringrazzjak għal din il-grazzja kbira; jiġifieri li Inti stess minn rajk ridt tagħżilli konfessur, u li inti kont għarraftuli f’dehra wkoll qabel ma jiena kont iltqajt miegħu (Dun Sopocko). Meta mort inqerr għand Patri Andrasz, kont ħsibt li ser jeħlisni mid-dmir li nimxi fuq dawk l-ispirazzjonijiet interjuri. Is-saċerdot wieġeb li ma setax jagħtini din id-dispensa, “imma itlob, Sor, li jingħatalek direttur spiritwali.” Wara talba qasira imma ħerqana, jiena rajt lil Dun Sopocko għat-tieni darba, fil-kappella tagħna, bejn il-konfessinarju u l-altar. Dak iż-żmien kont qiegħda Krakovja. Dawn iż-żewġ dehriet għollewli l-moral iktar u iktar meta jien sibt preċiż bħalma kont rajtu fid-dehriet, darba f’Varsavja waqt it-tielet prova tiegħi; u it-tieni darba fi Krakovja. O Ġesu’, jiena nirringrazzjak ta’ dan id-don hekk kbir! U issa meta nisma’ xi wħud jgħidu xi kultant li m’għandhomx konfessur – jiġifieri, direttur – jaqbadni l-biża’, għax naf tajjeb kemm ħsara jiena stess ġarrabt meta ma kellix l-għajnuna tiegħu. Huwa hekk faċli li tmur żmerċ meta ma jkollokx min jiggwidak!

 

 

 

62.                       O ħajja hekk imdallma u monotona, kemm teżori fik! Meta nħares lejn kollox bil-għajnuna tal-fidi, l-ebda żewġ waqtiet m’huma l-istess, u d-dalma u l-monotonija jgħibu. Il-grazzja li qiegħda tingħatali f’din is-siegħa ma tkunx imtennija f’dik li ġejja. Forsi terġa’ tingħatali, imma ma tkunx l-istess grazzja. Il-ħin jibqa’ għaddej, u qatt ma’ jerġa’ jiġi lura. Dak li hemm magħluq ġewwa fih m’hu ser jitbiddel qatt; huwa ssiġġillat għall-eternita’.

 

 

 

63.                       + Bilfors li Alla jħobbu ħafna lil Dun Sopocko. Dan qiegħda ngħidu għax jiena stess kelli esperjenza kemm Alla jiddefendih f’ċerti mumenti. Meta jiena nara dan, nifraħ bil-bosta li Alla għandu magħżulin bħal dawn.

 

 

 

1929. Il-Vjaġġ għall-Kalvarju(nota33)

64.                       Meta ġejt Vilnius għal xahrejn biex nieħu post soru li kienet marret għat-tielet parti tan-novizzjat tagħha (Swor Peter, li kienet taħdem fil-kċina), jiena bqajt ftit iktar minn xahrejn. Darba, il-madre Superjura (Irene(nota34)) riedet tagħtini ftit gost u tatni permess immur, flimkien ma’ soru oħra(nota35), sal-Kalvarju (post ġewwa l-Polonja) sabiex ‘nagħmel il-mixja’, bħalma jgħidu. Jiena fraħt ħafna. Għalkemm ma kenitx ‘il bogħod ħafna, kienet ix-xewqa tal-Madre Superjura li mmorru bid-dgħajsa. Dak inhar filgħaxija, Ġesu’ qalli: Irridek tibqa’ d-dar. Jien weġibt: “Ġesu’, kollox lest għalina biex nitilqu għada filgħodu; issa x’ser nagħmel?” il-Mulej wieġeb: Dan il-vjaġġ ser ikun ta’ ħsara għal ruħek. Jiena weġibt lil Ġesu’: “Inti tista’ ssib soluzzjoni. Irranġa l-affarijiet hekk li tkun magħmula r-rieda Tiegħek.” Dak il-ħin il-qanpiena ħabbret li kien wasal il-ħin għall-irqad. Lil Ġesu’ tajtu ħarsa tal-aħħar u mort fiċ-ċella tiegħi.

 

L-għada t-temp kien mill-isbaħ, u dik li kellha takkumpanjani kienet mimlija ferħ għall-ħsieb biss tal-gost kbir li konna ser nieħdu meta naraw kollox. Imma jiena kont żgura li ma konniex sejrin, għalkemm s’issa ma kienx hemm ostakli.

Kellna nitqarbnu qabel u nitilqu preċiż wara r-ringrazzjament. Imma waqt il-ħin tat-Tqarbin, f’daqqa waħda it-temp inbidel. Sħab kesa s-sema u bdiet nieżla x-xita bil-qliel. Kulħadd stagħġeb kif it-temp kien inbidel hekk f’daqqa waħda.

 

Il-Madre Superjura qaltli: Kemm qiegħed jiddispjaċini li ma tistgħux tmorru, ħuti!” Jiena weġibt: “Għażiża Madre, ma jimpurtax li ma nistgħux immorru; kienet ir-rieda ta’Alla li aħna nibqgħu d-dar.” Imma, ħadd ma kien jaf li kienet ix-xewqa espressa ta’ Ġesu’ li jiena nibqa’ d-dar. Għaddejt il-jum kollu fil-ġabra u fil-meditazzjoni, nirringrazzja lill-Mulej li kien żammni d-dar. Dakinhar, Ġesu’ tani ħafna konsolazzjonijiet tas-sema.

 

65.                       Darba waqt in-novizzjat meta l-Madre Direttriċi bagħtitni naħdem fil-kċina tat-tfal li kienu taħt il-ħarsien tagħna, bdejt ninkwieta ħafna għaliex ma stajtx inqandel il-borom, li kienu kbar ħafna. L-iktar parti diffiċli għalija kienet dik li nsaffi l-patata, u xi drabi bdejt inwaqqa’ nofs il-patata mal-ilma. Meta għidt lill-Madre Direttriċi b’din il-ħaġa, hija qaltli li biż-żmien kont nidra dan ix-xogħol u nakkwista s-sengħa u l-ħeffa li hemm bżonn. Imma x-xogħol ma kienx qiegħed isir eħfef, għax ma kull jum li jgħaddi jiena bdejt ngħejja iżjed. Għalhekk bdjet inwarrab meta kien jasal il-ħin li nsaffu l-patata. Is-sorijiet indunaw li kont qiegħda naħrab dan ix-xogħol u stagħġbu mhux ftit. Ma kienux jafu li ma stajtx ngħin minkejja li ridt b’qalbi kollha li nagħmel dan ix-xogħol u ma ridtx naħfirha lili nnifsi. F’nofsinhar, waqt l-eżami tal-kuxjenza, ilmentajt ma’ Alla dwar id-dgħjufija tiegħi. Imbagħad smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Mil-lum ‘il quddiem inti dan tkun tista’ tagħmlu faċilment; Jiena ser nagħtik is-saħħa.

 

Dak inhar filgħaxija, meta wasal il-ħin li nsaffu l-patata mill-ilma, għaġġilt biex inkun l-ewwel waħda li nagħmel dan, mimlija fiduċja fil-kliem tal-Mulej. Qbadt il-borma mingħajr ebda nkwiet u ferrajt l-ilma perfettament. Imma meta neħħejt l-għatu sabiex imur il-fwar mill-patata, rajt fil-borma, minflok il-patata, mazzi sħaħ ta’ ward aħmar, tant kienu sbieħ li ma tistax tiddeskrivihom. Qatt ma kont rajt ward bħal dak. Bqajt tassew mistagħġba u ma stajtx nifhem it-tifsira ta’ dan kollu; smajt vuċi ġewwa fija tgħid: Jiena nibdel dak ix-xogħol iebes għalik f’bukketti ta’ fjuri mill-isbaħ, u l-fwieħa tagħhom titla’ sat-tron Tiegħi. Minn dak iż-żmien ‘il hawn bqajt nipprova nsaffi l-patata, mhux biss f’dik il-ġimgħa meta kien imiss lili nsajjar, imma wkoll kont nidħol minflok is-sorijiet l-oħrajn meta kien imiss lilhom. U mhux biss kont nagħmel dan, imma kont nipprova nkun l-ewwel waħda sabiex ngħin f’xi biċċa xogħol oħra iebsa, għax kelli esperjenza kemm dan jogħġob lil Alla.

 

 

 

66.                       O teżor li ma jispiċċa qatt ta’ intenzjoni safja li jirrendi l-azzjonijiet tagħna kollha perfetti u hekk jogħġbu lil Alla!

 

Ġesu’, Inti taf kemm jiena dgħajfa; kun dejjem miegħi mela; mexxi l-azzjonijiet tiegħi u l-esseri tiegħi kollu kemm hu, Inti li Int l-aqwa Għalliem tiegħi!

 

Ġesu’, jiena tabilħaqq nibża’ meta nħares lejn il-miżerja tiegħi stess, imma fl-istess waqt il-ħniena Tiegħek, li ħadd ma jista’ jkejjilha, tassigurani, għax hija tisboq il-miżerja tiegħi bil-kobor tal-eternita’ kollha. Din id-dispożizzjoni fir-ruħ tlibbisni bil-qawwa Tiegħek. O ferħ li jiġi mill-għarfien tiegħi stess! O verita’ li ma tinbiddilx, Inti tibqa’ l-istess għal dejjem!

 

 

 

67.                       Meta bdejt inħossni marida (x’aktarx bidu tal-mard tas-sider) wara li għamilt l-ewwel voti u meta bqajt inħossni l-istess minkejja l-kura tajba u mimlija premura tas-Superjuri tiegħi u l-isforzi kollha tat-tabib, bdejt nisma’ rimarki li bdew jikkonkludu li jiena kont qiegħda nagħmilha ta’ bir-ruħi li kont marida. Dan żiedli t-tbatija tiegħi, u din il-ħaġa damet sejra għal żmien twil mhux ħażin. Darba minnhom jiena lmentajt ma’ Ġesu’ li kont qiegħda nkun toqol fuq is-sorijiet. Ġesu’ weġibni: Inti m’intix qiegħda tgħix għalik innifsek imma għall-erwieħ, u erwieħ oħrajn għad jieħdu l-ġid mit-tbatijiet tiegħek. Meta t-tbatija tiegħek titwal, dan jagħtihom id-dawl u s-saħħa biex jaċċettaw ir-rieda Tiegħi.

 

 

 

 

68.                       L-itqal tbatija għalija kienet li deherli li la t-talb u lanqas l-opri tajba tiegħi ma kienu jogħġbu lil Alla. Ma ssugrajtx ngħolli għajnejja lejn is-sema. Dan kien qiegħed jikkaġunali tbatija hekk kbira waqt l-eżerċizzi tal-komunita’ fil-kappella li darba l-Madre Superjura (Raphael) sejħitli waħdi wara l-eżerċizzi u qaltli: “Sor, itlob lil Alla għall-grazzja u għall-konsolazzjoni, għax jiena nista’ nara għalija nnifsi u s-sorijiet spiss jgħiduli li meta jħarsu lejk iġġibilna ħniena. Verament ma nafx x’ser naqbad nagħmel bik, Sor. Jiena nordnalek li ma tibqax tittortura lilek innifsek iżjed għalxejn b’xejn.”

 

Imma dawn il-laqgħat kollha mal-Madre Superjura ma ġabuli l-ebda serħan, u lanqas ma ċċarawli xejn. Għall-kuntrarju, dalma kbira ħbiet lil Alla minni. Fittixt l-għajnuna fil-konfessinarju, imma lanqas hemm ma sibtha. Saċerdot qaddis ried igħinni, imma tant kont imdejqa li lanqas biss stajt ngħid x’kien qiegħed idejjaqni, u din il-ħaġa nkwetatni iżjed u iżjed. Dwejjaq tal-mewt nifed lil ruħi hekk li ma stajtx naħbih, u kull min kien miegħi seta’ jarah. Tlift kull tama. Il-lejl kien qiegħed isir iżjed u iżjed mudlam. Is-saċerdot li mort inqerr għandu qalli: “Jiena qiegħed nara grazzji mill-iktar speċjali fik, Sor, u minix nkwetat bl-ebda mod fuqek; għaliex qiegħda tittortura lilek innifsek b’dan il-mod?” Imma dak iż-żmien ma stajtx nifhem bl-ebda mod dak li kien qiegħed jgħidli u kont nistagħġeb ħafna meta, bħala penitenza, kien jordnali ngħid it-Te Deum jew il-Magnificat, jew niġri madwar il-ġnien filgħaxija, jew inkella nidħak ngħajjat għaxar darbiet kuljum. Kont nistagħġeb ħafna b’dawn il-penitenzi; imma f’din il-ħaġa wkoll is-saċerdot ma setgħax jagħtini wisq għajnuna. Kienet ħaġa ċara li Alla riedni nagħtih glorja permezz tat-tbatija.

 

Dak is-saċerdot farraġni għax qalli li, fl-istat preżenti tiegħi, kont qiegħda nogħġob lil Alla iktar milli kieku kont mimlija bl-ikbar konsolazzjonijiet. “Hija grazzja kbira ħafna, Sor, huwa qalli: “li fl-istat preżenti tiegħek, bit-turmenti kollha li inti għaddejja minnhom f’ruħek, mhux talli m’intix qiegħda toffendi lil Alla, imma qiegħda tipprova wkoll tipprattika l-virtujiet. Jiena qiegħed inħares fir-ruħ tiegħek, u hemm qiegħed nara l-pjanijiet kbar u l-grazzji speċjali ta’ Alla; u meta nara dan, jiena nrodd ħajr lill-Mulej.” Imma minkejja dan kollu, ruħi kienet tinsab fi stat ta’ tortura; u mdawra kif kont b’turmenti li ma tistax tiddeskrivihom bil-kliem, jien għamilt bħall-għama li jafda lilu nnifsu f’idejn min imexxih, jaqbadlu jdejh sewwa, u lanqas għal mument wieħed biss ma nsejt l-ubbidjenza, u din kienet is-sigurta’ waħdanija tiegħi f’din il-prova tan-nar.

 

 

 

69.                       + O Ġesu’, Verita’ eterna, saħħaħ il-qawwiet dgħajfin tiegħi; Inti tista’ tagħmel kollox, Mulej. Jiena naf li mingħajrek l-isforzi tiegħi kollha jisfaw fix-xejn. O Ġesu’, tistaħbilix, għax ma nistax ngħix mingħajrek. Isma’ l-karba ta’ ruħi. Il-ħniena Tiegħek m’għandhiex tmiem. Għalhekk Mulej, ħenn għall-miżerja tiegħi. Il-ħniena Tiegħek tisboq il-fehma tal-Anġli kollha u tal-bnedmin kollha flimkien; għalkemm jidhirli li Inti m’intix tismagħni, jiena nqiegħed il-fiduċja tiegħi fl-oċejan tal-ħniena Tiegħek, u jiena naf li t-tama tiegħi ma tiġix imqarrqa.

 

 

 

70.                       Ġesu’ biss jaf kemm isir tqil u diffiċli li wieħed jaqdi id-dmirijiet tiegħu meta r-ruħ ikollha tgħaddi minn dawn it-torturi interjuri, is-saħħa fiżika tiddgħajjef hekk, u l-moħħ jiddallam. Fis-skiet ta’ qalbi kont nibqa’ ngħid lili nnifsi: “O Kristu, jalla l-hena, l-unur u l-glorja jkunu Tiegħek, u t-tbatija tiegħi. Minix ser nibqa’ pass lura filwaqt li nimxi warajk, għalkemm ix-xewk iferili riġlejja.”

 

 

 

71.                       Bagħtuni għall-kura fid-dar tagħna fi Plock, u hemmhekk kelli l-privileġġ li nżejjen il-kappella bil-fjuri. Dan ġara fi Biala.(nota36) Swor Thecla mhux dejjem kien ikollha ħin biex tagħmel dan; għalhekk jien kont spiss inżejjen il-kappella waħdi. Darba, kont għażilt l-isbaħ ward sabiex inżejjen il-kamra ta’ ċertu persuna. Meta kont riesqa lejn il-portiku, rajt lil Ġesu’ wieqaf hemmhekk. Bit-tjubija kollha staqsieni: Binti, lil min qiegħda tieħu dawn il-fjuri? Is-skiet tiegħi kien it-tweġiba tiegħi lill-Mulej, għax intbaħt mill-ewwel li kelli rabta sottili ħafna ma’ din il-persuna(nota37), ħaġa li ma kontx ndunajt biha qabel. F’daqqa waħda Ġesu’ għeb minn quddiemi. F’dak il-waqt stess jien rmejt il-fjuri fl-art u mort quddiem is-Sagrament Imqaddes, b’qalbi mimlija gratitudni għall-grazzja li sirt naf lili nnifsi.

 

O Xemx divina, fir-raġġi Tiegħek ir-ruħ tkun tista’ tara l-iċken nikta trab lil lilek ma togħġbokx.

 

 

 

72.                       O Ġesu’, Verita’ eterna, Ħajja tagħna, jiena nsejjaħlek u niolbok il-ħniena Tiegħek għall-imsejkna midinbin. O Qalb l-iżjed ħelwa ta’ Sidi, mimlija ħasra u ħniena li ma jikejlux, jiena nitkarrab quddiemek għall-imsejkna midinbin. O Qalb l-iżjed qaddisa, Għajn ta’ Ħniena minn fejn joħorġu raġġi ta’ grazzji li ma nistgħux nimmaġinawhom fir-razza umana kollha, jiena nitolbok tagħti d-dawl lill-imsejkna midinbin. O Ġesu’, ftakar fil-Passjoni ħarxa Tiegek stess u tħallix li jintilfu erwieħ li ġew mifdijin bil-prezz hekk għoli tad-Demm l-iżjed prezzjuż Tiegħek. O Ġesu’, meta jiena nqis il-prezz għoli qatra biss kienet tkun biżżejjed għas-salvazzjoni tal-midinbin kollha. Għalkemm id-dnub hu abbiss ta’ ħażen u ingratitudni, il-prezz li tħallas għalina qatt ma nistgħu nilħquh. Għalhekk, kull ruħ għandu jkollha l-fiduċja fil-Passjoni tal-Mulej, u tpoġġi t-tama tagħha fil-ħniena Tiegħu. Alla m’hu ser jiċħad il-Ħniena Tiegħu lil ħadd. L-art u s-sema jistgħu jinbidlu, imma l-ħniena ta’ Alla qatt mhi ser tintemm. X’ferħ bla qies jaqbad ġewwa qalbi meta jiena nikkontempla t-tjubija Tiegħek li ħadd ma jista’ jifhimha, O Ġesu’! Jiena nixtieq inġib f’riġlejk lill-midinbin kollha sabiex ikunu jistgħu jigglorifikaw il-ħniena Tiegħek għal sekli sħaħ li ma jispiċċaw qatt.

 

 

 

 

73.                       O Ġesu’ tiegħi, minkejja l-lejl profond li hemm madwari kollni kemm jiena u s-sħab iswed li qiegħed jaħbi l-orizzont, jiena naf li x-xemx qatt ma tintefa. Mulejja, għalkemm ma nisatx nifhmek u lanqas nista’ nifhem it-triqat Tiegħek, xorta waħda nafda fil-ħniena Tiegħek. Jekk hija r-rieda Tiegħek, Mulej, li jiena ngħix dejjem f’din id-dalma, tkun imbierek. Ħaġa waħda biss nitolbok, Ġesu’; tħallinix noffendik bl-ebda mod. O Ġesu’ tiegħi, Inti biss taf ix-xewqat u t-tbatijiet ta’ qalbi. Jiena kuntenta li nista’ nbati għalik għalkemm b’dan il-mod żgħir. Meta nħoss li t-tbatija hija itqal milli nista’ niflaħ, jiena mmur nistkenn fil-Mulej fis-Sagrament Imqaddes, u noqgħod nitkellem miegħu bi skiet profond.

 

 

 

 Il-Qrara ta’ waħda mit-tfal taħt il-ħarsien tagħna.

74.                       Darba ħassejtni mbuttata biex nagħmel xi ħaġa sabiex titwaqqaf il-Festa tal-Ħniena u sabiex tiġi mpittra x-xbieha ta’ Ġesu’ tal-Ħniena, u ma stajt nsib paċi mkien. Ħassejt xi ħaġa timla l-esseri kollu tiegħi, u fl-istess ħin bżajt li kont vittma ta’ xi delużjoni. Imma dawn id-dubji kienu kollha ġejjin minn barra, għax fil-profond ta’ ruħi jiena kont inħoss li kien il-Mulej li kien qiegħed jinfed l-esseri tiegħi. Is-saċerdot li kont qiegħda mmur għandu għall-qrar dak iż-żmien qalli li wieħed jista jkollu illużjonijiet spiss, u jiena ħassejt li x’aktarx kien qiegħed jibża’ jisma’ l-qrara tiegħi. Din il-ħaġa kienet tortura għalija. Meta rajt li kont qiegħda nirċievi ftit li xejn għajnuna mingħand il-bnedmin, jiena dort iżjed u iżjed lejn Ġesu’, l-aqwa għalliem fosthom kollha. Darba, meta kont mimlija dubji jekk il-vuċi li kont qiegħda nisma’ kenitx ġejja mill-Mulej jew le, bdejt nitkellem ma’ Ġesu’ ġewwa fija mingħajr ma lissen l-ebda kelma. F’daqqa waħda ħassejtni mkaxkra minn forza ġewwinija u għidt: “Jekk Inti li qiegħed tikkomunika u titkellem miegħi Int veramnet Alla tiegħi, nitolbok, O Mulejja, agħmel li din it-tifla tmur tqerr illum stess; dan is-sinjal lili jgħinni nkun żgura minni nnifsi.” F’dak il-ħin stess, it-tifla talbet sabiex tmur tqerr.

 

Il-Madre li kienet tieħu ħsieb il-klassi stagħġbet b’din l-bidla li seħħet fiha f’daqqa waħda, imma ħadet l-inkarigu li ssejjaħ saċerdot immedjatament, u din il-persuna qerret b’sobgħa kbira. Fl-istess waqt smajt vuċi fija tgħid: Qiegħda temminni issa? U għal darb’oħra setgħa stramba mliet lil ruħi, u saħħitni u assiguratni hekk li jiena stess bqajt mistagħġba li kont ħallejt id-dubju jirbaħni wkoll għal waqt wieħed biss.

 

 

 

75.                       Imma dawn id-dubji dejjem jiġu minn barra, fatt li ġegħelni ningħalaq dejjem iżjed u iżjed ġewwa fija. Meta, waqt il-qrar, inħoss li s-saċerdot mhux ċert, ma niftaħx ruħi sa l-aħħar, imma nieqaf milli nakkuża lili nnifsi minn dnubieti. Saċerdot li mhux fil-paċi miegħu nnifsu ma jkunx kapaċi jispira l-paċi f’ruħ oħra.

 

Intom is-saċerdoti, intom xemgħat jixgħelu sabiex jagħtu dawl lill-erwieħ tal-bnedmin; tħallu qatt id-dawl tagħkom jitbaxxa. Jiena fhimt li f’dak il-waqt ma kenitx ir-rieda ta’ Alla li nikxef  beraħ ir-ruħ tiegħi. Iktar tard, Alla tahieli din il-grazzja.

 

 

 

76.                       O Ġesu’ tiegħi, mexxili lil moħħi, hu pussess tal-esseri kollu tiegħi, agħlaqni fil-qiegħ tal-Qalb Tiegħek u ħarisni mill-attakki tal-għadu. It-tama waħdanija tiegħi hija Fik. Tkellem permezz ta’ fommi meta jiena, li minix ħlief miżerja, insib ruħi mas-setgħanin u mal-għorrief, sabiex huma jkunu jafu li din il-opra hija Tiegħek u ġejja minnek.

 

 

 

Dlam u Tentazzjonijiet

77.                       Moħħi ddallam b’mod stramb; l-ebda verita’ ma kienet ċara għalija. Meta kienu jkellmuni fuq Alla, qalbi kienet tkun bħal blata. Ma stajt niġbed minnha l-ebda sentiment ta’ mħabba għalih. Meta ppruvajt, bi sforz tar-rieda tiegħi, nibqa’ qrib Tiegħu, għaddejt minn turmenti kbar, u deherli li kont qiegħda biss nipprovoka lil Alla għal korla dejjem akbar. Kien għal kollox impossibli għalija nimmedita bħalma kont imdorrija nagħmel fl-imgħoddi. F’ruħi kont inħoss vojt kbir, u ma kien hemm xejn li bih stajt nimlih. Bdejt nbati ġuħ kbir u xenqa għal Alla, imma rajt li ma kelli l-ebda saħħa nagħmel xejn. Ippruvajt naqra bil-mod sentenza b’sentenza, u nimmedita b’dan il-mod, imma dan wkoll ma swieli xejn. Ma fhimt xejn minn dak li kont qiegħda naqra.

 

Quddiem għajnejja kien hemm il-ħin kollu l-abbiss tal-miżerja tiegħi. Kull darba li kont nidħol fil-kappella għal xi prattika spiritwali, kont inħoss turmenti u tentazzjonijiet li kienu ħafna agħar. Iktar minn darba, matul il-Quddiesa kollha, kelli nitqabad ma’ ħsibijiet li kienu jfissru dawgħa u li kienu qedgħdin jisfurzaw ruħhom fuq xofftejja biex inlissinhom. Kont inħoss antipatija għas-Sagramenti, u deherli li ma kont qiegħda nakkwista xejn minnhom. Kien biss b’ubbidjenza lejn il-konfessur tiegħi li jiena bqajt niffrekwentahom, u din l-ubbidjenza għamja kienet għalija it-triq waħdanija li jiena stajt nimxi fiha, u t-tama tal-aħħarnett li stajt ikolli sabiex nibqa’ miexja. Is-saċerdot fissirli kif dawn kienu provi li Alla kien qiegħed jibgħatli u li, fis-sitwazzjoni li jiena sibt ruħi fiha, mhux biss ma kontx qiegħda noffendi lil Alla, imma kont qiegħda nogħġbu ħafna. “Dan huwa sinjal”, qalli, “li Alla jħobbok ħafna u li Hu għandu fiduċja kbira fik, la Huwa qiegħed jibgħatlek provi bħal dawn.” Imma dan il-kliem ma ġabli l-ebda faraġ; deherli li ma kien japplika bl-ebda mod għalija.

 

Ħaġa waħda kienet tgħaġġibni: spiss kien jiġri li, fiż-żmien meta kont inkun għaddejja minn tbatijiet kbar, dawn it-turmenti terribli kienu jgħibu f’daqqa waħda hekk kif nersaq lejn il-konfessinarju; imma malli kont inħalli l-konfessinarju, dawn it-turmenti kollha kienu jerġgħu jaqbdu miegħi bi ħruxija ikbar. Jiena kont imbagħad naqa’ wiċċi fl-art quddiem is-Sagrament Imqaddes u noqgħod intenni dan il-kliem: “Ħa joqtolni jekk irid, m’iniex se nitkexkex!” (Ġob. 13, 15) Deherli li kont ser immut f’dawn l-aguniji. Imma l-iktar ħsieb terribli għalija kien il-konvinzjoni li Alla ma jridx jaf iżjed bija. Imma kienu jiġuni ħsibijiet oħrajn: Għalfejn tissielet sabiex tikseb il-virtujiet u tagħmel opri tajba? Għalfejn timmortifika u xxejjen lilek innifsek? X’hemm tajjeb filli tieħu l-voti? F’li nissagrifika lili nnifsi l-ħin kollu? X’hemm tajjeb f’dan kollu – jekk Alla diġa dawwar wiċċu minni? Għalfejn dawn l-isforzi kollha? U hawn, Alla biss jaf x’kien għaddej ġewwa qalbi.

 

 

 

78.                       Darba meta kont mgħaffġa taħt dawn it-tbatijiet tal-biża’, mort fil-kappella u ħareġ dan il-kliem mill-qiegħ ta’ ruħi: “Agħmel bija dak li trid, O Ġesu’. Jiena nadurak f’kollox, Tkun magħmula fija r-rieda Tiegħek, O Mulejja u Alla tiegħi, u nfaħħar il-ħniena Tiegħek bla qies.” B’dan l-att ta’ sottomissjoni, dawn it-turmenti terribli ħallewni. F’daqqa waħda rajt lil Ġesu’, li qalli: Jiena dejjem fil-qalb tiegħek. Ferħ li ma jistax jitfisser bil-kliem daħal ġewwa ruħi, u mħabba kbira għal Alla qabbdet lil qalbi bin-nar. Qiegħda nara li Alla qatt ma jippruvana iktar milli aħna kapaċi nsofru. Jiena ma nibża’ minn xejn; jekk Alla jibgħat lil xi ruħ tbatija hekk kbira, Huwa jweżinha bi grazzja li hija ikbar, għalkemm aħna dan ma nkunux qedgħin narawh. Att wieħed ta’ fiduċja fi żminijiet bħal dawn jagħti glorja ikbar lil Alla minn siegħat sħaħ li ngħaddu fit-talb mimli bil-konsolazzjonijiet. Issa jiena qiegħda nara li, jekk Alla jrid iħalli lil xi ruħ fid-dlam, l-ebda ktieb, l-ebda konfessur ma jkun jista’ jagħtiha dawl.

 

 

 

79.                       Marija, Omm u Sinjura tiegħi, jiena noffrilek ruħi, ġismi, ħajti u mewti, u dak kollu li jiġi wara. Jiena nqiegħed kollox f’idejk, Omm tiegħi, iksili lil ruħi bil-mantar verġinali tiegħek u agħtini l-grazzja tas-safa fil-qalb, fir-ruħ u fil-ġisem. Iddefendini bil-qawwa tiegħek kontra l-egħdewwa kollha, u l-aktar kontra dawk li jaħbu l-malizzja tagħhom wara l-maskra tal-virtu’.O ġilju sabiħ! Inti mera għalija, O Omm tieghi!

 

 

 

80.                       O Ġesu’, Priġunier Divin tal-Imħabba, meta jiena nqis l-Imħabba Tiegħek u kif Inti żvujtajt lilek innifsek għalija, is-sensi tiegħi ma jibqgħux jaħdmu. Inti taħbi l-majesta’ Tiegħek li ħadd ma jista jistħajjilha u ċċekken Lilek innifsek biex tinżel ħdejn il-miżerja tiegħi. O Sultan tal-Glorja, għalkemm Inti taħbi s-sbuħija Tiegħek, l-għajnejn ta’ ruħi jċarrtu l-velu. Jiena nara l-korijiet tal-Angli jagħtuk il-qima mingħajr qatt ma jieqfu u s-Setgħat kollha tas-Sema jfaħħruk bla waqfien u qegħdin jgħidu dejjem; Qaddis, Qaddis, Qaddis.

 

Min jista’ jifhem l-imħabba Tiegħek u l-ħniena Tiegħek bla tarf għalina! O Priġunier tal-Imħabba, jiena sejra naqfel il-qalb imsejkna tiegħi f’dan it-tabernaklu, sabiex tkun tista’ tadurak bla waqfien lejl u nhar. Ma nista’ nara l-ebda ostaklu f’din l-adorazzjoni, u għalkemm fil-ġisem inkun ‘il bogħod, qalbi tkun dejjem Miegħek. Xejn ma jista’ jwaqqaf l-imħabba tiegħi għalik. M’hemm l-ebda ostakli għalija. O Ġesu’ tiegħi, sejra nfarrġek għall-ingratitudni kollha, id-dagħa, il-bruda, il-mibegħda tal-ħżiena, is-sagrileġġi. O Ġesu’, rrid naqbad bħal offerta safja u niġi kkonsmata quddiem it-tron moħbi Tiegħek. Qiegħda nitkarrab quddiemek bla waqfien għall-midinbin imsejkna li jinsabu fil-waqt tal-mewt. 

 

 

 

81.                       O Trinita’ Qaddisa, Alla wieħed u li ma jistax jinqasam, jalla tkun imbierek għal dan id-don kbir u testment tal-ħniena. Ġesu’ tiegħi, sabiex inpatti għal dawk li jidgħu jiena ser inżomm is-skiet meta xi ħadd iċanfarni b’mod inġust u hekk nagħmillek tpattija parzjali. Ġewwa ruħi qiegħda nkantalek innu li m’għandux tmiem, u ħadd ma jkun jista’ jissospetta jew jifhem dan. Il-għanja ta’ ruħi tafha Inti biss, O Ħallieq u Mulej tiegħi!

 

82.                       Minix ser inħalli lili nnifsi nkun hekk mehdija bir-riefnu tax-xogħol li ninsa lil Alla. Jiena ser ngħaddi l-ħin ħieles tiegħi kollu f’riġlejn l-Imgħallem moħbi fis-Sagrament Imqaddes. Huwa ilu jgħallimni mill-iktar snin bikrin tiegħi.

 

83.                       Ikteb dan: qabel ma Jiena niġi bħala l-Imħallef il-Ġust, Jiena ġej l-ewwel bħala s-Sultan tal-Ħniena. Qabel il-Jum tal-Ġustizzja Tiegħi, ser jingħata lill-bnedmin sinjal fis-smewwiet ta din ix-xorta: Ser jintefa d-dawl kollu fis-smewwiet, u ser ikun hemm dalma kbira fuq id-dinja kollha. Imbagħad jidher fis-sema s-sinjal tas-Salib, u mill-ftuħ fejn l-idejn u r-riġlejn tas-Salvatur kienu msammrin, joħorġu dwal kbar li jdawlu l-art għal xi żmien. Dan isehh ftit qabel l-aħħar jum.

 

84.                       O Demm u Ilma, li ħriġtu mill-Qalb ta Ġesu , bħala għajn ta Ħniena għalina, jiena nafda Fik!

 

Vilnius. 2 ta’ Awissu, 1934  

85.                        Il-Ġimgħa, wara it-Tqarbin Imqaddes, jiena ġejt meħuda fl-ispirtu quddiem it-tron ta’ Alla. Hemmhekk rajt is-Setgħat tas-sema jfaħħru lil Alla bla waqfien. Li hemm mit-tron rajt dija fejn ma jistgħux jidħlu l-ħlejjaq, u hemm jidħol biss il-Verb Inkarnat bħala l-Mejdatur. Meta Ġesu’ daħal f’dan id-dawl, jiena smajt dan il-kliem, Ikteb mill-ewwel dak li inti qiegħda tisma’: Jiena l-Mulej fl-essenza Tiegħi u minix suġġett għal ordnijiet jew bżonnijiet. Jekk jiena noħloq il-kreaturi -  dak huwa l-abbiss tal-ħniena Tiegħi. U f’dak l-istess waqt sibt ruħi, bħal qabel fil-kappella tagħna fuq l-inġinokkjatur tiegħi, hekk kif spiċċat il-Quddiesa. Jiena diġa’ kelli dal-kliem miktub.

 

86.                        + (Darba) meta jiena rajt kemm il-konfessur tiegħi (x’aktarx Dun Sopocko) kellu jbati minħabba dan ix-xogħol li Alla kien ser iwettaq permezz tiegħu, għal xi waqtiet qabadni l-biża, u ghidt lill-Mulej, "Ġesu, din hi l-biċċa Tiegħek, imma għaliex qiegħed iġġib ruħek hekk miegħu? Jien jidhirli li Inti qiegħed toħloqlu d-diffikultajiet filwaqt li, fl-istess ħin, qiegħed tordnalu li jagħmel xi ħaġa."

Ikteb li, lejl u nhar, Jiena qiegħed inħares lejh il-ħin kollu, u Jiena qiegħed nippermetti dan it-tfixkil biex inżidlu l-merti. Jiena ma nagħtix premju għar-riżultati tajbin imma għall-paċenzja u għat-tbatija li wieħed ikun għadda minnhom minħabba Fija.

 

Vilnius, 26 ta’ Ottubru, 1934

87.                       Il-Ġimgħa fis-sitta neqsin għaxra, filwaqt li jiena u xi wħud mit-tfajliet li huma afdati f’idejna(nota38) konna deħlin mill-ġnien biex nieklu, jien rajt ‘il-Mulej Ġesu’ fuq il-kappella tagħna, hekk kif kien l-ewwel darba li rajtu u kif inhu mpinġi fix-xbieha. Iż-żewġ raġġi li kienu ħerġin mill-qalb ta’ Ġesu’ ksew il-kappella tagħna u l-infermerija, u mbagħad il-belt kollha, u nfirxu fuq id-dinja kollha. Dan kollu dam xi erba’ minuti u għeb. Waħda mit-tfajliet, li kienet miexja miegħi ftit passi wara l-oħrajn, hi wkoll rat dawn ir-raġġi, imma ma ratx lil Ġesu’, u ma kenitx taf minn fejn kienu ġejjin dawn ir-raġġi. Baqgħet mistagħġba u marret tgħid lit-tfajliet l-oħra. Dawn bdew jidħku biha, u ssuġġerew li kienet qed timmaġina l-affarijiet jew forsi kien dawl rifless minn ajruplan li nzerta għaddej. Imma hi baqgħet tinsisti għax kienet konvinta minn dak li rat, għax qalet li qatt ma kienet rat raġġi bħal dawk. Meta l-oħrajn issuġġerew li seta’ kien ‘searchlight’, hija wieġbet li kienet taf tajjeb x’kien ‘searchlight’, imma hi qatt ma kienet rat raġġi bħal dawk. Wara l-ikel, it-tifla resqet lejja u qaltli li ħassitha hekk kommossa meta rat dawn ir-raġġi li ma setgħetx iżomm is-skiet, imma riedet tgħid lil kulħadd bihom. Imma lil Ġesu’ ma kenitx ratu. Hija baqgħet tgħidli b’dawn ir-raġġi, u dan lili poġġietni f’sitwazzjoni mbarazzanti, billi jiena ma stajtx ngħidilha li kont rajt ’il-Mulej Ġesu’. Jiena tlabt għaliha, u lill-Mulej tlabtu sabiex jagħtiha dawk il-grazzji li hi kellha bżonn. Qalbi ferħet għall-fatt li Ġesu’ jieħu l-inizjattiva sabiex insiru nafuh, għalkemm l-okkażjoni ta’ ħidma bħal din min-naħa Tiegħu lili ġġibli għafsa ta’qalb. Għal Ġesu’, wieħed jista’ jissaporti kollox.

 

 

 

88.                       + Waqt l-adorazzjoni ħassejt lil Alla qrib tiegħi. Mument wara rajt lil Ġesu’ u lil Marija. Malli rajthom imlejt bil-ferħ, u staqsejt lill-Mulej, “X’inhi r-rieda Tiegħek, Ġesu’, fuq dik il-biċċa xogħol li fuqha l-konfessur tiegħi qalli nistaqsik?” Ġesu’ wieġeb, Hija r-rieda Tiegħi li hu jibqa’ hawnhekk u li m’għandux jieħu l-inizjattiva li jeżenta lilu nnifsu. Jiena staqsejt lil Ġesu’ jekk il-kitba kellihiex tkun: ‘Kristu, Sultan tal-Ħniena.’ Huwa wieġeb, Jiena Sultan tal-Ħniena, imma ma qalx ‘Kristu’. Jiena nixtieq li din x-xbieha tiġi esposta fil-pubbliku fl-Ewwel Ħadd ta’ l-Għid. Dak il-Ħadd hija l-Festa tal-Ħniena. Permezz tal-Verb magħmul bniedem, Jiena ngħarraf il-fond bla qiegħ tal-ħniena Tiegħi.

 

 

89.                        + B’mod stramb seħħ kollox hekk kif kien talabni l-Mulej. Fil-fatt, kien l-Ewwel Ħadd tal-Għid (April 1935) li x-xbieha ġiet meqjuma fil-pubbliku minn folol ta’ nies għall-ewwel darba. Ġiet esposta għal tlett ijiem u rċeviet qima pubblika. Għax tpoġġiet fuq nett f’tieqa f’Ostra Brama (is-Santwarju tal-Madonna ‘l fuq mill-Bieb il-Lvant li jagħti għall-belt ta’ Vilnius), setgħu jarawha minn ħafna ‘l bogħod. F’Ostra Brama, matul dawn it-tlett ijiem, kien qed jiġi ċċelebrat l-għeluq tal-Ġublew tal-Fidwa tad-Dinja, li jfakkar id-dsatax-il mitt sena li għaddew mill-Passjoni tas-Salvatur tagħna. Jiena issa qiegħda nara li x-xogħol ta’ Fidwa hu marbut mal-ħidma ta’ ħniena li kienet ġiet mitluba mill-Mulej.

 

 

 

90.                       Darba, rajt ġewwa fija kemm kien ser ikollu jbati l-konfessur tiegħi: ħbieb jabbandunawk filwaqt li kulħadd iqum kontrik u s-saħħa fiżika tiegħek tibda tbatti. Rajtek bħal għanqud għeneb magħżul mill-Mulej u mitfugħ u mgħaffeġ bit-tbatija. Ruħek xi drabi għad tkun mimlija bid-dubji dwar din il-biċċa xogħol u dwari. Jiena rajt lil Alla stess kien qisu qiegħed idur kontrih, u jiena staqsejt lill-Mulej għaliex Hu kien qiegħed jaġixxi miegħu b’dan il-mod, bħallikieku kien qiegħed iqegħedlu l-ostakli meta hu kien qiegħed jipprova jagħmel dak li Alla stess kien qallu jagħmel. U l-Mulej qalli, Jiena qiegħed naġixxi miegħu b’dan il-mod biex nagħti xhieda li din l-opra hija Tiegħi. Għidlu li m’għandu jibża’ xejn; Jiena qiegħed inħares lejh lejl u nhar. Għad ikun hemm daqshekk kuruni sabiex jiffurmaw il-kuruna tiegħu daqskemm ikun hemm erwieħ li jsalvaw permezz ta’ din l-opra. Jiena nagħti l-premju mhux minħabba s-suċċess ta’ xi biċċa xogħol, imma minħabba fit-tbatija.

 

 

 

91.                       O Ġesu’ tiegħi, Inti biss taf kemm inabti persekuzzjonijiet, u dan kollu mhux għal ħaġ’ oħra ħlief għax jiena bqajt fidila lejk u qiegħda nsegwi l-ordnijiet Tiegħek. Inti s-saħħa tiegħi. Żommni sabiex jiena nkun nista’ dejjem nagħmel dak li Inti titlob mingħandi. Waħdi  ma nista’ nagħmel xejn, imma meta Inti żżommni, id-diffikultajiet kollha ma jsiru jfissru xejn għalija. O Mulejja, qiegħda nara sewwa li, minn meta ruħi rċeviet għall-ewwel darba l-kapaċita’ li tagħarfek, ħajti saret taqbida kontinwa li, kull ma jmur, bdiet issir dejjem iżjed qawwija.

 

Kull filgħodu waqt il-meditazzjoni, jiena nħejji ruħi għat-taqbida ta’ ġurnata sħiħa. It-Tqarbin Imqaddes jagħtini ċ-ċertezza li ser nikseb ir-rebħa; u hekk jiġri. Nibża’ f’dak il-jum meta ma nitqarbinx. Dan il-Ħobż tal-Qawwijin jagħtini s-saħħa kollha li għandi bżonn biex inkompli l-missjoni tiegħi u l-kuraġġ biex nagħmel kull ħaġa li l-Mulej jista’ jitlob mingħandi. Il-kuraġġ u s-saħħa li hemm ġewwa fija m’humiex ġejjin minni nnifsi, imma mingħand Dak li jgħix ġewwa fija – din hi l-Ewkaristija.

 

O Ġesu’ tiegħi, kemm –il darba ma jifhmunix; xi drabi, li kieku ma kienx għall-Ewkaristija, ma kienx ikolli l-kuraġġ biex inkompli fit-triq li Inti għażiltli.

 

 

92.                      L-umiljazzjoni hi l-ikel tiegħi ta’ kuljum. Jiena nifhem li l-għarusa għandha taqsam kollox li hu tal-għarus; u għalhekk il-mantar Tiegħu taż-żufjett irid li jiksi lili wkoll. F’dawk il-waqtiet meta nkun qiegħda nbati ħafna, nipprova nżomm is-skiet, għax ma nafdax lil ilsieni li, f’dak il-ħin, ikollu t-tendenza li jitkellem waħdu, filwaqt li d-dmir tiegħu hu dak li jgħinni nfaħħar lil Alla għall-barkiet u r-rigali kollha li Huwa tani. Meta nirċievi lil Ġesu’ fit-Tqarbin Imqaddes, nitolbu bil-ħerqa sabiex jindenja ruħu jfejjaqli lsieni biex jiena ma noffendix bih la lil Alla u lanqas lill-proxxmu. Jiena rrid li lsieni jfaħħar lil Alla bla waqfien. Kbar huma l-iżbalji li l-ilsien jagħmel. Ir-ruħ ma tiksibx il-qdusija jekk ma toqgħodx attenta għal ilsienha.

 

 

 

93.                       + Verżjoni Qasira tal-Katekiżmu tal-Voti (nota39)

 

M.  X’inhu vot?

T.  Vot huwa wegħda li wieħed jagħmel minn rajh lil Alla, biex huwa jwettaq att iktar perfett.

 

M.  Il-vot jorbot f’ħaġa li tinsab fi kmandament?

T.   Iva. Meta wieħed iwettaq ħaġa li tinsab fi kmandament, dan ikollu    valur u mertu doppju, u meta wieħed jittraskura din il-ħaġa, dan ikun ksur doppju u ħażin, għax meta wieħed jikser vot bħal dan, inżidu mad-dnub kontra l-kmandament id-dnub sagrileġġ.

 

M.  Għaliex il-voti reliġjużi għandhom daqshekk valur?

T.   Għax huma l-pedament tal-ħajja reliġjuża approvata mill-Knisja, li fiha l-membri marbutin flimkien f’komunita’ reliġjuża jwiegħdu li dejjem jistinkaw għall-perfezzjoni permezz tat-tliet voti reliġjużi ta’ faqar, kastita’ u ubbidjenza, li jiġu osservati skont ir-regoli.

 

M.  Xi jfisser il-kliem, ‘jistinkaw għall-perfezzjoni’?

T.   Li tistinka għall-perfezzjoni jfisser li l-ħajja reliġjuża minnha nnfisha ma titlobx li l-perfezzjoni tkun diġa’ akkwistajtha, imma tobbliga, taħt il-piena tad-dnub, li għandna kuljum naħdmu biex nakkwistawha. Għalhekk, reliġjuż li ma jridx isir perfett ikun qiegħed jittraskura d-dmir ewlieni tal-istat tiegħu.

 

M.  X’inhuma l-voti reliġjużi ‘solenni’?

T.   Voti reliġjużi solenni huma hekk assoluti li l-Papa biss f’każijiet staordinarji jista’ jagħti d-dispensa minnhom.

 

M.  X’inhuma l-voti reliġjużi sempliċi?

T.   Dawn huma voti li huma inqas assoluti – is-Santa Sede tagħti d-dispensa mill-voti perpetwi u dawk ta’ kull sena.

 

M.  X’inhi d-differenza bejn vot u virtu’?

T.   Vot għandu x’jaqsam biss ma’ dak li hu kkamandat taħt piena ta’ dnub; il-virtu’ tmur ‘il hinn min dan u tgħin sabiex wieħed iwettaq il-vot; min-naħa l-oħra, meta niksru l-vot nonqsu mill-virtu’ u nagħmlulha l-ħsara.

 

M.  Għalxiex jobbligawna l-voti reliġjużi?

T.   Il-voti reliġjużi jobbligawna nħabirku sabiex nakkwistaw il-virtujiet u sabiex nissottomettu ruħna għal kollox għas-Superjuri tagħna u għar-Regoli li għandhom jiġu obduti; hekk li ir-reliġjuż jagħti lilu nnifsu lill-Komunita’ u jiċħad kull dritt fuqu nnifsu u fuq l-azzjonijiet tiegħu, li huwa jissagrifikahom għas-servizz ta’ Alla.

 

Il-Vot tal-Faqar

 

Il-vot tal-faqar huwa ċ-ċaħda volontarja tad-dritt fuq il-propjeta’ jew għall-użu ta’ din il-propjeta’ bil-għan li wieħed jogħġob lil Alla.

 

M.  Ma’ liema oġġetti għandu x’jaqsam il-vot tal-faqar?

T. Dawk l-affarijiet u oġġetti kollha li huma tal-Komunita’. Ma jibqgħalniex l-ebda dritt fuq kull ħaġa, tkun xi tkun, li tingħata lilna, ladarba nkunu aċċettajnieha kemm jekk tkun oġġett jew flus. Dawn id-donazzjonijiet u rigali kollha, li forsi ngħataw lilna b’radd ta’ ħajr jew b’xi mod ieħor, bi dritt huma tal-Komunita’. Ma nistgħux nagħmlu użu, mingħajr ma niksru l-vot, minn xi paga li nkunu rċevejna għax-xogħol jew ukoll minn xi renti ta’ kull sena.

 

M.  Meta niksru jew nonqsu kontra l-vot f’xi ħaġa li għandha x’taqsam mas-seba’ kmandament?

T.  Niksruh jew nonqsu kontrieh meta, mingħajr permess, nieħdu daqslikieku kienet tagħna xi ħaġa li hi propjeta’ tad-dar; meta, mingħajr permess, inżommu għandna xi ħaġa sabiex nagħmluha tagħna; u meta, mingħajr awtorizzazzjoni, aħna nbiegħu jew inpartu xi ħaġa li hi tal-Komunita’. Meta aħna nagħmlu użu minn xi oġġett għal xi għan ieħor li ma jkunx l-intenzjoni tas-Superjur/a. Meta aħna nagħtu jew naċċettaw mingħand ħaddieħor kull ħaġa, tkun xi tkun, mingħajr permess. Meta bi traskuraġni neqirdu jew inħassru xi ħaġa. Meta filwaqt li mmorru minn dar għall-oħra, nieħdu magħna, xi ħaġa mingħajr permess. F’sitwazzjoni fejn il-vot jinkiser, ir-reliġjuża hu/hi obbligat li jrodd lura lill-Komunita’.

 

Il-Virtu’ tal-Faqar

 

Din hi virtu’ evanġelika li ġġiegħel lill-qalb tinqata’ minn affarijiet temporali; ir-reliġjuż, minħabba l-professjoni tiegħu, għandu obbligu strett li josservaha.

 

M.  Meta nidinbu kontra l-virtu’ l-faqar?

T.   Meta aħna nixtiequ xi ħaġa, li tmur kontra din il-virtu’. Meta aħna norbtu qalbna ma’xi ħaġa, u meta nagħmlu użu minn affarijiet mhux ta’ ħtieġa.

 

M.  Kemm –il grad ta’ faqar hemm u x’inhuma?

T.   Fil-prattika, hemm erba’ gradi ta’ faqar għal xi ħadd li hu reliġjuż professat: li ma jmiss xejn mingħajr il-kunsens tas-Superjuri (din hi ħaġa li tapplika strettament għall-vot); li tevita dak li hu żejjed u tikkuntenta bil-bżonnijiet (dan japplika għall-virtu’); li tikkuntenta minnufih b’affarijiet ta’ kwalita’ inferjuri f’dak li għandu x’jaqsam maċ-ċella, ilbies, ikel, eċċ; li jkollok esperjenza ta’ din il-kuntentizza ġewwa fik; u li tifraħ f’faqar estrem.

 

Il-Vot tal-Kastita’

 

M. Għalxiex jobbligana dan il-vot?

T.  Li ma niżżewġux u nevitaw dak kollu li hu pprojbit mis-sitta u mid-disa’ kmandament.

 

M. Difett kontra l-virtu’ hu ksur tal-vot?

T.  Kull difett kontra l-virtu’ huwa fl-istess waqt ksur tal-vot, għax hawn m’hawn l-ebda differenza, bħalma jiġri fil-kas tal-faqar u ta’ l-ubbidejenza, bejn il-vot u l-virtu’.

 

M.  Kull ħsieb ħażin hu dnub?

T.  Le, mhux kull ħsieb ħażin hu dnub; isir dnub biss meta r-rieda u l-kunsens jingħaqdu mal-ħsieb tal-moħħ.

 

M.  Hemm xi ħaġa oħra, minbarra d-dnubiet kontra l-kastita’, li tmur kontra din il-virtu’?

T.   Meta nonqsu li nħarsu s-sensi, l-imaġinazzjoni, is-sentimenti; il-familjarita’ u l-ħbiberiji sentimentali jmorru kontra din il-virtu’.

 

M.  X’inhuma l-mezzi li jippreżervaw din il-virtu’?

T.   Li nirbħu t-tentazzjonijiet interjuri bil-ħsieb tal-preżenza ta’ Alla, u wkoll li nissieltu bla ebda biża’. U għal dak li għandu x’jaqsam ma’ tentazzjonijiet esterni, li nevitaw okkażjonijiet. Hemm, b’kollox, seba’ mezzi prinċipali: li wieħed iħares is-sensi, jevita l-okkażjonijiet, jevita’ l-għażż, li jeħles mit-tentazzjonijiet minnufih, li jinqata’ mill-ħbiberiji kollha – u l-aktar dawk partikulari; l-ispirtu ta’ mortifikazzjoni, u li wieħed juri dawn it-tentazzjonijiet kollha lill-konfessur. Minbarra dan kollu, hemm ukoll ħames mezzi sabiex wieħed jipperserva din il-virtu’: umilta’, l-ispirtu ta’ talb, modestja fil-ħars, fedelta’ lejn ir-regola, devozzjoni sinċiera lejn il-Verġni Mbierka Marija.

 

Il-Vot ta’ l-Ubbidjenza

 

Il-vot tal-Ubbidjenza hu superjuri għat-tnejn l-oħrajn. Biex ngħidu l-verita’, hu olokawstu, u hemm iktar bżonnu għax huwa jifforma u janima l-ġisem monastiku.

 

M.  Għalxiex jobbligana l-vot tal-ubbidjenza?

T.   Permezz tal-vot tal-ubbidjenza, ir-reliġjuż iwiegħed lil Alla li jobdi lis-superjuri leġittimi tiegħu f’dak kollu li huma jordnaw skont ir-regola. Il-vot tal-ubbidjenza jagħmel lir-reliġjuż dipendenti fuq is-superjur tiegħu skont dawn ir-regoli għal ħajtu kollha u fl-affarijiet tiegħu kollha. Reliġjuż jikkometti dnub gravi kontra l-vot kull darba li ma jobdix ordni li tkun ġiet mogħtija b’ubbidjenza u skont dawn ir-regoli.

 

Il-Virtu’ tal-Ubbidjenza

 

Il-virtu’ tal-ubbidjenza tmur lil hemm mill-vot; hija tiġbor fiha r-regoli, regolamenti u wkoll il-pariri tas-Superjuri.

 

M.  Il-virtu’ tal-ubbidjenza hija indispensabbli għar-reliġjuż?

T.  Il-virtu’ tal-ubbidjenza hi hekk indispensabbli għal reliġjuż li, anke kieku hu kellu jagħmel opri tajba kontra l-ubbidjenza, dawn kienu jkunu ħżiena u bla ebda mertu.

 

M.  Nistgħu nidinbu b’mod serju kontra l-virtu’ ta’ l-ubbidjenza?

T.  Nidinbu b’mod serju meta ma nagħtux kas ta’ l-awtorita’ jew tal-ordni tas-superjur, jew meta tirriżulta ħsara spiritwali jew temporali lill-komunita’ mid-diżubbidjenza tagħna.

 

M.  Liema difetti jpoġġu l-vot fil-periklu?

T.   Li tkun preġudikat kontra is-superjur, jew li żżomm f’qalbek antipatija kontrieh – toqgħod tgerger u tikkritika, ma tobdix fil-pront u tittraskura.

 

Il-Gradi tal-Ubbidjenza

 

Twettieq mill-ewwel u sħiħ – ubbidjenza tar-rieda, meta r-rieda tikkonvinċi l-intellett li jissottometti ruħu għall-parir tas-superjur. Sabiex l-ubbidjenza ssir iktar faċli, San Inazju jissuġġerixxi, minbarra dawn, tliet mezzi: li aħna dejjem naraw lil Alla fis-Superjur tagħna, ikun min ikun; li niġġustifikaw fiha nnfisha l-ordni jew il-parir tas-superjur; li naċċettaw kull ordni bħallikieku ordni mingħand Alla, mingħajr ma noqogħdu ngħarbluha jew naħsbu fuqha. Mezz ġenerali: l-umilta’. Xejn m’hu diffiċli għal min hu umli.

 

 

94.                       Mulej, ħeġġiġli qalbi bl-imħabba għalik sabiex l-ispirtu tiegħi ma jgħejjiex fost il-maltempati, it-tbatijiet u l-provi. Int qiegħed tara kemm jiena dgħajfa. L-imħabba tista’ tagħmel kollox.

 

 

 

95.                       + Għarfien iktar profond ta’ Alla u t-Terrur tar-Ruħ

 

Fil-bidu, Alla jippermetti li aħna nagħarfuh bħala Qdusija, Ġustizzja, Tjubija - jiġfieri, Ħniena. Ir-ruħ ma ssirx taf dan f’daqqa waħda, imma ftit ftit, f’waqtiet li jiġu fuqha bħal leħħiet ta’ berqa; jiġifieri, meta Alla jersaq viċin. U dan ma jdumx ħafna, għax ir-ruħ dawl bħal dan ma tkunx tista’ tifilħu. Waqt it-talb ir-ruħ iġġarrab esperjenzi ta’ leħħiet ta’ dan id-dawl li jagħmluhiela impossibbli li hi tkompli titlob bħalma kienet tagħmel qabel. Tipprova kemm tipprova tisforza ruħha hija titlob bħalma kienet tagħmel qabel, ikun kollu għalxejn; isir għal kollox impossibbli għaliha li tkompli titlob bħalma  kienet qabel ma rċeviet dan id-dawl. Dan id-dawl li mess ir-ruħ huwa ħaj ġewwa fiha, u xejn ma jista’ jitfih jew inaqqsu. Dan il-mument ta’ dawl tal-għarfien ta’ Alla jiġbed ir-ruħ lejh u jqabbadha bin-nar ta’ l-imħabba tagħha għalih. Imma dan l-istess waqt ta’ dawl, fl-istess ħin, jippermetti lir-ruħ issir taf lilha nnfisha hekk kif inhi; ir-ruħ tara l-intern kollu tagħha f’dawl superjuri u hija tqum allarmata u mwerwra. Imma ma tibqax taħt l-effetti tat-terrur, iżda tibda issaffi lilha nnfisha, tumilja u ċċekken lilha nnfisha quddiem il-Mulej. Dawn id-dwal isiru iktar qawwijin u iktar spiss; iktar mar-ruħ issir kristallizzata, iktar dawn id-dwal jinfduha. Imma, jekk ir-ruħ tkun wieġbet bil-fedelta’ u bil-kuraġġ għal dawn il-grazzji tal-ewwel, Alla jimlieha bil-konsolazzjonijiet Tiegħu u jingħata lilha b’mod li jidher. F’ċerti waqtiet, ir-ruħ bħallikieku tidħol f’intimita’ ma’ Alla u tifraħ ħafna b’din il-ħaġa; hija temmen li tkun diġa’ laħqet il-grad tal-perfezzjoni li jkun ddestinat għaliha, għax id-difetti u n-nuqqasijiet tagħha jkunu reqin ġewwa fiha, u dan iġegħelha taħseb li m’għandhomx jeżistu. Quddiemha xejn ma jkun jidher diffiċli; tkun lesta għal kollox. Tibda tintelaq f’Alla u dduq il-ħlewwiet divini. Hija tinġarr mill-grazzja u ma tagħtix kas tal-fatt li jista’ jiġi ż-żmien tal-prova. U, fil-fatt, dan l-istat ma jkollux ħajja wisq twila. Waqtiet oħrajn dalwaqt jiġu. Hawnhekk irrid inżid, li r-ruħ twieġeb b’fedelta’ ikbar għall-grazzja divina jekk ikollha konfessur li jkun informat tajjeb u li fih tkun tista’ tafda kollox.

 

 

96.                       + Tiġrib li Alla jibgħat lil ruħ li Huwa jħobb b’mod speċjali. Tentazzjonijiet u dlam; Satana.

 

L-imħabba tar-ruħ (għal Alla) għadha mhix bħalma Alla jixtieqha li tkun. Ir-ruħ f’daqqa waħda titlef  is-setgħa li biha tista’ tħoss u tifhem il-preżenza ta’ Alla. Ġewwa fiha jibdew telgħin fil-wiċċ difetti u imperfezzjonijiet diversi u hija trid tiġġeldilhom bil-qawwa kollha tagħha. Id-difetti kollha tagħha jgħollu rashom, imma r-ruħ tkun qiegħda tagħmel sahra attenta ħafna. Fejn qabel hija kienet tagħraf il-preżenza ta’ Alla, issa qiegħda tħoss kesħa u nixfa spiritwali; ir-ruħ m’għandha l-ebda aptit ta’ eżerċizzi spiritwali; ma tistax titlob, la bil-mod antik, lanqas bil-mod li bih hija għadha kif bdiet titlob. Hija tikkumbatti daqqa mod u daqqa ieħor, imma ma tkun tista’ ssib l-ebda sodisfazzjon. Alla nħeba minnha, u hija ma tista’ ssib l-ebda konsolazzjoni fil-ħolqien, u l-ebda waħda minn dawn il-kreaturi ma tkun tista’ ssib mezz kif tikkonslaha. Ir-ruħ tixxennaq għal Alla bit-tqanqil kollu ta’qalbha, imma hija tara l-miżerja tagħha stess; hija tibda tagħraf il-ġustizzja ta’ Alla; jidhrilha li tilfet id-doni kollha li Alla kien taha; moħħha jibda jonqoslu d-dawl, u jimtela bid-dlam; tibda tortura li ma titfissirx bil-kliem. Ir-ruħ tipprova tfisser l-istat tagħha lill-konfessur, imma hu ma jifhmihiex u nkwiet ikbar jagħmel għaliha. Satana jibda xogħolu.

 

97.                       Il-fidi tibda tixxengel taħt id-daqqiet; it-taqbida hija ħarxa. Ir-ruħ tipprova tagħmel mill-aħjar biex tibqa’ mqabbda ma’ Alla b’att tar-rieda tagħha. Bil-permess ta’ Alla, Satana jkompli jattakka iżjed: it-tama u l-imħabba jiġu sottomessi għall-prova. Dawn it-tentazzjonijiet huma terribli. Nistgħu ngħidu lil Alla jkun qiegħed iwieżen lir-ruħ fil-moħbi. Ir-ruħ dan ma tintebaħx bih, imma, kieku ma kienx hekk, kien ikun impossibbli li tibqa’ soda, u Alla jaf tajjeb ħafna kemm Huwa jista’ jippermetti li r-ruħ tiġġarrab. Ir-ruħ ikollha t-tentazzjoni li ma temminx veritajiet rivelati u li ma tkunx sinċiera mal-konfessur tagħha. Satana jgħidilna: ‘Ara, ħadd m’hu jifhmek; għalfejn titkellem dwar dan kollu?’ Hija tibda tisma’ kliem li jwerwirha, u lir-ruħ jidhrilha li tkun qiegħda tgħid dan il-kliem kontra Alla. Hija tara dak li ma tridx. Tisma’ dak li ma tridx. U kemm hija ħaġa terribli f’waqtiet bħal dawn li ma jkollokx konfessur ta’ esperjenza! Ir-ruħ tkun qiegħda ġġorr il-piż kollu waħedha. Imma wieħed għandu jagħmel kull sforz sabiex isib, jekk hu b’xi mod possibbli, konfessur li jkun informat tajjeb, għax ir-ruħ tista’ togħtor taħt il-piż u tasal fix-xifer tal-preċipizzju. Dawn il-provi kollha huma tqal u diffiċli. Alla ma jibgħathomx lil xi ruħ li Huwa ma jkunx diġa’ daħħalha f’intimita’ iktar profonda Miegħu u li tkun għadha ma daqitx il-ħlewwiet divini. Minbarra dan, f’dan kollu Alla għandu l-pjani Tiegħu, li aħna ma nistgħux nidħlu ġewwa fihom. Hekk Alla spiss iħejji ruħ għall-pjani Tiegħu fil-ġejjieni u għal xogħolijiet kbar. Huwa jkun irid iġarrabha bħalma jgħarblu d-deheb safi. Imma dan għadu mhux it-tmiem tal-prova; għad baqa’ l-iktar prova iebsa – meta Alla jitlaq lir-ruħ għal kollox.

 

+ L-iktar prova iebsa – Abbandun sħiħ -  Disperazzjoni

98.                       Meta r-ruħ toħroġ rebbieħa mill-provi li ġew qabel, għalkemm tkun ser taqa’ ‘l hemm u ‘l hawn, hija tkompli tissielet b’ħilitha kollha u bl-umilta’ ssejjaħ lil Alla: “Salvani, jiena qiegħda nintilef!” U hija tkun kapaċi tibqa’ tiġġieled.

 

Imma f’dan il-punt, ir-ruħ tkun tinsab mgħarrqa f’lejl terribbli. Hija tara ġewwa fiha d-dnub biss. Tħossha terribbli. Tara lilha nnfisha mitluqa għal kollox minn Alla. Tħoss li hija l-oġġett tal-mibgħeda Tiegħu. Hija pass wieħed biss ‘il bogħod mid-disperazzjoni. Ir-ruħ tagħmel mill-aħjar biex tiddefendi lilha nnfisha; tipprova tqajjem ġewwa fiha l-fiduċja tagħha; imma t-talb huwa għaliha turment ikbar, għax dan it-talb qisu jqajjem lil Alla għal korla dejjem ikbar. Ir-ruħ issib lilha nnfisha fuq il-quċċata ta’ muntanja għolja fuq ix-xifer ta’ preċipizzju. Ir-ruħ tinġibed lejn Alla, imma tħoss li qiegħda tiġi rrifjutata. It-tbatija u t-torturi l-oħrajn kollha li hawn fid-dinja m’huma xejn meta jiġu mqabblin ma’ din is-sensazzjoni li fiha hija ġiet mitfugħa – jiġifieri, dik lil Alla ma jridx jaf biha iżjed. Ħadd ma jista’ jserraħha bl-ebda mod; hija ssib ruħha għal kollox waħeda; m’hemm ħadd li jista’ jiddefendiha. Hija tgħolli għajnejha lejn is-sema, imma hija konvinta li din mhix għaliha – għaliha kollox huwa mitluf. Hija taqa’ dejjem iktar ‘l isfel minn dlam għal dlam, u jidhrilha li tilfet għal dejjem lil Alla li hija hekk kienet tħobb. Dan il-ħsieb huwa tortura li ma tistax tiddeskrivieha. Imma r-ruħ ma taqbilx ma’ dan il-ħsieb u tipprova tħares ‘il fuq lejn is-sema, imma kollu għal xejn! U dan jagħmel it-tortura dejjem iżjed qawwija.

 

Jekk Alla jkun jixtieq iżomm lir-ruħ f’dalma bħal din, ħadd ma jkun jista’ jagħtiha d-dawl. Hija jkollha esperjenza taċ-ċaħda ta’ Alla b’mod ħaj u tal-biża’. Minn qalbha joħroġ tnehid ta’ uġigħ hekk kbir li l-ebda saċerdot ma jkun jista’ jifhmu għallinqas jekk huwa stess ma jkunx għadda minn provi bħal dawn. F’nofs dan kollu, l-ispirtu ħażin ikompli jżid mat-tbatija tar-ruħ meta jwaqqagħha għaċ-ċajt: “Ser tkompli tkun fidila? Dan hu l-premju tiegħek; inti tinsab f’idejna!” Imma Satana għandu jkun biss influwenza fuq ir-ruħ daqskemm Alla jippermettilu, u Alla jaf kemm aħna nifilħu nissaportu. “X’ ħadt mill-mortifikazzjonijiet tiegħek” Satana jsaqsieha, “u mill-fedelta’ tiegħek tar-regola?” X’jiswew dawn l-isforzi kollha? Alla ċaħdek!” Din il-kelma, ċaħda, issir nar li jinfed kull nerv sal-mudullun tal-għadam. Ixxoqq ġewwa fiha, kollha kemm hi. Il-prova tan-nar tilħaq il-quċċata tagħha. Ir-ruħ ma tibqa’ tfittex għajnuna mkien. Hija tinxtorob u tidħol f’qoxritha u ma tibqa’ tara xejn; huwa bħallkieku hija aċċettat it-tortura li tiġi abbandunata. Dan huwa waqt li jiena ma nistax infissru bil-kliem. Din hija l-agunija tar-ruħ.

 

 

99.                       Meta dan il-waqt kien qiegħed joqrob għall-ewwel darba, jiena ġejt maħtufa minnu permezz tal-ubbbidjenza qaddisa. Id-Direttriċi tan-Novizzi, alarmata bid-dehra tiegħi, bagħtitni nqerr, imma l-konfessur ma fehmnix, u jiena ma ħassejt l-ebda serħan. O Ġesu’, agħtina saċerdoti bl-esperjenza!

 

Meta jiena għidt lil dan is-saċerdot li kont għaddejja minn torturi nfernali, huwa wieġeb li ma kinex qiegħed jinkwieta dwar ruħi, għax fiha kien qiegħd jara grazzja kbira mingħand Alla. Imma jien ma fhimt xejn minn dan, u l-ebda xaqq ta’dawl ma feġġ f’ruħi.

 

 

100.                 Imma bdiet tonqosni s-saħħa fiżika tiegħi, u ma stajtx inkompli nwettaq dmirijieti iżjed. U lanqas ma stajt inkompli naħbi t-tbatijiet tiegħi. Għalkemm ma lissint l-ebda kelma dwarhom, il-bixra ta’ uġigħ fuq wiċċi ttradietni. Is-Superjura qaltli li s-sorijiet kienu marru għandha jgħidulha li, meta jħarsu lejja fil-kappella, jitqanqlu u jitħassruni għax għandi dehra hekk terribbli. Imma minkejja l-isforzi kollha, ir-ruħ ma tkunx tista’ taħbi tbatija bħal din.

 

 

101.                 Ġesu’, inti biss taf kif ir-ruħ, mgħaddsa fid-dlam, titniehed f’nofs dawn it-turmenti, u, minkejja dan kollu, tħossha għatxana għal Alla bħalma xufftejn jaqbdu bin-nar iħossu l-għatx għall-ilma. Hija tmut u tidbiel; hija tmut mewta mingħajr mewt; jiġifieri, hija ma tistax tmut. L-isforzi tagħha kollha jiġu fix-xejn; tinsab taħt id setgħana. Issa r-ruħ tiġi taħt is-setgħa tal-Ġust. It-tentazzjonijiet minn barra kollha jieqfu; kulma hemm madwarha jaqa’ fis-skiet bħal persuna qiegħda tmut li titlef il-kuntatt ma’ kollox madwarha: ir-ruħ tal-persuna, kollha kemm hi, tinsab f’idejn Alla l-Ġust, Alla għal tlett darbiet Qaddis – miċħuda għall-eternita’ kollha! Dan il-mument huwa l-quċċata, u Alla biss jista’ jipprova r-ruħ b’dan il-mod, għaliex Huwa biss jaf kemm tiflaħ  tissaporti r-ruħ.

 

Meta r-ruħ tkun għaddiet sewwa minn ġo dan in-nar infernali, tiġi, bħallikieku, mitfugħa għal rasha f’disperazzjoni kbira. Ruħi kellha esperjenza ta’ dan il-waqt meta kont għal kollox waħdi fiċ-ċella tiegħi. Meta ruħi bdiet nieżla ‘l isfel f’din id-disperazzjoni, ħassejt li t-tmiem kien qrib. Imma ħtaft b’saħħti kollha l-kurċifiss żgħir tiegħi u għafastu sew f’idi. U ħassejt ġismi jinfired minn ruħi; u għalkemm ridt immur għand is-Superjuri tiegħi, ma kienx baqagħli s-saħħa fiżika. Lissint l-aħħar kliem tiegħi: “Jiena nafda fil-Ħniena Tiegħek” – u deherli li kont ipprovokajt lil Alla għal korla dejjem ikbar. U issa għeriqt fid-disperazzjoni – u kulma kien għad baqagħli kienet tnehida ta’ uġigħ li, minn ħin għal ħin, kien qiegħed jiċċarrat minn ruħi. Ir-ruħ tinsab fl-agunija – u deherli li kont ser nibqa’ f’dan l-istat, għax, bis-saħħa tiegħi biss, ma stajtx noħroġ minnu. Kull darba li bdjet niftakar f’Alla beda jinfetaħ quddiemi oċejan ta’ tbatija li ma jistax jitfisser bil-kliem, u xorta waħda minkejja dan hemm xi ħaġa ġewwa ruħi li tinġibed lejh, għalkemm hija jidhrilha li dan jiġri għal dan il-għan biss – li hija tbati iżjed. Meta hija tiftakar fl-imħabba li biha Alla qabel kien idawwarha, din tkun tip ta’ tbatija oħra. Il-ħarsa Tiegħu tinfidha u kollox ġewwa r-ruħ jinħaraq taħt din il-ħarsa.

 

 

102.                 Ftit ħin wara, waħda mis-sorijiet daħlet fiċ-ċella u sabitni kważi mejta. Hija beżgħet u marret issib id-Direttriċi tan-novizzi li, f’isem l-ubbidjenza qaddisa, ordnatli nqum mill-art. Saħħti reġgħet ġiet lura mill-ewwel, u qomt nirtogħod. Id-Direttriċi għarfet minnufih l-istat ta’ ruħi u kellmitni dwar il-ħniena ta’ Alla li ħadd ma jista’ jifhimha, u qaltli: “Tinkiweta xejn Sor. Jiena qiegħeda nordnalek dan b’ubbidjenza.” Imbagħad qaltli: “Issa qiegħda nara, Sor, li Alla qiegħed isejjaħlek għal grad għoli ta’ qdusija; il-Mulej irid jiġbdek qrib ħafna Tiegħu la Huwa ppermetta li jiġrulek dawn l-affarijiet hekk malajr. Kun fidila lejn Alla, Sor, għaliex dan huwa sinjal li Huwa jrid li jkollok post għoli fil-ġenna.” Imma jien ma fhimt xejn minn dan il-kliem. Meta dħalt fil-kappella ħassejtni bħallikieku ruħi kienet inħelset minn kollox, bħallikieku kont għadni kif ġejt f’dak il-waqt minn id Alla. Intbaħt li ruħi ma setgħetx tittiefes u tintmess; ħassejtni bħala tifla żgħira.

 

 

103.                 F’daqqa waħda rajt lill-Mulej ġewwa fija u Huwa qalli: Tibżax, binti; Jiena ninsab miegħek. F’dak il-waqt wieħed, id-dlam u t-turmenti kollha, għebu; is-sensi tiegħi imtlew ser ifuru  b’ferħ li ma jisatx jitfisser bil-kliem, s-setgħat ta’ ruħi mtlew bid-dawl.

 

 

104.                 Irrid inżid li, għalkemm ruħi kienet diġa’ tinsab fir-raġġi ta’ mħabbtu, xi ħjiel tat-torturi tiegħi tal-imgħoddi baqgħu fuq ġismi għal jumejn: wiċċ abjad karti u għajnejn bid-demm. Ġesu’ biss jaf x’batejt. Dak li jiena ktibt huwa fqir ħafna jekk jiġi mqabbel mar-realta’. Ma nistax inpoġġieh fi kliem; donni ħassejtni li kont ġejt lura mid-dinja l-oħra. Inħoss mibgħeda għal dak kollu li hu maħluq; nersaq sabiex nitgeddes qrib il-qalb ta’ Alla bħalma tagħmel tarbija ma’ sider ommha. Issa qiegħda nara kollox b’mod differenti. Qed nagħraf  dak li għamel il-Mulej ġewwa ruħi b’kelma waħda, u jiena ngħix b’dan. Nirtogħod bil-biża’ meta niftakar f’din it-tortura li għaddejt minnha.  Ma kontx nemmen li xi ħadd jista’ jbati b’dan il-mod, li kieku m’għaddejtx minn din l-esperjenza jien stess. Din hija tbatija li hija spiritwali għal kollox.

 

 

105.                 Imma f’din it-tbatija kollha u f’dan it-taqbid kollu, ma ħallejtx barra t-Tqarbin Imqaddes. Meta deherli li ma kellix nitqarben, mort, qabel it-Tqarbin, għand id-Direttriċi u għidtilha li ma stajtx nersaq lejn is-Sagrament, għax kien jidhirli li ma kellix nagħmel dan. Imma hi ma tatnix permess inħalli barra t-Tqarbin Imqaddes, u issa qiegħda nifhem li l-ubbidjenza biss kienet salvatni.

 

Id-Direttriċi stess wara qaltli li l-provi tiegħi kienu għaddew malajr, “u dan seħħ biss għax inti kont tobdi, Sor; u kien permezz tal-qawwa tal-ubbidjenza li int għaddejt minn din it-taqbida b’daqshekk kuraġġ.” Kien veru li l-Mulej stess ħariġni minn dan it-turment, imma l-fedelta’ tiegħi għall-ubbidjenza veru li għoġbitu.

 

 

106.                 Għalkemm dawn huma affarijiet tal-biża’, ir-ruħ m’għandhiex  titbeżża’ żżejjed, għax Alla qatt m’hu ser jipprovana aktar milli nifilħu. Mill-banda l-oħra, jista’ jkun li Hu qatt ma jibgħatilna tbatijiet bħal dawn, imma dan qiegħda niktbu għax, jekk il-Mulej jogħġbu jħalli xi ruħ tgħaddi minn tbatijiet bħal dawn, hi m’għandiex tibża’ imma, sakemm ikun jiddependi mir-ruħ stess, għandha tibqa’ fidila lejn Alla. Alla mhux ser jagħmel ħsara lir-ruħ bl-ebda mod, għax Huwa l-Imħabba nnfisha, u Huwa sejħilha għall-eżistenza tagħha f’din l-imħabba li ma tistax titkejjel. Imma meta jiena kont itturmentata b’dan il-mod, jien stess dan ma stajtx nifhmu.

 

107.                  O Alla tiegħi, sirt naf li jien minix ta’ din id-dinja; Inti, O Mulej, ferrajt dan l-għarfien profond ġewwa ruħi. L-għaqda tiegħi hija iktar mas-sema milli ta’ l-art, għalkemm jiena bl-ebda mod ma nittraskura d-dmirijiet tiegħi.

 

 

108.                 F’dak iż-żmien, ma kellix Direttur Spirtwali; ma kelli l-ebda tip ta’ tmexxija. Tlabt lill-Mulej, imma Hu ma tanix Direttur. Ġesu’ stess kien l-Imgħallem tiegħi minn ċkuniti sal-mument ta’ issa. Huwa mexa miegħi fid-deżerti kollha u fil-perikli kollha. Qiegħda nara ċar li Alla biss seta’  jgħaddini minn perikli hekk kbar mingħajr  ma tiġrili l-ebda ħsara, b’ruħi bla mittiefsa, u jgħinni ngħaddi rebbieħa mid-diffikultajiet kollha, għalkemm dawn kienu tabilħaqq kbar ħafna. Meta ħriġt (...). Iktar tard, il-Mulej tani Direttur.

 

 

109.                 Wara tbatijiet bħal dawn ir-ruħ tkun tinsab fi stat ta’ safa kbir tal-ispirtu u tkun qrib ħafna ta’ Alla. Imma jeħtieġli nżid ngħid li, waqt dawn it-turmenti spiritwali, hija tkun qrib ta’ Alla, imma ma tkunx tista’ tara. L-għajnejn tar-ruħ ikunu jinsabu mitfugħin fid-dlam, u għalkemm Alla jkun iktar qribha milli qatt tista’ timmaġina r-ruħ li tkun qiegħda tbati, is-sigriet kollu jinsab fil-fatt li hi ma tkun taf xejn minn dan. Fil-fatt ir-ruħ tiddikjara li mhux biss Alla abbandunaha imma li hija l-oġġett tal-mibgħeda Tiegħu. B’liema mod serju huma effetwati l-għajnejn tar-ruħ! Meta tiġi milquta bid-dawl divin, ir-ruħ tgħid li dan id-dawl ma jeżistix, għalkemm huwa propju għax dan id-dawl divin jiddi b’tali mod hi ma tkunx tista’ tara daqslikieku tkun għamiet. Imma minkejja kollox, wara tgħallimt li Alla jkun aktar qrib ir-ruħ f’waqtiet bħal dawn milli f’oħrajn, għax hi ma tkunx tista’ ġġarrab dawn il-provi bl-għajnuna tal-grazzja ordinarja biss.  Is-setgħat bla tarf ta’ Alla u grazzja staordinarja jridu jkunu attivi hawnhekk, għax inkella r-ruħ taqa’ mal-ewwel daqqa.

 

 

110.                 O Mgħallem Divin, dak li jiġri ġewwa ruħi huwa xogħlok biss! Inti, O Mulej, ma nibżax tpoġġi lir-ruħ fuq xifer ta’ preċipizzju terribbli fejn hija tieqaf, imdehxa u mbeżżgħa, u Inti mbagħad terġa’ ssejħilha lura għandek. Dawn huma l-misteri Tiegħek li ħadd ma jista’ jifhimhom.

 

 

111.                 Meta, f’nofs dawn it-turmenti interjuri, jiena ppruvajt nakkuża lili nnifsi fil-qrar bl-iċken affarijiet, is-saċerdot wera ruħu mistagħġeb li jiena ma kontx ħatja ta’ difetti iktar serji, u huwa qalli: “Jekk inti daqshekk fidila lejn Alla matul dawn it-tbatijiet, dan fih innifsu huwa prova ċara għalija li Alla qiegħed iżommok, Sor, bi grazzja speċjali, u hija ħaġa tajba li inti dan m’intix tifhmu.” Imma hija ħaġa stramba  li l-konfessuri la setgħu jifhmuni u lanqas iserrħuli rasi dwar l-affarijiet sakemm iltqajt ma’ Patri Andrasz, u iktar tard, ma’ Dun Sopocko.

 

 

112.                 Xi ħaġa dwar il-qrar u l-konfessuri. Ser nitkellem biss dwar l-esperjenza tiegħi u dwar dak li għaddejt minnu jiena ġewwa ruħi. Huwa tliet affarijiet li ma jħallux lir-ruħ tieħu l-ġid mill-qrar f’dawn il-waqtiet eċċezzjonali.

 

L-ewwel ħaġa: meta l-konfessur ikun jaf ftit li xejn dwar modi straordinarji u juri ruħu sorpriż jekk ir-ruħ tgħarrfu bil-misteri kbar li Alla jkun wettaq ġewwa fiha. Din is-sorpriża min-naħa tiegħu tbeżża’ lir-ruħ sensittiva, u hija tintebaħ li l-konfessur qiegħed jaħsibha darbtejn qabel ma jagħti l-opinjoni tiegħu; u jekk hi tinduna b’dan jidħlulha aktar dubji u ma tkunx tista’ sserraħ rasha, għax tħoss ġewwa fiha li l-konfessur ikun qiegħed jipprova jserrħilha rasha fil-waqt li hu stess ma jkunx ċert minnu nnifsu. Jew inkella, bħalma ġara lili, il-konfessur, għax ma jkunx kapaċi jippenetra xi wħud mill-misteri tar-ruħ, jirrifjuta li jisma’ l-qrara u juri ċerta biża’ meta r-ruħ tersaq lejn il-konfessinarju.

 

Kif tista’ ruħ f’dan l-istat issib l-paċi fil-konfessinarju meta tkun saret hekk sensittiva għall-aħħar għal kull kelma tas-saċerdot? Fil-fehma tiegħi, fi żminijiet ta’ tiġrib hekk speċjali li Alla jibgħat lir-ruħ, is-saċerdot – jekk hu ma jifhimx lir-ruħ – għandu jibgħatha għand xi konfessur ieħor li jkollu esperjenza u t-tgħalim meħtieġ. Jew inkella huwa stess għandu jfittex id-dawl sabiex jagħti lir-ruħ dak li hi teħtieġ, minflok ma jiċħdilna b’mod assolut iċ-ċans li hi tqerr. Għax b’dan il-mod huwa jkun qiegħed jesponi lir-ruħ għal periklu kbir; u iktar minn ruħ waħda tista’ tħalli t-triq li fiha Alla jkun riedha timxi. Din hija ħaġa ta’ importanza kbira, u għalkemm Alla stess reġa’ assigurani, xorta waħda dejjem ridt li jkolli wkoll is-siġill tal-Knisja.

 

It-tieni ħaġa: il-konfessur ma jħallix lir-ruħ tesprimi ruħha b’mod miftuħ, u juri nuqqas ta’ paċenzja. Ir-ruħ imbagħad taqa’ fis-skiet ma tgħidx kollox (dak kollu li għandha xi tgħid) u b’dan il-mod, ma tieħu l-ebda ġid għal ruħha. Tieħu inqas u inqas meta l-konfessur lilha ma jafhiex, għax ma jkunx ippermettielha tinfetaħ sewwa dwar il-grazzji u l-miżerji tagħha. U għalhekk l-prova ma tkunx waħda tajba. Lili għamluli xi prova li kienu tad-daħk.

 

Ħa nfisser din il-ħaġa aħjar b’dan il-mod: Il-konfessur huwa t-tabib tar-ruħ, imma kif  jista’ tabib jippreskrivi rimedju effettiv jekk hu ma jafx x’inhi sewwa l-marda? Qatt m’hu ser ikun jista’ jagħmlu dan. Għax jew ir-rimedju ma jkollux l-effett mixtieq, jew inkella jkun qawwi ħafna u jaggrava l-marda, u xi drabi – Alla ħares jiġri dan – iwassal ukoll għal mewt. Qiegħda nitkellem mill-esperjenzi tiegħi stess għax, f’ċerti każi, kien il-Mulej innifsu li weżinni direttament.

 

It-tielet ħaġa: jiġri wkoll xi drabi li l-konfessur jieħu biċ-ċajt affarijiet żgħar. M’hemm xejn li hu żgħir fil-ħajja spiritwalment. Xi drabi xi ħaġa li tkun importanti ħafna u din tkun għall-konfessur raġġ ta’ dawl li jgħinu jsir jaf lir-ruħ. Ħafna tifsiriet spiritwali jkunu moħbijin f’affarijiet żgħar.

 

Biċċa bini meraviljuża m’hix ser titla’ jekk aħna ma naċċettawx xi biċċiet tal-ġebel insinjifikanti li jiffurmawha, Alla jkun qiegħed jitlob safa kbir mingħand ċerti erwieħ, u għalhekk jagħtihom għarfien aktar wiesa’ tal-miżerja tagħhom stess. Imdawla b’dawl li jkun ġej minn fuq, ir-ruħ tista’ tkun taf  aħjar x’jogħġob lil Alla u x’ma jogħġbux. Id-dnub jiddependi minn kemm ir-ruħ ikollha għarfien u kemm dawl ikun hemm ġewwa fiha. L-istess jgħodd għal dawk li huma imperfezzjonijiet. Għalkemm ir-ruħ tkun taf li d-dnub biss, fil-veru sens tal-kelma, jitlob is-sagrament tal-qrar, imma dawn l-affarijiet iż-żgħar ikunu ta’ importanza kbira għar-ruħ li tkun miexja lejn il-qdusija, u l-konfessur m’għandux jittrattahom daqslikieku ma kienu xejn. Il-paċenzja u t-tjubija tal-konfessur jiftħu t-triq għas-sigrieti tal-qiegħ nett tar-ruħ. Ir-ruħ, bħallikieku mingħajr ma taf, tikxef il-fond  tagħha li qisu abbiss u tħossha li hi iktar b’saħħitha u tiflaħ tiġġieled kontra t-tbatija u b’kuraġġ akbar u tipprova tagħmel l-affarijiet aħjar għax hija taf li trid tagħti tweġiba għal għemilha.

 

Sejra nsemmi ħaġa oħra dwar il-konfessur. Huwa d-dover tiegħu li, minn żmien għal żmien iressaq lir-ruħ għall-prova; jagħmel eżerċizzju, jsir jaf jekk għandux f’idejh tiben, ħadid jew deheb safi. Kull waħda minn dawn it-tliet tipi ta’ erwieħ għandha bżonn ta’ tip differenti ta’ taħriġ. Il-konfessur irid – u din il-ħaġa hi kollha kemm hi meħtieġa – jasal għall-ġudizzju ċar dwar kull ruħ sabiex ikun jaf kemm hu kbir il-piż li tkun tiflaħ iġġorr, f’ċerti ċirkostanzi, jew f’sitwazzjonijiet speċjali. Ngħid għalija, kien biss wara xi żmien, wara ħafna esperjenzi (negattivi) li, meta jiena rajt li ma kenux qedgħin jifhmuni, ma bqajtx niftaħ qalbi jew inħalli l-paċi tiegħi tiġi mfixkla. Imma dan ġara biss meta dawn il-grazzji kollha kienu diġa’ ġew imressqa għall-ġudizzju ta’ konfessur għaref li kellu ħafna tagħlim u esperjenza. Issa naf x’għandi nagħmel f’ċerti każijiet.

 

 

113.                 Nixtieq nerġa’ ngħid tliet kelmiet lir-ruħ li hi deċiża tissielet għall-qdusija u tiġbor il-frott; jiġifieri, tieħu l-ġid mill-qrar.

 

L-ewwel (kelma) – sinċiera sħiħa, li tkun miftuħa. Ukoll l-iktar konfessur qaddis u għaqli ma jistax iferragħ bil-fors fir-ruħ dak li jixtieq jekk hi ma tkunx sinċiera u miftuħa. Ruħ li ma tkunx sinċiera, li tingħalaq fiha nnfisha, tkun f’perikli kbar fil-ħajja spirtwali, u wkoll il-Mulej Ġesu’ nnifsu ma jingħatax lil ruħ bħal din fuq livell ogħla, għax Hu jaf li hi ma tieħu l-ebda ġid minn dawn il-grazzji speċjali.

 

It-tieni (kelma) – umilta’. Ruħ ma teħux ġid kemm għandha tieħu s-sagrament tal-qrar jekk ma tkunx umli. Is-suppervja żżommha fid-dlam. Ir-ruħ la tkun taf kif, lanqas tkun trid, tgħarbel bil-preċiżjoni l-fond tal-miżerja tagħha stess. Hija tilbes maskra u taħrab dak kollu li jista’ jġibilha l-fejqan.

 

It-tielet (kelma) – ubbidjenza. Ruħ li ma tridx tobdi ma tikseb l-ebda rebħa. Wkoll kieku l-Mulej Ġesu’ stess, kellu Hu stess jisma’ l-qrara tagħha. Il-konfessur bl-ikbar esperjenza ma jkunx jista’ bl-ebda mod jgħin lil ruħ bħal din. Ir-ruħ li ma tobdix tesponi lilha nnifisha għal disgrazzji kbar; ma tagħmel l-ebda progress lejn il-perfezzjoni, lanqas tirnexxi fil-ħajja spiritwali. Alla jagħti b’idejh miftuħa l-grazzji Tiegħu bl-akbar ġenerożita’ lir-ruħ, imma trid tkun ruħ li tobdi.

 

 

114.                 Kemm huma sbieħ l-innijiet li joħorġu minn ruħ li tkun qiegħda tbati! Is-sema kollha jitpaxxa b’ruħ bħal din, l-aktar meta Alla jkun qiegħed jippruvaha. Fin-nieket tagħha hija tkanta x-xenqa tagħha għalih. Kbira hi s-sbuħija tagħha, għax din tkun ġejja minn Alla. Ir-ruħ timxi fil-ġungla tal-ħajja, feruta mill-imħabba ta’ Alla. Hija tmiss l-art b’sieq waħda biss.

 

115.                 + Meta ruħ toħroġ minn dawn it-tribulazzjonijiet, tkun tabilħaqq umli. Is-safa tar-ruħ tagħha tkun kbira. Tkun taf aħjar, mingħajr ma jkollha bżonn tieqaf tirrifletti, bħallikieku, x’għandha tagħmel f’xi waqt u x’għandhiex tagħmel. Hija tħoss il-grazzja meta din tmissha b’mod ħafif u hija fidila ħafna lejn Alla. Hija tagħraf  lil Alla mill-bogħod u tifraħ bla waqfien fih. Hija tiskopri malajr ħafna lil Alla f’erwieħ oħra u fl-ambjent ta’ madwarha inġenerali. Ir-ruħ tkun ġiet ippurifikata minn Alla stess. Alla, bħala Spirtu Pur, jintorduċi lir-ruħ għal ħajja li hi kollha kemm hi spiritwali. Alla stess ikun l-ewwel ħejja u saffa lir-ruħ; jiġifieri, ikun għamilha tista’ tasal għal għaqda mill-qrib miegħu. Ir-ruħ fi stat ta’ mistrieħ mimli mħabba, tingħaqad spiritwalment mal-Mulej. Titkellem ma’ Alla mingħajr il-bżonn li tfisser ruħha permezz tas-sensi. Alla jimlieha bid-dawl Tiegħu.

 

Il-moħħ imdawwal jara ċar u jagħżel bejn il-livelli diversi tal-ħajja spiritwali. Huwa jagħraf (dak l-istat) meta l-għaqda tiegħu ma’ Alla ma kenitx perfetta: fejn is-sensi kienu jintużaw, u l-ispirtu kien ikun maqgħud mas-sensi b’mod eżaltat u speċjali – imma għadu mhux perfett. Hemm għaqda iktar għolja u iktar perfetta ma’ Alla; jiġifieri għaqda intellettwali. Hawnhekk, ir-ruħ tkun iktar żgura li mhix qiegħda tbati minn illużjonijiet; l-ispiritwalita’ tagħha hi iktar safja u iktar profonda. F’ħajja fejn ikunu qedgħin jaħdmu s-sensi, ikun hemm aktar periklu ta’ xi illużjoni. Kemm għar-ruħ u kemm għall-konfessur tagħha, il-prudenza għandu jkollha importanza ikbar. Ikun hemm waqtiet meta Alla jdaħħal lir-ruħ fi stat li hu kollu kemm hu spiritwali. Is-sensi jintfew u jkunu donnhom mejtin. Ir-ruħ tkun maqgħuda ma’ Alla b’mod mill-aktar qrib; tkun mgħaddsa fid-Divinita’; l-għarfien tagħha jkun sħiħ u perfett, mhux daqqa iva u daqqa le bħal qabel, imma sħiħ u assolut. Hija tifraħ b’dan. Imma rrid ngħid iktar fuq dawk il-mumenti tat-tiġrib; f’dawk il-waqtiet il-konfessur irid juża l-paċenzja ma’ruħ bħal din. Imma r-ruħ irid jerġa’ jkollha aktar paċenzja magħha nnfisha.

 

 

116.                 Ġesu’ tiegħi, Inti taf minn xiex tgħaddi ruħi meta tiftakar f’dawn it-tbatijiet. Jien spiss kont nistagħġeb li l-anġli u l-qaddisin jisktu meta jaraw ruħ qedgħa tbati b’dak il-mod. Imma huma jkollhom imħabba speċjali għalina f’waqtiet bħal dawn. Ruħi spiss kienet tgħajjat għal Alla, bħal tifla żgħira li tgħajjat kemm tiflaħ meta ommha tgħatti wiċċha u li ma tkunx tista’ tagħrafha. O Ġesu’ tiegħi, ġieħ u qima lilek għal dawn il-provi ta’ mħabba! Il-ħniena Tiegħek hi hekk kbira li ħadd ma jista’ jifhimha! Dak kollu li Inti kont fassalt għal ruħi, O Mulej, huwa mgħaddas fil-ħniena Tiegħek.

 

 

117.                 Hawnhekk irrid ngħid li dawk li jgħixu ma’ persuna bħal din m’għandhomx iżidulha t-tbatijiet esterni, għax jekk it-tazza tar-ruħ tkun mimlija sewwa, il-qatra żgħira li nżidulha tista’ tkun dik il-qatra li hi żejda, u t-tazza tal-imrar tfur. U min ser iwieġeb għal ruħ bħal din? Ejjew noqogħdu attenti li ma nżidux mat-tbatijiet tal-oħrajn, għax din il-ħaġa ma togħġbux lill-Mulej. Jekk is-sorijiet jew is-superjuri jkunu jafu jew ukoll jissuspettaw li xi ruħ qiegħda ġġarrab provi bħal dawn, u huma xorta waħda jżidulha tbatijiet oħrajn, huma jkunu qedgħin jidinbu bis-serjeta’, u Alla stess jitlob rendikont minn għandhom minħabba ruħ bħal din. Minix qiegħda nitkellem hawnhekk dwar affarijiet li min-natura tagħhom stess huma dnubiet, imma dwar affarijiet li f’ċirkustanzi oħra ma jkunux dnubiet. Ejjew noqoqgħdu attenti li ma jkollniex it-toqol ta’ ruħ bħal din fuq il-kuxjenza tagħna. Dan hu difett serju u komuni fil-ħajja reliġjuża, jiġifieri, li meta xi ħadd jara ruħ qiegħda tbati, dejjem ikun irid iżidilha aktar tbatija. Minix qiegħda ngħid li kulħadd jaġixxi  b’dan il-mod, imma hemm xi wħud li jagħmlu hekk. Bil-liberta’ kollha ngħaddu kull tip ta’ ġudizzju, u nerġgħu nirrepetuhom meta konna nagħmlu ħafna aħjar li kieku kellna nżommu s-skiet.

 

 

118.                 L-ilsien membru ċkejken, imma jagħmel affarijiet kbar. Reliġjuża li ma żżomx is-skiet qatt m’hi sejra ssir qaddisa. Hi m’għandhiex tilludi ruħha - sakemm ma jkunx l-Ispirtu ta’ Alla li jkun qiegħed jitkellem permezz tagħha, għax imbagħad m’għandhiex tibqa’ siekta. Imma, sabiex jisma’ tal-vuċi ta’ Alla, wieħed irid iżomm is-skiet f’ruħu u joqgħod kwiet; dan ma jfissirx skiet mimli dieqa, imma skiet interjuri – jiġifieri ġabra f’Alla. Wieħed jista’ jitkellem ħafna mingħajr ma jikser is-skiet, u għal kuntrarju, wieħed jista’ jitkellem ftit u l-ħin kollu jkun qiegħed jikser is-skiet. Xi ħsara li ma tistax tissewwa ssir meta jinkiser is-skiet! Nikkawżaw ħsara kbira lill-proxxmu tagħna, imma iżjed u iżjed lilna nfusna.

 

Fil-fehma tiegħi, u skont l-esperjenza tiegħi, ir-regola dwar is-skiet għandu jkollha l-ewwel post. Alla ma jingħatax lil ruħ li tħobb tpaċpaċ li, bħal naħla li qiegħda fid-duqqajs, tibqa’ ddur u żżanżan imma ma tiġborx għasel. Ruħ li tpaċpaċ tkun vojta minn ġewwa. Tkun nieqsa kemm mill-virtujiet li teħtieġ u mill-intimita’ ma’ Alla. Għal din ir-ruħ m’hemmx post għal ħajja interjuri iktar profonda, waħda ta’ paċi ħelwa u ta’ dak is-skiet fejn jgħammar il-Mulej. Ruħ li qatt ma daqet il-ħlewwa ta’ skiet intern, hija spirtu bla kwiet li jfixkel is-skiet tal-oħrajn. Rajt ħafna erwieħ fil-qiegħ tal-infern għax ma żammewx is-skiet; huma stess qaluli dan meta staqsejthom x’kienet raġuni għaliex kienu qedgħin ibatu. Dawn kienu erwieħ ta’ reliġjużi. Alla tiegħi, x’agunija meta naħseb li mhux biss setgħu kienu fil-ġenna, imma setgħu wkoll saru qaddisin! O Ġesu’, ikollok ħniena!

 

 

119.                 Nirtogħod meta naħseb li rrid nagħti rendikont ta’ lsieni. Hemm il-ħajja, imma hemm ukoll il-mewt fl-ilsien. Xi drabi noqtlu permezz tal-ilsien! Nikkommettu qtil fil-veru sens tal-kelma. U dan għandna nibqgħu narawh bħallikieku kien ħaġa żgħira? Tassew ma nistax nifhem kuxjenzi bħal dawn. Kont naf persuna li, meta saret taf mingħand xi ħadd li kien hemm xi għajdut dwarha, mardet serjament. Tilfet ħafna demm u xerrdet ħafna dmugħ u r-riżultat kien tassew ta’ swied il-qalb. Ma kenitx ix-xabla li għamlet dan kollu, imma l-ilsien. O Ġesu’ tiegħi silenzjuż, ikollok ħniena minna!

 

 

120.                 Issa sibt ruħi nitkellem fuq is-suġġett tas-skiet. Imma dan mhux dak li ridt nitkellem dwaru, imma aktar fuq il-ħajja tar-ruħ ma’ Alla, u fuq it-tweġiba tagħha għall-grazzja. Meta ruħ tkun ġiet imsoffija, u l-Mulej ikun daħal f’intimita’ magħha, hija tibda tapplika l-enerġija kollha li jkollha ġewwa fiha filli tkun għatxana għal Alla. Imma r-ruħ ma tkunx tista’ tagħmel xejn waħedha. Alla waħdu jirranġa kollox. Ir-ruħ dan tafu u tintebaħ bih. Hija tkun għadha fl-eżilju u tifhem tajjeb li għad jerġgħu jiġu ġranet mimlijin sħab u xita, imma issa hija trid tħares lejn l-affarijiet b’mod differenti milli kienet tħares lejhom qabel. Ma tfittixx rassigurazzjoni f’paċi falza, imma tlesti għat-taqtiegħa. Hija issa tifhem kollox ħafna aħjar minn qabel. Taf li hi ġejja minn razza ta’ slaten. Għandha x’taqsam  ma’ dak kollu li hu kbir u qaddis.

 

 

 

121.                 + Hemm sensiela ta’ grazzji li Alla jferragħ ġewwa r-ruħ wara li jkun ġarrabtha bin-nar. Ir-ruħ tgawdi għaqda intima ma’ Alla. Hija jkollha ħafna dehriet, kemm bil-ġisem kif ukoll bl-intellett. Hija tisma’ ħafna kliem sopranaturali, u xi drabi ordnijiet ċari. Imma minkejja dawn il-grazzji, ma jkollhiex ħila tieqaf fuq saqajha u tfendi għal rasha. Fil-fatt dan jirnexxilha tagħmlu inqas u inqas bħala riżultat tal-grazzji ta’ Alla, għax tinsab miftuħa għal ħafna perikli u tista’ bil-ħeffa kollha taqa’ vittma ta’ illużjonijiet. Għandha titlob lil Alla għal direttur spiritwali; pero’ mhux biżżejjed titlob għal dan, imma għandha tagħmel kull sforz sabiex issib mexxej  li jkun espert f’dawn l-affarijiet, bħalma mexxej militari jkun jaf il-modi kif hu ser imexxi (is-segwaċi tiegħu) fit-taqbid. Ruħ li hi maqgħuda ma’ Alla trid tkun imħejjija għal taqbid kbir li fihom trid tissielet bis-sħiħ.

 

+ Wara din it-tisfija u dmugħ, Alla jibda jgħammar fir-ruħ b’mod speċjali; imma r-ruħ mhux dejjem tikkopera ma’ dawn il-grazzji. Mhux għax ir-ruħ stess ma’ tkunx trid taħdem, imma għax tiltaqa’ ma’ ħafna diffikultajiet interjuri u esterni hekk li jkun hemm bżonn miraklu biex ir-ruħ tibqa’ fuq il-qċaċet. F’din il-ħaġa ma tistax tgħaddi mingħajr direttur spiritwali. Ħafna drabi in-nies żergħu d-dubju ġewwa ruħi, u jiena stess xi drabi bżajt meta ġieni l-ħsieb li jiena, wara kollox, kont persuna injoranta u ma kontx naf ħafna affarijiet, l-aktar fuq affarijiet spiritwali. Imma meta żdiduli d-dubji, fittixt id-dawl, mingħand il-konfessur jew is-superjuri tiegħi. Imma m’akkwistajtx dak li kont nixtieq.

 

 

 

122.                 Meta ftaħt qalbi mas-superjuri tiegħi, waħda minnhom (aktarx Madre Michael jew Madre Mary Joseph) fehmet lil ruħi u x’kienet it-triq li Alla kellu f’moħħu għalija. Meta jiena mxejt fuq il-parir tagħha, malajr għamilt progress lejn il-perfezzjoni. Imma dan ma damx sejjer ħafna. Meta ftaħt qalbi iżjed fil-profond, ma ksibtx dak li kont nixtieq; is-superjura tiegħi deherilha li dawn il-grazzji (li kont qiegħda nirċievi) ma kienux qed iseħħu, u għalhekk ma stajt nieħu l-ebda għajnuna oħra minn għandha. Qaltli li kien impossibli li Alla jikkomunika mal-ħlejjaq Tiegħu b’dan il-mod: “Sor qiegħda nibża’ minħabba fik; li ma tkunx tip ta’ illużjoni! Aħjar tmur u tfittex il-parir ta’ saċerdot.” Imma l-konfessur ma fehemnix u qalli, “Sor, aħajar tmur u tkellem is-superjuri tiegħek dwar dawn l-affarijiet.” Għalhekk kont immur mingħand is-superjui għal għand il-konfessur, u mingħand il-konfessur għal għand is-superjuri, u ma stajtx nsib paċi. Dawn il-grazzji divini saru għalija tbatija kbira. U iktar minn darba għidt lill-Mulej direttament: “Ġesu’, qiegħda nibża’ minnek; għalli jista’ jkun, m’intix xi fatat?” Ġesu’ kien dejjem jassigurani, imma bqajt ma nemminx, Hija ħaġa stramba iżda li aktar ma bdejtx nemmen, aktar Ġesu’ kien jagħtini provi li dawn l-affarijiet kienu ġejjin mingħandu.

 

 

 

123.                 Meta rajt li s-superjuri tiegħi ma kinux qedgħin iserrħuli rasi, iddeċidejt li ma ngħidilhom xejn dwar dawn l-affarijiet li huma interjuri għal kollox. Għal dak li huwa esterm ppruvajt, bħalma suppost tagħmel soru tajba, ingħid kollox lis-superjuri; imma dwar il-ħtiġijiet ta’ ruħi, kont nitkellem fuqhom biss fil-konfessinajru. Għal ħafna raġunijiet tajbin tgħallimt li mara mhix imsejħa tiddixerni f’misteri bħal dawn. Issottomettejt ruħi għal ħafna tbatija bla bżonn, Għal żmien twil mhux ħażin, kienu jħarsu lejja bħallikieku kont ippossesata minn spirtu ħażin, u kienu jitfgħu ħarsa ta’ ħniena lejja; is-superjura ħadet ċerta prekawzjonijiet dwari. Għadda minn għala widnejja li s-sorijiet ukoll kienu jħarsu lejja bl-istess mod. U madwari s-sema ddallam. Bdejt nipprova naħrab minn dawn il-grazzji divini, imma dan ma stajtx nagħmlu. F’daqqa waħda kont inkun mgħaddsa għal kollox f’Alla, u l-Mulej żammni niddependi minnu f’kollox.

 

 

 

124.                 Għall-ewwel ruħi kienet tkun dejjem xi daqsxejn imbeżżgħa imma aktar tard kienet timtela b’ paċi stramba u b’saħħa.

 

 

 

125.                 + Dawn l-affarijiet kollha stajt nibqa’ nissaportihom. Imma meta l-Mulej ried li jiena npinġi dik ix-xbieha, ta’ madwari bdew jitkellmu fuqi bil-miftuħ u jħarsu lejja bħallikieku kont waqajt vittma tal-isteriżmu u tal-fantasija, u bdew jiżdiedu l-qlajjiet. Waħda mis-sorijiet ġiet tkellimni waħedha. L-ewwel bdiet billi titħassarni, u qaltli: “Smajthom jgħidu qed ikollok il-viżjonijiet. Imsejkna oħti; ħu ħsieb tiegħek innifsek f’din il-ħaġa.” Kienet ruħ sinċiera, u qaltli sinċierament dak li hija kienet semgħet. Kien ikolli nisma’ dawn l-affarijiet kuljum. Alla biss jaf kemm kienu jgħejjuni dawn l-affarijiet.

 

 

 

126.                 Madankollu ddeċidejt li nisspaorti kollox fis-skiet u ma nagħti l- ebda tifsir meta kienu jistaqsuni xi ħaġa. Xi wħud kienu jibqgħu irritati minħabba fis-skiet tiegħi, l-aktar dawk li kienu jbatu bil-kurżita’. Oħrajn, li kienu jaħsbu aktar fil-fond, kienu jgħidu: “Swor Fawstina żgur li hi tassew qrib ta’ Alla jekk għandha s-saħħa tissaporti daqshekk tbatija.” Għalija kien bħal li kieku kelli quddiemi żewġ gruppi ta’ mħallfin. Ippruvajt inżomm is-skiet intern u estern. Ma kont ngħid xejn dwari nnifsi, għalkemm xi sorijiet kienu jistaqsuni b’mod dirett. Xofftejja kienu ssiġġillati. Kont inbati bħal ħamiema, mingħajr tgergir. Imma xi sorijiet donnhom kienu jieħdu gost idejquni b’xi mod jew ieħor. Il-paċenzja tiegħi kienet tirritahom. Imma Alla kien jagħtini biżżejjed saħħa ġewwa fija hekk li kont nissaporti bil-kalma.

 

 

 

127.                 Tgħallimt li ma kien ser ikolli l-ebda għajnuna mingħand ħadd f’waqtiet bħal dawn, u bdejt nitlob bil-ħerqa lill-Mulej biex jagħtini konfessur. Ix-xewqa waħdanija li kelli kienet li xi saċerdot jgħidli kelma waħda biss: “Kun fil-paċi, int miexja fit-triq it-tajba,” jew “Insa dan kollu għax mhux ġej minn Alla.” Imma ma stajtx nsib saċerdot bħal dan li kien żgur biżżejjed minnu nnifsu biex jagħtini opinjoni ċerta f’isem il-Mulej. U għalhekk bqajt fl-inċertezza. O Ġesu’, jekk inhi r-rieda Tiegħek li ngħix f’inċertezza bħal din, ikun imbierek ismek! Nitolbok bil-ħerqa, Mulej, mexxi Inti lil ruħi u kun miegħi, għax jiena ma jien xejn waħdi.

 

 

 

128.                 B’dan il-mod kont diġa’ ġejt iġġudikata minn kulħadd. M’hemm xejn ġewwa fija li għadu m’għaddiex mill-ġudizzju tas-sorijiet. Imma issa donnu li l-interess kollu għadda, u bdew iħalluni fil-paċi. Ir-ruħ itturmentata tiegħi kellha ċans ta’ ftit mistrieħ, u tgħallimt li l-Mulej kien l-aktar qrib tiegħi waqt il-persekuzzjonijiet bħal dawn. Din (il-waqfa) damet għal ftit żmien biss. Maltempata qalila reġgħet feġġet. U issa s-suspetti l-qodma saru għalihom bħallikieku kienu fatti veri, u għal darb’ oħra kelli noqgħod nisma’ l-istess kanatliena bħal qabel. Il-Mulej hekk ried. Imma mbagħad – ħaġa stramba din – ukoll minn barra beda jkolli esperjenza ta’ diveri fallimenti. Din il-ħaġa ġabet fuqi ħafna tbatijiet ta’ kull tip, li Alla biss kien jaf bihom. Imma jien ippruvajt mill-aħjar li stajt nagħmel kollox bl-aħjar intenzjonijiet possibbli. Issa stajt nara li kullimkien kienu qedgħin jgħassuni bħallikieku kont xi ħalliela: fil-kappella; waqt li kont qiegħda nwettaq id-dmirijiet tiegħi; fiċ-ċella tiegħi. (nota40) Issa kont ntbaħt li, minbarra l-preżenza ta’ Alla, kelli dejjem qrib tiegħi xi preżenza umana wkoll. U jkolli ngħid li, aktar minn darba, din il-preżenza umana kienet iddejjaqni bil-bosta. Kien hemm xi drabi meta kont intella’ u nniżżel jekk għandiex ninża’ sabiex ninħasel jew le. Fil-verita’, ukoll dik il-povra sodda tiegħi kienu jiċċekjawha ħafna drabi. (nota41) Iktar minn darba kien jaqbadni id-daħk meta kont ninduna li lanqas is-sodda tiegħi ma kienu ser iħalluha fil-paċi. Waħda mis-sorijiet stess qaltli li kienet tiġi tosservani fiċ-ċella tiegħi kull filgħaxija biex tara kif kont inġib ruħi fiha.

 

Imma s-superjuri jibqgħu dejjem superjuri. U għalkemm kienu jumiljawni b’mod personali, u xi drabi, kienu jimlewni b’dubji ta’ kull xorta, dejjem ħallewni nagħmel dak li l-Mulej ried. Għalkemm mhux bil-mod li jiena kont nitlob, imma b’xi mod ieħor, huma kienu jwettqu dak li l-Mulej kien jitlob u tawni l-permess għad-dixxiplina ħarxa u l-mortifikazzjonijiet (li Hu kien jitlob mingħandi.)

 

Darba minnhom, waħda mill-Madre Superjuri (aktarx Madre Jane) tant ferrgħet il-korla tagħha fuqi u tant umiljanti li ħsibt li ma kontx ser ikolli l-ħila nissaportiha. Hija qaltli: “Int, viżjunarja, stramba u isterika, oħroġ minn din il-kamra; ejja, ċaqlaq, Sor!” U kompliet tferra’ fuq rasi kulma ġie f’ilsienha. Meta wasalt fiċ-ċella tiegħi, waqajt wiċċi fl-art quddiem is-salib, u mbagħad ħarist lejn Ġesu’, imma ma stajtx ngħid l-ebda kelma oħra. Madankollu jien ħbejt kollox mill-oħrajn u ppretendejt li ma kien ġara xejn bejnietna.

 

 

 

129.                 Satana dejjem jieħu vantaġġ minn mumenti bħal dawn; ħsibijiet ta’ skuraġġiment bdew jitilgħu fil-wiċċ – għall-fedelta’ u għas-sinċerita’ tiegħek – dan hu l-premju li tieħu. Kif jista’ xi  ħadd ikun sinċier meta ħadd ma jifhmu b’dan il-mod? Ġesu’, Ġesu’, ma nistax inkompli iżjed. Għal darb’oħra rġajt waqajt fl-art taħt dan it-toqol, u beda jxoqq l-għaraq għalija, u l-biża’ beda jgħelibni. Ma kelli ‘l ħadd fuq min nistrieħ b’mod interjuri. F’daqqa waħda smajt vuċi ġewwa ruħi tgħidli: Tibżax; Jiena miegħek. U dawl mhux tas-soltu dawwalli moħħi, u fhimt li m’għandix inċedi għal dwejjaq bħal dawn. Imtlejt b’ċerta qawwa u ħriġt miċ-ċella tiegħi b’kuraġġ ġdid sabiex inkun nista’ nbati.

 

 

 

130.                 Madankollu, bdejt insir daqsxjen traskurata. Ma tajtx kas ta’ dawn l-ispirazzjonijiet interni u ppruvajt nedha b’xi ħaġa. Imma minkejja l-istorbju u d-distrazzjoni, stajt nara dak li kien qed jiġri ġewwa ruħi. Il-kelma ta’ Alla hija ċara, u xejn ma jista’ jżommha moħbija. Bdejt nipprova naħrab li niltaqa’ mal-Mulej ġewwa ruħi għax ma ridtx naqa’ vittma ta’ xi illużjonijiet, Imma f’ċertu snes, il-Mulej baqa’ jiġri warajja bid-doni Tiegħu, u kelli esperjenza daqqa ta’ tortura u daqqa ta’ ferħ. Hawnhekk minix ser insemmi d-diversi dehriet u grazzji li Alla tani f’dan iż-żmien, għax dwar dan jien ktibt x’imkien ieħor. (nota42)

 

 

 

131.                 Imma sejra biss insemmi hawnhekk li dawn id-diversi tbatijiet kienu waslu għall-quċċata, u jiena ddeċidejt li dawn id-dubji tiegħi kellhom jieqfu qabel il-voti perpetwi tiegħi. Matul iż-żmien kollu tat-tiġrib tiegħi, tlabt li s-saċerdot, li miegħu jiena kelli niftaħ qalbi kollha, biex jiġi imdawwal. Tlabt lil Alla li Huwa stess jgħinni u jagħtini l-grazzja biex inkun nista’ nfisser ukoll anke l-iktar affarijiet sigrieti li jeżistu bejni u bejnu u li nkun lesta li, jiddeċiedi x’jiddeċiedi s-saċerdot, inkun nista’ naċċettah bħallikieku kien ġej minn Ġesu’ nnifsu. Jgħaddi x’jgħaddi ġudizzju fuqi, kulma ridt kienet il-verita’ u tweġiba deċiża għal ċerti mistoqsijiet. Jien tlaqt lili nnifsi f’idejn Alla għal kollox, u ruħi (kollha) kienet qiegħda tixtieq il-verita’.  Ma stajtx inkompli ngħix iktar fid-dubju għalkemm, il-fond ta’ ruħi, kont ċerta fuq li ċerta li dawn l-affarijiet kienu ġejjin minn Alla, li kont lesta nagħti ħajti għal din il-ħaġa. Imma poġġejt l-opinjoni tal-konfessur fuq kollox, u ddeċidejt li nagħmel dak li ħaseb li jkun l-aħjar u li naġixxi skont il-parir li hu jagħtini. Kont qiegħda nistenna l-waqt li jiddeċiedi x’kelli nagħmel għall-bqija ta’ ħajti. Kont naf li kollox kien jiddependi minn din il-ħaġa. Ma tantx kien jimpurtani jekk dak li kellu xi jgħidli kienx jaqbel ma’ l-ispirazzjonjiet tiegħi jew il-kuntrarju; dan ma kellux iktar importanza għalija. Ridt inkun  naf il-verita’ u nimxi fuqha.

 

Ġesu’, Inti tista’ tgħinni! Minn dan il-mument, erġajt bdejt mill-ġdid. Naħbi l-grazzji kollha ġewwa ruħi u nistenna lil dak li l-Mulej bi ħsiebu jibgħatli, ikun min ikun. Bl-ebda dubju f’qalbi, tlabt lill-Mulej innifsu li jindenja ruħu jgħinni f’dawn il-mumenti, u ħassejt ħjiel ta’ kuraġġ jidħol ġewwa ruħi.

 

 

 

132.                 Irrid nerġa’ nsemmi li hemm xi konfessuri li qishom diretturi spiritwali veri, imma biss sakemm l-affarijiet ikunu sejrin sewwa. Meta r-ruħ issib ruħha fi bżonn ikbar, huma jitħawdu, u jew ma jkunux jistgħu, jew ma jkunux iridu jifhmu lir-ruħ. Huma jippruvaw jeħilsu minn dak li jkun malajr kemm jista’ jkun. Imma jekk ir-ruħ tkun umli, dejjem tieħu xi ġid żgħir jew ieħor. Alla stess xi drabi jifta’ xaqq dawl fil-profondita’ tar-ruħ, minħabba l-umilta’u l-fidi tagħha. Il-konfessur xi drabi jgħid xi ħaġa li hu qatt ma kellu l-intenzjoni li jgħid, mingħajr ma hu stess jintebaħ sewwa x’ikun qed jgħid. O, ħalli lir-ruħ temmen li kliem bħal dan huwa l-kliem tal-Mulej innifsu! Għalkemm fil-verita’ għandna nemmnu li kull kelma li tingħad fil-konfessinarju tkun ġejja minn Alla, dik li semmejt hawnhekk hija ħaġa direttament minn Alla. U r-ruħ tintebaħ li s-saċerdot ma jkunx jaf x’inhu jagħmel, li hu qiegħed igħid affarijiet li kieku ma jixtieqx igħid. Alla jippremja l-fidi b’dan il-mod.

 

Ħafna drabi jiena stess għaddejt min din l-esperjenza. Wieħed saċerdot għaref ħafna u rrispettat (aktarx Dun Wilkowski, il-konfessur tas-sorijiet fi Plock), li xi drabi kont inzertajt immur inqerr għandu, dejjem kien sever u kontra dawn l-affarijiet (li kont inressaq quddiemu). Imma darba hu weġibni: “Ftakar, Sor, li jekk Alla qiegħed jitlob dan mingħandek, inti m’għandekx teħodha kontrih. Xi drabi Alla jkun irid jiġi mfaħħar propju b’dan il-mod. Kun fil-paċi; dak li Alla jkun beda, Huwa jispiċċah. Imma ngħidlek dan: fedelta’ lejn Alla u umilta’. U għal darb’oħra: umilta’. Ftakar sewwa dak li għidtlek illum.” Jiena fraħt ħafna, u ħsibt li forsi dan is-saċerdot kien fehemni. Imma ġara li qatt ma rġajt mort inqerr għandu.

 

 

133.                 + Darba minnhom, waħda Madre mill-anzjani (aktarx Madre Jane (nota 43)) sejħitli, u bdew donnhom neżlin fuq rasi sajjetti jaħarqu mis-sema kaħlani, tant li lanqas stajt nifhem fuq xiex kien l-istorbju kollu. Imma wara ftit fhimt li dan kollu kien dwar ħaġa li fuqha jiena ma kelli l-ebda kontroll. Hija qaltli, “Neħħiha minn rasek, Sor, li l-Mulej Ġesu’ jista’ jkun qiegħed jikkomunika b’mod hekk intimu ma’ gozz miżeru ta’ imperfezzjonijiet bħalek! Ftakar li huwa biss ma’ erwieħ qaddisin li l-Mulej Ġesu’ jikkomunika b’dan il-mod!” Jien ammettejt li kella raġun, għax jien tassew persuna miżerabbli, imma jiena xorta waħda nafda fil-ħniena ta’ Alla. Meta ltqajt mal-Mulej, umiljajt ruħi u għidtlu, “Ġesu’, jien jidhirli li Inti ma tassoċjax ruħek b’mod intimu ma’ persuni msejkna bħali.” Kun fil-paċi, binti, huwa preċiżament permezz ta’ miżerja bħal din li Jiena rrid nuri l-qawwa tal-ħniena Tiegħi. Jiena fhimt li din l-Madre riedet biss tgħaddini minn umiljazzjoni (li tiswa għall-ġid).

 

 

 

134.                 + O Ġesu’ tiegħi, Int ġarrabtni tant drabi f’din il-ħajja qasira tieghi! Wasalt biex nifhem ħafna affarijiet, affarijiet li issa jgħaġġbuni. O, kemm hi ħaġa tajba tintelaq għal kollox f’idejn Alla u tagħtih liberta’ sħiħa sabiex Huwa jaħdem f’ruħ dak li jkun!

 

 

 

135.                 Waqt it-tielet prova, il-Mulej tani x’nifhem li għandi noffri lili nnifsi Lilu, sabiex ikun jista’ jagħmel fija dak li jogħġbu. Kien ser ikolli nibqa’ wieqfa quddiemu bħala offerta ta’ vittma. Għall-ewwel, ħassejt ċertu ammont ta’ biża’, għax ħassejtni kompletament miżerabbli u kont naf tajjeb ħafna li dan kien il-każ. Għal darb’oħra weġibt lill-Mulej, “Jien l-istess miżerja: kif jista’ nkun ostaġġ (għall-oħrajn)?” Illum inti dan ma tistax tifhmu. Għada waqt l-adorazzjoni, Jiena ngħarrafhulek. Qalbi bdiet tirtogħod, kif ukoll ruħi, għax dan il-kliem baqa’ nieżel fil-fond ta’ ruħi. Il-kelma ta’ Alla hija ħajja.

 

X’ħin mort għall-adorazzjoni, ħassejt ġewwa ruħi li kont dħalt fit-tempju ta’ Alla l-ħaj, li l-Majesta’ Tiegħu hija kbira u ħadd ma jista’ jifhimha. U  Huwa għarrafni dak li wkoll l-ispirti l-iżjed safja huma f’għajnejh. Għalkemm minn barra ma rajt xejn, il-preżenza ta’ Alla mlietni. F’dak l-istess waqt l-intellett tiegħi iddawwal b’mod stramb. Quddiem l-għajnejn ta’ ruħi għaddiet dehra; din kienet bħad-dehra li Ġesu’ kellu fil-Ġnien taż- Żebbuġ. L-ewwel it-tbatijiet fiżiċi u ċ-ċirkostanzi kollha li kellhom iżidulhom; (imbagħad) il-għan kollu tat-tbatijiet spiritwali u dawk li ħadd ma kien ser ikun jaf bihom. Kollox daħal fid-dehra; suspetti foloz, telfien tal-fama. Jiena hawnhekk, qed naqtagħha fil-qasir, imma dan l-għarfien kien diġa’ daqshekk ċar li dak li għaddejt minnu iktar tard ma kien bl-ebda mod differenti minn dak li jien għaraft f’dak il-waqt. Ismi kellu jkun: “sagrifiċċju.”

 

Meta spiċċat din id-dehra, għaraq kiesaħ kien qed jaħsilli moħħi. Ġesu’ għarrafni li, ukoll jekk jiena ma kontx ser nagħti l-kunsens tiegħi għal din il-ħaġa, xorta waħda stajt insalva, u Hu ma kienx ser inaqqas il-grazzji Tiegħu, imma xorta kien ser ikompli jkollu l-istess relazzjoni intima miegħi, sabiex ukoll jekk ma nkunx tajt il-kunsens tiegħi biex nagħmel dan is-sagrifiċċju, il-ġenerożita’ ta’ Alla ma kenitx ser tonqos minħabba f’hekk.

 

136.                 U l-Mulej għarrafni li l-misteru kollu kien jiddependi minni, mill-kunsens ħieles tiegħi għas-sagrifiċċju, mogħti bl-użu sħiħ fil-fakultajiet tiegħi. F’dan l-att ħieles u konxju kien hemm il-qawwa u l-valur kollu quddiem il-Majesta’ Tiegħu. Ukoll jekk l-ebda waħda minn dawn l-affarijiet li jien kont offrejt lili nnifsi għalihom, qatt ma kienet ser tiġrili; quddiem il-Mulej kollox kien bħallikieku kien diġa’ sar. F’dak il-waqt, jiena ntbaħt li kont dieħla f’għaqda mal-Majesta’ ta’ Alla li ħadd ma jista’ jifhimha. Ħassejt li Alla kien qiegħed jistenna l-kelma tiegħi, il-kunsens tiegħi. Imma l-ispirtu tiegħi ntefa’ fil-Mulej u għidt: “Agħmel bija dak li jogħġbok. Jiena noqgħod għar-rieda Tiegħek. Mil-lum ‘il quddiem, ir-rieda mqaddsa Tiegħek tkun l-ikel tiegħi, u jiena nkun fidila għall-ordnijiet Tiegħek bil-għajnuna tal-grazzja Tiegħek. Agħmel bija dak li jogħġbok. Nitolbok, O Mulej, kun miegħi, f’kull mument ta’ ħajti.”

 

137.                 F’daqqa waħda, meta tajt il-kunsens tiegħi għas-sagrifiċċju b’qalbi kollha u bir-rieda tiegħi kollha, il-preżenza ta’ Alla mlietni. Ruħi ġiet mgħaddsa f’Alla u mimlija kollha kemm hi b’ferħ kbir li ma nistax infisser bil-kitba lanqas l-iċken parti minnu. Ħassejt li l-Majesta’ Tiegħu kien madwari. Kont magħuqda b’mod starordinarju ma’ Alla. Rajt li Alla kien ferħan ħafna bija u min-naħa tiegħi, l-ispirtu tiegħi għereq ġewwa Fih. Billi għaraft din l-għaqda tiegħi ma’ Alla, ħassejtni maħbuba b’mod speċjali u jien ukoll ħabbejt, b’ruħi kollha. Seħħ misteru kbir waqt dik l-adorazzjoni, misteru bejn il-Mulej u bejni. Deherli li kont ser immut bl-imħabba (meta kont se nara) il-ħarsa Tiegħu. Tkellimt ħafna mal-Mulej, mingħajr ma għidt kelma waħda. U l-Mulej  qalli: Inti l-għaxqa ta’ Qalbi; mil-lum ‘il quddiem, kull waħda mill-azzjonjiet tiegħek, anke l-iċken waħda, se tkun għaxqa f’għajnejja, tagħmel x’tagħmel. F’dak il-waqt ħassejtni kkonsagrata mill-ġdid. Ġismi kien l-istess wieħed, imma ruħi kienet differenti; issa Alla kien qiegħed igħix ġewwa fiha bl-għaxqa kollha Tiegħu. Dan mhux dak li ħassejt, imma din kienet ir-realta’ li jiena kont qed nagħraf u li xejn ma jista’ jitfiha.

 

138.                 Seħħ misteru kbir bejn Alla u bejni. Il-kuraġġ u s-saħħa baqgħu ġewwa ruħi. Meta spiċċa l-ħin tal-adorazzjoni, ħriġt ‘il barra u lqajt bil-kalma kollha dak kollu li qabel kont nibża’ minnu. Meta ħriġt fil-kuritur, kien hemm tistennieni tbatija kbira u umiljazzjoni mingħand ċerta persuna. Aċċetajtha b’sottomissjoni għal volonta’ iktar għolja u fittixt il-kenn ħdejn il-Qalb l-iżjed Qaddisa ta’ Ġesu’, u għarraftu li jiena kont lesta għal dak li offrejt lili nnifsi għalih. It-tbatija bħal qisha  kienet tinbet mill-art. Madre Margaret stess kienet tistagħġeb. Għall-oħrajn, ħafna affarijiet kienu jibqgħu għaddejjin mingħajr ħadd ma kien jagħti kashom; imma fil-każ tiegħi, xejn ma kien jibqa’ għaddej mingħajr ħadd ma jagħti kasu; kull pass li nagħmel. Waħda Soru qaltli, “Lesti ruħek, Sor, biex tilqa’ salib ċkejken mingħand il-Madre Superjura. Jiena nitħassrek.” Imma jien fraħt fil-fond ta’ ruħi meta smajt dan, u kien ili żmien twil lesta għalih. Meta hija rat il-kuraġġ tiegħi, stagħġbet. Issa qiegħda nara li ruħ ma tsiatx tagħmel ħafna waħedha, imma flimkien ma’ Alla tista’ tagħmel kollox Araw x’tista’ tagħmel il-grazzja ta’ Alla. Ftit huma dawk l-erwieħ, li jkunu dejjem għassa għall-grazzji ta’ Alla u terġa’ huma anqas dawk l-erwieħ li jimxu bil-fedelta’ fuq dawk l-ispirazzjonijiet.

 

 

139.                 Imma ruħ li hija fidila lejn Alla ma tistax tikkonferma l-ispirazzjonijiet tagħha stess; għandha tissottomettihom għall-ġudizzju ta’ saċerdot li jkun għaref u prudenti ħafna; u sakemm tkun aktar ċerta mhux ħażin , għandha tibqa’ ma tafdax. M’għandhiex, fuq l-inizzjattiva tagħha biss, tpoġġi l-fiduċja tagħha f’dawn l-ispirazzjonijiet u l-grazzji għolja oħra, għax inkella tkun qiegħda tpoġġi lilha nnifisha quddiem telfiet kbar.

 

Ukoll jekk ruħ tista’ tiddistingwi mill-ewwel bejn ispirazzjonijiet foloz u dawk li jkunu ġejjin minn Alla, xorta waħda għandha toqgħod attenta, għax ħafna affarijiet mhumiex ċerti. Alla jieħu gost u jifraħ meta ruħ ma tafdax minħabba fiha nnfisha; għax tkun tħobbu, tkun prudneti u hi stess titlob u tfittex l-għajnuna sabiex tkun ċerta li jkun tassew Alla li qiegħed jaħdem ġewwa fiha. U meta l-konfessur li jkun jaf x’inhu jagħmel dan jikkonfermah, ir-ruħ għandha tkun fil-paċi u tingħata f’idejn Alla, skont id-direzzjonijiet tiegħu; jiġifieri, skont id-direzzjonijiet tal-konfessur.

 

140.                 Imħabba safja għandha l-ħila tagħmel affarijiet kbar, u mhijiex se titkisser minħabba xi diffikulta’ jew xkiel. Filwaqt li tibqa’ b’saħħitha fost diffikultajiet kbar, hekk ukoll hija tippersevera fil-ħajja mimlija bix-xogħol komuni ta’ kuljum. Hija taf li hemm bżonn ħaġa waħda biss sabiex togħġob  lil Alla: li hija tagħmel ukoll l-iċken affarijiet b’imħabba kbira – imħabba, u dejjem imħabba.

 

L-imħabba safja ma tiżbalja qatt. Id-dawl tagħha huwa abbundanti iktar milli jkun mistenni. Hija ma tagħmel xejn li jista’ ma jogħġobx lil Alla. Hija inġenjuża sabiex tagħmel sak li l-iktar jogħġob lil Alla, u ħadd ma jlaħħaq magħha. Tkun kuntenta meta tkun tista’ tiżvojta lilha nnfisha u taqbad bin-nar bħal offerta safja. Iktar ma tagħti minn tagħha, iktar issir kuntenta. Imma minbarra hekk, ħadd ma jista’ jintebaħ bil-perikli mill-bogħod bħalma tista’ tagħmel l-imħabba; hija taf kif għandha tikxef xi ħaġa u taf ukoll ma’ min għandha taħdem.

 

 

 

141.                 Imma t-turmenti tiegħi qegħdin jaslu fit-tmiem. Il-Mulej qiegħed jagħtini l-għajnuna li Hu kien wegħidni. Dan nista’ narah f’żewġ saċerdoti; jiġifieri, Patri Andrasz u Dun Sopocko. Waqt l-irtir qabel il-voti perpetwi tiegħi (nota44), għall-ewwel darba ħassejtni kollni kemm jien fil-paċi (permezz ta’ Patri Andrasz ) (nota45), u wara mexxieni fl-istess direzzjoni Dun Sopocko. Dan kien it-twettiq tal-wegħda tal-Mulej.

 

 

 

142.                 Meta ħassejtni fil-paċi u ġejt mgħallma kif għandi nimxi fil-mogħdijiet ta’ Alla, l-ispirtu tiegħi feraħ fil-Mulej, u deherli li kont qiegħda niġri, u mhux nimxi. Ġwinħajja kienu miftuħin biex intir; tlajt ‘il fuq fl-istess sħana tax-xemx, u minix se ninżel ‘l isfel sakemm nistrieħ f’Dak li ruħi ntilfet fih għal dejjem. Issottomittejt ruħi kollni kemm jien għall-ħidma tal-grazzja. Alla qiegħed jinżel ferm lejn ruħi. Jien ma ninġibidx lura, lanqas niqaflu, imma nintilef  Fih bħala teżor waħdieni tiegħi. Sirt ħaġa waħda mal-Mulej. Bħallikieku d-distanza bejnietna, il-Ħallieq u l-ħlejqa għabet. Għal ftit ġranet, ruħi kienet tinsab fi stat ta’ estasi kontinwa. Il-Preżenza ta’ Alla ma ħallitnix waħdi għal mument wieħed biss. U ruħi baqgħet f’għaqda kontinwa ta’ mħabba mal-Mulej. Imma dan bl-ebda mod ma tellef it-twettiq ta’ dmirijieti. Ħassejtni li ġejt mibdula f’imħabba; kont qiegħda naqbad kollni kemm jiena, imma mingħajr ma ninħaraq. Kont mitlufa kontinwament f’Alla; Alla ġibidni lejh b’mod hekk qawwi li xi drabi lanqas kont inkun naf li qiegħda f’din id-dinja. Kont tfixkilt u bżajt mill-grazzja ta’ Alla għal żmien twil, u issa Alla stess, permezz ta’ Patri Andrasz, neħħa d-diffikultajiet kollha. L-ispirtu tiegħi qiegħed iħares lejn ix-Xemx u fetaħ fil-blanzuni ir-raġġi Tiegħu għalih biss; ma nista’ nifhem xejn iżjed... (is-sentenza tinqata’ hawnhekk u ħsieb għal kollox ġdid jibda fil-linja li jmiss.)

 

 

 

143.                 + Ħlejt ħafna mill-grazzji ta’ Alla għax dejjem kont nibża’ li nisfa mqarrqa. Alla ġibidni lejh b’mod hekk qawwi li spiss ma kienx ikolli l-qawwa biex nirreżisti l-grazzja Tiegħu meta kont inkun f’daqqa waħda mgħaddsa Fih. F’dawn il-waqtiet, Ġesu’ kien jimlieni b’paċi hekk kbira li, iktar tard, ukoll meta kont nipprova nsir anzjuża, ma kienx jirnexxili.U mbagħad, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Sabiex inti tkun żgura li nkun Jiena li qed nitlob dawn l-affarijiet kollha mingħandek, Jiena nagħtik paċi profonda li wkoll, jekk inti tkun trid tħossok inkwetata u mbeżżgħa, ma jkunx possibli għalik li tagħmel dan illum, imma l-imħabba timla lil ruħek sakemm tinsa lilek innifsek.

 

 

 

144.                 Iktar tard Ġesu’ tani saċerdot ieħor (Dun Sopocko) u kkmandani niftaħ qalbi miegħu. Għall-ewwel tqalt biex nagħmel dan, imma ċanfira severa mingħand Ġesu’ sawbet umilta’ profonda ġewwa ruħi. Taħt id-direzzjoni tiegħu, ruħi malajr għamlet progress fl-imħabba ta’ Alla u ħafna xewqat tal-Mulej ġew imwettqa esternament. (nota46) Ħafna drabi stagħġibt bil-kuraġġ u l-umilta’ profonda ta’ dan is-saċerdot.

 

 

 

145.                 Kemm hi mnikkta ruħi talli ħliet dawk il-grazzji kollha! Kont qiegħda naħrab minn quddiem Alla, u Hu kien qiegħed jiġri warajja bil-grazzji Tiegħu. L-iktar li jiena kien ikolli esperjenza tal-grazzji ta’ Alla kien meta Hu tani direttur spiritwali, jien kont iktar fidila għall-grazzji. Grazzi għad-direttur u l-mod kif hu kien jgħasses fuq ruħi, tgħallimt x’jiġifieri tmexxija u kif iħares lejha Ġesu’.  Ġesu’ kien iwiddibni dwar l-iċken difett u saħaq li Huwa stess kien jiġġudika l-każ li jien kont inpoġġi quddiem il-konfessur tiegħi; u (Huwa qalli) li... kull nuqqas kontra l-konfessur kien jolqot Lili stess.

 

Meta, taħt id-direzzjoni tiegħu, ruħi bdiet tħoss ġabra u paċi profonda, jiena spiss kont nisma’ dan il-kliem ġewwa ruħi: Saħħaħ lilek innfisek għat-taqbida – kliem li kien jiġi mtenni diversi drabi f’ħinijiet diversi.

 

+ Ġesu’ spiss jgħarrafni x’ma jogħġbux f’ruħi, u iktar minn darba ċanfarni għal dawk li jidhru li huma affarijiet żgħar imma li kienu, fil-fatt, affarijiet ta’ importanza kbira. Huwa widdibni u ppruvani bħala Mgħallem. Għal ħafna snin Huwa stess kien jedukani sa ma wasal il-waqt meta tani direttur spiritwali. Qabel, Hu stess kien ifisser dak li ma stajtx nifhem; imma issa, Huwa jgħidli nistaqsi lill-konfessur tiegħi dwar kollox u spiss igħid: Jiena nwieġbek permezz tal-kliem tiegħu. Kun fil-paċi. Qatt ma ġrali li rċevejt tweġiba li kienet tmur kontra dak li l-Mulej ried mingħandi, meta kont nippreżentaha lid-direttur spiritwali (Dun Sopocko). Xi kultant jiġri li Ġesu’ l-ewwel jitlob mingħandi ċerti affarijiet, li dwarhom ħadd ma jaf xejn, u mbagħad, meta jiena noqgħod għarkobbtejja fil-konfessinarju, il-konfessur tiegħi jagħtini l-istess ordni – imma dan, ma jiġrix ta’ spiss.

 

Meta, fuq perjodu twil, ruħ tkun rċieviet ħafna dawl u ħafna ispirazzjonijiet, u meta l-konfessuri jkunu kkonfermaw minn fejn ikunu ġejjin dawn l-ispirazzjonijiet u lir-ruħ ikunu serrħulna rasha; jekk l-imħabba tagħha tkun kbira, Ġesu’ issa jgħarrafha li jkun wasal iż-żmien li tpoġġi fil-prattika dak li tkun irċeviet. Ir-ruħ tintebaħ li Alla qiegħed jafda fuqha, u dan l-għarfien jagħtiha s-saħħa. Tkun taf li, sabiex tkun fidila, hija spiss ikollha tħabbat wiċċha ma’ diversi diffikultajiet, imma hija tafda f’Alla u, grazzi għal din il-fiduċja, tilħaq dak il-punt li Alla jkun qiegħed isejħilha għalih. Id-diffikultajiet ma jwerwruhiex; huma bħallikieku l-ħobż ta’ kuljum tagħha. La jbeżżgħu u lanqas iwerwru lir-ruħ, bħalma gwerrier li l-ħin kollu jaffaċċja l-battalja ma jibżax mit-tir tal-kanun. Minflok ma tibża’, hija toqgħod tissemma’ sabiex tkun ċerta minn fejn l-għadu jibda l-attakk tiegħu sabiex tirbaħlu. Ma tagħmel xejn bl-addoċċ, imma tifli u taħseb sewwa fuq kollox u ma toqgħodx fuqha nnfisha biss, imma titlob bil-ħerqa u titlob il-parir  ta’ gwerriera oħra li għandhom l-esperjenza u huma għaqlin. Meta r-ruħ taġixxi b’dan il-mod, hija kważi dejjem tirbaħ.

 

Ikun hemm attakki meta r-ruħ ma jkollhiex ħin toqgħod taħseb jew tfittex li tieħu parir; imbagħad jkollha tidħol f’taqbida li tfisser jew ħajja jew mewt. Xi drabi tkun ħaġa tajba li taħrab u tistkenn fil-Qalb midruba ta’ Ġesu’, mingħajr ma twieġeb lanqas kelma waħda. B’dan l-istess att l-għadu jkun diġa’ ntrebaħ.

 

Fi żmien ta’ kwiet, ukoll, ir-ruħ tkompli tisforza, bħalma jiġri fiż-żmien tal-battalja. Għandha taħdem, u taħdem bl-enerġija; inkella m’għandhiex l-ebda ċans li takkwista r-rebħa. Jiena nħares il-mumenti ta’ paċi bħala preparament għar-rebħa. Ir-ruħ trid tkun dejjem għassa, għassa, u dejjem għassa. Ir-ruħ li tirrifletti tirċievi ħafna dawl. Ruħ li tkun distratta tkun fil-periklu li taqa’ u ma jkollhiex għalfejn tistagħġeb meta taqa’. O Spirtu ta’ Alla, Direttur tar-ruħ, għaref huwa dak li inti rawwimt! Imma, sabiex l-Ispirtu ta’ Alla jaħdem fir-ruħ, hemm bżonn il-paċi u l-ġabra.

 

146.                 It-talb – Ruħ tarma lilha nnfisha permezz tat-talb għal taqbid ta’ kull xorta. Ikun xi jkun stat li r-ruħ tkun tinsab fih, hija għandha titlob. Ruħ li hi safja u sabiħa għandha titlob, inkella titlef is-sbuħija tagħha; ruħ li qiegħda tistinka għas-safa trid titlob għax inkella qatt ma tiksbu; ruħ li għadha kemm ikkonvertiet trid titlob, inkella terġa’ taqa’; ruħ midinba, mgħaddsa fid-dnubiet, trid titlob, sabiex terġa’ tqum. M’hemm l-ebda ruħ li m’għandhiex id-dmir titlob, għax kull grazzja tasal għand ir-ruħ permezz tat-talb.

 

 

 

147.                 Jien niftakar li rċevejt l-iktar dawl waqt l-adorazzjoni li kont nagħmel wiċċi mal-art quddiem is-Sagrament Imqaddes għal nofs siegħa kuljum matul ir-Randan kollu. F’dak il-ħin sirt naf lili nnifsi u lil Alla b’mod iktar profond. Madankollu, għalkemm kelli l-permess tas-Superjuri tiegħi biex dan nagħmlu, xorta waħda ltqajt ma’ ħafna ostakli biex inkun nista’ nitlob b’dan il-mod. Ir-ruħ għandha tintebaħ li, sabiex wieħed jitlob u jippersevera fit-talb, irid jarma lilu nnifsu bil-paċenzja u jħabbat wiċċu bil-kuraġġ kollu ma’ diffikultajiet minn ġewwa. Id-diffikultajiet minn ġewwa huma l-iskuraġġiment, in-nixfa, it-toqol fl-ispirtu u t-tentazzjonijiet. Id-diffikultajiet minn barra huma r-rispett uman tal-ħin; wieħed għandu josserva l-ħin li hu riservat għat-talb. Din kienet l-esperjenza personali tiegħi għax, meta ma kontx nitlob fil-ħin riservat għat-talb, iktar tard ma kontx inkun nista’ nagħmlu dan minħabba d-dmirijiet tiegħi; jew inkella wkoll jekk kien jirnexxili nagħmlu, dan kont nagħmlu biss b’diffikulta’ kbira għax fil-ħsieb kont nibqa’ nhewden fuq dmirijieti. Kelli wkoll diffikulta’ oħra: meta ruħ tkun talbet sewwa u spiċċat it-talb fi stat ta’ ġabra profonda interna, nies oħrajn jirreżistu din l-ġabra tagħha; u għalhekk ir-ruħ għandha tieħu paċenzja sabiex tippersevera fit-talb. Kien jiġrili ta’ spiss li meta ruħi kienet tkun mgħaddsa iktar fil-fond t’Alla, u jiena nkun ħadt frott ikbar mit-talb, u l-preżenza ta’ Alla kienet tkun miegħi matul il-ġurnata, u waqt xogħli kien ikun hemm iktar ġabra u eżatezza u sforz waqt il-qadi ta’ dmirijieti, dan kien preċiżament meta kont naqla’ l-aktar ċanfir talli kont traskurata fi dmirijieti u indifferenti għal kollox. Erwieħ li mhumiex daqshekk miġburin iridu li l-oħrajn ikun bħalhom, għax huma (kawża) ta’ rimors kontinwu għalihom.

 

 

 

148.                 + Ruħ nobbli u delikata, ukoll l-iktar waħda sempliċi, imma li għandha sensibbiltajiet delikati, tara lil Alla f’kollox, issibu kullimkien, u taf issibu wkoll fl-affarijiet l-iktar moħbijin. Għaliha kollox hu importanti, tapprezza ħafna kollox; trodd ħajr lil Alla għal kollox; tieħu ġid għar-ruħ minn kollox, u tagħti l-glorja kollha lil Alla. Tqiegħed l-fiduċja tagħha f’Alla u ma titħawwadx meta jasal il-waqt tat-tiġrib. Taf  li Alla huwa dejjem l-aqwa Missier u ftit tagħti kas ta’ kif  jaħsbuha l-oħrajn. Hija ssegwi bil-fedelta’ l-inqas nifs tal-Ispirtu s-Santu; tifraħ b’dan il-Mistieden Spirtwali u taqbad miegħu l-ħin kollu bħalma tagħmel tarbija ma’ ommha. Fejn erwieħ oħra jieqfu bil-biża’ jew diffikulta’.

 

 

 

149.                 Meta l-Mulej innifsu irid ikun qrib ruħ u jmexxiha, Huwa jneħħi min-nofs kulma hu estern. Meta mradt u ħaduni fl-infermerija kelli nbati ħafna affarijiet koroh minħabba din il-ħaġa. Konna tnejn morda fl-infermerija. Is-sorijiet kienu jiġu jaraw lil Swor N. imma ħadd ma kien jiġi jara lili. Veru li kien hemm infermerija waħda biss, imma kulħadd kien ikollu ċ-ċella tiegħu. L-iljieli fix-xitwa kienu jkunu twal, u Swor N. kien ikollha d-dawl u l-kuffji tal-widna biex tisma’ r-radju, filwaqt li jiena lanqas biss ma stajt inħejji l-meditazzjoni tiegħi għax ma kellix dawl.

 

Meta kienu għaddew ġimgħatejn b’dan il-mod, darba waħda filgħaxija lmenjtajt mal-Mulej li kont qiegħda nbati ħafna u li lanqas biss stajt inħejji l-meditazzjoni tiegħi għax ma kellix dawl. U l-Mulej qalli li Hu kien ser jiġi kull filgħaxija u jagħtini l-punti għall-meditazzjoni tal-ġurnata li tmiss. Dawn il-punti dejjem kienu jkunu dwar il-Passjoni ħarxa Tiegħu. Huwa kien igħid: Aħseb fuq it-tbatijiet Tiegħi quddiem Pilatu. U hekk b’dan il-mod, punt wara l-ieħor jien mmeditajt il-Passjoni ħarxa Tiegħu għal ġimgħa sħiħa. Minn dak iż-żmien ‘il quddiem, daħal ferħ kbir ġewwa ruħi u ma bqajtx irrid la viżitatturi u lanqas id-dawl; għalija kien biżżejjed Ġesu’ għal kollox. Is-superjuri kienu verament jieħdu ħsieb il-morda, imma l-Mulej ordna li jiena nħossni abbandunata. Dan l-aqwa fost l-għalliema kollha, jneħħilek kull ħlejqa sabiex ikun jista’ jaġixxi Hu stess. Ħafna drabi, kelli l-esperjenza ta’ tant tbatija u persekuzzjonijiet li s-Superjura M. (aktarx Madre Margaret) hi stess qaltli: “Sor, narak bħala waħda fuq is-salib. Imma jiena nista’ nara li hemm Ġesu’ fin-nofs. Kun fidila lejn il-Mulej.”

 

 

 

150.                 + Jiena nixtieq nikteb ħolma li kelli dwar Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’. F’dak iż-żmien kont għadni novizza u kont għaddejja minn xi diffikultajiet interjuri marbutin ma’ oħrajn esterjuri. Għamilt noveni lil diversi qaddisin, imma s-sitwazzjoni saret iktar diffiċli. It-tbatijiet li din ikkawżatli kienu hekk kbar li ma kontx naf kif kont ser inkompli ngħix; imma f’daqqa waħda ġieni l-ħsieb li kelli nitlob lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’. Bdejt novena lil din il-qaddisa, għaliex qabel ma dħalt il-kunvent kelli devozzjoni kbira lejha. Dna l-aħħar kont b’xi mod ittraskurajt din id-devozzjoni, imma fil-bżonn tiegħi rġajt bdejt nitlob b’ħeġġa kbira.

 

Fil-ħames jum tan-novena, ħlomt b’Santa Tereża, imma deheritli bħallikieku  kienet għadha ħajja hawnhekk. Ħbiet minni l-fatt li kienet qaddisa u bdiet tfarraġni u tgħidli li m’għandix ninkwieta dwar din il-ħaġa, imma nafda iktar f’Alla. Hija qaltli: “Jiena wkoll batejt ħafna’ imma jiena ma tantx emmintha u għidt: “Jiena jidhirli li inti ma batejt xejn.”  Imma Santa Tereża weġbitni b’mod konviċenti li hija kienet tassew batiet ħafna u qaltli: “Sor, kun af li fi żmien tlett ijiem id-diffikulta’ tispiċċa b’mod sodisfaċenti.” Meta jiena wrejt li ma tantx kont lesta li nemminha, hija wrietni li hi kienet qaddisa. F’dak il-waqt, ruħi mtliet b’ferħ kbir u jiena għidtilha: “Inti qaddisa?” “Iva.” Hija wieġbet: “Jiena qaddisa. Emmen li din il-ħaġa ser tiġi maħlula fi żmien tlett ijiem.” U jiena għidt: “Għażiża ħelwa Tereża, għidli jiena għad immur il-ġenna?” U hija wieġbet, “Iva, inti għad tmur il-ġenna, Sor.”  “ U jien għad inkun qaddisa?” U għal din hija wieġbet: “Iva, int għad tkun qaddisa.” “Imma, ċkejkna Tereża, jiena għad inkun qaddisa bħalek, meqjuma fuq l-altar?” U hija wieġbet: “Iva, inti għad tkun qaddisa bħali, imma trid tafda fil-Mulej Ġesu’”. Jiena mbagħad staqsejtha jekk ommi u missieri jmorrux il-ġenna, jekk... (sentenza mhux kompluta). U hija wieġbet iva. Komplejt nistaqsi: “U ħuti jmorru l-ġenna?” Hija qaltli nitlob ħafna għalihom, imma ma tatnix tweġiba definita. Jiena fhimt li huma kellhom bżonn ħafna talb.

 

 

 

Din kienet il-ħolma. U bħalma jgħid il-qawl, il-ħolm hu imaġinazzjoni; Alla huwa fidi. Madankollu, tlett ijiem wara, il-problema ġiet maħlula b’mod tassew faċli, bħalma kienet qaltli. Kienet ħolma, imma kellha tifsira tagħha.

 

 

 

151.                 Darba, meta jiena kont fil-kċina flimkien ma’ Swor N, (nota47), hija tilfet il-paċenzja miegħi, u bħala kastig, ordnatli noqgħod bil-qiegħda fuq il-mejda filwaqt li hi kompliet taħdem iebes, tnaddaf u togħrok. U filwaqt li kont bil-qiegħda hemmhekk, ġew is-sorijiet u stagħġbu mhux ftit meta sabuni bil-qiegħda fuq il-mejda, u kull waħda qalet tagħha. Waħda qalet li jiena nħobb niskarta u oħra kkumentat: “Kemm hi eċċentrika!” Dak iż-żmien jiena kont postulanta. Oħrajn qalu: “Din xi kwalita’ ta’ soru ser tkun?” Minkejja dan, jiena ma stajtx ninżel minn hemm għaliex is-soru kienet ordnatli noqgħod bil-qiegħda hemm b’ubbidjenza (nota48) sakemm hija tgħidli ninżel. Verament, Alla biss jaf kemm kelli nagħmel atti ta’ ċaħda tiegħi nnifsi. Ħsibt li kont ser immut bil-mistħija. Alla kien ta’ spiss jippermetti affarijiet bħal dawn minħabba l-formazzjoni interna tiegħi, imma kien ipattili għal din l-umiljazzjoni b’konsolazzjoni kbira. Waqt il-Barka jiena rajtu fis-sbuħija kbira Tiegħu. Ġesu’ ħares lejja bil-ħlewwa u qalli: Binti, tibżax mit-tbatijiet; Jiena qiegħed miegħek.

 

 

 

152.                 Darba, jiena kont ta’ billejl, (nota49), u kont qiegħda nbati ħafna fl-ispirtu minħabba l-pittura tax-xbieha, u ma kontx naf lejn min ser nirrikorri għax kienu l-ħin kollu jippruvaw jikkonvinċuni li kienet kollha kemm hi illużjoni. Mill-banda l-oħra, saċerdot qalli li Alla forsi ried li jkun meqjum permezz ta’ din ix-xbieha u għalhekk jiena kelli nipprova sabiex din ix-xbieha tiġi mpittra. Sadattant, ruħi kienet qiegħda ssir għajjiena ħafna. Meta dħalt fil-kappella ż-żgħira, poġġejt rasi qrib it-tabernaklu, ħabbatt u għidt: “Ġesu’, ara kemm qiegħda jkolli diffikultajiet kbar minħabba l-pittura ta’din ix-xbieha.” U smajt vuċi minn ġot-tabernaklu: Binti, it-tbatijiet tiegħek m’humiex ser idumu ħafna iktar.

 

 

 

153.                 Ġurnata minnhom, jiena rajt żewġ toroq. Waħda kienet wiesgħa, miksija ramel u fjuri, mimlija ferħ, mużika u kull xorta ta’ pjaċiri. Kien hemm in-nies mexjin fiha, jiżfnu u jieħdu gost. Huma waslu fit-tarf tagħha mingħajr ma lanqas biss indunaw. U fit-tarf ta’ din it-triq kien hemm preċipizzju tal-biża’, jiġifieri, l-abbiss tal-infern. L-erwieħ kienu neżlin fih bl-għama; filli mexjin, filli waqgħu ġo fih. U kienu hekk numerużi li kien impossibbli tgħoddhom. U rajt it-triq l-oħra,  jew aħjar insejħilha mogħdija, għax kienet dejqa u mimlija xewk u blat; u n-nies li kienu mexjin fiha kellhom id-dmugħ f’għajnejhom, u kienu għaddejjin minn kull xorta ta’ tbatija. Xi wħud tfixklu u waqgħu fuq il-blat, imma reġgħu qamu minnufih fuq saqajhom u komplew mexjin. Fit-tarf tat-triq kien hemm ġnien meraviljuż mimli b’kull xorta ta’ hena, u l-erwieħ kollha daħlu hemm. Mill-ewwel waqt huma nsew it-tbatijiet kollha tagħhom.

 

 

 

154.                 Darba, meta kien hemm adoarzzjoni fil-kunvent tas-Sorijiet tas-Sagra Familja, (nota50) jiena mort hemmhekk filgħaxija ma’ waħda mis-sorijiet tagħna. Malli dħalt fil-kappella, il-preżenza ta’ Alla mliet ruħi. Jiena tlabt bħalma nitlob f’xi żminijiet, mingħajr ma nlissen lanqas kelma waħda. F’daqqa waħda, rajt il-Mulej, li qalli: Kun af li jekk inti ma tagħtix kas l-affari tal-pittura tax-xbieha u x-xogħol kollu tal-ħniena, int ikollok twieġeb għal għadd kbir ta’ erwieħ f’jum il-ġudizzju. Wara dan il-kliem tal-Mulej Ġesu’, ruħi mtliet b’ċerta biża’, u qabadni paniku. Nipprova kemm nipprova, ma stajtx nikkalma. Dan il-kliem bqajt nisimgħu. Mela mhux ser ikolli nwieġeb għalija nnifsi biss f’jum il-ġudizzju, imma wkoll għall-erwieħ tal-oħrajn. Dan il-kliem niżel fil-fond ta’qalbi. Meta mort lura d-dar, mort quddiem iċ-ċkejken Ġesu’, (nota51) inżilt wiċċi fl-art quddiem is-Sagrament Imqaddes u għidt lill-Mulej: “Jiena sejra nagħmel dak kollu li jiddependi minni, imma qiegħda nitolbok tkun dejjem miegħi u tagħtini s-saħħa biex nagħmel ir-rieda qaddisa Tiegħek; għax Inti tista’ tagħmel kollox, filwaqt li jiena waħdi ma nista’ nagħmel xejn.”

 

 

 

155.                 + Ġrali kemm –il darba issa li jiena minnufih inħoss ġewwa ruħi meta xi ħadd ikun qiegħed jitlob għalija; u bl-istess mod inħoss ukoll ġewwa ruħi meta xi ruħ tkun qiegħda tfittixni għat-talb, ukoll jekk ma jkellmunix dwar dan. Is-sensazzjoni hija waħda ta’ ċertu nkwiet, bħallikieku xi ħadd qiegħed isejjaħli; u meta nitlob, ikolli l-paċi.

 

 

 

156.                 + Darba, xtaqt ħafna li nitqarben, imma kelli ċertu dubju, u ma tlajtx nitqarben. Batejt ħafna minħabba din il-ħaġa. Dehrli li qalbi kienet ser tinqasam bl-uġigħ. Meta bdejt nagħmel ix-xogħol tiegħi, qalbi kienet mimlija bl-imrar. Rajt lil Ġesu’ f’daqqa waħda bil-wieqfa maġenbi u qalli: Binti, tħallix barra t-tqarbin jekk int ma tkunx ċerta li l-waqgħa tiegħek kienet waħda serja; minbarra din il-ħaġa, l-ebda dubju m’għandu jwaqqfek milli tingħaqad Miegħi fil-misteru ta’ mħabbti. Id-difetti żgħar tiegħek jisparixxu f’imħabbti bħal biċċa tiben mitfugħa f’forn kbir. Kun af li ssewwidli Qalbi ħafna meta inti ma tirċevinix fit-Tqarbin.

 

 

 

157.                 + Filgħaxija meta dħalt fil-kappella ż-żgħira, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Binti, aħseb f’dan il-kliem: U meta kien fl-agunija, Huwa talab aktar bil-qalb. Meta jiena bdejt naħseb fuqhom iktar, beda dieħel ħafna dawl ġewwa ruħi. Jiena tgħallimt kemm aħna għandna bżonn perseveranza fit-talb u li s-salvazzjoni tagħna spiss tiddependi minn talb diffiċli bħal dan.

 

158.                 + Meta kont Kiekrz (1930) minflok waħda mis-sorijiet (nota52) għal ftit żmien, jiena qsamt il-ġnien darba wara nofs in-nhar u waqaft fuq ix-xatt tal-għadira, domt hemm għal żmien twil, nikkontempla x-xena madwari. F’daqqa waħda, rajt il-Mulej Ġesu’ maġenbi, u qalli dan il-kliem bil-ġentilezza: Dan kollu Jiena ħlaqtu għalik, għarusa Tiegħi; u kun af li din is-sbuħija kollha m’hi xejn meta tqabbilha ma’ dak li Jiena ħejjejt għalik għall-eternita’. Ruħi kienet għal kollox mimlija b’konsolazzjoni bħal din u jiena bqajt hemmhekk sa filgħaxija, u deherli daqslikieku kien mument wieħed qasir. Dik kienet il-ġurnata libera tiegħi, li kont ħallejt għal irtir ta’ ġurnata, (nota53) għalhekk stajt inkun libera li niddedika ruħi għat-talb. O kif Alla tjubija bla qies jiġri warajna bit-tjieba Tiegħu! Spiss jiġri li l-Mulej jikkonċedili l-ikbar grazzji meta ma nkunx qiegħda qatt nistenniehom.

 

 

 

 

159.                 + Ostja Mqaddsa, magħluqa fil-pissidi tad-deheb għalija,

Sabiex fid-deżert immens ta’ l-eżilju

Jiena nkun nista’ nibqa’ għaddejja – safja, bla ebda tebgħa;

Agħmel li, permezz tal-qawwa ta’ Mħabbtek, dan jista’ jseħħ.

 

Ostja Mqaddsa, ejja għammar ġewwa ruħi,

Inti, l-imħabba l-iktar safja tal-qalb tiegħi!

Bid-dija Tiegħek keċċi d-dlamijiet.

Iċċaħħadx il-qalb umli mill-grazzja Tiegħek.

        

Ostja Mqaddsa, is-seħer tal-ġenna kollha,

Għalkemm is-sbuħija Tiegħek tinsab mgħottija

U maqbuda ġewwa farka ħobż,

Fidi soda taf tneħħi dak il-velu min-nofs.

 

 

 

160.                 Il-ġurnata tal-kruċjata, (nota54) li tiġi fil-ħamsa tax-xahar, ħabtet fl-ewwel Ġimgħa tax-xahar. Dan kien il-jum meta jiena kelli nishar quddiem il-Mulej Ġesu’ għall-offiżi kollha u għall-atti ta’ nuqqas ta’ rispett u li nitlob li, f’dan il-jum, ma jsir l-ebda sagrileġġ. F’dan il-jum, l-ispirtu tiegħi kien qiegħed jaqbad bin-nar ta’ mħabba speċjali fl-Ewkaristija. Qisni kont mibdula f’nara iħeġġeġ. Meta kont ser nitqarben, Ostja oħra waqgħet fil-komma tas-saċerdot, u jiena ma kontx naf liema Ostja kelli nirċievi. Wara li qgħadt naħsibha għal mument, is-saċerdot għamel ġest b’idu b’nuqqas ta’ paċenzja biex jgħidli li kelli nirċievi l-Ostja. Meta jiena ħadt l-Ostja li huwa tani, l-oħra waqgħet f’idejja. Is-saċerdot mexa mal-grada tal-altar sabiex ikompli jqarben, u jiena żammejt il-Mulej Ġesu’ f’idejja il-ħin kollu. Meta reġa’ ġie lejja għal darb’oħra,  jien għollejt l-Ostja sabiex hu jkun jista’ jaraha u jpoġġiha lura fil-pissidi, għax meta qabel kont irċevejt lil Ġesu’, jiena ma stajtx nitkellem qabel ma kkonsmajt l-Ostja, u għalhekk ma stajtx ngħidlu li kienet waqgħet l-Ostja l-oħra. Imma waqt li jiena kont qiegħda inżomm l-Ostja f’idejja, ħassejt tant qawwa ta’ mħabba li għall-bqija tal-ġurnata la stajt niekol u lanqas niġi f’sensija. Jien smajt dan il-kliem ġej mill-Ostja: Jiena xtaqt nistrieħ f’idejk, mhux f’qalbek biss. U f’dak il-mument rajt liċ-ċkejken Ġesu’. Imma meta resaq lejja s-saċerdot, jien rġajt rajt biss l-Ostja.

 

 

 

161.                 O Marija, Verġni Immakulata,

Kristall safi għal qalbi,

Inti s-saħħa tiegħi O ankra b’saħħitha!

Inti t-tarka u l-protezzjoni tal-qalb debboli tieghi.

 

O Marija inti safja, ta’ safa li bħalu m’hawnx

Fl-istess waqt kemm Verġni u Omm,

Inti sabiħa bħax-xemx, bla ebda tebgħa,

U ruħek ma tista’ tqabbilha ma’ xejn.

 

Is-sbuħija tiegħek tpaxxiet biha l-għajn ta’ Dak li Hu

Qaddis għal tlett, darbiet,

Huwa nieżel mis-sema u ħalla t-tron etern Tiegħu

U ħa l-Ġisem u d-Demm mill-qalb tiegħek

U għal disa’ xhur qagħad moħbi f’Qalb ta’ Verġni.

 

O Omm, Verġni, li ħadd ma jista’ jifhem.

Kif Alla etern isir bniedem;

l-għan Tiegħu hi biss l-imħabba u l-Ħniena li ma titfissirx,

U li permezz tiegħek, O Omm tagħna – jiġu mogħtija lilna li ngħixu

Miegħu għal dejjem.

 

O Marija, Verġni u Ommna: il-bieb tal-Ġenna għalina.

Permezz tiegħek is-salvazzjoni waslet għandna.

Min idejk jgelglu l-grazzji kollha għal għandna

U l-limitazzjoni tiegħek biss tista’ tqaddisni.

 

O Omm, Verġni, l-iktar safja fost il-ġilji kollha,

Il-Qalb tiegħek kienet l-ewwel tabernaklu ta’ Ġesu’ f’din l-art.

Kien biss għax ma kienx hemm umilta’ iktar profonda minn tiegħek

Li inti ġejt imtellgħa fuq il-kori tal-Anġli u fuq il-Qaddisin kollha.

 

O Marija, l-Omm tiegħi ħelwa,

Jiena nagħtik ruħi, ġismi u l-qalb fqira tiegħi

Kun int l-għassiesa ta’ ħajti,

L-aktar fis-siegħa ta’ mewti, fl-aħħar taqbida.

 

 

162.                 ĠMĠ.   Ġesu’, jiena nafda Fik.   1 ta’ Jannar 1937

Ċart tal-kontroll intern tar-ruħ.

Eżami partikulari – sabiex ningħaqad ma’ Kristu tal-ħniena.

Prattika: silenzju intern, osservanza stretta tas-silenzju.

 

Il-Kuxjenza.

 

Jannar :    Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 41, waqgħat 4.

                 Ġakulatorja: Imma Ġesu’ żamm is-skiet.

 

Frar:         Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 36, waqgħat 3.

                 Ġakulatorja:  Ġesu’, jiena nafda Fik.

 

Marzu:     Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 51, waqgħat 2.

                 Ġakulatorja: Ġesu’, kebbes lil qalbi bl-imħabba.

        

April:      Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 61, waqgħat 4.

                Ġakulatorja: Flimkien ma’ Alla, jiena nista’ kollox.

        

Mejju:     Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 92, waqgħat 3.

                Ġakulatorja: F’Ismu jiena nsib is-saħħa tiegħi.

        

Ġunju:    Alla u r-ruħ: skiet.  Rebħiet 64, waqgħat 1.

                Ġakulatorja: Kollox għal Ġesu’.

 

Lulju:      Alla u r-ruħ: skiet.  Rebħiet 62, waqgħat 8.

                Ġakulatorja: Ġesu’ strieħ f’qalbi.

 

Awissu:  Alla u r-ruħ: skiet. Rebħiet 88, waqgħat 7.

                Ġakulatorja: Ġesu’, Inti taf  ...

 

Settembru:  Alla u r-ruħ: skiet.  Rebħiet 99, waqgħat 1

                    Ġakulatorja: Ġesu’, aħbini ġewwa Qalbek.

 

Ottubru:   Alla u r-ruħ: skiet.  Rebħiet 41, waqgħat 3.

                 Ġakulatorja: Marija, għaqqadni ma’ Ġesu’.

 

Novembru:  Alla u r-ruħ: skiet.  Rebħiet , waqgħat

                     Ġakultaorja: Ġesu’ tiegħek, ikollok ħniena!

 

Diċembru:   Alla u r-ruħ: skiet.  Rebħiet, waqgħat

                     Ġakulatorja: Insellimlek, Ostja ħajja!

 

 

 

163.                 ĠMĠ   Is-sena 1937

 

Eżerċizzi Ġenerali

 

+ O Santissma Trinita’! Daqskemm jiena nieħu n-nifs, daqskemm qalbi tħabbat, daqskemm demmi jiġri f’ġismi, daqshekk ieħor għal elf darba jiena rrid nigglorifika l-ħniena Tiegħek.

 

+ Mulej, irrid ninbidel għal kollox fil-ħniena Tiegħek u nkun rifless ħaj Tiegħek. Agħmel li l-ikbar wieħed fost l-attributi divini, dak tal-Ħniena Tiegħek bla tarf, igħaddi minn qalbi u ruħi għal għand il-proxxmu tiegħi.

 

Għinni, O Mulej, sabiex għajnejja jħaddmu l-ħniena, ħalli qatt ma nissuspetta f’ħadd u lanqas niġġudika lil ħaddieħor minn dak li jidher minbarra imma nfittex is-sabiħ fl-erwieħ tal-proxxmu tiegħi u nagħmel ħilti biex ngħinnhom.

 

Għinni, sabiex widnejja jkunu ħanina, billi nagħti kas tal-ħtiġijiet ta’ għajri u ma nkunx indifferenti għall-uġigħ u għall-krib tagħhom.

 

Għinni, O Mulej, ħalli nkun ħanina fi lsieni, u ma nqasqas qatt fuq ħaddieħor, imma jkolli kelma ta’ faraġ u maħfra għal kulħadd.

 

Għinni, O Mulej, sabiex idejja jagħmlu ħafna għemejjel tajba ta’ ħniena ħalli b’hekk inkun ta’ ġid għall-proxxmu u biex ngħinu, nitgħabba bid-dmirijiet l-iktar tqal.

 

Għinni, sabiex riġlejja jgħaġġlu għall-għajnuna ta’ min ikun fil-bżonn billi mqanqla mill-ħniena, ninsa t-taħbit u l-għejja tiegħi. Il-mistrieħ tiegħi nsibu filli naqdi lil għajri.

 

Għinni, O Mulej, sabiex qalbi tkun daqshekk ħanina, li jiena stess inġarrab it-tbatija kollha tal-oħrajn. Qalbi ma niċħadha lil ħadd. Inkun sinċiera wkoll ma’dawk li nkun naf li se jabbużaw mit-tjieba tiegħi. U jiena ningħalaq fil-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. Inġarrab it-tbatija tiegħi fis-skiet. Ħa tistrieħ fuqi Mulej, il-ħniena tiegħek.

 

+ Inti stess tikkmandani nħaddan t-tliet gradi tal-ħniena. L-ewwel: att tal-ħniena, ikun ta’ liema kwalita’ jkun. It-tieni: il-kelma tal-ħniena – jekk ma nistax nagħmel opra tal-ħniena ngħin permezz ta’ kliemi. It-tielet: it-talb – jekk ma nistax nuri ħniena permezz tal-għemil jew tal-kliem, dejjem nista’ nagħmel dan permezz tat-talb. It-talb tiegħi jilħaq ukoll fejn jiena ma nistax nilħaq b’mod fiżiku. O Ġesu’ tiegħi, ibdilni fik, għax Inti tista’ tagħmel kollox.

 

(erba’ paġni tħallew vojta) (nota55)

 

 

164.                 ĠMĠ   Varsavja, 1933

 

Prova Qabel il-Voti Perpetwi (noti 56)

 

Meta jiena sirt naf li kelli mmur għall-prova, qalbi kienet tħabbat bil-ferħ meta ħsibt fi grazzja tassew kbira bħal dik tal-voti perpetwi. Mort quddiem is-Sagrament Imqaddes; u meta ntlift f’talba ta’ ringrazzjament, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Binti, inti l-għaxqa Tiegħi, inti l-faraġ ta’ Qalbi. Jiena nagħtik grazzji daqskemm inti tiflaħ tesa’. Dawk id-drabi kollha li Inti tkun tixtieq tagħmilni ferħan, kellem lid-dinja fuq l-ħniena kbira Tiegħi li ħadd ma jista’ jkejjilha.

 

 

 

165.                 Ftit ġimgħat qabel ma qaluli dwar il-provi jien dħalt għal mument fil-kappella u Ġesu’ qalli: Eżatt issa, is-superjuri qedgħin jiddeċiedu liema sorijiet ser jagħmlu l-voti perpetwi. Din il-grazzja ma tingħatax lilhom kollha kemm huma, imma dan huwa tort tagħhom stess. Min ma jagħmilx ħiltu biex jilqa’ grazzji żgħar ma jingħatawlux grazzji kbar. Imma lilek, binti, qiegħda tingħata din il-grazzja. Ruħi ġiet maħkuma mill-ferħ ta’ din is-sorpriża, għax ftit jiem qabel waħda mis-sorijiet kienet qaltli: “Sor, inti m’intix sejra għat-tielet prova. Jiena stess ser nara li ma jagħtukx permess sabiex inti tagħmel il-voti tiegħek.” Jiena m’għidtilha xejn lil din is-soru, imma ħassejt weġgħa kbira li ppruvajt naħbiha mill-aħjar li stajt.

 

O Ġesu’, kemm huma strambi l-mogħdijiet Tiegħek! Issa qiegħda nara li mingħajr Alla, il-bnedmin ftit li xejn jistgħu jwettqu waħedhom, għaliex jiena għamiltha l-prova tiegħi, bħalma kien qalli Ġesu’.

 

 

166.                 Fit-talb jiena dejjem insib dawl u saħħa fl-ispirtu, għalkemm ikun hemm waqtiet hekk iebsin u li jweġġgħu, li xi drabi jkun diffiċli timmaġina li jistgħu jiġru dawn l-affarijiet f’kunvent. Hi ħaġa stramba, Alla xi drabi jippermettihom, imma dejjem sabiex juri jew ikabbar il-virtu’ fir-ruħ. Din hi raġuni tal-provi.

 

 

 

167.                 Illum (Novembru 1932), wasalt Varsavja għat-tielet prova. Wara laqgħa kordjali mas-superjuri għeżież, jiena mort għal mument wieħed fil-kappella ż-żgħira. F’daqqa waħda il-preżenza ta’ Alla mtliet ruħi, u smajt dan il-kliem: Binti, Jiena nixtieq li qalbek tiġi ffurmata fuq il-mudell tal-Qalb Tiegħi mimlija ħniena. Inti trid tkun mimlija kompletament bil-ħniena Tiegħi.

 

L-għażiża Madre Superjura (Margaret) mill-ewwel staqsietni jekk jiena kontx għamilt irtir dik is-sena u għidtilha le. “Mela inti l-ewwel trid tagħmel irtir ta’ għallinqas tlett ijiem.”

 

Nirringrazzja lil Alla li f’Walendow (nota57) kien qed isir irtir ta’ tmint ijiem li stajt nieħu sehem fih jiena. Imma nqalgħu xi diffikultajiet dwar it-tluq tiegħi għal dan l-irtir. Kien hemm persuna li opponiet ħafna t-tluq tiegħi u diġa’ (kien qed jidher) li jien ma kontx sejra. Wara l-ikel mort fil-kappella għal ħames minuti adorazzjoni. F’daqqa waħda rajt il-Mulej Ġesu’ u qalli: Binti, Jiena qiegħed inħejji ħafna grazzji għalik, li inti sejra tirċievi matul dan l-irtir li ser tibda għada. Jiena weġibt, “Ġesu’, l-irtir diġa’ beda u jiena mhux suppost immur”. Hu qalli: Ħejji ruħek għalih għax int ser tibda l-irtir għada. U dwar it-tluq tiegħek, Jiena nirranġa dik il-ħaġa mas-superjuri tiegħek. U f’daqqa waħda Ġesu’ ma deherx iktar.

 

Jiena bdejt nipprova naħseb kif kienet ser iseħħ din il-ħaġa. Imma mument wara, warrabt dawn il-ħsibijiet kollha u ddedikajt il-ħin li kelli għat-talb. Tlabt l-Ispirtu s-Santu jagħtini d-dawl sabiex nkun nista’ nara l-miżerja tiegħi. Wara ftit, ħriġt mill-kappella ż-żgħira sabiex inkompli bid-doveri tiegħi. Ftit wara l-Madre Ġenerali (Michael) sejħitli u qaltli: “Sor, illum int ser tmur Walendow flimkien ma’ Madre Valeria sabiex tkun tista’ tibda l-irtir għada. B’xorti tajba, Madre Valeria nzertat qiegħda hawnhekk u intom tistgħu tmorru flimkien.” Fi żmien satgħejn jiena kont diġa’ Walendow. Għal mument qgħadt naħseb bejni u bejn ruħi u ndunajt li Ġesu’ biss jista’ jirranġa l-affarijiet b’dan il-mod.

 

 

 

168.                 Meta dik il-persuna li kienet opponiet hekk bis-sħiħ li jien nieħu sehem fl-irtir ratni, hija wriet li kienet sorpriża u li ma kenitx qiegħda tieħu gost. Jien ma tajtx kas ta’ dan u sellimtilha bil-qalb u bqajt sejra ninviżta lill-Mulej, sabiex inkun naf kif għandi nġib ruħi fl-irtir.

 

169.                 Il-konversazzjoni tiegħi mal-Mulej Ġesu’ qabel l-irtir. Ġesu’ qalli li dan l-irtir kellu jkun daqsxejn differenti mill-oħrajn. Għandek tagħmel ħiltek sabiex iżżomm paċi profonda dwar id-diskorsi tiegħek Miegħi. Jiena nneħħilek id-dubji kollha dwar din il-ħaġa. Jiena naf li bħalissa waqt li Jiena qiegħed nitkellem miegħek inti tinsab fil-paċi, imma f’dak l-istess waqt li Jiena nieqaf nitkellem, int tibda tfittex id-dubji. Imma Jiena rridek tkun taf li Jiena għad inwettaqlek ruħek b’tali mod li wkoll jekk inti tkun trid tinkwieta, ma tkunx tista’. U bħala prova li Jiena Hu dak li qiegħed nitkellem miegħek, inti tmur tqerr fit-tieni jum tal-irtir għand is-saċerdot li qiegħed imexxi l-irtir, inti tmur għandu malli huwa jispiċċa l-konferenza u tippreżentalu d-dubji kollha li inti għandek fuqi. Jiena nwieġbek permezz tal-kliem tiegħu, u mbagħad il-biżgħat tiegħek jispiċċaw. Matul dan l-irtir, żomm skiet hekk strett li inti tħossok bħallikieku xejn ma jeżisti madwarek. Inti titkellem biss Miegħi u mal-konfessur tiegħek; inti tistaqsi lis-superjuri tiegħek għall-penitenzi biss. Ħassejt ferħ kbir ħafna li l-Mulej kien ser jurini daqshekk tjubija u jiċċekken daqshekk għalija.

 

 

 

170.                 L-ewwel jum tal-irtir. Jiena ppruvajt inkun l-ewwel waħda fil-kappella filgħodu; qabel il-meditazzjoni kelli ftit ħin għat-talb lil l-Ispirtu s-Santu u lill-Madonna. Jien tlabt bil-ħerqa lil Omm Alla taqlagħli l-grazzja li nkun fidila għal dawn l-ispirazzjonijiet interjuri u li nwettaq bil-fedelta’ r-rieda ta’ Alla tkun xi tkun. Bdejt dan l-irtir b’kuraġġ speċjali ħafna.

 

 

 

171.                 Kelli nistinka biex inżomm is-skiet. Bħas-soltu, ġew għall-irtir sorijiet minn djar differenti. Waħda mis-sorijiet li kien ili ma naraha għal żmien twil ġiet fiċ-ċella tiegħi u qalet li kellha xi ħaġa x’tgħidli. Jiena ma weġibthiex, u hi ndunat li jiena ma ridtx nikser is-silenzju. Hi qaltli:

“ Ma kontx naf li inti eċċentrika daqshekk sor.”, u telqet. Jiena kont ċerta li hi ma kellha xejn xi tgħidli ħlief li tissodisfa l-kurżita’ u l-imħabba għaliha nnfisha. O Alla, żommni fil-fedelta’.

 

 

 

172.                 Is-saċerdot (nota58) li kien qiegħed imexxi l-irtir kien mill-Amerika. Kien ġie l-Polonja għal ftit żmien biss, u ġara li ġie hu sabiex imexxi l-irtir. Ħajja interjuri profonda kienet tidher riflessa minn persuntu. Il-mod kif kien iżomm ruħu kien juri l-kobor tal-ispirtu tiegħu. Il-mortifikazzjoni u l-ġabra kienu jikkaratterizzaw dan is-saċerdot. Imma, minkejja dawn il-virtujiet kbar, jiena ħassejt diffikulta’ kbira biex nirrivela dak li kont qiegħda nħoss f’ruħi dwar il-grazzji li kont irċevejt; dwar dnubieti, dejjem tkun ħaġa faċli li nitkellem, imma dwar grazzji jkolli verament nagħmel sforz kbir, u wkoll meta jirnexxili xorta ma ngħidx kollox.

 

 

 

173.                 It-tentazzjonijiet ta’ Satana waqt il-meditazzjoni. Kelli biża’ stramb li s-saċerdot ma kienx ser jifhimni, jew li ma kienx ser ikollu l-ħin jisma’ dak kollu li kelli ngħid. Kif ser ngħidlu dan kollu? Kieku kien Dun Bukowoski stajt nagħmlu dan b’iktar faċilita’, imma dan il-Ġiżwita’ li qiegħda narah għall-ewwel darba... Imbagħad ftakart fil-parir ta’ Dun Bukowoski li jien għandi għallinqas nieħu noti qosra tad-dawl li Alla tani waqt l-irtiri u nagħtih almenu rapport qasir dwar din il-ħaġa. Alla tiegħi, kollox mar sewwa għal jum u nofs, u issa bdiet taqbida bejn ħajja u mewt. Fi żmien nofs siegħa ser tibda l-konferenza u mbagħad irrid immur inqerr. Satana pprova jikkonvinċini sabiex nemmen li, jekk is-superjuri qaluli li l-ħajja interjuri tiegħi hija illużjoni, allura għalfejn kelli nerġa’ nistaqsi u ninkwieta lill-konfessur? M.X (probabilment Madre Jane) ma qaltlekx li l-Mulej Ġesu’ ma jikkomunikax ma’ erwieħ msejkna bħalek? Dan il-konfessur ser jgħidlek l-istess ħaġa. Għalfejn se tgħidlu b’dan kollu? Dawn m’humiex dnubiet, u Madre X. qaltlek li din il-komunikazzjoni mal-Mulej Ġesu’ hija fantasija u xejn ħlief isteriżmu. Mela għalfejn se tgħid b’dan lill-konfessur? Tagħmel ħaġa aħjar jekk tkeċċi dawn kollha bħala illużjonijiet. Ara kemm batejt umiljazzjonijiet minħabba fihom, u kemm hemm iżjed hemm jistennewk, u s-sorijiet kollha jafu li inti isterika. “Ġesu’”! Jiena sejjaħtlu bil-qawwa kollha ta’ruħi.

 

 

 

174.                 F’dak il-waqt daħal is-saċerdot u beda l-konferenza. Tkellem għal żmien qasir, bħallikieku kien mgħaġġel. Wara l-konferenza, baqa’sejjer fil-konfessinarju. Meta rajt li ħadd mis-sorijiet ma kien sejjer iqerr, qomt niġri mill-ġinokkjatur tiegħi, u f’mument wieħed sibt ruħi fil-konfessinarju. Ma kienx hemm żmien noqgħod naħseb. Minflok ma għidtlu fuq id-dubji li kienu nżergħu fija dwar il-komunikazzjonijiet. Tiegħi mal-Mulej Ġesu’, jiena bdejt nitkellem dwar dawn it-tentazzjonijiet li għadni kif fissirt hawn fuq. Il-konfessur mill-ewwel fehem is-sitwazzjoni tiegħi u qalli, “Sor, inti m’intix tafda lill-Mulej Ġesu’ għax Huwa qiegħed jittrattak hekk tajjeb. Mela, Sor, kun għal kollox fil-paċi. Ġesu’ huwa l-Imgħallem tiegħek, u l-kommunikazzjoni tiegħek Miegħu la hi fantasija, la isteriżmu, lanqas illużjoni. Kun af li inti tinsab miexja fit-triq it-tajba. Nitolbok kun fidila lejn dawn il-grazzji; int m’intix libera li twarrabhom u tagħtihom il-ġenb. Int m’għandekx bżonn, Sor, li tgħid lis-superjuri tiegħek dwar dawn il-grazzji interjuri, dejjem jekk il-Mulej Ġesu’ ma jgħidlekx Hu stess b’mod ċar li tagħmel din l-ħaġa; ukoll f’dan il-każ għandek tikkonsulta lill-konfessur tiegħek. Imma jekk il-Mulej Ġesu; jitolbok tagħmel xi ħaġa f’dan il-każ, wara li inti tikkonsulta lill-konfessur tiegħek, għandek twettaq dak li Hu jkun qiegħed jitlob mingħandek wkoll jekk dan jiswielek ħafna. Min-naħa l-oħra, inti għandek tgħid lill-konfessur tiegħek b’kollox. M’hemm assolutament l-ebda triq oħra għalik.

 

Sor, itlob sabiex inti ssib direttur spiritwali għax, hekk ma tagħmilx hekk, inti taħli dawn id-doni kbar ta’ Alla. Nerġa’ ngħidlek, kun fil-paċi; inti miexja fit-triq it-tajba. Tagħti kas ta’ xejn iżjed, imma kun dejjem fidila lejn il-Mulej Ġesu’, u ħalli lil kulħadd jgħid li jrid fuqek. Huwa preċiżament ma’ erwieħ hekk imsejkna li l-Mulej Ġesu’ jikkomunika b’dan il-mod intimu. U iktar ma inti tumilja ruħek aktar il-Mulej Ġesu’ jingħaqad miegħek.”

 

 

 

175.                 Meta ħriġt mill-konfessinarju, ruħi kienet mimlija b’ferħ li ma jistax jitfisser; u għalhekk jiena twarrabt għalija waħdi f’rokna maqtugħa għaliha fil-ġnien sbiex ninħeba mis-sorijiet u nkun nista’ nippermetti lil qalbi tinfetaħ għal Alla. Il-preżenza ta’ Alla mlietni u, f’waqt wieħed, ix-xejn tiegħi kollu nitilef f’Alla; u fl-istess waqt, jiena ħassejt, jew aħjar għaraft, it-Tliet Persuni jgħammru ġewwa fija. U kelli paċi hekk kbira f’qalbi li ħassejtni nistagħġeb li seta’ kelli daqshekk dubji ġewwa fija.

 

 

 

176.                 + Riżoluzzjoni: Fedelta’ lejn ispirazzjonijiet interjuri, ukoll jekk ma jkollix l-iċken ideja kemm ikolli nbati minħabba fihom. M’għandi nagħmel xejn waħdi mingħajr ma’ l-ewwel nikkonsulta l-konfessur.

 

 

 

177.                 + Tiġdid tal-voti. Minn x’ħin qomt fil-għodu l-ispirtu tiegħi, kien mitluf għal kollox f’Alla f’dak l-oċejan ta’ mħabba. Ħassejtni li kont mgħaddsa kollni kemm jien ġo fih. Waqt il-Quddies l-imħabba tiegħi Għalih laħqet quċċata ta’ intensita’. Wara t-tiġdid tal-voti u t-Tqarbin jiena rajt f’daqqa waħda lill-Mulej Ġesu’ li qalli bi tjubija kbira: Binti, ħares lejn Qalbi mimlija Ħniena. Filwaqt li jiena żammejt ħarsti fuq il-Qalb Imqaddsa Tiegħu, l-istess raġġi ta’ dawl kif jidhru fix-xbieha bħala demm u ilma, ħarġu minnha, u jiena fhimt kemm hi kbira l-ħniena tal-Mulej. U Ġesu’ reġa’ qalli bi tjubija: Binti, kellem lis-saċerdoti dwar din il-ħniena Tiegħi, li ħadd ma jista’ jifhimha. Il-fjammi tal-ħniena qedgħin jaħarquni, iridu jintfew; Jiena rrid inkompli nferrixhom fuq l-erwieħ; l-erwieħ ma jridux jemmnu fit-tjubija tiegħi. F’daqqa waħda Ġesu’ ma deherx aktar. Imma matul dak il-jum kollu l-ispirtu tiegħi baqa’ mitluf fil-preżenza tanġibbli ta’ Alla, minkejja d-diskors li s-soltu jkun hemm wara l-irtir. Dan kollu ma ddisturbani xejn. L-Ispirtu tiegħi kien qed jistrieħ f’Alla, għalkemm minn barra kont qiegħda nieħu parti fil-konverżazzjonijiet u wkoll mort inżur Derdy. (nota59)

 

 

 

178.                 Illum qedgħin nibdew it-tielet prova. It-tlieta li aħna ltqajna għand Madre Margaret minħabba li s-sorijiet l-oħrajn kienu qedgħin jagħmlu l-prova tagħhom fin-novizzjat. Madre Margaret bdiet b’talba, fissritilna f’ihiex tikkonsisti t-tielet prova, u mbagħad tkellmet fuq kemm hi kbira l-grazzja tal-voti perpetwi. F’daqqa waħda jien bdejt nibki ngħajjat. F’mument wieħed dehru quddiem l-għajnejn ta’ ruħi l-grazzji kollha ta’ Alla, u rajt lili nnifsi, kemm jiena imsejkna u kemm m’inhiex grata lejn Alla. Is-sorijiet bdew iċanfruni u qalu: “Għalfejn bdejt tibki?” Imma Madre Margaret bdiet tiddefendini u qalet li ma kenitx sorpriża.

 

Meta spiċċat is-siegħa, mort quddiem is-Sagarament Imqaddes u, bħall-ikbar miskin miżerabbli, bdjet nitlob għall-ħniena Tiegħu sabiex Huwa jfejjaq u jippurifika lil ruħi. Imbagħad smajt dan il-kliem, Binti, il-miżerji kollha ġew ikkunsmati fil-fjamma ta’ Mħabbti, bħal fergħa żgħira mitfugħa f’nar jaqbad. Meta inti tumilja ruħek b’dan il-mod, inti tiġbed fuqek u fuq erwieħ oħrajn baħar sħiħ tal-ħniena Tiegħi. Jiena weġibt: “Ġesu’ ifforma l-qalb imsejkna tiegħi skont l-għaxqa divina Tiegħek.”

 

 

 

179.                 Matul it-tielet prova kien id-dmir tiegħi li ngħin lis-soru fil-vestjarju. (nota60) Dan id-dmir tani ħafna okkażjonijiet biex nipprattika l-virtujiet. Xi drabi kelli nieħu l-ħwejjeġ tal-għażel għand ċerti sorijiet tlett darbiet u xorta waħda baqgħu m’humiex sodisfatti. Imma wkoll stajt nagħraf il-virtujiet kbar ta’ xi sorijiet li kienu dejjem jitolbu l-ifqar affarijiet mill-vestitarju. Jiena kont nammira l-ispirtu tagħhom ta’ umilta’ u mortifikazzjoni.

 

 

 

180.                 + Waqt l-Avvent xewqa kbira għal Alla nibtet f’ruħi. L-ispirtu tiegħi mar jiġri lejn Alla bil-qawwa kollha tiegħu. Matul dak iż-żmien, il-Mulej tani ħafna dawl sabiex jiena nkun nista’ nsir naf l-attributi Tiegħu.

 

L-ewwel attribut li l-Mulej ippermettieli nsir naf hija l-qdusija Tiegħu. Il-qdusija Tiegħu hi hekk kbira li l-Poteri u l-Virtujiet kollha jirtogħdu quddiemu. L-ispirti puri jgħattu wiċċhom u jintilfu f’adorazzjoni bla tmiem, u b’kelma waħda biss huma jesprimu l-ogħla forma ta’ adorazzjoni; li hija – Qaddis... Il-qdusija ta’ Alla tiġi mferrgħa fuq il-Knisja ta’Alla u fuq kull ruħ ħajja li hemm fiha, imma mhux fl-istess grad. Hemm erwieħ li Alla jippenterahom kompletament, u hemm oħrajn li bilkemm tgħidilhom ħajjin.

 

It-tieni tip ta’ għarfien li l-Mulej ikkonċedieli kien dwar il-ġustizzja Tiegħu. Il-ġustizzja Tiegħu hi hekk kbira u penetranti li tinżel fil-fond nett tal-affarijiet, u kollox quddiemu jidher fi stat ta’ verita’ assoluta, u kollox iċedi quddiemu.

 

It-tielet attribut hi l-imħabba u l-ħniena. U jiena fhimt li l-ikbar attribut hi l-imħabba u l-ħniena. Hija tgħaqqad l-ħlejqa mal-Ħallieq. Din l-imħabba immensa u abbiss tal-ħniena jingħarfu fl-Inkarnazzjoni tal-Kelma u fil-Fidwa (ta’ l-umanita’), u huwa hawn li jiena rajt kif din hija l-ikbar waħda mill-attributi ta’ Alla.

 

 

 

181.                 Illum kont qiegħda nnaddaf il-kamra ta’ waħda mis-sorijiet. Għalkemm kont qiegħda nipprova nnaddafha b’attenzjoni mill-ikbar, hi baqgħet issegwini l-ħin kollu u tgħidli: “Hawnhekk ħallejt għabra trab u hemmhekk hemm tebgħa fl-art.” Ma’ kull rimarka li għamlitli, erġajt dort dik ir-rokna iktar minn tnax –il darba sempliċiment biex naqtgħalha xewqitha. Mhux ix-xogħol li jgħajjini, imma dawn il-paroli kollha u l-insistenza eċċessiva. Il-martirju li batejt ġurnata sħiħa ma kienx biżżejjed għaliha; għalhekk marret għand id-Direttriċi u bdiet tgerger: “Madre din min hi is-soru traskurata li ma tafx taħdem u tħaffef?” L-għada, jiena mort, nerġa’ nagħmel l-istess xogħol, mingħajr ma ppruvajt nispjega xejn dwari nnifsi.  Meta bdiet issuqni, kont qiegħda naħseb, “Ġesu’, wieħed jista’ jbati l-martirju fis-skiet; mhux ix-xogħol li jgħajjik, imma dan it-tip ta’ martirju.”

 

 

182.                 Jiena tgħallimt li ċerti nies għandhom don speċjali sabiex jinnervjaw lil ħaddieħor. Jippruvaw mill-aħjar li jistgħu. Dik ir-ruħ imsejkna li taqa’ f’idejhom ma’ tista’ tagħmel xejn sewwa; l-aħjar sforzi tagħha jiġu milqugħin bi kritika malizzjuża.

 

 

 

+ Lejliet il-Milied

 

Illum jien kont maqgħuda mill-qrib ma’ Omm Alla. Rġajt għext is-sentimenti interni tagħha. Filgħaxija, qabel iċ-ċerimonja tal-qsim tal-wejfer (nota 60a) mort fil-kappella sabiex, fl-ispirtu, naqsam il-wejfer mal-għeżież tiegħi, u tlabt lil Omm Alla għall-grazzji għalihom. L-ispirtu tiegħi kien mitluf kollu f’Alla. Waqt il-Quddiesa ta’ nofs il-lejl, (‘Pasterka’ jew il-Quddiesa tar-Rgħajja) rajt lill-Bambin Ġesu’ fl-Ostja, u l-ispirtu tiegħi kien mitluf fih. Għalkemm kien daqsxejn ta’ tarbija, il-majesta’ Tiegħu nifditli ruħi. Kont mimlija sal-profondita’ tal-esseri tiegħi b’dan il-misteru, dan il-fatt kif Alla jiċċekken daqshekk, svojta lilu nnifsu b’mod li aħna ma nistgħux nifhmuh. Dawn is-sentimenti baqgħu ħajjin ġewwa ruħi matul l-istaġun kollu tal-festi. Aħna ma nistgħu qatt nifhmu dan il-mod hekk kbir kif Alla għoġbu jiċċekken daqshekk; iktar ma naħseb fuq hekk, (il-ħsieb waqaf hawnhekk).

 

 

 

183.                 Darba waħda filgħodu wara t-Tqarbin, smajt din il-vuċi, “Nixtieqek tikkumpanjani meta Jiena mmur għand il-morda.” Weġibt li jiena wkoll xtaqtha din il-ħaġa, imma wara mument riflessjoni bdejt naħseb kif kont ser nagħmel din il-ħaġa; is-sorijiet tat-tieni kor (nota61) ma jakkumpanjawx is-Sagarment Imqaddes. Dejjem imorru jakkumpanjaw is-sorijiet li huma Direttriċi. Jiena qgħadt naħseb bejni u bejn ruħi: Ġesu’ jsib mezz. Ftit wara, Madre Raphael bagħtet għalija u qaltli: “Sor, inti mur akkumpanja lill-Mulej Ġesu’ meta s-saċerdot imur iżur lill-morda.” U matul dak iż-żmien kollu tal-prova tiegħi kont immur bid-dawl nakkumpanja lill-Mulej u, bħal kavallier ta’ Ġesu’ , dejjem ippruvajt nitħażżem biċ-ċintorin tal-ħadid, (nota62) għax ma kenitx tkun ħaġa xierqa li nakkumponja lis-Sultan bi lbies ta’ kuljum. U jiena offrejt din il-mortifikazzjoni għall-morda.

 

 

 

184.                 + Siegħa Adorazzjoni. Matul din is-siegħa, jien ppruvajt nimmedita fuq il-Passjoni tal-Mulej. Imma ruħi kienet mimlija ferħ, u f’daqqa waħda rajt lill-Bambin Ġesu’. Imma l-Majesta’ Tiegħu daħlet ġewwa fija b’tali mod li jiena għidt, “Ġesu’, Inti daqshekk ċkejken, imma jiena xorta waħda naf li Inti l-Ħallieq u l-Mulej tiegħi.” U Ġesu’ weġibni, Iva, hekk hu; u Jiena qiegħed inżommlok kumpanija bħala tifel ċkejken sabiex ngħallmek l-umilta’ u s-sempliċita’.

 

Jiena ġbart flimkien it-tbatijiet u d-diffikultajiet kollha tiegħi u għamilthom bukket għal Ġesu’ għall-jum tal-għerusija perpetwa tagħna. Xejn ma kien diffiċli għalija, meta jiena kont niftakar li dan kien għall-Għarus tiegħi bħala prova ta’ mħabbti għalih.

 

 

185.                 + Is-skiet tiegħi għal Ġesu’. Ippruvajt inżomm skiet kbir għal Ġesu’. Fost l-ikbar storbju, Ġesu’ dejjem sab is-skiet ġewwa qalbi, għalkemm xi drabi dan kien jiswieli ħafna. Imma x’jista’ jkun daqshekk kbir għal-Ġesu’, għal Dak li jien nħobb b’qalbi kollha?

 

186.                 + Illum Ġesu qalli: Jiena nixtieqek tkun taf bmod iktar profond l-imħabba li hemm taqbad ġewwa Qalbi għall-erwieħ, u dan inti tkun tista tifhmu meta timmedita fuq il-Passjoni Tiegħi. Itlobni għall-ħniena Tiegħi għall-midinbin. Jiena nixtieq is-salvazzjoni tagħhom. Meta inti tgħid din it-talba, bqalb niedma u bil-fidi għal xi midneb, Jiena nagħtih il-grazzja tal-konverżjoni. Din hi t talba:

 

 

187.                 O Demm u Ilma, li ħriġtu mill-Qalb ta’ Ġesu bħala għajn ta’ ħniena ghalina, jiena nafda Fik.

 

 

 

188.                 Matul l-aħħar jiem tal-karnival, waqt li kont qiegħda nagħmel siegħa Adorazzjoni, jiena rajt kemm bata l-Mulej Ġesu’, waqt li kien qed jiġi fflaġellat. O x’agunija li ma nistgħux nimmaġinawha! Kemm bata b’mod aħrax Ġesu’ waqt il-flaġellazzjoni! O msejkna midinbin, f’Jum il-Ġudizzju kif ser tiffaċċjaw lil Ġesu’ li issa intom qegħdin tittorturawh b’mod hekk aħrax? Demmu kien nieżel sal-art, u f’xi postijiet laħmu beda jaqa’. Fuq dahru jien rajt xi għadam jidher mikxuf. Ġesu’ ġwejjed beda jingħi u jitniehed bil-mod.

 

 

 

189.                 Darba, Ġesu’ tani x’nifhem kemm togħġbu ruħ li żżomm ir-regola fedelment. Ruħ tirċievi premju ikbar talli tosserva r-regola milli għall-penitenzi u mortifikazzjonjiet kbar. Dawn tal-aħħar jiġu ppremjati wkoll jekk isiru minbarra r-regola, imma m’humiex iktar importanti mir-regola.

 

 

190.                 Darba waqt l-adorazzjoni, il-Mulej talabni nagħti lili nnifsi lilu bħala offerta u nissaporti ċerta tbatija bħala tpattija, mhux biss għad-dnubiet tad-dinja in ġenerali, imma b’mod speċjali għan-nuqqasijiet li saru f’din id-dar. Jiena għidtlu minnufih, “Tajjeb ħafna; jiena lesta.” Imma Ġesu’ ħallieni nara x’kont sejra nbati u f’waqt wieħed rajt il-passjoni kollha quddiem għajnejja. L-ewwelnett, l-intenzjonijiet tiegħi ma kenux sejrin jirrikonoxxuhom; kont sejra ngħaddi minn kull sura ta’ suspett u nuqqas ta’ fiduċja kif ukoll diveri tipi ta’ umiljazzjonjiet u kuntrarju. Minix sejra ngħid kollox hawnhekk. Dawn l-affarijiet kollha dehru quddiem l-għajnejn ta’ ruħi bħal maltempata sewda li minnha l-beraq kien lest biex ifiġġ minn waqt għall-ieħor. Ġesu’ kien qed jistenna biss il-kunsens tiegħi. Għal mument, in-natura tiegħi għelibha l-biża’. Imbagħad f’daqqa waħda daqqet il-qanpiena għall-ikel. Jiena ħriġt mill-kappella, nirtogħod u ma nafx x’ser nagħmel. Imma s-sagrifiċċju kien dejjem quddiemi, għax jiena la kont iddeċidejt li naċċettah lanqas ma kont għidtlu ‘le’ lill-Mulej. Jiena ridt inpoġġi lili nnifsi kollni kemm jien fir-rieda Tiegħu. Li kieku l-Mulej Ġesu’ kellu jimponieha fuqi Huwa stess, jiena kont lesta. Imma Ġesu’ tani x’nifhem li jiena stess kelli nagħti l-kunsens tiegħi bil-liberta’ kollha u naċċetta filwaqt li nkun naf sewwa x’jiena nagħmel inkella ma kien ikollu l-ebda tifsira. Il-qawwa kollha tiegħu kienet tinsab fl-att ħieles tiegħi quddiem Alla. Imma fl-istess ħin, Ġesu’ tani x’nifhem li d-deċiżjoni kienet għal kollox f’idejja. Jiena stajt neħodha u stajt ma neħodhiex. U għalhekk jiena mbagħad weġibt minnufih, “ Ġesu’, jiena naċċetta dak kollu li Inti tixtieq tibgħatli; jiena nafda fit-tjieba Tiegħek.” F’dak il-waqt, jiena ħassejt li b’dan l-att kont qiegħda nagħti glorja kbira lil Alla. Imma armajt lili nnifsi bil-paċenzja. Malli ħriġt mill-kappella, iltqajt mar-realta’. Ma rridx niddeskrivi d-dettalji, imma kelli daqskemm flaħt nissaporti. Ma kontx inkun niflaħ nissaporti imqar qatra waħda iktar.

 

 

191.                 + Darba waħda fil-għodu jien smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Mur għand il-Madre Ġenerali (Michael) u għidilha li din il-ħaġa mhix togħġobni fit-tali dar. Ma nistax insemmi x’kienet din il-ħaġa u lanqas liema dar issemmiet, imma jien għidt biha lill-Madre Ġenerali, għalkemm batejt ħafna sakemm għamilt dan.

 

 

192.                 Darba, jiena ħadt fuqi nnifsi tentazzjoni terribli li waħda mill-istudenti tagħna fid-dar ta’ Varsavja kienet għaddejja minnha. Kienet tentazzjoni ta’ suwiċidju. Jiena batejt għal sebat ijiem; u wara sebat ijiem Ġesu’ taha l-grazzja li konna qedgħin nitolbu għaliha, u mbagħad waqfet ukoll it-tbatija tiegħi. Kienet tbatija kbira. Jiena spiss nieħu fuqi nnifsi t-turmenti tAl-istudenti tagħna. Ġesu’ tani permess nagħmel din il-ħaġa, kif għamlu wkoll il-konfessuri tiegħi.

 

 

193.                 Il-qalb tiegħi hija post fejn Ġesu’ jgħammar il-ħin kollu. Ħadd ħlief Ġesu’ m’għandu aċċess għaliha. Huwa mingħand Ġesu’ li jiena niġbed is-saħħa sabiex niġġieled kontra d-diffikultajiet u l-oppożizzjonijiet. Jiena rrid niġi midbula f’Ġesu’ sabiex inkun nista’ ningħata kollni kemm jien lilll-erwieħ. Mingħajr Ġesu’ jiena ma nkunx nista’ nersaq qrib l-erwieħ, għax jiena naf  x’insarraf  waħdi. Jiena nassorbi lil Alla ġewwa fija sabiex inkun nista’ nagħtih lill-erwieħ.

 

 

194.                 + 27 ta’ Marzu. Jiena nixtieq nissielet, nitħabat u niżvojta lili nnifsi għall-ħidma tagħna sabiex insalvaw lill-erwieħ immortali. Ma jimpurtax jekk dawn l-isforzi jqassruli ħajti; ħajti mhjiex iżjed tiegħi, iżda tal-Komunita’. Jiena rrid ikun ta’ użu għall-Knisja kollha billi nkun fidila lejn il-Komunita’ tiegħi.

 

 

195.                 O Ġesu’, illum ruħi qisha mdallma bit-tbatija. L-ebda raġġ ta’dawl. It-tempesta għaddejja, u Ġesu; rieqed. O Mgħallem tiegħi, jiena minix sejra nqajmek; minix sejra nfixkel ir-raqda ħelwa Tiegħek. Jiena nemmen li Inti qiegħed tagħtini s-saħħa mingħajr ma naf kif.

 

Matul is-sigħat twal jiena nadurak, O ħobż ħaj, fost in-nixfa kbira li hemm ġewwa fija. O Ġesu’, Imħabba Safja, jiena m’għandix bżonn konsolazzjonijiet; tmantnini r-rieda Tiegħek – Inti li int l-istess Qawwa! Ir-rieda Tiegħek hija l-mira tal-eżistenza tiegħi. Għalija qisu, li d-dinja kollha qiegħda taqdini u tiddependi minni. Inti, Mulej, tifhem ir-ruħ tiegħi bl-aspirazzjonijet kollha tagħha.

 

Ġesu’, meta jiena stess ma nistax inkantalek l-innu tal-imħabba, nammira l-kant tas-Serafini, li huma hekk maħbubin minnek. Jiena nixtieq li nintilef fik bħalma jagħmlu huma. Xejn ma jista’ jżomm imħabba bħal din, għax l-ebda qawwa m’għandha s-setgħa fuqha. Hija bħal berqa li ddawwal id-dalma, imma ma tibqax fiha. O Mgħallem tiegħi, ifformali ruħi skont ir-Rieda Tiegħek u skont il-pjanijiet eterni Tiegħek!

 

 

196.                 Kien hemm persuna li qisha ddeċidiet li ġġarrab il-virtu’ tiegħi b’ħafna modi. Ġurnata waħda, waqqfitni fil-kuritur u bdiet billi qaltli li ma kellhiex għalfejn iċċanfarni, imma kkmandatni noqgħod hemm bil-wieqfa quddiem il-kappella ż-żgħira (nota63) għal nofs siegħa u nistenna lill-Madre Superjura, li kellha tgħaddi minn hemm wara r-rikreazzjoni, (nota64) u jiena kelli nakkuża lili nnifsi f’diversi affarijiet li hija kienet qaltli ngħid. Għalkemm jiena ma kelli l-ebda ideja li kelli dawn l-affarijiet f’ruħi, obdejt u qagħadt nistenna lill-Madre Superjura għal nofs siegħa sħiħa. Kull soru li għaddiet ħarset lejja bi tbissima. Meta akkużajt lili nnifsi quddiem il-Madre Superjura (Raphael), hi bagħtitni għand il-konfessur tiegħi. Meta qerrejt, is-saċerdot intebaħ mill-ewwel li din kienet xi ħaġa li ma kenitx ġejja minn ruħi u li jiena ma kellix l-iċken ideja ta’ affarijiet bħal dawn. Huwa stagħġeb mhux ftit li din il-persuna kellha l-kuraġġ tagħtini ordnijiet bħal dawn.

 

 

 

197.                 Knisja ta’ Alla, inti l-aqwa omm, inti biss tista’ trabbi ruħ u tgħinha tikber. O, kemm huma kbar l-imħabba u r-rispett tiegħi lejn il-Knisja, dik l-aqwa fost l-ommijiet.

 

 

198.                 Darba il-Mulej qalli: Binti, il-fiduċja u l-imħabba tiegħek irażżnu l-ġustizzja Tiegħi u Jiena ma nistax nagħti l-kastig għax inti ma tħallinix nagħmlu dan. Kemm għandha qawwa kbira ruħ mimlija fiduċja!

 

 

 

199.                 Meta naħseb fil-voti perpetwi tiegħi u min Hu dak li jrid jingħaqad miegħi, nagħmel sigħat mitlufa naħseb fih. Kif jista’ jkun dan? Inti Alla u jiena – jiena l-ħlejqa Tiegħek. Inti, s-Sultan għall-eternita’ u jiena, tallaba u l-istess miżerja! Imma issa kollox huwa ċar quddiem għajnejja; il-grazzja u l-imħabba Tiegħek, O Mulej, il-quddiem jimlew il-vojt li hemm bejnek u bejni, Ġesu’.

 

 

 

200.                 O Ġesu’ kemm tweġġa’ ruħ meta hija dejjem tipprova tkun sinċiera u jakkużawha b’ipokrisija u juru li mhumiex jafdawha bil-mod kif iġibu ruħhom magħha. O Ġesu’ Inti wkoll batejt b’dan il-mod biex tissodisfa lil Missierek.

 

 

 

201.                 Jiena nixtieq ninħeba sabiex l-ebda kreatura ma tkun taf lil qalbi. Inti biss taf lil qalbi u tippossediha kollha kemm hi. Ħadd ma jaf bis-sigriet tagħna. Aħna nifhmu lil xulxin b’ħarsa waħda biss. Minn dak il-waqt meta aħna sirna nafu lil xulxin, jiena fraħt. Il-kobor Tiegħek jimlieni. O Ġesu’, meta jiena nkun fl-aħħar post, inqas mill-postulanti, ukoll l-iżgħar waħda fosthom, imbagħad jiena nħoss li qiegħda fil-post propju tiegħi. Jiena ma kontx naf li l-Mulej poġġa daqshekk ferħ f’dawn l-irkejjen ċkejknin ordinarji. Issa jiena nista’ nifhem li ukoll fil-ħabs minn qalb safja tista’ toħroġ il-milja tal-imħabba għalik, O Mulej! Affarijiet esterni ma jfissru xejn meta tqabbilhom ma’ mħabba safja: hija tgħaddihom, kollha kemm huma. La bibien tal-ħabs u lanqas tal-ġenna m’huma b’saħħithom biżżejjed biex iwaqqfuha. Hija tilħaq lil Alla nnifsu, u xejn ma jista’ jitfiha. M’hemm l-ebda ostaklu għaliha; hija libera bħal sultana u tilħaq bil-liberta’ kollha l-postijiet kollha. L-istess mewt trid tbaxxi rasha quddiemha...

 

 

 

202.                 Oħti (Wanda) (nota65) ġiet tarani llum. Meta qaltli x’kienet qiegħda tippjana, twerwirt. Kif setgħet tkun ħaġa bħal din? Ruħ hekk ċkejkna u sabiħa quddiem il-Mulej, u xorta waħda waqgħet dalma kbira fuqha, u hija ma kenitx taf kif kienet sejra tgħin lilha nnfisha. Kienet qiegħda tara kollox imdallam. Alla li Hu ħanin afdaha f’idejja, u għal ġimgħatejn jien stajt naħdem magħha. Imma kemm swietli sagrifiċċji din ir-ruħ Alla biss jaf. Għall-ebda ruħ oħra ma offrejt daqshekk sagrifiċċji u tbatijiet u talb quddiem it-tron ta’ Alla, daqskemm offrejt għal ruħha. Jien ħassejt li kont sfurzajt lil Alla jikkonċedilha l-grazzja li kellha bżonn. Meta naħseb fuq dan kollu, nara li verament miraklu. Issa nista’ nara x’qawwa għandu t-talb ta’ interċessjoni quddiem Alla.

 

 

 

203.                 Issa, matul dan ir-Randan, spiss ikolli esperjenza tal-Passjoni tal-Mulej Ġesu’ f’ġismi stess. Jiena nġarrab b’mod profond f’qalbi dak kollu li bata Ġesu’, għalkemm l-ebda sinjal estern ma jixhed dawn it-tbatijiet tiegħi. Il-konfessur tiegħi biss jaf  bihom.

 

 

 

204.                 Konverżazzjoni żgħira mal-Madre Direttriċi (Margaret). Meta jiena staqsejtha xi dettalji dwar il-progress fil-ħajja spirtwali, din l-Madre qaddisa weġbitni b’mod ċar ħafna. Qaltli: “Jekk inti tkompli tikkopera mal-grazzja ta’ Alla b’dan il-mod, Sor, int tkun pass wieħed biss ‘il bogħod mill-għaqda intima’ ma’ Alla. Int tista’ tifhem x’irrid ngħid b’din il-ħaġa. Dan ifisser li l-karatteristika tiegħek għandha tkun il-fedelta’ mal-grazzja tal-Mulej. Alla ma jmexxix lill-erwieħ kollha fi triq bħal din.”

 

 

 

205.                 + Il-Qawmien. Illum, waqt il-(Quddiesa tal-) Qawmien, jiena rajt lill_Mulej Ġesu; f’nofs dawl kbir. Huwa resaq lejja u qal: Paċi lilkom uliedi, u għolla idu u tani l-barka Tiegħu. Il-pjagi ta’ jdejh, riġlejh u ġenbu kienu mimlijin bid-dija u ma setgħux jitħassru. Meta ħares lejja b’daqshekk tjubija u mħabba, ruħi kollha għerqet fih. U Huwa qalli: Inti kellek sehem kbir fil-Passjoni Tiegħi; mela Jiena issa nagħtik sehem kbir fil-ferħ u fil-glorja Tiegħi. Il-ħin kollu tal-(Quddiesa) tal-Qawmien deherli li dam biss minuta. Ġabra tal-għaġeb imlietli ruħi u din damet matul l-istaġun kollu tal-festi. It-tjubija ta’ Ġesu’ hija hekk kbira li jiena ma nistax infissriha bil-kliem.

 

 

 

206.                 L-għada, wara t-Tqarbin, jiena smajt il-vuċi tgħid: Binti, ħares fl-abbiss tal-ħniena Tiegħi u agħti tifħir u glorja lil din il-ħniena Tiegħi. Aħdem b’dan il-mod: Iġbor il-midinbin kollha tad-dinja u daħħalhom fl-abbis tal-ħniena Tiegħi. Jiena rrid ningħata lill-erwieħ; Jiena nixxennaq għall-erwieħ, binti. Fil-jum tal-festa tiegħi, il-Festa tal-Ħniena, inti tmur fid-dinja kollha u ġġib lejn l-għajn tal-ħniena Tiegħi, erwieħ li jkunu qedgħin iċedu. Jiena nfejjaqhom u nsaħħaħhom.

 

 

 

207.                 Illum jiena tlabt għal ruħ li tinsab fl-agunija, li kienet qiegħda tmut mingħajr is-Sagramenti, għalkemm xtaqet tirċevihom. Imma kien diġa’ tard wisq. Hi kienet tiġi minni, il-mara taz-ziju. Kienet ruħ togħġob lil Alla. Ma kien hemm xejn x’jifridna f’dak il-waqt.

 

 

 

208.                 Intom sagrifiċċji żgħar ta’ kuljum, intom għalija bħal fjuri selvaġġi li jiena nifrex fuq saqajn il-maħbub tiegħi Ġesu’. Xi drabi jiena nxebbaħ dawn l-affarijiet ċkejknin mal-virtujiet erojċi, u r-raġuni hi li n-natura dejjiema tagħhom titlob minn għandna l-qlubija.

 

 

209.                 Fit-tbatijiet tiegħi, jiena ma nfittixx għajnuna mingħad il-kreaturi, imma Alla huwa kollox għalija. Madankollu, ta’ spiss jidhirli li lanqas il-Mulej ma jismagħni. Jiena narma lili nnifsi bil-paċenzja u s-skiet, bħal ħamiema li ma tgergirx u ma tħoss l-ebda mrar meta jeħdulha lil uliedha ‘l bogħod. Jiena nixtieq intir ‘l fuq fis-sħana stess tax-xemx, u ma rridx nieqaf fil-fwar tagħna. Ma ngħejjiex, għax qiedgħa nserraħ fuqek – Inti, li inti s-Saħħa tiegħi!

 

 

 

210.                 Jiena nitlob lill-Mulej bil-ħeġġa jsaħħaħli l-fidi tiegħi sabiex fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum ma jmexxunix id-dispożizzjonijiet umani, imma dawk tal-ispirtu. Kif kollox jiġbed il-bniedem ‘l isfel lejn l-art! Imma fidi ħajja żżomm ir-ruħ ‘il fuq u lill-egoiżmu topġġih f’postu; jiġifieri, l-iktar wieħed baxx.

 

 

 

211.                 + Għal darb’oħra, dalma terribli tinsab madwar ruħi. Donni qiegħda naqa’ vittma ta’ illużjonijiet. Meta mort inqerr sabiex nakkwista ftit dawl u paċi, xejn ma sibthom. Il-konfessur (nota66) ħallieni b’iktar dubji milli qatt kelli qabel. Huwa qalli, “Ma nistax nagħraf liema qawwa qiegħda taħdem fik, Sor; forsi huwa Alla u forsi l-ispirtu ħażin.” Malli ħriġt mill-konfessinarju, bdejt naħseb fuq dak li kien qalli. Iktar ma bdejt nagħmel dan, iktar ruħi għoddsot fid-dlam. “Ġesu’ x’ser nagħmel?” Meta Ġesu’ resaq lejja bi tjubija, bdejt nibża’. “Int verament Ġesu’?” Min-naħa l-waħda kienet qiegħda tiġbidni l-imħabba u, mill-oħra, il-biża’. X’tortura! Ma nistax niddeskriviha!

 

 

212.                 Meta rġajt mort inqerr, irċevejt din it-tweġiba, “Ma nifhmekx, Sor. Aħjar li kieku ma tiġix għandi għall-qrar.” Alla tiegħi!... Irrid nirrestrinġi lili nnifsi qabel ma ngħid xejn fuq l-ispirtwalita’ tiegħi, u hawnhekk qiegħda nirċievi din it-tweġiba: “Sor, ma nistax nifhmek.”

 

 

213.                 Meta jiena ħriġt mill-konfessinarju, mijiet ta’ turmenti għafsu fuqi. Jiena mort quddiem is-Sagrament Imqaddes u għidtlu, “Ġesu’, salvani; qiegħed tara kemm jiena dgħajfa!” Imbagħad jiena smajt dan il-kliem: Jiena ser nagħtik l-għajnuna waqt l-irtir qabel ma tagħmel il-voti.  Dan il-kliem għamilli l-kuraġġ u bdejt miexja ‘l quddiem mingħajr ma nitlob l-parir ta’ ħadd. Imma ma kellix fiduċja fija nnifsi hekk li ddeċidejt li nwaqqaf dawn id-dubji darba għal dejjem. Għal din ir-raġuni kont qiegħda nistenna b’ħerqa speċjali l-irtir ta’ qabel il-voti perpetwi. Imma wkoll għal ħafna ġranet qabel l-irtir, bqajt nitlob lil Alla li jagħti d-dawl lis-saċerdot li jiena kont sejra nqerr għandu, sabiex ikun jista’ jgħid, darba għal dejjem, jew iva jew le. U ħsibt bejni u bejn ruħi, ‘Jiena nkun nista’ noqgħod fil-paċi darba għal dejjem.’ Imma bqajt ninkwieta jekk ikunx hemm xi ħadd lest li jismagħni dwar dawn l-affarijiet. U mbagħad għal darb’oħra, iddeċidejt li ma noqgħodx naħseb dwar dan kollu u nafda fil-Mulej. Il-kliem li baqa’ jidwi f’widnejja kien ‘waqt l-irtir.’

 

 

214.                 Kollox jinsab lest issa. Għada filgħodu ser nitilqu għal Krakovja, għall-irtir. Illum dħalt fil-kappella sabiex inrodd ħajr lill-Mulej għall-grazzji bla għadd li Huwa tani f’dawn il-ħames xhur. Qalbi kienet verament kommossa meta bdejt naħseb f’tant grazzji u tant premura min-naħa tas-superjuri tiegħi.

 

 

215.                 Binti, kun fil-paċi; Jiena  qiegħed nieħu dawn l-affarijiet kollha f’idejja. Jiena ser nirranġa kollox mas-superjuri tiegħek u mal-konfessur. Tkellem ma’ Patri Andrasz bl-istess sempliċita’ u fiduċja, kif inti titkellem Miegħi.

 

 

216.                 Wasalna Krakovja llum (18 ta’ April 1933). X’ferħ qiegħda nħoss li ninsab għal darb’oħra fl-istess post fejn għamilt l-ewwel passi tiegħi fil-ħajja spiritwali! L-għażiża Madre Direttriċi (Mary Joseph) hi bħas-soltu, ferriħija u mimlija mħabba għall-proxxmu. Dħalt fil-kappella għal waqt wieħed u l-ferħ imlieli ruħi. F’mument wieħed erġajt ftakart fl-oċejan sħiħ ta; grazzji li kont irċevejt hawnhekk bħala novizza.

 

 

217.                 U llum iltaqjna flimkien biex imorru nagħmlu żjara ta’ siegħa fin-novizzjat. Il-Madre Direttriċi, Mary Joseph, kelmitna fil-qosor u tatna l-programm tal-irtir. Fil-waqt li kienet qiegħda tgħidilna dan il-ftit kliem, jien rajt quddiem għajnejja dawk l-affarijiet kollha tajbin li l-Madre għażiża kienet għamlet għalina. Ħassejt ġewwa ruħi gratitudni kbira lejha. Kelli qalbi sewda għall-ħsieb li din kienet l-aħħar darba li jien kelli nkun fin-novizzjat. Issa rrid nkompli nitqabad flimkien ma’ Ġesu’, naħdem ma’ Ġesu’, inbati ma’ Ġesu’; f’kelma waħda, ngħix u mmut flimkien ma’ Ġesu’. Il-Madre Direttriċi issa ma kenitx ser tibqa’ miegħi sabiex daqqa tgħallimni, daqqa twissini, jew twiddibni, tinkuraġġini jew iċċanfarni. Tant qiegħda nibża’ noqgħod waħdi. Ġesu’, agħmel xi ħaġa dwar dan. Dejjem ser ikolli Superjura, veru; imma issa persuna qiegħda titħalla iżjed waħedha.

 

Krakovja. 21 ta’ April 1933

 

Għall-ikbar glorja ta’ Alla.

L-irtir ta’ tmint ijiem qabel il-Voti Perpetwi

 

218.                 Qiegħda nibda l-irtir illum. Ġesu’, Mgħallem tiegħi, mexxini Int. Ikkmandani skont ir-rieda Tiegħek, ippurifka mħabbti sabiex tkun denja Tiegħek; agħmel bija bħalma tixtieq il-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek. Ġesu’, inkunu aħna it-tnejn biss, matul dawn il-ġranet sal-waqt tal-għaqda tagħna. Żommni, Ġesu’, fi spirtu ta’ ġabra.

 

 

219.                 Filgħaxija Ġesu’ qalli: Binti, tħalli xejn ibeżżgħek jew iħawdek. Ibqa’ f’paċi profonda. Kollox qiegħed f’idejja. Nippermettilek li tifhem kollox permezz ta’ Patri Andrasz. Kun bħal tifla miegħu.

 

 

Mument quddiem is-Sagrament Imqaddes

 

220.                 O Mulej u Ħallieq etern tiegħi, kif sejra nirringrazzjak għal dan il-favur kbir; jiġifieri li Int indenjajt ruħek tagħżel lili fil-miżerja tiegħi sabiex jiena nkun l-għarusa Tiegħek u li Int ser tgħaqqadni Miegħek b’rabta eterna? Teżor ta’ qalbi, l-iżjed maħbub, jiena noffrilek l-adorazzjoni u r-radd ta’ ħajr kollu tal-Qaddisin u tal-kori kollha tal-Anġli, u ningħaqad b’mod speċjali ma’ Ommok. Marija, Omm tiegħi, bl-umlita’ kollha jiena nitolbok tgħattili ruħi bil-mantell verġinali tiegħek f’dan il-waqt hekk importanti f’ħajti, sabiex b’dan il-mod inkun nista’ nfaħħar kif jixraq il-ħniena ta’ Ibnek quddiem id-dinja kollha u fl-eternita’ kollha.

 

 

221.                 Illum ma stajtx nifhem il-meditazzjoni. L-ispirtu tiegħi kien mitluf f’Alla b’mod straordinarju. Ma stajtx nisforza lili nnifsi sabiex naħseb fuq dak li kien qed jgħid is-saċerdot watq l-irtir (konferenzi). Spiss ma nkunx kapaċi naħseb skont il-punti; l-ispirtu tiegħi jkun mal-Mulej, u dik hi il-meditazzjoni tiegħi.

 

 

222.                 Ftit kliem mil-laqgħa li kelli mal-madre Direttriċi, Mary Joseph. Iċċaratli ħafna affarijiet, u kkalmatni f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħajja spirtwali tiegħi, u assiguratni li kont miexja fit-triq it-tajba. Jien irringrazzjajt lill-Mulej Ġesu’ ta’ din l-grazzja kbira, għaliex hija l-ewwel Superjura li kelli li ma ġabitlix dubji dwar din il-ħaġa. Kemm hu infinitament twajjeb Alla!

 

 

223.                 O Ostja ħajja, l-unika saħħa tiegħi, għajn ta’ mħabba u ħniena għannaq id-dinja kollha, saħħaħ l-erwieħ debboli. Ikun imbierek dak il-waqt u l-mument meta Ġesu’ ħallielna l-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħu!

 

 

224.                 Li nsofri mingħajr ma nilmenta, li nġib il-faraġ lill-oħrajn u li ngħaddas it-tbatijiet tiegħi stess fil-Qalb l-iżjed qaddisa ta’ Ġesu’!

 

Jiena ser inqatta’ l-mumenti liberi tiegħi f’riġlejn (il-Mulej) is-Sagrament Imqaddes. F’riġlejn Ġesu’ ser infittex dawl, faraġ u saħħa. Jiena sejra nuri l-gratitudni tiegħi bla waqfien lil Alla għall-ħniena kbira Tiegħu lejja, u qatt ma ninsa l-grazzji li tani, speċjalment il-grazzja tal-vokazzjoni. Jiena sejra naħbi lili nnifsi fost is-sorijiet bħal vjola ċkejkna fost il-ġilji. Irrid niftaħ bħal blanzun għall-Mulej u Ħallieq tiegħi, sabiex jiena ninsa lili nnifsi, niżvojta lili nnifsi kollni kemm jiena għall-erwieħ immortali – dan hu l-hena tiegħi.

 

 

Xi ftit mill-ħsibijiet tiegħi

 

225.                 Dwar il-Qrar, jiena sejra nagħżel dak li l-iktar jiswieli u jumiljani. Xi drabi ħaġa żgħira tiswa iktar minn xi ħaġa ikbar. Jiena niftakar fil-Passjoni ta’ Ġesu’ f’kull qrara, sabiex inħeġġeġ f’qalbi l-indiema. Sakemm huwa possibbli bil-grazzja ta’ Alla, jiena nipprova dejjem ikolli ndiema perfetta. Irrid niddedika iktar ħin għal din l-indiema. Qabel ma nersaq lejn il-konfessinarju, l-ewwel nidħol fil-Qalb miftuħa u l-iktar ħanina tas-Salvatur. Meta noħroġ mill-konfessinarju, inħeġġeġ ġewwa ruħi gratitudni kbira lejn is-Santissma Trinita’ għal dan il-miraklu ta’ ħniena tal-għaġeb u li ma nistħux nifhmuh, li ġie mwettaq ġewwa ruħi. U iktar ma hi msejkna ruħi, iktar inħoss l-oċejan tal-ħniena ta’ Alla jdur madwari u jagħtini s-saħħa u qawwa kbira.

 

 

226.                 Ir-regoli li l-iktar spiss ma jirnexxilix nobdihom: xi drabi nikser is-silenzju; diżubbidjenza għas-sinjali tal-qanpiena; xi drabi nindaħal fl-affarijiet tal-oħrajn. Ser nipprova mill-aħjar li nista’ sabiex nsir aħjar.

 

Jiena ser nevita s-sorijiet li jgorru, u jekk ma nistax nevitahom, għallinqas inżomm is-skiet fil-preżenza tagħhom, u b’hekk nagħtihom x’jifhmu kemm jiddispjaċini nisma’ affarijiet bħal dawn.

 

Jiena ma rrid nagħti l-ebda kas tal-opinjoni tal-oħrajn, imma nobdi x-xhieda tal-kuxjenza tiegħi stess u nżomm lil Alla b’xhud tal-azzjonjiet tiegħi kollha. Irrid nagħmel kollox issa bħalma kieku nixtieq nagħmel u naġixxi fis-siegħa ta’ mewti. Minħabba f’hekk f’kull azzjoni li nagħmel irrid niftakar f’Alla.

 

Evita permessi  li inti mingħalik li għandek. (nota67) Irrid ngħarraf lis-Superjuri tiegħi wkoll b’affarijiet żgħar u dan nagħmlu b’kemm ikun possibbli li jingħataw dettalji. Irrid inkun fidila fl-eżerċizzi spiritwali tiegħi; ma rridx nitlob mal-inqas ċans li nkun meħlusa minnhom. Irrid inżomm is-skiet barra l-ħin tar-rikreazzjoni u nevita ċajt u kliem bi spirtu pront li l-oħrajn iġegħilhom jidħku u jiksru s-skiet. Irrid nuri apprezzament kbir ukoll għar-regoli li huma l-iktar ċkejknin. Ma rridx inħalli lili nnifsi ninqabad fil-ġirja sfrenata tax-xogħol (imma) nieħu nifs sabiex inħares ‘il fuq lejn il-ġenna. Nitkellem ftit man-nies, imma ħafna ma’ Alla. Evita l-familjarita’. Nagħti ftit kas ta’ min hu favur tiegħi u min hu kontra. Ma rridx ngħid lill-oħrajn x’inhuma dawk l-affarijiet li kelli nissaporti. Irrid nevita nitkellem ngħajjat mal-oħrajn waqt ix-xogħol. Irrid inżomm il-paċi u l-kalma fi żminijiet ta’ tbatija. F’mumenti diffiċli rrid nistkenn fil-pjagi ta’ Ġesu’; irrid infittex konsolazzjoni, faraġ, dawl u approvazzjoni fil-pjagi ta’ Ġesu’.

 

 

227.                 + Fil-waqt tal-provi, nipprova nara l-id ta’ Alla mimlija mħabba. Xejn m’hu daqshekk kostanti daqs it-tbatija – hija dejjem iżżommilha kumpanija lir-ruħ bil-fedelta’. O Ġesu’, jiena minix sejra nħalli lil ħadd jgħaddini fl-imħabba tiegħi għalik.

 

 

+ O Ġesu’, moħbi fis-Sagrament Imqaddes.

 

228.                 Inti qiegħed tara li, meta jiena nieħu l-voti perpetwi tiegħi, jiena nkun qiegħda inħalli n-novizzjat warajja (nota68) illum. Ġesu’, Int taf kemm jiena ċkejkna u dgħajfa, u għalhekk mil-lum ‘il quddiem, qiegħda nibda n-novizzjat Tiegħek b’mod speċjali ħafna. Ser inkompli nkun novizza, imma n-novizza Tiegħek, Ġesu’, u Int tkun l-Imgħallem tiegħi sa l-aħħar jum. Kuljum nattendi t-tgħallim Tiegħek billi noqgħod f’riġlejk. Waħdi ma rrid nagħmel lanqas l-iċken ħaġa, mingħajr ma nikkonsultak l-ewwel bħala l-Imgħallem tiegħi. Ġesu’, kemm ninsab ferħana li Inti stess ġbidtni lejk u ħadtni fin-novizzjat Tiegħek; jiġifieri, fit-Tabernaklu. Meta nieħu l-voti perpetwi tiegħi; bl-ebda mod ma nkun sirt soru perfetta. Le, le! Għadni novizza ċkejkna dgħajfa ta’ Ġesu’ u rrid nipprova nakkwista l-perfezzjoni bħalma kont nagħmel fl-ewwel jiem tan-novizzjat, u nagħmel l-istess sforz sabiex inżomm l-istess dispożizzjoni f’ruħi li kelli fl-ewwel jum meta nfetaħ il-bieb tal-kunvent sabiex idaħħluni ġewwa.

 

Bil-fiduċja u s-sempliċita’ ta’ tifla ċkejkna, jiena nagħti lili nnifsi lilek, illum, O Ġesu’, Mgħallem tiegħi. Jiena nħallilek  liberta’ sħiħa sabiex Int tmexxili ruħi. Mexxini fit-toroq li Inti tixtieq. Ma nagħmillekx mistoqsijiet. Ser nimxi warajk bil-fiduċja. Il-Qalb ħanina tiegħek tista’ tagħmel kollox!

 

 

In-novizza ċkejkna ta’ Ġesu’ – Swor Fawstina.

 

229.                 Fil-bidu tal-irtir, Ġesu qalli: Waqt dan l-irtir, Jiena stess ser imexxi lil ruħek. Jiena rrid inwettqek fil-paċi u fl-imħabba. U hekk għaddew l-ewwel ftit ġranet. Fir-raba’ jum iħabbtuni d-dubji: Tgħid din it-trankwillita’ tiegħi falza? Imbagħad smajt dan il-kliem: Binti, stħajjel li inti s-sultana tad-dinja kollha u għandek is-setgħa tiddisponi kollox skont ma jogħġbok. Int għandek is-setgħa tagħmel il-ġid kollu li tixtieq, u f’daqqa waħda tifel ċkejken iħabbat il-bieb, jirtogħod u jibki u, b'fiduċja fit-tjubija tiegħek, jitolbok biċċa ħobż biex ma jmutx bil-ġuħ. Int x’kont tagħmel għal dan it-tifel? Weġibni, Binti. U jiena għidtlu: “Ġesu’, jiena kont nagħti lil dak it-tifel kulma talabni u elf darba iktar.” U l-Mulej qalli: Bl-istess mod Jiena qed nimxi ma’ ruħek. F’dan l-irtir Jiena qiegħed nagħtik, mhux biss il-paċi, imma wkoll dispożizzjoni f’ruħek li, ukoll kieku ridt tħossok inkwetata, ma tkunx tista’. Imħabbti ppossediet lil ruħek, u Jiena rridek tkun imwettqa Fiha. Poġġi widintek qrib tal-Qalb Tiegħi, insa kollox u aħseb fuq il-ħniena tal-għaġeb Tiegħi. Imħabbti tagħtik is-saħħa u l-kuraġġ li inti teħtieġ f’dawn l-affarijiet.

 

 

230.                 Ġesu’, Ostja ħajja, Inti Ommi, Int kollox għalija! Jiena dejjem niġi għandek, O Ġesu’, bis-sempliċita’ u bl-imħabba, bil-fidi u bil-fiduċja. Jiena naqsam kollox miegħek, bħalma tagħmel tifla ma’ ommha li tħobbha: il-ferħ u d-dwejjaq tiegħi – f’kelma waħda, kollox.

 

 

231.                 Ħadd ma’ jista’ jifhem xi tħoss qalbi meta jiena naħseb fuq il-fatt lil Alla jgħaqqadni miegħu permezz tal-voti. Alla jgħarrafni, ukoll, issa, l-immensita’ tal-imħabba li Hu diġa’ kellu għalija qabel ma beda ż-żmien; u jiena għadni kif bdejt inħobbu, fiż-żmien. Imħabbtu kienet (dejjem) kbira, safja u diżinteressata, u mħabbti għalih ġejja mill-fatt li jiena qiegħda nsiru nafu, iktar inħobbu bil-ħerqa u l-qawwa kollha, u iktar isiru perfetti l-azzjonijiet tiegħi. Sadattant, kull darba li niftakar li fi ftit ġranet oħra sejra nsir ħaġa waħda mal-Mulej permezz tal-voti perpetwi, ferħ li ma nistax niddeskrivih ifawwarli ruħi. Mill-ewwel darba li jiena sirt naf lill-Mulej, il-ħarsa ta’ ruħi ntilfet fih għall-eternita’ kollha. Kull darba li l-Mulej jersaq lejja u nsir nafu iktar, imħabba perfetta tikber ġewwa ruħi.

 

 

232.                 Qabel il-qrar, jiena smajt dan il-kliem f’ruħi, Binti għidlu kollox u wrih ruħek bħalma inti tagħmel quddiemi. Tibża’ minn xejn. Għax Jiena rrid inżommok fil-paċi, Jiena qiegħed inpoġġi dan is-saċerdot bejni u bejn ruħek. Il-kliem li huwa jgħidlek huma kliemi. Urih l-ikbar sigrieti ta’ ruħek. Jiena nagħtih id-dawl sabiex huwa jagħraf lil ruħek.

 

 

233.                 Meta rsaqt lejn il-konfessinarju, jiena ħassejtni hekk kalma f’ruħi ngħidlu kollox li, iktar tard, jiena stess bqajt mistagħġba. It-tweġibiet tiegħu ġabuli paċi kbira f’ruħi. Kliemu kienu, għadhom u dejjem jibqgħu kolonni tan-nar li dawlu u jkomplu jdawluli ruħi fit-tfittxija tagħha għall-ikbar qdusija.

 

Id-direzzjonijiet li jiena rċevejt minn Patri Andrasz jiena nnotajthom f’paġna oħra f’dan il-ktieb. (Djarju, 55)

 

 

234.                 Meta jiena spiċċajt din il-qrara, l-ispirtu tiegħi kien mitluf f’Alla, u tlabt għal tliet sigħat, imma dan il-ħin deherli li kien biss ftit minuti. Minn dak il-ħin ‘l hawn, jiena ma poġġejt l-ebda ostaklu li seta’ jxekkel il-grazzja milli taħdem ġewwa ruħi. Ġesu’ kien jaf għax jiena kont qiegħda nibża’ nikkomunika b'mod intimu miegħu u bl-ebda mod ma ħa għalih. Minn dak il-waqt meta s-saċerdot assigurani li dak li kont ġarrabt ma kienx illużjoni, imma l-grazzja ta’ Alla, jiena ppruvajt inkun fidila lejn Alla f’kollox. Jiena issa nista’ nara li hemm tassew ftit saċerdoti li huma kapaċi jifhmu l-profondita’ sħiħa tal-ħidma ta’ Alla fir-ruħ. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, il-ġwienaħ tiegħi saru liberi li jtiru, u jiena nixxennaq sabiex nogħla ‘l fuq sa ġo l-istess nar tax-xemx. It-titjira tiegħi mhijiex ser tieqaf sakemm jiena nistrieħ fih għal dejjem. Meta aħna ntiru fil-għoli ħafna, in-nida, iċ-ċpar u s-sħab kollha jkunu jinsabu taħt saqajna, u l-esseri kollha tagħna tad-demm u l-laħam ikollu bil-fors joqgħod suġġett għall-ispirtu.

 

 

235.                 O Ġesu’, jiena nixxennaq għas-salvazzjoni tal-erwieħ immortali. Qalbi ssib l-esperessjoni libera tagħha fis-sagrifiċċju, sagrifiċċju li ħadd ma jkun jaf bih. Jiena ninħaraq u niġi kkunsmata, mingħajr ħadd ma jintebaħ, fil-fjammi qaddisa tal-imħabba ta’ Alla. Il-preżenza ta’ Alla tgħin sabiex is-sagrifiċċju tiegħi jkun perfett u safi.

 

 

236.                 Kemm mhux ta’ min joqgħod fuqhom l-apparenzi, u kemm huma nġusti l-ġudizzji, u kemm –il darba l-virtu’ tbati biss għax hi tibqa’ siekta. Li nkunu sinċieri ma’ dawk li l-ħin kollu jweġġgħuna jitlob minna ħafna ċaħda. Wieħed ikun qiegħed inixxi d-demm, imma m’hemm l-ebda ferita’ tidher minn barra. O Ġesu’, fl-aħħar jum biss ħafna minn dawn l-affarijiet insiru nafuhom. X’ferħ – l-ebda sforz li nagħmlu ma jintilef!

 

 

237.                 Siegħa Adorazzjoni. Waqt din is-siegħa, jiena rajt l-abbiss tal-miżerja tiegħi; dak kollu li hemm tajjeb ġewwa fija huwa Tiegħek, O Mulej. Imma għax jiena daqshekk ċkejkna u imsejkna għandi dritt nistenna l-ħniena bla tarf Tiegħek.

 

238.                 Filgħaxija. O Ġesu’, għada filgħodu jiena sejra nieħu l-voti perpetwi tiegħi. Kont tlabt lis-sema u l-art u kont sejjaħt lil kulħadd sabiex jirringrazzja lil Alla għal din il-grazzja hekk kbira u li ma nistax nifhima li Huwa tani, meta f’daqqa waħda smajt dan il-kliem, Binti, il-qalb tiegħek hi l-ġenna Tiegħi. Ftit waqtiet ta’ talb biss u rrid nitlaq niġri, għax ikeċċuna minn kullimkien; għax kull post – il-kappella, ir-refettorju, il-kamra tar-rikreazzjoni u l-kċina – qiegħda titlesta għal għada u aħna suppost immorru norqdu. Imma ma hemmx wisq ċans ta’ rqad. Il-ferħ, mhux ser iħallini norqod. Ħsibt: X’ser inħoss fil-ġenna, jekk hawnhekk fl-eżilju Alla diġa’ qiegħed jimlieli ruħi b’dan il-mod?

 

 

239.                 Talba waqt il-quddiesa fil-jum tal-voti perpetwi. Illum jiena npoġġi lil qalbi fuq il-patena fejn tpoġġiet qalbek, O Ġesu’, u llum noffri lili nnifsi flimkien miegħek lil Alla, il-Missier Tiegħek u tiegħi, bħala sagrifiċċju ta’ mħabba u ta’ tifħir. Missier tal-Ħniena, ħares lejn is-sagrifiċċju tal-qalb tiegħi, imma minn ġol-ferita’ tal-Qalb ta’ Ġesu’.

 

1 ta’ Mejju 1933. L-Ewwel Jum

 

Għaqda ma’ Ġesu’ fil-jum tal-voti perpetwi. Ġesu’ mil-lum ‘il quddiem Qalbek hija qalbi, u qalbi hija Tiegħek biss. Il-ħsieb ta’ ismek, Ġesu’, huwa l-għaxqa ta’ qalbi. Ma nistax ngħix mingħajrek, lanqas għal mument wieħed, Ġesu’. Illum ruħi ntilfet Fik, it-teżor waħdieni tiegħi. Imħabbti m’għandha xejn xi jżommha lura milli tagħti prova tagħha nnfisha lill-Maħbub tagħha.

 

Il-kliem ta’ Ġesu’ waqt il-voti perpetwi tiegħi. Għarusa Tiegħi, il-qlub tagħna jinsabu maqgħudin għal dejjem. Ftakar lil min wegħidt... ma jistax ikun li kollox jitfisser bil-kliem.

 

It-talba tiegħi fil-waqt li konna qedgħin mixġutin fl-art taħt il-faldrappa. (nota69) Jiena tlabt lill-Mulej jagħtini l-grazzja li qatt ma noffendih lanqas bl-iċken dnub jew imperfezzjoni fil-waqt li nkun naf x’qed nagħmel.

 

Ġesu’, jiena nafda Fik! Ġesu’, jiena nħobbok b’qalbi kollha. Fl-iktar żminijiet diffiċli, Inti Ommi.

 

Għall-imħabba Tiegħek, O Ġesu’, jiena mmut għalija nnifsi kollni kemm jien illum u nibda ngħix għall-ikbar glorja tal-Isem Qaddis Tiegħek.

+ Għall-imħabba Tiegħek, Santissma Trinita’, jiena noffri lili nnifsi lilek bħala għotja ta’ tifħir, bħala olokawstu ta’ ruħ vittma. U permezz ta’ dan l-olokawstu, jiena nixtieq infaħħar lil Ismek, O Mulej. Nintefa’ bħal blanzun ċkejken ta’ warda f’riġlejk, Mulej, u jalla Inti biss issir taf il-fwieħa ta’ din il-fjura.

 

 

240.                 Tliet talbiet fil-jum tal-voti perpetwi tiegħi, Ġesu’, jiena naf li llum Inti ma’ tista’ tiċħadli xejn.

 

L-ewwel talba: Ġesu’, Għarus tiegħi l-iżjed maħbub, jiena nitolbok għat-trijonf tal-Knisja, l-aktar fir-Russja u fi Spanja; għall-barkiet fuq il-Qdusija Tiegħu l-Papa, Piju XI, u fuq l-kleru kollu; għall-grazzja tal-konverżjoni għall-midinbin li m’għandhomx indiema. U nitolbok għall-barka speċjali u għad-dawl, Ġesu’, għas-saċerdoti li se nqerr għandhom matul ħajti kollha.

 

It-tieni talba: Jiena nitolbok il-barkiet Tiegħek fuq il-Kongregazzjoni tagħna, u jalla din tkun mimlija b’ħeġġa kbira. Bierek, O Ġesu’, lill-Madre Ġenerali u lill-Madre Direttriċi tagħna, lin-novizzi kollha u lis-Superjuri kollha. Bierek l-għeżież ġenituri tiegħi. Agħti l-grazzja Tiegħek, O Ġesu’, lit-tfajliet li huma taħt il-kura tagħna; saħħaħhom b’mod hekk qawwi bil-grazzja Tiegħek sabiex dawk li joħorġu mid-djar tagħna ma jibqgħux joffenduk bl-ebda dnub. Ġesu’, jiena nitolbok għal pajjiżi, ħarsu mill-attakki tal-għedewwa tiegħu.

 

It-tielet talba: Ġesu,  Jiena nitolbok għall-erwieħ li l-iktar għandhom bżonn tat-talb. Nitlob għall-moribondi; kun ħanin magħhom. Nitolbok ukoll, Ġesu’, li teħles l-erwieħ kollha mill-purgatorju.

 

Ġesu’, nirrakkomandalek dawn il-persuni b’mod partikolari; il-konfessur tiegħi, persuni li rrikmandaw ruħhom fit-talb tiegħi, ċerta persuna.... Patri Andrasz, Dun Czaputa, u s-saċerdot li ltaqjt miegħu f’Vilnius (Dun Sopocko) li ser ikun il-konfessur tiegħi, ċerta ruħ..., ċertu saċerdot, ċertu reliġjuż (nota70) li Inti taf li jien għandi dejn kbir miegħu,Ġesu’, u dawk il-persuni kollha li rrikmandawhomli fit-talb tiegħi. Ġesu’, f’dan il-jum Inti tista’ tagħmel kollox għal dawk li qiegħda nitlob għalihom. Għalija jiena nitolbok, Mulej, li tibdilni kollni kemm jiena fik; żomm ġewwa fija ħerqa qaddisa għall-glorja Tiegħek, agħtini l-grazzja u s-saħħa spiritwali li nagħmel f’kollox ir-rieda qaddisa Tiegħek.

Grazzi, Għarus tiegħi l-iżjed maħbub għad-dinjita’ li Inti tajtni, u b’mod speċjali għall-istemma araldika rjali li ser iżejjini bih mil-lum ‘il quddiem u li lanqas l-Anġli ma għandhom; jiġifieri; is-salib, ix-xabla,u l-kuruna tax-xewk. Imma fuq kollox, O Ġesu’ tiegħi, jiena nirringrazzjak ta’ Qalbek – dik kulma jiena neħtieġ.

 

Omm Alla, Marija l-iżjed Qaddisa, Ommi, inti ommi b’mod speċjali issa għax l-Iben maħbub tiegħek huwa l-Għarus tiegħi, u għalhekk aħna, it-tnejn li aħna, uliedek. Minħabba Ibnek, Inti ma tistax ma tħobbnix. O Marija, Ommi l-iżjed għażiża mexxili l-ħajja spirtwali tiegħi b’tali mod li din tkun togħġob lil Ibnek.

 

Alla qaddis u li tista’ kollox, f’dan il-waqt ta’ grazzja hekk kbira li, permezz tagħha, Inti qiegħed tgħaqqadni miegħek għal dejjem, jiena, li ma jiena xejn, bl-ikbar gratitudni, ninxteħet f’riġlejk bħal fjura ċkejkna li ħadd ma jaf biha u kuljum il-fwieħa ta’ dik il-fjura ta’ mħabba titla sat-tron Tiegħek.

 

Fi żminijiet ta’ taqbid u tbatija, ta’ dlam u maltemp, ta’ xewqat u ta’dwejjaq, fi żminijiet ta’ tiġrib diffiċli, fi żminijiet meta ħadd ma jifhimni, meta kulħadd jasal biex jikkundannani u jżeblaħni, jiena niftakar fil-jum tal-voti perpetwi tiegħi, il-jum tal-grazzja ta’ Alla li ħadd ma jista’ jifhimha.

 

Ġ.M.Ġ

 

Riżoluzzjonijiet Speċjali ta’ l-Irtir, 1 ta’ Mejju 1933

 

241.                 Imħabba għall-proxxmu. L-ewwel: Inkun ta’ għajnuna għas-sorijiet. It-tieni: Titkellimx fuq dawk li ma jkunux preżenti u niddefendi l-isem tajjeb tal-proxxmu tiegħi. It-tielet: Ifraħ bis-suċċessi tal-oħrajn.

 

 

242.                 + Mulej Alla, kemm nixtieq li nkun tifla ċkejkna. (nota71) Inti Missieri, u Inti taf kemm jiena ċkejkna u dgħajfa. Għalhekk nitolbok bil-ħerqa li żżommni qrib Tiegħek ħajti kollha u l-aktar fis-siegħa ta’ mewti. Ġesu’, jiena naf li t-tjubija Tiegħek tiżboq t-tjubija tal-omm l-iktar tenera.

 

 

243.                 Nirringrazzja lill-Mulej Ġesu’ ta’ kull umiljazzjoni u nitlob l-aktar għall-persuna li tkun tatni ċ-ċans li niġi umiljata. Noffri lili nnifsi bħala sagriċċju għall-ġid tal-erwieħ. Ma noqgħodx nqis kemm jiswa kull sagrifiċċju. Nintefa’ taħt riġlejn is-sorijiet, bħal tapit li fuqu huma mhux biss jistgħu jirfsu, imma wkoll jimsħu saqajhom fija. Posti taħt riġlejn is-sorijiet. Nagħmel kull sforz biex nakkwista dak il-post li ħadd ma jinduna bih. Għalija biżżejjed li Alla qiegħed jara din il-ħaġa.

 

 

244.                 Issa bdiet ġurnata griża u ordinarja. Is-sigħat solenni tal-voti perpetwi għaddew, imma l-grazzja kbira ta’ Alla; nħossni li jiena bintu, inħossni kollni kemm jiena propjeta’ Tiegħu. Din l-esperjenza nħossha b’mod li jista’ jinħass fiżikament. Ninsab fil-paċi sħiħa dwar kollox, għax naf li hu xogħol il-Għarus li jieħu ħsiebi. Nsejt lili nnifsi għal kollox. Il-fiduċja li jiena poġġejt fil-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħu m’għandha l-ebda limitu. Ninsab maqgħuda miegħu kontinwament. Jidhirli bħallikieku Ġesu’ ma jistax ikun kuntent mingħajri, lanqas jiena mingħajru. Għalkemm nifhem li, la Huwa Alla, Huwa kuntent fih innifsu u assolutament ma jeħtieġ l-ebda kreatura, xorta waħda, it-tjubija Tiegħu ġġiegħlu jagħti lilu nnifsu lill-kreatura, u dan b’ġenerożita’ li ħadd ma jista' jifhimha.

 

 

245.                 Ġesu’ tiegħi, issa rrid nipprova nagħti unur u glorja lil Ismek, nitqabad biex nagħmel dan sal-jum meta Inti stess għad tgħid, issa biżżejjed! Kull ruħ li Inti afdajtli f’idejja, Ġesu’, nipprova ngħinha bit-talb u bis-sagrifiċċju, sabiex tkun tista’ taħdem fihom il-grazzja Tiegħek. Ġesu’ tiegħi, maħbub kbir tal-erwieħ, jiena nirringrazzjak għal din il-fiduċja hekk kbira li biha Inti indenjajt tpoġġi l-erwieħ f’idejna. Intom ġranet ta’ xogħol u ta’ monotonija, intom m’intomx monotoni għalija bl-ebda mod, għax kull mument qiegħed iġibli grazzji ġodda u l-okkażjoni sabiex nagħmel il-ġid.

 

25 ta’ April 1933

 

Permessi ta’ kull xahar (nota72)

 

246.                 Li nidħol fil-kappella meta ngħaddi minn ma’ ġenbha.

Li nitlob fil-waqtiet meta ma jkollix x’nagħmel.

Li naċċetta, nagħti jew nislef xi affarijiet żgħar.

Li nieħu xi ħaġa żgħira x’niekol u x’nixrob f’nofs il-għodwa u wara nofs in-nhar.

Xi drabi ma nkunx nista’ nieħu sehem fir-rikreazzjoni.

Xi drabi ma nkunx nista’ nieħu sehem fl-eżerċizzju tal-komunita’.

Xi drabi ma nkunx nista’ nieħu sehem fit-talb ta’ filgħaxija u ta’ filgħodu.

Xi drabi li nibqa’ naħdem ftit wara d-disgħa, jew li nagħmel l-eżerċizzi spiritwali tiegħi wara d-disgħa.

Li nikteb xi ħaġa jew nieħu n-noti meta jkolli mument liberu.

Li nuża t-telefon.

Li noħorġu mid-dar.

Li nżur knisja meta nkun il-belt.

Li nidħol fiċ-ċelel ta’sorijiet oħra jekk ikunu fil-bżonn.

Li nixrob xarba ilma xi drabi barra mill-ħinijiet preskritti.

 

Mortifikazzjonijiet żgħar

 

Li nitlob l-Kurunella tal-Ħniena Divina b’dirgħajja miftuħin.

Is-Sibt, li ngħid Ħames Posti tar-Rużarju b’dirgħajja miftuħin.

Li xi kultant ngħid talba (waqt) li nkun mixħuta minn tuli fl-art.

Il-Ħamisjiet, Siegħa Adorazzjoni.

Il-ġurnata tal-Ġimgħa, xi mortifikazzjoni ikbar għall-midinbin fis-siegħa tal-mewt.

 

 

247.                 Ġesu’, Ħabib tar-ruħ li tħossha weħidha, Inti l-kenn tiegħi, Inti l-paċi tiegħi. Inti s-salvazzjoni tiegħi, Inti l-mistrieħ tiegħi fil-ħin tat-taqbida u f’nofs baħar ta’ dubji. Int r-raġġ jiddi li ddawwalli l-mogħdija ta’ ħajti. Inti kollox għar-ruħ imqar jekk tibqa’ siekta. Inti taf id-dgħjufija tagħna, u bħal tabib tajjeb, Int sserraħna u tfejjaqna billi tiffrankalna t-tbatijiet – ta’espert li int.

 

248.                 Il-kliem tal-Isqof (Rospond (nota73)) li hu qal fiċ-ċerimonja tal-voti perpetwi: ‘ Ilqa’ din ix-xema bħala sinjal ta’ dawl tas-sema u ta’ mħabba taqbad’.

 

Waqt l-għoti ċ-ċurkett: ‘Jiena ngħarrsek ma’ Ġesu’ Kristu, Iben tal-Missier l-iktar Għoli; jalla Huwa jżommok bla tebgħa. Ħu dan iċ-ċurkett bħala sinjal u tal-Ispirtu s-Santu, sabiex tkun tista’ tissejjaħ l-għarusa ta’ Kristu u, jekk isservih bil-fedelta’, tiġi nkurunata (tali) għall-eternita’ kollha.

 

 

249.                 + Ġesu’, jiena nafda fik; nafda fl-oċejan tal-ħniena Tiegħek. Inti Ommi għalija.

 

 

250.                 + Din is-sena, 1933, hija għalija sena li hi solenni b’mod speċjali, għax f’din is-Sena tal-Ġublew tal-Passjoni tal-Mulej, jiena għamilt il-Voti Perpetwi. Għaqqadt is-sagrifiċċju ta’ Ġesu’ Kurċifiss, sabiex b’dan il-mod inkun nista’ nogħġob iktar lil Alla. Nagħmel kollox ma’ Ġesu’, permezz ta’ Ġesu’, u f’Ġesu’.

 

 

251.                 Wara l-voti perpetwi, bqajt Krakovja matul ix-xahar ta’ Mejju, għax ma ddeċidewx jekk kellix immur Rabka jew Vilnius. Darba l-Madre Ġenerali (Michael) staqsietni: “Għaliex qiegħda hawn bi kwietek u m’intix qiegħda tlesti sabiex tmur x’imkien, Sor?” Jiena weġibt: “Irrid nagħmel biss r-rieda safja ta’ Alla; fejn inti tibgħatni, għażiża Madre, jiena nsir naf li f’dak il-post ikun hemm ir-rieda sħiħa ta’ Alla għalija, mingħajr ma nkun żidtilha xejn magħha min-naħa tiegħi.”

 

 

Il-Madre Ġenerali wieġbet għal dan, “Tajjeb, wisq!” L-għada hija sejħitli u qaltli, “Int ridt tkun taf ir-rieda sħiħa ta’ Alla, Sor; tajjeb ħafna, mela; inti sejra Vilnius.” Jiena rringrazzjatha u stennejt il-jum meta kellhom jgħiduli mmur. Imma ruħi kienet mimlija b’ċertu ferħ u biża’, fl-istess ħin. Ħassejt li Alla kien qiegħed iħejji għalija grazzji kbar hemmhekk, imma wkoll tbatijiet kbar. Imma bqajt Krakovja sas-27 ta’ Mejju. Ġaladarba ma kellix dmirijiet regoli x’naqdi, kont ngħin biss fil-ġnien. U billi ġara li kont qiegħda naħdem waħdi għal xahar sħiħ, stajt nagħmel irtir tal-Ġiżwiti. (nota74) Għalkemm kont immur għar-rikreazzjoni mal-komunita’, xorta waħda rnexxieli nagħmel l-irtir tal-Ġiżwiti. Irċevejt ħafna dawl minn Alla f’dan żmien.

 

 

252.                 Kienu għaddew erbat ijiem wara l-voti perpetwi tiegħi. Kont qiegħda nipprova nagħmel Siegħa Adorazzjoni. Kien l-ewwel Ħamis tax-xahar. Malli dħalt fil-kappella, daret miegħi kollni kemm jiena l-preżenza ta’ Alla. Kont konxja b’mod ċar li l-Mulej kien qrib tiegħi. Mument wara, rajt il-Mulej, miksi kollu kemm Hu bil-feriti; u Huwa qalli, Ħares lejn Dak li inti tgħarrast miegħu. Jiena fhimt it-tifsira ta’ dan il-kliem u weġibt lill-Mulej: “Ġesu’, jiena nħobbok iktar meta narak ferut u mgħaffeġ hekk bit-tbatija milli kieku narak fil-majesta.” Ġesu’ staqsieni: Għaliex? Jiena weġibt, “Majesta’ kbira tbeżżagħni, għaliex jiena daqshekk ċkejkna, u l-feriti Tiegħek jiġbduni lejn Qalbek u jgħiduli x’imħabba kbira Inti għandek għalija.” Wara din il-konverżazzjoni kien hemm is-skiet. Jiena ffissajt ħarsti fuq il-pjagi qaddisa Tiegħu u ħassejtni kuntenta li nbati flimkien miegħu. Jiena batejt, u fl-istess waqt ma batejtx, għaliex ħassejtni kuntenta li nkun naf  il-profondita’ ta’ mħabbtu, u s-siegħa għaddiet bħal minuta.

 

 

253.                 + M’għandi qatt niġġudika lil ħadd, imma nħares lejn l-oħrajn bil-ħniena u lejja stess b’mod sever. Jiena rrid nirreferi kollox lil Alla u f’għajnejja stess, nagħraf lili nnifsi għal dak li jiena: miżerja biss u xejn. Fit-tbatija irrid nuri paċenzja u nżomm il-kwiet, għax naf li kollox jgħaddi meta jgħaddi żmienu.

 

 

254.                 Aħjar ma ngħid xejn dwar dawk il-waqtiet li għixt meta kont qiegħda nagħmel il-voti perpetwi.

 

Jiena fih, u Huwa fija. Fil-waqt li l-Isqof (Rospond) kien qiegħed ipoġġi ċ-ċurkett fuq subgħajja, Alla mela l-esseri tiegħi kollu, u la ma nistax niddeskrivi dak il-mument, ma sejra ngħid xejn fuqu, Ir-relazzjoni tiegħi ma’ Alla, minn mindu għamilt il-voti perpetwi, saret iktar intima milli qatt kienet qabel. Jiena nħoss li nħobb lil Alla u li Huwa jħobbni. Ladarba jiena doqt lil Alla, ruħi ma tistax tgħix mingħajru. Siegħa li jiena ngħaddi f’riġlejn l-altar fl-ikbar nixfa tal-ispirtu hija aktar għażiża għalija minn mitt sena ta’ pjaċiri tad-dinja. Jiena nippreferi nkun qaddejja umli f’kunvent milli sultana fid-dinja.

 

 

255.                 + Jiena nipprova naħbi minn għajnejn in-nies dak il-ġid li jiena kapaċi nagħmel biex Alla nnifsu jkun il-premju tiegħi. Jiena nkun bħal vjola ċkejkna moħbija fil-ħaxix, li ma tweġġax is-sieq li tirfes fuqha, imma xxerred il-fwieħa tagħha, u filwaqt li tinsa lilha nnfisha għal kollox, tipprova togħġob il-persuna li għaffġitha. Din hi diffiċli ħafna għan-natura umana, imma l-grazzja t’Alla tgħin lil dak li jkun.

 

 

256.                 Grazzi, Ġesu’, għall-favur kbir li għamiltli meta għarrafni l-abbiss sħiħ tal-miżerja tiegħi. Jiena naf li jiena abbiss tax-xejn u naf ukoll li jekk il-grazzja qaddisa Tiegħek ma żżommnix, jiena nerġa’ lura għax-xejn f’waqt wieħed. U għalhekk, b’kull taħbita ta’ qalbi, jiena nirringrazzjak, Alla tiegħi, għall-ħniena kbira Tiegħek lejja.

 

 

257.                 Għada rrid nitlaq Vilnius, Illum, mort inqerr għand Patri Andrasz; dan is-saċerdot li hu hekk mimli bl-ispirtu ta’ Alla, li għen il-ġwienaħ tiegħi sabiex inkun nista’ nogħla sal-ogħla qċaċet. Huwa serraħli moħħi dwar kollox u qalli nemmen fil-Providenza Divina. “Għandu jkollok fiduċja u ibqa’ miexja ‘l quddiem bil-kuraġġ.” Qawwa straordinarja u divina ġiet fuqi wara dik il-qrara. Patri (Andrasz) saħaq li għandi nkun fidila mal-grazzja ta’ Alla u qalli, “L-ebda ħsara ma tiġrilek jekk ‘il quddiem, inti tibqa’ żżomm din l-istess sempliċita’ u ubbidjenza. Għandu jkollok fiduċja f’Alla; inti miexja fit-triq it-tajba u qiegħda f’idejn tajba, u f’idejn Alla.”

 

 

258.                 + Dak in-nhar filgħaxija, jiena bqajt fil-kappella daqsxejn iktar. Kellimt lill-Mulej fuq ċerta ruħ. It-tjubija Tiegħu għamlitli l-qalb u jiena għidtlu, “Ġesu’ Inti tajtni dan is-saċerdot li jifhem l-ispirazzjonijiet tiegħi, u issa Inti qiegħed terġa’ teħoduli, jiena x’ser nagħmel Vilnius? Hemmhekk ma naf lil ħadd, u wkoll id-djalett tan-nies t’hemmhekk huwa stramb għalija.” U l-Mulej qalli: Tibżax; Jiena minix ser inħallik waħdek. Ruħi ntilfet f’talba ta’ radd il-ħajr għall-grazzji kollha li l-Mulej kien tani permezz tal-meditazzjoni ta’ Patri Andrasz.

 

F’daqqa waħda jiena ftakart fid-dehra li kelli fejn jiena kont rajt lil dak is-saċerdot bejn il-konfessinarju u l-altar, bit-tama li xi darba kont sejra niltaqa’ miegħu. U l-kliem li kont smajt erġajt smajtu ċar:  Huwa ser jgħinek twettaq ir-rieda Tiegħi hawn fl-art.

 

 

259.                 Illum, is-27 (ta’ Mejju 1933), se nitlaq Vilnius. Meta ħriġt mid-dar, ħarist lejn il-ġnien tad-dar, u meta tajt daqqa t’għajn lejn in-novizzjat, f’daqqa waħda beda nieżel id-dmugħ ma’ ħaddejja. Ftakart fil-barkiet u l-grazzji kollha li l-Mulej kien tani. Imbagħad, f’daqqa waħda bla ma kont qiegħda nistennieh, jien rajt il-Mulej maġenb ir-rokna tal-fjuri, u Huwa qalli: Tibkix; Jiena dejjem miegħek. Il-preżenza ta’ Alla, li daret miegħi waqt li Ġesu’ kien qiegħed jitkellem, baqgħet miegħi matul il-vjaġġ kollu.

 

 

260.                 Kelli permess inżur Czetochowa waqt il-vjaġġ tiegħi. Għall-ewwel darba rajt (ix-xbieha) ta’ Omm Alla, meta mort fil-ħamsa ta’ filgħodu sabiex inkun hemm meta jneħħu l-velu minn fuq ix-xbieha. Bla ebda waqfien bqajt nitlob sal-ħdax, u għalija kien qiesu għadni kif wasalt. Is-Superjura tad-dar t’hemmhekk (Madre Serafin (nota75)) bagħtet soru għalija, biex tgħidli mmur nieħu l-kalazzjon u qaltli li kienet qiegħda tinkwieta li kont sejra nitlef it-tren. Omm Alla qaltli ħafna affarijiet. Jien afdajt f’idejha l-voti perpetwi Tiegħi. Ħassejt li jiena bintha u li Hi kienet Ommi. Hija ma rrifjutatx l-ebda waħda mit-talbiet tiegħi.

 

 

261.                 + Illum jiena ninsab diġa’ f’Vilnius. Il-kunvent huwa magħmul minn ftit għarrajjex żgħar imxerrdin ‘l hemm u ‘l hawn. Għalija jidher daqsxejn stramb wara l-bini kbir f’Jozefow. Hawnhekk hawn biss tmintax –il soru. Id-dar hija ċkejkna, imma l-ħajja tal-komunita’ hija iktar intima. Is-sorijiet kollha laqgħuni tajjeb ħafna, li kien għalija inkuraġġiment kbir biex inkun niflaħ nissaporti t-tbatijiet li kellhom jiġu fil-futur. Swor Justine kienet ħaslet l-art ukoll għax kienet taf li ġejja jiena.

 

 

262.                 Meta mort għall-Barka, Ġesu’ tani d-dawl kif kelli nġib ruħi ma’ ċerti persuni. Jiena bqajt imqabbda b’saħħti kollha mal-Qalb l-iżjed  ħelwa ta’ Ġesu’, għax kont naf kemm kont ser inkun esposta għal distrazzjonijiet esterni minħabba x-xogħol li kien ser ikolli nagħmel hawnhekk fil-ġnien, fejn bilfors kien ser ikolli kuntatt mill-qrib ma’ persuni lajċi.

 

 

263.                 + Waslet il-ġurnata tal-qrar u fraħt ħafna meta rajt is-saċerdot li kont naf qabel ma mort Vilnius. (Jiġifieri) kont nafu meta rajtu f’dehra. F’dak il-waqt, jiena smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Dan hu l-qaddej fidil Tiegħi; huwa jgħinek twettaq ir-rieda Tiegħi hawnhekk fl-art. Imma jiena ma ftaħtx qalbi miegħu bħalma xtaq il-Mulej. U għal xi żmien irreżistejt il-grazzja. Matul kull qrara, il-grazzja ta’ Alla daħlet ġewwa fija b’mod speċjali ħafna, iżda jiena ma wrejtx ruħi lilu, u kelli l-intenzjoni li ma mmurx inqerr għad dak is-saċerdot. Wara li ħadt din id-deċiżjoni, ruħi nħakmet minn anzjeta’ terribli. Alla ċanfarni bil-qawwa. Meta wrejt ruħi kollha lil dan is-saċerdot, Ġesu’ ferra’ oċejan ta’ grazzji fiha. Issa nifhem xi jfisser tkun fidil għal xi grazzja partikolari. Dik il-grazzja waħda tiġbed ħafna oħrajn warajha.

 

 

264.                 + O Ġesu’ tiegħi, żommni maġenbek! Ara kemm jiena dgħajfa! Ma nistax nagħmel pass ‘il quddiem waħdi; mela Inti, Ġesu’ trid tkun maġenbi l-ħin kollu bħal omm maġenb tifla li għandha bżonn kull għajnuna – u iktar ukoll.

 

 

265.                 Ġranet ta’ xogħol, ta’ taqbid u ta’ tbatija issa bdew. Kollox baqa’ miexi skont ir-rutina tal-kunvent. Wieħed dejjem jibqa’ novizz għax ikollu jitgħallem ħafna affarijiet u jsir jaf dwar ħafna affarijiet, għaliex, għalkemm ir-regola hija waħda, kull dar għandha d-drawwiet tagħha; u għalhekk, kull bidla hija novizzjat żgħir.

 

5 ta’ Awissu, 1933. Il-Festa tal-Madonna tal-Ħniena.

 

266.                 Illum irċevejt grazzja kbira u li ma nistax nifhimha, li hi kollha kemm hi interjuri, u li minħabba fiha nibqa’ grata lejn Alla f’din il-ħajja kollha u għall-eternita’...

 

 

267.                 Ġesu’ qalli li jiena nogħġbu l-iktar billi nimmedita fuq il-Passjoni ħarxa Tiegħu, u permezz ta’ din il-meditazzjoni ruħi tirċievi ħafna dawl. Min irid jitgħallem umilta’ vera għandu jirrifletti fuq il-Passjoni ta’ Ġesu’. Meta jiena nimmedita fuq il-Passjoni ta’ Ġesu’, inkun nista’ nifhem b’mod ċar ħafna affarijiet li qabel ma kontx nista’ nifhimhom. Jiena rrid nixbaħ lilek, O Ġesu’, - lilek mislub, ittorturat u umiljat. Ġesu, stampa fuq qalbi u ruħi l-umilta’ Tiegħek stess. Jiena nħobbok Ġesu’, bi mħabba tal-ġenn, Inti li kont misħuq bit-tbatija, bħalma jiddeskrivi l-profeta (Isaija 53: 2-9), bħallikieku hu ma setax jara fik is-sura ta’ bniedem minħabba t-tbatija kbira Tiegħek. Huwa f’din il-kundizzjoni, Ġesu’, li jiena nħobbok, b’mod tal-ġenn. O Alla etern u bla tarf, x’għamlitlek l-imħabba?...

 

 

268.                 11 ta’ Ottubru 1933 – Il-Ħamis. – Ippruvajt nagħmel Siegħa Adorazzjoni, imma bdejtha b’diffikulta’ kbira. Ċerta xenqa bdiet tiġbidli qalbi. Moħħi ddallam b’mod li ma stajtx nifhem l-iktar suriet sempliċi ta’ talb. U b’dan il-mod għaddiet siegħa talb, jew aħjar ngħid siegħa ta’ sforzi. Iddeċidejt li nitlob għal siegħa oħra, imma t-tbatijiet interni tiegħi żdiedu – nixfa kbira u qtiegħ il-qalb. Iddeċidejt li nitlob għal siegħa oħra. Fit-tielet siegħa, li ddeċidejt li ngħaddiha għarkubtejja mingħajr ma nżomm ma xejn, ġismi beda jgħajjat li jrid jistrieħ. Imma ma ċedejt bl-ebda mod. Ftaħt dirgħajja quddiemi u, għalkemm ma lissint l-ebda kelma bqajt hemm b’rieda sħiħa. Wara xi ħin, neħħejt iċ-ċurkett minn subgħajja u tlabt lil Ġesu’ sabiex iħares lejn iċ-ċurkett, dak is-sinjal tal-għaqda eterna tagħna, u jiena offrejt lil Ġesu’ s-sentimenti li kelli f’dak il-jum tal-voti perpetwi. Wara ftit, inħoss qalbi mgħarrqa b’mewġa ta’ mħabba. F’daqqa waħda ninġabar fl-ispirtu, is-sensi jikkwetaw, u l-preżenza ta’ Alla timlieli ruħi. Ħaġa waħda biss naf: li kien hemm Ġesu’ u jiena. Rajtu hekk kif kien deherli f’dak il-waqt wara l-voti perpetwi tiegħi, meta wkoll kont qiegħda nagħmel is-Siegħa Adorazzjoni. F’daqqa waħda, Ġesu’ kien jinsab bilwieqfa quddiemi, mneżża’ minn ħwejġu, ġismu miksi kollu b’feriti, għajnejh mimlijin dmugħ u demm, wiċċu sfigurat u miksi bżieq. Il-Mulej imbagħad qalli, L-għarusa trid tkun tixbaħ lill-Maħbub tagħha. Jiena dan il-kliem fhimthom mill-bidu sal-aħħar. M’hawn l-ebda lok għal dubju hawnhekk. Ix-xebħ ma’ Ġesu’ jrid iseħħ permezz tat-tbatija u tal-umilta’. Ara x’għamlitli l-imħabba għall-erwieħ tal-bndemin. Binti, fil-qalb tiegħek Jiena nsib dak kollu li numru hekk kbir ta’ erwieħ jirrifjutawli. Qalbek hija l-mistrieħ Tiegħi. Jiena spiss nibqa’ nistenna bi grazzji kbar sakemm tasal fit-tmiem tat-talb.

 

 

269.                 Darba, meta kont spiċċajt novena lill-Ispirtu s-Santu għall-intenzjoni tal-konfessur tiegħi (Dun Sopocko), il-Mulej weġibni: Jiena kont urejthulek ukoll qabel ma s-superjuri tiegħek bagħtuk hawnhekk. Bħalma inti taġixxi mal-konfessur tiegħek, hekk ukoll Jiena naġixxi miegħek. Jekk int taħbilu xi ħaġa, ukoll jekk tkun l-iċken waħda mill-grazzji Tiegħi, Jiena wkoll ninħeba minnek, u int tibqa’ waħdek. U għalhekk, jiena għamilt ir-rieda ta’ Alla, paċi profonda  mlietli ruħi. Issa jiena nista’ nifhem kif il-Mulej jiddefendi l-konfessuri u jħarishom.

 

 

Parir tar-Reverendu Dun Sopocko.

 

270.                 Jekk ma nkunux umli, ma nistgħux nogħġbu lil Alla. Ipprattika t-tielet grad tal-umilta’, (nota76) jiġifieri, mhux biss m’għandux wieħed jispjega u jiddefendi lilu nnifsu meta jċanfruh għal xi raġuni, imma wieħed għandu jifraħ bl-umiljazzjoni.

 

 

Jekk l-affarijiet li inti qiegħda tgħidli ġejjin tassew minn Alla, ħejji ruħek għal tbatija kbira. Int għad tiltaqa’ ma’ disapprovazzjoni u persekuzzjoni. Huma jgħodduk b’isterika u eċċentrika, imma l-Mulej jagħtik il-grazzji Tiegħu bl-abbundanza. Opri veri ta’ Alla dejjem jiltaqgħu ma’ oppożizzjoni u jkunu mmarkati bit-tbatija. Jekk Alla  jrid li sseħħ xi ħaġa, xi darba jew oħra Huwa jagħmel li għandu jagħmel minkejja d-diffikultajiet. Is-sehem tiegħek, sadattant, hu li tarma lilek nnifsek b’paċenzja kbira.

 

 

271.                 Meta r-Reverendu Dun Sopocko mar l-Art Imqaddsa, Patri Dabrowski, SJ kien il-konfessur tal-komunita’. Fi qrara minnhom staqsieni jekk  jiena kontx konxja tal-grad għoli tal-ħajja (spiritwali) preżenti ġewwa ruħi. Jiena weġibt li konxja minn din il-ħaġa u kont naf x’kien qed jiġri ġewwa fija. Għal dan, is-saċerdot wieġeb, “Ara li ma teqridx dak li qed tiġri f’ruħek, Sor, lanqas m’għandek tibdel xejn waħdek. Mhux f’kull ruħ ikun jista’ jidher id-don sabiħ ta’ ħajja interna għolja bħlma jidher fil-kas tiegħek, Sor, għax din tidher fi grad immens. Oqgħod attenta li ma taħlix dawn il-grazzji kbar ta’ Alla; ħaġa kbira.”...  (Hawnhekk jinqata’ l-fil tal-ħsieb)

 

 

272.                 Imma qabel dan, dan is-saċerdot kien għaddieni minn ħafna provi. Meta jiena għidtlu li l-Mulej ried dawn l-affarijiet mingħandi (jiġifieri, il-pittura tax-xbieha, it-twaqqif tal-festa tal-Ħniena Divina, u t-twaqqif  ta’ komunita’ ġdida), huwa beda jidħaq bija u qalli mmur inqerr fit-tmienja ta’ filgħaxija. Meta mort fit-tmienja, fratell kien diġa’ qed isakkar il-knisja. Meta għidtlu li s-saċerdot kien ikkmandani mmur dak il-ħin u tlabtu jgħarraf lis-saċerdot qallu biex jgħidli li s-saċerdoti ma jqarrux nies f’dak il-ħin. Jiena mort lura d-dar mingħajr qrar u ma rġajtx mort għandu għall-qrar, imma għamilt siegħa sħiħa adorazzjoni u xi mortifikazzjonijiet għalih sabiex Alla jagħtih id-dawl sabiex huwa jagħraf l-erwieħ. Imma meta telaq Dun Sopocko u hu qagħad minfloku, jiena kelli bilfors immur inqerr għandu. Imma, filwaqt li qabel ma tantx ried jammetti li dawn kienu ispirazzjonijiet interni, issa obbligani nkun fidila lejhom. Xi drabi Alla jippermetti li jiġru affarijiet bħal dawn, imma jalla jkun igglorifikat f’kollox. Imma, hemm bżonn ħafna grazzja biex dak li jkun ma jaqtax qalbu u ma jerġax lura.

 

 

Irtiri Annwali. 10 ta’ Jannar 1934

 

273.                 Ġesu’ tiegħi, qed jerġa’ joqrob il-waqt meta nerġa’ nkun waħdi miegħek. Ġesu’, nitolbok b’qalbi kollha, ħallini nkun naf x’hemm ġo fija li ma jogħġbokx u ħallini wkoll inkun naf x’għandi nagħmel sabiex inkun nista’ nogħġbok iktar.  Tiċħadlix dan il-favur u kun miegħi. Jiena naf li mingħajrek, Mulej, l-isforzi tiegħi kollha ma jwasslux ħafna. Kemm nifraħ bil-kobor Tiegħek, O Mulej! Iktar ma nsir nafek, b’ħerqa ikbar nixxennaq u nitniehed għalik!

 

 

274.                 Ġesu’ tani l-grazzja li nsir naf lili nnifsi. F’dan id-dawl divin nara d-difetti prinċipali tiegħi; hija s-suppervja li tieħu l-forma li ningħalaq fija nnifsi u tonqos is-sempliċita’ min-naħa tiegħi fir-relazzjoni tiegħi mal-Madre Superjura (Irene).

 

It-tieni dawl dwar id-diskors. Xi drabi jiena ngħid iżżejjed. Ħaġa tista’ tingħad f’kelma jew tnejn u jiena ndum sejra wisq biha. Imma Ġesu’ jridni nuża dak il-ħin sabiex ngħid xi talb qasir li għandu l-indulġenza għall-erwieħ tal-purgatorju. U l-Mulej jgħid li kull kelma tiġi kkunsidrata fil-jum tal-ġudizzju.

 

It-tielet dawl kien dwar ir-regoli tagħna. Jiena m’għamiltx kulma kelli nagħmel biex nevita l-okkażjonijiet li jwasslu li jinkisru r-regoli, l-aktar dik tas-skiet. Jiena ser naġixxi daqslikieku r-regola nkitbet għalija biss; m’għandux jaffettwani bl-ebda mod kif jaġixxi ħaddieħor, sakemm jiena naġixxi bħalma jrid Alla.

 

Riżoluzzjonijiet. Kwalunkwe ħaġa li Ġesu’ jitlob mingħandi dwar affarijiet esterni jiena mmur mill-ewwel ngħid lis-superjuri tiegħi u nipprova li jkolli t-trasparenza tat-tfal u s-sinċerita’ fir-relazzjonijiet tiegħi mas-Superjura.

 

 

275.                 Ġesu’ jħobb erwieħ moħbijin. Fjura moħbija l-iktar li tfuħ. Irrid nisforza sabiex l-intern ta’ ruħi jsir post fejn il-Qalb ta’ Ġesu’ tkun tista’ tistrieħ. F’mumenti diffiċli u mimlija uġigħ, O Ħallieq tiegħi, jiena nkantalek innu ta’ fiduċja, għax bla qiegħ huwa l-abbiss ta’ fiduċja tiegħi fik u fil-ħniena Tiegħek!

 

 

276.                 Minn dak il-waqt meta jiena bdejt inħobb it-tbatija, ma baqgħetx tbatija għalija. It-tbatija hija l-ikel ta’ kuljum ta’ ruħi.

 

 

277.                 Minix ser nitkellem ma’ ċerta persuna, għax naf li Ġesu’ ma jeħux gost biha u hi ma tikseb xejn minn din il-ħaġa.

 

 

278.                 F’riġlejn il-Mulej. Ġesu’ Moħbi, Imħabba Eterna, l-Għajn tal-Ħajja tagħna, Alla mimli b’Imħabba tal-ġenn għalina. Għax Inti tinsa lilek innifsek u tara lilna biss. Qabel ma Int ħlaqt is-sema u l-art, Inti kont qiegħed iġġorna fil-qiegħ ta’ Qalbek. O Mħabba, O Pronfondita’ ta’ kif Int tinżel għal-livell uman, O misteru ta’ hena għaliex jafuk hekk ftit nies? Għaliex ma nweġbux għal Imħabbtek? O Mħabba Divina għaliex taħbi s-sbuħija tiegħek? O Esseri Infinit li ħadd ma jista’ jifhmu, iktar ma nsir nafek, inqas nifhmek; imma għax jiena ma nistax nifhmek, nista’ nifhem aħjar il-kobor Tiegħek. Jiena ma ngħirx għas-Serafini għan-nar tagħhom, għax jiena għandi don ikbar depożitat f’qalbi.

 

Huma jammirawk f’estasi, imma Demmek jitħallat ma’ tiegħi. L-Imħabba hija l-ġenna mogħtija lilna sa minn hawnhekk fl-art. Għaliex tistaħba fil-fidi? L-Imħabba tneħħi min-nofs il-velu. M’hemm l-ebda velu quddiem l-għajn ta’ ruħi, għax Inti stess ġbidtni fil-ħdan tal-imħabba sigrieta għal dejjem. Ġieħ u glorja lilek, O Trinita’ Indiviżibbli, Alla wieħed, għal dejjem ta’ dejjem!

 

 

279.                 Alla għarrafni f’hiex tikkonsisti l-imħabba vera u tani d-dawl kif, fil-prattika nista’ nagħtih prova tagħha. L-Imħabba vera ta’ Alla tikkonsisti filli nagħmlu r-rieda ta’ Alla. Biex nuru lil Alla mħabbitna f’kull ma nagħmlu, l-azzjonijiet kollha tagħna, ukoll l-iċken waħda, iridu joħorġu mill-imħabba tagħna għal Alla. U l-Mulej qalli: Binti, inti togħġobni l-iżjed permezz tat-tbatijiet. Fit-tbatijiet tiegħek fiżiċi kif ukoll mentali, Binti, tfittixx il-faraġ mingħand il-kreaturi. Jiena rrid li l-fwieħa tat-tbatijiet tiegħek tkun safja u ma titħallat ma’ xejn. Jiena rridek tiddistakka ruħek, mhux biss mill-kreaturi, imma wkoll minnek innifsek. Binti, jiena rrid nitpaxxa bl-imħabba ta’ qalbek, imħabba safja, verġinali bla ebda tebgħa. Iktar ma inti ssir tħobb it-tbatija, Binti, iktar tkun safja mħabbtek għalija.

 

 

280.                 Ġesu’ tani ordni niċċelebra l-Festa tal-Ħniena ta’ Alla fl-Ewwel Ħadd fuq l-Għid. (Dan jiena għamiltu) permezz ta’ ġabra interjuri u mortifikazzjoni esterna, ilbist iċ-ċinturin (tal-penitenza) għal tlett sigħat u tlabt il-ħin kollu għall-midinbin u għall-ħniena fid-dinja kollha. U Ġesu’ qalli: Għajnejja jistrieħu u jitpaxxew b’din id-dar illum.

 

 

281.                 Jiena nħossni ċerta li l-missjoni tiegħi mhix ser tispiċċa ma’ mewti, imma tibda. Intom erwieħ li tiddubitaw, jiena nneħħilkom minn qudidem għajnejkom il-velijiet tal-ġenna sabiex nipperswadikom kemm Hu twajjeb Alla, sabiex ma tkomplux iżjed tidorbu l-Qalb l-iżjed ħelwa ta’ Ġesu’ bin-nuqqas ta’ fiduċja tagħkom. Alla hu Mħabba u Ħniena.

 

 

282.                 Darba l-Mulej qalli: Qalbi tqanqlet bi ħniena kbira lejk, binti l-iżjed għażiża, meta rajtek imtertqa minħabba l-uġigħ kbir li inti batejt meta ndimt minn dnubietek, Jiena qed nara mħabbtek, hekk safja u vera li Jiena nagħtik l-ewwel post fost il-Verġni, Inti l-unur u l-glorja tal-Passjoni Tiegħi. Nara kull sforz sabiex inti ċċekken lilek innifsek, u xejn ma jaħrab l-attenzjoni Tiegħi. Jiena ngħolli l-umli sa l-istess tron Tiegħi għax Jiena hekk irrid.

 

 

Alla, Wieħed fit-Trinita’ Qaddisa

 

283.                 Jiena rrid inħobbok bħalma ebda ruħ umana s’issa qatt ma ħabbitek; u għalkemm jiena għal kollox miżerabbli u ċkejkna, ankrajt il-fiduċja tiegħi fil-fond tal-abbiss tal-ħniena Tiegħek, O Alla u Ħallieq tiegħi! Minkejja l-miżerja kbira tiegħi, ma nibża’ minn xejn, imma nittama li nkantalek innu ta’ glorja għal dejjem. L-ebda ruħ, anqas l-iktar waħda msejkna, m’għandha taqa’ vittma tad-dubju għax, sakemm wieħed ikun għadu ħaj jista’ jsir qaddis kbir, daqshekk kbira hi l-qawwa tal-grazzja t’Alla. Il-parti tagħna hija biss li ma noħduhiex kontra l-ħidma ta’ Alla.

 

 

284.                 O Ġesu’, li kieku stajt insir bħal ċpar quddiem għajnejk, sabiex niksi l-art u Inti ma tkunx tista’ tara l-ħtijiet terribli tagħna. Ġesu’, meta jiena nħares lejn id-dinja u l-indifferenza tagħha lejk, jerġa’ joħroġ id-dmugħ minn għajnejja; imma meta nħares lejn ir-ruħ bierda ta’ xi persuna reliġjuża, qalbi tnixxi d-demm.

 

 

285.                 1934. Darba meta rġajt lura fiċ-ċella tiegħi, kont hekk għajjiena li kelli nieqaf nistrieħ għal mument qabel ma bdejt ninża’, u meta kont inżajt, waħda mis-sorijiet talbitni nġibilha ftit misħun. Għalkemm kont għajjiena, ilbist malajr u ġibtilha l-ilma li xtaqet għalkemm kien hemm mixja mhux ħażin miċ-ċella sal-kċina, u kelli ngħoddos sal-għarqub fit-tajn. Meta rġajt dħalt fiċ-ċella tiegħi, rajt il-pissidi bis-Sagrament Imqaddes u smajt din il-vuċi, Ħu dan il-pissidi u ħudu fit-tabernaklu. Għall-ewwel bqajt lura, imma meta rsaqt u missejtu, smajt dan il-kliem: Ersaq lejn waħda mis-sorijiet bl-istess imħabba li biha int tersaq lejja; u kulma tagħmel għalihom qisek qed tagħmlu Għalija. Sekonda wara, indunajt li kont waħdi.

 

 

286.                 + Darba wara adorazzjoni għal pajjiżna, uġigħ nifidli ruħi, u jiena bdejt nitlob b’dan il-mod. “Ġesu’, l-aktar ħanin, jiena nitolbok permezz tal-interċessjoni tal-Qaddisin Tiegħek u speċjalment tal-Omm l-aktar għażiża Tiegħek li ħadet ħsiebek minn tfulitek, bierek lil pajjiżi. Nitolbok Ġesu’, tħarisx lejn dnubietna, imma ħares lejn id-dmugħ tat-tfal ċkejknin, lejn il-ġuħ u l-kesħa li jbatu. Ġesu’ minħabba dawk l-innoċenti, agħtini l-grazzja li qiegħda nitolbok għal pajjiżi.” F’dak il-waqt, rajt lill-Mulej Ġesu’, għajnejh mimlijin dmugħ u qalli: Qiegħda tara, binti, x’kompassjoni kbira Jiena għandi għalihom. Kun af li huma qedgħin iżommu d-dinja.

 

 

287.                 + Ġesu’ tiegħi, meta nħares lejn din il-ħajja tal-erwieħ, nara li ħafna minnhom iservuk b’xi nuqqas ta’ fiduċja. F’xi żminijiet, l-aktar meta jkun hemm opportunita’ biex juru l-imħabba tagħhom lejn Alla, narahom jaħarbu mill-kamp tal-battalja. U darba Ġesu’ qalli: Inti wkoll, binti, trid ġġib ruħek bħalhom? Jiena weġibt lill-Mulej. “Le, Ġesu’ tiegħi, jiena qatt ma ser nirtira mill-kamp tal-battalja wkoll jekk joħroġ għaraq tal-mewt minn ġbini; qatt ma sejra nitlaq ix-xabla minn idi sakemm nistrieħ f’riġlejn  is-Santissma Trinita’.” Nagħmel x’nagħmel, ma nistrieħx fuq saħħti biss imma fuq il-grazzja ta’ Alla. Bil-grazzja ta’ Alla, ruħ tista’ tirbaħ l-ikbar diffikultajiet.

 

 

288.                 + Darba, meta kelli diskursata twila ma’ Ġesu’ dwar l-istudenti tagħna, it-tjubija Tiegħu għamlitli l-qalb u għidtlu, “Fost l-istudenti tagħna, hemm xi ħadd li hu ta’ faraġ għal Qalbek?” Il-Mulej wieġeb (li) Hu għandu lil xi ħadd ‘imma l-imħabba tagħhom hija dgħajfa, u għalhekk Jiena qiegħed inpoġġihom f’idejk b’mod speċjali – itlob għalihom.’

 

O Alla kbir, jiena nammira t-tjubija Tiegħek! Inti l-Mulej tal-qtajja’ tas-sema, u xorta waħda tiċċekken daqshekk għall-kreaturi msejknin Tiegħek. B’liema ħerqa nixtieq inħobbok b’kull taħbita ta’ qalbi! Il-wisa’ kollha tal-art mhix biżżejjed għalija, il-ġenna hija żgħira wisq, u l-ispazju infinit m’hu xejn; Inti biss biżżejjed għalija, Alla Etern. Inti biss tista’ timla l-qigħan ta’ruħi.

 

 

289.                 L-iktar waqtiet sbieħ tiegħi huma meta nkun ninsab waħdi mal-Mulej tiegħi. F’dawn il-mumenti jkolli esperjenza ta’ kobor ta’ Alla u tal-miżerja tiegħi stess.

 

Darba Ġesu’ qalli: M’għandekx teħodha bi kbira li xi drabi jakkużawk bla ħtija. Jiena stess kont l-ewwel wieħed li xrobt din it-tazza ta’ tbatija li ma kenitx tistħoqqli, għax inħobbok.

 

290.                 Darba meta kont impressjonata sewwa bil-ħsieb tal-eternita’ u l-misteri tagħha, ruħi saret beżgħana; u meta ħsibt fuqhom għal ftit ħin ieħor diversi dubji bdew jinkwetawni. Imbagħad Ġesu’ qalli: Binti tibżax mid-dar ta’ Missierek. Ħalli dawn il-mistoqsijiet bla bżonn għall-għorrief ta’ din id-dinja. Jiena rrid narak dejjem bħal tifla ċkejkna. Staqsi lill-konfessur tiegħek dejjem bis-sempliċita’ kollha, u jiena nwieġbek permezz tiegħu.

 

 

291.                 Darba jien rajt persuna ser tagħmel dnub mejjet. Jien tlabt lill-Mulej jibgħatli l-ikbar torturi sabiex dik ir-ruħ issalva. Imbagħad f’daqqa waħda ħassejt l-uġigħ terribli tal-kurauna tax-xewk fuq rasi. Damet għal żmien twil mhux ħażin, imma dik il-persuna baqgħet fil-grazzja tal-Mulej. O Ġesu’ tiegħi, kemm hija ħaġa faċli li wieħed isir qaddis; kulma hemm bżonn ftit rieda tajba. Jekk Ġesu’ jara din id-daqsxejn rieda tajba fir-ruħ Huwa jgħaġġel sabiex jagħti lilu nnifsu lir-ruħ, u xejn ma jwaqqfu, la difetti u lanqas waqgħat – assolutament xejn. Ġesu’ jkun anzjuż li jgħinha lil dik ir-ruħ, u jekk hija tibqa’ fidila għal din il-grazzja minn Alla, f’qasir żmien tkun tista’ tilħaq l-ogħla grad ta’qdusija possibli għal kreatura hawn fl-art. Alla hu ġeneruż u ma jiċħad il-grazzja Tiegħu lil ħadd. Fil-fatt, huwa jagħti ħafna iktar milli nitolbuh. Fedelta’ lejn l-ispirazzjonijiet tal-Ispirtu s-Santu – din hija l-iqsar rotta.

 

 

292.                 + Meta ruħ tħobb lil Alla sinċerament, hi m’għandha tibża’ minn xejn fil-ħajja spirtwali. Għandha tissottometti ruħha għall-azzjoni tal-grazzja, u m’għandha tpoġġi fuqha innfisha l-ebda restrizzjoni meta tikkomunika mal-Mulej.

 

293.                 + Meta Ġesu’ affaxxinani bis-sbuħija Tiegħu u ġibidni lejh, jiena mbagħad rajt x’kien hemm f’ruħi li ma kienx jogħġbu u ddeċidejt li neħħieh, jiswieli x’jiswieli; u bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla; neħħejtu mill-ewwel. Din il-qalb kbira għoġbitu lill-Mulej, u minn dak il-waqt Alla beda jagħtini grazzji ikbar. Fil-ħajja interjuri tiegħi qatt ma nuża r-raġuni; ma nanalizzax it-toroq li jmexxini fihom l-Ispirtu ta’ Alla. Għalija biżżejjed li naf li jiena maħbuba u li jiena nħobb, Imħabba safja tagħmilhieli possibli li nkun naf lil Alla u nifhem ħafna misteri. Il-konfessur tiegħi huwa oraklu għalija. Il-kelma tiegħu hija sagra għalija – qiegħda nitkellem dwar id-Direttur Spiritwali (Dun Sopocko).

 

 

294.                 + Darba l-Mulej qalli: Ġib ruħek bħal tallab li ma jitlaqx meta jirċievi iktar flus (milli jkun talab), imma jrodd il-ħajr b’ħeġġa ikbar. Inti wkoll m’għandekx titlaq u tgħid li m’intix denja li tirċievi grazzji ikbar meta jiena nagħtihomlok. Jiena naf li m’intix denja, imma ifraħ iżjed u iżjed u ħu miegħek kemm tista’ teżori mill-Qalb Tiegħi daqskemm inti tiflaħ iġġorr, għax imbagħad inti togħġobni iktar. U Jiena ngħidlek ħaġa oħra: ħu dawn il-grazzji mhux għalik biss, imma wkoll għall-oħrajn; jiġifieri, ħajjar lill-erwieħ li inti tiġi f’kuntatt magħhom jafdaw fil-ħniena Tiegħi bla tarf. Kemm inħobb lil dawk l-erwieħ li juru fiduċja sħiħa Fija! Jiena nagħmel kollox għalihom.

 

 

295.                 + F’dak il-waqt Ġesu’ staqsieni, Binti, kif inhu sejjer l-irtir tiegħek? Jiena weġibt. “Imma Ġesu’ inti taf kif inhu sejjer.” Iva, Jiena naf, imma rrid nismagħha mingħandek stess u minn qalbek. O Mgħallem tiegħi, meta tkun tmexxini Inti, kollox imur sewwa, u jiena qiegħda nitolbok, Mulej, li qatt ma tħallini.” U Ġesu’ qal, Iva, Jiena nkun miegħek dejjem, jekk int tibqa’ dejjem tifla ċkejkna u ma tibża’ minn xejn. Bħalma Jiena kont il-bidu tiegħek hawnhekk, hekk ukoll inkun it-tmiem tiegħek. Toqgħodx tiddependi minn kreaturi oħra, ukoll fl-iċken affarijiet, għax din il-ħaġa ma togħġobnix. Jiena rrid inkun waħdi ġewwa ruħek. Jiena nagħti dawl u saħħa lil ruħek, u inti titgħallem mingħand ir-rappreżentant Tiegħi li Jiena qiegħed fik, u l-inċertezza tiegħek tisparixxi bħalma ċ-ċpar jgħib quddiem ir-raġġi tax-xemx.

 

 

296.                 + O Tjieba l-Aktar Għolja, jiena rrid inħobbok bħalma qatt ħadd ma ħabbek fuq din l-art! Jiena rrid nadurak b’kull mument ta’ ħajti u ngħaqqad ir-rieda tiegħi mill-qrib mar-rieda qaddisa Tiegħek. Ħajti mhix bla interess jew monotona, imma hija varjata bħal ġnien mimli fjuri jfuħu, sakemm nasal fejn ma nafx liema fjura rrid naqta’ l-ewwel, il-ġilji tat-tbatija jew il-warda tal-imħabba tal-proxxmu jew il-vjola tal-umilta’. Minix sejra nagħmel lista ta’ dawn it-teżori li jfawwru kull jum ta’ ħajti. Hija ħaġa kbira li inti tkun taf li għandek tagħmel użu mill-mument ta’ issa.

 

 

297.                 + Ġesu’, Dawl l-Aktar Għoli, agħtini l-grazzja li nkun naf  lili nnifsi, u infed id-dlamijiet ta’ ruħi bid-Dawl Tiegħek, u imla l-abbiss ta’ruħi bik stess, għaliex Inti biss (...)

 

 

298.                 O Ġesu’ tiegħi, li Inti l-Ħajja, it-Triq u l-Verita’, jiena nitolbok iżżommni qrib Tiegħek bħalma omm iżżomm it-tarbija tagħha magħfusa magħha,għax jiena mhux biss tarbija bla saħħa, imma jiena taħlita u ġabra ta’ miżerja u xejn.

Il-Misteru tar-Ruħ.                                                                   Vilnius,1934

 

 

299.                 Meta, darba, l-konfessur tiegħi qalli nsaqsi lill-Mulej Ġesu’ xi jfissru ż-żewġ raġġi fix-xbieha, (nota77) jiena weġibt, ‘Tajjeb ħafna, nistaqsi lill-Mulej.’

 

Waqt it-talb jiena smajt dan il-kliem ġewwa fija: Iż-żewġ raġġi jfissru Demm u Ilma. Ir-raġġ l-abjad jissimbolizza l-Ilma li jsaffi lill-erwieħ u jagħmilhom ġusti. Ir-raġġ l-aħmar jissimbolizza d-Demm li hu l-ħajja tal-erwieħ...

 

Dawn iż-żewġ raġġi ħarġu mill-qiegħ nett tal-ħniena tenera Tiegħi meta l-Qalb agonizzanti Tiegħi ġiet minfuda b’lanza fuq s-Salib.

 

Dawn ir-raġġi iħarsu lill-erwieħ mill-korla ta’ Missieri. Ħieni dak li   jgħammar għall-kenn tagħhom, għax l-id ġusta ta’ Alla ma tmissux. Jiena nixtieq li l-Ewwel Ħadd fuq l-Għid ikun il-Festa tal-Ħniena.

 

 

300.                 + Għid lis-serv fidil Tiegħi (Dun Sopocko) li f’dan il-jum, huwa għandu jgħid lid-dinja kollha bil-ħniena kbira Tiegħi; li kull min jersaq lejn l-Għajn tal-Ħajja f’dan il-jum jingħata maħfra sħiħa ta’ dnubietu u l-kastig tagħhom.

 

+ Il-bnedmin ma jkollhomx paċi sakemm ma jdurux bil-fiduċja lejn il-Ħniena Tiegħi.

 

+ O kemm iweġġagħni n-nuqqas ta’ fiduċja tar-ruħ! Ruħ bħal din tgħid li Jiena Qaddis u Ġust, imma ma temminx li Jiena Ħniena u ma tafdax fit-tjubija Tiegħi. Ukoll ix-xjaten jigglorifikaw il-Ġustizzja Tiegħi, imma ma jemmnux fit-tjubija Tiegħi.

 

Qalbi tifraħ b’dan it-titlu ta’ Ħniena.

 

 

301.                 Xandar li l-ħniena hija l-ikbar attribut ta’ Alla. Il-ħidmiet ta’ idejja huma nkurunati bil-ħniena.

 

 

302.                 + O Mħabba Eterna, jiena rrid li l-erwieħ kollha li Int ħlaqt isiru jafuk. Nixtieq kieku nkun saċerdot, għax kieku kont inkellem bla waqfien fuq l-ħniena Tiegħek lill-erwieħ midinbin li jinsabu mgħarrqin fid-disperazzjoni. Nixtieq inkun missjunarju u nġorr id-dawl tal-fidi lin-nazzjonijiet mhux ċivilizzati sabiex l-erwieħ isiru jafuk, u li nkun ikkunsmata kollni kemm jiena għalihom u mmut mewta ta’ martri, bħalma Inti mitt għalihom u għalija. O Ġesu’, jiena naf wisq tajjeb li nista’ nkun saċerdot missjunarju predikatur, u li nista’ mmut mewta ta’ martri jekk niżvojta lili nnifsi għal kollox u niċħad lili nnifsi għall-imħabba Tiegħek, Ġesu’, u tal-erwieħ immortali.

 

 

303.                 Imħabba kbira tista’ tbiddel affarijiet żgħar f’affarijiet kbar, u hija l-imħabba biss li tagħti valur lill-azzjonijiet tagħna. U iktar ma tissaffa l-imħabba tagħna, ikun hemm inqas affariijiet ġewwa fina li bihom jistgħu jitkebbsu l-fjammi tat-tbatija, u t-tbatija ma tibqax tbatija għalina, issir għaxqa! Bil-grazzja ta’ Alla, jiena rċevejt dispożizzjoni bħal din ġewwa qalbi li qatt ma nkun daqshekk kuntenta bħalma meta jiena nbati għal Ġesu’, li jiena nħobbu b’kull taħbita ta’ qalbi.

 

Darba meta kont qiegħda nbati ħafna, tlaqt xogħli u ħrabt għal għand Ġesu’ u tlabtu jagħtini s-saħħa Tiegħu. Wara talba qasira ħafna mort lura fuq xogħli mimlija entużjażmu u ferħ. Imbagħad, waħda mis-sorijiet (aktarx Swor Justine) qaltli, “Illum għandek ħafna konsolazzjonijiet, Sor, tidher tarmi l-ferħ. Alla żgur mhux jagħtik tbatija, imma konsolazzjonijiet biss.” “Għandek żball kbir, Sor”, weġibt jiena, “għax preċiżament meta jiena nkun qiegħda nbati ħafna li l-ferħ tiegħi jikber; u meta nbati inqas; jonqos ukoll il-ferħ tiegħi.”  Imma dik ir-ruħ kienet qiegħda turini li ma kenitx qed tifhem x’kont qiegħda ngħid. Ippruvajt infhemha li, meta aħna nabtu ħafna, ikollna ċans kbir nuru lil Alla kemm inħobbuh; imma meta nbatu ftit, ikollna inqas okkażjoni nuru lil Alla mħabbtina; u meta ma nbatu xejn, imħabbitna la tkun kbira u lanqas safja. Bil-grazzja ta’ Alla, nistgħu nilħqu punt fejn it-tbatija issi għaxqa f’għajnejna, għax l-imħabba tista’ tagħmel dawn l-affarijiet possibli f’erwieħ safja.

 

 

304.                 + O Ġesu’ tiegħi, it-tama waħda tiegħi, grazzi għall-ktieb li Inti ftaħtli quddiem l-għajnejn ta’ ruħi. Dak il-ktieb hu l-Passjoni Tiegħek li Inti għaddejt minnha għax Inti tħobbni. Huwa minn dan il-ktieb li jiena tgħallimt kif  għandi nħobb lil Alla u lill-erwieħ. F’dan il-ktieb aħna nsibu teżori bla għadd. O Ġesu’ kemm huma ftit l-erwieħ li jifhmuk fil-martirju Tiegħek ta’ mħabba! Kemm hu kbir in-nar ta’ mħabba l-iżjed safja li hemm taqbad fil-Qalb Mqaddsa Qaddisa Tiegħek! Imbierka r-ruħ li waslet li tifhem l-imħabba tal-Qalb ta’ Ġesu’!

 

 

305.                 Hija l-ikbar xewqa tiegħi li l-erwieħ jagħrfuk bħala l-ferħ etern tagħhom, li huma jaslu li jemmnu fit-tjubija Tiegħek u jigglorifikaw il-ħniena nfinita’ Tiegħek.

 

 

306.                 Jiena tlabt lill-Mulej jagħtini l-grazzja li n-natura tiegħi tkun kapaċi tirreżisti l-qawwiet li xi drabi jippruvaw jiġbduni ‘l bogħod mill-ispirtu tar-regola tagħna u mir-regoli inqas importanti. Dawn id-difetti ċkejknin huma bħal kamla żgħira li tipprova teqred il-ħajja spiritwali minn ġewwa fina, u żgur teqridha jekk r-ruħ ma tintebaħx b’dawn id-difetti żgħar u tibqa’ ma tagħtix kashom għax huma affarijiet żgħar. Jiena ma nista’ nara xejn li hu żgħir fil-ħajja reliġjuża. Hija ħaġa żgħira li jiena xi drabi inkun vittma ta’ nkejja u żufjett, sakemm l-ispirtu tiegħi jibqa’ f’armonija mal-ispirtu ta-regoli, il-voti u l-istatuti reliġjużi.

 

O Ġesu’ tiegħi, għaxqa ta’ qalbi, Inti taf jien x’nixtieq. Li kont nista’, ninħeba minn għajnejn in-nies sabiex inkun bħal xi ħadd li hu ħaj u fl-istess ħin mhux ħaj. Irrid ngħix safja bħal fjura selvaġġa; irrid li mħabbti tkun indirizzata dejjem lejk, bħalma fjura dejjem iddur max-xemx. Irrid li l-fwieħa u l-ħajja friska tal-fjura ta’ qalbi tkun dejjem ippreservata għalik biss. Irid ingħix taħt il-ħarsa divina Tiegħek, għaliex Int biss biżżejjed għalija. Meta jiena nkun miegħek, Ġesu’ ma nibża’ minn xejn, għax xejn ma jista’ jagħmili ħsara.

 

 

307.                 + 1934 Darba waqt ir-Randan, rajt dawl kbir u dalma kbira fuq id-dar u l-kappella. Rajt it-taqbida bejn dawn iż-żewġ setgħat...

 

 

308.                 Ħamis ix-Xirka. Ġesu’ qalli, Jiena nixtieq li inti tagħti lilek innifsek għall-midinbin u l-aktar għal dawk l-erwieħ li tilfu t-tama fil-ħniena ta’ Alla.

 

 

Alla u l-erwieħ. Att ta’ Vittma

 

309.                 Quddiem is-sema u l-art, quddiem il-kori kollha tal-Anġli, quddiem l-Imqaddsa Verġni Marija, quddiem il-Qawwiet kollha tas-Sema, jiena niddikjara, lil Alla wieħed fi tliet persuni, li llum f’għaqda ma’ Ġesu’ Kristu, Feddej tal-erwieħ, jiena minn rajja noffri lili nnifsi għall-konverżjoni tal-midinbin, l-aktar għal dawk l-erwieħ li tilfu t-tama fil-ħniena ta’ Alla. Din l-offerta tikkonsisti filli jiena naċċetta b’att ta’sottomissjoni sħiħa għar-rieda ta’ Alla, it-tbatijiet kollha, il-beżgħat u t-terruri li bihom huma mimlijin l-midinbin. Minflok dawn, jiena nagħtihom il-konsolazzjonijiet kollha li ruħi tirċievi mill-għaqda tiegħi ma’ Alla.  F’kelma waħda, jiena noffri kollox għalihom: il-quddies, Tqarbin, penitenzi, mortifikazzjonijiet, talb. Ma nibżax mid-daqqiet, id-daqqiet tal-ġustizzja divina, għax jiena maqgħuda ma’ Ġesu’. O Alla tiegħi, b’dan il-mod irrid inpattilek għall-erwieħ li ma jafdawx fit-tjubija Tiegħek. Jiena nittama kontra kull tama fl-oċejan tal-ħniena Tiegħek. Mulej tiegħi, u Alla tiegħi, sehmi – sehmi għal dejjem, jiena ma nibbażax dan l-att ta’ vittma fuq is-saħħa tiegħi stess, imma fuq is-saħħa li toħroġ mill-merti ta’ Ġesu’ Kristu. Kuljum ser nirrepeti dan l-att ta’ vittma tiegħi nnifsi billi ngħid it-talba li ġejja li Inti stess għallimtni, Ġesu’:

 

“O Demm u Ilma li ħriġtu mill-Qalb ta’ Ġesu’ bħala għajn ta’ ħniena għalina, jiena nafda Fik!”

 

Swor M. Fawstina tas-Sagrament Imqaddes.

Ħamis ix-Xirka, waqt il-Quddiesa, 29 ta’ Marzu 1934.

 

 

310.                 Jiena qiegħed nagħtik sehem fil-fidwa tal-umanita’. Inti faraġ fis-siegħa tal-mewt Tiegħi.

 

 

311.                 Meta rċevejt il-permess mill-konfessur tiegħi (Dun Sopocko) sabiex nagħmel dan l-att ta’ vittma, malajr sirt naf lil lil Alla għoġbitu, għax minufih beda jkolli esperjenza tal-effetti tagħha. F’waqt wieħed ruħi saret bħal ġebla – imnixxfa, mimlija turmenti u nkwiet. Kull xorta ta’ dagħa u saħta bdew jagħfsu fuq widnejja. Nuqqas ta’ fiduċja u qtigħ ta’ qalb imlewli qalbi. Din hi  l-kundizzjoni tan-nies imsejkna, li jien ħadt fuqi nnifsi. Għall-ewwel, beżżgħuni ħafna dawn l-affarijiet koroh, imma fl-ewwel qrara (li stajt nagħmel), kelli l-paċi.

 

 

312.                 + Darba meta ħriġt mill-kunvent biex immur inqerr (fil-knisja ta’ San Mikiel), inzertajt il-konfessur tiegħi (Dun Sopocko) qiegħed iqaddes propju dak il-ħin.Wara ftit rajt lill-Bambin Ġesu’ fuq l-altar , jiftaħlu jdejh ferħan qisu jrid jilgħab miegħu. Imma mument wieħed wara, is-saċerdot ħa t-Tifel ċkejken sabiħ f’idejh, qasmu u kielu ħaj.  F’dak il-waqt ħassejt stmerrija għas-saċerdot għal din il-ħaġa li għamel lil Ġesu’, imma minnufih irċevejt id-dawl f’din il-ħaġa u fhimt lil Alla dan is-saċerdot kien jogħġbu ħafna.

 

 

313.                 Darba, meta kont qiegħda nżur l-artist (Eugene Kazimierowksi) li kien qiegħed ipitter ix-xbieha, u rajt li ma kenitx sabiħa bħalma hu sabiħ Ġesu’, ħassejtni qalbi sewda ħafna dwar din il-ħaġa, imma ħbejtha sewwa f’qalbi.  Meta tlaqtna mid-dar tal-artist, il-Madre Superjura (Irene) baqgħet fil-belt biex tirranġa xi affarijiet filwaqt li jiena rġajt mort lura d-dar waħdi. Mort minnufih fil-kappella u bkejt ħafna. Għidt lill-Mulej, “Min ser ipenġik sabiħ kif Int?” Imbagħad smajt dan il-kliem: ‘Il-kobor ta’ din ix-xbieha qiegħed mhux fis-sbuħija tal-kulur, lanqas tal-pinzell imma fil-grazzja Tiegħi.’

 

 

314.                 + Meta darba, wara nofs in-nhar, mort fil-ġnien l-Anġlu Kustodju tiegħi qalli, “Itlob għall-moribondi.” U għalhekk mill-ewwel bdejt nitlob ir-Rużarju flimkien mal-ġenniena għall-moribondi. Wara r-Rużarju, għidna diversi talb għall-moribondi. Wara t-talb, l-istudenti bdew ipaċpċu bejniethom ferħanin. Minkejja l-istorbju li kienu qedgħin jagħmlu, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: “Itlob għalija!” Imma billi ma stajtx nifhem sewwa dan il-kliem, imxejt ftit passi ‘l bogħod mill-istudenti, nipprova naħseb f’min seta’ kien li kien qed jitlobni nitlob. Imbagħad smajt il-kliem: “Jiena Sor...” (nota78) Din is-soru kienet Varsavja fil-waqt li dak iż-żmien, jiena kont qiegħda Vilnius. “Itlob għalija sakemm ngħidlek tieqaf. Jiena qiegħda mmut.” Jiena bdejt minnufih nitlob għaliha bil-ħerqa (u ndirizzajt lili nnifsi) lill-Qalb agonizzanti ta’ Ġesu’. Hija ma ħallitniex bi kwieti, u jiena bqajt nitlob mit-tlieta sal-ħamsa. Fil-ħamsa, smajt il-kliem ‘Grazzi!’ u fhimt li kienet mietet. Imma waqt il-Quddies il-għada, komplejt nitlob bil-ħerqa għal ruħha. Wara nofs in-nhar, waslet kartolina bl-aħbar li Swor.... kienet mietet fit-tali ħin. Jiena fhimt li dan li kien seħħ f’dik l-istess siegħa meta hi kienet qaltli, ‘Itlob għalija.’

 

 

315.                 + Omm Alla, Ruħek kienet mgħaddsa f’baħar  ta’ mrar; ħares lejn bintek u għallimha tbati u tħobb waqt li hi qiegħda tbati. Saħħaħli ruħi u tħallix it-tbatijiet inaqqsuli l-ħeġġa. Omm tal-grazzja, għallimni ngħix (bil-qawwa ta’) Alla.

 

 

316.                 Darba, ġiet l-Omm ta’ Alla żżurni. Kellha qalbha sewda, għajnejha jħarsu ‘l isfel. Għamlithieli ċara li riedet tgħidli xi ħaġa u fl-istess ħin, mill-banda l-oħra, kienet qisha ma tridx tkellimni dwar din il-ħaġa. Meta jiena fhimt, bdejt nitlob bil-ħerqa lil Omm Alla biex tgħidli dak li riedet tgħidli, u tħares lejja. F’dak il-ħin Marija ħarset lejja bi tbissima dħulija u qaltli, Int ser tgħaddi minn esperjenza ta’ xi sofferenza minħabba marda u t-tobba; se tbati ħafna wkoll minħabba x-xbieha. Imma m’għandek tibża’ minn xejn. L-għada mradt u batejt ħafna, bħalma kienet qaltli Omm Alla. Imma ruħi kienet lesta għat-tbatijiet. It-tbatija takkumpanjani ħajti kollha.

 

 

317.                 O Alla tiegħi, it-tama waħdanija tiegħi, jiena poġġejt il-fiduċja kollha tiegħi fik, u naf li minix ser inkun diżappuntata.

 

 

318.                 Spiss inħoss il-preżenza ta’ Alla wara t-Tqarbin b’mod speċjali u tanġibbli. Naf li Alla jkun jinsab ġewwa qalbi. U l-fatt li jiena nħossu ġewwa qalbi ma jtellifnix fi dmirijieti. Ukoll meta nkun qiegħda moħħi f’affarijiet importanti ħafna li jkunu jridu l-attenzjoni, ma nitlifx il-preżenza ta’ Alla ġewwa ruħi, u nkun maqgħuda miegħu mill-qrib. Miegħu mmur għax-xogħol, miegħu mmur għar-rikreazzjoni, miegħu nbati, miegħu nifraħ; ngħix fih u Hu jgħix fija. Qatt ma nkun waħdi, għax Hu miegħi l-ħin kollu. Huwa jkun preżenti għalija f’kull waqt. L-intimita’ tagħna hija profonda, permezz ta’ għaqda ta’demm u ta’ ħajja.

 

319.                 9 ta’Awissu 1934. Adorazzjoni ta’ bil-lejl ta’ kull nhar ta’ Ħamis. (nota79) Għamilt is-siegħa adorazzjoni tiegħi mill-ħdax ta’ bil-lejl sa nofs il-lejl. Offrejtha għall-konverżjoni ta’ midinbin li jkunu webbsu qalbhom, l-aktar ta’dawk li jkunu tilfu t-tama fil-ħniena ta’ Alla. Kont qiegħda naħseb kemm bata Alla u kemm hi kbira l-imħabba li Hu wera għalina; u fuq il-fatt li aħna għandna m’aħniex nemmnu li Alla jħobbna daqshekk. O Ġesu’ min jista’ jifhimha din il-ħaġa? Xi tbatija kbira hi din, għas-Salvatur tagħna! Kif jista’ jikkonvinċina? Sejjaħt il-ġenna kollha sabiex tingħaqad miegħi, sabiex inpatti lill-Mulej għall-ingratitudni ta’ xi erwieħ.

 

 

320.                 Ġesu’ għarrafni kemm tassew jogħġbu t-talb ta’ tpattija. Qalli: It-talba ta’ ruħ umli mimlija mħabba żżarma l-korla ta’ Missieri u tiġbed baħar kbir ta’ barkiet. Wara l-adorazzjoni, meta kont nofs triq lejn iċ-ċella tiegħi, dawruni qatta klieb enormi suwed jaqbżu u jinbħu b’kemm għandhom saħħa u jippruvaw itertquni biċċiet. Jien ntbaħt li ma kinux klieb, imma demonji. Wieħed minnhom tkellem mimli rabja, “Aħna ser inqattgħuk biċċiet għax inti l-lejla ħtaftilna tant erwieħ minn idejna.” Weġibt, “Jekk din hija r-rieda ta’ Alla l-iżjed ħanin, qattgħuni biċċiet, għax jiena ġustament immeritajt dan, għax jiena midinba l-ikbar imsekjna, u Alla hu dejjem qaddis, ġust u mimli ħniena bla tarf.” Għal dan il-kliem id-demonji kollha wieġbu b’vuċi waħda: “Ejjew naħarbu, għax mhix waħedha; Dak li jista’ kollox hu magħha!” U f’daqqa waħda għebu bħat-trab, filwaqt li jiena ssuktajt lejn iċ-ċella tiegħi mingħajr iktar tfixkil, spiċċajt it-Te Deum tiegħi filwaqt li komplejt naħseb dwar il-ħniena infinita u bla tarf ta’ Alla.

 

 

12 ta’ Awissu 1934.

 

321.                 Marda f’daqqa waħda – tbatija mortali. Ma kienx każ ta’ mewt. Jiġifieri, passaġġ għall-ħajja reali, imma tomgħa tat-tbatijiet tal-mewt. Għalkemm tagħtina ħajja eterna, il-mewt hi terribli. F’daqqa waħda, ħassejtni marida, bdejt nipprova nieħu n-nifs, quddiem għajnejja kien hemm id-dlam, marret il-ħajja minn idejja u saqajja – u kien hemm qtigħ ta’ nifs terribli. Ukoll mument wieħed biss ta’ qtigħ ta’ nifs bħal dan huwa twil eternita’... Jiġi fuqna wkoll biża’ stramb minkejja l-fiduċja. Ridt nirċievi l-Griżma tal-Morda, imma kienet ħaġa diffiċli ħafna li nqerr għalkemm xtaqt nagħmlu dan. Wieħed ma jkunx jaf x’ikun qiegħed jgħid, mingħajr ma jispiċċa ħaġa, jibda oħra.

 

Jalla Alla jżomm lil kull ruħ li ma tħallix il-qrar sal-aħħar siegħa! Jiena fhimt x’qawwa kbira għandu l-kliem tas-saċerdot meta jitferrgħu fuq ruħ l-marid. Meta jiena staqsejt lid-direttur spirtwali tiegħi jekk kontx lesta nidher quddiem il-Mulej u jekk kontx fil-paċi, irċevejt din it-tweġiba: “Tista’ tkun għal kollox fil-paċi, mhux biss issa iżda wara l-qrara kull ġimgħa.” Kbira hi l-grazzja divina li takkumpanja dan il-kliem tas-saċerdot. Ir-ruħ tħoss saħħa u kuraġġ għat-taqbida.

 

 

322.                 O Kongregazzjoni tiegħi, ommi, kemm hi ħaġa ħelwa li ngħix fik, imma hi ħaġa aħjar li mmut fik!

 

 

323.                 Wara li rċevejt il-Griżma tal-Morda, kien hemm titjib ċar. Bqajt waħdi. Dinil-ħaġa damet nofs siegħa u mbagħad ġie attakk ieħor; imma dan ma kienx daqshekk qawwi, għax ħa ħsiebi t-tabib.

 

Jiena għaqqadt it-tbatijiet tiegħi mat-tbatijiet ta’ Ġesu’ u offrejthom għalija nnifsi u għall-konverżjoni tal-erwieħ li ma jafdawx fit-tjubija ta’ Alla. F’daqqa waħda, iċ-ċella tiegħi mtliet b’figuri suwed mimlijin rabja u mibgħeda għalija. Wieħed minnhom qal, “Tkun misħuta, int u Dak li hemm ġewwa fik, għax inti bdejt titturmentana wkoll fl-infern.” Malli jiena għedt, “ U l-kelma saret bniedem u għammret fostna”, il-figuri għebu f’daqqa waħda.

 

324.                 L-għada ħassejtni dgħajfa ħafna, imma ma kelli l-ebda tbatija oħra. Wara t-Tqarbin, rajt lill-Mulej Ġesu’ preċiż  bħalma kont rajtu waqt adorazzjoni. Il-ħarsa tal-Mulej nifditli ruħi sa ġewwa nett u l-ebda farka tarb ma ħarbitlu. U jiena għidtlu lil Ġesu’: “Ġesu’, jiena ħsibt li kont ser teħodni.” U Ġesu’ wieġeb: Għadha ma seħħitx kompletament fik ir-rieda Tiegħi; int ser tibqa’ f’din id-dinja imma mhux għal żmien twil. Togħġobni ħafna l-fiduċja tiegħek, imma l-imħabba tiegħek trid tkun iktar imħeġġa. Imħabba safja tagħti s-saħħa lir-ruħ fil-waqt tal-mewt. Meta Jiena kont qed immut fuq is-Salib, ma kontx qed naħseb fuqi nnifsi, imma fuq l-imsejkna midinbin, u tlabt għalihom lil Missieri. Irrid li l-aħħar mumenti tiegħek ikunu bħal Tiegħi fuq is-Salib b’mod sħiħ. Hemm prezz wieħed biss li bih jistgħu jinxtraw l-erwieħ dan hu t-tbatija maqgħuda ma Tiegħi fuq is-Salib. Imħabba safja tifhimhom dan il-kliem; imħabba egoista qatt m’hi ser tifhimhom.

 

 

325.                 1934. Fil-jum tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Omm Alla jiena ma smajtx quddies. It-tabiba (nota80) ma ħallitnix; imma tlabt bil-ħreqa fiċ-ċella tiegħi. Ftit wara, rajt lil Omm Alla, ma tistax tiddeskriviha kemm hi sabiħa. Hija qaltli, Binti dak li jiena qiegħda nitlob mingħandek hu talb, talb, u għal darb’oħra talb, għad-dinja u l-aktar għal pajjiżek. Għal disat ijiem tqarben bi tpattija u ngħaqad sewwa mas-Sagrifiċċju tal-Quddiesa. Matul dawn id-disat ijiem int tidher quddiem Alla bħala offerta; dejjem u kullimkien f’kull ħin u f’kull post, lejl u nhar, kull x’ħin tistenbaħ, itlob fl-ispirtu. Fl-ispirtu, dak li jkun jista’ jibqa’ jitlob dejjem.

 

 

326.                 Darba Ġesu’ qalli, Il-ħarsa Tiegħi minn din ix-xbieha hi bħall-ħarsa Tiegħi minn fuq is-Salib.

 

 

327.                 Darba, il-konfessur tiegħi (Dun Sopocko) staqsieni fejn kellha titpoġġa l-iskrizzjoni għax ma kienx hemm spazju biżżejjed għal kollox fix-xbieha. Jiena weġibtu, ‘Issa nitlob u nagħtik it-tweġiba l-ġimgħa d-dieħla.’ Meta ħriġt mill-konfessinarju u kont għaddejja minn quddiem is-Sagrament Imqaddes, irċevejt għarfien interjuri dwar l-iskrizzjoni. Ġesu’ fakkarni f’dak li kien qalli l-ewwel darba’, jiġifieri,  li dawn it-tliet kelmiet ikunu jidhru b’mod ċar: ‘Ġesu’, jiena nafda Fik’ (‘Jezu, Ufam Tobie’). Jiena fhimt li Ġesu’ ried li l-formula kollha tkun hemm imma ma tax ordnijiet diretti dwar din il-ħaġa bħalma għamel għal dawn it-tliet kelmiet.

 

Jiena qiegħed noffri lill-bnedmin mezz li bih huma jkunu jistgħu jiġu għall-grazzji fl-għajn tal-ħniena. Dan il-mezz hu din ix-xbieha bil-firma ‘Ġesu’, jiena nafda Fik.’

 

 

328.                 O Mħabba l-iktar safja, saltan fil-milja kollha Tiegħek ġewwa qalbi u għinni nagħmel ir-Rieda qaddisa Tiegħek bl-akbar fedelta’!

 

 

329.                 Qrib it-tmiem ta’ rtir ta’ tlett ijiem, rajt lili nnifsi miexja fuq passaġġ imħarbat. Bdejt naqa’ l-ħin kollu, u rajt miexja warajja l-figura ta’ persuna li kienet qiegħda tgħinni l-ħin kollu. Ma kontx kuntenta b’din il-ħaġa u tlabt lil din il-persuna tħallini waħdi, għax ridt nimxi waħdi. Imma l-figura, li jiena ma stajtx nagħrafha ma ħallitnix waħdi għal waqt wieħed. Bdejt nitlef il-paċenzja u dort u mbuttajt il-persuna ’l bogħod minni. F’dak il-waqt jiena ħsibt li kienet il-Madre Superjura (Irene), u fl-istess waqt intbaħt li mhux il-Madre Superjura kienet, iżda l-Mulej Ġesu’ li ħares sewwa ġewwa fija u tani x’nifhem kemm kien iweġġa’ Hu meta jiena wkoll fl-iċken affarijiet, ma kontx nagħmel ir-rieda tas-Superjuri tiegħi, li hi r-Rieda Tiegħi, (qalli Hu). Tlabt maħfra lill-Mulej u tajt widen bis-serjeta’ għal din it-twiddiba.

 

 

330.                 + Darba, il-konfessur qalli nitlob għall-intenzjoni tiegħu, u bdejt novena lil Omm Alla. Din in-novena kienet tikkonsisti fit-talba, ‘Salve Reġina’, li kelli nitlob disa’ darbiet. Għall-aħħar tan-novena rajt lil Omm Alla bil-Bambin Ġesu’ f’dirgħajha, u rajt lil konfessur tiegħi għarkobbtejh f’riġlejha u jitkellem magħha. Ma stajtx nifhem x’kien qed jgħidilha għax jiena kont mitlufa nitkellem mal-Bambin Ġesu’, li niżel min dirgħajn Ommu u resaq lejja. Ma stajtx nieqaf nammira s-sbuħija Tiegħu. Smajt ftit mill-kliem li Omm Alla kienet qiegħda tgħidlu (jiġifieri, lill-konfessur tiegħi) imma mhux kollox. (Il-kliem kien): Jiena mhux biss is-Sultana tas-Sema, imma wkoll Omm il-Ħniena u Ommok. U f’dak il-waqt ħarġet idha l-leminija, fejn kienet qiegħda żżomm il-mantell tagħha, u għattiet lis-saċerdot bih. F’dak il-waqt, għebet id-dehra.

 

 

331.                 Kemm hi grazzja kbira li jkollok direttur spirtwali! Wieħed ikun jista’ jagħmel progress iktar malajr fil-virtu’, jara x’inhi r-rieda ta’ Alla b’mod iktar ċar, iwettaqha b’fedelta’ ikbar, u jimxi fit-triq li hi żgura u li ma fhiex perikli. Id-direttur ikun jaf kif jaħrab mill-blat li fuqhom tista’ titfarrak ir-ruħ. Il-Mulej tani din il-grazzja aktar tard, biex ngħid is-sewwa, imma ninsab ferħana ħafna biha, meta nara kif Alla jinklina r-rieda Tiegħu għax-xewqat tad-dirttur tiegħi. Ser insemmi ġrajja waħda biss minn elf waħda li ġrawli. Bħalma nagħmel is-soltu, darba waħda filgħaxija, tlabt lill-Mulej Ġesu’ jagħtini l-punti għall-meditazzjoni tal-għada. Jiena rċevejt din it-tweġiba: Immedita l-profeta Ġona u l-missjoni tiegħu. Irringrazzjajt lill-Mulej, imma bdejt naħseb ġewwa fija kemm kien differenti s-suġġett mill-oħrajn. Imma b’ruħi kollha, ppruvajt nimmedita fuqu, u fil-persuna tal-profeta għaraft lili nnifsi, fis-sens li spiss jiena wkoll nipprova nġib ħafna skużi lill-Mulej, għax ngħidlu li xi ħadd ieħor żgur jagħmel ir-rieda qaddisa Tiegħu (aħjar minni), u nuri li ma nifhimx li Alla jista’ jagħmel kollox u li s-setgħa Tiegħu bla qies tkun tista’ tidher aktar ċara jekk l-għodda li juża tkun iktar fqira. Alla wrieni dan b’mod ċar kif issa ser nispjega. Dak in-nhar wara nofs inhar, kien hemm il-qrar għall-komunita’. Meta jiena ppreżentajt quddiem id-direttur ta’ ruħi l-biża’ li qabadni minħabba din il-missjoni li Alla kien qed jużani għaliha, għodda bla grazzja bħali, il-missier spirtwali tiegħi wieġeb li, rridu jew ma rridux, jeħtiġilna nwettqu r-rieda ta’ Alla, u tani l-profeta Ġona bħala eżempju. Wara li qerrejt, bdejt nistagħġeb kif il-konfessur kien jaf  li Alla kien qalli nimmedita fuq Ġona; jiena żgur ma kontx għidtlu. Imbagħad smajt dan il-kliem: Meta s-saċerdot ikun qiegħed jaħdem minfloki, ma jaħdimx waħdu, imma naħdem Jiena permezz tiegħu. Ix-xewqat tiegħu huma x-xewqat Tiegħi. Nista’ nara kif Ġesu’ jiddefendi r-rappreżentanti Tiegħu. Huwa stess jidħol fl-azzjonijiet tagħhom.

 

 

332.                 + Il-Ħamis. Meta bdejt is-siegħa adorazzjoni, ridt ngħaddas lili nnifsi fl-agunija ta’ Ġesu’ fil-Ġnien taż-Żebbuġ. Imbagħad smajt vuċi ġewwa ruħi: Immedita fuq l-misteru tal-Inkarnazzjoni. U f’daqqa waħda l-Bambin Ġesu’ deher quddiemi, jiddi bis-sbuħija. Huwa qalli kemm togħġbu lil Alla s-sempliċita’ fir-ruħ. Għalkemm il-kobor Tiegħi jisboq kull għerf, Jiena nikkomunika biss ma’ dawk li huma ċkejknin. Jiena rrid mingħandek tfulija spiritwali.

 

 

333.                 Issa nista’ nara ċar kif  Alla jaħdem permezz tal-konfessur u b’liema fedelta’ Huwa jżomm il-wegħdiet Tiegħu. Ġimgħatejn ilu, il-konfessur tiegħi qalli nirrifletti fuq din it-tfulija spiritwali. Kien daqsxejn diffiċli għalija għall-ewwel, imma l-konfessur tiegħi ma tax kas tad-diffikultajiet tiegħi u qalli nirrifletti fuq it-tfulija spirtwali. “Fil-prattika, din it-tfulija spirtwali, (huwa qal) turi lilha nfisha b’dan il-mod: tifel ma jinkwetax fuq l-imgħoddi jew il-ġejjieni, imma jagħmel użu mill-mument ta’ issa. Jiena rrid nisħaq fuq dan ix-xebħ mat-tifel fl-ispiritwalita’ tiegħek, Sor, u nisħaq ħafna fuq din il-ħaġa.” Nista, nara kif Alla jiċċekken daqshekk għax-xewqat tal-konfessur tiegħi; Huwa ma jurix lilu nnifsu lili f’dan il-waqt bħala Għalliem fil-milja ta’ saħħtu u bħala adult, imma bħala tifel ċkejken. Dak Alla li jisboq kull fehma jidhirli fix-xebħ ta’ tifel ċkejken.

 

 

334.                 Imma l-għajnejn ta’ ruħi ma jieqfux f’din id-dehra. Għalkemm Inti tieħu s-sura ta’ Tifel ċkejken, jiena nara fik il-Mulej li ma jmut qatt, Sid tas-Sidien, li jadurawk l-ispirti safja lejl u nhar, u li għalik il-qlub tas-Serafini jaqbdu bin-nar l-iżjed safja. O Kristu, O Ġesu’, jiena rrid ngħaddihom f’imħabbti għalik! Nitolbkom skuża, O spirti safja, talli għandi l-kuraġġ inxebbaħ lili nnifsi magħkom. Jiena, dan l-abbiss ta’ miżerja; u Int, O Alla, li Inti l-abbiss tal-ħniena li ħadd ma jista’ jifhmu, iblagħni bħalma s-sħana tax-xemx taħtaf u tixrob ġewwa fiha qatra nida. Ħarsa mimlija mħabba mingħandek għandha s-setgħa timla kull abbiss. Jiena nħossni kuntenta immens quddiem il-kobor ta’ Alla. Li nara l-kobor ta’ Alla huwa iżjed minn biżżejjed sabiex jagħmilni kuntenta għall-eternita’ kollha!

 

 

335.                 Darba, meta rajt lil Ġesu’ f’sura ta’ tifel ċkejken staqsejtu: “Ġesu’, għaliex qiegħed tieħu s-sura ta’ tfiel bħalissa meta Inti qiegħed tikkomunika miegħi? Minkejja dan jiena xorta waħda għadni nara fik Alla bla tarf, il-Mulej u l-Ħallieq tiegħi.” Ġesu’ wieġeb li sakemm jiena nkun tgħallimt is-sempliċita’ u l-umilta’, Huwa kien ser jikkomunika miegħi bħal tifel ċkejken.

 

 

336.                 + 1934. Waqt il-Quddiesa, meta l-Mulej Ġesu’ kien espost fis-Sagrament Imqaddes, qabel it-Tqarbin jien rajt żewġ raġġi ħerġin mill-Ostja Mqaddsa, preċiż bħalma huma mpenġijin fix-xbieha, wieħed minnhom aħmar u l-ieħor ċar. U kienu riflessi fuq kull waħda mis-sorijiet u t-tfajliet (li konna nieħdu ħsiebhom), imma mhux fuq kollha kemm huma bl-istess mod. Fuq xi wħud minnhom bilkemm stajt narahom ir-raġġi. Kien l-aħħar jum tal-irtir tat-tfal.

 

 

337.                 22 ta’ Novembru 1934. + F’okkażjoni minnhom id-direttur spirtwali tiegħi (Dun Sopocko) qalli ngħarbel sewwa fija nnifsi u nara sewwa jekk kellix xi rabta ma’ xi oġġett jew kreatura partikolari, jew ukoll miegħi nnifsi; jew jekk jiena kontx ninħela fit-tpaċpiċ bla sens ‘għax dawn l-affarijiet kollha.’ (huwa qal) ‘ifixklu lill-Mulej Ġesu’, li jrid liberta’ sħiħa biex imexxilek ruħek. Alla hu għajjur għal qlubna u jridna nħobbu lilu biss.

 

 

338.                 Meta bdejt infittex fil-qiegħ ġewwa fija ma sibt l-ebda rabta ma’ xi ħaġa, imma bħalma jiġri fl-affarijiet kollha li jikkonċernaw lili hekk ġrali wkoll f’din il-ħaġa, bdejt nibża’ u m’afdajtx lili nnifsi. Ħassejtni għajjiena b’dan l-eżami dettaljat tiegħi nnifsi, għalhekk mort quddiem is-Sagrament Imqaddes u tlabt lil Ġesu’ b’qalbi kollha, “Ġesu’, Għarus tiegħi, Teżor ta’qalbi, Int taf li jiena naf lilek biss u li jiena m’għandi l-ebda mħabba oħra ħliefek; imma, Ġesu’ li kieku jiena kont ser nintrabat ma’ xi ħaġa li mhix Inti, jiena nitolbok u nerġa’ nitolbok, Ġesu’ bil-qawwa tal-ħniena Tiegħek, ħalli tinżel fuqi mewta f’daqqa, għax jiena nippreferi li mmut għal elf darba milli ma nkunx fidila lejk darba waħda wkoll fl-iċken ħaġa.”

 

 

339.                 F’dak il-waqt, Ġesu’ f’daqqa waħda rajtu quddiemi, ġej minn ma nafx fejn, jiddi bi sbuħija li ma titwemminx, liebes libsa bajda b’dirgħajh merfugħin ‘il fuq, u qalli dan il-kliem: Binti, qalbek hija s-serħan Tiegħi, hija l-għaxqa Tiegħi. Fiha ssib dak kollu li tant erwieħ ma jagħtunix. Għid din il-ħaġa lir-rappreżentant Tiegħi. U mument wara, ma rajt xejn, imma baħar kbir ta’ konsolazzjonijiet daħal ġewwa ruħi.

 

 

340.                 Issa jiena naf li xejn m’hu ser iwaqqaf imħabbti għalik, Ġesu’ la t-tbatija lanqas il-kuntrarju, la nar u lanqas ix-xabla, lanqas l-istess mewt. Inħossni iktar b’saħħti minn dawn l-affarijiet kollha. Xejn ma’ jista’ jħabbatha mal-imħabba. Jiena qiegħda nara li l-iċken affarijiet magħmula minn ruħ li sinċerament tħobb lil Alla għandhom valur enormi fl-għajnejn qaddisa Tiegħu.

 

 

341.                 5 ta’ Novembru 1934. Darba waħda filgħodu, meta kien id-dmir tiegħi li niftaħ il-kanċell sabiex joħorġu n-nies li jġibulna l-ikel, mort fil-kappella ż-żgħira sabiex inżur lil Ġesu’ għal minuta waħda u nġedded l-intenzjonijiet tal-ġurnata. Illum, Ġesu’ jiena noffrilek it-tbatijiet kollha tiegħi, il-mortifikazzjonijiet u t-talb għall-Qdusija Tiegħu l-Papa, sabiex huwa japprova l-Festa tal-Ħniena. Imma, Ġesu’, għandi kelma waħda oħra x’ngħidlek: jiena nistagħġeb ħafna li Inti qiegħed tgħidli nitkellem dwar din il-Festa tal-Ħniena, għax qed igħiduli li diġa’ hemm festa bħal din (nota81); mela għalfejn għandi nitkellem dwarha. U Ġesu qalli: U min jaf biha din il-festa? Ħadd! Saħansitra dawk li suppost qegħdin jipproklamaw il-ħniena Tiegħi u jgħallmu n-nies dwarha, ħafna drabi lanqas huma ma jafu biha. Din hi r-raġuni għaliex Jiena rrid li din ix-xbieha tiġi mbierka solennement fl-Ewwel Ħadd fuq l-Għid, u Jiena rridha tkun meqjuma fil-pubbliku sabiex kull ruħ issir taf biha. Agħmel novena għall-intenzjoni tal-Qdusija Tiegħu il-Papa. Din trid tikkonsisti fi tlieta u tletin att; jiġifieri, ripetizzjoni għal daqstant drabi tat-talba qasira – li Jiena għallimtek – lill-Ħniena Divina.

 

 

342.                 It-tbatija hija l-ikbar teżor f’din l-art; tippurifika r-ruħ. Fit-tbatija aħna nitgħallmu min hu l-veru ħabib tagħna.

 

 

343.                 Imħabba vera titkejjel bit-termomemetru tat-tbatija. Ġesu’, jiena nroddlok ħajr għas-slaleb ċkejknin ta’ kuljum, għall-oppożizzjoni għall-isforzi tiegħi, għat-tbatijiet tal-ħajja fil-komunita’, għall-umiljazzjonijiet li jkolli nbati mingħand l-oħrajn, għall-mod aħrax li bih aħna niġu ttrattati, għas-suspetti foloz, għan-nuqqas ta’ saħħa, għaċ-ċaħdiet, għall-mewt tiegħi għalija nnifsi, għan-nuqqas ta’ għarfien nagħmel x’ nagħmel, għall-kuntarju għall-pjanijiet tiegħi kollha.

 

Grazzi , Ġesu’ għat-tbatijiet interni, għan-nixfa tal-ispirtu, għat-terruri, beżgħat u nuqqas ta’ ċertezza, għad-dalma u l-lejl profond intern, għat-tentazzjonijiet u t-tiġrib kollu; għat-turmenti li huma diffiċli wisq li tiddeskrivihom, l-aktar dawk li ħadd m’hu ser jifimhom, għas-siegħa tal-mewt bit-taqbida ħarxa tagħha u l-imrar kollu tagħha.

 

Nirringrazzjak, Ġesu’, Inti li l-ewwel xrobt it-tazza tal-imrar qabel ma Inti tajthieli, f’sura iktar ġentili. Poġġejt xufftejja ma’ din it-tazza tar-rieda qaddisa Tiegħek. Jalla dak li Inti ordnajt skont il-Għerf  Tiegħek sa minn dejjem jitwettaq fija. Jiena rrid nixrob mit-tazza sal-aħħar qatra, u ma nfittixx li nistaqsi għaliex. Fl-imrar jinsab il-hena tiegħi, fin-nuqqas tat-tama tinsab il-fiduċja tiegħi. Fik, O Mulej, kollox hu tajjeb, kollox huwa don tal-Qalb Tiegħek ta’ Missier. Jiena ma nippreferix konsolazzjonijiet għall-imrar jew l-imrar għall-konsolazzjonijiet, imma nroddlok ħajr, O Ġesu’, għal kollox! Hija l-għaxqa tiegħi li niffissa ħarsti lejk, O Alla li ħadd ma jista’ jifhmu! L-ispirtu tiegħi jgħammar f’dawn il-għamajjar misterjużi, u hemmhekk jiena nħossni f’posti. Jiena naf sewwa fejn jgħammar l-Għarus tiegħi. Jiena nħoss li m’hemm l-ebda qatra demm fija li ma taqbadx bl-imħabba għalik.

 

O Sbuħija li ma ġejtx maħluqa, min isir jafek darba ma jista’ jħobb xejn iktar. Jiena nista’ nħoss l-abbiss bla qiegħ ta’ ruħi u xejn m’hu ser jimlieha ħlief Alla nnifsu. Inħossni għeriqt fih bħalma farka ramel tegħreq f’oċejan bla qiegħ.

 

 

20 ta’ Diċembru 1934.

 

344.                 Darba filgħaxija hekk kif dħalt fiċ-ċella tiegħi, rajt lill-Mulej Ġesu’ espost fl-ostensorju fil-beraħ taħt is-Sema, għallinqas hekk deherli. F’riġlejn Ġesu’ rajt il-konfessur tiegħi, u warajh numru kbir ta’ ekklesjastiċi ta’ grad għoli, lebsin ilbies sagru li bħalhom qatt ma rajt ħlief f’din id-dehra; u warajhom, gruppi ta’ reliġjużi minn ordnijiet diversi; u iktar minn hekk, rajt folol enormi ta’ nies, li baqgħu sejrin ‘il bogħod fejn ma stajtx nara iżjed. Rajt iż-żewġ raġġi ħerġin mill-Ostja, bħal fix-xbieha, maqgħudin mill-qrib imma mhux imħalltin flimkien; u għaddew mill-idejn tal-konfessur tiegħi u mill-idejn tal-kleru, u minn idejhom għan-nies, u mbagħad reġgħu lura fl-Ostja... u f’dan il-waqt erġajt rajt lili nnifsi għal darb’oħra fiċ-ċella li kont għadni kif dħalt fiha.

 

 

345.                 22 ta’ Diċembru 1934. Meta kien possibli għalija mmur inqerr matul il-ġimgħa, inzertajt li wasalt hemmhekk meta l-konfessur tiegħi kien qed iqaddes. Waqt it-tielet parti tal-Quddiesa, rajt il-Bambin Ġesu’, daqsxejn iċken mis-soltu u f’din id-differenza, li kien liebes tunika vjola. Is-soltu jkollu waħda bajda.

 

 

346.                 24 ta’ Diċembru 1934. Il-viġili tal-Milied. Waqt il-quddiesa ta’ filgħodu, ħassejt lil Alla qrib ħafna. Għalkemm bilkemm kont konxja minn din il-ħaġa, l-ispirtu tiegħi kien jinsab mgħaddas f’Alla. F’daqqa waħda smajt dan il-kliem: Inti l-għamara Tiegħi, li fija Jiena nitpaxxa; l-Ispirtu Tiegħi jistrieħ ġewwa fik. Wara dan il-kliem ħassejt lill-Mulej qiegħed iħares fil-profondita’ ta’ qalbi; u meta rajt il-miżerja tiegħi, umiljajt lili nnifsi fl-ispirtu u ammirajt il-ħniena mmensa ta’ Alla, kif il-Mulej l-iktar Għoli kien lest jersaq lejn miżera bħal din.

 

Waqt it-Tqarbin, il-ferħ imlieli ruħi. Ħassejtni magħquda mill-qrib ma’ Alla. Is-setgħa bla tarf Tiegħu dawret l-esseri tiegħi kollu. Matul il-ġurnata kollha ħassejt lil Alla qrib b’mod speċjali; u għalkemm dmirijieti ma ħallewnix il-ġurnata kollha mmur il-kappella lanqas għal mument wieħed, ma kien hemm l-ebda waqt meta jiena ma kontx maqgħuda ma’ Alla. Ħassejtu ġewwa fija iktar ċar milli qatt ħassejtu. Filwaqt li bdejt insellem il-ħin kollu lil Omm Alla u nidħol fl-ispirtu Tagħha, bdejt nitlobha sabiex tgħallimni x’inhi l-vera mħabba ta’ Alla. U mbagħad smajt dan il-kliem: Dal-lejl waqt il-Quddiesa jien ser naqsam miegħek is-sigriet tal-ferħ Tiegħi.

 

Kilna qabel is-sitta ta’ filgħaxija. Minkejja l-ferħ kollu u l-istorbju estern li kien hemm, meta qsamna l-wejfer (nota80a) u tajna l-awguri lil xulxin, lanqas għal waqt wieħed ma tlift is-sens tal-preżenza ta’ Alla. Wara l-ikel ħaffifna biex nispiċċaw ix-xogħol tagħna, u fid-disgħa’ stajt immur il-kappella għall-adorazzjoni. Kelli l-permess nibqa’ mqajma u nistenna l-Quddiesa ta’ nofs il-lejl. Fraħt li kelli l-ħin liberu mid-disgħa  sa nofs il-lejl. Mid-disgħa sal-għaxra offrejt l-adorazzjoni tiegħi għall-ġenituri tiegħi u għall-intenzjoni tad-Direttur Spiritwali tiegħi. Għall-ewwel raddejt ħajr lil Alla talli tani din l-għajnuna viżibbli hawn fl-art, bħalma kien wegħedni, u tlabt lil Alla wkoll jagħtih id-dawl li għandu bżonn sabiex hu jkun jista’ jsir jaf  lil ruħi u jmexxini skont ix-xewqa ta’ Alla. U mill-ħdax sa nofs il-lejl tlabt għall-Knisja Mqaddsa u għall-kleru, għall-midinbin, għall-missjonijiet u għad-djar tal-Kongregazzjoni tagħna.  Offrejt l-indulġenzi għall-erwieħ tal-Puragtorju.

 

 

Nofs il-lejl, 25 ta’ Diċembru 1934.

 

347.                 Quddiesa ta’ Nofs il-Lejl. Meta bdiet il-Quddiesa minnufih ħassejt ġabra kbira interna; ferħ imlieli ruħi. Waqt l-offertorju rajt lil Ġesu’ fuq l-altar; ma tistax tiddeskrivih kemm kien sabiħ. Il-ħin kollu l-Bambin baqa’ jħares lejn kulħadd, b’idejh ċkejknin miftuħa lejna. Waqt l-elevazzjoni, il-Bambin ma kienx qed iħares lejn il-kappella, imma lejn is-sema. Wara l-elevazzjoni reġa’ ħares lejna, imma għal ftit ħin biss, għax ġie maqsum u mittiekel mis-saċerdot bħas-soltu. Il-fardal Tiegħu issa kien abjad. L-għada rajt l-istess ħaġa, u l-ġurnata ta’ wara wkoll. Diffiċli għalija nfisser il-ferħ li kien hemm ġo ruħi. Id-dehra ġiet imtennija fit-tliet Quddisiet bl-istess mod bħalma kien ġara f’dawk tal-ewwel.

 

1934

 

 

348.                 Il-Ħamis fuq il-Milied. Insejt għal kollox li kien il-Ħamis u għahekk m’għamiltx l-adorazzjoni tiegħi. Fid-disgħa mort direttament id-dormitorju flimkien mas-sorijiet l-oħrajn. Imma, ħaġa stramba, ma stajtx norqod. Qisu kien hemm xi ħaġa li suppost nagħmilha li kont għadni ma għamilthiex. F’moħħi rġajt ftakart fid-dmirijiet tiegħi kollha, u ma stajt niftakar xejn. Bqajt sejra hekk sal-għaxra. Fl-għaxra, rajt Wiċċ Ġesu’ mimli duluri. Imbagħad Ġesu’ qalli dan il-kliem: Ili nistenna sabiex naqsam it-tbatija Tiegħi miegħek, għax min jista’ jifhem it-tbatija Tiegħi aħjar mill-għarusa Tiegħi? Tlabt lil Ġesu’ jaħfirli l-qalb kiesħa tiegħi. Bil-mistħija ma ssugrajtx inħares lejn il-Mulej Ġesu’, imma b’qalb niedma, tlabtu jagħtini xewka waħda mill-kuruna Tiegħu. Hu wieġeb li kien ser jikkonċedili dan il-favur, imma mhux qabel għada, u f’daqqa waħda id-dehra spiċċat.

 

 

349.                 Filgħodu, waqt il-meditazzjoni, ħassejt xewka tweġġgħani fin-naħa tax-xellug ta’ rasi. It-tbatija baqgħet għaddejja l-jum kollu. Bqajt nimmedita il-ħin kollu kif Ġesu’ seta’ jissaporti l-uġigħ ta’ tant xewk li minnu kienet magħmula l-kuruna Tiegħu. Għaqqadt it-tbatija tiegħi mat-tbatijiet ta’ Ġesu’ u offrejtha għall-midinbin. Meta mort għall-adorazzjoni fl-erbgħa, rajt waħda mit-tfajliet li aħna nindukraw qiegħda toffendi lil Alla ħafna bi dnubiet ta’ ħsibijiet impuri. Rajt ukoll ċerta persuna li kienet il-kawża tad-dnub tagħha. Ruħi kienet minfuda bil-biża’, u tlabt lil Alla, għall-imħabba tal-uġigħ ta’ Ġesu’,  jaħtfaha minn din il-miżerja terribli.

 

 

350.                 Ġesu’ wieġeb li kien ser jagħtiha din il-grazzja, mhux minħabba fiha, imma minħabba t-talb tiegħi. Issa fhimt kemm għandna nitlobu għall-midinbin, u l-aktar għat-tfajliet li aħna nieħdu ħsieb.

 

Ħajjitna hija tassew appostolika; jiena ma nistax nistħajjel reliġjuża li qiegħda tgħix f’waħda mid-djar tagħna – jiġifieri fil-Komunita’ tagħna – u ma għandhiex spirtu appostoliku. Ħerqa għas-salvazzjoni tal-erwieħ għandha taqbad fi qlubna.

 

 

351.                 O Alla ħanin tiegħi, kemm hi ħaġa ħelwa li tbati għalik, tbati fl-irkejjen l-iżjed sigrieti tal-qalb, fl-iktar moħba li taqbad bħal sagrifiċċju li ħadd ma jintebaħ bih, safi bħal kristall, bla ebda faraġ jew kumpassjoni. L-ispirtu tiegħi jaqbad bi mħabba attiva. Ma nħalix ħin noħlom. Nieħu kull waqt wieħed wieħed kif jiġi, għax din hi ħaġa li jien nista’ nagħmilha. L-imgħoddi mhux tiegħi; il-ġejjieni mhux tiegħi, b’ruħi kollha nipprova nagħmel użu mill-waqt ta’ issa.

 

 

4 ta’ Jannar 1935. L-ewwel laqgħa tal-kapitlu (nota82) ta’ Madre Borgia (nota83)

 

352.                 Fil-Kapitlu, Madre (Borgia) saħqet fuq il-ħtieġa ta’ ħajja ta’ fidi u fedelta’ fl-affarijiet żgħar. F’nofs il-kapitlu, jiena smajt dan il-kliem: Jiena nixtieq li intom, ilkoll kemm intom, ikollkom iktar fidi fil-preżent. Kemm ikun kbir il-ferħ Tiegħi meta nara l-fedelta’ tal-għarusa Tiegħi fl-iċken affarijiet. Imbagħad ħasrist lejn il-kurċifiss u rajt ras Ġesu’ qegħda tħares lejn ir-reffetroju, u xofftejh jiċċaqalqu.

 

Meta għidt lill-Madre Superjura b’din il-ħaġa hija wieġbet, “Qed tara, Sor, kif Ġesu’ jrid li ħajjitna tkun ħajja ta’ fidi.”

 

 

353.                 Meta l-Madre ħarġet biex tmur il-kappella u jiena bqajt hemm biex nirranġa l-kamra smajt dan il-kliem: Għid lis-sorijiet kollha li Jiena rrid li huma jgħixu fl-ispirtu ta’ fidi lejn is-superjuri fil-preżent. Jiena tlabt lill-konfessur tiegħi jeħlisni minn dan id-dmir.

 

 

354.                 Filwaqt li kont qiegħda nitkellem ma’ persuna (nota84) li kellha tpinġi x-xbieha, imma għal xi raġunijiet ma kenitx qiegħda tpittriha, smajt din il-vuċi ġewwa ruħi: Irridha tkun iktar ubbidjenti. Jiena fhimt li l-isforzi tagħna, kbar kemm ikunu kbar, ma jkunux jogħġbu lil Alla jekk ma jkollhomx is-siġill tal-ubbidjenza; qiegħda nitkellem dwar ruħ reliġjuża. O Alla tiegħi, kemm hi ħaġa faċli li wieħed ikun jaf ir-rieda Tiegħek fil-kunvent! Aħna r-reliġjużi għandna r-rieda ta’ Alla ċara quddiem għajnejna minn filgħodu sa fil-għaxija, u f’waqtiet ta’ dubju għandna s-superjuri tagħna li Alla jitkellem permezz tagħhom.

 

 

355.                 1934-1935. Lejlet l-Aħħar tas-Sena.

 

Kelli l-permess li ma mmurx norqod, imma li noqgħod nitlob fil-kappella. Waħda mis-sorijet kienet talbitni noffri siegħa adorazzjoni għaliha. Jiena aċċettajt, u tlabt għaliha għal siegħa. Waqt din is-siegħa, Alla tani x’nifhem kemm din ir-ruħ kienet tassew togħġbu.

 

Offrejt it-tieni siegħa tal-adorazzjoni għall-konverżjoni tal-midinbin, u b’mod speċjali ppruvajt noffri riparazzjoni lil Alla għall-insulti li Hu kien qiegħed iġarrab kontrieħ f’dak l-istess waqt. Kemm jiġi offiż Alla!

 

Offrejt it-tielet siegħa għad-direttur spiritwali tiegħi. Tlabt għalih bil-ħerqa sabiex huwa jkollu d-dawl f’ħaġa partikolari.

 

Sa fl-aħħar daqq nofs il-lejl, l-aħħar siegħa tas-sena. Spiċċajtha f’isem is-Santissma Trinita’, u bdejt ukoll l-ewwel siegħa tas-Sena l-Ġdida f’isem is-Santissma Trinita’. Tlabt lil kull wieħed mit-Tliet Persuni iberkuni u, b’fiduċja kbira, bdejt inħares ‘il quddiem lejn is-Sena l-Ġdida li żgur ma kenitx ser tkun nieqsa mit-tbatija.

 

 

356.                 Ostja Mqaddsa, li Fik hemm it-testment tal-ħniena ta’ Alla għalina, u l-aktar għall-imsejkna midinbin.

 

Ostja Mqaddsa, li Fik hemm il-Ġisem u d-Demm tal-Mulej Ġesu’ bħala prova ta’ ħniena bla qies għalina, u l-aktar għall-imskejkna midinbin.

 

Ostja Mqaddsa, li Fik hemm il-ħajja eterna u ħniena bla qies, li jingħataw lilna b’ubbidjenza u l-aktar lill-imsejkna midinbin.

 

Ostja Mqaddsa, li Fik hemm il-ħniena tal-Missier, tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu għalina, u l-aktar għall-imsejkna midinbin.

 

Ostja Mqaddsa, li Fik hemm il-prezz bla qies ta’ ħniena li jpatti għad-djun tagħna kollha, u l-aktar għall-imsejkna midinbin.

 

Ostja Mqaddsa, li fiha tinsab l-għajn tal-ilma ħaj li joħroġ mill-ħniena Tiegħek bla tarf għalina, u speċjalment għal midinbin imsejkna.

 

Ostja Mqaddsa, li Fik hemm in-nar ta’ mħabba l-iżjed safja li toħroġ minn ħdan il-Missier Etern, bħallikieku minn għajn, għalina u l-aktar għall-imsejkna midinbin.

 

Ostja Mqaddsa, li Fik hemm il-mediċinagħall-mard tagħna kollu, ħierġa mill-ħniena bla qies bħallikieku minn għajn, għalina u l-aktar għall-imsejkna midinbin.

 

Ostja Mqaddsa, li Fik hemm l-għaqda ta’ Alla magħna permezz tal-ħniena bla qies Tiegħu għalina, u l-aktar għall-imsejkna midinbin.

 

Ostja Mqaddsa, li Fik hemm is-sentimenti kollha tal-Qalb l-iżjed ħelwa ta’ Ġesu’ għalina, u l-aktar għall-imsejkna midinbin.

 

Ostja Mqaddsa, it-tama tagħna waħdanija fit-tbatijiet u fit-taħbit kollu tal-ħajja.

 

Ostja Mqaddsa, it-tama tagħna waħdanija fost id-dlam u l-maltempati ta’ ġewwa u ta’ barra.

 

Ostja Mqaddsa, it-tama tagħna waħdanija fil-ħajja u fis-siegħa tal-mewt tagħna.

 

Ostja Mqaddsa, it-tama tagħna waħdanija fost it-taħbit u l-qtigħ il-qalb.

 

Ostja Mqaddsa, it-tama tagħna waħdanija fost il-gideb u t-tradimenti.

 

Ostja Mqaddsa, it-tama waħdanija fost id-dlam u l-assenza ta’ Alla li qedgħin jimlew l-art.

 

Ostja Mqaddsa, tama tagħna waħdanija fix-xenqa u fl-uġigħ ta’ meta ħadd ma jifhimna.

 

Ostja Mqaddsa, tama tagħna waħdanija fix-xogħol u l-monotonija tal-ħajja ta’ kuljum.

 

Ostja Mqaddsa, tama tagħna waħdanija fost ir-rovini tat-tamiet u tal-isforzi tagħna.

 

Ostja Mqaddsa, tama tagħna waħdanija fost l-istraġi tal-għadu u l-isforzi tiegħi jkunu għalxejn.

 

Ostja Mqaddsa, jiena nafda Fik meta t-toqol ikun iżjed milli jiena niflaħ u nsib l-isforzi tiegħi jkunu għalxejn.

 

Ostja Mqaddsa, jiena nafda Fik meta l-matempati jaħbtu għal qalbi u l-ispirtu tiegħi jimtela bil-biża’ u jkun ser jitlef kull tama.

 

Ostja Mqaddsa, jiena nafda Fik meta qalbi tkun ser tibda tferfer u l-għaraq tal-mewt ixoqq għal ġbini.

 

Ostja Mqaddsa, jiena nafda Fik meta kollox idur kontrija u disperazzjoni sewda tibda dieħla ftit ftit ġewwa ruħi.

 

Ostja Mqaddsa, jiena nafda Fik meta għajnejja jibdew jingħalqu għall-affarijiet kollha ta’ din id-dinja u, għall-ewwel darba, l-ispirtu tiegħi jara d-dinjijiet li ħadd ma jafhom.

 

Ostja Mqaddsa, jiena nafda Fik meta l-ħidmiet li jkolli nagħmel ikunu ikbar milli nkun niflaħ u l-kuntrarju jkun id-destin tiegħi ta’ kuljum.

 

Ostja Mqaddsa, jiena nafda Fik meta l-prattika tal-virtu’ tidherli tkun diffiċli għalija u n-natura tiegħi tibda tirvella.

 

Ostja Mqaddsa, jiena nafda Fik meta daqqiet tal-għadu jiġu mmirati kontrija.

 

Ostja Mqaddsa, jiena nafda Fik meta jiġġudikaw ħażin l-ħidmiet u l-isforzi tiegħi.

 

Ostja Mqaddsa, jiena nafda Fik meta l-ġudizzji Tiegħek jirbombjaw madwari; huwa f’dak il-waqt li jiena nafda fil-baħar tal-ħniena tiegħek.

 

 

357.                 + Santissma Trinita’, jiena nafda fil-ħniena bla qies Tiegħek. Alla huwa Missieri u għalhekk jiena bintu, nista’ nistenna kollox mill-Qalb divina Tiegħu, u iktar ma jikber id-dlam, iktar trid tkun sħiħa l-fiduċja tagħna.

 

 

358.                 Ma nistax nifhem kif inhu possibli ma tafdax Fih li jista’ jagħmel kollox. Flimkien miegħu, kollox; mingħajru; xejn. Huwa l-Mulej. Huwa mhux ser jippermetti lil dawk li poġġew il-fiduċja tagħhom kollha Fih jaqgħu fil-mistħija.

 

 

359.                 10 ta’ Jannar 1935. Il-Ħamis. Filgħaxija waqt il-barka (nota85) ħsibijiet bħal dawn bdew idejquni: Forsi dan kollu li jiena qiegħda ngħid fuq il-Ħniena ta’ Alla hi biss gidba jew xi illużjoni...? U jiena ridt naħseb fuq din il-ħaġa għal ftit, meta smajt vuċi qawwija u ċara ġewwa fija qiegħda tgħid, Dan kollu li int tgħid dwar it-tjubija Tiegħi huwa minnu, m’hemmx ilsien li jista’ jfaħħar b’mod xieraq it-tjubija Tiegħi. Dan il-kliem kellu qawwa hekk kbira u kien hekk ċar li kont nagħti ħajti biex niddikjara li kien ġej minn Alla. Kont naf dan minħabba l-paċi profonda li akkumpanjathom f’dak il-ħin u li għadha miegħi s’issa. Din il-paċi tagħtini saħħa u qawwa kbira li d-diffikultajiet kollha, il-kuntrarju, it-tbatijiet u wkoll l-istess mewt huma daqslikieku xejn. Dan id-dawl jagħtini lemħa tal-verita’, li l-isforzi tiegħi kollha sabiex jiena nwassal l-erwieħ isiru jafu l-ħniena tal-Mulej, jogħġbuh ħafna lil Alla. U minn dan l-għarfien jinbet ferħ hekk kbir ġewwa ruħi li ma nafx jekk il-ferħ jistax ikun ikbar fil-ġenna. Mhux li kieku l-erwieħ ikunu jridu jisimgħu, għallinqas għal ftit, il-leħen tal-kuxjenza u l-leħen – jiġifieri l-ispirazzjonijiet – tal-Ispirtu s-Santu! Jiena ngħid “għallinqas għal ftit”, għax la darba aħna ninfetħu għall-inqas qawwa tal-Ispirtu s-Santu, Huwa stess jimla dak li hemm nieqes fina.

 

 

Is-Sena l-Ġdida 1935

 

360.                 Ġesu’ jieħu gost jidħol fl-iċken dettalji ta’ ħajjitna, u Huwa spiss iwettaq  xewqat sigrieti li jiena jkolli u li xi drabi jiena naħbihomlu, għalkemm jiena naf li xejn ma jista’ jibqa’ moħbi Minnu.

 

Hemm drawwa fostna li, fl-ewwel jum tas-sena, intellgħu bix-xorti Patruni speċjali għalina għas-sena sħiħa.  Filgħodu waqt il-meditazzjoni, nibtet ġewwa fija xewqa sigrieta li Ġesu’ Ewkaristija jkun l-Patrun speċjali tiegħi din is-sena wkoll, bħalma kien fl-imgħoddi. Imma jiena ħbejt din ix-xewqa mill-Maħbub tiegħi u kellimtu fuq kollox minbarra fuq din il-ħaġa. Meta wasalna r-reffetorju għall-ewwel kolazzjon tal-ġurnata raddejna s-salib u bdejna ntellgħu l-ismijiet tal-patruni tagħna.  Meta jiena rsaqt lejn il-biljetti mqaddsa li fuqhom kien hemm miktubin l-ismijiet tal-patruni tagħna, mingħajr eżitazzjoni qbadt waħda imma ma qrajtx l-isem mill-ewwel għax ridt nimmortifika ruħi għal ftit minuti. F’daqqa waħda, smajt leħen ġewwa ruħi: Jiena l-patrun tiegħek. Aqra. Ħarist mill-ewwel lejn il-kitba u qrajt, “Patrun għas-sena 1935 – L-Ewkaristija Mqaddsa.” Qalbi bdiet taqbeż bil-ferħ, u tlaqt bil-mod minn fejn is-sorijiet u mort għal viżta żgħira quddiem is-Sagrament Imqaddes, fejn ftaħt qalbi. Imma Ġesu’ bil-ħlewwa kollha widdibni li f’dak il-ħin jiena suppost kelli nkun mas-sorijiet. Jiena mort minnufih b’ubbidjenza lejn ir-regola.

 

 

Trinita’ Qaddisa, Alla wieħed,

 

361.                 li ħadd ma jista’ jifhem il-kobor tal-ħniena Tiegħek għall-ħlejjaq, u l-aktar għall-imsejkna midinbin, Inti għarraft l-abbiss tal-ħniena Tiegħek, li l-ebda moħħ ma jista’ jifhimha jew ikejjilha, la moħħ ta’ bniedem u lanqas ta’ anġlu. Ix-xejn u l-miżerja tagħna jinsabu mgħarrqin fil-kobor Tiegħek. O tjubija nfinita’ minn qatt jista’ jfaħħrek biżżejjed? Tista’ tinsab xi ruħ li tifhmek fl-imħabba Tiegħek? O Ġesu’, hemm erwieħ bħal dawn, imma huma ftit.

 

 

362.                 Darba waqt il-meditazzjoni ta’ filgħodu, smajt dan il-leħen: Jiena stess id-direttur tiegħek. Jiena kont, Jiena Hu, u Jiena nibqa’. U ladarba int tlabt għajnuna viżibbli, Jiena għażiltlek u tajtek direttur ukoll qabel ma tlabtni għax kien hemm bżonn ta’ dan ix-xogħol Tiegħi. Kun af li n-nuqqasijiet tiegħek li tagħmel kontrieh iweġġgħuli Qalbi. Oqgħod attenta l-aktar li ma tagħmilx ta’ rasek; ukoll l-iċken ħaġa għandu jkollha s-siġill ta’l-ubbidjenza.

 

B’qalb mgħaffġa u umiljata, tlabt maħfra mingħand Ġesu’ għal dawn id-difetti. Tlabt ukoll skuża lid-direttur spiritwali tiegħi u ddeċidejt li aħjar ma nagħmel xejn milli nagħmel affarijiet b’mod ħażin.

 

 

363.                 O Ġesu’ twajjeb, grazzi tal-grazzja kbira li Inti għarraftni jiena x’jiena fil-verita’: miżerja u dnub, u xejn iżjed minn dan. Jiena ħaġa waħda biss nista’ nagħmel waħdi, u din hi li noffendik, O Alla tiegħi, għax il-miżerja ma’ tista’ tagħmel xejn waħedha ħlief toffendi, O Tjubija bla qies!

 

 

364.                 Darba, talbuni nitlob għal ċerta ruħ. Iddeċidejt mill-ewwel nagħmel novena lill-Mulej Ħanin u magħha żidt mortifikazzjoni – li kienet, li nilbes il-ktajjen (nota86) fuq riġlejja t-tnejn matul il-Quddiesa kollha. Kont diġa’ qiegħda nagħmel din il-ħaġa għal tlett ijiem meta mort inqerr u għidt lid-direttur spiritwali tiegħi li kont bdejt nagħmel din il-mortifikazzjoni, u ħsibt li ma kellux oġġezzjoni, imma smajt il-kuntrarju: jiġifieri, la ma kelli nagħmel xejn mingħajr permess. O Ġesu’ tiegħi, mela rġajna għar-ras iebsa, li tgħaddi tiegħi! Imma l-waqgħat tiegħi ma jaqtgħulix qalbi; jiena naf tajjeb li jiena (l-istess) miżerja. Minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħti ma qlajtx dan il-permess, u d-direttur spiritwali tiegħi wera ruħu sorpriż li kont qiegħda nippermetti lili nnifsi mortifikazzjonijiet ikbar mingħajr il-permess tiegħu. Tlabt skuża li kont għamilt ta’ rasi, jew aħjar li kont ħsibt li kelli l-permess, u tlabtu jibdilli din il-mortifikazzjoni u jagħtini oħra.

 

 

365.                  Id-direttur spiritwali tiegħi bidilhieli f’mortifikazzjoni interna; din kienet li matul il-Quddiesa kelli nimmedita fuq ir-raġuni għaliex il-Mulej Ġesu’ kien issottometta ruħu għall-magħmudija. Il-meditazzjoni ma kenitx mortifikazzjoni għalija, għaliex li naħseb fuq Alla għalija huwa pjaċir u mhux mortifikazzjoni tar-rieda għax ma kontx qiegħda nagħmel (sempliċiment) dak li rrid, imma dak li qaluli nagħmel; u hija f’din il-ħaġa li tikkonsisti l-mortifikazzjoni interna. Meta ħriġt mill-konfessinarju u bdejt ngħid il-penitenza, smajt dan il-kliem: Jiena tajt il-grazzja li inti tlabt għal dik ir-ruħ, imma mhux minħabba fil-mortifikazzjoni li inti għażilt għalik innifsek. Hija aktar minħabba l-att tiegħek ta’ ubbidjenza sħiħa lejn ir-rappreżentant Tiegħi, li Jiena tajt din il-grazzja, lil dik ir-ruħ li inti tlabt il-ħniena għaliha u qbiżt għaliha. Kun af li meta timmortifka r-rieda tiegħek stess, imbagħad Tiegħi ssaltan ġewwa fik.

 

 

366.                 O Ġesu’ tiegħi, kun paċenzjuż miegħi. Fil-ġejjieni inkun iktar bil-għaqal. Niddependi, mhux minni nnifsi imma mill-grazzja Tiegħek u mit-tjubija hekk kbira Tiegħek lejja, li jiena hekk imsejkna.

 

 

367.                 Darba, Ġesu’ tanti x’nifhem li, meta jiena nitlob għall-intenzjonijiet li n-nies iħobbu jafdawli f’idejja, Huwa jkun dejjem lest li jagħtini l-grazzji Tiegħu, imma l-erwieħ mhux dejjem ikunu jridu jaċċettawhom: Qalbi tfur bi ħniena kbira għall-erwieħ, u l-iktar għall-imsejkna midinbin. Mhux li kieku jistgħu jifhmu li Jiena l-aħjar Missier għalihom u li għalihom ħarġu d-Demm u l-Ilma minn Qalbi bħallikieku minn għajn tfawwar bil-ħniena. Għalihom Jiena ngħammar fit-tabernaklu bħala s-Sultan tal-Ħniena. Jiena nixtieq nagħti l-grazzji Tiegħi lill-erwieħ, imma huma ma jridux jaċċettawhom. Inti, għallinqas, ejja għandi spiss kemm jista’ jkun u ħu dawn il-grazzji li huma ma jridux jaċċettaw. B’dan il-mod int tfarraġli Qalbi. O kemm huma indifferenti l-erwieħ għal tjubija hekk kbira, għal tant provi ta’ mħabba Tiegħi! Qalbi tixrob biss mill-ingratitudni tal-erwieħ li qedgħin jgħixu fid-dinja u li nsewni. Għandhom ħin għal kollox, imma m’għandhomx ħin jiġu għandi għall-grazzji.

 

Jien għalhekk indur lejkom, intom – erwieħ magħżulin, intom ukoll mhux ser jirnexxilkom tifhmu l-imħabba ta’ Qalbi? Hawnhekk, ukoll, Qalbi tiltaqa’ mad-diżappunt; ma nsibx telqa sħiħa f’Imħabbti. Tant riservi, tant nuqqas ta’ fiduċja, tant eżittazzjoni. Biex infarrġek ħallini ngħidlek li hemm erwieħ qedgħin jgħixu fid-dinja li jħobbuni ħafna. Jiena ngħammar f’qalbhom bil-ferħ. Imma dawn huma ftit. Fil-kunventi wkoll, hemm erwieħ li jimlewli qalbi bil-ferħ. Huma għandhom il-fattizzi Tiegħi; għalhekk il-Missier tas-Sema jħares lejhom b’għaxqa speċjali. Huma għad ikunu meravilja quddiem l-Anġli u l-bnedmin. In-numru tagħhom huwa żgħir ħafna. Huma difiża għad-dinja quddiem il-ġustizzja tal-Missier tas-Sema u mezz biex jakkwistaw il-ħniena għad-dinja. L-imħabba u s-sagrifiċċju ta’ dawn l-erwieħ qedgħin iżommu d-dinja fl-eżistenza tagħha. Meta r-ruħ magħżula b’mod speċjali Minni ma tibqax fidila lejja, dan jidrob lil Qalbi u jikkawżawli ħafna wġigħ. Infedeltajiet bħal dawn huma xwabel li jinfduli Qalbi.

 

 

368.                 29 ta’ Jannar 1935. Filgħodu dan il-jum tat-Tlieta waqt il-meditazzjoni, kelli dehra interna tal-Qdusija Tiegħu il-Papa qiegħed iqaddes. Wara l-Pater Noster, tkellem ma’ Ġesu’ dwar dik il-ħaġa li kien ordnali ngħidlu. Għalkemm jiena ma tkellimtx personalment mal-Papa, din il-ħaġa ħa ħsiebha xi ħadd ieħor (Dun Sopocko) (nota87); iżda f’dan il-waqt, jiena kont naf, permezz ta’ għarfien intern, li l-Papa kien qiegħed jikkunsidra din il-ħaġa, li dalwaqt ser iseħħ skont ix-xewqat ta’ Ġesu’.

 

 

369.                 Qabel l-irtir ta’ tmint ijiem, mort għand id-direttur spiritwali tiegħi u tlabtu għal ċerti mortifikazzjonijet għaż-żmien tal-irtir. Iżda ma qlajtx permess għal kulma tlabt, imma biss għal xi affarijiet. Qlajt permess għal siegħa meditazzjoni fuq il-Passjoni tal-Mulej Ġesu’ u għal ċerta umiljazzjoni. Imma ma kontx sodisfatta għax ma kontx qlajt permess għal kulma tlabt. Meta rġajna lura d-dar dħalt fil-kappella għal waqt wieħed, u mbagħad smajt dan il-leħen ġewwa ruħi: Hemm mertu akbar f’siegħa waħda ta’ meditazzjoni  fuq il-Passjoni Tiegħi mimlija tbatija milli hemm f’sena sħiħa ta’ flaġellazzjoni li toħroġ id-demm; il-kontemplazzjoni tal-pjagi kiefra Tiegħi hija ta’ siwi kbir għalikom, u lili tferraħni ħafna. Jiena ninsab sorpriż li għadek ma ċħadtx għal kollox r-rieda tiegħek, imma Jiena nifraħ ħafna li din il-bdila ser iseħħ waqt l-irtir.

 

 

370.                 F’dan l-istess jum, x’ħin kont fil-knisja nistenna biex inqerr, rajt l-istess raġġi ħerġin mill-ostensorju u jinfirxu mal-knisja kollha. Din il-ħaġa damet isseħħ matul il-funzjoni. Wara l-Barka, (ir-raġġi bdew jiddu) maż-żewġ ġnub u reġgħu marru lura fl-ostensorju. Id-dehra tagħhom kienet tiddi u trasparenti bħall-kristall. Tlabt lil Ġesu’ li jindenja ruħu jqabbad in-nar ta’ mħabbtu fl-erwieħ kollha li kienu berdin. Taħt dawn ir-raġġi l-qalb tisħon ukoll jekk tkun bħal blokka silġ; ukoll jekk tkun iebsa bħal blata, issir trab.

 

 

Ġ. M. Ġ   Vilnius, 4 ta’ Frar 1935.

Irtir ta’ Tmint Ijiem

 

371.                 Ġesu’, Sultan tal-Ħniena, reġa’ wasal iż-żmien meta jiena nkun waħdi Miegħek. Għalhekk qiegħda nitolbok, permezz tal-imħabba kollha li biha Qalbek taqbad, li Inti teqred għal kollox minn ġewwa fija l-imħabba tiegħi għalija nnifsi, u mill-banda l-oħra, li Inti tqabbad ġewwa qalbi n-nar tal-imħabba l-iżjed safja Tiegħek.

372.                  Filgħaxija, wara l-konferenza, smajt dan il-kliem: Jiena qiegħed miegħek. Matul dan l-irtir, Jiena ser insaħħek fil-paċi u fil-kuraġġ sabiex saħħtek tibqa’ soda biex inti tattwa il-pjanijiet Tiegħi. Għalhekk int ser ixxejjen r-rieda tiegħek għal kollox waqt dan l-irtir u, minflokha, ir-rieda sħiħa Tiegħi titwettaq fik. Kun af li dan ser jiswielek ħafna, mela ikteb dan il-kliem fuq karta ġdida; “Mil-lum ‘il quddiem, ir-rieda tiegħi ma teżistix,” u mbagħad agħmel salib kbir fuq din il-paġina. U fuq in-naħa l-oħra ikteb dan il-kliem: “Mil-lum ‘il quddiem, jiena nagħmel ir-rieda ta’ Alla kullimkien, dejjem u f’kollox.” Tibża’ minn xejn; l-imħabba tagħtik is-saħħa u tagħmilhielek ħaġa faċli li int tagħmel dan.

 

373.                 Fil-meditazzjoni fundamentali fuq il-għan; jiġifieri, li tagħżel l-imħabba: ir-ruħ trid tħobb; għandha bżonn li tħobb. Ir-ruħ trid iddawwar ix-xmara ta’ mħabbitha, mhux fit-tajn jew fil-baħħ, imma f’Alla. Kemm nifraħ meta naħseb fuq dan għax inħoss b’mod ċar li Hu stess jinsab ġewwa qalbi. Ġesu’ biss! Inħobb il-ħlejjaq sakemm jgħinuni ningħaqad ma’ Alla. Inħobb il-bnedmin kollha għax fihom jien nara x-xbieha ta’ Alla.

 

 

374.                 Ġ.M.Ġ  Vilnius, 4 ta’ Frar 1935   

 


 

Mil-lum ‘ il quddiem, ir-rieda tiegħi m’ għadhiex teżisti.

 

 

F’dak il-waqt li jiena nżilt għarkobbtejja biex inxejjen ir-rieda tiegħi, bħalma kien qalli nagħmel il-Mulej, smajt dan il-leħen ġewwa ruħi: Millum ‘il quddiem, tibżax mill-ġudizzju ta’ Alla, għax inti ma tkunx iġġudikata.

 

+

Ġ.M.Ġ  Vilnius, 4 ta’ Frar 1935

 

Mil-lum ‘il quddiem, jiena nagħmel ir-Rieda ta’ Alla kullimkien, dejjem u f’kollox. (nota88)

 

 

+

Ġ.M.Ġ  Vilnius, 8 ta’ Frar 1935

 

375.                 Prattika interna partikolari; jiġifieri, l-eżami tal-kuxjenza. Ċaħda tiegħi nnifsi, ċaħda tar-rieda tiegħi stess.

 

I.                   Iċ-ċaħda tar-raġuni tiegħi. Nissottomettiha għar-raġuni ta’ dawk li għalija jirrapreżentaw lil Alla hawn fl-art.

II.                Iċ-ċaħda tar-rieda tiegħi. Li nagħmel ir-rieda ta’ Alla, li jiena nagħraf fir-rieda ta’ dawk li għalija jirrapreżentaw lil Alla u li tinstab fir-regola tal-ordni tagħna.

III.             Iċ-ċaħda tal-ġudizzju tiegħi. Li naċċetta minnufih u mingħajr ma noqgħod naħseb, nanalizza u nirraġuna, l-ordnijiet mogħtijin minn dawk li għalina jirrapreżentaw lil Alla.

IV.            Iċ-ċaħda ta’ lsieni. Jiena ma nagħtihx lanqas l-iċken liberta’; imma f’każ wieħed biss jiena nagħtih liberta’ sħiħa; jiġifieri, biex ixandar il-glorja ta’ Alla. Kull meta nitqarben, nitlob lil Ġesu’ isaħħaħ u jnaddafli lsieni sabiex ma nkunx nista’ nweġġa’ lill-proxxmu tiegħi bih. Għalhekk għandi l-ikbar rispett għar-regola li titkellem dwar is-skiet.

 

376.                 Ġesu’ tiegħi, għandi fiduċja li l-grazzja Tiegħek ser tgħinni nwettaq dawn ir-riżoluzzjonijiet. Għalkemm il-punti msemmijin hawn fuq jinsabu kollha miġburin fil-vot tal-ubbidjenza, jiena rrid nipprattika dawn l-affarijiet b’mod speċjali, għax din hi l-essenza tal-ħajja reliġjuża. Ġesu’ Ħanin, jiena qiegħda nitolbok bil-ħerqa biex Inti ddawwalli moħħi sabiex inkun nista’ nsir nafek aħjar, Inti li Inti l-Esseri Infinit, u sabiex jiena nsir naf lili nnifsi aħjar, jiena li jiena l-istess xejn.

 

 

377.                 Dwar il-Qrar. Suppost niksbu żewġ affarijiet mill-Qrar:

1. Immorru nqerru sabiex infiequ.

2. Immorru nqerru sabiex nirċievu l-edukazzjoni – bħal tifel żgħir, ir-ruħ tagħna għandha bżonn ta’ edukazzjoni l-ħin kollu.

Ġesu’ tiegħi, jiena nifhem dan il-kliem sal-qiegħ nett, u jiena naf mill-esperjenza tiegħi stess li, waħedha, ir-ruħ ma tistax tagħmel wisq; tipprova tagħmel sforzi kbar u ma’ tagħmel xejn għall-glorja ta’ Alla; il-ħin kollu tagħmel l-iżbalji, għax moħħna mdallam u ma jafx jagħraf l-affarijiet: l-ewwelnett, ser nagħżel, meta nqerr, dak li l-iktar jumiljani, wkoll jekk tkun ħaġa żgħira, imma tkun xi ħaġa li tiswieli ħafna, u jien ngħidha għax tiswieli ħafna; it-tieni, nipprattika l-indiema, mhux biss waqt il-qrar, imma waqt kull eżami tiegħi nnifsi, u nqajjem ġewwa fija att ta’ ndiema perfetta, l-aktar meta nkun sejra norqod. Kelma waħda oħra: ruħ li sinċerament trid timxi ‘l quddiem fil-perfezzjoni trid tosserva strettament il-parir mogħti mid-direttur spirtwali. Hemm qdusija daqskemm hemm dipendenza.

 

378.                 Darba filwaqt li kont qiegħda nitkellem mad-direttur spirtwali tiegħi, kelli dehra interna – b’iktar ħeffa mill-beraq – ta’ ruħi fi tbatija kbira, b’agunija hekk kbira li Alla jmiss biha lil ftit erwieħ b’nar bħal dan. It-tbatija tiġi minn dan ix-xogħol. Għad jiġi żmien meta dan ix-xogħol, li Alla jridu ħafna, għad ikun bħallikieku spiċċa għal kollox. U mbagħad Alla jaħdem b’qawwa hekk li din tagħti prova tal-awtentiċita’ tagħha. Għad ikun glorja ġdida għall-Knisja, għalkemm din tkun ilha rieqda ġewwa fiha għal ħafna żmien. Li Alla hu ħanin bla qies ħadd ma jista’ jiċħdu. Jixtieq li kulħadd ikun jaf dan qabel ma jerġa’ jiġi bħala Mħallef. Huwa jrid li l-erwieħ isiru jafuh l-ewwel bħala Sultan tal-Ħniena. Meta jseħħ dan it-trijonf, aħna nkunu diġa’ dħalna fil-ħajja ġdida fejn m’hemm l-ebda tbatija. Imma qabel iseħħ dan, ruħek (tad-direttur spiritwali) timtela bl-imrar meta tara l-qerda tal-isforzi tiegħek. Imma dan ikun hekk biss fid-deher, għax, la darba Alla jkun iddeċieda fuq xi ħaġa, ma jbiddilhiex. Imma għalkemm din l-qerda tkun biss fl-apparenza, it-tbatija tkun vera. Meta ser jiġri dan? Ma nafx. Kemm idum? Ma nafx (nota89). Imma Alla wiegħed grazzja kbira l-aktar lilek u lil dawk kollha... li jxandru l-ħniena kbira Tiegħi. Jiena stess inħarishom fis-seigħa tal-mewt, bħallikieku l-glorja Tiegħi stess. U wkoll jekk id-dnubiet tal-erwieħ ikunu mudlama bħal-lejl, meta l-midneb idur lejn il-ħniena Tiegħi, huwa jagħtini l-ikbar tifħir u jkun il-glorja tal-Passjoni Tiegħi. Meta ruħ tfaħħar it-tjubija Tiegħi, Satana jirtogħod quddiemha u jaħrab sa qiegħ l-infern.

 

 

379.                  Waqt waħda mill-adorazzjonijiet, Ġesu’ wegħedni li: Ma’ dawk l-erwieħ li jirrikorru lejn il-ħniena Tiegħi u ma’ dawk li jigglorifkaw u jxandru l-ħniena kbira Tiegħi lill-oħrajn, Jiena nimxi magħhom skont il-ħniena bla qies Tiegħi fis-siegħa tal-mewt tagħhom.

 

Għandi Qalbi sewda, Ġesu’qalli, għax saħansitra l-erwieħ magħżulin ma jifhmux il-kobor tal-ħniena Tiegħi. Ir-relazzjoni tagħhom (Miegħi) hija, f’ċerti modi, mimlija bin-nuqqas ta’ fiduċja. O kemm tferili Qalbi din il-ħaġa! Ftakar fil-Passjoni Tiegħi, u jekk inti ma temminx kliemi għallinqas emmen fil-pjagi Tiegħi.

 

 

380.                 Ma nagħmel l-ebda moviment, l-ebda ġest skont ma jogħġob lili, għaliex jiena marbuta bil-grazzja; jiena dejjem inqis x’jogħġob l-aktar lil Ġesu’.

 

 

381.                 Darba meta kont qiegħda nimmedita fuq l-ubbidjenza, smajt dan il-kliem: F’din il-meditazzjoni, is-saċerdot (nota90) qiegħed jitkellem b’mod speċjali għalik. Kun af li Jiena qed nissellef xufftejh. Jiena ppruvajt nisma’ kollox b’attenzjoni kbira u napplika kollox għal qalbi stess, bħalma nagħmel f’kull meditazzjoni. Meta s-saċerdot qal li ruħ ubbidjenti tkun mimlija bil-qawwa ta’ Alla...Iva, meta inti tkun ubbidjenti, jiena nneħħilek id-dgħjufija tiegħek u npoġġi minflokha il-qawwa tiegħi. Jiena nistagħġeb ħafna li l-eriwħ ma jridux jagħmlu din il-bidla Miegħi. Għidt lill-Mulej, “Ġesu’ dawwalli qalbi, għax inkella jiena wkoll ma nkunx nista’ nifhem ħafna minn dan il-kliem.”

 

 

382.                 Jiena naf li qiegħda ngħix, mhux għalija nnfisi, imma għal numru kbir ta’ erwieħ. Jiena naf li l-grazzji li ngħataw lili mhumiex għalija biss, imma għall-erwieħ. O Ġesu’, l-abbiss tal-ħniena Tiegħek ġie mferragħ ġewwa ruħi, li hi abbiss tal-istess miżerja. Grazzi, Ġesu’ tal-grazzji u l-biċċiet tas-Salib li Inti tagħtini f’kull waqt ta’ ħajti.

 

 

383.                 Fil-bidu tal-irtir, jiena rajt, fuq is-saqaf tal-kappella, lil Ġesu’ msammar mas-Salib. Kien qiegħed iħares lejn is-sorijiet bi mħabba kbira, imma mhux lejhom kollha. Kien hemm tliet sorijiet li Ġesu’ kien qed iħares lejhom b’ħarsa severa, ma nafx għal liema raġuni. Kulma naf  hu, kemm hi ħaġa terribli li tiltaqa’ ma’ ħarsa bħal dik, li hi ħarsa ta’ Mħallef sever. Dik il-ħarsa ma kenitx għalija, iżda xorta waħda kont paralizzata bit-terrur. Għadni nirtogħod jiena u nikteb dan il-kliem. M’ażżardajtx ngħidlu biss kelma waħda lil Ġesu’. Is-saħħa fiżika naqsitni, u ħsibt li ma kontx ser nibqa’ ħajja sat-tmiem tal-konferenza. L-għada, erġajt rajt l-istess ħaġa, bħalma kont rajtha l-ewwel darba, u din id-darba ażżardajt inlissen dan il-kliem: “Ġesu’, kemm hi kbira l-ħniena Tiegħek!

 

Fit-tielet jum, dik il-ħarsa ta’ tjubija kbira lejn is-sorijiet kollha, minbarra dawk it-tlieta reġgħet tenniet ruħha. Għamilt il-kuraġġ, li ġab il-qawwa tiegħu mill-imħabba tal-proxxmu, u għidt lill-Mulej, “Int, li Inti l-istess Ħniena, bħalma għidtli Inti stess, nitolbok bil-ħerqa, biex is-saħħa tal-ħniena Tiegħek, tħares bit-tjubija lejn dawn it-tliet sorijiet ukoll. U jekk dan ma jaqbilx mal-Għerf Tigeħek, qiegħda nitolbok din il-bidla: dawwar lejhom il-ħarsa ħanina li Int għandek għar-ruħ tiegħi, u ħalli l-ħarsa severa Tiegħek lejn dawk l-erwieħ iddur lejja. “Ġesu’ mbagħad qalli dan il-kliem: Binti, għall-imħabba sinċiera u ġeneruża tiegħek, Jiena nagħtihom ħafna grazzji għalkemm huma mhumiex jitolbuhomli. Imma Jiena qed nagħmlu dan minħabba l-wegħda li għamiltlek. U f’dak il-waqt Huwa dawwar ħarsa ħanina wkoll lejn dawn it-tliet sorijiet. Qalbi qabżet bil-ferħ meta rajt it-tjubija ta’ Alla.

 

 

384.                 Meta jiena bqajt għall-adorazzjoni mid-disgħa sal-għaxra, erba’ sorijiet oħrajn baqgħu wkoll. Meta rsaqt lejn l-altar u bdejt nimmedita fuq l-passjoni tal-Mulej Ġesu’, uġigħ terribli f’daqqa waħda mlieli ruħi minħabba l-ingratitudni ta’ ħafna erwieħ li qed jgħixu fid-dinja; imma dak li kkawżali uġigħ speċjali kien l-ingratitudni ta’ erwieħ magħżulin b’mod speċjali minn Alla. M’hemm l-ebda idea jew xebh (li jista’ jiddeskriviha). Meta rajt din l-ingratitudni mill-iktar kiefra, ħassejt bħallikieku qalbi ġiet imċarrta beraħ; saħħti naqsitni għal kollox, u waqajt fuq wiċċi, u ma ppruvajtx naħbi l-għajjat tiegħi. Kull darba li bdejt naħseb fuq il-ħniena kbira ta’ Alla u l-ingratitudni tal-erwieħ, l-uġigħ nifidli qalbi, u fhimt kif din il-ħaġa kienet qiegħda tidrob il-Qalb l-iżjed ħelwa ta’ Ġesu’. B’qalbi taqbad ġeddidt l-att tiegħi ta’ offerta tiegħi nnifsi għall-midinbin.

 

 

385.                 B’ferħ u xenqa għaffast ma’ xufftejja l-imrar tat-tazza li jiena nirċievi kuljum fil-Quddiesa. Dan huwa s-sehem li Ġesu’ tani għal kull waqt, u ma nċedih lil ħadd. Sejra nfarraġ il-Qalb l-aktar ħelwa Ewkaristika l-ħin kollu u ndoqq melodiji armonjużi fuq il-kordi ta’qalbi. It-tbatija hija l-melodija l-aktar armonjuża minnhom kollha. Sejra nfittex bir-reqqa dak li jferraħlek lil Qalbek illum!

 

Il-ġranet ta’ ħajti m’humiex monotoni. Meta sħab iswed jiksi x-xemx, jiena nħabbat wiċċi mal-mewġ bħall-ajkla u ngħarraf lill-oħrajn li x-xemx mhijiex se tmut.

 

 

386.                 Nħoss li Alla ser iħallini niġbed daqsxejn il-velijiet (tas-sema) sabiex l-art ma tiddubitax mit-tjubija Tiegħu. Alla mhux suġġett għall-eklissi jew għall-bidla. Huwa l-istess għal dejjem; xejn ma jista’ jeħodha kontra r-rieda Tiegħu. Nħoss ġewwa fija qawwa li hija ikbar minn dik ta’ bniedem. Nħoss kuraġġ u saħħa, grazzi għall-grazzja li tgħammar ġewwa fija. Nifhem lil dawk l-erwieħ li qegħdin ibatu kontra kull tama, għax jiena wkoll għaddejt minn dak in-nar. Imma Alla m’hu ser jagħtina (xejn) li ma nifilħux għalih. Spiss kelli ngħix nittama kontra kull tama, u mexxejt it-tama tiegħi ‘l quddiem sakemm saret fiduċja sħiħa f’Alla. Jalla jiġrili dak li Huwa ordna sa minn dejjem.

 

 

Prinċipju ġenerali

 

387.                 Tkun ħaġa tassew kerha li reliġjuża tfittex serħan mit-tbatija.

 

 

388.                 Araw x’bidla wettqu l-grazzja u r-riflessjoni fl-ikbar kriminal. Dan li qed imut għandu ħafna mħabba: “Ftakar fija meta tkun fil-ġenna.” Indiema sinċiera tbiddel minnufih ir-ruħ. Il-ħajja spirtwali rridu ngħixuha bil-qalb u bis-sinċerita’.

 

 

389.                 L-imħabba trid tkun reċiproka. Ladarba Ġesu’ daq il-milja tal-imrar għalija, mela jiena, l-għarusa Tiegħu, naċċetta l-imrar kollu bħala prova ta’ mħabbti għalih.

 

 

390.                 Min jaf kif għandu jaħfer ikun qed iħejji għalih innifsu ħafna grazzji mingħand Alla. Daqskemm –il darba jiena nħares lejn is-Salib, daqshekk ieħor jiena naħfer b’qalbi kollha.

 

 

391.                 Permezz tal-Magħmudija, aħna dħalna f’għaqda ma’ erwieħ oħrajn. Il-mewt tissikka r-rabtiet tal-imħabba. Jiena dejjem għandi nkun ta’ għajuna għall-oħrajn. Jekk inkun reliġjuża tajba, inkun ta’ siwi, mhux biss għall-Ordni, imma għall-pajjiż kollu wkoll.

 

 

392.                 Il-Mulej Alla jagħti l-grazzji Tiegħu b’żewġ modi: permezz ta’ ispirazzjoni u permezz ta’ dawl. Jekk nitolbu lil Alla jagħtina grazzja, Huwa jagħtihielna; imma ejjew inkunu lesti naċċettawha. U biex inkunu nistgħu naċċettawha, hemm bżonn iċ-ċaħda. L-imħabba ma tikkonsistix fi kliem jew emozzjoni, imma f’azzjonijiet. Hija att tar-rieda; hija don; jiġifieri, għotja. Ir-raġuni, ir-rieda, il-qalb – dawn it-tliet fakultajiet irridu neżerċitawhom waqt it-talb. Jiena ser nirxoxta mill-mewt ta’ Ġesu’, imma l-ewwel irrid ngħix fih. Jekk ma ninfiridix mis-Salib, imbagħad l-evanġelju jiġi rivelat fija. Ġesu’ fija jagħmel tajjeb Hu għan-nuqqasijiet kollha tiegħi. Il-grazzja Tiegħu taħdem mingħajr waqfien. Is-Santissma Trinita’ tagħtini l-ħajja tagħha bl-abbaundanza, permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu. It-tliet Persuni Divini jgħixu ġewwa fija. Meta Alla jħobb, Huwa jħobb b’kulma Hu, bis-saħħa Tiegħu kollha. Jekk Alla ħabbni b’dan il-mod, kif għandi nwieġeb jiena – jiena, l-għarusa Tiegħu?

 

 

393.                 Waqt konferenza, Ġesu’ qalli, Int għenba ħelwa f’għanqud magħżula; Jiena rrid li l-oħrajn jieħdu ftit mil-meraq li għaddej jiġri ġewwa fik.

 

 

394.                 Waqt it-tiġdid tal-voti (nota91) rajt lil Mulej Ġesu’ fuq in-naħa tal-lemin (tal-altar), liebes libsa bajda biċ-ċintorin tad-deheb u f’idejh xabla terribli. Din il-ħaġa damet sal-waqt meta is-sorijiet bdew iġeddu l-voti tagħhom. Imbagħad rajt dija li bħalha m’hawnx u, quddiem din id-dija, sħaba bajda f’forma ta’ miżien. Imbagħad Ġesu’ resaq u poġġa x-xabla fuq naħa waħda tal-miżien, u dan niżel b’salt lejn l-art sakemm kien kważi ser imiss l-art. Propju dak il-ħin, is-sorijiet spiċċaw iġeddu l-voti tagħhom. Imbagħad rajt lill-Anġli li ħadu xi ħaġa minn kull soru u poġġewha ġo reċipjent tad-deheb li kien qisu f’forma ta’ ċensier. Meta ġabruh mingħand is-sorijiet kollha u poġġew ir-reċipjent fuq in-naħa l-oħra tal-miżien, immedjatament dan kien itqal u reġa’ tella’ ‘l fuq in-naħa fejn kienet tpoġġiet ix-xabla. F’dak il-waqt ħarġet fjamma miċ-ċensier, u waslet sad-dija. Imbagħad smajt vuċi ġejja mid-dija: Erġa’ poġġi x-xabla f’psotha; is-sagrifiċċju hu ikbar. Imbagħad Ġesu’ tana l-barka Tiegħu, u kulma kont rajt għeb min quddiemi. Is-sorijiet kienu diġa’ bdew jitqarbnu. Meta tqarbint, ruħi mtliet b’ferħ hekk kbir li ma nafx niddeskrivih.

 

 

395.                 15 (ta’ Frar) 1935. Żjara ta’ ftit jiem fid-dar tal-ġenituri tiegħi (nota92) biex nara lil ommi li kienet qiegħda tmut.

 

Meta sirt naf li ommi kienet marida serjament u qrib il-mewt, u li kienet talbet li jiena mmur id-dar, għax riedet tarani darba oħra qabel ma tmut, ħafna emozzjonijiet tqanqlu f’qalbi. Bħala tifla li sinċerament tħobb lil ommha, xtaqt ħafna li naqtagħlha xewqitha. Imma ħallejt din il-ħaġa f’idejn Alla u rrasenjajt ruħi għal-kollox għar-rieda Tiegħu. Obdejt ir-rieda ta’ Alla u ma tajtx kas tal-uġigħ li kelli f’qalbi. Fil-ġurnata tal-festa ta’ ismi, filgħodu, fil-15 ta’ Frar, il-Madre Superjura tatni l-permess li mmur id-dar tal-ġenituri sabiex naqta’ x-xewqa u t-talba ta’ ommi qiegħda tmut. Mill-ewwel bdejt nagħmel it-tħejjijiet meħtieġa għall-vjaġġ u tlaqt minn Vilnius filgħaxija. Offrejt il-lejl kollu għal ommi marida serjament, sabiex Alla jagħtiha l-grazzja li ma titlef xejn mill-merti tat-tbatija tagħha.

 

 

396.                 In-nies li ltqajt magħhom waqt il-vjaġġ tiegħi kienu qalbhom tajba ħafna; xi nies tas-Soldalita’ ta’ Marija kienu fl-istess kompartiment tiegħi. Ħassejt li waħda minnhom kienet qiedgħa tbati ħafna u kienet qiedgħa tiġġieled battalja diffiċli f’ruħha. Bdejt nitlob fl-ispirtu għal din ir-ruħ. Fil-ħdax dawn in-nisa marru f’kompartiment ieħor sabiex joqgħodu jpaċpċu u ħallewna t-tnejn li aħna waħedna fil-vagun. Stajt  inħoss li t-talb tiegħi kien qed iġiegħel it-taqbida ta’ din ir-ruħ issir iktar qalila. Ma farraġthiex, imma tlabt iktar u iktar bil-ħerqa. Sa fl-aħħar, din il-mara daret lejja u staqsietni jekk keintx obbligata żżomm ċerta wegħda li kienet għamlet lil Alla. F’dak il-waqt, jiena rċevejt għarfien intern tal-wegħda u weġibt: “Int obbligata assolutament li żżommha, inkella inti ser tkun imsejkna għall-bqija ta’ ħajtek. Dan il-ħsieb jibqa’ jiġri warajk kullimkien u ma jħallilekx paċi.” Stagħġbet bit-tweġiba tiegħi u fetħet qalbha miegħi.

 

Hija kienet għalliema. Meta kienet ser tagħmel l-eżamijiet, kienet wiegħdet lil Alla li, jekk tmur tajjeb fl-eżamijiet kienet ser tiddedika ruħha għas-servizz Tiegħu; jiġifieri, tidħol f’kongregazzjoni reliġjuża. Għaddiet mill-eżamijiet tagħha tajjeb ħafna. “Imma,” hija qalet: “meta dħalt fil-ħajja tad-dinja marritli x-xewqa li nidħol f’kunvent. Imma il-kuxjenza tiegħi ma ħallitniex fil-paċi, u minkejja d-divertiment dejjem qalbi sewda.”

 

Wara konverżazzjoni twila, inbidlet għal kollox u qaltli li kient ser tara x’tagħmel minnufih sabiex tidħol f’kunvent. Talbitni nitlob għaliha, u ħassejt li Alla kien ser ikun ġeneruż bil-grazzja Tiegħu.

 

 

397.                 Dak in-nhar fil-għodu wasalt Varsavja, u fit-tmienja ta’ filgħaxija diġa’ kont id-dar. Kemm ferħ għall-ġenituri tiegħi u għall-familja kollha! Diffiċli tiddeskrivih. Saħħet ommi kienet ġiet ftit għall-aħjar, imma t-tabib ma taha l-ebda tama ta’ fejqan sħiħ. Wara li fraħna b’xulxin, inżilna għarkobbtejna nirringrazzjaw lil Alla għall-grazzja li stajna għal darb’oħra f’din il-ħajja nerġgħu nkunu flimkien.

 

 

398.                 Meta rajt kif kien qiegħed jitlob missieri, ħassejtni tassew nistħi li, wara daqshekk snin fil-kunvent, jiena ma kontx kapaċi nitlob b’sinċerita’ u b’ħeġġa bħalu. U għalhekk jiena qatt ma nieqaf nirringrazzja lil Alla għall-ġenituri bħal dawn.

 

 

399.                 Kif kien inbidel kollox matul dawk l-għaxar snin, ma stajt nagħraf xejn! Il-ġnien kien hekk ċkejken, u issa ma stajtx nagħrfu. Ħuti, subien u bniet, kienu għadhom tfal, u issa kollha kienu kibru. Stagħġibt għax ma sibthomx bħalma kienu meta kont tlaqthom. Stanley ġie miegħi l-knisja kuljum. Ħassejt li hu kien jogħġob ħafna lil Alla.

 

 

400.                 Fl-aħħar ġurnata, meta kulħadd kien telaq mill-knisja, jiena mort flimkien miegħu quddiem is-Sagrament Imqaddes, u flimkien tlabna it-Te Deum. Wara waqt ta’ skiet, offrejt ruħu lill-Qalb l-iżjed Ħelwa ta’ Ġesu’. Kemm kien faċli titlob f’dik il-knisja ċkejkna! Ftakart fil-grazzji kollha li kont irċevejt hemmhekk, u li f’dak iż-żmien jiena ma kontx fhimthom u spiss kont abbużajt minnhom. Stagħġibt kif stajt inkun għamja daqshekk. U waqt li b’dan il-mod kien qed jiddispjaċini li kont daqshekk għamja, f’daqqa waħda rajt lill-Mulej Ġesu’, jiddi bi sbuħija li m’hemmx kliem għaliha, u qalli bi tjubija, Magħżula tiegħi, Jiena ser nagħtik grazzji ikbar sabiex inti tista’ tkun xhieda tal-ħniena bla qies Tiegħi tul l-eternita’ kollha.

 

 

401.                 Il-ġranet id-dar għaddew ma’ ħafna kumpanija, għax kulħadd ried jarani u jkellimni. Spiss stajt ngħodd sa ħamsa u għoxin persuni hemm. Qagħdu jisimgħu b’interess kbir l-istejjer tiegħi tal-ħajjiet tal-qaddisin. Deherli li d-dar tagħna kienet tassew id-dar ta’ Alla, għax kuljum filgħaxija konna nitkellmu biss fuq Alla. Meta kont ngħajja nitkellem u, mxenqa għas-solitudini u s-skiet, kont nispiċċa bil-kwiet fil-ġnien filgħaxija, sabiex inkun nista’ nikkomunika ma’ Alla waħdi; wkoll f’din il-ħaġa ma kienx jirnexxili; ħuti kienu jiġu u joħduni minnufih id-dar, u għal darb’oħra, kelli nitkellem, b’dawk l-għajnejn kollha msammrin fuqi. Imma ġietni ideja kif seta’ jkolli ftit nifs; tlabt lil ħuti s-subien ikantawli; għax kellhom vuċijiet tajbin; u, minbarra dan, wieħed kien idoqq il-vjolin u l-ieħor il-mandolina. U matul dan il-ħin stajt ningħata għal talb intern mingħajr ma naħrab il-kumpanija tagħhom.

 

Ħaġa oħra li swietli ħafna kienet li jkolli nbus it-tfal. In-nisa li kont naf ġew bit-tfal tagħhom u talbuni neħodhom f’dirgħajja, għallinqas għal waqt wieħed, u nbushom. Għalihom dan kien favur kbir, u għalija kien ċans li nipprattika l-virtu’, għax ħafna mit-tfal kienu maħmuġin mhux ħażin. Imma biex nirbaħ lili nnifsi ma nuri l-ebda stmerrija, lit-tfal maħmuġin kont inbushom darbtejn. Waħda minn dawn il-ħbieb ġiet b’tifel li kellu għajnejh morda u mimlijin materja. U qaltli: “Sor, ħudu f’dirgħajk għal mument, jekk jogħġbok.” In-natura tiegħi inġibdet lura, imma ma tajt kas ta’ xejn, ħadt it-tifel u bistu darbtejn preċiż fuq l-infezzjoni., waqt li tlabt lil Alla jfejqu.

 

Kelli ħafna opportunajiet nipprattika l-virtu’. Qgħadt nisma’ n-nies iferrgħu dak li kien qed idejjaqhom, u stajt nara li ma kienx hemm il-ferħ fl-ebda qalb, għax l-ebda qalb ma kienet tassew tħobb lil Alla; u ma stagħġibtx xejn b’din il-ħaġa. Iddispjaċini ħafna għax ma rajtx tnejn minn ħuti l-bniet. Ġo fija ħassejt li r-ruħ tagħhom kienet f’periklu kbir. Uġigħ kbir għafas fuq qalbi malli ħsibt fihom. Darba, meta ħassejtni qrib ħafna ta’ Alla, tlabt il-Mulej bil-ħerqa jagħtihom il-grazzja, u l-Mulej weġibni, Jiena qed nagħtihom mhux biss il-grazzji li għandhom bżonn, imma grazzji speċjali wkoll. Jiena fhimt li l-Mulej kien ser isejħilhom għal għaqda ikbar miegħu. Nifraħ ħafna li hemm imħabba hekk kbira ssaltan fil-familja tagħna.

 

 

402.                 Filwaqt li kont qiegħda nsellem lill-ġenituri tiegħi qabel tlaqt u tlabthom il-barka tagħhom, ħassejt il-qawwa tal-grazzja ta’ Alla qiegħda tiġi mferrgħa fuq ruħi. Missieri, ommi u l-parrina tiegħi berkuni bid-dmugħ f’għajnejhom, xtaquli l-ikbar fedelta’ lejn il-grazzji ta’ Alla, u talbuni ma ninsa qatt kemm kien tani grazzji Alla meta sejjaħli għall-ħajja reliġjuża. Tlabuni nitlob għalihom. Għalkemm kulħadd kien qed jibki, lanqas demgħa waħda ma qabżitli; ppruvajt inkun kuraġġuża u farraġthom mill-aħjar li stajt, u fakkarthom fil-ġenna fejn ma jkun hemm l-ebda firda oħra. Stanley ġie miegħi sal-karozza. Għidtlu kemm Alla jħobb lill-erwieħ safja u assigurajtu li Alla kien sodisfatt bih. Filwaqt li kont qiegħda ngħidlu fuq it-tjubija ta’ Alla u kemm jaħseb fina, nfaqa’ jibki bħal tarbija, u ma stagħġibt xejn b’dan, għax din kienet ruħ safja, u bħala tali. Setgħet aktar tagħraf lil Alla.

 

 

403.                 Meta kont fil-karozza, ħallejt lil qalbi tizvoga, u jiena wkoll bkejt bħal tarbija, bil-ferħ li Alla kien qed jagħti lill-familja tagħna, ħafna grazzji, u ntlift f’talba ta’ radd il-ħajr.

 

Sa filgħaxija diġa’ kont Varsavja. L-ewwelnett sellimt lill-Mulej tad-dar (Ġesu’ fl-Ewkaristija), u mbagħad mort insellem lill-Komunita’ kollha.

 

 

404.                 X’ħin dħalt fil-kappella biex insellem lill-Mulej qabel ma rtitrajt bil-lejl, u tlabtu skuża li ftit li xejn kont kellimtu meta kont id-dar, smajt leħen ġewwa ruħi, Jiena kuntent ħafna li inti ma kellimtnix, imma kont qiegħda tgħarraf lill-erwieħ bit-tjubija Tiegħi u tħeġġiġhom biex iħobbuni.

 

 

405.                 Il-Madre Superjura (Mary Joseph) qaltli, “aħna t-tnejn se mmorru Jozefinek għada, Sor, u jkollok ċans titkellem mal-Madre Ġenerali (Michael)”. Fraħt ħafna. Il-Madre Ġenerali kienet bħas-soltu, mimlija tjubija, paċi u l-Ispirtu ta’ Alla. Domt nitkellem magħha. Attendejna l-funzjoni ta’ wara nofs in-nhar. Tkantat il-Litanija tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’. Il-Mulej Ġesu’ kien sepost fl-ostensorju.

 

 

406.                 Ftit wara, rajt liċ-ċkejken Ġesu’, li ħareġ minn ġo l-Otja u qagħad jistrieħ f’idejja. Dan kollu dam mument; ferħ tabilħaqq kbir imlieli ruħi. It-tfajjel Ġesu’ deher l-istess bħalma kien meta dħalna fil-Kappella mal-Madre Superjura – id-Direttriċi li kelli qabel, Mary Joseph. L-għada kont diġa’ mort lura fil-maħbuba Vilnius tiegħi.

 

 

407.                 Kemm ħassejtni ferħana li kont erġajt lura fil-kunvent tagħna! Ħassejtni qisni kont dieħla l-kunvent it-tieni darba. Ħadt pjaċir il-ħin kollu bis-skiet u l-paċi li fih ir-ruħ tista’ hekk bil-ħeffa tintilef f’Alla, megħjuna minn kulħadd mingħajr ma jfixkilha.

 

 

Ir-Randan il-Kbir

 

408.                 Meta nintilef fil-Passjoni tal-Mulej, ta’ spiss nara l-Mulej Ġesu’, waqt l-adorazzjoni b’dan il-mod: wara l-flaġellazzjoni, dawk li kienu qedgħin jittorturaw il-Mulej ħaduh u neżżgħulu l-libsa Tiegħu stess, li kienet diġa’ weħlet mal-feriti Tiegħu; imbagħad, tefgħu l-mantell aħmar maħmuġ u mqatta’ fuq il-feriti miftuħin tal-Mulej. Il-mantell, f’xi postijiet, bil-kemm laħaq sa rkobbtejh. Ġielgħuh ipoġġi bil-qiegħda fuq biċċa travu. U mbagħad nisġu kuruna tax-xewk, li poġġewha fuq ir-ras qaddisa Tiegħu. Tawh qasba f’idu u bdew jgħadduh biż-żmien jitbaxxew quddiemu bħallikieku quddiem re. Xi wħud beżqulu f’wiċċu, filwaqt li oħrajn ħadulu l-qasba u tawh biha fuq rasu. Oħrajn weġġgħuh billi bdew jagħtuh daqqiet; oħrajn għattewlu wiċċu u bdew jagħtuh bil-ponnijiet. Ġesu’ ssaporta dan kollu bil-manswetudni. Min jista’ jifhmu – jifhem it-tbatijiet Tiegħu? Għajnejn Ġesu’ kienu qedgħin iħarsu ‘l isfel. Ħassejt x’kien qed jiġri fil-Qalb l-iżjed ħelwa ta’ Ġesu’ f’dak il-ħin. Kull ruħ għandha tirrifletti x’kien qed ibati Ġesu’ f’dak il-waqt. Huma ppruvaw jimpikaw ma’ xulxin fl-insulti tagħhom lill-Mulej. Jiena qgħadt naħseb: Min fejn tiġi malizzja bħal din fil-bniedem? Il-kawża tagħha hi d-dnub. L-imħabba u d-dnub iltaqgħu.

 

 

409.                 Meta kont qiegħda nattendi għall-Quddiesa f’ċerta knisja flimkien ma’ soru oħra, ħassejt il-kobor u l-majesta’ ta’ Alla; ħassejt il-knisja mimlijin b’Alla. Il-majesta’ Tiegħu daret madwari, u għalkemm werwritni, imlietni bil-paċi u bil-ferħ. Kont naf li xejn ma seta’ jeħodha kontra r-rieda Tiegħu. Li kieku l-erwieħ kollha kienu jafu min hemm jgħix fil-knejjes tagħna, ma kienx ikun hemm daqshekk insulti u daqshekk nuqqas ta’ rispett f’dawn il-postijiet qaddisa!

 

 

410.                 O Mħabba eterna u li ħadd ma jista’ jifhimha, jiena nitolbok grazzja waħda: dawwalli moħħi bid-dawl li ġej minn fuq; għinni nagħraf u napprezza l-affarijiet kollha skont is-siwi tagħhom. Inħoss l-ikbar ferħ meta nsir naf il-verita’.

 

 

411.                 21 ta’ Marzu 1935. Spiss, waqt il-Quddiesa, nara lill-Mulej ġewwa ruħi; nħoss il-preżenza Tiegħu li timlieni kollni kemm jiena. Nħoss il-ħarsa divina Tiegħu; nitkellem Miegħu fit-tul mingħajr ma nlissen kelma; naf dak li tixtieq il-Qalb divina Tiegħu, u nagħmel dejjem dak li Lilu jogħġbu l-iktar. Jiena nħobbu bi mħabba tal-ġenn, u nħossni maħbuba minn Alla. F’dawk il-waqtiet meta jiena niltaqa’ ma’ Alla fil-qiegħ ta’ l-esseri tiegħi, inħossni hekk ferħana li ma nkunx naf kif infisser dan il-ferħ. Dawn il-waqtiet ikunu qosra, għax ir-ruħ ma tkunx tiflaħ għal-ħaġa bħal din fit-tul, għax il-firda mill-ġisem issir inevitabbli. Għalkemm dawn il-waqtiet ikunu qosra ħafna, il-qawwa tagħhom, li tiġi mgħoddija lir-ruħ tibqa’ magħha għal żmien twil ħafna. Bla ebda sforz, jiena jkolli esperjenza tal-ġabra profonda li mbagħad tiksini – u din ma tonqosx ukoll meta jiena nitkellem man-nies, lanqas ma tfikilni fit-twettiq tad-doveri tiegħi. Nħoss il-preżenza dejjiema ta’ Alla bla ebda sforz minn ruħi. Naf li jiena maqgħuda Miegħu mill-qrib bħalma qatra ilma hi magħquda mal-oċejan bla qiegħ.

 

Il-Ħamis li għadda, lejn it-tmiem tat-talb tiegħi, ħassejt din il-grazzja, li damet għal żmien twil mhux tas-soltu, għax kien il-ħin kollu tal-Quddiesa, li ħsibtni ser immut bil-ferħ. F’ħinijiet bħal dawn nintebaħ aktar bl-għarfien tiegħi ta’ Alla u tal-attributi Tiegħu, u nsir naf ukoll lili nnifsi u l-miżerja tiegħi ħafna aħjar. Nistagħġeb kemm il-Mulej verament jiċċekken lejn ruħ miżerabbli bħal tiegħi. Wara l-Quddiesa, ħassejtni kollni kemm jiena mitlufa f’Alla u għadni konxja minn kull ħarsa Tiegħu fil-profondita’ ta’ qalbi. Madwar nofs in-nhar dħalt fil-kappella għal waqt wieħed, u għal darb’ oħra l-qawwa tal-grazzja laqtitli qalbi. Waqt li bqajt fi stat ta’ ġabra, Satana qabad qasrija u bir-rabja tefagħha mal-art b’saħħtu kollha. Rajt ir-rabja u l-għira tiegħu kollha.

 

 

412.                 Ma kien hemm ħadd fil-kappella, għalhekk qomt niġbor il-biċċiet tal-qasrija, erġajt poġġejt il-fjura fil-ħamrija u ppruvajt nagħmel dan kollu qabel ma jasal xi ħadd. Imma ma rrnexxilix, għax il-Madre Superjura (Borgia) daħlet dak il-ħin flimkien mas-soru sagristana (nota93) u xi sorijiet oħrajn. Il-Madre Superjura baqgħet mistagħġba li jiena kont qiegħda mmiss xi ħaġa li kienet fuq l-altar u b’dan il-mod jiena waqqajt il-qasrija. Is-soru sagristana wriet li ma ħaditx gost, u jien għamilt mill-aħjar biex ma nagħti l-ebda spjegazzjoni jew niskuża lili nnifsi. Imma filgħaxija ħassejtni għajjiena ħafna u ma stajtx nagħmel is-siegħa tiegħi tal-Adorazzjoni, għalhekk tlabt lill-Madre Superjura tħallini mmur norqod kmieni. Irqadt malli mteddejt, imma f’xi l-ħdax Satana ċaqlaqli s-sodda. Mill-ewwel qomt u bdjet nitlob bil-paċi kollha lill-Anġlu Kustodju tiegħi. Imbagħad rajt lill-erwieħ li kienu qedgħin  jagħmlu penitenza fil-Purgatorju. Huma dehru qishom dellijiet, u fosthom rajt ħafna demonji. Wieħed minnhom ipprova jdejjaqni; ħa forma ta’ qattus u beda jixteħet fuq is-sodda tiegħi u fuq saqajja, u kien tqil mhux ħażin, daqslikieku kien (jiżen) tunnellata.

 

Il-ħin kollu bqajt ngħid ir-Rużarju, u lejn iż-żerniq dawn l-ispirti għebu, u rnexxieli norqod xi ftit. X’ħin dħalt fil-kappella filgħodu smajt vuċi ġewwa ruħi, Int tinsab maqgħuda Miegħi; tibża’ xejn. Imma kun af, binti, li Satana jobgħodok; huwa jobgħod kull ruħ, imma għandu mibegħda taqbad b’mod speċjali għalik għax inti ħtaftlu tant erwieħ mis-saltna tiegħu.

 

 

413.                 Dal-għodu smajt dan il-kliem: Mil-lum sa (ċ-ċelebrazzjoni) tal-Qawmien, inti m’intix ser tħoss il-preżenza Tiegħi, imma ruħek tkun mimlija b’xenqa kbira. U minnufih xewqa kbira mlietli ruħi; ħassejt firda minn Ġesu’ l-maħbub tiegħi, u meta wasal il-waqt tat-Tqarbin, rajt il-Wiċċ ta’ Ġesu’ fit-tbatija f’kull Ostja (li kien hemm) fil-pissidi. Minn dak il-waqt, jiena ħassejt xenqa iktar qawwija f’qalbi.

 

 

414.                 Fil-Ġimgħa il-Kbira, fit-tlieta ta’ wara nofs in-nhar, meta dħalt fil-kappella smajt dan il-kliem: Jiena nixtieq li x-xbieha Tiegħi tiġi meqjuma fil-pubbliku. Imbagħad rajt lill-Mulej Ġesu’ qiegħed imut fuq is-Salib fost tbatija kbira, u mill-Qalb ta’ Ġesu’ kienu ħerġin l-istess żewġ raġġi li hemm fix-xbieha.

 

 

415.                 Is-sibt. Waqt il-Għasar rajt lill-Mulej Ġesu’ jiddi bħax-xemx, liebes libsa tiddi, u Huwa qalli, Jalla qalbek tifraħ. U ferħ kbir fawwarni, u l-preżenza ta’ Alla nifditni; u dan għar-ruħ, hu teżor li ma tistax tiddeskrivih bil-kliem.

 

 

416.                 Meta x-xbieha ġiet sponuta, (nota94) jiena f’daqqa waħda rajt ċaqliqa ta’ id Ġesu’, Hu u jagħmel sinjal kbir tas-salib. Filgħaxija fl-istess ġurnata, meta mort norqod jiena rajt ix-xbieha miexja fuq il-belt, u l-belt kienet miksija b’xi ħaġa li f’għajnejja dehret qisha kannizzata u xbiek. Ġesu’ Hu u għaddej qatta’ x-xbiek kollha u fl-aħħarnet għamel sinjal kbir tas-salib u ma deherx aktar. Rajt madwari ħafna figuri malizzjużi jaqbdu bin-nar tal-mibgħeda li kellhom għalija. Minn fommhom kien ħiereġ ħafna theddid, imma l-ebda waħda minnhom ma laqtitni. Mument wara, din id-dehra għebet, imma bqajt għal żmien twil ma nistax norqod.

 

 

417.                 26 (ta’ April). Il-Ġimgħa, meta kont Ostra Brama sabiex nattendi ċ-ċerimonja meta kellhom juru x-xbieha, smajt priedka mill-konfessur tiegħi (Dun Sopocko). Din il-priedka fuq l-Ħniena Divina kienet l-ewwel waħda mill-affarijiet li Ġesu’ kien ilu jitlob għal żmien twil. Meta s-saċerdot beda jitkellem fuq il-ħniena kbira tal-Mulej, ix-xbieha ħadet il-ħajja u r-raġġi nifdu l-qlub tan-nies li kienu jinsabu miġburin hemmhekk, imma mhux kollha bl-istess mod. Xi wħud irċevew iktar, xi wħud inqas. Ferħ kbir imlieli ruħi meta jiena rajt il-grazzja ta’ Alla. Imbagħad smajt il-kliem, Int xhud tal-ħniena Tiegħi. Inti għad trid toqgħod quddiem it-tron Tiegħi għal dejjem bħala xhieda ħajja tal-ħniena Tiegħi.

 

 

418.                 Meta spiċċat il-priedka, ma qgħadtx nistenna li tispiċċa l-funzjoni, għax kont mgħaġġla biex nerġa lura d-dar. Malli kont imxejt ftit passi, kotra kbira ta’ demonji għalquli t-triq. Bdew jhedduni b’torturi terribli, u nstemgħu xi vuċijiet: “Ħtaftilna dak kollu li kien ilna naħdmu għalih ħafna snin! X’ħin jiena staqsejthom “Minn fejn ġejtu f’għadd hekk kbir?” l-ispirti ħżiena weġbuni: “Minn ġol-qlub tan-nies; tibqax tittorturana!”

 

 

419.                 X’ħin rajt x’mibgħeda kbira kellhom għalija, tlabt l-għajnuna minnufih mingħand l-Anġlu Kustodju tiegħi, u f’daqqa waħda dehert il-figura tiddi tal-Anġlu Kustodju tiegħi u qalli: “Tibżax, għarusa tal-Mulej tiegħi; mingħajr il-permess Tiegħu dawn l-ispirti ma jagħmlulek l-ebda ħsara.” F’daqqa waħda l-ispirti ħżiena għebu, u l-Anġlu Kustodju akkumpanjani bil-fedelta’, b’mod li jidher, preċiż sad-dar stess. Ħarstu kienet mimlija modestja u paċi, u fjamma nar kienet qiegħda taqbad fuq ġbinu.

 

O Ġesu’ tiegħi, nixtieq naħdem  u nistinka u nbati ħajti kollha għal dak il-waqt wieħed meta jiena rajt il-glorja Tiegħek, O Mulej, u nikseb ġid għall-erwieħ.

 

 

Il-Ħadd, 28 (ta’ April) 1935.

 

420.                 Il-Ħadd fuq l-Għid; jiġifieri l-Festa tal-Ħniena Divina, l-għeluq tal-Ġublew tal-Fidwa. Meta morna sabiex nieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet, qalbi bdiet taqbeż bil-ferħ meta rajt kif iż-żewġ solennitajiet kienu maqgħudin hekk mill-qrib. Tlabt lil Alla juri ħniena fuq l-erwieħ tal-midinbin. Lejn it-tmiem tal-funzjoni, meta s-saċerdot ħa s-Sagrament Imqaddes sabiex ibierek in-nies, jiena rajt lill-Mulej Ġesu’ bħalma Hu rappreżentat fix-xbieha. Il-Mulej tana l-barka Tiegħu, u r-raġġi nfirxu fuq id-dinja kollha. F’daqqa waħda, rajt dija impenetrabbli fis-sura ta’ għamara tal-kristall, minsuġa u maqgħuda flimkien b’mewġiet ta’ dija li la l-kreaturi lanqas l-ispirti ma setgħu jersqu lejha. Tliet bibien kienu jagħtu fuq din id-dija. F’dak il-waqt, Ġesu’, bħalma Hu rappreżentat fix-xbieha, daħal f’din id-dija permezz tat-tieni bieb għall-Għaqda waħda li kien hemm ġewwa. Din hija l-Għaqda ta’ tlieta flimkien ħadd ma jista’ jifhima – li hi bla tmiem. Smajt vuċi, Din il-festa ħarġet mill-profondita’ stess tal-ħniena Tiegħi, u hija mwettqa fil-profondita’ kbira tal-ħniena tenera Tiegħi. Kull ruħ li temmen u tafda fil-ħniena Tiegħi tiksibha. Ma nistax infisser x’ferħ ħassejt għat-tjubija bla qies u għall-kobor ta’ Alla tiegħi.

 

 

29  a’ April 1935

 

421.                 Lejliet l-eposżizzjoni tax-xbieha, jiena mort mal-Madre Superjura tagħna nżur il-konfessur tagħna (Dun Sopocko). Meta id-diskors waqa; fuq ix-xbieha, il-konfessur talab biex waħda mis-sorijiet tgħin sabiex tagħmel xi girlandi. Il-Madre Superjura wieġbet: “Swor Fawstina tgħin.” Ħadt pjaċir b’din il-ħaġa, u meta morna lura d-dar bdejt mill-ewwel inħejji xi pjanti ħodor, u ħadthom fil-post bl-għajnuna ta’ waħda mit-tfajliet tagħna. Pesruna oħra li taħdem fil-knisja, għenet ukoll. Sas-sebgħa ta’ filgħaxija dak in-nhar kollox kien lest, u x-xbieha kienet diġa’ mdendla f’postha. Imma xi nisa rawni hemmhekk, għax iktar minn għajnuna kont qiegħda ntellef, u l-għada huma staqsew lis-sorijiet x’kienet din ix-xbieha sabiħa u x’kienet tfisser. Żgur dawn is-sorijiet kienu jafu, (huma ħasbu) għax waħda minnhom kienet qiedgħa tgħin sabiex iżejnuha l-ġurnata ta’ qabel. Is-sorijiet stagħġbu mhux ftit għax ma kienux jafu xejn dwarha; kollha riedu jmorru jarawha u minnufih bdew jissospettaw fija. Huma qalu, “Swor Fawstina żgur taf kollox dwarha.”

 

Meta bdew jistaqsuni, bqajt siekta, għax ma stajtx ngħid il-verita’. Is-skiet tiegħi żiedilhom il-kurżita’, u jiena kelli noqgħod iktar għassa tiegħi nnifsi biex ma ngħidx gidba u biex ma ngħidx ukoll il-verita’, għax ma kellix permess (nagħmel dan). Imbagħad huma bdew juru d-dispjaċir tagħhom u ċanfruni bil-miftuħ. Qaluli, “Din kif inhi li l-barranin jafu b’din il-ħaġa u aħna ma nafu xejn?” Għaddew diversi ġudizzji fuqi. Għal tlett ijiem batejt ħafna, imma qawwa speċjali ħakmet lil ruħi. Kont kuntenta nsofri għal Alla u għall-erwieħ li rċevew il-ħniena divina f’dawn il-ġranet, jiena nqis bħallikieku xejn, l-ikbar tbatijiet u tħabrik, ukoll kieku kellhom ikomplu sejrin sal-aħħar tad-dinja; għax dawn għad jaslu fit-tmiem, fil-waqt li dawn l-erwieħ ġew salvati minn turmenti li m’għandhomx tmiem. Għalija kien ferħ kbir nara lill-oħrajn jerġgħu lura lejn il-għajn tal-ferħ, fi ħdan il-Ħniena Divina.

 

 

422.                 Meta rajt is-sagrifiċċju u l-isforzi ta’ Dun Sopocko għal din il-ħidma, ammirajt il-paċenzja u l-umilta’ tiegħu. Dan kollu sewa ħafna, mhux biss f’dik li hi ħidma u nkwiet ta’ kull xorta, imma wkoll f’dak li huma spejjes; u Dun Sopocko kien qed jieħu ħsieb l-ispejjes kollha. Jiena nista’ nara li l-Providenza Divina kienet ħejjietu sabiex huwa jagħmel dan ix-xogħol tal-ħniena qabel ma jiena tlabt lil Alla għal din il-ħaġa. Kemm huma misterjużi triqatek, Mulej Alla! U kemm huma beati l-erwieħ li jimxu wara s-sejħa tal-grazzja divina!

 

 

423.                 Faħħar, ruħ tiegħi, lill-Mulej għal kollox, u agħti glorja lill-ħniena Tiegħu, għax tjubitu m’għandhiex tmiem. Kollox għad jgħaddi, imma l-ħniena Tiegħu hija bla tarf u bla tmiem. Għalkemm il-ħażen għad jasal sat-tmiem tiegħu, il-ħniena hi bla tarf.

 

Mulej Alla tiegħi, wkoll fil-kastigi li Inti tibgħat fuq id-dinja, jiena nara l-abbiss tal-ħniena Tiegħek, għax meta Inti tikkastigana hawn fl-art Int teħlisna mill-kastig ta’ dejjem. Ifirħu, intom il-ħlejjaq kollha għax intom eqreb ta’ Alla fil-ħniena bla tarf Tiegħu milli hi tarbija lejn il-qalb ta’ ommha. Mulej Alla, Inti l-istess kumpassjoni għall-ikbar midinbin li jindmu b’qalbhom kollha. Iktar ma’ jkun kbir il-midneb, iktar għandu dritt għall-ħniena ta’ Alla.

 

 

F’xi waqt, 12 ta’ Mejju 1935.

 

424.                 Filgħaxija, bilkemm kont dħalt fis-sodda, irqadt minnfih. Għalkemm irqadt malajr, stenbaħt iktar malajr. Tifel ċkejken ġie u qajjimni. Qisu kellu sena, u stagħġibt li kien jaf jitkellem hekk tajjeb, għax tfal ta’ dik l-eta’ jew ma jkunux jitkellmu jew jitkellmu b’mod li ma tantx jiftiehem. It-tifel kellu sbuħija li ma tistax tiddeskriviha u kien jixbaħ lit-Tfajjel Ġesu’, u qalli, Ħares lejn is-sema. U meta ħarist lejn is-sema, rajt il-kwiekeb u l-qamar jiddu. Imbagħad it-tifel staqsieni, Qiegħda tara dan il-qamar u dawn il-kwiekeb? Meta għidtlu iva, huwa qalli dan il-kliem, Dawn il-kwiekeb huma l-erwieħ tal-insara fidili, u l-qamar hu l-erwieħ tar-reliġjużi. Qiegħda tara kemm hi kbira d-differenza bejn id-dawl tal-qamar u d-dawl tal-kwiekeb? Daqshekk hija d-differenza fil-ġenna bejn ruħ ta’ reliġjuż u ruħ ta’ nisrani fidil. (nota94a) U hu kompla jgħidli li, Il-kobor veru jinsab f’li tħobb lil Alla u fl-umilta.’

 

 

425.                  Imbagħad rajt ruħ tinfired minn ġisimha fost turmenti kbar. Mulej Ġesu’, filwaqt li sejra nikteb dan, nirtogħod x’ħin nara l-affarijiet orribli li jixhdu kontrieh... Jiena rajt l-erwieħ ta’ tfal ċkejknin u dawk ta’ etajiet ikbar, bejn wieħed u ieħor ta’ disa’ snin., ħerġin minn qiesu abbiss mimli tajn. L-erwieħ kienu maħmuġin u jdejquk tarahom, qishom mostri l-iktar terribli u iġsma mejtin qedgħin jitmermru. Imma dawn l-iġsma kienu għadhom ħajjin u kienu qedgħin jixhdu jgħajtu kontra r-ruħ tal-moribond. U r-ruħ li kont qiegħda nara tmut kienet mimlija bl-unuri u bl-aplaws tad-dinja, li kellu jispiċċa fix-xejn u fid-dnub. Fl-aħħar ħarġet mara li kellha xi ħaġa tixbah dmugħ fil-fardal tagħha, u hija tat xhieda qawwija ħafna kontrieh.

 

 

426.                 Siegħa tabilħaqq terribli,li fiha wieħed ikollu jara l-għemejjel tiegħu kollha fil-għera u fil-miżerja tagħhom; l-ebda wieħed minnhom ma jintilef, kollha kemm huma jakkumpanjawna sal-ġudizzju ta’ Alla. Ma nista' nsib l-ebda kliem jew tixbiħ biex infisser affarijiet terribli bħal dawn. U għalkemm lili jidhirli li din ir-ruħ ma ntilfitx, imma xorta waħda t-turmenti tagħha m’huma bl-ebda mod differenti mit-turmenti tal-infern; hemm biss din id-differenza: li xi darba għad jispiċċaw.

 

 

427.                 Mument wara, rġajt rajt it-tifel li kien qajjimmni. Kellu sbuħija li ssaħħarek u tennieli dan il-kliem, Il-kobor veru tar-ruħ jinsab f’li tħobb lil Alla u fl-umilta’. Jiena staqsejt lit-tifel. “Kif taf li l-kobor veru tar-ruħ jinsab f’li tħobb lil Alla u fl-umilta’? It-teoloġi biss jafu dwar dawn l-affarijiet u inti għandek lanqas biss tgħallimt il-katekiżu. Mela kif taf?” Għal dan il-kliem hu weġibni, Jiena naf; jiena naf kollox. U meta qal dan il-kliem, ma deherx aktar.

 

 

428.                 Imma ma stajtx norqod iżjed; moħħi għejja jaħseb fuq l-affarijiet li kont rajt. Intom, erwieħ tal-bnedmin, kemm ikun tard meta titgħallmu l-verita’! Int, abbiss tal-ħniena ta’ Alla, ferra’ lilek innifsek malajr kemm jista’ jkun fuq id-dinja kollha, skont ma għidt Inti stess.

 

 

Mejju, 1935. Waqt wieħed

 

429.                 Meta ntbaħt bil-pjanijiet kbar ta’ Alla għalija, bżajt mill-kobor tagħhom u ħassejtni x’aktarx minix kapaċi li nwettaqhom, u bdejt naħrab djalogu nterjuri Miegħu, u nimla l-ħin bit-talb vokali. Għamilt hekk minħabba l-umilta’, imma ma domtx ma ntbaħt li din ma kenitx umilta’ vera, imma aktarx tentazzjoni kbira tax-xitan. Meta darba minflok talb interjuri, qbadt ktieb ta’ qari spirtitwali, smajt dan il-kliem jingħad b’mod ċar u qawwi ġewwa ruħi, Inti għad tħejji d-dinja għall-miġja Tiegħi ta’ l-aħħar. Dan il-kliem qanqalni profondament, u għalkemm għamilt ta’ bir-ruħi li ma kontx qiegħda nismagħhom, fhimthom tajjeb ħafna u ma kelli l-ebda dubju dwarhom. Darba, għajjiena b’din il-battalja ta’ mħabba tiegħi ma’ Alla, bdejt inġib skużi l-ħin kollu minħabba l-fatt li ma kontx kapaċi nagħmel din il-biċċa xogħol, u ridt noħroġ mill-kappella, imma forza barranija żammitni hemm u sibt ruħi bla saħħa. Imbagħad smajt dan il-kliem, Int għandek f’moħħok li toħroġ mill-kappella, imma ma tistax taħrab minni, għax Jiena ninsab kullimkien. Waħdek int ma tistax tagħmel xejn, imma flimkien miegħi int tista; tagħmel kollox.

 

 

430.                 Meta, matul il-ġimgħa mort nara l-konfessur tiegħi (Dun Sopocko), u wrejtu l-istat ta’ ruħi, l-aktar il-fatt li kont qiegħda naħrab djalogu interjuri ma’ Alla, huwa qalli li ma kellix ninġibed lura mid-djalogu interjuri ma’ Alla, imma kelli noqgħod nisma’ bl-attenzjoni l-kliem li Huwa jgħidli.

 

 

431.                 Segwejt il-parir tal-konfessur tiegħi, u fl-ewwel laqgħa tiegħi mal-Mulej, inżilt f’riġlejn Ġesu’ u b’qalbi tassew imnikkta, tlabt skuża għal kollox. Imbagħad Ġesu’refgħani mill-art u qagħad bil-qiegħda maġenbi u ħallieni npoġġi rasi fuq sidru, sabiex inkun nista’ nifhem aħjar u nħoss ix-xewqat tal-Qalb l-iżjed ħelwa tiegħu. Imbagħad Huwa qalli dan il-kliem, Binti, tibża’ xejn; Jiena dejjem miegħek. L-għedewwa kollha tiegħek jagħmlulek ħsara biss sakemm Jiena nippermettilhom. Inti l-għamara Tiegħi u s-serħan Tiegħi l-ħin kollu. Minħabba fik Jiena niġbed lura l-id li tikkastiga; minħabba fik Jiena nbierek l-art.

 

 

432.                 F’dak l-istess waqt, ħassejt qisu nar f’qalbi. Inħoss is-sensi tiegħi jmutu u m’għandi l-ebda ideja x’inhu jiġri madwari. Inħoss il-ħarsa tal-Mulej tinfidni sa ġewwa nett. Jiena nagħraf tajjeb il-kobor Tiegħu u l-miżerja tiegħi. Tbatija starordinarja timlieli ruħi, flimkien ma’ ferħ li ma nista’ qatt nxebbħu ma’ xejn. Inħossni bla saħħa fit-tgħannieqa ta’ Alla. Inħossni li qiegħda ġewwa fih u qiegħda ninħall fih bħal ilma fl-oċejan. Ma nistax infisser dak li qed jiġri ġewwa fija; wara talb interjuri bħal dan, jien inħoss is-saħħa u l-qawwa li nipprattika l-iktar virtujiet diffiċli. Inħoss stmerrija għall-affarijiet kollha li d-dinja tistmahom. B’ruħi kollha jien nixtieq is-skiet u s-solitudni.

 

 

433.                 Mejju, 1935. Waqt il-kwranturi jiena rajt wiċċ il-Mulej Ġesu’ fl-Ostja Mqaddsa esposta fl-ostensorju. Ġesu’ kien qed iħares bi tjubija lejn kulħadd.

 

 

434.                 Spiss nara t-Tfajjel Ġesu’ waqt il-Quddiesa. Huwa mill-iktar sabiħ.  Donnu għandu xi sena. Darba, meta rajt l-istess Tifel waqt il-Quddiesa fil-kappella tagħna, qabditni xewqa qawwija u irreżestibbli nersaq lejn l-altar u naqbad lit-Tfajjel Ġesu’. F’dak il-ħin, it-Tfajjel Ġesu’ kien qiegħed bil-wieqfa maġenbi n-naħa tal-ġinokkjatur tiegħi, u beda jintefa' fuqi’ b’idejh żgħar fuq spallti, grazzjuż u ferħan, ħarstu profonda u tidħol ġo fik. Imma meta s-saċerdot qasam l-Ostja, Ġesu’ reġa’ kien għal darb’oħra fuq l-altar, u ġie maqsum u kkunsmat mis-saċerdot.

 

Wara t-Tqarbin,  jiena rajt lil Ġesu’ bl-istess mod ġewwa qalbi u ħassejtu fiżikament ġewwa qalbi l-ġurnata kollha. Mingħajr ma kont naf  kif, ġabra mill-iktar profonda mlietni, u ma għidtx l-ebda kelma lil ħadd. Bdejt naħrab lin-nies kemm stajt, dejjem inwieġeb mistoqsijiet dwar id-dmirijiet tiegħi, imma iktar minn hekk lanqas kelma waħda.

 

 

435.                 Jiena u miexja fil-ġnien filgħaxija smajt dan il-kliem: Bit-talb tiegħek, inti u sħabek sejrin tiksbu l-ħniena għalikom u għad-dinja. Jiena fhimt li ma kontx ser nibqa’ fil-Kongregazzjoni li qiegħda fiha fil-preżent (nota95). Rajt ċar li r-rieda ta’ Alla għalija kienet mod ieħor. Imma bqajt inġib l-iskużi quddiem Alla, u bqajt ngħidlu li ma kontx kapaċi nwettaq din il-biċċa xogħol. “Ġesu’, Inti taf tajjeb x’jiena” (jiena għidt), u bdejt nagħmel lista tad-dgħjufija tiegħi quddiem il-Mulej, nistaħba warajhom sabiex Huwa jaqbel miegħi li jiena ma kontx kapaċi nwettaq il-pjanijiet Tiegħu. Imbagħad jiena smajt dan il-kliem: Tibżax, Jiena stess nagħmel tajjeb għal dak kollu li hemm nieqes ġewwa fik. Imma dan il-kliem nifidini sa ġewwanett u għaraft aħjar il-miżerja tiegħi; u jiena fhimt li l-kelma tal-Mulej hi ħajja u li qiegħda tinfidni sa ġewwanett. Jiena fhimt lil Alla kien qiegħed jistenna mingħandi mod ta’ ħajja iktar perfetta. Imma jiena bqajt nuża l-inkompetenza tiegħi bħala skuża.

 

 

436.                 29 ta’Ġunju 1935. Meta kellimt lid-direttur spirtwali tiegħi (Dun Sopocko) dwar diversi affarijiet li l-Mulej kien qiegħed jitlob mingħandi, ħsibt li hu kien ser jgħidli li jiena minix kapaċi nwettaq dawk l-affarijiet kollha, u li l-Mulej Ġesu’ ma jużax erwieħ msejkna bħali għall-ħidmiet li Hu xtaq li jsiru. Imma smajt kliem (li kienu jfissru) li huma preċiżament erwieħ  bħal dawn lil Alla jagħzel l-iktar spiss biex iwettaq il-pjanijiet Tiegħu. Dan is-saċerdot żgur li hu mmexxi mill-Ispirtu ta’ Alla; huwa ppenetra s-sigrieti ta’ ruħi, l-iktar sigrieti profondi li kienu jeżistu bejni u bejn Alla, li fuqhom jiena kont għadni ma tkellimtx miegħu, għax jiena stess ma kontx fhimthom, u l-Mulej ma kienx ikkmandani b’mod ċar biex ngħidlu bihom. Is-sigriet huwa dan: Alla jrid li jkun hemm Kongregazzjoni li xxandar il-ħniena ta’ Alla lid-dinja u li, bit-talb tagħha, takkwistaha għad-dinja. Meta s-saċerdot staqsieni jekk kellix ispirazzjonijiet bħal dawn, jiena weġibt li ma kellix ordnijiet ċari; imma f’dak il-waqt dawl nifidli ruħi, u jiena fhimt li l-Mulej kien qed jitkellem permezz tiegħu.

 

 

437.                 Ta’ xejn iddefendejt lili nnifsi billi għidt li ma konx irċevejt ordnijiet ċari, għaliex fit-tmiem tal-koverżazzjoni tagħna jiena rajt lill-Mulej Ġesu’ fuq l-għatba, bħalma Hu rrapreżentant fix-xbieha, u Hu qalli, Jiena nixtieq li jkun hemm Kongregazzjoni bħal din (nota96). Dan kollu dam biss muement wieħed. Imma jiena m’għidtlux fuq din il-ħaġa dak il-ħin stess, għax kont mgħaġġla biex nerġa’ lura d-dar, u bqajt intenni lill-Mulej, “Mulej, jiena minix kapaċi nwettaq il-pjanijiet Tiegħek!” Imma ħaġa stramba, Ġesu’ ma ta l-ebda kas tat-talbiet tiegħi, imma tani x’nara u x’nifhem kemm kienet togħġbu din il-biċċa xogħol (tal-Ħniena Divina). Ma ta l-ebda kas tad-dgħjufija tiegħi, imma tani li nkun naf kemm kelli negħleb diffikultajiet. U jiena, l-imsejkna kreatura Tiegħu, ma stajt ngħid xejn ħlief “Jiena minix kapaċi għal din il-ħaġa, Mulej Alla Tiegħi!”

 

 

438.                 30 ta’ Ġunju 1935. Fil-bidunett tal-Quddiesa l-għada rajt lil Ġesu’ fis-sbuħija kollha Tiegħu li ħadd ma jista’ jpoġġiha fi kliem. Qalli li Hu xtaq li tinbeda Kongregazzjoni bħal din malajr kemm jista’ jkun, u int tgħix fiha flimkien mal-kumpaniji tiegħek. L-ispirtu Tiegħi jkun ir-regola ta’ ħajjitkom. Ħajjitkom għandha tkun msawra fuq Tiegħi, mill-maxtura sal-mewt Tiegħi fuq is-Salib. Idħol fil-fond fil-misteri Tiegħi; u inti ssir taf l-abbiss tal-Ħniena Tiegħi għall-ħlejjaq kollha u t-tjubija Tiegħi bla tarf – u inti tgħarraf b’dan lid-dinja. Bit-talb tiegħek inti tkun medjatriċi bejn l-art u s-sema.

 

 

439.                 Imbagħad wasal il-mument biex nitqarben u Ġesu’ ma deherx aktar, u jiena rajt dija kbira. Imbagħad jiena smajt dan il-kliem: Aħna nagħtu l-barka tagħna u f’dak il-waqt raġġ jiddi ħareġ minn dak id-dawl u nifidli qalbi; nar starordinarju tkebbes ġewwa ruħi – ħsibtni sejra mmut bil-ferħ u l-hena. Ħassejt l-ispirtu tiegħi jinfired minn ġismi. Ħassejtni mgħaddsa kollni kemm jien f’Alla, ħassejtni maħtufa minn Dak li jista’ kollox, bħal farka trab, f’wesgħat li ħadd ma jaf bihom.

 

Nirtogħod bil-ferħ fit-tgħanniqa tal-Ħallieq, ħassejt li Hu stess kien qiegħed iweżinni sabiex inkun nista’ nġorr dan il-ferħ kbir u nħares lejn il-Majesta’ Tiegħu. Issa naf li, li kieku ma kienx Hu stess li għall-ewwel saħħaħni bil-grazzja Tiegħu, ruħi ma kenitx tkun tiflaħ il-hena, u kont immut f’salt. Il-Quddiesa spiċċat ma nafx meta, għax ma kellix saħħa noqgħod attenta għal dak li kien għaddej fil-kappella. Imma meta rġajt ġejt f’sensija, ħassejt li kelli s-saħħa u l-kuraġġ li nagħmel ir-rieda ta’ Alla; xejn ma deherli diffiċli; u fil-waqt li qabel kont qiegħda nġiblu l-iskużi lill-Mulej; issa ħassejt il-kuraġġ u s-saħħa tal-Mulej ġewwa fija, u għidt lill-Mulej, “Jiena lesta għal kull sejħa tar-rieda Tiegħek!” Ġewwa fija, kont għaddejt minn dak kollu li kelli ngħaddi minnu fil-ġejjieni.

 

 

440.                 O Ħallieq u Mulej tiegħi, jiena kollni kemm jiena Tiegħek! Agħmel minni skont ma jogħġob lid-Divinita’ Tiegħek u skont il-pjanijiet eterni Tiegħek u l-ħniena Tiegħek bla tarf. Jalla kull ruħ issir taf kemm hu tajjeb il-Mulej; jalla l-ebda ruħ ma tibża’ tikkomunika b’mod intimu mal-Mulej; jalla l-ebda ruħ ma tuża bħala skuża l-fatt li tħossha li mhix denja u jalla qatt ma’ tibqa’ tħalli għal iktar tard (biex hi taċċetta) s-sejħat ta’ Alla, għax dik il-ħaġa ma togħġbux lill-Mulej. M’hemm l-ebda ruħ iktar imsekjna minni, għax jiena tassew naf lili nnifsi, u nistagħġeb li l-Majesta’ Divina tindenja tiċċekken daqshekk. Eternita’, jidhirli li inti qasira wisq sabiex wieħed ikun jista’ jfaħħar (kif jixraq) il-ħniena bla tarf tal-Mulej.

 

 

441.                 Darba, ix-xbieha kienet qiegħda tiġi esposta fuq l-altar waqt il-purċissjoni ta’ Corpus (20 ta’ Ġunju). Meta s-saċerdot espona s-Sagrament Imqaddes, u l-kor beda jkanta, ir-raġġi mix-xbieha nifdu l-Ostja Mqaddsa u nfetħu u xxerrdu fuq id-dinja kollha. Imbagħad jiena smajt dan il-kliem: Dawn ir-raġġi tal-ħniena ser jgħaddu minn ġo fik, bħalma għaddew minn ġo din l-Ostja, u joħorġu fid-dinja kollha. Ma’ dan il-kliem, ferħ profond imlieli ruħi.

 

 

442.                 Darba. Meta l-konfessur tiegħi (Dun Sopocko kien qed iqaddes, jiena rajt, bħas-soltu, lit-Tfajjel Ġesu’ fuq l-altar, mill-ħin tal-Offertorju. Imma mument qabel l-Elevazzjoni, is-saċerdot ma rajtux iżjed, u baqa’ biss Ġesu’. Meta kien riesaq il-waqt tal-Elevazzjoni, Ġesu’ ħa l-Ostja u l-kalċi fl-idejn ċkejknin Tiegħu u għolliehom ‘il fuq flimkien, filwaqt li ħares ‘il fuq lejn is-sema, u mument wara jiena rġajt rajt lill-konfessur tiegħi. Jiena staqsejt lit-Tfajjel Ġesu’ fejn kien is-saċerdot matul il-ħin li fih jiena ma kontx rajtu. Ġesu’ wieġeb, Ġewwa Qalbi. Imma ma stajt nifhem xejn iktar minn dan il-kliem ta’ Ġesu’.

 

 

443.                 Darba smajt dan il-kliem, Jiena nixtieq li inti tgħix skont ir-rieda Tiegħi, fil-post l-iktar profond u sigriet ta’ ruħek. Jiena qgħadt nirrifletti fuq dan il-kliem, li tassew ħassejthom f’qalbi. Dan ġara fil-jum tal-qrar għall-komunita’. Meta mort inqerr u akkużajt lili nnifsi bi dnubieti, is-saċerdot (Dun Sopocko) tennieli l-istess kliem li l-Mulej kien qalli qabel.

 

 

444.                 Is-saċerdot qalli dan il-kliem li jfisser ħafna, “Hemm tlett gradi fit-twettiq tar-rieda ta’ Alla: fl-ewwel wieħed, ir-ruħ twettaq ir-regoli u l-istatuti kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ osservanza esterna; fit-tieni grad, ir-ruħ taċċetta ispirazzjonijiet interjuri u twettaqhom bil-fedelta’; fit-tielet grad, ir-ruħ mitluqa f’idejn ir-rieda ta’ Alla, tagħtih il-fakulta’ li Huwa jiddisponi minnha bil-liberta’ kollha, u Alla jagħmel biha dak li jrid, u hi tkun għodda doċli f’idejh.” U s-saċerdot qalli li jiena kont fit-tieni grad tat-twettiq tar-rieda ta’ Alla u li ma kontx għadni lħaqt it-tielet grad, imma qalli li kelli nipprova nilħqu. Dan il-kliem nifidli ruħi. Qiegħda nara ċar li Alla spiss jagħti lis-saċerdot għarfien ta’ dak li jkun għaddej fil-profondita’ ta’ ruħi. Ma nistagħġeb xejn b’dan il-fatt, jien nrodd ħajr lil Alla li għandu persuni magħżulin bħal dawn.

 

 

Il-Ħamis, Adorazzjoni ta’ bil-lejl

 

445.                 Meta mort għall-adorazzjoni, ġabra interjuri ħakmitni mill-ewwel, u rajt lill-Mulej Ġesu’ marbut ma’ kolonna, imneżża’ minn ħwejjġu, u minnufih bdiet il-flaġellazzjoni. Rajt erbat irġiel jibdlu lil xulxin biex isawwtu lill-Mulej. Qalbi għal naqra ma waqfitx meta rajt dawn it-torturi. Il-Mulej qalli, Jiena qed ibati uġigħ li hu iżjed minn dak li inti qiegħda tara. U Ġesu’ tani x’nifhem għal liema dnubiet. Hu kien issottometta ruħu għall-flaġellazzjoni: dawn huma d-dnubiet kontra l-impurita’. Kemm kienet tal-biża’ t-tbatija morali ta’ Ġesu’ waqt il-flaġellazzjoni! Imbagħad Ġesu’ qalli, Ħares u ara l-umanita’ fl-istat preżenti tagħha. F’waqt wieħed, rajt affarijiet terribli: il-bojja telqu lil Ġesu’, u nies oħrajn bdew isawwtuh; ħatfu l-ħbula u bdew jagħtu fuq il-Mulej bla ħniena. Dawn kienu saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, u dinjitari għoljin tal-Knisja, li jiena bqajt mistagħġba ħafna bihom. Kien hemm lajċi ta’ kull eta’ u minn kull qasam tal-ħajja. Kollha sfogaw il-malizzja tagħhom fuq Ġesu’ l-innoċenti. Meta rajt dan, qalbi waqgħet bħallikieku f’agunija tal-mewt. U filwaqt li l-bojja  kienu qegħdin jifflaġellawh Ġesu’ kien żamm is-skiet u baqa’ jħares fil-bogħod; iżda meta dawn l-erwieħ l-oħrajn li jiena semmejt bdew jiflaġellawh, Ġesu’ għalaq għajnejh u karba kwieta imma tal-akbar uġigħ ħarġet minn ġo Qalbu. U Ġesu’ tani x’nifhem bid-dettall il-gravita’ tal-malizzja ta’ dawn l-erwieħ ingrati: Qedgħa tara, din hija tortura iktar mill-Mewt Tiegħi. Imbagħad jiena wkoll waqajt fis-skiet u beda jkolli esperjenza tal-agunija tal-mewt, u ħassejt li ħadd ma seta’ jfarraġni jew jaħtafni minn dak l-istat ħlief Dak li kien poġġieni fih. Imbagħad il-Mulej qalli, Jiena qiegħed nara l-uġigħ sinċier ta’ qalbek li ġabli faraġ kbir ġewwa Qalbi. Ħares u tfarraġ.

 

 

446.                 Imbagħad rajt lill-Mulej Ġesu’ msammar mas-Salib. Meta kien għamel xi ħin imdendel miegħu, rajt ħafna erwieħ, imsallbin bħalu. Imbagħad rajt it-tieni grupp ta’ erwieħ, u t-tielet. It-tieni grupp ma kenux imsammrin mas-slaleb (tagħhom), imma kienu qedgħin iżommuhom sewwa f’idejhom. It-tielet la kienu msammrin mas-slaleb (tagħhom) lanqas kienu qiegħdin iżommuhom sewwa f’idejhom, imma kienu qegħdin ikaxkru s-slaleb (tagħhom) warajhom u kienu imdejqin. Imbagħad Ġesu’ qalli, Qiegħda tarahom dawn l-erwieħ? Dawk li huma bħali fl-uġigħ u d-disprezz li jbatu jkunu wkoll bħali fil-glorja. U dawk li jixbħu lili inqas fl-uġigħ u fid-disprezz ikunu jixbħuni wkoll inqas fil-glorja.

 

Fost l-erwieħ imsallbin, l-ikbar numru kien tal-kleru. Jiena rajt ukoll xi erwieħ imsallbin li kont nafhom, u dan ferraħni ħafna. Imbagħad Ġesu’ qalli, Fil-meditazzjoni tiegħek għada, int ser taħseb fuq dak li rajt illum. U minnufih Ġesu’ għeb minn quddiemi.

 

 

447.                 Il-Ġimgħa. Kont marida u ma stajtx immur nisma’ l-Quddies. Fis-sebgħa ta’ filgħodu rajt il-konfessur tiegħi jqaddes, u waqt il-Quddiesa rajt it-Tfajjel Ġesu’. Lejn it-tmiem tal-Quddiesa, id-dehra ntemmet, u sibt ruħi għal darb’oħra fiċ-ċella tiegħi bħal qabel. Qabadni ferħ li ma nistax infissru għax għalkemm ma stajtx immur nisma’ l-Quddiesa fil-kappella tagħna stess, kont assistejt għaliha fi knisja li kienet ħafna ‘l bogħod. Ġesu’ għandu rimedju għal kollox.

 

 

30 ta’ Lulju 1935

 

448.                 Festa ta’ San Inazju. Tlabt bil-ħerqa lil dan il-Qaddis, u ċanfartu li baqa’ jħares u ma ġiex jgħinni f’affarijiet hekk importanti bħalma hu t-twettiq tar-rieda ta’ Alla. Jiena għaidtlu, “Inti, il-Patrun tagħna, li kont taqbad bin-nar tal-imħabba u l-ħeġġa għall-ikbar glorja ta’ Alla, jiena qiegħda umilment nitolbok tgħinni nwettaq il-pjani ta’ Alla.” (nota97) Dan ġara waqt il-Quddiesa. Imbagħad jiena rajt lil San Inazju fuq ix-xellug tal-altar, bi ktieb kbir f’idu. Qalli dan il-kliem, “Binti, jiena minix indifferenti għall-kawża tiegħek. Din ir-regola tista’ tiġi adattata, u tista’ tkun adattata għal din il-Kongregazzjoni.” U beda jagħmel mossi b’idejh lejn il-kteib il-kbir u ma deherx aktar. Jiena fraħt ħafna għall-fatt li l-qaddisin jaħsbu ħafna fina u kemm aħna maqgħudin mill-qrib magħhom. Kemm hi kbira, t-tjubija ta’ Alla! Kemm hi sabiħa d-dinja spirtwali li, diġa’ hawn fl-art, aħna nistgħu nikkomunikaw mal-qaddisin! Matul il-ġurnata kollha, jiena stajt inħoss il-preżenza ta’ dan il-Qaddis Patrun għażiż.

 

 

5 ta’ Awissu 1935. Il-Festa tal-Madonna tal-Ħniena

 

449.                 Ħejjejt ruħi għal din il-festa b’ħerqa ikbar milli fis-snin ta’ qabel. Dak in-nhar stess fil-festa filgħodu, kelli esperjenza ta’ taqbida ġewwa fija għall-ħsieb li kelli nitlaq minn din il-Kongregazzjoni li tgawdi protezzjoni hekk speċjali mingħand Marija. Din it-taqbida damet għaddejja tul il-meditazzjoni kollha u l-ewwel Quddiesa wkoll. Waqt it-tieni Quddiesa, jiena dort lejn l-Omm Qaddisa tagħna, u għidtilha kemm kienet ħaġa diffiċli għalija ninfired minn din il-Kongregazzjoni... “Imbagħad rajt lill-Verġni Mbierka, ma nistax infisser kemm hi sabiħa. Niżlet minn fuq l-altar sa fejn l-inġinokkjatur tiegħi, għannqitni sewwa magħha u qaltli, Jiena l-Omm tagħkom lkoll, grazzi għall-ħniena bla tarf ta’ Alla. L-iktar li togħġobni hija dik ir-ruħ li twettaq fedelment ir-rieda ta’ Alla. Hija tatni x’nifhem li jiena kont wettaqt fedelment ir-rieda ta’ Alla u b’dan il-mod kont sibt grazzja quddiem Alla. Agħmel il-kuraġġ. Tibżax minn ostakli li jidhru li huma ostakli, imma ffissa l-ħarsa tiegħek fuq il-Passjoni ta’ Ibni, u b’dan il-mod inti tirbaħ.

 

 

Adorazzjoni ta’ bil-lejl

 

450.                 Kont qiegħda nbati ħafna, u ħsibt li ma kontx ser inkun niflaħ nagħmel l-adorazzjoni, imma ġbart ir-rieda tiegħi kollha u, għalkemm ċedejt fiċ-ċella tigħi, ma tajtx kas ta’ li kont qiegħda nħoss, għax quddiem għajnejja kelli l-Passjoni ta’ Ġesu’. X’ħin dħalt fil-kappella, irċevejt għarfien interjuri tal-premju kbir li Alla qiegħed iħejji għalina, mhux biss għall-għemejjel tajba tagħna, imma wkoll għax-xewqa sinċiera tagħna sabiex inwettquhom. Xi grazzja kbira ta’ Alla hi din!

 

Kemm hi ħaġa ħelwa li taħdem għal Alla u għall-erwieħ! Ma rrid l-ebda serħan f’din it-taqbida, imma nibqa’niġġieled sal-aħħar nifs għall-glorja tas-Sultan u tal-Mulej tagħna. Minix ser inwarrab ix-xabla sakemm Huwa jsejjaħli quddiem it-Tron Tiegħu; ma nibża’ mill-ebda daqqa, għax Alla huwa t-tarka Tiegħi. Huwa l-għadu li għandu għalfejn jibża’ minna, u mhux aħna nibżgħu minnu. Satana jegħleb biss lis-suppervi u lill-beżżiegħa, għax l-umli huma b’saħħihtom. Xejn ma jħawwad jew ibeżża’ ruħ umli. Jiena ndirizzajt it-titjira tiegħi lejn iċ-ċentru propju tas-sħana tax-xemx, u xejn ma jista’ jwaqqagħha ‘l isfel. L-imħabba ma tippermettix li jeħduha priġuniera; hija ħielsa bħal sultana. L-imħabba tikseb lil Alla.

 

 

451.                 Darba wara t-Tqarbin, smajt dan il-kliem: Inti l-għamara Tagħna. F’dak il-ħin, jiena ħassejt ġewwa ruħi l-preżenza tas-Santissma Trinita’, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Ħassejt li jiena kont it-tempju ta’ Alla. Ħassejt li jiena kont bint il-Missier. Ma nistax infisser dan kollu, imma l-ispirtu jifhmu sewwa. Int, Tjubija bla tarf, kemm tiċċekken quddiem il-kreatura msejkna Tiegħek!

 

 

452.                 Li kieku l-erwieħ kellhom jinġabru fil-ħsieb, Alla jkellimhom mill-ewwel, għax id-distrazzjoni toħnoq il-klema tal-Mulej.

 

 

453.                 Darba l-Mulej qalli,Għaliex qiegħda tibża’ u tirtogħod meta inti maqgħuda Miegħi? Ma neħux gost meta ruħ iċċedi għal biża’ bla bżonn. Min ser jazzarda jmissek meta inti tinsab Miegħi? L-iktar għażiża għalija hi r-ruħ li temmen bil-qawwa fit-tjubija Tiegħi u li għandha fiduċja sħiħa Fija. Jiena ngħabbiha bil-fiduċja Tiegħi u nagħtiha kulma hi titlobni.

 

 

454.                 Darba, il-Mulej qalli, Binti, ħu l-grazzji li l-oħrajn ma jriduhomx; ħu daqskemm inti tiflaħ iġġorr. F’dak il-waqt, ruħi, mtliet kollha kemm hi bl-imħabba ta’ Alla. Inħossni maqgħuda hekk mill-qrib ma’Alla li ma nistax insib il-kliem biex infisser x’inhi sewwa din il-għaqda; meta nkun f’dan l-istat, f’daqqa waħda nħoss li dak kollu li Alla għandu, l-affarijiet u t-teżori kollha, huma tiegħi, għalkemm ma jimpurtanix wisq minnhom, għax Hu waħdu huwa biżżejjed għalija. Fih jiena nara l-kollox tiegħi; mingħajru – xejn.

 

Ma nfittix l-ebda hena ieħor ħlief ġewwa fija fejn jgħammar Alla. Nifraħ li Alla jgħammar ġewwa fija; hawnhekk ngħammar għal dejjem flimkien miegħu; hawnhekk ngħammar fl-akbar intimita’ Miegħu; hawn hu post li l-ebda għajn ta’ bniedem ma tista’ tiflih. Il-Verġni Mbierka tħajjarni nikkomunika ma’ Alla b’dan il-mod.

 

 

455.                 Meta tolqotni xi tbatija, m’għandhiex iġġibli magħha ebda mrar, lanqas ma jġorruni magħhom konsolazzjonijiet kbar. Nħossni mimlija bil-paċi u t-trankwillita’ li ġejjin mill-għarfien tal-verita’.

 

Kif jista’ l-fatt li jiena qiegħda ngħix imdawra bi qlub li ma jurunix ħbiberija jagħmilli xi ħsara meta jiena ngawdi hena sħiħ ġewwa ruħi? Jew kif jista’ l-fatt li jiena għandi qlub tajba madwari jgħinni meta jiena m’għandix lil Alla ġewwa fija? Meta Alla jgħammar ġewwa fija,min jista jagħmilli ħsara?

 

 

+

Ġ.M.Ġ  Vilnius, 12 ta’ Awissu 1935

Irtir ta’ Tlett ijiem

 

456.                 Fl-ewwel ġurnata tal-irtir filgħaxija, jiena u nisma’ l-punti għall-meditazzjoni, smajt dan il-kliem: Matul dan l-irtir, ser inkellmek permezz ta’ fomm is-saċerdot sabiex nagħtik is-saħħa u nassigurak dwar il-verita’ tal-kliem li Jiena qed nindirizzalek fil-profondita’ ta’ ruħek. Għalkemm dan huwa rtir għas-sorijiet kollha, Jiena naħseb fik b’mod speċjali, għax irrid insaħħek u nagħmlek bla biża’ f’nofs it-taħbit kollu li hemm jistenniek fil-ġejjieni. Mela, oqgħod isma’ b'attenzjoni dak kollu li jgħid u mmedita kliemu fil-profondita’ ta’ ruħek.

 

 

457.                 Bqajt mistagħġba għax dak kollu li s-saċerdot qal dwar l-għaqda ma’ Alla u l-ostakli għal din il-għaqda jiena kelli esperjenza tagħhom ġewwa ruħi u kont smajthom mingħand Ġesu’, li jkellimni fil-profondita’ ta’ ruħi. Il-perfezzjoni tikkonsisti f’din l-għaqda mill-qrib ma’ Alla.

 

 

458.                 Waqt il-meditazzjoni tal-għaxra ta’ filgħodu, Patri (Rzyczkowski) (nota98) tkellem dwar il-ħniena divina u t–tjubija ta’ Alla għalina. Qalilna li meta nħarsu lura lejn l-istorja tal-umanita’, nistgħu naraw din it-tjubija kbira ta’ Alla ma’ kull pass li nagħtu. L-attributi kollha ta’ Alla, bħalma huma s-setgħa bla qies Tiegħu u l-għerf, jgħinuna sabiex juruna l-akbar fost l-attributi Tiegħu - jiġifieri, it-tjubija Tiegħu. It-tjubija ta’ Alla hija l-akbar attribut Tiegħu. Ħafna erwieħ jissieltu għall-perfezzjoni, iżda ma jagħrufx din it-tjubija kbira ta’ Alla. Dak kollu li s-saċerdot tkellem fuqu waqt il-meditazzjoni dwar it-tjubija ta’ Alla, kien eżatt dak li kien qalli Ġesu’ dwar il-Festa tal-Ħniena. Jiena issa wasalt biex nifhem b’mod ċar dak li l-Mulej kien wegħedni, u m’għandix dubju dwar l-ebda ħaġa; il-lingwa ta’ Alla hi ċara ħafna.

 

 

459.                 Matul dik il-meditazzjoni kollha rajt lill-Mulej Ġesu’ fuq l-altar, liebes l-abjad, f’idu l-pitazz fejn jiena nikteb dawn in-notamenti. Matul il-meditazzjoni kollha Ġesu’ baqa’ jqalleb il-paġni tal-pitazz u baqa’ sieket; imma qalbi ma setgħetx iġġarrab n-nar li tkebbes ġewwa ruħi. Minkejja l-isforz kbir li kelli nagħmel fuq ir-rieda tiegħi sabiex nirbaħ lili nnifsi u ma nħallix lill-oħrajn jindunaw x’kien għaddej ġewwa ruħi, lejn it-tmiem tal-meditazzjoni ħassejtni li ma stajtx nikkontrolla lili nnifsi għal kollox. Imbagħad Ġesu’ qalli: Inti ma ktibtx kollox fil-pitazz dwar it-tjubija Tiegħi lejn l-umanita’; nixtieqek li ma tħallix xejn barra; nixtieq li qalbek tkun qiegħda fis-sod f’paċi sħiħa.

 

 

460.                 O Ġesu’, qalbi tieqaf  mit-taħbit tagħha meta naħseb f’dak kollu li Inti qiegħed tagħmel għalija! Nistagħġeb bik, Mulej, li tiċċekken daqshekk lejn ir-ruħ imsejkna tiegħi! X’mezzi li qatt ma nista’ nistħajjilhom Inti tuża sabiex tipperswadini!

 

 

461.                 Din hi l-ewwel darba f’ħajti li għamilt irtir bħal dan. Qiegħda nifhem b’mod speċjali u ċar kull kelma li s-saċerdot jgħid, għax qabel diġa’ kelli esperjenza ta’ kollox ġewwa ruħi. Issa qiegħda nara li Ġesu’ ma jħalli l-ebda ruħ li tħobbu bis-sinċerita’ fid-dubju. Ġesu’ jrid li r-ruħ li hi maqgħuda miegħu mill-qrib tkun mimlija paċi, minkejja t-tbatijiet u l-kalvarju.

 

 

462.                 Issa nista’ nifhem sewwa li l-ħaġa li tgħaqqad lil ruħna l-iktar mill-qrib ma’ Alla hi ċ-ċaħda; jiġifieri li aħna ngħaqqdu r-rieda tagħna mar-rieda ta’ Alla. Din hi l-ħaġa li tagħmel ir-ruħ tassew ħielsa, tgħin għall-ġabra mill-qiegħ tal-ispirtu, u tagħmel it-toqol kollu tal-ħajja ħafif, u l-mewt ħelwa.

 

 

463.                 Ġesu’ qalli li jekk kelli xi dubji dwar il-festa jew il-fondazzjoni tal-Kongregazzjoni – jew dwar xi ħaġa oħra li fuqha jiena tkellimt fil-profondita’ ta’ ruħek, jiena nwieġeb mill-ewwel bil-fomm ta’ dan is-saċerdot.

 

 

464.                 Waqt meditazzjoni fuq l-umilta’, reġa’ ġie dubju antik: li ruħ imsejkna bħal tiegħi ma setgħetx twettaq il-biċċa xogħol li l-Mulej kien qed jitlob (mingħandi). Fil-waqt meta kont qiegħda nanalizza dan id-dubju, is-saċerdot li kien qed imexxi l-irtir waqqaf il-fil tal-ħsieb tiegħu u beda jitkellem fuq dik il-ħaġa li jiena kelli dubji dwarha; jiġifieri li Alla fil-biċċa l-kbira jagħżel l-erwieħ l-iktar dgħajfa u sempliċi bħala għodda għall-ikbar xogħolijiet Tiegħu; li aħna nistgħu naraw li din hi verita’ li ħadd ma jista’ jiċħadha meta nħarsu lejn l-irġiel li Huwa għażel sabiex ikunu l-Appostli Tiegħu; jew ukoll, meta nħarsu lejn l-istorja tal-Knisja u naraw liema ħidmiet kbar ġew imwettqin minn erwieħ li kienu l-inqas kapaċi li jwettquhom; għax huwa b’dan il-mod li l-ħidmiet ta’ Alla jiġu rivelati bħala tali, l-opri ta’ Alla. Meta d-dubju tiegħi kien għeb għal kollox, is-saċerdot issokta bil-konferenza tiegħu fuq l-umilta’.

 

 

Ġesu’ kien bil-wieqfa fuq l-altar, bħalma kien jagħmel is-soltu waqt kull konferenza, u lili ma qalli xejn, imma bil-ħarsa ħanina Tiegħu nifed ir-ruħ imsejkna tiegħi hekk li ma kellha l-ebda skuża oħra.

 

 

465.                 Ġesu’. Ħajja tiegħi, kemm qiegħda nifhem sewwa li Inti qiegħed tibdilni fik, fis-segretezza ta’ ruħi fejn is-sensi ma jkunux jistgħu jagħrfu ħafna. O Salvatur tiegħi, aħbini kollni kemm jiena fil-profondita’ ta’ Qalbek u ħarisni bir-raġġi Tiegħek minn dak kollu li mhux Inti. Jiena qiegħda nitolbok, Ġesu’, li ż-żewġ raġġi li ħarġu mill-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek jibqgħu dejjem isaħħuli ruħi.

 

 

466.                 Il-Ħin tal-Qrar

 

Il-konfessur tiegħi (Dun Sopocko) staqsieni jekk dak il-ħin Ġesu’ kienx qiegħed hemm u jekk jiena stajtx narah. “Iva, hawn qiegħed, u nista’ narah.” Imbagħad huwa qalli nistaqsi lil Ġesu’ dwar xi persuni. Ġesu’ ma weġibnix; imma ħares lejh. Imma wara l-qrar, x’ħin kont qiegħda ngħid il-penitenza tiegħi. Ġesu’ qalli dan il-kliem, Mur u farrġu għalija. Billi jiena ma fhimtx it-tifsira ta’ dan il-kliem, minnufih tennejtlu dak li Ġesu’ kien qalli nagħmel.

 

 

467.                 Matul l-irtir kollu, kont f’għaqda ma’ Ġesu’ bla waqfien u dħalt f’relazzjoni spirtwali intima miegħu bil-qawwa kollha ta’ qalbi.

 

 

468.                 Il-jum tat-tiġdid tal-voti. Fil-bidu tal-Quddiesa , jiena rajt lil Ġesu’ bħas-soltu. Huwa berikna u daħal fit-tabernaklu. Imbagħad jiena rajt lil Omm Alla liebsa l-abjad b’mantell blu, b’rasha mikxufa. Hija resqet lejja mill-altar, messitni b’idejha u għattietni bil-mantell tagħha, filwaqt li qaltli:  Offri dawn il-voti għall-Polonja. Itlob għaliha. Dan seħħ fil-ħmistax ta’ Awissu.

 

 

469.                 F’dak l-istess jum filgħaxija, jiena ħassejt f’ruħi xenqa kbira għal Alla. Ma narahx f’dan il-waqt bl-għajnejn tal-ġisem bħalma rajt f’okkażjonijiet oħrajn, imma nintebaħ bil-preżenza Tiegħu u xorta waħda ma jirnexxilix nagħrfu sewwa bil-moħħ tiegħi. Dan jikkawżali xenqa kbira u turmenti li ma jitfissrux bil-kliem. Qiegħda mmut bix-xewqa li nipposedih, li negħreq fih għal dejjem. L-ispirtu tiegħi jiġri warajh b’saħħtu kollha; m’hemm xejn fid-dinja li jista’ jfarraġni. O Mħabba Eterna, issa nista’ nifhem f’liema stat ta’ intimita’ mill-qrib qalbi tinsab flimkien miegħek! Għax x’hemm iktar fis-sema jew fl-art li jista’ jissodisfani ħliefek, O Alla tiegħi, li fik tintilef ruħi.

 

 

470.                 Darba filgħaxija, filwaqt li miċ-ċella tiegħi ħarist ‘il fuq lejn is-sema u rajt il-firxa tas-sema mifruxa bil-kwiekeb sbieħ u l-qamar, nar ta’ mħabba li ma nistax infissru għall-Ħallieq tiegħi mlieli ruħi u ma flaħtx ix-xenqa għalih li telgħet ġewwa ruħi, jiena nżilt wiċċi fl-art u umiljajt ruħi fit-trab. Jiena gglorifikajtu għall-opri kollha Tiegħu, u meta qalbi ma felħitx iżjed dak li kien qed jiġri ġo fija, bdejt nibki ngħajjat. Imbagħad l-Anġlu Kustodju tiegħi messni u qalli dan il-kliem: “Il-Mulej qed jikkmadani ngħdilek tqum mill-art.” Jien hekk għamilt minnufih, imma ma ħassejt l-ebda konsolazzjoni ġewwa ruħi. Ix-xenqa għal Alla kibret iżjed u iżjed ġewwa fija.

 

 

471.                 Jum minnhom, meta kont qiegħda nagħmel l-adorazzjoni, u l-ispirtu tiegħi donnu kien qiegħed imut għalih, u ma stajtx iktar inżomm id-dmugħ tiegħi milli jinżel, rajt spirtu ta’ sbuħija kbira li qalli dan il-kliem: “Tibkix – qed jgħidlek il-Mulej.” Mument wara, jiena staqsejt, “Int min Int?” Huwa weġibni, “Jiena wieħed mis-seba’ spirti li qedgħin quddiem it-tron ta’ Alla lejl u nhar u jagħtuh tifħir bla waqfien.” Imma xorta waħda dan l-ispirtu ma qatax ix-xenqa tiegħi, imma qanqal fija xewqa ikbar għal Alla. Dan l-ispirtu hu sabiħ ħafna, u s-sbuħija tiegħu ġejja minn għaqda mill-qrib ma’ Alla. Dn l-ispirtu ma jitlaqnix għal mument wieħed biss, imma jakkumpanjani kullimkien.

 

L-għada waqt il-Quddiesa, qabel l-Elevazzjoni dan l-ispirtu beda jkanta dan il-kliem, “Qaddis, Qaddis, Qaddis.” Il-vuċi tiegħu kienet bħal elf vuċijiet flimkien; ma jistax ikun li npoġġiha fi kliem. F’daqqa waħda l-ispirtu tiegħi ngħaqad ma’ Alla, u f’dak il-waqt rajt il-kobor u l-qdusija ta’ Alla li ħadd ma jista’ jifhimha u, fl-istess ħin, intbaħt bix-xejn tiegħi.

 

 

472.                 Għaraft, iktar ċar minn qatt qabel, it-Tliet Persuni Divini: il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Imma l-esseri tagħhom, l-ugwaljanza u l-majesta’ tagħhom huma ħaġa waħda. Ruħi tinsab f’għaqda ma’ dawn it-Tlieta; imma jiena ma nafx kif din il-ħaġa nista’ nfissirha bil-kliem; ruħi tista’ tifhima sewwa. Min ikun maqgħud ma’ Wieħed mit-Tliet Persuni huwa b’dan il-mod maqgħud mas-Santissima Trinita’ kollha, għax l-Għaqda tagħhom ma tistax tinqasam. Din id-dehra, jew aħjar, dan l-għarfien imlieli ruħi b’ferħ li ma tistax timmaġinah, għax Alla hu hekk kbir. Dak li jiena qiegħda niddeskrivi ma kontx qedgħa narah b’għajnejja bħalma ġara f’okkażjonijiet qabel, imma b’mod kollu kemm hu interjuri, b’mod kollu kemm hu spirtwali, indipendentement mis-sensi. Dan baqa’ sejjer sat-tmiem tal-Quddiesa.

 

Din il-ħaġa issa qiegħda tiġrili ta’ spiss, u mhux biss fil-kappella, imma wkoll waqt ix-xogħol u f’ħinijiet meta nkun nistennieha l-inqas.

 

 

473.                 Meta l-konfessur tagħna (Dun Sopocko) ma kienx hemm, mort inqerr għand l-Arċisqof (Romuald Jalbrzykowski) (nota99). Mela rrivelajtlu ruħi, irċevejt din it-tweġiba. “Binti, arma lilek innifsek b’paċenzja kbira; jekk dawn l-affarijiet ġejjin minn Alla, huma jseħħu xi darba jew oħra. Mela kun fil-paċi kompletament. Jiena qiegħed nifhmek sewwa ħafna f’din il-ħaġa, binti. U issa, dwar il-ħsieb li inti titlaq minn din l-Kongregazzjoni u taħseb f’xi waħda oħra, neħħi dawn il-ħsibijiet minn moħħok, għax din tkun tentazzjoni serja.” Wara din il-qrara, jiena għidt lill-Mulej Ġesu’, “Għalfejn qiegħed tikkmandani nagħmel dawn l-affarijiet u fl-istess waqt ma tagħmilhilix possibli li jiena nwettaqhom?” Imbagħad rajt lill-Mulej Ġesu’ wara t-Tqarbin fl-istess kappella ċkejkna fejn kont mort inqerr, bl-istess mod kif  Hu rappreżentat fix-xbieha. Il-Mulej qalli, Tkunx qalbek sewda. Jiena ser infehmu l-affarijiet li Jiena qiegħed nitlob mingħandek. Meta konna telqin l-Arċisqof kellu x’jagħmel ħafna, imma qalilna nerġgħu lura u nistennew ftit. Meta rġajna dħalna fil-kappella, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Għidlu x’rajt f’din il-kappella. F’dak l-istess waqt l-Arċisqof daħal u staqsa jekk kellniex xi ħaġa x’ngħidulu. Imma għalkemm jiena kelli ordni ngħidlu, ma stajtx nagħmlu dan għax kont fil-kumpanija ta’ waħda mis-sorijiet.

 

Kelma waħda oħra mill-qrara: “Li wieħed jitlob ħniena għad-dinja hija ideja kbira u sabiħa. Itlob ħafna, Sor, itlob ħniena fuq il-midinbin, imma dan agħmlu fil-kunvent tiegħek stess.”

 

 

L-għada, il-Ġimgħa, 13 ta’ Settembru 1935.

 

474.                 Filgħaxija, x’ħin kont fiċ-ċella tiegħi, rajt Anġlu, iwettaq il-korla divina. Kien liebes libsa tgħammex, wiċċu jiddi bil-glorja. Sħaba taħt saqajh. Mis-sħaba, tfaqqih ta’ ragħad u leħħ ta’ beraq tiela’ għal ġo idejh; u kienu ħerġin minn idu, u mbagħad huma biss kienu qedgħin jolqtu fl-art. Meta rajt dan is-sinjal tal-korla divina li kien ser jolqot l-art, u b’mod speċjali ċertu post, li jiena ma nistax insemmih għal ċertu raġunijiet, bdejt nitlob lill-Anġlu li jieqaf għal ftit waqtiet, u d-dinja kienet sejra tagħmel penitenza. Imma t-talba tiegħi ma kienet tgħodd xejn quddiem il-korla divina. Propju dak il-ħin jiena rajt is-Santissima Trinita’. Il-kobor tal-Majesta’ Tagħha nifditni fil-fond, u ma kellix ħila ntenni t-talb tiegħi. F’dak l-istess waqt ħassejt ġewwa ruħi l-qawwa tal-grazzja ta’ Ġesu’, li jgħammar ġewwa ruħi. Meta ntbaħt b’din il-grazzja, minnufih inħtaft għal quddiem it-Tron ta’ Alla. Kemm Hu kbir il-Mulej u Alla tagħna u kemm ma nistgħux nifhmuha l-qdusija Tiegħu! Minix sejra nipprova niddeskrivi dan il-kobor, għax ma ndumux ma narawh ilkoll kemm aħna kif inhu. Sibt ruħi nitlob lil Alla għad-dinja bi kliem li kont qiegħda nisma’ ġewwa fija.

 

Filwaqt li kont qiegħda nitlob b’dan il-mod, rajt li l-Anġlu ma seta’ jagħmel xejn: ma setax iwettaq il-kastig ġust li kien dovut bi dritt għad-dnubiet. Qatt qabel ma kont tlabt b’qawwa hekk interjuri bħalma għamilt f’dak il-ħin.

 

 

475.                 Il-kliem li bih tlabt lil Alla kienu dawn: Missier Etern, jiena noffrilek il-Ġisem u d-Demm, ir-Ruħ u d-Divinita’ ta’ Ibnek il-għażiż, Sidna Ġesu’ Kristu bit-tpattija għad-dnubiet tagħna u għal dawk tad-dinja kollha; f’ġieħ il-Passjoni ħarxa Tiegħu, ħenn għalina.

 

 

476.                 L-għada filgħodu, x’ħin dħalt fil-kappella, smajt dan il-kliem ġewwa fija: Kull darba li inti tidħol fil-kappella, għid mill-ewwel it-talba li Jiena għallimtek il-bieraħ. X’ħin għidt it-talba, ġewwa ruħi smajt dan il-kliem: Din it-talba sservi biex ittaffi l-korla Tiegħi. Int għandek tgħidha għal disat ijiem, bil-kuruna tar-Rużarju, b’dan il-mod: L-ewwel għandek tgħid Missierna waħda, Sliema waħda u l-Kredu. Imbagħad fuq iż-żibeġ tal-Missierna, inti għandek tgħid dan il-kliem:

 

“Missier Etern jiena noffrilek il-Ġisem, u d-Demm, ir-Ruħ u d-Divinita’ ta’ Ibnek l-għażiż Sidna Ġesu’ Kristu, bi tpattija għad-dnubiet tagħna u għal dawk tad-dinja kollha.” Fuq iż-żibeġ tas-Sliema, inti għandek tgħid dan il-kliem: “F’ġieħ il-Passjoni ħarxa Tiegħu, ħenn għalina u għad-dinja kollha.” Fl-aħħarnett (wara l-ħames posta) għid għal tliet darbiet dan il-kliem: “Qaddis Alla, Qaddis Qawwi, Qaddis Immortali, ħenn għalina u għad-dinja kollha.” (nota100)

 

 

477.                 Is-skiet huwa xabla fit-taqbida spirtwali. Ruħ li tħobb tpaċpaċ qatt ma jirnexxilha tikseb il-qdusija. Ix-xabla tas-skiet taqta’ dak kollu li jkun irid jibqa’ mqabbad mar-ruħ. Aħna sensittivi għall-kliem u malajr inkunu rridu nwieġbu, mingħajr ma nagħtu kas jekk hix ir-rieda ta’ Alla li aħna nitkellmu. Ruħ siekta hi qawwija; l-ebda kuntrarju ma jagħmlilha l-ħsara jekk hija taħt l-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Alla jaħdem f’ruħ siekta bla ebda xkiel.

 

 

478.                 O Ġesu’ tiegħi, Inti taf, Int biss taf li qalbi ma taf l-ebda mħabba oħra ħliefek! L-imħabba verġinali tiegħi kollha tinsab mgħarrqa eternament fik, O Ġesu’! Inħoss b’mod ħaj kif id-Demm divin Tiegħek qiegħed jiċċirkola ġewwa qalbi; m’għandix l-iċken dubju li l-imħabba l-iżjed safja tiegħek daħlet ġewwa qalbi flimkien mad-Demm l-iżjed qaddis Tiegħek. Jiena nagħraf li Inti tgħammar ġewwa fija, flimkien mal-Missier u ma’ l-Ispirtu s-Santu, jew aħjar naf  li qiegħda ngħix ġewwa fik, O Alla li ħadd ma jista’ jifhmu! Naf  li qiegħda ninħall ġewwa fija bħal qatra f’oċejan. Naf li Inti tinsab ġewwa fija u madwari, li Inti tinsab fl-affarijiet kollha li hemm madwari, f’kull ma jiġrili. O Alla tiegħi, jiena sirt nafek ġewwa qalbi, u ħabbejtek fuq dak kollu li jeżisti fl-art jew fis-sema. Qlubna jifhmu lil xulxin, u ħadd mill-bnedmin m’hu ser jifhem din il-ħaġa.

 

 

479.                 It-tieni qrara tiegħi għand l-Arċisqof  (Jalbrzykowski). “Kun af, binti, li jekk din hi r-rieda ta’ Alla, xi darba jew oħra hija sseħħ għax jeħtieġ li titwettaq ir-rieda ta’ Alla. Ħobb lil Alla ġewwa qalbek, għandu jkollok. . .” (Dan il-ħsieb jieqaf hawn).

 

 

480.                 29 ta’ Settembru. Il-Festa ta’ San Mikiel Arkanġlu. Ngħaqadt ġewwa fija ma’ Alla. Il-preżenza Tiegħu tinfidini sa ġewwanett u timlieni bil-paċi, ferħ u stagħġib. Wara waqtiet bħal dawn ta’ talb, nimtela bis-saħħa u b’kuraġġ mhux tas-soltu biex inkun nista’ nbati u nitqabad. Xejn ma jbeżżgħani, imqar jekk id-dinja kollha ddur kontrija. Il-kuntrarju u t-taħbit kollu jmissu biss il-wiċċ, imma ma jistgħux jidħlu fil-fond, għax Alla, li jsaħħaħni, li jimlieni, hemm jgħammar. In-nases kollha tal-għadu jisfaw fix-xejn quddiem saqajh.Waqt dawn il-mumenti ta’ għaqda, Alla jweżżini bil-qawwa Tiegħu. Il-qawwa Tiegħu tgħaddi għal għandi u tagħmilni kapaċi nħobbu. Ruħ qatt ma tilħaq dan l-istat bl-isforzi tagħha biss. Fil-bidu ta’ din il-grazzja interjuri, jiena mtlejt bil-biża’, u bdejt inċedilha; imma malajr ħafna, il-Mulej ħallieni nkun naf kemm din il-ħaġa ma kenitx qiegħda togħġbu. Imma jkun Huwa stess ukoll, li jneħħili l-biża’ tiegħi kollu.

 

  

481.                 Kważi kull festa tal-Knisja tagħtini għarfien iktar fil-fond ta’ Alla u grazzja speċjali. Għal din ir-raġuni nħejji ruħi għal kull festa u ningħaqad mill-qrib mal-Ispirtu tal-Knisja. X’hena li tkun bint fidila tal-Knisja! Kemm inħobb il-Knisja Mqaddsa u lil dawk kollha li jgħixu fiha! Inħares lejhom bħala membri ħajjin ta’ Kristu, li Hu r-Ras tagħhom. Naqbad bl-imħabba flimkien ma’ dawk li jħobbu; inbati flimkien ma’ dawk li jbatu. Id-diqa tikkunsmani meta nara lil dawk li huma berdin u m’għandhom l-ebda sens ta’ gratitudni; u mbagħad nipprova jkolli mħabba hekk kbira għal Alla li tpattilu għal dawk li ma jħobbuhx, dawk li lis-Salvatur tagħhom  juruh ingratitudni mill-agħar.

 

 

482.                 O Alla tiegħi, jiena nagħraf il-missjoni tiegħi fil-Knisja Mqaddsa. Nagħmel sforz kontinwu sabiex titlob ħniena għad-dinja. Ningħaqad ma’ Ġesu’ mill-qrib u noqgħod quddiemu bħala sagrifiċċju ta’ tpattija għad-dinja. Alla ma jgħidli le għal xejn meta nitolbu bil-vuċi ta’ Ibnu. Is-sagrifiċċju tiegħi m’hu xejn fih innifsu, imma meta jiena ngħaqqdu mas-sagrifiċċju ta’ Ġesu’ Kristu, isir qawwi għall-aħħar u għandu l-qawwa li jtaffi l-korla divina, Alla jħobbna f’Ibnu; il-Passjoni ħarxa tal-Iben ta’ Alla l-ħin kollu twarrab il-korla ta’ Alla.

 

 

483.                 O Alla tiegħi, kemm nixtieq li l-erwieħ isiru jafuk u jintebħu li Int ħlaqthom mill-imħabba Tiegħek bla tarf. O Ħallieq u Mulej tiegħi, qiegħda nħoss li sejra nneħħi l-velu tas-sema sabiex l-art ma tiddubitax mit-tjubija Tiegħek.

 

Agħmel minni, Ġesu’, offerta safja u li tingħoġob quddiem Wiċċ Missierek, Ġesu’, ibdilni – imsejkna u midinba kif jiena – fik stess (għax Int tista’ tagħmel kollox), u agħtini lill-Missier Etern Tiegħek. Irrid insir ostja sagrifikata quddiemek, imma ostja ordinarja quddiem in-nies. Irrid li l-fwieħa tas-sagrifiċċju tiegħi tkun taf biha Inti biss. O Alla Etern, nar li ma jintefiex ta’ supplika għall-ħniena Tiegħek, qed jaqbad ġewwa fija. Naf u qiegħda nifhem li dan huwa xogħli, hawnhekk u fl-eternita’. Inti stess għidtli nitkelem dwar din il-ħniena kbira u dwar it-tjubija Tiegħek.

 

 

484.                 Darba waħda fhimt kemm jiddispjaċih Alla meta Hu jara att li jkun jidher li m’għandux intenzjoni tajba, ikun hemm ikun ta’ min ifaħħru. Atti bħal dawn iktar iħajjru lil Alla jikkastiga milli jippremja. Jalla atti bħal dawn ikunu ftit f’ħajjitna, ftit kemm hu possibli; fil-fatti, fil-ħajja reliġjuża, lanqas biss m’għandhom jeżistu.

 

 

485.                 Naċċetta l-ferħ jew it-tbatija, it-tifħir jew l-umiljazzjoni bl-istess dispożizzjoni. Niftakar li kemm il-waħda u kemm l-oħra, it-tnejn li huma jgħaddu. X’jimpurtani x’jgħidu n-nies fuqi? Jiena ili li ċaħħadt lili nnifsi minn dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ persunti. Ismi huwa ostja – jew sagrifiċċju, mhux bil-kliem imma bil-fatti – filli jiena niżvojta lili nnifsi u nsir bħalek fuq is-Salib, O Ġesu’ twajjeb, Mgħallem tiegħi!

 

 

486.                 Ġesu’, meta Inti tiġi għandi fit-Tqarbin Imqaddes, Inti li flimkien mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu ndenjajt ruħek li tiġi tgħammar fil-ġenna żgħira ta’ qalbi, nipprova nżommlok kumpanja matul il-ġurnata, ma nħallikx waħdek lanqas għal waqt wieħed. Għalkemm inkun fil-kumpanija ta’ nies oħrajn jew flimkien mat-tfajliet tagħna, li nieħdu ħsiebhom, qalbi dejjem tibqa’ maqgħuda flimkien Miegħu. Meta nkun rieqda, noffrilu kull taħbita ta’ qalbi; meta nqum, nintilef fih mingħajr ma ngħid kelma waħda. Meta nqum, nadura s-Santissma Trinita’ għal ftit u nrodd ħajr lil Alla li reġa’ tani jum ieħor, sabiex il-misteru tal-inkarnazzjoni ta’ Ibnu jkun jista’ jerġa’ jtenni ruħu fija, u sabiex għal darb’oħra l-Passjoni ħarxa Tiegħu tkun tista’ terġa’ sseħħ quddiem għajnejja. Jiena mbagħad nipprova nagħmilhielu iktar faċli lil Ġesu’ li jgħaddi permezz tiegħi għand erwieħ oħra. Immur kullimkien ma’ Ġesu’; il-Preżenza Tiegħu takkumpanjani kullimkien.

 

 

487.                 Fit-tbatijiet tar-ruħ jew tal-ġisem, jiena nipprova nżomm is-skiet, għax imbagħad l-ispirtu tiegħi jikseb s-saħħa li toħroġ mill-Passjoni ta’ Ġesu’. Inżomm dejjem quddiem għajnejja Wiċċu mimli tbatija, abbużat u sfigurat, il-Qalb divina Tiegħu minfuda bi dnubietna u l-aktar bl-ingratitudni tal-erwieħ magħżulin.

 

 

488.                 Darbtejn ġejt imħeġġa nħejji ruħi għat-tbatijiet li kienu qedgħin jistennewni f’Varsavja. L-ewwel twissija ngħatatli b’mod interjuri minn vuċi li smajt, u t-tieni waħda seħħet waqt il-Quddiesa. Qabel l-elevazzjoni, jiena rajt lill-Mulej Ġesu’ fuq is-Salib, u Hu qalli, Ħejji ruħek għat-tbatijiet. Irringrazzjajt lill-Mulej għall-grazzja ta’ din it-twissija u għidtlu, “Jiena żgur minix sejra nbati aktar minnek, Salvatur tiegħi.” Imma jiena ħadtha bis-serjeta’ u bqajt insaħħaħ lili nnifsi permezz tat-talb u t-tbatijiet żgħar sabiex inkun kapaċi nissaporti meta jaslu dawk ikbar.

 

 

19 ta’ Ottubru 1935

Vjaġġ minn Vilnius sa Krakovja għal Irtir ta’ Tmint Ijiem.

 

489.                 Il-Ġimgħa filgħaxija waqt ir-Rużarju, x’ħin kont qiegħda naħseb dwar il-vjaġġ tal-għada u dwar l-importanza tal-affari li jiena kelli nippreżenta quddiem Patri Andrasz, (nota101) qabadni l-biża’ x’ħin rajt l-miżerja u n-nuqqas ta’ kapaċita’ tiegħi, u l-kobor tal-biċċa xogħol ta’ Alla. Mgħaffġa b’din it-tbatija, issottomettejt ruħi għar-rieda ta’ Alla. F’dak il-waqt, rajt lil Ġesu’, liebes libsa kulur jgħajjat, maġenb il-ġinokkjatur tiegħi.  Huwa qalli, Għaliex qiegħda tibża’ tagħmel ir-rieda Tiegħi? Mela Jiena minix ser ngħinnek bħalma għamilt s’issa? Tenni kull waħda mit-talbiet Tiegħi lil dawk li jirrapreżentawni fl-art, imma agħmel biss dak li huma jgħidulek tagħmel. Ma’ dan il-kliem, daħlet ċerta saħħa ġewwa ruħi.

 

 

490.                 L-għada filgħodu, jiena rajt lill-Anġlu Kustodju tiegħi, li akkumpanjani matul il-vjaġġ sa Varsavja. Huwa għeb meta aħna dħalna l-kunvent. Filwaqt li konna għaddejjin ħdejn il-kappella ċkejkna biex immorru nsellmu lis-superjuri, ħatfitni l-preżenza ta’ Alla, u l-Mulej imlieni bin-nar ta’ mħabbtu. F’mumenti bħal dawn, jiena dejjem inkun nista’ nifhem aħjar l-kobor tal-Majesta’ Tiegħu.

 

Meta poġġejtna bilqiegħda fil-postijiet tagħna fuq it-tren minn Varsavja sa Krakovja, għal darb’oħra rġajt rajt lill-Anġlu Kustodju tiegħi maġenbi. Kien mitluf fit-talb u fil-kontemplazzjoni ta’ Alla, u segwejtu bil-ħsibijiet tiegħi. Meta wasalna fid-daħla tal-kunvent, hu għeb minn quddiemi.

 

 

491.                 Meta dħalt fil-kappella, għal darb’oħra verament laqtitni l-majesta’ ta’ Alla. Ħassejtni mitlufa f’Alla, mgħaddsa fih b’mod sħiħ u minfuda minnu, filwaqt li għaraft kemm iħobbna Missierna tas-Sema. X’hena kbir jimlieli qalbi meta nagħraf lil Alla u l-ħajja divina! Hija x-xewqa tiegħi li naqsam dan il-ferħ ma’ kullħadd. Ma nistax inżomm dan il-ferħ maqful ġewwa qalbi biss, għax il-fjammi Tiegħu qedgħin jaħarquni u jġiegħlu lil sidri u l-ġewwieni tiegħi jixpakka. Nixtieq immur fid-dinja kollha u nkellem lill-erwieħ dwar il-ħniena ta’ Alla. Saċerdoti, għinuni f’din il-ħaġa; użaw l-iktar kliem qawwija (li intom għandkom għad-dispożizzjoni tagħkom) sabiex ixxandru l-ħniena Tiegħu, għax l-ebda kliem ma jista’ jfisser biżżejjed kemm Huwa ħanin.

 

 

Ġ.M.Ġ  Krakovja, 20 ta’ Ottubru 1935.

L-Irtir ta’ Tmint Ijiem

 

492.                 Alla Etern, Inti li int l-istess Tjubija, li ebda intellet, la tal-anġli u lanqas tal-bnedmin, ma jista’ jifhem il-ħniena Tiegħek, għinni, lili, it-tifla dgħajfa Tiegħek, sabiex jiena nagħmel ir-rieda qaddisa Tiegħek, bil-mod kif Inti tgħarrafhieli. Jiena ma nixtieq xejn iżjed ħlief li nwettaq dak li jixtieq Alla. Mulej, hawn huma ruħi u ġismi, moħħi u r-rieda tiegħi, qalbi u mħabbti kollha. Mexxini skont il-pjani eterni Tiegħek.

 

 

493.                 Wara t-Tqarbin Imqaddes, ruħi reġgħet ġiet mgħarrqa bl-imħabba ta’ Alla. Fraħt bil-kobor Tiegħu. Hawnhekk qiegħda nara b’mod ċar ir-rieda Tiegħu, li jiena għandi nwettaq, u fl-istess ħin id-dgħjufija u l-miżerja tiegħi stess; jiena qiegħda nara kif jiena ma nista’ nagħmel xejn mingħajr il-għajnuna Tiegħu.

 

 

It-Tieni Jum ta’ l-Irtir

 

494.                 X’ħin kont sejra l-parlatorju sabiex nara lil Patri Andrasz, ħassejtni mbeżża’ għax is-sigriet jorbot biss fil-konfessinarju. Dan kien biża’ bla bżonn. Kelma waħda mill-Madre Superjura serrħitli moħħi dwar din il-ħaġa. Sadattant, x’ħin dħalt fil-kappella, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Jiena rridek tkun miftuħa u sempliċi bħal tifla żgħira mar-rappreżentant Tiegħi preċiż bħlma ġġib ruħek Miegħi; inkella Jiena nitilqek u ma nikkomunikax miegħek.

 

Verament, Alla tani l-grazzja kbira ta’ fiduċja sħiħa, u wara l-konverżazzjoni, Alla kkonċedieli l-grazzja ta’ paċi profonda u dawl dwar dawn l-affarijiet.

 

 

495.                 Ġesu’, Dawl Etern, dawwalli moħħi, saħħaħli r-rieda tiegħi, ħeġġiġli qalbi u kun miegħi bħalma Int wegħedtni, għax mingħajrek jiena ma jiena xejn. Ġesu’, kemm jiena debboli. Jiena m’għandix bżonn ngħidhielek din il-ħaġa, għax Inti stess taf tajjeb ferm kemm jiena msejkna. Is-saħħa tiegħi kollha tinsab fik.

 

 

496.                 Jum il-Qrar

Sa minn kmieni filgħodu, it-taqbida ġewwa ruħi kienet iktar qawwija minn kull esperjenza li qatt kelli qabel. Abbandun totali min-naħa ta’ Alla; jiena għaraft id-dgħjufija tiegħi totali. Il-ħsibijiet għafsu fuqi: għaliex għandi nħalli dan il-kunvent fejn jiena maħbuba mis-sorijiet u mis-superjuri, fejn il-ħajja hi hekk trankwilla; (fejn jiena) marbuta bil-voti perpetwi u qiegħda nwettaq id-doveri tiegħi bla ebda diffikulta’? Għaliex għandi nisma’ l-vuċi tal-kuxjenza tiegħi? Għaliex għandi nsegwi ispirazzjoni li ġejja min jaf minn fejn? Ma tkunx ideja aħjar li kieku kelli nibqa’ għaddejja bħas-sorijiet l-oħrajn kollha? Forsi, nista’ noħnoq kliem il-Mulej, ma nagħtix kashom? Forsi Alla ma jitlobx rendikont dwarhom f’jum il-ġudizzju? Fejn ser teħodni din il-vuċi nterjuri fija? Jekk jiena nimxi warajha, kemm hemm lesti għalija diffikultajiet tremendi, tribulazzjonijiet u kuntrarju. Nibża’ mill-futur, u fil-preżent qiegħda f’inċertezza kbira.

 

Din it-tbatija kompliet bl-istess intensita’ matul il-jum kollu. Meta, filgħaxija, wasal il-ħin tal-qrara tiegħi, ma stajtx nagħmel qrara sħiħa, għalkemm kont ili nħejji ruħi għal żmien twil. Irċevejt l-assoluzzjoni u tlaqt, bla ma kont naf inbidlet f’nar li nifed il-fakultajiet kollha ta’ ruħi bħall-beraq, li nifidni sal-mudullun, u sa l-rkejjen l-iktar sigrieti ta’ qalbi. F’nofs din it-tbatija ma kont kapaċi nagħmel xejn. “Tkun magħmula r-rieda Tiegħek, Mulej.” Xi drabi lanqas stajt naħseb dan il-kliem. Verament, kienet ħakmitni biża’ tal-mewt, u l-fjammi tal-infern kienu qedgħin imissu miegħi. Malli qorob l-għada filgħodu, daħal is-skiet, u t-tribulazzjonijiet tiegħi għebu f’ħakka ta’ għajn, imma ħassejtni hekk eżawrita li ma stajtx lanqas niċċaqlaq. Waqt il-konverżazzjoni tiegħi mal-Madre Superjura, saħħti reġgħet ġiet lura bil-mod il-mod, imma Alla biss jaf kif ħassejtni matul dak il-jum kollu.

 

 

497.                 O Verita’ Eterna, Verb Inkarnat, li bl-akbar fedelta’ wettaqt ir-rieda ta’ Missierek, illum jiena qiegħda nsir martri tal-ispirazzjonijiet Tiegħek, minħabba li jiena ma nistax inwettaqhom għax m’għandi l-ebda rieda tiegħi nnifsi, għalkemm internament nista’ nara r-rieda Tiegħek b’mod ċar. Inbaxxi rasi f’kollox għar-rieda tas-superjuri u tal-konfessur tiegħi. Insegwi r-rieda Tiegħek sakemm Inti tippermettili nagħmel hekk permezz tar-rappreżentant Tiegħek. O Ġesu’ tiegħi, ma jistax ikun, imma jiena nagħti l-ewwel post lill-vuċi tal-Knisja fuq il-vuċi li biha Inti tkellimni.

 

 

Wara t-Tqarbin Imqaddes.

 

498.                 Rajt lil Ġesu’ bil-mod tas-soltu. Qalli dan il-kliem: Poġġi rasek fuq spallti, strieħ u erġa’ ħu saħħtek. Jiena qiegħed dejjem miegħek. Għid lill-ħabib ta’ Qalbi li Jiena nuża ħlejjaq dgħajfin bħal dawn biex inwettaq il-ħidma  Tiegħi. Wara ftit l-ispirtu tiegħi ssaħħaħ b’qawwa kbira. Għidlu li Jiena ħallejtlu jara d-dgħjufija tiegħek waqt il-qrara tiegħek sabiex Jiena nurih int x’int fik innifsek.

 

 

499.                 Kull taqbida li jiena niġġieled bil-kuraġġ iġġibli l-ferħ, il-paċi, id-dawl, l-esperjenza u l-kuraġġ għall-ġejjieni; ġieħ u glorja lil Alla; u fl-aħħar għalija, il-premju.

 

 

Illum hija l-Festa ta’ Kristu Re.

(27 ta’ Ottubru 1935)

 

500.                 Waqt il-Quddiesa tlabt bil-ħeġġa li Ġesu’ jkun jista’ jsir Re tal-qlub kollha u li l-grazzja divina tkun tista’ tiddi f’kull ruħ. Imbagħad rajt lil Ġesu’ bħalma jidher fix-xbieha, u Huwa qalli, Binti, inti tagħtini l-ikbar glorja meta twettaq bil-fedelta’ x-xewqat tiegħi.

 

 

501.                 Kemm Inti sabiħ, Ġesu’ Għarus tiegħi! Fjura Ħajja li tiġbor fik in-nida li tagħti l-ħajja lil ruħ bil-għatx! Ruħi tegħreq fik. Inti biss l-oġġett tax-xewqat u tal-isforzi tiegħi. Għaqqadni mill-qrib kemm jista’ jkun miegħek, mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu. Ħallini ngħix u mmut fik.

 

 

502.                 L-imħabba biss għandha tifsira; hija tgħolli l-iċken azzjonijiet tagħna sal-infinita’.

 

 

503.                 Ġesu’ tiegħi, verament ma nafx kif kont ngħix mingħajrek – l-Ispirtu tiegħi ssaldjat ma’ Tiegħek. Ħadd ma jista’ jifimha din; l-ewwel, wieħed irid jgħix fik sabiex jagħrfek fl-oħrajn.

 

 

Krakovja, 25 ta’ Ottubru 1935.

Riżoluzzjonijiet tal-Irtir

 

504.                 Li ma nagħmel xejn mingħajr il-permess tal-konfessur tiegħi u l-kunsens tas-superjuri tiegħi f’kollox, l-aktar dwar dawn l-ispirazzjonijiet u talbiet tal-Mulej.

 

Il-ħin ħieles tiegħi kollu jiena ser ngħaddih flimkien mal-Mistieden Divin li jinsab ġewwa ruħi; ser inħares is-skiet interjuri u estern tiegħi sabiex Ġesu’ jkun jista’ jistrieħ ġewwa qalbi.

 

Il-mistrieħ l-iktar ħelu tiegħi jkun jinsab filli nsesrvi u naqdi s-sorijiet, ninsa lili nnifsi u naħseb kif nista’ nogħoġob lis-sorijiet.

 

Ma noffrix spjegazzjonijiet biex niskuża lili nnifsi, lanqas nipprova niddefendi lili nnifsi meta jikkritikawni; inħalli lil kulħadd jiġġudikani kif irid.

 

Jiena għandi biss Ħabib wieħed li fih jiena nafda kollox, u dak hu Ġesu’ – l-Ewkaristija, u r-rappreżentant Tiegħu – il-konfessur tiegħi.

 

F’nofs it-tbatijiet kollha, kemm tal-ġisem u kemm spirtwali, kif ukoll fid-dlam u fid-deżolazzjoni, nibqa’ siekta, bħal ħamiema, u ma nilmentax.

 

Jien niżvotja lili nnifsi l-ħin kollu f’riġlejh sabiex nikseb il-ħniena għall-ewrieħ imsejknin.

 

 

505.                 Ix-xejn tiegħi kollu jinsab mgħarraq fil-baħar tal-ħniena Tiegħek. Bil-fiduċja ta’ tifla jiena nintelaq f’dirgħajk, O Missier il-Ħniena, sabiex inpatti għan-nuqqas ta’ fidi ta’ tant erwieħ li jibżgħu jafdaw fik. Kemm verament huma ftit l-erwieħ li tassew jafuk! Kemm nixtieq bil-ħerqa li l-erwieħ isiru jafu bil-Festa tal-Ħniena! Il-ħniena hi l-kuruna tal-ħidmiet Tiegħek; Int tipprovdi għal kulħadd bl-imħabba ta’ omm l-iżjed ħanina.

 

 

+ Ġ.M.Ġ  Krakovja, 27 ta’ Ottubru1935.

Patri Andrasz – Parir Spiritwali

 

506.                 “Tagħmel xejn mingħajr il-kunsens tas-superjuri. Wieħed irid jaħseb sewwa fuq din il-ħaġa u jitlob ħafna. Wieħed irid joqgħod attent ħafna dwar dawn l-affarijiet għax, fis-satwazzjoni tiegħek fil-preżent, Sor, ir-rieda ta’ Alla hi ċerta u ċara, għax inti fil-fatt marbuta ma’ din il-Kongregazzjoni permezz tal-voti, u terġa’ u tgħid dawn huma voti perpetwi; mela m’għandu jkun hemm l-ebda dubju. L-esperjenza interjuri li inti għaddejja minnha, Sor, hija biss ftit lemħiet ta’ dawl fuq proġett. Alla jista’ jagħmel xi tibdil, imma affarijiet bħal dawn huma rari ħafna. Tgħaġġilx, Sor, sakemm tkun irċevejt għarfien iktar preċiż. Il-ħidmiet ta’ Alla jimxu bil-mod, imma jekk ikunu ġejjin minnu, żgur li inti tagħrafhom b’mod ċar. Jekk ma jkunux, jgħibu; u inti, jekk inti tobdi, ma toħroġx mit-triq it-tajba. Tkellem mal-konfessur tiegħek fuq kollox fil-miftuħ u obdih b’għajnejk magħluqa.”

 

“ Fil-preżent, Sor, m’għandek tagħmel xejn iżjed ħlief li taċċetta t-tbatija sakemm jasal iż-żmien meta kollox jiċċara, jiġifieri, kollox jiġi deċiż. Int għandek dispożizzjoni tajba f’dawn l-affarijiet, u għalhekk kompli f’din is-sempliċita’ u spirtu ta’ ubbidjenza; dan huwa sinjal tajjeb. Jekk inti tkompli għaddejja b’din l-attitudni, Alla ma jħallikx taqa’ fl-iżball. Xorta waħda sakemm huwa possibli, żomm ruħek ‘il bogħod minn dawn l-affarijiet, imma jekk minkejja kollox xorta tibqa’ tiltaqa’ magħhom, irċevihom bil-kalma u tibża’ minn xejn. Inti tinsab fl-idejn tajbin ta’ Alla li Hu fuq kull tjubija. F’dak kollu li inti għidtli, jiena ma nara l-ebda illużjoni jew xejn li jmur kontra l-fidi. Dawn huma affarijiet li huma tajbin fihom infushom, u tkun ħaġa tassew tajba li kieku kellu jkun hemm grupp ta’ erwieħ jitolbu lil Alla għad-dinja, għax ilkoll kemm aħna għandna bżonn it-talb. Int għandek direttur tajjeb; ibqa’ miegħu u kun fil-paċi. Kun fidila lejn ir-rieda ta’ Alla u wettaqha. Għal dak li għandu x’jaqsam mad-doveri tiegħek, dejjem agħmel dak li jgħidulek tagħmel u kif jgħidulek tagħmel, ikun kemm ikun umiljanti jew tqil. Dejjem agħżel l-aħħar post, u mbagħad huma stess jgħidulek, ‘Itla’, ‘l fuq iktar’. Fl-ispirtu u fl-imġieba tiegħek, ikkunsidra lilek innifsek l-iċken waħda fid-dar kollha u fil-Kongregazzjoni kollha. F’kollox u dejjem, kun fidila bl-aħjar mod lejn Alla.”

 

 

507.                 Jien nixtieq, O Ġesu’ tiegħi, li nbati u naqbad fil-fjamma ta’ mħabbtek fiċ-ċirkostanzi kollha ta’ ħajti. Jiena Tiegħek, kollni kemm jiena Tiegħek, u nixtieq ngħib fik, O Ġesu’, nixtieq nintilef, fis-sbuħija divina Tiegħek. Inti tiġri warajja b’imħabbtek, O Mulej; Inti tinfidli ruħi bħal raġġ tax-xemx u tbiddel id-dlam tagħha fid-dawl Tiegħek. Jiena nħoss b’qawwa kbira li jiena qiegħda ngħix ġewwa fik bħal xrara żgħira li jiblagħha n-nar li ħadd ma jista’jifhmu li bih Inti taqbad, O Trinita’ li ħadd ma jasal biex jifhimha! M’hemm l-ebda ferħ ikbar minn dak li tħobb lil Alla. Diġa’ hawnhekk fl-art aħna nistgħu nduqu l-hena ta’ dawk li jinsabu fil-ġenna permezz ta’ għaqda intima’ ma’ Alla, għaqda li hi straordinarja u li ħafna drabi ma jirnexxilniex nifhmuha. Wieħed jista’ jakkwista din l-istess grazzja sempliċiment permezz tal-fedelta’ tar-ruħ.

 

 

508.                 Meta jibdew jaħkmuni l-istmerrija u l-monotonija f’dak li għandu x’jaqsam mad-doveri tiegħi, jiena nfakkar lili nnifsi li ninsab fid-dar tal-Mulej, fejn xejn m’hu bla tifsira u fejn il-Glorja tal-Knisja u l-progress ta’ erwieħ jiddependu minn din l-azzjoni żgħira tiegħi, imwettqa b’mod divinizzat. Mela m’hemm xejn bla tifsira f’kongregazzjoni reliġjuża.

 

 

509.                 Fil-kuntrarju li jiena ngħaddi minnu, infakkar lili nnifsi li għadu ma ntemmx iż-żmien tat-taqbida. Narma lili nnifsi bil-paċenzja, u b’dan il-mod negħleb lil dak li jkun qiegħed jattakkani.

 

 

510.                 Bl-ebda mod ma nfittex il-perfezzjoni biex nissodisfa l-kurżita’, imma ngħarbel fl-ispirtu ta’ Ġesu’ u nżomm għajnejja fuq l-għemejjel Tiegħu bħalma huma miġburin fil-qosor fl-Evanġelju. Saħansitra kieku kelli ngħix elf sena, qatt ma nispiċċa nieħu minn dak li hemm miġbur hemm ġew.

 

 

511.                 Meta l-intenzjonijiet tiegħi ma jiġux rikonoxxuti, imma jiġu aktarx ikkundannati, ma tantx tkun sorpiża għalija, għax jiena naf li Alla biss jgħarbel lil qalbi. Il-verita’ ma tmutx; il-qalb midruba terġa’ tikseb il-paċi biż-żmien, u l-ispirtu tiegħi jissaħħaħ permezz tal-kuntrarju. Jiena mhux dejjem nisma’ minn dak li tgħidli qalbi, imma nibqa’ nitlob lil Alla għad-dawl; u meta nħossni li rġajt ksibt il-bilanċċ, imbagħad nkun nista’ nesprimi ruħi.

 

 

512.                 Il-jum tat-tiġdid tal-voti. Il-preżenza ta’ Alla mlietli ruħi. Waqt il-Quddiesa, rajt lil Ġesu’, u Huwa qalli, Inti l-hena kbir Tiegħi; l-imħabba u l-umilta’ tiegħek, iġegħluni nħalli t-tron Tiegħi fis-sema u ningħaqad miegħek. L-imħabba timla l-abbiss li jeżisti bejn il-kobor Tiegħi u x-xejn tiegħek.’

 

 

513.                 L-imħabba qiegħda timlieli ruħi; jiena niġi mgħaddsa f’oċejan ta’ mħabba. Inħossni qiegħda nintilef u nintilef għal kollox fih.

 

 

514.                 Ġesu’, agħmel li qalbi tkun tixbah lil Tiegħek, jew aħjar ibdilha f’qalbek stess sabiex jiena nkun nista’ nħoss il-bżonnijiet ta’ qlub oħrajn, l-aktar dawk li huma qalbhom sewda u li qedgħin ibatu. Jalla r-raġġi tal-ħniena jistrieħu ġewwa qalbi.

 

 

515.                 Filgħaxija, x’ħin kont miexja fil-ġnien qiegħda ngħid ir-Rużarju u kont wasalt fiċ-ċimiterju, (nota102) ftaħt daqsxejn ix-xatba u qgħadt nitlob għal ftit ħin, u internament staqsejthom, “Intom tinsabu kuntenti ħafna, mhux veru?” Imbagħad smajt il-kliem, “Aħna ninsabu kuntenti daqskemm aħna wettaqna r-rieda ta’ Alla.” – u mbagħad waqa’ s-skiet bħal qabel. Dħalt ġo fija nnifsi u domt naħseb għal żmien twil fuq il-mod kif jiena qiegħda nwettaq ir-rieda ta’ Alla u kemm ruħi qed takkwista miż-żmien li Alla qiegħed jagħtini.

 

 

516.                 Dak inhar stess filgħaxija, x’ħin kont diġa’ dħalt fis-sodda, ġiet għandi ċerta ruħ, qajjmitni billi bdiet ittaptap fuq il-komodina u talbitni nitlob għaliha. Jiena ridt nistaqsi min kienet, imma mmortifikajt il-kurżita’ tiegħi u għaqqadt din il-mortifikazzjoni żgħira mat-talba tiegħi u offrejthom għaliha.

 

 

517.                 Darba, meta kont qiegħda nżur soru marida (nota103) li kellha erbgħa u tmenin sena u kienet magħrufa għal ħafna virtujiet, jiena staqsejtha, “Sor, żgur li inti lesta biex tidher quddiem il-Mulej, mhux veru?” Hija wieġbet, “Jiena ili għomri kollu nħejji ruħi għal din l-aħħar siegħa.” U mbagħad hija żiedet tgħidli, “Ix-xjuħija ma tagħti l-ebda dispensa mit-taqtigħa.”

 

 

518.                 Qabel Jum il-Mejtin (2 ta’ Novembru), jiena mort iċ-ċimiterju malli beda jbexbex filgħaxija. Għalkemm kien imsakkar irnexxieli niftaħ daqsxejn ix-xatba u għidt, “Jekk għandkom bżonn xi ħaġa għeżież erwieħ ċkejknin, jiena lesta li ngħinkom sakemm tippermettili r-regola.” Imbagħad jiena smajt dan il-kliem, “Agħmel ir-rieda ta’ Alla, aħna nkunu kuntenti daqskemm aħna nkunu wettaqna r-rieda ta’ Alla.”

 

 

519.                 Filgħaxija, ġew dawn l-erwieħ u talbuni għalihom, u verament tlabt ħafna għalihom. Filgħaxija, x’ħin il-purċissjoni kienet ġejja lura miċ-ċimiterju, jiena  rajt qtajja’ kbar ta’ erwieħ mexjin magħna għal ġol-kappella u jitolbu flimkien magħna. Jiena tlabt ħafna, għaliex kelli l-permess tas-superjuri tiegħi (nota104) sabiex nagħmel din il-ħaġa.

 

 

520.                 Matul il-lejl żaritni ruħ li diġa’ kont rajt qabel. Iżda ma talbitnix nitlob, imma ċanfritni, u qaltli li jiena darba kont supperva ħafna u vanituża . . . “u issa inti qiegħda tinterċedi għall-oħrajn filwaqt li inti stess għandek ċerti vizzji.” Jiena weġibt li jiena veru kont vanituża u supperva, imma jiena dan kont qerrejtu u għamilt il-penitenza biex inpatti għall-injoranza tiegħi, u li jien afdajt fit-tjubija ta’ Alla tiegħi, u jekk jiena kien għadni naqa’ minn żmien għal żmien, dan ma kontx nagħmlu apposta u qatt bi pjan minn qabel, ukoll fl-iċken affarijiet. Xorta waħda, ir-ruħ baqgħet iċċanfarni u qaltli, “Għaliex ma tridx tirrikonoxxi l-kobor tiegħi? Għaliex inti biss ma tagħtinix glorja għall-għemejjel kbar tiegħi bħalma jagħmlu l-oħrajn kollha?” Imbagħad rajt li dan kien Satana jistaħba taparsi din ir-ruħ, u jiena għidt, “Il-glorja hija għal Alla biss; itlaq, Satana!” U f’daqqa waħda din ir-ruħ waqgħet f’abbiss, tant hu orribli li ma tistax tiddeskrivih. U jiena għidt lil din ir-ruħ imsejkna li jiena kont sejra ngħid lill-Knisja kollha dwar din il-ħaġa.

 

 

521.                 Is-Sibt tlaqna minn Krakovja u morna lura Vilnius. Waqafna biex inżuru Czestochowa. Waqt li kont qiegħda nitlob quddiem ix-xbieha mirakoluża, ħassejt li . . . huma jintgħoġbu. . . (il-ħsieb mhux komplut)

 

 

(Jispiċċa l-ewwel pitazz)

 

 

 

IL-ĦNIENA TAL-MULEJ GĦAL DEJJEM JIENA NKANTA

(Il-Ħniena Divina ġewwa ruħi)

 

It-Tieni Pitazz

 

+ Ġ.M.Ġ

 

522.                 + Il-ħniena tal-Mulej għal dejjem jiena nkanta,

Quddiem kulħadd inkantaha

Għax hija l-ikbar attribut ta’ Alla

U għalina miraklu li qatt ma jara tmiem.

 

Int toħroġ tgelgel mit-Trinita’ Divina,

Imma minn ġuf waħdieni mimli mħabba.

Il-ħniena tal-Mulej tiġi rrivelata fir-ruħ

Fil-milja kollha tagħha, meta jaqa’ l-velu.

 

Mill-għajn tal-ħniena Tiegħek, O Mulej,

Joħroġ l-hena kollu u l-ħajja,

U hekk, il-ħlejjaq kollha u l-ħolqien kollu

Ikantaw f’estasi għanja ta’ ħniena.

 

Is-sentimenti tal-ħniena ta’ Alla nfetħu għalina,

Permezz tal-ħajja ta’ Ġesu’ minxur fuq is-Salib.

O midneb, m’għandekx tiddubita jew tiddispra,

Imma għandek tafda fil-ħniena, għax inti wkoll tista’ ssir qaddis.

 

Żewġ xmajjar f’forma ta’ raġġi

Ħarġu jgelglu mill-Qalb ta’ Ġesu’,

Mhux għall-Anġli, lanqas għall-Kerubini jew is-Serafini,

Imma għas-salvazzjoni tal-bniedem midneb.

 

 

+ Ġ.M.Ġ 

O rieda ta’ Alla, kun l-imħabba tiegħi.

 

523.                 Ġesu’ tiegħi, Int taf  li waħdi jiena ma kontx nikteb ittra waħda, u jekk jiena qiegħda nikteb, dan qiedgħa nagħmlu biss minħabba kmand ċar ta’ ubbidjenza qaddisa.

 

 

Alla u l-erwieħ

S. M. Fawstina tas-Sagrament Imqaddes (nota105)

 

524.                 + O Ġesu’, Alla moħbi,

Qalbi qiegħda tarak

Għalkemm jaħbuk il-velijiet;

Int taf li jiena nħobbok.

 

 

+ Ġ.M.Ġ  Vilnius, 24 ta’ Novembru 1935                                                                                   + It-tieni pitazz

Ikun imbierek Alla!

525.                 O Trinita’ Qaddisa, li fiha tinsab il-ħajja interjuri ta’ Alla, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, ferħ etern, profondita’ ta’ mħabba li ħadd ma jista’ jimmaġinaha, li ġiet imferrgħa fuq il-ħlejjaq kollha u li fiha jinsab il-hena tagħhom, qima u glorja lill-Isem qaddis Tiegħek għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Meta jiena nikkunsidra l-kobor u s-sbuħija Tiegħek, O Alla tiegħi, jiena nifraħ bil-bosta li l-Mulej li jiena naqdi hu daqshekk kbir. Bl-imħabba u bil-ferħ jiena nagħmel ir-rieda Tiegħu, u iktar ma nsir nafu, iktar nixtieq inħobbu. Jiena nħossni naqbad bix-xewqa li nsir nħobbu dejjem iżjed u iżjed.

 

 

526.                 L-erbatax tax-xahar. Dan il-Ħamis, filwaqt li kellna adorazzjoni billejl, għall-ewwel darba ma stajtx nitlob; nixfa ta’ ċertu tip ħakmitni. Ma stajtx nimmedita fuq il-Passjoni doloruża ta’ Ġesu’. Jiena għalhekk inftajt minn tuli fl-art u offrejt il-pasjoni l-iktar doloruża tal-Mulej Ġesu’ lill-Missier tas-sema bħala riparazzjoni għad-dnubiet tad-dinja kollha. Meta rġajt qomt bilwieqfa wara din it-talba u mxejt lejn il-ġinokkjatur tiegħi, f’daqqa waħda rajt lil Ġesu’ maġenbu. Il-Mulej Ġesu’ deher bħalma kien waqt il-flaġellazzjoni. F’idejh kien qiegħed iżomm liebsa bajda li Huwa libbishieli u ħabel li dawwarhuli ma’ qaddi, u għattieni b’mantar aħmar bħal dak li kienu libbsuh matul il-Passjoni Tiegħu u velu tal-istess kulur, u qalli, Qiegħda tara kif ser tkunu lebsin inti u l-kumpanji tiegħek. Il-ħajja Tiegħi mit-twelid sal-mewt fuq is-Salib tkun ir-regola tagħkom. Ħares fiss lejja u għix skont dak li inti tara. Jiena nixtieq li inti tidħol ‘il ġewwa fl-ispirtu Tiegħi b’mod iktar profond u tifhem li Jiena ta’ Qalb ħelwa u umli.

 

 

527.                 Darba, ħassejtni mbuttata li nibda naħdem u nwettaq dak li Alla kien qiegħed jistenna mingħandi, kien x’kien. Għal waqt wieħed dħalt fil-kappella u smajt vuċi ġewwa ruħi qiegħda tgħidli, Għax qiegħda tibża’? Taħseb li Jiena mhux ser ikolli omnipotenza biżżejjed biex inwieżnek? Dak il-ħin, ruħi ħasset saħħa straordinarja, u l-kuntrarju kollu li seta’ jiġrili sakemm jiena nwettaq ir-rieda ta’ Alla deher qiesu mhu xejn f’għajnejja.

 

 

528.                 Il-ġimgħa waqt il-Quddiesa x’ħin ruħi kienet mimlija bil-ferħ ta’ Alla, smajt din il-kliem ġewwa ruħi: Il-ħniena Tiegħi għaddiet għal ġo l-erwieħ permezz tal-Qalb ta’ Ġesu’ li hi l-istess ħin divina u umana bħalma raġġ tax-xemx jgħaddi minn ġol-kristall. Jiena ħassejt ġewwa qalbi u fhimt lil kull min jersaq lejn Alla jagħmel dan permezz ta’ Ġesu’, fih u bih.

 

 

529.                 Fl-aħħar jum (15 ta’ Novembru) tan-novena f’Ostra Brama, filgħaxija, wara l-kant tal-litanija, wieħed mis-saċerdoti espona s-Sagrament Imqaddes fl-ostensorju. Meta poġġieh fuq l-altar, minnufih jiena rajt il-Bambin Ġesu’, joħroġ l-idejn żgħar Tiegħu, l-ewwelnett lejn Ommu, li f’dak il-waqt dehret qisha ħajja. Filwaqt li Omm Alla kienet qiegħda titkellem miegħi, Ġesu’ fetaħ l-idejn ċkejknin Tiegħu lejn il-kongregazzjoni. Il-Verġni Mbierka kienet qiegħda tgħidli naċċetta kulma kien qed jitlob Alla mingħandi bħal tifla żgħira, mingħajr ma nistaqsi domandi; jekk ma nagħmilx hekk, ma nkunx qiegħda nogħġob lil Alla.  F’dak il-waqt, il-Bambin Ġesu’ għeb, u Omm Alla ma baqgħetx tidher ħajja, u l-istampa tagħha reġgħet dehret bħalma kienet qabel. Imma ruħi kienet mimlija b’hena u ferħ kbir, u jiena għidt lill-Mulej: “Agħmel bija dak li trid; jiena lesta għal kollox, imma Inti, O Mulej, tabbandunanix lanqas għal waqt wieħed biss.”

 

 

+ Ġ.M.Ġ

 

530.                 Għall-glorja tat-Trinita’ l-Aktar Qaddisa.

Jiena tlabt lil Madre Superjura (Borgia) tagħtini permess nagħmel sawma ta’ erbgħin jum, u nieħu darba kuljum biċċa ħobż u tazza ilma. Imma, fuq il-parir tal-konfessur tiegħi (Dun Sopocko), il-Madre Superjura ma qablitx li nagħmel erbgħin jum imma sebgħa. “Ma nistax neżentak għal kollox mid-dmirijiet tiegħek Sor, minħabba s-sorijiet l-oħrajn li jistgħu jindunaw b’xi ħaġa. Jiena nagħtik il-permess tiegħi li tingħata għat-talb u li tieħu nota ta’ xi ftit minn dawn l-affarijiet, imma jkun diffiċli ħafna għalija li nżommok taħt għajnejja għal dak li għandu x’jaqsam mas-sawm. Fil-verita’, ma nista’ naħseb fl-ebda soluzzjoni għal din il-ħaġa,” u qaltli, “Issa mur, Sor u forsi jkolli xi dawl.” Il-Ħadd filgħodu, jiena fhimt li meta l-Madre Superjura tatni x-xogħol mal-bieb waqt il-ħin tal-ikel, dan għamiltu bil-ħsieb li tkun qiegħda tagħtini ċ-ċans li nsum. Filgħodu, ma mortx għall-ewwel kolazzjon imma, ftit wara, jiena mort għand il-Madre Superjura u staqsejtha jekk hi kenitx tatni ix-xogħol mal-bieb sabiex ikun possibli għalija li nsum mingħajr ma jinduna ħadd. Il-Madre wieġbet, “Meta tajtek dan ix-xogħol, (nota106) Sor, dak li kelli f’moħħi.” Jiena mbagħad rajt dak li kien l-istess ħsieb li kien għadda minn moħħi.”

 

531.                 24 ta’ Novembru 1935. Il-Ħadd, l-ewwel jum. Mort minnufih quddiem is-Sagrament Imqaddes u offrejt lili nnifsi flimkien ma’ Ġesu’, preżenti fis-Sagrament Imqaddes, lill-Missier Etern. Imbagħad jiena smajt dan il-kliem ġewwa ruħi, L-iskop tiegħek u tal-kumpanji tiegħek hu li intom tingħaqdu Miegħi mill-qrib kemm jista’ jkun; permezz tal-imħabba inti għad terġa’ tħabbeb l-art mas-sema, inti ttaffi l-korla ġusta ta’ Alla, u titlob ħniena għad-dinja. Jiena qed inpoġġi f’idejk żewġ perli li huma prezzjużi ħafna għall-Qalb Tiegħi: dawn huma l-erwieħ tas-saċerdoti u tar-reliġjużi. Inti trid titlob għalihom b’mod speċjali; is-saħħa tagħhom għad trid tiġi minn kemm int ċċekken lilek innifsek. Inti tgħaqqad it-talb, sawm, mortifikazzjonijiet, ħidmiet u t-tbatijiet kollha mat-talb, sawm, mortifikazzjoni, ħidmiet u tbatijiet Tiegħi u mbagħad huma jkollhom qawwa quddiem Missieri.

 

 

532.                 Wara t-Tqarbin, jiena rajt lill-Mulej Ġesu’, li qalli dan il-kliem: Illum, idħol ‘il ġewwa fl-ispirtu tal-faqar Tiegħi u irranġa kollox b’tali mod li wkoll l-ifqar nies ma jkollhom l-ebda raġuni li jgħiru għalik. Jiena nieħu gost, mhux bil-bini kbir u strutturi tal-għaġeb, imma b’qalb safja u umli.

 

 

533.                 X’ħin sibt ruħi waħdi, bdejt naħseb fuq l-ispirtu tal-faqar. Rajt ċar li Ġesu’, għalkemm Hu s-Sid ta’ kollox, ma kellu xejn Tiegħu. Minn maxtura li ssellef, Huwa għex ħajtu kollha jagħmel il-ġid lil kulħadd, filwaqt li Hu ma kellux post fejn ipoġġi rasu. U fuq is-Salib, jiena nara l-quċċata tal-faqar tiegħu, għax lanqas ħwejjeġ m’għandu fuqu. O Ġesu’ permezz ta’ vot solenni ta’ faqar jiena nixtieq insir bħalek; il-faqar ikun ommi. Bħalma minn barra m’għandu jkollna xejn li nistgħu niddisponu minnu, hekk ukoll minn ġewwa m’għandna nixtiequ xejn. U fis-Sagrament Imqaddes, kemm hu kbir il-faqar Tiegħek! Qatt kien hemm ruħ abbandunata bħalma kont Inti fuq is-Salib, Ġesu’?

 

 

534.                 Il-Kastita’. M’hemmx għalfejn nispjegaw li dan il-vot jipprojbixxi dawk l-affarijiet kollha li jmorru  kontra s-sitt u d-disa’ kmandament: azzjonijiet, ħsibijiet, kliem, sentimenti. . .  jiena nifhem li vot solenni huwa differenti minn vot sempliċi; dan jiena nifhmu b’dak kollu li jimplika. Filwaqt li kont qiegħda naħseb fuq dan, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Int l-għarusa Tiegħi għal dejjem; il-kastita’ tiegħek għandha tkun ikbar minn dik tal-Anġli, għax Jiena ma nsejjaħ lil ebda anġlu għal tant intimita’ bħalma Jiena qed insejjaħ lilek. L-iċken att tal-għarusa Tiegħi hu ta’ valur bla tarf. Ruħ safja għandha setgħa li ma tistax timmaġinaha quddiem Alla.

 

 

535.                 L-Ubbidjenza. Jiena ġejt sabiex nagħmel ir-rieda ta’ Missieri. Jiena obdejt il-ġenituri Tiegħi; Jiena obdejt lil dawk li ttorturawni u issa Jiena qed nobdi lis-saċerdoti. Jiena qiegħda nifhem, O Ġesu’, l-ispirtu tal-ubbidjenza u f’hiex tikkonsisti. Tinkludi mhux biss it-twettiq estern, imma wkoll ir-raġuni; ir-rieda u l-ġudizzju. Meta aħna nobdu s-superjuri tagħna, inkunu qedgħin nobdu lil Alla. M’hemm l-ebda differenza jekk ikunx anġlu jew bniedem li jkun qed jaġixxi minflok Alla, li jkun qed jagħtini l-ordnijiet: jiena għandi dejjem nobdi. Jiena minix sejra nikteb ħafna dwar il-voti; dawn huma ċari u speċifiċi. Jiena nippreferi nikteb xi ftit ħsibijiet ġenerali dwar din il-kongregazzjoni.

 

 

+ Ġabra fil-qosor inġenerali

 

536.                 Qatt m’hu ser ikun hemm xi djar sbieħ, imma biss knisja żgħira b’komunita’ żgħira magħmula minn ftit erwieħ, mhux iktar minn għaxra, minbarra żewġ esterni biex ilaħħqu mal-affarijiet esterni tal-komunita’ u tal-knisja. Dawn iż-żewġ sorijiet ma jilbsux l-abitu, imma jilbsu sekulari; huma jieħdu l-voti sempliċi, u jkunu jiddependu strettament mis-superjura, li tkun soru tal-klawsura. Huma jkollhom sehem mill-benefiċċji spirtwali kollha tal-kongregazzjoni. Qatt m’għandu jkun hemm iktar minn tnejn, u, jekk jista’ jkun, waħda biss. Kull dar tkun indipendenti mill-oħrajn, għalkemm ikunu maqgħudin mill-qrib bir-regola, bil-voti u bl-ispirtu. F’każi eċċezzjonali, iżda, soru minn komunita’ waħda tista’ tiġi trasferita f’oħra u wkoll, jekk ikun hemm ċans li tinbena dar ġdida, xi sorijiet jistgħu jiġu trasferiti, jekk ikun hemm bżonn, minn dar oħra. Kull dar tkun tiddependi mill-Ordinarju tal-post.

 

 

537.                 Kull soru jkollha ċella għaliha, imma l-ħajja tkun komunitarja għal dak li għandu x’jaqsam mat-talb, l-ikel, u r-rikreazzjoni. Kull soru, wara l-professjoni tagħha qatt ma tara d-dinja iżjed, lanqas minn ġol-grada, għax din tiġi mgħottija b’biċċa drapp skura, u l-konverżazzjonijiet ukoll ikunu limitati ħafna. Hija tkun bħallikieku mejta, id-dinja ma tifhimhiex u hi ma tifhimx lid-dinja. Hija toqgħod f’postha bejn is-sema u l-art, titlob lil Alla l-ħin kollu biex ikollu ħniena mid-dinja u sabiex is-saċerdoti jkollhom is-saħħa li kliemhom ma jkunx vojt u sabiex huma, fid-dinjita’ straordinarja tagħhom u kif inhuma hekk esposti għar-riskju, ikunu jistgħu jżommu ruħhom bla ebda tiċpisa ta’ dnub. Għalkemm dawn l-erwieħ ma jkunux ħafna huma jkunu erwieħ erojċi. Ma jkunx hemm post għal erwieħ beżżiegħa jew effeminati.

 

 

538.                 Ma jkun hemm l-ebda distinzjoni bejn is-sorijiet, l-ebda Madre, (nota107) Reverenda, Venerabbli, imma kulħadd ikun indaqs, għalkemm jista’ jkun hemm differenzi kbar fin-nisel tal-familja li jkunu ġew minnha. Aħna nafu min kien Ġesu’, u kif madankollu Huwa umilja ruħu u ma’ min kien jassoċja ruħu. L-abitu tagħhom ikun bħal dak li kien liebes Ġesu’ waqt il-Passjoni Tiegħu, u huma mhux biss jilbsu l-libsa (li libes Hu); huma jridu jiġu mmarkati wkoll bil-marki Tiegħu; it-tbatija u d-disprezz. Kull waħda tistinka għall-ikbar ċaħda u tkun tħobb l-umilta’, u dik li tispikka l-iktar f’din il-virtu’ tal-aħħar tkun dik li tkun kapaċi tmexxi lill-oħrajn.

 

 

539.                 Bħalma Alla ħalliena naqsmu miegħu fil-ħniena Tiegħu u, anzi iżjed minn hekk, inxerrduha flimkien miegħu, aħna mela għandu jkollna mħabba kbira għal kull ruħ, nibdew mill-magħżulin u nispiċċaw b’dik ir-ruħ li għadha ma tafx lil Alla. Permezz tat-talb u tal-mortifikazzjoni; aħna nkunu nistgħu mmorru fil-pajjiżi l-inqas ċivilizzati u nħejju t-triq għall-missjunarji. Għandna nżommu f’moħħna li suldat li qed jiġġieled quddiem nett ma jistax jibqa’ wieqaf fit-tul mingħajr ma jkollu l-għajnuna mill-qawwiet li jkunu qedgħin fuq wara li, filfatt, ma jkunux qedgħin jiġġieldu imma jipprovdu għall-bżonnnijiet tiegħu kollha; dan hu r-rwol tat-talb, u għalhekk kull wieħed u kull waħda minna għandu jkollha spirtu apostoliku li jiddistingwiha.

 

 

540.                 Filgħaxija x’ħin kont qiegħda nikteb, smajt vuċi fiċ-ċella tiegħi tgħid, “Titlaqx minn din il-Kongregazzjoni, ikollok ħniena minnek innifsek, hemm tbatijiet kbar ħafna jistennewk.” X’ħin ħarsit fid-direzzjoni tal-vuċi, ma rajt xejn, u komplejt nikteb. F’daqqa waħda smajt ħoss u l-kliem: “Meta inti titlaq, aħna neqirduk. Toqgħodx tittorturana.” Ħarist madwari u rajt ħafna mostri koroh. Jiena mbagħad għamilt is-sinjal tas-Salib f’moħħi u huma għebu fil-pront. Kemm hu terribli u ikrah Satana! Imsejkna erwieħ mitlufin li jkollhom iżommulu kumpanija! Tarah biss hu iżjed diżgustanti mit-turmenti kollha tal-infern.

 

 

541.                 Ftit ħin wara, smajt din il-vuċi ġewwa ruħi: Tibża’ minn xejn; xejn m’hu ser jiġrilek kontra r-rieda Tiegħi. Wara dan il-kliem tal-Mulej, qawwa mhix tas-soltu mlietli ruħi. Jiena fraħt ħafna li Alla hu daqshekk tajjeb.

 

 

542.                 Iż-żmien ta’ tħejjija bħala Postulanta. (nota108) L-eta’ biex wieħed jidħol: ikun min ikun, bejn l-eta’ ta’ ħmistax u tletin. L-ewwelnett, l-ispirtu li jkollha l-kandidata u l-karattru tagħha għandna nikkunsidrawhom, hekk hi għandhiex rieda sħiħa u l-kuraġġ li timxi wara Ġesu’ bil-ferħ, għax Alla jħobb lil min jagħti bil-qalb. Hi trid tobgħod lid-dinja u lilha nnfisha. Jekk hi ma jkollhiex dota, dan qatt m’hu se jkun ostaklu biex hi tidħol fil-kunvent. Il-formalitajiet kollha dwar il-kandidata għandhom ikunu ċari; l-ebda każ komplikat m’għandu jitħalla jidħol.

 

Persuni li jbatu bil-melankonija, dawk li huma inklinati għas-swied ta’ qalb, dawk li jsofru minn mard li jittieħed, dawk li m’għandhomx karattru stabbli u dawk li huma inklinati li jkunu suspettużi mhumiex adattati għall-ħajja reliġjuża u m’għandhomx  jitħallew jidħlu. Il-membri għandhom jiġu magħżulin bl-ikbar attenzjoni, għax membru waħda li mhix tajba hi biżżejjed biex titfa’ kunvent sħiħ f’konfużjoni.

 

 

543.                 Kemm idum iż-żmien ta’ tħejjija bħala postulanta. Dan idum sena. Matul dan iż-żmien, il-kandidata għandha teżamina jekk hi għandhiex ġibda għal dan it-tip ta’ ħajja u jekk tgħoddx għaliha. Id-direttriċi għandha tiżen bir-reqqa jekk din il-persuna hix adattata  jew le għal dan it-tip ta’ ħajja. Wara sena, jekk il-postulanta turi li għandha rieda soda u xewqa mħeġġa li taqdi lil Alla, għandhom idaħħluha għan-novizzjat.

 

 

544.                 In-novizzjat (nota109) għandu jdum sena sħiħa mingħajr waqfien. F’dan iż-żmien in-novizza għandha tiġi mgħallma dwar il-virtujiet li għandhom x’jaqsmu mal-voti u dwar l-importanza tal-voti. Id-direttriċi għandha tagħmel mill-aħjar sabiex tipprovdi formazzjoni soda. Hi għandha trawwem in-novizzi fil-prattika tal-umilta’, għaliex qalb umli biss tosserva l-voti mingħajr inkwiet u jkollha esperjenza tal-ferħ kbir li Alla jferra’ fuq ir-ruħ li tkun fidila.

 

In-novizzi m’għandhomx jiġu mtaqqlin bi dmirijiet li jġibu magħhom responsabbiltajiet, sabiex huma jkunu liberi jagħtu l-attenzjoni tagħhom lill-perfezzjoni tagħhom stess. Huma obbligati josservaw ir-regoli u l-istatuti b’mod strett, bħalma huma wkoll il-postulanti.

 

 

545.                 Wara sena novizzjat, jekk in-novizza turi li hi fidila, tista’ titħalla tagħmel l-professjoni tagħha għal sena. Din il-ħaġa għandha tiġi ripetuta għal tliet snin. Imbagħad tista’ tiġi mgħotija dmirijiet li jġibu magħhom responsabbilta’. Imma hi tkun għadha tagħmel man-novizzjat, u darba fil-ġimgħa għandha tattendi konferenzi flimien man-novizzi, u l-aħħar sitt xhur tgħaddihom kollha kemm huma fin-novizzjat sabiex tħejji ruħha għall-professjoni solenni tagħha. (nota110)

 

 

546.                 Ikel. Ma nieklux laħam. L-ikel tagħna jkun tali li lanqas il-foqra ma jkollhom għalfejn jgħiru għalina. Ġranet tal-festa, iżda, jistgħu jkunu daqsxejn differenti mill-ġranet tas-soltu. Is-sorijiet jieklu tliet darbiet kuljum. Is-sawm, speċjalment it-tnejn il-kbar, jiġi osservat b’mod strett, skont l-ispirtu oriġinali. L-ikel għandu jkun xorta għas-sorijiet kollha bla ebda eċċezzjoni sabiex il-ħajja tal-komunita’ tkun tista’ tinżamm safja. Dan japplika mhux biss għall-ikel imma wkoll għall-ilbies u l-għamara taċ-ċelel. Imma, jekk soru timrad, għandha tingħata l-attenzjoni kollha.

 

 

547.                 Talb. Siegħa meditazzjoni. Quddiesa u Tqarbina, talb, żewġ eżamijiet tal-kuxjenza, l-Uffiċċju, (nota111) Rużarju, qari spirtwali, siegħa talb billejl. Dwar orarju, aħjar infassluh wara li nkunu bdejna ngħixu din it-tip ta’ ħajja.

 

 

548.                 F’daqqa waħda smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Binti, jiena nassigurak li jkollok dħul permanenti ta’ flus li tkun tista’ tgħix bih. Id-dmir tiegħek ikun li tafda bis-sħiħ fit-tjubija Tiegħi, u d-dmir Tiegħi jkun li Jiena nagħtik kulma inti teħtieġ. Jiena qed niddependi mill-fiduċja tiegħek; jekk il-fiduċja tiegħek tkun kbira, il-ġenerożita’ Tiegħi mbagħad tkun bla tarf.

 

 

549.                 Xogħol. Bħala persuni foqra, is-sorijiet stess jagħmlu x-xogħol kollu fil-kunvent. Kull waħda għandha tifraħ meta hi tingħata xi xogħol li jkun umiljanti jew li jmur kontra n-natura tagħha, għax dan jgħin ħafna l-formazzjoni interjuri tagħha. Is-Superjura tbiddel id-dmirjiet tas-sorijiet spiss, u b’dan il-mod tgħinhom jinqatgħu kompletament mid-dettalji żgħar li n-nisa għandhom ħabta jintrabtu magħhom sewwa. Verament, jiena spiss naraha ħaġa tad-daħk li nara b’għajnejja stess erwieħ li kienu kapaċi jinfatmu minn affarijiet verament kbar u mbagħad jispiċċaw jibqgħu marbutin ma’ affarijiet ċkejknin; jiġifieri, affarijiet bla ebda siwi. Kull soru, is-superjura inkluża, taħdem fil-kċina għal xahar. Kull waħda għandha twettaq, meta jmiss lilha, kull biċċa xogħol li jkun hemm fil-kunvent.

 

 

550.                 U dejjem u f’kollox, l-intenzjoni tagħhom għandha tkun safja, għax kull xorta ta’ intenzjoni mħallta ma togħġbux lil Alla. Huma għandhom jakkużaw lilhom infushom b’kull żball estern li jagħmlu, u jitolbu s-superjura tagħtihom penitenza. Dan għandhom jagħmluh fi spirtu ta’ umilta’.

 

Huma għandhom iħobbu lil xulxin bi mħabba sublimi, bi mħabba safja, u jaraw ix-xbieha ta’ Alla f’kull soru. L-imħabba għandha tkun il-karatteristika speċjali ta’ din il-komunita’ żgħira għalhekk huma m’għandhomx jalqgħu qalbhom, imma jgħannqu d-dinja kollha, juru ħniena ma’ kull ruħ permezz tat-talb, skont is-sejħa tagħhom. Jekk aħna ngħixu f’dan l-ispirtu ta’ ħniena, aħna wkoll għad nirċievu l-ħniena.

 

 

551.                 Kemm għandha tkun kbira l-imħabba ta’ kull waħda għall-Knisja! Bħalma tifel tajjeb jitlob għall-omm li jħobb, hekk ukoll kull ruħ nisranija għandha titlob għall-Knisja, li hi ommha. X’għandna xi ngħidu mela għalina r-reliġjużi li tajna l-kelma b’mod speċjali li nitlobu għall-Knisja? Kemm hu kbir mela l-appostolat tagħna, moħbi kemm hu moħbi. Ix-xejn kollu tagħna ta’ kuljum jitpoġġa f’riġlejn il-Mulej Ġesu’ bħala offerta li tpatti għad-dinja; imma sabiex l-offerta tagħna tkun togħġob lil Alla, għandha tkun safja. U sabiex tkun safja, il-qalb trid tinħeles minn dak kollu li hi marbuta miegħu b’mod naturali; u l-ġibdiet kollha tagħha għandhom jiġu ndirizzati lejn il-Ħallieq, u hi tħobb il-ħlejjaq kollha fih u skont ir-rieda Tiegħu; u meta ġġib ruħha b’dan il-mod, kull waħda ġġib il-ferħ fil-Knisja bl-ispirtu mħeġġeġ tagħha.

 

 

552.                 Minbarra l-voti, jiena nara li hemm regola waħda li hi l-aktar importanti. Għalkemm ir-regoli kollha huma mportanti, jiena npoġġi din fl-ewwel post, u din hi s-skiet. Verament, li kieku din ir-regola kellha tiġi mħarsa strettament, ma kontx ninkwieta fuq l-oħrajn. In-nisa jħobbu jpaċpċu ħafna, imma l-ispirtu s-Santu ma jitkellimx ma’ ruħ distratta u tħobb tpaċpaċ. Huwa jitkellem, permezz tal-ispirazzjonijiet kwieti Tiegħu, ma’ruħ li tkun miġbura, ma’ ruħ li taf iżżomm is-skiet. Li kieku s-skiet kellu jiġi mħares strettament, ma kienx ikun hemm tgergir, imrar, kalunji, jew seksik, u ma nonqsux mill-karita’. F’kelma waħda, ma jsirux ħafna ħsarat. Xofftejn siekta huma deheb safi li jagħtu xhieda tal-qdusija ġewwa r-ruħ.

 

 

553.                 Imma rrid nitkellem minnufih dwar it-tieni regola; li hi, id-diskors. Li wieħed jibqa’ sieket meta għandu jitkellem hija imperfezzjoni u xi drabi dnub ukoll. U għalhekk, is-sorijiet kollha għandhom jieħdu sehem fir-rikreazzjoni, u s-superjura m’għandhiex tiddispensahom minn dan ħlief għal xi raġuni ta’ mportanza kbira. Ir-rikreazzjoni hi opportunita’ biex isiru jafu lil xulxin. Kull soru għandha tgħid dak li tkun qiegħda tħoss bis-sempliċita’ għall-edifikazzjoni tal-oħrajn u mhux bi spirtu ta’ superjorita’ jew, Alla ħares, bil-ġlied, għax ħaġa bħal din ma tkunx taqbel mal-perfezzjoni u l-ispirtu tal-vokazzjoni tagħna, li għandu jkollha l-karatteristika speċjali tal-imħabba. Darbtejn kuljum, ikun  hemm rikreazzjoni ta’ nofs siegħa. Imma jekk soru tikser is-skiet barra dak il-ħin hija għandha takkuża lilha nnfisha quddiem is-Superjura fil-pront u titlobha penitenza, u s-Superjura għandha tikkastiga dawn in-nuqqasijiet b’penitenza fil-pubbliku, għax jekk ma tagħmilx dan ikollha tagħti rendikont quddiem il-Mulej.

 

 

554.                 Il-Klawsura (nota112) Ħadd ma jista’ jidħol fil-Klawsura mingħajr il-permess speċjali tal-Ordinarju u f’ċirkustanzi speċjali ħafna, bħalma huma l-amministarazzjoni tas-Sagramenti lill-morda sabiex jiġu mħejjijin għall-mewt, u għar-riti tad-difna. Jista’ jkun hemm bżonn ukoll li jdaħħlu xi ħaddiem biex jagħmel xi xogħolijiet ta’ tiswija, imma għal ħaġa bħal din hemm bżonn permess speċifiku. Il-bieb li jagħti għall-klawsura jibqa’ dejjem imsakkar u s-Superjura biss ikollha ċ-ċavetta.

 

 

555.                 L-użu tal-parlatorju. Ħadd mis-sorijiet ma jagħmel użu mill-parlatorju mingħajr il-permess speċjali tas-superjura, u s-superjura m’għandhiex tippermetti żjajjar ta’ spiss. Dawk li mietu għad-dinja m’għandhomx imorru lura fiha, lanqas permezz ta’ konverżazzjonijiet. Imma jekk is-superjura jidhrilha li hi ħaġa sewwa li tippermetti li xi soru tmur fil-parlatorju, hi għandha tosserva dawn ir-regoli. Hi stess għandha takkumpanja lis-soru, u jekk ma tkunx tista’ tagħmel din il-ħaġa, għandha tagħmel mod li tieħu postha soru oħra li tkun marbuta bis-sigriet u li m’għandhiex tirrepeti dak li tkun semgħet, imma għandha tinforma s-superjura b’kollox. Il-konverżazzjonijiet għandhom ikunu qosra, għallinqas jekk ma jkunx hemm permess għal ħin żejjed minħabba l-persuna li tkun ġiet tagħmel iż-żjara. Imma l-purtiera m’għandhiex tinfetaħ, ħlief għal każijiet speċjali ħafna, bħalma huma, per eżempju, meta xi omm jew missier jitlob b’urġenza sabiex isir dan.

 

 

556.                 Ittri. Kull soru tista’ tikteb ittri ssiġillati lill-Ordinarju lid-dar tkun soġġetta għalih. Għal ittri oħra, ikunu xi jkunu, hemm bżonn permess, u s-soru għandha tgħaddi l-ittra mhix ssiġillata lis-superjura. Is-superjura għandu jmexxiha l-ispirtu tal-imħabba u tal-prudenza, u għandha d-dritt tibgħat l-ittra jew iżżommha, fid-dawl ta’ dak li hu għall-ikbar glorja ta’ Alla. Jiena nippreferi, iżda, li komunikazzjonijiet bħal dawn ikunu rari kemm jista’ jkun. Ejjew ngħinu lin-nies permezz tat-talb u l-mortifikazzjoni, u mhux permezz tal-korrispondenza.

 

 

557.                 Il-qrar. Kemm il-konfessuri regolari kif ukoll dawk starordinarji għall-komunita’ jiġu magħżulin mill-(Isqof) Ordinarju. (nota113). Ikun hemm konfessur wieħed regolari u hu jqarar lis-sorijiet darba f’ġimgħa. Il-konfessur starordinarju jiġi kull tliet xhur, u kull soru tkun obbligata li tmur tarah, ukoll jekk ma tqerrx. Iż-żewġ konfessuri jżommu posthom fil-kunvent għal tliet snin. Imbagħad ikun hemm vot sigriet, u s-superjura tissottometti r-riżultati lill-Ordinarju. Il-konfessur jista’ jerġa’ jiġi magħżul għal tliet snin oħra u wkoll għat-tliet snin għat-tielet darba. Is-sorijiet iqerru minn ġo grada maqfula. Il-konferenzi lill-komunita’ wkoll jiġu mgħotija minn ġo grada, mgħottija b’purtiera skura. Is-sorijiet m’għandhom qatt jitkellmu dwar il-qrar jew il-konfessuri; għandhom, pjuttost, jitolbu għalihom sabiex Alla jagħtihom id-dawl li jkunu jistgħu jmexxu r-ruħhom tagħhom.

 

 

558.                 It-Tqarbin. Is-sorijiet m’għandhom qatt jitkellmu fuq min jitqarben iżjed jew inqas ta’ spiss. Għandhom jibqgħu lura milli jgħaddu ġudizzju fuq dan is-suġġett li mhux affari tagħhom. Il-ġudizzji kollha f’din il-ħaġa huma f’idejn il-konfessur biss. Is-superjura tista’ tkellem lil xi soru, mhux biex tistaqsiha għax mhix qiegħda titqarben, imma sempliċiment biex tgħidilha li tista’ tqerr. Is-superjuri qatt m’għandhom jażżardaw jidħlu fl-għalqa tal-kuxjenzi tas-sorijiet. Is-superjura tista’ xi drabi tirranġa li l-komunita’ toffri Tqarbina għal xi ntenzzjoni partikolari. Kull soru għandha tagħmel ħilitha kollha li jkollha l-ikbar safa fir-ruħ, sabiex tkun tista’ tirċievi l-Viżitatur Divin kuljum.

 

 

559.                 Darba, meta dħalt fil-kappella rajt il-ħitan ta’ bini fi stat ħażin ħafna (bini mwaqqa’). (nota114) It-twieqi ma kellhomx ħġieġ, u l-bibien kellhom biss it-tilari mingħajr il-panewijiet. Jiena mbagħad smajt dan il-kliem ġewwa ruħi. Hawn hu l-post fejn ser ikun hemm il-kunvent. Kont daqsxejn diżappuntata li dawn ir-rovini kellhom ikunu l-kunvent.

 

 

560.                 Il-Ħamis. Ħassejtni mqanqla li nibda malajr kemm jista’ jkun, il-ħidma li l-Mulej kien qed jitlob mingħandi. Filwaqt li kont qiegħda nqerr, kont qiegħda nżomm l-opinjoni tiegħi iktar milli nagħti kas ta’ dik tal-konfessur. Għall-ewwel, ma rrealizzajt din il-ħaġa, imma meta kont qiegħda nagħmel is-Siegħa Adorazzjoni jiena rajt il-Mulej Ġesu’ bħalma jidher fix-xbieha, u qalli li għandi nirrepeti lill-konfessur u lis-superjuri tiegħi dan kollu li Hu jgħidli jew jitlob mingħandi. . . u agħmel biss dak li tirċievi permess li tagħmel. U hu tani x’nifhem kemm jiddispjaċih meta jara persuni li huma ta’ rashom, u jiena ndunajt li jiena waħda minnhom. Jiena rajt dan id-dell ta’ stinazzjoni ġewwa fija, u ntfajt fit-trab (nota115) f’riġlejn il-Majesta’ Tiegħu, u b’qalb maqsuma tlabtu jaħfrili. Imma Ġesu’ ma ħallinix nibqa’ f’dan l-istat għal żmien twil. Il-ħarsa divina tiegħu mlietli qalbi b’ferħ li m’għandix kliem biex infissru. U Ġesu’ tani x’nifhem li għandi nistaqsih iktar mistoqsijiet u nfittex il-parir Tiegħu. Verament, kemm hi ħelwa l-ħarsa tal-Mulej tiegħi; għajnejh jinfduli ruħi sal-profondita’ l-iktar sigrieta tagħha. L-ispirtu tiegħi jikkomunika ma’ Alla mingħajr ma nlissnu ebda kelma. Jiena naf li Hu qed jgħix ġewwa fija u jiena qiegħda ngħix ġewwa fih.

 

 

561.                 F’daqqa waħda, rajt ix-xbieha f’xi kappella żgħira u f’dak il-waqt jiena rajt il-kappella ssir tempju enormi u sabih. U f’dan it-tempju rajt lil Ommi Alla bil-Bambin f’dirgħajha. U mument  wara, il-Bambin Ġesu’ għeb minn dirgħajn Ommu, u jiena rajt ix-xbieha ħajja ta’ Ġesu’ Msallab. Omm Alla qaltli  nagħmel dak li kienet għamlet Hi, li, ukoll meta nkun ferħana dejjem inżomm għajnejja msammrin fuq is-salib, u qaltli li l-grazzji li Alla kien qed jagħtini ma kenux għalija biss, imma għal erwieħ oħrajn ukoll.

 

 

562.                 Meta jiena nara l-Bambin Ġesu’ waqt il-quddiesa, mhux dejjem ikun l-istess; xi kultant ikun ferħan ħafna, u xi kultant lanqas biss ikun qed iħares lejn il-kappella. Bħalissa. Huwa spiss ikun ferħan ħafna meta l-konfessur tagħna ( Dun Spocko) ikun qed iqaddes. Kienet sorpriża kbira għalija li l-Bambin Ġesu’ jħobbu daqshekk. Xi kultant narah liebes fardal ikkulurit. (nota116)

 

 

563.                 Qabel ma ġejt Vilnius u ltqajt ma’ dan il-konfessur, jiena darba rajt knisja pjuttost żgħira u maġenbha, din il-kongregazzjoni. (nota117) Il-Kunvent kellu tnax –il ċella; kull soru kellha tgħix għal rasha. Jiena rajt is-saċerdot (Dun Sopocko) li kien qed jgħinni nħejji l-kunvent u li jiena kelli niltaqa’ miegħu xi snin wara, u li kont diġa’ nafu mid-dehra li kelli. Jiena rajt kif hu kien qed jirranġa kollox fil-kunvent b’attenzjoni kbira, megħjun minn saċerdot ieħor ( x’aktarx Patri Wantuchkowski) (nota118) li għadni ma ltqajtx miegħu. Rajt il-grada tal-ħadid, mgħottija b’purtiera skura, u s-sorijiet ma kenux joħorġu biex imorru l-knisja.

 

 

564.                 Fil-jum tal-festa tal-Kunċizzjoni Immakula ta’ Omm Alla, waqt il-quddiesa, jiena smajt it-tħaxwix tal-ħwejjeġ u rajt lill-Imqaddsa Omm Alla f’dija mill-isbaħ. Il-libsa bajda tagħha kienet miġbura fil-qadd b’faxxa blu. Hija Inti tagħtini ferħ kbir meta tadura s-Santissma Trinita’ għall-grazzji u l-privileġġi li ġew mogħtija lili. U għebet fil-pront.

 

 

Penitenzi u Mortifikazzjoni

 

565.                 Mortifikazzjonijiet interni jiġu l-ewwel, imma minbarra dan, għandna nipprattikaw mortifikazzjonijie esterni, li jkunu fissi b’mod strett, sabiex kulħadd ikun jista’ jipprattikahom. Dawn huma: tlett ijiem fil-ġimgħa, l-Erbgħa, il-Ġimgħa u s-Sibt, ikun hemm sawma stretta; kull nhar ta’ Ġimgħa, is-sorijiet kollha – kull waħda fiċ-ċella tagħha – għandhom jagħmlu l-mortifikazzjoni tal-ġisem (nota119) sakemm iddum ir-reċita ta’ Salm 50, u kollha jagħmlu din il-ħaġa fl-istess ħin; jiġifieri, fit-tlieta ta’ wara nofs inhar; u dan joffruh għall-midinbin li jkunu jinsabu fil-punt tal-mewt. Waqt iż-żewġ sawmiet kbar, (nota120) fil-kwattrutempi (nota121), u fil-viġili, (nota122) l-ikel ikun jikkonsisti f’biċċa ħobż u ftit ilma darba kuljum.

 

Kull soru għandha tipprova tħares dawn il-mortifikazzjonijiet li huma peskritti għal kulħadd. Imma jekk xi soru tkun tixtieq tagħmel xi ħaġa iżjed, hi għandha titlob permess mingħand is-superjura. Mortifikazzjoni ġenerali oħra: l-ebda soru m’għandha permess tidħol fiċ-ċella ta’ soru oħra mingħajr permess speċjali mingħand is-superjura, imma s-superjura għandha xi kultant tidħol fiċ-ċelel tas-sorijiet mingħajr ma tavżahom minn qabel, mhux biex tispija, imma fl-ispirtu ta’ mħabba u responsabbilta’ li hi għandha quddiem Alla. Ħadd mis-sorijiet ma jżomm xejn imsakkar; ir-regola għandha tkun iċ-ċavetta ġenerali għal kulħadd.

 

 

566.                 Darba, wara t-tqarbin, f’daqqa waħda jiena rajt il-Bambin Ġesu’ bilwieqfa maġenb il-ġinokjattur tiegħi filwaqt li jdejh it-tnejn ċkejknin kien qed iżomm miegħu. Għalkemm kien biss Tifel ċkejken, ruħi mtliet bil-qima u bil-biża’, għax jiena nara fih l-Imħallef tiegħi, is-Sid u l-Ħallieq tiegħi, li quddiem il-qdusija Tiegħu l-Anġli jitriegħdu. Fl-istess ħin, ruħi kienet qiegħda tfur bi mħabba li ma tistax tispjegaha bil-kliem li ħsibt li ser immut biha. Jiena issa qiegħda nara li Ġesu’ l-ewwel isaħħaħli ruħi u jagħmilha kapaċi li tgħammar flimkien miegħu, għax inkella ma nkunx kapaċi nissaporti l-esperjenza li jkolli f’waqt bħal dak.

 

 

Ir-Relazzjoni bejn is-Sorjiet u s-Superjura

 

567.                 Is-sorijiet kollha għandhom jirrispettaw is-superjura bħalma huma jirrispettaw lill-Mulej Ġesu’ nnifsu, bħalma jiena semmejt meta kont qiegħda nitkellem dwar il-vot tal-ubbidjenza. Għandhom iġibu ruħhom magħha b’fiduċja bħal dik tat-tfal, u qatt m’għandhom igergru jew joqgħodu jsibu x’jikkritikaw fl-ordnijiet tagħha, għax din il-ħaġa lil Alla ma togħġbux tassew. Kull soru għandha tkun immexxija minn spirtu ta’ fidi fir-relazzjoni tagħha mas-superjuri; għandha titlob bis-sempliċita’ kollha għal dak kollu li tkun teħtieġ. Alla ħares qatt jiġri jew jerġa’ jissemma’ li xi waħda mis-sorijiet tkun il-kawża li tnikket jew tbikki lis-superjura. Kull waħda għandha tkun taf  li bħalma r-raba’ kmandament jorbot lit-tifel li jweġġah lill-ġenituri tiegħu, hekk ukoll ir-Reliġjuża hi marbuta li tirrispetta lis-superjura tagħha. Reliġjuża ħażina biss tasal li tiġġudika lis-superjura tagħha bil-liberta’ kollha. Is-sorijiet għandhom ikunu sinċieri mas-superjura u jgħidulha b’kollox u bil-ħtiġijiet tagħhom kollha bis-sempliċita’ tat-tfal.

 

Is-sorijiet għandhom jindirizzaw lis-superjura hekk: “Bil-permess tiegħek, Sor Superjura.” Huma qatt m’għandhom ibusulha jdejha, imma kull meta jiltaqgħu magħha fil-kuridur jew jidħlu fiċ-ċella tagħha, għandhom jgħidu, “Ikun mfaħħar Ġesu’ Kristu,” u jbaxxu ftit rashom.

 

Huma għandhom jindirizzaw lil xulxin “Sor” u jżidu l-isem. Ir-relazzjoni tagħhom mas-superjura għandu jkollha l-karatteristika ta’ spirtu ta’fidi u mhux sentimentalita’ jew imposturaġni, għax dawn mhux denji tar-reliġjuża u jbaxxuha ħafna. Reliġjuża għandha tħossha libera daqslikieku kienet reġina, u hi tħossha hekk biss meta tgħix fi spirtu ta’ fidi. Aħna għandna nobdu u nirrispettaw lis-superjura, mhux għax hi tajba, qaddisa jew għaqlija, imma biss għax tirrapreżenta lil Alla, u meta nobdu lilha aħna nkunu qedgħin nobdu lil Alla nnifsu.

 

 

Relazzjoni tas-Superjura mas-Sorijiet.

 

568.                 Is-superjura għandu jkollha l-karatteristika tal-umilta’ u l-imħabba lejn kull soru bla ebda eċċezzjoni. Hi m’għandhiex tħalli lilha nnfisha tiġi nfluwenzata minn dak li jogħġobha u dak li ma jogħġobhiex, imma mill-Ispirtu ta’ Kristu biss. Hi għandha tkun konxja mill-fatt li Alla għad jitlob mingħandha rendikont għal kull soru. M’għandhiex toqgħod timmoralizza mas-sorijiet, imma pjuttost tagħtihom eżempju ta’ umilta’ profonda u ta’ ċaħda tagħha nnfisha; din tkun l-aqwa lezzjoni li hi tista’ tagħti lil dawk ta’ taħtha. Hi għandha tkun soda, imma qalbha iebsa qatt. Hi għandha tibqa’ tieħu paċenzja meta jdejquha bl-istess mistoqsijiet. Ukoll jekk ikollha tagħti l-istess tweġiba għal mitt darba, għandha tibqa’ tagħmel dan bil-kalma kollha. Hi għandha tipprova tantiċipa l-bżonnijiet tas-sorijiet u ma toqgħodx tistenniehom jitolbuha din il-ħaġa jew dik, għax mhux kulħadd għandu l-istess dispożizzjoni.

 

Jekk is-superjura tinnota li soru għandha qalbha sewda jew qiedgħa tbati, għandha tipprova mill-aħjar li tista’ sabiex tgħinha u tfarraġha. Hi għandha titlob għad-dawl sabiex tkun taf kif għandha timxi ma’ kull soru, għax kull ruħ hi dinja fiha nnfisha. Alla għandu diversi mezzi kif jikkomunika mal-erwieħ, mezzi li aħna spiss ma nifhmuhomx u ma nintebħux bihom. Is-superjura għalhekk għandha toqgħod attenta li ma ttellifx il-ħidma ta’ Alla fir-ruħ. Qatt m’għandha ċċanfar soru meta tkun innervjata. Iċ-ċanfir, mill-banda l-oħra, għandu dejjem ikun imżewwaq bi kliem ta’ nkorraġġiment. Il-persuna għandha tiġi megħjuna tagħraf u tammetti l-iżball tagħha, imma m’għandhiex tiġi mgħaffġa.

 

Is-superjura għandu jkollha mħabba speċjali għal ħutha s-sorijiet, li tkun tidher fl-azzjonijiet tagħha. Għandha tieħu fuqha nnfisha t-toqol kollu sabiex ittaffi t-toqol tas-sorijiet. M’għandhiex tippretendi l-ebda servizz mingħandhom, imma għandha tirrispettahom bħala l-għarajjes ta’ Ġesu’ u tkun dejjem lesta li sservihom, lejl u nhar. Għandha titlob iktar milli tikkmanda. Qalbha għandha tkun miftuħa għat-tbatijiet tas-sorijiet, u hi stess għandha tħares mill-qrib lejn il-ktieb il-miftuħ; jiġifieri, Ġesu’ Msallab, u titgħallem minnu. Għandha titlob bil-ħeġġa għad-dawl, speċjalment meta jkollha xi kuntatt importanti ma’ xi soru. Għandha toqgħod attenta li ma tindaħalx fil-kuxjenzi tas-sorijiet, għax saċerdot biss għandu din il-grazzja. Imma jista’ jiġri li xi soru tħoss il-bżonn li titkellem bil-kunfidenza mas-superjura, u f’dan il-kas is-superjura tista’ tisma’ dak li jkollha xi tgħid, imma tkun marbuta bis-sigriet; għax xejn ma jweġġa’ persuna aktar milli xi ħaġa tiġi mxandra mal-oħrajn. In-nisa ġeneralment ma tantx huma ta’ min jorbot fuqhom f’dan ir-rigward; rari ssib mara li għandha moħħ ta’ raġel. Is-superjura għandha tipprova jkollha għaqda profonda ma’ Alla, u Alla jmexxi permezz tagħha. L-Omm l-iżjed Qaddisa tkun Hi s-superjura (nota123) tal-kunvent, u aħna nkunu l-ulied fidili tagħha.

 

 

569.                 15 ta’ Diċembru 1935. Minn kmieni filgħodu, illum, qawwa stramba ilha timbuttani biex nagħmel xi ħaġa, ma tatnix mument paċi. Ħeġġa stramba nxtegħlet f’qalbi, tħeġġiġni biex nagħmel xi ħaġa, u ma nistax inwaqqafha. Dan hu martirju sigriet li Alla biss jaf bih, imma ħa jagħmel bija bħalma jogħġbu; qalbi lesta għal kollox. O Ġesu’ Mgħallem l-iktar għażiż tiegħi, tħallinix lanqas għal waqt wieħed biss. Ġesu’, Int taf tajjeb kemm jiena dgħajfa waħdi; għalhekk jiena naf li d-dgħjufija tiegħi qiedgħa ġġiegħlek tkun miegħi l-ħin kollu.

 

 

570.                 Darba, rajt lil Ġesu’ liebes libsa tiddi; dan seħħ fis-serra. (Huwa qalli,) Ikteb dak li Jiena qiegħed ngħidlek. L-hena Tiegħi jinsab f’li nkun maqgħud magħkom. Għandi xewqa kbira filwaqt li nistenna u nixxennaq għaż-żmien meta Jiena nkun nista’ niġi noqgħod sagarmentalment fil-kunvent tagħkom. L-ispirtu Tiegħi jistrieħ f’dak il-kunvent u Jiena nbierek l-inħawi tiegħu b’mod speċjali. Għax inħobbkom kollha kemm intom, Jiena ma nippermettix xi kastigi li l-ġustizzja ta’ Missier bid-dritt kollu ser tqassam. Binti, Jiena nħajjar lil Qalbi tagħti widen għat-talb tiegħek. Ix-xogħol u d-dmir tiegħek hawn fl-art hu li inti titlob ħniena għad-dinja kollha. L-ebda ruħ ma tista’ tkun iġġustifikata sakemm hija ma ddurx bil-fiduċja lejn il-ħniena Tiegħi, u din ir-raġuni għaliex l-Ewwel Ħadd fuq l-Għid għandu jkun il-Festa tal-Ħniena. F’dak il-jum tas-saċerdoti għandhom jgħidu lil kulħadd bil-ħniena kbira Tiegħi, li ħadd ma jista’ jqisha. Qed nagħmlek l-amministratura tal-ħniena Tiegħi. Għid lill-konfessur li x-xbieha għandha tkun esposta fil-knisja u mhux fid-dawra ta’ dak il-kunvent. Permezz ta’ din ix-xbieha, Jiena ser nagħti ħafna grazzji lill-erwieħ; mela, araw lil kull ruħ ikollha aċċess għaliha.

 

 

571.                 O Ġesu’ tiegħi, Verita’ Eterna, jiena ma nibża’ minn xejn, la tbatijiet lanqas s-sofferenzi; nibża’ biss minn ħaġa waħda, u din hi li noffendik. Ġesu’ tiegħi, nippreferi ma neżistix milli nsewwidlek Qalbek. Ġesu’, Int taf li mħabbti ma taf lil ħadd ħliefek. Ruħi mitlufa fik.

 

 

572.                 O, kemm għandha tkun kbira l-ħeġġa ta’ kull ruħ li għad tgħix f’dak il-kunvent, ladarba Alla jixtieq  jiġi u jgħix magħna! Kulħadd għandu jiftakar li, jekk aħna reliġjużi ma nagħmlux talb ta’ interċessjoni quddiem Alla, min ser jagħmlu dan? Kull waħda minna għandha taqbad bħal sagrifiċċju safi quddiem Alla, imma biex hija togħġob lil Alla, kull waħda għandha tingħaqad mill-qrib ma’ Ġesu’. Huwa biss flimkien miegħu, fih u permezz tiegħu li aħna nistgħu nogħġbu lil Alla.

 

 

573.                 21 ta’ Diċembru 1935. Darba l-konfessur tiegħi (Dun Sopocko) qalli mmur u nara ċerta dar sabiex nara jekk kenitx l-istess dar li jiena kont rajt fid-dehra li kelli. Meta mort mal-konfessur tiegħi sabiex nara dik id-dar, jew aħjar dawk ir-rovini, mill-ewwel indunajt li kienu l-istess li kont rajt fid-dehra li kelli. Malli missejt l-injam li kien imsammar flimkien minlok il-bibien, ċerta saħħa mlietli ruħi f’daqqa waħda, u tatni ċertezza sħiħa. Jiena tlaqt minn dak il-post malajr, qalbi mimlija bil-ferħ, għax deherli li kien hemm ċerta qawwa qiegħda żommni marbuta ma’ dak il-post.

 

Inħossni verament ferħana meta nara li kollox  jaqbel perfettament ma’ dak li jiena kont rajt fid-dehra. Meta l-konfessur kellimni dwar l-arranġament taċ-ċelel u affarijiet oħrajn, jiena ndunajt li kollox kien l-istess bħalma kien qalli Ġesu’. Jiena qiegħda nifraħ li Alla qiegħed jaħdem b’dan il-mod permezz tal-konfessur tiegħi, imma mhix sorpriża għalija li Alla qiegħed jagħtih daqashekk dawl; għax Alla, li Hu stess Dawl, jgħix f’qalb li hi safja u umli, u t-tbatijiet u l-kuntrarju kollha jservu biss biex juru l-qdusija tar-ruħ. Meta rġajt lura d-dar, mort l-ewwel fil-kappella tagħna sabiex nistrieħ għal ftit. Imbagħad f’daqqa waħda smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Tibża’ minn xejn. Jiena qiegħed miegħek. Dawn l-affarijiet qegħdin f’idejja u Jiena ser inwassalhom għat-twettiq tagħhom skont il-ħniena Tiegħi, għax xejn ma jista’ jmur kontra r-rieda Tiegħi.

 

 

Lejliet il-Milied, 1935

 

574.                 Minn kmieni filgħodu, l-ispirtu tiegħi mitluf f’Alla. Il-preżenza Tiegħu mlietli l-esseri kollu tiegħi. Filgħaxija, qabel l-ikel, jiena mort fil-kappella għal waqt wieħed sabiex naqsam il-wejfer, f’riġlejn Ġesu’, ma’ dawk li jinsabu mbegħdin u li Ġesu’ jħobbhom ħafna u li magħhom jiena tant midjuna. Malli kont qiegħda naqsam spirtwalment il-wejfer (nota122a) flimkien ma’ persuna (probabilment Dun Sopocko), jiena smajt dan il-kliem ġewwa fija; Il-qalb tiegħu hija Għalija ġenna fl-art. X’ħin ġejt biex noħroġ mill-kappella, f’daqqa waħda, is-setgħa bla tarf ta’ Alla, daret madwari. Jiena fhimt kemm hi kbira l-imħabba ta’ Alla għalina. O, li kieku n-nies kienu jistgħu, għallinqas għal ftit, jifhmu din il-ħaġa!

 

 

Jum il-Milied

 

575.                 Il-Quddiesa ta’ Nofs il-lejl. Waqt il-Quddiesa, jiena rġajt rajt liċ-ċkejken Bambin Ġesu’, sabiħ għall-aħħar, ferħan joħroġ l-idejn ċkejknin Tiegħu lejja. Wara t-Tqarbin, jiena smajt il-kliem: Jiena ninsab dejjem ġewwa qalbek; mhux biss meta inti tirċevini fit-Tqarbin Mqaddes, imma dejjem. Jiena għaddejt dawn il-ġranet qaddisa mimlija ferħ kbir.

 

 

576.                 O Santissma Trinita’, Alla etern, l-ispirtu tiegħi jintilef fis-sbuħija Tiegħek. Iż-żminijiet kollha m’huma xejn f’għajnejk. Inti dejjem l-istess. O, kemm hi kbira l-majesta’ Tiegħek Ġesu’. Għaliex Inti taħbi l-majesta’ Tiegħek, għaliex ħallejt it-tron Tiegħek fis-sema u ġejt tgħammar fostna? Il-Mulej weġibni: Binti, l-imħabba ġabitni hawn, u l-imħabba qiegħda żżommni hawn. Binti li kieku kont taf x’mertu u premju kbir jintrebaħ permezz ta’ att wieħed ta’ mħabba safja għalija, inti kont tmut bil-ferħ. Dan qiegħed ngħidu sabiex inti l-ħin kollu tingħaqad Miegħi permezz tal-imħabba, għax dan hu l-iskop tal-ħajja tar-ruħ tiegħek. Dan l-att hu att tar-rieda. Kun af li ruħ safja hi umli. Meta inti titbaxxa u tiżvojta ruħek quddiem il-majesta’ Tiegħi, Jiena mbagħad niġri warajk bil-grazzji Tiegħi u nuża s-setgħa bla tarf Tiegħi sabiex ngħollik.

 

 

577.                 Darba, meta l-konfessur tiegħi qalli ngħid, “Glorja lill-Missier” bħala penitenza tiegħi, ħaditli żmien twil ħafna; u kelli nibdiha ħafna drabi, imma ma spiċċajthiex, għax l-ispirtu tiegħi kien jingħaqad ma’ Alla, u ma stajtx inkompli t-talba. Jiġrili, ta’ spiss mhux ħażin, li, mingħajr ma nkun naf kif, iddur madwari s-setgħa bla tarf ta’ Alla u jiena nogħdos ġo fiha b’qalbi kollha permezz tal-imħabba, u mbagħad ma nkunx naf x’qed jiġri madwari.

 

Meta għidt lill-konfessur tiegħi li din t-talba qasira spiss teħodli ħafna mill-ħin tiegħi u li xi drabi lanqas inkun nista’ nispiċċaha, huwa qalli ngħidha dak il-ħin stess, hemmhekk, fil-konfessinarju. L-ispirtu tiegħi, iżda ntilef f’Alla, u minkejja l-isforzi tiegħi, ma stajtx naħseb bħalma xtaqt. U allura l-konfessur qalli, “Jekk jogħġbok, irrepeti warajja.” Jiena rrepetejt kull kelma, imma filwaqt li kont qiegħda ngħid kull kelma, l-ispirtu tiegħi kien jintilef fil-Persuna li kont qiegħda nsemmi.

 

 

578.                 Darba, Ġesu’ qalli, dwar ċertu saċerdot (probabilment Dun Sopocko), li dawn is-snin ta’ issa ser ikunu l-isbaħ tiżjin tal-ħajja saċerdotali tiegħu. Il-jiem tat-tbatija dejjem jidhru itwal, imma huma wkoll jgħaddu, għalkemm jgħaddu hekk bil-mod li donnhom ikunu mexjin lura minflok ‘il quddiem. Iżda t-tmiem tagħhom jinsab fil-qrib, u mbagħad jiġi ferħ bla tmiem li ma nistgħux nimmaġinawh. Eternita! Min jista’ jifhem din il-kelma waħda li tiġi minnek, O Alla li ħadd ma jifhmek, din il-kelma waħda: eternita!

 

 

579.                 Jiena naf li l-grazzji li Alla jagħtini jkunu spiss indirizzati b’mod esklussiv għal ċerti erwieħ. Meta jiena nagħraf dan nimtela b’ferħ kbir, jiena dejjem nifraħ bil-ġid ta’ erwieħ oħrajn bħallikieku kien tiegħi.

 

 

580.                 F’okkażjoni partikolari, il-Mulej qalli, Iktar iferuni fil-fond l-imperfezzjonijiet żgħar tal-erwieħ magħżulin milli d-dnubiet ta’ dawk li jgħixu fid-dinja. Jiena ħassejtni qalbi sewda ħafna li l-erwieħ magħżulin iġiegħlu lil Ġesu’ jbati, u Ġesu’ qalli, Dawn l-imperfezzjonijiet żgħar mhumiex kollox. Nirrivelalek sigriet ta’ Qalbi: dak li jġegħluni nbati l-erwieħ magħżulin. L-ingratitudni bħala tpattija għal tant grazzji hi l-ikel ta’ kuljum għal Qalbi, mingħand ruħ magħżula (bħal din). L-imħabba tagħhom hija fjakka, u Qalbi din il-ħaġa ma tiflaħiex: dawn l-erwieħ jġegħluni ndawwar wiċċi minnhom. Oħrajn ma jafdawx fit-tjubija Tiegħi u m’għandhom l-ebda xewqa li jkollhom l-esperjenza ta’ dik l-intimita’ ħelwa ġewwa l-qalb tagħhom stess, imma jitilqu jfittxuni, fil-bogħod, u ma jsibunix. Dan in-nuqqas ta’ fiduċja Fija lili jweġġgħani ħafna. Jekk il-mewt Tiegħi ma pperswaditkomx bi mħabbti, x’ser jipperswadikom? Ta’ spiss ikun hemm xi ruħ li tferini għall-mewt, u mbagħad ħadd ma jkun jista’ jfarraġni. Huma jużaw il-grazzji Tiegħi sabiex joffenduni. Hemm erwieħ li ma jaħmlux il-grazzji Tiegħi kif ukoll il-provi kollha ta’ mħabbti. Ma jixtiequx jisimgħu s-sejħa Tiegħi, imma jkomplu sejrin għal ġol-abbiss tal-infern. It-telfien ta’ dawn l-erwieħ iwaddabni f’dieqa tal-mewt. Għalkemm Jiena Alla, ma nistax ngħin lil ruħ bħal din għax hi ma tridx taf bija; hi li għandha rieda ħielsa, hi tista’ ddawwar wiċċha minni jew tħobbni. Inti, li xxerred il-ħniena Tiegħi, għid lid-dinja kollha bit-tjubija Tiegħi, u b’dan il-mod inti tfarraġ lil Qalbi.

 

 

581.                 Jiena nkellmek l-iktar meta inti titkellem Miegħi fil-profondita’ ta’ qalbek. Hawnhekk, ħadd ma jista’ jfixkel l-azzjonijiet Tiegħi. Hawnhekk, Jiena nistrieħ bħal fi ġnien magħluq.

 

 

582.                 L-intern ta’ ruħi hu bħal dinja kbira u tal-għaġeb fejn ngħixu Alla u jiena. Minbarra Alla, ħadd ma jista’ jidħol hemmhekk. Fil-bidu ta’ din il-ħajja flimkien ma’ Alla, il-biża’ u l-istagħġib għammxuni u għelbuni. Id-dija Tiegħu għamietni, u jiena ħsibt li Hu ma kienx jinsab ġewwa qalbi; u madankollu dawn kienu l-waqtiet meta Alla kien qiegħed jaħdem ġewwa ruħi. L-imħabba kienet qiegħda tissaffa u tikber dejjem iżjed, u l-Mulej ġab ir-rieda tiegħi f’għaqda l-iżjed intima mar-rieda qaddisa Tiegħu. Ħadd ma jista’ jifhem l-esperjenza tiegħi f’dak il-palazz tal-għaġeb ta’ ruħi fejn jiena ngħix il-ħin kollu flimkien mal-Maħbub tiegħi. L-ebda ħaġa esterna ma tfixkel l-għaqda tiegħi ma’ Alla. Ukoll jekk jiena nuża l-iktar kliem qawwi, ma jesprimix lanqas dell tal-mod li bih ruħi tixxala f’hena u fi mħabba li ma nistax nfissirha, li hi kbira u safja bħall-għajn li minnha toħroġ, li hi Alla nnifsu. L-ispirtu tiegħi jkun tant mimli b’Alla li nkun nista’ nħossu b’mod fiżiku, u l-ġisem ikollu sehem minn dan il-ferħ. Għalkemm jiġri li l-mod kif Alla jmiss ivarja fl-istess ruħ, dan ikun ġej iżda mill-istess għajn.

 

 

583.                 Darba, jiena rajt lil Ġesu’ jħossu ħażin bil-għatx, u qalli, Għandi l-għatx. X’ħin tajtu l-ilma ħadu, imma ma xorobx u għeb fil-pront. Kien liebes l-istess bħalma kien fil-Passjoni Tiegħu.

 

 

584.                 Meta inti tieqaf taħseb fil-fond ta’ qalbek dwar dak li Jiena ngħidlek, inti tapprofitta iżjed milli kieku tkun qrajt ħafna kotba. O, li kieku l-erwieħ kienu jixtiequ biss joqgħodu jismgħu leħni meta Jiena nkellimhom fil-fond tal-qalb tagħhom, huma kienu jilħqu l-quċċata tal-qdusija fi żmien qasir.

 

 

585.                 8 ta’ Jannar 1936. Meta mort nara lill-Arċisqof (Jalbrzykowski), jiena għidtlu li Ġesu’ kien qed jitlobni biex nitlob għall-ħniena ta’ Alla fuq id-dinja u li jkun hemm kongregazzjoni reliġjuża li tittallab il-ħniena ta’ Alla għad-dinja. Jiena tlabt il-permess tiegħu għal dak kollu li l-Mulej Ġesu’ kien qiegħed jitlob mingħandi. L-Arċisqof weġibni b’dan il-kliem: “Dwar it-talb, jiena nagħti l-permess tiegħi u ninkuraġġik ukoll, Sor, li titlob kemm tiflaħ għad-dinja u tittallab il-ħniena ta’ Alla, għax il-ħniena hi kulma għandna bżonn; u jiena qiegħed nassumi li l-konfessur tiegħek ċertament ma jżommokx li titlob għal din l-intenzjoni. Imma dwar din il-kongregazzjoni, stenna ftit ieħor, Sor, sabiex kollox ikun jista’ jirranġa ruħu sewwa. Din il-ħaġa fiha nnfisha hi ħaġa tajba, imma m’hemmx bżonn ta’ għaġla. Jekk hi r-rieda ta’ Alla, isseħħ, kemm jekk ikun daqsxejn qabel jew daqsxejn wara. Għaliex le? Tant hemm tipi differenti ta’ kongregazzjonijiet; din ukoll għad titwieled jekk hi r-rieda ta’ Alla. Kun fil-paċi b’mod sħiħ. Il-Mulej Ġesu’ jista’ jagħmel kollox. Irsisti għal għaqda mill-qrib ma’ Alla u taqtax qalbek.” Dan il-kliem imlieni b’ferħ kbir.

 

 

586.                 X’ħin tlaqt mid-dar tal-Arċisqof, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Sabiex Jiena nikkonferma l-ispirtu tiegħek, Jiena nitkellem permezz tar-rappreżentanti Tiegħi skont ma Jiena nitlob mingħandek, imma kun af li mhux dejjem ser ikun hekk. Huma joħduha kontra tiegħek f’ħafna affarijiet, u permezz ta’ dan, il-grazzja Tiegħi tkun tista’ tidher fik, u jkun ċar li din il-ħaġa hi opra Tiegħi. Imma inti, tibża’ minn xejn; Jiena dejjem miegħek. U kun af dan ukoll, binti: il-ħlejjaq kollha, jafu u ma jafux, u jridu jew ma jridux, dejjem iwettqu r-rieda Tiegħi.

 

 

587.                 Darba, f’daqqa waħda rajt lil Ġesu’ f’majesta’ kbira, u Huwa qalli dan il-kliem, Binti, jekk inti tixtieq, Jiena issa stess noħloq dinja oħra, isbaħ minn din, u inti tgħix hemmhekk għall-bqija ta’ ħajtek. Jiena weġibt, “Jiena ma rridx dinjiet oħrajn. Jiena rrid lilek, Ġesu’. Jiena rrid inħobbok, Ġesu’, bl-istess imħabba li Inti għandek għalija. Jiena nitolbok biss ħaġa waħda: li Inti tagħmel lil qalbi kapaċi li tħobbok. Jiena nistagħġeb ħafna bl-offerta Tiegħek, Ġesu’ tiegħi; dawk id-dinjiet x’inhuma għalija? Ukoll li kieku Inti kellek tagħtini elf minnhom, xi jkunu għalija? Int taf tajjeb ħafna, Ġesu’,  li qalbi qiegħda tmut bix-xewqa tagħha għalik. Dak kollu li mhux Int ma jfisser xejn għalija.” F’dak il-waqt, ma stajt nara xejn iżjed, imma forza stramba ħadet pussess ta’ ruħi, nar stramb xegħel ġewwa qalbi, u jiena dħalt f’tip ta’ agunija għalih. Imbagħad smajt dan il-kliem: Mal-ebda ruħ oħra Jiena ma ningħaqad daqshekk mill-qrib u b’dan il-mod bħalma nagħmel miegħek, u dan nagħmlu minħabba l-umilta’ profonda u l-imħabba mħeġġa li inti għandek Għalija.

 

 

588.                 Darba, jiena smajt dan il-kliem ġewwa fija: Jiena naf kull ċaqliqa tal-qalb tiegħek. Kun af, binti, li ħarsa waħda minn għandek lejn xi ħadd ieħor tferini iktar minn ħafna dnubiet li xi ħaddieħor jagħmel.

 

 

589.                 L-imħabba tkeċċi l-biża’. Minn mindu rnexxieli nħobb lil Alla kollni kemm jiena u bis-saħħa kollha ta’ qalbi, il-biża ħallieni. Ukoll li kieku kelli nisma’ l-affarijiet l-iktar tal-biża’ dwar il-ġustizzja ta’ Alla, ma nibża’ xejn minnu, għax sirt nafu sewwa. Alla hu mħabba, u l-ispirtu Tiegħu hu paċi. Jiena nista’ nara li l-għemejjel tiegħi li ħarġu mill-imħabba huma iżjed perfetti minn dawk li jiena wettaqt għax nibża’. Jiena poġġejt il-fiduċja tiegħi f’Alla u ma nibża’ minn xejn. Ngħatajt lir-rieda qaddisa Tiegħu; Hu jista’ jagħmel bija dak li jrid, u jiena nħobbu xorta waħda.

 

 

590.                 Meta nitqarben, jiena nitlob u nitlob lis-Salvatur li jfejjaqli lsieni, sabiex ma nonqos qatt fl-imħabba tal-proxxmu.

 

 

591.                 Ġesu’, Int taf b’liema ħeġġa nixtieq ninħeba sabiex ħadd ma jsir jaf bija ħlief il-Qalb l-iżjed ħelwa Tiegħek. Jiena rrid inkun vjola ċkejkna, moħbija fil-ħaxix, li ħadd ma jaf biha fil-ġnien magħluq meraviljuż fejn jikbru ġilji u ward sbieħ. Il-warda sabiħa u l-ġilju sabiħ tista’ tarahom mill-bogħod, imma biex tara vjola ċkejkna, trid titbaxxa sewwa; tinduna biha biss meta xxommha. O, kemm jiena kuntenta li nista’ ninħeba b’dan il-mod! O Għarus divin tiegħi, il-fjur ta’ qalbi u l-fwieħa tal-imħabba safja tiegħi huma għalik. Ruħi tinsab mgħaddsa fik, Alla Etern. Minn dak il-waqt meta Inti stess ġbidtni lejk, O Ġesu’ tiegħi, iktar ma sirt nafek, xtaqtek b’ħeġġa akbar.

 

 

592.                 Jiena tgħallimt fil-Qalb ta’ Ġesu’ li fil-ġenna wkoll hemm ġenna li fiha jistgħu jidħlu biss l-erwieħ magħżulin. Ma nistgħux nifhmu l-hena li fih ir-ruħ tinsab mgħaddsa. O Alla tiegħi, kemm nixtieq nista’ niddeskrivi din il-ħaġa, ukoll bl-iċken mod. Id-divinita’ Tiegħu tgħaddi minn ġol-erwieħ u huma jgħaddu minn dija għal dija, dawl li ma jinbidel qatt, imma li qatt ma jkun monotonu, dejjem ġdid għalkemm qatt ma jinbidel. O Trinita’ Qaddisa, għarraf lilek innifsek lill-erwieħ!

 

 

593.                 O Ġesu’ tiegħi, m’hemm xejn aħjar mill-umiljazzjonijiet għar-ruħ. Fid-disprezz jinsab is-sigriet tal-hena, meta r-ruħ tintebaħ li, waħedha, hi biss miżerja u xejn, u li hi – għandha x’għandha tajjeb – dan kollu hu don ta’Alla. Meta r-ruħ tara li kollox ġie mogħti lilha b’xejn u li l-unika ħaġa li hi għandha li hi tagħha hi biss il-miżerja tagħha stess, dan hu li jżommha f’att kontinwu ta’ qima umli quddiem il-majesta’ ta’ Alla. U Alla, meta jara r-ruħ b’din id-dispożizzjoni, jibqa’ jiġri warajha bil-grazzji Tiegħu. Filwaqt li r-ruħ tkompli togħdos iktar fil-fond fl-abbis tax-xejn u tal-bżonn tagħha, Alla juża s-setgħa bla tarf  Tiegħu sabiex jgħolliha. Jekk teżisti ruħ verament ferħana f’din id-dinja, din tista’ tkun biss ruħ li hi tassew umli. Għall-ewwel, l-egoiżmu tar-ruħ ibati ħafna minħabba din il-ħaġa, imma wara lir-ruħ tkun issieltet bil-kuraġġ, Alla jagħtiha ħafna dawl li, permezz tiegħu, hi tara kif kollox miżerja u mimli qerq. Fil-qalb tagħha hemm Alla biss. Ruħ umli ma tafdax fiha nnfisha, imma tpoġġi l-fiduċja kollha tagħha f’Alla. Alla jiddefendi r-ruħ umli u jidħol fis-sigrieti tagħha, u r-ruħ tgħammar f’hena li ħadd ma jista’ jgħaddih u ħadd ma jista’ jifhmu.

 

 

594.                 Darba filgħaxija, waħda mis-sorijiet li kienu mietu, u li kienet ġiet iżżurni xi drabi, dehritli. L-ewwel darba li kont rajtha, kienet qiegħda ssofri ħafna, u mbagħad bil-mod il-mod dawn it-tbatijiet bdew jonqsu; din id-darba kienet qiegħda tirradja bil-ferħ, u qaltli li kienet diġa’ fil-ġenna. Hija qaltli li Alla kien ipprova d-dar tagħna bit-tribulazzjoni għax il-Madre Ġenerali (Michael) kienet ċediet għad-dubji, u ma kenitx emmnet dak li jiena kont għidt dwar din ir-ruħ. U iktar minn dan, bħala sinjal li issa hi biss kienet fil-ġenna, Alla kien ser ibierek id-dar tagħna. Imbagħad resqet eqreb lejja, għannqitni bis-sinċerita’ u qaltli, “Issa jeħtieġli mmur.” Jiena fhimt kemm huma maqgħudin mill-qrib flimkien it-tlett stadji tal-ħajja tar-ruħ; jiġifieri, il-ħajja fl-art, fil-purgatorju u fil-ġenna (ix-Xirka tal-Qaddisin).

 

 

595.                 Ħafna drabi ntbaħt li Alla jipprova ċerti nies minħabba dawk l-affarijiet li kien kellimni dwarhom, għax in-nuqqas ta’ fiduċja ma togħġbux lil Ġesu’. Darba, meta rajt li Alla kien ipprova ċertu Arċisqof (Jalbrzykowski), għax hu ma kienx jaqbel mal-kawża u ma kellux fiduċja fiha, jiena ħassejt għalih u tlabt lil Alla għalih, u Alla taffielu t-tbatija tiegħu. Lil Alla ma jogħġbux in-nuqqas ta’ fiduċja fih, u din hi r-raġuni għax xi erwieħ jitilfu ħafna grazzji. In-nuqqas ta’ fiduċja tweġġa’ l-Qalb l-iżjed ħelwa Tiegħu, li hi mimlija tjubija u mħabba għalina li ħadd ma jista’ jifhimha. Saċerdot għandu xi drabi juri nuqqas ta’ fiduċja sabiex ikun aktar ċert li d-doni li xi ruħ magħżula tkun rċeviet ikunu ġenwini; u meta hu jagħmel dan sabiex imexxi lir-ruħ għal għaqda profonda ma’ Alla, hu għad jirċievi premju tassew kbir u li ħadd ma jista’ jifhmu. Imma hemm differenza kbira bejn din il-ħaġa u nuqqas ta’ rispett u ta’ fiduċja fil-grazzji divini fir-ruħ sempliċiment għax wieħed ma jistax jifhem u jidħol ġo dawn l-affarijiet b’moħħu, u din tal-aħħar ma togħġbux lill-Mulej. Jiena tassew nitħassar lil dawk l-erwieħ li jitaqgħu ma’ saċerdoti li m’għandhomx esperjenza.

 

 

596.                 Darba, ċertu saċerdot (Dun Sopocko) (nota124) talabni nitlob għalih. Jiena wegħedtu li nitlob, u tlabtu jagħtini mortifikazzjoni. Meta rċevejt il-permess li nagħmel ċerta mortifikazzjoni, ħassejt xewqa kbira li niċċaħħad mill-grazzji kollha li t-tjubija ta’ Alla kellha f’moħħha li tagħtini dak inhar sabiex Hu jiffavorixxi lil dak is-saċerdot, u jiena tlabt lill-Mulej Ġesu’ li jagħti lili t-tbatijiet u s-swat kollu, kemm minn barra kemm spiritwali li s-saċerdor kieku kien ikollu jbati dak inhar. Alla wieġeb it-talba tiegħi b’mod parzjali u, f’daqqa waħda, kull tip ta’ diffikulta’ u kuntrarju bdew jinqalgħu minn ma nafx fejn, tant li waħda mis-sorijiet għadiet rimarka b’vuċi tinstema’ li l-Mulej Ġesu’ kellu x’jaqsam f’din il-ħaġa għax kulħadd kien qed jipprova lil Swor Fawstina. L-akkużi li saru tant kienu bla ebda bażi li dak li qalu xi sorijiet, oħrajn ċaħduh, filwaqt li jiena offrejt dan kollu fis-skiet għas-saċerdot.

 

Imma dan ma kienx kollox; jiena bdejt ngħaddi mill-esperjenza ta’ tbatijiet interni. L-ewwel, qabditni dipressjoni u mibgħeda kontra s-sorijiet, imbagħad tip ta’ inċertezza bdiet tinkwetani. Ma stajtx ninġabar waqt it-talb, u moħħi bdew jhewden fuq diveri affarijiet. Meta, għajjiena mejta, dħalt fil-kappella, uġigħ stramb qabad lil ruħi u bdjet nibki bil-mod. Imbagħad jiena smajt vuċi ġewwa ruħi, tgħidli, Binti, għaliex qiegħda tibki? Fuq kollox, int stess offrejt li tieħu fuqek dawn it-tbatijiet. Kun af li dak li inti ħadt fuqek għal dik ir-ruħ hija biss porzjon żgħir. Huwa qed isofri ħafna aktar. U jiena staqsejt lill-Mulej, “Għaliex qed titrattah b’dan il-mod?” Il-Mulej weġibni li kien minħabba l-kuruna bi tlieta li kien hemm lesta għalih: dik tal-verġnita’, tas-saċerdozju u tal-martirju. F’dak il-waqt, ferħ kbir imlieli ruħi meta rajt il-glorja kbira li kien ser ikollu fil-ġenna. Dak il-ħin stess għidt it-Te Deum (nota125) għal din il-grazzja speċjali mingħand Alla. Jiġifieri, il-grazzja li jiena tgħallimt kif Alla jitratta lil dawk li Hu jkollu f’moħħu li jżommhom qrib Tiegħu. Għalhekk, it-tbatijiet kollha m’huma xejn ħdejn dak li hemm jistenniena fil-ġenna.

 

 

597.                 Darba, waqt il-Quddiesa, f’daqqa waħda rajt il- konfessur tiegħi (Dun Sopocko) iqaddes fil-Knisja ta’ San Mikiel, quddiem il-pittura ta’ Omm Alla. Kien fil-ħin ta’ l-Offertorju, u rajt lill-Bambin Ġesu’ imqabbad miegħu qiesu qed jaħrab minn xi ħaġa u jfittex kenn għandu. Imma meta wasal il-ħin għat-Tqarbin, bħas-soltu għeb. F’daqqa waħda, rajt il-Verġni Mbierka, tipproteġih bil-mantell tagħha u tgħidlu, Kuraġġ, Ibni, kuraġġ. Hija qalet xi ħaġa oħra li ma stajtx nismagħha.

 

 

598.                 O, b’liema ħeġġa nixtieq li kull ruħ tfaħħar il-ħniena Tiegħek. Imbierka r-ruħ li ssejjaħ il-ħniena tal-Mulej. Hija għad tara kif il-Mulej jiddefendiha bħall-glorja Tiegħu, bħalma Huwa qal. U min jażżarda jiġġieled kontra Alla? Intom erwieħ kollha, faħħru l-ħniena tal-Mulej billi tafdaw fil-ħniena Tiegħu tul ħajjitkom kollha u speċjalment fis-siegħa tal-mewt tagħkom. U tibża’ minn xejn, għażiża ruħ, int min int; iktar ma jkun kbir il-midneb, iktar ikollu d-dritt fuq il-ħniena Tiegħek, O Mulej. O tjubija li ħadd ma jista’ jifhimha! Alla hu l-ewwel wieħed li jitbaxxa lejn il-midneb. O Ġesu’, jiena nixtieq nigglorifika l-ħniena Tiegħek f’isem eluf ta’ erwieħ. Jiena naf tajjeb, O Ġesu’ tiegħi, li jiena għandi nkompli ngħid lill-erwieħ bit-tjieba Tiegħek, bil-ħniena Tiegħek li ħadd ma jista’ jifhimha.

 

 

599.                 Darba, wara li persuna talbitni nitlob, meta jiena ltaqajt mal-Mulej għidtlu, “Ġesu’, jiena nħobb b’mod speċjali lil dawk l-erwieħ li Inti tħobbhom.” U Ġesu’ wieġeb, U ngħid għalija Jiena nagħti grazzji speċjali lil dawk l-erwieħ li inti tinterċiedi għalihom.

 

 

600.                 B’liema mod tal-għaġeb Ġesu’ jiddefendini; din hija verament grazzja kbira ta’ Alla li issa jiena ili jkolli esperjenza tagħha għal żmien twil.

 

 

601.                 Darba, meta waħda mis-sorijiet tagħna (nota126) mardet u waslet fil-punt tal-mewt u l-komunita’ kollha (nota127) kienet miġbura flimkien, kien hemm ukoll saċerdot (nota128) li ta l-assoluzzjoni lis-soru. F’daqqa waħda, jiena rajt ħafna spirti ħżiena. Jiena mbagħad insejt li kont mas-sorijiet, qbadt l-asperġes u bexxejt l-ispirti, u huma sparixxew fil-pront. Iżda, meta s-sorijiet marru fir-refettorju, il-Madre Superjura (Borgia) irrimarkat li jiena ma kienx messni bexxjet lis-soru marida fil-preżenza tas-saċerdot, għax dan kien id-dmir tiegħu. Jiena aċċettajt l-ammonizzjoni fi spirtu ta’ penitenza, imma l-ilma mbierek hu verament għajnuna kbira għall-moribondi.

 

 

602.                 Ġesu’ tiegħi, Inti qiegħed tara kemm jiena dgħajfa u waħdi ma niswa xejn. Mela, kun Int li tmexxi l-affarijiet għalija. U kun af, Ġesu’, li mingħajrek jiena minix sejra niċċaqlaq għall-ebda kawża, imma flimkien miegħek jiena nidħol għall-affarijiet l-iktar diffiċli.

 

 

603.                 29 ta’ Jannar 1936. Filgħaxija, x’ħin kont fiċ-ċella tiegħi, f’daqqa waħda rajt dawl kbir u salib ta’ kulur griż skur qiegħed fil-għoli ġod-dawl. F’daqqa waħda sibt ruħi maqbuda qrib is-salib. Bqajt inħares ċass lejh, imma ma stajt nifhem xejn, allura bdejt nitlob u nistaqsi x’setgħet tfisser din il-ħaġa. F’dak il-waqt rajt lill-Mulej Ġesu’, u s-salib għeb. Il-Mulej Ġesu’ kien bilqiegħda f’dawl kbir, u saqajh, sa rkobbtejh, kienu mgħarrqa f’dawl kbir, b’mod li ma stajtx narahom. Ġesu’ miel lejja u ħares lejja bit-tjubija u kellimni dwar ir-rieda tal-Missier tas-Sema. Huwa qalli li r-ruħ l-iktar perfetta u qaddisa hija dik li tagħmel ir-rieda tal-Missier, imma ma tantx hemm minn dawn, u li Hu jħares bi mħabba speċjali lejn ir-ruħ li tgħix ir-rieda Tiegħu. U Ġesu’qalli li jiena kont qiegħda nagħmel ir-rieda ta’ Alla b’mod perfett. . .u għalhekk Jiena qiegħed ningħaqad miegħek u nikkomunika miegħek b’mod speċjali u intimu.

 

Alla jgħannaq bl-imħabba Tiegħu – li ħadd ma jista’ jifhimha – lir-ruħ li tgħix bir-rieda Tiegħu. Jiena fhimt kemm iħobbna Alla, kemm Huwa sempliċi, għalkemm ħadd ma jista’ jifhmu, u kemm hu faċli li tikkomunika miegħu, minkejja l-majesta’ kbira Tiegħu. Ma’ ħaddieħor ma nħossnix daqshekk fil-liberta’ u komda bħalma nħossni miegħu. Ukoll omm u binha li verament iħobbha ma jifhmux lil xulxin hekk tajjeb daqskemm niftehmu jiena u Alla. Filwaqt li kont f’dak l-istat ta’ għaqda ma’ Alla, rajt żewġ persuni partikolari, u l-kundizzjoni interna tagħhom ta’ min jitħassarha ġiet irrivelata lili. Kienu jinsabu fi stat li jġiblek siwed ta’ qalb, imma jiena għandi fiduċja li huma wkoll għad jigglorifikaw il-ħniena ta’ Alla.

 

 

604.                 Fl-istess ħin, jiena rajt ċerta persuna (Dun Sopocko) u, sa ċertu punt, il-kundizzjoni ta’ ruħu u l-provi li Alla kien qed jibgħatlu. It-tbatijiet tiegħu kienu mentali u kellhom forma hekk akuta li bdejt nitħassru u għidt lill-Mulej, “Għaliex qed tittrattah b’dan il-mod?” U l-Mulej wieġeb, Minħabba l-kuruna tiegħu ta’ bi tlieta. U l-Mulej tani x’nifhem xi glorja li ħadd ma jista’ jimmaġinaha hemm tistenna lil dik il-persuna li tkun tixbaħ lil Ġesu’ fit-tbatija Tiegħu hawn fl-art.Dik il-persuna għad tixbaħ lil Ġesu’ fil-glorja Tiegħu. Il-Missier tas-sema għad jagħraf u jigglorifika r-ruħ tagħna skont kemm Huwa jara fina xebħ ma’ Ibnu. Jiena fhimt li din l-assimilazzjoni f’Ġesu’ hija mogħtija lilna sakemm aħna nkunu hawn fl-art. Qiegħda nara erwieħ safja u innoċenti li fuqhom Alla ħaddem il-ġustizzja Tiegħu; dawn l-erwieħ huma l-vittmi li qedgħin iżommu d-dinja u li qedgħin itemmu dak li jonqos fil-Passjoni ta’ Ġesu’. In-numru tagħhom mhux kbir. Jiena ninsab ferħana ħafna li Alla ppermettieli nsir naf erwieħ bħal dawn.

 

 

605.                 O Santissma Trinita’, Alla Etern, jiena nroddlok ħajr li ppermettejtli nsir naf il-kobor u l-gradi differenti ta’ glorja li l-erwieħ jirnexxielhom jilħqu. O, x’differenza kbira hemm bejn grad u ieħor fil-profondita’ tal-għarfien ta’ Alla! O, li kieku n-nies setgħu jsiru jafuh dan!

 

O Alla tiegħi, li kieku stajt b’dan il-mod nakkwista grad wieħed iktar, kont inbati bil-qalb it-turmenti kollha tal-martri kollha flimkien. Verament, dawk it-turmenti kollha jidhru qieshom m’huma xejn f’għajnejja meta mqabblin mal-glorja li hemm tistenniena għall-eternita’ kollha. O Mulej, daħħal lil ruħi fl-oċejan tad-divinita’ Tiegħek u agħtini l-grazzja li nsir nafek; għax iktar ma nsir nafek aħjar, iktar nixtieqek, u iktar tikber imħabbti għalik. Jiena nħoss ġewwa ruħi abbiss li ma jitkejjilx lil Alla biss jista’ jimlieh. Jiena nintilef fih bħalma qatra tintilef fl-oċejan. Il-Mulej niżel ħdejn il-miżerja tiegħi bħalma jinżel raġġ tax-xemx fuq deżert għeri mimli blat. U madankollu, taħt l-influwenza tar-raġġi Tiegħu, ruħi saret miksija bil-ħaxix, bil-fjuri u l-frott, u saret ġnien sabiħ għas-serħan Tiegħu.

 

 

606.                 Ġesu’ Tiegħi, minkejja l-grazzji Tiegħek, jiena nista’ nara u nħoss il-miżerja kollha tiegħi. Nibda l-jum tiegħi nissielet u nispiċċaha bl-istess mod. Malli jirnexxili nirbaħ ostaklu wieħed, jitfaċċaw għaxra oħra, minfloku. Imma jiena ma ninkwetax, għax naf li dan hu ż-żmien tat-taqbida, mhux tal-paċi. Meta il-piż tat-taqbida jsir tqil wisq għalija, jiena nintefa bħal tarbija f’dirgħajn il-Missier tas-Sema u nittama li ma ninqeridx. O Ġesu’ tiegħi, kemm għandi tendenza għall-ħażin, u din il-ħaġa ġġegħelni nishar il-ħin kollu. Imma jiena ma naqtax qalbi. Jiena nafda fil-grazzja ta’ Alla, li ssir abbundanti fl-agħar miżerja.

 

 

607.                 F’nofs l-agħar diffikultajiet u kuntrarju, jiena ma nitlifx il-paċi ġewwa fija jew il-bilanċ minn barra, u din il-ħaġa taqtagħlhom qalbhom lill-għedewwa tiegħi. Il-paċenzja fil-kuntrarju tagħti l-qawwa lir-ruħ.

 

 

608.                 2 ta’ Frar, (1936). Filgħodu, x’ħin qajmitni l-qanpiena, tant għelibni n-ngħas u ma stajtx neħles minnu li qbiżt ġol-ilma kiesaħ, u wara żewġ minuti n-ngħas ħallieni. Meta wasalt għall-ħin tal-meditazzjoni armata ta’ ħsibijiet taċ-ċajt imlewli rasi, tant li kelli nagħmel ħilti kollha matul il-meditazzjoni kollha. L-istess ħaġa ġrat waqt il-ħin tat-talb, imma meta bdiet il-Quddiesa, skiet stramb u ferħ imlewli qalbi. Propju dak il-ħin, rajt lill-Madonna mal-Bambin Ġesu’ u r-Raġel Xiħ Qaddis (San Ġużepp) kien qiegħed bilwieqfa warajhom. L-Omm l-Iżjed Qaddisa qaltli, Hu f’idejk l-egħżeż Teżor tiegħi,u tatni f’idejja lill-Bambin Ġesu’. X’ħin ħadtu f’dirgħajja lill-Bambin Ġesu’, Omm Alla u San Ġużepp ma dehrux iżjed. Ħallewni waħdi flimkien mal-Bambin Ġesu’.

 

 

609.                 Jiena għidtlu, “Jiena naf li Inti l-Mulej u l-Ħallieq tiegħi għalkemm Inti daqshekk ċkejken.” Ġesu’ medd id-dirgħajn żgħar Tiegħu lejja u ħares lejja bi tbissima. L-ispirtu tiegħi mtela b’ferħ li m’hawnx bħalu. Imbagħad f’daqqa waħda Ġesu’ għeb, u kien wasal il-ħin tat-Tqarbin Imqaddes. Jiena mort flimkien mas-sorijiet l-oħrajn lejn il-Mejda Mqaddsa u ruħi kienet emozzjonata ħafna. Wara t-Tqarbin, jiena smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Jiena ninsab ġewwa qalbek, Jiena li inti kont qiegħda żżommni f’dirgħajk. Jiena mbagħad bdejt nitlob bil-ħerqa lil Ġesu’ għal ċerta ruħ (Dun Sopocko), u tlabt lill-Mulej jagħtih il-grazzja li jiġġieled, u li jkun kapaċi jieħu din il-prova mingħandu. Hekk ikun bħalma inti qiegħda titlob, imma l-mertu tiegħu mhux ser jitnaqqas. Il-ferħ saltan ġewwa ruħi li Alla Hu hekk twajjeb u ħanin; Alla jagħtina dak kollu li aħna nitolbuh b’fiduċja.

 

 

610.                 Wara kull konverżazzjoni mal-Mulej, ruħi tirċievi saħħa staordinarja, u jkun fiha trankwillita’ profonda li tagħtini tant kuraġġ li ma nibża’ minn xejn fid-dinja, imma nibża’ biss li ma rridx insewwidlu qalbu lil Ġesu’.

 

 

611.                 O Ġesu’ tiegħi, qiegħda nitolbok, bit-tjubija tal-Qalb l-iżjed ħelwa Tiegħek, agħmel li l-korla Tiegħek tonqos u wrina l-ħniena Tiegħek. Jalla l-ġrieħi Tiegħek inkunu t-tarka tagħna kontra l-ġustizzja ta’ Missierek. Jiena sirt nafek, O Alla, bħala l-għajn tal-ħniena li tagħti l-ħajja lil kull ruħ u tmantniha. O, kemm hi kbira l-ħniena tal-Mulej; hija ikbar mill-kwalitajiet l-oħrajn kollha Tiegħu. Il-ħniena hija l-ikbar attribut ta’ Alla; kulma hawn madwari ikellimni dwar din il-ħaġa. Il-ħniena hi l-ħajja tal-erwieħ; il-mogħdrija Tiegħu m’għandiex tarf. O Mulej, ħares lejna u imxi magħna skont  il-ħniena Tiegħek bla tarf, skont il-ħniena kbira Tiegħek.

 

 

612.                 Darba, kelli dubju jekk dak li kien ġrali kienx offenda serjament lill-Mulej Ġesu’ jew le. Peress li ma stajtx insib tarf ta’ dan id-dubju, iddeċidejt li ma nitqarbinx qabel ma immur inqerr l-ewwel, għax jiena mdorrija nitlob maħfra għall-inqas ħtija. F’dawk il-ġranet meta ma tqarbintx ma ħassejtx il-preżenza ta’ Alla. Dan ġabli wġigħ li ma jitfissirx bil-kliem, imma jiena ħadtu bħala kastig għad-dnub. Iżda meta mort inqerr ġejt imċanfra li ma tqarbintx, għax dak li kien ġrali ma kienx ostaklu għat-Tqarbin. Wara li kont qerrejt, tqarbint u rajt lill-Mulej Ġesu’ li qalli, Kun af, binti, li kkawżajtli iktar niket meta ma ngħaqdtx Miegħi fit-tqarbin Imqaddes milli għamilt b’dik il-ħtija żgħira.

 

 

613.                 Darba, rajt il-kappella żgħira fejn sitt sorijiet kienu qedgħin jitqarbnu mingħand il-konfessur tagħna (Dun Sopocko), li kien liebes spellizza u stola. (nota129) Ma kienx hemm ornamenti jew ġinokkjaturi fil-kappella. Wara t-Tqarbin, rajt lill-Mulej Ġesu’ kif jidher fix-xbieha. Ġesu’ kien tielaq, u jiena sejjaħtlu, “Kif tista’ tibqa’ għaddej, tarani u ma tgħidli xejn, Mulej? Mingħajrek, jiena ma jien ser nagħmel xejn; jeħtieġli Inti toqgħod u tberikni, u tbierek ukoll din il-komunita’ u dan il-pajjiż.” Ġesu’ għamel is-sinjal tas-Salib u qal, Tibża’ xejn, Jiena dejjem miegħek.

 

 

614.                 Fl-aħħar jumejn qabel ma beda r-Randan kellna siegħa adorazzjoni bħala riparazzjoni mat-tfajliet. (nota130) Matul dawn is-sagħtejn jiena rajt il-Mulej Ġesu’ bħalma kien wara l-flaġellazzjoni. Ruħi ħasset uġigħ tant kbir li ħassejtni bħallikieku kelli l-esperjenza ta’ dawk it-turmenti kollha f’ġismi u f’ruħi stess.

 

 

615.                 1 ta’ Marzu 1936. Illum waqt il-Quddiesa ħassejt qawwa stramba u ħerqa sabiex jiena nibda nwettaq ix-xewqat ta’ Alla. Tant fhimt ċar l-affarijiet li l-Mulej kien qiegħed jitlob mingħandi li verament li kieku kelli ngħid li ma nistax nifhem Alla x’qed jitlob mingħandi, kont inkun qiegħda nigdeb, għax il-Mulej qed jgħarrafni r-rieda Tiegħu tant ċar li m’għandi l-ebda dell ta’ dubju dwarhom. Jiena rrealizzajt li kienet tkun l-ikbar ingratitudni jekk inkompli nipposponi iktar din il-ħaġa li l-Mulej jixtieq jara mwettqa għall-glorja Tiegħu u għall-ġid ta’ għadd kbir ta’ erwieħ. U Hu qiegħed jużani bħala għodda dgħajfa li permezz tagħha Huwa jwettaq il-pjanijiet eterni Tiegħu ta’ ħniena. Verament, kemm inkun ingrata ruħi jekk hija tibqa’ tirreżisti iktar lil Alla. Xejn m’hu ser iżżomni iżjed, la persekuzzjoni, tbatjiet, disprezzi, ħars ikrah, theddid, talb ħerqan, ġuħ, kesħa, imposturaġni, ħbiberiji, kuntrarju, ħbieb jew għedewwa; kemm jekk ikunu affarijiet li jiena għaddejja minnhom issa jew affarijiet li ser iseħħu fil-futur jew ukoll il-mibgħeda li nħoss għall-infern – xejn m’hu ser iżomni milli nagħmel ir-rieda ta’ Alla.

 

Jiena ma nibbażax fuq il-qawwa tiegħi stess, imma fuq is-setgħa bla tarf Tiegħu għax, bħalma Hu tani l-grazzja li nkun naf ir-rieda qaddisa Tiegħu, Hu jagħtini wkoll il-grazzja li nwettaqha. Ma rridx nonqos milli ngħid kemm in-natura baxxa tiegħi stess hi kapaċi tirreżisti din il-ħaġa u tkun trid turi x-xewqat tagħha stess u mbagħad iseħħ ġewwa ruħi taqbida kbira, bħalma kellu Ġesu’ fil-Ġnien taż-Żebbuġ. U allura jiena wkoll ngħajjat lil Alla, il-Missier Etern, “Jekk hu possibli, ħu din it-tazza mingħandi, imma xorta waħda, ħa sseħħ mhux ir-rieda tiegħi, imma Tiegħek, O Mulej; tkun magħmula r-rieda Tiegħek.” Dak li ser ngħaddi minnu mhux moħbi minni, imma b’għarfien sħiħ jiena naċċetta dak kollu li Inti tibgħatli, O Mulej. Jiena nafda fik, O Alla ħanin, u nixtieq inkun l-ewwel waħda li nuri dik il-fiduċja fik li Inti trid mingħand l-erwieħ. O Verita’ Eterna, għinni u dawwalni fit-toroq tal-ħajja, u agħmel ir-rieda Tiegħek isseħħ ġewwa fija.

 

Alla tiegħi, jiena ma nixtieq xejn ħlief li t-twettiq tar-rieda Tiegħek. Ma jimpurtax jekk tkunx faċli jew diffiċli. Jiena nħoss qawwa straordinarja timbuttani sabiex nagħmel li għandi nagħmel. Ħaġa waħda biss iżżommni lura, u dik hi l-ubbidjenza qaddisa. O Ġesu’ tiegħi, Inti timbuttani minn naħa waħda u min naħa l-oħra żżommni lura. F’din il-ħaġa, ukoll, O Ġesu’ tiegħi, tkun magħmula r-rieda qaddisa Tiegħek.

 

Komplejt f’dan l-istat, bla ebda waqfien, għal ħafna żmien. Is-saħħa fiżika tiegħi naqset, u għalkemm jiena ma tkellimt ma’ ħadd dwar dan, xorta waħda l-Madre Superjura (Borgia) indunat bl-uġigħ tiegħi u rrimarkat li d-dehra tiegħi kienet inbidlet u ma tantx kelli kulur f’wiċċi. Hija qaltli mmur norqod qabel u ndum aktar rieqda, u qaltlilhom iġibuli kikkra ħalib sħun filgħaxija. Kellha qalb ta’ omm, kienet kollha premura u ppruvat tgħinni. Imma fil-każ ta’ tbatijiet spirtwali, affarijiet esterni ma jagħmlu l-ebda differenza u ma jġibux wisq serħan. Jiena kont nieħu saħħti mill-konfessinarju u mill-konsolazzjoni li kont naf li dalwaqt kont ser inkun nista’ nibda naġixxi.

 

 

616.                 Il-Ħamis, x’ħin mort fiċ-ċella tiegħi, rajt fuqi l-Ostja Qaddisa tleqq u tiddi. Imbagħad smajt vuċi li deherli li kienet ġejja minn fuq l-Ostja: Il-qawwa tiegħek tinsab fl-Ostja Mqaddsa; hija tħarsek. Wara li nstema’ dan il-kliem, id-dehra għebet, imma qawwa stramba daħlet ġewwa ruħi, u dawl stramb illuminani dwar f’hiex tikkonsisti l-imħabba tagħna għal Alla: jiġifieri, f’li nagħmlu r-rieda Tiegħu.

 

 

617.                 O Santissma Trinita’, Alla Etern, jiena rrid niddi fil-kuruna tal-ħniena Tiegħek bħal ħaġra prezzjuża ċkejkna li tiddependi għas-sbuħija tagħha fuq ir-raġġ tad-dawl Tiegħek u tal-ħniena Tiegħek li ħadd ma jista’ jifhimha. Dak kollu li hu sabiħ ġewwa ruħi huwa Tiegħek, O Alla; waħdi jiena ngħodd dejjem bħala xejn.

 

 

618.                 Fil-bidu tar-Randan, tlabt lill-konfessur tiegħi xi mortifikazzjoni għal dan iż-żmien ta’ sawm. Huwa qalli ma nnaqqasx mill-ikel tiegħi, imma, filwaqt li nkun qiegħda niekol,kelli nimmedita kif il-Mulej Ġesu’, fuq is-Salib, aċċetta l-ħall u l-imrar. Din kellha tkun il-mortifikazzjoni tiegħi. Jiena ma kontx naf li din il-ħaġa kellha tkun ta’ tant ġid għal ruħi. Il-ġid hu li jiena nkun qiegħda nimmedita l-ħin kollu fuq il-Passjoni doloruża Tiegħu u għalhekk, filwaqt li kont inkun qiegħda niekol, kont inkun qiegħda naħseb mhux fuq dak li kont qiegħda niekol, imma kont inkun qiegħda nirrifletti fuq il-mewt tal-Mulej tiegħi.

 

 

619.                 Fil-bidu tar-Randan, tlabt ukoll li jkun mibdul is-suġġett tal-eżami partikulari tiegħi u qaluli nagħmel kollox bl-intenzjoni safja ta’ riparazzjoni għall-imsejkna midinbin. Din il-ħaġa żżommni f’għaqda kontinwa ma’ Alla, u din l-intenzjoni tipperfezzjona l-azzjonijiet tiegħi, għax kulma nagħmel nagħmlu għall-erwieħ immortali. It-tbatijiet u l-għeja kollha qishom m’huma xejn meta jiena naħseb li huma jservu biex erwieħ midinbin jirrikonċiljaw ruħhom ma’ Alla.

 

 

620.                 Marija hija l-Għalliema tiegħi, li l-ħin kollu tgħallimni kif jiena għandi ngħix għal Alla. L-Ispirtu tiegħi jieħu r-ruħ fil-ġentilezza u fl-umilta’ tiegħek, O Marija.

 

 

621.                 Darba, meta dħalt fil-kappella għal ftit ħin, għal adorazzjoni ta’ ħames minuti u kont qiegħda nitlob għal ċerta ruħ, jiena fhimt li Alla mhux dejjem jaċċetta t-talb tagħna għal dawk l-erwieħ li jkollna f’moħħna, imma juża dan it-talb għal erwieħ oħrajn. B’konsegwenza ta’ dan, għalkemm aħna ma jirnexxilniex neħilsu mit-tbatija tagħhom fil- Purgatorju, xorta waħda  tagħna ma jintilifx.

 

 

622.                  Għaqda intima ta’ ruħ flimkien ma’ Alla. Alla jersaq lejn ruħ b’mod speċjali li jkunu bih biss Hu r-ruħ. Ħadd ma jara din l-għaqda misterjuża. Hija l-imħabba li tippersiedi f’din l-għaqda, u hija l-imħabba biss li jirnexxilha takkwista kollox. Ġesu’ jagħti lilu nnifsu lir-ruħ b’mod ġentili u ħelu, u fil-profondita’ Tiegħu tinsab il-paċi. Huwa jagħti ħafna grazzji lir-ruħ u jagħmilha kapaċi li hija taqsam miegħu l-ħsibijiet eterni Tiegħu. U spiss, Huwa juriha l-pjanijiet Divini Tiegħu.

 

 

623.                 Patri Andrasz qalli li tkun ħaġa tajba li jkun hemm fil-knisja ta’ Alla grupp ta’ erwieħ li jitolbu għall-ħniena Tiegħu, għax fil-fatt aħna lkoll għandna bżonn ta’ dik il-ħniena. Wara dan il-kliem, dawl straordinarju mlieli ruħi. O, kemm Hu twajjeb il-Mulej!

 

 

624.                 18 ta’ Marzu 1936. Darba, jiena tlabt lill-Mulej Ġesu’ jagħmel l-ewwel pass li jippermetti xi tibdil jew xi ġrajja esterna, jew iħallihom ikeċċuni, għax kont qiegħda nsibha impossibli nitlaq mill-Kongregazzjoni minn rajja. U domt nagonizza fuq din il-ħaġa għal iktar minn tlett sigħat. Ma stajtx nitlob, imma bqajt nissottometti r-rieda tiegħi għar-rieda ta’ Alla.

 

L-għada filgħodu, il-Madre Superjura (Borgia) qaltli li l-Madre Ġenerali (Michael) kienet ser tittrasferini għal Varsavja.  Jiena weġibt lill-Madre li forsi minflok ma mmur, kien ikun aħjar li nħalli (il-Kongregazzjoni) direttament minn hawnhekk. Din il-ħaġa jiena rajtha bħala sinjal estern li kont qiegħda nitlob lil Alla għaliha. Il-Madre Superjura ma tatni l-ebda tweġiba, imma wara ftit hi reġgħet sejħitli u qaltli, “Sor, taf x’naħseb: mur xorta waħda u toqgħodx tinkwieta li qiegħda taħli l-ħin f’dan il-vjaġġ, ukoll jekk ikollok tiġi lura mill-ewwel.” Jiena weġibt, “Tajjeb, sejra,” għalkemm qalbi kienet miġugħa għax kont naf li dan il-vjaġġ kien ser itawwal iż-żmien għal deċiżjoni dwar din il-ħaġa. Jiena, iżda, dejjem nipprova nobdi, minkejja kollox.

 

 

625.                 Filgħaxija, filwaqt li kont qiegħda nitlob, Omm Alla qaltli, Il-ħajja tagħkom għandha tkun bħal tiegħi: kwieta u moħbija, f’għaqda l-ħin kollu ma’ Alla, titolbu bil-ħerqa għall-umanita’ u tħejju d-dinja għat-tieni miġja ta’ Alla.

 

 

626.                 Filgħaxija, waqt il-Barka, ruħi kienet għal xi żmien f’għaqda ma’ Alla l-Missier. Jiena ħassejtni li kont ninsab f’idejh bħal tarbija ċkejkna, u smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Tibża’ minn xejn, binti; l-għedewwa kollha jitfarrku taħt saqajja. Ma’ dan il-kliem, paċi profonda u kalma interna kbira daħlu ġewwa ruħi.

 

 

627.                 Meta jiena lmentajt mal-Mulej li Hu kien qed jeħodli l-għajnuna u li jiena kont sejra nsib ruħi waħdi għal darb’oħra u ma kontx naf x’naqbad nagħmel, jiena smajt dan il-kliem: Tibżax; Jiena dejjem miegħek.Wara dan il-kliem, paċi profonda reġgħet daħlet ġewwa ruħi. Il-Preżenza Tiegħu nifditni totalment b’mod li stajt inħossu bis-sensi tiegħi. L-ispirtu tiegħi mtela kollu dawl, u ġismi seta’ jieħu sehem f’din il-ħaġa wkoll.

 

 

628.                 Fl-aħħar jum qabel it-tluq tiegħi minn Vilnius filgħaxija, soru anzjana (nota131) rrivelatli l-istat ta’ ruħha. Hija qalet li kienet diġa’ ilha tbati ġewwa fiha għal xi snin, u dehrilha li l-qrar kollu tagħha kien ħażin, u kellha dubji dwar jekk il-Mulej Ġesu’ kienx ħafrilha jew le. Jiena staqsejtha jekk hi qattx kienet qaltlu lil konfessur tagħha din il-ħaġa. Hija wieġbet li ħafna drabi hija kienet tkellmet ml-konfessuri tagħha dwar din il-ħaġa u . . . “il-konfessuri dejjem jgħiduli biex inkun fil-paċi, imma jiena xorta waħda nbati ħafna u xejn ma jserraħni u l-ħin kollu jidhirli li Alla ma ħafirlix.” Jiena weġibt, “Int għandek tobdi l-konfessur tiegħek, Sor, u tkun fil-paċi għal kollox, għax din hi tabilħaqq tentazzjoni.”

 

Imma hi talbitni bid-dmugħ f’għajnejha nistaqsi lil Ġesu’ jekk kienx ħafrilha u jekk il-qrar tagħha kienx tajjeb jew le. Jiena weġibt bil-qawwa, “Staqsieh inti stess, Sor jekk inti ma temminx lil konfessuri tiegħek!” Imma hija qabditli idi u ma ridtx tħallini nitlaq sakemm jiena nkun tajtha tweġiba, u baqgħet tgħidli biex nitlob għaliha u ngħidla x’ikun qalli Ġesu’ dwarha. Tibki b’qalbha maqsuma, ma riditx titlaqni u qaltli, “Jiena naf li l-Mulej Ġesu’ jkellmek, Sor.” Peress li hi kienet imqabbda ma’ idi u ma stajtx ninqala’ minn magħha, jiena wegħedtha li kont sejra nitlob għaliha. Filgħaxija, waqt il-Barka, jiena smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Għidilha li l-fatt li hi ma tistax temmen iferili Qalbi iktar mid-dnubiet li għamlet. X’ħin għidtilha dan, hi bdiet tibki bħal tarbija, u ferħ kbir daħal f’ruħha. Jiena fhimt li Alla ried ifarraġ lil din ir-ruħ permezz tiegħi. Għalkemm swieli ħafna, jiena qtajt ix-xewqa ta’ Alla.

 

 

629.                 X’ħin dħalt fil-kappella għal waqt wieħed dak inhar stess filgħaxija, sabiex inrodd ħajr lil Alla għall-grazzji kollha li Hu kien tani f’din id-dar, f’daqqa waħda l-preżenza ta’ Alla daret miegħi. Ħassejtni bħal tarbija f’idejn l-aħjar missier, u smajt dan il-kliem: Tibża’ minn xejn. Jiena dejjem miegħek. Imħabbtu nifdet l-esseri kollu tiegħi. Ħassejtni dieħla f’tant intimita’ mill-qrib miegħu li ma nistax nsib il-kliem biex nesprimi din l-esperjenza.

 

 

630.                 Imbagħad rajt wieħed mis-seba’ spirti maġenbi, jiddi bħal drabi oħra, taħt forma ta’dawl. Rajtu maġenbi l-ħin kollu x’ħin kont qiegħda fuq it-tren. Rajt anġlu bilwieqfa fuq kull knisja li għaddejna fit-triq, imma mdawwar b’dawl iktar pallidu minn dak tal-ispirtu li kien qed iseħibni fil-vjaġġ, u kull wieħed minn dawn l-ispirti li kienu qedgħin jgħassu lill-knejjes baxa rasu quddiem l-ispirtu li kien hemm maġenbi.

 

X’ħin dħalt fil-kunvent ta’ Varsavja, l-ispirtu għeb. Raddejt ħajr lil Alla għat-tjubija Tiegħu, li Hu jagħtina l-anġli biex isebħuna. O, kemm ftit jirriflettu n-nies dwar il-fatt li huma għandhom dejjem maġenbhom mistieden bħal dan, u fl-istess ħin xhud ta’ kollox! Ftakru, midinbin, li intom ukoll għandkom xhud ta’ kulma tagħmlu.

 

 

631.                 O Ġesu’ tiegħi, it-Tjubija Tiegħek hija iktar milli aħna lkoll nistgħu nifhmu, u ħadd m’hu ser jasal sat-tarf tal-ħniena Tiegħek. It-telfien hu għal dik ir-ruħ li trid tintilef; imma għal dik li tixtieq is-salvazzjoni, hemm l-oċejan li ma jispiċċa qatt tal-ħniena tal-Mulej li hi tista’ tiġbed minnha. Kif jista’ reċipjent ċkejken iżomm ġo fih l-oċejan li ħadd ma’ jista’ jkejjel il-fond tiegħu?

 

 

632.                 Kif kont qiegħda nsellem lis-sorijiet u filwaqt tat-tluq, waħda minnhom (nota132) damet tiskuża ruħha miegħi għax kienet għenitni daqshekk ftit fid-dmirijiet tiegħi, u mhux biss għax kienet ittraskurat li tgħinni, imma wkoll għax kienet ippruvat tagħmilli l-affarijiet iktar diffiċli. Iżda, f’qalbi, jiena kont inħares lejha bħala benefattriċi kbira, għax kienet ġegħlitni nħaddem ġewwa fija l-paċenzja tant li waħda mis-sorijiet anzjani darba kienet qalet. “Swor Fawstina żgur li hi jew belha jew qaddisa, għax ngħid id-dritt, persuna ordinarja ma kenitx tissaporti li jkollha lil xi ħadd il-ħin kollu jagħmel dawn l-affarijiet biex jinkiha.”  Iżda, jiena kont dejjem ersaqt lejha b’intenzjonijiet tajbin. Dik is-soru partikolari kienet ippruvat tagħmilli x-xogħol tiegħi iktar diffiċli sal-punt li, minkejja l-isforzi tiegħi, xi drabi kien irnexxielha teqred xi ħaġa li kienet magħmula sewwa, bħalma hi stess ammettietli meta jiena kont tielqa u talbitni skuża għal din il-ħaġa. Jiena ma kontx ridt ngħarbel l-intenzjonijiet tagħha, imma kont ħadtha bħala prova minn idejn Alla. . .

 

 

633.                 Għalija hija sorpriża kbira kif xi ħadd jista’ jkun għajjur daqshekk. Meta jiena nara t-tajjeb f’xi ħaddieħor, jiena nifraħ bih daqslikieku kien tiegħi. Il-ferħ tal-oħrajn hu l-ferħ tiegħi, u t-tbatija tal-oħrajn hi t-tbatija tiegħi, għax jekk ma jkunx hekk, ma kontx nażżarda nikkomunika mal-Mulej Ġesu’. L-ispirtu ta’ Ġesu’ huwa dejjem sempliċi, manswet, sinċier; il-malizzja kollha, l-għira u kattiverja moħbijin taħt tbissima ta’ intenzjonijiet tajba huma xjaten ċkejknin li jafu x’inhuma jagħmlu. Kelma ħarxa ħierġa minn imħabba sinċiera ma tweġġax lill-qalb.

 

 

634.                 22 ta’ Marzu (1936). X’ħin wasalt Varsavja, dħalt fil-kappella ż-żgħira għal waqt wieħed biexnirringrazzja lill-Mulej li kien tani vjaġġ tajjeb, u tlabt lill-Mulej jagħtini l-għajnuna u l-grazzja li kelli bżonn għal dak kollu li kien hemm jistennieni hawnhekk. F’kollox issottomettejt ruħi għar-rieda mqaddsa Tiegħu. Smajt dan il-kliem: Tibża’ minn xejn; id-diffikultajiet kollha jservu sabiex titwettaq ir-rieda Tiegħi.

 

 

635.                 25 ta’ Marzu. Filgħodu waqt il-meditazzjoni l-preżenza ta’ Alla daret miegħi b’mod speċjali, għax rajt il-kobor, li ma tistax tkejlu, ta’ Alla, u fl-istess ħin, kif Hu jindenja jitbaxxa lejn il-ħlejjaq Tiegħu. Imbagħad rajt lil Omm Alla, li qaltli: O, kemm togħġob lil Alla dik ir-ruħ li timxi bil-fedelta’ fuq l-ispirazzjonijiet tal-grazzja Tiegħu! Jiena tajt il-Feddej lid-dinja; inti għandek tkellem lid-dinja dwar il-ħniena kbira Tiegħu u tħejjija għat-Tieni Miġja ta’ Dak li għad irid jiġi, mhux bħala Salvatur ħanin, imma bħala Mħallef ġust. O, kemm tkun terribli dik il-ġurnata! Il-jum tal-ġustizzja, il-jum tal-korla divina huwa fiss. L-anġli jirtogħdu quddiemu. Kellem lill-erwieħ dwar din il-ħniena kbira sakemm għad hemm żmien li (tingħata) il-ħniena. Jekk inti ma titkellimx issa, inti jkollok twieġeb għal għadd kbir ta’ erwieħ f’dak il-jum terribli. Tibża’ minn xejn. Ibqa’ fidila sal-aħħar. Jiena nisspimatizza miegħek.

 

 

636.                 Meta wasalt Walendow, waħda mis-sorijiet (nota133) tatni din il-merħba: “Sor, issa li inti ġejt għandna hawnhekk, kollox ser imur sewwa.”  Jiena għidtilha, “Għaliex qed titkellem hekk, Sor?” Hija wieġbet li kienet qed tħoss din il-ħaġa ġewwa ruħha. Din il-persuna partikolari hi mimlija sempliċita’ u togħġob ħafna lill-Qalb ta’ Ġesu’. Id-dar kellha diffikultajiet verament kbar (fil-finanzi). . . Minix ser insemmihom kollha hawnhekk.

 

 

637.                 Qrar. Filwaqt li kont qiegħda nħejji ruħi għall-qrar, jiena għidt lil Ġesu’, moħbi fis-Sagrament Imqaddes, “Ġesu’, jiena qiegħda nitolbok tkellimni bil-fomm ta’ dan is-saċerdot. U dan ikun sinjal għalija għax hu ma jaf b’xejn li Inti tridni nwaqqaf  dik il-Kongreagazzjoni tal-Ħniena. Għidlu jgħidli xi ħaġa dwar din il-ħniena.”

 

X’ħin ersaqt lejn il-konfessinarju u bdejt il-qrara tiegħi, is-saċerdot waqqafni u beda jkellimni dwar il-ħniena kbira ta’ Alla, u hu tkellem b’iktar qawwa dwarha milli qatt kont smajt lil xi ħadd jitkellem dwarha qabel. U hu staqsieni, “Taf li l-ħniena tal-Mulej hi ikbar mill-opri Tiegħu kollha, li hi l-quċċata u l-kuruna tal-opri Tiegħu?” U qgħadt nisma’ b’attenzjoni dan il-kliem li l-Mulej kien qed jgħid permezz ta’ fomm is-saċerdot. Għalkemm jiena nemmen li jkun Alla dejjem li jitkellem b’fomm is-saċerdot fil-konfessinarju, jiena kelli esperjenza ta’ din il-ħaġa b’mod speċjali f’dik l-okkażjoni.

 

Għalkemm ma rrivelajt xejn dwar il-ħajja divina li kelli ġewwa ruħi u jiena akkużajt ruħi biss min-nuqqasijiet tiegħi, is-saċerdot stess kellimni ħafna dwar dak li kien għaddej ġewwa ruħi u obbligani nkun fidila mal-ispirazzjonijiet ta’ Alla. Huwa qalli, “Int miexja fil-ħajja flimkien ma’ Omm Alla, li wieġbet bil-fedelta’ għal kull ispirazzjoni divina.” O Ġesu’ tiegħi, min qatt jista’ jifhem it-tjubija Tiegħek?

 

 

638.                 Ġesu’, keċċi minni l-ħsibijiet li ma jaqblux mar-rieda Tiegħek. Jiena naf li issa xejn ma jorbotni ma’ din l-art ħlief din l-opra tal-ħniena.

 

 

639.                 Il-Ħamis. Waqt l-adorazzjoni ta’ filgħaxija, rajt lil Ġesu’ fflaġellat u ttorturat. Huwa qalli, Binti, Jiena nixtieq li wkoll l-iċken affarijiet, inti tiddependi mill-konfessur tiegħek. L-ikbar sagrifiċċji tiegħek ma jogħġbunix jekk inti twettaqhom mingħajr il-permess konfessur, mill-banda l-oħra, l-iċken sagrifiċċju hu ta’ valur kbir f’għajnejja, jekk ikun magħmul bil-permess tiegħu. L-ikbar opri m’huma tal-ebda valur f’għajnejja jekk jitwettqu biex jissodisfaw ir-rieda tiegħek, u spiss dawn ma jkunux jaqblu mar-rieda Tiegħi, u jistħoqqilhom kastig iktar minn premju. U mill-banda l-oħra, anke l-iċken waħda mill-azzjonijiet tiegħek, jekk tkun magħmula bil-permess tal-konfessur, tkun mogħġuba f’għajnejja u għażiża ħafna għalija. Dejjem żomm din il-ħaġa f’moħħok. Kun dejjem għassa, għax ħafna erwieħ għad jerġgħu lura mill-bibien tal-infern u jqimu l-ħniena Tiegħi. Imma tibża’ minn xejn, għax Jiena miegħek. Kun af li waħdek inti ma tista’ tagħmel xejn.

 

 

640.                 Fl-ewwel ġimgħa tax-xahar, qabel it-Tqarbin, jiena rajt pissidi kbir mimli ostji qaddisa. Id żammet il-pissidi quddiemi, u jiena ħadtu f’idejja. Kien hemm elf ostja ħajjin ġewwa fih. Imbagħad smajt vuċi, Dawn huma ostji li rċevewhom l-erwieħ li inti akkwistajt għalihom il-grazzja ta’ konverżjoni vera matul dan ir-Randan. Dan ġara ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira. Jiena għaddejt dan il-jum f’ġabra kbira interna, niżvojta lili nnifsi minħabba l-erwieħ.

 

 

641.                 O, x’ferħ kbir hu għalija li niżvojta lili nnifsi minħabba l-erwieħ immortali! Jiena naf li l-qamħa trid tinqered u tiġi mitħuna bejn il-ħaġriet tal-mitħna sabiex issir ikel. Bl-istess mod, jiena għandi niġi meqruda sabiex ikun ta’ użu għall- Knisja u għall-erwieħ, ukoll jekk minn barra ħadd m’hu ser jinnota s-sagrifiċċji tiegħi. O Ġesu’, minn barra jiena rrid nibqa’ moħbija, preċiż bħal din l-ostja ċkejkna fejn l-għajn ma tista’ tara xejn u xorta waħda jiena ostja kkonsagrata lilek.

 

 

642.                 Ħadd il-Palm. Dan il-Ħadd, jiena kelli esperjenza b’mod speċjali tas-sentimenti tal-Qalb l-iżjed ħelwa ta’ Ġesu’. L-ispirtu tiegħi kien hemm fejn hemm Ġesu’. Jiena rajt lil Ġesu’ riekeb fuq felu ta’ ħmara, u d-dixxipli u folla kbira bil-friegħi f’idejhom kienu qedgħin jakkumpanjaw lill-Mulej Ġesu’ bil-ferħ. Xi wħud ferxxuhom taħt saqajh fejn kien għaddej riekeb, filwaqt li oħrajn għollew il-friegħi tagħhom ‘il fuq fl-arja, jaqbżu quddiem il-Mulej mingħajr ma jafu x’jaqbdu jagħmlu bil-ferħ li kellhom. U rajt folla oħra li ħarġet sabiex tiltaqa’ ma’ Ġesu’, huma wkoll b’uċuħ ferħana u bi friegħi f’idejhom, u kienu qedgħin jgħajjtu l-ħin kollu bil-ferħ. Kien hemm ukoll tfal ċkejknin. Imma Ġesu’ kien serju ħafna, u l-Mulej tani x’nifhem kemm kien qiegħed ibati f’dak il-ħin. U f’dak il-waqt, jiena ma rajt xejn ħlief lil Ġesu’, li l-Qalb Tiegħu kient fgata bl-ingratitudni.

 

 

643.                 Qrar ta’ kull tliet xhur. Dun Bukowski. Meta xi qawwa ġewwa fija mbuttatni għal darb’oħra biex ma nkomplix inħalli din il-ħaġa għal iktar tard, ma stajtx nsib paċi. Jiena għidt lill-konfessur, Dun Bukowski, li ma stajtx nistenna aktar. Is-saċerdot weġibni, “Sor din illużjoni. Ma jistax ikun li l-Mulej Ġesu’ qiegħed jitlob din il-ħaġa. Inti għamilt il-voti perpetwi. Din hija kollha illużjoni. Inti qiegħda tivvinta tip ta’ ereżija!” U kien qed jgħajjat miegħi, kważi kemm kien jiflaħ jgħajjat. Jiena staqsejtu jekk dan kollu kienx illużjoni, u huwa qalli, “Kollox”. “Mela jekk jogħġbok għidli x’għandi nagħmel.” “Mela, Sor, m’għandekx timxi fuq l-ebda ispirazzjoni. Int trid tinsa dan kollu. M’għandek tagħti l-ebda attenzjoni lil dak li inti tisma’ ġewwa ruħek u pprova wettaq id-dmirijiet esterni tiegħek sewwa. Taħsibx iżjed f’dawn l-affarijiet u neħħihom minn moħħok għal kollox! Jiena weġibt. “Tajjeb, s’issa, jien kont qiegħda nimxi fuq dak li tgħidli l-kuxjenza tiegħi, imma issa li inti qiegħed tmexxini u tgħidli ma nagħtix kas għal dak li jiġri ġewwa fija, jiena ma nibqax nagħmel dan.” Imbagħad hu qalli, “Jekk il-Mulej Ġesu’ jerġa’ jgħidlek xi ħaġa, jekk jogħġbok għarrafni, imma ma rridek tagħmel xejn.” Jiena weġibt, “Tajjeb ħafna; nipprova nobdi.” Ma nafx għaliex is-saċerdot kien daqshekk iebes miegħi.

 

 

644.                 X’ħin ħriġt mill-konfessinarju, geġwiġija ħsibijiet bdew jagħfsu fuq ruħi. Għalfejn inkun sinċiera? Dak li jiena għidt mhux dnub, mela m’għandi l-ebda dmir ngħidu lill-konfessur. U mbagħad, nista’ ngħid ‘għall-ewrieħ’ li m’għandix nagħti kas iżjed ta’ dak li jiġri ġewwa fija sakemm kollox ikun sew minn barra. M’għandi nagħti l-ebda attenzjoni jew nimxi fuq il-vuċijiet interni li spiss swewli tant umiljazzjoni. Minn issa ‘l quddiem, inħossni ħielsa. U għal darb’oħra ħassejt uġigħ stramb ġewwa ruħi: mela għalhekk, jiena ma nistax nikkomunika ma’ Dak li jiena tant imxennqa għalih? Dak li Hu s-saħħa sħiħa ta’ ruħi? Bdejt ngħajjat, “Għand min ser immur, O Ġesu’?” Imma minn dak il-waqt tal-projbizzjoni tal-konfessur, waqgħet dalma kbira fuq ruħi. Kont imbeżżgħa li ma mmurx nisma’ xi vuċi ġewwa fija, li kienet iġġegħelni nisker il-projbizzjoni tal-konfessur tiegħi. U mbagħad, terġa’ u tgħid, inħossni qiegħda mmut nixxennaq għal Alla. L-intern tiegħi jiġi mċarrat minn ġewwa, għax m’għandi l-ebda rieda tiegħi nnifsi, għax din ġiet mogħtija kollha kemm hi lil Alla.

 

Dan ġara l-Erbgħa tal-Ġimgħa Mqaddsa. It-tbatija saret ikbar Ħamis ix-Xirka. Meta wasalt sabiex nagħmel il-meditazzjoni tiegħi, dħalt f’qisha agunija. Ma ħassejtx il-preżenza ta’ Alla, imma l-ġustizzja kollha ta’ Alla għafset sewwa fuqi. Rajt lili nnifsi bħallikieku ġejt imwaqqgħa fl-art minħabba d-dnubiet tad-dinja. Satana beda jidħak bija, “Ara, issa m’intix ser tiġġieled iżjed biex tirbaħ l-erwieħ; ara kif ħallsuk! Ħadd m’hu ser jemmnek li Ġesu’ qiegħed jitlob dan mingħandek. Ara kemm qiegħda tbati bħalissa u kemm għad baqagħlek tbati! Fuq kollox, issa l-konfessur ħelsek minn dawn l-affarijiet kollha.” Issa jiena nista’ ngħix kif jogħġobni, sakemm kollox jidher sewwa minn barra. Dawn il-ħsibijiet koroh ittorturawni matul is-siegħa kollha.

 

Meta kien kważi wasal il-ħin għall-Quddiesa, qalbi ngħafset bl-uġigħ; mela jiena ser ikolli nitlaq minn din il-Kongregazzjoni? U la s-saċerdot qalli li din hija tip ta’ ereżija, ser ikolli nitlaq mill-Knisja? Jiena għajjatt lill-Mulej b’għajta mdejqa ġewwa fija, “Ġesu’, salvani!” Xorta, waħda, l-ebda raġġ ta’ dawl ma daħal f’ruħi, u ħassejt saħħti tonqosni, bħallikieku l-ġisem kien qiegħed jinfired mir-ruħ. Jiena ssottomettejt ruħi għar-rieda ta’ Alla u tennejt, “O Alla ħalli dak li Inti ddeċidejt jiġrili. Xejjen ġewwa fija l-għadu tiegħi.” Imbagħad, f’daqqa waħda, il-preżenza ta’ Alla daret madwari u nifditni sa ġewwanett. Dan ġara preċiż filwaqt li jiena kont qiegħda nitqarben. Waqt wieħed wara t-tqarbin, ma bqajtx konxja ta’ xejn madwari u fejn kont.

 

 

645.                 Imagħad rajt lill-Mulej Ġesu’, bħalma jidher fix-xbieha, u qalli, Għid lill-konfessur li din l-opra hija Tiegħi u Jiena qiegħed nużak bħala strument umli. U jiena għidt, “Ġesu’, jiena ma nistax iżjed nagħmel dak li Inti tikkmandani nagħmel, għax il-konfessur tiegħi qalli li din hi kollha kemm hi illużjoni, u li jiena m’għandi nobdi l-ebda waħda mill-ordnijiet Tiegħek. Jiena ma sejra nagħmel xejn li Inti ser tgħidli nagħmel issa. Jiddispjaċini, Mulejja, imma m’għandix permess nagħmel xejn, u rrid nobdi lill-konfessur tiegħi. Ġesu’ bl-akbar sinċerita’ nitlob il-maħfra Tiegħek. Inti taf kemm qiegħda nbati minħabba din il-ħaġa, imma m’hemmx x’tagħmel, Ġesu’.Il-konfessur ma ppermettilix li nsegwi l-ordnijiet Tiegħek.” Ġesu’ qagħad jisma’ l-argumenti u l-ilmenti tiegħi bi tjubija u sens ta’ sodisfazzjon. Jien kont ħsibt li l-Mulej Ġesu’ kien ser iħossu offiż serjament imma, għall-kuntrarju, deher sodisfatt u qalli bil-ħlewwa, Dejjem għid lill-konfessur tiegħek dak kollu li Jiena ngħidlek u li Jiena nordanlek tagħmel, u agħmel biss dak li jkollok permess tagħmel. Tinkwetax, u tibża’ minn xejn; Jiena qiegħed miegħek. Ruħi mtliet bil-ferħ, u dawk il-ħsibijiet kollha li kienu għafsu fuqi għebu. Iċ-ċertezza u l-kuraġġ daħlu ġewwa ruħi.

 

 

646.                 Imma ftit wara, jiena dħalt fit-tbatijiet li Ġesu’ għadda minnhom fil-Ġnien taż-Żebbuġ. Dan dam sal-Ġimgħa filgħodu. Il-Ġimgħa, kelli esperjenza tal-Passjoni ta’ Ġesu’ imma, din id-darba, b’mod differenti. Dak inhar, Dun Bukowski ġie minn Derdy. Forza stramba mbuttatni immur inqerr u ngħidlu dwar dak kollu li kien ġrali u dwar dak li kien qalli Ġesu’. X’ħin kellimt is-saċerdot, hu deher x’aktarx differenti minn qabel u qalli: “Sor, tibża’ minn xejn; m’hi ser tiġrilek l-ebda ħsara, għax il-Mulej Ġesu’ dan ma jippermettihx. Jekk inti tobdi u tippersevera f’din id-dispożizzjoni, m’għandekx għalfejn tinkwieta għal xejn. Alla jsib mezz biex iġib ‘l quddiem l-opra Tiegħu. Int għandu jkollok dejjem din is-sempliċita’ u sinċerita’ u tgħid kollox lill-Madre Ġenerali. Dak li jiena għidtlek għidtulek bi twissija, għax l-illużjonijiet jistgħu jolqtu wkoll lill-persuni qaddisin, u s-suġġerimenti ta’ Satana jistgħu jidħlu f’din il-ħaġa, u xi drabi din il-ħaġa tkun ġejja minna nfusna, għalhekk wieħed irid joqgħod attent. U għalhekk kompli bħalma għamilt s’issa. Tista’ tara, Sor, li l-Mulej mhux inkurlat b’din il-ħaġa. U Sor, inti tista’ tirrepeti dawn l-affarijiet li ġrawlek bħalissa lill-konfessur regolari tiegħek (Dun Sopocko).”

 

 

647.                 Minn din l-esperjenza, bdejt nifhem ħaġa waħda: li jiena għandi nitlob ħafna għal kull wieħed mill-konfessuri tiegħi, sabiex hu jakkwista d-dawl tal-Ispirtu s-Santu, għax meta nersaq lejn il-konfessinarju mingħajr ma nkun tlabt bil-ħerqa qabel, il-konfessur ma jifhimnix sewwa. Is-saċerdot għamilli l-qalb biex nitlob bil-ħerqa għal dawn l-intenzjonijiet, sabiex Alla jagħtini għarfien aħjar biex inkun nista’ nifhem l-affarijiet li Hu qiegħed jitlob mingħandi: “Agħmel novena waħda fuq oħra, Sor, u Alla ma jiċħadx il-grazzji.”

 

 

648.                 Il-Ġimgħa l-Kbira. Fit-tlieta, rajt lill-Mulej Ġesu’, mislub, li ħares lejja u qalli, Għandi l-għatx. Imbagħad rajt żewġ raġġi ħerġin minn ġenbu, preċiż bħalma jidhru fix-xbieha. Imbagħad ħassejt ġewwa ruħi x-xewqa li nsalva l-erwieħ u li niżvojta lili nnifsi, flimkien ma’ Ġesu’ li kien qiegħed imut, lill-Missier Etern, għas-salvazzjoni tad-dinja kollha. Ma’ Ġesu’, permezz ta’ Ġesu’ u f’Ġesu’ tinsab l-għaqda tiegħi miegħek, Missier Etern. Fil-Ġimgħa l-Kbira, Ġesu’ bata f’ruħu b’mod li kien differenti mit-(tbatija Tiegħu) f’Ħamis ix-Xirka.

 

 

649.                 Il-Quddiesa tal-Qawmien (12 ta’ April 1936). X’ħin dħalt fil-kappella, l-ispirtu tiegħi ntilef f’Alla, l-uniku teżor tiegħi. Il-preżenza Tiegħu mlietni.

 

 

650.                 O Ġesu’ tiegħi, Mgħallem u Direttur tiegħi, saħħaħni u dawwalni f’dawn il-mumenti diffiċli ta’ ħajti. Jiena minix qiegħda nistenna l-ebda għajnuna mill-bnedmin; it-tama tiegħi kollha qiegħda fik, Jiena nħossni waħdi quddiem it-talbiet Tiegħek, O Mulej. Minkejja l-biżgħat tan-natura tiegħi, jiena qiegħda nwettaq ir-rieda qaddisa Tiegħek u nixtieq inwettaqha kemm jista’ jkun fedelment matul ħajti kollha u f’mewti. Ġesu’, flimkien miegħek jiena nista’ nagħmel kollox. Agħmel bija dak li trid; agħtini biss il-Qalb ħanina Tiegħek u dik biżżejjed għalija.

 

O Ġesu’ Mulejja, għinni. Ħalli dak li Int ppjanajt qabel iż-żminijiet kollha jseħħ f’ħajti. Jiena ninsab lesta għal kull seħja tar-rieda qaddisa Tiegħek. Dawwalli moħħi sabiex jiena nsir naf ir-rieda Tiegħek. O Alla, Inti li timlieli ruħi, Inti taf li jiena ma nixtieq xejn iżjed ħlief il-glorja Tiegħek.

 

O Rieda Divina, Inti l-għaxqa ta’ qalbi, l-ikel ta’ ruħi, id-dawl tal-intellett tiegħi, is-saħħa ta’ setgħa bla tarf tar-rieda tiegħi; għax meta jiena ningħaqad mar-rieda Tiegħek, O Mulej, il-qawwa Tiegħek taħdem permezz tiegħi; u tieħu post ir-rieda dgħajfa tiegħi. Kuljum, jiena nfittex li nwettaq ix-xewqat ta’ Alla.

 

 

651.                 O Alla li ħadd ma jista’ jifhmu, kemm hi kbira l-ħniena Tiegħek! Hija ikbar mill-fehma tal-bnedmin u l-anġli kollha flimkien. L-anġli kollha u l-bnedmin kollha ħarġu mill-profondita’ tal-ħniena tenera Tiegħek. Il-ħniena hi l-fjur tal-imħabba. Alla hu mħabba, u l-ħniena hi l-opra Tiegħu. Titnissel fl-imħabba; tiġi rivelata fil-ħniena. Inħares lejn x’hix inħares ikellimni dwar il-ħniena ta’ Alla. L-istess ġustizzja ta’ Alla wkoll tkellimni dwar il-ħniena Tiegħu bla tarf, għax il-ġustizzja toħroġ mill-imħabba.

 

 

652.                 Hemm kelma waħda li jiena nagħti kasha u naħseb fuqha l-ħin kollu; waħedha hi kollox għalija; jiena ngħix biha u mmut biha, u din hi r-rieda qaddisa ta’ Alla. Hija l-ikel tiegħi ta’ kuljum. Ruħi kollha kemm hi toqgħod tisma’ bir-reqqa x-xewqat ta’ Alla. Jiena dejjem nagħmel dak li Alla jitlob mingħandi, għalkemm in-natura tiegħi ta’ spiss tirtogħod u jiena nħoss li l-kobor ta’ dawn l-affarijiet hu iktar milli niflaħ. Jiena naf tajjeb jiena x’jien minni nnifsi, imma naf wkoll x’inhi l-grazzja ta’ Alla, li tweżinni.

 

 

653.                 25 ta’ April 1936. Walendow. Dak inhar, it-tbatija li kont qiegħda nħoss f’ruħi kienet iktar ħarxa minn qatt qabel. Minn kmieni filgħodu, jiena ħassejtni qisu ruħi u ġismi ġew mifrudin. Ħassejtni bħallikieku l-preżenza ta’ Alla nifditli l-esseri tiegħi kollu; ħassejt il-ġustizzj kollha ta’ Alla ġewwa fija; ħassejtni wieqfa waħdi quddiem Alla. Għaddieli ħsieb minn moħħi; kelma waħda mid-Direttur Spiritwali tiegħi kienet tagħtini paċi sħiħa; imma x’nista’ nagħmel? Mhux qiegħed hawn. Madankollu, iddeċidejt li nfittex id-dawl fil-qrar. X’ħin jiena kxift ruħi quddiem is-saċerdot, (nota134) hu beża’ jkompli jisma’ l-qrara tiegħi, u dan ġabli tbatija ikbar. X’ħin nara li saċerdot qed jibża’, ma jkollix ebda paċi ġewwa fija. Jiena għalhekk iddeċidejt li nikxef ruħi lid-direttur spiritwali tiegħi biss dwar kollox, mill-ikbar sal-iċken ħaġa, u li nimxi strettament fuq il-pariri tiegħu.

 

 

654.                 Jiena issa qiegħda nifhem li l-qrar huwa biss tqerr id-dnubiet tiegħek, u d-direzzjoni spiritwali hija ħaġ’oħra għal kollox. Imma jiena mhux fuq din il-ħaġa rrid nitkellem. Irrid nitkellem dwar ħaġa stramba li ġratli għall-ewwel darba. X’ħin il-konfessur beda jkellimni, ma fhimt l-ebda kelma.  Imbagħad rajt lil Ġesu’ Msallab u Huwa qalli, Inti għandek tfittex id-dawl u s-saħħa fil-Passjoni Tiegħi. Wara l-qrar, jiena mmeditajt fuq il-Passjoni terribbli ta’ Ġesu’, u fhimt li dak li kont qiegħda nbati ma kien xejn meta nqabbluh mal-Passjoni tas-Salvatur, u li l-iċken imperfezzjoni wkoll kienet il-kawża ta’ din it-tbatija terribbli. Imbagħad ruħi mtliet b’indiema kbira ħafna u kien f’dak il-waqt biss li jiena ħassejtni fil-baħar tal-ħniena bla tarf ta’ Alla. O, kemm huma ftit il-kliem li jiena għandi sabiex nesprimi dak li jiena għaddejja minnu! Inħossni bħal qatra nida mitlufa fil-fond ta’ oċejan bla qiegħ tal-ħniena divina.

 

 

655.                 + 11 ta’ Mejju 1936. Ġejt Krakovja. Kont ninsab ferħana li sa fl-aħħar kont sejra nkun kapaċi nwettaq dak kollu li Ġesu’ kien qed jitlob.

 

Darba, meta kont qiegħda nitkellem ma’ Patri A. . . (Andrasz) u kont għidtlu kollox, jiena rċevejt din it-tweġiba: “Sor, itlob sal-jum tal-Festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ u żid xi mortifikazzjoni mat-talb, u fil-Festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ jiena nagħtik tweġiba.” Imma jum minnhom, jiena smajt dan il-leħen ġewwa ruħi: Tibża’ minn xejn; Jiena qiegħed miegħek. Wara dan il-kliem, ħassejt tant urġenza ġewwa fija li, mingħajr ma qgħadt nistenna l-Festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’, jien għidt fil-qrar li kont ser nitlaq l-Kongregazzjoni fil-pront. Is-saċerdot wieġeb: “Sor, la inti ħadt din id-deċiżjoni waħdek, mela ħu ir-responsabbilta’ fuqek innifsek. Mur.” Kont ferħana li kont tielqa.

 

L-għada filgħodu, il-preżenza ta’ Alla f’daqqa waħda ħallietni. Dalma kbira waqgħet fuq ruħi. Ma stajtx nitlob. Minħabba din it-telfa tal-preżenza ta’ Alla li ġiet fuqi ħabta u sabta, iddeċidejt li nipposponi l-ħaġa għal ftit żmien, sakemm inkun tkellimt mas-saċerdot.

 

Patri A. (Andrasz) wieġeb li bidliet ta’ ħsieb bħal dawn fl-erwieħ kienu jiġru ta’ spiss, u qalli li dan ma kienx ostaklu għall-azzjoni li kelli nieħu.

 

 

656.                 X’ħin jiena tkellimt mal-Madre Ġenerali (Michael) fuq dak kollu li kien ġrali, hija qalet, “Sor, jiena ser naqflek fit-tabernaklu flimkien mal-Mulej Ġesu’; tmur fejn tmur minn hemm ġew, dik tkun ir-rieda ta’ Alla.”

 

 

657.                 19 ta’ Ġunju. X’ħin morna għand il-Ġiżwiti għall-purċissjoni tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’, waqt il-Vespri rajt l-istess raġġi ħerġin mill-Ostja Mqaddsa, preċiż bħalma huma mpenġija fix-xbieha. Ruħi mtliet b’xenqa kbira għal Alla.

 

 

Ġunju 1936. Diskursata ma’ Patri A. (Andrasz)

 

658.                 “Kun af li dawn huma affarijiet tqal u diffiċli. Id-direttur spiritwali prinċipali tiegħek hu l-Ispirtu s-Santu. Aħna nistgħu biss nagħtu direzzjoni lil dawn l-ispirazzjonijiet, imma d-Direttur veru tiegħek hu l-Ispirtu s-Santu. Jekk inti stess iddeċidejt li titlaq, Sor, jiena la nżommok u lanqas nordnalek tagħmel dan. Inti tieħu din ir-responsabbilta’ għalik innifsek. Jiena qed ngħidlek dan, Sor: int tista’ tibda tagħmel xi ħaġa. Inti kapaċi tagħmlu dan, u għalhekk inti tista’ tagħmlu dan. Dawn l-affarijiet huma tassew probabbli; dak kollu li inti għidtli s’issa (qabel il-voti perpetwi fi Krakovja fl-1933) huwa favur li inti tieħu azzjoni. Iżda xorta waħda trid toqgħod attenta ħafna f’dan kollu. Itlob ħafna u itlob li jiena jkolli d-dawl.”

 

 

659.                 Waqt il-Quddiesa, iċċelebrata minn Patri Andrasz, rajt lit-Tfajjel ċkejken Ġesu’, li qalli li kelli niddependi minnu għal kollox; L-ebda azzjoni li inti tagħmel waħdek, ukoll jekk tagħmel ħafna sforz biex tagħmilha sewwa, ma togħġobni. Jiena fhimt dan (il-bżonn li) niddependi minnu.

 

 

660.                 O Ġesu’ tiegħi, fil-jum tal-aħħar ġudizzju, Inti ser titlob mingħandi rapport dwar din l-opra tal-ħniena. O Mħallef ġust, imma l-Għarus tiegħi wkoll, għinni nagħmel ir-rieda divina Tiegħek, O ħniena, O virtu’ divina!

 

O Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’, Għarus tiegħi, agħmel li qalbi tkun tixbaħ lil Tiegħek.

 

 

661.                 16 ta’ Lulju. Għaddejt dan il-lejl kollu fit-talb. Immeditajt fuq il-Passjoni tal-Mulej, u ruħi ġiet mgħaffġa bit-toqol tal-ġustizzja ta’ Alla. Id il-Mulej messitni.

 

 

662.                 17 ta’ Lulju. O Ġesu’ tiegħi, Inti taf ma’ kemm kuntrarju jiena qiegħda niltaqa’ f’din il-ħaġa, kemm ċanfir irrid nissaporti, kemm tbissim ironiku rrid inħabbat wiċċi miegħu bil-kalma. Waħdi ma nkunx kapaċi nibqa’ ħajja imma flimkien miegħek, Mgħallem tiegħi, jiena nista’ nagħmel kollox. O, kemm iġġibli wġigħ il-ferita’ ta’ tbissima ironika, l-aktar meta dak li jkun (jidher li) jkun qed jitkellem b’sinċerita’ kbira.

 

 

663.                 22 ta’ Lulju. O Ġesu’ tiegħi, jiena naf li l-kobor ta’ persuna tintwera permezz tal-għemil tagħha u mhux b’dak li tagħmel jew li tħoss. Huma l-opri li jiġu minna li jitkellmu fuqna. Ġesu’ tiegħi, tħallinix ninħela fil-ħolm, imma agħtini l-kuraġġ u s-saħħa sabiex inwettaq ir-rieda mqaddsa Tiegħek. Ġesu’, jekk Inti tixtieq tħallini fl-inċertezza, sal-aħħar ta’ ħajti wkoll, ikun imbierek l-Isem Imqaddes Tiegħek.

 

 

Ġunju

 

664.                 + O Ġesu’ tiegħi, kemm qiegħda nifraħ bi kbir li Inti aċċertajtni li l-Kongregazzjoni għad titwieled. Jiena m’għadx baqagħli l-iċken dell ta’ dubju dwar din il-ħaġa, u jiena qiegħda nara kemm hi kbira l-glorja li hija ser tagħti lil Alla. Hija għad tkun ir-rifless tal-akbar attribut ta’ Alla: jiġifieri, il-ħniena divina Tiegħu.  Bla ma jaqtgħu, huma għad jinterċedu għall-ħniena divina għalihom stess u għad-dinja kollha. U kull att ta’ ħniena joħroġ mill-imħabba ta’ Alla, dik l-imħabba li biha huma għad ikunu mimljin sa ma jfuru. Huma għad jippruvaw jagħmluh tagħhom dan l-attribut kbir ta’ Alla, u jgħixu bih u jwasslu lill-oħrajn sabiex isiru jafuh u jafdaw fit-tjubija tal-Mulej. Din il-Kongregazzjoni tal-Ħniena Divina għad tkun fil-Knisja ta’ Alla bħal ġarra tan-naħal fi ġnien mill-isbaħ, moħbija u umli. Is-sorijiet jaħdmu bħan-naħal biex imantnu l-erwieħ tal-proxxmu tagħhom bil-għasel, filwaqt li x-xama’ tan-naħal għad isir jaqbad għall-glorja ta’ Alla.

 

 

+ 29 ta’ Ġunju 1936.

 

665.                 Patri Andrasz qalli nagħmel novena bl-intenzjoni li nsir naf aħjar x’inhi r-rieda ta’ Alla. Jiena tlabt bil-ħerqa u żidt ċerta mortifikazzjoni fil-ġisem. Lejn it-tmiem tan-novena, irċevejt dawl intern u ċ-ċertezza li l-Kongregazzjoni ser titwieled u tkun togħġob lil Alla. Minkejja d-diffikultajiet u l-kuntrarju, paċi sħiħa u saħħa daħlu ġewwa ruħi mibgħutin minn fuq. Jiena fhimt li xejn ma jista’ jżomm jew ixejjen ir-rieda ta’ Alla. Jiena fhimt li kelli nwettaq din ir-rieda ta’ Alla minkejja l-ostakli, persekuzzjoni u t-tbatijiet ta’ kull tip, u minkejja l-istmerrija naturali u l-biża’.

 

 

666.                 Jiena fhimt li kull tiftix għall-perfezzjoni u kull qdusija jikkonsistu f’li wieħed jagħmel ir-rieda ta’ Alla. It-twettiq perfett tar-rieda ta’ Alla hu maturita’ fil-qdusija; m’hemm l-ebda lok għal dubju hawnhekk. Li wieħed jirċievi d-dawl ta’ Alla u jagħraf Alla xi jrid mingħandna u jibqa’ ma jagħmilihiex hija offiża kbira kontra l-majesta’ ta’ Alla. Ruħ bħal din ħaqqha tiġi minsija għal kollox minn Alla. Tkun tixbaħ lil Luċifru, li kellu dawl kbir, imma m’għamilx ir-rieda ta’ Alla. Paċi mhux tas-soltu daħlet ġewwa ruħi x’ħin qgħadt naħseb fuq il-fatt li, minkejja diffikultajiet kbar, jiena kont dejjem għamilt ir-rieda ta’ Alla kif kont nafha. O Ġesu’, agħtini l-grazzja li nwettaq ir-rieda Tiegħek kif insir nafha, O Alla.

 

 

667.                 14 ta’ Lulju. Irċevejt ittra fit-tlieta ta’ wara nofs inhar (mingħand Dun Sopocko). (nota135) O Ġesu’, Inti biss taf x’jiena qiegħda nbati, imma ser inżomm is-skiet u ma jiena sejra ngħid xejn dwar din il-ħaġa lil ħadd, għax naf li ħadd m’hu ser ifarraġni. Inti kollox għalija, O Alla, u r-rieda qaddisa Tiegħek hija l-ikel li jmantnini. Jiena qiegħda ngħix bħalissa b’dak li għad ngħix bih għall-eternita’.

 

Għandi qima kbira kbira għal San Mikiel l-Arkanġlu; hu ma kellu l-ebda eżempju biex jimxi fuqu sabiex jagħmel ir-rieda ta’ Alla, u xorta waħda wettaq ir-rieda ta’ Alla bil-fedelta’.

 

 

668.                 + 15 ta’ Lulju. Waqt il-Quddiesa, offrejt lili nnifsi kompletament lill-Missier tas-Sema permezz tal-Qalb l-iżjed ħlewa ta’ Ġesu’;  jagħmel bija dak li jogħġbu. Minni nnifsi ma jiena xejn, u fil-miżerja tiegħi m’għandi xejn ta’ siwi; jiena għalhekk nintelaq fl-oċejan tal-ħniena Tiegħek O Mulej.

 

 

669.                 16 ta’ Lulju. Jiena qiegħda nitgħallem kif inkun tajba mingħand Ġesu’, mingħand Dak li Hu l-istess tjubija, sabiex jiena nkun nista’ nissejjaħ bint il-Missier tas-Sema. Dalgħodu, meta xi ħadd weġġagħli s-sentimenti tiegħi, jiena ppruvajt, f’dik it-tbatija, ngħaqqad ir-rieda tiegħi mar-rieda ta’ Alla, u faħħart lil Alla permezz tas-skiet tiegħi. Wara nofs inhar, mort nagħmel adorazzjoni għal ħames minuti, meta f’daqqa waħda rajt il-Kurċifiss li għandi fuq sidri jieħu l-ħajja. Ġesu’ qalli, Binti, it-tbatija tkun għalik sinjal li Jiena qiegħed miegħek. Ruħi kienet emozzjonata ħafna meta smajt dan il-kliem.

 

 

670.                  O Ġesu’, Mgħallem u Direttur tiegħi, jiena miegħek biss nista’ nitkellem. Ma ħadd iżjed m’hu daqshekk faċli li nitkellem bħalma nitkellem miegħek, O Alla.

 

 

671.                 Fil-ħajja spirtwali tiegħi, jiena dejjem inżomm l-id tas-saċerdot. Dwar il-ħajja tar-ruħ tiegħi u l-bżonnijiet tagħha, jiena nitkellem biss mal-konfessur tiegħi.

 

 

672.                  4 ta’ Awissu 1936. Turmenti ġewwa fija għal iktar minn sagħtejn. Agunija. . .  F’daqqa waħda, il-preżenza ta’ Alla timlieni u nħossni bħallikieku dieħla taħt is-setgħa ta’ Alla l-ġust. Il-ġustizzja Tiegħu timlieni sa ġewwanett; minn barra nitlef is-saħħa u nintilef minn sensija. Permezz ta’ dan, insir naf il-qdusija kbira ta’ Alla u l-miżerja kbira tiegħi stess. Turmenti kbar inikktuli ruħi; ir-ruħ tintebaħ li l-azzjonijiet tagħha mhumiex bla tebgħa. Imbagħad il-qawwa tal-fiduċja titqajjem ġewwa r-ruħ, li tixxennaq għal Alla b’saħħitha kollha. Iżda hi tara kemm hi miżerabbli u kemm dak kollu li hemm madwarha hu vanita’ u xejn iżjed. U wiċċ imb’wiċċ ma’ qdusija bħal din, O ruħ imsejkna. . .

 

 

13 ta’ Awissu

 

673.                 Tentazzjonijiet terribbli tturmentawni matul il-jum kollu; dagħa feġġ fuq xofftejja bilforza, u ħassejt li dak kollu li hu qaddis u bħal Alla kien qed jimbuttani. Iżda bqajt nissielet matul il-jum kollu. Filgħaxija, moħħi beda jħossu mgħobbi: għalfejn ngħid din il-ħaġa lill-konfessur?

 

Hu jgħaddi ż-żmien bija. Sentiment ta’ mibgħeda u qtigħ il-qalb imlieli ruħi, u deherli li ma stajt bl-ebda mod nitqarben f’dik il-kundizzjoni. Għall-ħsieb li ma kontx ser nitqarben, uġigħ verament terribbli ħatafli ruħi li kważi bdejt nibki ngħajjat fil-kappella. Imma f’daqqa waħda rrealizzajt li kien hemm is-sorijiet u ddeċidejt li mmur fil-ġnien u ninħeba hemm sabiex inkun nista’ almenu nibki ngħajjat. Imbagħad f’daqqa waħda, Ġesu’ kien qiegħed ħdejja u qalli, Fejn bi ħsiebek tmur?

 

 

674.                 Ma weġibtu xejn lil Ġesu’, imma ħriġt minn ġo fija n-niket tiegħi kollu quddiemu, u l-isforzi ta’ Satana biex iwaqqgħani waqfu. Imbagħad Ġesu’ qalli, Il-paċi li għandek ġewwa fik hija grazzja, u f’daqqa waħda għeb. Ħassejtni kuntenta u fil-paċi mingħajr ma nista’ nfisser kif. Tassew, biex terġa’ tiġi tant paċi ġewwa fik f’waqt wieħed – dik ħaġa li Ġesu’ biss jista’ jagħmilha, Hu, il-Mulej l-aktar għoli.

 

 

7 ta’ Awissu 1936.

 

675.                 X’ħin irċevejt l-artiklu (nota136) dwar il-Ħniena Divina bix-xbieha (fuq il-qoxra), il-preżenza ta’ Alla mlietni b’mod starordinarju. X’ħin għaddast lili nnifsi f’talba ta’ radd il-ħajr, f’daqqa waħda rajt lill-Mulej Ġesu’ f’dija kbira, preċiż kif Hu mpitter, u f’riġlejh rajt lil Patri Andrasz u Dun Sopocko. It-tnejn li huma kellhom pinen f’idejhom, u leħħiet ta’ dawl u nar kienu ħerġin bħal beraq minn truf il-pinen tagħhom u kienu jolqtu folla kbira ta’ nies li kienu sejrin jgħaġġlu x’imkien ma nafx fejn. Dawk kollha li ntlaqtu mir-raġġ tad-dawl fil-pront taw daharhom lill-folla u newwlu jdejhom lejn Ġesu’. Xi wħud ġew lura b’ferħ kbir, oħrajn b’uġigħ u dispjaċir kbir. Ġesu’ kien qed iħares lejn iż-żewġ saċerdoti bi ħlewwa kbira. Wara ftit, ħallewni waħdi ma’ Ġesu’, u jiena għidtlu, “Ġesu’, ħudni issa, għax ir-rieda Tiegħek diġa’ twettqet.” U Ġesu’ wieġeb, Ir-rieda Tiegħi għadha ma twettqitx bis-sħiħ fik, inti għad fadallek tbati ħafna, imma Jiena qiegħed miegħek; tibżax.

 

 

676.                 Jiena ili nitkellem mal-Mulej dwar Patri Andrasz u wkoll dwar Dun Sopocko. Jiena naf li dak kollu li nitlob mingħand il-Mulej Hu ma jiċħadhulix, u Hu jagħtihom dak li jiena nitlob. Jiena ħassejt u naf kemm iħobbhom Ġesu’. Minix qiegħda nikteb dwar din il-ħaġa bid-dettal, imma jiena dan nafu, u dan qed jagħmilni kuntenta ħafna.

 

 

15 ta’ Awissu 1936

 

677.                 Waqt quddiesa ċċelebrata minn Patri Andrasz, mument qabel l-Elevazzjoni, il-preżenza ta’ Alla mlietli ruħi, li nġibdet lejn l-altar, Imbagħad rajt lil Omm Alla flimkien mal-Bambin Ġesu’. Il-Bambin Ġesu’ kien qed iżomm id il-Madonna. Mument wara, il-Bambin Ġesu’ ġera bil-ferħ lejn iċ-ċentru tal-altar, u Omm Alla qaltli, Ara b’liema ċertezza jiena nafda lil Ġesu’ f’idejh. Bl-istess mod, inti għandek tafda ruħek u tkun bħal tarbija f’idejh.

 

- Wara dan il-kliem, ruħi mtliet b’fiduċja mhix tas-soltu. Omm Alla kienet libsa libsa bajda, abjad mhux tas-soltu, trasparenti; fuq spallejha kellha velu blu trasparenti; jiġifieri, mantell qisu ikħal; b’rasha mikxufa u xagħarha maħlul, kellha dehra issaħħrek u tant sabiħa li ma tistax timmaġinaha. Kienet qiegħda tħares lejn is-Saċerdot b’tenerezza kbira, imma mument wara, Huwa qasam dan it-Tifel sabiħ, u ħareġ demm ħaj. Is-saċerdot miel ‘il quddiem u rċieva ġewwa fih lil Ġesu’ veru u ħaj. Kien kielu? Ma nafx kif seħħet din il-ħaġa. Ġesu’, Ġesu’, ma nistax nlaħħaq miegħek, għax f’waqt wieħed, Inti ssir dak li ma nistax nifhem.

 

 

678.                 L-essenza tal-virtujiet hi r-rieda ta’ Alla. Min iwettaq bil-fedelta’ r-rieda ta’ Alla jippratika l-virtujiet kollha. Fil-ġrajjiet u ċ-ċikustanzi kollha ta’ ħajti, jiena nadura u mbierek ir-rieda qaddisa ta’ Alla. Ir-rieda qaddisa ta’ Alla hi l-oġġett ta’ mħabbti. Fil-profondita’ l-iktar sigrieta ta’ ruħi, jiena ngħix skont ir-rieda Tiegħu. Minn barra jiena nġib ruħi skont ma jiena nagħraf ġewwa fija x’inhi r-rieda ta’ Alla. Iktar ħelwin għalija huma t-turmenti, tbatijiet, persekuzzjonijiet u kull xorta ta’ kuntrarju skont ir-rieda divina mill-popolarita’, tifħir u stima skont ir-rieda tiegħi stess.

 

 

679.                 Il-lejl it-tajjeb, Ġesu’ tiegħi, l-qanpiena qiegħda ssejjaħli għall-irqad. Ġesu’ tiegħi, Inti qed tara li jiena qiegħda mmut bix-xewqa li nsalva l-erwieħ. Il-lejl it-tajjeb, Maħbub tiegħi; jiena nifraħ li ninsab eqreb l-eternita’ b’ġurnata. U jekk Inti tħallini nqum għada filgħodu, Ġesu’, jiena nibda innu ġdid sabiex infaħħrek.

 

 

680.                 + 13 ta’ Lulju. Waqt il-meditazzjoni llum, jiena fhimt li qatt m’għandi nitkellem dwar l-esperjenzi interni tiegħi stess, (imma) li m’għandi naħbi xejn mid-Direttur Spiritwali tiegħi; u nitlob lil Alla b’mod speċjali biex idawwal lid-Direttur Spiritwali tiegħi. Jiena nagħti importanza ikbar lill-kliem tal-konfessur tiegħi milli lid-dwal kollha flimkien li jiena nirċievi ġewwa fija.

 

 

681.                  + Fost l-ikbar turmenti, jiena niffissa l-ħarsa ta’ ruħi fuq Ġesu’ Msallab; ma nistenniex għajnuna mingħand n-nies, imma npoġġi l-fiduċja tiegħi f’Alla. Fil-ħniena bla tarf Tiegħu tinsab it-tama kollha tiegħi.

 

 

682.                 + Iktar ma nħoss lil Alla jibdilni, iktar nixtieq nintilef fis-skiet. L-imħabba ta’ Alla qiegħda taħdem fil-profondita’ ta’ ruħi. Jiena qiegħda nara li l-missjoni li l-Mulej afdali f’idejja qiegħda tibda.

 

 

683.                 + Darba, meta kont qiegħda nitlob bil-qalb lill-Qaddisin Ġiżwiti, f’daqqa waħda rajt lill-Anġlu Kustodju tiegħi, li ħadni quddiem it-tron ta’ Alla. Għaddejt minn ġo folol kbar ta’qaddisin, u għaraft ħafna minnhom, għax kont nafhom mis-santi tagħhom. Rajt ħafna Ġiżwiti, li staqsewni minn liema kongregazzjoni kont. X’ħin weġibthom, staqsewni, “Min hu d-direttur spiritwali tiegħek?” Jiena weġibt li kien Patri A. . . Meta riedu jgħidlu xi ħaġa oħra, l-Anġlu Kustodji tiegħi għamilli sinjal biex niskot, u jiena wasalt quddiem it-tron ta’ Alla. Rajt dawl kbir li ħadd ma jista’ jilħqu u rajt post iddestinat għalija, qrib ta’ Alla. Iżda l-Anġlu Kustodju tiegħi qalli, “Hawn hu t-tron tiegħek, għall-fedelta’ tiegħek sabiex inti twettaq ir-rieda ta’ Alla.

 

 

684.                 + Siegħa Adorazzjoni. – Il-Ħamis. Waqt din is-siegħa ta’ talb, Ġesu’ ppermettieli nidħol fiċ-Ċenaklu, u jiena kont xhud ta’ dak li ġara hemmhekk. Iżda, kont kommossa għall-aħħar meta, qabel il-Konsagrazzjoni, Ġesu’ għolla għajnejh lejn is-sema u daħal f’konverżazzjoni misterjuża ma’ Missieru. Fl-eternita’ biss aħna għad nifhmu verament dak il-waqt. Għajnejh kienu bħal żewġ fjammi; wiċċu kien jiddi, abjad bħas-silġ; ġismu kollu mimli majesta’, ruħu mxennqa għall-aħħar. Filwaqt tal-Kongregazzjoni, l-imħabba baqgħet mistrieħa u mimlija sa xfar – is-sagrifiċċju kkunsmat bis-sħiħ. Issa ser titwettaq biss iċ-ċerimonja esterna tal-mewt – qerda esterna; l-essenza (tagħha) tinsab fiċ-Ċenaklu. Qatt  f’ħajti kollha ma kont fhimt dan il-misteru daqshekk profondament  daqs f’dik is-siegħa ta’ adorazzjoni. O, b’liema ħerqa nixtieq li d-dinja kollha ssir taf dan il-misteru bla tarf!

 

 

685.                 Wara s-siegħa Adroazzjoni, meta mort fiċ-ċella tiegħi, f’daqqa waħda tgħallimt kemm Alla kien offiż b’ċerta persuna, li kienet qrib ta’ qalbi. X’ħin rajt dan, qalbi ġiet minfuda bl-uġigħ, u ntfajt fit-trab quddiem il-Mulej, nittallab il-ħniena Tiegħu. Għal sagħtejn, bid-dmugħ, talb u flaġellazzjoni, jiena ma ħallejtx isir id-dnub, u sirt naf li l-ħniena ta’ Alla kienet għannqet dik ir-ruħ imsejkna. O, il-prezz ta’ dnub wieħed biss!

 

 

686.                 + Settembru. L-ewwel Ġimgħa tax-xahar. Filgħaxija rajt lil Omm Alla b’sidirha mikxuf u minfud b’sejf. Kienet qiegħda tibki dmugħ mimli mrar u tħarisna mill-kastig terribbli ta’ Alla. Alla jrid jibgħat kastig terribbli fuqna, imma ma jistax għax Omm Alla qiegħda tħarisna. Biża’ terribbli mlieli ruħi. Bqajt nitlob bla waqfien għall-Polonja, għall-Polonja għażiża tiegħi, li hi tant ingrata lejn Omm Alla. Li kieku ma kienx għal Omm Alla, l-isforzi tagħna kollha ftit kienu jiswew. Jiena żidt it-talb u s-sagrifiċċji tiegħi għal pajjiżna l-għażiż, imma nista’ nara li jiena qatra quddiem mewġa ta’ ħażen. Kif tista’ qatra twaqqaf mewġa? Iva! Qatra waħedha m’hi xejn, imma flimkien miegħek, Ġesu’, jiena nibqa’ wieqfa bil-kuraġġ kollu kontra l-mewġa kollha tal-ħażen u wkoll kontra l-infern kollu. Is-setgħa Tiegħek bla tarf tista’ kollox.

 

 

687.                 Darba, filwaqt li kont miexja fil-kuridur sejra fil-kċina, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Għid bla waqfien il-kurunella li Jiena għallimtek. Kull min jitlobha jirċievi ħniena kbira fis-siegħa ta’ mewtu. Is-saċerdoti jirrakkomandawha lill-midinbin bħala l-aħħar tama tagħhom ta’ salvazzjoni. Ukoll jekk ikun hemm midneb bl-iktar qalb iebsa, li kieku kellu jitlob din il-kurunella darba waħda biss, huwa jirċievi grazzja mill-ħniena infinita Tiegħi. Jiena nixtieq li d-dinja kollha ssir taf bil-ħniena nfinita’ Tiegħi. Jiena nixtieq nagħti grazzji li ħadd ma jista’ jimmaġinahom lil dawk l-erwieħ li jafdaw fil-ħniena Tiegħi.

 

 

688.                 Ġesu’, Ħajja u Verita’, Mgħallem tiegħi, mexxi kull pass ta’ ħajti, sabiex nkun nista’ nġib ruħi skont ir-rieda mqaddsa Tiegħek.

 

 

689.                 + Darba, rajt it-tron tal-Ħaruf ta’ Alla u quddiem it-tron tlett Qaddisin: Stanislaw Kostka, Indri Bobola u l-Prinċep Każmiru, li kienu qedgħin jinterċedu għall-Polonja. F’daqqa waħda rajt ktieb kbir li qiegħed quddiem it-tron u ġie mogħti lili sabiex naqrah. Il-ktieb kien miktub bid-demm. Xorta waħda, jiena ma stajt naqra xejn ħlief l-isem, Ġesu’. Imbagħad smajt vuċi li qaltli, Is-siegħa tiegħek għadha ma waslitx. Imbagħad il-ktieb itteħdili, u smajt dan il-kliem: Inti għad tixhed għall-ħniena nfinita’ Tiegħi. F’dan il-ktieb hemm miktubin l-ismijiet ta’ dawk l-erwieħ li gglorifkaw il-ħniena Tiegħi. Kont qedgħa nfur bil-ferħ x’ħin rajt it-tjieba hekk kbira ta’ Alla.

 

 

690.                 + Darba sirt naf bil-kundizzjoni ta’ żewġ sorijiet reliġjużi li kienu qedgħin igergru ġewwa fihom minħabba kmand li s-superjura kienet tathom, u minħabba f’hekk Alla kien żamm milli jagħtihom ħafna grazzji speċjali. Qalbi kienet miġugħa x’ħin rat din il-ħaġa. Kemm hi ħaġa ta’ swied ta’ il-qalb, O, Ġesu’, meta aħna stess inkunu l-kawża li nintilfu l-grazzji. Kull min jifhem din il-ħaġa jkun dejjem fidil.

 

 

691.                 + Il-Ħamis. Għalkemm  illum kont għajjiena ħafna, xorta waħda ddeċidejt li nagħmel siegħa Adorazzjoni. Ma stajtx nitlob, lanqas stajt nibqa’ għarkobbtejja, imma bqajt fi spirtu ta’ talb għal siegħa sħiħa u ngħaqadt fl-ispirtu ma’ dawk l-erwieħ li diġa’ kienu qedgħin iqimu lil Alla b’mod perfett. Imma lejn it-tmiem tas-siegħa, f’daqqa waħda rajt lil Ġesu’ jħares lejja b’mod li jinfdek u qalli bi ħlewwa liema bħala, It-talba tiegħek togħġobni ħafna. Wara dan il-kliem, qawwa mhix tas-soltu u ferħ spiritwali daħlu ġewwa ruħi. Il-preżenza ta’ Alla kompliet timlieli ruħi. O, dak li jiġri lil ruħ li tiltaqa’ mal-Mulej wiċċ imb’wiċċ, l-ebda pinna qatt ma setgħet tpoġġih fil-kliem u qatt mhu ser jirnexxilha tagħmlu dan!

 

 

692.                 O Ġesu’, jiena naf  li l-ħniena Tiegħek tisboq kull ħsieb. Nitolbok, għalhekk li twessagħli qalbi b’mod li tiġbor fiha l-ħtiġijiet tal-bnedmin kollha li qed jgħixu f’din id-dinja.

 

O Ġesu’, imħabbti toħroġ ‘il barra mit-trufijiet tal-art biex tilħaq l-erwieħ li qedgħin ibatu fil-Purgatorju; u rrid inħaddem il-ħniena magħhom permezz tat-talb indulġenzjat.

 

Il-ħniena ta’ Alla ħadd ma jista’ jfissirha u qatt ma tispiċċa, bħalma Alla nnifsu jisboq kull fehma. Kieku kelli nuża l-aqwa kliem biex infisser din il-ħniena ta’ Alla, ma kien ikollu x’jaqsam xejn ma’ dak li hi tassew.

 

O Ġesu’, agħmel li qalbi tħoss għat-tbatijiet kollha ta’ għajri, sew tal-ġisem kemm tar-ruħ. O Ġesu’ tiegħi, jiena naf li Inti ġġib ruħek magħna bħalma aħna nġibu ruħna ma’ għajrna.

 

Ġesu’ tiegħi agħmel lil qalbi tixbah lil Qalbek ħanina. Ġesu’, għinni biex ngħaddi ħajti nagħmel il-ġid lil kulħadd.

 

 

693.                 14 ta’ Settembru, (1936). L-Arċisqof  (Jalbrzykowski) ta’ Vilnius ġie jżurna. Għalkemm qagħad għandna għal żmien qasir ħafna, jiena xorta waħda kelli ċans nitkellem ma’ dan is-saċerdot twajjeb fuq l-opra tal-ħniena. Hu wera li kien dispost ħafna għal din kawża tal-ħniena: “Sor, kun fil-paċi għal kollox; jekk dan hu fil-pjanijiet tal-providenza divina, għad iseħħ. Sadattant, Sor, itlob għal sinjal estern li jkun ċar. Ħalli l-Mulej Ġesu’ jagħtik għarfien iktar ċar dwar din il-ħaġa. Nitolbok tistenna daqsxejn ieħor. Il-Mulej Ġesu jirranġa ċ-ċirkostanzi b’tali mod li kollox għad jirnexxi sewwa.”

 

 

694.                 19 ta’ Settembru 1936. X’ħin ħriġna mill-(uffiċċju) tat-tabib (nota137) u dħalna għal mument fil-kappella tas-sanitorju, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Binti, ippermettili ftit qatriet oħra fil-kalċi tiegħek; ma tantx baqa’ żmien issa. Il-hena mlietli ruħi; din kienet l-ewwel sejħa mill-Għarus maħbub u l-Imgħallem tiegħi. Qalbi nħallet, u għal waqt wieħed ruħi ntilfet fil-baħar kbir tal-ħniena ta’ Alla. Ħassejt li l-missjoni tiegħi kienet qiegħda tibda fil-milja kollha tagħha. Il-mewt ma teqred xejn minn dak li hu tajjeb. Jiena nitlob l-iktar għall-erwieħ li għaddejjin minn tbatijiet interni.

 

 

695.                 Darba, irċevejt dawl dwar żewġ sorijiet. Jiena fhimt li mhux possibli għal persuna li taġixxi bl-istess mod ma’ kulħadd. Hemm xi wħud li għandhom mod stramb kif jagħmlu ħbieb ma’ oħrajn. U mbagħad, bħala ħbieb u bl-iskuża ta’ dik il-ħbiberija, jirnexxilhom iġiegħlu lill-persuna titkellem, u tgħid kollox. Imbagħad, meta jasal il-waqt, huma jużaw dak l-istess kliem biex iweġġgħu lil dik il-persuna nnfisha. Ġesu, tiegħi, kemm hi stramba l-fraġilita’ umana!  L-imħabba tiegħek, Ġesu’, tagħti lir-ruħ din il-prudenza kbira fil-mod kif hi ġġib ruħha mal-oħrajn.

 

 

696.                 + 24 ta’ Settembru 1936

 

Il-Madre Superjura (Irene) ordnatli ngħid posta waħda tar-Rużarju minflok l-eżerċizzi l-oħrajn kollha, u mmur norqod mill-ewwel. Malli mteddejt, irqadt għax kont għajjiena ħafna. Imma ftit wara, qajjmitni t-tbatija. Tant kienet tbatija kbira li ma ħallitnix nagħmel l-iċken ċaqliqa; lanqas biss stajt nibla’ r-riq tiegħi. Dan kollu dam għaddej xi tlett sigħat. Bdejt naħseb jekk nqajjimx lis-soru novizza (nota138) li kienet miegħi fil-kamra, imma mbagħad ħsibt bejni u bejn ruħi, “Hi ma tista’ tagħtini l-ebda għajnuna, mela ħalliha tibqa’ rieqda. Tkun ħasra li nqajjimha.” Intlaqt għal kollox fir-rieda ta’ Alla u bdjet naħseb li kien wasal il-jum tal-mewt tiegħi, li tant kont nixtiequ. Kienet okkażjoni għalija li ningħaqad ma’ Ġesu’, fit-tbatija Tiegħu fuq is-salib. Iktar minn hekk, ma stajtx nitlob. Meta waqfet it-tbatija, jiena bdejt negħreq. Imma xorta waħda ma stajtx niċċaqlaq, għax l-uġigħ kien jerġa’ jibda ma’ kull sforz li bdejt nagħmel. Filgħodu, ħassejtni għajjiena ħafna, għalkemm ma ħassejtx uġigħ iżjed f’ġismi. Iżda, xorta waħda, ma stajtx inqum biex immur għall-Quddiesa. Jiena ħsibt bejni u bejn ruħi, jekk wara tbatija bħal din, ma tiġix il-mewt, mela kemm huma kbar it-tbatijiet tal-mewt!

 

 

697.                 Ġesu’, Inti taf li jiena nħobb it-tbatija u rrid nixrob mit-tazza tat-Tbatija sal-inqas qatra; imma xorta waħda, in-natura tiegħi ħasset dak it-tferfira u l-biża’ iżda, f’daqqa waħda, il-fiduċja tiegħi fil-ħniena nfinita’ ta’ Alla, reġgħet qamet ġewwa fija bil-qawwa kollha tagħha, u kollox kellu jċedi quddiemha, bħal dell li jitlaq quddiem ir-raġġi tax-xemx. O Ġesu’ kemm hi kbira t-tjubija Tiegħek! It-tjubija nfinita Tiegħek, li jiena nafha hekk tajjeb tagħmilni kapaċi li bil-kuraġġ kollu niffaċċja wkoll lill-mewt. Jiena naf  li xejn m jista’ jiġrili mingħajr il-permess ta’ Alla. Jiena nixtieq nigglorifika l-ħniena infinita’ Tiegħek matul ħajti, fis-siegħa tal-mewt tiegħi, fil-qawmien tiegħi u matul l-eternita’.

 

+ Ġesu’ tiegħi. Saħħa tiegħi, paċi tiegħi, mistrieħ tiegħi; ruħi tgħum kuljum fir-raġġi tal-ħniena Tiegħek. M’hemm l-ebda waqt f’ħajti meta jiena ma nħossx il-ħniena Tiegħek, O Alla. Ma niddependi minn xejn f’ħajti kollha imma biss mill-ħniena nfinita’ Tiegħek. Hija l-ħajta li tmexxili lil ħajti kollha. O Mulej. Ruħi mimlija bil-ħniena ta’ Alla.

 

 

698.                 + O, kemm tweġġgħu bi kbir lil Ġesu’ l-ingratitudni ta’ ruħ magħżula! X’martirju hi għall-imħabba Tiegħu li ma tistax tpoġġiha fi kliem! Alla jħobbna bl-Esseri nfinit li Huwa Hu, kollu kemm HU; u immaġina, farka miżerabbli ta’ trab tistmerr dik l-imħabba! Qalbi tinqasam bl-uġigħ meta nara din l-ingratitudni.

 

 

699.                 Darba, smajt dan il-kliem: Binti, għid lid-dinja kollha bil-ħniena Tiegħi li ħadd ma jista’ jimmaġinaha. Jiena nixtieq li l-Festa tal-Ħniena (nota139) tkun kenn u rifuġju għall-erwieħ kollha, u l-aktar għall-imsejkna midinbin. F’dan il-jum tinfetaħ il-profondita’ sħiħa tal-ħniena tenera Tiegħi. Jiena nferra’ oċejan sħiħ ta’ grazzji fuq dawk l-erwieħ li jersqu lejn l-għajn tal-ħniena Tiegħi. Ir-ruħ li tqerr u titqarben takkwista maħfra sħiħa tad-dnubiet u tal-kastig. F’dan il-jum jinfetħu l-bibien kollha divini li minnhom tgħaddi l-grazzja. L-ebda ruħ m’għandha tibża’ tersaq Lejja, ukoll jekk għandha d-dnubiet ħomor bħall-iskarlatt. Il-ħniena Tiegħi tant hija kbira li l-moħħ tal-ebda bniedem u tal-ebda anġlu ma jkun jista’ jkejjilha għall-eternita’ kollha. Kull ma jeżisti ħareġ mill-fond tal-ħniena l-iktar tenera Tiegħi. Kull ruħ fir-relazzjoni tagħha miegħi għad tikkontempla l-imħabba u l-ħniena Tiegħi għall-eternita’ kollha. Il-Festa tal-Ħniena ħarġet mit-tenerezza l-iżjed profonda Tiegħi. Hija x-xewqa Tiegħi li tiġi ċċelebrata b’mod solenni fl-Ewwel Ħadd fuq l-Għid. L-umanita’ ma ssibx paċi sakemm hija ma ddurx lejn l-Għajn tal-ħniena Tiegħi.

 

 

700.                 Darba, meta ħassejtni għajjiena ħafna u kont muġugħa ħafna, għidt lill-Madre Superjura (Irene) x’kont qiegħda nħoss u hi weġbitni li kelli nidra t-tbatija. Qgħadt nisma’ kull ma’ qaltli l-Madre, u mbagħad tlaqt. Il-Madre Superjura tagħna għandha mħabba kbira għall-proxxmu u l-aktar imħabba kbira għas-sorijiet li jkunu morda, bħalma jaf kulħadd. Iżda, fil-każ tiegħi, hija ħaġa mhux tas-soltu  li l-Mulej Ġesu’ ppermetta li hi ma tifhimnix u li tippruvani ħafna f’din il-ħaġa.

 

 

701.                 F’dan il-jum partikolari, meta kont qiegħda nħossni hekk batuta u xorta waħda mort nagħmel xogħli, kull tant ħin bdejt inħossni marida. Tant kienet sħana li, ukoll li kieku wieħed kellu ma jagħmel xejn, kien iħossu ħażin, aħseb u ara x’wieħed iħoss meta jkollu jaħdem filwaqt li jkun qed ibati. Allura qabel nofs inhar, waqaft minn xogħli, ħarist lejn is-sema b’fiduċja kbira u għidt lill-Mulej, “Ġesu’, iksi x-xemx, għax ma nistax nissaporti din is-sħana iktar.” U, ħaġa tal-għaġeb, f’dak l-istess waqt sħaba bajda ksiet ix-xemx u, minn dak il-ħin, is-sħana naqqset mill-qawwa tagħha. Meta ftit wara jiena bdejt inċanfar lili nnifsi li ma stajtx nissaporti s-sħana, imma kont tlabt għas-serħan, Ġesu’ stess ikkalmani.

 

 

702.                 13 ta’ Awissu 1936. Illejla l-preżenza ta’ Alla qiegħda timlieni, u f’waqt wieħed insir naf il-qdusija kbira ta’ Alla. O, kif  jimpressjonani l-kobor ta’ Alla! Jiena mbagħad insir naf il-fond kollu tax-xejn tiegħi. Dan huwa turment kbir, għax wara dan l-għarfien tiġi l-imħabba. Ir-ruħ titlaq tiġri ‘l quddiem b’saħħitha kollha lejn Alla, u ż-żewġ imħabbiet jiġu wiċċ imb’wiċċ: Il-Ħallieq u l-ħlejqa; qatra waħda żgħira tipprova titkejjel mal-oċejan. Għall-ewwel; il-qatra ż-żgħira tkun trid tagħlaq ġewwa fiha l-oċejan nfinit; imma fl-istess waqt hija taf li hi biss qatra waħda żgħira, u għalhekk tingħeleb, u tgħaddi kompletament għal ġewwa Alla bħal qatra ġewwa l-oċejan. Għall-ewwel, dan il-waqt hu turment, imma tant hu ħelu li, meta tgħaddi minnu, ir-ruħ tħossha kuntenta.

 

 

703.                 Bħalissa, is-suġġett tal-eżami partikolari tiegħi hu l-għaqda tiegħi ma’ Kristu Ħanin. Din il-prattika tagħtini saħħa mhix tas-soltu; qalbi tinsab dejjem maqgħuda ma’ Dak li tixxennaq għalih, u l-azzjonijiet tagħha huma rregolati mill-ħniena, li toħroġ mill-imħabba.

 

 

704.                 Jiena ngħaddi kull mument liberu f’riġlejn Alla moħbi. Huwa l-Imgħallem tiegħi; nistaqsih dwar kollox; inkellmu dwar kollox. Hawnhekk jiena nirċievi saħħa u dawl; hawnhekk jiena nitgħallem kollox; hawnhekk jingħatali d-dawl dwar kif għandi nġib ruħi mal-proxxmu tiegħi. Minn meta jiena spiċċajt in-novizzjat, jiena ngħalaqt fit-tabernaklu flimkien ma’Ġesu’ l-Imgħallem tiegħi. Huwa stess ġibidni għal ġon-nar tal-imħabba ħajja li fuqha kollox idur.

 

 

705.                 25 ta’ Settembru. Jiena qiegħda nsofri wġigħ kbir f’idejja, f’saqajja u f’ġenbi, dawk il-postijiet fejn il-ġisem ta’ Ġesu’ ġie minfud. Inħoss dan l-uġigħ b’mod speċjali meta niltaqa’ ma’ ruħ li mhix fl-istat tal-grazzja. Imbagħad jiena nitlob bil-ħerqa li l-ħniena ta’ Alla tgħannaq lil dik ir-ruħ.

 

 

706.                 29 (ta’ Settembru). Fil-festa ta’ San Mikiel Arkanġlu, rajt maġenbi lil dak il-Mexxej kbir, li qalli dan il-kliem: “Il-Mulej ordnali nieħu ħsiebek b’mod speċjali. Kun af li l-ħażin jobgħodok; imma tibżax – ‘Min hu bħal Alla!’ U għeb. Imma jiena nħoss il-preżenza u l-għajnuna tiegħu.

 

 

707.                 2 ta’ Ottubru 1936. L-ewwel Ġimgħa tax-xahar. Wara t-Tqarbin Imqaddes, f’daqqa waħda rajt lill-Mulej Ġesu’, li qalli dan il-kliem: Jiena issa naf li int ma tħobbnix minħabba l-grazzji jew ir-rigali Tiegħi; imma għax ir-rieda Tiegħi hi egħżeż għalik mill-ħajja. Għalhekk Jiena qed ningħaqad miegħek b’mod hekk intimu kif m’għamilt mal-ebda ħlejqa oħra.

 

 

708.                 F’dak il-ħin Ġesu’ għeb. Ruħi mtliet bil-preżenza ta’ Alla. Jiena naf li l-ħarsa tas-Setgħani qiegħda tistrieħ fuqi.  Intfajt b’ruħi u b’ġismi bil-ferħ li joħroġ minn Alla. Komplejt bla waqfien il-jum kollu, mgħaddsa f’Alla b’dan il-mod. Filgħaxija, ħassejtni qisni qed iħossni ħażin u qisni f’agunija. Imħabbti trid tkun daqs l-imħabba tas-Setgħani. Tant hi miġbuda lejh bil-qawwa li hi ħaġa mpossibli, mingħajr xi grazzja speċjali mingħand Alla, li tissaporti l-kobor ta’ grazzja bħal din f’din il-ħajja. Imma jiena nista’ nara ċar li Ġesu’ stess qiegħed iżommni u jsaħħaħni u jagħmilni kapaċi li nikkomunika miegħu. F’dan kollu , ir-ruħ hi attiva b’mod partikolari.

 

 

709.                 3 ta’ Ottubru 1936. Waqt ir-Rużarju llum, f’daqqa waħda rajt il-pissidi bis-Sagrament Imqaddes. Il-pissidi kien mikxuf u tista’ tgħid mimli bl-ostji. Mill-pissidi ħarġet vuċi: Dawn l-ostji rċevewhom l-erwieħ li kkonvertew permezz tat-talb u t-tbatija tiegħek. F’dan il-punt, ħassejt il-preżenza ta’ Alla bħalma tħossha tifla; kienet ħaġa stramba kif ħassejtni qisni tifla żgħira.

 

 

710.                 Meta jum minnhom ħassejtni li ma kontx ser inkun kapaċi nibqa’ sejra sad-disgħa u tlabt lil S.N. (nota140) xi ħaġa x’niekol, għax kont ser nirtira fis-sodda iktar kmieni peress li ma kontx qiegħda nħossni f’sikti, S.N. weġbitni, “Imma inti m’intix marida, Sor; rieduk biss tieħu ftit mistrieħ, għalhekk ivvintaw xi marda.” O Ġesu’ tiegħi, il-marda tiegħi tant hi avvanzata (nota141) lit-tabib firdini mis-sorijiet biex ma jiġux infettati, u xorta waħda niġi ġġudikata b’dan il-mod. Imma din hi ħaġa tajba; dan kollu għalik, Ġesu’ tiegħi. Ma nixtieqx nikteb ħafna dwar affarijiet esterni, għax din mhix ir-raġuni għax qiegħda nikteb; nixtieq b’mod partikolari ninnota l-grazzji li tani l-Mulej, għax dawn m’humiex għalija biss, imma għal ħafna erwieħ oħrajn ukoll.

 

 

711.                 5 ta’ Ottubru, (1936) Illum irċevejt ittra mingħand Dun Sopocko. Qalli li għandu intenzjoni li jippublika santa ta’ Kristu tal-Ħniena. Huwa talabni nibgħatlu ċerta talba (nota142) li jrid ipoġġi fuq wara tat-talba, jekk ikollu l-approvazzjoni tal-Arċisqof. O, x’hena kbir jimlieli qalbi li Alla ħallieni nara din l-opra tal-ħniena Tiegħu! Kemm hi kbira din l-opra ta’ Alla l-iżjed Għoli! Jiena l-istrument Tiegħu biss. O, b’liema ħerqa nixtieq li nara din il-Festa tal-Ħniena Divina li Alla qed jitlob permezz tiegħi. Imma jekk hi r-rieda ta’ Alla li tiġi ċċelebrata b’mod solenni biss wara mewti, xorta waħda nifraħ biha minn issa, u niċċelebraha ġewwa fija bil-permess tal-konfessur tiegħi.

 

 

712.                 + Illum jiena rajt lil Patri Andrasz, għarkobbtejh u mehdi fit-talb, u f’daqqa waħda kien hemm Ġesu’ bilwieqfa maġenbu u, b’idejh it-tnejn fuq rasu, Huwa qalli: Huwa jgħinnek; tibżax.

 

 

713.                 11 ta’ Ottubru 1936. Illejla, hekk kif kont qiegħda nikteb fuq din l-ħniena kbira ta’ Alla u l-vantaġġ kbir tagħha għall-erwieħ, Satana daħal jiġri fil-kamra tiegħi mimli furja u korla kbira. Qabad il-paraventu u beda jkissru u jfarrku. Għall-ewwel ħassejtni daqsxejn imbeżżgħa, imma mill-ewwel raddejt is-salib bil-kurċifiss żgħir tiegħi, u l-bhima waqgħet fis-skiet u dlonk għebet. Illum, jiena ma rajtx din il-figura hekk kerha imma biss il-korla tiegħu. Il-korla ta’ Satana hi xi ħaġa terribbli, iżda l-paraventu ma nkisirx u ma tfarrakx, u jiena komplejt nikteb bi kwieti. Jiena naf tajjeb li dak il-brikkun ma kienx ser imissini jekk Alla ma jippermettix, imma x’bi ħsiebu jagħmel? Qed jibda jattakkani fil-miftuħ u b’furja u b’mibgħeda hekk kbira, imma ma jtellifnix il-paċi għal waqt wieħed biss, u din il-kalma tiegħi tirrabjah.

 

 

714.                 Illum il-Mulej qalli: Mur għand is-Superjura u għidilha li rrid lis-sorjiet u t-tfajliet kollha jgħidu l-Kurunella li għallimtek. Għandhom jgħiduha għal disat ijiem fil-kappella sabiex itaffu l-korla ta’ Missieri u jitolbu l-ħniena ta’ Alla għall-Polonja. Weġibt lill-Mulej li kont ser ngħidilha, imma li l-ewwel kelli nkellem lil Patri Andrasz dwar din il-ħaġa, u ddeċidejt li malli jiġi s-saaċerdot inkellmu mill-ewwel dwar din il-ħaġa. Meta ġie s-saċerdot iċ-ċirkostanzi ġraw b’tali mod li ma ħallewnix narah, imma kien ikun aħjar li kieku ma tajtx kas taċ-ċirkostanzi u mort u ħadt ħsieb tal-ħaġa. Ħsibt bejni u bejn ruħi, “Mela, hekk nagħmel meta jerġa’ jiġi.”

 

 

715.                 O, kemm ma għoġbitux din il-ħaġa lil Alla! Għal waqt wieħed, il-preżenza ta’ Alla ħallietni, dik il-preżenza ta’ Alla li tinsab ġewwa fija l-ħin kollu b’mod li nista’ nħossu ċar ħafna. Iżda, f’dak il-waqt, ħallietni għal kollox. Id-dlam ħakem lil ruħi tant li ma kontx naf jekk kontx fi stat ta’ grazzja jew le. Għalhekk ma tqarbintx għal erbat ijiem, u mbagħad rajt lil Patri Andrasz u għidtlu kollox. Huwa farraġni u qalli, “Inti ma tliftx il-grazzja ta’ Alla, imma xorta waħda, kun fidila lejh.” Filwaqt li ħriġt mill-konfessinarju, il-preżenza ta’ Alla reġgħet daret madwari bħal qabel. Jiena fhimt li l-grazzja ta’ Alla, rridu nirċevuha bil-mod li jrid Hu, u għandna nirċevuha f’dik il-forma li Alla jiddeċiedi jibgħatha.

 

 

716.                 O Ġesu’ tiegħi, issa stess qiegħda nagħmel riżoluzzjoni soda u għal dejjem, bil-għajnuna tal-grazzja u l-ħniena Tiegħek, li nkun fidila mal-iċken grazzja Tiegħek.

 

 

717.                 Matul il-lejl kollu, kont qiegħda nħejji ruħi biex nitqarben, peress li ma stajtx norqod minħabba tbatija fiżika. Ruħi kienet mfawwra bl-imħabba u bl-indiema.

 

 

718.                 Wara t-Tqarbin, smajt dan il-kliem: Qiegħda tara x’int fik innifsek, imma tibżax minħabba f’hekk. Li kieku kelli nirrivelalek il-miżerja sħiħa li int, kont tmut bit-terrur. Iżda, kun konxja ta’ dak li int. U għaliex inti miżerja hekk kbira, jiena rrivelajtlek l-oċejan sħiħ tal-ħniena Tiegħi. Jiena nfittex u nixtieq erwieħ bħalek, imma dawn huma ftit. Il-fiduċja kbira tiegħek fija ġġegħelni nagħti dawn il-grazzji kontinawment. Fuq il-Qalb Tiegħi, Inti għandek drittijiet kbar li ma tantx tista’ tifhimhom, għax inti bint b’fiduċja sħiħa. Inti ma kontx tkun kapaċi tiflaħ il-kobor tal-imħabba li Jiena għandi għalik li kieku Jiena rrivelajthielek b’mod sħiħ hawn fl-art. Jiena spiss nagħtik lemħa tagħha imma kun af li din hija grazzja eċċezzjonali mingħandi. L-imħabba u l-ħniena Tiegħi huma bla tarf.

 

 

719.                 Illum, jiena smajt dan il-kliem: Kun af, binti, li minħabba fik Jiena nagħti barkiet lil dawn l-inħawi kollha. Imma int għandek tirringrazzjani f’isimhom, għax huma m’humiex jirringrazzjawni għall-atti ta’ tjubija li Jiena qed innewwlilhom. Minħabba l-gratitudni tiegħek, Jiena nkompli nberikom.

 

 

720.                 O Ġesu’ tiegħi, Int taf  kemm hija diffiċli l-ħajja fil-komunita’, kemm –il darba ma nifhmux lil xulxin, minkejja li xi drabi jkun hemm fiż-żewġ naħat l-iktar rieda tajba u sinċiera. Imma dak huwa l-misteru Tiegħek, O Mulej. Aħna nsiru nafuh fl-eternita’; il-ġudizzji tagħna, iżda, għandhom dejjem inkunu moderati.

 

 

721.                 Hija grazzja kbira, kbira bla qies, mingħand Alla li wieħed ikollu direttur spiritwali. Jiena issa qiegħda nħoss li, mingħajru, ma kontx inkun kapaċi nimxi ‘l quddiem waħdi fil-ħajja spiritwali tiegħi. Kbira hi l-qawwa ta’ saċerdot. Jiena ma nehda qatt inrodd ħajr lil Alla li tani direttur spirtwali.

 

 

722.                 + Jiena llum smajt dan il-kliem: Qiegħda tara kemm inti dgħajfa, mela meta ser inkun nista’ nserraħ fuqek? Jiena weġibt, “Ġesu’, kun Inti dejjem miegħi, għax jiena bintek iċ-ċkejkna. Ġesu’, Int taf x’kapaċi jagħmlu t-tfal iż-żgħar.”

 

 

723.                 + Illum jiena smajt dan il-kliem: Il-grazzji li Jiena qed nagħtik m’humiex għalik biss, imma għal numru kbir ta’ erwieħ oħrajn ukoll . . . U qalbek hija l-post fejn Jiena ngħammar il-ħin kollu minkejja l-miżerja li int. Jiena ningħaqad miegħek, neħodlok il-miżerja tiegħek u nagħtik il-ħniena Tiegħi. Jiena nwettaq opri tal-ħniena f’kull ruħ. Iktar ma jkun kbir il-midneb, iktar ikollu dritt għall-ħniena Tiegħi. Il-ħniena Tiegħi tiġi kkonfermata f’kull opra ta’ jdejja. Min jafda fil-ħniena Tiegħi ma jintilfix, għax l-affarijiet tiegħu kollha jkunu Tiegħi, u l-għedewwa tiegħu għad jitfarrku fuq il-banketta fejn Jiena nserraħ riġlejja.

 

 

724.                 Lejlet l-irtir, bdejt nitlob li l-Mulej Ġesu’ jagħtini daqsxejn saħħa biex inkun nista’ nieħu sehem fl-irtir, għax tant kont qiegħda nħossni marida li ħsibt li forsi dan kellu jkun l-aħħar wieħed għalija. Iżda malli bdejt nitlob ħassejt nuqqas ta’ sodisfazzjon stramb. Interrompejt it-talb ta’ supplikazzjoni u bdejt inrodd ħajr lil Mulej għal kulma jibgħatli u ssottomettejt ruħi għal kollox għar-rieda qaddisa Tiegħu. Imbagħad ħassejt paċi profonda f’ruħi.

 

+ Sottomissjoni fidila lejn ir-rieda ta’ Alla, dejjem u kullimkien, f’kull ġrajja u ċirkostanza tal-ħajja, tagħti glorja kbira lil Alla. Sottomissjoni bħal din lejn ir-rieda ta’ Alla għandha iktar valur f’għajnejh milli sawm fit-tul, mortifikazzjonijiet u penitenzi l-iktar ħorox. O kemm hu kbir il-premju għal att wieħed ta’ sottomissjoni mimlija mħabba lejn ir-rieda ta’ Alla! Filwaqt li jiena qiegħda nikteb, ruħi tintilef f’estasi għall-ħsieb ta’ kemm iħobbna Alla u tal-paċi li r-ruħ diġa’ qiegħda tgawdi, hawn fl-art.

 

 

+ Ġ.M.Ġ  Krakovja, 1936

O Rieda Divina, kun l-imħabba tiegħi!

 

725.                 + Irtir ta’ tmint ijiem, 20 ta’ Ottubru 1936.

 

Ġesu’ tiegħi, illum jiena sejra fid-deżert sabiex nitkellem biss miegħek, l-Imgħallem u l-Mulej tiegħi. Ħalli l-art tiskot, u Inti biss tkellimni, Ġesu’, Inti taf li jiena ma nifhem l-ebda vuċi oħra ħlief Tiegħek, O Ragħaj Tajjeb. Fl-għamara ta’ qalbi hemm dak id-deżert fejn l-ebda ħlejqa oħra ma tista’ tidħol. Hemmhekk Inti biss issaltan.

 

 

726.                 + X’ħin dħalt fil-kappella għal ħames minuti adorazzjoni, tlabt lill-Mulej Ġesu’ jgħidli kif għandi inġib ruħi waqt dan l-irtir. Imbagħad smajt din il-vuċi ġewwa ruħi: Jiena nixtieq li inti tinbidel għal kollox fi mħabba u li Inti taqbad bin-nar bħala vittma safja ta’ mħabba. . .

 

 

727.                 Verita’ Eterna, agħtini raġġ tad-dawl Tiegħek sabiex jiena nsir nafek, O Mulej, u nigglorifika denjament il-ħniena nfinita’ Tiegħek. U fl-istess ħin, agħtini li nkun naf lili nnifsi, l-abbiss sħiħ ta’ miżerja li jiena.

 

 

728.                 + Jiena għażilt lil San Claude de la Colombiere u lil Santa Ġertrude bħala l-qaddisin patruni tiegħi għal dan l-irtir, sabiex huma jinterċedu għalija quddiem Omm Alla u s-Salvatur ħanin.

 

 

729.                 Waqt il-meditazzjoni fuq l-ħolqien . . . f’ċerta punt, ruħi ngħaqdet  mill-qrib mal-Mulej u l-Ħallieq tagħha. F’din il-għaqda, jiena għaraft l-iskop u d-destin ta’ ħajti. L-iskop tiegħi hu li ningħaqad mill-qrib ma’ Alla permezz tal-imħabba, u d-destin tiegħi hu li nfaħħar u nigglorifika l-ħniena ta’ Alla.

 

Il-Mulej ippermettieli li nsir naf dan u jkolli esperjenza tiegħu b’mod ċar u fiżiku wkoll. Jiena nintilef fl-ammirazzjoni meta nagħraf u jkolli esperjenza ta’ din l-imħabba ta’ Alla li ħadd ma jista’ jifhimha u li biha Alla jħobbni. Min hu Alla – u jiena x’jien? Ma nistax nimmedita iktar fuq dan. L-imħabba biss tista’ tifhem din il-laqgħa bejn żewġ spirti, jiġifieri, Alla – li Hu – Spirtu u r-ruħ – li hi – kreatura. Iktar ma nsir nafu, iktar negħreq fih kompletament b’saħħti kollha.

 

 

730.                 F’dan l-irtir, Jiena ser inżommok il-ħin kollu qrib tal-Qalb Tiegħi, sabiex inti ssir taf aħjar il-ħniena Tiegħi, dik il-ħniena li Jiena għandi għall-bnedmin u l-aktar għall-imsejkna midinbin.

 

 

731.                  Fl-ewwel jum tal-irtir, ġiet iżżurni waħda mis-sorijiet (nota143) li kienet ġiet tagħmel il-voti perpetwi tagħha. Hija afdat miegħi li ma kellha l-ebda fiduċja f’Alla u kienet taqta’ qalbha minn kull ħaġa żgħira li tiltaqa’ magħha. Jiena weġibtha, “Tajjeb li għidtli din il-ħaġa, Sor; ser nitlob għalik.” U għidtilha fi ftit kliem kemm in-nuqqas ta’ fiduċja tweġġgħu lill-Mulej Ġesu’, l-aktar, nuqqas ta’ fiduċja min-naħa ta’ ruħ magħżula. Hija qaltli li kienet ser tibda minn meta tagħmel il-voti perpetwi tipprattika l-fiduċja. Jiena issa naf li hemm xi erwieħ wkoll li huma magħżulin u li mxew ħafna fil-ħajja reliġjuża jew spiritwali imma m’għandhomx il-kuraġġ jintelqu għal kollox f’idejn Alla. U dan jiġri għax ftit huma l-erwieħ li jafu bil-ħniena bla tarf ta’ Alla u t-tjubija kbira Tiegħu.

 

 

732.                 + Il-majesta’ kbira ta’Alla li mlietni llum u li għadha qiegħda timlieni qajjmet fija biża’ kbir, imma biża’ mimli rispett, u mhux biża’ ta’ lsir, li hu x’aktarx differenti mill-biża’ tar-rispett. Dan il-biża’ li ġej mir-rispett tqajjem ġewwa qalbi llum minħabba l-imħabba u l-għarfien li għandhom x’jaqsmu mal-kobor ta’ Alla, u dan huwa ferħ kbir għar-ruħ. Ir-ruħ tirtogħod quddiem l-iċken offiża kontra Alla; imma dan ma jinkwetax u ma jdallamx il-hena tagħha. Hemm, fejn hemm l-imħabba tieħu ħsieb ta’ kollox, hemm kollox ikun sewwa.

 

 

733.                 Xi drabi jiġri li, waqt li jiena nkun qiegħda nisma’ l-meditazzjoni, kelma waħda tpoġġini f’għaqda mill-iżjed intima mal-Mulej, u ma nibqax inkun naf x’qed jgħid is-Saċerdot. (nota144) Jiena naf li nkun ninsab qrib il-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’; l-ispirtu tiegħi kollu jkun jinsab mitfugħ fih għal kollox, u f’waqt wieħed jiena nitgħallem iżjed milli jirnexxili nitgħallem waqt sigħat twal ta’ tiftix intelletwali u meditazzjoni. Dawn ikunu dwal li jiġu f’daqqa u li jippermettuli nsir naf l-affarijiet kif jarahom Alla, dwar dak li għandu x’jaqsam mad-dinja interna u dik esterna.

 

 

734.                 Jiena qiegħda nara li Ġesu’ stess qed jaħdem f’ruħi matul dan l-irtir. U ngħid għalija, jiena nipprova biss inkun fidila mal-grazzja Tiegħu. Jiena ssottomettejt ruħi kompletament għall-influwenza ta’ Alla. Dan is-Sultan Qawwi tas-Sema ħa pussess sħiħ ta’ ruħi. Inħossni qiegħda niġi merfugħa ‘l fuq mis-sema u mill-art għal ġol-ħajja interna ta’ Alla, fejn insir naf lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu, imma dejjem fl-unita’ tal-majesta’.

 

 

735.                 + Jiena ser ningħalaq fil-kalċi ta’ Ġesu’ sabiex inkun nista’ nfarrġu l-ħin kollu. Ser nagħmel kulma hu possibli għalija sabiex jiena nsalva l-erwieħ, u dan ser nagħmlu permezz tat-talb u tat-tbatija.

 

+ Nipprova dejjem inkun Betanja għal Ġesu’, sabiex Hu jkun jista’ jistrieħ hawnhekk wara x-xogħol Tiegħu kollu. Waqt it-Tqarbin, l-għaqda tiegħi ma’ Ġesu’ tkun tant intima u li ma tistax tfissirha li, ukoll li kieku ridt niddeskriviha bil-kitba ma kontx inkun kapaċi, għax ma nsibx il-kliem.

 

 

736.                 Illejla, rajt lill-Mulej Ġesu’ preċiż bħalma kien waqt il-Passjoni Tiegħu. Għajnejh kienu merfugħin ‘il fuq lejn Missieru, u kien qed jitlob għalina.

 

 

737.                 + Għalkemm kont qiegħda nħossni marida, iddeċidejt li xorta waħda kont ser nagħmel Siegħa Adorazzjoni llum bħas-soltu. F’dik is-Siegħa, rajt lill-Mulej Ġesu’ jiġi fflaġellat mal-kolonna. Waqt li kienet għaddejja din it-tortura tal-biża’, Ġesu’ kien qed jitlob. Wara ftit, qalli, Ftit huma dawk l-erwieħ li jikkontemplaw il-Passjoni Tiegħi b’emozzjoni ġenwina; Jiena nagħti grazzji kbar lill-erwieħ li jimmeditaw bid-devozzjoni l-Passjoni Tiegħi.

 

 

738.                 + Mingħajr l-għajnuna speċjali Tiegħi, lanqas inti kapaċi taċċetta l-grazzji Tiegħi. Inti taf min inti.

 

 

739.                 Illum wara li tqarbint, domt nitkellem fit-tul mal-Mulej Ġesu’ dwar xi nies li huma speċjali għalija. Imbagħad smajt dan il-kliem: Binti, taħlix daqshekk enerġija fil-kliem. Dawk li inti tħobbhom b’mod speċjali, Jiena wkoll inħobbhom b’mod speċjali, u minħabba fik, Jiena nferra’ l-grazzji Tiegħi fuqhom. Jiena nieħu gost meta inti tkellimni fuqhom, imma m’hemmx għalfejn tagħmel sforz hekk kbir biex tagħmel dan.

 

 

740.                 + O Feddej tad-dinja, jiena ningħaqad mal-ħniena Tiegħek. Ġesu’ tiegħi, jiena ngħaqqad it-tbatijiet kollha tiegħi ma’ Tiegħek u npoġġihom fit-teżor tal-Knisja għall-ġid tal-erwieħ.

 

 

741.                 Illum, Anġlu ħadni fl-abbissi tal-infern. Huwa post ta’ torturi kbar; kemm hu kbir u mifrux li jaqtagħlek nifsek tarah! It-tipi ta’ torturi li jiena rajt: l-ewwel tortura li hi l-infern hi s-sens li wieħed tilef lil Alla; it-tieni hi rimors fil-kuxjenza għal dejjem; it-tielet hi li dan l-istat qatt m’hu ser jinbidel; ir-raba’ hi n-nar li jinfed lir-ruħ mingħajr ma jeqridha – tbatija terribbli, għax dan hu nar kollu kemm hu spiritwali – imkebbes bil-korla ta’ Alla; il-ħames tortura hi d-dlam il-ħin kollu u riħa terribbli li tifgak, u, minkejja d-dlam, ix-xjaten u l-erwieħ tal-mitlufin jaraw lil xulxin u l-ħażen kollu tagħhom u tal-oħrajn; is-sitt tortura hi l-kumpanija l-ħin kollu ta’ Satana; is-seba’ tortura hi d-disperazzjoni tal-biża’, il-mibgħeda ta’ Alla, kliem oxxen, dagħa u saħtiet. Dawn huma t-torturi li jbatu l-mitlufin kollha flimkien, imma dan mhux kollox. Hemm torturi speċjali li huma d-destin ta’ erwieħ partikolari. Dawn huma t-turmenti tas-sensi. Kull ruħ tgħaddi minn tbatijieti terribbli li ma tistax tiddeskrivihom, li għandhom x’jaqsmu mal-mod li bih tkun dinbet. Hemm għerien ta’ fosos ta’ torturi fejn forma waħda ta’ agunija tkun differenti mill-oħra. Kont immut biss nara dan it-torturi li kieku ma weżintnix is-setgħa bla tarf ta’ Alla. Il-midneb għandu jkun jaf li għad ibati torturi għall-eternita’ kollha f’dawk is-sensi li jkun għamel użu minnhom biex jidneb. Jiena qiegħda nikteb dan għax Alla kkmandani, sabiex l-ebda ruħ ma jkollha skuża tgħid li m’hemmx infern jew li ħadd qatt ma kien hemmhekk, u allura ħadd ma jista’ jgħid kif inhu.

 

Jiena, Swor Fawstina, b’ordni ta’ Alla, mort inżur l-abbissi tal-infern sabiex inkun nista’ nkellem lill-erwieħ dwaru u nixhed li jeżisti. Bħalissa ma nistax nitkellem dwaru; imma rċevejt ordni mingħand Alla li nħalli dan il-miktub. Ix-xjaten kienu mimlijin mibgħeda għalija, imma kellhom jobduni għall-kmand ta’ Alla. Dak li jiena ktibt hu biss dell fqir tal-affarijiet li jiena rajt. Imma nnotajt ħaġa waħda: li l-parti l-kbira tal-erwieħ li jinsabu hemm huma dawk li ma kienux jemmnu li hemm infern. X’ħin erġajt ġejt f’tiegħi, bilkemm stajt nirkupra mill-qatgħa li ħadt. Kemm ibatu bl-ikrah l-erwieħ hemmhekk! B’riżultat ta’ dan, nitlob iktar bil-ħeġġa għall-konverżjoni tal-midinbin. Nitlob bla waqfien il-ħniena ta’ Alla għalihom. O Ġesu’ tiegħi nippreferi nkun fl-agunija sal-aħħar tad-dinja, fost l-ikbar tbatijiet, milli noffendik bl-iċken dnub.

 

 

+

Ġ.M.Ġ.

 

742.                 Binti, jekk Jiena qed nitlob permezz tiegħek li l-bnedmin iqimu l-ħniena Tiegħi, int trid tkun l-ewwel waħda li tingħaraf permezz ta’ din il-fiduċja fil-ħniena Tiegħi. Jiena qed nitlob mingħandek għemejjel ta’ ħniena, li għandhom jiġu mill-imħabba li inti għandek Għalija. Inti għandek turi ħniena lejn il-proxxmu tiegħek dejjem u kullimkien. Int m’għandekx tibqa’ lura minn dawn jew tipprova tiskuża jew tassolvi lilek innifsek minn dan.

 

Jiena qed nagħtik tliet modi kif tista’ turi ħniena mal-proxxmu tiegħek: l-ewwel – bl-għemil; it-tieni – bil-kliem; it-tielet – bit-talb . F’dawn it-tliet gradi hemm il-milja tal-ħniena, u hija prova li ħadd ma jista jmeriha li wieħed ikun iħobbni. B’dan il-mezz ruħ tagħti glorja u qima lill-ħniena Tiegħi. Iva, l-Ewwel Ħadd tal-Għid hija l-Festa tal-Ħniena, imma jrid ikun hemm ukoll opri tal-ħniena, u Jiena rrid li tintwera qima lill-ħniena Tiegħi permezz taċ-ċelebrazzjoni solenni ta’ din il-Festa u permezz tal-qima tax-xbieha mpittra. Permezz ta’ din ix-xbieha, Jiena nagħti ħafna grazzji lill-erwieħ. Għandha tkun tifkira ta’ dak li titlob minn għandhom il-ħniena Tiegħi, għax ukoll fidi mill-aktar qawwija ma tiswa xejn mingħajr opri. O Ġesu’ tiegħi, Inti stess trid tgħinni f’kollox, għax Inti qed tara kemm jiena ċkejkna, u għalhekk jiena niddependi biss mit-Tjubija Tiegħek, O Alla.

 

+ Eżami Partikolari

 

Għaqda ma’ Kristu ħanin. Bil-qalb tiegħi ndur mad-dinja kollha, l-aktar dawk il-pajjiżi li mhumiex ċivilizzati jew fejn hemm il-persekuzzjoni. Jiena qed nitlob ħniena fuqhom.

 

 

743.                 Żewġ riżoluzzjonijiet ġenerali:

 

L-ewwel: Li nipprova nżomm skiet intern u nosserva r-regola tas-skiet strettament.

 

It-tieni: Fedelta’ mal-ispirazzjonijiet interni; inpoġġihom fil-prattika f’ħajti u fl-opri tiegħi skont il-parir tad-direttur spiritwali tiegħi.

 

F’din il-marda li għandi, nixtieq nigglorifika r-rieda ta’ Alla. Ser nipprova, sakemm inkun nista’ nieħu sehem fl-eżerċizzi kollha tal-komunita’. Nagħti ħajti bil-qalb lill-Mulej Ġesu’ għal kull dwejjaq u tbatija.

 

 

744.                 + Spiss inħoss li, barra minn Ġesu’, jiena ma nsib l-ebda għajnuna mingħand ħadd, għalkemm xi kultant ikolli ħafna bżonn ta’ xi ħadd li jiċċarali l-affarijiet dwar dak li jkun qed jitlob mingħandi l-Mulej.

 

Illejla, f’daqqa waħda rċevejt dawl mingħand Alla dwar ċerta ħaġa. Għal tnax-il sena kien ili naħseb fuq ċerta ħaġa u ma stajtx nifhimha. Illum, Ġesu’ għarrafni kemm kien għoġbu dan.

 

 

Il-Festa ta’ Kristu Re. (25 ta’ Ottubru 1936)

 

745.                 Waqt il-quddiesa, tant ħassejtni mdawra bin-nar kbir intern tal-imħabba ta’ Alla u x-xewqa li nsalva l-erwieħ li ma nafx kif inpoġġiha fil-kliem. Qiegħda naqbad kollni kemm jiena. Ser niġġieled kontra l-ħażen kollu bl-arma tal-ħniena. Qed tikkunsmani x-xewqa li nsalva l-erwieħ. Jiena naqsam it-tul u l-wisa’ kollha tal-art u nażżarda nibqa’ sejra sal-ibgħad trufijiet u l-artijiet l-iktar selvaġġi biex insalva l-erwieħ. Dan nagħmlu permezz tat-talb u s-sagrifiċċju. Irrid li kull ruħ tigglorifika l-ħniena ta’Alla, li kull waħda tħoss l-esperjenza tal-effetti ta’ dik il-ħniena fuqha. Il-Qaddisin fil-ġenna jqimu l-ħniena tal-Mulej. Jiena rrid inqimha issa wkoll, hawn fl-art, u nxerred id-devozzjoni lejha bil-mod li Alla jitlob mingħandi.

 

 

746.                 Jiena fhimt li f’ċerti mumenti li jkunu mill-iktar diffiċli jiena ser inkun waħdi, abbandunata minn kulħadd, u jkolli nħabbat wiċċi mal-maltempati kollha u nissielet bis-saħħa kollha ta’ ruħi, ukoll ma’ dawk li stennejt l-għajnuna mingħandhom.

 

Imma minix waħdi, għax Ġesu’ hu miegħi, u miegħu jiena ma nibża’ minn xejn. Jiena konxja fuq li konxja ta’ kollox, u naf Alla x’qed jitlob mingħandi. Tbatija, disprezz, żufjett, pereskuzzjoni u umiljazzjoni ser ikunu x-xorti tiegħi l-ħin kollu. Ma naf l-ebda triq oħra. Għal imħabba sinċiera – ingratitudni; din hija triqti, immarkata bil-passi ta’ Ġesu’.

 

Ġesu’ tiegħi, saħħa tiegħi u l-unika tama tiegħi, fik biss tinsab it-tama tiegħi kollha. Il-fiduċja tiegħi mhix ser tibqa’ b’xejn.

 

 

747.                 Il-jum tat-tiġdid tal-voti. (Il-Ġimgħa, 30 ta’ Ottubru, 1936). Il-preżenza ta’ Alla qiegħda timlieli ruħi, mhux biss b’mod spiritwali, imma nħossha wkoll b’mod fiżiku.

 

 

748.                 2 ta’ Novembru, (1936). Filgħaxija wara l-Vespri, mort iċ-ċimiterju (fil-ġnien tas-sorijiet). Kien ili ftit nitlob meta rajt waħda mis-sorijiet tagħna, li qaltli, “Aħna qedgħin fil-kappella.” Fhimt li kelli mmur fil-kappella u noqgħod hemmhekk nitlob u nakkwista l-indulġenzi. L-għada, waqt il-Quddiesa, rajt tliet ħamimiet bojod jittajru minn fuq l-altar lejn il-ġenna. Fhimt li mhux biss it-tlett erwieħ li kont rajt kienu marru l-ġenna, imma wkoll ħafna oħrajn li kienu mietu barra mill-konfini tal-istitut tagħna. O, kemm hu twajjeb u ħanin il-Mulej!

 

 

749.                 Konverżazzjoni ma’ Patri Andrasz, fi tmiem l-irtir. Bqajt mistagħġba ħafna b’ħaġa li nnotajt waqt kull konverżazzjoni li matulha jiena kont tlabt parir u gwida mingħand Patri Andrasz u din hi: innutajt li Patri Andrasz wieġeb il-mistoqsijiet kollha dwar l-affarijiet li l-Mulej kien talab mingħandi b’mod hekk ċar u b’tant ċertezza li bħallikieku kien għaddej minn dan kollu hu stess. O Ġesu’ tiegħi, li kieku kien hemm iktar diretturi spiritwali ta’ dan it-tip, l-erwieħ li jkollhom gwida bħal din malajr jilħqu l-quċċata tal-qdusija u ma jaħlux grazzji hekk kbar! Nagħti ħajr il-ħin kollu lil Alla għal grazzja hekk kbira; jiġifieri, li fit-tjubija kbira Tiegħu għoġbu jpoġġi dawn il-kolonni ta’ dawl fil-mogħdija tal-ħajja spiritwali tiegħi. Huma jdawluli t-triq biex jiena ma nitfixkilx jew inżomm lura fi triqti lejn l-għaqda intima mal-Mulej. Għandi mħabba kbira għall-Knisja, li teduka l-erwieħ u tmexxihom lejn Alla.

 

 

750.                 31 ta’ Ottubru 1936. Konverżazzjoni mal-Madre Ġenerali (Michael)

 

Meta tkellimt mal-Madre Ġenerali fuq il-kwistjoni li nitlaq mill-Ordni, irċevejt din it-tweġiba: “Jekk Ġesu’ qed jitlob mingħandek li inti tħalli din il-Kongregazzjoni, għandu jagħti xi sinjal li din hi r-rieda Tiegħu. Sor, itlob għal sinjal bħal dan, għax qiegħda ninkwieta li inti vittma ta’ xi illużjoni. Mill-banda l-oħra, ma nixtieqx infixkel jew neħodha kontra r-rieda ta’ Alla, għax jiena wkoll irrid nagħmel ir-rieda ta’ Alla.” U b’hekk ftehemna li jiena kelli nibqa’ kif kont, sakemm il-Mulej kellu jgħarraf lill-Madre Ġenerali li Hu riedni nitlaq minn din il-Kongregazzjoni. U b’dan il-mod ħallejna din il-ħaġa tistenna ftit ieħor.

 

 

751.                 U hekk qed tara, Ġesu’, li issa kollox jiddependi minnek. Jiena ninsab f’paċi perfetta, minkejja dawn l-insistenzi li nħoss ġo fija. Min-naħa tiegħi għamilt kulma kelli nagħmel, u issa jmiss lilek, Ġesu’ tiegħi, u b’dan il-mod tkun tista’ tidher il-kawża Tiegħek. Jiena naqbel perfettament mar-rieda Tiegħek; agħmel bija dak li jogħġbok, O Mulej, imma agħtini biss il-grazzja li nħobbok dejjem iżjed u iżjed bil-ħeġġa. Din hi l-ħaġa l-iżjed prezzjuża għalija. Ma nixtieq xejn ħliefek, O Mħabba Eterna! Ma jimpurtax mil-liema toroq ser tgħaddini, toroq ta’ wġigħ jew toroq ta’ ferħ. Irrid inħobbok f’kull waqt ta’ ħajti. Jekk Inti tgħidli niltaq, O Ġesu’, sabiex jiena nwettaq ir-rieda Tiegħek, nitlaq. Jekk Inti tgħidli nibqa’ nibqa’. Ma jimpurtax x’ikolli nbati, sewwa f’każ wieħed sewwa fl-ieħor. O Ġesu’ tiegħi, jekk jiena nitlaq, naf x’ser ikolli nbati u nissaporti. Jiena għidt iva għal dan b’mod mill-iżjed konxju, u diġa’ aċċettajtu permezz ta’ att tar-rieda tiegħi. Ma jimpurtax x’fih il-kalċi għalija. Għalija biżżejjed inkun naf li ġie mogħti lili mill-id ta’ Alla mimlija mħabba. Jekk Inti tgħidli nerġa’ lura u nibqa’ hawn, nibqa’ minkejja dak kollu li nħoss ġewwa fija jimbuttani. Jekk Int tibqa’ żżommli dawn is-sentimenti f’ruħi u tħallini f’din l-agunija nterna wkoll sal-aħħar ta’ ħajti, jiena naċċetta din il-ħaġa bir-rieda konxja u sħiħa tiegħi u f’sottomissjoni mimlija mħabba lejk, O Alla tiegħi. Jekk jiena nibqa’ ser ninħeba fil-ħniena Tiegħek, Alla tiegħi; tant fil-fond li l-ebda għajn ta’ bniedem ma tarani. Matul ħajti kollha, rrid inkun ċensier mimli b’nar moħbi, u jalla d-duħħan li jitla’ sa għandek, O Ostja Ħajja, ikun jogħġbok. Inħoss ġewwa qalbi stess li kull sagrifiċċju żgħir ikebbes n-nar tal-imħabba għalik, imma b’mod hekk sieket u sigriet li ħadd ma jkun jista’ jinduna bih.

 

 

752.                 Meta jiena għidt lill-Madre Ġenerali li l-Mulej ried li l-Kongregazzjoni tgħid il-Kurunella sabiex ittaffi l-korla ta’ Alla, il-Madre qaltli li bħalissa ma setgħetx iddaħħal talb ġdid li kien għadu ma ġiex approvat. . .  “Imma agħtini l-Kurunella, Sor, (hija qalet) forsi tista’ tingħad waqt xi adorazzjoni. Issa naraw. Tkun ħaġa tajba li kieku Dun Sopocko kellu jippubblika fuljett bil-kurunella; imbagħad tkun ħaġa eħfef u aħjar biex nitlobuha fil-Kongregazzjoni, għax għalissa hi daqsxejn ħaġa diffiċli li nagħmluha.”

 

 

753.                 Il-ħniena tal-Mulej tiġi mfaħħra mill-erwieħ qaddisin fil-ġenna li huma stess kellhom esperjenza ta’ dik il-ħniena nfinita’. Dak li dawn l-erwieħ qedgħin jagħmlu fil-ġenna, jiena ser nibda nagħmlu diġa’ hawn fl-art. Jiena sejra nfaħħar lil Alla għat-tjubija nfinita’ Tiegħu, u nipprova nwassal erwieħ oħrajn sabiex huma jsiru jafu u jigglorifikaw il-ħniena ta’ Alla li ma tistax tiddeskriviha bil-kliem u li ma tistax tifhimha.

 

 

754.                 + Il-wegħda tal-Mulej: Dawk l-erwieħ li jgħidu din il-Kurunella jkunu mgħannqin mill-ħniena Tiegħi matul ħajjithom u l-aktar fis-siegħa tal-mewt tagħhom.

 

 

755.                 O Ġesu’ tiegħi, għallimni niftaħ is-sider tal-ħniena u tal-imħabba għal kulmin iridha. Ġesu’, Kmandant tiegħi, għallimni sabiex it-talb u l-egħmejjel tiegħi kollha jkollhom is-siġill tal-ħniena Tiegħek.

 

 

756.                 18 ta’ Novembru 1936. Illum, ippruvajt nagħmel l-eżerċizzi kollha tiegħi qabel il-Barka, għax kont qiegħda nħossni iktar ma niflaħx mis-soltu. Għalhekk mort nistrieħ fil-pront wara l-Barka. Imma malli dħalt fil-kamra tas-sodda, f’daqqa waħda kont naf ġewwa fija li għandi mmur fiċ-ċella ta’ S.N. (nota145) għax kellha bżonn l-għajnuna. Dħalt fiċ-ċella tagħha mill-ewwel, u S.N. qaltli. “O kemm hi ħaġa tajba li Alla ġabek hawn, Sor!” U l-vuċi tagħha tant kienet baxxa li bilkemm stajt nismagħha. Qaltli, “Sor, jekk jogħġbok ġibli ftit te’ bil-lumi, għax għandi għatx kbir, u ma nistax niċċaqlaq għax tant jiena muġugħa.” U tassew kienet batuta ħafna u kellha ħafna deni. Poġġejtha iktar komda, u setgħet ittaffi l-għatx li kellha bit-te’ li jiena ħadtilha. X’ħin dħalt fiċ-ċella tiegħi, ruħi nħakmet minn imħabba kbira għal Alla, u fhimt li għandna nagħtu ħafna kas tal-ispirazzjonijiet nterni tagħna u nimxu fuqhom bil-fedelta’ u fedelta’ lejn grazzja waħda tiġbed fuqna grazzji oħrajn.

 

 

757.                 19 ta’ Novembru, (1936). Waqt il-Quddiesa llum, rajt lill-Mulej Ġesu’, li qalli, Kun fil-paċi, binti; Jiena qiegħed nara l-isforzi tiegħek, li jogħġbuni ħafna. U l-Mulej għeb, u wasal il-ħin għat-Tqarbin Imqaddes. Wara li tqarbint, f’daqqa waħda rajt iċ-Ċenaklu u lil Ġesu’ u l-Appostli fih. Rajt it-twaqqif tas-Sagrament Imqaddes. Ġesu’ ppermettieli nibqa’ dieħla fil-ġewwieni Tiegħu, u sirt naf il-kobor tal-majesta’ Tiegħu u, fl-istess ħin, x’kien hemm ġewwa ruħi stess.

 

 

758.                 Ġesu’ ħallieli nsir naf il-profondita’ tal-manswetudni u tal-umilta’ Tiegħu, u ħallieni nifhem li Hu kien qed jitlob b’mod ċar l-istess ħaġa mingħandi. Ħassejt il-ħarsa ta’ Alla ġewwa ruħi. Din il-ħaġa mlietni bi mħabba li ma tistax tpoġġieha fi kliem, imma fhimt li l-Mulej kien tefa’ ħarsa ta’ mħabba fuq il-virtujiet u l-isforzi erojċi tiegħi, u sirt naf li din il-ħaġa kienet qiegħda tiġbed lil Alla għal ġo qalbi. Minn hekk li sirt naf li mhux biżżejjed għalija nirsisti biss għall-virtujiet ordinarji, imma li għandi nipprova nħaddem il-virtujiet erojċi. Għalkemm minn barra ħaġa tista’ tkun x’aktarx ordinarja, huwa l-mod differenti (li bih titħaddem) li għajnejn Alla jistgħu jarawh. O Ġesu’ tiegħi, dak li jiena ktibt hu biss dell fjakk ta’ dak li jiena qiegħda nifhem ġewwa ruħi; dawn huma affarijiet purament spirtwali, imma sabiex nikteb xi ħaġa minn dak li l-Mulej jippermettili nsir naf, irrid bilfors nuża kliem li ma jiena sodisfatta xejn bih, għax ma jesprimix ir-realta’.

 

 

759.                 Meta għaddejt mill-esperjenza ta’ dawn it-tbatijiet għall-ewwel darba, ġara hekk: wara l-voti ta’ kull sena, (nota146) f’ċerta ġurnata, waqt it-talb, rajt dija kbira, u ħerġin mid-dija, raġġi li daru dawra sħiħa miegħi. Imbagħad, f’daqqa waħda, ħassejt uġigħ terribbli f’idejja, saqajja u ġenbi u x-xewk tal-kuruna tax-xewk. Ħassejt dawn it-tbatijiet waqt il-Quddiesa tal-Ġimgħa, imma dan dam għal mument qasir biss. Din il-ħaġa rrepetiet ruħha fil-jum tal-Ġimgħa għal diversi drabi, u wara dan ma ħassejt l-ebda tbatijiet sa issa; jiġifieri, sal-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena. Waqt din il-marda li għandi bħalissa, darba waqt il-Quddiesa tal-Ġimgħa ħassejtni minfuda mill-istess tbatijiet, u din il-ħaġa rrepetiet ruħha kull nhar ta’ Ġimgħa u xi kultant meta niltaqa’ ma’ ruħ li ma tkunx fi stat ta’ grazzja. Għalkemm dan ma jiġrix ta’ spiss u t-tbatija ddum żmien qasir ħafna, xorta waħda hi terribbli, u ma nkunx nista’ niflaħ għaliha mingħajr grazzja speċjali mingħand Alla. Minn barra ma tkun tidher l-ebda indikazzjoni ta’ dawn it-tbatijiet. X’għad jiġri iktar ‘il quddiem, ma nafx. Dan kollu, għall-erwieħ. . .

 

 

760.                 21 ta’ Novembru, (1936). Ġesu’ Inti qed tara li għalkemm minix marida serjament imma lanqas ma nista’ ngħid li jiena f’saħħti. Int timlieli ruħi bl-entużjażmu għall-ħidma, u m’għandix saħħa. In-nar ta’ mħabbtek qed taqbad ġewwa fija, u għal dak li ma nistax nagħmel għax m’għandix saħħa fiżika, tpatti l-imħabba.

 

 

761.                 Ġesu’, l-Ispirtu tiegħi jixxennaq għalik, u nixtieq ħafna ningħaqad miegħek, imma x-xogħolijiet Tiegħek iżommuni lura. L-għadd tal-erwieħ li jiena suppost inġiblek għadu mhux komplut. Jiena nixtieq il-ħidma u t-tbatija; ħalli kulma Inti ppjanajt qabel iż-żminijiet, jitwettaq fija, O Ħallieq u Mulej tiegħi! Jiena nifhem biss il-kelma Tiegħek; hija biss tagħtini s-saħħa. L-Ispirtu Tiegħek, O Mulej, hu l-Ispirtu tal-Paċi; u xejn ma jista’ jinkwieta dak li hemm fil-fond tiegħi għax Inti tgħammar hemm, O Mulej.

 

Naf  li ninsab taħt il-ħarsa speċjali Tiegħek, O Mulej. Ma neżaminax bil-biża’ l-pjanijiet Tiegħek għalija; ix-xogħol tiegħi hu li naċċetta kollox minn idejk. Ma nibża’ minn xejn, għalkemm il-maltempata għaddejja, u sajjetti tal-biża’ jfaqqgħu madwari minn kull naħa, u mbagħad inħossni daqsxejn waħdi. Imma, qalbi tħossok, u l-fiduċja tiegħi qiegħda tikber, u nista’ nara s-setgħa bla tarf kollha Tiegħek li qiegħda żżommni. Flimkien miegħek, Ġesu’, nibqa’ miexja fil-ħajja, fost maltemp u qawsalli, b’għajta ta’ ferħ, filwaqt li nkanta l-għanja tal-ħniena Tiegħek. Minix sejra nieqaf mill-għanja tiegħi ta’ mħabba sakemm il-kor tal-Anġli jibda jkanta miegħi. L-ebda qawwa ma tista’ żżommni fit-titjira tiegħi lejn Alla. Nista’ nara lis-superjuri wkoll mhux dejjem jifhmu t-triq li Alla qed imexxini fiha, u jiena ma nistagħġibx b’din il-ħaġa.

 

 

762.                 Darba, rajt lil Dun Sopocko jitlob filwaqt li kien qed jaħseb fuq dawn l-affarijiet. Imbagħad rajt kif ċirku dawl deher f’daqqa ‘l fuq minn rasu. Għalkemm hemm id-distanza tifridna, jiena narah ta’ spiss, speċjalment filwaqt li jkun qed jaħdem fuq l-iskrivanija tiegħu, minkejja li jkun għajjien.

 

 

763.                 22 ta’ Novembru, (1936). Illum waqt il-qrar, il-Mulej Ġesu’ kellimni permezz tax-xofftejn ta’ ċertu saċerdot. Dan is-saċerdot ma kienx jafha lil ruħi, u jiena akkużajt lili nnifsi biss bi dnubieti; imma hu qalli dan il-kliem: “Wettaq bil-fedelta’ dak kollu li Ġesu’ qed jitlob mingħandek, minkejja d-diffikulatjiet. Kun af li, għalkemm in-nies forsi jinkurlaw għalik, Ġesu’ mhux irrabjat u qatt m’hu ser jirrabja miegħek. Tagħtix kas ta’ dak li jaħsbu n-nies.” Għall-ewwel stagħġibt b’din l-istruzzjoni; imma fhimt li l-Mulej kien qed jitkellem permezz tiegħu mingħajr ma hu kien qed jinduna. O misteru qaddis, kemm hemm teżori kbar ġewwa fik! O fidi qaddisa, inti l-arblu tad-direzzjoni tiegħi!

 

 

764.                 24 ta’ Novembru. Illum irċevejt ittra mingħand Dun Sopocko (nota147). Sirt naf mingħandu li Alla nnifsu qed imexxi din l-affari kollha. U bħalma l-Mulej bdieha, hekk ukoll ser ikompli jmexxiha. U iktar ma nara d-diffikultajiet jikbru, iktar ninsab fil-paċi. O, li kieku f’din l-affari kollha ma kienx hemmm il-glorja ta’ Alla u l-qligħ għall-erwieħ b’mod hekk qawwi, Satana ma kienx jeħodha kontrieha daqshekk. Imma huwa qed jinduna x’ser jitlef minħabba fiha. Issa tgħallimt li Satana jobgħod il-ħniena iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra. Hija l-akbar turment tiegħu. Xorta waħda, il-kelma ta’ Alla ma tgħaddix; il-kelma ta’ Alla hija ħajja; id-diffikultajiet mhux ser iżommu lura l-opri ta’ Alla, imma juru li huma ta’ Alla. . .

 

 

765.                 Darba, rajt il-kunvent tal-kongregazzjoni l-ġdida. (nota148) Filwaqt li kont qiegħda ndur, neżamina kollox, f’daqqa waħda rajt folla tfal li kienu jidhru mhumiex ikbar minn ħames sa ħdax-il sena. X’ħin rawni daru madwari u bdew jgħajtu, “Ħarisna mill-ħażen,” u ħaduni fil-kappella li kien hemm f’dan il-kunvent. X’ħin dħalt fil-kappella, rajt lill-Mulej Ġesu’ mdejjaq. Ġesu’ ħares lejja bil-ħlewwa u qalli li kien jinsab offiż ħafna mit-tfal: Inti għandek tħarishom mill-ħażen. Minn dak il-ħin, bdejt nitlob għat-tfal, imma nħoss li t-talb biss mhux biżżejjed.

 

 

766.                 O Ġesu’ tiegħi, Inti taf kemm irridu nisfurzaw biex ngħixu bis-sinċerita’ u mingħajr wiċċ b’ieħor ma’ dawk li n-natura tagħna tixtieq taħrab minnhom, jew ma’ dawk – jew għax irridu jew le – iġegħluna nbatu. Nitkellmu ta’ bnedmin li aħna, dan impossibli. F’okkażjonijiet bħal dawn iktar minn oħrajn, nipprova niskopri lill-Mulej Ġesu’ f’dik il-persuna u għal dan l-istess Ġesu’, nagħmel minn kollox għal nies bħal dawn. F’atti bħal dawn, l-imħabba hi safja, u prattika bħal din tal-imħabba, tagħti l-perseveranza u l-qawwa lir-ruħ. Jiena ma nistenna xejn mill-ħlejjaq, u għalhekk ma nkunx iddiżappuntata. Naf li ħlejqa, minnha nnfisha, hi fqajra, mela x’jista’ wieħed jistenna mingħandha? Alla hu kollox għalija; irrid niżen kollox skont kif jiġġudika Alla.

 

 

767.                 L-għaqda tiegħi mal-Mulej issa hi purament spirtwali. Ruħi tintmess minn Alla u tintilef għal kollox fih, ukoll sal-punt li tinsa lilha nnfisha kompletament. Mimlija b’Alla sal-punt l-iktar profond tagħha, hija tegħreq fis-sbuħija Tiegħu; hija tinħall fih għal kollox – ma nafx kif infissirha din il-ħaġa, għax filwaqt li qiegħda nikteb qiegħda nuża s-sensi; imma hemmhekk, f’dik il-għaqda, is-sensi mhumiex attivi; hemm għaqda fejn Alla u r-ruħ jintilfu f’xulxin; u l-ħajja ta’ Alla fejn ir-ruħ tista’ tidħol tant hi kbira li l-ilsien tal-bniedem ma jistax ipoġġiha fi kliem.

 

X’ħin ir-ruħ terġa’ lura għall-ħajja tagħha tas-soltu, imbagħad hi tara li din il-ħajja hi kollha kemm hi dlam u ċpar u konfużjoni ta’ ħolm, fisqija ta’ tarbija. F’mumenti bħal dawn ir-ruħ tirċievi biss mingħand Alla, għax waħedha hi ma tagħmel xejn; ma tagħmilx lanqas l-iċken sforz; Alla jaħdem kollox ġo fiha. Imma meta r-ruħ terġa lura għall-istat ordinarju tagħha, hija tara li minnha nnfisha m’għandhiex is-saħħa tkompli f’din il-għaqda.

 

Dawn il-mumenti jgħaddu malajr, imma l-effetti tagħhom jibqgħu. Ir-ruħ ma tistax tibqa’ fit-tul f’dan l-istat; jew inkella tiġi meħlusa bil-forza mir-rabtiet tal-ġisem għal dejjem. Ukoll meta jiġri dan, tiġi miżmuma b’miraklu ta’ Alla. Alla jippermetti lir-ruħ issr taf  b’mod ċar kemm iħobbha, bħallikieku kienet l-uniku oġġett li bih jitpaxxa. Ir-ruħ tagħraf dan b’mod ċar u bil-velu mwarrab, bħalma ngħidu. Hija tipprova tilħaq lil Alla b’saħħitha kollha, imma tħossha qisha tarbija; taf li dan mhux ser jirnexxilha qatt tagħmlu. Għalhekk, Alla jinżel sa fejn ir-ruħ u jgħaqqadha miegħu b’mod li . . . hawnhekk, ikolli niskot, għax ma nistax niddeskrivi l-esperjenza li tgħaddi minnha r-ruħ.

 

 

768.                 Hija ħaġa stramba li għalkemm ir-ruħ li jkollha din l-esperjenza ta’ għaqda ma’ Alla ma tistax issib il-kliem u l-espressjonijiet biex tiddeskriviha, xorta waħda, meta tiltaqa’ ma’ ruħ bħalha, it-tnejn li huma jifhmu lil xulxin b’mod tajjeb u straordinarju f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dawn l-affarijiet, ukoll jekk jitkellmu ftit li xejn bejniethom. Ruħ maqgħuda ma’ Alla b’dan il-mod tagħraf faċilment ruħ bħalha, ukoll jekk din tal-aħħar ma tkunx irrivelatilha l-ħajja nterna tagħha, imma titkellem biss b’mod ordinarju. Ikun bħallikieku jiġu minn xulxin spirtwalment. Erwieħ maqgħudin ma’ Alla b’dan il-mod huma ftit, iktar ftit milli naħsbu aħna.

 

 

769.                 Innotajt li l-Mulej jagħti din il-grazzja lill-erwieħ għal żewġ għanijiet. L-ewwel wieħed hu meta r-ruħ tkun ser tagħmel xi opra kbira li, nitkellmu ta’ bnedmin li aħna, tkun assolutament ikbar milli hija tiflaħ tagħmel. Fit-tieni każ, innotajt li l-Mulej jagħtiha sabiex erwieħ simili jkunu jistgħu jiġu ggwidati u jibqgħu fil-paċi, għalkemm il-Mulej jista’ jagħti din il-grazzja kif irid Hu u lil min irid Hu. Iżda, jiena nnotajt din il-grazzja fi tliet saċerdoti, wieħed minnhom saċerdot sekulari (probabilment Dun Sopocko) u t-tnejn l-oħrajn, saċerdoti  reliġjużi (probabilment Patri Elter u Patri Andrasz), u wkoll f’żewġ sorijiet reliġjużi (probabilment Madre Michael u Swor Mary Joseph), imma mhux sa l-istess grad.

 

 

770.                 Nitkellem għalija, jiena rċevejt din l-grazzja għall-ewwel darba, u dan għal ftit ħin biss, meta kelli tmintax –il sena (nota149) waqt l-Ottava ta’ Corpus Christi (18-25 ta’ Ġunju 1925), waqt il-Vespri, meta għamilt il-vot ta’ kastita’ perpetwa lill-Mulej Ġesu’. Kont għadni ngħix fid-dinja, imma dħalt soru ftit wara. Il-grazzja damet għal waqt qasir ħafna, imma l-qawwa tagħha kienet kbira. Wara din il-grazzja, kien hemm intervall twil. Veru li rċevejt ħafna grazzji mingħand il-Mulej matul dan l-intervall, imma kienu ta’ tipi differenti. Kien żmien ta’ provi u purifikazzjoni. Il-provi tant kienu terribbli li ruħi ħassitha bħallikieku kienet abandunata għal kollox minn Alla u kienet mgħaddsa fi dlam profond. Indunajt u fhimt li ħadd ma kien ser ikun jista’ joħroġni minn dawk it-turmenti jew almenu jifhimni.

 

Kien hemm żewġ okkażjonijiet meta ruħi ġiet mitfugħa fid-disperazzjoni, darba għal nofs siegħa, u t-tieni darba għal tlett kwarti. Bħalma ma nistax niddeskrivi l-kobor tal-grazzji, hekk ukoll dawn il-provi kbar li bagħatli l-Mulej; nuża liema nuża kliem, huma biss dell fjakk (tar-realta’). Iżda, bħalma l-Mulej kien jitfagħni f’dawn it-turmenti, hekk ukoll ħariġni minnhom. Din il-ħaġa damet biss għal ftit snin, u mbagħad jiena rġajt irċevejt din il-grazzja starordinarja ta’ għaqda li kompliet sallum. Xorta waħda, waqt dan it-tieni perjodu ta’ għaqda, kien hemm ukoll waqfiet qosra. Imma għal żmien issa, ma kelli l-ebda waqfa; għall-kuntrarju, ninsab mgħaddsa dejjem iżjed u iżjed ‘l isfel f’Alla. Id-dawl kbir li jdawwali moħħi  jagħtini l-għarfien tal-kobor ta’ Alla; imma mhux bħallikieku kont qiegħda nsir naf l-attributi individwali, bħal qabel – le, bħalissa hi ħaġa differenti:f’mument wieħed, insir naf l-essenza sħiħa ta’ Alla.

 

 

771.                 F’dak l-istess waqt, ir-ruħ tegħreq fih kompletament u jkollha esperjenza ta’ hena kbir daqs dak tal-magħżulin fil-ġenna. Għalkemm il-magħżulin fil-ġenna jaraw lil Alla wiċċ imb’wiċċ u huma ferħanin b’mod sħiħ u assolut, iżda l-għarfien tagħhom ta’ Alla mhux l-istess. Alla hekk tani x’nifhem. Dan l-għarfien iktar profond jibda hawn fl-art, u jiddependi mill-grazzja (mogħtija), imma jiddependi wkoll ħafna mill-fedelta’ tagħna ma’ dik il-grazzja.

 

Iżda, ir-ruħ li tirċievi din il-grazzja li m’hawnx bħalha ta’ għaqda ma’ Alla ma tistax tgħid li hija tara lil Alla wiċċ imb’wiċċ, għax hawnhekk ukoll hemm velu rqiq ħafna ta’ fidi, imma tant hu rqiq tista’ tgħid li hija tara lil Alla u titkellem miegħu. Hija “divinizzata”. Alla jippermetti lir-ruħ li tkun taf kemm iħobbha, u r-ruħ tara li erwieħ aħjar u aktar qaddisin minnha, ma rċevewx din il-grazzja. Għalhekk, hija timtela bi stagħġib qaddis, li jżommha f’umilta’ profonda, u hija timtela bix-xejn tagħha stess u bi stagħġib qaddis; u iktar ma hija ċċekken lilha nnfisha, iktar Alla jingħaqad magħha u jinżel sa fejnha.

 

Ir-ruħ, f’dan ilwaqt, hi bħallikieku moħbija; is-sensi tagħha mhumiex attivi; f’waqt wieħed, hija tagħraf lil Alla u tegħreq fih. Hija ssir taf il-fond sħiħ ta’ Dak li Hu bla tarf, u iktar ma jkun fond dan l-għarfien, iktar ir-ruħ tixtiequ bil-ħerqa.

 

 

772.                 Kbir ikun l-iskambju reċiproku  bejn ir-ruħ u Alla. Meta r-ruħ toħroġ mill-moħba tagħha, is-sensi jkunu jistgħu jduqu dak li r-ruħ tkun tpaxxiet bih. Għalkemm din ukoll hi grazzja kbira minn Alla, mhix grazzja għal kollox spiritwali, għax fl-ewwel waqtiet is-sensi ma jkollhomx sehem. Kull grazzja tagħti lir-ruħ qawwa u saħħa sabiex tkun tista’ taħdem, u kuraġġ sabiex tkun tista’ tbati. Ir-ruħ taf tajjeb dak li Alla qed jitlob mingħandha, u hija twettaq ir-rieda qaddisa Tiegħu minkejja t-tfixkil.

 

 

773.                 Imma, ir-ruħ ma tistax tibqa’ miexja waħedha f’dawn l-affarijiet. Hi trid timxi fuq il-parir ta’ konfessur li jkollu moħħu mdawwal, għax inkella tista’ taqbad triq ħażina jew ma takkwista l-ebda qligħ.

 

 

774.                 + O Ġesu’ tiegħi, qiegħda nifhem sewwa li, bħalma marda nkejluha bit-termometru, u deni għoli jurina s-serjeta’ tal-marda, hekk ukoll, fil-ħajja spiritwali, it-tbatija hi t-temometru li jkejjel l-imħabba ta’ Alla fir-ruħ.

 

 

775.                 + L-iskop tiegħi hu Alla . . . u l-hena tiegħi jinsab f’li nwettaq ir-rieda Tiegħu, u xejn fid-dinja ma jista jfixkel dan il-hena għalija: l-ebda qawwa, l-ebda setgħa, tkun xi tkun.

 

 

776.                 Il-Mulej illum żar iċ-ċella tiegħi u qalli, Binti, minix ser inħallik f’din il-komunita’ għal wisq iżjed. Jiena qed ngħidlek dan sabiex inti tħabrek iżjed biex tapprofitta ruħek mill-grazzji li Jiena qed nagħtik.

 

 

777.                 27 ta’ Novembru (1936). Illum kont fil-ġenna, fl-ispirtu, u rajt is-sbuħija tagħha li ħadd ma jista’ jimmaġinaha u l-hena li hemm jistenniena wara l-mewt. Jiena rajt kif il-ħlejjaq kollha jagħtu tifħir u glorja lil Alla bla waqfien. Rajt kemm hu kbir il-hena ta’ Alla, li jinfirex sal-ħlejjaq kollha u jagħmilhom ferħanin; u mbagħad din il-glorja u t-tifħir kollu li joħorġu minn dan il-ferħ jerġgħu jmorru lura minn fejn kienu ġew; u jidħlu fil-fond ta’ Alla, jikkontemplaw il-ħajja interna ta’ Alla, il-Missier, l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu, li huma qatt m’huma ser jifhmu jew ikejlu.

 

L-għajn minn fejn ġej il-hena ma jitbiddilx fl-essenza tiegħu, imma dejjem ġdid, u minnu joħroġ ifur il-hena għall-ħlejjaq kollha. Issa nista’ nifhem lil San Pawl, li qal, “Dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh.”

 

 

778.                 U Alla tani x’nifhem li hemm ħaġa waħda biss li għandha valur infint f’għajnejh, u din hi l-imħabba ta’ Alla: imħabba, imħabba u għal darb’oħra imħabba, u xejn ma jista’ jħabbatha ma’ att wieħed ta’ mħabba safja ta’ Alla. O, b’liema favuri li ma tistax timmaġinhom Alla jagħti rigali lir-ruħ li tħobbu bis-sinċerita’! O, kemm hi xortiha tajba r-ruħ li diġa’ hawn fl-art tgawdi l-favuri speċjali Tiegħu! U bħal dawn huma l-erwieħ ċkejknin u umli.

 

 

779.                 Meta rajt din l-majesta’ kbira ta’ Alla, li jiena bdejt nifimiha b’mod iktar profond, u li hi meqjuma mill-ispirti tas-sema skont il-grad tal-grazzja u skont il-ġerarkiji li fihom huma maqsumin, dan ma laqatx lil ruħi bit-terrur jew bil-biża’: le, le xejn minn dan! Ruħi kienet mimlija paċi u mħabba; iktar ma nsir naf il-kobor ta’ Alla, iktar nifraħ li Hu kif inhu. U jiena nifraħ bi kbir bil-kobor Tiegħu u nitpaxxa li jiena daqshekk ċkejkna għax, la jiena ċkejkna, Huwa joħodni f’dirgħajh u jżommni qrib Qalbu.

 

 

780.                 O Alla tiegħi, kemm inħoss għal dawk in-nies li ma jemmnux fil-ħajja eterna; kemm nitlob għalihom li raġġ tal-ħniena jdur madwarhom ukoll, u li Alla jgħannaqhom ma’ sidru bħala Missier.

 

 

781.                 O Mħabba, O Reġina! L-imħabba ma taf bl-ebda biża’. Hija tgħaddi minn ġol-kori kollha tal-anġli li jinsabu weqfin quddiem it-tron Tiegħu. Hija ma tibża’ minn ħadd. Hija tilħaq lil Alla u tinsab mgħaddsa fih bħallikieku fl-uniku teżor li għandha. Il-Kerubin, li qiegħed għassa mal-ġenna b’sejf jaqbad, m’għandu l-ebda setgħa fuqha. O mħabba safja ta’ Alla, kemm inti kbira, m’hawn ħadd bħalek! O, li kieku l-erwieħ kienu jafu biss kemm inti qawwija!

 

 

782.                 + Illum inħossni tassew bla saħħa. Lanqas biss nista’ nagħmel il-meditazzjoni tiegħi fil-kappella, imma rrid nimtedd bilfors. O Ġesu’ tiegħi, inħobbok, u rrid inqimek permezz tal-istess dgħjufija tiegħi billi nissottometti ruħi kompletament għar-rieda qaddisa Tiegħek.

 

 

783.                 + Irrid noqgħod attenta, l-aktar illum, għax qed insir sensittiva ħafna għal kollox. Affarijiet li ma nagħtix kashom meta nkun b’saħħti llum qedgħin idejquni. O Ġesu’ tiegħi, tarka u saħħa tiegħi, agħtini l-grazzja Tiegħek sabiex noħroġ rebbieħa minn dan it-taqbid. O Ġesu’ tiegħi, ibdilni fik bis-saħħa ta’ mħabbtek, sabiex inkun strument denn li nxandar il-ħniena Tiegħek.

 

 

784.                 + Jiena nrodd ħajr lil Alla għal din il-marda u għal dan id-disturb fiżiku, għax għandi l-ħin biex nitkellem mal-Mulej Ġesu’. Hu l-hena tiegħi ngħaddi sigħat twal f’riġlejn Alla moħbi, u s-sigħat jgħaddu qishom minuti filwaqt li nitlef kull amment tal-ħin. Inħoss nar jaqbad ġewwa fija, u ma nista’ nifhem l-ebda ħajja oħra ħlief dik ta’ sagrifiċċju, li toħroġ minn imħabba safja.

 

 

785.                 29 ta’ Novembru (1936). Omm Alla għallmitni kif għandi nħejji ruħi għall-Festa tal-Milied. Jiena rajtha llum, mingħajr it-Tarbija Ġesu’. Hija qaltli: Binti, ipprova żomm is-skiet u l-umilta’, sabiex Ġesu’ li jgħammar il-ħin kollu ġewwa qalbek, ikun jista’ jistrieħ. Adurah ġewwa qalbek; toħroġx minn ġol-esseri li hemm ġewwanett fik stess. Binti, jiena ser nakkwistalek il-grazzja ta’ ħajja interna li tkun tali li, mingħajr qatt ma tħalli dik il-ħajja interna, li inti tkun tista’ twettaq id-dmirijiet kollha tiegħek esterni bi premura dejjem ikbar. Għammar miegħu l-ħin kollu ġewwa qalbek stess. Hu jkun is-saħħa tiegħek. Ikkomunika mal-ħlejjaq biss sakemm ikun hemm bżonn u sakemm jirrikjedu d-dmirijiet tiegħek. Inti għamara li togħġob lil Alla l-ħaj; fik Hu jgħammar il-ħin kollu bi mħabba u b’għożża. U l-preżenza ħajja ta’ Alla, li inti għandek esperjenza tagħha b’mod iktar ħaj u ċar, tikkonfermak, binti, fl-affarijiet li jiena għidtlek. Ipprova ġib ruħek b’dan il-mod sa jum il-Milied, u mbagħad Hu stess għad jgħarrfek b’liema mod inti għad tikkomunika u tingħaqad flimkien miegħu.

 

 

786.                 30 ta’ Novembru (1936). Waqt il-Vespri llum, uġigħ mhux tas-soltu nifidli ruħi. Qiegħda nara li, f’kull aspett, din l-opra ma niflaħx għaliha. Jiena tarbija żgħira quddiem il-kobor ta’ din l-opra, u huwa biss il-kmand ċar tal-Mulej li jġgħelni nibda nara x’ser nagħmel biex inwettaqha. Min naħa l-oħra, dawn il-grazzji kbar ukoll huma toqol għalija u jiena bilkemm nista’ niflaħ għalihom. Qiegħda nara s-superjuri tiegħi ma jemmnux u juru dubji ta’ kull tip, u minħabba f’hekk, il-mod kif huma jġibu ruħhom miegħi hu mimli biża’. Ġesu’ tiegħi, qiegħda nara li dawn il-grazzji kbar ukoll jistgħu jkunu (kawża ta’) tbatija. Imma, hekk hu; mhux biss jistgħu jkunu kawża ta’ tbatija, imma għandhom ikunu, bħala sinjal tal-ħidma ta’ Alla. Jiena qiegħda nifhem tajjeb li li kieku Alla nnifsu ma kienx isaħħaħ lir-ruħ f’dawn id-diversi provi, ir-ruħ ma kenitx tkun kapaċi li tirbaħ f’din is-sitwazzjoni. Hekk Alla nnifsu hu t-tarka tagħha.

 

Filwaqt li komplejt il-Vespri, nimmedita fuq din it-taħlita ta’ tbatija u grazzja, smajt il-vuċi tal-Madonna: Kun af, binti, li għalkemm jiena ġejt mgħollija għad-dinjita’ ta’ Omm Alla, seba’ sjuf ta’ uġigħ nifduli lil qalbi. Tagħmel xejn biex tħares lilek innfisek; issaporti kollox bl-umilta’; Alla nnifsu jħarsek.

 

 

1 ta’ Diċembru (1936). Irtir ta’ ġurnata.

 

787.                 Illum, waqt il-meditazzjoni ta’ filgħodu, il-Mulej ħallieni nara u nifhem ċar li t-talbiet Tiegħu ma jinbidlux. Jiena qiegħda nara ċar li ħadd ma jista’ jeħlisni mid-dmir li nagħmel ir-rieda magħrufa ta’ Alla. Nuqqas kbir ta’ saħħa fiżika mhux raġuni biżżejjed u ma jeħlisnix minn dan ix-xogħol li l-Mulej innifsu qed iwettaq permezz tiegħi. Jiena għandi nkun biss strument f’idejh. U għalhekk, O Mulej, hawn jiena sabiex inwettaq ir-rieda Tiegħek. Ikkmandani kont il-pjan etern u x-xewqat Tiegħek. Agħtini biss il-grazzja sabiex inkun dejjem iżjed fidila lejk.

 

 

788.                 Filwaqt li kont qiegħda nitkellem ma’Alla moħbi, Huwa tani li nara u nifhem li m’għandix noqgħod naħseb daqstant u nimtela’ bil-biża’ dwar diffikultajiet li forsi kelli niltaqa’ magħhom. Kun af li Jiena qiegħed miegħek; Jiena nġib id-diffikultajiet, u nirbaħhom; f’waqt wieħed. Jiena nista’ nbiddel dispożizzjoni ostili għal waħda li tkun favur din il-kawża. Il-Mulej fissirli ħafna affarijiet fid-djalogu li kellna llum, għalkemm minix inpoġġi kollox bil-miktub.

 

 

789.                 Dejjem u f’kull ċirkostanza, ħalli l-ewwel post lil ħaddieħor; l-aktar waqt ir-rikreazzjoni noqgħod nisma’ fil-kwiet, mingħajr ma ninterrompi, ukoll jekk xi ħadd jgħidli l-istess ħaġa għaxar darbiet. Qatt ma nagħmel mistoqsijiet dwar xi ħaġa li tinteressani ħafna.

 

 

790.                 Riżoluzzjoni: għadha l-istess; jiġifieri, li ningħaqad ma’ Kristu Ħanin.

 

 

Riżoluzzjoni ġenerali: kalma interna, skiet.

 

791.                 Aħbini, Ġesu’, fil-fond tal-ħniena Tiegħek, u mbagħad ħalli l-proxxmu tiegħi jiġġudikani kif irid.

 

 

792.                 M’għandi qatt nitkellem dwar l-esperjenzi tiegħi. Fit-tbatija, għandi nfittex serħan fit-talb. Fid-dubji, ukoll fl-iċken wieħed, għandi nfittex biss il-parir tal-konfessur tiegħi. Irrid li qalbi tkun dejjem miftuħa sabiex tilqa’ t-tbatijiet tal-oħrajn, u ngħarraq it-tbatijiet tiegħi stess fil-Qalb Divina sabiex ħadd ma jinduna bihom minn barra, sakemm hu possibli.

 

Irrid dejjem nipprova nżomm il-bilanċ u l-kalma, ikunu kemm ikunu mqallbin iċ-ċirkostanzi. M’għandi nħalli xejn iqalleb il-kalma u s-skiet intern tiegħi. Xejn ma jista’ jħabbatha mal-paċi fir-ruħ. Meta jakkużawni b’xi ħaġa li ma nkunx ħatja tagħha, ma nispjegax lili nnifsi; jekk is-Superjura tkun trid issir taf il-verita’, jekk kellix raġun jew le, inħalliha ssir taf mingħand l-oħrajn iktar milli mingħandi. Jiena naħseb biss biex naċċetta kollox b’dispożizzjoni interna li tkun umli.

 

Dan l-Avvent ngħaddih skont id-direttivi mogħtija minn Omm Alla: fil-manswetudni u fl-umilta’.

 

 

793.                 Qiegħda nerġa’ ngħix dawn il-mumenti flimkien mal-Madonna. Qiegħda nistenna b’xenqa kbira l-wasla tal-Mulej. Ix-xewqat tiegħi huma kbar. Jiena nixtieq li l-umanita’ kollha ssir taf lill-Mulej. Nixtieq inħejji n-nazzjonijiet kollha għall-miġja tal-Verb Inkarnat. O Ġesu’, agħmel li l-għajn tal-ħniena Tiegħek tfawwar b’abbundanza ikbar, għax l-umanita’ hi marida serjament u għalhekk għandha iktar bżonn mis-soltu tal-kumpassjoni Tiegħek. Inti baħar bla qiegħ ta’ ħniena għalina l-midinbin; u iktar ma hi kbira l-miżerja, iktar għandna jedd fuq il-ħniena Tiegħek. Inti għajn li tagħmel il-ħlejjaq kollha kuntenti permezz tal-ħniena nfinita’ Tiegħek.

 

 

794.                 Illum (id-9 ta’ Diċembru 1936), ser nitlaq għal Pradnik, ftit ‘l barra minn Krakovja, għall-kura. Għandi noqgħod hemmhekk tliet xhur. Qiegħda niġi mibgħuta hemmhekk bil-premura kbira tas-superjuri tiegħi, speċjalment il-Madre Ġenerali għażiża tagħna (Michael), li tant tieħu ħsieb lis-sorijiet li jkunu morda.

 

 

795.                 Jiena aċċettajt il-favur li għamluli li jagħtuni din il-kura, imma ninsab rassenjata bis-sħiħ mar-rieda ta’ Alla. Inħalli f’idejn Alla li jagħmel bija dak li jogħġbu. Ma nixtieq xejn ħlief li nwettaq ir-rieda qaddisa Tiegħu. Qiegħda ningħaqad ma’ Omm Alla, tielqa minn Nażaret u sejra Betlem. Ser inqatta’ l-Milied hemmhekk fost nies li ma nafhomx, imma flimkien ma’ Ġesu’, Marija u Ġużeppi, għax dik hi r-rieda ta’ Alla. Qiegħda nipprova nagħmel ir-rieda ta' Alla f’kollox. Ma nixtieqx li nerġa’ nirpilja saħħti iktar milli nixtieq il-mewt. Nafda lili nnifsi kompletament fil-ħniena nfinita’ Tiegħu u, bħal tifla żgħira, qiegħda ngħix fl-ikbar paċi. Qiegħda nipprova biss nagħmel li mħabbti għalih issir iktar profonda u safja, li l-ħarsa divina Tiegħu tkun tista’ titpaxxa bija. . .

 

 

796.                 Il-Mulej qalli ngħid din il-kurunella għal disat ijiem qabel il-Festa tal-Ħniena. Għandha tibda fil-Ġimgħa l-Kbira. Permezz ta’ din in-novena, Jiena nagħti kull grazzja possibli lill-erwieħ.

 

 

797.                 Meta għelbitni xi ftit il-biża’ li kelli noqgħod barra mill-komunita’ waħdi għal tant żmien, Ġesu’ qalli, Ma tkunx waħdek, għax Jiena miegħek dejjem u kullimkien. Fejn Qalbi, tibża’ minn xejn. Jiena stess il-kawża tat-tluq tiegħek. Kun af li għajnejja jsegwu kull mossa ta’ qalbek b’attenzjoni kbira. Qiegħed nwarrbek mill-oħrajn sabiex Jiena stess inkun nista’ niffurmalek qalbek skont il-pjanijiet Tiegħi għall-futur. Minn xiex qiegħda tibża? Jekk inti qiegħda Miegħi, min ser jissogra jmissek? Xorta waħda, Jiena nieħu gost li inti qiegħda tafdali f’idejja l-biżgħat tiegħek, binti. Kellimni fuq kollox b’mod kompletament sempliċi u uman; b’dan il-mod inti tagħtini ferħ kbir. Jiena nifhmek għax Jiena Alla- Bniedem. Din il-lingwa sempliċi ta’ qalbek togħġobni iktar mill-innijiet li ġew miktuba ad unur Tiegħi. Kun af, binti, li iktar ma jkun sempliċi l-kliem tiegħek, iktar inti tiġbidni lejk. U issa, ibqa’ fil-paċi qrib ta’ Qalbi. Itlaq il-pinna minn idejk u lesti biex titlaq.

 

 

798.                 9 ta’ Diċembru 1936. Dalgħodu tlaqt għal Pradnik. Swor Chrysostom saqitni sa hawnhekk. Għandi kamra privata għalija; qisni Karmelitana. X’ħin telqet Swor Chrysostom u sibt ruħi waħdi, intlift fit-talb u afdajt lili nnifsi fil-ħarsien speċjali ta’ Omm Alla. Hi biss dejjem miegħi. Hi, ta’ Omm twajba li Hi, tħarisni fil-provi  u fl-isforzi tiegħi kollha.

 

 

799.                 F’daqqa waħda, rajt lill-Mulej Ġesu’, li qalli, Kun fil-paċi, binti. Ara, m’intix waħdek. Qalbi qiegħda tħarsek. Ġesu’ mlieni bis-saħħa li għandi bżonn dwar ċerta persuna. Inħoss is-saħħa ġewwa ruħi.

 

 

Prinċipji morali.

 

800.                 Jekk wieħed ma jkunx jaf x’inhu l-aħjar, wieħed għandu jieqaf jaħseb, jikkonsidra l-ħaġa u jfittex parir, għax wieħed m’għandux jaġixxi b’kuxjenza mimlija dubji. Meta ma tkunx ċerta minnek innifsek, għid lilek innifsek: “Nagħmel x’nagħmel ikun sewwa. Għandi l-intenzjoni li nagħmel is-sewwa.” Il-Mulej Alla jaċċetta dak li aħna nikkonsidrawh li hu tajjeb u l-Mulej Alla jaċċettah ukoll u jikkonsidrah li hu tajjeb. Wieħed m’għandux jinkwieta jekk, wara xi żmien, jara li dawn l-affarijiet mhumiex sewwa. Alla jħares lejn l-intenzjoni li nibdew biha, u jippremjana skont din il-ħaġa. Dan huwa prinċipju li għandna nimxu fuqu.

 

 

801.                 Illum, xorta waħda rrnexxieli nagħmel viżta żgħira lill-Mulej (fl-Ewkaristija) qabel ma dħalt fis-sodda. L-ispirtu tiegħi kien mitluf fih bħallikieku fl-uniku teżor li għandu. Qalbi strieħet għal ftit qrib il-Qalb tal-Għarus tiegħi. Irċevejt dawl kif kelli nġib ruħi ma’ dawk ta’ madwari, u mbagħad erġajt lura għas-solitudni tiegħi. It-tabib qiegħed jieħu ħsiebi sewwa; dawk kollha ta’ madwari qalbhom tajba ħafna miegħi.

 

 

802.                 10 ta’ Diċembru (1936). Illum qomt iktar kmieni u għamilt il-meditazzjoni tiegħi qabel il-Quddiesa. Hawnhekk il-Quddiesa hi fis-sitta. Wara t-Tqarbin, l-ispirtu tiegħi ntilef fil-Mulej bħallikieku fl-uniku oġġett ta’ mħabbtu. Ħassejtni miġbuda mis-setgħa Tiegħu bla tarf, u ntlift fiha. X’ħin mort lura fil-kamra privata tiegħi, ħassejtni marida u kelli nimtedd mill-ewwel. Is-soru (nota150) ġabitli xi mediċina, imma ħassejtni marida l-ġurnata kollha. Filgħaxija, ippruvajt nagħmel Siegħa Adorazzjoni, imma ma stajtx; kulma stajt nagħmel kien li ningħaqad ma’ Ġesu’ fit-tbatija.

 

 

803.                 Il-kamra tiegħi tinsab maġenb is-sala tal-irġiel. Ma kontx naf kemm ipaċpċu l-irġiel! Minn filgħodu sa tard billejl, ikunu jitkellmu fuq diversi suġġetti. Is-sala tan-nisa hi ħafna iktar kwieta. Dejjem jagħtu t-tort lin-nisa f’din il-ħaġa, imma jiena kelli okkażjoni nikkonvinċi ruħi li l-oppost hi l-verita’. Hija ħaġa diffiċli ħafna għalija li nikkonċentra fuq it-talb tiegħi f’nofs dak iċ-ċajt u daħk kollu. Ma jtellfunix meta l-grazzja ta’ Alla taħkimni kompletament, għax imbagħad ma nkunx naf x’inhu jiġri madwari.

 

 

804.                 Ġesu’ tiegħi, kemm jitkellmu ftit fuqek dawn in-nies. Jitkellmu fuq kollox ħlief fuqek, Ġesu’. U jekk jitkellmu daqshekk ftit (fuqek), wisq probabbli li ma jaħsbu xejn fuqek. Id-dinja kollha tinteressahom; imma fuqek, il-Ħallieq tagħhom, iżommu s-skiet. Ġesu’, insewwed qalbi nara din l-indifferenza hekk kbira u l-ingratitudni tal-ħlejjaq. O Ġesu’ tiegħi, irrid inħobbok għalihom u npattilek permezz ta’ mħabbti.

 

 

Il-Kunċizzjoni Immakulata tal-Omm ta’ Alla.

 

805.                 Minn kmieni filgħodu, ħassejt li kienet tinsab fil-qrib il-Verġni Mbierka. Waqt il-Quddiesa, rajtha, hekk sabiħa li m’għandix kliem biex nesprimi wkoll biċċa żgħira minn din is-sbuħija. Kienet liebsa kollha kemm Hi bl-abjad, b’faxxa kaħla ma’qaddha. Il-mantell tagħha wkoll kien ikħal, u fuq rasha kellha kuruna. Dawl meraviljuż kien ħiereġ minn figuritha kollha. Jiena s-Sultana tas-Sema u tal-art, imma b’mod speċjali jiena l-Omm tal-(Kongregazzjoni) tiegħek. Għafsitni ma’qalbha u qalet, Inħoss kompassjoni għalik il-ħin kollu. Ħassejt il-qawwa tal-Qalb Immakulata tagħha li ġiet ikkomunikata għal ġewwa ruħi. Issa nista’ nifhem għaliex ili nħejji ruħi għal din il-festa għal xahrejn u ili nistennieha b’xenqa hekk kbira. Mil-lum ‘il quddiem, ser nipprova jkolli l-akbar safa f’ruħi, sabiex ir-raġġi tal-grazzja ta’ Alla jistgħu jiġu riflessi fid-dija kollha tagħhom. Kemm nixtieq inkun kristall biex inkun ningħoġob f’għajnejh.

 

 

806.                 + F’dik l-istess ġurnata, rajt ċertu saċerdot (probabilment Dun Sopocko jew Patri Andrasz) imdawwar bid-dawl li kien ħiereġ minnha (mill-Madonna); kienet ħaġa ċara, din ir-ruħ tħobbha lill-Immakulata.

 

 

807.                 Xenqa mhux tas-soltu qiegħda timlieli ruħi. Nibqa’ mistagħġba li mhix qiegħdha tifridli ruħi minn ġismi. Jiena nixxennaq għal Alla; irrid nintilef fih. Qiegħda nifhem li ninsab f’eżilju terribbli; ruħi tixxennaq għal Alla b’saħħitha kollha. O intom li qedgħin tgħammru fil-pajjiż tiegħi, ftakru f’dan l-eżilju! Meta ser jitneħħew il-velijiet għalija wkoll? Għalkemm qiegħda nara u nħoss sa ċertu punt kemm hu rqiq il-velu li hemm jifridni mill-Mulej; jiena nixtieq li narah wiċċ imb’wiċċ; imma jalla kollox iseħħ skont ir-rieda Tiegħek.

 

 

808.                 11 ta’ Diċembru. Ma stajtx inkun preżenti għall-Quddiesa kollha llum; kont hemm fl-iktar partijiet importanti biss, u wara li tqarbint mort lura mill-ewwel fis-solitudni tiegħi. Il-preżenza ta’ Alla f’daqqa waħda daret madwari, u fl-istess waqt ħassejt il-Passjoni tal-Mulej, għal żmien qasir ħafna. Waqt dak il-mument, ksibt għarfien aktar profond tal-opra tal-ħniena.

 

 

809.                 Matul il-lejl, ġejt imqajma f’daqqa waħda u kont naf li xi ruħ kienet qiegħda titlobni nitlob għaliha, u li kellha bżonn ħafna talb. Bi ftit kliem, imma b’ruħi kollha, tlabt il-Mulej grazzja għaliha.

 

 

810.                 L-għada wara nofs inhar, x’ħin dħalt fis-sala, rajt lil xi ħadd qiegħed imut, u sirt naf li l-agunija kienet bdiet matul il-lejl. X’ħin ivverifikajt – kien l-istess ħin li fih kont ġejt mitluba nitlob. U preċiż dak il-ħin, smajt vuċi ġewwa ruħi: Għid il-kurunella li għallimtek. Mort niġri nġib il-kuruna tar-Rużarju, inżilt għarkobbtejja fejn il-persuna li kienet qiegħda tmut u, bil-ħerqa kollha ta’ ruħi, bdejt ngħid il-kurunella. F’daqqa waħda l-persuna moribonda fetħet għajnejha u ħarset lejja; ma rnexxilix nispiċċa l-kurunella kollha qabel mietet, f’paċi staordinarja. Bil-ħerqa kollha jiena talbt lill-Mulej iwettaq il-wegħda li Hu kien tani għat-talba tal-kurunella. Il-Mulej tani x’nifhem li r-ruħ kienet qalgħet il-grazzja li Hu kien wegħedni. Dik kienet l-ewwel ruħ li rċeviet il-benefiċċju tal-wegħda tal-Mulej. Stajt inħoss il-qawwa tal-ħniena madwar dik ir-ruħ.

 

 

811.                 X’ħin dħalt fis-solitudni tiegħi, smajt dan il-kliem: Fis-siegħa tal-mewt tagħhom, Jiena nħares bħala l-glorja Tiegħi stess, lil ruħ li tgħid din il-kurunella; jew meta nies oħrajn jgħiduha għal wieħed li qed imut, l-indulġenza hi l-istess. Meta tingħad din il-kurunella fejn is-sodda ta’ persuna qiegħda tmut, il-korla ta’ Alla tittaffa, ħniena bla qies iddawwar ir-ruħ, u l-fond tal-ħniena tenera Tiegħi jiċċaqlaq minħabba l-Passjoni ħarxa ta’ Ibni.

 

O li kieku kulħadd jintebaħ kemm hi kbira l-ħniena tal-Mulej u kemm ilkoll kemm aħna għandna bżonn ta’ dik il-ħniena, l-aktar f’dik is-siegħa kruċjali!

 

 

812.                 + Illum tqabadt mal-ispirti tad-dlamijiet minħabba ruħ waħda. Kemm hi terribbli l-mibgħeda ta’ Satana għall-ħniena ta’ Alla! Jiena qiegħda nara kif hu jeħodha kontra din l-opra kollha kemm hi.

 

 

813.                 + O Ġesu’ ħanin, imdendel mas-Salib, ftakar fina f’ħin mewtna. O Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’, miftuħa b’lanza, agħtini l-kenn Fik fl-aħħar waqt ta’ ħajti. O Demm u Ilma li ħriġtu mill-Qalb ta’ Ġesu’ bħala għajn ta’ ħniena bla tarf għalija fis-siegħa ta’ mewti; O Ġesu’ li qed tmut bħala rahan ta’ ħniena, warrab minni l-korla ta’ Alla fis-siegħa ta’ mewti.

 

 

814.                 + 12 ta’ Diċembru (1936). Illum, tqarbint biss u bqajt ftit waqtiet mill-Quddiesa. Saħħti kollha tinsab fik, O Ħobż ħaj. Ikun diffiċli għalija ngħix il-ġurnata li kieku ma nitqarbinx. It-tqarbina hi t-tarka tiegħi; mingħajrek, Ġesu’, ma nafx kif naqbad ngħix.

 

 

815.                 Ġesu’, Imħabbti, illum tani x’nifhem kemm iħobbni, għalkemm hemm distanza hekk kbira bejnietna, il-Ħallieq u l-ħlejqa; u xorta waħda, b’xi mod, hemm bħallikieku ugwaljanza: l-imħabba timla l-vojt. Hu nnifsu jinżel sa ħdejja u jagħmilni kapaċi nikkomunika miegħu. Jiena nintilef fih. Bħallikieku ninsa lili nnifsi; u madankollu, taħt il-ħarsa Tiegħu mimlija mħabba, ruħi takkwista s-saħħa u l-qawwa u ssir taf li hi tħobb u hi maħbuba b’mod speċjali. Taf li l-Omnipotenti jħarisha. Talb bħal dan, għalkemm qasir, jagħmel ħafna ġid lir-ruħ, u sigħat sħaħ ta’ talb komuni ma jagħtix lir-ruħ dak id-dawl li jingħatalha b’waqt qasir ta’ din il-forma ogħla ta’ talb. 

 

 

816.                 + Illum wara nofs inhar, stajt nistrieħ għall-ewwel darba għall-arja ta’ barra (fuq il-veranda tas-sanatorjum għax-xemx). Swor Felicia (nota151) ġiet iżżurni llum u ġabitli xi ftit affarijiet li kelli bżonn u xi tuffieħ sabiħ u tislijiet mingħand il-maħbuba Madre Superjura tagħna u s-sorijiet għeżież.

 

 

13 ta’ Diċembru (1936), Qrara quddiem Ġesu’.

 

817.                 X’ħin qgħadt naħseb li ma kontx qerrejt għal iktar minn tlett ġimgħat, bdejt nibki x’ħin rajt l-istat tad-dnub li kienet tinsab fih ruħi u ċerti diffikultajiet. Ma kontx mort inqerr għax iċ-ċirkostanzi għamluhieli impossibli. Dak inhar tal-qrar, kelli noqgħod fis-sodda. Il-ġimgħa ta’ wara, il-qrar kien wara nofs inhar, u kont tlaqt għall-isptar dak inhar filgħodu. Illum wara nofs inhar, Patri Andrasz daħal fil-kamra tiegħi u poġġa bilqiegħda biex jisma’ l-qrara tiegħi. Qabel (il-qrara), ma għedna l-ebda kelma. Jiena kont ferħana ħafna għax kont anzjuża sabiex inqerr. Bħas-soltu, kxift ruħi kollha. Is-saċerdot wieġeb għall-iċken dettall. Ħassejtni ferħana iktar mis-soltu li stajt ngħid kollox bħalma għamilt. Bħala penitenza tani l-Litanija tal-Isem Imqaddes ta’ Ġesu’. X’ħin ridt ngħidlu bid-diffikulta’ li kelli biex ngħid din il-Litanija, qam u beda jagħtini l-assoluzzjoni. F’daqqa waħda, persuntu mtliet b’dawl kbir, u rajt li ma kienx Patri A. imma Ġesu’. Ilbiesu kien abjad bħas-silġ, u għeb fil-pront. Għall-ewwel, ħassejtni daqsxejn skomda, imma wara ftit sensazzjoni ta’ paċi daħlet f’ruħi; u nnotajt il-fatt li Ġesu’ kien sema’ l-qrara bl-istess mod li jagħmlu l-konfessuri; imma xi ħaġa tal-għaġeb ġrat ġewwa qalbi waqt din il-qrara; ma stajtx nifhem għall-ewwel dan x’kien ifisser.

 

 

818.                 16 ta’ Diċembru (1936). Offrejt dan il-jum għar-Russja. Offrejt it-tbatijiet u t-talb kollu tiegħi għal dak il-pajjiż imsejken. Wara t-Tqarbin, Ġesu’ qalli, Ma nistax nissaporti iżjed dak il-pajjiż. Torbotlix idejja, binti. Jiena fhimt li, li kieku ma kienx it-talb tal-erwieħ li jogħġbu lil Alla, dak in-nazzjon kollu kien ikun miġjub għax-xejn. O, kemm inbati għal dak in-nazzjon li keċċa lil Alla ‘l barra mill-fruntieri tiegħu!’

 

 

819.                 + O għajn li qatt ma tieqaf ta’ Ħniena Divina, ferra’ lilek innifsek fuqna! It-Tjubija Tiegħek hi bla tarf. Ikkonferma, O Mulej, il-qawwa tal-ħniena Tiegħek fuq l-abbiss tal-miżerja tiegħi, għax Inti m’għandek l-ebda limitu għall-atti tal-ħniena Tiegħek. Tal-għaġeb u m’hawnx bħalha l-ħniena Tiegħek, tgħaġġeb l-imħuħ tal-bnedmin u tal-anġli.

 

 

820.                 L-Anġlu Kustodju tiegħi qalli nitlob għal ċerta ruħ, u filgħodu sirt naf li dan kien raġel li l-agunija tiegħu kienet bdiet dak il-ħin stess. Il-Mulej Ġesu’ jgħarrafni b’mod speċjali meta xi ħadd ikun jeħtieġ it-talb tiegħi. B’mod speċjali nkun naf meta ruħ moribonda tkun teħtieġ it-talb tiegħi. Dan qed jiġri iktar ta’ spiss issa milli kien jiġri fil-passat.

 

 

821.                 Il-Mulej  Ġesu’ għarrafni kemm togħġbu tassew dik ir-ruħ li tgħix skont ir-rieda ta’ Alla. Meta tagħmel hekk, hija tagħti glorja kbira ħafna lil Alla . . .

 

 

822.                 Illum jiena fhimt li, ukoll li kieku ma rnexxilix nwettaq xejn minn dak li l-Mulej qiegħed jitlob mingħandi, jiena naf li ser niġi ppremjata bħallikieku wettaqt kollox, għax Hu jara l-intenzjoni li nibda biha, u wkoll li kieku kellu jsejjaħli għal għandu llum, il-ħidma ma kien jiġrilha xejn minħabba dan, għax Hu nnifsu Hu s-Sid tal-ħidma u tal-ħaddiem. Jiena li għandi nagħmel hu li nħobbu bi mħabba tal-ġenn; il-ħidmiet kollha m’huma xejn iktar minn qatra ċkejkna quddiemu. L-imħabba għandha tifsira, qawwa u mertu. Huwa fetaħ orizzonti kbar ġewwa ruħi – l-imħabba tpatti għall-abbissi.

 

 

823.                 17 ta’ Diċembru (1936). Offrejt din il-ġurnata għas-saċerdoti. Batejt iktar illum minn qatt qabel, kemm internament kemm esternament. Qatt ma kont naf li hu possibli tbati daqshekk f’jum wieħed. Ippruvajt nagħmel Siegħa Adorazzjoni, li matulha l-ispirtu tiegħi seta’ jduq l-imrar tal-Ġnien tal-Ġetsemani. Qiegħda nissielet waħdi, inserraħ fuq driegħu, kontra d-diffikultajiet li nsibhom ma’wiċċi bħal ħitan b’saħħithom li ma tistax teħodha kontra tagħhom. Imma jiena nafda fil-qawwa tal-isem Tiegħu u ma nibża’ minn xejn.

 

 

824.                 Kif ninsab maqtugħa għalija waħdi, Ġesu’ nnifsu hu l-Imgħallem tiegħi. Huwa stess jedukani u jgħallimni. Inħossni li jiena l-oġġett tal-ħidma speċjali Tiegħu. Għall-iskopijiet Tiegħu li Hu biss jafhom u għad-digrieti Tiegħu li ħadd ma jista’ jifhimhom, Huwa jgħaqqadni miegħu b’mod speċjali u jħallini nidħol ġewwa l-misteri Tiegħu li ħadd ma jista’ jifhimhom. Hemm misteru wieħed li jgħaqqadni mal-Mulej, li bih ħadd – lanqas l-anġli – ma jista’ jsir jaf. U wkoll li kieku ridt nitkellem fuqu, ma kontx inkun naf kif inpoġġih fil-kliem. U xorta waħda, ngħix bih u ser nibqa’ ngħix bih għal dejjem. Dan il-misteru jagħmilni differenti minn kull ruħ oħra hawn fl-art u fl-eternita’.

 

 

825.                 O jum jiddi u jleqq meta l-ħolm tiegħi kollu għad isir realta’; O jum li jiena nixtiequ b’tant ħerqa, l-aħħar jum ta’ ħajti! Jiena qiegħda nistenna bil-ferħ l-aħħar daqqa tal-pinzell li l-Artist Divin baqagħlu jagħti lil ruħi, li għad jagħtiha sbuħija unika li tagħżilha mis-sbuħija tal-erwieħ l-oħrajn. O jum kbir, meta l-imħabba divina għad tiġi kkonfermata ġewwa fija. F’dak il-jum, għall-ewwel darba, jiena għad inkanta quddiem is-sema u l-art l-għanja tal-ħniena bla tarf tal-Mulej. Dan hu xogħli u l-missjoni li l-Mulej iddestinali sa mill-bidu tad-dinja. Sabiex il-għanja ta’ ruħi tkun togħġob lit-Trinita’ Qaddisa, kun Int, O Spirtu ta’ Alla, li tmexxi u tifformali ruħi Inti stess. Jiena nsaħħaħ lili nnifsi bil-paċenzja u nistenna il-miġja Tiegħek, O Alla ħanin, u għal dak li għandu x’jaqsam mal-uġigħ terribbli u l-biża’ tal-mewt, f’dan il-waqt iktar milli fil-ħinijiet l-oħrajn, jiena nafda fl-abbiss tal-ħniena Tiegħek, u qiegħda nfakkrek, O Ġesu’ ħanin, Salvatur ħelu, fil-wegħdiet kollha li Inti għamiltli.

 

 

826.                 Dalgħodu kelli avventura. Waqafli l-arloġġ, u ma kontx naf  hekk kienx sar il-ħin biex inqum, u għaddieli l-ħsieb xi sfortuna kellha tkun kieku nitlef Tqarbina. Kien għadu d-dlam, għalhekk ma stajtx ninduna jekk kienx sar il-ħin li nqum. Ilbist, għamilt il-meditazzjoni tiegħi u mort fil-kappella, imma kullimkien kien għadu msakkar, u s-skiet kien isaltan kullimkien. Għaddast lili nnifsi fit-talb, speċjalment għall-morda, Jiena issa nista’ nara kemm għandhom bżonn ta’ talb il-morda. Sa fl-aħħar, fetħu l-kappella. Sibtha ħaġa diffiċli li nitlob għax diġa’ kont qiegħda nħossni għajjiena ħafna, u wara t-Tqarbin erġajt lura fil-pront f’kamarti. Imbagħad rajt lill-Mulej, li qalli, Kun af, binti li l-ħeġġa ta’ qalbek togħġobni. U bħalma inti tixtieq b’tant ħerqa li tingħaqad Miegħi fit-Tqarbin Imqaddes, Jiena wkoll nixtieq ningħata kollni kemm Jiena lilek; u bħala premju għaż-żelu tiegħek, strieħ fuq Qalbi. F’dak il-waqt, l-ispirtu tiegħi ntilef fl-Esseri Tiegħu, bħal qatra f’oċejan bla qiegħ. Għeriqt fih bħala l-uniku teżor tiegħi. B’dan il-mod sirt naf li l-Mulej jippermetti ċerti diffikultajiet għall-ikbar glorja Tiegħu.

 

 

827.                 18 ta’ Diċembru(1936). Illum ħassejtni daqsxejn diżżapuntata li kienet għaddiet ġimgħa u ħadd ma kien ġie jżurni. (nota152) Meta lmentajt mal-Mulej, Hu weġibni, Mhux biżżejjed għalik li niġi nżurek Jiena kuljum? Tlabt skuża lill-Mulej u l-weġgħa ma baqgħetx hemm. O Alla, saħħa tiegħi, Inti biżżejjed għalija.

 

 

828.                 Illum filgħaxija, sirt naf li ċerta ruħ kellha bżonn tat-talb tiegħi. Jiena tlabt bil-ħerqa, imma ħassejt li dan kien għadu mhux biżżejjed, għalhekk komplejt nitlob għal żmien itwal. L-għada, sirt naf li l-agunija ta’ ċerta ruħ kienet bdiet f’dak il-ħin preċiż u kienet baqgħet sejra sa filgħodu. Jiena rrealizzajt xi provi kellha ġġarrab. B’mod stramb, il-Mulej Ġesu’ jgħarrafni meta xi ruħ moribonda tkun teħtieġ it-talb tiegħi. Iħoss b’mod ħaj u b’mod ċar dak l-ispirtu li jkun qed jitlob mingħandi t-talb. Ma kontx irrealizzajt kemm huma magħqudin mill-qrib l-erwieħ, u spiss ikun l-Anġlu Kustodju tiegħi li javżani.

 

 

829.                 Waqt il-Quddiesa, iċ-ċkejken Bambin Ġesu’ jferraħ ir-ruħ tiegħi. Spiss, id-distanza ma teżistix – nara ċertu saċerdot li jniżżlu hawn. Qiegħda nistenna l-Milied b’xenqa kbira; qiegħda ngħix fi stennija kbira flimkien mal-Omm l-Iżjed Qaddisa.

 

 

830.                 O Dawl Etern, li tiġi f’din l-art, dawwali moħħi u saħħaħli r-rieda tiegħi sabiex jiena ma naqtax qalbi fi żminijiet ta’ tribulazzjoni kbira. Jalla d-dawl Tiegħek ikeċċi d-dellijiet kollha tad-dubju. Jalla s-setgħa Tiegħek bla tarf taħdem permezz tiegħi. Jiena nafda fik, O Dawl mhux maħluq! Inti, O Bambin Ġesu’, mudell għalija sabiex jiena nwettaq ir-rieda tal-Missier. Inti, li għidt, “Ara, Jiena ġej sabiex nagħmel ir-rieda Tiegħek.” Agħmel li jiena wkoll nagħmel ir-rieda ta’ Alla f’kollox bil-fedelta’ O Bambin Divin, agħtini din il-grazzja.

 

 

831.                 O Ġesu’ tiegħi, ruħi kienet imxennqa għall-jiem ta’ prova imma tħallinix waħdi fid-dalma ta’ ruħi. Pjuttost, żommni fis-sod, qrib Tiegħek. Oqgħod għassa fuq xofftejja sabiex il-fwieħa tat-tbatijiet tiegħi tkun taf biha Inti biss u tkun togħġob lilek biss.

 

 

832.                 O Ġesu’ Ħanin, kemm għaġġilt sal-kamra ta’ Fuq bix-xewqa li kellek sabiex Inti tikkonsagra l-Ostja li jiena għandi nirċievi f’ħajti. Ġesu’, Int xtaqt tiġi tgħammar ġewwa qalbi. Id-Demm ħaj Tiegħek jingħaqad ma’ tiegħi. Min jista’ jifhem din l-għaqda mill-qrib? Qalbi għandha ġewwa fiha l-Omnipotenti, l-Infinit. O Ġesu’, kompli agħtini l-ħajja divina Tiegħek. Ħalli d-Demm safi u nobbli Tiegħek iħabbat b’saħħtu kollha ġewwa qalbi. Jiena nagħtik lili nnifsi, kollni kemm jiena. Ibdilni fik u agħmilni kapaċi nwettaq ir-rieda mqaddsa Tiegħek f’kollox, kapaċi li nħobbok lura. O Għarus ħelu tiegħi, Inti taf li qalbi ma taf lil ħadd ħliefek. Int ftaħt ġewwa qalbi profondita’ ta’ mħabba għalik li qatt ma tista’ tixba. Minn dak l-ewwel waqt meta saret tafek, qalbi ħabbitek u ntilfet fik bħala l-uniku oġġett li għandha. Jalla l-imħabba Tiegħek safja u ta’ setgħa bla tarf, tkun dik il-qawwa li ssuq l-azzjonijiet kollha tiegħi. Minn qatt jista’ jimmaġina u jifhem il-fond ta’ dik il-ħniena li ħarġet tgelgel minn ġo Qalbek?

 

 

833.                 Kelli esperjenza ta’ kemm hawn għira, fil-ħajja reliġjuża wkoll. Nista’ nara li hemm ftit erwieħ li huma veramen kbar, lesti li jirfsu fuq dak kollu li mhux Alla. O ruħ, inti m’inti sejra ssib l-ebda sbuħija jekk mhux f’Alla. O, kemm hi fraġli l-bażi li fuqha jistrieħu dawk li jgħollu lilhom infushom ‘il fuq a spejjeż tal-oħrajn! X’telf!

 

 

834.                 19 ta’ Diċembru (1936). Illum filgħaxija ħassejt f’ruħi li ċerta persuna kellha bżonn it-talb tiegħi. Bdejt nitlob fil-pront. F’daqqa waħda nirrealizza ġewwa fija u nsir naf ta’ min hu l-ispirtu li qed jitlob dan mingħandi; nitlob sakemm inħossni fil-paċi. Hemm għajnuna kbira għall-moribondi f’din il-kurunella. Jiena spiss nitlob għal intenzjoni li sirt naf biha b’mod interjuri. Jiena dejjem nitlob sakemm inħoss ġewwa ruħi li t-talba kellha l-effett mixtieq.

 

 

835.                 L-aktar issa, li ninsab f’dan l-isptar, jiena nħoss ġewwa fija spirtu ta’ għaqda mal-moribondi li jitolbuni t-talb meta tibda l-agunija tagħhom. Alla tani kuntatt tal-għaġeb mal-moribondi! Peress li din il-ħaġa issa ilha tiġri iktar ta’ spiss, jiena stajt nivverifikaha wkoll, is-siegħa preċiża.

 

Illum ġejt imqajma f’daqqa waħda fil-ħdax ta’ billejl u ħassejt ċar il-preżenza maġenbi ta’ xi spirtu li kien qed jitlob it-talb mingħandi. Xi qawwa sempliċiment ġegħelitni nitlob. Il-viżjoni tiegħi hija waħda purament spiritwali, permezz ta’ dawl f’daqqa waħda li Alla jagħtini f’dak il-waqt. Jiena nibqa’  nitlob sakemm inħoss il-paċi f’ruħi, u mhux dejjem għall-istess tul ta’ ħin; għax xi kultant jiġri li b’ “Ave Marija” waħda nkun diġa’ fil-paċi, u mbagħad ngħid id-De Profundis u ma nitlobx iżjed. U xi kultant jiġri li nitlob il-kurunella kollha u mbagħad biss inħossni fil-paċi. Skoprejt ukoll li jekk inħossni mġiegħla nitlob għal żmien itwal – jiġifieri, inħossni mqallba ġewwa fija, ir-ruħ tkun għaddejja minn prova ikbar u minn agunija tal-aħħar li tkun itwal.

 

Ħa ngħidlkom kif ivverifikajt il-ħin preċiż: għandi arloġġ, u nara l-ħin li jkun. L-għada x’ħin jgħiduli li mietet dik il-persuna, nistaqsihom x’ħin kien, u jkun jaqbel mal-ħin preċiż tat-tul tal-agunija tal-aħħar tal-persuna. Jgħiduli, “It-tali persuna mietet illum, imma mietet f’daqqa u fil-paċi.” Xi kultant jiġri li l-moribond ikun jinsab ‘il bogħod fit-tieni jew fit-tielet bini, imma għall-ispirtu, l-ispazju ma jeżistix. Xi kultant jiġri li nkun naf  b’mewta li tkun qed tiġri xi mitt kilometru ‘l bogħod. Dan ġara diversi drabi rigward il-familji tiegħi u nies li jiġu minni u wkoll ħuti s-sorijiet fir-reliġjon, u wkoll xi erwieħ li ma kontx nafhom tul ħajjithom.

 

O Alla ta’ ħniena bla tarf, li tippermettili nserraħ u ngħin lill-moribondi permezz tat-talb fqir tiegħi, tkun imbierek għal elf darba daqskemm hemm kwiekeb fis-sema u qatriet ta’ ilma fl-oċejani kollha! Ħalli l-ħniena Tiegħek tirbomja mal-globu kollu ta’ din l-art, u ħalliha titla’ sa quddiem t-tron Tiegħek u tfaħħar l-ikbar fost l-attributi Tiegħek, jiġifieri, il-ħniena Tiegħek li ħadd ma jista’ jifhimha. O Alla, din il-ħniena bla qies terġa’ ssaħħar mill-ġdid lill-erwieħ kollha qaddisin u lill-ispirti kollha tas-sema. Dawn l-ispirti puri jinsabu mgħaddsa fi stagħġib qaddis filwaqt li jigglorifikaw din il-ħniena ta’ Alla li ħadd ma jista’ jimmaġinaha, li mbagħad terġa’ tqajjem fihom ammirazzjoni ikbar, u t-tifħir tagħhom isir b’mod perfett. O Alla etern, b’liema ħerqa nixtieq nigglorifika din l-ikbar waħda fost l-attributi Tiegħek; jiġifieri, il-ħniena Tiegħek bla tarf. Jiena qiegħda nara ċ-ċokon kollu tiegħi, u ma nistax inxebbaħ lili nnifsi ma’ dawk l-esseri li hemm fis-sema li jfaħħru l-ħniena tal-Mulej b’ammirazzjoni qaddisa. Imma jiena wkoll sibt mezz kif nagħti glorja perfetta lill-ħniena ta’ Alla li ħadd ma jista’ jifhimha.

 

 

836.                 O Ġesu’ l-aktar ħelu, li ndenjajt ruħek tippermetti lili, ħlejqa miżerabbli, li nsir naf x’inhi l-ħniena Tiegħek bla tarf; O Ġesu’ l-iktar ħelu, li ġentilment tlabt mingħandi li jiena nkellem id-dinja kollha dwar il-ħniena Tiegħek li ħadd ma jista’ jifhimha, jiena llum qiegħda nieħu f’idejja żewġ raġġi li joħorġu mill-Qalb  tiegħek ħanina; jiġifieri, id-Demm u l-Ilma; u jiena nxerridhom fuq id-dinja kollha sabiex kull ruħ tkun tista’ tirċievi l-ħniena Tiegħek u, wara li tkun irċevietha, tkun tista’ tigglorifikaha għal dejjem ta’ dejjem. O Ġesu’ l-iktar ħelu, li, fit-tjubija Tiegħek li ħadd ma jista’ jifhem, indenjajt ruħek li tgħaqqad il-qalb miżerabbli tiegħi mal-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek, b’Qalbek stess jiena nigglorifika lil Alla, il-Missier tagħna, bħalma qatt gglorifikatu l-ebda ruħ oħra.

 

 

837.                 21 ta’ Diċembru (1936). Ir-radju dejjem għaddej wara nofs inhar, għalhekk jiena nħoss in-nuqqas tas-skiet. Filgħodu jkun hemm tpaċpiċ u storbju l-ħin kollu. Alla tiegħi, kont qiegħda nistenna tant li nkun fis-skiet, kuntenta li nkun qiegħda nitkellem biss mal-Mulej, u hawnhekk preċiż l-oppost. Imma, issa xejn ma jtellifni, la t-tpaċpiċ lanqas r-radju. F’kelma waħda -  xejn. Bil-grazzja ta’ Alla; x’ħin inkun qiegħda nitlob lanqas biss inkun naf fejn jiena; inkun naf biss li ruħi tkun tinsab maqgħuda mal-Mulej. U b’dan il-mod jiena ngħaddi l-ġranet tiegħi f’dan l-isptar.

 

 

838.                 Jiena nistagħġeb kemm umiljazzjonijiet u tbatijiet dak is-saċerdot kapaċi jaċċetta f’din l-affari kollha. (nota153) Din il-ħaġa naraha f’xi żminijiet partikolari, u nwieżnu bit-talb fqir tiegħi. Alla biss jista’ jagħti lill-persuna kuraġġ bħal dan; li kieku ma kienx hekk, kien jaqta’ qalbu. Imma jiena nista’ nifraħ li dan il-kuntrarju kollu jwassal għall-ikbar glorja ta’ Alla. Il-Mulej ftit għandu erwieħ bħal dawn. O eternita’ infinita’, int għad tikxef l-isforzi tal-erwieħ erojċi, għax din id-dinja tippremja l-isforzi tagħhom b’mibgħeda u ingratitudni. Erwieħ bħal dawn m’għandhomx ħbieb; huma maqtugħin għalihom. U f’din is-solitudni, huma jakkwistaw is-saħħa; is-saħħa tagħhom iġġibuha minn Alla biss. B’umilta’, imma wkoll bil-kuraġġ, huma jibqgħu weqfin fis-sod quddiem il-maltempati kollha li jaħbtu għalihom. Bħal siġar tal-ballut li jibqgħu telgħin ‘il fuq, jibqgħu ma jiċċaqlaqux. U f’din il-ħaġa hemm sigriet wieħed biss: li din is-saħħa huma jġibuha minn Alla, u dak kollu li huma jeħtieġu hu għalihom u għall-oħrajn. Mhux it-toqol tagħhom biss huma jġorru, imma jafu wkoll jieħdu fuqhom infushom it-toqol tal-oħrajn. Huma kapaċi jagħmlu dan. Huma kolonni ta’ dawl fit-toroq ta’ Alla; huma stess jgħixu fid-dawl u jifirxu d-dawl fuq l-oħrajn. Huma stess jgħixu fuq l-għoljiet, u jafu juru it-triq lil dawk li huma iżgħar minnhom u jgħinnuhom jaslu fuq dawk l-għoljiet.

 

 

839.                 + Ġesu’ tiegħi, Inti qed tara li jiena ma nafx nikteb sewwa u, biex tagħqad, lanqas biss m’għandi pinna tajba. Din spiss tant tobrox li jkolli ngħaqqad is-sentenzi flimkien, ittra wara l-oħra. U dan mhux kollox. Għandi wkoll diffikulta’ li nżomm l-affarijiet li nikteb sigrieti mis-sorijiet; għalhekk ta’ spiss ikolli nagħlaq il-pitazz kull ftit minuti u noqgħod bil-paċenzja nisma’ l-istorja ta’ xi ħadd u mbagħad jilħaq jgħaddili l-ħin li kelli biex nikteb. U meta nagħlaq il-pitazz ħabta u sabta, il-linka tibda ċċallas. Jiena nikteb bil-permess tas-superjuri tiegħi u għax ikkmandani l-konfessur tiegħi. Ħaġa stramba: xi kultant ix-xogħol tal-kitba jmur sewwa, imma xi drabi oħra, bilkemm inkun nista’ naqrah jiena stess.

 

 

840.                 23 ta’ Diċembru (1936). Qiegħda nqatta’ dan iż-żmien ma’ Omm Alla u nħejji ruħi għall-waqt solenni tal-miġja tal-Mulej Ġesu’. Omm Alla qiegħda tgħallimni dwar il-ħajja interjuri tar-ruħ flimkien ma’ Ġesu’, l-aktar fit-Tqarbin Imqaddes. Fl-eternita’ biss għad insiru nafu l-misteru kbir li jitwettaq fina waqt it-Tqarbin. O mumenti mill-iżjed prezzjużi ta’ ħajti!

 

 

841.                 O Ħallieq tiegħi, jiena nixxennaq għalik. Inti tifhimni, O Mulejja! Dak kollu li hu ta’ din id-dinja f’għajnejja jidher qisu dell fjakk. Huwa għalik li jiena nixxennaq. Għalkemm Inti  tagħmel daqstant għalija li jiena ma nafx kif nista’ nfisser bil-kliem, għax Inti stess tiġi żżurni b’mod speċjali, imma xorta waħda dawk iż-żjajjar ma jtaffux l-uġigħ tal-ferita’ tal-qalb, imma jġegħluni nixxennaq għalik iżjed u iżjed, O Mulej. Ħudni miegħek, O Mulej, jekk din hi r-rieda Tiegħek! Inti taf li jiena qiegħda mmut, u qiegħda mmut bix-xewqa li għandi għalik; imma xorta waħda, ma nistax immut. Mewt, fejn inti? Inti tiġbidni fl-abbiss tad-divinita’ Tiegħek, u titgħatta bid-dlam. L-esseri kollu tiegħi jintilef fik, imma xorta waħda nixtieq narak wiċċ imb’wiċċ. Meta ser iseħħ dan għalija?

 

 

842.                 Swor Chrysostom (nota154) ġiet iżżurni llum. Ġabet magħha xi lumi u tuffieħ u siġra ċkejkna tal-Milied. Fraħt ħafna bihom. Permezz ta’ Swor Chrysostom il-Madre Superjura talbet lit-tabib (Adam Silberg) jħallini niġi d-dar għall-Milied, u hu fil-pront qal iva. Jiena kont ferħana ħafna u nfqajt nibki bħal tarbija żgħira. Swor Chrysostom stagħġbet li kont ninsab hekk ħażin u li kont inbdilt, u qaltli: “Int taf, Fawstina ċkejkna, aktarx ser tmut. Żgur qiegħda tbati ħafna, Sor.” Jiena weġibt li dak inhar kont qiegħda nbati ħafna iktar milli fi ġranet oħra, imma dan kollu ma jimporta xejn u li dan ma kienx ħafna, għas-salvazzjoni tal-ewrieħ. O Ġesu’ ħanin, agħtini l-erwieħ tal-midinbin!

 

 

843.                 24 ta’ Diċembru (1936). Waqt il-Quddiesa llum, kont maqgħuda b’mod partikolari ma’ Alla u l-Omm Immakulata Tiegħu. L-umilta’ u l-imħabba tal-Verġni Immakulata nifduli ruħi. Iktar ma nimita’ lil Omm Alla, iktar insir naf lil Alla b’mod profond. O, liema xenqa infinita’ hemm madwar ruħi! Ġesu’, kif tista’ tibqa’ tħallini f’dan l-eżilju? Qiegħda mmut bix-xewqa li għandi għalik. Kull darba li inti tmissli ruħi, int tferini immensament. L-imħabba u t-tbatija jmorru flimkien; imma xorta waħda ma nibdilx dan l-uġigħ ikkawżat minnek mal-ebda teżor, għax dan hu l-uġigħ ta’ pjaċiri li ħadd ma jista’ jifhimhom, u id mimlija mħabba qiegħda tikkawżali dawn il-feriti tar-ruħ.

 

 

844.                 Swor C, (nota155) ġiet wara nofs inhar u ħaditni d-dar għall-ġranet tal-festa. Kont ferħana li rġajt sibt ruħi mal-komunita’. Filwaqt li konna għaddejjin mill-belt (Krakovja), immaġinajt li kienet il-belt ta’ Betlem. Filwaqt li qgħadt nosserva n-nies għaddejjin jgħaġġlu, ħsibt bejni u bejn ruħi: min qiegħed jimmedita llum, fil-ġabra u fis-skiet, fuq dan il-misteru li ħadd ma jista’ jifhmu? O Verġni safja, inti qiegħda tivvjaġġa llum, u jiena wkoll qiegħda nagħmlu dan. Jiena nħoss li l-vjaġġ tal-lum għandu s-simboliżmu tiegħu. O Verġni tiddi bid-dawl, safja bħall-kristall, mitlufa kollok kemm inti f’Alla, jiena noffrilek il-ħajja spiritwali tiegħi; irranġa kollox sabiex ikun jogħġob lil Ibnek. O Omm tiegħi, kemm nixtieq li inti tagħtini f’idejja lill-Bambin Ġesu’ waqt il-Quddiesa ta’ nofs il-lejl. U ħassejtha qawwija l-preżenza ħajja ta’ Alla fil-fond ta’ruħi, li kien biss bi sforz qawwi tar-rieda tiegħi li rnexxieli nżomm moħbi ġewwa fija l-ferħ tiegħi sabiex ma nurix minn barra x’kien għaddej ġewwa ruħi.

 

 

845.                 Qabel l-ikla tal-viġili, dħalt fil-kappella għal mument sabiex naqsam il-wejfer (nota155a) spiritwalment ma’ dawk li huma għeżież għal qalbi. Ippreżentajthom kollha kemm huma, b’isimhom, lil Ġesu’ u tlabtu bil-ħniena grazzji għalihom. Imma dan ma kienx kollox. Afdajt f’idejn il-Mulej dawk kollha li qedgħin jiġu ppersegwitati, dawk li qedgħin ibatu, dawk li għadhom ma jafux Ismu, u l-aktar l-imsejkna midinbin. O Ġesu’ ċkejken, qiegħda nitolbok bil-ħerqa, agħlaqhom kollha kemm huma fl-oċejan tal-ħniena Tiegħek li ħadd ma jista’ jifhimha. O Ġesu’ ħelu u ċkejken, hawn hi qalbi; ħallieha tkun għamara ċkejkna u sħuna għalik. O Majesta’ Infinita’, b’liema ħlewwa Inti rsaqt qrib tagħna. Hawnhekk, m’hawnx biża’ mis-sajjetti ta’ Jaħwe’ l-kbir; hawnhekk, hawn iċ-ċkejken Ġesu’ ħelu. Hawnhekk, l-ebda ruħ ma tibża’, għalkemm il-majesta’ Tiegħek ma naqsitx, imma biss inħbiet. Wara l-ikel ta’ filgħaxija, ħassejtni għajjiena ħafna u kont muġugħa. Kelli nimtedd. Imma bqajt imqajma għassa mal-Omm l-iżjed Qaddisa, nistenna li tasal it-Tarbija ċkejkna.

 

 

846.                 25 ta’ Diċembru (1936). Il-Quddiesa ta’ nofs il-lejl. Waqt il-Quddiesa, il-preżenza ta’ Alla nifditni – kollni kemm jiena. Mument qabel l-Elevazzjoni rajt lil Omm Alla u l-Bambin Ġesu’ u x-xwejjaħ twajjeb (San Ġużepp). L-Omm l-iżjed Qaddisa qaltli dan il-kliem: Binti, Fawstina, ħu dan it-Teżor l-iżjed prezzjuż, u tatni lill-Bambin Ġesu’. X’ħin ħadt lil Ġesu’ f’dirgħajja, ruħi ħasset ferħ kbir li ma nistax insib kliem biex niddeskrivih. Imma, ħaġa stramba, wara ftit Ġesu’ sar tal-biża’ x’ħin tħares lejh, kien kiber u kien qed ibati; u mbagħad id-dehra għebet, u f’daqqa waħda sar il-ħin tat-Tqarbin. X’ħin irċevejt lill-Mulej Ġesu’ fit-Tqarbin Imqaddes, ruħi bdiet tirtogħod taħt l-influwenza tal-preżenza ta’ Alla. L-għada rajt lill-Bambin Divin għal mument qasir waqt l-Elevazzjoni.

 

 

847.                 Fit-tieni jum tal-Festa, Patri Andrasz ġie sabiex iqaddsilna, u waqt il-Quddiesa jiena rġajt rajt liċ-ċkejken Ġesu’. Wara nofs inhar, mort inqerr. Is-Saċerdot ma tanix tweġiba għal xi wħud mill-mistoqsijiet tiegħi dwar din l-opra. Huwa qal, “Meta jgħaddilek, nitkellmu dwarha bi kliem konkret; u issa, ipprova erġa’ hu saħħtek kompletament. Mill-bqija, inti taf xi gwida għandek issegwi u x’direzzjoni għandek tieħu f’dawn l-affarijiet.” Bħala penitenza, is-Saċerdot qalli ngħid il-kurunella li Ġesu’ kien għallimni.

 

 

848.                 Filwaqt li kont qiegħda ngħid il-kurunella, smajt vuċi tgħid, O, kemm grazzji kbar Jiena għad nagħti lil dawk l-erwieħ li jgħidu din il-kurunella; il-profondita’ tal-ħniena tenera Tiegħi titqanqal minħabba dawk li jgħidu din il-kurunella. Ikteb dan il-kliem, binti. Kellem lid-dinja dwar il-ħniena Tiegħi; nixtieq li l-bnedmin kollha jagħrfu l-ħniena Tiegħi bla tarf. Hija sinjal għaż-żminijiet tal-aħħar; warajha għad jiġi l-jum tal-ġustizzja. Sakemm għad hemm iż-żmien, għidilhom jirrikorru għall-għajn tal-ħniena Tiegħi; għidilhom japprofittaw mid-Demm u l-Ilma li ħarġu jgelglu għalihom.

 

O erwieħ tal-bnedmin, fejn ser tistaħbew fil-jum tal-korla ta’ Alla? Stkennu bħalissa fl-għajn tal-ħniena ta’ Alla. X’folla kbira ta’ erwieħ qiegħda nara! Huma qiemu l-Ħniena Divina u għad ikantaw l-innu ta’ tifħir għal dejjem ta’ dejjem.

 

 

849.                 27 ta’ Diċembru. Illum erġajt lura fil-post tas-solitudni tiegħi (il-kamra privata tagħha fis-sanatorjum). Kelli vjaġġ sabiħ ma’ċerta persuna (nota156) li kienet qed tieħu t-tarbija tagħha għall-magħmudija. Wassalnieha sal-Knisja f’Podgorze. (nota157) Sabiex toħroġ mill-vettura tatni t-tarbija f’dirgħajja. X’ħin ħadtha f’idejja, offrejtha, b’talba ħerqana, lil Alla sabiex xi darba hi tkun tista’ tagħtih glorja speċjali. Ħassejt f’ruħi li l-Mulej kien qed iħares b’mod speċjali fuq dik ir-ruħ ċkejkna. X’ħin wasalna fi Pradnik, Swor N. (nota158) għenitni nġorr is-sorra tiegħi. X’ħin dħalna fil-kamra tiegħi, rajna anġlu tal-karti sabiħ bil-kliem, “Glorja fi . . .” Naħseb li kien mingħand is-soru marida li kont bgħattilha s-siġra tal-Milied. (nota159)

 

 

850.                 U b’dan il-mod, il-ġranet tal-festi għaddew. Xejn ma jista’ jwaqqaf ix-xenqa li hemm ġewwa ruħi. Jiena nixxennaq għalik, O Ħallieq tiegħi u Alla etern! La ċelebrazzjonijiet lanqas innijiet sbieħ m’huma ser jikkalmawli ruħi; pjuttost, iġegħluni nixxennaq iżjed u iżjed. Meta biss jitlissen Ismek, l-ispirtu tiegħi jaqbeż sabiex jipprova jilħqek, O Mulej.

 

 

851.                 28 ta’ Diċembru (1936). Illum bdejt novena lill-Ħniena Divina. Jiġifieri, inqiegħed lili nnifsi fl-ispirtu quddiem ix-xbieha u nitlob l-kurunella li l-Mulej għallimni. Fit-tieni jum tan-novena, rajt ix-xbieha, bħallikieku, issir ħajja, iżejnuha kien hemm għadd kbir ta’ lampi votivi u rajt folol kbar ta’ nies ġejjin hemmhekk, u ħafna minnhom kienu mimlijin ferħ. O Ġesu’, b’kemm ferħ kbir bdiet tħabbat qalbi! Jiena qiegħda nagħmel in-novena għall-intenzjoni ta’ tnejn min-nies: jiġifieri, l-Arċisqof (Jalbrykowski) u Dun Sopocko. Jiena qiegħda nitlob bil-ħerqa lill-Mulej sabiex inebbaħ lill-Arċisqof  japprova l-kurunella, li tant togħġob lil Alla, u x-xbieha wkoll, u li ma jibqax iħalli din l-opra fuq l-ixkaffa jew għal iktar tard . . .

 

 

852.                 Illum ħarset il-Mulej għaddiet minn ġo fija f’daqqa waħda bħal berqa. F’daqqa waħda għaraft l-iċken tbajja’ ta’ ħmieġ li hemm ġewwa ruħi, u x’ħin sirt naf il-fond tal-miżerja tiegħi, inżilt għarkobtejja u tlabt maħfra mingħand il-Mulej, u b’fiduċja kbira ntfajt fil-ħniena nfinita’ Tiegħu. Dan l-għarfien ma jdejjaqnix, lanqas ibegħedni mill-Mulej, imma pjuttost iqajjimli f’ruħi mħabba ikbar u fiduċja bla tarf. L-indiema ta’ qalbi hi marbuta mal-imħabba. Dawn il-leħħiet ta’ dawl mingħand il-Mulej jedukawli ruħi. O raġġi ħelwin ta’ Alla, dawluni sal-fond l-iktar sigriet, għax irrid nasal għall-ikbar safa possibli fil-qalb u fir-ruħ.

 

 

853.                 Filgħaxija, xenqa kbira ħakmitli ruħi. Qbadt f’idejja l-librett bix-xbieha ta’ Ġesu’ Ħanin fuqu u għafastu ma’ qalbi, u dan il-kliem ħareġ minn ġo ruħi: “Ġesu’, Imħabba Eterna, jiena ngħix għalik, immut għalik, u rrid ningħaqad miegħek.” F’daqqa waħda rajt lill-Mulej fis-sbuħija Tiegħu li ma tistax tpoġġiha fil-kliem. Hu ħares lejja bil-ħlewwa u qalli, Binti, Jiena wkoll inżilt mis-sema għax inħobbok; Jiena għext għalik, mitt għalik, u ħloqt is-sema għalik. U Ġesu’ għafasni ma’ Qalbu u qalli, Dalwaqt issa; kun fil-paċi, binti. X’ħin sibt ruħi waħdi, ruħi kienet qiegħda taqbad bin-nar bix-xewqa li kelli li nibqa’ nbati sa dak il-waqt meta l-Mulej kellu jgħidli, “Biżżejjed.” U wkoll li kieku kelli ngħix għal eluf ta’ snin, jiena nista’ nara fid-dawl ta’ Alla li dak kollu mhux ħlief waqt wieħed. L-erwieħ . . . (il-ħsieb jieqaf hawn).

 

 

854.                 29 ta’ Diċembru (1936). Illum wara t-Tqarbin, smajt vuċi ġewwa ruħi: Binti, kun lesta, għax għad niġi għal għarrieda. Ġesu’, ma tridx tgħidli s-siegħa li tant qiegħda nistennieha bil-ħerqa? Binti, dan huwa għall-ġid tiegħek. Għad issir tafha, imma mhux issa. Ibqa’ ishar. O Ġesu’, agħmel bija dak li jogħġbok. Jiena naf li Inti s-Salvatur ħanin u m’intix ser tinbidel lejja fis-siegħa tal-mewt tiegħi. Jekk bħalissa Inti qed turini tant imħabba speċjali, u qed tindenja ruħek tingħaqad miegħi b’mod hekk intimu u bi tjubija hekk kbira, nistenna iktar minn hekk fis-siegħa tal-mewt tiegħi. Inti, Mulej – Alla tiegħi, ma tistax tinbidel. Inti dejjem l-istess. Is-Sema jista’ jinbidel, kif ukoll kulma hu maħluq; imma Inti, Mulej, dejjem l-istess u tibqa’ għal dejjem. Mulej, ejja kif jogħġbok u meta jogħġbok. Missier il-ħniena nfinita’, jiena, bintek qiegħda nistenna u nixxennaq għall-miġja Tiegħek. O Ġesu’, Inti għidt fl-Evanġelju Imqaddes, “Minn fommokom stess jiena niġġudikakom.” Insomma, Ġesu’ jiena qiegħda nitkellem fuq il-ħniena Tiegħek li ħadd ma jista’ jimmaġinaha, għalhekk jiena nafdak li tiġġudikani skont il-ħniena Tiegħek bla tarf.

 

 

855.                 30 ta’ Diċembru 1936. Is-sena qiegħda toqrob lejn it-tmiem tagħha. Għażilt illum bħala l-jum tal-irtir ta’ kull xahar. L-ispirtu tiegħi ntilef fil-benefiċċji li Alla tani bix-xaba’ matul din is-sena kollha. Ruħi bdiet tirtogħod x’ħin rat din l-immensita’ tal-grazzji ta’ Alla. Minn ġo ruħi ħareġ innu ta’ radd il-ħajr lill-Mulej. Għal siegħa sħiħa, bqajt mitlufa fl-adorazzjoni u radd il-ħajr, filwaqt li qgħadt nikkontempla, wieħed wieħed, il-benefiċċji li jiena kont irċevejt mingħand Alla u wkoll id-difetti żgħar tiegħi stess. Dak kollu li kien fiha din is-sena mar fl-abbiss tal-eternita’. Xejn ma jintilef. Qiegħda nifraħ li xejn ma jintilef.

 

 

30 ta’ Diċembru (1936). Irtir ta’ ġurnata.

 

856.                 Waqt il-meditazzjoni filgħodu, ħassejt xi ħaġa timbuttani kontra l-ħolqien kollu. Kollox jisfuma fix-xejn quddiem għajnejja; l-ispirtu tiegħi jinsab maqtugħ minn kollox. Jiena nixtieq biss lil Alla nnifsu, imma xorta waħda għad baqagħli ngħix. Dan hu martirju li ma nistax niddeskrivih. Alla jagħti lilu nnifsu lir-ruħ bi mħabba u jiġbidha għal ġol-fond infinit tad-divinita’ Tiegħu, imma fl-istess ħin iħalliha hawnhekk f’din id-dinja għall-iskop waħdieni li tkun tista’ tbati u tmut bix-xewqa li jkollha għalih. U din l-imħabba qawwija tant hi safja li Alla nnifsu jitpaxxa biha; u l-egoiżmu ma jistax jilħaq l-għemejjel tagħha, għax hawn kollox huwa mimli kollu kemm hu bl-imrar, u għalhekk hu kollu kemm hu safi. Il-ħajja hi l-mewta ta’ kuljum, mimlija wġigħ u terribli, u fl-istess ħin hi l-profondita’ ta’ ħajja vera u ta’ ferħ li ħadd ma jista’ jimmaġinah u s-saħħa tar-ruħ; u minħabba dan, (ir-ruħ) tkun kapaċi twettaq għemejjel kbar għall-imħabba ta’ Alla.

 

 

857.                 + Filgħaxija, tlabt għal ftit sigħat, l-ewwel għall-ġenituri tiegħi u għal dawk li jiġu minni, għall-Madre Ġenerali u għall-Kongregazzjoni kollha, għall-istudenti tagħna, u għal tliet saċerdoti (probabilment l-Arċisqof Jalbrzykowski, Dun Sopocko, u Patri Andrasz) li jiena mdejna ħafna magħhom. Mort nimraħ mad-dinja kollha u rringrazzjajt il-ħniena bla tarf ta’ Alla għall-grazzji kollha li Hu jagħti lill-bnedmin, u tlabtu maħfra għal dak kollu li bih ikunu offendewh.

 

 

858.                 Waqt il-Vespri, jiena rajt lill-Mulej Ġesu’, li ħares bil-ħlewwa u fil-fond ġewwa ruħi: Binti, ħu paċenzja; issa dalwaqt wasal iż-żmien. Dik il-ħarsa profonda u dak il-kliem imlieli ruħi bis-saħħa u l-qawwa, kuraġġ u fiduċja starordinarja li jiena kont sejra nwettaq dak kollu li Hu kien qed jitlob mingħandi, minkejja diffikultajiet hekk tremendi, u (mlieni b’) konvinzjoni speċjali li l-Mulej qiegħed miegħi u li flimkien miegħu jiena nkun nista’ nagħmel kollox. Il-qawwiet kollha fl-art u fl-infern huma daqslikieku xejn għalija. Kollox irid iċedi quddiem il-qawwa ta’ Ismu. Jiena qiegħda nafda kollox f’idejk, O Mulej u Alla tiegħi. Kmandant waħdieni ta’ ruħi, mexxini skont ix-xewqat eterni Tiegħek.

 

 

+ Ġ.M.Ġ  Krakovja, Pradnik, 1 ta’ Jannar 1937.

Ġesu’, jiena nafda Fik.

 

859.                 + Illum , f’nofs il-lejl, insellem lis-sena li spiċċat 1936, u nagħti merħba lis-sena 1937. Bil-biża’ u bit-tregħid, f’din l-ewwel siegħa tas-sena, jiena affaċċjajt dan il-perjodu ġdid ta’ żmien. Ġesu’ ħanin, flimkien miegħek jiena mmur b’qalb qawwija u bil-kuraġġ fit-taqbid u fil-battalji. F’ismek, jiena ser inwettaq kollox u nirbaħ kollox. Alla tiegħi, Tjubija infinita’, qiegħda nitolbok, ħalli l-ħniena infinita’ Tiegħek isseħibni dejjem u f’kollox.

 

Filwaqt li nibda din is-sena, qiegħed jegħlibni l-biża’ tal-ħajja, imma Ġesu’ joħroġni minn dan il-biża’ u jgħarrafni xi glorja kbira għad tagħtih din l-opra tal-ħniena.

 

 

860.                 Hemm żminijiet fil-ħajja meta r-ruħ tkun tista’ ssib faraġ biss f’talb profond. Li kieku l-erwieħ kienu jafu kif għandhom jippreservaw fit-talb fi żminijiet bħal dawn. Dan hu mportanti ħafna.

 

 

+

Ġ.M.Ġ  Ġesu’, jiena nafda Fik.

+ Riżoluzzjonijiet għas-sena 1937,

l-ewwel jum, l-ewwel xahar

 

861.                 Eżami partikulari; jibqa’ l-istess; jiġifieri, li ningħaqad ma’ Kristu Ħanin (jiġifieri, x’kien jagħmel Kristu f’każ bħal dan?) u, fl-ispirtu, li ngħannaq id-dinja kollha, speċjalment ir-Russja u Spanja.

 

Riżoluzzjonijiet Ġenerali.

I.                   Osservanza stretta tas-skiet – skiet interjuri.

II.                Li nara x-xbieha ta’ Alla f’kull soru; l-imħabba kollha tal-proxxmu għandha toħroġ minn dan il-għan.

III.              Li nwettaq ir-rieda ta’ Alla bil-fedelta’ f’kull mument ta’ ħajti u li ngħix skont din il-ħaġa.

IV.            Li nagħti rendikont fidil ta’ kollox lid-direttur spiritwali u li ma nibda nagħmel xejn li hu mporanti mingħajr ma nkun ftehmt miegħu b’mod ċar. Nipprova nikxef  b’mod ċar quddiemu l-fond l-iktar sigriet ta’ ruħi, u nżomm f’moħħi li jiena għandi x’naqsam ma’ Alla nnifsu u li r-rappreżentant Tiegħu hu biss persuna umana, u għalhekk irrid nitlob kuljum li jingħatalu d-dawl.

V.               Waqt l-eżami tal-kuxjenza ta’ filgħaxija, irrid nistaqsi lili nnifsi l-mistoqsija: X’jiġri li kieku kellu jsejjaħli llum?

VI.            Ma nfittixx lil Alla ‘l bogħod, imma ġewwa fija stess sabiex ngħix waħdi flimkien miegħu.

VII.         Fit-tbatijiet u fit-turmenti, nistkenn fit-tabernaklu u niskot.

VIII.      Li ngħaqqad it-tbatijiet, talb, ħidmiet u mortifikazzjonijiet kollha mal-merti ta’ Ġesu’ sabiex nakkwista l-ħniena għad-dinja.

IX.            Li nuża waqtiet liberi, qosra kemm huma qosra, fit-talb għall-moribondi.

X.               M’għandu jkun hemm l-ebda jum f’ħajti meta jiena ma nirrikmandax f’idejn il-Mulej l-opri tal-Kongregazzjoni tagħna. Qatt tagħti kas ta’ dak li jaħsbu l-oħrajn fuqek (rispett uman.)

XI.            M’għandux ikollok relazzjonijiet familjari ma’ ħadd. Soda u ġentili mat-tfajliet, b’paċenzja bla tarf; ikkastigahom severament imma b’kastigi bħal dawn: talb u sagrifiċċju. Is-saħħa li tinsab filli jiena niżvojta lili nnifsi minħabba fihom tkun għalihom (għajn ta’) rimors kontinwu u trattab il-qlub iebsin tagħhom.

XII.         Il-preżenza ta’ Alla hija l-bażi tal-ħsibijiet, kliem u għemejjel kollha tiegħi.

XIII.      Napprofitta ruħi minn kull għajnuna spiritwali. Dejjem inpoġġi l-egoiżmu fil-post propju tiegħu – jiġifieri, fl-aħħar post. Li nwettaq l-eżerċizzi spiritwali tiegħi bħallikieku kont qiegħda nagħmilhom għall-aħħar darba f’ħajti, u nwettaq bl-istess mod id-dmirijiet kollha tiegħi.

 

 

862.                 2 ta’ Jannar (1937). L-Isem ta’ Ġesu’. O, kemm hu kbir Ismek, O Mulej! Hu s-saħħa ta’ ruħi. Meta tonqosni saħħti, u d-dlam jimlieli ruħi, Ismek hu x-xemx li r-raġġi tagħha jagħtu d-dawl u s-sħana wkoll, u taħt l-influwenza tagħhom ir-ruħ issir isbaħ u tiddi iktar, filwaqt li hija tieħu d-dija tagħha minn Ismek. X’ħin jiena nisma’ l-isem l-iżjed ħelu ta’ Ġesu’, qalbi tibda tħabbat iktar qawwi, u xi drabi, x’ħin nisma’ l-Isem ta’ Ġesu’, nintilef minn din id-dinja. L-ispirtu tiegħi jixxennaq għalih bil-ħerqa.

 

 

863.                  Dan huwa jum ta’ importanza partikulari għalija. F’dan il-jum jiena għamilt l-ewwel żjara tiegħi li kellha x’taqsam mat-tpinġija tax-xbieha. (nota160) F’dan il-jum il-Ħniena Divina rċeviet qima speċjali esterna għall-ewwel darba, imma hawn kienet fil-forma li l-Mulej kien talabha. Dan il-jum tal-Isem ħelu ta’ Ġesu’ jfakkarni f’ħafna grazzji speċjali.

 

 

864.                 3 ta’ Jannar. Il-Madre Superjura tal-Kongreagazzjoni li sservi dan l-isptar ġiet iżżurni llum, flimkien ma’ waħda mis-sorijiet tagħha. (nota161) Domna nitkellmu fuq affarjiet spiritwali. Jiena għaraft fiha ruħ axxetika kbira, u għalhekk il-konverżazzjoni tagħna kienet togħġob lil Alla.

 

Illum ġiet tarani tfajla. Stajt nara li kienet qiegħda tbati imma mhux daqstant fil-ġisem daqs fir-ruħ. Farraġtha kemm stajt, imma l-kliem tiegħi ta’ konsolazzjoni ma kienx biżżejjed. Kienet orfni msejkna u fqira, ruħha mgħaddsa fl-imrar u fl-uġigħ. Fetħet qalbha miegħi u qaltli kollox. Jiena fhimt li, f’dan il-każ, kliem sempliċi ta’ konsolazzjoni ma kienx ser ikun biżżejjed. Bdejt ninterċedi bil-ħerqa mal-Mulej għal dik ir-ruħ u offrejtlu l-ferħ tiegħi sabiex Hu jagħtihulha u lili jeħodli kull sentiment ta’ ferħ. U l-Mulej sema’ t-talba tiegħi: kien għad baqagħli biss l-konsolazzjoni li hi kienet ġiet imfarrġa.

 

 

865.                 Adorazzjoni. L-ewwel Ħadd tax-xahar. Waqt l-adorazzjoni, tant ħassejtni mbuttata bil-qawwa sabiex nagħmel xi ħaġa li nfqajt nibki u għidt lill-Mulej, “Ġesu’, tqanqalx lili, imma agħti din l-ispirazzjoni lil dawk il-persuni li Int taf li qedgħin iżommu lura din l-opra.” U jiena smajt dan il-kliem: Binti, kun fil-paċi; iż-żmien mhux ‘il bogħod issa.

 

 

866.                 Waqt il-Vespri, smajt dan il-kliem: Binti, Jiena rrid nistrieħ ġewwa qalbek, għax ħafna erwieħ tefgħuni ‘l barra mill-qalb tagħhom illum. Kelli esperjenza ta’ dwejjaq tal-mewt. Ippruvajt infarraġ lill-Mulej, billi noffrilu mħabbti għal elf darba. Ħassejt, ġewwa ruħi, stemrrija qawwija għad-dnub.

 

 

867.                 Qalbi tinsab mgħaddsa fi mrar kontinwu, għax irrid niġi għandek, Mulej, fil-milja tal-ħajja. O Ġesu’, x’deżert tal-waħx tidher f’għajnejja din il-ħajja! F’din l-art m’hemm xejn li jista’ jmantni lil qalbi jew lil ruħi. Jiena qiegħda nbati għax nixxennaq għalik, O Mulej. Int ħallejtli l-Ostja Mqaddsa, O Mulej, imma hija tkebbes ġewwa ruħi mxenqa dejjem iktar għalik, O Ħallieq tiegħi u Alla Etern! Ġesu’, jiena għandi xewqa kbira li ningħaqad miegħek. Indenja ruħek tisma’ t-tnehid tal-maħbuba Tiegħek. O, kemm inbati għax għadni minix kapaċi ningħaqad miegħek. Imma jkun minni skont ix-xewqat Tiegħek.

 

 

868.                 5 ta’ Jannar 1937. Illejla, rajt ċertu saċerdot (probabilment Dun Sopocko) li kellu bżonn it-talb dwar ċerta ħaġa. Jiena tlabt bil-ħerqa għax il-ħaġa hi għażiża ħafna għal qalbi wkoll. Grazzi, Ġesu’, ta’ din it-tjubija.

 

 

869.                 O Ġesu’, ikollok ħniena! Għannaq id-dinja kollha u agħfasni ma’qalbek . . . O Mulej, ħalli lil ruħi tistrieħ fil-baħar tal-ħniena Tiegħek bla tarf.

 

 

870.                 6 ta’ Jannar 1937.  Illum waqt il-Quddiesa, bla ma naf kif sibt ruħi mitlufa fil-majesta’ infinita’ ta’ Alla. L-immensita’ sħiħa tal-imħabba ta’ Alla mlietli ruħi. F’dak il-waqt partikulari, sirt konxja kemm Alla jċekken Lilu nnifsu minħabba fija. Hu, is-Sid tas-Sidien – u jiena x’jiena, ħlejqa miżerabbli bħali, li Int tixtieq tikkomnuika miegħi? L-istagħġib li ħakimni wara din il-grazzja speċjali kompla b’mod ċar ħafna matul il-jum kollu. Approfittajt ruħi mill-intimita’ li l-Mulej kien qiegħed idaħħalni fiha, u interċedejt quddiemu għad-dinja kollha. F’waqtiet bħal dawn, ikolli l-impressjoni lid-dinja kollha tkun qiegħda tiddependi minni.

 

 

871.                 + Mgħallem tiegħi, agħmel li qalbi qatt ma tistenna għajnuna mingħand ħadd, imma jiena dejjem nibqa’ nipprova nwassal għajnuna, konsolazzjoni u kull tip ta’ sokkors lill-oħrajn. Qalbi dejjem miftuħa għat-tbatijiet tal-oħrajn; u jiena minix sejra nagħlaq qalbi għat-tbatijiet tal-oħrajn għalkemm minħabba din il-ħaġa biex jgħadduni biż-żmien qalgħuli l-laqam “miżbla”, (għax) kulħadd iwaddab l-uġigħ tiegħu ġewwa qalbi u jiena, imbagħad għandi post fil-Qalb ta’ Ġesu’. Kummenti dwar il-liġi tal-imħabba mhumiex ser jagħmuli qalbi iżgħar. Ruħi dejjem sensittiva dwar din il-ħaġa u Ġesu’ waħdu hu l-għan għall-imħabba tiegħi tal-proxxmu.

 

 

872.                 7 ta’ Jannar. Waqt is-Siegħa Adorazzjoni, il-Mulej ippermettieli nduq il-Passjoni Tiegħu. Qsamt miegħu fl-imrar tat-tbatija li mlietlu ruħu sakemm faret. Ġesu’ tani x’nifhem kif ir-ruħ għandha tkun fidila lejn it-talb minkejja turmenti, nixfa u tentazzjonijiet; għax ħafna drabi t-twettiq tal-pjanijiet kbar ta’ Alla jiddependi l-aktar fuq talb bħal dan. Jekk ma nipperseverawx f’talb bħal dan, infixklu dak li l-Mulej ried jagħmel permezz tagħna jew ġewwa fina. Kull ruħ għandha tiftakar f’dan il-kliem: “U meta kien imdejjaq għall-mewt, Huwa talab iktar fit-tul.” Jiena dejjem intawwal it-talb bħal dan daqskemm inkun nista’ u daqskemm ikun jaqbel mad-dmir tiegħi mingħajr ma jfixklu.

 

 

873.                 8 ta’ Jannar, Il-Ġimgħa filgħodu, waqt li kont sejra fil-kappella nisma’ l-Quddiesa, f’daqqa waħda rajt siġra kbira ħafna tal-ġnibru fuq il-bankina u fiha kien hemm qattus tal-biża’ li filwaqt li ħares biċ-ċiera lejja ma ħallinix ngħaddi għall-kappella. Meta lissint minn taħt l-ilsien l-isem ta’ Ġesu’ spiċċa dan kollu. Jiena offrejt il-jum kollu għall-midinbin li kienu qedgħin imutu. Waqt il-Quddiesa ħassejt lill-Mulej fil-qrib b’mod speċjali. Wara t-Tqarbin, dawwart ħarist lejn il-Mulej bil-fiduċja u għidtlu, “ Ġesu’, nixtieq ħafna ngħidlek xi ħaġa.” U l-Mulej ħares lejja bi mħabba u qalli, U x’inhi din il-ħaġa li Inti tixtieq tgħidli?

 

“Ġesu’, qiegħda nitolbok, bil-qawwa tal-ħniena Tiegħek li ħadd ma jista’ jimmaġinaha, li l-erwieħ kollha li ser imutu llum jeħilsu min-nar tal-infern, ukoll jekk kienu midinbin kbar. Illum il-jum tal-Ġimgħa, it-tifkira tal-agunija kiefra Tiegħek fuq is-Salib; għax il-ħniena Tiegħek ħadd ma jista’ jimmaġinaha, l-Anġli ma jibqgħux mistagħġbin b’din il-ħaġa.” Ġesu’ għafasni ma’ Qalbu u qalli, Binti l-għażiża, inti sirt taf sewwa l-fond tal-ħniena Tiegħi. Jiena ser nagħmel dak li inti qiegħda titlob, imma inti ingħaqad il-ħin kollu mal-Qalb agonizzanti Tiegħi u agħmel riparazzjoni lill-ġustizzja Tiegħi. Kun af li inti tlabtni ħaġa kbira, imma Jiena nista’ nara li inti dan għamiltu għax tħobbni bi mħabba safja; għalhekk Jiena qed nagħtik dak li Inti tlabtni.

 

 

874.                 Marija, Verġni Immakulata, ħudni taħt il-ħarsien speċjali tiegħek u ħares is-safa ta’ ruħi, qalbi u ġismi. Int il-mudell u l-kewkba ta’ ħajti.

 

 

875.                 Illum għaddejt minn tbatija kbira waqt iż-żjara tas-sorijiet tagħna. Sirt naf  b’xi ħaġa li weġġgħatni ħafna, imma kkontrollajt lili nnifsi sabiex is-sorijiet ma jindunaw b’xejn. Għal xi ħin, l-uġigħ kien qiegħed itertaqli qalbi, imma dan kollu qed iseħħ minħabba l-imsejkna midinbin . . . O Ġesu’, għall-imskejkna midinbin . . . Ġesu’, saħħa tiegħi, oqgħod qrib tiegħi, għinni . . .

 

 

876.                 10 ta’ Jannar 1937. Illum jiena tlabt lill-Mulej jagħtini s-saħħa filgħodu sabiex inkun nista’ mmur nitqarben. Mgħallem tiegħi, qiegħda nitolbok bil-qalb għatxana tiegħi li Inti tagħtini, jekk dan hu skont ir-rieda qaddisa Tiegħek, kwalunkwe tbatija u dgħjufija li Inti jogħġbok tagħtini – jiena rrid inbati l-ħin kollu lejl u nhar – imma jekk jogħġbok, qiegħda nitolbok bil-ħerqa, agħtini s-saħħa għal mument wieħed meta jiena nkun nista’ nitqarben. Inti tista’ tara sewwa, Ġesu’, li hawnhekk ma jiġux iqarbnuhom lill-morda; għalhekk, jekk Inti ma tagħtinix is-saħħa għal dak il-waqt meta jiena nkun nista’ ninżel sal-kappella, kif nista’ nirċevik fil-Misteru tal-Imħabba? U inti taf kemm tixxennaq għalik qalbi. O Għarus ħelu tiegħi, x’jiswew dawn ir-raġunamenti kollha? Inti taf  b’liema ħerqa jiena nixtieqek, u jekk Int tagħżel hekk tista’ tagħmel dan għalija.

 

L-għada filgħodu, ħassejtni bħallikieku f’saħħti għal kollox; l-isturdamenti u nuqqas ta’ saħħa għebu. Imma malli rġajt lura mill-kappella, it-tbatijiet u d-dgħjufija kollha ġew lura fil-pront. Qishom kienu qedgħin jistennewni. Imma ma bżajt minnhom xejn, għax kien qiegħed imantini l-Ħobż tal-Qawwijin. Nista’ nħares lejn kollox bil-kuraġġ; l-istess mewt nista’ nħares lejha wiċċ imb’wiċċ.

 

 

877.                 + O Ġesu’ moħbi fl-Ostja, Mgħallem ħelu u Ħabib fidil, kemm hi xortiha tajba ruħi li għandha Ħabib bħal dan li dejjem iżommli kumpanija. Ma nħossnix waħdi għalkemm ninsab iżolata. Ġesu’ – Ostja, aħna nafu lil xulxin – dan hu biżżejjed għalija.

 

 

878.                 12 ta’ Jannar 1937. Illum meta ġie jarani t-tabib (Adam Silberg) li kien imissu jdur il-morda, hu deher mhux sodisfatt bid-dehra tiegħi. Naturalment, jiena kont qiegħda nbati iżjed, u għalhekk id-deni kien tela’ mhux ħażin. B’riżultat ta’ dan, hu ddeċieda li ma kellix ninżel għat-Tqarbin sakemm id-deni ma jkunx niżel għan-normal. Jiena għidt, “Kollox sew”, għalkemm l-uġigħ kien qiegħed jagħfasli qalbi; imma jiena għidt li mmur biss jekk ma jkollix deni. Hu qabel ma’ dan. X’ħin telaq it-tabib, għidt lill-Mulej; “Ġesu’, issa f’idejk jekk immurx jew le,” u ma rġajtx ħsibt iktar fuq hekk, għalkemm dan il-ħsieb baqa’ jdur ma’ moħħi: m’inix ser ikolli lil Ġesu’- le, din hi ħaġa impossibli – u mhux darba biss iżda għal diversi ġranet, sakemm jinżilli d-deni. Imma filgħaxija, għidt lill-Mulej: “Ġesu’, jekk it-Tqarbin tiegħi jogħġbok, nitolbok bl-umilta’ kollha, agħmel li għada filgħodu lanqas grad wieħed deni ma jkolli.”

 

Filgħodu, filwaqt li kont qiegħda nipprova għad-deni, bdejt naħseb bejni u bejn ruħi, “Jekk ikolli grad wieħed biss, ma nqumx għax dan ikun kontra l-ubbidjenza.” Imma x’ħin ħarist lejn it-termometru, ma kienx hemm lanqas grad wieħed deni. B’salt wieħed tirt mis-sodda u mort nitqarben. X’ħin ġie t-tabib jiena għidtlu li ma kelli lanqas grad wieħed deni, u għalhekk kont mort nitqarben, baqa’ mistagħġeb. Jiena talbtu ma jagħmilhilix diffiċli li mmur nitqarben, għax dan kien ikollu effett ħażin fuq il-kura li kont qiegħda nagħmel. It-tabib wieġeb, “Għall-paċi fil-kuxjenza u fl-istess ħin biex tevita diffikultajiet għalik innifsek, Sor, ejja nagħmlu dan l-arranġament: meta t-temp ikun sabiħ, u ma tkunx xita, u tħossok tajba, mela Sor, mur jekk jogħġbok hekk; imma dawn l-affarijiet trid tiżinhom fil-kuxjenza tiegħek.” Ħassejtni verament ferħana lit-tabib kien qed jipprova jikkuntentani daqshekk. Tista’ tara, Ġesu’, li jiena l-parti tiegħi diġa’ għamiltha; issa qiegħda niddependi minnek u nħossni fil-paċi.

 

 

879.                 Rajt lil Patri Andrasz filwaqt li kien qed iqaddes illum. Qabel l-Elevazzjoni, rajt lill-Bambin Ġesu’ b’idejh miftuħin, u kien ferħan ħafna; imbagħad, mument wieħed wara, ma rajt xejn iżjed. Kont ninsab fil-kamra tiegħi u komplejt nagħmel ir-ringrazzjament tiegħi. Imma wara, bdejt naħseb bejni u bejn ruħi. “Għaliex kien tant ferħan il-Bambin Ġesu’? Fuq kollox, mhux dejjem ikun daqshekk ferħan meta narah.” Imbagħad smajt dan il-kliem ġewwa fija: Għax inħossni komdu ħafna f’qalbu. U ma stagħġibt xejn b’dan kollu, għax naf li hu jħobb ħafna lil Ġesu’.

 

 

880.                 L-għaqda tiegħi mal-moribondi għadha mill-qrib bħalma dejjem kienet. O kemm ma nistgħux nifhmu l-ħniena ta’ Alla li l-Mulej jippermettili permezz tat-talb indenn tiegħi, immur ngħin lill-moribondi. Nipprova nkun maġenb kull persuna li tkun qiegħda tmut kull ċans li jkolli. Għandu jkollkom fiduċja f’Alla, għax Hu tajjeb u moħħna ma jistax ilaħħaq miegħu. Il-ħniena Tiegħu tisboq il-fehma tagħna.

 

 

881.                 14 ta’ Jannar 1937. Illum, Ġesu’ daħal fil-kamra tiegħi liebes libsa tleqq u mħażżem b’ċinturin tad-deheb, il-figura kollha Tiegħu tiddi b’majesta’ kbira. Huwa qal, Binti, għaliex qiegħda ċċedi għal ħsibijiet ta’ biża’? Jiena weġibt, “O Mulej, Inti taf għaliex.” U Hu qal, Għaliex? “Din il-biċċa xogħol tbeżżagħni. Inti taf li jiena minix kapaċi nwettaqha.” U Hu qal, Għaliex? “Inti tista’ tara ċar li minix f’saħħti, li m’għandi l-ebda skola, li m’għandix flus, li jiena abbiss ta’ miżerja, li nibża’ minn kuntatti man-nies. Ġesu’, jiena nixtieq lilek biss. Inti tista’ teħlisni minn dan kollu.” U l-Mulej qalli, Binti, dak li inti għidt hu kollu minnu. Inti dgħajfa ħafna, u lili għoġobni nwettaq din l-opra tal-ħniena preċiżament permezz tiegħek li m’inti xejn ħlief miżerja. La tibżax; minix ser inħallik waħdek. Agħmel dak li tista’ f’din il-ħaġa; Jiena ser inwettaq dak kollu li hemm nieqes fik. Inti taf x’inti kapaċi tagħmel; agħmel dak. Il-Mulej ħares ġewwa l-fond tal-esseri tiegħi bi tjubija kbira; ħsibt li kont ser immut taħt dik il-ħarsa. Il-Mulej għeb, u ferħ, saħħa u qawwa sabiex naħdem baqgħu ġewwa ruħi. Imma bqajt mistagħġba li l-Mulej ma riedx jitlaqni u li mhux qed ibiddel xejn milli darba kien qal. U minkejja dan il-ferħ kollu, dejjem jibqa’ dell ta’ swied il-qalb. Jiena nista’ nara li l-imħabba u n-niket jimxu id f’id.

 

 

882.                 Rari jkolli dehriet bħal dawn. Iktar ta’ spiss nikkomunika mal-Mulej b’mod iktar profond. Is-sensi tiegħi jorqdu u għalkemm mhux b’mod viżibbli, kollox isir aktar reali u ċar għalija milli kieku rajtu b’għajnejja stess. L-intellet tiegħi jitgħallem iżjed f’waqt wieħed milli waqt snin sħaħ ta’ ħsieb u meditazzjoni, kemm dwar l-essenza ta’ Alla kemm dwar veritajiet rivelati, kif ukoll dwar l-għarfien tal-miżerja tiegħi stess.

 

 

883.                 Xejn ma jfixkel l-għaqda mal-Mulej, la konverżazzjoni mal-oħrajn lanqas id-dmirijiet tiegħi, ikunu xi jkunu; ukoll jekk ikolli nara x’nagħmel dwar affarijiet importanti ħafna, dan ma jfixkilnix. L-ispirtu tiegħi jkun jinsab ma’ Alla, u ġewwa fija nkun mimlija b’Alla, għalhekk jiena ma nfittxux barra minni stess. Hu, il-Mulej, jinfidli ruħi bħalma raġġ tax-xemx jgħaddi minn ġo ħġieġ ċar. Meta kont ninsab magħluqa fil-ġuf ta’ ommi, ma kontx magħquda hekk mill-qrib magħha bħalma jiena magħquda ma’ Alla tiegħi. Hemmhekk, kont fi stat li ma kontx konxja; imma hawnhekk, hawn il-milja tar-realta’ u jiena konxja ta’ din l-għaqda. Id-dehriet li jkolli huma kollha kemm huma interjuri, imma iktar ma jiena nifhimhom, inqas jiena kapaċi npoġġihom fi kliem.

 

 

884.                 O, kemm hi sabiħa d-dinja tal-ispirtu! U tant hi reali li, jekk tqabbilha magħha, il-ħajja esterna mhi xejn ħlief illużjoni u nuqqas ta’ saħħa.

 

 

885.                 Ġesu’, agħtini s-saħħa u l-għerf li ngħaddi minn dan id-deżert terribli, sabiex qalbi tkun tista’ tissaporti bil-paċenzja din ix-xenqa li għandha għalik, O Mulejja! Jiena nibqa’ dejjem f’sens ta’ stagħġib qaddis meta nħossok riesaq lejja, Inti, il-Mulej fuq it-tron tal-għaġeb; li Inti tinżel sa dan il-post imsejken tal-eżilju u żżur lil din it-tallaba fqira m’għandha xejn ħlief miżerja! Ma nafx kif nista’ nilqgħek lilek, il-Prinċep Irjali tiegħi, imma Inti taf li jiena nħobbok b’kull taħbita ta’ qalbi. Nista’ nara kif Inti qiegħed titbaxxa, imma xorta waħda l-Majesta’ Tiegħek ma tiċċekkinx f’għajnejja. Jiena naf li Inti tħobbni bi mħabba ta’ għarus, u dak biżżejjed għalija. Għalkemm hemm abbiss kbir jifridna, għax Inti l-Ħallieq u jiena l-ħlejqa Tiegħek, xorta waħda, l-imħabba biss tista’ tispjega l-għaqda tagħna. Mingħajrha, xejn ma nistgħu nifhmu. Bl-imħabba biss issir ħaġa possibli nifhmu dawn l-intimitajiet li bihom Inti tiġi żżurni u li ma tantx tista’ tifhimhom mod ieħor. O Ġesu’, il-kobor Tiegħek ibeżżagħni, u kont ngħix il-ħin kollu fi stagħġib u biża’, li kieku Inti stess ma tagħtinix il-paċi. Inti tagħmilni kapaċi nikkomunika miegħek kull darba qabel ma Inti tersaq lejja.

 

 

886.                 15 ta’ Jannar 1937. In-niket ma joqgħodx f’qalb li tħobb ir-rieda ta’ Alla. Qalbi, li tixxennaq għal Alla, tħoss il-miżerja sħiħa tal-eżilju. Inkompli miexja ‘l quddiem bil-kuraġġ – għalkemm saqajja mimlijin ġrieħi – lejn pajjiżi, u fit-triq immantni lili nnifsi bir-rieda ta’ Alla. Dan huwa l-ikel tiegħi. Għinuni, abitanti ferħanin li tinsabu f’pajjiżna tas-sema, sabiex din oħtkom ma titfixkilx u ma tieqafx sakemm għadha fit-triq. Għalkemm id-deżert hu tal-biża’, jiena nibqa’ miexja b’rasi merfugħa ‘l fuq u għajnejja ma naqlagħhomx minn fuq ix-xemx; jiġifieri, minn fuq il-Qalb ħanina ta’ Ġesu’.

 

 

887.                 19 ta’ Jannar 1937. Ħajti fil-preżent baqgħet għaddejja fil-paċi konxja ta’ Alla. Ruħi fis-skiet tgħix bih, u din il-ħajja konxja tal-preżenza ta’ Alla ġewwa ruħi, hi għalija għajn ta’ hena u saħħa. Ma nfittixx il-hena barra mill-fond ta’ ruħi fejn Alla jinsab jgħammar; jiena ninsab konxja minn din il-ħaġa. Inħoss ċertu bżonn li naqsam dak li jiena mal-oħrajn. Skoprejt għajn ta’ hena ġewwa ruħi, u dan Hu Alla. O Alla tiegħi, jiena nista’ nara li dak kollu li hemm madwari hu mimli b’Alla, u iżjed u iktar minn kollox ruħi stess, li hi mżejna bil-grazzja ta’ Alla. Diġa’ minn issa, ser nibda ngħix b’dak li ser ngħix bih għall-eternita’ kollha.

 

 

888.                 Is-skiet tant hu lingwa li jilħaq sat-tron ta’ Alla l-ħaj. Is-skiet hu l-lingwa Tiegħu, għalkemm sigriet, hu ħaj u qawwi.

 

 

889.                 Ġesu’, Inti għarraftni u ġegħeltni nifhem f’hiex jikkonsisti l-kobor tar-ruħ: mhux f’għemejjel kbar imma fi mħabba kbira. L-imħabba għandha l-valur tagħha, u dan hu li jagħti l-kobor lill-għemejjel kollha tagħna. Għalkemm l-azzjonijiet tagħna huma ċkejknin u ordinarji fihom infushom, l-imħabba tagħmilhom kbar u qawwijin f’għajnejn Alla.

 

 

890.                 L-imħabba hi misteru li tbiddel dak kollu li hi tmiss miegħu f’affarijiet li huma sbieħ u li jogħġbu lil Alla. L-imħabba ta’ Alla tagħti l-ħelsien lir-ruħ. Hi bħal reġina; mhux sfurzata bħalma huma l-ilsiera; hija tagħmel kulma għandha tagħmel b’ħelsien sħiħ fir-ruħ, għax l-imħabba li tgħammar ġewwa fiha ssuqha biex tagħmel li għandha tagħmel. Kulma hemm madwarha jġegħelha tifhem li Alla nnifsu biss Hu denn ta’ mħabbitha. Ruħ li tħobb lil Alla u li tinsab mgħaddsa fih tersaq lejn id-dmirijiet tagħha bl-istess dispożizzjonijiet bħalma hi tersaq lejn it-Tqarbin Imqaddes u twettaq l-iċken ħidmiet bi premura kbira, taħt il-ħarsa mimlija mħabba ta’ Alla, ma tinkwetax jekk, meta jkun għadda ż-żmien, xi ħaġa ma tirnexxix daqskemm kien mistenni. Hija tibqa’ kalma, għax fil-ħin ta’ dik il-ħidma, hi kienet għamlet kulma setgħet tagħmel. Meta jiġri li l-preżenza ħajja ta’ Alla, li hi tgawdi kważi l-ħin kollu, titlaqha waħedha, hija mbagħad tipprova tkompli tgħix b’fidi ħajja. Ruħha tifhem li hemm perjodi ta’ mistrieħ u perjodi ta’ taqbida. Permezz tar-rieda tagħha, hija tkun dejjem ma’ Alla. Ruħha, bħal kavallier, hija mħarrġa sewwa għat-taqbida; hija tilmaħ mill-bogħod fejn qiegħed jistaħba l-għadu u li lesta għat-taqbida. Hija taf li ma tinsabx waħedha – Alla hu s-saħħa tagħha.

 

 

891.                 21 ta’ Jannar (1937). Minn dalgħodu kmieni llum, kont magħquda b’mod tal-għaġeb mal-Mulej. Filgħaxija, il-kappillan tal-isptar  ġie jżurni. Wara li konna tkellimna għal ftit, ħassejt l-ispirtu tiegħi jibda jintilef f’Alla, u bdejt nitlef kull sens ta’ dak li kien qed jiġri madwari. Tlabt lil Ġesu’ bil-ħerqa, “Agħtini l-kapaċita’ sabiex nitkellem.” U l-Mulej ikkonċedieli li stajt nitkellem bil-liberta’ kollha miegħu. Imma kien hemm waqt wieħed meta ma stajtx nifhem x’kien qed jgħid is-saċerdot. Stajt nisma’ l-vuċi tiegħu, imma kienet ħaġa Impossibli għalija li nifhmu, u tlabtu maħfra li ma stajtx nifhmu għalkemm stajt nisma’ l-vuċi tiegħu. Dan huwa waqt tal-grazzja ta’ għaqda flimkien ma’ Alla, imma mhix perfetta, għax minn barra, is-sensi jkunu qedgħin jaġixxu wkoll b’mod mhux perfett. M’hemm l-ebda immersjoni totali f’Alla; jiġifieri, sospensjoni tas-sensi, bħalma jiġri spiss meta wieħed la jara u lanqas jisma’ xejn minn barra, għax ir-ruħ kollha kemm hi tkun tinsab mitlufa f’Alla bil-liberta’ kollha. Meta tiġi żżurni grazzja bħal din, nixtieq li nkun waħdi, u nitlob lil Ġesu’ jħarisni minn għajnejn in-nies. Kont tassew imbarazzata quddiem is-saċerdot, imma hu reġa’ qawwieli qalbi, għax sar jaf daqsxejn dwar ruħi fil-qrar.

 

 

892.                 Illum il-Mulej għarrafni, fl-ispirtu, dwar il-Kunvent tal-Ħniena Divina. Stajt nara spirtu kbir f’dan il-kunvent, imma kollox kien jidher fqir bi ftit li xejn affarijiet. O Ġesu’ tiegħi, Inti qiegħed tippermettili ngħix fl-ispirtu flimkien ma’ dawn l-erwieħ, imma forsi qatt ma jiena ser nirfes l-għatba t’hemm; imma jalla jkun mbierek Ismek, u jalla jseħħ dak li Inti għandek f’moħħok li jseħħ.

 

 

893.                 22 ta’ Jannar (1937). Illum il-Ġimgħa. Ruħi tinsab f’baħar ta’ tbatija. Il-midinbin ħaduli kollox mingħandi. Imma kollox sew; jiena tajt kulma kelli minħabba fihom sabiex imbagħad jkunu jistgħu jsiru jafu li Inti tajjeb u ta’ ħniena infinita. Jiena nibqa’ fidila lejk, jiġri x’jiġri.

 

 

894.                 Illum it-tabib iddeċieda li m’għandix immur nisma’ l-Quddies, imma nitqarben biss. Xtaqt ħafna nkun preżenti għall-Quddiesa, imma l-konfessur tiegħi (nota162) qabel mat-tabib u qalli nobdi. “Hija r-rieda ta’ Alla, Sor, li inti terġa’ tieħu saħħtek, u m’għandek tagħmel l-ebda mortifikazzjoni. Obdi, Sor, u Alla jippremjak ta’ dan.” Ħassejt li l-kliem tal-konfessur kienu kliem Ġesu’, u għalkemm sewwidt qalbi li ma stajtx   immur il-Quddies, meta Alla kien qed jagħtini l-grazzja li nara lill-Bambin Ġesu’, xorta waħda, jiena poġġejt l-ubbidjenza fuq kollox.

 

Inġbart fit-talb u għidt il-penitenza tiegħi. Imbagħad f’daqqa waħda rajt lill-Mulej, li qalli, Binti, kun af li inti tagħtini glorja ikbar b’att wieħed ta’ ubbidjenza milli b’talb fit-tul u b’mortifikazzjonijiet. O, kemm hi ħaġa sewwa tgħix taħt l-ubbidjenza, tgħix filwaqt li tkun konxja mill-fatt li kulma jiena qiegħda nagħmel ikun jogħġob lil Alla!

 

 

895.                 23 ta’ Jannar (1937). Ma tantx kelli aptit nikteb illum. Imbagħad smajt vuċi ġewwa ruħi: Binti, inti m’intix tgħix għalik innifsek imma għall-erwieħ; ikteb għall-ġid tagħhom. Inti taf lir-rieda Tiegħi dwar il-kitba tiegħek ġiet ikkonfermata ħafna drabi mill-konfessuri tiegħek. Inti taf x’jogħġobni, u jekk għandek xi dubji dwar dak li Jiena qed ngħid, inti taf ukoll lil min għandek tistaqsi. Jiena nagħtih id-dawl sabiex hu jkun jista’ jagħti l-ġudizzju fuq il-każ Tiegħi. Għajnejja jkunu qedgħin iħarsuh. Binti, inti għandek iġġib ruħek bħal tifla miegħu, mimlija sempliċita’ u sinċerita’. Poġġi l-ġudizzju tiegħu ‘l fuq min dak kollu li Jiena nitlob. Huwa jmexxik skont ir-rieda Tiegħi. Jekk hu ma jħallikx twettaq dak li Jiena nkun qed nitlob, kun fil-paċi; Jiena ma niġġudikakx, imma l-ħaġa tibqa’ bejni u bejnu. Int għandek tobdi.

 

 

896.                 25 ta’ Jannar 1937. Illum ruħi tinsab mgħaddsa fl-imrar. O Ġesu’, O Ġesu’ tiegħi, illum kulħadd jista’ jżid mat-tazza tiegħi tal-imrar. Ma jagħmilx differenza humiex ħbieb jew għedewwa, kollha kemm huma jistgħu jgħabbuni bit-tbatija. U inti, O, Ġesu’, bilfors trid tagħtini s-saħħa u l-qawwa f’dawn il-mumenti diffiċli. O Ostja Mqaddsa, għinni u ssiġillali xofftejja minn kull tgergir. Meta jirnexxili nżomm is-skiet, jiena naf li nista’ noħroġ rebbieħa.

 

 

897.                 27 ta’ Jannar 1937. Inħoss li ġejt ‘il quddiem mhux ħażin f’saħħti. Ġesu’ qed jerġa’ jġibni lura mill-bibien tal-mewt għall-ħajja, għax ftit kien għad baqagħli biex immut, u ara, il-Mulej tani l-milja tal-ħajja. Għalkemm għad irrid nibqa’ fis-sanatorjum, jiena ninsab kważi f’saħħti għal kollox. Jiena qiegħda nara li r-rieda ta’ Alla għadha ma twettqitx għal kollox fija, u għalhekk jiena għad baqagħli ngħix, għax naf li jekk jiena nwettaq dak kollu li l-Mulej ippjana għalija f’din id-dinja, huwa mhux ser iħallini iktar fl-eżilju, għax pajjiżi hu s-sema. Imma qabel ma aħna mmorru pajjiżna, irridu nwettqu r-rieda ta’ Alla hawn fl-art; jiġifieri jridu jseħħu bis-sħiħ fina l-provi u t-taqbid.

 

 

898.                 O Ġesu’ tiegħi, Inti qiegħed terġa’ tagħtini lura saħħti u ħajti; agħtini wkoll is-saħħa għat-taqbida, għax jiena minix kapaċi nagħmel xejn mingħajrek. Agħtini s-saħħa, għax Inti tista’ tagħmel kollox. Inti tista’ tara li jiena tifla fraġli, u x’nista’ nagħmel jiena? Jiena naf il-qawwa sħiħa tal-ħniena Tiegħek, u ninsab fiduċjuża li Inti ser tagħtini dak kollu li għandha bżonn din it-tifla dgħajfa Tiegħek.

 

 

899.                 Tant xtaqtha l-mewt! Ma nafx qattx nerġa’ f’ħajti jkolli esperjenza ta’ xewqa hekk kbira ta’ Alla. Kien hemm żminijiet meta ntlift minn sensija minħabba fih. O, kemm hi kerha din id-dinja meta ssir taf x’inhi s-sema! Irrid nagħmel vjolenza fuqi nnifsi sabiex nibqa’ ngħix. O rieda ta’ Alla, inti tmantini.

 

 

900.                 O, kemm hi bla kulur din il-ħajja, u mimlija nuqqas ta’ ftehim! L-ewwel inħaddem il-paċenzja, u warajha tiġi l-esperjenza. Jiena nifhem u nitgħallem ħafna affarijiet kuljum u nara li naf ftit wisq, u kontinwament niskopri nuqqasijiet fl-imġieba tiegħi. Xorta waħda, ma naqtax qalbi minħabba dan, imma nirringrazzja lil Alla li Hu jindenja jagħtini d-dawl Tiegħu sabiex jiena nkun nista’ nsir naf lili nnifsi.

 

 

901.                 + Hemm ċerta persuna (Stanislava Kwietniewska (nota163)) li tippruvali l-paċenzja tiegħi. Ikolli nagħtiha ħafna ħin. X’ħin nitkellem magħha, inħoss li tkun qiegħda tigdeb, u dan, kontinwament. U għax tkun qiegħda tgħidli dwar affarijiet li jinsabu ‘l bogħod u li ma nistax nivverifikom, jirnexxielha tibqa’ għaddejja bil-gideb. Imma ġo fija ninsab konvinta li m’hemmx verita’ f’dak li hi tkun qiegħda tgħid. Meta darba għaddieli minn moħħi li jista’ jkun li kelli żball u li forsi kienet qiegħda tgħid il-verita’, tlabt lill-Mulej Ġesu’ jagħtini dan is-sinjal: jekk hi tassew qiegħda tigdeb, ippermettilha tammettili hi stess li hi kienet gidbet dwar waħda mill-affarijiet li dwarhom jiena ġo fija ninsab konvinta li kienet qiegħda tigdeb. U jekk hi qiegħda tgħid il-verita’, għidt lill-Mulej Ġesu’ jneħħili din il-konvinzjoni. Ftit wara, reġgħet ġiet għandi u qaltli, “Sor, nitolbok taħfirli, imma jiena gdibt dwar din il-ħaġa,” u jiena fhimt li d-dawl li kelli ġo fija dwar dik il-persuna ma kienx qarraq bija.

 

 

902.                 29 ta’ Jannar 1937. Illum bqajt rieqda. Kieku domt ftit iktar, kont inkun tard għat-Tqarbin għax il-kappella hi mbiegħda mhux ħazin minn fejn qegħdin aħna. (nota164) Meta ħriġt barra, inżilt sa rkobbtejja fis-silġ. Imma qabel ma ġieni l-ħsieb li t-tabib ma kienx iħallini noħroġ f’silġ bħal dak, kont diġa’ wasalt għand il-Mulej fil-kappella. Tqarbint u rġajt lura ħin bla waqt. Smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Binti, strieħ qrib ta’ Qalbi. Jiena naf bl-isforzi tiegħek. Ruħi tkun iżjed ferħana meta nkun ninsab qrib il-Qalb ta’ Alla tiegħi. 

 

 

30 ta’ Jannar 1937. Irtir ta’ ġurnata.

 

903.                 Qed insir naf iżjed u iżjed il-kobor ta’ Alla u nifraħ fih. Jiena nibqa’ miegħu l-ħin kollu fil-fond ta’ qalbi. F’ruħi stess l-iktar li nsib lil Alla faċilment.

 

 

904.                 Waqt il-meditazzjoni tiegħi, smajt dan il-kliem: Binti, inti tagħtini l-ikbar glorja billi tissottometti ruħek għar-rieda Tiegħi bil-paċenzja u b’hekk tirbaħ għalik innifsek mertu ikbar minn dak li tista’ takkwistalek kwalunkwe sawma jew mortifikazzjoni. Kun af, binti, li jekk inti tissottomentti r-rieda tiegħek għal Tiegħi, inti tiġbed fuqek innifsek l-għożża speċjali Tiegħi. Dan is-sagrifiċċju jogħġobni u hu mimli ħlewwa. Jogħġobni ħafna; fih is-saħħa.

 

 

905.                 + Eżami tal-kuxjenza: inkompli sejra l-istess, ningħaqad ma’ Kristu tal-ħniena. Prattika: skiet interjuri; jiġifieri, osservanza stretta tas-skiet.

 

 

906.                 + F’mumenti diffiċli, niffissa l-ħarsa tiegħi fuq il-Qalb siekta ta’ Ġesu’, stirata fuq is-Salib, u mill-fjammi jaqbdu tal-Qalb ħanina Tiegħu jinżlu jgelglu fuqi l-qawwa u s-saħħa biex inkompli bit-taqbida.

 

 

907.                 Ħaġa straordinarja, (li) fix-xitwa jiġi kanarin fit-tieqa tiegħi u għal ftit, jogħqod ikanta sabiħ. Ippruvajt niċċekkja jekk hemmx xi kanarin f’gaġġa x’imkien viċin, imma m’hemmx imkien, lanqas fis-sala ta’ maġenbna. Waħda mill-pazjenti l-oħra semgħetu wkoll, imma darba biss, u stagħġbet kif kanarin seta’ qed ikanta f’dan l-istaġun tas-sena kiesaħ silġ.

 

 

908.                 + O Ġesu’, kemm inħoss għall-imsejkna midinbin. Ġesu’ agħtihom l-indiema u s-sogħba. Ftakar fil-Passjoni ħarxa Tiegħek. Jiena naf il-ħniena Tiegħek u ma nifilħux il-ħsieb li tista’ tintilef xi ruħ li tkun swietlek tant. Ġesu’, agħtini l-erwieħ tal-midinbin; ħalli l-ħniena Tiegħek tistrieħ fuqhom. Ħudli kollox, imma agħtini l-erwieħ. Irrid insir ostja ssagrifikata għall-midinbin. Ħalli l-qoxra ta’ ġismi taħbi l-offerta tiegħi, għax il-Qalb l-iżjed Imqaddsa Tiegħek tinsab moħbija f’Ostja u Inti tassew sagrifiċċju ħaj.

 

Ibdilni fik, O Ġesu’, sabiex inkun sagrifiċċju ħaj li jkun jogħġbok. Nixtieq inpatti f’kull ħin għall-imsejkna midinbin. Is-sagrifiċċju tal-ispirtu tiegħi jinsab moħbi taħt il-velu ta’ ġismi; l-għajn tal-bniedem ma tistax tarah, u għalhekk hu safi u jogħġbok. O Ħallieq tiegħi u Missier ta’ ħniena kbira, jiena nafda fik, għax Inti l-istess Tjubija. Erwieħ, tibżgħux minn Alla, imma afdaw fih, għax Hu tajjeb, u l-Ħniena Tiegħu għal dejjem.

 

 

909.                 + Aħna nafu lil xulxin, O Alla, fl-għamara ta’ qalbi. Iva, issa jiena qiegħda nirċevik bħala l-Mistieden tiegħi fid-dar ċkejkna tal-qalb tiegħi, imma ġej iż-żmien meta Inti għad issejjaħħli fl-għamara Tiegħek, li Inti ħejjejt għalija sa mill-bidu tad-dinja. O, jiena x’jiena meta nqabbel ruħi miegħek, O Mulej?

 

 

910.                 Il-Mulej qiegħed jeħodni f’dinja li ma nafhiex. Hu qiegħed jgħarrafni l-grazzja kbira Tiegħu, imma jiena nibża’ minnha u minix sejra nissottometti ruħi għall-influwenza tagħha sakemm inkun niflaħ, sakemm id-direttur spiritwali tiegħi ma jserraħlix moħħi x’inhi din il-grazzja.

 

 

911.                 Darba, il-preżenza ta’ Alla mlietni kollni kemm jiena, u moħħi ġie mdawwal b’mod misterjuż dwar l-Essenza Tiegħu. Hu ppermettieli nifhem il-ħajja interjuri Tiegħu. Fl-ispirtu, rajt it-Tliet Persuni Divini, imma l-Essenza tagħhom kienet waħda. Huwa wieħed, u wieħed biss, imma fi Tliet Persuni; l-ebda wieħed minnhom m’hu ikbar jew iżgħar; m’hemm l-ebda differenza la fis-sbuħija lanqas fil-qdusija; għax Huma Wieħed. Huma assolutament Wieħed. Imħabbtu ħaditni f’dan l-għarfien u għaqqditni flimkien miegħu. Meta kont maqgħuda ma’ Wieħed kont maqgħuda mat-Tieni u mat-Tielet b’tali mod li meta nkunu maqgħudin ma’ Wieħed, b’dan l-istess fatt, inkunu maqgħudin indaqs mż-żewġ Persuni bl-istess mod li nkunu magħuqdin ma’ Wieħed. Ir-rieda tagħhom hija waħda, hi ssib ruħha maqgħuda mat-Tliet Persuni u tiġi mgħaddsa fil-hena li joħroġ mis-Santissma Trinita’, l-istess hena li bih jgħixu l-qaddisin. Dan l-istess hena li joħroġ igelgel mis-Santissma Trinita’ jferraħ il-ħolqien kollu; minnha toħroġ dik il-ħajja li tagħti l-ħajja kollha li taf il-bidu tagħha Minnu (minn Alla). F’dawn il-mumenti, ruħi tħoss pjaċiri hekk kbar u divini li nsibha ħaġa diffiċli inpoġġihom fil-kliem.

 

 

912.                 Imbagħad smajt dan il-kliem li ġej li ntqal b’dan il-mod: Irridek tkun l-għarusa Tiegħi. Il-biża’nifdili ruħi, imma komplejt naħseb bil-kalma kollha xi kwalita’ ta’ għerusija din setgħet tkun. Imma, kull darba li l-biża’ kien jimlieli ruħi, qawwa minn fuq kienet tagħtiha l-paċi.

 

Wara kollox, jiena għamilt il-voti perpetwi, u għamilthom minn jeddi, għax ridt jiena. U għalhekk komplejt naħseb dan x’jista’ jfisser. Ħassejt, u wasalt biex nirrealizza, li din kienet xi tip speċjali ta’ grazzja. Kull x’ħin naħseb fuqha, iħossni ħażin bix-xewqa għal Alla, imma f’dan il-ħass ħażin, moħħi jibqa’ ċar u mimli dawl. X’ħin inkun maqgħuda miegħu, iħossni ħażin b’abbundanza ta’ ferħ, imma moħħi jibqa’ hemm  u ċar u ħieles mid-dellijiet kollha. Inti tbaxxi l-majesta’ Tiegħek sabiex tgħammar ma’ ħlejqa miżerabbli. Grazzi, O Mulej, għal din il-grazzja kbira li tagħmilhieli possibbli li nikkomunika miegħek. Ġesu’, jiena nitpaxxa b’ismek, inħoss minn qabel u mill-bogħod il-Maħbub tiegħi, u ruħi mxennqa tistrieħ fit-tgħanniqa Tiegħu; ma nafx kif nista’ ngħix mingħajru. Nippreferi nkun miegħu fil-kuntarju u t-tbatijiet milli mingħajru fl-ikbar pjaċiri tas-sema.

 

 

913.                 2 ta’ Frar 1937. Illum, sa minn kmieni filgħodu, assorbiment u ġabra Divina qedgħin jinfduli ruħi. Waqt il-Quddiesa, ħsibt li kont sejra nara liċ-ċkejken Ġesu’, bħalma jiġrili spiss; imma, illum waqt il-Quddiesa rajt lil Ġesu’ Msallab. Ġesu’ kien imsammar mas-Salib u kien jinsab f’agunija kbira. It-tbatija Tiegħu nifditli, ruħi u ġismi, b’mod li kien inviżżibli, imma xorta waħda mill-ikbar li jweġġa’.

 

 

914.                 O, x’misteri tal-għaġeb iseħħu waqt il-Quddiesa! Misteru kbir iseħħ waqt il-Quddiesa. B’liema devozzjoni kbira għandna nisimgħu u nieħdu sehem f’din il-mewta ta’ Ġesu’. Xi darba għad insiru nafu Alla x’inhu jagħmel għalina f’kull Quddiesa, u x’tip ta’ rigal Hu qiegħed iħejjilna fiha. Hija l-imħabba Divina Tiegħu biss li tista’ tippermetti li rigal bħal dan jiġi mogħti lilna. O, Ġesu’, Ġesu’ tiegħi, b’liema wġigħ kbir tinsab minfuda ruħi meta nara din il-għajn tal-ħajja ħierġa tgelgel b’tant ħlewwa u qawwa għal kull ruħ, filwaqt li fl-istess ħin jiena qiegħda nara erwieħ jidbielu u jinxfu tort tagħhom stess. O Ġesu’, agħmel li l-qawwa tal-ħniena tgħannaq lil dawn l-erwieħ.

 

 

915.                 + O Marija, illum sejf aħrax nifed ir-ruħ qaddisa tiegħek. Ħadd, ħlief Alla, ma jaf x’batejt. Qalbek ma setgħetx tinqasam. Baqgħet sħiħa, għax kienet maqgħuda ma’ Ġesu’. O Omm ħelwa tiegħi, agħmilni ħaġa waħda ma’ Ġesu’ sabiex inkun nista’ nġarrab it-tbatija u ‘l hemm. Maqgħudin ma’ ta’ Ġesu’, is-sagrifiċċji żgħar tiegħi ikunu jintogħġbu minn Alla. O Omm l-iżjed ħelwa kompli għallimni dwar il-ħajja tar-ruħ. Agħmel li ma naqtax qalbi fit-tbatija. O verġni safja, imlieli qalbi bil-kuraġġ u ħarishieli.

 

 

916.                 Dan il-jum tant hu speċjali għalija; għalkemm iltqajt ma’ tant tbatijiet, ruħi qiegħda tfur b’ferħ kbir. F’kamra privata ħdejn tiegħi, kien hemm mara Lhudija li kienet marida serjament. Mort naraha tlett ijiem ilu u ħassejtni mdejqa ħafna għall-ħsieb li dalwaqt kienet ser tmut u ruħha ma kenitx ser tkun imnaddfa bil-grazzja tal-Magħmudija. Kont miftiehma mal-infermiera tagħha, Soru (reliġjuża), li meta jkun riesaq l-aħħar mument tagħha, hi kellha tgħammidha. Kien hemm din id-diffikulta’, imma, li dejjem kien ikun hemm xi persuni Lhud magħha. Imma ħassejtni spirata nitlob quddiem ix-xbieha li Ġesu’ kien qalli li kellha tiġi mpittra. Għandi fuljett tax-Xbieha tal-Ħniena Divina fuq il-qoxra. U jiena għidt lill-Mulej, “Ġesu’, Inti stess għidtli li Inti tagħti ħafna grazzji permezz ta’ din ix-xbieha. Jiena, mela, qiegħda nitolbok il-grazzja tal-Magħmduija għal din il-mara Lhudija. Ma jagħmel l-ebda differenza min jgħammidha, basta hi titgħammed.”

 

Wara dan il-kliem, ħaġa stramba ħassejtni fil-paċi, u kont kważi żgura għal kollox li, minkejja d-diffikultajiet, kienu ser jitferrgħu fuq ruħha l-ilmijiet tal-Magħmudija. Dak il-lejl, meta kienet batuta ħafna, tliet darbiet qomt mis-sodda biex immur naraha, nistenna l-mument f’waqtu sabiex nagħtiha din il-grazzja. L-għada filgħodu, donnha kienet qiegħda tħossha daqsxejn aħjar. Wara nofs inhar, baqa’ joqrob l-aħħar mument ta’ ħajjitha. Is-soru li kienet l-infermiera tagħha qalet li kien ser ikun diffiċli li tgħammidha, għax niesha kienu magħha. Wasal il-waqt meta l-marida bdiet tintilef minn sensieha, u bħala riżultat t’hekk, sabiex jippruvaw isalvawha, bdew jiġru minn hawn u minn hemm; xi wħud (marru) jġibu t-tabib, filwaqt li oħrajn marru jiġru ‘l hemm u ‘l hawn ifittxu l-għajnuna.

 

U b’dan il-mod il-pazjenta tħalliet waħedha, u s-soru għammidtha, u qabel ma kellhom ċans jerġgħu lura kollha kemm huma maġenbha, ruħha kienet sabiħa, imżejna bil-grazzja ta’ Alla. L-agunija tal-aħħar tagħha bdiet fil-pront, imma ma dametx ħafna. Kienet qisha bdiet torqod. F’daqqa waħda, rajt lil ruħha tielgħa s-sema fi sbuħija tal-għaġeb. O, kemm hi sabiħa ruħ bil-grazzja santifikanti! Qalbi għerqet bil-ferħ li quddiem din ix-xbieha jiena kont irċevejt grazzja għal din ir-ruħ.

 

 

917.                 O, kemm hi kbira l-ħniena ta’ Alla; jalla kull ruħ tfaħħarha. O Ġesu’ tiegħi, dik ir-ruħ għall-eternita’ kollha ser tkantalek innu ta’ ħniena. Ma nistax ninsa l-impressjoni li dan il-jum għamel fuq ruħi. Din hi t-tieni grazzja kbira li rċevejt hawnhekk għall-erwieħ quddiem din ix-xbieha.

 

O, kemm hu twajjeb il-Mulej, u mimli kompassjoni; Ġesu’, kemm nirringrazzjak bil-qalb għal dawn il-grazzji.

 

 

918.                 5 ta’ Frar 1937. Ġesu’ tiegħi, minkejja kollox nixtieq ħafna ningħaqad miegħek. Ġesu’ jekk dan hu possibbli, ħudni għandek, għax jidhirli li qalbi għad tesplodi bix-xewqa li għandha għalik!

 

O, kemm inħoss li ninsab fl-eżilju! Meta ser insib ruħi fid-dar ta’ Missierna, nitpaxxa bil-hena ħiereġ igelgel mis-Santissma Trinita’? Imma, jekk inhi r-rieda Tiegħek li jiena nibqa’ ngħix u nbati, jiena mela nixtieq dak li Inti ddestinajt għalija. Żommni hawn fl-art kemm trid, ukoll jekk dan idum sal-aħħar tad-dinja. O rieda tal-Mulej tiegħi, kun il-pjaċir tiegħi u l-estasi ta’ ruħi. Għalkemm l-art hi tant mimlija bin-nies, inħossni tassew waħdi, u l-art hi deżert tal-waħx għalija. O Ġesu’, Ġesu’, Inti taf u tifhem il-ħerqa ta’ qalbi; Inti biss, O Mulej, tista’ timlieni.

 

 

919.                 Illum, meta jiena avżajt ċerta sinjorina li m’għandhiex toqgħod sigħat fil-kuridur mal-irġiel, għax ma kienx jixraq sinjorina ta’ ċerta edukazzjoni tagħmel dan, hija talbet skuża u wegħdet li tirranġa l-imġieba tagħha. Bdiet tibki meta ndunat kemm kienet ġabet ruħha mingħajr ħsieb. Filwaqt li kont qiegħda ngħidilha dawn il-ftit affarijiet dwar l-imġieba morali tagħha, l-irġiel kollha ġew mis-sala tagħhom u qagħdu jisimgħu l-kliem tal-pariri tiegħi. Il-Lhud wkoll semgħu xi ftit affarijiet fuqhom stess. Ċerta persuna qaltli wara li poġġew widnejhom mal-ħajt u qagħdu jisimgħu b’attenzjoni. Ħassejt b’xi mod li kienu qedgħin jisimgħu, imma għidt dak li kelli ngħid. Tant huma rqaq il-ħitan hawnhekk li wieħed jinstema, wkoll meta jkun qed jitkellem b’vuċi baxxa.

 

 

920.                 + Hawn mara hawnhekk (nota165) li darba kienet waħda mill-istudenti tagħna. Naturalment, tippruvali l-paċenzja tiegħi. Tiġi tarani diversi drabi kuljum. Wara kull waħda minn dawn iż-żjarat, inħossni eżawrita, imma nista’ nara li l-Mulej Ġesu’ bagħatli dik ir-ruħ. Jalla kollox jigglorifikak, O Mulej. Il-paċenzja tagħti glorja lil Alla. O, kemm huma msejknin l-erwieħ!

 

 

921.                 6 ta’ Frar (1937). Illum, il-Mulej qalli, Binti, jgħiduli li hemm ħafna sempliċita’ fik, mela għaliex ma tgħidlix b’dak kollu li jikkonċernak, wkoll l-iċken dettalji? Għidli fuq kollox, u kun af li dan jagħtini ferħ kbir. Jiena weġibt, “Imma Inti taf kollox, Mulej.”

 

U Ġesu’ weġibni, Iva, veru li naf; imma m’għandekx tiskuża ruħek minħabba l-fatt li Jiena naf kollox, għax widnejja u qalbi qegħdin lesti biex jisimgħuk, u kliemek għażiż għalija.

 

 

922.                  + Meta bdejt din in-novena kbira għal tlett intenzjonijiet, rajt insett żgħir fl-art u bdejt naħseb: kif wasal hawn f’nofs ix-xitwa? Imbagħad smajt dan il-kliem li ġej ġewwa ruħi: Qiegħda tara, Jiena qed naħseb fih u nżommu, u dak x’inhu ħdejk? Mela għaliex ruħek waqgħet fil-biża’ għal mument? Tlabt skuża lill-Mulej għal dak il-mument. Ġesu’ jridni nkun dejjem tifla u nħalli l-ħsieb ta’ kollox f’idejh, u nissottometti ruħi għar-rieda qaddisa Tiegħu bla ebda kundizzjoni. Hu ħa kollox fuq spallejh.

 

 

923.                 7 ta’ Frar (1937). Illum, il-Mulej qalli, Irrid mingħandek offerta perfetta u maħruqa kollha kemm hi; offerta tar-rieda tiegħek. L-ebda sagrifiċċju ieħor m’għandu x’jaqsam ma’ dan. Jiena stess qed immexxi lil ħajtek u nirranġa l-affarijiet b’tali mod li inti tkun għalija sagrifiċċju kontinwu u dejjem tagħmel ir-rieda Tiegħi. U sabiex tkun tista’ titwettaq din l-offerta, inti ser tingħaqad miegħi fuq is-Salib. Jiena naf inti x’tista’ tagħmel. Jiena stess ser nagħtik direttament ħafna ordnijiet, imma ntawwal il-possibbilta’ li dawn jitwettqu u dan inħallih jiddependi minn persuni oħrajn. Imma dak li s-Superjuri ma jirnexxilhomx jagħmlu, jiena stess ser inwettqu direttament ġewwa ruħek. U fil-fond l-iktar moħbi ta’ ruħek, jitwettaq olokawstu perfett, mhux għal ftit żmien biss; imma kun af binti, li din l-offerta ser tibqa’ sejra sakemm jasal il-waqt tal-mewt tiegħek. Imma baqa’ żmien, sabiex Jiena l-Mulej naqtagħlek xewqatek kollha. Jiena nitpaxxa bik qisni qiegħed f’ostja ħajja; tħalli xejn ibeżżgħek; Jiena qiegħed miegħek.

 

 

924.                 Illum, irċevejt nota mingħand il-Madre Superjura li ma tatnix permess immur ħdejn is-sodda tal-moridondi. U għalhekk, ser nibgħat lill-moribondi l-ubbidjenza minflok lil nnifsi, u din l-ubbidjenza tgħin lill-erwieħ li jkunu qegħdin imutu. Din hi r-rieda ta’ Alla, u dan hu biżżejjed għalija. Dak li għalissa ma nistax nifhmu għad insir nifhmu iktar tard.

 

 

925.                 7 ta’ Frar 1937. Illum, tlabt b’ħerqa iktar mis-soltu għall-Qdusija Tiegħu l-Papa (Piju XI) u għal tliet saċerdoti (nota166) sabiex Alla jispirhom dwar dak li Hu qed jitlob mingħandi. O, kemm ninsab kuntenta li s-saħħa tal-Papa ġejja ‘l quddiem. Illum smajtu jindirizza l-Kungress Ewkaristiku, (nota167) u mort hemm fl-ispirtu sabiex nirċievi l-Barka Appostolika.

 

 

926.                 9 ta’ Frar (1937). It-Tlieta tal-Karnival. Fl-aħħar jumejn tal-Karnival, ħassejtni negħreq f’dilluvju ta’ kastigi u dnubiet. F’waqt wieħed il-Mulej għarrafni bid-dnubiet li twettqu fid-dinja kollha matul dawn il-ġranet. Ħassni ħażin bil-biża’, u għalkemm naf il-fond tal-ħniena ta’ Alla, stagħġibt li Alla jippermetti lill-umanita’ li tkompli teżisti. U l-Mulej għarrafni minn hu dak li għandu f’idejh l-eżistenza tal-umanita’: dawn huma l-erwieħ magħżulin. Meta l-għadd tal-magħżulin isir sħiħ, id-dinja ma tibqax teżisti.

 

 

927.                 F’dawn il-jumejn, tqarbint bħala att ta’ riparazzjoni, u għidt lill-Mulej Ġesu’, jiena llum qiegħda noffri kollox għall-midinbin. Ħalli d-daqqiet tal-ġustiggja Tiegħek jaqgħu fuqi, u l-baħar tal-ħniena Tiegħek jiġbor fih lill-imsejkna midinbin.” U l-Mulej sema’ t-talba tiegħi: ħafna erwieħ reġgħu lura għand il-Mulej, imma jiena kont fl-agunija taħt il-madmad tal-ġustizzja ta’ Alla. Ħassejtni li kont l-oġġett tal-korla ta’ Alla l-għoli. Sa filgħaxija t-tbatijiet tiegħi kienu laħqu grad hekk għoli ta’ deżolazzjoni interjuri li t-tnehid beda tielgħa minn ġo sidri mingħajr ma nista’ nżommu. Sakkart il-bieb ta’ kamarti u bdejt nagħmel adorazzjoni: jiġifieri, siegħa Adorazzjoni. Deżolazzjoni interjuri u esperjenza tal-ġustizzja ta’ Alla – dik kienet it-talba tiegħi – u t-tnehid u l-uġigħ li telgħu minn ġo ruħi ħadu post konverżazzjoni ħelwa mal-Mulej.

 

 

928.                 Imbagħad f’daqqa waħda rajt lill-Mulej, li għannaqni ma’ Qalbu u qalli, Binti, tibkix, għax ma nistax nissaporti nara d-dmugħ tiegħek. Nagħtik kulma qiegħda titlob, imma tibkix iżjed. U jiena mtlejt b’ferħ kbir, u l-ispirtu tiegħi, bħas-soltu, intilef fih bħallikieku fl-uniku teżor tiegħu. Ilum, it-tjubija Tiegħu għamlitli l-kuraġġ u tkellimt ma’ Ġesu’ iktar fit-tul.

 

 

929.                 X’ħin kont striħajt fejn il-Qalb l-iżjed ħelwa Tiegħu, jiena għidtlu, “Ġesu’, għandi tant xi ngħidlek”. U l-Mulej qalli bi mħabba kbira, Tkellem, binti. U jiena bdejt nsemmi waħda wara l-oħra l-uġigħ ta’ qalbi; jiġifieri, kemm ninsab imħassba dwar l-umanita’ kollha, li “huma lkoll ma jafukx, u dawk li jafuk ma jħobbukx kif jixraqlek li tkun maħbub. Nista’ nara wkoll kemm iweġġgħuk bl-ikrah il-midinbin; u mbagħad ukoll, nista’ nara b’liema ħruxija l-fidili, speċjalment dawk li jaqduk, huma mgħaffġin u ppersegwitati. U mbagħad wkoll, nista’ nara erwieħ sejrin jgħaġġlu għal ġo l-abbis terribbli tal-infern. Qiegħed tara, Ġesu’, dan hu l-uġigħ li qiegħed jgħawwarli qalbi u għadmi. U, għalkemm Inti qiegħed turini mħabba speċjali u tfawwarli qalbi bi xmajjar tal-hena Tiegħek, xorta waħda, dan ma jtaffix it-tbatijiet li għadni kif semmejt, imma pjuttost huma jinfdu din l-imsejkna qalbi b’iktar qawwa. O, b’liema ħerqa nixtieq li l-umanita’ kollha ddur b’fiduċja lejn il-ħniena Tiegħek. Imbagħad, meta jiena nara l-glorja ta’ Ismek, qalbi tkun imfarrġa.”

 

Ġesu’ qagħad jisma’ dan kollu li jiena ferrajt minn ġo qalbi b’serjeta’ u interess, bħallikieku ma kien jaf xejn bihom, u lili deherli li din il-ħaġa għamlithieli iżjed faċli li nitkellem. U l-Mulej qalli, Binti, dan il-kliem ħiereġ minn qalbek jogħġobni, u meta tgħid il-Kurunella inti tkun qegħda tressaq l-umanita’ iktar qrib Tiegħi. Wara dan il-kliem, sibt ruħi waħdi, imma l-preżenza ta’ Alla tinsab dejjem ġewwa ruħi.

 

 

930.                 + O Ġesu’ tiegħi, għalkemm jiena għad niġi għandek, u Inti għad timlieni bik, u dan ifisser li jiena ma jkun jonqosni xejn fil-hena tiegħi, xorta waħda minix sejra ninsa lill-umanita’. Nixtieq niġbed u niftaħ il-purtieri tas-sema, sabiex l-art ma jkollha l-ebda dubju fuq il-Ħniena Divina. Is-serħan tiegħi jinsab f’li nxandar il-ħniena Tiegħek. Ir-ruħ tagħti l-ikbar glorja lill-Ħallieq tagħha meta hija ddur b’fiduċja lejn il-Ħniena Divina.

 

 

931.                 10 ta’ Frar (1937). Illum l-Erbgħa tal-Irmied.

 

Waqt il-Quddiesa, ħassejt għal ftit il-Passjoni ta’ Ġesu’ fil-membri ta’ ġismi. Ir-Randan hu żmien speċjali ħafna għall-ħidma tas-saċerdoti. Aħna għadna ngħinhuom biex isalvaw l-erwieħ.

 

 

932.                 Ftit ġranet ilu, ktibt lid-direttur tiegħi (probabilment Patri Andrasz) (nota168), u tlabtu l-permess sabiex nagħmel xi ftit mortifikazzjonijiet matul ir-Randan. Peress lit-tabib ma kienx tani permess immur il-belt, kelli nikkomunika miegħu permezz ta’ xi ittra. Imma wasal l-Erbgħa tal-Irmied diġa’, u għadni ma rċevejt l-ebda tweġiba. Dalgħodu wara t-Tqarbin, tlabt lil Ġesu’ jagħti ispirazzjoni lid-direttur tiegħi bid-dawl Tiegħu sabiex hu jweġibni, u kont naf ġewwa fija li s-saċerdot ma kienx kontra li jiena nipprattika dawn il-mortifikazzjonijiet li kont tlabt permess għalihom, u li hu kien ser jagħtini l-permess tiegħu. Għalhekk, fil-paċi, bdejt nagħmel dawn il-prattiki. Dak inhar stess wara nofs inhar irċevejt ittra mingħand is-saċerdot, fejn qalli li jippermettili nagħmel dawk il-prattiki li għalihom kont tlabt permess. Ħadt gost ħafna li l-għarfien li kelli ġewwa fija kien jaqbel mal-opinjoni tad-direttur Spiritwali tiegħi.

 

 

933.                 Imbagħad smajt dal-kliem li ġej ġewwa ruħi: Inti għad tirċievi premju ikbar għall-ubbidjenza tiegħek u għall-mod kif inti tissottometti ruħek għall-konfessur tiegħek milli għall-prattiki li inti għad twettaq. Kun af dan, binti, u aġixxi skont dan: kwalunkwe ħaġa, tkun xi tkun, tkun ċkejkna kemm tkun, li għandha fuqha s-siġill tal-ubbidjenza lejn ir-rappreżentant Tiegħi tkun togħġobni u tkun kbira f’għajnejja.

 

 

934.                 Prattiki żgħar għar-Randan. Għalkemm nixtieq nagħmel din il-ħaġa, ma nistax nipprattika mortifikazzjonijiet kbar bħal qabel, għax ninsab taħt l-osservazzjoni stretta tat-tabib. Imma nista’ nipprattika affarijiet żgħar: l-ewwel – norqod mingħajr imħadda; inżomm ruħi daqsxejn bil-ġuħ; kuljum, b’idejja miftuħin quddiemi, ngħid il-kurunella li l-Mulej għallimni; xi kultant, b’idejja miftuħin, għal żmien indefinit nitlob b’mod informali. Intenzjoni: li nittallab il-ħniena divina għall-imsejkna midinbin, u għas-saċerdoti, il-qawwa li jwasslu l-qlub tal-midinbin għall-indiema.

 

 

935.                 Il-kuntatt tiegħi mal-moribondi hu, bħalma kien fil-passat, mill-qrib ħafna. Ta’ spiss jiena nsieħeb persuna li tkun qiegħda tmut x’imkien fil-bogħod, imma l-ikbar hena tiegħi hu meta jiena nara l-wegħda tal-ħniena tiġi mwettqa f’dawn l-erwieħ. Il-Mulej hu fidil; dak li Hu darba ordna – Huwa jwettaq.

 

 

936.                 + Ċerta persuna fis-sala tagħna kienet bdiet tmut. Fost torturi terribbli, kienet qiegħda tmut għal tlett ijiem, filwaqt li xi kultant reġgħet bdiet tiġi f’tagħha. Kulħadd fis-sala kien qed jitlob għaliha. Xtaqt ħafna immur għandha, imma l-Madre Superjura ma kenitx tatni l-permess immur inżur il-moribondi; jiena għalhekk tlabt għal dik ir-ruħ imsejkna minn ġo kamarti. Imma meta smajt li kienet għadha agunija, u ħadd ma seta’ jgħid kemm kienet sejra ddum f’dan l-istat, f’daqqa waħda ħassejtni ispirata f’ruħi u għidt lill-Mulej, “ Ġesu’, jekk dan kollu li jiena nagħmel jogħġbok, qiegħda nitolbok, bħala sinjal, tippermetti li dik ir-ruħ tieqaf mit-tbatija tagħha u tgħaddi fil-pront għall-eternita’ tagħha fil-hena.” Ftit minuti wara sirt naf li din il-persuna kienet mietet tant fil-paċi u malajr li lanqas biss kellhom ħin jixgħelu xemgħa.

 

 

937.                 + Ser ngħid ftit ieħor fuq id-dierttur spiritwali tiegħi (Patri Andrasz jew Dun Sopocko) (nota169). Hija ħaġa stramba li hemm tant ftit saċerdoti li huma kapaċi jferrgħu qawwa, saħħa u kuraġġ f’ruħ sabiex hija tkun tista’ tagħmel progress il-ħin kollu mingħajr ma tgħejja. B’direzzjoni bħal din, ruħ anke jekk ma tkunx daqshekk b’saħħitha, tista’ tagħmel ħafna għall-glorja ta’ Alla. U hawnhekk jiena skoprejt sigriet; jiġifieri, li l-konfessur, jew pjuttost id-direttur spiritwali, ma jinjorax il-ħmerijiet li r-ruħ iġġib quddiemu. U meta r-ruħ tinduna li qiegħda tiġi kkontrollata f’din il-ħaġa, tibda teżerċita ruħha u ma tħallix għaddejja l-iċken opportunita’ sabiex hija tipprattika l-virtu’ u tevita wkoll l-iċken difetti. U minn dawn l-isforzi kollha, bħal ma  jsir permezz ta’ ġebel żgħir, jitla’ ġewwa r-ruħ tempju mill-isbaħ. Għall-kuntrarju, jekk ir-ruħ tinduna li l-konfessur ma jagħtix kas ta’ dawn l-affarijiet żgħar, hi wkoll ma tagħtix kas tagħhom u ma tibqax tgħidlu bihom lill-konfessur u , agħar minn hekk, hi tibda ssir traskurata fl-affarijiet iż-żgħar. B’dan il-mod, minflok ma timxi ‘l quddiem, bil-mod il-mod tibda tmur lura u tinduna bis-sitwazzjoni biss meta tkun diġa’ waqgħet f’inkwiet serju. Hawnhekk, tiġi waħedha mistoqsija serja: ta’ min hu t-tort, ir-ruħ li qedgħin nitkellmu fuqha jew il-konfessur; jiġifieri, id-direttur? Jiena jidhirli li l-ħtija kollha għandha titpoġġa fuq id-direttur li ma użax prudenza; l-unika ħtija tar-ruħ hi li tkun ħadet fuqha nnfisha l-għażla tad-direttur. Id-direttur seta’ mexxa r-ruħ fit-triq tar-rieda ta’ Alla lejn il-qdusija.

 

 

938.                 Ir-ruħ suppost kienet talbet bil-ħerqa u iktar fit-tul għal direttur u kien messa talbet lill-Mulej innifsu jagħżlilha direttur spiritwali. Dak li jaf il-bidu tiegħu lil Alla jkun ġej minnu, u dak li jibda b’mod purament uman jibqa’ uman. Alla tant hu ħanin li sabiex jgħin lir-ruħ Hu stess jagħżel id-direttur spiritwali u jdawwal lir-ruħ min hu dak li quddiemu hi tista’ tikxef il-fond l-iktar moħbi tar-ruħ tagħha preċiż kif hi tara lilha nnfisha quddiem il-Mulej Ġesu’ nnifsu. U meta r-ruħ tikkonsidra u tagħraf li Alla kien irranġa dan kollu, hi għandha titlob bil-ħerqa għall-konfessur sabiex ikollu d-dawl divin li jkun jaf sewwa din il-ħaġa. U m’għandhiex tibdel direttur bħal dan ħlief għal xi raġuni serja. Bħalma kienet talbet bil-qalb u fit-tul sabiex issir taf x’inhi r-rieda ta’ Alla qabel ma għażlet id-direttur tagħha, hekk ukoll għandha titlob bil-qalb u fit-tul  sabiex issir taf jekk kenitx verament ir-rieda ta’ Alla li hi twarrab lil dan id-direttur u tagħżel ieħor. Jekk ir-rieda ta’ Alla ma tkunx assolutament ċara, dak li jkun m’għandux jibdel, għax bniedem ma jistax jimxi ħafna waħdu, u dan hu preċiżament li jrid Satana; li l-bniedem li jkun qed jaspira għall-qdusija jmexxi lilu nnifsu għax f’dan il-każ, bla ebda dubju, qatt m’hu ser jirnexxilu.

 

 

939.                 Hemm eċċezzjoni (għal din il-ħaġa), u din hi meta Alla nnifsu jmexxi lill-persuna, imma d-direttur ikun jista’ jinduna fil-pront li lil din il-persuna qiegħed imexxiha Alla nnifsu. Alla jippermettilu jkun jaf dan b’mod ċar, u din il-persuna, iktar u iktar minn ħaddieħor, għandha tkun ikkontrollata mid-direttur. F’dan il-każ, il-funzjoni tad-direttur mhix daqstant li hu jmexxi u juri lir-ruħ liema hi t-triq li fiha hi trid timxi; imma pjuttost, jiġġudika u jikkonferma li r-ruħ tinsab miexja fit-triq it-tajba u li l-ispirtu li qed imexxiha hu spirtu tajjeb.

 

F’sitwazzjoni bħal din, id-direttur irid ikun mhux biss qaddis, iżda jrid ikollu wkoll l-esperjenza u l-prudenza, u r-ruħ trid tagħti prijorita’ lill-opinjoni tiegħu iktar milli dik ta’ Alla nnifsu, għax imbagħad r-ruħ tkun imħarsa minn illużjonijiet u devjazzjonijiet. Ruħ li ma tridx tissottometti l-ispirazzjonijiet tagħha għal kollox taħt il-kontroll strett tal-Knisja – jiġifieri, għad-direttur – turi biċ-ċar f’din il-ħaġa li hemm spirtu ħażin qiegħed imexxiha. Id-direttur għandu juża prudenza kbira ħafna f’każijiet bħal dawn u jgħarbel l-ubbidjenza tar-ruħ. Satana jaf jilbes mantell ta’ umilta’ wkoll imma ma jafx jilbes mantell ta’ ubbidjenza u b’dan il-mod jistgħu jinkixfu l-pjanijiet ħżiena tiegħu. Imma d-direttur m’għandux juri li qed jibża’ daqshekk minn ruħ bħal din, għax jekk Alla jafdalu f’idejh ruħ daqshekk speċjali, Huwa ser jagħtih ukoll dawl divin kbir dwarha, għax jekk ma jkunx hekk kif jista’ hu jmexxi bil-għerf għal dak li għandu x’jaqsam mal-misteri kbar li jseħħu bejn ir-ruħ u Alla.

 

 

940.                 Jiena stess batejt ħafna u għaddejt minn provi kbar f’din il-ħaġa. Għalhekk qiegħda nikteb biss dwar dak li jiena stess għaddejt minnu. Kien biss wara ħafna noveni, talb u penitenzi li Alla bagħatli saċerdot li fehem ir-ruħ tiegħi. Kemm kien ikun hemm ħafna aktar erwieħ qaddisin li kieku kien hemm iktar konfessuri qaddisin u b’esperjenza. Ħafna huma l-erwieħ, li qedgħin jissieltu bis-serjeta’ għall-qdusija, li ma jirnexxilhomx ikomplu mexjin waħedhom fi żminijiet ta’ prova u jabbandunaw it-triq li twassal għall-perfezzjoni.

 

 

941.                 O Ġesu’, agħtina saċerdoti mħeġġa u qaddisin! O, kemm hi kbira d-dinjita’ tas-saċerdot, imma fl-istess ħin, kemm hi kbira r-responsabbilta’ tiegħu! Ħafna ġie mogħti lilek, O saċerdot, imma ta’ ħafna wkoll inti ser ikollok tagħti rendikont ...

 

 

942.                 11 ta’ Frar (1937). Illum il-Ġimgħa. Waqt il-Quddiesa, batejt l-uġigħ f’ġismi: f’idejja, f’saqajja u f’ġenbi. Ġesu’ qiegħed jibgħatli din it-tip ta’ tbatija sabiex jiena nkun nista’ nagħmel riparazzjoni għall-midinbin. L-uġigħ ma jdumx ħafna, iżda qawwi ħafna. Ma nbatix għal aktar minn żewġ minuti, imma t-tifkira tibqa’ għal żmien twil u tkun ċara ħafna.

 

 

943.                 + Illum, qiegħda nħoss deżolazzjoni f’ruħi li ma nafx nispjegha lanqas lili nnifsi. Nixtieq naħrab min-nies u nibki bla waqfien. Ħadd ma jista’ jifhem qalb feruta bl-imħabba, u meta qalb bħal din tħoss ġewwa fiha li hi ġiet abbandunata, ħadd ma jkun jista’ jfarraġha. O erwieħ tal-midinbin, ħadtuli l-Mulej ‘il bogħod minni, imma ma jimpurtax, ma jimpurtax; siru intom tafu kemm hu ħelu l-Mulej, u ħallu l-baħar sħiħ tal-imrar jimlieli qalbi. Jiena tajt il-faraġ divin kollu tiegħi għalikom.

 

 

944.                 + Hemm waqtiet meta ma nibqax nafda lil nnifsi, meta nħoss id-dgħufija u l-miżerja tiegħi fil-post l-aktar fond tal-esseri tiegħi, u ndunajt li mumenti bħal dawn nista’ nissaportihom biss billi nafda fil-ħniena infinita’ ta’ Alla. Paċenzja, talb u skiet – dawn jagħtu s-saħħa lir-ruħ. Hemm waqtiet meta wieħed għandu jżomm is-skiet, u meta ma tkunx ħaġa f’postha li wieħed jitkellem mal-oħrajn; dawn huma l-waqtiet meta l-bniedem ma jibqax sodisfatt bih innifsu, u meta jħossu dghajjef bħallikieku kien xi tifel żgħir,. Imbagħad ir-ruħ tiggranfa ma’ Alla b’saħħitha kollha. Fi żminijiet bħal dawn, ngħix biss bil-fidi, u meta nħossni msaħħa bil-grazzja ta’ Alla, imbagħad inħossni aktar kuraġġuża biex nitkellem mal-proxxmu tiegħi.

 

 

945.                 Filgħaxija, il-Mulej qalli, Binti strieħ fuq il-Qalb Tiegħi; qiegħed nara li inti ħdimt ħafna fl-għalqa tad-dwieli tiegħi. U ruħi ġiet imfawra b’ferħ divin.

 

 

946.                 12 ta’ Frar (1937). Illum, il-preżenza ta’ Alla qiegħda tinfidni kollni kemm jiena, bħal raġġ tax-xemx. Ruħi tixxennaq għal Alla b’tant intensita’ li kull ftit iħossni ħażin. Inħoss l-Imħabba Eterna tmissli qalbi, u ċ-ċokon tiegħi ma jkunx jiflaħ għaliha u dan iġegħelni iħossni ħażin. Xorta waħda, is-saħħa interjuri tiegħi hi kbira, u ruħi trid tkun tixbaħ lil dak l-Imħabba li biha hi maħbuba. F’waqtiet bħal dawn ir-ruħ ikollha għarfien profond ħafna ta’ Alla, u iktar ma ssir tafu, iktar safja u ħerqana ssir l-imħabba tagħha għalih. Kemm ħadd ma’ jista’ jifhem il-misteri tar-ruħ u l-misteri ta’ Alla!

 

 

947.                 Ikun hemm drabi, sigħat sħaħ, meta ruħi tintilef fl-istagħġib meta tara l-majesta’ infinita ta’ Alla titbaxxa sal-livell ta’ ruħi. Qatt ma nieqaf nistagħġeb ġewwa fija li l-Mulej l-iktar Għoli jinsab sodisfatt bija u din il-ħaġa qiegħed jgħidhieli Hu stess. U jiena nogħdos iktar fil-fond fix-xejn tiegħi, għax naf jiena x’jien minni nnifsi. Iżda rrid ngħid li jiena, biex npattilu, inħobb lill-Ħallieq tiegħi bi mħabba tal-ġenn b’kull taħbita ta’ qalbi u b’kull nerv; ruħi bla ma taf kif tegħreq, tegħreq ... fih. Inħoss li xejn ma’ jista’ jifridni mill-Mulej, la s-sema lanqas l-art, la l-preżent lanqas il-futur. Kollox jista’ jinbidel, imma l-imħabba qatt, qatt; hi dejjem l-istess. Hu, l-Omnipotenti Immortali, jgħarrafni r-rieda Tiegħu sabiex jiena nħobbu b’mod speċjali ħafna, u Hu stess jagħmel mod li ruħi tkun kapaċi tħoss it-tip ta’ mħabba li biha jixtieq li jiena nħobbu. Jiena nidfen lili nnifsi iktar u iktar fih, u ma nibża’ minn xejn.

 

L-imħabba ħakmet lil qalbi kollha, u wkoll li kieku kellhom jgħiduli bil-ġustizzja ta’ Alla u kif l-ispirti puri wkoll jirtogħdu u jgħattu wiċċhom quddiemu fil-waqt li jtennu l-ħin kollu, “Qaddis”, ħaġa li qisha turi li l-familjarita’ tiegħi ma’ Alla tkun ta’ detriment għall-unur u l-majesta’ Tiegħu, (jiena kont inwieġeb), “O, le, le u għal darb’oħra, le!” f’imħabba safja, hemm post għal kollox: l-ogħla tifħir u l-adorazzjoni l-iktar profonda, imma r-ruħ tintilef fih fil-paċi l-iktar profonda permezz tal-imħabba; u l-kliem tan-nies, filwaqt li hi tismagħhom ġejjin minn barra, ma jkollhom l-ebda effett fuq dik ir-ruħ. Dak li huma jgħidu lir-ruħ fuq Alla huwa biss dell jfakk meta jiġi mqabbel mal-esperjenza li hi għandha Tiegħu; u spiss tibqa’ mistagħġba kif nies oħrajn jimtlew bl-ammirazzjoni meta jisimgħu dak lil ħaddieħor ikun qed jgħid fuq Alla meta, għal din ir-ruħ, mhi xejn speċjali, għax taf li dak li tista’ tpoġġih fil-kliem ma jistax ikun daqshekk kbir. Din ir-ruħ għalhekk toqgħod tisma’ kollox bir-rispett kollu, imma hi għandha l-ħajja speċjali tagħha f’Alla.

 

 

948.                 13 ta’ Frar (1937). Illum, waqt is-Servizz tal-Passjoni, (nota170) jiena rajt lil Ġesu’ jiġi ttorturat u nkurunat bix-xewk u b’qasba f’idu. Ġesu’ żamm is-skiet filwaqt li s-suldati kienu ġejjin u sejrin, jikkompetu ma’ xulxin kif jittorturawh. Ġesu’ ma qal xejn, imma sempliċiment ħares lejja, u f’dik il-ħarsa ħassejt l-uġigħ Tiegħu, li tant kien terribli li ma jistax ikollna l-iċken ideja kemm bata għalina qabel ma ġie mislub. Ruħi kienet mimlija wġigħ u xenqa; ġewwa ruħi, ħassejt mibegħda kbira għad-dnub, u wkoll l-iċken infedelta’ min-naħa tiegħi dehret f’għajnejja bħal muntanja enormi li kelli npatti għaliha permezz ta’ mortifikazzjoni u penitenza. Meta nara lil Ġesu’ fost dawk it-turmenti, qalbi tiċċarrat u naħseb bejni u bejn ruħi: x’ser jiġri mill-midinbin jekk ma japprofittawx ruħhom mill-Passjoni ta’ Ġesu’? Fil-Passjoni Tiegħu, jiena nista’ nara baħar sħiħ ta’ ħniena.

 

 

+

Ġ.MĠ.   12 ta’ Frar, 1937

+ L-Imħabba ta’ Alla hija l-fjura – Il-Ħniena hi l-frott.

 

949.                 Ir-ruħ li qed tiddubita għandha taqra dawn il-konsiderazzjonijiet fuq il-Ħniena Divina u takkwista l-fiduċja. (nota171)

 

Ħniena Divina, li ħriġt minn ħdan il-Missier - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, l-akbar attribut ta’ Alla - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, misteru li ħadd ma jista’ jifhmu - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, għajn li ħarġet mill-misteru tat-Trinità Qaddisa - jiena nafda’ Fik.     

Ħniena Divina li l-ebda moħħ tal-bnedmin jew tal-angli ma jista’ jifhmek - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, li minnha tiġi kull ħajja u hena - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, aqwa mis-smewwiet - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, għajn ta’ mirakli u għeġubijiet - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, li tħaddan il-ħolqien kollu - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, li nżilt fl-art fil-Persuna tal-Verb Inkarnat - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, li ħriġt mill-ġerħa miftuħa tal-Qalb ta’ Ġesù - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, miġbura għalina fil-Qalb ta’ Ġesù, b’mod speċjali għall-midinbin - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, fit-twaqqif tal-Ewkaristija - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, fit-twaqqif tal-Knisja Mqaddsa - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, fis-Sagrament tal-Magħmudija - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, fil-ġustifikazzjoni tagħna permezz ta’ Ġesù Kristu - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, li sseħibna tul ħajjitna kollha - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, li tħaddanna ‘l aktar fis-siegħa ta’ mewtna - jiena nafda’ Fik.        

Ħniena Divina, li tagħtina l-ħajja li ma tintemmx - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, li tkun magħna f’kull ħin ta’ ħajjitna - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, li tħarisna min-nar tal-infern - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, li tidher fil-konverżjoni tal-midinbin ‘l aktar ostinati - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, li l-anġli jistgħaġbu biha, u l-Qaddisin ma jistgħux jifhmuha - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, li ħadd ma jista jifhmek fil-misteri kollha ta’ Alla - jiena nafda’ Fik.    

Ħniena Divina, li terfagħna minn kull miżerja tagħna - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, għajn tal-hena u l-ferħ tagħna - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, li mix-xejn ġibtna fl-eżistenza -   jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, li tħaddan l-għemejjel kollha ta’ jdejn Alla - jiena nafda’ Fik.   

Ħniena Divina, li tinkuruna x-xogħol kollu Tiegħu - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, li fiha aħna lkoll ninsabu mgħaddsa - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, serħan ħelu għall-qlub imnikkta - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, tama waħdanija tal-erwieħ b’jieshom maqtugħ - jiena nafda’ Fik.    

Ħniena Divina, mistrieħ tal-qlub, paċi f’kull biża’ - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, għaxqa u ferħ kbir tal-erwieħ qaddisin - jiena nafda’ Fik.

Ħniena Divina, tama kontra kull tama - jiena nafda’ Fik.

 

 

950.                 + O Alla ta’ dejjem, li l-ħniena Tiegħek hija bla tmiem u t-teżor tal-mogħdrija Tiegħek qatt ma jispiċċa, ħares bit-tjieba lejna u kattar il-ħniena Tiegħek fina, sabiex fil-mumenti tqal tal-ħajja aħna ma naqtgħux qalbna u lanqas nibżgħu, imma b’fiduċja kbira noqogħdu għar-rieda mqaddsa Tiegħek, li hi l-istess Imħabba u Ħniena.

 

 

951.                 + O Ħniena Divina bla tarf u li ħadd ma jifhmek,

Minn jista’ jfaħħrek u jadurak denjament, min?

Attribut suprem ta’ Alla Omnipotenti,

Int it-tama ħelwa għall-bniedem midneb.

 

F’innu wieħed ingħaqdu, kwiekeb, art u baħar, u f’armonija sħiħa kantaw b’radd il-ħajr u bil-qalb dwar il-Ħniena Divina li ħadd ma jista’ jifhimha.

 

 

952.                 Ġesu’ tiegħi, Inti tista’ tara li r-rieda qaddisa tiegħek hija kollox għalija. Lili ma jagħmilli l-ebda differenza x’tagħmel bija. Inti tikkmandani naqbad naħdem – u jiena nibda bil-kalma kollha, għalkemm naf li minix kapaċi nagħmilha dik il-ħaġa; permezz tar-rappreżentanti Tiegħek, Inti tikkmandani nistenna - għalhekk jiena noqgħod nistenna bil-paċenzja; Inti timlieli ruħi bl-entużjażmu – imma ma tagħmilihilix possibli li naħdem; Inti tiġbidni lejk fis-sema – u tħallini hawnhekk fl-art; Int tferra’ ġewwa ruħi xenqa kbira għalik – u Inti tistaħba minni. Jiena qiegħda mmut bix-xewqa li għandi li ningħaqad miegħek għal dejjem, u Inti ma tħallix il-mewt tersaq lejja. O rieda ta’ Alla, inti Dak li tmantni u tpaxxi lil ruħi. Meta nissottometti ruħi għar-rieda qaddisa ta’ Alla tiegħi, paċi profonda timlieli ruħi.

 

O Ġesu’ tiegħi, Inti ma tippremjax għax biċċa xogħol tiġi mwettqa b’suċċess, imma għar-rieda tajba u għall-ħidma li tkun saret. Għalhekk, inħossni fil-paċi għal kollox, ukoll jekk il-ħidmiet u l-isforzi kollha tiegħi jiltaqgħu mal-kuntrarju jew jispiċċaw fix-xejn. Jekk jiena nagħmel dak kollu li nista’, ma nħabbilx rasi fuq il-bqija. U għalhekk l-ikbar maltempati ma jiddisturbawx il-fond tal-paċi li għandi ġo fija; ir-rieda ta’ Alla tgħammar fil-kuxjenza tiegħi.

 

 

953.                 + 15 ta’ Frar 1937. Illum it-tbatija tiegħi żdidtli mhux ħażin: mhux biss qiegħda nħoss iktar uġigħ kullimkien fil-pulmuni tiegħi, imma wkoll xi wġigħ stramb fl-imsaren. Qiegħda nbati daqskemm tista’ tissaporti n-natura dgħajfa tiegħi, kollox għall-erwieħ immortali, sabiex nittallab il-ħniena ta’ Alla għall-imsejkna midinbin u sabiex nitlob is-saħħa għas-saċerdoti. O, x’rispett inħoss għas-saċerdoti; u qiegħda nitlob lil Ġesu’, is-Saċerdot il-Kbir, jagħtihom ħafna grazzji.

 

 

954.                 Illum wara t-Tqarbin, il-Mulej qalli, Binti, il-hena Tiegħi jinsab f’li ningħaqad miegħek. Meta inti tissottometti ruħek għar-rieda Tiegħi inti tagħtini l-ikbar glorja u tiġbed fuqek innifsek baħar ta’ barkiet. Jiena ma kontx nitpaxxa daqshekk bik kieku inti ma kontx qed tgħix skont ir-rieda Tiegħi. O Mistieden ħelu tiegħi, jiena lesta għas-sagrifiċċji kollha li għandi nagħmel minħabba fik, imma Inti taf li jiena l-istess dgħjufija. Imma, flimkien miegħek jiena nista’ nagħmel kollox. O Ġesu’ tiegħi, qiegħda nitolbok, kun miegħi kull ħin u kull mument.

 

 

955.                 15 ta’ Frar 1937. Illum, jiena smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Ostja li togħġob lil Missieri, kun af binti, lis-Santissima Trinita’ kollha ssib l-hena speċjali tagħha fik, għax inti tgħix b’mod totali skont ir-rieda ta’ Alla. L-ebda sagrifiċċju ma tista’ tqabblu ma’ din il-ħaġa.

 

 

956.                 + Wara dan il-kliem, irċevejt l-għarfien tar-rieda ta’ Alla; jiġifieri, jiena issa nista’ nara kollox minn perspettiva ogħla u naċċetta l-ġrajjiet kollha u kollox, sabiħ jew mhux, bi mħabba, bħala sinjal tal-imħabba speċjali tal-Missier fis-sema.

 

 

957.                 L-offerta safja tar-rieda tiegħi taqbad u tikkonsma fuq l-altar tal-imħabba. Sabiex is-sagrifiċċju tiegħi jkun perfett, jiena ningħaqad mill-qrib mas-sagrifiċċju ta’ Ġesu’ fuq is-salib. Meta tbatijiet kbar iġiegħlu n-natura tiegħi tirtogħod, u s-saħħa fiżika u spiritwali tiegħi għad jonqsu, imbagħad jiena naħbi lili nnifsi fil-ferita miftuħa tal-Qalb ta’ Ġesu’, siekta bħal ħamiema, bla ebda tgergira. Ix-xewqat tiegħi kollha, ukoll dawk li huma l-iktar qaddisin, l-iktar nobbli u l-isbaħ, għandhom dejjem jieħdu l-aħħar post u r-rieda qaddisa Tiegħek tieħu l-ewwel post. L-iċken waħda mix-xewqat Tiegħek, O Mulej, għalija hi iktar prezzjuża mis-sema, bit-teżori kollha tagħha. Naf tajjeb lin-nies m’humiex ser jifhmuni; għalhekk is-sagrifiċċju tiegħi jkun iktar safi f’għajnejk.

 

 

958.                 Ftit ġranet ilu, ċerta persuna ġiet għandi u talbitni nitlob skont l-intenzjoni tagħha, għax kellha biċċa xogħol urġenti u importanti. F’daqqa waħda ħassejt ġewwa fija li din il-ħaġa ma kenitx togħġbu lil Alla, u weġibtha li ma kontx ser nitlob għal din l-intenzjoni, “imma nitlob għalik b’mod ġenerali” (żidt ngħid.) Xi ġranet wara, din is-sinjura ġiet għandi u rringrazzjatni li ma kontx tlabt għall-intenzjoni tagħha, imma pjuttost għaliha, għax kien immotivaha l-ispirtu tal-vednikazzjoni għal ċerta persuna li lejha hi kellha turi rispett u qima skont ir-raba’ kmandament. Il-Mulej Ġesu’ kien biddlilha (d-diżpozzjonijiet) interjuri tagħha, u hi stess ammettiet il-ħtija tagħha; imma stagħġbet li jiena kont infidt sa ġos-sigriet tagħha.

 

 

959.                 + Illum rċevejt ittra mingħand Dun Sopocko, li bagħatli l-awguri għal jum il-festa tiegħi (15 ta’Frar). It-tislijiet tiegħu ferħuni, imma l-fatt li ma kienx qed iħossu tajjeb sewwidli qalbi. Kont naf b’din il-ħaġa b’intwizzjoni interna, imma ma kontx lesta li nemminha. Imma jidhirli li jekk hu stess kiteb li dan kien minnu, mela l-affarijiet l-oħrajn li ma kienx semmiehom meta kiteb huma minnhom ukoll, u l-għarfien li kont ħassejt ġewwa fija ma kienx daħak bija. Huwa talabni niġbed linja taħt ċerti kliem biex nenfażizza dak kollu li jiena naf u li mhux ġej mingħandi stess; jiġifieri, dak kollu li Ġesu’ jgħidli u li jiena nisma’ ġewwa ruħi. (nota172) Kien diġa’ talabni nagħmel din il-ħaġa diversi drabi, imma ma kellix ħin, u biex ngħid il-verita’, ma kellix għaġla biex nagħmilha. Imma kif sar jaf li m’għamilthiex? Din kienet sorpriża kbira għalija; imma issa ser naqbad nagħmel din l-biċċa xogħol b’qalbi kollha. O Ġesu’ tiegħi, hija ħaġa ċara lir-rieda tar-rappreżentant Tiegħek hi wkoll ir-rieda qaddisa Tiegħek, m’hemm l-ebda dubju.

 

 

960.                 16 ta’ Frar 1937. Illum bi żball dħalt fil-kamra ta’ ħdejja, u għalhekk qgħadt nitkellem ftit mal-persuna li kien hemm. Meta mort lura f’kamarti, qgħadt naħseb ftit fuq dik il-persuna. Imbagħad f’daqqa waħda, sibt lil Ġesu’ maġenbi u qalli, Binti, fuqhiex qed taħseb bħalissa? Bla ma qgħadt naħseb iżjed, dħalt nitkennen qrib il-Qalb Tiegħu, għax irrealizzajt li kont qiegħda naħseb wisq fuq il-ħlejjaq.

 

 

961.                 + Dalgħodu wara li spiċċajt mill-eżerċizzi spiritwali, qbadt mill-ewwel naħdem il-ganċ. Ħassejt il-kalma ġewwa qalbi; ħassejt li kien Ġesu’ jistrieħ hemm ġew. Meta sirt konxja b’mod hekk profond u ħelu tal-preżenza ta’ Alla ħassejtni mbuttata li ngħid lill-Mulej, “O Trinita’ Santissima li qed tgħammar ġewwa qalbi, nitolbok: agħti l-grazzja tal-konverżjoni lil daqstant erwieħ daqskemm jiena sejra nagħmel ponti llum b’dan il-ganċ.” Umbagħad smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Binti, qiegħda titlobni wisq. “Ġesu’, Inti taf li għalik hi ħaġa eħfef tagħti ħafna milli tagħti ftit.” Dan hu minnu, hija ħaġa inqas diffiċli għalija li nagħti lir-ruħ ħafna milli ftit, imma kull konverżjoni ta’ ruħ midinba teħtieġ sagrifiċċju. “Mela, Ġesu’, jiena qiegħda noffrilek din il-biċċa xogħol li qiegħda nagħmel b’qalbi kollha; f’għajnejja din l-offerta ma tidhirx li hi daqshekk ċkejkna għal għadd hekk kbir ta’ erwieħ. Inti taf Ġesu’, li għal tletin sena sħaħ Inti kont qed issalva l-erwieħ preċiżament b’dan it-tip ta’ xogħol. U la l-ubbidjenza qaddisa ma tippermettilix nagħmel penitenzi u mortifikazzjonijiet kbar, għalhekk jiena qiegħda nitolbok, Mulej, li taċċetta dawn l-affarijiet ċkejknin li mhuma xejn fihom infushom imma li huma mmarkati bis-siġill tal-ubbidjenza bħallikieku kienu affarijiet kbar.” Imbagħad smajt vuċi ġewwa ruħi: Binti l-għażiża, nilqa’ t-talba tiegħek.

 

 

962.                 + Spiss nara ċerta persuna li hi għażiża f’għajnejn Alla. Il-Mulej għandu mħabba kbira għalih, mhux biss għax hu qed jagħmel ħiltu kollha biex ixerred il-qima lejn il-ħniena ta’ Alla, imma wkoll għax hu għandu mħabba għall-Mulej Alla, għalkemm mhux dejjem iħoss din l-imħabba f’qalbu u kważi dejjem jinsab fil-Ġetsemani. Imma din il-persuna dejjem togħġbu lil Alla, u l-paċenzja kbira tiegħu għad tegħleb id-diffikultajiet kollha.

 

 

963.                 + O, li kieku r-ruħ li qiegħda ssofri kienet taf kemm hi maħbuba minn Alla, kienet tmut bil-ferħ u eċċess ta’ hena! Xi darba, għad insiru nafu l-valur tat-tbatija, imma mbagħad m’għadx inkunu kapaċi nbatu. Il-mument ta’ issa hu tagħna.

 

 

964.                 17 ta’ Frar 1937. Dalgħodu waqt il-Quddiesa, rajt lil Ġesu’ qed ibati. Il-Passjoni tiegħu ġiet stampata fuq ġismi b’mod inviżibbli, imma xorta waħda bl-uġigħ kollu li Hu kien ħass.

 

 

965.                 Ġesu’ ħares lejja u qalli, L-erwieħ jintilfu minkejja l-Passjoni ħarxa Tiegħi. Jiena qiegħed nagħtihom l-aħħar tama ta’ salvazzjoni: jiġifieri, il-Festa tal-Ħniena Tiegħi. Jekk huma ma jadurawx il-ħniena Tiegħi, huma jintilfu għall-eternita’. Segretarja tal-ħniena Tiegħi, ikteb, għid lill-erwieħ b’din il-ħniena kbira Tiegħi, għax il-jum tal-biża’ il-jum tal-Ġustizzja Tiegħi, jinsab fil-qrib.

 

 

966.                 + Illum, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Binti, wasal iż-żmien meta inti trid tibda taħdem; Jiena qiegħed miegħek. Hemm lesti għalik persekuzzjonijiet u tbatijiet kbar, imma għandu jfarrġek il-ħsieb li ħafna erwieħ għad jiġu salvati u mqaddsin permezz ta’ din l-opra.

 

 

967.                  + Meta bdejt naħdem u nenfasizza kliem il-Mulej billi niġbed linja taħthom u kont qed nara kollox, ħaġa wara l-oħra, wasalt fil-paġna fejn kont immarkajt il-parir u l-istruzzjonijiet li kien tani Parti Andrasz. Ma kontx naf x’ser naqbad nagħmel, jekk għandix niġbed linja taħthom jew le, u mbagħad smajt dan il-kliem ġewwa ruħi, Iġbed linja, enfasizza, għax dan il-kliem huma Tiegħi; jiena ssellift xofftejn il-ħabib ta’ Qalbi sabiex inkellmek u nassigurak. Inti għandek tosserva dawn l-istruzzjonijiet sa mewtek. Ma tagħtini l-ebda gost li kieku kellek ma tobdix dawn l-istruzzjonijiet. Kun af li kont Jiena li poġġejtu bejni u bejn ruħek. Qed nagħmel hekk biex inti tkun fil-paċi u ma tagħmilx żbalji.

 

 

968.                 Ladarba Jiena poġġejtek fil-kura speċjali ta’ dan is-saċerdot, inti b’dan il-mod ġejt eżentata milli tagħti rendikont dettaljat lis-superjuri tiegħek dwar ir-relazzjoni Tiegħi miegħek. Fl-affarijiet l-oħrajn kollha, qisek tifla mas-superjuri tiegħek, imma nagħmel x’nagħmel Jiena fil-fond ta’ ruħek, inti għandek tgħidu biss lis-saċerdoti, bis-sinċerita’ kollha.

 

U nnutajt li minn mindu Alla tani direttur spiritwali, ma talabnix nirraporta kollox lis-superjuri tiegħi, bħalma kien jagħmel qabel, imma dak biss li għandu x’jaqsam ma’ affarijiet esterni; dan kollu apparti, id-direttur biss jafha lil ruħi. Li jkollok direttur spiritwali hi grazzja speċjali mingħand Alla. O, kemm huma ftit l-erwieħ li rċevewha! Ir-ruħ tibqa’ l-ħin kollu fil-paċi fost l-ikbar diffikultajiet. Kuljum wara t-Tqarbin, inrodd ħajr lill-Mulej Ġesu’ għal din il-grazzja, u kuljum nitlob lill-Ispirtu s-Santu jdawwallu moħħu. Ħassejt bis-sħiħ ġewwa ruħi l-qawwa li għandu kliem id-direttur. Imbierka l-ħniena ta’ Alla għal din il-grazzja!

 

 

969.                 + Illum mort nagħmel meditazzjoni quddiem is-Sagrament Imqaddes (fil-kappella tas-sanatorju). X’ħin ersaqt lejn l-altar, il-preżenza ta’ Alla mlietli ruħi, ġejt mitfugħa fl-oċejan tad-divinita’ Tiegħu, u Ġesu’ qalli, Binti, dak kollu li jeżisti jinsab f’idejk. Jien weġibt lill-Mulej, “Qalbi ma trid xejn ħliefek biss, O Teżor ta’ qalbi. Għar-rigali kollha li Inti tagħtini, grazzi, O Mulej, imma jiena nixtieq biss il-Qalb Tiegħek. Għalkemm is-smewwiet huma ta’ kobor bla qies, għalija mhuma xejn mingħajrek. Inti taf tajjeb, O Ġesu’, li jiena nintilef minn sensija bix-xenqa li nħoss għalik.” Kun af, binti, li inti diġa qiegħda ttiegħem minn issa dak li erwieħ oħrajn għad jakkwistaw biss fl-eternita’.

 

 

970.                 U f’daqqa waħda, ruħi ġiet mdawla kollha kemm hi bl-għarfien ta’ Alla. O, li kieku stajt nesprimi mqar biċċa żgħira minn dak li tħoss ruħi meta hi tkun qiegħda tistrieħ qrib il-Qalb tal-Majesta’ li ħadd ma jista’ jifhimha! Ma nistax inpoġġiha fi kliem. Tkun biss xi ruħ li kellha esperjenza bħal din almenu darba f’ħajjitha, li tkun tista’ tagħrafha. X’ħin mort lura f’kamarti, ħassejtni qisni ġejja mill-ħajja reali għall-mewt. X’ħin ġie t-tabib jiċċekkjali l-polz, stagħġeb: “X’ġara, Sor? Qatt ma kellek il-polz jiġri hekk! Nixtieq insir naf x’ġiegħlu jiġri daqshekk.” Xi stajt ngħidlu jiena, jekk lanqas jiena stess ma kont naf li l-polz tiegħi kien qed jiġri daqshekk. Jiena naf biss ħaġa waħda, li qiegħed mmut bix-xewqa li għandi għal Alla, imma din il-ħaġa ma għidtilhux, għax kif tista’ l-mediċina tgħin f’kaz bħal dan?  

 

 

971.                 19 ta’ Frar 1937. Kuntatt mal-moribondi. Huma jitolbuni t-talb, u jiena nista’ nitlob, għax il-Mulej qiegħed jagħtini spirtu straordinarju ta’ talb. Jiena ninsab magħquda miegħu l-ħin kollu, u naf sewwa li jiena qiegħda ngħix għall-erwieħ sabiex inwassalhom għand il-ħniena Tiegħek, O Mulej. F’ħaġa bħal din l-ebda sagrifiċċju m’hu insinifikanti.

 

 

972.                 Illum, it-tabib iddeċieda li għandi nibqa’ hawn sa April. Hi r-rieda ta’ Alla, għalkemm jiena ridt nerġa’ mmur lura fil-kumpanija ta’ ħuti s-sorijiet.

 

 

973.                 Illum sirt naf bil-mewt ta’ waħda mis-sorijiet tagħna (nota173) li mietet fi Plock, imma hi ġiet iżżurni wkoll qabel ma qaluli bil-mewt tagħha.

 

 

974.                 22 ta’ Frar 1937. Illum, beda rtir fil-kappella tagħna għal dawk li jaħdmu fl-isptar, għalkemm kull min irid jista’ jattendi. Issir konferneza kuljum. Patri Bonaventura (nota174) jitkellem għal siegħa sħiħa, u jkellem lill-erwieħ b’mod dirett. Jiena mort għal dan l-irtir, għax nixtieq ħafna nsir naf lil Alla iktar fil-fond u nħobbu b’ħeġġa ikbar għax jiena fhimt li iktar ma jkun kbir l-għarfien, iktar tkun qawwija l-imħabba.

 

 

975.                 Illum smajt dan il-kliem: Itlob għall-erwieħ sabiex huma ma jibżgħux jersqu lejn it-tribunal tal-ħniena tiegħi. Tgħejjiex titlob għall-midinbin. Inti taf x’toqol huma l-erwieħ tagħhom fuq Qalbi. Serraħ dan id-dwejjaq Tiegħi tal-mewt; qassam il-ħniena Tiegħi.

 

 

976.                 24 ta’ Frar 1937. Illum waqt il-Quddiesa, rajt lil Ġesu’ qed imut. It-tbatijiet tal-Mulej nifduli ruħi u ġismi b’mod inviżżibli. L-uġigħ hu enormi, għalkemm ftit idum.

 

 

977.                 Waqt il-kant tal-Lamentazzjonijiet tar-Randan, tant nidħol fil-Passjoni Tiegħu li ma nistax inżomm id-dmugħ. Nixtieq ninħeba sabiex ningħata l-liberta’ għad-dwejjaq li nħoss meta naħseb fuq il-Passjoni Tiegħu.

 

 

978.                 X’ħin kont qiegħda nitlob għall-intenzjoni ta’ Patri Andrasz, sirt naf kemm jogħġob lil Alla. Minn dak iż-żmien, kelli rispett dejjem ikbar għalih, bħalma nħoss għal xi qaddis. Din il-ħaġa ferrħitni ħafna, u nrodd ħajr lil Alla għalih b’qalbi kollha.

 

 

979.                 Illum waqt il-Barka, rajt lil Ġesu’, u qalli dan il-kliem: Obdi d-direttur tiegħek f’kollox; il-kelma tiegħu hi r-rieda Tiegħi. Tista’ tkun żgura fil-fond ta’ ruħek li nkun Jiena li qed nitkellem permezz ta’ xofftejh, u Jiena nixtieq li inti tirrivelalu l-istat ta’ ruħek bl-istess sempliċita’ u sinċerita’ li inti għandek Miegħi. Nerġa’ ntenni, binti: kun af li l-kelma tiegħu hi r-rieda Tiegħi għalik.

 

 

980.                 Illum, rajt lill-Mulej fi sbuħija kbira, u qalli, ostja Tiegħi li taf tħobb, itlob għas-saċerdoti, l-aktar f’dan iż-żmien ta’ ħsad. Int togħġob lil Qalbi, u minħabba fik Jiena qiegħed imbierek l-art.

 

 

981.                 Jiena fhimt li dawn is-sentejn ta’ tbatija interjuri, f’sottomissjoni għar-rieda ta’ Alla, għaddejt minnhom sabiex insir naf aħjar x’inhi u mexxewni iktar ‘il quddiem fil-perfezzjoni mill-għaxar snin ta’ qabel. Għal dawn is-sentejn issa, jiena kont fuq is-salib bejn l-art u s-sema. Jiġifieri, jiena ninsab marbuta bil-vot tal-ubbidjenza u rrid nobdi lis-superjura bħallikieku kienet Alla nnifsu. U mill-banda l-oħra, Alla qiegħed jgħarrafni r-rieda Tiegħu direttament, u għalhekk it-torturi ta’ ġo fija tant huma kbar li ħadd ma jista’ la jifhem lanqas jimmaġina dawn it-tbatijiet spiritwali. F’għajnejja tidher ħaġa eħfef li jiena nagħti ħajti milli nerġa’ ngħaddi minn siegħa waħda ta’ wġigħ bħal dan. Lanqas biss ma jiena sejra nikteb ħafna fuq din il-ħaġa, għax ma nistax niddeskrivi x’jiġifieri tkun taf direttament x’inhi r-rieda ta’ Alla u fl-istess ħin tobdi b’mod perfett ir-rieda divina kif ġiet espressa indirettament permezz tas-superjuri. Inrodd ħajr lil Alla li tani direttur; kieku ma kienx hekk, ma kontx nimxi pass wieħed ‘il quddiem.

 

 

982.                 + Dan l-aħħar irċevejt ittra sabiħa mingħand oħti l-għażiża li għandha sbatax-il sena (Wanda (nota175)). Hija qiegħda titlobni u titlobni ngħinha ssir soru. Hi tinsab lesta għal kwalunkwe sagrifiċċju għal Alla. Mill-ittra tagħha nista’ ninduna li l-Mulej innifsu qed imexxiha, u nifraħ bil-ħniena kbira ta’ Alla.

 

 

983.                  + Illum, il-Majesta’ ta’ Alla daret miegħi u nifditli ruħi sa ġewwanett. Il-kobor ta’ Alla qiegħed jimlieli ruħi u jfawwarni b’mod li qed negħreq kompletament fil-kobor Tiegħu. Qiegħda ninħall u nisparixxi kompletament fih bħallikieku fl-għajn ta’ ħajti, bħal f’ħajja perfetta.

 

 

984.                 Ġesu’ tiegħi, jiena nifhem tajjeb li l-perfezzjoni tiegħi ma tikkonsistix fil-fatt li Inti qed tikkmandani nwettaq dawn l-opri kbar Tiegħek – O le! – mhux f’dan tikkonsisti l-kobor tar-ruħ, imma fi mħabba kbira għalik. O Ġesu’, fil-fond ta’ ruħi jiena nista’ nifhem li l-ikbar opri m’għandhom xejn x’jaqsmu ma’ att wieħed ta’ mħabba pura għalik. Nixtieq inkun fidila lejk u nagħmel dak li Inti qed tordnali. Jiena qiegħda nagħmel użu mis-saħħa tiegħi u mill-użu tiegħi tar-raġuni sabiex inwettaq dak kollu li Inti qed titlob mingħandi, O Mulej, imma m’għandi lanqas l-iċken dell ta’ rabta ma’ dan kollu. Qiegħda nagħmlu kollu kemm hu għax din hi r-rieda Tiegħek. Imħabbti kollha tinsab mgħarrqa, mhux fl-opri Tiegħek, imma fik stess, O Ħalliq u Mulej tiegħi!

 

 

985.                 25 ta’ Frar 1937. Tlabt b’saħħti kollha għal mewta tajba ta’ ċertu ruħ li kienet qiegħda tbati ħafna. Għal ġimgħatejn baqgħet bejn ħajja u mewt. Ħassejtni mqanqla b’ħasra għaliha u għidt lill-Mulej, “Ġesu’ ħelu, jekk l-opri li jiena qiegħed nwettaq għall-glorja Tiegħek jogħġbuk, mela jekk jogħġbok ħudha għandek u ħalliha tistrieħ fil-ħniena Tiegħek.” B’mod stramb ħassejtni fiċ-ċert; u wara ftit, ġew jgħiduli li l-persuna li tant kienet qiegħda tbati kienet għadha kif mietet.

 

 

986.                 Rajt ċertu saċerdot (probabilment Dun Sopocko) fil-bżonn u tlabt għalih sakemm Ġesu’ ħares lejh bi tjubija u tah saħħtu.

 

 

987.                 Illum, sirt naf li membru tal-familja tiegħi qiegħed joffendi lil Alla u jinsab f’periklu kbir tal-mewt. Dan l-għarfien nifidli ruħi b’uġigħ hekk kbir li ħsibt li ma kontx ser nibqa’ ħajja wara li sirt naf b’dik l-offiża kontra Alla. Tlabt maħfra lil Alla, imma rajt il-korla kbira Tiegħu.

 

 

988.                 Kont qiegħed nitlob għal ċertu saċerdot (probabilment Dun Sopocko), u tlabt lil Alla jgħinu f’ċerti affarijiet meta f’daqqa waħda rajt lil Ġesu’ Msallab. Għajnejh kienu magħluqin, u kien mgħaddas fit-torturi. Jiena tajt qima lill-ħames pjagi Tiegħu, kull waħda għaliha, u tlabt il-barka Tiegħu għalih. Ġesu’ tani x’nifhem ġewwa fija kemm kienet għażiża dik ir-ruħ għalih, u ħassejt li l-grazzja kienet ħierġa mill-pjagi ta’ Ġesu’ fuq dik ir-ruħ li, bħal Ġesu’, hija wkoll minxura fuq is-salib.

 

 

989.                 Mulej Tiegħi u Alla tiegħi, Inti taf li ruħi waslet li tħobb lilek biss. Ruħi tinsab mitlufa kompletament fik, O Mulej. Ukoll li kieku ma wettaqt xejn mill-affarijiet li Inti għarraftni bihom, O Mulej, kont inkun kompletament fil-paċi għax kont inkun għamilt dak li stajt.

 

 

990.                 Naf tajjeb, O Mulej, li Inti m’għandekx bżonn tal-opri tagħna; Inti trid imħabba. Imħabba, imħabba u għal barb’oħra, imħabba ta’ Alla – m’hemm xejn ikbar fis-sema u fl-art. L-ikbar kobor jinsab f’li tħobb lil Alla; il-kobor veru jinsab f’li tħobb lil Alla; l-għerf veru jinsab f’Alla; m’hemm l-ebda sbuħija jew kobor barra minnu. O intom għorrief tad-dinja u mħuħ agħrfu li l-kobor veru jinsab f’li tħobb lil Alla! O kemm nistagħġeb li xi nies jidħku bihom infushom u jgħidu: M’hemmx eternita’!

 

 

991.                 26 ta’ Frar 1937. Illum rajt kif il-Misteri Qaddisa kienu qedgħin jiġu ċċelebrati mingħajr paramenti sagri liturġiċi u fi djar privati, minħabba li kienet għaddejja maltempata; u rajt ix-xemx ħierġa mis-Sagrament Imqaddes, u d-dwal l-oħrajn kollha ntfew, jew pjuttost, tbaxxew; u n-nies kollha kienu qedgħin iħarsu lejn dan id-dawl (wieħed). Imma bħalissa ma nistax nifhem xi tfisser din id-dehra. (nota176)

 

 

992.                 + Ninsab miexja ‘l quddiem fil-ħajja fost qawsalli u maltempati, imma b’rasi merfugħa ‘l fuq ferħana bix-xorti li messitni, għax jiena tifla ta’ re. Inħoss li demm Ġesu’ għaddej jiċċirkola fil-vini tiegħi, u poġġejt il-fiduċja tiegħi fil-ħniena kbira tal-Mulej.

 

 

993.                 + Tlabt lill-Mulej jippermetti li ċerta persuna tiġi żżurni llum sabiex inkun nista’ naraha darb’oħra, u dak ikun sinjal għalija li hi kienet qiegħda tiġi msejħa tidħol soru fil-kunvent li Ġesu’ jridni nwaqqaf. U x’għaġeb, din il-persuna ġiet, u jien ppruvajt nifformaha daqsxejn, spiritwalment. Bdejt nuriha t-triq taċ-ċaħda u s-sagrifiċċju, li hi aċċettat fil-pront. Iżda jiena poġġejt din l-affari kollha f’idejn il-Mulej, sabiex Hu jmexxi kollox skont ma jogħġbu.

 

 

994.                 Illum, x’ħin smajt l-innu, “Il-lejl it-tajjeb, Ras Qaddisa ta’ Ġesu’ Tiegħi” fuq ir-radju, l-ispirtu tiegħi f’daqqa waħda ntilef f’Alla, u mħabba divina mlietli ruħi; għal mument mort ngħammar mal-Missier tas-Sema.

 

 

995.                 + Għalkemm mhix ħaġa faċli li wieħed jgħid x’agunija l-ħin kollu,

Li tkun imsammar mas-salib ta’ wġigħ ta’ kull xorta,

Xorta waħda, l-imħabba ġġegħlini naqbad b’iktar mħabba,

U jiena nħobb lil Alla bħal Serafin, għalkemm jiena dgħjufija biss.

 

O, kbira hi ir-ruħ li, fost it-tbatija,

Tibqa’ fidila lejn Alla u tagħmel ir-rieda Tiegħu

U tibqa’ bla faraġ fost qawsalli u maltemp kbir;

Għax l-imħabba safja ta’ Alla tagħmlilha ħelu d-destin tagħha.

 

Mhix xi ħaġa kbira li wieħed iħobb lil Alla fir-risq it-tajjeb

U jirringrazzjah meta kollox imur sewwa,

Imma pjuttost li jadurah fost kuntrarju kbir

U jħobbu għalih innifsu u jpoġġi it-tama tiegħu Fih.

 

Meta r-ruħ tkun tinsab fid-dellijiet tal-Ġetsemani,

Waħedha għal kollox fl-imrar tal-uġigħ,

Hi titla’ sal-ogħla punt fejn hemm Ġesu’,

U għalkemm hi dejjem tixrob l-imrar - mhix qalbha sewda.

 

Meta r-ruħ tagħmel ir-rieda ta’ Alla l-iktar Għoli,

Ukoll fost l-uġigħ u t-turmenti l-ħin kollu,

Ladarba tkun għafset ma’ xofftejha l-kalċi li ġie offrut lilha,

Hija ssir b’saħħitha, u xejn ma jbeżżagħha.

 

Għalkemm ittorturata, hija tirrepeti: Tkun magħmula r-rieda tiegħek,

Tistenna bil-paċenzja l-waqt tat-trasfigurazzjoni tagħha,

Għax għalkemm tinsab fi dlam l-iżjed profond,

hija tisma’ l-leħen ta’ Ġesu’: Inti Tiegħi.

U dan hi ssir tafu bis-sħiħ meta  l-velu jaqa’.

 

 

996.                 28 ta’ Frar 1937. Illum, kont qiegħda nħoss il-Passjoni ta’ Ġesu’ għal żmien itwal, u għalhekk stajt nara li kien hemm ħafna erwieħ jeħtieġu t-talb. Inħossni qiegħda niġi mibdula kompletament f’talb sabiex jiena nittallab il-ħniena ta’ Alla għal kull ruħ. O Ġesu’ tiegħi, jiena qiegħda nirċevik ġewwa qalbi bħala rahan ta’ ħniena għall-erwieħ.

 

 

997.                 Illejla, meta smajt l-innu, “Il-lejl it-tajjeb, Ras Qaddisa ta’ Ġesu’  tiegħi” fuq ir-radju, l-ispirtu tiegħi ġie meħud f’daqqa waħda fi ħdan Alla misterjuż, u sirt naf f’hiex tikkonsisti l-kobor tar-ruħ u x’inhu mportanti f’għajnejn Alla: imħabba, imħabba, u għal darb’oħra, mħabba. U jiena fhimt li kulma jeżisti hu mimli b’Alla, u tant imlietli ruħi l-imħabba ta’ Alla li ma nafx kif nista’ niddeskriviha. Imbierka r-ruħ li taf kif għandha tħobb mingħajr riżervi, għax f’dan il-kobor tagħha.

 

 

998.                 Illum, ħadt sehem fi rtir ta’ ġurnata. Meta kont qiegħda nattendi l-aħħar konferenza, (nota177) is-saċerdot kien qed jgħid kemm id-dinja teħtieġ il-ħniena ta’ Alla, u li dan donnu żmien speċjali meta n-nies għandhom bżonn kbir ta’ talb u tal-ħniena ta’ Alla. Imbagħad smajt vuċi ġewwa ruħi:  Dan il-kliem huwa għalik. Agħmel kulma tista’ għal din l-opra tal-ħniena Tiegħi. Jiena nixtieq li l-ħniena Tiegħi tiġi meqjuma u Jiena qiegħed nagħti lill-umanita’ l-aħħar tama tas-salvazzjoni: jiġifieri, li jirrikorru għall-ħniena Tiegħi. Qalbi tifraħ b’din il-festa. Wara dan il-kliem, jiena fhimt li xejn ma’ jista’ jiddispensani mill-obbligu li l-Mulej qed jitlob mingħandi.

 

 

999.                 Il-lejl li għadda tant kont miġugħa li ħsibt li kien wasal it-tmiem. It-tobba ma setgħux jindunaw x’kienet il-marda. Ħassejtni daqslikieku l-ġewwieni tiegħi ġie mqatta’ biċċiet, imma wara ftit sigħat ta' tbatijiet bħal dawn, inħossni f’tiegħi. Dan kollu minħabba l-midinbin. Ħalli l-ħniena Tiegħek tinżel fuqhom, O Mulej.

 

 

1000.            Fid-deżert terribli tal-ħajja,

O Ġesu’ tiegħi l-iktar ħelu,

Ħares lill-erwieħ mid-diżastri,

Għax Inti l-Għajn tal-Ħniena.

 

Ħalli d-dija tar-raġġi Tiegħek,

O Kmandant ħelu tal-erwieħ tagħna,

Ħalli l-ħniena tbiddel id-dinja.

U inti li rċevejt din l-grazzja, aqdi lil Ġesu’.

 

Wieqfa hi t-triq kbira fejn jiena rrid nimxi

Imma ma nibża’ minn xejn.

Għax għajn safja tal-ħniena qed tgelgel minħabba fija

 U, magħha, saħħa għar-ruħ umli.

 

Jiena ninsab għajjiena għall-aħħar,

Imma l-kuxjenza tiegħi tixhidli

Li jiena qiegħda nagħmel kollox għall-ikbar glorja tal-Mulej,

Il-Mulej li hu l-kenn tiegħi u l-wirt tiegħi.

 

(Tmiem it-Tieni Pitazz)

 

 

 

 

 

 

SE NKANTA L-ĦNIENA TAL-MULEJ

Djarju ta' Swor Fawstina tas-Sagrament Imqaddes

Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena

 

It-Tielet Pitazz

 

+

Ġ.M.Ġ.

 

1001.            Grazzi, O Mulej, Mgħallem tiegħi,

Li Inti bdiltni għal kollox fik,

U timxi miegħi fit-taħbit u l-ħidmiet tal-ħajja;

Jiena ma’ nibża’ minn xejn meta jkolli lilek f’qalbi.

 

 

+

Ġ.M.Ġ.

 

1002.            Iċ-Ċena tal-Mulej mħejjija,

Ġesu’ jpoġġi bilqiegħda madwar il-mejda flimkien mal-Appostli Tiegħu,

Hu mibdul kollu kemm Hu fi mħabba,

Għax dan kien il-kunsill tas-Santissima Trinita’.

 

B’xewqa kbira, nixtieq li niekol flimkien magħkom,

Qabel ma nbati l-mewt.

Dalwaqt ser inħallikom, l-imħabba żżommni f’nofskom.

Huwa jxerred Demmu, jagħti Ħajtu, għax Hu jħobb b’imħabba bla tarf.

 

L-imħabba tinħeba taħt ix-xbiehat tal-ħobż,

Fl-istess waqt li jitlaq, hu jibqa’ magħna.

Ma kienx hemm bżonn li jitbaxxa daqshekk,

Madanakollu mħabba taqbad ħbietu taħt dawn l-ispeċi.

 

Fuq il-ħobż u l-inbid Huwa jgħid dan il-kliem:

“Dan huwa Demm, dan huwa Ġismi.”

Għalkemm misterjużi, dawn huma kliem ta’ mħabba.

Imbagħad Hu jgħaddi l-kalċi fost id-dixxipli Tiegħu

 

Ġesu’ ħass ruħu mħawwad ħafna

U qal, “Wieħed minnkom ser tittradixxi lill-Imgħallem Tiegħu,”

Waqa’ skiet fosthom, skiet bħal dak tal-qabar,

U Ġwanni miel rasu fuq sidru.

 

Spiċċat iċ-ċena.

Ejjew immorru l-Ġetsemani.

l-imħabba hi mwettqa għal kollox,

U hemm jinsab it-traditur jistenna.

 

 

+

Ġ.M.Ġ.

 

1003.            O Rieda Divina, Inti l-ikel tiegħi, Inti l-għożża tiegħi. Qarreb, O Mulej, il-Festa tal-Ħniena sabiex l-erwieħ jagħrfu l-għajn Tiegħek.

 

Alla u l-erwieħ

Swor Fawstina

tas-Sagrament Imqaddes

Krakovja, 1 ta’ Marzu 1937.

 

1004.            O rieda ta’ Alla ta’ Setgħa bla tarf,

Inti l-għaxqa tiegħi,

Inti l-hena tiegħi.

Dak kollu li l-id tal-Mulej toffrili

Jiena naċċettah bil-ferħ, sottomissjoni u mħabba.

 

Ir-rieda qaddisa Tiegħek hi l-mistrieħ tiegħi;

Fiha tinsab qdusiti kollha,

U s-salvazzjoni eterna kollha tiegħi,

Għax li nagħmel ir-rieda ta’ Alla hi l-ikbar glorja.

 

Ir-rieda ta’ Alla – dawk huma x-xewqat diversi Tiegħu

Li ruħi twettaq bla ebda riserva,

Għax dawn huma x-xewqat divini Tiegħu,

F’dawk il-waqtiet meta Alla jaqsam miegħi l-intimita’ Tiegħu.

 

Agħmel bija dak li trid Mulej.

Ma nagħmel l-ebda ostaklu, l-ebda riserva.

Għax Inti l-għaxqa kollha tiegħi u l-imħabba ta’ ruħi,

U għandek, meta jmiss lili, jiena nferra’ l-intimitajiet ta’ qalbi.

 

 

+

Ġ.M.Ġ.  Krakovja, 1 ta’ Marzu 1937

Alla u l-erwieħ

 

1005.            J’Alla l-glorja u t-tifħir lill-Ħniena Divina jitilgħu minn kull ħlejqa fiż-żminijiet kollha.

 

 

1006.            + O Mulejja u Alla tiegħi, Inti qiegħed tikkmandani nikteb dwar il-grazzji li Inti qiegħed tagħtini. O Ġesu’ tiegħi, li kieku ma kienx għal kmand ċar mingħand il-konfessuri tiegħi, (nota178) li jiena għandi nikteb dak li qed jiġri ġewwa ruħi, ma kontx, min jeddi, nikteb kelma waħda. U għalhekk, jekk qiegħda nikteb fuqi nnifsi, dan nagħmlu minħabba l-kmand formali tal-ubbidjenza qaddisa.

 

 

1007.            + Ġieħ u glorja lilek, Santissima Trinita’, Alla Etern. Jalla l-ħniena li toħroġ mill-ġewwieni nett Tiegħek tħarisna mill-korla ġusta Tiegħek. Jalla t-tifħir tal-ħniena Tiegħek, li ħadd ma jista’ jifhimha, jidwi ma’ kullimkien. L-opri kollha Tiegħek għandhom is-siġill tal-ħniena Tiegħek bla tarf, O Alla.

 

 

1008.            1 ta’ Marzu 1937. Il-Mulej tani x’nifhem kemm iddejqu ruħ li tħobb tpaċpaċ. Jiena ma nista’ nsib l-ebda mistrieħ f’ruħ bħal din. L-istorbju kontinwu jgħejjini, u qalb dan l-istorbju r-ruħ ma tistax tagħraf il-vuċi Tiegħi.

 

 

1009.            Illum jiena tlabt lill-Mulej Ġesu’ sabiex jippermettili niltaqa’ ma’ ċerta persuna, u dan kellu jkun sinjal għalija li Hu qed isejħilha għal dan il-kunvent (li jiena għandi niftaħ). U jiena fil-fatt iltqajt magħha u fhimt li din ir-ruħ għandha vokazzjoni, u jiena tlabt lill-Mulej jindenja ruħu jifformha Hu stess. Jiena spiss kont nitkellem magħha dwar vokazzjoni; il-Mulej jagħmel il-bqija.

 

 

1010.            + 5 ta’ Marzu 1937. Illum, kelli esperjenza tal-Passjoni tal-Mulej Ġesu’ f’ġismi stess għal żmien twil. L-uġigħ hu kbir ħafna, iżda dan kollu għall-imħabba tal-erwieħ immortali.

 

 

1011.            Illum ġie jżurni l-Mulej, għafasni ma’ Qalbu u qalli, Strieħ, ċkejkna Tiegħi, jiena dejjem miegħek.

 

 

1012.            + 8 ta’ Marzu 1937. Illum, filwaqt li kont qiegħda nitlob għall-intenzjoni ta’ Patri Andrasz, f’daqqa waħda fhimt b’liema mod intimu din ir-ruħ kienet qed tikkomunika ma’ Alla u kemm kienet togħġob lill-Mulej. Din il-ħaġa ferrħitni immens, għax jiena nixtieq b’qalbi kollha li l-erwieħ kollha jingħaqdu ma’ Alla mill-qrib kemm jista’ jkun.

 

 

1013.            + Waqt it-talb illum, ruħi tant kienet mimlija b’xewqa hekk kbira li nibda x-xogħol li ma stajtx inżomm l-entużjażmu li kont qiegħda nħoss. O, b’liema ħerqa nixtieq li l-erwieħ f’din il-Kongrgeazzjoni jippreżentaw ruħhom quddiem it-tron ta’ Alla u l-ħin kollu jittalbu l-ħniena Tiegħu li ħadd ma jista’ jifhem għad-dinja kollha, filwaqt li jfaħħru u jigglorifkaw din il-ħniena ta’ Alla bla tarf. Forza misterjuża qiegħda timbuttani biex naġixxi.

 

 

1014.            12 ta’ Marzu 1937. Stajt nara l-għeja ta’ ċertu saċerdot (probabilment Dun Sopocko) li l-Mulej immarkalu triq iebsa u diffiċli; imma l-frott tal-ħidma tiegħu hu ħaj; jalla Alla jagħtina ħafna erwieħ bħal dawn, li jkunu kapaċi jħobbuh f’nofs l-ikbar turmenti.

 

 

1015.            + Illum ħassejt kemm ċerta ruħ moribonda kienet qiegħda tixtieq it-talb. Bqajt nitlob sakemm ħassejt li kienet mietet. L-erwieħ moribondi jeħtieġu tant it-talb! O Ġesu’, nebbaħ lill-erwieħ jitolbu spiss għall-moribondi.

 

 

1016.            15 ta’ Marzu 1937. Illum dħalt fl-imrar tal-Passjoni tal-Mulej Ġesu’. It-tbatija tiegħi kienet purament spiritwali. Tgħallimt kemm id-dnub hu tal-biża’. Alla wrieni l-kruha kollha kemm hi tad-dnub. Tgħallimt fil-fond ta’ ruħi kemm hu ikrah id-dnub ukoll l-iċken wieħed, u kemm jitturmenta lil ruħ Ġesu’. Nippreferi nbati elf infern milli nagħmel ukoll l-iċken dnub venjali.

 

 

1017.            Il-Mulej qalli, Irrid ningħata lill-erwieħ u nimliehom bi mħabbti, imma ftit huma dawk li jridu jaċċettaw il-grazzji kollha li mħabbti għandha intenzjoni li tagħtihom. Il-grazzja Tiegħi ma tintilifx; jekk ir-ruħ li għaliha tkun intenzjonata ma taċċettahiex, ruħ oħra toħodha.

 

 

1018.            Spiss inħoss li ċerti persuni qegħdin jitolbu għalija. Din l-esperjenza tiġi f’daqqa waħda ġewwa ruħi, imma mhux dejjem inkun naf liema persuna tkun qiegħda tinterċedi għalija. Jiena nkun naf ukoll meta xi persuna jkollha l-inkwiet minħabba xi ħaġa li għandha x’taqsam miegħi; ta’ din il-ħaġa jkolli għarfien kbir ġewwa fija, minkejja li jkun hemm id-distanza (li tkun qegħda tifridna) tkun kbira ħafna. (nota179)

 

 

1019.            18 ta’ Marzu 1937. Sirt naf li jiena rċevejt ċerta grazzja li lili ġġibitni f’intimita’ u f’għaqda kbira mal-Mulej. Dan Hu jgħarrafhuli permezz ta’ dawl interjuri. Huwa jippermettili nsir naf il-kobor u l-qdusija Tiegħu u b’kemm ġentilezza Hu jitbaxxa sa ħdejja. Huwa jagħtini għarfien esklużiv ta’ mħabbtu għalija, u kif Hu l-Mulej ta’ kollox b’mod assolut, u wkoll kif Hu jingħata lir-ruħ filwaqt li jissospendi l-liġijiet kollha tan-natura. Huwa jaħdem kif irid.

 

 

1020.            Jiena nista’ nifhem kif iseħħ iż-żwieġ spiritwali ta’ ruħ ma’ Alla, li m’għandu l-ebda manifestazzjoni esterna. Huwa att purament interjuri bejn ir-ruħ u Alla. Din il-grazzja ġibditni sa ġewwa l-istess ċentru jaqbad tal-imħabba ta’ Alla. Wasalt li nifhem il-kwalita’ Trinitarja Tiegħu u kif l-Esseri Tiegħu Hu assolutament Wieħed. Din il-grazzja hi differenti mill-grazzji l-oħrajn kollha. Tant hi grazzja estremament spiritwali li ma nafx kif nista’ nispjegaha lanqas nagħti xi ħjiel tagħha.

 

 

1021.            + Tant għandi xewqa kbira li ninħeba li nixtieq li bħallikieku ma kontx neżisti. Inħoss xi ħaġa stramba ġewwa fija timbuttani ninħeba fil-fond kemm jista’ jkun sabiex tkun tafni biss il-Qalb ta’ Ġesu’. Irrid inkun għamara ċkejkna kwieta fejn Ġesu’ jkun jista’ jistrieħ. Ma ndaħħal xejn ġewwa li jista’ jqajjem lill-Maħbub tiegħi. Il-fatt li jiena moħbija jagħtini ċ-ċans li nikkomunika l-ħin kollu u biss mal-Għarus tiegħi. Nikkomunika mal-ħlejjaq biss sakemm jogħġob lilu. Qalbi saret tħobb lill-Mulej bil-qawwa kollha tal-imħabba, u ma naf l-ebda mħabba oħra, għax kien mill-bidunett li ruħi niżlet hekk fil-fond fil-Mulej bħallikieku fl-uniku teżor tagħha.

 

 

1022.            + Għalkemm minn barra jiena niltaqa’ ma’ ħafna tbatijiet u kuntrarju ta’ kull xorta, dan iżda ma jnaqqas xejn mill-ħajja interjuri tiegħi lanqas għal waqt wieħed, lanqas ma jtellifni l-iskiet intern tiegħi. Ma nibża’ xejn li niġi abbandunata mill-ħlejjaq għax, ukoll jekk kulħadd jabbandunani, ma nkunx waħdi, għax il-Mulej miegħi. U ukoll li kieku l-Mulej kellu jistaħba, l-imħabba kienet tkun taf kif tagħmel biex issibu. Għax l-imħabba m’għandhiex bibien jew għassiesa; ukoll il-Kerubin stess, b’għajnejh ta’ seqer u bix-xabla taqbad, ma jistax iwaqqaf l-imħabba; hija tibqa’ għaddejja ġo d-deżert u s-sħana taħraq, tgħaddi mill-maltemp, ir-ragħad u d-dlam, u tilħaq il-għajn minn fejn tkun ġiet u hemmhekk tibqa’ għal dejjem. Kollox għad jispiċċa; imma l-imħabba qatt.

 

 

1023.             + Illum irċevejt xi larinġ. X’ħin kienet telqet is-soru, bqajt naħseb bejni u bejn ruħi, “Suppost niekol il-larinġ minflok nagħmel penitenza u mortifikazzjoni matul ir-Randan Imqaddes? Fuq kollox, qiegħda nħossni daqsxejn aħjar.” Imbagħad smajt vuċi ġewwa ruħi, Binti, inti togħġobni iktar jekk tiekol il-larinġ b’ubbidjenza u għax tħobbni milli jekk issum u timmortifika ruħek għax inti trid hekk. Ruħ li tħobbni ħafna għandha tgħix skont ir-rieda Tiegħi. Jiena nafha lil qalbek, u naf li mhix ser tkun sodisfatta b’xejn ħlief b’imħabbti biss.

 

 

1024.            + Ma nafx kif kont ngħix mingħajr il-Mulej Ġesu’ spiss iżurni f’dan il-post maqtugħ, jgħallimni, jassigurani, iċanfarni u jwiddibni. Huwa stess jifforma lil qalbi skont ix-xewqat divini Tiegħu u skont ma jogħgbu, imma dejjem b’ħafna tjubija u ħniena. Il-qlub tagħna jinsabu magħqudin qishom qalb waħda.

 

 

1025.            19 ta’ Marzu 1937. Illum ingħaqadt fl-ispirtu mal-Adorazzjoni li tkun qiegħda ssir fid-dar tagħna (Adorazzjoni ta’ 40 siegħa fi Krakovja), imma ruħi kienet mimlija turmenti, u biża’ stramb kien qed jinfidli qalbi. Minħabba dan, irduppjajt it-talb tiegħi. F’daqqa waħda rajt il-ħarsa ta’ Alla nieżla u tasal fil-fond ta’ qalbi.

 

 

1026.             Filwaqt li poġġejt bilqiegħda għall-kolazzjon appetituż ħafna, għidt lill-Mulej, “Grazzi għal dawn ir-rigali, imma qalbi qiegħda tmut bix-xewqa li għandha għalik, u xejn ta’ din l-art ma baqagħlu togħma għalija. Jiena nixtieq l-ikel ta’ mħabbtek.

 

 

1027.            Illum ħassejtni miġbuda minn forza misterjuża sabiex nagħmel xi ħaġa. Irrid nirreżisti din il-ġibda, jew inkella se nħalliha tmexxini ħin bla waqt.

 

 

1028.            21 ta’ Marzu 1937. Ħadd il-Palm. Waqt il-Quddiesa, ruħi kienet mgħaddsa fl-imrar u fit-tbatija ta’ Ġesu’. Ġesu’ tani x’nifhem kemm kien bata f’dik il-purċissjoni trijonfali. “Osanna” kienet qiegħda tidwi f’qalb Ġesu’ bħala l-eku ta’ “Sallbu”. Ġesu’ ppermettieli nħoss dan b’mod speċjali.

 

 

1029.            It-tabib ma ħallinix immur fil-kappella sabiex nattendi għas-Servizz tal-Passjoni, għalkemm kelli xewqa kbira li mmur; iżda, qgħadt nitlob fil-kamra tiegħi stess. F’daqqa waħda smajt il-qanpiena fil-kamra ta’ maġenb tiegħi, u jiena mort u tajt is-servizz tiegħi lil persuna marida serjament. Meta mort lura fil-kamra tiegħi, f’daqqa waħda rajt lill-Mulej Ġesu’, li qalli, Binti, inti għoġobtni iżjed meta tajtni dak is-servizz milli kieku qgħadt titlob għal żmien twil. Jiena weġibt, “Imma jiena tajt dan is-servizz lill-pazjent u mhux lilek, Ġesu’.” U l-Mulej weġibni, Iva, binti, imma dak li inti tagħmel mal-proxxmu tiegħek, tagħmlu Miegħi.

 

 

1030.            + O Ġesu’ tiegħi, agħtini l-għerf, agħtini moħħ li jkun kbir u mdawwal bid-dawl Tiegħek, u dan biss, sabiex jiena nkun nista’ nsir nafek aħjar, O Mulej. Għax iktar ma nsir nafek aħjar, iktar insir inħobbok bil-ħerqa, Inti li Inti l-uniku oġġett ta’ mħabbti. Fik tegħreq ruħi; fik tinħall qalbi. Ma nafx inħobb bil-ftit, imma biss bis-saħħa kollha ta’ ruħi u l-ħerqa sħiħa ta’ qalbi. Inti stess, O Mulej, kebbist din l-imħabba tiegħi għalik; fik qalbi għerqet għal dejjem.

 

 

1031.            22 ta’ Marzu 1937. Filwaqt li kont qiegħda nitkellem illum, ma’ ċerta persuna, indunajt li kienet qiegħda tbati ħafna fl-ispirtu, għalkemm minn barra kienet qiegħda tippretendi li kienet ferħana ħafna u ma kenitx qiegħda tbati xejn. Ħassejtni mnebbha biex ngħidilha li dak li kien qed jinkwetaha kienet tentazzjoni. Meta jiena wrejtha x’kien qed jittorturaha, infaqgħet tibki u qaltli li kienet ġiet tarani preċiżament biex titkellem miegħi, għax ħasset li din il-ħaġa kienet isserraħha. It-tbatija kienet ta’ tip li r-ruħ kienet qiegħda tinġibed mill-grazzja ta’ Alla min naħa waħda u mid-dinja min naħa l-oħra. Kienet għaddejja minn taqbida terribbli li wasslitha sal-punt li bdiet tibki bħal tifla żgħira. Imma telqet kalma u fil-paċi.

 

 

1032.            + Waqt il-Quddiesa, rajt lill-Mulej Ġesu’ msammar mas-salib fost turmenti kbar. Tnehida minn taħt l-ilsien kienet ħierġa minn qalbu. Wara ftit, qal, Għandi l-għatx. Għandi l-għatx għas-salvazzjoni tal-erwieħ. Għinni, binti, biex insalva l-erwieħ. Għaqqad it-tbatijiet tiegħek mal-Passjoni Tiegħi u offrihom lill-Missier tas-sema għall-midinbin.

 

 

1033.            + Meta nara li t-toqol hu iktar milli niflaħ, ma noqgħodx naħseb fuqu jew nanalizzah jew ngħarblu, imma mmur niġri bħal tifla għand il-Qalb ta’ Ġesu’ u ngħidlu biss kelma waħda:  “Inti tista’ tagħmel kollox.” U mbagħad naqa’ fis-skiet għax naf li Ġesu’ stess jindaħal fil-ħaġa, u ngħid għalija minflok ma nittortura lili nnifsi, nuża dak il-ħin biex noqgħod inħobbu.

 

 

1034.            It-Tnejn tal-Ġimgħa Mqaddsa. Tlabt lill-Mulej iħallini nieħu sehem fil-Passjoni Ħarxa Tiegħu sabiex ikolli esperjenza fir-ruħ u fil-ġisem tal-Passjoni Tiegħu, sakemm dan hu possibli għal ħlejqa. Tlabt li jkolli esperjenza tal-imrar kollu, sakemm dan hu possibli. U l-Mulej wieġeb li kien ser jagħtini din il-grazzja, nhar il-Ħamis, wara t-Tqarbin Imqaddes, kien ser jagħtini din il-grazzja b’mod speċjali.

 

 

1035.            + Illejla kien qed imut ċertu żagħżugħ; it-tbatija tiegħu kienet tal-biża’. Bdejt ngħid il-kurunella li l-Mulej kien għallimni skont l-intenzjoni tiegħu. Għidtha kollha, imma l-agunija kompliet. Ridt nibda ngħid il-Litanija tal-Qaddisin, imma f’daqqa waħda smajt il-kliem, għid il-kurunella. Fhimt li r-ruħ kienet teħtieġ l-għajnuna speċjali tat-talb u ta’ ħniena kbira. U għalhekk issakkart fil-kamra tiegħi u nxħett fl-art quddiem Alla u tlabt għall-ħniena fuq dik ir-ruħ. Imbagħad ħassejt il-majesta’ kbira ta’ Alla u l-ġustizzja kbira Tiegħu. Bdejt nirtogħod bil-biża’, imma ma waqaftx nitlob il-ħniena ta’ Alla fuq dik ir-ruħ.  Imbagħad neħħejt is-salib minn fuq sidri, il-Kurċifiss li kont irċevejt meta għamilt il-voti tiegħi. (nota180), u poġġejtu fuq sider il-moribond u għidt lill-Mulej. “Ġesu’, ħares lejn din ir-ruħ b’dik l-istess mħabba li biha ħarist fuq is-sagrifiċċju tiegħi fil-jum tal-voti perpetwi tiegħi, u bis-saħħa tal-wegħda li Inti għamiltli dwar il-moribondi u dawk li jsejħu l-ħniena Tiegħek fuqhom, (agħti lil dan ir-raġel il-grazzja ta’ mewta tajba).” Imbagħad waqfet it-tbatija tiegħu, u miet fil-paċi. O, kemm għandna nitolbu għall-moribondi!! Ejjew napprofittaw ruħna mill-ħniena  filwaqt li għadu ż-żmien tal-ħniena.

 

 

1036.            + Qiegħda nirrealizza iżjed u iżjed kemm kull ruħ teħtieġ il-ħniena ta’ Alla matul ħajjitha kollha u speċjalment fis-siegħa tal-mewt. Din il-kurunella ttaffi l-korla ta’ Alla, bħalma qalli Hu stess.

 

 

1037.            + Tant inħossni bla saħħa illi, li kieku ma kienx għat-Tqarbin Imqaddes, kont naqa’ l-ħin kollu. Ħaġa waħda biss iżżommni, u dan hu t-Tqarbin Imqaddes. Minnu niġbed saħħti; fih jinsab il-faraġ tiegħi kollu. Nibża’ mill-ħajja f’dawk il-jiem meta ma nkunx tqarbint. Nibża’ minni nnifsi. Ġesu’ moħbi fl-Ostja hu kollox għalija. Mit-tabernaklu niġbed is-saħħa, il-qawwa, il-kuraġġ u d-dawl. Hawnhekk, jiena nfittex il-faraġ fi żmien l-inkwiet. Ma kontx inkun naf kif għandi nagħti glorja lil Alla li kieku ma kellix l-Ewkaristija ġewwa qalbi.

 

 

1038.            + Polonja, pajjiżi tant maħbub, li kieku kont taf kemm sagrifiċċji u talb jiena noffri lil Alla għalik! Imma ishar u agħti glorja lil Alla, li qiegħed jerfgħek u jagħżlek b’mod speċjali. Imma kun af kif għandek tkun grata.

 

 

1039.            + Jiena nbati wġigħ kbir meta nara t-tbatijiet tal-oħrajn. Dawn it-tbatijiet kollha jiġu riflessi f’qalbi. Jiena nġorr ġewwa qalbi t-turmenti tagħhom tant li wkoll inħoss l-għeja fiżika minħabba fihom. Nixtieq kieku li l-uġigħ kollu jaqa’ fuqi biex inkun nista’ nserraħ lill-proxxmu tiegħi.

 

 

1040.            Fost turmenti terribbli, jiena nsammar għajnejja fuqek, Alla tiegħi, u għalkemm ġejja maltempata fuq rasi, jiena naf li x-xemx ma tintefiex. Lanqas nistagħġeb kemm juru wiċċ b’ieħor il-ħlejjaq, imma naċċetta minn qabel dak kollu li jista’ jiġri. Xofftejja jibqgħu siekta, filwaqt li widnejja ma jifilħux iżjed żufjett. Nissielet għas-skiet ġewwa qalbi fost l-ikbar tbatijiet, u nipproteġi lili nnifsi mill-attakki kollha bit-tarka tal-Isem Tiegħek.

 

 

1041.            Xewqa mħeġġa għal din il-Festa (nota181) qiegħda tikkonsmali ruħi kollha. F’talb imħeġġeġ sabiex il-Festa tasal ma ddumx insib ftit serħan, u bdejt novena għall-intenzjoni ta’ ċerti saċerdoti sabiex Alla jagħtihom id-dawl u l-ispirazzjoni li huma japplikaw għat-tixrid ta’ din il-Festa, u sabiex l-Ispirtu ta’ Alla jdawwal il-Papa dwar din il-ħaġa kollha kemm hi.

 

In-novena tikkonsisti f’siegħa adorazzjoni quddiem is-Sagrament Imqaddes. Jiena tlabt lil Alla jħaffef sabiex tasal din il-festa u tlabt lill-Ispirtu s-Santu jdawwal lil ċerti nies dwar din il-ħaġa kollha kemm hi. Qiegħda nispiċċa din in-novena f’Ħamis ix-Xirka.

 

 

1042.            + 23 ta’ Marzu 1937. Illum is-seba’ jum tan-novena. Irċevejt grazzja kbira li ma tistax timmaġinha: Ġesu’ l-aktar Ħanin wiegħed li jiena ser inkun preżenti fiċ-ċelebrazzjoni ta’ din il-Festa solenni.

 

 

1043.            Illum, jiġifieri, it-23 (ta’ Marzu), it-Tlieta tal-Ġimgħa Mqaddsa, hu jum meta l-Mulej tani ħafna grazzji.

 

 

1044.            F’daqqa waħda, il-preżenza ta’ Alla qabditni u f’nifs rajt lili nnifsi f’Ruma, fil-kappella tal-Papa u fl-istess waqt kont ninsab fil-kappella tagħna. U ċ-ċelebrazzjoni tal-Papa u tal-Knisja kollha kellha x’taqsam mill-qrib mal-kappella tagħna u, b’mod speċjali ħafna, mal-Kongregazzjoni tagħna. U jiena ħadt sehem fiċ-ċelebrazzjoni solenni fl-istess waqt hawnhekk u f’Ruma, għax iċ-ċelebrazzjoni tant kellha x’taqsam mill-qrib ma’ Ruma li wkoll waqt li qiegħda nikteb ma nistax niddistingwi waħda mill-oħra imma qiegħda niktibha bħalma rajtha. Rajt lill-Mulej Ġesu’ fil-kappella tagħna, espost fl-ostensorju fuq l-altar maġġur. Il-kappella kienet imżejna bħallikieku għall-festa’ u dakinhar kull min ried jiġi seta’ jidħol. (nota182) Tant kienet enormi l-folla li l-għajn ma setgħetx tara kollox f’daqqa. Kulħadd kien qed jieħu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet b’ferħ kbir, u ħafna minnhom akkwistaw dak li xtaqu. L-istess ċelebrazjoni kienet qiegħda ssir ġewwa Ruma fi knisja sabiħa u l-Qdusija Tiegħu l-Papa, flimkien mal-kleru, kien qed jiċċelebra din il-Festa, u mbagħad f’daqqa waħda rajt lil San Pietru, li kien qiegħed bejn l-altar u l-Papa. Ma stajtx nisma’ x’kien qed jgħid San Pietru imma stajt nara li l-Papa kien qed jifhem kliemu ...

 

 

1045.            Imbagħad xi saċerdoti li ma kontx nafhom bdew jeżaminawni u jumiljawni. (nota183) jew pjuttost, dak li kont ktibt; imma rajt kif Ġesu’ stess kien qiegħed jiddefendini u jgħinhom jifhmu dak li huma ma kinux jafu.

 

 

1046.            Imbagħad f’daqqa waħda, rajt kif iż-żewġ raġġi, kif inhuma mpittrin fix-xbieha, kienu ħerġin mill-Ostja u nfirxu fuq id-dinja kollha. Din il-ħaġa damet sejra waqt wieħed biss, imma deherli qisha damet ġurnata sħiħa, u l-kappella tagħna kienet iffullata l-jum kollu, u l-jum kollu kien mimli b’abbundanza ta’ ferħ.

 

 

1047.            Imbagħad f’daqqa waħda rajt fuq l-altar lill-Mulej Ġesu’ ħaj, eżatt kif narawh fix-xbieha. Imma ħassejt li s-sorijiet u n-nies kollha ma kinux qegħdin jaraw lill-Mulej Ġesu’ bħalma kont qiegħda narah jiena. Ġesu’ kien qed iħares bi tjubija kbira u b’ferħ lejn il-Papa, ċerti saċerdoti, il-kleru kollu, in-nies u l-Kongregazzjoni tagħna.

 

 

1048.             Imbagħad, f’waqt wieħed, itteħidt biex noqgħod ħdejn Ġesu’, u qgħadt fuq l-altar maġenb il-Mulej Ġesu’, l-ispirtu tiegħi mtela b’ferħ hekk kbir li ma nistax la nifhmu u lanqas nikteb fuqu. Paċi profonda kif ukoll serħan imlewli ruħi. Ġesu’ miel lejja u qalli bi tjubija kbira, X’tixtieq, binti? U jien weġibt, “Jiena nixtieq li qima u glorja jingħataw lill-ħniena Tiegħek.” Jiena diġa’ qed nirċievi qima bit-twaqqif u ċ-ċelebrazzjoni ta’ din il-Festa; x’tixtieq iktar? Jiena mbagħad ħarist lejn il-folla immensa li kienet qiegħda tqim il-Ħniena Divina u għidt lill-Mulej, “Ġesu’, bierek lil dawk kollha li jinsabu miġburin sabiex jagħtu glorja lilek u sabiex iqimu l-ħniena infinita Tiegħek.” Ġesu’ radd is-salib b’idu, u din il-barka ġiet riflessa fl-erwieħ bħal berqa dawl. L-ispirtu tiegħi ġie mgħaddas kompletament fi mħabbtu. Ħassejtni qisni kont inħallejt u sparixxejt kompletament f’Alla. X’ħin erġajt ġejt f’tiegħi, paċi profonda mlietli ruħi, u l-intellet tiegħi wasallu għarfien straordinarju ta’ ħafna affarijiet, għarfien li ma kienx ġie mogħti lili qabel.

 

 

1049.            Jiena nħossni ferħana bil-bosta, għalkemm jiena l-iċken fost kulħadd; u ma nixtieq nibdel xejn minn dak li tani Alla. Ma nixtieqx nibdel posti lanqas ma’ dak ta’ Serafin, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ għarfien ġewwieni ta’ Alla li Hu stess tani. L-għarfien intimu li jiena għandi tal-Mulej hu tali li l-ebda ħlejqa ma tista’ tifhmu, b’mod speċjali, il-profondita’ tal-ħniena Tiegħu li tinsab madwari. Jiena kuntenta b’dak kollu li Inti tagħtini.

 

 

1050.            24 ta’ Marzu 1937. L-Erbgħa tal-Ġimgħa Mqaddsa. Qalbi qiegħda tinfena bix-xewqa li għandha għal Alla. Nixtieq ningħaqad miegħu. Biża’ bilkemm jinħass jinfidli ruħi u fl-istess waqt speċi ta’ fjamma ta’ mħabba qiegħda tqabbadli qalbi. L-imħabba u t-tbatija huma marbutin flimkien ġewwa qalbi.

 

 

1051.            Ħassejt tbatijiet kbar f’ġismi, imma nħoss il-Mulej iżommni, għax li kieku ma kienx hekk ma kontx nissaportihom.

 

 

1052.            O Ġesu’ tiegħi, nitolbok għall-Knisja kollha. Agħtiha l-imħabba u d-dawl tal-Ispirtu Tiegħek, u agħti l-qawwa lill-kliem tas-saċerdoti, sabiex iqanqlu għall-indiema l-qlub l-iktar iebsa, u dawn jerġgħu lura għandek, O Mulej. Mulej,agħtina saċerdoti qaddisin; kun Inti stess li żżommhom fil-qdusija. O Saċerdot il-Kbir u Divin, agħmel li l-qawwa tal-ħniena Tiegħek isseħibhom kull fejn imorru, u tħarishom min-nases u x-xbieki li x-xitan qed iħejji l-ħin kollu kontra tagħhom. Mulej, agħmel li l-qawwa u l-ħniena Tiegħek tfarrak u ġġib fix-xejn dak kollu li jista’ jfixkel il-qdusija tas-saċerdoti, għax Inti tista’ kollox.

 

 

1053.            25 ta’ Marzu 1937. Ħamis ix-Xirka. Waqt il-Quddiesa, rajt lill-Mulej, li qalli, Serraħ rasek fuq sidri u strieħ. Il-Mulej għafasni ma’ Qalbu u qalli, Ser nagħtik porzjon żgħir tal-Passjoni Tiegħi, imma tibżax, agħmel kuraġġ; tfittixx serħan, imma aċċetta kollox b’sottomissjoni għar-rieda Tiegħi.

 

 

1054.            X’ħin Ġesu’ kien ser iħallini, imlieli ruħi b’uġigħ tant kbir li hu ħaġa impossibbli npoġġih fi kliem. Ħallietni s-saħħa fiżika; tlaqt mill-kappella malajr u mort fis-sodda. Ma kontx naf x’kien qed jiġri madwari. Ruħi kienet mimlija bix-xewqa għall-Mulej, u l-imrar kollu tal-Qalb Divina Tiegħu ġie mogħti lili. Dan kollu dam tliet sigħat. Tlabt lill-Mulej iħarisni mill-għajnejn ta’ dawk ta’ madwari. Għalkemm ridt, ma stajtx nieħu ikel il-ġurnata kollha, sa filgħaxija.

 

Xtaqt b’qalbi kollha ngħaddi l-lejl kollu flimkien ma’ Ġesu’ fiċ-ċella mudlama tal-ħabs. (nota184) Bqajt nitlob sal-ħdax. Fil-ħdax, il-Mulej qalli, Imtedd u strieħ. Ħallejtek tħoss fi tliet sigħat dak li Jiena batejt matul il-lejl kollu. U fil-pront mort fis-sodda.

 

Ma kien għad baqagħli l-ebda saħħa fiżika; it-tbatija kienet ħadithieli kollha. Matul il-ħin kollu, kelli qisu ħass ħażin. Kull taħbita tal-Qalb ta’ Ġesu’ ġiet riflessa f’qalbi u nifditli ruħi. Li kieku dawn it-torturi kienu jikkonċernaw lili biss, ma kontx inbati daqshekk; imma kif kont qiegħda nħares lejn Dak li qalbi ħabbitu b’saħħitha kollha u rajt li Hu kien qiegħed ibati, u li jiena ma stajtx inserrħu bl-ebda mod, qalbi nħallet bl-imħabba u bl-imrar. Kont qiegħda mmut flimkien miegħu, u xorta waħda ma stajtx immut. Imma ma kontx lesta nibdel dak il-martirju mal-pjaċiri tad-dinja kollha. Matul din it-tbatija, imħabbti kibret bla tarf. Jiena naf li l-Mulej kien qiegħed iweżinni bis-Setgħa Tiegħu bla tarf, għax li kieku ma kienx hekk ma kontx inkun kapaċi nissaporti lanqas għal waqt wieħed. Flimkien miegħu, għaddejt, b’mod speċjali, mit-torturi kollha differenti. Id-dinja għad m’għandhiex ideja ta’ dak kollu li Ġesu’ bata. Jiena akkumpanjajtu sal-Ġnien tal-Ġetsemani; bqajt miegħu fil-ħabs; mort miegħu quddiem l-imħallfin; flimkien miegħu għaddejt minn kull waħda mit-torturi. L-ebda waħda mill-movimenti jew ħarsiet Tiegħu ma ħarbuli. Sirt naf is-Setgħa bla tarf tal-imħabba u l-ħniena Tiegħu għall-erwieħ.

 

 

1055.            26 ta’ Marzu 1937. Il-Ġimgħa. Filgħodu mill-ewwel ħassejt it-tortura tal-ħames pjagi Tiegħu f’ġismi. Din it-tbatija baqgħet sejra sat-tlieta. Għalkemm m’hemm l-ebda sinjal tagħha minn barra, it-tortura xorta waħda hi tal-biża’. Jiena kuntenta li Ġesu’ qed iħarisni minn għajnejn in-nies.

 

 

1056.            Fil-ħdax Ġesu’ qalli, ostja Tiegħi (tas-sagrifiċċju), Inti serħan għal Qalbi ttorturata. Wara dan il-kliem, ħsibt li qalbi kienet ser tinħaraq. U Hu ħadni f’intimita’ hekk fil-qrib miegħu li qalbi tgħarrset ma’ Qalbu f’għaqda ta’ mħabba, u stajt inħoss l-iċken moviment ta’ Qalbu kif Hu kien qed iħoss tiegħi. In-nar tal-imħabba tiegħi ta’ ħlejqa ngħaqdet mal-ħerqa tal-imħabba eterna Tiegħu. Din il-grazzja waħedha tisboq lill-oħrajn kollha fl-immensita’ tagħha. L-Esseri Trinitarju Tiegħu dar madwari  kompletament, u jiena ninsab mgħaddsa fih b’mod totali. Iċ-ċokon tiegħi qed bħallikieku jissielet ma’ dan l-Esseri Immortali u Qawwi. Ninsab mgħaddsa fi mħabba u f’tortura li ħadd ma jista’ jifhimhom minħabba l-Passjoni Tiegħu. Dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Esseri Tiegħu jiġi mogħti lili.

 

 

1057.            S’issa, Ġesu’ kien qed iwassalni li nsir naf b’din il-grazzja u kważi nħossha qabel, imma llum Hu tahieli. Lanqas kont nażżarda noħlomha. Qalbi hi bħallikieku f’estasi kontinwa, għalkemm minn barra xejn ma jtellef il-kuntatti tiegħi mal-proxxmu jew li nieħu ħsieb diversi affarijiet. Xejn ma jista’ jinterrompili l-estasi, lanqas jista’ xi ħadd jissuspettaha, għax jiena talbt lil Alla jħarsini milli jindunaw in-nies b’din il-ħaġa. U , flimkien ma’ din il-grazzja, daħal ġewwa ruħi oċejan sħiħ ta’ dawl, li permezz tiegħu stajt nifhem lil Alla u lili nnifsi. L-istagħġib jegħlibni għal kollox u jeħodni qisni f’estasi ġdida (minħabba l-fatt) li Alla ndenja jinżel għandi, li jiena daqshekk ċkejkna.

 

 

1058.            + Fit-tlieta, filwaqt li kont mimduda fl-art, f’forma ta’ salib, tlabt għad-dinja kollha. Il-ħajja fl-art ta’ Ġesu’ kienet qiegħda tasal għat-tmiem. Jiena smajt is-seba’ kelmiet Tiegħu; imbagħad Hu ħares lejja u qalli, Binti maħbuba ta’ Qalbi, inti s-serħan Tiegħi f’nofs turmenti terribbli.

 

 

1059.            Ġesu’ qed jikkamandani nagħmel novena qabel il-Festa tal-Ħniena, u llum irrid nibdiha għall-konverżjoni tad-dinja kollha u sabiex tiġi magħrufa l-Ħniena Divina . . . sabiex kull ruħ tasal li tfaħħar it-tjubija Tiegħi. Jiena nixtieq il-ħlejjaq jafdaw Fija. Ħajjar lill-erwieħ ipoġġu fiduċja kbira fil-ħniena Tiegħi bla tarf. Ir-ruħ midinba u dgħajfa m’għandu jkollha l-ebda biża’ biex tersaq lejja, għax ukoll jekk ikollha iktar dnubiet milli hemm ramel fid-dinja kollox jegħreq fil-fond bla qiegħ tal-ħniena Tiegħi.

 

 

1060.            X’ħin Ġesu’ kien ħa l-aħħar nifs tiegħu, ruħi nħallet bl-uġigħ, u għal żmien twil ma stajtx niġi f’tiegħi. Sibt xi ftit serħan fid-dmugħ. Dak li qalbi kienet tħobb kien miet. Jista’ xi ħadd jifhem in-niket tiegħi?

 

 

1061.            Filgħaxija, fuq ir-radju, smajt xi innijiet; jiġifieri, salmi, li kienu qegħdin ikantawhom is-saċerdoti. (nota185) Infqajt nibki, u reġa’ beda l-uġigħ kollu ġewwa ruħi, u bkejt bin-niket li kelli, għax ma stajt insib xejn li jtaffili dan l-uġigħ. Imbagħad smajt vuċi ġewwa ruħi: Tibkix; Jiena minix qed inbati iktar. U għall-fedelta’ li biha inti mxejt miegħi fit-tbatijiet u fil-mewt Tiegħi, il-mewt tiegħek għad tkun waħda solenni, u Jiena nakkumpanjak f’dik l-aħħar siegħa. Perla maħbuba tal-Qalb Tiegħi, Jiena qiegħed nara mħabbtek hekk safja, iktar safja minn dik tal-anġli, u iktar u iktar hekk għax inti ma tiqafx tissielet. Minħabba fik Jiena nbierek id-dinja. Qed nara l-isforzi tiegħek sabiex inti togħġobni, u dawn ipaxxuli Qalbi.

 

Wara dan il-kliem, ma bkejtx iżjed, imma raddejt ħajr lill-Missier tas-Sema li bagħtilna lil Ibnu u għall-opra tal-Fidwa tal-umanita’.

 

 

1062.            + Għamilt siegħa adorazzjoni bħala radd il-ħajr għall-grazzji li ngħatawli u għall-mard tiegħi. Il-mard ukoll hu grazzja kbira. Ili marida erba’ xhur, imma ma niftakarx li ħlejt lanqas minuta minnhom. Kollox sar għal Alla u għall-erwieħ; irrid inkun fidila lejh kullimkien.

 

Waqt l-adorazzjoni, irrealizzajt il-premura sħiħa u t-tjubija li Ġesu’ ilu jxerred fuqi bl-abbundanza u l-protezzjoni li Hu tani kontra l-ħażen kollu. Nirringrazzjak speċjalment, Ġesu’, talli ġejt iżżurni fis-solitudni tiegħi, u nirringrazzjak ukoll talli nebbaħt lis-superjuri tiegħi jibgħatuni għal din il-kura. Agħtihom, Ġesu’, is-setgħa bla tarf tal-barka Tiegħek u pattilhom għat-telf kollu li batew minħabba fija.

 

 

1063.            Illum, Ġesu’ qed jgħidli nfarraġ u nagħti assigurazzjoni lil ċerta ruħ li fetħet qalbha miegħi u qaltli bid-diffikultajiet tagħha. Din ir-ruħ togħġbu lill-Mulej imma hi ma tafx b’din il-ħaġa. Alla qed iżommha f’umilta’ profonda. Jiena wettaqt id-direttivi tal-Mulej.

 

 

1064.            + O Mgħallem tiegħi l-aktar ħelu, Ġesu’ twajjeb, nagħtik qalbi. Inti tiffurmaha kif togħġob lilek. O mħabba bla tarf, jiena niftaħ il-fjura ta’ qalbi għalik, bħalma blanzun jinfetaħ għan-nida friska. Inti biss, Għarus tiegħi, tagħraf il-fwieħa tal-fjura ta’ qalbi. Ħalli l-fwieħa tas-sagrifiċċju tiegħi tkun togħġbok. O Alla Immortali, l-għaxqa tiegħi għal dejjem, diġa’ hawn fl-art Inti l-ġenna tiegħi. Jalla kull taħbita ta’ qalbi tkun innu ġdid ta’ tifħir lilek, O Santissima Trinita’! Li kieku kelli qlub daqs kemm hemm qatriet ta’ ilma fl-oċejan jew frak tar-ramel fid-dinja kollha, kont noffrihomlok kollha, O Maħbub tiegħi, O Teżor ta’ qalbi! Niltaqa’ ma’ min niltaqa’ f’ħajti, ikunu min ikunu, irrid niġbidhom kollha kemm huma biex iħobbuk, O Ġesu’ tiegħi, Sabiħ tiegħi, Serħan tiegħi, l-uniku Mgħallem, Imħallef, Salvatur u Għarus tiegħi, kollha f’daqqa; jiena naf li titlu wieħed jixbah lill-ieħor – jiena afdajt kollox fil-ħniena Tiegħek.

 

 

1065.            + Ġesu tiegħi, weżinni, meta jaslu jiem diffiċli ta’ maltemp, jiem ta’ prova, jiem ta’ taqbid, meta t-tbatija u l-għeja jibdew jgħakksuli ġismi u ruħi. Żommni, Ġesu’, u agħtini s-saħħa nissaporti t-tbatija. Poġġili l-għassa fuq xofftejja sabiex ma jindirizzaw l-ebda kelma ta’ tgergir lill-ħlejjaq. Il-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek hi t-tama tiegħi kollha. M’għandi xejn biex niddefendi ruħi ħlief il-ħniena Tiegħek biss; fiha tinsab il-fiduċja tiegħi kollha.

 

 

1066.            27 ta’ Marzu 1937. Illum, ġejt lura minn Pradnik, wara kważi erba’ xhur kura. Inrodd ħajr minn qalbi lil Alla għal kollox. Għamilt użu minn kull mument biex nagħti glorja lil Alla. X’ħin dħalt fil-kappella għal waqt qasir, irrealizzajt kemm kelli nbati u nissielet, dwar din il-ħaġa kollha. O Ġesu’, saħħa tiegħi, Inti biss tista’ tgħinni; agħtini l-qawwa.

 

 

1067.            28 ta’ Marzu. L-Għid. Waqt il-Quddiesa tal-Għid, rajt lill-Mulej jiddi bis-sbuħija, u qalli, Binti, il-paċi miegħek. Hu berikni u għeb, u ruħi mtliet bl-hena u ferħ li ma tistax tiddeskrivihom bl-kliem. Qalbi ssaħħet għat-taqbid u t-tbatijiet.

 

 

1068.            Illum, kelli konverżazzjoni mal-Patri (Andrasz) u hu rrikkmanda ħafna attenzjoni fil-ħaġa ta’ dawn id-dehriet f’daqqa tal-Mulej Ġesu’. X’ħin kien qed jitkellem fuq il-ħniena divina, ċerta saħħa u qawwa daħlu f’qalbi. Alla tiegħi, tant irrid nesprimi kollox u m’għandix il-ħila biex nagħmel dan. Is-saċerdot qalli li l-Mulej Ġesu’ hu ġeneruż ħafna meta jikkomuika mal-erwieħ u, mill-banda l-oħra, Hu, biex ngħidu hekk, xħiħ. “Għalkemm il-ġenerożita’ ta’ Alla hi kbira ħafna,” qalli s-saċerdot, “oqgħod attenta xorta waħda, għax dawn id-dehriet f’daqqa iqanqlu suspett; għalkemm personalment, jiena ma nara xejn ħażin f’din il-ħaġa, jew xejn kontra l-fidi. Kun daqsxejn iktar attenta, u meta tiġi l-Madre Superjura, tista’ tkellimha dwar dan kollu.”

 

 

1069.            29 ta’ Marzu 1937. Waqt il-meditazzjoni llum rajt lill-Mulej mimli sbuħija kbira u Hu qalli, Il-Paċi miegħek, binti. Ruħi kollha kemm hi kienet qiegħda tirtogħod bi mħabba għalih u jiena għidtlu, “O Mulej,għalkemm jiena nħobbok b’qalbi kollha, jekk jogħġbok tidhirlix, għax id-direttur spiritwali tiegħi qalli li dawn id-dehriet Tiegħek f’daqqa waħda qegħdin iqanqlu s-suspett li Inti tista’ tkun illużjoni. U għalkemm jiena nħobbok iktar minn ħajti stess, u jiena naf li Inti l-Mulej tiegħi u Alla tiegħi, li qiegħed tikkomunika miegħi, jeħtieġ fuq kollox li jiena nobdi lill-konfessur tiegħi.

 

Ġesu’ qagħad jisma’ kliemi b’serjeta’ u bi tjubija u qalli dan il-kliem: Għid lill-konfessur tiegħek li Jiena qed nikkomunika mar-ruħ tiegħek b’mod hekk intimu għax inti ma tisraqx id-doni Tiegħi, u għalhekk jiena nferra’ dawn il-grazzji kollha fuq ruħek, għax naf li inti ma toqgħodx tgeddishom u żżommhom għalik. Imma bħala sinjal li l-prudenza tiegħu togħġobni, inti m’intix ser tarani, u minix ser nidhirlek b’dan il-mod sakemm inti ma tkunx tajtu rapport ta’ dak li għadni kif għidtlek.

 

 

1070.            + 2 ta’ April 1937. Filgħodu, waqt il-Quddiesa, smajt dan il-kliem: Għid lis-Superjura li rrid li ssir adorazzjoni hawnhekk għall-intenzjonijiet li jsir talb għall-ħniena għad-dinja.

 

 

1071.            O Ġesu’ tiegħi, Inti biss taf x’inhi għaddejja minnu qalbi. O Saħħa tiegħi, Int tista’ tagħmel kollox, u għalkemm jiena qiegħda nesponi ruħi għal tbatijiet kbar, jiena ser nibqa’ dejjem fidila lejk għax qiegħda żżommni l-grazzja singolari Tiegħek.

 

 

1072.            + 3 ta’ April 1937. Illum, il-Mulej qalli, Għid lir-Reverendu Professur (probabilment Dun Theodore) (nota186) li nixtieq li hu jagħmel omelija fuq il-ħniena Tiegħi bla tarf għall-Festa tal-ħniena Tiegħi. Jiena qtajt ix-xewqa ta’ Alla, imma s-saċerdot ma riedx jirrikonoxxi l-messaġġ tal-Mulej. X’ħin ħriġt mill-konfessinarju, smajt dan il-kliem: Agħmel kif ngħidlek Jiena u kun fil-paċi; din il-ħaġa hi bejnu u bejni. Minix ser inżommok responsabbli ta’ din il-ħaġa.

 

 

1073.            4 ta’ April 1937. L-Ewwel Ħadd fuq l-Għid – jiġifieri il-Festa tal-Ħniena. Filgħodu, wara t-Tqarbin, ruħi ntilfet fid-divinita’ ta’ Alla. Ingħaqadt mat-Tliet Persuni Divini b’tali mod li meta ngħaqadt ma’ Ġesu’, kont magħquda fl-istess ħin mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu. Ruħi faret b’ferħ li ma jitfissirx, u l-Mulej tani esperjenza tal-oċejan kollu u l-abbiss tal-ħniena Tiegħu bla tarf. O, li kieku l-erwieħ kienu jridu jifhmu kemm iħobbhom Alla! Kull tixbiha, ukoll dawk li huma l-iktar teneri u qawwijin, huma biss dell meta tqabbilhom mar-rejalta’!

 

X’ħin ingħaqadt mal-Mulej, sirt naf kemm erwieħ qedgħin jigglorifikaw il-ħniena ta’ Alla.

 

 

1074.            X’ħin mort għall-adorazzjoni, smajt dan il-kliem: Binti maħbuba Tiegħi, ikteb dan il-kliem, li llum Qalbi strieħet f’dan il-kunvent (dar fi Krakovja). Kellem lid-dinja dwar il-ħniena u l-imħabba Tiegħi.

 

Il-fjammi tal-ħniena qed jaħarquni. Nixtieq inxerridhom fuq l-erwieħ tal-bnedmin. O, kemm iġegħluni nħoss uġigħ meta ma jkunux iridu jaċċettawhom!

 

Binti, agħmel dak kollu li inti tista’ biex ixxerred id-devozzjoni tal-ħniena Tiegħi. Inpatti Jiena għal dak li jonqos fik. Għid lill-umanita’ muġugħa titgeddes qrib il-Qalb ħanina Tiegħi, u Jiena nimlieha bil-paċi.

 

Għid (lin-nies kollha), binti, li Jiena l-istess Imħabba u Ħniena. Meta ruħ tersaq lejja bil-fiduċja, Jiena nimlieha b’tant abbundanza ta’ grazzji li ma jkollhiex post biex iżżommhom kollha ġewwa fiha, imma xxerridhom lejn erwieħ oħrajn.

 

 

1075.            L-erwieħ li jxerrdu l-qima lejn il-ħniena Tiegħi Jiena nħarishom għal ħajjithom kollha bħalma Omm l-aktar ħelwa tieħu ħsieb it-tarbija tagħha, u fis-siegħa tal-mewt Jiena ma nkunx mħallef għalihom, imma Salvatur mimli ħniena. F’dik l-aħħar siegħa, ir-ruħ ma jkollha l-ebda difiża ħlief il-ħniena Tiegħi. Imbierka dik ir-ruħ li matul ħajjitha tkun intefgħet fil-Għajn tal-Ħniena, għax il-Ġustizzja ma jkollha l-ebda setgħa fuqha.

 

 

1076.            Ikteb dan: Kulma jeżisti jinsab magħluq fil-ġewwieni tal-ħniena tiegħi, iktar fil-fond minn tarbija f’ġuf ommha. Kemm iweġġagħni u jferini n-nuqqas ta’ fiduċja fit-tjubija Tiegħi! Dnubiet ta’ nuqqas ta’ fiduċja jferuni bl-ikbar uġigħ.

 

 

1077.            Waqt  il-Quddiesa, id-Direttriċi tan –Novizzi (Swor Callista) (nota187) daqqet innu sabiħ fuq il-ħniena ta’ Alla. Jiena mbagħad tlabt lill-Mulej jagħtiha għarfien iktar profond ta’ l-abbiss ta’ din il-ħniena li ħadd ma jista’ jifhimha.

 

 

1078.            + X’ħin kont qiegħda ngħid Il-lejl it-Tajjeb lill-Mulej qabel ma mort norqod, smajt dan il-kliem, ostja Tiegħi tas-sagrfiċċju, għażiża għall-Qalb Tiegħi, minħabba fik Jiena nbierek lid-dinja.

 

 

1079.            7 ta’ April 1937. Illum, x’ħin daħlet fil-kappella ċerta persuna, ħassejt uġigħ terribbli f’idejja, f’saqajja u f’ġenbi, bħalma Ġesu’ ħass waqt il-Passjoni Tiegħu. Din il-ħaġa damet biss waqt wieħed. Imma b’dan il-mod jiena ndunajt b’ruħ li ma kenitx fil-grazzja ta’ Alla.

 

 

1080.            Darba rajt lill-Papa jaħseb dwar din il-ħaġa (nassumu li dan kien it-twaqqif tal-Festa tal-Ħniena Divina).

 

 

1081.            10 ta’ April 1937. Illum, il-Madre Superjura tatni artiklu fuq il-Ħniena Divina sabiex naqrah, u miegħu kien hemm ukoll riproduzzjoni tax-xbieha li kienet ġiet impittra. L-artiklu deher fil-Vilnius Weekly (nota188) u kien ġie mibgħut lilna fi Krakovja minn Dun Michael Sopocko, dak l-appostlu ħerqan tal-Ħniena Divina. F’dan l-artiklu ġew inklużi l-kliem li l-Mulej Ġesu’ qalli, x’uħud minnhom ikkwotati kelma b’kelma.

 

 

1082.            X’ħin qbadt f’idejja l-ħarġa tal-Weekly, vleġġa ta’ mħabba nifditli ruħi. Minħabba x-xewqat ħerqana tiegħek, Jiena qed inħaffef biex tiġi stabbilita’ l-Festa tal-Ħniena. L-ispirtu tiegħi infexx fi fjamma ta’ mħabba li kienet hekk qawwija li deherli li kont qiegħda ninħall għal kollox f’Alla.

 

 

1083.            + Dik ir-ruħ sabiħa li qiegħda xxerred din l-opra tal-ħniena divina mid-dinja kollha togħġob ħafna lil Alla, minħabba l-umilta’ profonda tagħha.

 

 

1084.            Qabel kull grazzja kbira, ruħi tgħaddi minn prova ta’ paċenzja, għax inkun qiegħda nħoss il-grazzja, imma nkun għadni ma nippossedihiex. L-ispirtu tiegħi jinħaraq minħabba n-nuqqas ta’ paċenzja imma għadha ma waslitx is-siegħa. Dawn il-mumenti tant huma straordinarji li hu diffiċli tiddeskrivihom.

 

 

1085.            13 ta’ April 1937. Illum se jkolli noqgħod fis-sodda l-ġurnata kollha. Tani attakk hekk qawwi ta’ sogħla li ħallieni tant batuta li ma baqagħlix saħħa biżżejjed biex nimxi. L-ispirtu tiegħi mimli ħeġġa biex jagħmel ix-xogħol ta’ Alla, imma s-saħħa fiżika ħallietni. Ma nistax ninfed u nara l-azzjonijiet Tiegħek bħalissa. O Mulej; għalhekk, jiena nibqa’ nirrepeti b’att tar-rieda tiegħi mimli mħabba: agħmel bija dak li trid.

 

 

1086.            Għalkemm it-tentazzjonijiet huma qawwijin, mewġa sħiħa ta’ dubji tħabbat kontra ruħi, u l-qtiegħ ta’ qalb jinsab fil-qrib, lest biex jattaka. Imma l-Mulej isaħħaħli r-rieda tiegħi, u meta jaħbtu magħha l-isforzi kollha tal-għadu jitfarku bħallikieku ħabtu ma’ blata. Jiena nista’ nara kemm grazzji attwali Alla qiegħed jagħtini; dawn iweżnuni bla heda. Jiena dgħajfa ħafna, u nattribwixxi kollox għall-grazzja ta’ Alla biss.

 

 

1087.            + Meta darba ddeċidejt li nipprattika ċerta virtu’, waqajt fil-vizzju li jmur kontra din il-virtu’ għaxar darbiet iktar spiss milli kont nagħmel fi ġranet oħra. Filgħaxija, kont qiegħda naħseb għaliex, illum, kont waqajt b’dan il-mod straordinarju, u smajt dan il-kliem: Kont qiegħda tafda ħafna fik innifsek, u ftit wisq Fuqi. U jiena fhimt x’kienet il-kawża tal-waqgħat tiegħi.

 

 

1088.            F’daqqa waħda nikseb saħħti.

 

Wara li kont ktibt ittra lil Dun Sopocko l-Ħadd, 11 ta’ April, f’daqqa waħda tant ħassejtni marida li ma bgħatthiex dik l-ittra, imma qgħadt nistenna sinjal ċar tar-rieda ta’ Alla. Imma saħħti tant qalbet għall-agħar li kelli nirtira fis-sodda. Tant qerditni s-sogħla li ħsibt li, jekk din il-ħaġa kienet ser tibqa’ sejra ftit ieħor, żgur kont sejra nintemm.

 

 

1089.            Fl-14 ta’ April, tant kont qiegħda nħossni ħażin li bilkemm stajt inqum biex immur il-Quddies. Ħassejtni ħafna agħar minn dak iż-żmien mieta kienu bagħtuni għall-kura. Kelli in-nifs tiegħi qed isaffar; fil-pulmuni kienu jinstemgħu ħsejjes allarmanti u kelli wġigħ stramb. X’ħin tqarbint, ma nafx għaliex, imma kien hemm bħallikieku xi ħaġa timbuttani ngħid din it-talba, u bdejt nitlob b’dan il-mod: “Ġesu’, agħmel li Demmek safi u qawwi jdur ma’ ġismi muġugħ, u ħalli Ġismek safi u qawwi jbiddel il-ġisem dgħajjef tiegħi, u jekk jogħġob tassew lir-rieda mqaddsa Tiegħek li jiena nibda nwettaq din l-opra, agħmel li saħħti titjieb u titqawwa mill-ġdid; u dan ikun sinjal ċar tar-rieda qaddisa Tiegħek għalija.

 

Filwaqt li kont qiegħda nitlob b’dan il-mod, ħassejt f’daqqa waħda bħallikieku xi ħaġa kienet qiegħda ċċaqlaqli ġismi kollu u, f’daqqa waħda, ħassejtni f’sikkti għal kollox. In-nifs tiegħi issa hu ċar, bħallikieku l-pulmuni qatt ma kienu mardu, u minix inħoss l-ebda wġigħ, u dan hu sinjal għalija li għandi nibda naħdem.

 

 

1090.            U dan ġara fl-aħħar jum tan-novena tiegħi lill-Ispirtu s-Santu. Wara li rġajt ksibt saħħti, sibt ruħi magħquda mal-Mulej Ġesu’ b’mod purament spiritwali. Ġesu’ tant assigurazzjonijiet qawwijin; jiġifieri, ikkonfermali dak li Hu kien qed jistenna. Bqajt qrib tal-Mulej Ġesu’ dak il-jum kollu u tkellimt miegħu dwar id-dettalji li għandhom x’jaqsmu ma’ dik il-kongregazzjoni.

 

Ġesu’ mlieli ruħi bis-saħħa u bil-kuraġġ biex naħdem. Issa jiena qiegħda nifhem li jekk il-Mulej jitlob xi ħaġa mingħand xi ruħ, Huwa jagħtiha l-mezzi li jkollha bżonn biex twettaqha u permezz tal-grazzja, hi twettaqha. Għalhekk, ukoll jekk ir-ruħ tkun mill-aktar miżerabbli, għall-kmand tal-Mulej hi tkun tista’ twettaq affarijiet li hi ma timmaġinax li tkun tista’ tagħmilhom, għax dan hu s-sinjal li permezz tiegħu tkun taf jekk il-Mulej hux ma’ dik ir-ruħ: jekk il-qawwa u s-saħħa ta’ Alla, li jagħmlu r-ruħ kuraġġuża u qalbiena, ikunu jidhru fiha, nitkellem għalija nnifsi, għall-ewwel jiena dejjem inkun daqsxejn beżgħana mill-kobor tal-Mulej, imma wara ruħi timtela b’paċi profonda li xejn ma jkun jista’ jiddisturbuha, kif ukoll b’saħħa ġewwinija biex hi tagħmel dak li l-Mulej ikun qed jitlob f’dak il-mument partikolari ...

 

 

1091.            Imbagħad smajt dan il-kliem: Mur għid lis-superjura li erġajt ħadt saħħtek.

 

Jiena la naf, lanqas nistaqsi kemm ser indum f’saħħti. L-unika ħaġa li naf li bħalissa qiegħda ngawdi saħħti. Il-futur mhux tiegħi. Jiena tlabt għal din is-saħħa bħala sinjal tar-rieda ta’ Alla u mhux biex infittex serħan mit-tbatija tiegħi.

 

 

1092.            16 ta’ April 1937. Illum, filwaqt li għaddiet minn fuqi l-Majesta’ ta’ Alla, ruħi fehmet li l-Mulej, għalkemm Hu tant kbir, jitpaxxa b’erwieħ umli. Iktar mar-ruħ iċċekken lilha nfisha, iktar tkun kbira t-tjubija li biha l-Mulej jersaq lejha. Hu jingħaqad mill-qrib magħha u jgħolliha sal-istess tron Tiegħu. Imbierka r-ruħ li l-Mulej innifsu iħarisha. Jiena sirt naf li l-imħabba biss għandha valur; l-imħabba hi kobor; xejn, l-ebda ħidma, ma tista’ tqabbilha ma’ att wieħed ta’ mħabba pura ta’ Alla.

 

 

1093.            + O Ġesu’, għattini bil-ħniena Tiegħek u wkoll iġġudikani bil-ħniena, għax jekk ma tagħmilx hekk il-Ġustizzja Tiegħek bid-dritt kollu tista’ tasal sabiex tikkundannani.

 

 

1094.            17 ta’ April. Illum waqt taħdita kateketika (mogħtija minn Dun Theodore) (nota189) kelli konferma ta’ dak li jiena kont fhimt ġewwa fija u li jiena kont għext bih għal xi żmien; jiġifieri, li jekk ruħ tkun tħobb lil Alla sinċerament u tkun maqgħuda miegħu b’mod intimu, imbagħad, ukoll, jekk dik ir-ruħ tkun qiegħda tgħix fost ċirkustanzi esterni diffiċli, xejn ma jkun jista’ jtellef il-ħajja interjuri tagħha; u f’nofs il-korruzzjoni, tista’ tibqa’ safja u bla mittiefsa; għax l-imħabba kbira ta’ Alla tagħtiha s-saħħa għat-taqbida u Alla wkoll iħares b’mod speċjali, ukoll b’mod mirakoluż, lir-ruħ li tħobbu sinċerament.

 

 

1095.            Meta darba Alla tani għarfien ġewwa fija li jiena qatt ma kont tlift l-innoċenza tiegħi, u li minkejja l-perikli kollha li fihom kont sibt ruħi, Huwa stess kien qiegħed iħarisni sabiex il-verġnita’ ta’ ruħi u ta’ qalbi setgħu jibqgħu sħaħ, jiena għaddejt il-ġurnata nrodd ħajr lil Alla ġewwa fija bil-ħerqa. Irringrazzjajt lil Alla li Hu kien għoġbu jħarisni mill-ħażen, u għal dan ukoll: li jiena kont sibt grazzja f’għajnejh, li Hu stess kien assigurani minn dan.

 

 

1096.            U xi ftit snin wara, Huwa ndenja ruħu jikkonfermani f’din il-grazzja, u minn dak iż-żmien ma kellix iktar esperjenza tar-ribelljoni tas-sensi kontra r-ruħ. Fuq din il-ħaġa ktibt b’iktar dettall x’imkien ieħor fid-djarju tiegħi (ara paragrafu Nr. 40). Kull darba li niftakar f’din il-grazzja li ħadd ma jista’ jifhimha, fjamma ġdida ta’ mħabba u gratitudni lejn Alla toħroġ minn ġewwa qalbi; u din l-istess imħabba twassalni sabiex jiena ninsa lili nnifsi kompletament.

 

 

1097.            Minn dak iż-żmien, ili ngħix taħt il-mant verġinali ta’ Omm Alla. Hi ilha tħarisni u tgħallimni. Jiena ninsab fil-paċi, qrib il-Qalb Immakulata tagħha. Għax jiena daqshekk dgħajfa u bla esperjenza, nitgeddes bħal tifla ċkejkna qrib il-Qalb Tagħha.

 

 

1098.            Għalkemm Alla kkonfermani f’din il-virtu’, jiena, iżda, qiegħda għassa l-ħin kollu, u nibża’ wkoll minn delli stess, imma dan biss għax jiena sirt inħobb lil Alla b’mod intensiv.

 

 

1099.            Din il-grazzja tahieli Alla preċiżament għax jiena l-iktar waħda dgħajfa fost il-bnedmin kollha; din hi r-raġuni għaliex Dak li hu ta’ setgħa bla tarf dawwarni bil-ħniena speċjali Tiegħu.

 

 

1100.            24 ta’ April. Sirt sensittiva għal kull grazzja kbira minn qabel; xenqa u xewqa stramba għal Alla jiġu fuqi, u mbagħad jiena noqgħod nistenna l-grazzja. U iktar ma tkun kbira l-grazzja, iktar ikun ċar dak li jiena nħoss minn qabel, u iktar tkun qalila t-taqbida tiegħi mal-għadu tas-salvazzjoni tiegħi.

 

Xi drabi ruħi tkun tinsab f’kundizzjoni li nista’ niddeskriviha biss permezz ta’ tixbiha: hemm żewġt iħbieb kbar, u wieħed qed jagħmel festa kbira u stieden lill-ieħor; it-tnejn li huma qedgħin jistennewha bil-ħerqa; imma l-ħin tal-festa ġie deċiż. Insomma, dawk il-mumenti preċiżi qabel ma jiena nirċievi l-grazzja tant huma qawwijin li hu diffiċli tiddeskrivihom. Huma mmarkati b’xenqa mimlija wġigħ u nar tal-imħabba. Jiena nista’ nħoss li l-Mulej hemm qiegħed, imma ma nistax inkun mitlufa fih b’mod assolut, għax is-siegħa ġiet deċiża. Ta’ spiss, qabel mument bħal dan ta’ grazzja, jiena nħossni kompletament fqira fil-moħħ, fir-rieda u fil-qalb. Inkun mitluqa waħdi, u noqgħod nistenna lil Alla Wieħed. Huwa stess iwettaq dan fija qabel ma jiġi.

 

 

23 ta’ April 1937. Illum jiena bdejt irtir ta’ tlett ijiem. (nota190)

 

1101.            Filgħxija smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Binti, kun af li Jiena ser inkellmek b’mod speċjali permezz ta’ dan is-saċerdot (Patri Plaza (nota191)) sabiex inti ma ċċedix għad-dubji dwar ix-xewqat Tiegħi. Diġa’ waqt l-ewwel meditazzjoni ruħi ġiet milquta minn dan il-kliem tas-saċerdot: Jiena m’għandix neħodha kontra r-rieda ta’ Alla u l-pjanijiet ta’ Alla, ikunu x’ikunu; u malli jiena nkun konvinta miċ-ċertezza u l-awtentiċita’ tar-rieda ta’ Alla għandi d-dmir li ntewwaqha. Tkun xi tkun ir-rieda ta’ Alla, ladarba sirt naf x’inhi, għandi nwettaqha u ħadd ma jista’ jħollni minnha. Din hi biss ġabra qasira ħafna, imma l-meditazzjoni sħiħa ġiet imnaqqxa f’ruħi, u m’għandi l-ebda dubju dwar xejn. Jiena naf Alla x’irid mingħandi, u x’għandi nagħmel.

 

 

1102.            Ikun hemm f’ħajti, żminijiet u waqtiet ta’ dawl spiritwali; jiġifieri, dawl divin, meta r-ruħ tirċievi tagħlim ġewwa fiha dwar affarijiet li ma tkunx qrathom fl-ebda ktieb u li l-ebda persuna ma tkun għallmithomlha. Ikun hemm żminijiet ta’ għarfien kbir interjuri li Alla stess jagħti lir-ruħ. Dawn huma misteri kbar ... jiena spiss nirċievi dawl u għarfien dwar il-ħajja interjuri ta’ Alla u tad-diżposizzjoni intima ta’ Alla, u din il-ħaġa timlieni b’fiduċja li ma tistax titfisser bil-kliem u b’hena li ma nistax inżommu ġewwa fija; nixtieq ninħall fih kompletament.

 

 

1103.            + L-essenza tal-imħabba hi s-sagifiċċju u t-tbatija. Il-verita hi mlibbsa kuruna tax-xewk. It-talb jinvolvi l-intellett, ir-rieda u l-emozzjonijiet.

 

 

1104.            Illum kien hemm tagħlim sabiħ (minn Patri Plaza) fuq it-tjubija u l-ħniena ta’ Alla. Waqt din il-konferenza ruħi kellha esperjenza tal-fjammi tal-imħabba ta’ Alla, u jiena fhimt li l-kelma ta’ Alla hi kelma ħajja.

 

 

1105.            L-eżami partikulari tiegħi għadu l-istess wieħed; jiġifieri, għaqda ma’ Kristu ħanin, u s-skiet. Il-fjura li jiena se npoġġi f’riġlejn l-Omm ta’ Alla f’Mejju se tkun li nżomm silenzju.

 

 

1106.            + Il-virtu’ mingħajr prudenza mhix virtu’. Għandna nitolbu ta’ spiss lill-Ispirtu Qaddis għal din il-grazzja tal-prudenza. Il-prudenza tikkonsisti fl-għaqal, riflessjoni bil-ħsieb u riżoluzzjoni kuraġġuża. Id-deċiżjoni aħħarija dejjem trid tkun f’idejna. Irridu niddeċiedu; aħna nistgħu u għandna nfittxu li nieħdu parir u li jkollna d-dawl ...

 

 

1107.            Illum waqt il-meditazzjoni, Alla tani dawl interjuri u stajt nifhem x’inhi l-qdusija u f’hiex tikkonsisti, għalkemm dawn l-affarijiet smajthom ħafna drabi f’konferenzi, ir-ruħ tkun tista’ tifhimhom mod ieħor meta ssir tafhom permezz tad-dawl ta’ Alla li jdawwalha.

 

La grazzji, lanqas rivelazzjonijiet, la estasi lanqas id-doni mogħtija lir-ruħ ma jagħmluha perfetta, imma pjuttost l-għaqda intima tar-ruħ ma’ Alla. Dawn id-doni huma biss ornamenti tar-ruħ, imma mhumiex la l-essenza tagħha lanqas il-perfezzjoni tagħha. Il-qdusija u l-perfezzjoni tiegħi huma mibnija fuq l-għaqda intima tar-rieda tiegħi mar-rieda ta’ Alla. Alla qatt ma jisforza r-rieda ħielsa tagħna. Jiddependi minna jekk irridux nirċievu l-grazzja ta’ Alla jew le. Jiddependi minna jekk aħna nikkoperawx magħha jew naħluha.

 

 

1108.            Fl-aħħar konferenza ta’ filgħaxija, li kienet tħejjija għat-tiġdid tal-voti, is-saċerdot kien qed jitkellem fuq il-hena li joħroġ mit-tliet voti, u fuq il-premju li jiġi meta dawn jiġu osservati bil-fedelta’. F’daqqa waħda, ruħi ġiet mitfugħa f’dalma kbira interjuri. Ruħi mtliet bl-imrar minflok bil-ferħ, u qalbi ġiet minfuda b’uġigħ qawwi. Tant ħassejtni miżerabbli u minix denja ta’ din il-grazzja u kif kont konxja tal-miżerja tiegħi u tan-nuqqas ta’ mertu tiegħi ma kontx nażżarda biss nersaq lejn saqajn l-iżgħar postulanta biex inbushom. Rajt il-postulanti, fl-ispirtu, sbieħ u jogħġbu lill-Mulej; u jien, abbiss ta’ miżerja. Wara l-konferenza, intfajt f’riġlejn Alla moħbi, fost dmugħ u wġigħ. Intfajt fil-baħar tal-ħniena infinita ta’ Alla, u hemmhekk biss stajt ikolli esperjenza ta’ serħan u nħoss l-ħniena Tiegħu ta’ setgħa bla tarf li kienet qiegħda madwari.

 

 

1109.            + 30. Dan hu l-jum tat-tiġdid tal-voti.

 

Fil-pront malli qomt, il-preżenza ta’ Alla daret madwari, ħassejtni li jiena kont it-tifla ta’ Alla. Imħabba divina ġiet imferra’ ġewwa ruħi, u Alla wrieni kif kollox kien jiddependi mir-rieda Tiegħu. Huwa qalli il-kliem: Irrid nagħti maħfra sħiħa lill-erwieħ li jqerru u jitqarbnu fil-Festa tal-Ħniena Tiegħi. Imbagħad qalli, Biniti, tibża’ minn xejn. Jiena dejjem miegħek, ukoll jekk inti taħseb li minix. L-umilta’ tiegħek tiġbidni ‘l isfel mit-tron għoli Tiegħi, u Jiena ningħaqad mill-qrib miegħek.

 

 

1110.              29 (ta’ April 1937). Il-Mulej għarrafni dwar id-diskussjonijiet (nota192) li kienu għaddejjin fil-Vatikan dwar din il-Festa. Id-dinjatarju Pacelli ħadem ħafna fuq din il-ħaġa

 

 

1111.            Illum isir it-tiġdid; jiġifieri, il-professjoni tal-voti (nota193) waqt ċelebrazzjoni solenni. Filwaqt lis-sorijiet kienu qedgħin jagħmlu l-voti, smajt l-anġli jkantaw f’diversi toni, “Qaddis, Qaddis, Qaddis”, b’kant sabiħ li l-ebda lsien ta’ bniedem ma jista’ qatt iħabbatha magħhom.

 

 

1112.            Wara nofs inhar, tkellimt mal-maħbuba Madre Direttriċi tan-Novizzi, Madre Mary Joseph. Imxejna darba madwar il-ġnien, u stajt nitkellem magħha, għalkemm b’mod pjuttost ġenerali. Hija dejjem l-istess maħbuba Madre Direttriċi tan-Novizzi, għalkemm fil-fatt m’għandhiex id-direttriċi, imma hi s-Superjura, u diġa’ għaddew għaxar snin minn mindu jiena għamilt il-voti tiegħi. Hija qaltli li hi ħaġa impossibli li reliġjuża tgħix mingħajr is-salib. Iżda, hija wrietni ċerta tbatija li jiena kont għaddejt minnha f’Varsavja, għalkemm jiena qatt ma kont għidtilha biha. Il-grazzji kollha li jiena rċevejt waqt in-novizzjat reġgħu ġew ċari quddiem l-għajnejn ta’ ruħi. O, kemm jiena grata lejha! Meta ruħi kienet mitfugħa fid-dlam, u deherli li kont ikkundannata, hija qalgħetni ‘l barra minn dak l-abbiss bis-saħħa tal-ubbidjenza.

 

 

1113.            Ruħi ta’ spiss tkun imtaqqla bit-tbatija, u m’hemm l-ebda bniedem li jista’ jifhem dawn it-turmenti.

 

 

1114.            1 ta’ Mejju 1937. Illum ħassejt mill-qrib lil Ommi, l-Omm tiegħi s-Sema, għalkemm qabel kull Tqarbina jiena nitlob bil-ħerqa lil Omm Alla sabiex hija tgħinni nħejji ruħi għall-miġja ta’ Binha, u nħoss biċ-ċar il-ħarsien tagħha fuqi. Jiena nitlobha tkun hekk ġentili li tkebbes fija n-nar tal-imħabba ta’ Alla, bħal dak li kien jaqbad fil-qalb safja tagħha stess filwaqt tal-Inkarnazzjoni tal-Verb ta’ Alla.

 

 

1115.            4 ta’ Mejju. Illum mort nara lill-Madre Ġenerali (Michael) għal mument u staqsejtha, “Għażiża Madre, kellek xi ispirazzjoni dwar it-tluq tiegħi mill-kunvent?” Il-Madre Ġenerali wieġbet, “ S’issa, Sor, dejjem żammejtek, imma issa qiegħda nħallilek liberta’ sħiħa li inti tagħżel li tagħmel dak li trid; tista’ titlaq mill-Kongregazzjoni jew tibqa’.” Jiena mbagħad weġibt, “Tajjeb ħafna.” Ħsibt biex nikteb mill-ewwel lill-Papa nitolbu jeħlisni mill-voti tiegħi (nota194) X’ħin ħallejt lill-Madre Ġenerali, reġa’ waqa’ d-dlam għal darb’oħra fuqi ruħi, bħalma kien ġara fl-imgħoddi. Hi ħaġa stramba li, kull darba li nitlob permess biex nitlaq mill-Kongregazzjoni, din id-dalma timlieli ruħi, u nħossi qisni tħallejt kollni kemm jien waħdi. Filwaqt li kont għaddejja minn dan it-turment tal-ispirtu, iddeċidejt li mmur fil-pront għand il-Madre u ngħidilha bit-turmenti strambi u t-taqbida tiegħi. Il-Madre wieġbet, “Din tiegħek li titlaq  hi tentazzjoni.” Wara li qgħadt nitkellem ftit magħha ħassejtni daqsxejn aħjar, imma id-dalma baqgħet. “Din il-Ħniena Divina hi ħaġa sabiħa, u żgur li hi opra kbira tal-Mulej, ladarba Satana ħadha daqstant kontrieha u jrid jeqridha.” Dan kien il-kliem tal-maħbuba Madre Ġenerali tagħna.

 

 

1116.            Ħadd ma jista’jifhem, lanqas jiena stess ma nista’ niddeskrivi t-turmenti tiegħi. Imma ma jistax ikun hemm tbatijiet ikbar minn din. It-tbatijiet tal-martri mhumiex ikbar għax, f’ħinijiet bħal dawn, il-mewt tkun għalija serħan. M’hemm xejn li jiena nista’ nqabbel dawn it-tbatijiet magħhom, din l-agunija bla tarf tar-ruħ.

 

 

1117.            5 ta’ Mejju (1937). Illum, jiena ftaħt qalbi xi ftit fil-qrar, għax bdejt naħseb li forsi din kienet it-tentazzjoni vera: li f’dak il-waqt li jiena nitlob il-permess li nitlaq  mill-Kongregazzjoni jiena ngħaddi minn tbatija u dlam hekk kbar. Meta għidtlu dan, il-konfessur wieġeb li forsi ma kienx il-waqt magħżul minn Alla. “Trid titlob u tistenna bil-paċenzja, imma veru li hemm tbatijiet kbar jistennewk. Trid tissaporti ħafna tbatijiet u tegħleb ħafna diffikultajiet; dik ħaġa ċerta. Ikun aħjar tistenna u titlob ħafna għal għarfien iktar profond u għal dawl divin. Dawn huma affarijiet serji.”

 

 

1118.            Alla tiegħi! F’dawn il-mumenti diffiċli d-direttur spiritwali tiegħi (Patri Andrasz) mhux qiegħed hawn, għax mar Ruma. Ġesu’, ladarba Inti ħadtuli, mexxini Inti stess, għax Inti biss taf kemm niflaħ nissaporti. Jiena nemmen fis-sod li Alla ma jistax jgħabbi fuqi iktar milli niflaħ nisspaorti. Jiena nafda fil-ħniena Tiegħu.

 

 

1119.            F’dawn il-waqtiet meta jiena nkun ninsab bejn art u sema, noqgħod bi kwieti, għax ukoll li kieku kelli nitkellem, min jista’ jifhem dak li nkun qed ngħid? L-eternita’ għad tikxef ħafna affarijiet li dwarhom bħalissa jiena qiegħda nżomm is-skiet . . .

 

 

1120.            X’ħin ħriġt fil-ġnien, rajt kif kollox kien qed jarmi u jxerred il-ferħ tar-rebbiegħa. Is-siġar, imżejnin bil-fjuri, kienu qed jarmu fwieħa tal-ġenn. Kollox kien qed jaqbeż bil-ferħ, u l-għasafar kienu qedgħin ikantaw u jpespsu l-adorazzjoni tagħhom lil Alla u bil-kant tagħhom, qaluli “Ifraħ u kun kuntenta, Swor Fawstina”; imma ruħi tibqa’ fit-tortura u fid-dlam. Ruħi tant hi sensittiva għat-tpespis tal-grazzja li taf kif għandha titkellem mal-ħolqien kollu u ma’ kulma hawn madwari, u jiena naf għaliex Alla żejjen l-art b’dan il-mod . . .  Imma qalbi ma tistax tifraħ għax il-Maħbub tiegħi nħbieli, u minix sejra nistrieħ qabel ma nsibu . . . ma nafx ngħix mingħajr Alla, imma nħoss ukoll li Alla, għalkemm Hu assolutament m’għandu bżonn ta’ ħadd, ma jistax ikun kuntent mingħajri . . . 

 

 

1121.            6 ta’ Mejju (1937). It-Tlugħ fis-Sema ta’ Ġesu’.

 

Minn kmieni dalgħodu, Alla messli ruħi. Wara t-Tqarbin, qgħadt nikkomunika għal ftit mal-Missier tas-Sema. Ruħi nġibdet fiċ-ċentru jaqbad u jikwi tal-imħabba. Jiena fhimt li l-ebda opri esterni ma tista’ xxebbaħhom mal-imħabba safja ta’ Alla ... jiena rajt il-ferħ tal-Verb Inkarnat, u ġejt mgħaddsa fit-Trinita’ Divina. X’ħin erġajt ġejt f’tiegħi, xewqa kbira mlietli ruħi, u bdejt nixxennaq li ningħaqad ma’ Alla. Imħabba hekk tremenda għall-Missier tas-Sema dawritni li dan il-jum nista’ nsejjaħlu estasi ta’ mħabba bla ebda waqfien. L-univers kollu jidher f’għajnejja bħal qatra żgħira meta mxebbaħ ma’ Alla. M’hemm l-ebda hena ikbar milli meta Alla jgħarrafni ġewwa fija li kull taħbita ta’ qalbi togħġbu, u meta jurini li jħobbni b’mod speċjali. Din il-konvinzjoni qawwija li għandi ġewwa fija, li permezz tagħha Alla jassigurani mill-imħabba li għandu għalija u kemm togħġbu ruħi, iġġibli paċi profonda f’ruħi. Matul dan il-jum ma stajtx nieħu l-ebda ikel; ħassejtni mimlija sax-xifer bl-imħabba.

 

 

1122.            Alla ta’ ħniena kbira, li ndenjajt ruħek tibgħatilna l-Iben Waħdieni Tiegħek bħala l-ikbar prova tal-imħabba u l-ħniena Tiegħek bla tarf, Inti ma tirrifjutax lill-midinbin; imma fil-ħniena infinita Tiegħek Inti ftaħtilhom ukoll it-teżori Tiegħek, teżori li minnhom huma jistgħu jieħdu bl-abbundanza, mhux biss ġustifikazzjoni, imma wkoll il-qdusija kollha li ruħ jista’ jkollha. Missier ta’ ħniena kbira, nixtieq li l-qlub kollha jduru bil-fiduċja lejn il-ħniena infinita Tiegħek. Ħadd ma jista’ jkun iġġustifikat quddiemek jekk ma jkunx akkumpanjat mill-ħniena Tiegħek bla tarf. Meta Inti turina l-misteru tal-ħniena Tiegħek għalina, l-eternita’ ma tkunx biżżejjed biex nirringrazzjawk b’mod xieraq għalih.

 

 

1123.            O, kemm hi ħaġa ħelwa li jkollok fil-fond ta’ ruħek dak li l-Knisja tgħidilna li għandna nemmnu. Meta ruħi tkun tinsab mitlufa fl-imħabba, jiena nkun nista’ nsolvi l-mistoqsijiet l-iktar ikkumplikati malajr u b’mod ċar. L-imħabba biss hi kapaċi taqsam il-preċipizzji u l-qċaċet tal-muntanji. L-imħabba, għal darb’oħra, l-imħabba.

 

 

1124.            + 12 (ta’ Mejju 1937). Dalma stramba xi kultant taqa’ fuq l-intellett tiegħi. Ninsab mgħaddsa fix-xejn kontra r-rieda tiegħi.

 

 

1125.            20 ta’ Mejju 1937. Meta għal xahar sħiħ kien ili ngawdi saħħti, ġieni f’moħħi li ma kontx naf x’kien jogħġob l-aktar lill-Mulej – inservih fil-mard jew fis-saħħa li jiena kont tlabtu għaliha – u jiena għidt lill-Mulej, “Ġesu’, agħmel bija kif jogħġbok,” u Ġesu’ reġa’ ħadni lura għall-kundizzjoni li kelli qabel.

 

 

1126.            O kemm hi ħaġa ħelwa tgħix f’kunvent fost is-sorijiet, imma ma rridx ninsa li dawn l-anġli qegħdin f’iġsma umani.

 

 

1127.            Darba, rajt lil Satana għaddej jgħaġġel ifittex xi waħda fost is-sorijiet, imma ma seta’ jsib lil ħadd. Ħassejt ispirazzjoni ġewwa fija li nikkmandah f’Isem Alla jistqarrli x’kien qed ifittex fost is-sorijiet. U hu stqarr, għalkemm kontra qalbu, “Qed infittex erwieħ li m’għandhomx x’jagħmlu.” (ara Sir 33:28, Prov 12:11). Meta rġajt ikkmandajtu jgħidli f’Isem Alla liema erwieħ fil-ħajja reliġjuża hu jista’ jilħaq b’mod l-iktar faċli, hu reġa’ qal kontra qalbu, “Erwieħ għażżenin li m’għandhomx x’jagħmlu.” Innutajt il-fatt li, bħalissa, ma kienx hemm erwieħ bħal dawn f’din id-dar. L-erwieħ imħabbtin u għejjenin għandhom jifirħu.

 

 

1128.            22 ta’ Mejju 1937. Tant hi sħana llum li diffiċli tissaportiha. Ilkoll ninsabu għatxana għax-xita, u tibqa’ ma tagħmilx. Għal xi jiem is-sema kien imsaħħab, imma m’għamlitx xita. X’ħin ħarist lejn il-pjanti, għatxana għax-xita, bdejt nitħassarhom, u ddeċidejt li ngħid il-kurunella sakemm il-Mulej jibgħatilna x-xita. Qabel l-ikel ta’ filgħaxija, is-sema nkesa bis-sħab, u xita qliel bdiet nieżla fuq l-art. Kien ili ngħid din it-talba bla heda għal tliet sigħat. U l-Mulej tani x’nifhem li nistgħu nakkwistaw kollox permezz ta’ din it-talba.

 

 

23 (ta’ Mejju). Il-Festa tas-Santissima Trinita’.

 

1129.            Waqt il-Quddiesa, sibt ruħi f’daqqa waħba magħquda mas-Santissima Trinita’. Jiena għaraft il-majesta’ u l-kobor Tiegħu. Kont magħquda mat-Tliet Persuni. U ladarba kont magħquda ma’ Wieħed minn dawn il-Persuni l-iktar Venerabbli, kont fl-istess ħin magħquda maż-Żewġ Persuni l-oħrajn. Il-ferħ u l-hena li ruħi ħasset ma nistax niddeskrivihom. Jiddispjaċini li ma nistax inpoġġi fi kliem dak li m’għandux kliem.

 

 

1130.            Smajt dan il-kliem: Għid lis-Superjura Ġenerali tafdak bħala l-bint l-iktar fidila fl-Ordni. (nota195)

 

 

1131.            Wara dan il-kliem, irċevejt għarfien ġewwa fija ta’ x’inhu l-ħolqien kollu quddiem Alla. Immensa, u li ħadd ma jista’ jifhimha, hi l-majesta’ Tiegħu. L-abbiss tal-ħniena Tiegħu hu l-fatt li Hu jitbaxxa lejna . . .

 

 

1132.            Kollox għad jispiċċa f’dan il-wied tad-dmugħ,

Id-dmugħ jixxotta u l-uġigħ ma jibqax iżjed.

Ħaġa waħda biss għad tibqa’ –

L-imħabba għalik, O Mulej.

 

Kollox għad jispiċċa f’dan l-eżilju,

Il-provi u d-deżert tar-ruħ.

U għalkemm hi tgħix f’agunija perpetwa ,

Jekk Alla jkun magħha, xejn ma jċaqlaqha.

 

 

1133.            27 ta’ Mejju 1937. Festa ta’ Corpus Christi.

 

Waqt it-talb, smajt dan il-kliem: Binti, ħalli lil qalbek timtela bil-ferħ. Jiena, il-Mulej, qiegħed miegħek. Tibża’ minn xejn. Inti tinsab f’Qalbi. F’dak il-waqt, jiena sirt naf il-majesta’ kbira ta’ Alla, u fhimt li m’hemm xejn li tista’ tqabblu mal-iċken għarfien ta’ Alla. Il-kobor minn barra jispiċċa bħal għabra trab quddiem att wieħed ta’ għarfien iktar profond ta’ Alla.

 

 

1134.            Il-Mulej ferra’ profondita’ hekk kbira ta’ paċi ġewwa ruħi li xejn ma jista’ jtellifha iżjed. Minkejja dak kollu li jkun qed jiġri madwari, jiena ma nitlef xejn mill-paċi tiegħi lanqas għal waqt wieħed. Ukoll li kieku d-dinja kollha kienet qiegħda titfarrak, dan ma jfixkilx il-profondita’ tas-skiet li hemm ġewwa fija u u li fih jistrieħ Alla. Il-ġrajjiet kollha, dak kollu li jiġri, jinsab taħt riġlu.

 

 

1135.            Dan l-għarfien aktar fond ta’ Alla jagħtini liberta’ sħiħa u ħelsien spiritwali, u xejn ma jista’ jfixkel l-għaqda tiegħi miegħu mill-qrib, lanqas il-qawwiet tal-anġli. Inħossni tajba ħafna x’ħin inkun maqgħuda ma’ Alla. X’hena kbir jinsab f’li wieħed ikun konxju ta’ Alla f’qalbu u jgħix f’intimita’ miegħu mill-qrib.

 

 

1136.            X’ħin waslet fid-dar tagħna l-purċissjoni minn Borek, (nota196) u ġabet lil Dak li kellu jiġi jgħammar fil-kappella tagħna, smajt vuċi ġejja minn ġewwa l-Ostja: Hawn jinsab il-mistrieħ Tiegħi. Waqt il-Barka, Ġesu’ għarrafni li dalwaqt kellu jseħħ mument solenni f’dan l-istess post. Jiena ninsab ferħan li nista’ nistrieħ ġewwa qalbek u xejn m’hu ser iżommni milli nagħtik il-grazzji. Ruħi qed tegħreq f’dan il-kobor ta’ Alla, nintilef fih, ninħall fih . . .

 

 

1137.            30 ta’ Mejju (1937). Illum qiegħda mmut bix-xewqa kbira li għandi għal Alla. Din ix-xenqa qiegħda timlieli ruħi kollha. Kemm qiegħda nħossu jagħfas fuqi l-eżilju. O Ġesu’, meta ser jasal dak il-mument li tant qiegħda nistennieh?

 

 

1138.            31 ta’ Mejju. Ir-ruħ ittorturata tiegħi ma ssib għajnuna mkien ħlief fik, O Ostja Ħajja. Jiena npoġġi l-fiduċja kollha tiegħi fil-qalb ħanina Tiegħek. Qiegħda nistenna bil-paċenzja l-kelma Tiegħek, Mulej.

 

 

1139.            O, x’uġigħ tħoss qalbi meta nara soru li m’għandhiex l-ispirtu reliġjuż! Kif jista’ xi ħadd jogħġob lil Alla meta dak ix-xi ħadd ikun minfuħ bis-suppervja u bl-egoiżmu bl-iskuża li qiegħed jaħdem għall-glorja ta’ Alla, filwaqt li filfatt ikun qed ifittex il-glorja għalih innifsu? Meta nara ħaġa bħal din, tweġġagħni ħafna. Kif tista’ ruħ bħal din tkun maqgħuda mill-qrib ma’ Alla? Għaqda mal-Mulej hija mpossibli f’każ bħal dan.

 

 

1140.            1 ta’ Ġunju 1937. Illum kien hemm il-purċissjoni (nota197) ta’ Corpus Christi.  Fl-ewwel altar, ħarġet fjamma mill-Ostja u nifdiltli qalbi, u smajt vuċi, Dan hu l-post fejn Jiena nista’ nistrieħ. Qalbi qabdet in-nar, u ħassejt li kont ġejt mibdula kollni kemm jiena fih.

 

 

1141.            Filgħaxija, tani x’nifhem kemm jgħaddu malajr l-affarijiet ta’ din id-dinja, u (kif) dak kollu li jidher kbir jgħib bħal duħħan, u lir-ruħ ma jagħtihiex liberta’, imma jgħejjiha. Imbierka r-ruħ li dawn l-affarijiet tifhimhom u tmiss mal-art b’sieq waħda biss. Is-serħan tiegħi jinsab filli nkun magħquda miegħek; kull ħaġa oħra tgħajjini. O, kif inħossni li jiena fl-eżilju! Nista’ nara li ħadd ma jifhem il-ħajja interjuri tiegħi. Inti biss tifhimni, Inti li tinsab moħbi ġewwa qalbi, imma xorta waħda Inti ħaj eternament.

 

 

1142.            4 ta’ Ġunju. Illum il-Festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’. Waqt il-Quddiesa, ġejt mogħtija l-għarfien tal-Qalb ta’ Ġesu’ u n-natura tan-nar ta’ mħabba li biha Hu jaqbad għalina u kif Hu Oċejan ta’ Ħniena. Imbagħad smajt vuċi: Appostlu tal-ħniena Tiegħi, xandar lid-dinja kollha l-ħniena Tiegħi bla tarf. Tħallix id-diffikultajiet li tiltaqa’ magħhom filwaqt li inti xxandar il-ħniena Tiegħi jaqgħtgħulek qalbek. Dawn id-diffikultajiet li qegħdin jaffettwawk hekk bl-ikrah hemm bżonnhom biex inti tkun tista’ titqaddes u bħala sinjal li din l-opra hi Tiegħi. Binti, ikteb b’mod diliġenti kull sentenza li Jiena ngħidlek dwar il-ħniena Tiegħi, għaliex din hi maħsuba għal għadd kbir tal-erwieħ li għad jieħdu ħafna ġid spiritwali minnha.

 

 

1143.            + Waqt l-Adorazzjoni l-Mulej tani għarfien iktar profond ta’ affarijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ din l-opra.

 

 

1144.            Illum, jiena tlabt il-maħfra tal-Mulej għall-offiżi kollha li saru fil-kunventi tagħna li minħabba fihom il-Qalb Divina Tiegħu qiegħda tbati.

 

 

1145.            + 6 ta’ Ġunju (1937). L-ewwel Ħadd tax-xahar. Illum jiena għamilt l-irtir tiegħi ta’ kull xahar.

 

Dawl mill-meditazzjoni ta’ filgħodu: tagħmel x’tagħmel bija, Ġesu’, jiena nħobbok dejjem għax jiena Tiegħek. Ma jimpurtax jekk Inti tħallinix hawnhekk jew tpoġġini x’imkien ieħor; jiena Tiegħek.

 

Bi mħabba jiena nintelaq fid-digrieti l-iżjed għaqlin Tiegħek, O Alla, u r-rieda Tiegħek, O Mulej, hi l-ikel tiegħi ta’ kuljum. Inti, li taf kull taħbita ta’ qalbi, taf li hi tħabbat għalik biss, Ġesu’ tiegħi. Xejn ma jista’ jaqta’ x-xewqa tiegħi għalik. Qiegħda mmut għalik, Ġesu’. Meta ser toħodni fil-għamara Tiegħek? (ara Ġw 14:1-3)

 

 

1146.            L-ikbar midinbin għandhom ipoġġu l-fiduċja tagħhom fil-ħniena Tiegħi. Għandhom id-dritt qabel oħrajn li jafdaw fl-abbiss tal-ħniena Tiegħi. Binti, ikteb dwar il-ħniena Tiegħi lejn l-erwieħ itturmentati. Erwieħ li jirrikorru lejn il-ħniena Tiegħi Jiena nieħu gost bihom. Lil dawn l-erwieħ Jiena nagħtihom iktar grazzji milli huma jifilħu jitolbu. Ma nistax nikkastiga wkoll lill-ikbar midneb jekk hu jirrikorri lejn il-ħniena Tiegħi, imma għall-kuntrarju Jiena niġġustifikah fil-ħniena Tiegħi li hi bla tarf u li ħadd ma’ jista jifhimha. Ikteb: qabel ma Jiena niġi bħal Imħallef ġust, l-ewwel niftaħ beraħ il-bieb tal-ħniena Tiegħi. Min ma jridx jgħaddi mill-bieb tal-ħniena Tiegħi ikollu jgħaddi mill-bieb tal-ġustizzja Tiegħi ...

 

 

1147.            Meta darba ħassejtni mweġġgħa’ minħabba ċerta ħaġa u lmentajt mal-Mulej, Ġesu’ wieġeb, Binti, għalfejn tagħti daqshekk importanza lit-tagħlim u t-tpaċpiċ tan-nies? Jiena nnifsi rrid ngħallmek; għalhekk nagħmel mod sabiex inti ma tkunx tista’ tattendi għal dawn il-konferenzi. F’mument wieħed, Jiena jirnexxieli ngħarrfek iktar milli l-oħrajn jistgħu jakkwistaw matul ħafna snin ta’ tħabrik.

 

 

1148.             20 ta’ Ġunju (1937). Aħna nixbħu lil Alla l-iktar meta naħfru lill-proxxmu tagħna. Alla Hu Mħabba, Tjubija, u Ħniena ...

 

Kull ruħ, u l-iktar ir-ruħ ta’ kull reliġjuża, għandha tirrifletti l-ħniena Tiegħi. Qalbi qiegħda tfur bil-kompassjoni u bil-ħniena għal kulħadd. Il-qalb tal-maħbuba Tiegħi trid tixbaħ lil Tiegħi; mill-qalb tagħha trid toħroġ l-għajn tal-ħniena Tiegħi għall-erwieħ; jekk ma jkunx hekk Jiena ma nagħrafhiex bħala Tiegħi.

 

 

1149.            + Diversi drabi, jiena tgħallimt kif xi reliġjużi jiddefendu l-glorja tagħhom stess bl-iskuża li għandhom premura għall-glorja ta’ Alla, filwaqt li ma tkun xejn il-glorja ta’ Alla, imma l-glorja tagħhom infushom. O Ġesu’, kemm weġġgħetni din il-ħaġa! Liema sigrieti ser jikxef il-jum tal-ġudizzju Tiegħek! Kif jista’ xi ħadd jisraq id-doni ta’ Alla?

 

 

1150.            Illum, jiena ħassejt ħafna niket minħabba ċerta persuna, li hi persuna lajka. Fuq il-bażi ta’ verita’ waħda, hija qalet ħafna affarijiet li ma kienux minnhom. U għax kulħadd emminhom u xterdu mad-dar kollha, x’ħin smajt dawn l-affarijiet, qalbi ħasset weġgħa. Kif jista’ xi ħadd jabbuża b’dan il-mod mit-tjubija tal-oħrajn? Imma ddeċidejt li ma ngħid l-ebda kelma biex niddefendi ruħi u li nibda nuri iktar tjubija lejn dik il-persuna. Sirt konxja, iżda, li ma kellix saħħa biżżejjed biex nissaporti bil-kalma, għax il-ħaġa baqgħet sejra ġimgħat sħaħ. X’ħin rajt it-tempesta qiegħda timla u li r-riħ kien beda jtajjar ir-ramel preċiż f’għajnejja mort quddiem is-Sagrament Imqaddes u għidt lill-Mulej, “Mulej Ġesu’, qiegħda nitolbok tagħtini s-saħħa tal-grazzja attwali Tiegħek, għax qiegħda nħoss li mhux ser jirnexxieli noħroġ ħajja minn din it-taqbida. Ipproteġini Int, Mulej!”

 

Imbagħad smajt il-kliem, Tibżax, Jiena qiegħed miegħek. X’ħin ħallejt l-altar, paċi u qawwa straordinarja mlewli ruħi, u t-tempesta li kienet għaddejja laqtet ma’ ruħi bħalma taħbat ma’ blata; u r-ragħwa tat-tempesta waqa’ fuq dawk li kienu bdewha. O, kemm Hu twajjeb il-Mulej, li jippremja lil kull wieħed u kull waħda skont ma huma jagħmlu! Kull ruħ għandha titlob għall-għajnuna tal-grazzja attwali, għax xi kultant il-grazzja ordinarja ma tkunx biżżejjed.

 

 

1151.            + Meta l-uġigħ jiskili ruħi

U x-xefaq jiswied bħal bid-dalma tallejl,

U l-qalb tiċċarrat bit-tortura tat-tbatija,

Ġesu’ Msallab, Inti s-saħħa tiegħi.

 

Meta r-ruħ, imdallma bl-uġigħ,

Titqabad f’battalja mingħajr waqfien,

U l-qalb tkun tinsab tas-salvazzjoni tiegħi.

Ġesu’ Msallab, Inti t-tama tas-salvazzjoni tiegħi.

 

U hekk jgħaddu l-ġranet,

Waqt lir-ruħ tgħum f’baħar ta’ mrar,

U l-qalb tinħall fi dmugħ,

Ġesu’ Msallab, Inti tiddi għalija ż-żerniq.

 

U meta tfur it-tazza tal-imrar,

U kollox idur kontrieha,

U r-ruħ tinżel fil-Ġnien taż-Żebbuġ

Ġesu’ Msallab, fik insib difiża tiegħi.

 

Meta r-ruħ, konxja mill-innoċenza tagħha,

Taċċetta dawn id-digrieti mingħand Alla,

Imbagħad il-qalb tista’ tpatti l-weġgħat bi mħabba.

Ġesu’ Msallab, biddel id-dgħjufija tiegħi f’setgħa bla tarf.

 

 

1152.            Mhix ħaġa faċli tissaporti t-tbatijiet bil-ferħ, l-aktar dawk li ma jkunx jistħoqqluna. In-natura dgħajfa tagħna tirribella, u għalkemm l-intellett u r-rieda huma ‘l fuq mit-tbatija, għax kapaċi jagħmlu l-ġid lil dawk li jgħabbuhom bit-tbatija, xorta waħda l-emozzjonijiet iqajmu ħafna storbju u, bħal spirti bla kwiet, jattakkaw l-intellett u r-rieda. Imma meta jaraw li ma jistgħu jagħmlu xejn waħedhom, jikkwetaw u jissottomettu ruħhom għall-intellett u r-rieda. Bħal xi ħaġa li tbeżża’ jidħlu jgħaġġlu u jqajmu ħafna nkwiet, moħħhom li jġegħluk tobdi lilhom biss sakemm ma jżommuhomx f’posthom l-intellet u r-rieda.

 

 

1153.            23 ta’ Ġunju (1937). Kif kont qiegħda nitlob quddiem is-Sagrament Imqaddes, it-tbatijiet fiżiċi tiegħi f’daqqa waħda waqfu, u smajt din il-vuċi ġewwa ruħi: Qiegħda tara Jiena nista’ nagħtik kollox f'mument wieħed. Jiena 'l fuq mil-liġijiet kollha.

 

24 ta’ Ġunju. Wara t-Tqarbin, smajt dan il-kliem: Kun af , binti, li f’mument wieħed Jiena nista’ nagħtik dak kollu li hemm bżonn għat-twettiq ta’ din l-opra. Wara dan il-kliem, dawl straordinarju baqa’ ġewwa ruħi, u dak kollu li Alla kien qed jitlob deher f’għajnejja hekk sempliċi li wkoll tifla żgħira setgħet tagħmlu.

 

 

1154.            27 (ta’ Ġunju ). Illum, rajt il-kunvent tal-Kongregazzjoni l-ġdida. Kien bini kbir u spazjuż . Bdejt minn kamra għall-oħra, nosserva kollox. Rajt li l-Providenza ta’ Alla kienet ħasbet għal dak kollu li kien hemm bżonn. Il-persuni li kienu qedgħin jgħixu f’dan il-kunvent ma kinux lebsin ta’ sorijiet, imma spirtu għal kollox reliġjuż kien qed isaltan hemm ġewwa, u jiena kont qiegħda norganizza kollox preċiż bħalma ried il-Mulej. F’daqqa waħda, smajt ċanfira mingħand waħda mis-sorijiet tagħna, “Sor, kif tista’ twettaq opri bħal dawn?” Jiena weġibt li mhux jiena kont qiegħda nwettqu imma l-Mulej li kien qed jaħdem permezz tiegħi, u li jiena kelli l-awtorizzazzjoni għal kollox. Waqt il-Quddies, irċevejt dawl u għarfien profond dwar din il-opra kollha, u ma’ baqa’ l-ebda dell ta’ dubju f’ruħi.

 

 

1155.            Il-Mulej bħal speċi tani għarfien tar-rieda Tiegħu taħt tliet aspetti, imma kollha jinġabru waħda. (nota198)

 

L-ewwel waħda hi li l-erwieħ li huma maqtugħin mid-dinja għad ikunu jaqbdu bħala offerta quddiem it-tron ta’ Alla u jittallbu ħniena għad-dinja kollha . . . u permezz tat-talb tagħhom jakkwistaw barkiet għas-saċerdoti, u permezz tat-talb tagħhom huma jħejju d-dinja għall-aħħar miġja ta’ Ġesu’.

 

 

1156.            It-tieni waħda hi t-talb maqgħud mal-att tal-ħniena. B’mod partikolari, dawn jiddefendu l-erwieħ tat-tfal mill-ispirtu tal-ħażen. Talb u atti l-ħniena huma kulma jeħtieġu jagħmlu dawn l-erwieħ, u wkoll l-ifqar persuni jistgħu jingħaddu magħhom. U f’din id-dinja egoista huma jippruvaw iqanqlu l-imħabba, il-ħniena ta’ Ġesu’.

 

 

1157.            It-tielet hija talb u atti tal-ħniena, mingħajr l-obbligu tal-voti. Imma meta huma jagħmlu dan, dawn il-persuni jkollhom sehem mill-merti u l-privileġġi kollha tal-(Kongregazzjoni) kollha. Kulħadd fid-dinja jista’ jkun f’dan il-grupp.

 

 

1158.            Membru ta’ dan il-grupp irid jagħmel almenu att wieħed ta’ ħniena kuljum; almenu wieħed, imma jista’ jagħmel ħafna iżjed, għax atti bħal dawn jista’ jagħmilhom faċilment kulħadd, ukoll l-ifqar fost l-fqar. Għax hemm tliet modi kif wieħed jista’ jagħmel att ta’ ħniena: kelma ta’ ħniena, ta’ maħfra u faraġ; it-tieni mod, jekk ma tistax toffri lanqas kelma waħda, mela itlob – dik ukoll hi ħniena; u t-tielet mod, opri tal-ħniena. U meta jasal l-Aħħar Jum, niġu ġġudikati fuq dan, u fuq din l-bażi nirċievu l-verdett għall-eternita’.

 

 

1159.            Infetħu bibien is-sema għalina. Ejjew numru r-rieda li napprofittaw  minnhom qabel ma jasal il-jum tal-ġustizzja ta’ Alla. U dak għad ikun jum tal-biża’!

 

 

1160.            Meta darba jiena staqsejt lill-Mulej Ġesu’ kif jista’ jittollera tant dnubiet u delitti mingħajr ma jikkastighom, il-Mulej weġibni, Biex nikkastiga (lil dawn) għandi l-eternita’, u għalhekk Jiena qiegħed intawwal iż-żmien tal-ħniena minħabba (il-midinbin). Imma ħażin għalihom jekk huma ma jgħarfux dan iż-żmien taż-żjara Tiegħi. Binti, segretarja tal-ħniena Tiegħi, id-dmir tiegħek mhux biss li tikteb dwar il-ħniena Tiegħi u xxandarha, imma wkoll li tittallab għal din il-grazzja għalihom, sabiex huma wkoll jaslu li jigglorifkaw il-ħniena Tiegħi.

 

 

1161.            Illum, ruħi batiet tant agunija li jiena bdejt nilmenta mal-Mulej Ġesu’, “Ġesu’, kif tista’ tħallini waħdi? Lanqas pass wieħed ‘il quddiem waħdi ma nista’ nagħmel. Inti ħadtli l-konfessur tiegħi, u Inti stess qed tistaħba minni. Inti żgur taf, Ġesu’ li waħdi jiena ma nafx xejn ħlief li naħli l-grazzji Tiegħek, Ġesu’, trid tirranġa l-affarijiet sabiex Patri Andrasz jerġa’ jiġi lura.” Imma komplejt inħoss dieqa ta’ qalb.

 

 

1162.            Ġietni f’moħħi mmur għand xi saċerdot u ngħidlu bid-dwejjaq tiegħi kif ukoll b’xi ispirazzjonijiet diversi, sabiex hu jkun jista’ jagħtini s-soluzzjoni; jiena għidt lill-Madre Superjura (Irene) b’din l-idea. Il-Madre wieġbet, “Qed nifhem, Sor, li int għaddejja minn żmien diffiċli, imma bħalissa, verament ma naf bl-ebda saċerdot li jgħodd għalik. Hekk jew hekk, Patri Andrasz dalwaqt jiġi lura. Mela, għalissa, mur u għid kollox lill-Mulej Ġesu’.”

 

 

1163.            X’ħin mort nitkellem ftit mal-Mulej, smajt vuċi ġewwa ruħi . . . Tiegħi. Minix ser nagħtik il-grazzja li turi lilek innifsek lil xi ħaddieħor u wkoll li kieku kellek tikxef lilek innifsek, Jiena ma nagħtix lil dak is-saċerdot il-grazzja li jkun jeħtieġ biex jifhmek. F’dan iż-żmien, hija x-xewqa Tiegħi li inti tissaporti lilek innifsek bil-paċenzja. Binti, mhix ir-rieda Tiegħi li inti tgħid lil kulħadd bid-doni li Jiena tajtek. Jiena afdajtek fil-kura tal-ħabib tal-Qalb Tiegħi, u taħt id-direzzjoni tiegħu ruħek għad twarrad. Jiena tajtu d-dawl li hu jagħraf il-ħajja Tiegħi f’ruħek.

 

 

1164.            Binti, meta Jiena kont ninsab quddiem Erodi, ksibtlek grazzja; jiġifieri, li inti tkun kapaċi togħla ‘l fuq mid-disprezz uman u timxi bil-fedelta’ fil-passi Tiegħi. Żomm is-skiet meta ma jkunux iridu jammettu u jaċċettaw il-verita’ tiegħek, għax ikun f’dak il-waqt li inti titkellem b’elokwenza ikbar.

 

  

1165.            Kun af din il-ħaġa, binti: jekk inti tissielet għall-perfezzjoni inti tqaddes ħafna erwieħ; u jekk inti ma titqabadx għall-qdusija, bl-istess raġunar, ħafna erwieħ jibqgħu imperfetti. Kun af li l-perfezzjoni tagħhom tiddependi mill-perfezzjoni tiegħek, u l-patri l-kbira tar-responsabbilta’ għal dawn l-erwieħ taqa’ fuqek.

 

 

1166.            Imbagħad Hu qalli, Tibżax, binti; imma ibqa’ fidila biss għall-grazzja Tiegħi . . .

 

 

1167.            Satana ammetta miegħi li jiena l-mira tal-mibgħeda tiegħu. Huwa qalli li “elf ruħ jagħmluli inqas ħsara milli tagħmel inti meta inti titkellem dwar il-ħniena kbira tas-Setgħani. L-ikbar midinbin jerġgħu jiksbu l-fiduċja u jerġgħu lura għand Alla, u jiena nitlef kollox. Imma iktar minn hekk, inti tippersegwitani personalment b’dik il-ħniena bla tarf tas-Setgħani.” Jiena ħadt nota tal-mibgħeda kbira li Satana għandu għall-Ħniena ta’ Alla. Ma jridx jammetti u jaċċetta li Alla Hu tajjeb.

 

 

1168.            29 ta’ Ġunju 1937. Waqt il-kolazzjon illum Patri Andrasz sellem lill-komunita’ kollha bit-telefon. Diġa’ ġie lura (minn Ruma), u llum stess wara nofs inhar ġie jarana. Is-sorijiet li pprofessaw, in-novizzi, u ż-żewġ gruppi ta’ studenti nġabru fil-bitħa (il-grawnd tat-tfajliet quddiem il-bini) u qagħdu jistennew lil dan is-saċerdot, missierna l-għażiż. It-tfal tawh merħba bil-kant u l-poeżiji, u mbagħad tlabnieh ikellimna dwar Ruma u l-ħafna affarijiet sbieħ li hu kien ra hemmhekk. Dam jitkellem iktar minn sagħtejn, u minħabba f’hekk ma kienx għad baqa’ ħin għad baqa’ ħin biex nitkellmu waħedna.

 

 

1169.            Illum, ruħi daħlet f’għaqda mill-qrib mal-Mulej. Hu għarrafni kif jiena għandi dejjem nintelaq fir-rieda qaddisa Tiegħu: F’waqt wieħed, Jiena nista’ nagħtik iżjed milli inti kapaċi tixtieq.

 

 

1170.            30 ta’ Ġunju 1937. Illum, il-Mulej qalli, Jiena ridt neżalta lil din il-Kongregazzjoni ħafna drabi, imma ma nistax nagħmlu dan minħabba s-suppervja tagħha. Kun af, binti, li Jiena ma nagħtix il-grazzji Tiegħi lill-erwieħ suppervi, u Jiena saħansitra noħdilhom il-grazzji li nkun tajthom.

 

 

1171.            Illum Swor Jolanta (nota199) talbitni nagħmel patt magħha: hi titlob għalija, u jien nitlob għat-tfajliet fil-klassi tagħha f’Vilnius. Ngħid għalija, jiena dejjem nitlob għall-ħidma tagħna, imma ddeċidejt li nitlob għall-klassi f’Vilnius għal xahrejn, u Swor Jolanta ser tgħid tliet Ave Marijiet lill-Verb Inkarnat kuljum bl-intenzjoni li jiena jkolli ġid spiritwali mill-grazzja ta’ Alla. Il-ħbiberija tgaħna niżlet iktar fil-fond.

 

 

1172.            1 ta’ Lulju 1937. Ix-xahar ta’ Lulju.

 

Illum waqt l-Anġelus, il-Mulej tani għarfien tal-imħabba li Alla għandu għall-bnedmin, imħabba li ħadd ma jista’ jifhimha. Hu jgħollina ‘l fuq sa fejn jinsab Hu fid-divinita’ Tiegħu. L-uniċi motivi Tiegħu huma l-imħabba u l-ħniena bla tarf. Għalkemm Inti tgħarrafna b’dan il-misteru permezz ta’ anġlu, Inti stess twettqu.

 

 

1173.            Minkejja l-paċi profonda li ruħi qiegħda tgawdi, jiena qiegħda nissielet il-ħin kollu, u ħafna drabi tkun ġlieda ħarxa għalija li nimxi bil-fedelta’ fit-triq tiegħi; jiġifieri, it-triq li l-Mulej Ġesu’ jridni nimxi fiha. U t-triq tiegħi hi li dejjem u f’kollox inkun fidila lejn ir-rieda ta’ Alla, l-aktar billi nkun fidila għall-ispirazzjonijiet li jkolli ġewwa fija sabiex inkun strument sensittiv f’idejn Alla biex titwettaq l-opra tal-ħniena Tiegħu bla tarf.

 

 

1174.            4 ta’ Lulju 1937. L-ewwel Ħadd tax-xahar.

L-irtir ta’ kull xahar.

 

Illejla, ħejjejt ruħi bi premura kbira u domt nitlob lill-Ispirtu s-Santu sabiex jindenja ruħu jagħtini d-dawl Tiegħu u joħodni taħt il-gwida speċjali Tiegħu; (tlabt) ukoll lill-Madonna, lill-Anġlu Kustodju tiegħi, u lill-qaddisin patruni tagħna. (nota200)

 

 

1175.            Frott tal-Meditazzjoni.

 

Kwalunkwe ħaġa li Ġesu’ kien jagħmel, kien jagħmilha sewwa. Hu baqa’ għaddej, jagħmel it-tajjeb. Il-mod kif kien iġib ruħu kien mimli tjubija u ħniena. Kien imidd il-passi Tiegħu fit-triq tal-kompassjoni. Lejn l-għedewwa Tiegħu Hu wera tjubija, qalb tajba u kien jifhimhom, u lejn dawk fil-bżonn l-għajnuna u l-konsolazzjoni. Iddeċidejt li nirrifletti bil-fedelta’ ġewwa fija dawn il-karatteristiċi ta’ Ġesu’ matul dan ix-xahar, ukoll jekk dan kien jiswieli ħafna.

 

 

1176.            Waqt l-Adorazzjoni, smajt vuċi ġewwa ruħi: Dawn l-isforzi tiegħek, binti, lili jogħġbuni; huma l-għaxqa ta’ Qalbi. Jiena nista’ nara kull moviment tal-qalb tiegħek, li bih inti tagħtini qima.

 

 

Eżami Partikulari

 

1177.            Kontinwazzjoni tal-istess ħaġa: li ningħaqad ma’ Kristu ħanin. F’ġieħ il-Passjoni ħarxa Tiegħu, jiena ser nitlob lill-Missier tas-Sema għad-dinja kollha. Punt tar-regola: osservanza stretta tas-skiet.

 

Irrid ngħarbel fil-fond tal-esseri tiegħi u nrodd ħajr lil Alla għal kollox, filwaqt li ningħaqad ma’ Ġesu’. Miegħu, fih, u permezz Tiegħu, jiena nagħti glorja lil Alla.

 

 

1178.            O Mulej, Imħabba tiegħi, jiena nroddlok ħajr għal dan il-jum meta Inti ppermettejtli niġbed teżor ta’ grazzji mill-għajn tal-ħniena Tiegħek bla tarf. O Ġesu’, mhux illum biss, imma f’kull mument, jiena niġbed mill-ħniena Tiegħek bla tarf dak kollu lir-ruħ u l-ġisem jistgħu jixtiequ.

 

 

1179.            7 ta’ Lulju 1937. Fi żminijiet ta’ dubju: jiġifieri, meta r-ruħ hi dgħajfa, ħalli titlob lil Ġesu’ stess sabiex jaħdem Hu. Għalkemm taf li hi għandha taħdem permezz tal-grazzja ta’ Alla, xorta waħda f’ċerti żminijiet, ikun aħjar li tħalli l-ħidma kollha f’idejn Alla.

 

 

1180.            15 ta’ Ġunju (Lulju) 1937. Darba, sirt naf li kelli niġi trasferita għal dar oħra. Sirt naf b’din il-ħaġa b’mod għal kollox interjuri. Fl-istess ħin, smajt vuċi ġewwa ruħi: Tibżax, binti, hija r-rieda Tiegħi li inti tibqa’ hawn. Il-pjanijiet umani għad jiġu mfixklin, ladarba jridu jikkonformaw mar-rieda Tiegħi.

 

 

1181.            X’ħin kont qrib tal-Mulej, Hu qalli, Għaliex qed tibża’ tibda l-opra li Jiena kkmandajtek tagħmel? Jiena weġibt, “Għaliex tħallini waħdi f’waqtiet bħal dawn, Ġesu’, u għaliex ma nkunx nista’ nħoss il-preżenza Tiegħek?” Binti, għalkemm inti ma tindunax bija fil-fond l-iktar sigriet ta’ qalbek , xorta waħda ma tistax tgħid li Jiena ma ninsabx hemmhekk. Jiena nneħħilek biss is-sens li inti ma tkun konxja tal-preżenza Tiegħi, u dan m’għandux ikun ostaklu biex inti twettaq ir-rieda Tiegħi. Jiena dan nagħmlu sabiex nilħaq l-iskopijiet Tiegħi li ħadd ma jifhimhom, u li inti għad issir tafhom iżjed tard.

 

Binti, kun af bla ebda dubju, u darba għal dejjem, li d-dnub mejjet biss ikeċċini minn ġor-ruħ, u xejn iżjed.

 

 

1182.            + Illum il-Mulej qalli, Binti, pjaċir u għaxqa Tiegħi, xejn m’hu ser iwaqqafni milli nagħtik grazzji. Il-miżerja tiegħek ma ttellifx il-ħniena Tiegħi. Binti, ikteb li iktar ma tkun kbira l-miżerja tar-ruħ, iktar għandha dritt fuq il-ħniena Tiegħi; (ħajjar) lill-erwieħ kollha sabiex jafdaw fl-abbiss bla qiegħ tal-ħniena Tiegħi, għax Jiena rrid insalvahom kollha kemm huma. Fuq is-salib, il-lanza fetħet beraħ l-għajn tal-ħniena Tiegħi għall-eriweħ kollha – Jiena ma ħallejt barra lil ħadd!

 

 

1183.            O Ġesu’, irrid ngħix il-mument ta’ issa, ngħix bħallikieku dan kien l-aħħar jum ta’ ħajti. Irrid nuża kull mument b’mod skrupluż għall-ikbar glorja  ta’ Alla, nuża kull ċirkustanza għall-ġid ta’ ruħi. Irrid inħares lejn kollox, mill-att li xejn ma jiġri mingħajr ir-rieda ta’ Alla.

 

Alla ta’ ħniena bla tarf, għannaq id-dinja u ferra’ Lilek innifsek fuqna permezz tal-Qalb ħanina ta’ Ġesu’.

 

 

1184.            F’okkażjoni li ġrat qabel.

 

Filgħaxija, rajt lill-Mulej Ġesu’ fuq is-salib. Id-Demm l-iżjed Qaddis Tiegħu ħiereġ igelgel minn idejh, saqajh u ġenbu. Ftit wara, Ġesu’ qalli, Dan kollu għas-salvazzjoni tal-erwieħ. Aħseb sewwa, binti, dwar x’inti tagħmel għas-salvazzjoni tagħhom. Jiena weġibt, Ġesu’, meta jiena nħares lejn it-tbatija Tiegħek, nista’ nara li dak li jiena qiegħda nagħmel għas-salvazzjoni tal-erwieħ tista’ tgħid ma jiswa xejn.” U l-Mulej qalli, Kun af, binti, li l-martirju tiegħek fis-skiet minn jum għall-ieħor f’sottomissjoni sħiħa għar-rieda Tiegħi qiegħed idaħħal ħafna erwieħ fil-ġenna. U meta jidhirlek lit-tbatija tiegħek tkun qed tegħleb lil saħħtek, ikkontempla l-Pjagi Tiegħi, u inti jirnexxilek togħla ‘l fuq mid-disprezz u l-ġudizzju uman. Il-meditazzjoni fuq il-Passjoni Tiegħi tgħinek togħla ‘l fuq minn kollox. Fhimt ħafna affarijiet  li qabel ma kienx irnexxieli nifhimhom.

 

 

1185.            9 ta’ Lulju 1937. Illejla, waħda mis-sorijiet mejtin ġiet u talbitni jum wieħed ta’ sawm  u qaltli noffri l-eżerċizzi (spiritwali) tiegħi kollu dakinhar għaliha. Jiena weġibt li hekk kont sejra nagħmel.

 

 

1186.            Minn kmieni l-għada filgħodu, offrejt kollox għall-intenzjoni tagħha. Waqt il-Quddiesa, kelli esperjenza qasira tat-turmenti tagħha. Kelli esperjenza ta’ xenqa hekk kbira għal Alla li ħassejtni qisni qiegħda mmut bix-xewqa li kelli li ningħaqad miegħu. Din il-ħaġa ftit damet, imma fhimt xi jħossu l-erwieħ tal-purgatorju bix-xewqa li għandhom.

 

 

1187.            X’ħin spiċċat il-Quddiesa, fil-pront tlabt il-permess tal-Madre Superjura sabiex insum, imma ma tatulix minħabba l-mard tiegħi. X’ħin dħalt fil-kappella, smajt dan il-kliem: “Li kieku int somt Sor, ma kienx ikolli serħan sa filgħaxija, imma minħabba l-ubbidjenza tiegħek, li ma ħallitekx issum, kelli serħan fil-pront. L-ubbidjenza għandha ħafna qawwa.” Wara dan il-kliem smajt: “Jalla Alla jippremjak.”

 

 

1188.            Ta’spiss nitlob għal-Polonja, imma nara li Alla hu nkurlat sewwa magħha minħabba l-ingratitudni tagħha. (nota201) Jiena nuża s-saħħa kollha ta’ ruħi biex niddefendiha. Il-ħin kollu nfakkar lil Alla fil-wegħdiet tal-ħniena Tiegħu. Meta jiena nara l-korla Tiegħu, nintefa’ bil-fiduċja fl-abbiss tal-ħniena Tiegħu, u nitfa’ ġo fih lill-Polonja kollha, u mbagħad Hu ma jkunx jista’ juża l-ġustizzja Tiegħu. Pajjiżi, kemm tiswieli! Ma tgħaddix ġurnata li fiha jiena ma nitlobx għalik.

 

 

1189.            (Sentenza minn San Vinċenz de Paule: “Il-Mulej dejjem imidd idu għal xi opra meta jneħħi min-nofs il-mezzi kollha umani u jikkmandana nagħmlu xi ħaġa li hi akbar minn saħħitna.”)

 

 

1190.            + Ġesu’. – Mil-pjagi Tiegħi kollha, bħal minn għejjun, toħroġ tgelgel il-ħniena għall-erwieħ, imma l-pjaga fil-Qalb Tiegħi hi l-għajn ta’ ħniena bla tarf. Minn din il-għajn joħorġu l-grazzji kollha għall-erwieħ. Il-fjammi tal-kompassjoni jaħarquni. Għandi xewqa kbira li nferragħhom fuq l-erwieħ. Kellem lid-dinja kollha dwar il-ħniena Tiegħi.

 

 

1191.            Sakemm nibqgħu ngħixu, tibqa’ tikber ġewwa fina l-imħabba ta’ Alla. Sakemm immutu, għandna nibqgħu nissieltu għall-imħabba ta’ Alla. Tgħallimt mill-esperjenza li erwieħ li jgħixu fl-imħabba jintgħarfu minn din il-ħaġa: li huma jkollhom dawl kbir dwar l-affarijiet ta’ Alla kemm ġewwa ruħhom stess kif ukoll fl-erwieħ tal-oħrajn. U erwieħ sempliċi, bla ebda edukazzjoni, huma tal-għaġeb fl-għerf li jkollhom.

 

 

1192.            Fl-erbatax l-istazzjon, tiġini sensazzjoni li Ġesu’ niżel ġol-art.

 

Meta ruħi tkun tinsab imdejqa, jiena nibda naħseb biss b’dan il-mod: Ġesu’ Hu tajjeb u kollu ħniena, u wkoll li kieku l-art kellha ċċedi taħt saqqajja; jiena ma niqafx nafda fih.

 

 

1193.            Illum, jiena smajt dan il-kliem: Binti, għaxqa tal-Qalb Tiegħi, Jiena nħares ġewwa ruħek bi pjaċir. Jiena nagħti ħafna grazzji minħabba fik biss. Jiena wkoll inżomm lura l-kastigi Tiegħi minħabba fik biss. Inti żżommni lura, u Jiena ma nistax niġġustifika dak li l-ġustizzja Tiegħi qiegħda titlob. Inti torbotli idejja bi mħabbtek.

 

 

1194.            13 ta’ Lulju 1937. Illum, Ġesu’ tani d-dawl dwar kif għandi nġib ruħi ma’ waħda mis-sorijiet li kienet staqsietni dwar ħafna affarijiet spiritwali li dwarhom hi kellha d-dubji. Imma bażikament ma kenitx din il-biċċa xogħol; hija riedet biss issir taf l-opinjoni tiegħi dwar dawn l-affarijiet biex ikollha xi ħaġa x’tgħid fuqi mas-sorijiet l-oħrajn. O, li kieku tenniet l-istess kliem li jiena kont għidtilha mingħajr tidwir u żidiet! Ġesu’ wissieni dwarha. Iddeċidejt li nitlob għaliha,  għax it-talb biss jista’ jdawwal lil dik ir-ruħ.  

 

 

1195.            O Ġesu’ tiegħi, xejn ma jista’ jiġbed ‘l isfel l-idejali tiegħi; jiġifieri, l-imħabba li jiena għandi għalik. Għalkemm it-triq hi mimlija xewk, ma nibżax nimxi ‘l quddiem. Ukoll li kieku kellha tiksini ħalba silġ ta’ persekuzzjonijiet; ukoll li kieku ħbiebi jabbadandunawni, ukoll li kieku kollox kellu jdur kontrija, u l-orizzont jiswied; ukoll li kieku kellha tfaqqa’ tempesta qalila, u jiena nħossni għal kollox waħdi u jkolli nħabbat wiċċi magħha kollha kemm hi; xorta waħda ma nitlifx il-paċi u nibqa’ nafda fil-ħniena Tiegħek, O Alla tiegħi, u t-tama tiegħi ma tkunx diżappuntata.               

 

 

1196.            Illum, x’ħin avviċinatni ċerta soru li kien imissha x-xogħol fir-refettorju (il-kamra fejn jieklu s-sorijiet, fejn is-sorijiet iservu fil-ħin tal-ikel skont kif imisshom), kelli esperjenza ta’ tbatija ħarxa fil-postijiet fejn jinsabu l-Pjagi. Ingħatajt l-għarfien tal-istat ta’ ruħha. Tlabt ħafna għaliha.        

 

 

1197.            F’daqqa waħda ikkalma l-maltemp. Illejl li għadda kien hemm maltempata terribbli. Baxxejt wiċċi mal-art u bdejt ngħid il-Litanija tal-Qaddisin. Qrib it-tmiem tal-Litanija, tant qabadni ngħas li ma stajt bl-ebda mod nispiċċa t-talba. Imbagħad qomt u għidt lill-Mulej, “Ġesu’, ikkalma t-tempesta, għax it-tifla Tiegħek mhix kapaċi titlob iżjed, u jiena għandi ħafna ngħas.” Wara dan il-kliem, ftaħt it-tieqa beraħ u lanqas biss użajt il-ganġetti biex ma ssabbatx. Swor N. (probabilment Swor Fabiola Pawluk) imbagħad qaltli, “Sor, x’inti tagħmel! Ir-riħ żgur ser iqaċċat dik it-tieqa!” Jiena għidtilha tmur torqod fil-paċi, u f’daqqa waħda t-tempesta waqfet għal kollox. L-għada, is-sorijiet kienu qedgħin jitkellmu fuq kif it-tempesta waqfet f’daqqa waħda, mingħajr ma kienu jafu dan x’kien ifisser. Jiena m’għidt xejn, imma biss ħsibt ġewwa fija: Ġesu’ u Fawstina ċ-ċkejkna jafu x’kien ifisser . . .

 

 

1198.            L-20 (ta’ Lulju 1937). Illum sirt naf li għandi mmur Rabka. (nota202) Ma kellix nitlaq sal-5 ta’ Awissu, imma tlabt lill-Madre Superjura (Irene) biex tħallini mmur fil-pront. Ma kontx rajt lil Patri Andrasz xejn, u tlabtha tħallini nitlaq malajr kemm jista’ jkun. Il-Madre Superjura kienet daqsxejn sorpriża li jiena ridt nitlaq daqshekk malajr, imma jiena ma spjegajtx x’kienet ir-raġuni li ridt nagħmel din il-ħaġa. Dik tibqa’ sigrieta għal dejjem. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għamilt riżoluzzjoni u ser nibqa’ nżommha.

 

 

1199.            29 (ta’Lulju). Illum se nitlaq għal Rabka. Mort fil-kappella u tlabt lill-Mulej Ġesu’ jagħtini vjaġġ tajjeb. Imma f’ruħi kien hemm skiet u dlam. Ħassejtni waħdi għal kollox u ma kellix għand min (immur). Tlabt lil Ġesu’ jkun miegħi. Imbagħad ħassejt raġġ ċkejken ta’dawl ġewwa ruħi bħala sinjal li Ġesu’ kien miegħi imma, wara din il-grazzja, żdiedu d-dlam u d-dellijiet ġewwa ruħi. Imbagħad jiena għidt, “Tkun magħmula r-rieda Tiegħek, għax kollox possibli għalik.” X’ħin kont fuq it-tren u bdejt inħares mit-tieqa lejn il-kampanja sabiħa u lejn il-muntanji, bdew jikbru iżjed it-turmenti f’ruħi. Kif  is-sorijiet tawni merħba u bdew iduru madwari u jilqgħuni, irduppjaw t-tbatijiet tiegħi.

 

 

1200.            Xtaqt kieku nistaħba u nistrieħ għal ftit fis-solitudni, f’kelma waħda, li nkun waħdi. F’mumenti bħal dawn, l-ebda ħlejqa ma tkun kapaċi tfarraġni, u wkoll li kieku ridt ngħid xi ħaġa dwari, kont inġarrab mill-ġdid dieqa f’qalbi. Għalhekk, żammejt is-skiet f’mumenti bħal dawn, u ssottomettejt ruħi, għar-rieda ta’ Alla – u din il-ħaġa serrħitni. Jiena ma nitlob xejn mill-ħlejjaq u nikkomunika magħhom biss sakemm hemm bżonn. Ma nafdax fihom jekk dan ma jkunx għall-ikbar glorja ta’ Alla. Jiena nikkomunika mal-anġli. (ara Mt 18:10, Eż 23:20).

 

 

1201.            Iżda tant qiegħda nħossni marida hawnhekk, li jkolli noqgħod fis-sodda. Inħoss uġigħ stramb u qawwi ma’ sidri kollu; lanqas nista’ nċaqlaq idi. Lejl minnhom, kelli noqgħod ma niċċaqlaqx, għax deherli li jekk kont ser niċċaqlaq, kulma għandi fil-pulmuni kien ser jiċċarrat. Il-lejl ma kien ser jispiċċa qatt. Ingħaqadt ma’ Ġesu’ Msallab, u tlabt lill-Missier tas-sema għall-midinbin. Jgħidu li l-mard tal-pulmun ma jikkawżax uġigħ hekk qawwi, imma jiena qiegħda nbati dan l-uġigħ qawwi l-ħin kollu. Saħħti tant marret lura hawnhekk li jkolli noqgħod fis-sodda, u Swor N. (probabilment Swor Helen) (nota203) tgħid li minix ser niġi għall-aħjar, għax il-klima ta’ Rabka mhix tajba għal kull persuna li tinsab marida.

 

 

1202.            Lanqas stajt immur il-Quddies jew nitqarben illum imma, fost it-tbatijiet tar-ruħ u l-ġisem, bqajt intenni, “ Tkun magħmula r-rieda tal-Mulej. Jiena naf li l-ġenerożita’ Tiegħek m’għandhiex limiti.” Imbagħad smajt anġlu li kanta l-istorja ta’ ħajti kollha u kulma kien fiha. Kont sorpriża, imma ssaħħaħt ukoll.

 

 

1203.            San Ġużepp ħeġġiġni biex ikolli devozzjoni lejh il-ħin kollu. Hu stess qalli ngħid tliet darbiet (il-Missierna, is-Sliema, u l-Glorja) u l-Memorare (nota204) darba kuljum. Hu ħares lejja bi tjubija kbira u tani x’nifhem kemm hu qiegħed jgħin f’din l-opra (tal-ħniena). Hu wegħedni din l-għajnuna speċjali u l-ħarsien tiegħu. Jiena nitlob it-talb li qalli ngħid kuljum u nħoss il-ħarsien speċjali tiegħu.

 

 

1 ta’ Awissu 1937. Irtir ta’ ġurnata.

 

1204.            Irtir ta’ tbatija. O Ġesu’, f’dawn il-jiem ta’ tbatija, m’inix kapaċi nitlob bl-ebda mod. Id-dwejjaq żdiedu f’ruħi u f’ġismi. O Ġesu’ tiegħi, Inti tista’ tara li bintek tinsab fit-triq tan-niżla. M’inix qiegħda nisforza lili nnifsi iktar, imma qiegħda sempliċiment nissottometti r-rieda tiegħi għar-rieda ta’ Ġesu’. O Ġesu’, Inti dejjem Ġesu’ għalija.

 

 

1205.            Meta mort inqerr, lanqas biss kont naf kif kelli nqerr. Iżda, is-saċerdot (probabilment Patri Casimir Ratkiewicz) (nota205) għaraf il-kundizzjoni ta’ ruħi mill-ewwel u qalli, “Minkejja kollox, inti tinsab miexja fit-triq tas-salvazzjoni; tinsab miexja fit-triq it-tajba, imma Alla jista’ jħallilek ruħek f’din id-dalma sal-mewt, u jista’ jkun li d-dawl ta’ qabel ma jerġa’ jiġi lura qatt. Imma f’kollox intelaq għar-rieda ta’ Alla.”

 

 

1206.            Illum bdejt novena lill-Madonna Mtellgħa s-Sema għal tliet intenzjonijiet: l-ewwel, li nkun nista’ nara lir-Reverendu Dr Sopocko; it-tieni, li Alla jħaffef biex iwassal din l-opra; u t-tielet, għall-intenzjoni ta’ pajjiżi.

 

 

1207.            10 ta’ Awissu. Illum sejra lura Krakovja, fil-kumpanija ta’ waħda mis-sorijiet. Ruħi tinsab imgeżwra fit-tbatija. Jiena kontinwamet ningħaqad Miegħu permezz ta’ att tar-rieda tiegħi. Huwa s-saħħa u l-qawwa tiegħi.

 

 

1208.            Tkun imbierek, O Alla, għal dak kollu li inti tibgħatli. Xejn taħt il-kappa tax-xemx ma jiġri mingħajr ir-rieda Tiegħek. Ma nistax ninfed is-sigrieti Tiegħek f’dak li għandu x’jaqsam miegħi, imma nagħfas xofftejja mal-kalċi li Inti qed toffrili.

 

 

1209.            Ġesu’, jiena nafda Fik.

 

Novena lill-Ħniena Divina (nota206)

li Ġesu’ qalli niktibha u nagħmilha qabel il-Festa tal-Ħniena.

Din tibda fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira.

 

Jiena nixtieq li matul dawn id-disat ijiem inti  ġġib l-erwieħ fejn l-għajn tal-ħniena Tiegħi, sabiex huma jieħdu minnha saħħa u serħan u dawk il-grazzji kollha li jkollhom bżonn fit-tbatijiet tal-ħajja u, l-aktar, fis-siegħa tal-mewt.

 

Kuljum inti ġġib f’Qalbi grupp differenti ta’ erwieħ, u inti ddaħħalhom f’dan l-oċejan tal-ħniena Tiegħi, u Jiena nieħu dawn l-erwieħ kollha fid-dar ta’ Missieri. Inti tagħmel dan f’din il-ħajja u f’dik li ġejja; Jiena ma niċħad xejn lil ebda ruħ li inti ġġib fejn l-għajn tal-ħniena Tiegħi. Kuljum inti titlob lil Missieri, grazzji għal dawn l-erwieħ, f’ġieħ il-Passjoni ħarxa Tiegħi.

 

Jiena weġibt, “Ġesu’, jiena ma nafx kif għandi nagħmel din in-Novena jew liema erwieħ għandi nġiblek l-ewwel fil-Qalb l-iktar ħanina Tiegħek.” Ġesu’ wieġeb li Hu kien ser jgħidli liema erwieħ kelli nġiblu kuljum fil-Qalb Tiegħu.

 

 

L-Ewwel Jum

 

1210.            Illum ġibli l-umanita’ kollha, l-aktar il-midinbin kollha, u għaddashom fl-oċejan tal-ħniena Tiegħi. B’dal-mod tfarraġni min-niket li jkolli minħabba t-telfa tal-erwieħ.

 

 

1211.            O Ġesu’ l-aktar Ħanin, li l-veru natura Tiegħek  hi li jkollok mogħdrija lejna u li taħfrilna, la tħarisx lejn dnubietna imma lejn il-fiduċja li aħna għandna fit-tjieba Tiegħek bla qjies. Ilqagħna lkoll f’dak il-post f’Qalbek wisq ħanina, u tħallina qatt naħarbu minnha. Dan nitolbuhulek f’ġieħ l-Imħabba li tgħaqqdek mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu.

 

O Setgħa bla tarf tal-Ħniena Divina,

Salvazzjoni ta’ poplu midneb,

Inti baħar ta’ ħniena u mogħdrija;

Inti tgħin lil dawk li jitolbuk bl-umilta’.

 

Missier Etern, dawwar il-ħarsa ħanina Tiegħek fuq l-umanita’ kollha u l-iktar fuq l-imsejkna midinbin, li dawn huma miġburin ilkoll fil-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. F’ġieħ il-Passjoni ħarxa Tiegħu, urina l-ħniena Tiegħek, sabiex inkunu nistgħu nfaħħru l-qawwa bla qjies tal-ħniena Tiegħek għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

 

It-Tieni Jum

 

1212.            Illum ġibli l-erwieħ tas-saċerdoti u r-reliġjużi u għaddashom fil-ħniena Tiegħi bla qjies. Kienu huma li tawni s-saħħa biex nissaporti il-Passjoni ħarxa li batejt. Permezz tagħhom, tinżel il-ħniena Tiegħi tgelgel fuq l-umanita’.

 

 

1213.            O Ġesu’ l-iktar ħanin, li minnek ġej dak kollu li hu tajjeb, kattar il-grazzja Tiegħek fina, sabiex aħna nkunu nistgħu nwettqu xogħol siewi ta’ ħniena, u dawk kollha li jarawna, jagħtu glorja lill-Missier tal-ħniena li Hu fis-smewwiet.

 

L-għajn tal-imħabba ta’ Alla

Tgħammar fi qlub safjin,

Maħsulin fil-baħar tal-ħniena,

Tlellex bħal kwiekeb, tiddi għas-sebħ.

 

Missier Etern, dawwar il-ħarsa ħanina Tiegħek lejn dawk li Inti għażilt fil-għalqa Tiegħek – fuq l-erwieħ tas-saċerdoti u r-reliġjużi; u ikisihom bil-qawwa tal-Barka Tiegħek. F’ġieħ l-imħabba tal-Qalb ta’ Ibnek fejn hemm jinsabu miġburin, agħtihom is-setgħa u d-dawl Tiegħek, ħalli jkunu jistgħu jmexxu lill-oħrajn fit-triq tas-salvazzjoni, u hekk b’vuċi waħda jkantaw tifħir lill-ħniena bla qjies Tiegħek għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

 

It-Tielet Jum

 

1214.            Illum ġibli l-erwieħ kollha devoti u fidili u għaddashom fl-oċejan tal-ħniena Tiegħi. Dawn l-erwieħ tawni faraġ fit-triq tas-Salib. Kienu dik il-qatra ta’ faraġ f’nofs oċejan ta’ niket aħrax.

 

 

1215.            O Ġesu’ l-aktar ħanin, mit-teżor tal-ħniena Tiegħek, Inti tqassam il-grazzji Tiegħek b’abbundanza fuq kull wieħed u waħda minna. Ilqagħna f’dak il-post ta’ Qalbek wisq ħanina u tħallina qatt naħarbu minnha. Din il-grazzja nitolbuhielek f’ġieħ dik l-imħabba kbira u tal-għaġeb li għandek tkebbes f’Qalbek għall-Missier tas-Sema.

 

Il-mirakli tal-ħniena huma impenetrabbli

La l-midneb lanqas il-ġust ma jifhimhom.

Meta Inti titfa’ fuqna ħarsa ta’ ħniena,

Inti tiġbidna lkoll aktar qrib ta’ Mħabbtek.

 

Missier Etern, dawwar il-ħarsa ħanina Tiegħek lejn l-erwieħ fidili, bħala l-wirt ta’ Ibnek. F’ġieħ il-Passjoni ħarxa Tiegħu, berikhom u ħarishom dejjem. B’hekk huma qatt ma jonqsu mill-imħabba jew jitilfu t-teżor tal-fidi mqaddsa, imma mal-qtajja’ tal-Anġli u l-Qaddisin, jkunu jistgħu ifaħħru l-ħniena Tiegħek bla qjies għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

 

Ir-Raba’ Jum

 

1216.            Illum ġibli lil dawk li ma jemmnux Fija u lil dawk li għadhom ma jafunix. Kont qed naħseb fihom ukoll matul il-Passjoni ħarxa Tiegħi, u l-ħerqa li biha għad jitkebbsu kienet ta’ faraġ għal Qalbi. Għaddashom fl-oċejan tal-ħniena Tiegħi.

 

 

1217.            O Ġesu’ l-iktar ħanin, Inti d-Dawl tad-dinja kollha. Ilqa’ fil-kenn tal-Qalb Tiegħek kollha ħniena l-erwieħ ta’ dawk li s’issa għadhom ma jemmnux Fik jew ma jafukx. Agħmel lir-raġġi tal-grazzja Tiegħek idawwluhom, sabiex huma wkoll, flimkien magħna, ifaħħru l-għeġubijiet tal-ħniena Tiegħek; u la tħallihomx jitbiegħdu mill-Qalb l-iżjed Ħanina Tiegħek.

 

Jalla d-dawl ta’ Mħabbtek

Idawwal lill-erwieħ li jinsabu fid-dlam;

Agħmel li dawn l-erwieħ għad isiru jafuk

U, flimkien magħna, ifaħħru l-ħniena Tiegħek.

 

Missier Etern, itfa’ ħarstek ħanina fuq l-erwieħ ta’ dawk li ma jemmnux f’Ibnek, u ta’ dawk li għadhom ma jafukx, imma li diġa’ jinsabu fil-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. Ressaqhom lejn id-dawl tal-Vanġelu. Dawn l-erwieħ ma jafux xi jfisser il-ferħ kbir li jħobbuk. Agħmel li dawn ukoll ifaħħru it-tjieba tal-ħniena Tiegħek bla qjies għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

 

Il-Ħames Jum

 

1218.            Illum ġibli l-erwieħ tal-insara li huma mifrudin minn xuxlin, u għaddashom fl-oċejan tal-ħniena Tiegħi. Matul il-Passjoni ħarxa Tiegħi huma qattawli Ġismi u Qalbi; jiġfieri, il-Knisja Tiegħi. Meta jerġgħu jidħlu fil-għaqda mal-Knisja, l-ġrieħi Tiegħi jfiequ, u b’hekk huma jtaffuli l-Passjoni Tiegħi.

 

1219.            O Ġesu’ l-aktar ħanin, Inti li Int l-istess Tjieba, ma tiċħadx id-dawl lil min jitolbok. Ilqa’ fil-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek lill-erwieħ ta’ ħutna mifrudin minna. Agħtihom id-Dawl Tiegħek biex jerġgħu lura għall-għaqda mal-Knisja u tħallilhomx jitbiegħdu iżjed mill-kenn ta’ Qalbek mimlija mogħrdija; imma agħmel b’mod li huma wkoll jibdew ifaħħru l-kobor tal-ħniena Tiegħek.

 

Ukoll għal dawk li ċarrtu l-libsa tal-għaqda Tiegħek,

Għajn ta’ ħniena tgelgel minn ġo Qalbek

Is-Setgħa bla tarf tal-Ħniena Tiegħek, O Alla,

Tista’ tmexxi lil dawn l-erwieħ ukoll ‘il barra mit-triq żbaljata.

 

Missier Etern, itfa’ l-ħarsa ħanina Tiegħek fuq l-erwieħ ta’ ħutna mifrudin, dawk li ħlew il-ġid u l-grazzji li Inti sawwabt fuqhom, billi webbsu rashom fl-iżbalji tagħhom. Tħarisx lejn l-iżbalji tagħhom, imma ilqa’ l-imħabba ta’ Ibnek l-għażiż bil-Passjoni ħarxa li ġarrab minħabba fihom, ladarba huma wkoll qedgħin fil-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. Agħmel li huma wkoll jigglorifkaw l-ħniena kbira Tiegħek għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

 

Is-Sitt Jum

 

1220.            Illum ġibli l-erwieħ ta’ qalb ħelwa u umli u t-tfal iċ-ċkejknin, u għaddashom fil-ħniena Tiegħi. Dawn l-erwieħ l-iktar li jixbħu lil Qalbi. Huma tawni s-saħħa fil-ħin tal-agunija ħarxa Tiegħi. Jiena rajthom bħal anġli tal-art, li jishru mal-Altari Tiegħi. Insawwab fuqhom xmajjar sħaħ ta’ grazzji. Ir-ruħ umli biss tista’ tilqa’ l-grazzja Tiegħi. Għandi fiduċja kbira f’dawn l-erwieħ umli.

 

 

1221.            O Ġesu’ l-aktar Ħanin, Int stess għidt, “Itgħallmu minni, għax Jiena ta’ Qalb ħelwa u umli.” Ilqa’ fil-għamara tal-Qalb Tiegħek l-iżjed Ħanina l-bnedmin kollha ta’ qalb ħelwa u umli u l-erwieħ tat-tfal ċkejknin. Dawn l-erwieħ isaħħru s-smewwiet, u huma l-maħbubin tal-Missier fis-sema. Qishom bukkett fjuri ta’ riħa ħelwa quddiem it-Tron ta’ Alla; Alla nnifsu jitpaxxa bil-fwieħa tagħhom. Dawn l-erwieħ jgħammru għal dejjem fil-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek, O Ġesu’, u jtennu bla waqfien għanja ta’ mħabba u ta’ ħniena.

 

 

1222.            Ruħ li verament ħelwa u umli,

Diġa’ minn fuq din l-art tieħu nifs tal-arja tal-ġenna

U bil-fwieħa tal-qalb umli tagħha

Il-Ħallieq innifsu jitpaxxa biha.

 

 

1223.            Missier Etern, dawwar il-ħarsa ħanina Tiegħek fuq il-bnedmin ta’ qalb ħelwa u umli, u fuq l-erwieħ tat-tfal ċkejknin, li jinsabu miġburin fil-għamara tal-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. Dawn l-erwieħ l-iktar li jixbhu lil Ibnek l-għażiż. Il-fwieħa tagħhom titla’ mill-art sat-tron Tiegħek fis-sema. Missier ta’ ħniena u ta’ kull tjieba, nitolbok f’ġieħ l-imħabba li Inti għandek għal dawn l-erwieħ u f’ġieħ il-għaxqa li Inti ssib fihom: bierek id-dinja kollha sabiex il-bnedmin kollha flimkien jgħannu t-tifħir tal-ħniena Tiegħek għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

 

Is-Seba Jum

 

1224.            Illum ġibli l-erwieħ li jqimu u jsebbħu l-ħniena Tiegħi b’mod speċjali u għaddashom fil-ħniena tiegħi. Dawn l-erwieħ tnikktu ħafna minħabba l-Passjoni li ġarrabt u daħlu fil-fond tal-Ispirtu Tiegħi. Huma xbihat ħajjin tal-Qalb ħanina Tiegħi. Dawn l-erwieħ għad jiddu b’dija speċjali fil-ħajja li ġejja. Ħadd minnhom mhu ser imur fin-nar tal-infern. Fis-siegħa ta’ mewthom, Jiena ser niddefendi b’mod partikulari lil kull wieħed u waħda minnhom.

 

 

1225.            O Ġesu’ l-aktar ħanin, li Qalbek hija l-istess Imħabba, ilqa’ ġewwa l-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek  l-erwieħ ta’ dawk li jsebbħu u jqimu b’mod partikulari l-kobor tal-ħniena Tiegħek. Dawn l-erwieħ huma setgħana bl-istess setgħa ta’ Alla nnifsu.  Huma jibqgħu mexjin ‘l quddiem  fost l-hemm u t-tbatijiet kollha li jkollkom iġarrbu, għax jafdaw fil-ħniena Tiegħek. Dawn l-erwieħ huma maqgħudin Miegħek, O Ġesu’ u qed jerfgħu fuq spallejhom l-umanita’ kollha. Dawn l-erwieħ ma jiġux iġġudikati severament, imma l-ħniena Tiegħek tħaddanhom waqt li jkunu qed iħallu din il-ħajja.

 

Ruħ li tfaħħar it-tjieba tal-Mulej tagħha

Hi speċjalment maħbuba Minnu.

Hija tinsab dejjem qrib il-għajn ħajja

U tiġbed il-grazzji mill-Ħniena Divina.

 

Missier Etern , dawwar ħarstek ħanina fuq l-erwieħ li jsebbħu u jqimu l-akbar attribut Tiegħek, dik tal-ħniena Tiegħek bla qjies, u li jinsabu magħluqin fil-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. Dawn l-erwieħ huma Vanġelu ħaj; idejhom huma mimlijin b’għemejjel ta’ ħniena u l-ispirtu tagħhom imfawwar bil-ferħ, qed ikanta kantiku ta’ ħniena Lilek, O l-aktar Għoli! Nitolbok, O Alla, urihom il-ħniena Tiegħek skont it-tama u l-fiduċja li huma wrew Fik. Ħalli sseħħ fihom il-wegħda ta’ Ġesu’, meta qal, L-erwieħ li jqimu l-ħniena Tiegħi, Jiena stess niddefendihom f’ħajjithom u speċjalment fis-siegħa ta’ mewthom, għall-glorja Tiegħi. Ammen

 

 

It-Tmien Jum

 

1226.            Illum ġibli l-erwieħ li jinsabu fil-ħabs tal-Purgatorju, u għaddashom fl-abbiss tal-ħniena Tiegħi. Ħalli Demmi li xerridt bil-kotra jtaffi  l-ħruq tan-nirien li qed ibatu. Dawn l-erwieħ kollha huma maħbubin ħafna Minni. Huma qed iħallsu l-prezz tal-ġustizzja Tiegħi. Inti tista’ sserraħhom. Agħmel ħiltek biex tirbaħ l-indulġenzi kollha miġburin fit-teżor tal-Knisja Tiegħi, u offrihom għal dawn l-erwieħ. O, li kieku taf x’turmenti qed isofru, toffri l-ħin kollu għalihom il-karita’ spiritwali u tħallas id-dejn li huma għandhom mal-ġustizzja Tiegħi.

 

1227.            O Ġesu’ l-aktar ħanin, Inti nnifsek għidt li trid issawwab il-ħniena ; għalhekk qed indaħħal fl-għamara tal-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek  l-erwieħ tal-Purgatorju, li huma tant maħbubin minnek; iżda fl-istess ħin ikollhom iħallsu d-dejn li baqagħlhom mal-ġustizzja Tiegħek. Agħmel lix-xmajjar ta’ Demm u Ilma li ħarġu minn Qalbek jitfu l-fjammi tan-nar li jippurifka, sabiex hemmhekk ukoll tiġi meqjuma l-qawwa tal-ħniena Tiegħek.

 

Minn ġos-sħana terribbli tan-nar li jsaffi

Titla’ karba l-ħniena Tiegħek,

U huma jirċievu faraġ, serħan u mistrieħ

Fix-xmara mħallta bid-Demm u Ilma

 

Missier Etern, ħares bil-ħniena l-erwieħ li qed isofru fil-Purgatorju u li jinsabu miġburin fil-Qalb tant ħanina ta’ Ġesu’. Nitolbok, f’ġieħ il-Passjoni ħarxa ta’ Ġesu’ Ibnek, f’ġieħ l-imrar li fawwarlu r-ruħ l-iżjed qaddisa Tiegħu, uri l-ħniena Tiegħek ma’ dawn l-erwieħ li qedgħin taħt il-ħaqq ġust Tiegħek. Tħarisx lejhom ħlief permezz tal-Pjagi ta’ Ġesu’, Ibnek l-għażiż, għax aħna nemmnu bis-sħiħ li m’hemm l-ebda tarf għat-tjieba u l-ħniena Tiegħek.

 

 

Id-Disa’ Jum

 

1228.            Illum ġibli l-erwieħ li waqgħu fil-bruda u għaddashom fl-abbiss tal-ħniena Tiegħi. Dawn l-erwieħ iweġġgħuli Qalbi b’mod l-iktar kiefer. Fil-Ġnien taż-Żebbuġ ruħi ġarrbet stmerrija tal-biża’ minħabba l-erwieħ bierda. Kienu dawn l-erwieħ li ġegħluni ngħid: “Missier, warrab minni dan il-kalċi, jekk din hi r-Rieda Tiegħek.” L-aħħar tama ta’ salvazzjoni għalihom hi li jirrikorru għall-ħniena Tiegħi.

 

 

1229.            Ġesu’ l-aktar ħanin, Inti l-istess mogħdrija. Qed inġiblek l-erwieħ bierda biex iddaħħalhom fl-għamara tal-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek. Kebbes mill-ġdid, f’dan in-nar ta’ mħabbtek safja, lil dawn l-erwieħ li l-bruda għamilthom qishom iġsma mejta li jġegħluk tistmellhom. O Ġesu’, l-aktar ħanin, ħaddem il-qawwa tal-ħniena Tiegħek u ħeġġiġhom bi mħabbtek; u sawwab fuqhom id-don tal-imħabba qaddisa, għax kollox hu fis-setgħa Tiegħek.

 

In-nar u s-silġ ma jistgħux jingħaqdu;

Jew jintefa’ n-nar, jew ninħallis-silġ.

Imma bil-ħniena Tiegħek, O Alla,

Inti tista’ tpatti għal kulma jonqos.

 

Missier Etern, dawwar il-ħarsa ħanina Tiegħek fuq l-erwieħ bierda, li madankollu jinsabu mħaddna fil-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. Missier tal-ħniena nitolbok f’ġieħ il-Passjoni ħarxa ta’ Ibnek u l-agunija li bata fuq is-Salib tul tliet sigħat, agħmel li dawn l-erwieħ ukoll jigglorifikaw l-abbiss tal-ħniena Tiegħek . . .

 

 

1230.            O jum etern, O Jum tant mixtieq,

Għajnejja qedgħin ifittxuk bil-għtax u bix-xenqa.

Dalwaqt l-imħabba ser iċċarrat il-velu,

U inti tkun is-salvazzjoni tiegħi.

 

O jum mill-isbaħ, waqt li bħalu m’hawnx.

Meta jiena għad nara lil Alla tiegħi għall-ewwel darba,

L-Għarus ta’ ruħi u Sid is-sidien,

U l-biża’ ma xxekkilx lil ruħi.

 

O jum mill-iktar solenni, O Jum ta’ dija qawwija,

Meta r-ruħ għad issir taf lil Alla fis-Setgħa Tiegħu bla Tarf

U tegħreq kollha kemm hi fi mħabbtu,

Għax taf li spiċċaw il-miżerji tal-eżilju.

 

O jum ta’ ferħ, O jum imbierek,

Meta qalbi għad taqbad għalik b’nar etern,

Għax issa wkoll jiena nħoss il-preżenza Tiegħek, għalkemm minn ġol-velu.

Fil-ħajja u l-mewt, O Ġesu’, Inti l-estasi u l-għaxqa tiegħi.

 

O jum, li bih jiena ħlomt tul ħajti kollha,

Ili nistenniek ħafna, O Alla,

Għax Inti biss li jiena nixtieq.

Inti l-uniku u l-waħdieni ta’ qalbi; ħliefek xejn ma jiswa.

 

O jum ta’ għaxqa, jum ta’ hena etern,

Alla ta’ majesta’ kbira, l-Għarus maħbub tiegħi,

Inti taf li xejn ma jista’ jissodisfa lill-qalb verġni.

Fuq il-Qalb ħanina Tiegħek jiena nserraħ ġbini.

 

(Tmiem it-Tielet Pitazz)

 

 

 

MID-DJATJU TA’ SWOR FAWSTINA

 

Ir-Raba’ Pitazz

 

Ġ.M.Ġ

1231.            Illum Ġesu’ ġie biex jgħix ġewwa qalbi,

Huwa niżel mit-Tron hemm fuq,

U l-Mulej Kbir, il-Ħallieq ta’ kollox,

U Hu ġie għandi taħt l-ispeċi tal-ħobż.

 

O Alla Etern, magħluq ġewwa sidri,

Meta jiena għandi lilek, għadni l-Ġenna kollha,

U flimkien mal-Anġli nkantlek; Qaddis,

Jiena ngħix biss għall-glorja Tiegħek.

 

Mhux Serafin Inti tingħaqad, O Alla,

Imma ma’ bnedmin msejken

Li ma jista’ jagħmel xejn mingħajrek;

Imma Inti dejjem turi ħniena miegħu.

 

Qalbi hi l-għamara Tiegħek,

O Sultan ta’ Glorja Eterna;

Saltan ġewwa qalbi u kun is-Sid,

Bħal f’palazz ta’ ġmiel li ma ssibx kliem għalih.

 

O Alla kbir, li ħadd ma jista’ jifhmek,

Li ndenajt titbaxxa daqshekk,

Bl-umilta’ kollha jiena nadurak

U nitolbok fit-tjubija Tiegħek li Inti ssalvani.

 

 

Ġ.M.Ġ

1232.            O ħelwa Omm Alla,

Jiena nfassal ħajti fuqek;

Inti għalija ż-żerniq jiddi;

Fik jiena nintilef, mitlufa f’estasi.

 

O Omm, Verġni Immakulata,

Fik hu rifless ir-raġġ divin,

Fost it-tempesti, Inti tkun li tgħallimni kif għandi nħobb lill-Mulej,

O tarka tiegħi u difiża mill-għadu.

 

Krakovja, 10 ta’ Awissu 1937.

 

 

1233.            Swor Marija Fawstina

tas-Sagrament Imqaddes.

 

O Ostja Qaddisa, għajn ta’ ħlewwa divina,

Inti ssaħħaħli ruħi;

O Inti ta’ Setgħa bla tarf, li sirt bniedem mill-Verġni,

Inti tiġi ġewwa qalbi, b’mod sigriet,

B’mod lis-sensi jippruvaw jifhmu u ma jirnexxilhomx.

 

 

Ġ.M.Ġ   Krakovja, 10 ta’ Awissu 1937                                                                             Ir-Raba’ Pitazz

 

1234.            Kollox għalik, Ġesu’. Nixtieq nadura l-ħniena Tiegħek b’kull taħbita ta’ qalbi u, sakemm jiena nista’, nagħmel il-qalb lill-erwieħ biex jafdaw f’din il-ħniena, kif  Inti stess ikkmandajtni nagħmel, O Mulej.

 

 

1235.            Ġewwa qalbi, ġewwa ruħi, hemm lejl mudlam. L-ispirtu tiegħi sab quddiemu ħajt li ma tinfdux, li ħbieli lil Alla. Imma dan id-dlam jiena ma ġibtux b’idejja. Hija verament stramba din it-tortura li fuqha jiena qiegħda nibża’ nikteb b’iktar dettal. Imma wkoll f’dan l-istat, qiegħda nipprova nibqa’ fidila lejk, O Ġesu’ Tiegħi. Dejjem u f’kollox, qalbi tħabbat biss għalik.

 

 

1236.            10 ta’ Awissu 1937. Illum ġejt lura minn Rabka għal Krakovja. Inħossni marida ħafna. Ġesu’ biss jaf kemm qiegħda nbati. Matul dawn il-ġranet, sirt nixbaħ ħafna lil Ġesu’ Msallab. Armajt lili nnifsi bil-paċenzja sabiex inkun nista’ nfisser lil kull soru għaliex ma stajtx nibqa’ hemmhekk; jiġifieri, li saħħti kienet qalbet għall-agħar, għalkemm kont naf fis-sewwa li ċerti sorijiet kienu sejrin jistaqsu l-għalfejn ta’ dan, kont naf li dan se jagħmluh, mhux għax kellhom xi simpatija għat-tbatijiet tiegħi, imma biex iżiduli magħhom.

 

 

1237.            O Ġesu’, xi dlam hemm madwari u x’baħħ jinsab għaddej minn ġo fija. Imma, Ġesu’ tiegħi, tħallinix waħdi; agħtini l-grazzja tal-fedelta’. Għalkemm jiena ma nistax ninfed il-misteru taż-żjara ta’ Alla, għandi s-saħħa ngħid: tkun magħmula r-rieda Tiegħek.

 

 

1238.            12 ta’ Awissu. Filwaqt li kien għaddej minn Krakovja, ir-Reverendu Dun Sopocko llum għamilli żjara qasira. Jiena kont ridt narah, u Alla qatagħli xewqti. Dan is-saċerdot hu ruħ kbira, mimlija kollha kemm hi b’Alla. Il-ferħ tiegħi kien kbir ħafna, u jiena rringrazzjajt lil Alla għal din il-grazzja kbira, għax kienet għall-ikbar glorja ta’ Alla li jiena kont ridt narah.

 

 

1239.            O Ostja ħajja, O Ġesu’ moħbi. Inti qiegħed tara l-istat ta’ ruħi. Bil-ħila tiegħi biss minix kapaċi nlissen l-isem Qaddis Tiegħek. Ma nistax noħroġ minn ġewwa qalbi n-nar tal-imħabba imma, filwaqt li ninżel għarkobtejja f’riġlejk, nitfa’ fuq it-Tabernaklu l-ħarsa ta’ ruħi, ħarsa ta’ fedelta’. Ngħid għalik, Int dejjem l-istess, filwaqt li ġewwa ruħi sseħħ bidla. Nittama li għad jiġi ż-żmien meta Inti għad tikxef wiċċek, u bintek għad terġa’ tara l-wiċċ ħelu Tiegħek. Ninsab sorpriża, Ġesu’, li Inti tista’ tinħeba minni għal daqshekk żmien u li Inti tista’ trażżan l-imħabba tal-għaġeb li Inti għandek għalija. Fl-għamara ta’ qalbi, jiena qiegħda nissemma’ u nistenna l-miġja Tiegħek, O Teżor Waħdieni ta’ qalbi!

 

 

1240.            Il-Mulej Ġesu’ jħares sewwa r-rappreżentanti Tiegħu f’din l-art. Kemm jinsab magħud mill-qrib magħhom; u Hu jikkmandani nagħti l-ewwel post lill-opinjoni tagħhom qabel Tiegħu. Sirt naf x’intimita’ kbira hemm bejn Ġesu’ u s-saċerdot. Ġesu’ jiddefendi dak kollu li jgħid is-saċerdot, u ta’ spiss jaqtagħlu x-xewqat tiegħu, u xi drabi jagħmel b’mod li r-relazzjoni Tiegħu stess mar-ruħ tiddependi mill-parir tas-saċerdot. O Ġesu’, permezz ta’ grazzji speċjali jiena sirt naf b’mod ċar ħafna kemm Int lest li taqsam magħhom il-qawwa u l-misteru Tiegħek, iktar milli tagħmel mal-Anġli. Jiena nifraħ b’dan, għax dan kollu hu għall-ġid tiegħi.

 

 

1241.            + O Ġesu’ tiegħi, meta xi ħadd ikun kattiv jew ma jġibx ruħu tajjeb magħna, ikun biżżejjed diffiċli għalina li nissaportu din it-tip ta’ tbatija. Imma din ħaġa żgħira ħafna ħdejn tbatija li jiena ma nistax nissaporti; jiġifieri, dak li jiena nħoss meta xi ħadd juri tjubija miegħi u mabgħad ipoġġili nases quddiem saqajja ma’ kull pass li nagħmel. Kemm trid ikollok rieda qawwija biex tħobb ruħ bħal din għall-imħabba ta’ Alla. Ħafna drabi trid tagħmel att erojku sabiex tħobb ruħ bħal din bħalma jrid Alla. Jekk il-kuntatt ma’ persuna bħal din ma jkunx ta’ spiss, tkun ħaġa iktar faċli li tissaportiha, imma meta wieħed ikun qed jgħix f’kuntatt mill-qrib ma’ din il-persuna u jkollu din l-esperjenza ma’ kull pass li jagħmel, l-isforz li jkun irid jagħmel ikun kbir ħafna.        

 

 

1242.            Ġesu’ tiegħi, infidni sa ġewwanett sabiex jiena nkun nista’ nirriflettik f’ħajti kollha. Iddivinizzani sabiex l-għemejjel  tiegħi jkollhom valur sopranaturali. Agħmel li jiena jkolli mħabba, mogħdrija u ħniena għal kull ruħ bla ebda eċċezzjoni. O Ġesu’ tiegħi, kull wieħed u kull waħda mill-qaddisin Tiegħek jirriflettu waħda mill-virtujiet tiegħek; jiena nixtieq nirrifletti l-qalb Tiegħek, mimlija mogħdrija u ħniena; irrid nagħtiha glorja. Ħalli l-ħniena Tiegħek, O Ġesu’ tiġi stampata fuq qalbi u ruħi bħal siġill, u din tkun is-sinjal tas-sbuħija tiegħi f’din il-ħajja u fil-ħajja li ġejja. Li nigglorifika l-ħniena Tiegħek hi l-ħidma esklussiva ta’ ħajti.   

 

 

15 ta’ Awissu 1937. It-Twissijiet ta’ Patri Andrasz.

 

1243.            “Dawn iż-żminijiet ta’ nixfa meta wieħed ikun konxju ħafna tal-miżerja tiegħu, li Alla jkun ippermetta, lir-ruħ jippermettulha ssir taf kemm hu ftit dak li kapaċi tagħmel waħedha. Dan jgħallmek kemm għandek tapprezza l-grazzji ta’ Alla. It-tieni punt hu fedelta’ fl-eżerċizzi u d-dmirjiet kollha, fedelta’ f’kollox, bħalma jiġri fi żminijiet ta’ ferħ. It-tielet punt hu li f’dawn l-affarijiet li qed nitkellmu dwarhom, trid tkun ubbidjenti għal kollox lejn l-Arċisqof (Jalbrzykowski) għalkemm, minn żmien għall-ieħor, tista’ tfakkru dwar din il-ħaġa, imma bil-kalma kollha. Xi kultant, ikun hemm bżonn daqsxejn verita’ qarsa.”

 

Fi tmiem il-konverżazzjoni, tlabt is-saċerdot jippermettili nikkomunika ma’ Ġesu’ bħalma kont nagħmel qabel. Huwa wieġeb: “Jiena ma nistax nagħti ordnijiet lill-Mulej Ġesu’, imma jekk Hu stess jiġbdek lejh, inti tista’ timxi wara dak li jiġbdek. Iżda, ftakar dejjem li għandek turih qima kbira, għax il-Mulej hu tassew kbir. Jekk inti f’dan kollu qiegħda tassew tfittex ir-rieda ta’ Alla u tixtieq twettaqha, tista’ tkun fil-paċi; il-Mulej mhux ser jippermetti l-ebda tip ta’ żball. Dwar il-mortifikazzjonijiet u t-tbatijiet, int trid tgħidli darb’oħra kif qiegħda tgħixhom. Poġġi lilek innifsek f’idejn l-omm l-iżjed Qaddisa.”         

 

 

1244.            15 ta’ Awissu 1937. Waqt il-meditazzjoni, il-preżenza ta’ Alla mlietni b’mod qawwi ħafna, u kont konxja tal-ferħ tal-Verġni Marija meta ġiet mtellgħa fis-sema. Lejn it-tmiem taċ-ċerimonja li saret ad unur Omm Alla, rajt lill-Verġni Marija, u hija qaltli, O,kemm togħġobni l-qima ta’ mħabbtek! U f’dak il-waqt Hija għattiet lis-sorijiet kollha tal-Kongregazzjoni tagħna bil-mantell tagħha. B’idha l-leminija, Hija għafset magħha lill-Madre Ġenerali Michael, u b’idha x-xellugija Hija għafset lili, filwaqt lis-sorijiet kollha kienu jinsabu f’riġlejha, mgħottijin bil-mantell tagħha. Imbagħad Omm Alla qalet, Kull min jippersevera bil-ħerqa sal-mewt fil-Kongregazzjoni Tiegħi ma jsofrix in-nar tal-Purgatorju, u jiena nixtieq li kull waħda tingħaraf minn dawn il-virtujiet: umilta’ u manswetudni; kastita’ u mħabba ta’ Alla u għall-proxxmu; mogħdrija u ħniena. Wara dan il-kliem, il-Kongregazzjoni kollha għebet minn quddiem għajnejja, u jiena bqajt waħdi flimkien mal-Omm l-iżjed Qaddisa li wissietni dwar ir-rieda ta’ Alla u kif għandi napplikaha f’ħajti u nissottometti ruħi kollni kemm jien għad-digrieti Tiegħu l-iżjed qaddisa. Impossibli għalija li jiena nogħġob lil Alla mingħajr ma nobdi r-rieda qaddisa Tiegħu. Binti, nirrikmandalek bil-qawwa kollha li inti twettaq bil-fedelta’ x-xewqat kollha ta’ Alla, għax din il-ħaġa togħġob ħafna lill-qdusija Tiegħu. Għandi xewqa kbira li tingħaraf għal din il-fedelta’ fit-twettiq tar-rieda ta’ Alla. Poġġi r-rieda ta’ Alla qabel is-sagrifiċċji u l-olokawsti kollha. Filwaqt li l-Omm tagħna tas-Sema kienet qiegħda titkellem miegħi, għarfien profond ta’ din ir-rieda ta’ Alla beda dieħel ġewwa ruħi.         

 

 

1245.            Ġesu’ tiegħi, għaxqa ta’ qalbi, meta ruħi timtela’ bid-divinita’ Tiegħek, jiena naċċetta l-ħelu u l-morr xorta waħda. It-tnejn li huma għad jgħaddu. Kulma nżomm ġewwa ruħi hi l-imħabba ta’ Alla. Għal din il-ħaġa nagħmel kull sforz; mill-bqija, kollox jiġi wara.

 

                 

1246.            16 (ta’ Awissu 1937). Wara t-Tqarbin rajt lill-Mulej Ġesu’ fil-majesta’ kollha Tiegħu, u Hu qalli, Binti, matul dawk il-ġimgħat meta inti la rajtni u lanqas ħassejt il-preżenza Tiegħi, Jiena kont magħqud miegħek b’mod iżjed profond milli f’dawk iż-żminijiet (meta kellek esperjenza) ta’ estasi. U l-fedelta’ u l-fwieħa tat-talb tiegħek waslu Għandi. Wara dan il-kliem, ruħi ġiet imfawra bil-konsolazzjoni ta’ Alla. Lil Ġesu’ ma rajtux, u kien hemm biss kelma waħda li stajt nlissen u din kienet: “Ġesu’”. U wara li lissint dak l-Isem, ruħi reġgħet imtliet bid-dawl u b’ġabra ikbar, li damu għaddejjin għal tlett ijiem. Iżda, minn barra bqajt nista’ nkompli bid-dmirijiet tiegħi tas-soltu.

 

Kollni kemm jiena ġejt imqanqla sa mill-qiegħ nett ta’ qalbi. Il-kobor ta’ Alla ma jbeżżagħnix, imma jferraħni. Meta nagħtih glorja, jiena stess nintrefa’ ‘l fuq. Meta narah kuntent, jiena stess insir kuntenta, għax kulma hemm ġo fih jerġa’ jinżel lura fuqi.

 

 

1247.            Sirt naf bl-istat ta’ ċerta ruħ u x’kien hemm f’dik ir-ruħ li lil Alla ma kienx jogħġbu. Insir naf bih b’dan il-mod: f’daqqa waħda nħoss l-uġigħ f’idejja, f’saqajja u f’ġenbi, f’dawk il-postijiet fejn l-idejn, is-saqajn u l-ġenb tas-Salvatur ġew minfuda. F’dak l-istess waqt, jiena nirċievi għarfien tal-istat tar-ruħ u x’inhu d-dnub li tkun wettqet.

 

       

1248.            Inħoss xewqa li nagħmel tpattija lill-Mulej Ġesu’ b’mod li jaqbel (mal-offiża). Illum ilbist iċ-ċilizju għal seba’ sigħat sabiex naqla’ l-grazzja tal-indiema għal dik ir-ruħ. Fis-seba’ siegħa ħassejt serħan filwaqt lir-ruħ ħasset ġewwa fiha maħfra għad-dnub tagħha, għalkemm kienet għadha ma marritx tqerr. Biex inpatti għad-dnubiet tal-ġisem, jiena nimmortifika l-ġisem u nsum sakemm ikolli permess. Biex inpatti għad-dnubiet tas-suppervja, jiena nitlob b’moħħi jmiss mal-art. Biex inpatti għad-dnubiet tal-mibgħeda, jiena nitlob u nagħmel xi opra tajba għall-persuna li jiena nsibha diffiċli. U b’dan il-mod jiena npatti skont in-natura tad-dnub li jiena nkun konxja minnu.

 

 

1249.            19 (ta’ Awissu 1937). Illum waqt l-adorazzjoni, il-Mulej tani x’nifhem kemm jixtieq lir-ruħ tingħaraf mill-opri tagħha ta’ mħabba. U fl-ispirtu stajt nara kemm hemm erwieħ qedgħin jgħajtulna, “Agħtuna lil Alla.” U d-demm tal-Appostli beda jbaqbaq ġewwa fija. Minix sejra nkun xħiħa bih; ser inxerrdu kollu sal-inqas qatra għall-erwieħ immortali. Għalkemm forsi Alla dan mhux ser jippretendih fis-sens fiżiku, huwa possibli fl-ispirtu u l-mertu m’hu xejn inqas.

 

 

1250.            Illum irrealizzajt li ma kellix nitlob ċertu permess, imma kelli nġib ruħi f’din il-ħaġa bħalma kienet tippretendi mingħandi Omm Alla. Għalissa, m’hemmx bżonn l-ebda spjegazzjonijiet; erġajt ninsab fil-paċi. Din l-ispirazzjoni rċevejtha filwaqt li kont sejra nagħmel l-eżami tal-kuxjenza u kont inkwetata ħafna għax ma kontx naf x’kelli nagħmel. Id-dawl divin jista’ jagħmel iktar f’mument wieħed milli nista’ nagħmel jiena meta ngħeja lili nnifsi ġurnata wara l-oħra.

 

 

1251.            22 ta’ Awissu. Dalgħodu ġiet iżżurni Santa Barbara, Verġni u rrakmandatli nitqarben għal disat ijiem għall-bżonnijiet ta’ pajjiżi u b’hekk intaffi l-korla ta’ Alla. Din il-verġni kienet liebsa kuruna magħmula minn kwiekeb u f’idejha kellha xabla. Il-kuruna kienet tiddi l-istess bħax-xabla. Liebsa l-abjad u b’xagħarha twil, tant kienet sabiħa li , li kieku mhux diġa’ kont naf lill-Verġni Marija, kont naħseb li kienet Hi. Issa jiena nista’ nifhem li kull verġni għandha sbuħija speċjali li hi tagħha biss; sbuħija ċara toħroġ tiddi minn kull waħda minnhom.

 

 

1252.            + 25 ta’ Awissu 1937. Illum wasal ir-Reverendu Dun Sopocko u ser jibqa’ magħna sat-30 tax-xahar. Kont ferħana ħafna, għax Alla biss jaf x’ħerqa għandi biex narah minħabba l-Opra li Alla qed iwettaq permezz tiegħu, u dan kollu, għalkemm iż-żjara kien fiha xi aspetti koroh ukoll.

 

 

1253.            + Waqt li kien qed iqaddes, waqt l-elevazzjoni rajt lill-Mulej Ġesu’ Msallab jaqla’ idu l-leminija mis-salib, u d-dawl li kien ħiereġ mill-pjaga kien qed imisslu driegħu. Din il-ħaġa ġrat waqt tliet quddisiet, u jiena fhimt li Alla kien ser jagħtih is-saħħa sabiex hu jwettaq din l-opra minkejja diffikultajiet u oppożizzjoni. Din ir-ruħ li togħġob lil Alla tinsab imsallba b’ħafna tbatijiet, imma jiena xejn ma nistgħaġeb b’dan, għax Alla hekk jimxi ma’ dawk li Hu jħobb b’mod speċjali.

 

 

1254.            + Illum, id-29, irċevejt permess (nota207) biex ikolli konverżazzjoni itwal mar-Reverendu Dr. Sopocko. Sirt naf li, għalkemm hemm xi diffikultajiet, l-opra miexja ‘l quddiem, u li l-Festa tal-Ħniena diġa’ tinsab miexja ‘l quddiem ħafna. Mhux se jgħaddi ħafna żmien qabel ma ssir realta’, imma għad hemm bżonn ta’ ħafna talb sabiex ċerti diffikultajiet jispiċċaw.

 

 

1255.            “Għal dak li għandu x’jaqsam miegħek, Sor, hi ħaġa tajba li inti bqajt fi stat ta’ indifferenza qaddisa f’dak kollu li għandu x’jaqsam mar-rieda ta’ Alla, u li inti qiegħda żżomm stat aktar bilanċjat. Jekk jogħġbok agħmel mill-aħjar biex iżżomm din il-kalma. Issa, għal dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ dawn l-affarijiet, inti għandek tiddependi għal kollox minn Patri Andrasz; jiena u hu naqblu f’kollox. Tagħmel xejn waħdek, Sor, imma f’kollox ħu l-parir tad-direttur spiritwali tiegħek. Nitolbok iżżomm il-kalma kemm jista’ jkun. Ħaġ’oħra – jiena qed nistampa l-kurunella li għandha tkun fuq wara tax-xbieha, kif ukoll l-invokazzjonijiet li qishom litanija; dawn ukoll jitpoġġew fuq wara. Ġiet stampata wkoll xbieha kbira, u magħha ftit paġni li fihom in-Novena tal-Ħniena Divina. (nota208) Itlob, Sor, sabiex din ikollha l-approvazzjoni.”

 

 

1256.            30 (ta’ Awissu). Ir-Reverendu Dun Sopocko telaq dalgħodu. X’ħin kont mitlufa għal kollox f’talba ta’ radd il-ħajr għall-grazzja kbira li jiena kont irċevejt mingħand Alla; jiġifieri l-grazzja li nara s-saċerdot, jiena ngħaqadt b’mod speċjali mal-Mulej li qalli, Huwa saċerdot skont il-Qalb Tiegħi; l-isforzi tiegħu jogħġbuni. Inti qiegħda tara, li r-rieda Tiegħi jeħtieġ li ssir u dak li Jiena wegħdtek, Jiena ser nagħmlu. Permezz tiegħu, Jiena nxerred il-faraġ lill-erwieħ li jkunu qegħdin ibatu u li jkunu jinsabu nkwetati. Permezz tiegħu għoġobni nxandar il-qima lejn il-ħniena Tiegħi. U permezz ta’ din l-opra tal-ħniena iktar erwieħ għad jersqu qrib Tiegħi milli kieku kienu jagħmlu, ukoll li kieku kellu jagħti l-assoluzzjoni lejl u nhar għall-bqija ta’ ħajtu, għax permezz t’hekk, kien jaħdem biss għall-bqija ta’ ħajtu; filwaqt li grazzi għal din l-opra tal-ħniena, huwa ser jibqa’ jaħdem sal-aħħar tad-dinja.

 

 

1257.            Kont iddeċidejt li nagħmel novena għall-intenzjoni li nkun nista’ narah, imma lanqas biss kont spiċċajtha meta Alla tani dik il-grazzja.

 

 

1258.            O Ġesu’ tiegħi, kemm ftit approfittajt minn din il-grazzja, imma dan ma kienx jiddependi minni, għalkemm jekk tħares lejha minn angolu ieħor, kien jiddependi ħafna.

 

 

1259.            + Waqt din il-konverżazzjoni, sirt naf ir-ruħ itturmentata tiegħu. Din ir-ruħ imsallba tixbah lis-Salvatur. Fejn hu jistenna, bir-raġun, li jsib il-konsolazzjoni, isib is-salib. Jgħix fost ħafna ħbieb, imma m’għandu lil ħadd ħlief lil Ġesu’. Dan hu l-mod kif Alla jneżża’ lir-ruħ li Hu jħobb b’mod speċjali.

 

 

1260.            Illum smajt dan il-kliem: Binti, dejjem ġib ruħek bħal tifla żgħira ma’ dawk li jirrapreżentawni; jekk ma tagħmilx hekk inti ma tiġbed l-ebda ġid spiritwali mill-grazzji li Jiena nagħtik permezz tagħhom.

 

 

1261.            1 ta’ Settembru 1937. Jiena rajt lill-Mulej Ġesu’, bħal sultan b’majesta’ kbira, iħares ‘l isfel lejn id-dinja tagħna b’ħarsa severa ħafna; imma minħabba l-interċessjoni ta’ Ommu Huwa tawwal iż-żmien tal-ħniena Tiegħu.

 

 

1262.            3 ta’ Settembru. L-ewwel Ġimgħa tax-xahar. Waqt il-Quddiesa jiena ngħaqadt ma’ Alla. Ġesu’ tani x’nifhem li wkoll l-iċken ħaġa ma tiġrix fuq din l-art mingħajr ir-rieda Tiegħu. Wara li rajt dan, ruħi daħlet f’serħan mhux tas-soltu; sibt ruħi kompletament fil-paċi dwar l-opra sal-iċken dettall tgaħha. Alla jista’ jagħmel bija dak li jrid, u jiena nbierku għal kollox.

 

 

1263.            Sa issa, kont qiegħda naħseb, b’daqsxejn biża’, fejn sejrin iwassluni dawn l-ispirazzjonijiet. Il-biża’ tiegħi kiber meta l-Mulej għarrafni li kelli nitlaq minn din il-Kongregazzjoni. Din hi t-tielet sena li għaddiet minn dak iż-żmien, u ruħi ħasset daqqa entusjażmu u impuls qawwi li nagħmel xi ħaġa – u mbagħad ikolli ħafna kuraġġ u saħħa; u drabi oħra, meta joqrob il-mument deċiżiv biex nibda din l-opra , inħossni abbandunata minn Alla, u minħabba f’hekk biża’ straordinarju jimlieli ruħi, u nkun nista’ nara li għadha ma waslitx is-siegħa li Alla jrid sabiex jiena nibda din l-opra. Dawn huma tbatijiet li lanqas biss naf nikteb dwarhom. Alla biss jaf xi jkolli nissaporti, lejl u nhar. F’għajnejja l-agħar turmenti tal-martri jidhru iktar faċli li nissaportihom minn dak li għaddejja minnu, għalkemm mingħajr tixrid ta’ lanqas qatra waħda demm. Imma dan kollu għall-erwieħ, għall-erwieħ, Mulej . . .

 

 

1264.            Att ta’ abbandun totali għar-rieda ta’ Alla, li għalija hi l-istess imħabba u ħniena.

 

Att ta’ Għotja.

 

Ġesu’ – Ostja, li jiena f’dan l-istess waqt irċevejtek ġewwa qalbi, permezz ta’ din l-għaqda tiegħi Miegħek jiena qiegħda noffri lili nnifsi lill-Missier tas-Sema bħala ostja tas-sagrifiċċju, u nintelaq b’mod sħiħ u totali għar-rieda ħanina u qaddisa ta’ Alla tiegħi. Mil-lum ‘il quddiem, ir-rieda Tiegħek, Mulej, hi l-ikel tiegħi. Ħudni kollni kemm jiena; iddisponi minni kif jogħġbok. Dak li tagħtini l-id Tiegħek ta’ Missier, jiena naċċettah b’sottomissjoni, paċi u ferħ. Ma nibża’ minn xejn, teħodni fejn teħodni; bl-għajnuna tal-grazzja Tiegħek, jiena ser inwettaq dak kollu li Inti qiegħed titlob mingħandi. Jiena m’għandix nibża’ mill-ebda waħda mill-ispirazzjonijiet Tiegħek lanqas ma noqgħod infittex anzjuża biex nara fejn dawn sejrin joħduni. Mexxini, O Alla, fit-triqat li jogħġbu lilek, huma li huma. Jiena poġġejt il-fiduċja kollha tiegħi fir-rieda Tiegħek li għalija hi l-istess imħabba, l-istess ħniena.

 

Għidli nibqa’ f’dan il-kunvent, u jiena nibqa’; għidli nidħol għal din l-opra, jiena nidħol għaliha; ħallini fid-dubju dwar l-opra sakemm immut, tkun imbierek; agħtini l-mewt meta, biex nitkellmu ta’ bnedmin li aħna, ħajti tkun tidher li hemm bżonnha b’mod speċjali, tkun imbierek. Jekk Inti teħodni f’żogħżiti, tkun imbierek; jekk tħallini ngħix sakemm nixjieħ sewwa, tkun imbierek. Jekk Inti tagħtini s-saħħa tkun imbierek; jekk Inti żżommni marbuta ma’ sodda ta’ wġigħ għal ħajti kollha, tkun imbierek. Jekk Inti tagħtini biss fallimenti u diżappunti ħajti kollha, tkun imbierek. Jekk Inti tippermetti li l-intenzjonijiet l-iktar safjin tiegħi jiġu kkundannati, tkun imbierek. Jekk Inti ddawwalli moħħi, tkun imbierek. Jekk Inti tħallini fid-dlam u f’kull xorta ta’ turmenti, tkun imbierek.

 

Minn issa ‘l quddiem, jiena ngħix f’paċi mill-iktar profonda, għax il-Mulej innifsu qiegħed iġġorni fil-pala ta’ idu. Hu, il-Mulej ta’ ħniena bla tarf, jaf li jiena nixtieq lilu biss f’kollox, dejjem u kullimkien.

 

 

1265.            Talba. O Ġesu’, imsammar mas-salib, nitolbok bil-ħerqa tagħtini l-grazzja li nwettaq bil-fedelta’ r-rieda l-iżjed qaddisa ta’ Missierek f’kull ħaġa, dejjem u kullimkien. U meta din ir-rieda ta’ Alla tidhirli iebsa ħafna u tqila biex inkompliha, nitolbok, Ġesu’, sabiex f’dawk il-waqtiet jissawbu fuqi l-qawwa u s-saħħa mill-ġrieħi Tiegħek, u xofftejja jkunu jistgħu jtennulek: “Tkun magħmula ir-rieda Tiegħek, Mulej.” O Salvatur tad-dinja, li għandek daqshekk għal qalbek is-salvazzjoni tal-bnedmin, li fit-turmenti u wġigħ tal-biża’ tinsa lilek innifsek biex taħseb biss fis-salvazzjoni tal-erwieħ. O Ġesu’ ta’ Qalb l-iżjed ħanina, agħtini l-grazzja li ninsa lili nnifsi, sabiex inkun nista’ ningħata kollni kemm jiena lill-erwieħ, billi ngħinnek fil-ħidma tas-salvazzjoni, skont ir-rieda l-iżjed qaddisa ta’ Missierek . . .

 

 

1266.            5 ta’ Awissu (1937). (nota209) Il-Mulej għarrafni kemm il-Madre Superjura għażiża tagħna (Irene) qiegħda tiddefendini minn . . . mhux permezz tat-talb imma bil-fatti. Grazzi Ġesu’ ta’ din il-grazzja. F’qalbi jiena npattilha; meta nkun flimkien ma’ Ġesu’, ma ninsihiex.

 

 

1267.            6 ta’ Settembru 1937. Illum nibda xogħol ġdid. Ser immur mill-ġnien għad-deżert ta’ mal-kanċell. (nota210) Mort inkellem lill-Mulej għal ftit. Tlabtu barka u grazzji sabiex inkun nista’ nwettaq bil-fedelta’ d-dmirijiet li ġew afdati f’ idejja. Smajt dan il-kliem: Binti, Jiena qiegħed dejjem miegħek. Jiena tajtek ċans biex inti tipprattika opri tal-ħniena li inti għad twettaq skont l-ubbidjenza. Inti tagħtini ħafna gost jekk, kull filgħaxija, inti tkellimni, l-aktar dwar dan ix-xogħol. Ħassejt li Ġesu’ kien qed jagħtini grazzja ġdida għad-dmirijiet ġodda tiegħi; imma, minkejja dan, jiena ssakkart iktar fil-fond ġewwa Qalbu.

 

 

1268.            Illum ħassejtni iktar marida, imma Ġesu’ tani ħafna iktar opportunitajiet li nipprattika l-virtu’. Ġara li kelli x’nagħmel iktar mis-soltu, u s-soru li kienet inkarigata mill-kċina wrietni biċ-ċar kemm innervjajtha li kont mort tard għall-ikel, għalkemm kienet ħaġa impossibli għalija li mmur qabel. Insomma, tant kont qiegħda nħossni marida li kelli nitlob lill-Madre Superjura tagħtini permess nimtedd. Mort nitlob lil Swor. N. teħodli posti, u għal darb’oħra qlajt ċanfira: “Issa x’ġara, Sor, tant inti għajjiena li rġajt sejra fis-sodda! Uff, xi dwejjaq, dejjem narawk fis-sodda!” Kelli nissaporti dan kollu, imma kien għad baqa’. Kien għad baqagħli nitlob lis-soru nkarigata mill-morda ġġibli l-ikel. X’ħin għidtilha b’dan ħarġet tiġri warajja mill-kappella fil-kuridur biex tgħidli tagħha wkoll: “Issa għalfejn sejra fis-sodda, Sor, eċċ . . .” Għidtilha ma toqgħodx tiskomda ruħha u ma ġġibli xejn. Qiegħda nikteb dan kollu fil-qosor ħafna għax mhix l-intenzjoni tiegħi li nikteb dwar affarijiet bħal dawn, u dan qiegħda nagħmlu biss biex nipperswadi erwieħ oħra ma jittrattawx lill-oħrajn b’dan il-mod, għax ħaġa bħal din ma togħġbux lill-Mulej. F’ruħ qiegħda tbati għandna naraw lil Ġesu’ Msallab, u mhux xi wieħed għażżien jew piż fuq il-komunita’. Ruħ li tbati b’sottomissjoni għar-rieda ta’ Alla tiġbed iktar barkiet fuq il-kunvent kollu mis-sorijiet kollha li jkunu fuq xogħolhom. Tassew fqir dak il-kunvent fejn m’hemmx sorijiet morda. Alla spiss jagħti ħafna grazzji kbar minħabba l-erwieħ li jkunu qegħdin ibatu, u biss minħabba l-erwieħ li jkunu qegħdin ibatu li ma jibgħatx ħafna kastigi.

 

 

1269.            O Ġesu’ tiegħi, meta sejrin inħarsu lejn l-erwieħ b’motivi iktar għoljin f’moħħna? Meta l-ġudizzji tagħna ser ikollhom fihom il-verita’? Inti tagħtina okkażjonijiet sabiex aħna nwettqu opra tal-ħniena, u minflok aħna nużawhom sabiex niġġudikaw. Biex tkun taf jekk hemmx l-imħabba ta’ Alla fil-kunvent, għandek tistaqsi kif iġibu ruħhom mal-morda, ma’ dawk b’diżabilita’ u ma’ dawk li naqsithom is-saħħa u li jkunu jinsabu hemmhekk.

 

 

1270.            10 ta’ Settembru (1937). Sirt naf waqt il-meditazzjoni li, aktar ma ruħ tkun safja, iktar tkun kbira l-għaqda tagħha ma’ Alla fuq il-livell spiritwali. Ma tantx tagħti kas tas-sensi u l-ġibdiet tagħhom. Alla Huwa spirtu, u għalhekk jiena nħobbu fl-ispirtu u l-verita’. 

 

 

1271.             Meta smajt kemm hi ħaġa perikoluża llum li tkun għassa mal-kanċell minħabba nkwiet rivoluzzjonarju u kemm hawn nies ħżiena li jobogħdu l-kunventi, dħalt ġewwa u mort nitkellem mal-Mulej u tlabtu li jagħmel b’mod li l-ebda persuna ħażina ma jkollha l-ardir tiġi ħdejn il-kanċell. Imbagħad smajt dan il-kliem: Binti, dak l-istess waqt li inti mort ħdejn il-kanċell Jiena poġġejt kerubin biex jgħasses fuqu. Kun fil-paċi. X’ħin mort lura mill-konverżazzjoni tiegħu mal-Mulej, rajt sħaba bajda żgħira u fiha kien hemm kerubin b’idejh magħqudin flimkien. Il-ħarsa tiegħu kienet bħal beraq, u jiena fhimt kif in-nar tal-imħabba ta’ Alla kien jinstab f’dik il-ħarsa . . .

 

 

1272.            14 ta’ Settembru 1937. L-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes. Illum stajt nara x’oppożizzjoni kbira qed isib dan is-saċerdot (Dun Sopocko) dwar din il-ħaġa kollha. Ukoll erwieħ devoti li huma ħerqana għall-glorja ta’ Alla qedgħin joħduha kontra tiegħu. Il-fatt li hu ma qata’ qalbu xejn minn dan kollu hu dovut għall-grazzja speċjali ta’ Alla.

 

 

1273.            Ġesu’: Binti, taħseb inti li ktibt biżżejjed dwar il-ħniena Tiegħi? Dak li inti ktibt hu qatra waħda biss meta tqabbilha mal-oċejan. Jiena l-istess Imħabba u l-istess ħniena. M’hemm l-ebda miżerja li tista’ titqabbel mal-Ħniena Tiegħi, lanqas tista’ l-miżerja  tasal sat-tarf tagħha, għax f’dak l-istess waqt li tkun qiegħda tingħata – hija tiżdied. Ir-ruħ li tafda fil-ħniena Tiegħi b’xortiha ħafna, għax Jiena stess nieħu ħsiebha.

 

 

1274.            Jiena ngħaddi minn turmenti kbar f’ruħi meta nara kif Alla jinsab offiż. Illum indunajt li dnubiet mejta kienu qedgħin jiġu mwettqa mhux bogħod mid-dar tagħna. Kien filgħaxija. Tlabt bil-qalb fil-kappella, u mbagħad mort nifflaġella lili nnifsi. X’ħin inżilt għarkobtejja biex nitlob, iżda, il-Mulej ippermettieli jkolli esperjenza kif tbati ruħ li tiġi mwarrba minn Alla. Deherli li qalbi ġiet imċarrta biċċiet, u fl-istess waqt fhimt kemm ruħ bħal din tferi lill-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. Il-ħlejqa msejkna ma tkunx trid taċċetta l-ħniena ta’ Alla. Iktar ma’ Alla jiġri wara ruħ bil-ħniena Tiegħu, iktar ikun ġust magħha.

 

 

1275.            Segretarja Tiegħi, ikteb li Jien iktar ġeneruż mal-midinbin milli mal-ġusti. Kien minħabba fihom li Jiena nżilt mis-sema; kien minħabba fihom li xtered Demmi. Għidilhom ma jibżgħux jersqu lejja; huma l-iktar li jeħtieġu l-ħniena Tiegħi.

 

 

1276.            16 ta’ Settembru 1937. Illum xtaqt ħafna nagħmel Siegħa Adorazzjoni quddiem Ġesu’ Sagramentat, imma din ma kenitx ir-rieda ta’ Alla. Fit-tmienja qabadni wġigħ hekk ikrah li kelli mmur nimtedd minnufih. Għal tliet sigħat sħaħ domt mifnija bl-uġigħ; jiġifieri, sal-ħdax ta’ bil-lejl. L-ebda mediċina ma ħadmet fuqi, u kulma niżżilt erġajt tellajtu. F’xi ħinijiet, l-uġigħ wassalni li nintilef minn sensija. Ġesu’ għeni nifhem li b’dan il-mod jiena kont qiegħda nieħu sehem fl-Agunija Tiegħu fl-Ort, u li Huwa stess kien ippermetta dawn it-tbatijiet sabiex joffri riparazzjoni lil Alla għall-erwieħ li ġew maqtulin fil-ġuf ta’ ommijiet ħżiena. Jiena issa għaddejt minn dawn it-tbatijiet tliet darbiet. Dejjem jibdew fit-tmienja ta’ filgħaxija u jibqgħu sejrin sal-ħdax. L-ebda mediċina ma tista’ ttaffi dawn it-tbatijiet. X’ħin jaslu l-ħdax, jieqfu waħedhom u jiena norqod dak il-ħin stess. L-għada inħossni fjakka ħafna.

 

Din il-ħaġa ġratli l-ewwel darba meta kont is-sanatorju. It-tobba ma setgħu jifhmu xejn minn dak li kien qed jiġri, u l-ebda njezzjoni jew mediċina ma setgħet tgħinni bl-ebda mod u jiena stess ma kellix l-ebda idea x’kienu dawk it-tbatijiet. Għidt lit-tabib li qatt qabel f’ħajti ma kont għaddejt minn tbatijiet bħal dawn u hu ddikjara li ma kienx jaf x’tip ta’ wġigħ kien dan. Imma issa nista’ nifhem x’tip ta’ wġigħ dan hu, għax il-Mulej stess għarrafni b’dan . . .  Pero’ meta noqgħod naħseb li forsi jista’ jkolli nbati b’dan il-mod darb’oħra, nibda nirtogħod. Imma ma nafx jekk għadx ikolli nbati b’dan il-mod darb’oħra; dan inħallih f’idejn Alla. Dak li Alla jogħġbu jibgħatli, naċċettah b’sottomissjoni u mħabba. Li kieku nista’ nsalva mqar ruħ waħda biss mill-qtil permezz ta’ dawn it-tbatijiet!

 

 

1277.            L-għada ta’ dawn it-tbatijiet, inkun nista’ nħoss l-istat tal-erwieħ u x’inhi d-diżpożizzjoni tagħhom lejn Alla; inkun mimlija bl-għerf veru.

 

 

1278.            Jiena nitqarben bħall-anġli, biex ngħidu hekk. Ruħi timtela bid-dawl ta’ Alla u tmantni lilha nnfisha minnu. Is-sentimenti tiegħi qishom mejtin. Din hija għaqda spiritwali biss flimkien ma’ Alla; predominanza tal-ispirtu fuq in-natura.

 

 

1279.            Il-Mulej tani għarfien tal-grazzji li ilu jagħtini bix-xaba’. Dan id-dawl daħal ġewwa fija sa ġewwanett, u jiena bdejt nifhem x’favuri li ħadd ma jista’ jimmaġinhom Alla ilu jagħtini. Bqajt fiċ-ċella tiegħi għal att twil ta’ radd il-ħajr, mixħuta wiċċi mal-art bid-dmugħ ta’ radd il-ħajr nieżel minn għajnejja. Ma stajtx inqum mill-art għax, kull meta bdejt nipprova, id-dawl ta’ Alla tani għarfien ġdid tal-grazzja Tiegħu. Kien biss mat-tielet darba li ppruvajt, li stajt inqum. Ladarba jiena kont bintu, ħassejt li kull ma kellu l-Missier tas-Sema kien tiegħi wkoll. Huwa stess refagħni mill-art u tellagħni sa Qalbu. Ħassejt li kulma jeżisti kien tiegħi b’mod esklużiv, imma ma kelli l-ebda xewqa għal dak kollu, għax Alla waħdu Hu biżżejjed għalija.

 

 

1280.            Illum sirt naf b’liema stmellija l-Mulej imur għand ċerta ruħ fit-Tqarbin Imqaddes. Huma jmur f’dik il-qalb qiesu sejjer f’ħabs mudlam, fejn ser ikollu jissaporti torturi u diqa ta’ qalb. Jiena bqajt nitolbu maħfra u noffri riparazzjoni għall-offiża.

 

 

1281.            Il-Mulej għarrafni li kelli nara lil ħija (Stanley) (nota211), imma ma stajtx nifhem kif kien ser jiġri dan jew għaliex hu kien ġej iżurni. Kont naf  li Alla kien tah il-grazzja ta’ vokazzjoni  reliġjuża, imma għal liema raġuni kien ġej iżurni? Iżda, jiena warrabt dawn il-ħsibijiet u emmint li jekk il-Mulej kien għarrafni li kien ġej, daqshekk kien biżżejjed għalija. Iffukajt il-ħsibijiet tiegħi fuq Alla u warrabt kull tħassib dwar il-ħlejjaq u afdajt f’kollox lill-Mulej.

 

 

1282.            + Meta jiġu għandna l-istess foqra it-tieni darba, nittrattahom bi tjubija ikbar, u ma nħallihomx jindunaw li jien naf li huma ġew hawnhekk darb’oħra; (dan nagħmlu) biex ma jħossuhomx skomdi. Umbagħad huma jitkellmu miegħi bil-liberta’ dwar dak li jinkwetahom u dak li jeħtieġu.

 

Għalkemm Swor N. tgħidli li dak mhux il-mod kif għandi nġib ruħi mat-tallaba u hi ssabbtilhom il-bieb ma’wiċċhom, meta hi ma tkunx hemm, jiena nimxi magħhom kif kieku kien jagħmel l-Imgħallem tiegħi. Xi drabi nagħtu iktar meta ma nagħtu xejn, milli meta nagħtu ħafna bla ebda manjieri.

 

 

1283.            Il-Mulej spiss jagħtini għarfien ġewwa fija dwar il-persuni li jiena niltaqa’ magħhom ħdejn il-kanċell. Ruħ imsejkna riedet tgħidli xi ħaġa fuqha stess. Ħtaft l-opportunita’ biex infehemha, bid-delikatezza kollha, l-istat miżerabbli ta’ ruħha. Telqet disposta aħjar.

 

 

1284.            17 ta’ Settembru (1937). O Ġesu’, nara tant sbuħija mxerrda madwari, sbuħija li għaliha inroddlok ħajr il-ħin kollu. Imma nista’ nara li xi erwieħ huma bħall-ġebel, dejjem kesħin, bla ebda sentiment. Lanqas il-mirakli ma jirnexxilhomx iċaqalquhom. Għajnejhom dejjem imsammrin fuq saqajhom, u għalhekk jaraw biss lilhom infushom.

 

 

1285.            Inti dawwartli ħajti bil-premura Tiegħek mimlija tenerezza u mħabba, iktar milli nista’ nifhem, għax jiena għad nifhem it-tjubija Tiegħek b’mod sħiħ biss meta jitneħħa l-velu. Nixtieq li ħajti kollha kemm hi tkun biss att wieħed ta’ radd il-ħajr lilek, O Alla.

 

 

1286.            + Grazzi, O Alla, għall-grazzji kollha

Li inti xxerred fuqi bil-kotra bla waqfien,

Grazzji li jdawluni daqs id-dija tax-xemx,

Għax permezz tagħhom Inti turini t-triq iż-żgura.

 

Grazzi, Mulej, talli ħlaqtni,

Talli tajtni l-ħajja mix-xejn,

Talli stampajt id-divinita’ Tiegħek fuq ruħi,

Opra ta’ mħabba safja mimlija ħniena.

 

Grazzi, O Alla, tal-Magħmudija

Li daħħaltni fil-familja Tiegħek,

Don ikbar minn kull ħsieb jew espressjoni

Li jbiddili ruħi.

 

Grazzi, O Mulej, tal-Qrar,

Ta’ dik il-għajn li ma tieqaf qatt ta’ ħniena kbira,

Ta’ dak il-għajn ta’ grazzji li ħadd ma jifhimha

Li fiha erwieħ imtebbgħin bid-dnub jissaffew.

 

Grazzi, O Ġesu’, tat-Tqarbin,

Li fih Inti tagħtina lilek innifsek.

Inħoss lil Qalbek tħabbat ġewwa sidri

Filwaqt li Inti tagħmel li l-ħajja divina Tiegħek tinfetaħ ġewwa fija.

 

Grazzi, O Spirtu s-Santu, tas-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof,

Li jagħmilini l-Kavallier Tiegħek

U jsaħħaħli ruħi f’kull waqt,

U jħarisni mill-ħażen.

 

Grazzi, O Alla, tal-grazzja tal-vokazzjoni,

Talli ssejjaħtli biex inservi lilek biss,

U mexxejtni sabiex nagħmlek l-unika mħabba tiegħi,

Unur ikbar milli ħaqqni għal ruħi.

 

Grazzi, O Mulej, għall-voti perpetwi,

Għal dik l-għaqda ta’ mħabba safja,

Talli ndenjajt ruħek tgħaqqad il-qalb safja Tiegħek ma’ tiegħi.

U talli għaqqadt qalbi ma’ Tiegħek b’rabta mill-iżjed safja.

 

Grazzi, O Mulej, tas-Sagrament tad-Dlik biż-żejt,

Li, fl-aħħar waqtiet tiegħi, jagħtini s-saħħa;

L-għajnuna tiegħi fil-ġlieda, il-gwida tiegħi għas-salvazzjoni,

Li tqawwili ruħi sakemm naslu għall-ferħ etern.

 

Grazzi, O Alla, tal-ispirazzjonijiet kollha

Lit-tjubija Tiegħek tfawwarni bihom,

Tad-dwal interjuri mogħtijin lil ruħi,

Li l-qalb tħosshom, imma m’hemmx kliem biex tesprimihom.

 

Grazzi, O Trinita’ Qaddisa, tal-kobor tal-grazzji

Li Inti tfawwarni bihom bla waqfien matul ħajti.

Il-gratitudni tiegħi għad tikber kif ifeġġ iż-żerniq etern,

Meta, għall-ewwel darba, jiena għad inkanta għall-glorja Tiegħek.

 

 

1287.            + Minkejja l-paċi li hemm ġo qalbi, qiegħda kontinwament  niġġieled taqbida mal-għadu ta’ ruħi. Kulma jmur, qiegħda niskopri n-nases tiegħu, u l-ġlieda terġa’ tixgħel mill-ġdid. Waqt intervalli ta’ kalma, jiena nħarreġ lili nnifsi u nishar, li ma jmurx il-għadu jaqbadni minix ipperparata. U meta jiena nara r-rabja kbira tiegħu, nibqa’ ġewwa l-fortizza; jiġifieri, fil-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’.

 

 

1288.            19 ta’ Settembru (1937). Illum, il-Mulej qalli, Binti, ikteb li Jiena nweġġa’ ħafna meta r-reliġjużi jirċievu s-Sagrament tal-Imħabba sempliċiment bi drawwa, bħallikieku ma jagħrfux dan l-ikel minn ikel ieħor. Jien la nsib fidi lanqas imħabba fil-qalb tagħhom. Jiena mmur għand erwieħ bħal dawn tassew kontra Qalbi. Kien ikun aħjar li kieku ma jirċevuni xejn.

 

 

1289.            Ġesu’ l-aktar ħelu, kebbes imħabbti lejk u ibdilni fik. Qaddisni sabiex l-għemejjel tiegħi jkunu jistgħu jogħġbuk. Agħmel li dan isir bil-qawwa tat-Tqarbina li nirċievi kuljum. O kemm nixtieq li nkun mibdula għal kollox fik, O Mulej!

 

 

1290.            19 ta’ Settembru 1937. Illum, ħija Stanley ġie jżurni. Fraħt ħafna b’din ir-ruħ sabiħa, li wkoll għandha intenzjoni tiddedika ruħha għas-servizz ta’ Alla,. Jiġifieri, Alla stess qed jiġbdu lejn imħabbtu. Domna nitkellmu fuq Alla, fuq it-tjubija Tiegħu, Waqt din il-konverżazzjoni miegħu, sirt naf  kemm ruħu kienet togħġbu lil Alla. Il-Madre Superjura tatni l-permess narah aktar ta’ spiss. Meta talabni l-parir tiegħi dwar li jsir reliġjuż, jiena weġibt, “Żgur li inti taf l-iktar x’qed jitlob Alla mingħandek.” Jiena semmejt l-Ordni tal-Ġiżwiti, imma għidt, “Mur fejn joġħġob lilek.” Wegħedtu li ser nitlob għalih, u ddeċidejt li nagħmel novena lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ bl-interċessjoni ta’ Dun Peter Skarga u wegħedt li nħabbarha fil-“Messaġġier tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’”, (nota212) għax għandu diffikultajiet kbar f’din il-ħaġa. Jiena fhimt li, f’każ bħal dan, iktar jiswa t-talb mill-pariri.

 

 

1291.            21 ta’ Settembru. Wara li qomt diversi drabi matul il-lejl, irringrazzjajt lil Alla bi ftit kliem, imma b’qalbi kollha, għall-grazzji kollha li Huwa ta lili u lill-Kongregazzjoni tagħna, u qgħadt naħseb fuq it-tjubija kbira Tiegħu.

 

 

1292.            X’ħin tqarbint , għidtlu, “Ġesu’, ħsibt fuqek ħafna drabi l-lejl li għadda”, u Ġesu’  weġibni, U Jiena ħsibt fik qabel ma ħlaqtek. “ Ġesu’, kif kont qiegħed taħseb fuqi?” Kif nista’ ndaħħlek fil-ferħ etern Tiegħi. Wara dan il-kliem, l-imħabba ta’ Alla għarrqet lil ruħi. Ma stajtx nieqaf nistagħġeb kemm iħobbna Alla.

 

 

1293.            Ġara li rġajt waqajt f’ċertu żball, għalkemm kont għamilt riżoluzzjoni sinċiera li ma nerġax – għalkemm il-waqgħa kienet tikkonsisti f’nuqqas żgħir li għamiltu mhux għax ridt – meta ndunajt b’dan ħassejt tant uġigħ qawwi f’ruħi li waqaft mix-xogħol tiegħi u mort fil-kappella għal ftit. Intfajt f’riġlejn Ġesu’, bi mħabba u b’ħafna wġigħ u tlabt lill-Mulej jaħfirli, iktar u iktar ħassejtni nistħi minħabba l-fatt li x’ħin kont qgħadt nitkellem miegħu wara t-Tqarbin dalgħodu stess kont wegħedtu li nibqa’ fidila lejh. Imbagħad smajt dan il-kliem: Li kieku ma kienx għal dan in-nuqqas żgħir, ma kontx tiġi għandi. Kun af li kull darba li inti tiġi għandi, tumilja lilek inifsek u titlobni maħfra, Jiena nxerred fuqek abbundanza hekk kbira ta’ grazzji, u n-nuqqas tiegħek jgħib minn quddiem għajnejja, u Jiena nara biss l-imħabba u l-umilta’ tiegħek. Inti ma titlef xejn imma takkwista ħafna . . .

 

 

1294.            Il-Mulej jgħarrafni li meta ruħ ma taċċettax il-grazzji li jkunu intenzjonati  għaliha, ruħ oħra tirċevihom fil-pront. O Ġesu’ tiegħi, agħmilni denja li naċċetta l-grazzji Tiegħek għax waħdi jiena ma nista’ nagħmel xejn. Mingħajr l-għajnuna Tiegħek, lanqas nista’ nlissen sewwa mqar Ismek.

 

 

1295.            25 ta’ Settembru (1937). X’ħin sirt naf kemm huma kbar id-diffikultajiet li hemm f’din l-opra kollha kemm hi, jiena mort għand il-Mulej u għidtlu, “Ġesu’, m’intix tara kif qedgħin ifixklu l-opra Tiegħek?” U smajt vuċi ġewwa ruħi: Agħmel dak kollu li inti tista’ tagħmel, u tinkwetax fuq il-bqija. Dawn id-diffikultajiet huma prova li din l-opra hi Tiegħi. Kun fil-paċi sakemm inti tkun qiegħda tagħmel dak kollu li jiddependi minnek.

 

 

1296.            Illum, ftaħt il-kanċell għall-Madre Superjura u sirt naf ġewwa fija li kienet sejra l-belt dwar xi ħaġa li kellha x’taqsam mal-Opra tal-Ħniena Divina. Din hi s-Superjura li tat l-ikbar kontribut għal din l-opra tal-ħniena kollha kemm hi.

 

 

1297.            Illum inqast mill-prudenza meta staqsejt żewġt itfal foqra jekk hux veru li ma kellhom xejn x’jieklu d-dar. It-tfal ma weġbuni xejn u telqu ‘l hemm. Jiena fhimt kemm kien diffiċli għalihom jitkellmu fuq il-faqar tagħhom; jiena mbagħad tlaqt niġri warajhom u ġibthom lura, u tajthom dak kollu li kelli permess nagħtihom.

 

 

1298.            O Alla, urini l-ħniena Tiegħek

Skont il-mogħdrija tal-Qalb ta’ Ġesu’.

Isma’ t-tnehid u t-talb tiegħi

U d-dmugħ ta’qalb sobgħiena.

 

O Alla ta’ Setgħa bla tarf, dejjem ħanin,

Il-mogħdrija Tiegħek ma tispiċċa qatt.

Għalkemm il-miżerja tiegħi hi kbira daqs il-baħar,

Jiena għandi fiduċja sħiħa fil-ħniena tal-Mulej.

 

O Trinita’ Eterna, imma fl-istess waqt Alla dejjem ħanin,

Il-mogħdrija Tiegħek ma tistax titkejjel.

U għalhekk jiena nafda fil-baħar tal-ħniena Tiegħek,

U nħoss il-preżenza Tiegħek, Mulej, għalkemm hemm velu bejnietna.

 

Jalla s-Setgħa bla tarf tal-ħniena Tiegħek, O Mulej,

Tiġi gglorifikata fid-dinja kollha

Jalla l-qima tagħna ma tieqaf qatt.

Xandar, ruħ tiegħi, il-ħniena ta’ Alla bil-ħerqa.

 

 

1299.            27 ta’ Settembru (1937). Illum, il-Madre Superjura u jiena morna naraw ċertu sinjur (nota213) fejn kienu qegħdin jistampaw u jpittru santi żgħar tal-Ħniena Divina, kif wkoll it-talb u l-kurunella, li diġa’ ġew approvati. U kellna naraw ukoll ix-xbieha ikbar li kienet ġiet imtejba. (nota214) Din tixbah ħafna lill-oriġinal. Ħassejtni kuntenta ħafna b’din il-ħaġa.

 

 

1300.            X’ħin ħarist lejn din ix-xbieha, daħlet ġewwa fija mħabba hekk ħajja għal Alla li, għal waqt wieħed, ma kontx naf fejn kont qiegħda. X’ħin ħlisna milli kellna nagħmlu, morna fil-Knisja tal-Verġni Marija l-iktar Imbierka. Smajna l-Quddiesa, fejn il-Mulej tani x’nifhem x’għadd kbir ta’ erwieħ kellhom isalvaw permezz ta’ din l-opra. Imbagħad dħalt fi djalogu intimu mal-Mulej u rringrazzjajtu li Hu kien indejna ruħu jagħtini l-grazzja li nara kif kienet qiegħda tinxtered il-qima tal-ħniena Tiegħu bla tarf. Intlift f’talba profonda ta’ radd il-ħajr. O, kemm hi kbira l-ġenerożita’ ta’ Alla! Imbierek il-Mulej, li jżomm il-wegħdiet Tiegħu . . .

 

 

1301.            Hi ħaġa staordinarja kemm għandha dawl mingħand Alla Madre Irene dwar din il-ħaġa kollha. Kienet l-ewwel waħda li ħallietni nwettaq ix-xewqat tal-Mulej, għalkemm kien biss sentejn wara li bdiet ir-rivelazzjoni, li hi saret is-Superjura tiegħi. U minkejja dan il-fatt, hi kienet l-ewwel waħda li ġiet miegħi meta bdiet il-pittura tax-xbieha. U issa wkoll, meta qedgħin jiġu ppublikati xi affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Ħniena Divina u qedgħin jiġu stampati xi santi żgħar, hi wkoll qiegħda tiġi miegħi (sabiex tieħu ħsieb) din il-ħaġa. Alla mexxa dan kollu b’mod misterjuż, għax dan ix-xogħol inbeda f’Vilnius, u issa r-rieda ta’ Alla mexxiet iċ-ċirkustanzi b’tali mod, li din il-ħaġa qiegħda titkompla fi Krakovja. Jiena naf kemm togħġob lil Alla din is-Superjura; qiegħda nara kif Alla qed imexxi kollox u jridni nkun taħt il-ħarsien tagħha f’dawn iż-żminijiet importanti . . . Grazzi, Mulej, għal superjuri bħal dawn, li jgħixu fl-imħabba u fil-biża’ ta’ Alla. Għalhekk jiena nitlob għaliha l-iktar, għax hi l-iktar waħda li tħabtet minħabba din l-opra tal-Ħniena Divina . . .

 

 

1302.            29 ta’ Settembru (1937). Illum irnexxieli nifhem ħafna mill-misteri ta’ Alla. Sirt naf li t-Tqarbina tibqa’ ġo fija sat-Tqarbina ta’ wara. Preżenza ħajja ta’ Alla li tinħass b’mod ċar tkompli ġewwa ruħi. Ir-realizzazzjoni ta’ din il-ħaġa titfagħni f’ġabra profonda, mingħajr ma nagħmel l-iċken sforz. Qalbi hi tabernaklu ħaj fejn tiġi riżervata l-Ostja ħajja. Jiena qatt ma fittixt lil Alla x’imkien fil-bogħod, imma ġewwa fija stess. Il-profondita’ ta’ ruħi stess jiena nikkomunika ma’ Alla tiegħi.

 

 

1303.            Alla tiegħi, minkejja l-grazzji kollha li nirċievi, jiena nixxennaq bla waqfien li nkun eternament maqgħuda ma’ Alla tiegħi; u aktar ma nsir nafu, aktar nixtiequ b’ħeġġa akbar.

 

 

+

Ġ.M.Ġ

 

1304.            B’xenqa nħares ‘il fuq lejn is-sema mimli kwiekeb,

Fiż-żaffir is-smewwiet li ma jitkejlux.

Hemmhekk il-qalb safja tmut tittajjar sabiex issibek, O Alla,

U tixtieq tinħeles mill-ktajjen tal-ġisem.

 

B’xewqa kbira nħares lejk, pajjiżi,

Meta ser jispiċċa dan l-eżilju tieghi?

O Ġesu’, din hi s-sejħa tal-għarusa Tiegħek

Li qiegħda tbati l-agunija fl-għatx li għandha għalik.

 

B’xenqa nħares lejn il-marki li ħallew saqajn il-qaddisin

Li diġa’ qasmu dan id-deżert fil-mixja tagħhom lejn pajjiżhom.

Huma ħallewli li l-eżempju tal-virtu’ u l-pariri tagħhom,

U jgħiduli, “Hu paċenzja, Sor, dalwaqt jinħallu l-ktajjen.”

 

Imma ruħi mxennqa ma tismax dan il-kliem,

Bil-ħerqa tixxennaq għall-Mulej u Alla tagħha,

U ma tifhimx il-lingwa li jitkellmu l-bnedmin,

Għax hi nnamrat Miegħu biss.

 

Ruħi mxennqa, miġruħa bl-imħabba,

Tgħaddi bil-qawwa minn ġol-ħolqien kollu

U tingħaqad mal-eternita’ infinita’

Mal-Mulej li miegħu qalbi tgħarrset.

 

Ħalli lil ruħi mxennqa, O Alla,

Tegħreq fl-Essenza Tiegħek Divina ta’ Tliet Persuni,

Aqtagħli x-xewqat tiegħi, li qiegħda nitlobhomlok bl-umilta’

B’qalb li qiegħda tfur bin-nar tal-imħabba.

 

 

1305.            Ġiet ċerta persuna għandna llum u talbet li tidħol bħala waħda mill-istudenti tagħna. Imma ma setgħux idaħħluha. Hi kellha bżonn kbir tad-dar tagħna. Waqt li kont qiegħda nitkellem magħha, ġiet imġedda ġo fija l-Passjoni ta’ Ġesu’. X’ħin telqet, ħadt fuqi nnifsi waħda mill-mortifikazzjonijiet l-iktar iebsa. Iżda, darb’ oħra ma nħallix ruħ bħal dik taħrab. Għal tlett ijiem batejt ħafna ħafna minħabba fiha. Kemm jiddispjaċini li l-istituzzjonijiet tagħna tant huma żgħar u ma jistgħux jakkomdaw numru ikbar ta’ erwieħ, Ġesu’ tiegħi, Inti taf kemm nitnikket minħabba kull nagħġa mitlufa . . .

 

 

1306.            + O umilta’, fjura sabiħa, jiena nista’ nara kemm huma ftit dawk l-erwieħ li għandhom lilek f’qalbhom. Forsi għax inti daqshekk sabiħa u fl-istess ħin daqshekk diffiċli li wieħed jakkwistak? O iva, hekk hu, kemm waħda u kemm l-oħra. Alla wkoll jieħu pjaċir kbir biha. Il-bibien tal-ġenna jinsabu miftuħin għal ruħ li hi umli, u baħar ta’ grazzji jinżel igelgel fuqha. O kemm hi sabiħa ruħ umli! Minn ġewwa l-qalb tagħha, bħal minn ċensier, titla fwieħa varjata u mill-isbaħ li tinfed is-smewwiet u tilħaq lil Alla nnifsu, filwaqt li timlielu l-Qalb l-iżjed Imqaddsa Tiegħu bil-ferħ. Alla ma jiċħad xejn lil ruħ bħal din; għandha qawwa tal-għaġeb u tinfluwenza d-destin tad-dinja kollha. Alla jgħolli lil ruħ bħal din sal-istess tron Tiegħu, u iktar ma hi tumilja ruħha, iktar Alla jinżel ‘l isfel sa fejn tkun hi, jiġri warajha bil-grazzji Tiegħu u jakkumpanjaha f’kull waqt bis-Setgħa Tiegħu bla tarf. Ruħ bħal din hi maqgħuda ma’ Alla b’mod l-iktar profond. O umilta’, niżżel l-għeruq fondi ġewwa fija, kollni kemm jiena. O verġni l-iktar safja, imma wkoll l-iktar umli, għinni nikseb umilta’ profonda. Issa nista’ nifhem għaliex hemm daqshekk ftit qaddisin; dan għax verament huma ftit dawk l-erwieħ li huma profondament umli.

 

 

1307.            Imħabba Eterna, Profondita’ ta’ Ħniena, O Qdusija ta’ Tliet Persuni imma fl-istess waqt Alla wieħed, b’qalb mimlija mħabba għal kulħadd, bħala Missier tajjeb Inti ma tistmell lil ħadd. O Mħabba ta’ Alla, Għajn Ħajja, xxerred lilek innifsek fuqna, ħlejjaq indenji Tiegħek. Jalla l-miżerja tagħna ma żżommx lura l-gliegel ta’ mħabbtek, għax tabilħaqq m’hemm l-ebda limitu għall-ħniena Tiegħek.

 

 

1308.            + Ġesu’, innutajt li donnok m’għadekx daqshekk moħħok fija. Iva, binti, minfloki issa hemm d-direttur spiritwali tiegħek (Patri Andrasz). Hu qed jieħu ħsiebek skont ir-rieda Tiegħi. Irrispetta kull kelma li jgħidlek bħallikieku kienet Tiegħi. Huwa l-velu li qiegħed ninħeba warajh. Id-direttur tiegħek u Jiena, aħna ħaġa waħda; kliemu huwa kliemi.

 

 

1309.            X’ħin nagħmel it-Triq tas-Salib, inħossni kommossa ħafna x’ħin nasal fit-tnax –il stazzjon. Hawnhekk nieqaf naħseb fuq is-setgħa bla tarf tal-ħniena ta’ Alla li għaddiet minn ġol-Qalb ta’ Ġesu’. F’din il-ferita miftuħa tal-Qalb ta’ Ġesu’ jiena npoġġi l-bnedmin imsejknin kollha . . . u dawk l-individwi li jiena nħobb, kull darba li jiena nagħmel it-Triq tas-Salib. Minn dik il-Għajn tal-Ħniena ħarġu ż-żewġ raġġi, jiġifieri, id-Demm u l-Ilma. Bl-immensita’ tal-grazzja tagħhom huma jgħarrqu d-dinja kollha . . .

 

 

1310.            Meta xi ħadd ikun qed iħossu fjakk u marid, irid jisforza l-ħin kollu biex ilaħħaq ma’ dak li l-oħrajn ikunu qedgħin jagħmlu qishom mhumiex huma. Imma wkoll dawk l-affarijiet ta’ kuljum mhux dejjem wieħed jirnexxilu jagħmilhom. Imma xorta waħda ngħidlek grazzi, Ġesu’, ta’ kollox għax il-premju mhux ser jingħata għall-kobor tal-opri, imma għall-kobor tal-isforz. Dak li jitwettaq bi mħabba mhux ħaġa żgħira, O Ġesu’ tiegħi, għax għajnejk jaraw kollox. Ma nafx għaliex qed inħossni daqshekk ħażin filgħodu; irrid nagħmel l-almu tiegħi kollu biex inqum mis-sodda, xi drabi wkoll sal-punt tal-qlubija. X’ħin naħseb fit-Tqarbin Imqaddes nerġa’ nħoss daqsxejn iktar saħħa. U għalhekk, il-ġurnata tibda b’taqbida u tispiċċa b’taqbida. X’ħin immur biex nistrieħ, inħossni bħal suldat ġej mill-kamp tat-taqbida. Inti biss, Mulej u Mgħallem tiegħi, tkun taf  x’kien fih dan il-jum.

 

 

1311.            Meditazzjoni.Waqt il-meditazzjoni, is-soru li kienet maġenbi fuq il-ġinokkjatur ta’ maġenbi il-ħin kollu tisgħol u tqaħqaħ, xi kultant bla waqfien. Darba ġieni f’moħħi li nibdel posti għall-ħin tal-meditazzjoni, għax il-Quddiesa kienet diġa’ spiċċat. Imma mbagħad ħsibt li, jekk inbiddel posti, is-soru kienet tinduna b’din il-ħaġa u forsi kienet tħossha mweġġgħa li jiena kont tbigħedt minnha. Għalhekk ideċidejt li nkompli nitlob fil-post tiegħi tas-soltu, u noffri dan l-att ta’ paċenzja lil Alla. Qrib it-tmiem tal-meditazzjoni, ruħi ġiet mgħarrqa bil-konsolazzjoni ta’ Alla, u dan sal-limitu li kienet tiflaħ qalbi; u l-Mulej tani x’nifhem li, li kieku kont tbegħidt minn dik is-soru kont inkun tbegħidt ukoll minn dawk il-grazzji li niżlu ġewwa ruħi.

 

 

1312.            + Illum ġie Ġesu’ fil-bieb prinċipali tagħna, fil-forma ta’ żagħżugħ fqir. Dan iż-żagħżugħ, mixrub, ħafi u rasu mikxufa, bi ħwejġu mqattgħin, kien iffriżat għax il-jum kien kiesaħ u bix-xita. Ried xi ħaġa sħuna x’jiekol. Għalhekk mort fil-kċina, imma ma sibt xejn hemmhekk għall-foqra. Imma, wara li bqajt nfittex ‘l hemm u ‘l hawn għal ftit ieħor, irnexxieli nsib ftit soppa, li rġajt saħħantha u fittitt fiha ftit ħobż, u tajtha liż-żagħżugħ fqir li kielha. Filwaqt li kont qiegħda neħodlu l-iskutella Hu għarrafni li kien is-Sid tas-sema u tal-art. X’ħin rajt min kien, għeb minn quddiemi. X’ħin erġajt dħalt u qgħadt naħseb fuq dak li kien ġara ħdejn il-kanċell, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Binti, il-barkiet tal-foqra li jberkuni filwaqt li jitilqu minn dan il-kanċell waslu f’widnejja. U l-mogħdrija tiegħek, fil-limiti tal-ubbidjenza, għoġbitni, u għalhekk Jiena nżilt mit-tron Tiegħi – biex induq il-frott tal-ħniena tiegħek.

 

 

1313.            O Ġesu’ tiegħi, issa kollox ċar għalija, u nista’ nifhem dak kollu li għadu kif ġara. B’xi mod ħassejt u bdejt nistaqsi lili nnifsi x’tip ta’ fqir kien dan li kien qed ixxerred modestja bħal din. Minn dak il-waqt, bdiet titqanqal ġewwa qalbi mħabba aktar safja għall-foqra u għal dawk li huma fil-bżonn. O, kemm ninsab kuntenta lis-superjuri tiegħi tawni dan ix-xogħol! Qiegħda nifhem li l-ħniena għandha ħafna uċuħ; wieħed jista’ jagħmel dak li hu tajjeb dejjem u kullimkien u fil-ħinijiet kollha. Imħabba mħeġġa għal Alla tara madwarha opportunitajiet il-ħin kollu sabiex taqsam ma’ ħaddieħor dak li għandha permezz tal-opri, kliem u talb. Issa nista’ nifhem il-kliem li Inti għidtli, O Mulej, xi żmien ilu.

 

 

1314.            + O, xi sforzi kbar ikolli nagħmel biex inwettaq sewwa d-dmirijiet tiegħi meta saħħti tkun daqshekk batuta! Dan Inti biss tkun taf bih, O Kristu.

 

 

1315.            + Fi żminijiet ta’ deżolazzjoni interjuri ma nitlifx il-paċi tiegħi, għax naf li Alla qatt ma jitlaq lir-ruħ, ħlief forsi meta r-ruħ stess taqta’ r-rabta ta’ mħabba bin-nuqqas ta’ fedelta’ tagħha. Iżda, il-ħlejjaq kollha bla ebda eċċezzjoni jiddependu mill-Mulej u jinżammu bis-setgħa Tiegħu bla tarf. Xi wħud jinsabu taħt ir-regola tal-imħabba, oħrajn taħt ir-regola tal-ġustizzja. Jiddependi minna taħt liema regola rridu ngħixu, għax lil ħadd ma tiġi miċħuda l-għajnuna ta’ grazzja suffiċjenti. Ma jbeżżgħani xejn dan li jidher bħala abbandun. Jiena neżamina lili nnifsi b’mod iktar profond sabiex niskopri jekk dan hux it-tort tiegħi. Jekk dan mhux il-każ – mela jalla (l-Mulej) ikun imbierek!

 

 

1316.            1 ta’ Ottubru 1937. Binti, Jiena neħtieġ sagrifiċċju mwettaq bi mħabba, għax dan ifisser ħafna għalija. Tassew enormi huma d-djun lid-dinja għandha miegħi; erwieħ safja jistgħu jħallsuhom bis-sagrifiċċju tagħhom, billu juru ħniena fl-ispirtu.

 

 

1317.            Jiena qiegħda nifhem kliemek, Mulej, u l-kobor tal-ħniena li suppost tiddi ġewwa ruħi. Ġesu’: Naf, binti, li inti qiegħda tifhimha u li qiegħda twettaq dak kollu li jiddependi minnek. Imma ikteb dan għal dawk il-ħafna erwieħ li spiss jinkwetaw għax m’għandhomx il-mezzi materjali biex iwettqu atti ta’ ħniena. Imma ħniena spiritwali, li ma teħtieġx la permessi u lanqas imħażen, timmerita ħafna iktar u kull ruħ tista’ tippossediha. Jekk ruħ ma turix ħniena b’xi mod jew ieħor, hi ma takkwistax il-ħniena tiegħi f’jum il-ġudizzju. O, li kieku l-erwieħ kienu jafu kif jakkwistaw teżor etern għalihom infushom, ma jiġux iġġudikati, għax jantiċipaw il-ġudizzju Tiegħi bil-ħniena tagħhom.

 

 

1318.            10 ta’ Ottubru (1937). O, Ġesu’ tiegħi, b’radd ta’ ħajr għal ħafna grazzji Tiegħek, jiena noffrilek ġismi u ruħi, l-intellett u r-rieda, u s-sentimenti kollha ta’ qalbi. Permezz tal-voti, jiena nagħti lili nnifsi kompletament lilek; jiena mbagħad ma jibqagħli xejn iżjed li nista’ noffrilek. Ġesu’ qalli, Binti, għadek m’offrejtlix dak li tassew hu tiegħek. Bdejt ngħarbel sewwa ġewwa fija u sibt li jiena nħobb lil Alla bil-fakultajiet kollha ta’ ruħi u ma stajtx insib x’kienet dik il-ħaġa li kien għadni ma tajthilux lill-Mulej u staqsejtu, “Ġesu’, għidli x’inhi, u nagħtihielek mill-ewwel b’qalb ġeneruża.” Ġesu’ qalli bi tjubija, Binti, agħtini l-miżerja tiegħek, għax dik hi propjeta’ esklużiva tiegħek. F’dak il-waqt raġġ dawl dawwalli ruħi, u stajt nara l-abbiss sħiħ tal-miżerja tiegħi. F’dak l-istess waqt mort nitgeddes qrib il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ b’tant fiduċja li wkoll li kieku kelli d-dnubiet tal-ikkundannati kollha qegħdin jagħfsu fuq il-kuxjenza tiegħi, ma kontx niddubita mill-ħniena ta’ Alla imma b’qalb mgħaffġa trab, kont ninxteħet fl-abbiss tal-ħniena Tiegħek. Nemmen, O Ġesu’, li Inti ma kontx twarrabni imma kont taħfirli permezz tar-rappreżentant Tiegħek.

 

 

1319.            Int mitt, Ġesu’, imma minnek tnisslet il-ħajja għall-umanita’, li ħarġet tgelgel għall-erwieħ, u nfetaħ baħar ta’ ħniena għad-dinja kollha. O Għajn tal-Ħajja, Ħniena Divina bla qies, imla’ d-dinja kollha u ferra lilek innifsek fuqna.

 

 

1320.            Fit-tlieta (ta’ wara nofsinhar) itlob il-ħniena Tiegħi, l-iktar għall-midinbin; u, imqar għal ftit tal-ħin idħol fl-ispirtu tal-Passjoni Tiegħi, u b’mod speċjali fl-abbandun Tiegħi fil-mument tal-Agunija. Din hi s-siegħa ta’ ħniena kbira għad-dinja kollha. Jiena nippermettilek tidħol fid-dwejjaq Tiegħi tal-mewt. F’din is-siegħa, ma niċħad xejn lir-ruħ li titlobni xi ħaġa għall-merti tal-Passjoni Tiegħi . . .

 

 

+

Ġ.M.Ġ

 

1321.            Insellimlek, Qalb l-iktar ħanina ta’ Ġesu’,

Għajn ħajja tal-grazzji kollha,

L-uniku kenn, l-uniku rifuġju tagħna;

Fik jiena għandi d-dawl tat-tama.

 

Insellimlek, O Qalb ta’ Alla tiegħi li l-iktar tagħder,

Għajn ħajja ta’ mħabba bla tarf,

Li minnha toħroġ il-ħajja għall-bniedem midneb

U l-Għajn tal-ħlewwa kollha.

 

Insellimlek Ferita miftuħa tal-Qalb l-Iżjed Imqaddsa,

Li minnha ħarġu r-raġġi tal-ħniena

U li minnha ngħatalna li niġbdu l-ħajja

Permezz tal-fiduċja biss.

 

Insellimlek, tjubija ta’ Alla li ħadd ma jifhimha,

Li qatt ma tista’ titkejjel,

Mimlija, mħabba u ħniena għalkemm dejjem qaddisa,

Imma, bħal omm tajba, dejjem moħħok fina.

 

Insellimlek, tron ta’ Ħniena, Ħaruf  ta’ Alla,

Li tajt ħajtek f’sagrifiċċju għalija

Li quddiemu ċċekken lilha nfisha,

Filwaqt li tgħix b’fidi profonda.

 

 

(Tmiem ir-Raba’ Pitazz)

 

 

 

 

 

Swor Fawstina

tas-Sagrament Imqaddes

tal-Kongregazzjoni

tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena

 

Il-Ħames Pitazz

 

+

Ġ.M.Ġ

1322.            Id-dgħajsa ta’ ħajti miexja ġmielha

Fost dlam u dellijiet tallejl,

U ma nista’ nilmaħ l-ebda xatt;

Qiegħda nirkeb il-ħalel għoljin.

 

L-iċken tempesta biżżejjed biex negħreq;

Tiblagħli d-dgħajsa tiegħi fil-fond jobrom tal-baħar,

Li kieku Inti stess ma kontx qed jgħasses fuqi, O Alla,

F’kull waqt u mument ta’ ħajti.

 

Fost il-ħalel jagħmlu ħsejjes tal-biża’

Jiena nkompli nivjaġġa fil-paċi, bil-fiduċja,

U bħal tifla nħares fil-bogħod bla biża’,

Għax Inti, O Ġesu’, id-Dawl tiegħi.

 

Madwari kullimkien biża’ u twerwir,

Imma ġewwa ruħi hemm paċi iktar profonda mill-fond tal-baħar,

Għax dak li hu maqgħud miegħek, O Mulej, ma jintilifx,

Imħabbtek tiżgurani minn dan, O Alla.

 

Għalkemm ruxxmata periklu jinsabu madwari,

Minn l-ebda waħda minnhom ma nibża’, għax ħarsti fissa fuq is-sema mimli kwiekeb,

U jiena nissokkta ‘l quddiem kuraġġuża u ferħana,

Kif jixraq lill-qalb safja.

 

U jekk id-dgħajsa ta’ ħajti tinsab miexja hekk fil-paċi,

Dan minħabba ħaġa waħda bis fuq kollox:

Inti l-kaptan tiegħi, O Alla.

Dan jiena nistqarru bl-ikbar umilta’.

 

 

+

Ġ.M.Ġ

1323.            O Alla tiegħi, jiena nħobbok.

Swor Fawstina

tas-Sagrament Imqaddes.

 

 

Krakovja, 20 ta’ Ottubru 1937.

 

1324.            Ninxteħet quddiemek, O Ħobż tal-Anġli

B’fidi profonda, tama u mħabba

U mill-fond ta’ ruħi nagħtik qima,

Għalkemm jiena l-istess xejn.

 

Ninxteħet quddiemek, O Alla moħbi

U nħobbok b’qalbi kollha.

Il-veli tal-misteru m’humiex ostakli għalija;

Jiena nħobbok bħalma jħobbok il-magħżulin Tiegħek fil-ġenna.

 

Ninxteħet quddiemek, O Ħaruf ta’ Alla

Li tneħħi d-dnubiet ta’ ruħi,

Li jiena nirċievi f’qalbi kull filgħodu,

Inti li Inti l-għajnuna tiegħi.

 

 

+

Ġ.M.Ġ

Krakovja, 20 ta’ Ottubru 1937.   Il-ħames pitazz.

 

1325.            O Alla tiegħi, jalla kulma hu ġo fija jfaħħrek, Mulej u Ħallieq tiegħi; u b’kull taħbita ta’qalbi rrid infaħħar il-ħniena Tiegħek bla tarf. Irrid ngħarraf lill-erwieħ bit-tjubija Tiegħek u ninkuraġġihom biex jafdaw fil-ħniena Tiegħek. Din hi l-missjoni tiegħi, li Inti stess afdajtli f’idejja, O Mulej, f’din il-ħajja u f’dik li ġejja.

 

 

1326.            Illum qedgħin nibdew irtir ta’ tmint ijiem. (nota215) Ġesu’, Mgħallem tiegħi, għinni nagħmel dawn l-eżerċizzi ta’ dan l-irtir qaddis bl-ikbar ħeġġa possibbli. Jalla l-Ispirtu Tiegħek imexxini, O Alla, fl-ikbar profondita’ tal-għarfien Tiegħek, u tiegħi wkoll. Għax jiena nista’ inħobbok biss daqskemm nista’ nsir nafek. U nsir nobgħod lili nnifsi biss daqskemm insir naf il-miżerja tiegħi. Jiena naf, Mulej, li Inti m’intix ser tiċħadli l-għajnuna Tiegħek. Nixtieq nispiċċa dan l-irtir bħala qaddisa, ukoll jekk l-għajnejn tal-bnedmin ma jindunawx b’din il-ħaġa, lanqas għajnejn is-superjuri. Nintelaq kollni kemm jien fil-ħidma tal-grazzja Tiegħek. Ħalli r-rieda Tiegħek titwettaq bis-sħiħ fija, O Mulej.

 

 

1327.            L-ewwel jum. Ġesu’: Binti, dan l-irtir ser ikun kontemplazzjoni bla waqfien. Jiena ser nieħdok f’dan l-irtir bħal f’bankett spiritwali. Qrib il-Qalb ħanina tiegħi, inti timmedita fuq il-grazzji kollha li qalbek irċeviet, u paċi profonda takkumpanjalek ruħek. Jiena rrid li l-għajnejn ta’ ruħek ikunu dejjem fissi fuq ir-rieda qaddisa Tiegħi, għax b’dan il-mod int togħġobni l-iktar. L-ebda sagrifiċċju ma jista’ jħabbatha ma’ din il-ħaġa. Matul l-eżerċizzi kollha inti tibqa’ qrib ta’ qalbi. Inti ma tagħmel l-ebda tibdil, għax Jiena niddisponi minn ħajtek kollha skont ma jogħġob lili. Is-saċerdot li jagħmel l-irtir ma jgħid l-ebda kelma li tinkwetak.

 

 

1328.            Ġesu’ tiegħi, diġa’ għamilt żewġ meditazzjonijiet, u nista’ nagħraf, permezz tagħhom, li kulma Inti għidt hu veru. Qiegħda nħoss paċi profonda, u din il-paċi ħierġa mix-xhieda tal-kuxjenza tiegħi; jiġifieri, li jiena qiegħda nagħmel dejjem ir-rieda Tiegħek, O Mulej.

 

 

1329.            Waqt il-meditazzjoni fuq l-iskop tal-bniedem, jiena fhimt li din il-verita’ tinsab ankrata fil-fond ta’ ruħi, u li l-għemejjel tiegħi, għalhekk, huma iżjed perfetti. Jiena naf għaliex ġejt maħluqa. Il-ħlejjaq, kollha kemm huma flimkien, ma jistgħux jieħdu post il-Ħallieq tiegħi. Jiena naf li Alla hu l-iskop aħħari tiegħi u għalhekk, f’kulma nagħmel, l-ewwel naħseb f’Alla.

 

 

1330.            + O, kemm hi ħaġa ta’ fejda tagħmel irtir qrib il-Qalb l-iżjed ħelwa ta’ Alla tiegħi. Ninsab fid-deżert flimkien mal-Maħbub tiegħi. Ħadd ma jinterrompi d-djalogu ħelu tiegħi Miegħu.

 

 

1331.            Ġesu’, Inti stess indenjajt ruħek tpoġġi s-sisien tal-qdusija tiegħi, għax ma tantx kien hemm ko-operazzjoni min-naħa tiegħi. Inti għallimnti ma’ nagħtix kas tal-użu u tal-għażla tal-ħlejjaq għax qalbi, minnha nfisha, hi daqshekk dgħajfa. U għalhekk tlabtek, O Mgħallem tiegħi, li ma tagħtix kas tal-uġigħ ta’ qalbi, imma li tneħħi dak li jista’ jżommni lura mit-triq tal-imħabba. Ma fhimtekx, Mulej, fi żminijiet ta’ niket, meta Inti kont qed twettaq xogħlok f’ruħi; imma llum jiena qiegħda nifhmek u nifraħ fl-ispirtu ħieles tiegħi. Ġesu’ stess ra li qalbi ma tinqabadx fin-nases tal-ebda passjoni. Sirt naf tajjeb minn liema perikli Hu ħelisni, u għalhekk ma nistax nieqaf irrodd ħajr lil Alla.

 

 

1332.            It-tieni jum. Filwaqt li kont qiegħda nimmedita fuq id-dnub tal-Anġli u l-kastig immedjat tagħhom, jiena staqsejt lil Ġesu’ għaliex l-Anġli kienu ġew ikkastigati malli dinbu. Smajt vuċi: Minħabba l-għarfien profond ta’ Alla li huma kellhom. L-ebda bniedem fl-art, għalkemm ikun qaddis kbir, m’għandu għarfien ta’ Alla bħalma għandu Anġlu. Madankollu, lili, li jiena daqshekk miżerabbli, Inti wrejtni l-ħniena Tiegħek, O Alla, u din il-ħaġa Inti għamiltha ħafna drabi, Inti qed iġġorni fi ħdan il-ħniena Tiegħek u taħfirli kull darba li jiena nitlob il-maħfra Tiegħek b’qalb niedma.

 

 

1333.            Hemm skiet profond madwar ruħi. M’hemm l-ebda sħaba tgħattili x-xemx. Inpoġġi lili nnifsi kompletament miftuħa biex nilqa’ r-raġġi tagħha, sabiex imħabbtu tkun tista’ twettaq bidla sħiħa fija. Irrid nispiċċa dan l-irtir bħala qaddisa u dan, minkejja kollox; jiġifieri, minkejja l-miżerja tiegħi, irrid insir qaddisa, u għandi fiduċja li l-ħniena ta’ Alla tista’ tagħmel qaddisa, wkoll minn miżerja bħalma jiena jien, għax għandi rieda tajba assoluta. Minkejja d-disfatti tiegħi kollha, irrid inkompli niġġieled bħal ruħ qaddisa u nġib ruħi bħal ruħ qaddisa. Xejn m’hu ser jiskoraġġini, bħalma xejn ma jista’ jiskoraġġixxi ruħ li hi qaddisa. Irrid ngħix u mmut bħal ruħ qaddisa, b’għajnejja fissi fuqek. Ġesu’, minxur fuq is-Salib, bħala mudell għall-ħidmiet tiegħi. Kont inħobb inħares madwari għall-eżempji u qatt ma sibt xejn li kien biżżejjed, u nnotajt li l-istat tal-qdusija tiegħi kien qisu qed imajna. Imma minn issa ‘l quddiem, għajnejja fissi fuqek, O Kristu, li Inti għalija l-aqwa gwida. Jiena ninsab fiduċjuża li Inti ser tbierek l-isforzi tiegħi.

 

 

1334.            + Fil-meditazzjoni fuq id-dnub, il-Mulej urieni l-malizzja kollha tad-dnub u l-ingratitudni li hemm fih. Inħoss ġewwa ruħi stmerrija kbira anke għall-iċken dnub. Iżda, il-veritajiet eterni li kont qiegħda nimmedita fuqhom ma jġibux lanqas dell ta’ inkwiet jew nuqqas ta’ paċi f’ruħi. U għalkemm huma ħafna importanti għalija, il-kontemplazzjoni tiegħi ma ssofri l-ebda waqfien minħabba fihom. F’din il-kontemplazzjoni, ma nħossx emozzjonijiet ta’ estasi f’qalbi, imma paċi profonda u skiet tal-għaġeb. Għalkemm imħabbti hi kbira, inħoss bilanċ straordinarju. Ukoll meta nitqarben ma nistax ngħid li nħoss xi ħaġa, imma dan iwassalni għal għaqda profonda fejn imħabbti u l-imħabba ta’ Alla jingħaqdu flimkien bħal ħaġa waħda.

 

 

1335.            + Ġesu’ qalli li għandi nitlob għas-sorijiet li qed jagħmlu l-irtir.  Waqt it-talb, sirt naf bit-taqbida li xi wħud  minnhom kienu għaddejin minnha, u rdoppjajt it-talb tiegħi.

 

 

1336.            + F’dan is-skiet profond, inkun nista’ niġġudika aħjar l-istat ta’ ruħi. Ruħi hi bħal ilma ċar fejn nista’ nara kollox: kemm il-miżerja tiegħi kif ukoll l-immensita’ tal-grazzji ta’ Alla. U minħabba dan l-għarfien veru tiegħu stess, l-ispirtu tiegħi jissaħħaħ f’umilta’ profonda. Nesponi qalbi għall-ħidma tal-grazzja Tiegħek bħal kristall espost għar-raġġi tax-xemx. Jalla x-xbieha Tiegħek tiġi riflessa fiha, O Alla tiegħi, sakemm hu possibli għaliha li tiġi rifless fil-qalb ta’ ħlejqa. Ħalli d-divinita’ Tiegħek tirrifletti minn ġewwa fija, O Inti li tgħammar ġewwa ruħi.

 

 

1337.            X’ħin kont qiegħda nitlob quddiem is-Sagrament Imqaddes u kont qiegħda nsellem il-ħames pjagi ta’ Ġesu’, ma kull tislima ħassejt xmara ta’ grazzji nieżla tgelgel ġewwa ruħi, tagħtini tomgħa minn qabel tal-ġenna u fiduċja assoluta fil-ħniena ta’ Alla.

 

 

1338.            Filwaqt li qiegħda nikteb dan il-kliem, smajt l-għajta ta’ Satana: “Qiegħda tikteb kollox, qiegħda tikteb kollox, u minħabba f’hekk qed nitilfu ħafna! Tiktibx fuq it-tjubija ta’ Alla; Huwa ġust!” U beda jgħajjat u jwerżaq bil-korla li kellu, imbagħad għeb.

 

 

1339.            O Alla ħanin, Inti ma tistmerriniex, imma l-ħin kollu titfa’ fuqna l-grazzji tiegħek bl-abbundanza. Int tagħmilna denji li nidħlu fis-saltna Tiegħek, u fit-tjubija Tiegħek Inti tikkonċedi li l-bnedmin jimlew il-postijiet li l-anġli ingrati ħallew vojta. O Alla ta’ ħniena kbira, li dawwart il-ħarsa qaddisa Tiegħek mill-anġli ribelli għal fuq il-bniedem niedem, tifħir u glorja lill-ħniena Tiegħek bla tarf, O Alla li ma tistmerrx il-qalb umli.

 

 

1340.            Ġesu’ tiegħi, minkejja dawn il-grazzji li inti tibgħat fuqi, inħoss li n-natura tiegħi, għalkemm hi merfugħa ‘l fuq, mhix imsikkta għal kollox; u għalhekk nibqa’ nishar il-ħin kollu. Jeħtieġ nissielet kontra ħafna difetti; naf tajjeb li mhix it-taqbida li tbaxxi lill-bniedem, imma l-biża’ u l-falliment.

 

 

1341.            Meta bniedem ma tantx ikun b’saħħtu, ikollu jissaporti ħafna affarijiet. Għax meta wieħed ikun marid, imma mhux fis-sodda, ma jkunx ikkunsidrat li hu marid. Għal ħafna raġunijiet, mela, hemm okkażjonijiet il-ħin kollu għal sagrifiċċji, u xi drabi sagrifiċċji kbar. Jiena qiegħda nifhem issa li ħafna affarijiet jiġu rivelati biss fl-eternita’. Imma nista’ nifhem ukoll li jekk Alla jitlob sagrifiċċju, ma jżommx lura l-grazzja Tiegħu, imma jagħtiha lir-ruħ b’abbundanza.

 

 

1342.            Ġesu’ Tiegħi, filwaqt li nitolbok bil-ħerqa ikollok ħniena mill-erwieħ, ħalli s-sagrifiċċju tiegħi jaqbad quddiem it-tron Tiegħek fi skiet totali, imma bil-qawwa kollha tal-imħabba.

 

 

1343.            It-tielet jum. Fil-meditazzjoni fuq il-mewt, ħejjejt ruħi bħallikieku għall-mewt vera. Eżaminajt il-kuxjenza tiegħi u fittixt fl-affarijiet tiegħi kollha kif il-mewt bdiet riesqa, u grazzi għall-grazzja Tiegħek, l-affarijiet tiegħi kienu indirizzati lejn dak l-iskop aħħari. Dan imlieli qalbi bi gratitudni kbira lejn Alla, u ddeċidejt li nservi lil Alla tiegħi b’fedelta’ ikbar fil-ġejjieni. Ħaġa waħda biss hemm bżonn: immewwet il-bniedem il-qadim ġewwa fija u nerġa’ nibda ħajja ġdida. Filgħodu, ħejjejt ruħi biex nitqarben bħallikieku din kienet l-aħħar Tqarbina ta’ ħajti, u wara li tqarbint ġibt quddiem l-għajnejn ta’ ruħi l-mewta tiegħi li għad trid isseħħ fiż-żgur, u għidt it-talb tal-moribondi u mbagħad id-De Profundis għal ruħi stess. Ġismi tniżżel fil-qabar, u jiena għidt lil ruħi, “Ara x’ġara minn ġismek, gozz trab mimli dud – dak hu wirtek.”

 

 

1344.            O Alla ħanin, li għadek tippermettili ngħix, agħtini s-saħħa biex ngħix ħajja ġdida, il-ħajja tal-ispirtu, li fuqha l-mewt m’għandha l-ebda ħakma. U ma’ dan il-kliem, qalbi ġiet imġedda, u bdejt ngħix ħajja ġdida filwaqt li għadni hawn fl-art, ħajja mimlija mħabba ta’ Alla. Madankollu, ma nistax ninsa li jiena l-istess dgħjufija, għalkemm ma nistax niddubita lanqas għal waqt wieħed li jiena ser ikolli l-għajnuna tal-grazzja Tiegħek, O Alla.

 

 

1345.            + Ir-raba’ jum. O Ġesu’ ħassejtni tassew tajba, b’mod straordinarju, qrib il-Qalb tiegħek, matul dan l-irtir. Xejn ma jtellef il-profondita’ tal-paċi tiegħi. B’għajn waħda inħares lejn l-abbiss tal-miżerja tiegħi u bl-oħra, lejn l-abbiss tal-ħniena Tiegħek.

 

 

1346.            Waqt il-Quddiesa, li qaddisha Patri Andrasz, rajt lill-Bambin Ġesu’ li b’idejh miftuħin lejna, kien bilqiegħda fil-kalċi li kien qed jintuża fil-Quddiesa. Wara li ħares fiss lejja b’mod li ħarstu nifditni, Huwa qal dan il-kliem: Bħalma qed tarani f’dan il-kalċi, hekk Jiena ngħammar ġewwa qalbek.

 

 

1347.            + Il-Qrar. Wara li tajt rendikont skont il-kuxjenza tiegħi, ingħatajt il-permess li kont tlabt, li nilbes il-brazzuletta (oġġetti tal-ħadid li kienu jintużaw għall-penitenza) għal nofs siegħa kuljum waqt il-Quddiesa, u fi żminijiet ta’ diffikulta’, nilbes iċ-ċilizju għal sagħtejn. (Is-saċerdot qalli,) “Sor, ippersevera f’din il-fedelta’ kbira lejn il-Mulej Ġesu’.”

 

 

1348.            Il-ħames jum. X’ħin dħalt fil-kappella dalgħodu, sirt naf li l-Madre Superjura kellha xi nkwiet minħabba fija. Din il-ħaġa weġġgħatni ħafna. Wara t-Tqarbin, mejjilt rasi fuq il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ u għidtlu, “O Mulejja, nitolbok bil-ħerqa, ippermetti li l-konsolazzjoni kollha li jiena qiegħda nħoss permezz tal-preżenza Tiegħek ġewwa qalbi tiġi mferrgħa fir-ruħ tal-għażiża Madre Superjura tiegħi, li minħabba fija kellha xi nkwiet, u dan mhux għax ridt jiena.”

 

 

1349.            Ġesu’ farraġni u qalli li l-erwieħ tagħna t-tnejn kienu approfittaw minn dan. Imma jiena tlabt bil-ħerqa lill-Mulej, jekk jogħġbu, jeħlisni milli nkun l-okkażjoni ta’ tbatija għal xi ħadd, għax qalbi ma kenitx tiflaħha din il-ħaġa. 

 

 

1350.            O Ostja bajda, Inti żżommli ruħi bajda; nibża’ minn dak il-jum meta jiena forsi nitbiegħed minnek. Inti l-Ħobż tal-Anġli u għalhekk ukoll il-Ħobż tal-Verġni.

 

 

1351.            Ġesu’, il-mudell l-aktar perfett tiegħi, b’għajnejja fissi fuqek, ngħaddi ħajti nimxi fil-passi Tiegħek, nadatta n-natura għall-grazzja skont ir-rieda qaddisa Tiegħek u skont id-Dawl Tiegħek li jdawwalli ruħi, filwaqt li nafda bis-sħiħ fl-għajnuna Tiegħek.

 

 

+

Ġ.M.Ġ

1352.            Mappa ta’ kontroll interjuri (nota216)

Eżami partikulari.

 

Għaqda ma’ Kristu ħanin. Għax jiena maqgħuda ma’ Ġesu’, irrid inkun fidila dejjem u kullimkien, u rrid inkun maqgħuda minn ġewwa mal-Mulej. Filwaqt li minn barra nosserva r-regola bil-fedelta’, speċjalment dik tas-skiet.

 

 

1353.            Novembru     rebħiet 53     disfatti 2

Diċembru         “     104           “     -

Jannar               “      78           “      1

Frar                  “       59           “      1

Marzu              “       61

April               

Mejju

Ġunju

Lulju

Awwissu

Settembru

Otturbu

 

 

1354.            Meta f’xi okkażjoni ma nkunx żgura x’għandi nagħmel, dejjem nistaqsi l-Imħabba. Hi tagħtini l-aħjar parir.

 

 

1355.            Eżami Ġenerali tal-Kuxjenza, 25 ta’ Ottubru 1937

 

 

 

 

 

Rebħiet                                                                                       Disfatti

Nov  Diċ  Jan  Frar  Mar         Apr    

XI     XII     I     II     III    IV

          Kmandamenti ta’ Alla

Voti-Poverta’                                                   9

Voti-Kastita’                                                    7

Voti-Ubbidjenza                                27            7

Regoli                                                7

Imħabba tal-proxxmu             38   17    73    35    30    20    1,1,1,

Umilta’                                      7    39    23    34    56    25     2,3,1,1,6

Paċenzja                                   23   56    50    17    80    50

Skiet                                         11   45    37    28    37    20

Fama tajba tal-proxxmu                     15    25    3      1      1

Quddiesa u Tqarbin                 17   12    13    7      10            6,2,1,12

 1,(12)

          Meditazjoni                                         6     5             10

Eżami Partikulari                                7     5     11                                      1

Attitudni: Lejn Alla

u l-Konfessur                             5                    5

lejn is-Superjuri                         7                                            1,1

lejn Sorijiet / Studenti                       4      7

lejn lajċi                                     20   2                                       2,1

 

 

1356.            Is-sitt jum. O Alla tiegħi, jiena ninsab lesta li naċċetta r-rieda Tiegħek f’kull dettal, ikun x’ikun. Tmexxini kif tmexxini, jiena nbierkek. Titlob x’titlob mingħandi, jiena nagħmlu bl-għajnuna tal-grazzja Tiegħek. Tkun xi tkun ir-rieda qaddisa Tiegħek, għalija, jiena naċċettaha b’qalbi u b’ruħi kollha, u ma nagħtix kas dak li tgħidli n-natura mħassra Tiegħi.

 

 

1357.            Darba, meta kont għaddejja minn ħdejn grupp ta’ nies, staqsejt lill-Mulej jekk kinux kollha fi stat ta’ grazzja, għax ma kontx qiegħda nħoss it-tbatijiet Tiegħu. Għax inti m’intix tħoss it-tbatijiet Tiegħi, dan ma jfissirx li kollha jinsabu fi stat ta’ grazzja. Xi kultant, nippermettilek tkun konxja tal-istat ta’ ċerti erwieħ, u nagħtik il-grazzja li tbati sempliċiment għax inkun irrid nużak bħala strument għall-konverżjoni tagħhom.

 

 

1358.            Fejn hemm virtu’ ġenwina, irid ikun hemm ukoll is-sagrifiċċju; il-ħajja ta’ dak li jkun trid tkun kollha kemm hi sagrifiċċju. Permezz tas-sagrifiċċju biss l-erwieħ jistgħu jkunu ta’ ġid. Is-sagrifiċċju tiegħi nnifsi, fir-relazzjoni tiegħi mal-proxxmu, jista’ jagħti glorja lil Alla, imma l-imħabba ta’ Alla trid tgħaddi minn ġo dan is-sagrifiċċju, għax kollox jinsab miġbur f’din l-imħabba u jiġbed il-valur tiegħu minnha.

 

 

1359.            Żomm f’moħħok li meta inti tispiċċa dan l-irtir, Jiena ser nimxi miegħek bħalma nagħmel ma’ ruħ perfetta. Irrid inżommok f’idi bħala għodda li tista’ tużaha, adattata b’mod perfett għat-twettiq tal-opri Tiegħi.

 

 

1360.            O Mulej, Inti tinfidni kollni kemm jiena u tidħol sa ġol-fond l-iktar sigriet ta’ ruħi Inti tista’ tara li jiena nixtieq lilek biss u nixxennaq biss għat-twettiq tar-rieda qaddisa Tiegħek, u ma nagħti l-ebda kas ta’ diffikultajiet jew tbatijiet jew umiljazzjonijiet jew x’jistgħu jaħsbu l-oħrajn dwari.

 

 

1361.            Din ir-riżoluzzjoni ferma li ssir qaddisa togħġobni ħafna lili. Jiena Nbierek l-isforzi tiegħek u ser nagħtik opportunitajiet sabiex Inti titqaddes. Oqgħod attenta li ma titlef l-ebda ċans li l-providenza Tiegħi toffrilek sabiex inti titqaddes. Jekk ma jirnexxilekx tikseb ġid spiritwali minn xi opportunita’, m’għandekx titlef il-paċi tiegħek, imma umilja ruħek profondament quddiemi u, b’fiduċja kbira, intefa’ kompletament fil-ħniena Tiegħi. B’dan il-mod, inti takkwista iżjed milli tkun tlift, għax tingħata iktar grazzja lil ruħ umli milli dik ir-ruħ tista’ titlob għaliha stess ...

 

 

1362.            Is-seba’ jum. Sirt naf x’inhu d-destin tiegħi: jiġifieri, għandi ċertezza ġewwa fija li ser insir qaddisa. Din il-konvinzjoni profonda mlietli ruħi bi gratitudni lejn Alla, u jiena raddejt lura l-glorja kollha lil Alla, għax naf wisq tajjeb x’niswa minni nnifsi.

 

 

1363.            Qed nispiċċa dan l-irtir mibdula kompletament mill-imħabba ta’ Alla. Ruħi qiegħda tibda ħajja ġdida, bil-ħeġġa u bil-kuraġġ; għalkemm minn barra ħajti mhix sejra tinbidel, u ħadd m’hu ser jinduna, iżda xorta waħda, imħabba safja (issa) hi l-gwida ta’ ħajti u, esternament, il-ħniena hi l-frott tagħha. Inħoss li ġejt mimlija għal kollox b’Alla u, flimkien ma’ dan Alla, jiena sejra lura għall-ħajja tiegħi ta’ kuljum, tant komuni, monotona u mimlija għeja, fiduċjuża li Dak li jiena nħossu ġewwa qalbi għad ibiddel din il-monotonija fil-qdusija personali tiegħi.

 

Fi skiet profond, qrib il-Qalb ħanina Tiegħek, ruħi qiegħda timmatura matul dan l-irtir. Fir-raġġi ċari ta’ mħabbtek, ruħi tilfet it-tomgħa qarsa tagħha u saret frotta ħelwa u misjura.

 

 

1364.            Issa nista’ nkun użu sħiħ għall-Knisja permezz tal-qdusija personali tiegħi, li qiegħda tħabbat mimlija ħajja fil-Knisja kollha, għax ilkoll kemm aħna nagħmlu ġisem wieħed f’Ġesu’. Għalhekk jiena qiegħda nipprova nagħmel mod li l-ħamrija tal-qalb tiegħi tagħmel frott tajjeb. Għalkemm l-għajn tal-bniedem forsi qatt m’hi ser tasal li tara din il-ħaġa, imma xorta waħda għad jasal jum meta tkun ħaġa ċara li din il-frotta kienet qiegħda tmantni ħafna erwieħ u għad tkompli tmantinhom.

 

 

1365.            O Mħabba Eterna, li tħeġġeġ ħajja ġdida ġewwa fija, ħajja mimlija mħabba u ħniena, għinni permezz tal-grazzja Tiegħek, sabiex inkun nista’ nwieġeb denjament għas-sejħa Tiegħek, sabiex dak li Inti stess ippjanajt li twettaq fl-erwieħ permezz tiegħi, iseħħ tassew.

 

Alla tiegħi, qiegħda nara d-dija ta’ żerniq etern. Ruħi kollha titlaq tiġri għal għandek, O Mulej; xejn iżjed ma jista’ jżommni lura, xejn ma jista’ jorbotni mal-art. Għinni, O Mulej, nissaporti l-bqija ta’ ħajti bil-paċenzja. Is-sagrifiċċju ta’ mħabbti qed jaqbad bla heda quddiem il-Majesta’ Tiegħek, imma tant fis-skiet li l-għajnejn divini Tiegħek biss jistgħu jarawh, O Alla, u l-ebda ħlejqa oħra m’hi kapaċi tarah.

 

 

1366.            O Mulejja, għalkemm hemm tant affarijiet qegħdin iżommuni okkupata, għalkemm din l-opra hi verament għal qalbi, għalkemm jiena nixtieq it-trijonf tal-Knisja u s-salvazzjoni tal-erwieħ, għalkemm il-persekuzzjonijiet kollha tal-fidili Tiegħek jaffettwawni, għalkemm il-waqgħa ta’ kull ruħ tweġġagħli qalbi, imma lil hinn u ‘l fuq minn dan kollu, xorta waħda għandi paċi profonda ġewwa ruħi li ma jistgħux jiddisturbawha la trijonfi, la x-xewqat, lanqas il-kuntrarju għax, għalija, Inti tinsab ‘il fuq minn kull dispensa, Mulejja u Alla tiegħi.

 

 

1367.            It-tmien jum. O Mulejja, filwaqt li qgħadt niftakar fil-barkiet kollha Tiegħek, fil-preżenza tal-Qalb l-iżjed Qaddisa Tiegħek, ħassejt il-bżonn li nkun grata b’mod partikulari għal tant grazzji u barkiet ġejjin mingħand Alla. Irrid nintefa’ f’att ta’ radd il-ħajr quddiem il-Majesta’ ta’ Alla u nibqa’ għaddejja f’din it-talba ta’ radd il-ħajr għal sebat ijiem u seba’ iljieli; u għalkemm minn barra nibqa’ nwettaq id-dmirijiet kollha tiegħi, l-ispirtu tiegħi xorta waħda jibqa’ wieqaf il-ħin kollu quddiem il-Mulej, u l-eżerċizzi tiegħi kollha jimtlew bl-ispirtu ta’ radd il-ħajr. Kull filgħaxija, noqgħod għarkobbtejja għal nofs siegħa fiċ-ċella tiegħi; waħdi mal-Mulej. Kull darba li nistenbaħ bil-lejl, nintefa’ kompletament f’talba ta’ radd il-ħajr. B’dan il-mod irrid inpatti, almenu b’xi mod żgħir, għall-immensita’ tal-barkiet ta’ Alla.

 

 

1368.            Iżda, sabiex dan kollu nagħmlu jogħġob iktar lil għajnejn Alla u nneħħi kull ħjiel ta’ dubju minn moħħi, mort għand id-direttur spiritwali tiegħi (Patri Andrasz) u wrejtu dawn ix-xewqat ta’ ruħi; jiġifieri, ix-xewqa li niġi mgħaddsa f’ringrazzjament bħal dan. Irċevejt il-permess għal kollox, ħlief li ma kellix nisforza lili nnifsi li noqgħod nitlob bil-lejl jekk nistenbaħ.

 

 

1369.            B’liema ferħ kbir mort lura l-kunvent! U l-għada bdejt dan l-att kbir ta’ radd il-ħajr billi ġeddidt il-voti tiegħi. Ruħi għerqet għal kollox f’Alla, u ħarġet minn ġo fija kollni kemm jiena fjamma waħda ta’ gratitudni u radd il-ħajr lil Alla. Ma kienx hemm ħafna kliem, għax il-barkiet ta’ Alla, bħal nar qawwi, ikkonsmawli ruħi, u t-tbatijiet u d-dwejjaq kollha kienu bħal injam mitfugħ fil-fjammi, li mingħajrhom in-nar kien jintefa’. Sejjaħt is-sema u l-art kollha biex jingħaqdu miegħi fl-att tiegħi ta’ radd il-ħajr.

 

 

1370.            L-irtir spiċċa, dawk il-ġranet sbieħ meta kont nitkellem waħdi mal-Mulej Ġesu’. Dan l-irtir għamiltu b’mod li Ġesu’ riedni nagħmlu, u bħalma kien qalli fl-ewwel jum tal-irtir; jiġifieri, f’paċi profonda qgħadt nimmedita fuq il-barkiet ta’ Alla. Qatt qabel ma kont għamilt irtir bħal dan. Ruħi ssaħħet b’mod iktar profond b’din il-paċi milli kieku b’xi ċaqliq jew emozzjonijiet. Fir-raġġi tal-imħabba, stajt nara kollox preċiż kif inhu.

 

Meta ħriġt mill-irtir, ħassejtni mibdula għal kollox bl-imħabba ta’ Alla.

 

 

1371.            O Mulej, idivinizza l-azzjonijiet tiegħi sabiex jimmeritaw l-eternita’; għalkemm id-dgħjufija tiegħi hi kbira, jiena nafda fil-qawwa tal-grazzja Tiegħek, li żżommni.

 

 

1372.            Ġesu’ tiegħi, Inti taf li, sa minn ċkuniti jiena ridt insir qaddisa kbira; jiġifieri, jiena ridt inħobbok bi mħabba daqstant kbira li ma jkun hemm ħadd iżjed li jkun ħabbek daqshekk s’issa. Għall-ewwel dawn ix-xewqat tiegħi żammejthom sigrieti, u Ġesu’ biss kien jaf bihom. Imma llum ma nistax inżommhom ġewwa qalbi; nixtieq nagħajjt lid-dinja kollha, “Ħobbu lil Alla, għax Hu tajjeb u kbira hi l-ħniena Tiegħu!”

 

 

1373.            O jiem tas-soltu li ma fihom xejn speċjali, mimlijin dlam, jiena nħares lejkom b’għajnejn solenni u ta’ festa. Kemm hu kbir u solenni ż-żmien li jagħtina ċans niġbru l-merti li neħtieġu għall-ġenna eterna! Jiena nista’ nifhem x’użu għamlu l-qaddisin minnu.

 

 

1374.            30 ta’ Ottubru 1937. Illum, waqt iċ-ċerimonji (nota217) reliġjużi li jseħħu waqt il-Quddiesa, u t-tieni jum ta’ radd il-ħajr, rajt lill-Mulej Ġesu’ sabiħ ferm, u Hu qalli, Binti, ma ħlistekx milli tkompli taħdem. Jiena weġibt, “Mulej, idi dgħajfa wisq għal xogħol bħal dan.” Iva, Jiena nafu dan; imma flimkien ma’ idi l-leminija inti għad twettaq kollox. Xorta waħda, iżda, kun ubbidjenti, kun ubbidjenti lejn il-konfessuri. Jiena nagħtihom id-dawl kif imexxuk. “Mulej, jiena diġa’ ridt nibda l-opra f’Ismek, imma Dun S. ikompli jittrattieni.” Ġesu’ weġibni, Jiena dan nafu; mela agħmel biss dak li inti tista’ tagħmel, imma qatt m’għandek tieqaf mill-isforzi tiegħek.

 

 

1375.            1 ta’ Novembru 1937.

 

Wara l-Vespri, llum, kien hemm purċissjoni għaċ-ċimiterju. Jiena ma stajtx immur, għax kont qiegħda għassa mal-kanċell. Imma dan ma żammnix milli nitlob għall-erwieħ. Hekk kif il-purċissjoni kienet ġejja lura miċ-ċimiterju lejn il-kappella, ruħi ħasset il-preżenza ta’ ħafna erwieħ. Fhimt kemm hi kbira l-ġustizzja ta’ Alla, kif kull waħda kellha tħallas id-dejn sal-aħħar ċenteżmu.

 

 

1376.            Il-Mulej tani okkażjoni li nuża l-paċenzja permezz ta’ ċerta persuna li flimkien magħha rrid nagħmel ċertu xogħol. Hi tagħmel kollox iktar bil-mod minn kulħadd. Wieħed irid jarma ruħu bil-paċenzja kbira sabiex joqgħod jisma’ dak li tkun qiegħda tgħid li ma jinteressa lil ħadd.

 

 

1377.            5 ta’ Novembru. Dalgħodu ġew ħdejn il-bieb tagħna ħamest irġiel li m’għandhomx xogħol u baqgħu jinsistu li ndaħħalhom. X’ħin Swor N. kienet damet targumenta magħhom għal xi żmien u ma rnexxilhiex tkeċċihom, imbagħad ġiet fil-kappella biex issib lill-Madre (Irene), li qalet lili mmur hemm.  X’ħin kien għadni ‘l bogħod mhux ħażin mill-bieb, stajt nismagħhom iħabbtu u jagħmlu l-istorbju. Għall-ewwel kienu ser jaħkmuni d-dubju u l-biża’, u ma stajtx niddeċiedi jekk kellix niftaħ il-kanċell jew nagħmel bħal Swor. N, inweġibhom mit-tieqa żgħira. Imma f’daqqa waħda smajt vuċi f’ruħi tgħidli, Mur u iftaħ il-kanċell u kellimhom bil-ħlewwa bħalma tkellem Lili.

 

Ftaħt il-kanċell fil-pront u rsaqt lejn dak li l-iktar kien jidher ibeżżgħak u bdejt nitkellem magħhom b’tant ħlewwa u kalma li ma kinux jafu x’ser jaqbdu jagħmlu bihom infushom. U huma wkoll bdew jitkellmu bil-ġentilezza u qalu, “Mela, m’hemmx x’tagħmel la l-kunvent ma jistax jagħtina x-xogħol.” U telqu ‘l hemm fil-kwiet. Jiena ħassejt b’mod ċar li Ġesu’, li jiena kont irċevejt fit-Tqarbin siegħa qabel biss, kien ħadem fil-qlub tagħhom permezz tiegħi. O, kemm hi ħaġa tajba li wieħed jaħdem fuq l-ispirazzjoni ta’ Alla!

 

 

1378.            Illum ħassejtni agħar, u mort għand il-Madre Superjura bl-intenzjoni li nitlobha l-permess noqgħod fis-sodda. Iżda, qabel ma stajt nitlobha permess, il-Madre Superjura qaltli: “Sor, ara kif tagħmel oqgħod waħdek mal-kanċell, għax lit-tifla ser neħodha taħdem fl-għalqa tal-kaboċċi, għax m’hemm ħadd iktar biex jaħdem hemm.” Jiena għidt – tajjeb, u tlaqt mill-kamra. X’ħin wasalt fejn il-kanċell, ħassejtni f’saħħti mhux bħas-soltu, u qgħadt hemm nagħmel dmiri l-jum kollu u ħassejtni tajba. Kelli esperjenza qawwija li għandha x’tqsam mal-ubbidjenza qaddisa.

 

 

1379.            10 ta’ Novembru, (1937). X’ħin il-Madre (Irene) wrietni l-ktejjeb bil-kurunella, il-litanija u n-novena, tlabtha tħallini narah. Kif kont qiegħda nħares lejh, Ġesu’ tani x’nifhem ġewwa fija: Diġa’ hemm ħafna erwieħ li nġibdu lejn imħabbti permezz ta’ din ix-xbieha. Il-ħniena Tiegħi taħdem fl-erwieħ permezz ta’ din l-opra. Sirt naf li ħafna erwieħ kienu għaddew mill-esperjenza tal-grazzja ta’ Alla.

 

 

1380.            Sirt naf li l-Madre Superjura kien ser ikollha salib tqil mhux ħażin xi ġġorr, flimkien ma’ tbatija fiżika, imma din ma kellhiex iddum ħafna. (nota218)

 

 

1381.            + Ġieni f’moħħi nieħu l-mediċina, mhux mgħarfa mgħarfa, imma ftit ferm kull darba, għax kienet tqum ħafna flus. Fil-pront, smajt vuċi, Binti, aġir bħal dan ma jogħġobnix. Aċċetta bil-qalb it-tajba dak kollu li Jiena nagħtik permezz tas-superjuri, u b’dan il-mod togħġobni iżjed.

 

 

1382.            X’ħin mietet Swor Dominic (nota219) f’xi s-siegħa ta’ billejl, ġiet għandi u tatni x’nifhem li kienet mietet. Jiena tlabt għaliha bil-ħerqa. Filgħodu, is-sorijiet qaluli li ma kenitx għadha ħajja, u jiena weġibthom li kont naf, għax kienet ġiet iżżurni. Is-soru tal-infermerija (Swor Chrysostom) talbitni ngħinna tlibbisha. U mbagħad x’ħin kont waħdi magħha, il-Mulej għarrafni li kienet qiegħda tbati fil-Purgatorju. Irdoppjajt it-talb tiegħi għaliha. Iżda, minkejja l-ħeġġa li biha dejjem nitlob għas-sorijiet mejtin tagħna, tfixkilt dwar il-ġranet, u minflok ma offrejt tlett ijiem ta’ talb, bħalma tgħidilna nagħmlu r-regola, bi żball offrejt biss jumejn. Fir-raba’ jum, tatni x’nifhem li kien għad baqagħli noffri t-talb għaliha, u li dan it-talb kienet teħtieġu. Fil-pront għamilt l-intennzjoni li noffri jum sħiħ għaliha, u mhux biss dak il-jum imma ħafna iktar, bħalma tobbligani nagħmel l-imħabba tal-proxxmu.

 

 

1383.            Peress li Swor Dominic, wara li mietet, kienet tidher qisha għadha tajba, xi sorijiet qalu li forsi kienet għadha biss f’koma, u waħda mis-sorijiet issuġġerietli mmorru npoġġu mera ma’ ħalqha biex naraw jekk tittappanx, għax hekk kienet tagħmel li kieku kienet għadha ħajja. Jiena għidt kollox sew, u għamilna kif qalet, iżda l-mera ma ttappnitx, għalkemm hekk kien deherilna. Madankollu, il-Mulej tani x’nifhem li ma kenitx għoġbitu din il-ħaġa, u widdibni bl-aħrax biex qatt iżjed ma nerġa’ naġixxi kontra l-konvinzjonijiet interni tiegħi. Umiljajt ruħi profondament quddiem il-Mulej u tlabtu jaħfirli.

 

 

1384.            Qiegħda nara ċertu saċerdot (probabilment Dun Sopocko) li Alla jħobbu ħafna, imma li Satana jobgħodu ħafna għax hu qiegħed imexxi lil ħafna erwieħ għal grad għoli ta’ qdusija u jimpurtah biss mill-glorja ta’ Alla. Imma jiena nkompli nitlob ‘l Alla biex Hu ma jitlifx il-paċenzja ma’ dawk li l-ħin kollu joħduha kontra Tiegħu. Fejn Satana nnifsu ma jista’ jagħmel l-ebda ħsara, huwa juża n-nies.

 

 

1385.            19 ta’ Novembru. Wara li tqarbint illum, Ġesu’ qalli kemm jixtieq jiġi fil-qlub tan-nies. Nixtieq ningħaqad mal-erwieħ tal-bnedmin; l-għaxqa kbira Tiegħi hi li ningħaqad mal-erwieħ. Kun af, binti, li meta jiena niġi fir-ruħ ta’ xi ħadd fit-Tqarbin Imqaddes, idejja jkunu mimlijin b’kull tip ta’ grazzji li Jiena nkun nixtieq nagħti lir-ruħ. Imma l-erwieħ lanqas biss jagħtu kasi; iħalluni waħdi u jehdew f’affarijiet oħrajn. O, kemm inikkitni l-fatt li l-erwieħ ma jagħrfux l-imħabba! Jittrattawni bħallikieku kont xi ħaġa mejta. Jiena weġibt lil Ġesu’, “O teżor ta’ qalbi, l-uniku oġġett ta’ mħabbti u għaxqa sħiħa ta’ ruħi, irrid nadurak ġewwa qalbi bħalma Inti tinsab adurat fuq it-tron tal-glorja eterna Tiegħek. Bi mħabbti rrid inpattilek għall-bruda ta’ għadd tant kbir ta’ erwieħ. Ġesu’, ħares lejn qalbi li għalik hi l-għamara fejn ħadd iktar ma jista’ jidħol. Inti biss tistrieħ ġewwa fiha bħallikieku fi ġnien sabiħ.

 

 

1386.            O Ġesu’ tiegħi, insellimlek; diġa’ sarli l-ħin biex immur inkompli fuq xogħli. Imma rrid nippruvalek kemm inħobbok permezz tas-sagrifiċċju, billi ma nitraskurax u ma nitlef l-ebda ċans biex nagħmlu.

 

X’ħin ħriġt mill-kappella, il-Madre Superjura (Irene) qaltli, “Ma rridekx tmur il-konferenza kataketika, Swor, imma ibqa’ fuq xogħlok.” Tajjeb ħafna, Ġesu’; b’dan il-mod, matul il-ġurnata, kelli ħafna u ħafna opportunitajiet nagħmel sagrifiċċji; ma tlift l-ebda waħda, permezz tas-saħħa fl-ispirtu li ġietni mit-Tqarbin Imqaddes.

 

 

1387.            Ikun hemm żminijiet fil-ħajja meta r-ruħ tkun f’tali stat li qiesha ma tkunx tista’ tifhem id-diskors tal-bnedmin. Kollox, jgħajjiha, u xejn ħlief talb ħerqan ma jkun jista’ jserraħha. F’talb ħerqan ir-ruħ issib serħan, u ukoll li kieku kienet tixtieq spjegazzjonijiet mingħand il-ħlejjaq, dawn iservu biss biex jagħmluha iktar nervuża.

 

 

1388.            + Darba waqt it-talb, sirt naf kemm ir-ruħ ta’ Patri Andrasz kienet togħġob lil Alla, hu veru iben ta’ Alla. Rari li dan l-istat ta’ iben ta’ Alla jispikka b’mod hekk ċar f’xi ruħ, u dan kollu għax hu għandu devozzjoni speċjali lejn Omm Alla.

 

 

1389.            O Ġesu’ tiegħi, għalkemm inħossni mbuttata b’mod hekk qawwi, irrid naġixxi bil-mod, u dan kollu biex ma nħarbatx il-ħidma Tiegħek bl-għaġġla tiegħi. O Ġesu’ tiegħi, Inti tgħarrafni l-misteri Tiegħek, u tridni ngħaddihom lill-erwieħ oħrajn. Dalwaqt issa ser ikun possibli għalija li nagħmel xi ħaġa. F’dak il-mument meta qiesha tkun meqruda b’mod assolut, għad tibda l-missjoni tiegħi, li issa m’għadx fadlilha tfixkil. Din hi r-rieda ta’ Alla f’din il-ħaġa, u mhux ser tinbidel; għalkemm ħafna nies joħduha kontra tagħha, xejn m’hu ser ibiddel ir-rieda ta’ Alla.

 

 

1390.            Qiegħda nara lil Dun Sopocko, kif moħħu l-ħin kollu jaħseb u jaħdem għal Alla biex jara kif ser jippreżenta x-xewqat ta’ Alla lill-uffiċjali tal-Knisja. Bħala riżultat tal-isforzi tiegħu, dawl ġdid għad jiddi fil-Knisja ta’ Alla għall-konsolazzjoni tal-erwieħ. Għalkemm għalissa ruħu tinsab mimlija imrar bħallikieku dan kellu jkun il-premju tiegħu għall-isforzi li qed jagħmel fil-ħidma tiegħu għal Alla, iżda dan mhux ser ikun il-każ. Qiegħda nara l-ferħ tiegħu, li xejn ma jista’ jnaqqsu. Alla jagħtih ftit minn dal-ferħ sa minn din id-dinja. Qatt qabel ma ltqajt ma’ fedelta’ hekk kbira lejn Alla bħalma għandha jiddistingwiha din ir-ruħ.

 

 

1391.            Waqt l-ikla ta’ filgħaxija fir-refettorju llum, ħassejt il-ħarsa ta’ Alla fil-fond ta’ qalbi. Tant kienet qawwija din il-preżenza li mlietli ruħi li, għal xi ħin, lanqas kont naf fejn ninsab. Il-preżenza ħelwa ta’ Alla baqgħet timlieli ruħi u, f’xi ħinijiet, ma stajtx nifhem x’kienu qedgħin jgħidli s-sorijiet.

 

 

1392.            It-tajjeb kollu li hemm ġo fija nafu lit-Tqarbin Imqaddes. Kollox naf lil dan. Inħoss li dan in-nar qaddis bidilni kompletament. O kemm jiena kuntenta li jiena għamara għalik O Mulej! Qalbi hija tempju fejn Inti tgħammar il-ħin kollu . . .

 

 

+

Ġ.M.Ġ

 

1393.            Ġesu’, għaxqa ta’ ruħi, Ħobż tal-Anġli,

Jiena, kollni kemm jiena, ninsab mgħaddsa Fik,

U ngħix il-ħajja divina Tiegħek bħalma jagħmlu l-magħżulin fis-sema,

U r-realta’ ta’ din il-ħajja mhix ser tispiċċa, għalkemm inkun fil-qabar.

 

Ġesu’ Ewkaristija, Alla Immortali,

Li tgħammar f’qalbi bla waqfien,

Meta jiena jkolli lilek, l-istess mewt ma tista’ tagħmilli l-ebda ħsara.

L-imħabba tgħidli li jiena għad narak fit-tmiem ta’ ħajti.

 

Mimlija bil-ħajja ta’ Alla,

Nibqa’ nħares b’ċertezza lejn is-sema miftuħ għalija,

U l-mewt b’wiċċ mistħi għad titlaq ‘l hemm b’idejha vojta,

Għax il-ħajja divina Tiegħek qiegħda ġewwa ruħi.

 

U għalkemm skont ir-rieda qaddisa Tiegħek, O Mulej,

Il-mewt għad trid teqridli ġismi,

Jiena nixtieq li din tiġi u xxejjinni malajr kemm jista’ jkun,

Għax permezz tagħha jiena nkun nista’ nidħol fil-ħajja eterna.

 

Ġesu’ Ewkaristija, ħajja ta’ ruħi,

Int għollejtni ‘l fuq sal-isferi eterni,

U dan, permezz tal-agunija u l-mewt Tiegħek fost torturi l-aktar ħorox.

 

 

26 (ta’ Novembru 1937)

 

1394.            Irtir ta’ ġurnata ta’ kull xahar.

 

Matul dan l-irtir, il-Mulej tani d-dawl li nsir naf x’inhi r-rieda Tiegħu b’mod iktar profond u li nintelaq kompletament fir-rieda qaddisa ta’ Alla. Dan id-dawl ikkonfermani f’paċi profonda, u tani x’nifhem li m’għandi nibża’ minn xejn ħlief mid-dnub. Jibgħatli x’jibgħatli Alla, jiena naċċettah f’sottomissjoni sħiħa għar-rieda qaddisa Tiegħu. Ipoġġini fejn ipoġġini, jiena ser nipprova nagħmel ir-rieda qaddisa Tiegħu bil-fedelta’, bl-aħjar mod skont ma jixtieq Hu, sakemm ikolli s-saħħa, ukoll jekk ir-rieda ta’ Alla għalija kellha tkun iebsa u diffiċli bħalma kienet ir-rieda tal-Missier tas-Sema għal ibnu, bħalma talab Hu fil-Ġnien taż-Żebbuġ. Jiena wasalt għall-konklużjoni li jekk ir-rieda tal-Missier tas-Sema ġiet imwettqa b’dan il-mod fl-Iben maħbub Tiegħu, fina wkoll tiġi mwettqa eżattament bl-istess mod, permezz tat-tbatija, il-persekuzzjoni, l-abbuż u l-umiljazzjoni. Permezz ta’ dan kollu ruħi ssir tixbah lil Ġesu’. Din hi t-triq l-iżjed żgura. Li kieku kien hemm xi triq aħjar, Ġesu’ kien jurihieli. It-tbatijiet bl-ebda mod ma jitilfuli l-paċi. Mill-banda l-oħra, għalkemm ingawdi paċi profonda, din il-paċi ma tnaqqaslix l-esperjenza tiegħi tat-tbatija. Għalkemm wiċċi spiss imil ta’ l-art, u d-dmugħ tiegħi jinxtered bl-abbundanza, fl-istess ħin ruħi mimlija b’paċi profonda u bil-hena . . .

 

 

1395.            Irrid ninħeba fil-Qalb l-iżjed Ħanina Tiegħek bħalma qatra nida tinħeba fi blanzun. Żommni magħluqa f’dan il-blanzun biex ma jolqotnix il-ġlata tad-dinja. Ħadd ma jista’ jimmaġina l-hena li tgawdi qalbi fis-solitudni tagħha, waħdiha ma’ Alla.

 

 

1396.            Illum smajt vuċi ġewwa ruħi: O, li kieku l-erwieħ kienu jafu l-ħniena Tiegħi, ma kinux jintilfu f’għadd hekk kbir. Għid lill-erwieħ midinbin ma jibżgħux jersqu lejja; għidilhom bil-ħniena kbira Tiegħi.

 

 

1397.            Il-Mulej qalli, Kull meta tintilef ruħ, din il-ħaġa tnikkitni għall-mewt. Inti dejjem tfarraġni meta titlob għall-midinbin. It-talba li togħġobni l-iktar hija dik li ssir għall-konverżjoni tagħhom. Kun af, binti, li din it-talba dejjem tkun mismugħa.

 

 

1398.            Riesaq l-Avvent. Irrid inħejji ruħi għall-miġja tal-Mulej Ġesu’ permezz tas-skiet u l-ġabra fl-ispirtu, filwaqt li ningħaqad mal-Omm l-iżjed Qaddisa u nimita bil-fedelta’ l-virtu’ tas-skiet tagħha, ħaġa li għoġbot lil Alla nnifsu. Nispera li, maġenbha nżomm sħiħ f’din riżoluzzjoni.

 

 

1399.            X’ħin dħalt fil-kappella filgħaxija għal mument wieħed, ħassejt xewka terribli f’rasi. Din il-ħaġa damet ftit ħin, imma t-tingis tant kien iweġġa’ li f’daqqa waħda rasi niżlet fuq il-kanċell tat-Tqarbin. Ħassejtni bħallikieku x-xewka kienet baqgħet dieħla ġewwa moħħi. Imma dan kollu m’hu xejn; kollox għall-erwieħ, sabiex nakkwista għalihom il-ħniena ta’ Alla.

 

 

1400.            Qiegħda ngħix minn siegħa għall-oħra u ma nistax ngħix bl-ebda mod ieħor. Irrid nuża bl-aħjar mod possibbli l-waqt ta’ issa, u nwettaq bil-fedelta’ dak kollu li jġib miegħu. F’kollox, niddependi minn Alla b’fiduċja soda.

 

 

1401.            Il-bieraħ irċevejt ittra mingħand Dun Sopocko. Sirt naf, li l-opra ta’ Alla miexja ‘l quddiem, għalkemm bil-mod. Din il-ħaġa tferraħni ħafna, u rdoppjajt it-talb tiegħi għal din l-opra kollha kemm hi. Sirt naf li għalissa, għal dak li hu s-sehem tiegħi f’din l-opra, il-Mulej qed jitlob talb u sagrifiċċju. Jekk nagħmel xi ħaġa min jeddi, nista’ nħassar il-pjanijiet ta’ Alla, bħalma kiteb Dun Sopocko fl-ittra tal-bieraħ. O Ġesu’ tiegħi, agħtini l-grazzja li nkun strument ubbidjenti f’idejk. Minn din l-ittra sirt naf x’dawl kbir Alla qed jagħti lil dan is-saċerdot. Dan jikkonfermali l-konvinzjoni li Alla għad iwettaq din l-opra permezz tiegħu minkejja l-ostakli li qegħdin dejjem jiżdiedu. Naf tajjeb li iktar mal-opra tkun kbira u sabiħa, aktar terribbli jkunu t-tempesti li joħduha kontra tagħha.

 

 

1402.            Alla, fil-ġudizzju tiegħu li ħadd ma jista’ jifhmu, spiss jippermetti li dawk li l-iktar ikunu ħadmu biex iwettqu xi opra ma jgawdux il-frott tagħha hawn f’din id-dinja; Alla jerfagħlhom il-ferħ kollu għall-eternita’. Imma minkejja kollox, Alla xi kultant jippermettilhom isiru jafu kemm jogħġbuh l-isforzi tagħhom. U mumenti bħal dawn jagħtuhom is-saħħa għal iktar sforzi u taħbit. Dawn l-erwieħ huma dawk li l-iktar jixbhu lis-Salvatur li, fil-ħidma li wettaq hawn fl-art, ma daq xejn ħlief imrar.

 

 

1403.            O Ġesu’ tiegħi, tkun imbierek għal kull ma tagħmel! Jiena nifraħ li r-rieda l-iżjed qaddisa Tiegħek qed tiġi mwettqa. Din il-ħaġa biżżejjed biex tferraħni.

 

 

1404.            Ġesu’ moħbi, fik tinsab saħħti kollha. Mill-eta’ l-iktar żgħira tiegħi, il-Mulej Ġesu’ fis-Sagrament Imqaddes ġibidni lejh. Darba, meta kelli seba’ snin, fit-talb tal-Vespri, quddiem il-Mulej Ġesu’ fl-ostensorju, ġiet mogħtija lili għall-ewwel darba l-imħabba ta’ Alla u mlietli l-qalb ċkejkna tiegħi; u l-Mulej tani li nifhem ħwejjeġ divini. Minn dak il-jum sal-lum, imħabbti għal Alla moħbi baqgħet dejjem tikber sakemm laħqet l-ikbar intimita’. Is-saħħa kollha ta’ ruħi ġejja mis-Sagrament Imqaddes. Kull mument liberu li jkolli ngħaddih nitkellem miegħu. Hu l-Imgħallem tiegħi.

 

 

1405.            30 ta’ Novembru 1937. X’ħin kont tielgħa fuq, il-lejla ġiet fuqi għal għarrieda stmerrija stramba għal dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ Alla. F’dak il-waqt, smajt lil Satana jgħidli, “Tkomplix taħseb fuq din l-opra. Alla mhux daqshekk ħanin daqskemm inti tgħid li Hu. Toqgħodx titlob għall-midinbin, għax xorta waħda għad jintilfu, u permezz ta’ din l-opra tal-ħniena qed tesponi lilek innifsek għat-telfien. Toqgħodx titkellem iżjed dwar il-Ħniena ta’ Alla mal-konfessur tiegħek, speċjalment ma’ Dun Sopocko u Patri Andrasz.” Dak il-ħin, il-vuċi ħadet id-dehra tal-Anġlu Kustodju tiegħi, u dak il-ħin jiena weħibt, “Naf min inti: missier il-gideb (ara Ġw 8:44)” Raddejt is-salib, u l-anġlu għeb b’ħafna storbju u rabja.

 

 

1406.            Illum, il-Mulej tani x’nifhem ġewwa fija li Hu qatt ma kien ser jabbandunani. Għarrafni l-majesta’ u l-qdusija Tiegħu kif ukoll imħabbtu u l-ħniena tiegħu għalija; u tani għarfien iktar profond tal-miżerja tiegħi stess. Iżda din il-miżerja kbira tiegħi ma ċċaħħadnix mill-fiduċja. Għall-kuntrarju, iktar ma sirt naf il-miżerja tiegħi, iktar b’saħħitha saret il-fiduċja tiegħi fil-ħniena ta’ Alla. Sirt nifhem kif dan kollu jiddependi mill-Mulej. Jiena naf li ħadd m’hu ser imiss xagħra waħda minn rasi jekk mhux ir-rieda Tiegħu.

 

 

1407.            X’ħin kont qiegħda nitqarben illum, rajt fil-kalċi Ostja Ħajja, li s-saċerdot ta lili. X’ħin mort lura f’posti staqsejt lill-Mulej, “Għaliex Ostja waħda kienet ħajja, la Inti xorta waħda ħaj f’kull waħda mill-ispeċi?” Il-Mulej weġibni, Hekk hu. Jiena l-istess f’kull waħda mill-ispeċi, imma mhux kull ruħ tirċevini bl-istess fidi ħajja li għandek inti, binti, u għalhekk Jiena ma nistax naħdem ġewwa ruħhom bħalma naħdem ġewwa tiegħek.

 

 

1408.            Kont preżenti għall-Quddiesa li ġiet iċċelebrata minn Dun Sopocko. Waqt il-Quddiesa, rajt lill-Bambin Ġesu’ li, filwaqt li mess moħħ is-saċerdot b’sebgħu, qalli, Il-ħsibijiet tiegħu jinsabu maqgħudin mill-qrib ma’ Tiegħi, mela kun fil-paċi għal dak li għandu x’jaqsam mal-opra Tiegħi. Jiena mhux ser inħallih jagħmel xi żball, u inti m’għandek tagħmel xejn mingħajr il-permess tiegħu. Dan imlieli ruħi b’paċi kbira għal dak li għandu x’jaqsam ma’ din l-opra.

 

 

1409.            + Illum, il-Mulej Ġesu’ qiegħed jagħmilni konxja tal-preżenza Tiegħu u tal-imħabba mill-iżjed tenera kif ukoll il-permura Tiegħu għalija. Hu qed iwassalni sabiex nifhem sewwa kif kollox jiddpendi mir-rieda Tiegħu, u kif Hu jippermetti ċertu diffikultajiet preċiżament għall-merti tagħna, sabiex il-fedelta’ tagħna tkun tista’ tidher b’mod ċar. U permezz ta’ dan, jiena ġejt mogħtija s-saħħa sabiex inbati u niċċaħħad.

 

 

1410.            Illum (7 ta’ Diċembru 1937) hi lejliet il-Festa tat-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Marija. Matul l-ikla ta’ nofs inhar, f’waqt wieħed, Alla tani x’nifhem il-kobor tad-destin tiegħi; jiġifieri kemm Hu qrib tiegħi, u dan nibqa’ ngawdih għall-eternita’, u dan għamlu b’mod hekk ċar u ħaj li bqajt ingawdi il-preżenza ħajja Tiegħu għal żmien twil, filwaqt li umiljajt ruħi quddiem il-kobor Tiegħu.

 

 

+

Ġ.M.Ġ

 

1411.            O Spirtu Divin, Spirtu ta’ verita’ u ta’ dawl,

Ibqa’ għammar għal dejjem ġewwa ruħi bil-grazzja divina Tiegħek.

Jalla n-nifs Tiegħek jeqred id-dlam,

U f’dan id-dawl jiżdiedu l-opri tajba.

 

O Spirtu Divin, Spirtu ta’ mħabba u ta’ ħniena,

Li tferra’ l-balzmu tal-fiduċja ġewwa qalbi,

Il-grazzja Tiegħek tikkonfermali ruħi fit-triq it-tajba,

U tagħtiha s-saħħa tal-fedelta’ li ħadd ma jirbħilha.

 

O Spirtu Divin, Spirtu ta’ paċi u ta’ ferħ,

Inti ssaħħaħli ‘l-qalb għaxtana tiegħi,

U tferra’ fiha l-għajn ħajja tal-imħabba ta’ Alla,

Filwaqt li tagħtiha l-kuraġġ għat-taqbida.

 

O Spirtu Divin, il-mistieden speċjali ta’ ruħi,

Min-naħa tiegħi, jiena rrid nibqa’ fidila lejk;

Kemm fil-jiem ta’ ferħ kif ukoll fl-agunija tat-tbatija,

Jiena rrid dejjem, O Spirtu ta’ Alla, ingħix fil-preżenza Tiegħek.

 

O Spirtu Divin, li timlieni kollni kemm jiena

U tagħtini li nagħraf il-Ħajja Divina Tiegħek fi tliet Persuni,

U ddaħħalni fl-Essenza Divina Tiegħek,

Hekk maqgħuda flimkien miegħek, jiena għad ngħix ħajja eterna.

 

 

1412.            Ħejjejt ruħi b’ħeġġa kbira biex niċċelebra l-Festa tat-Tnissil bla Tebgħa ta’ Omm Alla. Għamilt sforz iktar mis-soltu biex nibqa’ miġbura fl-ispirtu u mmeditajt fuq dan il-privileġġ uniku tal-Madonna. U hekk qalbi baqgħet mgħaddsa fiha kompletament, filwaqt li raddejt ħajr lil Alla talli ta dan il-privileġġ kbir lil Marija. 

 

 

1413.            Ħejjejt ruħi mhux biss permezz tan-novena flimkien mal-komunita’ kollha, imma għamilt sforz personali wkoll sabiex insellmilha elf darba kuljum, billi ngħid elf ‘Ave Maria’ għal disat ijiem ad unur tagħha.

 

+ Din hi t-tielet darba issa li għamilt novena bħal din lil Omm Alla; jiġifieri, novena ta’ elf ‘Ave Maria’ kuljum. B’hekk in-novena fiha b’kollox disat elef tislima. Għalkemm din il-ħaġa issa għamiltha tliet darbiet f’ħajti, u darbtejn minnhom waqt il-qadi ta’ dmirijieti, qatt ma nqast milli nwettaq ix-xogħol tiegħi bl-ikbar reqqa. In-novena dejjem għidtha mhux fil-ħin ta’ talb normali tiegħi, jiġifieri, l-‘Ave Maria’ ma għidthomx waqt il-Quddies jew waqt il-Barka.

 

Darba għamilt in-novena filwaqt li kont ninsab marida fl-isptar. Fejn hemm ir-rieda jinstab il-mezz. Minbarra l-ħin tal-mistrieħ, jiena tlabt u ħdimt biss. Ma għidt l-ebda kelma żejda f’dawn il-ġranet. Għalkemm irrid nammetti li ħaġa bħal din titlob ħafna attenzjoni u sforz kbir, xejn m’hu biżżejjed meta wieħed irid jagħti qima lill-Verġni Immakulata.

 

 

1414.            Il-Festa tat-Tnissil Bla Tebgħa. Qabel it-Tqarbin rajt lill-Verġni Mbierka sabiħa li ma tistax timmaġinaha. Filwaqt li tbissmitli qaltli, Binti, skont il-kmand ta’ Alla, jien għandi nkun b’mod speċjali u esklużiv Ommok; imma nixtieq li inti wkoll tkun binti b’mod speċjali.

 

 

1415.            Nixtieqek, binti l-iżjed maħbuba, tipprattika t-tliet virtujiet li huma l-iktar għeżież għalija – u li l-iktar jogħġbu lil Alla. L-ewwel waħda hi l-umilta’, l-umilta’ u għal darb’oħra l-umilta’, it-tieni virtu’, is-safa; it-tielet virtu’, l-imħabba ta’ Alla. Bħala binti, inti trid tirrifletti b’mod speċjali dawn il-virtujiet.

 

X’ħin spiċċajna nitkellmu, għafsitni ma’ qalbha u għebet. X’ħin erġajt ġejt f’sensija, qalbi nġibdet b’mod tal-għaġeb lejn dawn il-virtujiet; u jiena nipprattikahom bil-fedelta’. Huma qishom minquxin f’qalbi.

 

 

1416.            Dan kien jum eċċezzjonali għalija. Matul dan il-jum bqajt qisni f’kontemplazzjoni l-ħin kollu; il-ħsieb biss ta’ din il-grazzja ħadni iktar fil-fond tal-kontemplazzjoni; u matul il-jum kollu komplejt inrodd ħajr bla waqfien, għax kull darba li bdejt niftakar f’din il-grazzja ruħi reġgħet bdiet tintilef f’Alla . . .

 

 

1417.            O Mulejja, ruħi hi l-iktar waħda miskina minnhom kollha, u Inti xorta waħda titbaxxa lejha b’tant tjubija! Jiena nista’ nara ċar il-kobor Tiegħek u ċ-ċokon tiegħi, u għalhekk jiena nifraħ li Inti daqshekk qawwi u bla tarf, u għalhekk jiena nifraħ ħafna li jiena daqshekk ċkejkna.

 

 

1418.            O Kristu li qed tbati, jiena ġejja niltaqa’ miegħek. La jiena l-għarusa Tiegħek, irrid nixbhek. Il-mantell tal-umiljazzjoni Tiegħek irid jgħatti lili wkoll. O Kristu, Inti taf b’liema ħeġġa jiena nixtieq insir nixbhek. Agħmel li l-Passjoni kollha Tiegħek tkun id-destin tiegħi. Jalla n-niket Tiegħek jitferra’ f’qalbi. Nispera li Inti għad twassal din il-ħaġa fit-tmiem tagħha ġewwa fija bil-mod li Inti jidhirlek li jkun jixraq l-iktar.

 

 

1419.            + Illum kien hemm l-adorazzjoni billejl. Ma stajtx nieħu sehem fiha minħabba problemi f’saħħti, imma qabel ma rqadt ingħaqadt mas-sorijiet li kienu qegħdin jagħmlu l-adorazzjoni. Bejn l-erbgħa u l-ħamsa, qomt f’daqqa waħda, u smajt vuċi tgħidli ningħaqad ma’ dawk li kienu qegħdin jagħmlu l-adorazzjoni dak il-ħin. Fhimt li fosthom kien hemm ruħ qiegħda titlob għalija.

 

 

1420.            X’ħin intlift fit-talb, ġejt meħuda fl-ispirtu fil-kappella, fejn rajt lill-Mulej Ġesu’, espost fl-ostensorju. Minflok l-ostensorju, rajt il-Wiċċ glorjuż tal-Mulej u Hu qalli, Dak li inti qiegħda tara fir-relata’, dawn l-erwieħ jarawh bil-fidi. O, kemm togħġobni l-fidi kbira tagħhom! Inti tista’ tara, għalkemm ma jidher li hemm l-ebda traċċa ta’ ħajja fija, fir-realta’ din tinsab preżenti fil-milja tagħha f’kull Ostja, waħda waħda. Imma sabiex Jiena nkun nista’ naħdem fir-ruħ, din irid ikollha l-fidi, O, kemm togħġobni fidi ħajja!

 

 

1421.            Dawk li kienu qegħdin jagħmlu l-adorazzjoni dak il-ħin kienu l-Madre Superjura u xi ftit sorijiet oħrajn. Imma jiena ndunajt li kien it-talb tal-Madre Superjura li kien ċaqlaq is-sema, u fraħt li jeżistu erwieħ li jogħġbu lil Alla.

 

 

1422.            Meta, l-għada waqt il-ħin tar-rikreazzjoni, staqsejt liema sorijiet kienu qegħdin jagħmlu l-adorazzjoni bejn l-erbgħa u l-ħamsa, waħda mis-sorijiet qalet, “Għalfejn qiegħda tistaqsi, Sor? Forsi kellek xi rivelazzjoni?” Waqajt fis-skiet u ma għidt xejn iżjed; għalkemm staqsietni l-Madre Superjura, ma stajtx inwieġeb għax ma kienx il-waqt.

 

 

1423.            Darba, waħda mis-sorijiet (Swor Damiana Ziolek) (nota220) afdat fija li riedet tagħżel ċertu saċerdot bħala l-konfessur tagħha. Kienet ferħana ħafna meta qasmet din l-aħbar miegħi u talbitni nitlob għal din l-intenzjoni, u għalhekk jiena wegħedtha li hekk kont sejra nagħmel. Waqt it-talb, sirt naf li dik ir-ruħ ma kienet sejra tapprofitta xejn mid-direzzjoni tiegħu. U mbagħad, meta rġajna ltaqjna, reġgħet qaltli kemm kienet ferħana li kienet sejra tkun taħt id-direzzjoni tiegħu.

 

 

1424.            Fraħt magħha, imma meta telqet qlajt ċanfira sewwa. Ġesu’qalli ngħidilha x’kien għarrafni waqt it-talb, ħaġa li jiena għamiltha mal-ewwel opportunita’, għalkemm swietli ħafna.

 

 

1425.            Illum, għal ftit ħin, ħassejt l-uġigħ tal-kuruna tax-xewk. Dak il-ħin kont qiegħda nitlob għal ċerta ruħ quddiem is-Sagrament Imqaddes. F’daqqa waħda, ħassejt uġigħ hekk qawwi li rasi waqgħet fuq il-kanċell tal-altar. Għalkemm dan il-waqt kien qasir ħafna, ġabli ħafna wġigħ.

 

 

1426.            Kristu, agħtini l-erwieħ. Ħalli jiġrili dak li Inti trid, imma agħtini l-erwieħ biex tpattili. Jiena rrid is-salvazzjoni tal-erwieħ. Irrid li l-erwieħ ikunu jafu bil-ħniena Tiegħek. Ma baqagħli xejn għalija, għax jiena tajt kollox għall-erwieħ, bir-riżultat li f’jum il-ħaqq ser nidher quddiemek b’idejja vojta, ladarba jiena tajt kulma għandi lill-erwieħ. Għalhekk Inti m’hu ser ikollok xejn fuqhiex tiġġudikani., u dak inhar għad niltaqgħu: L-imħabba u l-ħniena . . .

 

 

+

Ġ.M.Ġ

 

1427.            Ġesu’ moħbi, ħajja ta’ ruħi,

L-għan tax-xewqa ħerqana tiegħi,

Xejn m’hu ser iżomm lura Mħabbtek ġewwa qalbi.

Il-qawwa tal-imħabba li għandna għal xulxin tassigurani minn dan.

 

Ġesu’ moħbi, il-maħbub l-iżjed safi tiegħi,

Ħajti flimkien miegħek diġa’ bdiet hawnhekk fl-art,

U għad tidher fil-milja kollha tagħha fl-eternita’ li għad trid tiġi,

Għax l-imħabba tagħna għal xulxin qatt m’hi ser titbiddel.

 

Ġesu’ moħbi, xewqa waħdanija ta’ ruħi,

Inti waħdek għalija iktar mit-tgawdija tal-ġenna.

Ruħi tfittex lilek biss, li Inti ‘l fuq mir-rigali u l-grazzji kollha,

Inti li tiġi għandi taħt l-ispeċi tal-ħobż.

 

Ġesu’ moħbi, hu sa fl-aħħar ruħi għatxana

Li qed taqbad għalik bin-nar safi tas-Serafini.

Jiena qed nimxi ħajti fil-passi tiegħek u ħadd ma jista’ jirbaħli,

b’rasi merfugħa ‘l fuq, bħal kavallier, għalkemm jiena biss tfajla dgħajfa.

 

 

1428.            Issa ili xahar inħossni sejra għall-agħar. Kull darba li nisgħol, inħoss il-pulmuni tiegħi qedgħin jitmermru. Xi kultant jiġrili li nħoss it-tmermir sħiħ tal-kadavru tiegħi stess. Diffiċli tesprimi xi tbatija kbira hi din. Għalkemm jiena naqbel ma’ dan kollu bir-rieda sħiħa tiegħi, xorta waħda hi tbatija kbira għan-natura, ikbar milli tilbes il-qmis tax-xagħar (li jilbsu l-axxeti) jew mill-flaġelazzjoni sakemm joħroġ id-demm. Ħassejtha b’mod speċjali waqt li kont sejra r-refettorju. Kelli nagħmel sforz kbir biex niekol xi ħaġa għax l-ikel kien qed idardarni. F’dan iż-żmien ukoll bdejt insofri minn uġigħ fl-imsaren. Ikel imħawwar sewwa kien iġibli wġigħ hekk kbir li għaddejt ħafna iljieli nitkagħweġ bl-uġigħ u nibki, kollox għall-midinbin.

 

 

1429.            Staqsejt iżda lill-konfessur tiegħi x’kelli nagħmel: jekk kellix inkompli nbati dan minħabba l-midinbin, jew jekk kellix nitlob is-superjuri jagħmlu eċċezzjoni u jagħtuni ikel mhux daqshekk rikk. Hu iddeċieda li kelli nitlob is-superjuri jagħtuni ikel aktar ħafif. U għalhekk imxejt fuq dak li qalli meta rajt li din l-umiljazzjoni kienet togħġob lil Alla iktar.

 

 

1430.            Darba, bdejt niddubita kif kien possibbli li jiena nħoss il-ħin kollu ġismi jitmermer u fl-istess ħin inħossni kapaċi nimxi u naħdem. Forsi din kienet xi tip ta’ illużjoni. Imma ma tistax tkun illużjoni, għax qiegħda ġġibli wġigħ hekk terribbli. Filwaqt li kont qiegħda naħseb fuq din il-ħaġa, waħda mis-sorijiet ġiet biex tkellimni. Wara xi minuta jew tnejn, għamlet wiċċ tassew ikrah u qalet, “Sor, qiegħda nxomm kadavru hawnhekk, bħallikieku qiegħed jitmermer. O x’biża!” Jiena għidtilha, “Tibżax, Sor, dik ir-riħa ta’ kadavru ġejja mingħandi.” Kienet verament sorpriża u qalet li ma setgħetx tissaportiha iżjed. Wara li kienet telqet, jiena fhimt li Alla kien ippermettielha tinduna b’din il-ħaġa sabiex ma jibqagħli l-ebda dubju, imma li Hu kien qiegħed tassew iwettaq miraklu meta ma ħalliex il-komunita’ kollha tinduna b’din it-tbatija. O Ġesu’ tiegħi, Inti biss taf kemm hu kbir dan is-sagrifiċċju.

 

 

1431.            Iżda xorta waħda, fir-refettorju kelli nissaporti li ta’ spiss jissuspettaw li kont qiegħda nagħmel għaġeb (dwar l-ikel li kont nieħu). F’waqtiet bħal dawn, bħas-soltu jien niġri ħdejn it-Tabernaklu u nitbaxxa quddiem il-pissidi u minn hemm niġbed is-saħħa sabiex inkun nista’ naċċetta r-rieda ta’ Alla. Dak li ktibt s’issa għadu mhux kollox.

 

 

1432.            Illum waqt il-qrar, filwaqt li spirtwalment qasam l-wejfer (nota220a) flimkien miegħi, (il-konfessur) tani dawn ix-xewqat: “Kun fidila kemm tista’ mal-grazzja ta’ Alla; it-tieni, itlob il-ħniena ta’ Alla għalik u għad-dinja kollha, għax aħna lkoll kemm aħna neħtieġu ħafna l-ħniena ta’ Alla.”

 

 

1433.            Jumejn qabel il-Milied, fir-refettorju nqara dan il-kliem: “għada t-Twelid ta’ Ġesu’ Kristu skont il-ġisem.” (nota221) Ma’ dan il-kliem, ruħi ġiet minfuda mid-dawl u l-imħabba ta’ Alla, u ngħatajt għarfien iktar profond tal-Misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla. Kemm hi kbira l-ħniena ta’ Alla li tinsab fil-Misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla!

 

 

1434.            Illum, il-Mulej għarrafni bil-korla Tiegħu għall-umanita’ li, minħabba d-dnubiet tagħha, jixirqilha li jkollha jiemha mqassra. Imma sirt naf li l-eżistenza tad-dinja qegħdin iżommuha l-erwieħ magħżulin; jiġifieri, l-ordnijiet reliġjużi. Gwaj għad-dinja meta għad ikun hemm nixfa fl-ordnijiet reliġjużi!

 

 

+

Ġ.M.Ġ

 

1435.            Jiena qiegħda nwettaq kull għemil filwaqt li qiegħda nistenna l-mewt.

Nagħmlu bħalissa bħalma nixtieq narah isir fl-aħħar siegħa tiegħi.

Għalkemm il-ħajja tgħaddi mlajr bħar-riħ

L-ebda għemil li jsir għal Alla m’hu ser jintilef.

 

Qiegħda nħoss tmermir sħiħ tal-organi tiegħi,

Għalkemm għadni ħajja u għadni naħdem.

Il-mewt mhix ser tkun traċedja għalija,

Għax ili nħossha għal żmien twil.

 

Għalkemm hi ħaġa kerha ħafna għan-natura

Li l-ħin kollu xxomm il-kadavru tiegħek stess,

Imma mhix ħaġa daqshekk terribbli meta r-ruħ tkun mimlija bid-dawl ta’ Alla,

Għax fiha jitqajmu l-fidi, it-tama, l-imħabba u l-indiema.

 

Kuljum nagħmel sforzi kbar

Biex nieħu sehem fil-ħajja tal-komunita’,

U b’dan il-mod ningħata l-grazzji għas-salvazzjoni tal-erwieħ,

Filwaqt li nħarishom min-nar tal-infern permezz tas-sagrifiċċju tiegħi.

 

Għax is-salvazzjoni ta’ ruħ waħda biss

Tiswa s-sagrifiċċju ta’ ħajja sħiħa

U li wieħed jissaporti l-ikbar sagrifiċċju u turmenti,

Ladarba kbira hi l-glorja li tingħata lil Alla.

 

 

1436.            + Mulej, għalkemm Inti spiss tgħarrafni bir-ragħad tal-korla Tiegħek, il-korla Tiegħek tgħib quddiem erwieħ umli u ċkejknin. Għalkemm Inti kbir, Mulej, tippermetti li tingħeleb minn ruħ li hi ċejkna u profondament umli. O umilta’, virtu’ l-iktar prezzjuża, kemm huma ftit l-erwieħ li għandhom lilek. Nista’ nara biss xebh ta’ din il-virtu’ kullimkien madwari, imma mhux il-virtu’ fiha nnifisha. Mulej, ċċekkinni f’għajnejja stess sabiex inkun nista’ nsib il-grazzja quddiemek.

 

 

1437.            + Lejliet il-Milied (1937). Wara t-Tqarbin, Omm Alla tatni l-esperjenza tal-ħsieb u tal-ansjeta’ li kellha f’qalbha minħabba l-Iben ta’ Alla. Imma din l-ansjeta’ kienet mimlija b’tant fwieħa ta’ abbandun għar-rieda ta’ Alla li aħjar ngħid li kienet qiegħda titpaxxa milli kienet ansjuża. Jiena fhimt kif ruħi kellha taċċetta r-rieda ta’ Alla f’kollox. Ħasra li ma nistax nikteb dwar din il-ħaġa bl-istess mod li kelli esperjenza tagħha. Ruħi kienet mitfugħa f’ġabra profonda l-jum kollu. Xejn ma seta’ jifridni minn din il-ġabra, la d-dmirijiet tiegħi, lanqas ix-xogħol li kelli x’naqsam fih mal-lajċi.

 

 

1438.            Qabel l-ikla ta’ filgħaxija, mort il-kappella għal waqt wieħed sabiex naqsam il-wejfer spirtwalment ma’ dawk il-persuni maħbubin, tant għeżież għal qalbi, għalkemm kienu jinsabu ‘l bogħod. L-ewwel, intlift f’talb profond u tlabt lill-Mulej għal grazzji għalihom ilkoll bħala grupp u mbagħad għal kull wieħed individwalment. Ġesu’ tani x’nifhem kemm għoġbitu din il-ħaġa, u ruħi mtliet b’ferħ ikbar meta setgħet tara kif Alla jħobb b’mod speċjali lil dawk li aħna nħobbu.

 

 

1439.            + Wara li mort fir-refettorju, waqt il-lettura, sibt ruħi kollni kemm jiena mitlufa f’Alla. Ġewwa fija, rajt lil Alla jħares lejna bi pjaċir kbir. Bqajt waħdi flimkien mal-Missier tas-Sema. F’dak il-waqt, kelli għarfien iktar profond tat-Tliet Persuni Divini, li aħna għad nikkontemplawhom għall-eternita’ kollha, u wara miljuni ta’ snin, għad niskopru li għadna biss bilkemm bdejna l-kontemplazzjoni tagħna. O, kemm hi kbira l-ħniena ta’ Alla, li jippermetti lill-bniedem jieħu sehem fi grad hekk għoli fil-ferħ divin Tiegħu! Fl-istess ħin, x’weġgħa kbira tinfidli qalbi (meta naħseb) li tant erwieħ ikkalpestaw dan il-ferħ.

 

 

1440.            Meta bdejna naqsmu l-wejfer, kien hemm issaltan fostna mħabba sinċiera u reċiproka. Il-Madre Superjura (Irene) esprimietli din ix-xewqa: “Sor, l-opri ta’ Alla jimxu bil-mod, mela tgħaġġilx.” B’mod ġenerali, is-sorijiet sinċerament xtaquli ħafna mħabba, li hi ħaġa li jiena nixtieq iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra. Stajt nara li dawn ix-xewqat kienu verament ġejjin minn qalbhom, b’eċċezzjoni ta’ soru waħda, li kellha l-malizzja moħbija fix-xewqat tagħha, għalkemm dan ma weġġagħnix ħafna, għax ruħi kienet mimlija b’Alla. Imma din il-ħaġa dawlitli moħħi dwar il-għala Alla jikkomunika hekk ftit ma’ ruħ ta’ dan it-tip, u sirt naf li ruħ bħal din tkun qiegħda dejjem tfittex lilha nnfisha, f’affarijiet qaddisa wkoll. O, kemm Hu twajjeb il-Mulej li ma jħallinix nitfixkel! Naf li Hu ser iħarisni, ukoll bl-ikbar ġelosija, imma dan jagħmlu biss sakemm jiena nibqa’ ċkejkna, għax hu ma’ erwieħ bħal dawn li l-Mulej Setgħan jħobb jikkomunika . L-erwieħ suppervi Hu jħares lejhom mill-bogħod u jeħodha kontra tagħhom.

 

 

1441.            Għalkemm ridt nibqa’ nishar għal xi ħin qabel il-Quddiesa ta’ billejl, (nota222) ma rnexxilix. Irqadt mill-ewwel u wkoll kont qiegħda nħossni dgħajfa ħafna. Imma meta daqqaew il-qniepen għall-Quddiesa ta’ nofs illejl, qomt f’daqqa u lbist, għalkemm b’diffikulta’ kbira, għax beda jħossni ħażin il-ħin kollu.

 

 

1442.            + X’ħin wasalt għall-Quddiesa ta’ nofs illejl, mill-ewwel intlift f’ġabra profonda, u matul dak il-ħin rajt l-istalla ta’ Betlem mimlija b’dija kbira. Il-Verġni Mbierka, mitlufa kollha kemm hi fi mħabba l-iżjed profonda, kienet qiegħda tfisqi lil Ġesu’, imma San Ġużepp kien għadu rieqed. Kien biss wara li Omm Ġesu’ poġġietu fil-maxtura li d-dawl ta’ Alla qajjem lil Ġużeppi, li beda jitlob hu wkoll. Imma ftit wara, ħallewni waħdi mat-Tarbija Ġesu’ li newwilli jdejh ċkejknin, u jiena fhimt li kelli naqbdu u nżommu f’dirgħajja. Ġesu’ beda jross rasu ma’ qalbi u tani x’nifhem, bil-ħarsa profonda Tiegħu, kemm kien qed iħossu sewwa qrib il-qalb tiegħi. F’dak il-waqt Ġesu’ għeb u kienet qiegħda  ddoqq il-qanpiena għat-Tqarbin Imqaddes.

 

 

1443.            Ruħi kienet mitluqa f’telqa ta’ ferħ. Imma lejn it-tmiem tal-Quddiesa, ħassejtni hekk debboli li kelli noħroġ mill-kappella u mmur fiċ-ċella tiegħi, għax ma ħassejtnix kapaċi nieħu sehem fit-te’ tal-komunita’. Imma l-ferħ tiegħi matul iż-żmien kollu tal-Milied kien kbir ħafna, għax ruħi kienet maqgħuda il-ħin kollu mal-Mulej. Sirt naf li kull ruħ tkun tixtieq li jkollha konsolazzjonijiet divini, imma ma tkunx trid bl-ebda mod tħalli warajha l-konsolazzjonijiet umani, filwaqt li dawn iż-żewġ affarijiet ma jistgħux joqgħodu flimkien.

 

 

1444.            Matul iż-żmien tal-Milied, ħassejt li ċerti erwieħ kienu qegħdin jitolbu għalija. Jiena nifraħ li l-għaqda spiritwali u għarfien bħal dawn jeżistu diġa’ hawn fl-art. O Ġesu’ tiegħi, tkun imfaħħar għal dan kollu!

 

 

1445.            Fl-ikbar turmenti tar-ruħ jiena nkun ninsab dejjem waħdi, imma le – mhux waħdi, għax ninsab miegħek, Ġesu’; imma hawn jiena qiegħda nitkellem dwar nies (oħrajn). Ħadd minnhom ma jifhem lil qalbi, imma din il-ħaġa m’għadhiex sorpriża għalija, filwaqt li kont inkun sorpriża meta l-intenzjonijiet tiegħi kienu kkundannati u kienu jiġu interpretati ħażin; le din m’għadhiex sorpriża għalija issa bl-ebda mod. Il-bnedmin ma jafux kif għandhom jaraw lir-ruħ. Jaraw il-ġisem, u jiġġudikaw skont il-ġisem. Imma daqskemm hi ‘l bogħod is-sema mill-art, daqshekk ieħor huma ‘l bogħod il-ħsibijiet ta’ Alla mill-ħsibijiet tagħna. Jiena stess kelli esperjenza li ta’ spiss jiġri li ( . . . )

 

 

1446.            Il-Mulej qalli, M’għandu jkollu l-ebda mportanza għalik kif ħaddieħor ikun qed iġib ruħu; inti trid tkun ir-rifless ħaj Tiegħi, permezz tal-imħabba u l-ħniena. Jiena weġibt, “Mulej, imma ta’ spiss japprofittaw ruħhom mit-tjubija tiegħi.” Dik il-ħaġa ma tagħmel l-ebda differenza, binti. Mhix affarik. Inti għandek dejjem turi ħniena ma’ nies oħrajn, u speċjalment mal-midinbin.

 

 

1447.            + O, kemm iweġġgħani l-fatt li l-erwieħ rari jingħaqdu miegħi fit-Tqarbin. Jiena nkun qiegħed nistenna l-erwieħ, u huma ma jagħtux kasi. Jiena nħobbhom bi ħlewwa u sinċerita’, u huma ma jafdawnix. Jiena rrid inferra’ fuqhom il-grazzji Tiegħi, u huma ma jridux jaċċettawhom. Jittrattawni bħallikieku kont xi ħaġa mejta, filwaqt li l-Qalb Tiegħi hi mimlija mħabba u ħniena. Sabiex inti tkun tista’ tifhem almenu ftit mill-uġigħ Tiegħi, immaġina omm mill-iktar ħelwa li għandha mħabba kbira għal uliedha, filwaqt li dawk it-tfal ma jridux l-imħabba tagħha. Aħseb ftit kemm tweġġa’ din il-mara. Ħadd ma jkun jista’ jfarraġha. Din hi biss xbieha fjakka ta’ mħabbti.

 

 

1448.            Ikteb, tkellem dwar il-ħniena Tiegħi. Għid lill-erwieħ fejn għandhom ifittxu l-faraġ; jiġifieri, fit-Tribunal tal-Ħniena (is-Sagrament tal-Qrar). Hemmhekk iseħħu l-ikbar mirakli u jirrepetu ruħhom bla waqfien. Biex wieħed japprofitta minn dan il-miraklu, m’hemmx għalfejn imur xi pellegrinaġġ kbir jew iwettaq xi ċerimonja li tidher minn barra; biżżejjed li wieħed jiġi bil-fidi f’riġlejn ir-rappreżentant Tiegħi u jurih lil-miżerja tiegħu, u l-miraklu tal-Ħniena Divina jkun jista’ jidher bis-sħiħ. Li kieku r-ruħ tkun bħal kadavru qed jitmermer u għalkemm, skont kif jarawha l-bnedmin, ma jkun hemm l-ebda (tama li) terġa’ tiġi f’tagħha u kollox ikun diġa’ mitluf, mhux hekk ma’ Alla. Il-miraklu tal-Ħniena Divina jerġa’ jġedded lil dik ir-ruħ bis-sħiħ. O, kemm huma msejknin dawk li ma japprofittawx mill-miraklu tal-Ħniena ta’ Alla! Għalxejn għad issejjaħli, għax ikun tard wisq.

 

 

+

Ġ.M.Ġ

Is-Sena 1938

L-Ewwel ta’ Jannar

 

1449.            Insellimlek, Sena Ġdida, li fiha għad iseħħ il-perfezzjoni tiegħi. (nota223) Grazzi minn qabel, O Mulej, għal dak kollu li t-tjubija Tiegħek għad tibgħatli. Grazzi tat-tazza tat-tbatija li minnha għad nixrob kuljum. Tnaqqasx mill-imrar tagħha,    O Mulej, imma saħħaħli xofftejja sabiex, waqt li nkun qiegħda nixrob minn dan l-imrar, huma jafu jitbissmu għall-imħabba Tiegħek, Mgħallem tiegħi. Inroddlok ħajr tal-faraġ u l-grazzji bla tarf li kuljum jinżlu fuqi bin-nida ta’ filgħodu, fis-skiet, mingħajr ħadd ma jinduna, li l-ebda għajn kurjuża ma tista’ tarahom, u li Inti u jiena biss nafu bihom, O Mulej. Għal dan kollu, nirringrazzjak mil-lum għax, f’dak il-waqt meta Inti tnewwilli t-tazza, jista’ jkun li qalbi ma tkunx kapaċi tirringrazzjak.

 

 

1450.            Jiena għalhekk illum nissottometti ruħi kompletament u bil-kunsens tiegħi mimli mħabba għar-rieda qaddisa Tiegħek, O Mulej, u għad-digrieti Tiegħek mimlijin għerf, li huma dejjem mimlijin bil-ħniena għalija, għalkemm xi drabi la nista’ nifhem wisq anqas nidħol fil-qiegħ tagħhom. O Mgħallem tiegħi, nintelaq kollni kemm jien f’idejk, li Inti t-tmun ta’ ruħi; suqha Inti stess skont ix-xewqat divini Tiegħek. Ningħalaq fil-Qalb Tiegħek l-iżjed ħanina, li hi baħar ta’ ħniena bla tarf.

 

 

1451.            + Qiegħda nispiċċa s-sena l-qadima bit-tbatija u qiegħda nibda l-ġdida bit-tbatija wkoll. Jumejn qabel is-sena l-ġdida, kelli noqgħod fis-sodda. Ħassejtni marida ħafna, u sogħla kerha kienet qiegħda teħodli saħħti. U ma’dan kollu, uġigħ kontinwu fi msarni u dardir wassluni li nħossni eżawrita. Għalkemm ma stajtx ningħaqad mat-talb tal-komunita’, (nota224) ingħaqadt spirtwalment mal-komunita’ kollha. Meta s-sorijiet qamu fil-ħdax ta’ billejl biex jagħmlu s-sahra u jagħtu merħba lis-Sena l-Ġdida, jiena kien ili nitkagħweġ fl-agunija minn x’ħin beda il-lejl, u bqajt sejra hekk sa nofs il-lejl. Jiena għaqqadt it-tbatijiet tiegħi mat-talb tas-sorijiet li kienu qedgħin jishru fil-kappella u joffru riprazzjoni lil Alla għall-offiżi mwettqin mill-midinbin.

 

 

1452.            X’ħin daqq nofs il-lejl, ruħi ntilfet f’ġabra profonda, u smajt vuċi ġewwa ruħi: Tibżax, binti ċkejkna, mintix waħdek. Issielet bil-kuraġġ, għax id-driegħ Tiegħi qiegħed iżommok; issielet għas-salvazzjoni tal-erwieħ, u ħeġġiġhom jafdaw fil-ħniena Tiegħi, għax dak hu xogħlok f’din il-ħajja u fil-ħajja l-oħra. Wara dan il-kliem, irċevejt għarfien iktar profond tal-ħniena divina. Dik ir-ruħ biss li tkun trid hi tintilef, għax Alla ma jikkundanna lil ħadd.

 

 

1453.            Illum il-Festa tas-Sena l-Ġdida. Tant ħassejtni ħażin filgħodu li bilkemm irnexxieli mmur fiċ-ċella ta’ maġenb tiegħi biex nitqarben. (nota225) Ma stajtx immur il-Quddies għax ħassejtni ma niflaħx, u r-rngrazzjament għamiltu fis-sodda wkoll.Tant ridt immur il-Quddies u mbagħad inqerr għand Patri Andrasz, imma tant ħassejtni batuta li la stajtx immur l-Quddies u lanqas inqerr. U minħabba f’hekk ruħi batiet ħafna. Wara l-kolazzjon, is-soru tal-Infermerija (Swor Chrysostom) ġiet u staqsietni, “Sor għaliex ma mortx il-Quddies?” Weġibt li ma stajtx. Bdiet ixxengel rasha bi stmerrija u qaltli, “Festa kbira għal din illum, Sor, u inti lanqas biss tmur il-Quddies!” u ħarġet miċ-ċella tiegħi. Kien ili fis-sodda jumejn, nitkagħweġ bl-uġigħ, u ma ġietx iżżurni; u meta sa fl-aħħar ġiet fit-tielet jum, lanqas biss staqsietni jekk stajtx inqum, imma staqsietni nnervjata għaliex ma kontx qomt għall-Quddies. X’ħin kont waħdi, ippruvajt inqum, imma rġajt ħassni ħażin, u għalhekk bqajt fis-sodda b’kuxjenza kwieta. Iżda qalbi kellha ħafna x’toffrilu lill-Mulej, filwaqt li ngħaqdet miegħu spirtiwalment waqt it-tieni Quddiesa. Wara t-tieni Quddiesa, is-soru tal-Infermerija reġgħet ġiet għandi, imma din id-darba biex tagħmel xogħolha u bit-termometru f’idejha. Imma deni ma kellix, għalkemm kont marida serjament u ma stajtx inqum. Għalhekk kelli nisma’ priedka oħra fejn qaltli li m’għandix għalfejn inċedi għall-mard. Jiena weġibtha li kont naf  li hawnhekk kienu jqisuk marida serjament biss jekk tkun fl-aħħar agunija. Iżda, billi kont naf li kienet ser terġa’ tagħmilli priedka, weġibt li bħalissa ma kelli l-ebda bżonn min iħeġġiġni għal ħerqa ikbar. U għal darb’oħra bqajt waħdi fiċ-ċella.

 

Qalbi kienet mgħaffġa bin-niket, u l-imrar għarraqli ruħi, u tennejt il-kliem, “Merħba, Sena Ġdida; merħba, tazza mimlija mrar.” Ġesu’ tiegħi, qalbi tinsab ħerqana għalik, imma sadanittant is-serjeta’ tal-mard li għandi mhix qed tħallini nieħu sehem fiżikament fit-talb tal-komunita’, u qegħdin jissuspettawni li jiena għażżiena. It-tbatijiet tiegħi qegħdin jiżdiedu. Wara l-ikel ta’ filgħaxija, il-Madre Superjura (Irene) daħlet tittawwalli għal mument wieħed, imma reġgħet telqet malajr. Kelli intenzjoni nitlob li Patri Andrasz jiġi fiċ-ċella tiegħi biex iqararni, imma żammejt lura milli nagħmel din it-talba għal żewġ raġunijiet: l-ewwelnett, biex ma nagħtix ċans għat-tgergir, bħalma kien ġara qabel dwar il-Quddiesa; u t-tieni, għax lanqas biss ma kont inkun kapaċi nqerr, għax ħassejt li kont ninfaqa’ nibki bħal tifla ċkejkna. Ftit wara, waħda mis-sorijiet ġiet u għal darb’oħra ċanfritni: “Hemm ftit ħalib bil-butir fil-forn, Sor; għax ma tixorbux?” Jiena weġibt li ma kien hemm ħadd min iġibuli.

 

 

1454.            + X’ħin sar il-lejl, żdiedu t-tbatijiet fiżiċi u ngħaqdu magħhom tbatijiet morali. Il-lejl u t-tbatija. Is-skiet solenni tal-lejl għamilhieli possibli nbati bil-liberta’. Ġismi kien minxur fuq il-għuda tas-salib. Bqajt nitkagħweġ bl-uġigħ terribli sal-ħdax. Mort fl-ispirtu fit-Tabernaklu u kxift il-pissidi, filwaqt li poġġejt rasi fuq ix-xifer tat-tazza u d-dmugħ tiegħi kollu beda nieżel fis-skiet lejn il-Qalb ta’ Dak li Hu biss jista’ jifhem x’jiġifieri uġigħ u tbatija. U doqt l-esperjenza tal-ħlewwa ta’ din it-tbatija, u ruħi bdiet tixxennaq għal din l-agunija ħelwa, li ma kontx inpartatha mat-teżori kollha tad-dinja. Il-Mulej tani s-saħħa fl-ispirtu u mħabba għal dawk kollha li permezz tagħhom waslu għandi dawn it-tbatijiet. Dan kien mela l-ewwel jum tas-sena.

 

 

1455.            F’dan il-jum ukoll ħassejt it-talb ta’ ruħ sabiħa (probabilment ta’ Dun Sopocko jew Patri Andrasz) li kienet qiegħda titlob għalija u tagħtini, fl-ispirtu, il-barka saċerdotali tagħha. Jiena rreċiprokajt bit-talb imħeġġeġ tiegħi.

 

 

1456.            + O Mulej l-iżjed ħlejju, liema ħniena Inti turi meta tiġġudika lil kull bniedem skont il-kuxjenza tiegħu stess u skont kif hu stess juri d-dixxerniment tiegħu, u mhux skont ma jgħidu n-nies. L-ispirtu tiegħi jitpaxxa u jmantni ruħu iżjed u iżjed bl-għerf Tiegħek, li jiena qiegħda nsir nafu iżjed u iżjed profondament. U f’din il-ħaġa, il-kobor tal-ħniena Tiegħek jidher iżjed u iżjed ċar quddiemi. O Ġesu’ tiegħi, l-effett ta’ dan l-għarfien kollu fuq ruħi hu li jiena qiegħda niġi mibdula fi fjamma ta’ mħabba għalik, Alla tiegħi.

 

 

1457.            + 2 ta’ Jannar 1938. Kif kont qiegħda nħejji ruħi għat-Tqarbin Imqaddes illum, Ġesu’ riedni nikteb iżjed; mhux biss fuq il-grazzji li Hu qed jagħtini, imma wkoll fuq affarijiet esterni, u dan għall-faraġ ta’ ħafna erwieħ.

 

 

1458.            + Wara dak il-lejl ta’ tbatija, meta is-saċerdot (Patri Matzanger) (nota226) daħal fiċ-ċella tiegħi flimkien mal-Mulej Ġesu’, tant imtlejt bil-ħeġġa kollni kemm jiena li ħassejt, illi kieku s-saċerdot dam daqsxejn iżjed, Ġesu’ stess kien jaqbeż minn ġo jdejh u jiġi għandi.

 

 

1459.            Wara t-Tqarbin il-Mulej qalli, Li kieku s-saċerdot ma ġabnix għandek, kont niġi Jiena stess taħt l-istess speċi. Binti, it-tbatijiet tiegħek dan il-lejl akkwistaw il-grazzja tal-ħniena għal għadd kbir ta’ ħafna erwieħ.

 

 

1460.            + Binti, għandi xi ħaġa x’ngħidlek. Jiena weġibt, “Tkellem, Ġesu’, għax jiena ninsab għatxana għall-kliem Tiegħek.” Jiena ma ħadtx gost għax, minħabba li s-sorijiet qegħdin igergru, inti ma tlabtx biex Patri Andrasz jiġi jqarrek fiċ-ċella tiegħek. Kun af li, minħabba li għamilt hekk, tajthom skuża ikbar biex igergru. Bl-umilta’ kollha tlabt il-maħfra tal-Mulej. O Mgħallem tiegħi, ċanfarni; tagħlaqx għajnejk għan-nuqqasijiet tiegħi, u tħallinix niżbalja.

 

 

1461.            + O Ġesu’ tiegħi, meta ma jifhmunix u ruħi tkun imħarbta, inkun irrid noqgħod għal ftit waħdi miegħek. Tibgħatlix, O Mulej, messaġġiera, li kapaċi biss jitkellmu għalihom infushom, u jgħidu dak li tiddettalhom in-natura tagħhom stess. Konsolaturi bħal dawn jgħejjuni ħafna.

 

 

1462.            6 ta’ Jannar 1938. Illum, meta il-kappillan (Dun Theodore) ġab lill-Mulej Ġesu’, ħareġ dawl mill-Ostja, id-dawl tagħha laqat lil qalbi u mlieha b’nar kbir ta’ mħabba. Ġesu’ kien qed jgħarrafni li għandi nwieġeb għall-ispirazzjonijiet tal-grazzja b’iktar fedelta’, u li għandi nishar b’mod iktar sottili.

 

 

1463.            + Il-Mulej għarrafni wkoll li ħafna isqfijiet kienu qegħdin jaħsbuha dwar din il-Festa, kif ukoll ċerta persuna lajka. Xi wħud kienu entużjasti dwar din l-opra ta’ Alla, filwaqt li oħrajn ma setgħux jemmnu fiha; imma minkejja kollox, ir-riżultat kien glorja kbira għall-opra ta’ Alla. Madre Irene u Madre Mary Joseph kienu qedgħin jagħtu speċi ta’ rapport lil dawn il-persuni distinti, imma dawn kienu qegħdin jistaqsu aktar fuqi milli dwar l-opra. (nota227) Għal dak li għandu x’jaqsam mal-opra stess, ma kienx hemm dubju, għax il-glorja ta’ Alla diġa’ kienet qiegħda tiġi mħabbra. 

 

 

1464.            Illum qiegħda nħossni ħafna aħjar. Fraħt li stajt nimmedita iktar waqt is-Siegħa ta’ Adorazzjoni. Imbagħad smajt vuċi: Mintix ser tkun tajba f’saħħtek. Tħallix is-Sagrament tal-Qrar, għax din il-ħaġa ma togħġobnix. Tagħtix kas tat-tgergir ta’ dawk ta’ madwarek. Stagħġibt b’dan, għax illum kont qiegħda nħossni aħjar, imma ma ħsibtx aktar fuq hekk. X’ħin is-soru tfiet id-dawl, bdejt nagħmel is-Siegħa tal-Adorazzjoni. Imma wara ftit bdejt inħoss xi ħaġa mhux sewwa f’qalbi. Bqajt inbati fis-skiet sal-ħdax, imma mbagħad tant bdejt inħossni ħażin li qajjimt lil Swor N. (probabilment Swor Fabiola), li qiegħda miegħi fil-kamra u tatni xi taqtir, li għenuni ftit u stajt nimtedd. Issa qiegħda nifhem x’avżani l-Mulej. Iddeċidejt li l-għada nsejjaħ lil saċerdot, ikun min ikun, u niftaħ quddiemu s-sigrieti ta’ ruħi. Imma dan ma kienx kollox, għax filwaqt li kont qiegħda nitlob għall-midinbin u noffri it-tbatijiet kollha tiegħi għalihom, l-ispirtu ħażin ma setax jissaportiha din il-ħaġa.

 

 

1465.            Filwaqt li ħa forma ta’ dehra, huwa qal, “Titlobx għall-midinbin, imma għalik innifsek, għax int ser tintilef.” Filwaqt li jiena ma tajtx kas ta’ Satana, komplejt nitlob b’ħerqa doppja għall-midinbin. L-ispirtu ħażin beda jingħi bir-rabja, “O, li kieku kelli s-setgħa fuqek!” u għeb. Jiena stajt nara li t-tbatija u t-talb tiegħi kienu qedgħin jorbtu lil Satana u jaħtfulu ħafna erwieħ minn taħt idejh.

 

 

1466.            Ġesu’, li tant tħobb is-salvazzjoni tal-bnedmin, iġbed lill-erwieħ kollha lejn il-ħajja divina. Jalla l-kobor tal-ħniena Tiegħek tkun mfaħħra hawn fl-art u fl-eternita’. O maħbub kbir tal-erwieħ, li fil-ħniena Tiegħek bla tarf ftaħt l-għejjun fejjieda tal-ħniena sabiex l-erwieħ dgħajfin ikunu jistgħu jissaħħu fil-pellegrinaġġ ta’ din il-ħajja, il-ħniena Tiegħek tgħaddi tiġri matul ħajjitna bħal ħajta tad-deheb u żżomm il-kuntatt tagħna ma’ Alla. Għax Hu m’għandu bżonn ta’ xejn biex iġiblu l-ferħ; għalhekk kollox hu biss opra tal-ħniena Tiegħu. Is-sensi tiegħi jkunu minfuda bil-ferħ meta Alla jagħtini li nsir iktar konxja minn dak l-attribut kbir tiegħu; jiġifieri, il-ħniena Tiegħu bla tarf.

 

 

1467.            7 ta’ Jannar 1938. L-ewwel Ġimgħa tax-xahar. Dalgħodu waqt il-Quddiesa, għal ftit minuti biss, rajt is-Salvatur qed ibati. Li laqatni kien li Ġesu’ tant kellu paċi fost it-tbatijiet kbar Tiegħu. Jiena fhimt li din kienet lezzjoni għalija kif għandha tkun l-imġieba tiegħi minn barra, fost id-diversi tbatijiet tiegħi.

 

 

1468.            Għal żmien twil mhux ħażin, ħassejt uġigħ f’idejja, f’riġlejja u f’ġenbi. Imbagħad rajt lil ċertu midneb li kien qed jieħu ġid spiritwali mit-tbatijiet tiegħi jersaq qrib il-Mulej. Dan kollu għall-erwieħ li huma ‘l bogħod minn Alla.

 

 

1469.            + Illum mort inqerr għand il-kappillan (Dun Theodore). Ġesu’ farraġni permezz ta’ dan is-saċerdot. O Ommi, Knisja ta’ Alla, inti Omm vera li tifhem lil uliedek . . .

 

 

1470.            O, kemm hi ħaġa sewwa li Ġesu’ għad jiġġudikana skont il-kuxjenza tagħna u mhux skont ma jgħidu u jiġġudikaw in-nies. O tjubija li ħadd ma jista’ jifhimha, qiegħed narak mimli tjubija fl-istess waqt tal-ġudizzju.

 

 

1471.            Għalkemm qiegħda nħossni debboli, u n-natura tiegħi qiegħda tgħajjat għas-serħan, qiegħda nħoss l-ispirazzjoni tal-grazzja tgħidli nżomm sħiħ u nikteb, nikteb sabiex infarraġ lill-erwieħ, li jiena tant inħobb u li magħhom għad naqsam l-eternita’ kollha. U jiena nixtieq b’tant ħerqa li huma jkollhom il-ħajja eterna li din hi r-raġuni għaliex jiena nuża l-ħin liberu kollu tiegħi, ukoll jekk ikun żmien qasir, sabiex nikteb bil-mod li Ġesu’ jixtieq mingħandi.

 

 

1472.            8 ta’ Jannar. Waqt il-Quddiesa, kelli waqt wieħed ta’ għarfien dwar Dun S., li Alla qed jiġi mogħti glorja kbira permezz tal-isforzi tagħna t-tnejn. U għalkemm aħna ninsabu mbegħdin minn xulxin, spiss inkunu flimkien, għax ninsabu maqgħudin b’għan wieħed.

 

 

1473.            O Ġesu’ tiegħi, l-unika xewqa tiegħi, għalkemm illum xtaqt nirċevik b’ħeġġa ikbar minn qabel, madankollu, preċiżament illum, ruħi għandha nixfa ikbar mis-soltu. Il-fidi tiegħi tissaħħaħ iktar, u għalhekk il-frott tal-miġja Tiegħek, Mulej, ser ikun kotran. Għalkemm ħafna drabi Inti tiġi mingħajr ma tmissli s-sensi tiegħi u ssaltan biss f’ruħi, is-sensi wkoll xi kultant jifirħu bil-miġja Tiegħek.

 

 

1474.            Spiss nitlob lill-Mulej Ġesu’ jagħtini fehma mdawla bil-fidi. Din il-ħaġa ngħidha lill-Mulej b’dan il-kliem: Ġesu’, agħtini l-fehma, fehma kbira, għal dan il-għan biss, biex inkun nista’ nifhmek aħjar; għax aktar ma nsir nafek, aktar inħobbok bil-ħeġġa, Ġesu’, nitolbok don qawwi tal-fehma, sabiex inkun nista’ nifhem ħwejjeġ divini u għoljin. Ġesu’, agħtini fehma ħajja, li biha nibda nagħraf l-Essenza Divina Tiegħek u l-ħajja ġewwinija Tiegħek ma’ Alla wieħed fi Tliet Persuni. Agħti lill-fehma tiegħi dawn il-kapaċitajiet u dispożizzjonijiet permezz tal-grazzja speċjali Tiegħek. Għalkemm jiena naf li hemm kapaċita’ permezz tal-grazzja mogħtija lili mill-Knisja, hemm ukoll teżor ta’ grazzji li Inti tagħtina, O Mulej, meta aħna nitolbuhomlok. Imma jekk it-talba tiegħi ma togħġbokx, mela nitolbok, tagħtinix l-inklinazzjoni biex nitlob b’dan il-mod.”

 

 

1475.            Jiena nipprova li jkolli l-ikbar perfezzjoni possibbli sabiex inkun ta’ użu għall-Knisja. Ħafna ikbar hi r-rabta tiegħi mal-Knisja. Il-qdusija jew il-waqgħa ta’ kull ruħ individwali tħalli effett fuq il-Knisja kollha kemm hi. Meta noqgħod nosserva lili nnifsi u lil dawk il-persuni qrib tiegħi, nibda nifhem kemm għandi influwenza kbira fuq erwieħ oħrajn, mhux permezz ta’ xi għemejjel erojċi, għax dawn minnhom innfushom jiġbdu l-attenzjoni, imma permezz ta’ azzjonijiet ċkejknin bħal mossa bl-idejn, ħarsa u ħafna affarijiet oħrajn li ma jingħaddux, li jkollhom effett fuq l-oħrajn u jirriflettu fl-erwieħ tal-oħrajn, bħalma osservajt jiena stess.

 

 

1476.            O, kemm hi ħaġa tajba li r-regola tagħna titlob li jkun hemm skiet assolut fid-dormitorju (kmamar tas-sodda komuni) u ma tħalliniex noqgħodu hemm sakemm ma jkunx assolutament meħtieġ. Bħalissa għandi kamra ċkejkna fejn norqdu tnejn minna, imma meta kont marida u kelli noqgħod fis-sodda, skoprejt kemm idejjaqt jekk ikun hemm xi ħadd fil-kamra tas-sodda l-ħin kollu. Swor N. (nota228) kellha xi xogħol tal-idejn x’tagħmel u baqgħet fil-kamra tas-sodda kważi l-ħin kollu, u S. (nota229) oħra kienet tiġi biex tgħallimha kif għandha taħdmu. Diffiċli tiddeskrivi kemm tgħajjik din il-ħaġa, speċjalment meta tkun marida  u tkun għaddejt xi lejl muġugħa. Kull kelma tħalli effett x’imkien fil-moħħ, speċjalment meta l-għajnejn jitqalu bin-ngħas. O regola, kemm hemm imħabba fik . . .

 

 

1477.            Meta, waqt il-Vespri, kien qed jitkanta l-Magnificat, u waslu fil-kliem “Hu wera s-saħħa ta’ driegħu”, spirtu profond ta’ ġabra dar madwar ruħi, u jiena fhimt li l-Mulej ser iwettaq xogħlu ġewwa ruħi dalwaqt. (nota230) Issa ma nistagħġibx li l-Mulej ma wrinix kollox mill-ewwel.

 

 

1478.            + Għaliex Inti qalbek sewda llum, Ġesu’? Għidli, min hu l-kawża ta’ dan-niket Tiegħek? U Ġesu’ weġibni, Erwieħ magħżulin li m’għandhomx l-ispirtu Tiegħi, li jgħixu skont l-ittra (ara 2 Kor 3:6) u li poġġew l-ittra qabel l-ispirtu Tiegħi, qabel l-ispirtu ta’ mħabba.

 

Jiena waqqaft il-liġi Tiegħi kollha fuq l-imħabba, u madankollu ma nistax nara l-ebda mħabba, lanqas fl-ordnijiet reliġjużi. Għal din ir-raġuni Qalbi hi mimlija niket.

 

 

+

Ġ.M.Ġ

 

1479.            O Ġesu’ tiegħi, għalkemm fl-imrar terribbli u fl-uġigħ

Xorta waħda nħoss it-tmellisa tal-Qalb Divina Tiegħek.

Bħal omm twajba, Inti tagħfasni ma’ sidrek

U issa wkoll Inti tagħtini l-esperjenza ta’ x’hemm moħbi wara l-velu.

 

O Ġesu’ tiegħi, f’dan il-baħħ u l-biża’ li hawn madwari,

Qalbi għadha tħoss is-sħana tal-ħarsa Tiegħek,

Li l-ebda tempesta ma tista’ tneħħili minn quddiemi,

Filwaqt li Inti serraħli moħħi mill-imħabba kbira Tiegħek, O Alla.

 

O Ġesu’ tiegħi, fost il-miżerji kbar ta’ din il-ħajja,

Inti tiddi bħal kewkba, O Ġesu’, u tħarisni mill-għarqa.

U għalkemm kbar huma l-miżerji tiegħi,

Jiena għandi fiduċja kbira fil-qawwa tal-ħniena Tiegħek.

 

O Ġesu’ moħbi, fost il-ħafna taqbid tal-aħħar siegħa tiegħi,

Jalla tinxered fuq ruħi s-setgħa bla tarf tal-grazzja Tiegħek,

Sabiex filwaqt tal-mewt jiena nkun nista’ nħares lejk

U narak wiċċ imb’wiċċ, bħalma jagħmlu l-magħżulin fil-ġenna.

 

O Ġesu’ tiegħi, fost il-perikli li hawn madwari,

Jiena ngħaddi ħajti ngħajjat bil-ferħ, rasi merfugħa ‘l fuq,

Għax mal-Qalb Tiegħek hekk mimlija mħabba, O Ġesu’,

Jitfarrku l-għedewwa kollha u jintemm id-dlam kollu.

 

 

1480.            + Ġesu’, aħbini fil-ħniena Tiegħek u ħarisni minn dak kollu li jista’ jbeżżgħali ruħi. Tħallix li tkun diżappuntata l-fiduċja tiegħi fil-ħniena Tiegħek. Għattini u ħarisni bis-Setgħa Tiegħek bla tarf, u ġġudikani wkoll il-ħniena.

 

 

1481.            Illum (nota231) waqt il-Quddiesa, rajt il-Bambin Ġesu’ ħdejn il-ġinokkjatur tiegħi. F’għajnejja deher qisu kellu xi sena, u talabni nżommu f’dirgħajja. X’ħin ħadtu f’dirgħajja, ġie jitgeddes fuq sidri u qalli, Hi ħaġa tajba għalija li nkun qrib qalbek. “Għalkemm Inti daqshekk ċkejken, jiena naf li Inti Alla. Għalfejn ħadt id-dehra ta’ tarbija hekk ċkejkna sabiex Inti tikommunika miegħi?”

 

Għax irrid ngħallmek it-tfulija spirtwali. Jiena rridek tkun ċkejkna, għax meta inti tkun ċkejkna, Jiena nkun qed inġorrok qrib il-Qalb Tiegħi, bħalma inti qiegħda żżommni qrib qalbek bħalissa. U ma’ dan il-kliem, erġajt sibt ruħi waħdi, imma ħadd ma jista’ jimmaġina l-emozzjonijiet ta’ ruħi, tant kont mgħaddsa f’Alla b’mod sħiħ, bħal sponża mitfugħa fil-baħar . . .

 

 

1482.            + O Ġesu’tiegħi, Inti taf li jiena sibt ruħi f’ħafna nwkiet għax għidt il-verita’. O verita’, li ta’ spiss tinżamm minn taħt, inti kważi dejjem tkun liebsa kuruna tax-xewk! O verita’ Eterna, weżinni sabiex ikolli l-kuraġġ ngħid il-verita’ wkoll jekk għad jiġri li jkolli nħallas b’ħajti minħabba f’hekk. O Ġesu’, kemm hi ħaġa iebsa temmen dan il-fatt, meta wieħed jara li jgħallmuk mod u jgħixu mod ieħor.

 

 

1483.            Din hi r-raġuni  għaliex, waqt l-irtir, wara li għamilt osservazzjoni twila fuq il-ħajja, iddeċidejt li nsammar għajnejja fuqek Ġesu’, li Int il-mudell l-iżjed perfett. O eternita’, li għad tikxef  ħafna sigrieti u turi b’mod ċar il-verita’. . .

 

 

1484.            O Ostja ħajja, weżinni f’dan l-eżilju, sabiex ikolli s-saħħa nimxi bil-fedelta’ fil-passi tas-Salvatur. Minix nitolbok, Mulej, tniżżilni minn fuq is-salib, imma nitolbok tagħtini s-saħħa li nibqa’ fuqu bla ma niċċaqlaq. Irrid li nkun minxura fuq is-salib bħalma kont Int, Ġesu’. Irrid it-torturi u l-uġigħ kollu li Inti batejt. Irrid nixrob sal-inqas qatra t-tazza tal-imrar.

 

 

It-Tjubija ta’ Alla

 

1485.            Il-ħniena ta’ Alla, moħbi fis-Sagrament Imqaddes, leħen il-Mulej li jkellimna mit-tron tal-ħniena: Ejjew Għandi, intom ilkoll.

 

Djalogu bejn Alla ħanin u r-ruħ midinba

 

Ġesu’: Tibżax mis-Salvatur tiegħek, O ruħ midinba. Jiena nagħmel l-ewwel mossa biex niġi għandek, għax naf li waħdek m’intix kapaċi tintrefa’ lejja. Binti, taħrabx minn Missierek; kun lesta li titkellem bil-miftuħ ma’ Alla tiegħek tal-ħniena li jrid jgħid il-kliem ta’ maħfra u jxerred fuqek il-grazzji Tiegħu bil-kotra. Kemm hi għażiża għalija ruħek! Jiena nqaxt ismek fuq il-pala ta’ idejja; inti tinsab minquxa bħal ferita fonda ġewwa Qalbi.

 

Ir-ruħ: Mulej, jiena qiegħda nisma’ leħnek isejjaħli biex nerġa’ lura mit-triq tad-dnub, imma la għandi s-saħħa u lanqas il-kuraġġ biex nagħmel dan.

 

Ġesu’: Jiena s-saħħa tiegħek, Jiena ngħinek fit-taqbida.

 

Ir-ruħ: Mulej, jiena qiegħda nagħraf il-qdusijaTiegħek, u jiena nibża’ minnek.

 

Ġesu’: Binti, inti tibża’ minn Alla tal-ħniena? Il-qdusija Tiegħi ma tellifnix milli nuri l-ħniena. Ara, għalik Jiena waqqaft tron ta’ ħniena f’din l-art – it-tabernaklu – u minn dan it-tron Jiena nixtieq nidħol ġewwa qalbek. Madwari la hemm min jimxi warajja u lanqas għassiesa. Inti tista’ tiġi Għandi kull ħin, ikun x’ħin ikun; Jiena rrid nitkellem miegħek u nixtieq nagħtik il-grazzja Tiegħi.

 

Ir-ruħ: Mulej, niddubita li Inti taħfirli l-ħafna dnubiet tiegħi; il-miżerja tiegħi timlieni bil-biża’.

 

Ġesu’: Il-ħniena Tiegħi hi ikbar mid-dnubiet tiegħek u dawk tad-dinja kollha. Min jista’ jkejjel kemm hi kbira t-tjubija Tiegħi?  Għalik Jiena nżilt mis-sema fl-art; għalik ippermettejt li niġi msammar mas-salib; għalik ħallejt il-Qalb Imqaddsa Tiegħi tiġi minfuda b’lanza, u b’dan il-mod infetħet beraħ il-għajn tal-ħniena għalik. Ejja, mela, bil-fiduċja biex tiġbed il-grazzji minn din il-għajn. Jiena qatt ma ngħid le lil qalb niedma. Il-miżerja tiegħek għebet fil-fond tal-ħniena Tiegħi. Toqgħodx tilmenta miegħi dwar id-dgħjufija tiegħek. Jiena nieħu gost jekk inti terħi f’idejja l-inkwiet u d-dwejjaq tiegħek. Jiena ser inferra’ fuqek it-teżori tal-grazzja Tiegħi.

 

Ir-ruħ: Bi tjubitek Inti rbaħt, O Mulej, il-qalb tiegħi iebsa bħall-ġebel. B’fiduċja u b’umilta’, jiena nersaq lejn it-tribunal tal-ħniena Tiegħek, fejn Inti stess tagħtini l-assoluzzjoni permezz tar-rappreżentant Tiegħek. O Mulej, jiena nħoss il-grazzja u l-paċi Tiegħek jimlew lil ruħi msejkna. Inħossni mirbuħa mill-ħniena Tiegħek, O Mulej. Inti taħfirli, ħaġa li hi ikbar milli jiena kont nissogra nittama jew li kont nista’ nimmaġina. It-tjubija Tiegħek hi ikbar mix-xewqat kollha tiegħi. U issa, mimlija radd il-ħajr għal tant grazzji, jiena nistiednek tiġi ġewwa qalbi. Jiena tbegħidt, bħall-iben il-ħali li tilef it-triq; imma Inti dejjem bqajt missieri. Żid il-ħniena Tiegħek lejja, għax Inti qed tara kemm jiena dgħajfa.

 

Ġesu’: Binti, titkellimx iżjed dwar il-miżerja tiegħek; Jiena diġa’ nsejtha. Isma’, binti, x’nixtieq ngħidlek. Ersaq qrib il-ġrieħi Tiegħi u iġbed mill-Għajn tal-Ħajja dak kollu li tixtieq qalbek. Ixrob bix-xaba’ mill-Għajn tal-Ħajja u ma tgħejjiex fil-mixi tiegħek. Ħares lejn il-glorji tal-ħniena Tiegħi u tibżax mill-għedewwa tas-salvazzjoni tiegħek. Igglorifika l-ħniena Tiegħi.

 

 

Djalogu bejn Alla Ħanin u r-ruħ li qatgħet jiesha.

 

1486.            Ġesu’: O Ruħ mgħaddsa fid-dlam, tiddisprax. Mhux kollox hu mitluf s’issa. Ejja u afda f’Alla tiegħek, li Hu mħabba u ħniena.

 

- Imma r-ruħ li ma tismax lanqas dan l-appell, titkebbeb fid-dlam. Ġesu’ jerġa’ jsejħilha: Binti, isma’ leħen Missierek ħanin.

 

- Fir-ruħ tfeġġ din it-tweġiba: “Għalija m’hemm l-ebda ħniena,” u hija taqa’ f’dalma ikbar, f’disperazzjoni li ddewwaqha l-infern minn qabel u li ma tħallihiex tkun kapaċi tersaq lejn Alla.

 

Għat-tielet darba Ġesu’ jerġa’ jsejjaħ lir-ruħ, imma r-ruħ tibqa’ truxa u għamja, iebsa u ddisprata. Imbagħad tibda taħdem il-ħniena ta’ Alla, u mingħajr il-kooperazzjoni tar-ruħ, Alla jagħtiha l-grazzja tal-aħħar. Jekk din ukoll ma tiġix milqugħa, Alla jħalli lir-ruħ għall-eternita’ f’din id-dispożizzjoni li tkun għażlet hi stess. Din il-grazzja toħroġ mill-Qalb ħanina ta’ Ġesu’ u tagħti lir-ruħ dawl speċjali li permezz tiegħu r-ruħ tibda tifhem l-isforz li Alla qed jagħmel; imma l-konverżjoni tiddependi mir-rieda tagħha stess. Ir-ruħ taf li din hi għaliha l-grazzja tal-aħħar u, ukoll jekk hi turi l-inqas sinjal ta’ rieda tajba, il-grazzja ta’ Alla twettaq il-bqija.

 

Il-ħniena Tiegħi bla tarf qiegħda taħdem hawnhekk. Hienja r-ruħ li takkwista ġid spiritwali minn din il-grazzja.

 

Ġesu’: Liema ferħ jimlieli Qalbi meta inti terġa’ lura għandi. Għax inti dgħajfa, Jiena nerfgħek f’dirgħajja u nieħdok fid-dar ta’ Missieri.

 

Ir-ruħ: (bħallikieku qamet, tistaqsi beżgħana): Possibbli li għad hemm il-ħniena għalija?

 

Ġesu’: Iva, binti, Inti għandek jedd speċjali fuq il-ħniena Tiegħi. Ħalliha taħdem fir-ruħ imsejkna tiegħek; ħalli r-raġġi tal-grazzja jidħlu ġewwa ruħek; huma jġibu magħhom dawl, sħana u ħajja.

 

Ir-ruħ: Imma x’ħin naħseb fuq dnubieti nimtela’ bil-biża’, u din il-biża’ terribbli ġġegħelni niddubita mit-tjubija Tiegħek.

 

Ġesu’: Binti, dnubietek kollha kemm huma ma ferewlix Qalbi u ma weġġgħunix daqskemm iferini u jweġġgħani n-nuqqas ta’ fiduċja li inti qiegħda turi bħalissa – li wara tant sforzi tal-imħabba u l-ħniena Tiegħi, inti għadek xorta waħda tiddubita mit-tjubija Tiegħi.

 

Ir-ruħ: O Mulej, salvani Inti, għax ser nintilef. Kun is-salvatur tiegħi. O Mulej, ma nista’ ngħid xejn iżjed; ruħi msejkna tinsab imċarta; imma Inti O Mulej . . .

 

Ġesu’ ma jħallix lir-ruħ tispiċċa imma jerfagħha mill-art, mill-fond tal-miżerja tagħha u jeħodha ġewwanett fil-Qalb tiegħu fejn dnubietha kollha jgħibu fil-pront, ikkonsmati mill-fjammi tal-imħabba.

 

Ġesu’: Hawnhekk, ruħ, jinsabu t-teżori kollha ta’ Qalbi. Ħu kulma għandek bżonn minn hemm.

 

Ir-ruħ: O Mulej , Inti rbaħtni bil-grazzja Tiegħek. Jiena qiegħda nħoss li daħlet fija ħajja ġdida u, fuq kollox, nista’ nħoss imħabbtek ġewwa qalbi. Dan biżżejjed għalija. O Mulej, jiena nigglorifika s-Setgħa bla tarf tal-Ħniena Tiegħek għall-eternita’ kollha. It-tjubija Tiegħek timlieni bil-kuraġġ u jiena ser nafda fik id-dwejjaq kollha li hemm ġewwa qalbi.

 

Ġesu’: Għidli kollox, binti, taħbili xejn, għax il-Qalb Tiegħi mimlija mħabba, il-Qalb tal-Aqwa Ħabib tiegħek, qiegħda tisimgħek.

 

Ir-ruħ: O Mulej, issa jiena nista’ nara l-ingratitudni kollha tiegħi u t-tjubija Tiegħek. Inti kont qed tiġri warajja bil-grazzja Tiegħek, filwaqt li jiena kont qiegħda nfixkel il-Qalb tajba Tiegħek. Jiena qiegħda nara li ħaqqni l-fond tal-infern talli ma lqajtx il-grazzji Tiegħek.

 

Ġesu’(jinterrompi): Tintilifx toqgħod taħseb fuq il-miżerji tiegħek – inti għadek wisq dgħajfa biex titkellem fuqhom – imma, pjuttost, ibqa’ ħares lejn il-Qalb Tiegħi mimlija tjubija, u mtela bis-sentimenti Tiegħi. Kompli ssielet għall-manswetudni u l-umilta’; kun ħanina mal-oħrajn, bħalma Jien ħanin miegħek; u, meta tħossok li qiegħda tonqoslok is-saħħa, jekk inti tiġi fl-għajn tal-ħniena biex issaħħaħ lil ruħek, inti ma tgħejjiex fit-triq.

 

Ir-ruħ: Issa jiena nista’ nifhem il-ħniena Tiegħek, li tħarisni, u bħal kewkba tiddi, teħodni fid-dar ta’ Missieri, u tħarisni mill-waħx tal-infern li jiena ħaqqni, mhux darba, imma għal elf darba. O Mulej, l-eternita’ mhix biżżejjed għalija biex nagħti t-tifħir li jixraq lill-ħniena Tiegħek bla tarf u lill-kompassjoni li Inti għandek għalija.

 

 

+ Djalogu bejn Alla Ħanin u r-ruħ li qiegħda tbati

 

1487.            Ġesu’: Ruħ imsejkna, Jiena qed nara li inti qiegħda tbati ħafna u lanqas għandek saħħa biżżejjed biex inti titkellem miegħi. Għalhekk ser inkellmek Jiena. Ukoll jekk it-tbatijiet tiegħek huma kbar ħafna, inti m’għandekx taqta’ qalbek jew taqa’ fi swied ta’ qalb. Imma għidli binti, min issogra jferilek qalbek? Għidli kollox, kun sinċiera Miegħi, urini l-feriti kollha ta’ qalbek. Jiena ser infejjaqhom, u t-tbatija tiegħek issir mezz biex inti titqaddes.

 

Ir-ruħ: Mulej, it-tbatijiet tiegħi tant huma kbar u ħafna u tant ilhom għaddejjin li jiena qiegħda naqta’ qalbi.

 

Ġesu’: Binti, taqtax qalbek. Jiena naf li inti għandek fiduċja sħiħa Fija; naf li inti konxja mill-ħniena u t-tjubija Tiegħi. Ejja nitkellmu fit-tul fuq dak kollu li tant qed jagħfas fuq qalbek.

 

Ir-ruħ: Tant hemm affarijiet differenti li ma nafx fuqhiex ser naqbad nitkellem l-ewwel, lanqas kif ser nesprimi ruħi.

 

Ġesu’: Kellimni b’mod sempliċi, bħalma jitkellmu l-ħbieb bejniethom. Għidli issa, binti, x’inhu jżommok milli timxi ‘l quddiem fil-qdusija?

 

Ir-ruħ: In-nuqqas ta’ saħħa jżommni lura fit-triq tal-qdusija. Ma nistax inwettaq dmirijieti. Jiena ma niswa għal xejn bħal rota żejda fuq vagun. Ma nistax nagħmel mortifikazzjoni jew insum bl-ebda mod bħalma kienu jagħmlu l-qaddisin. Minbarra dan, ħadd ma jemminni li jiena marida, u għalhekk l-uġigħ mentali jiżdied mal-uġigħ tal-ġisem, u ta’ spiss inħossni umiljata. Ġesu’ kif jista’ xi ħadd isir qaddis f’ċirkustanzi bħal dawn?

 

Ġesu’: Veru, binti, dan kollu jfisser uġigħ. Imma m’hemm l-ebda triq li twassal għall-ġenna ħlief it-triq tas-salib. Jiena kont l-ewwel wieħed li mxejt f’din it-triq. Inti għandek titgħallem li din hija l-iqsar triq u l-iktar waħda żgura.

 

Ir-ruħ: Mulej, hemm ostaklu ieħor fit-triq tal-qdusija. Għax jiena fidila lejk, niġi ppersegwitata u jkolli nbati ħafna.

 

Ġesu’: Għax inti m’intix ta’ din id-dinja, id-dinja tobgħodok. L-ewwel ippersegwitat lili. Il-persekuzzjoni hi sinjal li inti tinsab miexja warajja bil-fedelta’.

 

Ir-ruħ: Mulejja, ninsab ukoll qalbi maqtugħa għax la s-superjuri u lanqas il-konfessur tiegħi ma jistgħu jifhmu l-provi interjuri tiegħi, Swidija qiegħda ddallamli moħħi. Kif nista’ nimxi ‘l quddiem? Dan kollu jaqtagħli qalbi u jżommni lura fl-isforzi tiegħi biex nilħaq il-qċaċet tal-qdusija.

 

Ġesu’: Mela, binti, din id-darba kellek ħafna xi tgħidli. Jiena nifhem kemm hi ħaġa iebsa meta ma jifhmukx, u l-aktar meta dawn ikunu dawk il-persuni li inti tħobb u li magħhom inti tkun ftaħt qalbek. Imma biżżejjed għalik li tkun taf li Jiena nifhem l-inkwiet u l-miżerja kollha tiegħek. Togħġobni l-fidi kbira li inti għandek, minkejja kollox, fir-rappreżentant Tiegħi. Tgħallem minn din il-ħaġa li ħadd ma jista’ jifhem ruħ għal kollox – din il-ħaġa l-ebda bniedem ma jasal għaliha. Għalhekk, Jiena bqajt f’din id-dinja biex infarraġ il-qalb miġugħa tiegħek u nsaħħaħlek ruħek, sabiex inti ma taqtax qalbek fit-triq. Inti qiegħda tgħid li swidija kbira qiegħda ddallamlek moħħok. Imma għaliex, fi żminijiet bħal dawn, ma tiġix għandi, id-dawl li jista’ f’waqt wieħed iferra’ f’ruħek għarfien ikbar dwar il-qdusija, ħafna iktar milli inti tista’ ssib fil-kotba? L-ebda konfessur m’hu kapaċi jgħallem u jdawwal lir-ruħ b’dan il-mod.

 

Kun af ukoll, li d-dalma li inti qiegħda tilmenta fuqha Jiena għaddejt minnha qablek fil-Ġnien taż-Żebbuġ meta ruħi sfat mgħaffġa bi tbatija li tqarreb għall-mewt. Jiena qed nagħtik sehem f’dawk it-tbatijiet minħabba l-imħabba speċjali li għandi għalik u minħabba l-grad għoli ta’ qdusija li Jiena nixtieq li inti jkollok fil-ġenna. Ruħ li qiegħda tbati tinsab l-iktar qrib ta’ Qalbi.

 

Ir-ruħ: Ħaġ’oħra, Mulej. X’għandi nagħmel meta nies, speċjalment dawk li kelli dritt niddependi minnhom fi żminijiet meta l-iktar ikolli bżonn, ma jagħtux kasi u ma jridux jafu bija?

 

Ġesu’: Binti, agħmel riżoluzzjoni li qatt ma tiddependi min-nies. Afda lilek innifsek, kollok kemm int, fir-rieda Tiegħi u għid, “Mhux kif irrid jiena, imma jkun minni skont ir-rieda Tiegħek, O Alla.” Dan il-kliem, jekk inti tlissnu fil-fond ta’ qalbek, jista’ jgħolli lir-ruħ sal-quċċata tal-qdusija fi żmien qasir. Jiena nitpaxxa b’ruħ bħal din. Ruħ bħal din tagħtini glorja. Ruħ bħal din timla’ l-ġenna bil-fwieħa tal-virtu’ tagħha. Imma ifhem li s-saħħa biex inti tkun tiflaħ għat-tbatija tiġi mit-Tqarbin ta’ spiss. Mela ersaq ta’ spiss lejn din il-għajn tal-ħniena, biex inti tiġbed permezz tal-fiduċja, dak kollu li għandek bżonn.

 

Ir-ruħ: Grazzi, Mulej, tat-Tjubija Tiegħek li bqajt magħna f’dan l-eżilju bħala Alla tal-ħniena u talli tberikna bid-dija tal-kompassjoni u tat-tjubija Tiegħek. Bid-dawl tal-ħniena Tiegħek jiena wasalt biex nifhem kemm Inti tħobbni.

 

 

Djalogu bejn Alla Ħanin u r-ruħ li qiegħda tipprova ssir Perfetta.

 

1488.            Ġesu’: Jogħġbuni l-isforzi tiegħek, O ruħ li qiegħda taspira għall-perfezzjoni, imma għaliex qiegħed narak hekk ta’ spiss qalbek sewda u mnikkta? Għidli, binti, xi jfisser dan is-swied ta’ qalb u x’qed jikkawżah?

 

Ir-ruħ: Mulej, ir-raġuni ta’ dan is-swied ta’ qalb tiegħi hi li, minkejja r-riżoluzzjonijiet sinċieri tiegħi, jiena nerġa’ naqa’ fl-istess difetti tiegħi. Filgħodu nagħmel ir-riżoluzzjonijiet, imma filgħaxija nara kemm mort ‘il bogħod minnhom.

 

Ġesu’: Qiegħda tara, binti, x’inti minnek innfisek. Il-kawża tal-waqgħat tiegħek hi li inti tiddependi wisq minnek innifsek u ftit wisq Minni. Imma tħallix din il-ħaġa ssewwidlek qalbek daqshekk. Inti għandek x’taqsam ma’ Alla tal-ħniena li l-miżerja tiegħek ma tistax tasal sal-fond tagħha. Ftakar, Jiena ma ffissajtx ċertu numru biss ta’ maħfriet.

 

Ir-ruħ: Iva, jiena dan kollu nafu, minn tentazzjonijiet kbar jagħmlu għalija, u diversi dubji jfiġġu ġewwa fija, u, iżjed u iżjed, kollox idejjaqni u jaqtagħli qalbi.

 

Ġesu’: Binti, kun af li l-ikbar ostakli għall-qdusija huma l-qtigħ il-qalb u l-ansjeta’ eseġerata. Dawn ma jħallulekx il-kapaċita’ li inti tipprattika l-virtu’. It-tentazzjonijiet kollha flimkien m’għandhomx itellfu l-paċi interjuri, lanqas għal mument wieħed biss. Is-sensittivita’ u l-qtigħ il-qalb huma frott tal-egoiżmu. M’għandekx taqta’ qalbek, imma tħabat biex tara mħabbti ssaltan minflok l-egoiżmu tiegħek. Għandu jkollok fiduċja, binti. Taqtax qalbek tiġi għall-maħfra, għax Jiena dejjem ninsab lest li naħfirlek. Kull darba li inti tittallab għaliha, inti tkun qiegħda tigglorifika l-ħniena Tiegħi.

 

Ir-ruħ: Jiena nista’ nifhem x’inhi l-aħjar ħaġa li għandi nagħmel, x’jogħġbok l-iktar, imma niltaqa’ ma’ tfixkil kbir meta niġi biex nagħmel xi ħaġa dwar dan.

 

Ġesu’: Binti, il-ħajja f’din l-art hi tassew taqbida; taqbida kbira għas-saltna Tiegħi. Imma tibżax għax m’intix waħdek. Jiena dejjem inwieżnek; mela serraħ fuqi sakemm qiegħda titqabad, u tibża’ minn xejn. Ħu f’idejk ġarra tal-fiduċja, imliha u ixrob mill-għajn tal-ħajja għalik innifsek – imma wkoll għall-erwieħ oħrajn, l-iktar għal dawk li m’għandhomx fiduċja fit-tjubija Tiegħi.

 

Ir-ruħ: O Mulej, inħoss qalbi qiegħda timtela bi mħabbtek u r-raġġi tal-ħniena u tal-imħabba Tiegħek qegħdin jinfduli ruħi. Jiena ser immur, Mulej, skont il-kmand Tiegħek. Immur biex nirbaħ l-erwieħ. Imsaħħa bil-grazzja Tiegħek, jiena ninsab lesta biex nimxi warajk, mhux biss sat-Tabor, imma wkoll sal-Kalvarju. Nixtieq immexxi l-erwieħ sal-għajn tal-ħniena Tiegħek sabiex id-dija tal-ħniena Tiegħek tkun tista’ tiġi riflessa fl-erwieħ kollha, u d-dar ta’ Missierna tkun tista’ timtela’ sakemm tfur. U meta l-għadu jibda jaħbat għalija, jiena nistkenn wara t-tarka tal-ħniena Tiegħek.

 

 

Djalogu bejn Alla Ħanin u ruħ Perfetta.

 

1489.            Ir-ruħ: Mulej u Mgħallem tiegħi, nixtieq nitkellem miegħek.

 

Ġesu’: Tkellem, binti għażiża, għax Jiena dejjem qiegħed nisma’. Qiegħed nistenniek. X’tixtieq tgħid?

 

Ir-ruħ: Mulej, l-ewwel ħallini nferra’ qalbi f’riġlejk filwaqt li nidlikhom bil-fwieħa tar-radd il-ħajr tiegħi għal ħafna barkiet li Int xxerred fuqi bil-kotra; ukoll li kieku ridt, ma kontx nista’ ngħoddhom. Li nista’ niftakar biss li qatt ma kien hemm waqt wieħed f’ħajti meta ma ħassejtx l-esperjenza tal-ħarsien u tat-tjubija Tiegħek.

 

Ġesu’: Il-kliem tiegħek jogħġobni, u r-radd il-ħajr tiegħek jiftaħ teżori ġodda ta’ grazzji. Imma, binti, għandna nitkellmu b’iktar dettall fuq il-ħwejjeġ li jinsabu ġewwa qalbek. Ejja nitkellmu ma’ xulxin min qalbna, bħalma jagħmlu żewġt iqlub li jħobbu lil xulxin.

 

Ir-ruħ: O Mulejja ħanin, hemm sigrieti ġewwa qalbi li ħadd ma jafhom, jew li ħadd ma jista’ qatt isir jafhom ħliefek għax, ukoll li kieku jiena ridt nirrevelahom, ħadd ma jifhimni. Il-ministru Tiegħek jaf xi ftit għax jiena mmur inqerr għandu, imma hu jaf biss dawk il-ftit misteri li jiena kapaċi nuri; il-bqija jibqa’ bejnietna għall-eternita’, O Mulejja! Inti għattejtni bil-mant tal-ħniena Tiegħek u ħfirtli dnubieti. Lanqas darba ma ċħadtli l-maħfra Tiegħek; Inti dejjem ħennejt għalija u tajtni l-ħajja ġdida tal-grazzja. Biex tevitali d-dubji, Inti afdajtni fil-premura u fl-imħabba tal-Knisja Tiegħek, dik l-omm ħanina, li f’Ismek tassigurani mill-veritajiet tal-fidi u toqgħod għassa tiegħi sabiex jiena ma noħroġx mit-triq. Speċjalment fit-tribunal tal-ħniena Tiegħek ruħi tiltaqa’ ma’ oċjean ta’ grazzji, għalkemm Inti ma tajtx iż-żmien biex huma jindmu lill-Anġli li waqgħu, lanqas ma żidtilhom iż-żmien tal-ħniena. O Mulejja, Inti pprovdejtli saċerdoti qaddisin biex juruni t-triq iż-żgura.

 

Ġesu’, hemm sigriet ieħor f’ħajti, dak l-iktar profond u l-iktar għażiż għal qalbi: dan huwa Inti stess meta Inti tiġi ġewwa qalbi taħt ix-xbieha tal-ħobż. Hawn jinsab is-sigriet kollu tal-qdusija tiegħi. Hawnhekk qalbi tkun maqgħuda ma’ Tiegħek sabiex ikunu ħaġa waħda. Ma jibqax sigrieti iktar, għax dak kollu li hu Tiegħek huwa tiegħi,u dak kollu li hu tiegħi huwa Tiegħek. Daqshekk huma s-Setgħa bla tarf  u l-miraklu tal-ħniena Tiegħek. L-ilsna kollha tal-bnedmin u tal-anġli magħqudin flimkien ma jsibux il-kliem adattat għal dan il-misteru tal-imħabba u l-ħniena Tiegħek.

 

X’ħin nikkontempla dan il-misteru, qalbi ssib ruħha f’estasi mill-ġdid. Jiena ngħidlek kollox fis-skiet, Mulej, għax il-lingwa tal-imħabba m’għandhiex bżonn ta’ kliem; lanqas l-ebda ċaqliqa ta’ qalbi ma taħrablek. O Mulej, meta Inti ndenjajt tiċċekken daqshekk lejja b’mod hekk kbir, dan iqajjem ġewwa ruħi mħabba dejjem ikbar għalik, li Inti l-uniku għan ta’ mħabbti. Il-ħajja ta’ din l-għaqda turi ruħha f’safa perfetta, umilta’ profonda, skiet ħelu, u ħerqa kbira għas-salvazzjoni tal-erwieħ.

 

O Mulej tiegħi l-iktar ħelu, Int tgħasses fuqi kull waqt u ddawwalli moħħi x’għandi nagħmel f’sitwazzjoni preċiża, meta qalbi tkun għandha qiegħda taħsibha x’għandha tagħżel bejn iż-żewġ affarijiet. Int stess ta’ spiss indħalt biex tgħinni niddeċiedi f’każ ta’ diffikulta’. Ħafna drabi li ma nistax ngħoddhom, permezz ta’ dawl f’daqqa waħda, Inti għarraftni x’jogħġbok l-iktar.

 

O kemm huma numerużi l-każijiet ta’ maħfra li ħadd ma jaf bihom! Kemm –il darba Int ferrajt ġewwa ruħi kuraġġ u perseveranza sabiex jiena nibqa’ miexja ‘l quddiem. Kont Inti stess li neħħejt it-tfixkil minn quddiemi, u ndħalt direttament fl-azzjonijiet tal-bnedmin. O Ġesu’, dak kollu li jiena għidtlek huwa biss dell fjakk ta’ dak li qed jiġri ġewwa qalbi. O Ġesu’ tiegħi, b’liema ħerqa jiena nixtieq il-konverżjoni tal-midinbin! Inti taf jiena x’qiegħda nagħmel għalihom biex nirbaħhom għalik. Kull offiża kontrik lili tweġġgħani ħafna. Ma nibża’ għal xejn, la għal saħħti lanqas għal ħajti stess, sabiex jiena niddefendi s-saltna Tiegħek. Għalkemm l-isforzi tiegħi jibqgħu ma jidhrux f’din l-art, xorta waħda huma prezzjużi f’għajnejk.

 

O Ġesu’, jiena rrid inġib l-erwieħ fejn l-għajn tal-ħniena Tiegħek sabiex huma jimlew l-ilma li jagħti l-ħajja permezz tal-fiduċja. Ir-ruħ li tixtieq li jkollha iktar mill-ħniena ta’ Alla għandha tersaq lejn Alla b’fiduċja ikbar; u jekk il-fiduċja tagħha f’Alla tkun bla limitu, imbagħad il-ħniena ta’ Alla lejha tkun ukoll bla tarf. O Alla tiegħi, li taf  b’kull taħbita ta’ qalbi, Inti taf  b’liema ħerqa jiena nixtieq li l-qlub kollha jħabbtu għalik biss, li kull ruħ tigglorifika l-kobor tal-ħniena Tiegħek.

 

Ġesu’: Binti l-maħbuba, għaxqa ta’ Qalbi, kliemek huma iktar għeżież għalija u jogħġbuni iktar mill-kor tal-anġli. It-teżori kollha ta’ Qalbi jinsabu miftuħin għalik. Ħu minn din il-Qalb dak kollu li inti teħtieġ għalik u għad-dinja kollha. Minħabba mħabbtek, Jiena qed inżomm lura l-kastigi ġusti, li l-umanita’ ħaqqha. Att wieħed ta’ mħabba pura jogħġobni iktar minn elf talba imperfetta. Waħda mit-tnehid tiegħek ta’ mħabba tpattili għal ħafna offiżi li bihom jiksuni dawk li ma jemmnux f’Alla. L-iżgħar att ta’ virtu’ għandu valur bla tarf f’għajnejja minħabba l-imħabba kbira li inti għandek għalija. F’ruħ li tgħix biss bi mħabbti, Jiena nsaltan bħalma nagħmel fil-ġenna. Jiena ngħasses fuqha lejl u nhar. Fiha nsib il-hena Tiegħi; widinti tkun attenta għal kull talba tal-qalb tagħha; ħafna drabi Jiena nantiċipa t-talb tagħha. O binti, maħbuba b’mod speċjali Minni, il-mimmi ta’ għajnejja, ejja strieħ mument wieħed qrib Qalbi u duq minn dik l-imħabba li inti għad titpaxxa biha għall-eternita’ kollha.

 

Imma, binti, għadek ma wasaltx f’pajjiżek; mela mur, imsaħħa bil-grazzja Tiegħi, u ssielet għas-saltna Tiegħi fl-erwieħ; issielet bħalma jixraq lil bint sultan; u ftakar li l-jiem tal-eżilju tiegħek għad jgħaddu malajr, u magħhom il-possibilta’ li takkwista l-mertu għall-ġenna. Minn għandek, binti, qiegħed nistenna għadd kbir ta’ erwieħ li għad jigglorifikaw il-ħniena Tiegħi għall-eternita’ kollha. Binti, sabiex inti tkun tista’ twieġeb għas-sejħa Tiegħi denjament, irċevini kuljum fit-Tqarbin Imqaddes. Dan jagħtik is-saħħa . . .

 

Ġesu’, tħallinix waħdi fit-tbatija. Inti taf, Mulej, kemm jiena dgħajfa. Jiena abbiss ta’ miżerja, u waħdi ma jiena xejn; għalhekk x’għaġeb jekk titlaqni u naqa? Għadni tarbija, Mulej, għalhekk ma nistax nimxi waħdi. Madankollu, imqar jekk inħossni mitluqa, nibqa’ nittama; il-fiduċja tiegħi fik qed tibdilni għal kollox – ta’ spiss minkejja dak kollu li nħoss. Tnaqqasli xejn mit-tbatija li għandi, biss agħtini l-qawwa biex inġarrabha. Agħmel bija dak li jogħġbok, Mulej; biss agħtini l-grazzja li nkun nista’ nħobbok f’kull ġrajja u ċirkustanza. Mulej, ittaffilix il-kalċi tal-imrar, biss agħtini s-saħħa biex inkun nista’ nixorbu kollu.

 

O Mulej, xi drabi Inti tgħollini sad-dija tad-dehriet, u mbagħad Inti terġa’ titfagħni fid-dalma tal-lejl u fl-abbiss tax-xejn tiegħi, u ruħi tħossha bħallikieku kienet waħedha fid-deżert. Imma fuq kollox jiena nafda fik, Ġesu’, għax Inti ma tinbidilx. Il-burdati tiegħi jinbidlu, imma Inti dejjem l-istess, mimli ħniena.

 

 

1490.            + Ġesu’, għajn ta’ ħajja, qaddisni. O saħħa tiegħi, qawwini. Kmandant tiegħi, issielet għalija. L-uniku dawl ta’ ruħi, dawwalni. Mgħallem tiegħi, mexxini. Nafda lili nnifsi f’idejk bħalma tarbija tafda fl-imħabba ta’ ommha. Ukoll li kieku kollox kellu jdur kontrija, u wkoll jekk l-art iċċedi taħt riġlejja, jiena nkun fil-paċi qrib Qalbek. Inti dejjem omm l-iktar ħelwa għalija, u tgħaddi lill-ommijiet kollha. Bis-skiet tiegħi jiena nkantalek l-uġigħ tiegħi, u Inti m’għandekx bżonn il-kliem tiegħi biex tifhimni . . .

 

 

1491.            + Il-Mulej ġie jżurni llum u qalli, Binti, tibżax minn dak li għad jiġrilek. Jiena ma nagħtik xejn li ma tiflaħx għalih. Inti taf il-qawwa tal-grazzja Tiegħi; dik għandha tkun biżżejjed għalik. Wara dan il-kliem, il-Mulej għenni nifhem iktar fil-fond il-ħidma tal-grazzja Tiegħu.

 

 

1492.            Qabel it-Tqarbin, Ġesu’ tani x’nifhem li ma kellix assolutament nagħti kas x’kienet sejra tgħid ċerta soru, għax il-malizzja u l-makkakerija tagħha ma kinux jogħġbuh. Binti, titkellimx ma’ din il-persuna dwar il-ħsibijiet jew l-opinjonijiet tiegħek. Jiena tlabt maħfra mingħand il-Mulej għal dak li ma kienx jogħġbu f’dik ir-ruħ, u tlabtu isaħħaħni bil-grazzja Tiegħu meta hi kienet terġa’ tiġi sabiex titkellem miegħi. Hija staqsietni dwar ħafna affarijiet, u jiena weġibt bl-imħabba tiegħi kollha bħala oħtha, u sabiex nuri li jiena tkellimt magħha bi kliem, ħiereġ mill-fond ta’ qalbi, jiena għidtilha wkoll xi affarijiet li kellhom x’jaqsmu mal-esperjenza tiegħi stess. Imma l-intenzjonijiet tagħha kienu kemmxejn differenti mill-kliem li kellha fuq xofftejha . . .

 

 

1493.            + O Ġesu’ tiegħi, minn dak il-waqt li jiena ngħatajt kollni kemm jien f’idejk, jiena ma bqajtx naħseb fija nnifsi. Inti tista’ tagħmel bija kulma trid. Jiena f’ħaġa waħda biss naħseb; jiġifieri, x’tippreferi Inti; x’nista’ nagħmel, O Mulej sabiex jiena nogħġbok. Inkun lesta nisemma u nishar għal kull opportunita’. Ma jimpurtanix jekk minn barra niġi ġġudikata mod ieħor f’din il-ħaġa . . .

 

 

1494.            15 ta’ Jannar 1938. Illum, meta ġiet tarani s-soru li dwarha kien fetaħli għajnejja l-Mulej, jiena ħejjejt ruħi spiritwalment għat-taqbida. Għalkemm swieli ħafna, ma ċċaqlaqtx l-iċken naqra minn dak li kkmandani l-Mulej. Imma meta għaddiet siegħa u s-soru m’għamlet l-ebda mossa li kienet sejra, ġewwa fija bdejt insejjaħ lil Ġesu’ sabiex jgħinni. Imbagħad smajt vuċi ġewwa ruħi qiegħda tgħidli, Tibżax. Qiegħed inħares lejk bħalissa stess u qiegħed ngħinek. Dalwaqt ser nibgħatlek żewġ sorijiet li ġejjin iżuruk, u mbagħad ikun faċli għalik tkompli l-konverżazzjoni. U f’dak il-waqt daħlu żewġ sorijiet, imbagħad il-konverżazzjoni kienet ħafna iktar faċli, għalkemm baqgħet sejra għal nofs siegħa oħra.

 

 

1495.            O, kemm hi ħaġa tajba ssejjaħ lil Ġesu’ biex jgħinek waqt konverżazzjoni. O, kemm hi ħaġa tajba, waqt mument ta’ paċi, li titlob għall-grazzji attwali. Nibża’ fuq kollox minn dan it-tip ta’ konverżazzjoni kunfidenzjali; f’ħinijiet bħal dawn ikun hemm bżonn ta’ ħafna dawl divin sabiex wieħed jikseb il-ġid, kemm għar-ruħ tal-persuna l-oħra kif ukoll għal tiegħek stess. Imma Alla jiġi sabiex jgħinna; imma jeħtieġ li aħna nitolbuh l-għajnuna. Ħadd m’għandu jafda żżejjed fih innifsu.

 

 

1496.            17 ta’ Jannar 1938. Illum, minn kmieni filgħodu ruħi kienet fid-dlam. Ma nistax nintrefa’ lejn Ġesu’, u nħossni qisni abbandunata minnu. Minix sejra ndur lejn il-kreaturi għad-dawl, għax naf li huma mhumiex ser idawluni jekk Ġesu’ jrid iżommni fid-dlam. Jiena nissottometti ruħi għar-rieda qaddisa Tiegħu u nbati. Iżda, it-taqbida qiegħda ssir iktar u iktar qalila. Waqt il-Vespri, jiena ridt ningħaqad mas-sorijiet permezz tat-talb.

 

 

1497.            X’ħin mort, fil-ħsibijiet tiegħi, fil-kappella, l-ispirtu tiegħi ġie mitfugħ f’dalma iżjed kbira. Skuraġġiment totali rikbitni. Imbagħad smajt il-vuċi ta’ Satana: “Ara x’kuntradizzjoni hemm f’dak kollu li jagħtik Ġesu’: Huwa jgħidlek twaqqaf kunvent u mbagħad jagħtik marda; Huwa jgħidlek twaqqaf il-Festa tal-Ħniena filwaqt li d-dinja kollha ma tridx festa bħal din. Għaliex qiegħda titlob għal festa bħal din? M’hemmx postha bħalissa.” Ruħi baqgħet siekta u, permezz ta’ att tar-rieda tiegħi, jiena bqajt nitlob mingħajr ma dħalt f’konverżazzjoni mal-ispirtu tad-Dlam. Madankollu rikbitni stmerrija starordinarja għall-ħajja, li kelli nisforza biex nagħmel att kbir tar-rieda tiegħi biex nagħti l-kunsens tiegħi biex nibqa’ ngħix . . .

 

U rġajt smajt kliem it-tentatur: “Itlob għall-mewt għalik innifsek, għada wara t-Tqarbin. Alla jisimgħek, għax Hu diġa’ semgħek tant drabi u tak dak li inti tlabt.” Jiena bqajt siekta u, permezz ta’ att tar-rieda tiegħi, bdejt nitlob, jew pjuttost, issottomettejt ruħi għal Alla u tlabtu ġewwa fija ma jitlaqnix f’mument bħal dan. Kienu diġa’ l-ħdax ta’billejl, u kien hemm is-skiet madwarna. Is-sorijiet kienu kollha reqdin fiċ-ċelel tagħhom, u ruħi waħedha kienet qiegħda titqabad b’saħħitha kollha.

 

It-tentatur kompla jgħidli: “Għalfejn għandek tħabbel rasek fuq erwieħ oħrajn? Inti suppost qiegħda titlob biss għalik innifsek. Rigward il-midinbin, dawn jikkonvertu mingħajr it-talb tiegħek. Jiena nista’ nara li inti qiegħda ssofri ħafna bħalissa. Ser nagħtik parir li minnu għad jiddependi l-hena tiegħek: qatt titkellem fuq il-ħniena ta’ Alla u, b’mod speċjali, tħajjarx lill-midinbin biex jafdaw fil-ħniena ta’ Alla, għax huma ħaqqhom kastig ġust. Ħaġa oħra importanti ħafna: tgħidx lill-konfessur tiegħek, u b’mod speċjali lil dan il-konfessur straordinarju u dan is-saċerdot ġo Vilnius, x’ikun għaddej ġewwa ruħek. Jiena nafhom; naf min huma, u għalhekk irrid inwissik biex toqgħod attenta kontrihom. Qiegħda tara, biex inti tgħix bħal soru tajba, biżżejjed tgħix bħall-oħrajn. Għalfejn tesponi ruħek għal tant diffikulatjiet?

 

 

1498.            Jiena bqajt siekta, u permezz ta’ att tar-rieda tiegħi bqajt ngħammar f’Alla, għalkemm ħarbitli tnehida minn qalbi. Sa fl-aħħar, it-tentatur telaq u jiena fil-pront mort norqod bla saħħa. Filgħodu, immedjatament wara li tqarbint, mort fil-pront fiċ-ċella tiegħi u fuq irkobbtejja ġeddidt l-att tiegħi ta’ sottomissjoni f’kollox għar-rieda ta’ Alla. “Ġesu’, nitolbok, agħtini s-saħħa għat-taqbida. Ikun minni skont ir-rieda l-iżjed qaddisa Tiegħek. Ruħi tintelaq fir-rieda l-iżjed qaddisa Tiegħek.

 

 

1499.            Dak il-ħin rajt lil Ġesu’ li qalli, Jiena kuntent b’dak li inti qiegħda tagħmel. U inti tista’ tkompli tkun fil-paċi jekk inti dejjem tagħmel mill-aħjar li tista’ dwar din l-opra tal-ħniena. Kun assolutament sinċiera kemm tista’ mal-konfessur tiegħek.

 

Satana ma rebaħ xejn meta ttentak, għax inti ma tkellimtx miegħu. Kompli b’dan il-mod. Illum inti tajtni glorja kbira meta tqabadt tant fedelment. Ħalli tkun ikkonfermata u minquxa f’qalbek din il-ħaġa li Jiena dejjem miegħek, ukoll jekk inti ma tħossx il-preżenza Tiegħi fil-ħin tat-taqbida.

 

 

1500.            Illum, l-imħabba ta’ Alla ħaditni fid-dinja l-oħra. Jiena ninsab mgħarrqa kollni kemm jiena fl-imħabba; inħobb u nħoss li jiena maħbuba, u jiena konxja bis-sħiħ minn din l-esperjenza. Ruħi tinsab mgħarrqa fil-Mulej, u qiegħda tagħraf il-Majesta’ kbira ta’ Alla u ċ-ċokon tagħha stess; imma permezz ta’ dan l-għarfien qiegħed jiżdied il-hena tiegħi . . . Dan il-fatt li jiena konxja minnu tant hu ċar f’ruħi, tant qawwi u, fl-istess ħin, tant ħelu.

 

 

1501.            + Issa li qiegħda nsib diffikulta’ sabiex norqod billejl, għax it-tbatija tiegħi ma tippermettilix, jiena mmur inżur il-knejjes u l-kappelli kollha u, ukoll jekk ikun biss għal waqt qasir, jiena nagħmel att ta’ adorazzjoni quddiem is-Sagrament Imqaddes. X’ħin nerġa’ lura fil-kappella tiegħi, jiena mbagħad noqgħod nitlob għal ċerti saċerdoti li jħabbru u jigglorifikaw il-Ħniena Divina. Jiena nitlob ukoll għall-intenzjonijiet tal-Qdusija Tiegħu l-Papa u għall-ħniena għall-midinbin – hekk qegħdin ikunu l-iljieli tiegħi.

 

 

1502.            20 ta’ Jannar 1938. Jiena qatt ma noqgħod inżiegħel b’ħadd. It-tifħir żejjed ma nissaportihx, għax l-umilta’ m’hi xejn ħlief verita’. M’hemmx biża’ jew mistħija fl-umilta’ vera. Għalkemm jiena nqis lili nnifsi l-iċken waħda fil-kunvent kollu, mill-banda l-oħra, nifraħ bl-unur li għandi li jiena għarusa ta’ Kristu. Ma jimpurtax li ta’ spiss nisma’ n-nies jgħiduli li jiena supperva, għax naf li l-ġudizzju tan-nies ma jasalx jiddixxerni l-motivi għall-azzjonijiet tagħna.

 

 

1503.            Meta, fil-bidu tal-ħajja reliġjuża tiegħi, wara n-novizzjat, bdejt neżerċita ruħi iktar fl-umilta’, l-umiljazzjonijiet li Alla bagħatli ma kinux biżżejjed għalija. U hekk, fil-ħerqa żejda tiegħi, bdejt infittex aktar minn dawn waħdi, u ta’ spiss dhert f’għajnejn is-superjuri tiegħi mod ieħor milli kont fir-realta’ u bdejt nitkellem dwar il-miżerji li ma kelli ebda idea tagħhom. Imma wara ftit, Ġesu’ tani x’nifhem li l-umilta’ m'hi xejn ħlief il-verita’. Minn dak iż-żmien ‘il quddiem, bdilt l-ideat tiegħi u bil-fedelta’ bdejt nimxi wara d-dawl ta’ Ġesu’. Tgħallimt li jekk ir-ruħ tkun ma’ Ġesu’, Huwa ma jippermettilhiex li tiżbalja.

 

 

1504.            + Mulej, inti taf li minn żgħożiti jiena dejjem fittixt ir-rieda Tiegħek u, meta għaraft x’inhi, dejjem ippruvajt inwettaqha. Ruħi drat l-ispirazzjonijiet tal-Ispirtu Qaddis, li jiena fidila lejh. F’nofs l-ikbar storbju smajt il-vuċi ta’ Alla. Jiena dejjem inkun naf x’ikun għaddej ġewwa fija . . .

 

 

1505.            Qiegħda nissielet għall-qdusija, għax b’dan il-mod jiena għad inkun utli għall-Knisja. Il-ħin kollu nipprova nipprattika l-virtu’. Nipprova nimxi wara Ġesu’ bil-fedelta’. U jiena npoġġi din s-sensiela ta’ virtujiet ta’ kuljum - fis-skiet, moħbijin, kważi ma jidhrux, imma mwettqin bi mħabba kbira – fit-teżor tal-Knisja ta’ Alla għall-benefiċċju komuni tal-erwieħ. Inħossni ġewwa fija bħallikieku kont responsabbli tal-erwieħ kollha. Naf tajjeb ħafna li jiena minix qiegħda ngħix għalija nnifsi biss imma għall-Knisja kollha . . .

 

 

1506.            + O Alla li ħadd ma jista’ jifhmu, qalbi qiegħda tinħall bil-ferħ li Inti ħallejtni nidħol sa ġewwa l-misteri tal-ħniena Tiegħek!  Kollox jibda bil-ħniena Tiegħek u jispiċċa bil-ħniena Tiegħek.

 

 

1507.            Il-grazzja kollha kemm hi tiġi mill-ħniena, u fl-aħħar siegħa l-ħniena hi abbundanti għalina. Ħadd m’għandu jiddubita dwar it-tjubija ta’ Alla; ukoll li kieku d-dnubiet ta’ xi ħadd kienu mudlama bħal-lejl, il-ħniena ta’ Alla hija iktar qawwija mill-miżerja tagħna. Ħaġa waħda biss hemm bżonn: Li l-midneb ibexxaq il-bieb ta’ qalbu, ukoll għal ftit, biex Alla jdaħħal raġġ tal-grazzja ħanina Tiegħu, u mbagħad Alla jagħmel il-bqija. Imma msejkna dik ir-ruħ li għalqet il-bieb għall-ħniena ta’ Alla, ukoll fl-aħħar siegħa. Kienu fil-fatt erwieħ bħal dawn li tefgħu lil Ġesu’ f’niket tal-mewt fil-Ġnien taż-Żebbuġ; fil-fatt, kien mill-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħu li ħarġet il-ħniena divina.

 

 

1508.            21 ta’ Jannar (1938). Ġesu’, kemm tkun ħaġa tassew kerha li tbati, li kieku ma kienx għalik. Imma inti, Ġesu’, mixur fuq is-salib, tagħtini s-saħħa u dejjem tinsab qrib tar-ruħ li qiegħda tbati. Il-kreaturi jabbandunaw lil dak li jkun fit-tbatija tiegħu, imma Inti, O Mulej, Inti fidil . . .

 

 

1509.            Ta’ spiss jiġri li meta xi ħadd jimrad, bħal fil-każ ta’ Ġob fit-Testment il-Qadim, sakemm wieħed jista’ jiċċaqlaq u jaħdem, kollox jibqa’ miexi sewwa; imma meta Alla jibgħat marda, b’xi mod jew ieħor, issib inqas ħbieb madwarek. Imma xorta waħda, jibqa’ xi ftit. Jibqgħu jieħdu l-interess fit-tbatija tagħna u dan kollu; imma jekk Alla jibgħat marda itwal, ukoll dawn il-ħbieb fidili bil-mod il-mod jibdew jitilquna. Jiġu jżuruna inqas ta’ spiss, u spiss iż-żjarat tagħhom joħolqu fina t-tbatija. Minflok ma jfarrġuna, iċanfruna dwar ċert affarijiet – ħaġa li sservi ta’ okkażjoni ta’ ħafna tbatija. U hekk ir-ruħ, bħal Ġob, tkun tinsab waħedha; imma fortunatament mhix waħedha, għax Ġesu’-Ostja jkun magħha.

 

Wara li doqt dawn it-tbatijiet u għaddejt lejl sħiħ fl-imrar, l-għada filgħodu, meta l-kappillan (Dun Theodore) ġie biex iqarbinni, kelli nisforza biex nikkontrolla lili nnifsi biex ma ngħajjatx b’kemm kelli saħħa, “Merħba, l-uniku Ħabib veru tiegħi.” It-Tqarbin Imqaddes jagħtini s-saħħa sabiex inbati u nissielet.

 

Nixtieq nitkellem dwar ħaġa waħda oħra li kelli esperjenza tagħha: meta Alla la jagħti l-mewt u lanqas is-saħħa, u (meta) din il-ħaġa ddum għal ħafna snin, in-nies jidraw u jħarsu lejn dik il-persuna bħala waħda mhix marida. Imbagħad tibda sensiela sħiħa ta’ tbatijiet fis-skiet. Alla biss ikun jaf kemm sagrifiċċji jkollha tagħmel ir-ruħ.

 

 

1510.            Darba filgħaxija, x’ħin kont qiegħda nħossni tant marida li kont qiegħda naħseb kif kien ser jirnexxili nerġa’ lura fiċ-ċella tiegħi, iltqajt mas-Soru Assistenta (Swor Seraphina), li kienet qiegħda titlob lil waħda mis-sorijiet tal-ewwel kor biex tmur fejn il-kanċell b’ċertu messaġġ. Imma meta rat lili, qaltilha, “le, Sor, m’hemmx għalfejn tmur int, iżda tista’ tmur Swor Fawstina, għax nieżla x-xita sewwa.” Jiena weġibt, “Kollox sewwa”, u mort u għamilt dak li kelli nagħmel, imma Alla biss jaf il-bqija. Dan biss eżempju wieħed fost ħafna. Xi kultant donnu jidher li soru tat-tieni kor (nota232) hi tal-ġebel, imma hi wkoll bniedma u għadha qalb li tħoss . . .

 

 

1511.            Fi żminijiet bħal dawn, Alla nnifsu jiġi biex jgħinna, għax inkella r-ruħ ma tkunx tiflaħ dawn is-slaleb li għadni anqas biss bdejt nikteb dwarhom, u lanqas għandi intenzjoni nagħmel hekk issa. Imma meta nħoss l-ispirazzjoni biex nagħmel dan, għad nikteb dwarhom . . .

 

 

1512.            Illum waqt il-Quddiesa, rajt lill-Mulej Ġesu’ f’nofs it-tbatijiet Tiegħu, bħallikieku qed imut fuq is-salib. Huwa qalli, Binti, immedita ta’ spiss fuq it-tbatijiet li Jiena għaddejt minnhom minħabba fik, u mbagħad xejn  minn dak li inti tbati għalija ma jkunx jidher kbir f’għajnejk. Inti togħġobni l-iktar meta inti timmedita fuq il-Passjoni Ħarxa Tiegħi. Għaqqad it-tbatijiet ċkejknin tiegħek mal-Passjoni Ħarxa Tiegħi, sabiex huma jkollhom valur infint quddiem il-Majesta’ Tiegħi.

 

 

1513.            + Ġesu’ qalli llum, Inti spiss issejjaħli Mgħallem. Dan jogħġob lil Qalbi; imma tinsiex, dixxiplu Tiegħi, li inti dixxiplu ta’ Mgħallem Imsallab. Dik il-kelma għandha tkun biżżejjed għalik. Inti taf x’hemm fis-salib.

 

 

1514.            + Jiena tgħallimt li l-ikbar setgħa tinsab moħbija fil-paċenzja. Jiena nista’ nara li l-paċenzja dejjem twassal għar-rebħa, għalkemm mhux fil-pront; imma dik ir-rebħa għad tidher wara ħafna snin. Il-paċenzja hija marbuta mal-manswetudni.

 

 

1515.            + Jiena għaddejt dan il-lejl kollu flimkien ma’ Ġesu’ fil-ħabs fid-dlam. Dan kien lejl ta’ adorazzjoni. Is-sorijiet kienu qegħdin jitolbu fil-kappella, u kont qiegħda ningħaqad magħhom fl-ispirtu, għax in-nuqqas ta’ saħħa ma tippermettilix li mmur fil-kappella. Imma l-lejl kollu ma stajtx norqod, għalhekk għaddejt il-lejl fil-ħabs mudlam flimkien ma’ Ġesu’. Ġesu’ tani x’nifhem it-tbatijiet li Hu għadda minnhom hemmhekk. Id-dinja għad issir taf bihom f’jum il-ġudizzju.

 

 

1516.            Binti, għid lill-erwieħ li Jiena qed nagħtihom il-ħniena Tiegħi bħala difiża. Jiena stess qed nissielet għalihom u qed inġorr fuqi l-korla ġusta ta’ Missieri.

 

 

1517.            Għid, binti, li l-Festa tal-Ħniena Tiegħi ħarġet mill-irkejjen l-aktar fondi Tiegħi għall-konsolazzjoni tad-dinja kollha.

 

 

1518.            Ġesu’, il-paċi u s-serħan tiegħi, jiena qiegħda nitolbok bil-ħerqa għal dik is-soru , sabiex hija tinbidel minn ġewwa; għinha bis-saħħa tal-grazzja Tiegħek sabiex hi wkoll tista’ ssir perfetta.

 

 

1519.            + Illum qabel ma tqarbint, il-Mulej qalli, Binti, illum kellem bil-miftuħ lis-Superjura (Madre Irene) dwar il-ħniena Tiegħi għax, mis-superjura kollha, hija l-iktar li għamlet biex ixxandar il-ħniena Tiegħi. U fil-fatt, il-Madre Superjura ġiet illum wara nofs inhar, u tkellimna dwar din l-Opra ta’ Alla. Il-Madre qaltli li x-xbihat ma tantx ħarġu tajbin u ma tantx qegħdin jinbiegħu. “Imma”, hija qaltli, “Jiena stess qbadt kwantita’ minnhom u qiegħda nqassamhom kull fejn nista’ u qiegħda nagħmel mill-aħjar biex inxerred l-Opra tal-Ħniena.” X’ħin telqet, il-Mulej tani x’nifhem kemm kienet togħġbu din r-ruħ.

 

 

1520.            Illum il-Mulej qalli, Jiena ftaħt Qalbi bħala għajn ħajja tal-ħniena. Ħalli l-erwieħ kollha jiġu jiġbdu l-ħajja minnha. Għidilhom jersqu lejn dan il-baħar tal-ħniena b’fiduċja kbira. Il-midinbin jiksbu l-ġustifikazzjoni, u l-ġusti jiġu mwettqin fis-sewwa. Kull min ipoġġi l-fiduċja tiegħu fil-ħniena Tiegħi jimtela bil-paċi divina Tiegħi fis-siegħa tal-mewt.  

 

 

1521.            Il-Mulej qalli, Binti, tgħejjiex ixxandar il-ħniena Tiegħi. B’dan il-mod inti tqawwili mill-ġdid din il-Qalb Tiegħi, li qiegħda taqbad b’fjammi ta’ ħasra għall-midinbin. Għid lis-saċerdoti Tiegħi li l-midinbin b’qalbhom iebsa għad jindmu meta jisimgħuhom jitkellmu fuq il-ħniena Tiegħi bla tarf, fuq il-kumpassjoni li Jiena għandi għalihom f’Qalbi. Lil dawk is-saċerdoti li jxandru u jfaħħru l-ħniena Tiegħi, Jiena nagħtihom setgħa tal-għaġeb; Jiena nidlek u nikkonsagra kliemhom u mmiss il-qlub ta’ dawk li huma jkunu qedgħin jitkellmu magħhom.

 

 

1522.            Il-ħajja fil-komunita’ hija diffiċli minnha nnfisha, imma hija doppjament diffiċli tgħix flimkien ma’ erwieħ li huma suppervi. “O Alla, agħtini fidi aktar profonda sabiex jiena nkun nista’ dejjem nara f’kull soru x-xbieha qaddisa Tiegħek li ġiet minquxa ġewwa ruħha . . .

 

 

1523.            Imħabba li ma tispiċċa qatt, fjamma pura, aqbad ġewwa qalbi bla heda u ddivinizza l-esseri kollha tiegħi, skont dak li lilek jogħġbok għal dejjem, u li permezz tiegħu Int sejjaħtli sabiex jiena nibda neżisti u sabiex jiena jkolli sehem fil-hena Tiegħek bla tarf. O Alla ħanin, kienet biss il-ħniena Tiegħek li xerrdet fuqi bl-abbundanza dawn ir-rigali. Meta jiena nara ġewwa fija dawn ir-rigali kollha li Inti tajtni b’xejn, b’umilta’ profonda jiena nqim it-tjubija Tiegħek li ħadd ma jifhimha. Mulej, qalbi timtela’ bi stagħġib li Inti, Sid assolut, li m’għandek bżonn ta’ ħadd, xorta waħda tiċċekken daqshekk għax tħobbna bi mħabba safja. Qatt ma nixba’ nistagħġeb li l-Mulej ikollu relazzjoni hekk intima’ mal-ħlejjaq Tiegħu. Dik ukoll hi t-tjubija Tiegħu bla tarf. Kull darba li nibda din il-meditazzjoni, qatt ma nispiċċaha, għax l-Ispirtu tiegħi jegħreq għal kollox. Xi pjaċir hu li tħobb bil-qawwa kollha ta’ ruħek u li tħossok maħbuba iżjed u iżjed minn Alla, ġġarrab b’dan il-mod mill-iżjed konxju. M’hemmx kliem biex tfisser dan.

 

 

1524.            25 ta’ Jannar 1938. Ġesu’ tiegħi kemm Inti twajjeb u kemm għandek paċenzja. Inti ta’ spiss tħares lejna bħalma tħares lejn tfal ċkejnin. Aħna spiss nitolbuk bil-ħerqa, imma ma nkunux nafu x’aħna nitolbu, għax lejn it-tmiem tat-talba tagħna, meta inti tagħtina dak li nkunu tlabna ma nkunux irridu naċċettawh.

 

 

1525.            Darba, waħda soru ġiet għandi u tlabitni nitlob għax qaltli li ma setgħetx tkompli tissaporti l-affarijiet kif kienu. “U għalhekk, jekk jogħġbok itlob, Sor.” Jiena weġibtha li hekk kont sejra nagħmel, u bdejt novena lill-Ħniena Divina. Jiena sirt naf li Alla kien ser jagħtiha l-grazzja, imma għal darb’oħra hi kienet terġa’ ma tkunx sodisfatta meta kienet tirċeviha. Iżda jiena komplejt nitlob bħalma kienet qaltli nagħmel hi. L-għada l-istess soru ġiet tfittixni, u meta rġajna bdejna nitkellmu fuq l-istess ħaġa, jiena għidtilha, “Għandek tkun taf, Sor, li meta aħna nitolbu m’għandniex nisforzaw lil Mulej Alla jagħtina dak li aħna rridu, imma għandna pjuttost nissottomettu ruħna għar-rieda qaddisa Tiegħu.” Imma hija kienet qiegħda taħseb li dak li kienet qiegħda titlob għalih ma setgħetx tgħaddi mingħajru. Lejn it-tmiem tan-novena, is-soru reġgħet ġiet u qaltli, “O Sor, il-Mulej Ġesu’ tani l-grazzja, imma issa bidilt il-ħsieb. Jekk jogħġbok itlob sabiex l-affarijiet b’xi mod jerġgħu jinbidlu.” Jiena weġibt, “Iva, ser nitlob, imma li sseħħ fik ir-rieda ta’ Alla, Sor, u mhux dak li trid int.”

 

 

1526.            Qalb l-iżjed Ħanina ta’ Ġesu’,  ħarisna  mill-korla ġusta ta’ Alla.  

 

 

1527.            + Waħda soru l-ħin kollu tippersegwitani sempliċiment għax Alla jikkomunika miegħi b’tant intimita’, u hija taħseb li din hija biss pretensjoni min-naħa tiegħi. Meta hi taħseb li nkun għamilt xi ħaġa ħażin, tgħidli, “Xi wħud ikollhom ir-rivelazzjonijiet, imbagħad jagħmlu żbalji bħal dawn!” Dan qalitu lis-sorijiet kollha u dejjem b’dak is-sens ta’ tmaqdir, sabiex jiena nidher bħallikieku kont xi waħda stramba. Darba, weġġajt ħafna meta qgħadt naħseb kif din il-qatra bla ebda sinjifikat li hu l-moħħ tal-bniedem, jista’ jgħarbel hekk faċilment id-doni ta’ Alla. Wara t-Tqarbin, tlabt lill-Mulej idawwalha, imma xorta waħda sirt naf li r-ruħ mhix ser tilħaq il-perfezzjoni jekk ma tbiddilx id-dispożizzjonijiet interni tagħha.

 

 

1528.            + X’ħin lmentajt mal-Mulej Ġesu’ dwar ċerta persuna (u għidtlu), “Ġesu’, kif tista’ din il-persuna tiġġudika b’dak il-mod, ukoll dwar intenzjoni?” il-Mulej wieġeb, Tistagħġibx. Dik ir-ruħ lanqas biss taf lilha nnfisha, mela kif tista’ hi tgħaddi ġudizzju sewwa fuq ruħ oħra?

 

 

1529.            Illum rajt lil Dun Andrasz jitlob. Kont naf ukoll li kien qed  jinterċedi għalija mal-Mulej. Xi kultant il-Mulej jgħarrafni min ikun qiegħed jitlob għalija.

 

 

1530.            Qiegħda nżomm lili nnifsi daqsxejn lura, bħallikieku din l-opra ta’ Alla ma tinteressanix. Minix qiegħda nitkellem dwarha bħalissa, imma ruħi kollha kemm hi tinsab mgħaddsa fit-talb, u qiegħda nitlob lil Alla jkun daqshekk twajjeb li jgħaġġel jagħtina dan id-don kbir; jiġifieri, il-Festa tal-Ħniena. U qiegħda nara li Ġesu’ qiegħed jaħdem, u Hu stess qiegħed jagħti d-direttivi kif għandu jitwettaq dan. Xejn ma jiġri bl-addoċċ.

 

 

1531.            Illum għidt lill-Mulej Ġesu’, “Qiegħed tara kemm hemm diffikultajiet (li jeħtieġ li jintgħelbu) qabel ma jemmnu li Inti stess l-awtur ta’ din l-opra? U issa wkoll, mhux kulħadd jemmen fiha.” Kun fil-paċi, binti, xejn ma jista’ jeħodha kontra r-rieda Tiegħi. Minkejja t-tgergir u l-ostilita’ tas-sorijiet, ir-rieda Tiegħi għad isseħħ fik fil-milja kollha tagħha, sal-iċken dettall tax-xewqat u tal-pjanijiet Tiegħi. Issewwidx qalbek dwar dan; Jiena wkoll kont ostaklu għal xi erwieħ.

 

 

1532.            + Ġesu’ lmenta miegħi kemm iweġġgħu n-nuqqas ta’ fedelta’ tal-erwieħ magħżulin, u Qalbi tiġi mweġġgħa ħafna iktar meta huma ma Jafdawnix wara xi waqgħa. Kont inweġġa’ inqas li kieku huma ma kellhomx diġa’ l-esperjenza tat-tjubija ta’ Qalbi.

 

 

1533.            Rajt il-korla ta’ Alla qiegħda mdendla sewwa fuq il-Polonja. U issa nista’ nara illi kieku Alla kellu jżur lil pajjiżna bl-ikbar kastigi, dan xorta waħda kien ikun ħniena kbira għax, għal dnubiet hekk kbar, Hu jista’ jikkastigana billi jġibna fix-xejn għal dejjem. Ħassejtni pparalizzata bil-biża’, meta l-Mulej kixef daqsxejn il-velu għalija. Issa nista’ nara ċar li l-erwieħ magħżulin iżommu d-dinja fl-eżistenza sabiex jibbilanċjaw il-kejl (tal-ġustizzja).

 

 

1534.            + Kont qiegħda nara l-isforzi ta’ ċertu saċerdot fit-talb. It-talb tiegħu tixbah lil dik tal-Mulej Ġesu’ fil-Ġnien taż-Żebbuġ. O, li kieku dak is-saċerdot (probabilment Dun Sopocko) kien jaf kemm kienet togħġbu dik it-talba!

 

 

1535.            O Ġesu’, jiena qiegħda nissakkar ġewwa l-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek bħallikieku ġewwa fortizza li l-missili tal-għedewwa tiegħi ma jistgħu jagħmlu xejn kontrieha.

 

 

1536.            Illum sibt ruħi fil-preżenza ta’ ċerta persuna moribonda li kienet riesqa lejn il-mewt fl-inħawi tad-dar tagħna. Jiena għentha bit-talb tiegħi u, wara ftit mumenti, ħassejt għal ftit ħin uġigħ f’idejja, riġlejja u ġenbi . . .

 

 

1537.            27 ta’ Jannar 1938. Illum waqt is-Siegħa Adorazzjoni, Ġesu’ lmenta miegħi dwar l-ingratitudni tal-erwieħ: Bi ħlas tal-grazzji li nagħti, nirċievi ingratitudni. Biex ipattuli għal imħabbti, Jiena nirċievi indifferenza u jinsewni. Qalbi ma tiflaħx għal dan.

 

 

1538.            F’dak il-ħin, tant tkebbset ġewwa qalbi l-imħabba għal Ġesu’ li ntlift kollni kemm jien fih filwaqt li offrejt lili nnifsi għall-erwieħ li mhuwiex grati. X’ħin ġejt f’sensija, il-Mulej ippermettieli nduq ftit mill-ingratitudni li mlietlu Qalbu. Din l-esperjenza damet għal ftit ħin.

 

 

1539.            Illum għidt lill-Mulej, “Meta ser teħodni għandek? Ili nħossni tant marida, u ili nistenniek tiġi b’tant ħerqa!” Ġesu’ weġibni, Kun dejjem lesta; minix ser nħallik f’dan l-eżilju għal żmien twil. Ir-rieda qaddisa Tiegħi trid titwettaq ġewwa fik. O Mulej, jekk ir-rieda qaddisa Tiegħek għadha ma twettqix fija għal kollox, hawn jiena, lesta għal kulma Inti trid mingħandi, O Mulej! O Ġesu’ tiegħi, ħaġa waħda biss jiena nistagħġeb biha jiġifieri, li Inti għarraftni tant sigrieti; imma hemm sigriet wieħed – is-siegħa ta’ mewti – li Inti ma tridx tgħidli. U l-Mulej weġibni, Kun fil-paċi; Jiena għad ngħidlek imma mhux issa. O Mulejja, aħfirli għax ridt inkun naf din il-ħaġa. Inti taf sewwa għaliex, għax Inti taf kif inhi mxennqa qalbi, mimlija ħerqa sabiex tiġi għandek. Inti taf li jiena ma nixtieqx immut minuta qabel iż-żmien li Inti għażilt għalija sa minn qabel iż-żminijiet.

 

Ġesu’ qagħad jisma’ bi tjubija tal-għaġeb dak li jiena kont qiegħda nferra’ minn ġo qalbi.

 

 

1540.            28 ta’ Jannar 1938. Illum il-Mulej qalli, Binti, ikteb dan il-kliem: Dawk l-erwieħ kollha li jigglorifikaw il-ħniena Tiegħi u jxerrdu l-qima lejha, meta jħajru lill-oħrajn jafdaw fil-ħniena Tiegħi, ma jkollhomx esperjenza ta’ terrur fis-siegħa tal-mewt. Il-ħniena Tiegħi tkun it-tarka tagħhom f’dik il-battalja tal-aħħar . . .

 

 

1541.            Binti, ħajjar lill-erwieħ jgħidu l-kurunella li Jiena tajtek. Jiena nieħu gost nagħtihom dak kollu li huma jitolbuni permezz tal-kurunella. Meta midinbin b’qalbhom iebsa jgħiduha, Jiena nimlielhom ruħhom bil-paċi, u s-siegħa tal-mewt tagħhom tkun waħda hienja.

 

Ikteb dan għall-erwieħ li jinsabu għaddejjin mill-għawġ: meta ruħ tinduna bis-serjeta’ l-gravita’ tad-dnubiet tagħha, meta l-abbiss kollu tal-miżerja li fih hi ntefgħet jidher quddiem għajnejha, hi m’għandhiex tiddispra, imma bil-fiduċja għandha tintefa’ f’dirgħajn il-ħniena Tiegħi, bħalma tarbija tintefa’ f’dirgħajn l-omm maħbuba tagħha. Dawn l-erwieħ għandhom dritt ta’ prijorita’ fuq il-Qalb ħanina Tiegħi; huma l-ewwel li jilħqu l-ħniena Tiegħi. Għidilhom li l-ebda ruħ li sejħet il-ħniena Tiegħi ma ġiet iddiżapuntata jew umiljata. Jiena nitpaxxa b’mod speċjali b’ruħ li poġġiet il-fiduċja tagħha fit-tjubija Tiegħi. Ikteb illi meta huma jgħidu din il-kurunella fil-preżenza tal-moribond, Jiena nidħol bejn Missieri u l-moribond mhux bħala Mħallef Ġust iżda bħala Salvatur mimli ħniena.

 

 

1542.            F’dak il-waqt, il-Mulej tani x’nifhem kemm Hu għajjur għal qalbi.

 

Ukoll fost is-sorijiet inti tħossok waħdek. Kun af mela li Jiena rridek tingħaqad miegħi iktar mill-qrib. Jiena jimpurtani minn kull taħbita ta’ qalbek. Kull ċaqliqa ta’ mħabbtek hi riflessa fil-Qalb Tiegħi. Jiena għatxan għal imħabbtek. “Iva, O Ġesu’, imma anke qalbi ma tkunx kapaċi tgħix mingħajrek; għax ukoll li kieku l-qlub tal-ħlejjaq kollha kellhom jiġu offruti lili, ma jissodisfawx il-profondita’ ta’ qalbi.”

 

 

1543.            Illum għall-ħabta ta’ filgħaxija, il-Mulej qalli, Intelaq f’idejja kollok kemm int fis-siegħa tal-mewt, u Jiena nippreżentak lil Missieri bħala għarusa Tiegħi. U issa nirrikkmandalek li inti tgħaqqad, b’mod speċjali, ukoll l-iċken għemejjel tiegħek mal-merti Tiegħi, u mbagħad Missieri jħares lejhom bi mħabba bħallikieku kienu Tiegħi stess.

 

 

1544.            Tbiddilx l-eżami partikulari tiegħek li Jiena tajtek permezz ta’ Patri Andrasz; jiġifieri, li Inti tingħaqad Miegħi l-ħin kollu. Dan hu li Jiena qed nitlob mingħandek b’mod ċar illum. Kun tifla ċkejkna ma’ dawk li qegħdin f’ismi għax Jiena nissellef xofftejhom biex inkellmek, sabiex inti ma jkollokx dubji fuq xejn.

 

 

1545.            Saħħti ġiet ‘l quddiem mhux ħażin. Inżilt fir-refettorju u fil-kappella llum. Għadni ma nistax inkompli bid-dmirijiet tiegħi u, għalhekk qed nibqa’ fiċ-ċella tiegħi naħdem bin-newl li ninseġ bl-id (nagħmel il-borduri għall-bċejjeċ tal-għażel li jintużaw fuq l-altar). Dan ix-xogħol jogħġobni ħafna, imma wkoll b’xogħol hekk ħafif, ngħejja mill-ewwel. Nista’ nara kemm jiena dgħajfa. M’hemmx waqtiet li mhumiex importanti f’ħajti, għax kull mument ta’ ħajti mimli bit-talb, bit-tbatija u bix-xogħol. Jekk mhux b’mod wieħed b’xi ieħor, jiena nagħti glorja lil Alla; u li kieku Alla kellu jagħtini ħajja oħra, ma nafx jekk kontx nużaha b’xi mod aħjar . . .

 

 

1546.            Il-Mulej qalli, Kemm togħġobni mħabbtek. L-imħabba sinċiera tiegħek togħġob lill-Qalb Tiegħi bħall-fwieħa ta’ blanzun ta’ warda filgħodu, qabel max-xemx tkun neħħiet in-nida minn fuqha. Il-qalb friska tiegħek issaħħarni; din hi r-raġuni għaliex Jiena ningħaqad miegħek iktar mill-qrib milli mal-ebda kreatura oħra . . . 

 

 

1547.            Illum rajt l-isforzi ta’ dan is-saċerdot (Dun Sopocko) dwar l-affarijiet ta’ Alla. Qalbu qiegħda tibda dduq dak li mela l-Qalb ta’ Allla waqt il-ħajja Tiegħu f’din l-art. Biex ipattulu għal dawn l-isforzi tiegħu – ingratitudni . . . Imma hu ħerqan ħafna għall-glorja ta’ Alla . . .

 

 

1548.            30 ta’ Jannar 1938. Irtir ta’ ġurnata.

 

Il-Mulej tani x’nifhem, waqt il-meditazzjoni li sakemm qalbi tibqa’ tħabbat f’sidri, jiena għandi nibqa’ dejjem nistinka sabiex inxerred is-Saltna ta’ Alla fl-art. Jiena għandi nissielet għall-glorja tal-Ħallieq tiegħi.

 

Jiena naf li għad nagħti lil Alla l-glorja li Hu jistenna mingħandi jekk jiena nipprova nikkopera bil-fedelta’ mal-grazzja ta’ Alla.

 

 

1549.            Irrid ngħix fl-ispirtu ta’ fidi. Jiena naċċetta kollox li jiġrili bħallikieku ġie mogħti lili permezz tar-rieda ta’ Alla mimlija mħabba, għaliex Hu sinċerament iridni nkun ferħana. U għalhekk naċċetta b’sottomissjoni u gratitudni dak kollu li Alla jibgħatli. Ma nagħtix kas tal-vuċi tan-natura u dak li jgħidli l-egoiżmu tiegħi. Qabel kull azzjoni importanti, jiena nieqaf naħseb għal mument wieħed x’relazzjoni għandha mal-ħajja eterna u x’tista’ tkun ir-raġuni prinċipali tiegħi biex jiena nagħmilha: hija għall-glorja ta’ Alla, jew għall-aħjar ta’ ruħi, jew għall-aħjar tal-erwieħ tal-oħrajn? Jekk qalbi tgħid iva, jiena mbagħad xejn ma jċaqlaqni milli nwettaq dik l-azzjoni, u ma nagħtix kas ta’ ostakli jew sagrifiċċji. Xejn ma jbeżżgħani biex nabbanduna l-intenzjoni tiegħi. Għalija biżżejjed inkun naf li togħġob lil Alla. Mill-banda l-oħra, jekk insir naf li l-azzjoni m’għandha xejn x’taqsam ma’ dak li għadni kif semmejt, jiena nipprova ngħolliha għal sfera ogħla permezz ta’ intenzjoni tajba. U jekk insir naf li xi ħaġa ġejja mill-egoiżmu tiegħi, jiena nikkanċellaha mill-bidu.

 

 

1550.            F’każijiet dubbjużi, ma nagħmel xejn, imma nfittex bl-iktar mod skrupluż kajrifika mis-saċerdoti, u l-aktar mid-direttur spiritwali tiegħi. Ma nagħtix spjegazzjonijiet biex niddefendi lili nnifsi meta xi ħadd iċanfarni jew jikkritikani, jekk xi ħadd ma jitlobnix direttament nagħti xhieda tal-verita’. B’paċenzja kbira, noqgħod nisma’ meta xi ħadd jiftaħ qalbu miegħi, naċċetta t-tbatijiet tagħhom, nagħtihom faraġ spiritwali, imma t-tbatijiet tiegħi stess jiena ngħarraqhom fil-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesu’. Jiena qatt ma nħalli l-profondita’ tal-ħniena Tiegħu, filwaqt li nieħu d-dinja kollha f’dak il-fond.

 

 

1551.            Fil-meditazzjoni fuq il-mewt, jiena tlabt lill-Mulej jindenja ruħu jimlieli qalbi b’dawk is-sentimenti li jiena għad ikolli filwaqt tal-mewt tiegħi. U permezz tal-grazzja ta’ Alla jiena rċevejt tweġiba ġewwa fija li jiena kont għamilt dak kollu li stajt nagħmel u għalhekk kelli nkun fil-paċi. F’dak il-waqt tant tqajmet gratitudni profonda lejn Alla ġewwa ruħi, li nfqajt nibki dmugħ ta’ ferħ bħal tarbija ċkejkna. Ħejjejt ruħi biex nitqarben l-għada filgħodu bħala l- “vjatku”, u għidt it-talb tal-moribondi (nota223) għalija stess.

 

 

1552.            Imbagħad smajt dan il-kliem: Bħalma inti magħquda Miegħi fil-ħajja, hekk inti tkun maqgħuda filwaqt tal-mewt. Wara dan il-kliem, tant tqanqlet ġewwa ruħi fiduċja kbira fil-ħniena kbira ta’ Alla li, ukoll li kieku kellhom jagħfsu fuq il-kuxjenza tiegħi d-dnubiet tad-dinja kollha kif ukoll id-dnubiet tal-erwieħ kollha kkundannati, ma kontx niddubita mit-tjubija ta’ Alla imma, bla ebda biża’, kont nintefa’ fl-abbiss tal-ħniena divina li jinsab dejjem miftuħ għalina; u b’qalb mgħaffġa li saret trab, kont nintefa’ f’riġlejh  u nintelaq għal kollox fir-rieda qaddisa Tiegħu, li hi l-istess ħniena.

 

 

1553.            O Ġesu’ tiegħi, Ħajja ta’ ruħi, ħajti, Feddej tiegħi, l-Għarus l-iżjed ħelu tiegħi, u fl-istess ħin l-Imħallef tiegħi, Inti taf li f’din l-aħħar siegħa tiegħi ma nistax inserraħ rasi bl-ebda merti tiegħi stess, imma biss bil-ħniena Tiegħek. Illum ukoll, jiena nintefa’ għal kollox fl-abbiss tal-ħniena Tiegħek, li jinsab dejjem miftuħ għal kull ruħ.

 

O Ġesu’ tiegħi, hemm ħaġa waħda biss li jiena għandi nwettaq matul ħajti, f’mewti u tul l-eternita’ kollha, u din hi li noqgħod nadura l-ħniena Tiegħek li ħadd ma jista’ jifhimha. L-ebda moħħ, la tal-anġli lanqas tal-bnedmin, qatt ma jista’ jifhem il-misteri tal-ħniena Tiegħek, O Alla. L-anġli jintilfu fl-istagħġib quddiem il-misteru tal-ħniena divina, imma ma jistgħux jifhmuh. Kull ma ġie minn id il-Ħallieq jinsab f’dan il-misteru tal-għaġeb; jiġifieri, fl-istess fond tal-ħniena tenera Tiegħu. X’ħin noqgħod nimmedita fuq din il-ħaġa, l-ispirtu tiegħi jintilef minn sensih, u qalbi tinħall bil-ferħ. O Ġesu’, kien permezz tal-Qalb l-iżjed ħanina Tiegħek, bħal permezz ta’ kristall, li r-raġġi tal-ħniena divina waslu għandna.

 

 

1554.            1 ta’ Frar (1938). Illum qiegħda nħossni daqsxejn agħar, fiżikament, imma xorta waħda għadni nieħu sehem fil-ħajja komunitarja (it-talb, l-ikel u r-rikreazzjoni). Qiegħda nagħmel sforzi kbar, li Inti biss taf bihom, Ġesu’. Fir-refettorju llum, ma ħsibtnix ser inwassal sat-tmiem l-ikla. Kull darba li bdejt inpoġġi l-ikel f’ħalqi bdejt inħoss uġigħ kbir.

 

 

1555.            Meta ġimgħa ilu ġiet iżżurni Madre S. (Irene) hija qaltli, “Inti qiegħda tieħu dan il-mard kollu, Sor, għax is-sistema tiegħek hi tant fjakka, imma dik mhix ħtija tiegħek. Fil-fatt, li kieku xi soru oħra kellha dik l-istess marda, żgur li kienet tibqa’ għaddejja xorta waħda; imma int, Sor, jkollok toqgħod fis-sodda!!” Dan il-kliem ma weġġgħanix, imma aħjar ma tagħmilx paraguni bħal dawn ma’ persuni li huma morda ħafna, għax it-tazza tagħhom tkun diġa’ mimlija biżżejjed kif inhi. Ħaġa oħra: meta s-sorijiet iżuru l-morda, m’għandhomx joqgħodu jistaqsu bid-dettalji kollha kull darba, “Fejn qed juġgħak, u kif?” għax tgħajjik ħafna li jkollok toqgħod tgħid lil kull soru l-istess ħaġa fuqek innifsek. U xi kultant jiġri li wieħed ikollu jirrepeti l-istess ħaġa ħafna drabi matul il-jum.

 

 

1556.            X’ħin mort fil-kappella għal mument wieħed, il-Mulej tani x’nifhem li, fost il-magħżulin tiegħu, hemm xi wħud li huma magħżulin b’mod speċjali, u li Huwa jsejħilhom għal forma ogħla ta’ qdusija, għal għaqda miegħu eċċezzjonali. Dawn huma erwieħ serafiċi u mingħandhom Alla jistenna mħabba ikbar milli mingħand l-oħrajn. Għalkemm kollha jkunu jgħixu fl-istess kunvent, imma Hu xi kultant jitlob mingħand ruħ speċjali grad ogħla ta’ mħabba. Ruħ bħal din tifhimha din is-sejħa, għax Alla jgħarrafielha b’mod interjuri, imma r-ruħ tista’ tagħżel li timxi wara din is-sejħa jew le. Jiddependi biss mir-ruħ jekk hi tkunx fidila għal dawn is-sejħat tal-Ispirtu Qaddis, jew jekk tirreżistihomx. Jiena sirt naf li hemm post fil-Purgatorju fejn l-erwieħ iridu jħallsu d-dejn li għandhom ma’ Alla għal nuqqasijiet bħal dawn; dan it-tip ta’ tortura hi l-iktar waħda diffiċli minnhom kollha. Ir-ruħ li hi mmarkata b’mod speċjali minn Alla tingħaraf kullimkien, kemm fil-ġenna kif ukoll fil-purgatorju jew fl-infern. Fil-ġenna tingħaraf minn erwieħ oħrajn għax ikollha glorja ikbar u dija u għarfien iktar profond ta’ Alla. Fil-purgatorju, ikollha uġigħ kbir, għax tkun taf lil Alla b’mod aktar profond u tixtiequ b’ħerqa ikbar. Fl-infern, hi tbati b’mod iktar profond mill-erwieħ l-oħra, għax taf b’mod iktar sħiħ min Hu dak li hi tilfet. Din il-marka li ma titħassarx tal-imħabba esklużiva ta’ Alla fir- (ruħ) tibqa’ hemm għal dejjem.

 

 

1557.            O Ġesu’, żommni f’biża’ qaddis, biex ma naħlix il-grazzji. Għinni nkun fidila għall-ispirazzjonijiet tal-Ispirtu Qaddis. Agħmel li qalbi tfur bi mħabba għalik ħalli ma nitraskurax lanqas att wieħed ta’ mħabba Għalik.

 

 

1558.            2 ta’ Frar (1938). Dlam fir-ruħ. Illum il-Festa ta’ Omm Alla, u f’ruħi hemm tant dlam. Il-Mulej inħeba, u jiena ninsab waħdi, waħdi għal kollox. Moħħi hu tant imdallam li nista’ nara madwari fantażmi biss. Lanqas raġġ wieħed ta’ dawl ma jinfed lil ruħi. Ma nifhimx lili nnifsi lanqas lil dawk li jkellmuni. Tentazzjonijiet tal-biża’ dwar il-fidi jaħbtu għalija. O Ġesu’ tiegħi, salvani. Ma nista’ ngħid xejn iżjed. Ma nistax niddeskrivi dawn l-affarijiet bid-dettall, għax nibża’ li xi ħadd jista’ jiskandalizza ruħu meta jaqra dan. Nistagħġeb kif turmenti bħal dawn jistgħu jiġu fuq ir-ruħ. O urugan, x’inti tagħmel lid-dgħajsa ta’ qalbi? Din it-tempesta ilha għaddejja llejl u inhar kollu.

 

Meta l-Madre Superjura (Irene) ġiet tarani u staqsietni “Tixtieq tieħu ġid għal ruħek f’din l-okkażjoni, Sor, ladarba ġej Patri An. (Andrasz) biex iqarar?” Jiena weġibt, le. Deherli lis-saċerdot ma kienx  ser jifhimni, u li jiena lanqas ma kont nista’ nqerr.

 

Għaddejt il-lejl kollu ma’ Ġesu’ fil-Ġetsemani. Minn sidri ħarġet karba waħda kontinwa. Mewta naturali tkun ħafna iżjed faċli, għax f’dan il-każ il-persuna tkun fl-agunija u mbagħad tmut; filwaqt li hawnhekk, wieħed jinsab fl-agunija imma ma jistax imut. O Ġesu’ qatt ma ħsibt li tista’ teżisti tbatija bħal din. Xejn: din hi r-realta’. O Ġesu’, salvani! Jiena nemmen fik b’qalbi kollha. Tant drabi jiena rajt id-dija ta’ wiċċek u issa, fejn Inti, Mulej?” . . . Jiena nemmen, jiena nemmen, u nerġa’ ngħid jiena nemmen fik, Alla Tliet Persuni, Missier, Iben u Spirtu s-Santu, u fil-veritajiet kollha li l-Knisja Qaddisa Tiegħek tagħtini sabiex jiena nemminhom . . . Imma d-dalma ma terġax lura, u l-ispirtu tiegħi jinżel f’agunija ikbar. U f’dak il-mument, turment hekk terribbli għafas fuqi li issa nistagħġeb li dak ma kienx l-aħħar nifs tiegħi, imma dan seħħ għal waqt qasir biss.

 

 

1559.            F’dak il-waqt rajt lil Ġesu’, u minn Qalbu ħarġu dawk l-istess żewġ raġġi, li daru madwari, kollni kemm jiena. Fl-istess waqt, għebu t-turmenti tiegħi kollha. Binti, il-Mulej qal, kun af li minnek innifsek inti preċiż dak li għadek kif għaddejt minnu, u hija biss permezz tal-grazzja Tiegħi li inti tieħu sehem fil-ħajja eterna u d-doni kollha li Jiena nferra’ fuqek. U ma’ dan il-kliem tal-Mulej, irċevejt għarfien veru tiegħi nnifsi. Ġesu’ qiegħed jagħtini lezzjoni ta’ umilta’ profonda u, fl-istess ħin, ta’ fiduċja sħiħa fih. Qalbi spiċċat trab u rmied, u wkoll li kieku l-bnedmin kollha kellhom jirfsu fuqi, xorta waħda kont inqisha bħala pjaċir.

 

Inħossni, u fil-fatt jiena, mimlija kollni kemm jiena bl-għarfien tax-xejn tiegħi, sabiex umiljazzjonijiet veri, ikunu serħan għalija.

 

 

1560.            3 ta’ Frar (1938). Illum wara t-Tqarbin, Ġesu’ reġa’ tani xi ftit direttivi: L-ewwelnett, toqgħodx tiġġieled kontra tentazzjoni waħdek, imma wriha lill-konfessur mill-ewwel, u mbagħad it-tentazzjoni titlef saħħitha kollha. It-tieni, matul dawn il-provi titlifx il-paċi tiegħek; għix fil-preżenza Tiegħi; itlob lil Ommi u l-Qaddisin biex jagħtuk l-għajnuna. It-tielet, għandu jkollok iċ-ċertezza li Jiena qed inħares lejk u nwieżnek. Ir-raba’, toqgħodx tibża’ la mit-taqbid tar-ruħ u lanqas mill-ebda tentazzjoni, għax Jiena qed inwieżnek; jekk inti għandek biss ir-rieda li tiġġieled, kun af li r-rebħa hija dejjem tiegħek. Il-ħames, kun af li meta inti tiġġieled bil-kuraġġ inti tagħtini glorja kbira u tikseb ħafna merti għalik innifsek. It-tentazzjoni tagħtik ċans li turini kemm inti fidila Lejja.

 

 

1561.            U issa ser ngħidlek xi ħaġa li hi importanti ħafna għalik: sinċerita’ bla ebda limitu mad-direttur spiritwali tiegħek. Jekk inti ma tiksibx il-ġid għal ruħek minn din il-grazzja kbira skont id-direttivi Tiegħi, jiena neħodulek u mbagħad inti tisfa’ waħdek; u t-turmenti kollha, li inti tafhom tajjeb ħafna, jerġgħu jiġu lura għandek. Ma niħux gost meta inti ma tieħux ġid għal ruħek mill-opportunita’ li tkun tista’ tarah u titkellem miegħu. Jiena nagħti  direttur spiritwali lir-ruħ. Ħafna erwieħ jitolbuni din il-ħaġa, imma jiena ma nagħtix din il-grazzja lil kulħadd. Minn dak il-waqt meta Jiena tajtek dan is-saċerdot bħala direttur spiritwali, jiena tajtu dawl ġdid sabiex hu jkun jista’ faċilment isir jaf lil ruħek u jifhimha . . .

 

 

1562.            O Ġesu’ tiegħi, l-unika ħniena għalija, ħallini nara wiċċek kuntent bħala sinjal ta’ rikonċiljazzjoni miegħi, għax qalbi ma tistax tiflaħ s-serjeta’ Tiegħek; jekk din il-ħaġa tibqa’ sejra mument ieħor, qalbi tinqasam bin-niket. Inti tista’ tara li issa wkoll jiena ninsab mgħaffġa trab.

 

 

1563.            U f’dak l-istess waqt rajt lili nnifsi f’tip ta’ palazz; u Ġesu’ tani idu, poġġieni bilqiegħda maġenbu, u qalli bi tjubija, Għarusa Tiegħi, inti dejjem togħġobni bl-umilta’ tiegħek. L-ikbar miżerja ma żżommnix milli ningħaqad ma’ ruħ, imma fejn hemm is-suppervja, Jiena ma nkunx hemm.

 

X’ħin ġejt f’tiegħi, qgħadt naħseb f’qalbi fuq dak li kien ġara u raddejt ħajr lil Alla għal imħabbtu u għalll-ħniena li Hu kien wera miegħi.

 

 

1564.            Ġesu’, aħbini bħalma Inti nħbejt taħt l-ispeċi ta’ Ostja bajda, hekk ukoll aħbini mill-għajnejn tal-bnedmin, u b’mod speċjali aħbi d-doni li Inti tagħtini għax Inti Qalbek tajba. Jalla minn barra ma nittradix dak li Inti qiegħed tagħmel ġewwa ruħi. Jiena ostja bajda quddiemek, O Saċerdot divin. Ikkonsagrani Inti stess, u ħalli t-transustanzazzjoni tiegħi tkun taf  biha Inti biss. Kuljum jiena ninstab quddiemek bħala ostja tas-sagrifiċċju u nitlob il-ħniena Tiegħek fuq id-dinja. Fis-skiet, u fil-moħbi, jiena niżżvojta lili nnifsi quddiemek; l-imħabba safja u sħiħa tiegħi qed taqbad, fi skiet profond bħala olokaswtu. U jalla l-fwieħa ta’ mħabbti titla’ sa quddiem it-tron Tiegħek. Inti s-Sid tas-sidien, imma titpaxxa b’erwieħ innoċenti u umli.

 

 

1565.            X’ħin dħalt fil-kappella għal mument, il-Mulej qalli, Binti, għinni nsalva lil ċertu midneb li jinsab fil-punt tal-mewt. Għid il-kurunella li Jiena għallimtek għalih. X’ħin bdejt ngħid il-kurunella, rajt lil dan ir-raġel qiegħed imut fost turmenti terribbli u taqbid. L-Anġlu Kustodju tiegħu kien qed jiddefendih, imma hu kien bħallikieku bla saħħa kontra l-kobor tal-miżerja tar-ruħ. Għadd kbir ta’ xjaten kienu qegħdin jistennew lir-ruħ. Imma waqt li kont qiegħda ngħid il-kurunella, rajt lil Ġesu’ preċiż kif ġie mpenġi fix-xbieha. Ir-raġġi li ħarġu mill-Qalb ta’ Ġesu’ daru madwar il-marid, u s-setgħat tad-dlam ħarbu f’paniku sħiħ. Il-marid ħa l-aħħar nifs tiegħu fil-paċi. X’ħin ġejt f’tiegħi, jiena fhimt kemm hi importanti l-kurunella għall-moribondi. Hija ttaffi l-korla ta’ Alla.

 

 

1566.            X’ħin kont qiegħda nitlob maħfra lill-Mulej Ġesu’ għal ċerta azzjoni tiegħi li iktar tard saret imperfetta, Ġesu’ kkalmani b’dan il-kliem: Binti, Jiena nippremjak għas-safa tal-intenzjoni li inti kellek filwaqt meta inti għamilt l-azzjoni. Qalbi ferħet li inti kont qiegħda taħseb f’imħabbti meta inti għamilt l-azzjoni, u dan għamiltu b’mod hekk ċar; u issa wkoll inti għadek tikseb il-ġid minn din il-ħaġa jiġifieri, mill-umiljazzjoni. Iva, binti, irridek dejjem ikollok safa hekk kbira fl-intenzjoni tiegħek sa fl-iċken ħaġa li inti tagħmel.

 

 

1567.            Kif qbadt il-pinna f’idi, indirizzajt talba qasira lill-Ispirtu s-Santu u għidt, “Ġesu’, bierek din il-pinna sabiex dak kollu li Inti qed tikkmandani nikteb iservi għall-glorja ta’ Alla.” Imbagħad smajt vuċi: Iva, Jiena nberikha, għax din il-kitba għandha s-siġill tal-ubbidjenza lejn is-superjur u l-konfessur tiegħek, u b’dak l-istess fatt Jiena diġa’ qed ningħata glorja, u ħafna erwieħ għad jiksbu ġid spiritwali minnha. Binti, Jiena qed nordnalek li inti tiddedika l-ħin liberu kollu tiegħek sabiex inti tikteb fuq it-tjubija u l-ħniena Tiegħi. Dan huwa l-impenn u x-xogħol tiegħek matul ħajtek kollha sabiex inti tgħarraf lill-erwieħ bil-ħniena kbira Tiegħi għalihom, u sabiex inti tħeġġiġhom biex ikollhom fiduċja fil-ħniena Tiegħi bla tarf.

 

 

1568.            O Ġesu’ tiegħi, jiena nemmen fi kliemek u ma baqagħlix l-ebda dubju dwar dan għax waqt konverżazzjoni mal-Madre Superjura (Irene), hija qaltli nikteb iktar dwar il-ħniena Tiegħek. Din il-ħaġa taqbel ħafna mat-talba Tiegħek. O Ġesu’ tiegħi, jiena issa qiegħda nifhem li jekk Inti titlob xi ħaġa minn ruħ, Inti wkoll tnebbaħ is-superjuri sabiex huma jħalluna nwettqu dak li Inti tkun trid, għalkemm xi kultant jiġri li ma nirċevux il-permess mill-ewwel, u l-paċenzja tagħna ta’ spiss tiġi ppruvata . . .

 

 

1569.            + O Mħabba li qatt ma tispiċċa, Ġesu’, li ngħalaqt ġewwa Ostja

U li hemmhekk Inti taħbi d-divinita’ u s-sbuħija Tiegħek,

Int dan tagħmlu sabiex tagħti lilek innifsek, kollok kemm Int lil ruħi

U sabiex Inti ma tbeżżgħhiex bil-kobor tiegħek.

 

O Mħabba li ma tispiċċa qatt, Ġesu’, li ħbejt lilek innifsek taħt sura ma’ ħobż,

Dawl Etern, Għajn li ħadd ma jista’ jifhimha ta’ ferħ u hena,

Għax Inti trid tkun għalija l-ġenna fuq l-art;

Inti verament dan, meta mħabbtek, O Alla, tagħti lilha nnifsha lili.

 

 

1570.            O Alla verament Ħanin, Tjubija nfinita’, illum l-umanita’ kollha qiegħda ssejjaħ mill-abbiss tal-miżerja tagħha lill-ħniena Tiegħek – lill-kompassjoni Tiegħek, O Alla; u hija tgħajjat bil-vuċi qawwija tal-miżerja tagħha. Alla ħanin, tirrifjutax it-talba tal-eżiljati ta’ din l-art! O Mulej, Tjubija li ħadd ma jifhimha, li Inti konxju mill-miżerja tagħna hekk kif inhi, u taf li bis-saħħa tagħna biss aħna m’aħniex kapaċi nitilgħu ‘l fuq sa għandek, aħna qegħdin nitolbuk; agħmel li l-grazzja Tiegħek tantiċipana u kompli żid il-ħniena Tiegħek fina, sabiex aħna nkunu nistgħu bil-fedelta’ nwettqu r-rieda qaddisa Tiegħek matul ħajjitna kollha u fis-siegħa tal-mewt tagħna. Ħalli s-Setgħa bla tarf tal-ħniena Tiegħek tkun it-tarka tagħna mill-vleġeġ tal-għedewwa tas-salvazzjoni tagħna, sabiex aħna nkunu nistgħu bil-fiduċja, bħala wliedek nistennew l-aħħar miġja Tiegħek – dak il-jum li Inti biss taf meta. Nistennew li niksbu dak kollu li Ġesu’ wegħedna minkejja l-miżerja kollha tagħna. Għax Ġesu’ Hu t-Tama tagħna. Minn ġol-Qalb ħanina Tiegħu, bħal minn rixtellu miftuħ, aħna nibqgħu għaddejjin għall-ġenna.

 

 

1571.            Intbaħt li, l-istess waqt meta jiena dħalt fil-kunvent, akkużawni b’ħaġa waħda; jiġifieri, li jiena qaddisa. Imma din il-kelma dejjem ġiet użata b’disprezz. Għall-ewwel, din il-ħaġa kienet tweġġagħni ħafna, imma meta rnexxieli nissuperaha, ma tajtx kasha iżjed. Iżda , meta darba ċerta persuna (forsi Dun Sopocko) bata minħabba l-qdusija tiegħi, weġġajt ħafna li, minħabba fija, ħaddieħor kellu jħoss xi ħaġa li mhix pjaċevoli. U bdejt nilmenta mal-Mulej Ġesu’, u staqsejtu għaliex kellu jkun dan, u l-Mulej weġibni, Qalbek sewda minħabba dan? Dażgur li int qaddisa. Dalwaqt Jiena stess din il-ħaġa nuriha fik, u huma għad ilissnu dik l-istess kelma, qaddisa, imma din id-darba jgħiduha bi mħabba.

 

 

1572.            Qiegħed infakkrek, binti, li kull darba li inti tisma’ l-arloġġ idoqq it-tielet siegħa, inti tidħol kollok kemm int fil-ħniena Tiegħi, taduraha u tigglorifikaha; sejjaħ is-setgħa bla tarf tagħha għad-dinja kollha, u l-aktar għall-imsejkna midinbin; għax f’dak il-mument il-ħniena nfetħet beraħ għal kull ruħ. F’din is-siegħa inti tista’ tikseb kollox għalik innifsek u għall-oħrajn; din kienet is-siegħa tal-grazzja għad-dinja kollha – il-ħniena rebħet fuq il-ġustizzja.

 

Binti, ipprova agħmel mill-aħjar sabiex inti tagħmel il-Via Sagra f’din is-siegħa, jekk id-dmirijiet tiegħek jippermettulek; u jekk inti ma tkunx tista’ tagħmel il-Via Sagra, almenu idħol fil-kappella għal mument wieħed u adura, fis-Sagrament Imqaddes, lil Qalbi, li hi mimlija ħniena; u jekk ma tkunx tista’ tmur fil-kappella, inġabar fit-talb hemm fejn tkun tinsab imqar għal waqt wieħed qasir. Jiena rrid qima għall-ħniena Tiegħi minn kull ħlejqa, imma fuq kollox mingħandek, għax lilek Jiena tajt l-għarfien l-iktar profond ta’ dan il-misteru.

 

 

1573.            + O Alla tiegħi, qiegħda tegħlibni x-xewqa kbira li għandi għalik illum. Xejn iktar m’hu qiegħed jimlieli qalbi. Id-dinja m’għad fiha xejn għalija. O Ġesu’, b’liema qawwa inħoss dan l-eżilju, kemm hu twil għalija! O mewt, messaġġiera ta’ Alla, meta sejra tħabbarli dak il-waqt tant mistenni, li permezz tiegħu jiena ser ningħaqad ma’ Alla għal dejjem?

 

 

1574.            O Ġesu’ tiegħi, agħmel li l-aħħar jiem tat-turufnament tiegħi fuq l-art ngħaddihom nogħġob lir-rieda l-iżjed qaddisa Tiegħek. Jiena ngħaqqad it-tbatija, id-dieqa, l-istess agunija tal-mewt mal-Passjoni mqaddsa Tiegħek, u noffri ruħi għad-dinja kollha biex nikseb mingħand Alla kotra ta’ ħniena għall-erwieħ, u l-iktar għall-erwieħ li jinsabu fid-djar tagħna. Jiena nittama b’fiduċja sħiħa, u nerħi ruħi għal kollox f’idejn ir-rieda qaddisa Tiegħek, li hi l-istess ħniena. Il-ħniena Tiegħek tkun kollox għalija f’din l-aħħar siegħa ta’ ħajti, bħalma Inti stess wegħedtni . . .

 

 

1575.            + Insellimlek, Imħabba Eterna. Ġesu’ ħelu tiegħi, Inti ndenjajt tiġi tgħammar ġewwa qalbi! Insellilmek, O Alla li ndenjajt tiċċekken daqshekk, u għax tħobbni tant battalt lilek innifsek, li ħadt il-forma bla ebda siwi ta’ ħobż. Insellimlek, Ġesu’, fjura li qatt ma tidbiel tal-umanita’. Inti kulma għandi bżonn għal ruħi. Imħabbtek hi iktar safja mill-ġilju, u l-preżenza Tiegħek togħġobni iktar mill-fwieħa tal-ġjanċint. Il-ħbiberija Tiegħek hi iktar ħelwa u iktar fina mill-fwieħa tal-warda, u xorta waħda hi iktar qawwija mill-mewt. O Ġesu’, sbuħija bla tarf, Inti tikkomunika l-aħjar ma’ erwieħ safja, għax huma biss kapaċi jagħmlu atti ta’ erojiżmu u sagrifiċċju. O demm ħelu ta’ Ġesu’ aħmar bħall-ward, agħmel li demmi jsir nobbli u biddlu f’demmek stess, u ħalli dan isir fija skont ma jogħġob lilek.

 

 

1576.            Kun af, binti, li bejni u bejnek hemm abbiss bla qiegħ, abbiss li jifred il-Ħallieq mill-ħlejqa. Imma dan l-abbiss jinsab mimli bil-ħniena Tiegħi. Jiena ngħollik sa ħdejja, mhux għax għandi bżonnok, imma hija biss permezz tal-ħniena Tiegħi li Jiena nikkonċedilek il-grazzja ta’ għaqda flimkien Miegħi.

 

 

1577.            Għid lill-erwieħ li m’għandhomx ipoġġu ostakli għall-ħniena Tiegħi f’qalbhom stess, għax din il-ħniena tixtieq taħdem ġewwa fihom bi kbir. Il-ħniena Tiegħi taħdem ġewwa dawk il-qlub kollha li jiftħu l-bibien tagħhom Għalija. Kemm il-midneb kif ukoll il-bniedem ġust li jagħmel dak li hu moralment tajjeb għandhom bżonn tal-ħniena Tiegħi. Il-konverżjoni, kif ukoll il-perseveranza, hija grazzja tal-ħniena Tiegħi.

 

 

1578.            B’mod speċjali dawk l-erwieħ li jinsabu mexjin fit-triq tal-perfezzjoni għandhom jaduraw il-ħniena Tiegħi, għax l-abbundanza ta’ grazzja li Jiena nagħtihom ġejja mill-ħniena Tiegħi. Jiena nixtieq li dawn l-erwieħ jintgħarfu mill-fiduċja bla tarf fil-ħniena Tiegħi. Jiena stess nieħu ħsieb tal-qdusija ta’ erwieħ bħal dawn. Jiena nipprovdilhom kulma huma jeħtieġu sabiex isiru qaddisin. Il-grazzji tal-ħniena Tiegħi tistgħu tiġbduhom għal għandkom b’mezz wieħed biss, u dik hi: il-fiduċja. Iktar ma ruħ tafda, iktar tirċievi. Erwieħ li jafdaw bla ebda limitu huma ta’ faraġ kbir Għalija, għax Jiena nferra’ ġo fihom it-teżori kollha tal-grazzji Tiegħi. Jiena nifraħ meta huma jitolbuni ħafna, għax hija x-xewqa Tiegħi li nagħti ħafna, ħafna. Mill-banda l-oħra, Jiena nsewwed Qalbi meta l-erwieħ jitolbu ftit, meta l-qlub tagħhom jingħalqu.

 

 

1579.            + L-iktar li nbati meta niltaqa’ mal-wiċċ b’ieħor. Issa nista’ nifhmek, Feddej tiegħi, għaliex Inti ċanfart lill-Fariżej b’mod tant sever għall-wiċċ b’ieħor tagħhom. Inti sibtha iktar faċli tagħmilha ma’ midinbin magħrufin meta huma resqu lejk niedma.

 

 

1580.            Ġesu’ tiegħi issa jiena nista’ nara li jiena mxejt warajk fl-istadji kollha ta’ ħajti: it-tfulija, iż-żgħożija, il-vokazzjoni, il-ħidma apostolika, Tabor, Ġetsemani, u issa diġa’ ninsab miegħek fuq il-Kalvarju. B’rieda tajba ħallejt lili nnifsi niġi msallba, u fil-fatt diġa’ ninsab minxura fuq is-salib, u nħoss biċ-ċar li s-saħħa ġejja għandi mis-Salib Tiegħek, li Inti u Inti biss il-perseveranza tiegħi. Għalkemm spiss nisma’ l-leħen tat-tentazzjoni ssejjaħli, “Inżel minn fuq is-salib!” il-qawwa ta’ Alla tagħtini s-saħħa. Għalkemm is-solitudni u d-dlam u t-tbatijiet ta’ kull xorta jaħbtu kontra qalbi, il-qawwa misterjuża ta’ Alla tweżinni u ssaħħaħni. Irrid nixrob it-tazza sal-aħħar qatra. Jiena għandi fiduċja sħiħa li l-grazzja Tiegħek, li żammitni fil-Ġnien taż-Żebbuġ, iżżommni issa wkoll li ninsab fuq il-Kalvarju. 

 

 

1581.            O Ġesu’ tiegħi, Mgħallem tiegħi, jiena ngħaqqad ix-xewqat tiegħi max-xewqat li Inti kellek fuq is-salib: jiena nixtieq inwettaq ir-rieda qaddisa Tiegħek, jiena nixtieq il-konverżjoni tal-erwieħ; jiena nixtieq li tiġi adurata l-ħniena Tiegħek; jiena nixtieq li t-trijonf tal-Knisja jasal malajr; jiena nixtieq li l-Festa tal-Ħniena tiġi ċċelebrata fid-dinja kollha; jiena nixtieq il-qdusija tas-saċerdoti; jiena nixtieq li jkun hemm qaddisa fil-Kongregazzjoni tagħna; jiena nixtieq li l-Kongregazzjoni tagħna kollha jkollha spirtu kbir ta’ ħeġġa għall-glorja ta’ Alla u għas-salvazzjoni tal-erwieħ; jiena nixtieq li dawk l-erwieħ li jgħixu fid-djar tagħna ma joffendux lil Alla, imma jipperseveraw fit-tajjeb; jiena nixtieq il-barka ta’ Alla tinżel fuq il-ġenituri tiegħi u fuq il-familja tiegħi kollha kemm hi; jiena nixtieq li Alla jagħti dawl speċjali lid-diretturi spiritwali tiegħi, u b’mod speċjali lil Patri An. U Dun So.; jiena nixtieq barka speċjali għas-Superjuri (nota234) li jiena kont taħt id-direzzjoni tagħhom, u b’mod speċjali għall-Madre Ġenerali (Michael), għall-Madre Irene u għad-Direttriċi tan-Novizzi, Madre (Mary) Joseph.

 

 

1582.            O Ġesu’ tiegħi, jiena issa ngħannaq miegħi d-dinja kollha u nitolbok turi ħniena magħha. Meta Inti tgħidli, O Alla, li jkun biżżejjed, li r-rieda qaddisa Tiegħek ġiet imwettqa għal kollox, imbagħad, Feddej tiegħi, flimkien miegħek, jiena nerħi ruħi f’idejn il-Missier tas-Sema, mimlija fiduċja fil-ħniena Tiegħek bla tarf. U meta noqgħod quddiem it-tron Tiegħek, l-ewwel innu li nkantalek ikun wieħed lill-ħniena Tiegħek. Dinja msejkna, minix sejra ninsiek. Għalkemm jiena nħoss li malajr ser negħreq f’Alla bħallikieku f’oċejan ta’ hena, dan ma jżommnix milli nerġa’ lura fid-dinja sabiex nagħmel il-kuraġġ lill-erwieħ u nħeġġiġhom sabiex jafdaw fil-ħniena ta’ Alla. Fil-fatt din l-immersjoni tiegħi f’Alla tagħtini l-possibilta’ li naħdem kemm u kif irrid.

 

 

1583.            Filwaqt li qiegħda nikteb dan, nista’ nisma’ lil Satana jheżżeż snienu. Hu ma jiflaħx għall-ħniena ta’ Alla, u l-ħin kollu jsabbat l-affarijiet fiċ-ċella tiegħi. Imma tant inħoss il-qawwa ta’ Alla ġewwa fija li lanqas biss jimpurtani li l-għadu tas-salvazzjoni tagħna jitlagħlu, u nkompli nikteb bi kwieti.

 

 

1584.            O tjubija ta’ Alla li ħadd ma jista’ jifhimha, li tħarisna ma’ kull pass li aħna nagħmlu, jalla l-ħniena Tiegħek tiġi mfaħħra bla heda. Il-fatt li Inti sirt ħu l-bnedmin u mhux ħu l-anġli, huwa miraklu tal-misteru tal-ħniena Tiegħek li ħadd ma jista’ jifhmu. Il-fiduċja tagħna kollha qiegħda Fik, ħuna mwieled l-ewwel, Ġesu’ Kristu, veru Alla u veru Bniedem. Qalbi tibda tferfer bil-ferħ meta tara kemm Hu tajjeb Alla magħna, bnedmin imsejkna u ingrati. Bħala prova tal-imħabba Tiegħu, jagħtina fil-persuna ta’ Ibnu, d-don li qatt ma nistgħu nifhmu. Matul l-eternita’ kollha, qatt m’aħna ser naslu biex nifhmu dan il-misteru ta’ mħabba. O umanita’, għaliex taħseb hekk ftit fuq il-fatt li Alla jinsab tassew fostna? O Ħaruf ta’ Alla, ma nafx x’għandi nammira l-ewwel Fik: il-ħlewwa Tiegħek, il-ħajja moħbija Tiegħek, il-fatt li Inti battalt Lilek innifsek minħabba l-bniedem, jew il-miraklu għadu għaddej tal-ħniena Tiegħek, li tbiddel lill-erwieħ u terfagħhom ‘il fuq għall-ħajja eterna. Għalkemm Inti tinsab moħbi b’dan il-mod, is-setgħa bla tarf Tiegħek tidher iktar ċara hawnhekk milli meta Inti ħlaqt il-bniedem. Għalkemm is-setgħa tal-ħniena Tiegħek qiegħda taħdem fil-ġustifikazzjoni tal-midneb, imma l-ħidma Tiegħek hi tenera u moħbija.

 

 

1585.            Dehra ta’ Omm Alla, F’nofs dija kbira, rajt lil Omm Alla liebsa libsa bajda, imdawra b’ċinturin tad-deheb; u kien hemm kwiekeb żgħar, tad-deheb ukoll, fuq il-libsa kollha, bi kmiem forma ta’ V maqluba, infurrati bid-deheb. Il-mantell tagħha kien ikħal kulur is-sema, mitfugħ ħafif fuq l-ispallejn. Velu trasparenti kien qed jgħattilha rasha ħafif ħafif, filwaqt li xagħarha twil kien imżejjen b’kuruna tad-deheb fuqu li kienet tispiċċa fi slaleb żgħar. Fuq ix-xellug kienet qiegħda żżomm il-Bambin Ġesu’ f’dirgħajha. Kien għadni qatt ma rajt il-Verġni Mbierka f’din is-sura. Imbagħad hi ħarset lejja u qaltli: Jiena Omm Alla tas-Saċerdoti. (nota235) Ma’ dan il-kliem, Hija niżżlet lil Ġesu’ fl-art minn fuq dirgħajha, għolliet idha l-leminija lejn is-sema u qalet: O Alla bierek lill-Polonja, bierek lis-saċerdoti. Imbagħad reġgħet kellmitni għal darb’oħra: Għid lis-saċerdoti dak li inti rajt. Iddeċidejt li mal-ewwel ċans (li jkolli) li nara lil Patri (Andrasz) kont sejra ngħidlu; imma waħdi ma nista’ nifhem xejn minn din id-dehra.

 

 

1586.            O Ġesu’ tiegħi, Inti tista’ tara kemm jiena grata lejn Dun Sopocko, li tant mexxa ‘l quddiem l-Opra Tiegħek. Dik ir-ruħ, li hi tant umli, kellha tissaporti t-tempesti kollha. Ma ħalliex lilu nnifsu jaqta’ qalbu mill-kuntrarju, imma wieġeb bil-fedelta’ għas-sejħa ta’ Alla.

 

 

1587.            + Waħda mis-sorijiet kellha d-dmir li ddur bil-morda, imma tant kienet traskurata li wieħed kellu verament jipprattika l-mortifikazzjoni. Darba, kont iddeċidejt li nkellem lis-superjura dwar din il-ħaġa, imma mbagħad smajt vuċi ġewwa ruħi: Issaportiha bil-paċenzja; xi ħaddieħor ser jgħidilha. Imma s-servizz baqa’ l-istess għal xahar sħiħ. Meta sa fl-aħħar stajt ninżel fir-refettorju u għar-rikreazzjoni, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Issa xi sorijiet oħrajn ser jitkellmu dwar is-servizz traskurat ta’ dik is-soru, imma inti għandek iżżomm is-skiet u titkellimx dwar din il-ħaġa. U f’dak il-ħin bdiet tinstema’ l-kritika ħarxa dwar dik is-soru, imma hi ma kellha xejn (xi tgħid) biex tiddefendi lilha innfisha, u s-sorijiet kollha flimkien qalu, “Sor, aħjar tara kif se tagħmel biex ittejjeb is-servizz tiegħek mal-morda.” Jiena sibt li xi kultant il-Mulej ma jkunx iridna nitkellmu waħidna; Huwa għandu l-mezzi Tiegħu u jaf meta għandu jitkellem.

 

 

1588.            Illum jiena smajt dan il-kliem: Fil-Patt il-Qadim Jiena bgħatt il-profeti għand il-bnedmin bis-sajjetti f’idejhom. Illum Jiena qiegħed nibgħatek bil-ħniena Tiegħi għand in-nies tad-dinja kollha. Jiena ma rridx nikkastiga lill-umanita’ li qiegħda tbati, imma nixtieq infejjaqha u nrossha mal-Qalb Tiegħi mimlija ħniena. Jiena nuża l-kastig meta huma stess iġegħluni nġib ruħi b’dan il-mod; idi ma tkunx trid taqbad ix-xabla tal-ġustizzja. Qabel Jum il-Ħaqq Jiena qed nibgħat Jum il-Ħniena. Jiena weġibt, “O Ġesu’, kellimhom Int lill-erwieħ, għax kliemi ma għandu l-ebda mertu.”

 

 

+

Ġ.M.Ġ

 

L-istennija tar-Ruħ għall-miġja tal-Mulej.

 

1589.            Jiena ma nafx, O Mulej, x’ħin ser tiġi Inti.

U għalhekk nishar il-ħin kollu u nħejji ruħi

Bħala għarusa magħżula Tiegħek,

Għax naf li Int tħobb tiġi mingħajr ma tavża minn qabel.

Imma ruħ safja tinduna bik mill-bogħod, O Mulej.

 

Jiena qiegħda nistenniek, Mulej, fil-kalma u s-skiet,

B’xenqa kbira ġewwa qalbi.

U b’xewqa li ma nistax nrażżanha

Inħoss li mħabbti għalik qiegħda tinbidel f’nar

U li għad togħla sas-sema bħal fjamma fl-aħħar ta’ ħajti,

U mbagħad naqta’ x-xewqat kollha tiegħi.

 

Ejja, mela, sa fl-aħħar, Mulej tiegħi l-iktar ħelu

U ħu din il-qalb għatxana tiegħi

Hemm, fid-dar Tiegħek fil-postijiet għoljin tas-sema,

Fejn tibqa’ għaddejja l-ħajja eterna Tiegħek.

 

Il-ħajja f’din l-art hi biss agunija,

Ladarba qalbi tħoss li maħluqa għal affarijiet għoljin.

Għax il-wita ta’ din il-ħajja ma fiha l-ebda interess għalija,

Għax pajjiżi hu fis-sema – dan jiena nemmnu bis-sħiħ.

 

(Tmiem tal-Ħames Pitazz)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Swor M. Fawstina

tas-Sagrament Imqaddes

tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet

tal-Madonna tal-Ħniena

 

Il-Ħniena ta’ Alla jiena għad

infaħħar għal dejjem

 

 

Is-Sitt Pitazz

 +

Ġ.M.Ġ.

1590.            Faħħar, O ruħ tiegħi

Il-ħniena ta’ Alla li ħadd ma jista’ jifhimha.

Jalla kollox ikun għall-glorja Tiegħu.

 

Krakovja, 10 ta’ Frar 1938.

Is-sitt pitazz.

Swor Fawstina tas-Sagrament Imqaddes tas-sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena.

 

 

1591.            Qalbi tinġibed hemm fejn jinsab moħbi Alla tiegħi,

Fejn hu jgħammar magħna lejl u nhar,

Liebes l-Ostja Bajda;

Huwa jaħkem d-dinja kollha, jikkomunika mal-erwieħ.

 

Qalbi tinġibed hemm fejn qed jistaħba Alla tiegħi,

Fejn Imħabbtu tinsab issagrifikata.

Imma qalbi tħoss li hawnhekk hawn l-ilma ħaj;

Huwa Alla tiegħi ħaj, għalkemm velu qed jaħbih.

 

 

1592.            10 ta’Frar 1938. Waqt il-meditazzjoni, il-Mulej tani għarfien tal-ferħ li jkun hemm fil-ġenna u l-ferħ tal-qaddisin meta aħna naslu hemm; huma jħobbu lil Alla bħala l-uniku oġġett ta’ mħabbithom, imma għandhom ukoll imħabba tenera u ġenwina għalina. Dan il-ferħ joħroġ minn wiċċ Alla għal fuq kulħadd, għax aħna narawh wiċċ imb’wiċċ. Wiċċu tant hu ħelu li r-ruħ terġa’ taqa’ mill-ġdid f’esatasi.

 

 

1593.            Il-Mulej stess iqanqalni sabiex nikteb talb u innijiet fuq il-ħniena Tiegħu, u dawn l-innijiet ta’ tifħir ifiġġu bla ma rrid minn fuq xofftejja. Innotajt li l-kliem ta’ tifħir għall-ħniena ta’ Alla jidħol ġo moħħi meta jkun diġa’ fformulat, u għalhekk iddeċidejt li niktibhom sakemm huwa possibli għalija. Nista’ nħoss lil Alla jħeġġiġni sabiex nagħmel dan.

 

 

1594.            Waħda mis-sorijiet ġiet fiċ-ċella tiegħi għal ftit. Wara taħdita qasira fuq is-suġġett tal-ubbidjenza, hija qaltli, “Issa nista’ nifhem kif kienu jġibu ruħhom il-qaddisin. Grazzi, Sor; dawl kbir daħal ġewwa ruħi; u ħareġ ħafna ġid spiritwali.”

 

 

1595.            O Ġesu’ tiegħi, dan huwa xogħlok. Kont Int li tkellimt b’dan il-mod ma’ dik ir-ruħ, għax din is-soru daħlet għandi x’ħin jiena kont ninsab mitlufa f’Alla, u kien preċiż f’dak il-mument meta ħareġ minn ġo fija dan il-ħsieb profond. O Ġesu’ tiegħi, jiena naf li, biex wieħed ikun utli għall-erwieħ, irid jagħmel mill-aħjar biex ikollu għaqda mill-iżjed qrib miegħek, li Int Imħabba Eterna. Kelma waħda mingħand ruħ maqgħuda ma’ Alla tagħmel iktar ġid fl-erwieħ minn diskussjonijiet elokwenti u priedki ġejjin minn ruħ imperfetta.

 

 

1596.            + Rajt kemm kien sorpriż Patri A. (Andrasz) bl-azzjonijiet tiegħi, imma dan kollu seħħ għall-glorja ta’ Alla. O, kemm hi kbira l-grazzja Tiegħek. O Mulej, grazzja li terfa’ lir-ruħ iktar ‘il fuq fil-għoli. Jiena nħossni grata ħafna lejn il-Mulej li tani saċerdot imdawwal, Inti stajt tibqa’ tħallini fl-inċertezzi u d-dubji, imma it-tjubija Tiegħek irranġat dan kollu. O Ġesu’ tiegħi, hija ħaġa mpossibli għalija li jiena ngħodd il-favuri Tiegħek . . .

 

 

1597.            Binti, it-taqbida tiegħek għad tibqa’ sejra sal-mewt. Tiġi fi tmiemha mal-aħħar nifs tiegħek. Inti għad tirbaħ permezz tal-manswetudni.

 

 

1598.            13 ta’ Frar 1938. Stajt nara kemm il-Mulej Ġesu’ imur kontra qalbu għand ċerti erwieħ fit-Tqarbin Imqaddes. U qalli dan il-kliem: Jiena nidħol f’ċerti qlub qisni dieħel għat-tieni Passjoni.

 

 

1599.            Kif kont qiegħda nipprova nagħmel is-Siegħa tiegħi tal-Adorazzjoni, rajt lil Ġesu’ qed ibati u Hu qalli dan il-kliem: Binti, tagħtix daqstant kas tal-mezz tal-grazzja daqskemm tagħti lill-grazzja stess li Jiena nagħtik, għax lilek mhux dejjem jogħġbok il-mezz, u mbagħad saħansitra l-grazzji wkoll jonqsu. Jiena rrid inħarsek minn din il-ħaġa, u rridek li qatt ma tagħti kas tal-mezz li Jiena nuża biex nagħtik il-grazzja Tiegħi. Agħmel li l-attenzjoni kollha ta’ ruħek tkun ikkonċentrata fuq it-tweġiba tiegħek għall-grazzja Tiegħi biex din tkun fidila kemm jista’ jkun.

 

 

1600.            + O Ġesu’ tiegħi, jekk Inti stess ma tkunx il-faraġ għax-xenqa ta’ ruħi, mela ħadd ma jista’ jsabbarha jew ifarraġha. Kull darba li Inti tersaq lejja din il-ħaġa tqajjem estasi ġodda ta’ mħabba ġewwa ruħi, kif ukoll agunija ġdida; għax, minkejja d-drabi kollha li Inti tersaq lejn ruħi, ukoll bl-iktar mod eċċezzjonali, jibqa’ l-fatt li jiena għadni qiegħda nħobbok mill-bogħod, u qalbi qiegħda tmut f’estasi ta’ mħabba; għax din għadha mhix l-għaqda sħiħa u eterna, għalkemm Inti tikkomunika miegħi tant spiss mingħajr velu (bħallikieku wiċċ imb’wiċċ); madankollu, b’dan il-mod Inti tiftaħ ġewwa ruħi u qalbi abbiss ta’ mħabba u xenqa għalik, Alla tiegħi; u dan l-abbiss bla qiegħ, din ix-xewqa totali għal Alla, ma tistax timtela bis-sħiħ hawn fl-art.

 

 

1601.            Il-Mulej għarrafni kemm jixtieq il-perfezzjoni tal-erwieħ magħżulin.

L-erwieħ magħżulin huma, f’idejja, dwal li Jiena nwaddab fid-dlam tad-dinja u li permezz tagħhom Jiena ndawwalha. Bħalma l-kwiekeb idawlu l-lejl, hekk ukoll l-erwieħ magħżulin idawlu d-dinja. U iktar ma r-ruħ tkun perfetta, iktar ikun qawwi u jinxtered fil-bogħod id-dawl imxerred minnha. Hija tista’ tkun moħbija u ħadd ma jkun jaf biha, lanqas dawk li huma l-iktar qrib tagħha, u xorta waħda l-qdusija tagħha tiġi riflessa fl-erwieħ ukoll sat-trufijiet l-iktar imbiegħda tad-dinja.

 

 

1602.            Illum il-Mulej qalli, Binti, meta inti tmur tqerr, f’din il-għajn tal-ħniena Tiegħi, id-Demm u l-Ilma li ħarġu minn Qalbi dejjem jinżlu fuq ruħek u jagħmluha nobbli. Kull darba li inti tmur tqerr, għaddas lilek innifsek kollok kemm int fil-ħniena Tiegħi, b’fiduċja kbira, sabiex Jiena nkun nista’ nferra’ l-abbundanza tal-grazzja Tiegħi fuq ruħek. Meta inti tersaq lejn il-konfessinarju, kun af dan, li Jiena stess inkun qiegħed nistenniek hemmhekk. Is-saċerdot ikun qiegħed biss jaħbini, imma Jiena stess inkun qiegħed naħdem f’ruħek. Hawnhekk il-miżerja tar-ruħ tiltaqa’ ma’ Alla tal-ħniena. Għid lill-erwieħ li minn din il-għajn tal-ħniena l-erwieħ jiġbdu fuqhom il-grazzji biss permezz tal-fiduċja. Jekk il-fiduċja tagħhom tkun kbira, m’hemm l-ebda limitu għall-ġenerożita’ Tiegħi. L-erwieħ umli jegħrqu fix-xmajjar tal-grazzja Tiegħi. Is-suppervi jibqgħu dejjem fi stat ta’ faqar u miżerja, għax il-grazzja Tiegħi titbiegħed minnhom biex iddur lejn l-erwieħ umli.

 

 

1603.            14 ta’ Frar (1938). Waqt l-adorazzjoni, smajt dan il-kliem: Itlob għal waħda mill-istudenti li teħtieġ ħafna il-grazzja Tiegħi. U għaraft lil N. Tlabt ħafna, u l-ħniena ta’ Alla għannqet lil dik ir-ruħ.

 

 

1604.            Meta,  waqt l-adorazzjoni, qgħadt nirrepeti t-talba, “Alla Qaddis” diversi drabi, f’daqqa waħda ġiet fuqi preżenza qawwija ta’ Alla, u tteħidt fl-ispirtu quddiem il-majesta’ ta’ Alla. Rajt kif l-Anġli l-Qaddisin tal-Mulej qegħdin jagħtu glorja lil Alla. Tant hi kbira l-glorja ta’ Alla li lanqas biss nażżarda niddeskriviha, għax lanqas inkun kapaċi nagħmilha din il-ħaġa, u l-erwieħ forsi jaħsbu li kulma hemm huwa dak li jiena ktibt. San Pawl, issa nista’ nifhem għaliex inti ma rridtx tiddeskrivi l-ġenna, imma għidt biss li għajn qatt ma rat, widna qatt ma semgħet , lanqas tnissel fil-qalb tal-bniedem dak li Alla ħejja għal dawk li jħobbuh. (ara 1 Kor 2:9 Kor 12 1:7). Iva, dan hu hekk tassew. U dak li ħareġ mingħand Alla jerġa’ lura għandu bl-istess mod u jagħtih glorja perfetta. Issa rajt il-mod kif jiena nadura lil Alla. O kemm hu mod fqir! U kemm hi qatra żgħira meta nqabbilha ma’ dik l-glorja perfetta tas-sema. O Alla tiegħi, kemm Inti tajjeb li Inti tilqa’ t-tifħir tiegħi wkoll, u li Inti ddawwar wiċċek lejja bi tjubija u li tħallina nsiru nafu li t-talba tagħna togħġbok.

 

 

1605.            Ikteb kollox li jiġrilek u li għandu x’jaqsam mat-tjubija Tiegħi. Jiena weġibt “Xi trid tgħid, Mulej, x’jiġri jekk jiena nikteb iżżejjed?” U l-Mulej wieġeb, Binti, ukoll li kieku kellek titkellem fl-istess waqt bl-ilsna kollha tal-bnedmin u tal-anġli, xorta waħda ma tkunx għidt ħafna, imma għall-kuntrarju, kont tkun kantajt xi ftit biss it-tifħir tat-tjubija Tiegħi – tal-ħniena Tiegħi bla tarf.

 

O Ġesu’ tiegħi, Inti stess trid tpoġġili l-kliem fuq fommi, sabiex jiena nkun nista’ nfaħħrek denjament.

 

Binti, kun fil-paċi; agħmel bħalma ngħidlek Jiena. Il-ħsibijiet tiegħek huma maqgħudin ma’ Tiegħi, mela ikteb dak li jiġi f’moħħok. Inti s-segretarja tal-ħniena Tiegħi. Jiena għażiltek għal din il-missjoni f’din il-ħajja u fil-ħajja l-oħra. Hekk irrid minkejja l-oppożizzjoni kollha li jagħmlulek. Kun af li l-għażla Tiegħi mhix ser tinbidel.   

 

F’dak  il-waqt jiena ntfajt kollni kemm jiena f’umilta’ profonda quddiem il-majesta’ ta’ Alla. Imma iktar ma umiljajt lili nnifsi, iktar nifditni l-preżenza ta’ Alla . . .

 

 

1606.            O Ġesu’, l-uniku faraġ tiegħi! Kemm hu tal-biża’ dan l-eżilju! Kemm hu terribbli dan id-deżert li rrid naqsam! Ruħi qiegħda titqabad biex tgħaddi minn masġar terribbli mimli b’kull tip ta’ diffikulta’. Li kieku Inti stess ma kontx qiegħed tweżinni, Mulej, ma kienx ikun hemm ċans li nimxi ‘l quddiem.

 

 

1607.            16 (ta’ Frar)1938. Filwaqt li kont qiegħda nitlob lill-Qalb ħajja ta’ Ġesu’ fis-Sagrament Imqaddes għall-intenzjoni ta’ ċertu saċerdot, Ġesu’ f’daqqa waħda għarrafni bit-tjubija Tiegħu u qalli, Jiena minix ser nagħtih xejn li hu ma jkunx jiflaħ għalih.

 

 

1608.            + X’ħin sirt naf bi ftit mit-tbatijiet u l-inkwiet li ċerta persuna (nota236) kienet għaddejja minnu b’rabta ma’ din l-opra kollha kemm hi ta’ Alla, jiena staqsejt lill-Mulej Ġesu’ qabel it-Tqarbin li Hu jgħarrafni jekk b’xi mod dawn it-tbatijiet kinux ġejjin minni: “Ġesu’ tiegħi l-iktar ħelu, jiena qiegħda nitolbok permezz tat-tjubija infinita’ u tal-ħniena Tiegħek, għarrafni jekk hemmx xi ħaġa f’din l-affari kollha li ma togħġbokx jew jekk jiena għandix xi ħtija f’din il-ħaġa. Jekk hemm, nitolbok, meta Inti tiġi ġewwa qalbi, imlieha bl-inkwiet u għarrafni bil-fatt li jiena ma nogħġbokx. U jekk ma naħtix f’din il-ħaġa, ikkonfermani fil-paċi.” X’ħin irċevejt il-Mulej, ruħi mtliet b’paċi kbira, u l-Muelj tani x’nifhem li l-opra kienet għaddejja minn prova imma xorta waħda baqgħet togħġob lil Alla minħabba dan. Jiena ħassejt ferħ kbir b’dan imma rdoppjajt it-talb tiegħi sabiex din l-opra tkun tista’ tgħaddi minn din il-prova bla ebda ħsara.

 

 

1609.            O Ġesu’ tiegħi, kemm hi ħaġa tajba li tkun fuq is-salib, imma flimkien Miegħek! Imħabba tiegħi, flimkien Miegħek, ruħi tinsab il-ħin kollu minxura fuq is-salib u qiegħda timtela bl-imrar. Ħall u morr imissu ma’ xofftejja, imma din ħaġa tajba, għax il-Qalb Divina Tiegħek kienet mimlija mrar matul ħajtek kollha, u bi ħlas għal imħabbtek Inti rċevejt ingratitudni. Tant kont miġugħ li tnehida mnikkta ħarġet minn xofftejk meta Inti għidt li kont qed tfittex lil xi ħadd biex ifarrġek u ma sibt lil ħadd. (ara Salm 68:21)

 

 

1610.            + Meta tlabt lill-Mulej juri tjieba u jitfa’ ħarstu fuq ċerta ruħ (probabbilment Dun Sopocko) li kien qed jissielet waħdu ma’ ħafna diffikultajiet, il-Mulej tani x’nifhem, f’waqt wieħed, li l-bnedmin kollha huma bħal trab taħt riġlejh. Mela tinkwetax; inti tista’ tara li waħedhom ma jistgħu jagħmlu xejn. U jekk Jiena nħallihom jidhru li qed jittrijonfaw, dan nagħmlu minħabba d-digrieti Tiegħi li ħadd ma jista’ jifhimhom. Kelli esperjenza ta’ paċi kbira x’ħin rajt li kollox huwa mmexxi mill-Mulej.

 

 

1611.            + Meta l-kappillan (Dun Theodore) iġibli l-Mulej Ġesu’, ikun hemm waqtiet meta jiena nimtela’ bi preżenza qawwija ħafna ta’ Alla, u l-Mulej jgħarrafni bil-qdusija Tiegħu. F’waqtiet bħal dawn, inkun nista’ nara l-iċken traba li jkun hemm fuq ruħi, u nkun irrid insaffi ruħi qabel kull Tqarbina. X’ħin staqsejt lill-konfessur qalli li m’hemmx bżonn inqerr qabel kull Tqarbina. It-Tqarbina tneħħi dawn l-affarijiet żgħar u hija tentazzjoni toqgħod taħseb fuq il-qrar waqt it-Tqarbin. Jiena ma komplejtx infisser l-istat ta’ ruħi f’dettall iktar, għax hu ma kienx id-direttur tiegħi, imma l-konfessur. (nota237) Dan l-għarfien ma jaħlilix il-ħin tiegħi, għax jgħaddi mgħaġġel iktar mill-beraq; iħeġġiġli mħabbti, u meta jgħaddi nkun sirt naf lili nnifsi . . .

 

 

1612.            + 20 ta’ Frar (1938). Illum il-Mulej qalli, Għandi bżonn it-tbatijiet tiegħek biex insalva l-erwieħ.

 

O Ġesu’ tiegħi, agħmel bija dak li trid. Ma kellix il-kuraġġ nitlob lill-Mulej Ġesu’ jagħtini tbatijiet ikbar, għax tant kont batejt il-lejl ta’ qabel li ma kontx niflaħ qatra iżjed milli tani Ġesu’ nnifsu.

 

 

1613.            Kważi l-lejl kollu kelli wġigħ hekk qawwi li ħassejtni bħallikieku imsarni kollha kienu qed jiġu mbiċċrin. Irremettejt il-mediċina li kont ħadt. X’ħin baxxejt rasi mal-art, intlift minn sensija, u bqajt f’dak l-istat għal xi ħin, b’rasi fl-art. X’ħin ġejt f’sensija, indunajt li ġismi kollu kien qed jagħfas fuq rasi u wiċċi, u li kont miskija vomtu. Ħsibt li kont wasalt fl-aħħar. L-għażiża Madre Superjura (Irene) u Swor Tarcisia (nota238) kienu qedgħin jippruvaw jgħinnuni mill-aħjar li setgħu. Ġesu’ kien qed jitlob it-tbatija, imma mhux il-mewt. O Ġesu’ tiegħi, agħmel bija dak li trid. Agħtini biss is-saħħa sabiex inkun nista’ nbati. Ladarba l-qawwa Tiegħek tweżinni, nissaporti kollox. O erwieħ, kemm inħobbkom!

 

 

1614.            Illum waħda mis-sorijiet (probabbilment Swor Amelia) (nota239) ġiet tarani u qaltli, “Sor, għandi sensazzjoni stramba, bħallikieku xi ħaġa qiegħda tgħidli niġi għandek u nirrikmandalek ċerti problemi li jiena għandi qabel ma inti tmut, u li forsi inti tkun tista’ titlob lill-Mulej Ġesu’ u tirranġali dawn l-affarijiet. Xi ħaġa qiegħda tgħidli li inti ser tkun tista’ takkwistali din il-ħaġa.” Jiena weġibtha bl-istess sinċerita’ li, iva, kont qiegħda nħoss ġewwa ruħi li wara mewti jiena kont inkun nista’ nakkwista aktar mingħand il-Mulej Ġesu’ milli stajt nakkwista fil-preżent. “Niftakar fik, Sor, quddiem it-Tron Tiegħu.”

 

 

1615.            X’ħin dħalt fid-dormitorju ta’ maġenbi biex inżur is-sorijiet li kienu morda, waħda minnhom qaltli. “Sor, meta inti tmut ma nibża’ xejn minnek. Ejja arani wara li tkun mitt, għax irrid nafdalek sigriet dwar ruħi, xi ħaġa li nixtieqek tirranġali mal-Mulej Ġesu’. Naf li tista’ takkwistali din il-ħaġa mingħandu.” Ladarba kienet qiegħda titkellem fil-pubbliku, weġibtha b’dan il-mod: “Il-Mulej Ġesu’ prudenti ħafna. U għalhekk qatt ma jittradixxi ma’ xi ħadd sigriet li jkun hemm bejnu u r-ruħ.”

 

 

1616.            + O Mulej Ġesu’, grazzi li kkonformajtni Miegħek permezz tal-offerta tiegħi nnifsi bħala ruħ vittma, Qiegħda nara li dan il-ġisem tiegħi beda jitmermer. Jiena nifraħ b’dan, għax dalwaqt ser inkun fid-dar ta’ Missieri. (ara Ġw 14:2)

 

 

1617.            27 ta’ Frar (1938). Illum, mort inqerr għand Patri An. (Andrasz). Għamilt dak li ried Ġesu’. Wara l-qrar, raġġ ta’ dawl imlieli ruħi. Imbagħad samjt vuċi: Għax inti bħal tifla, se tibqa’ qrib ta’ Qalbi. Is-sempliċita’ tiegħek togħġobni iktar mill-mortifikazzjonijiet tiegħek.

 

 

1618.            Il-kliem ta’ Patri An. (Andrasz). Għix aktar bil-fidi. Itlob li l-Ħniena Divina issir magħrufa iktar, u li din l-opra taqa’ f’idejn tajbin li jkunu kapaċi jieħdu ħsiebha sew. U inti, ipprova kun reliġjuża tajba hawnhekk – għalkemm l-affarijiet jistgħu jieħdu xejra oħra wkoll – imma pprova kun reliġjuża tajba hawnhekk stess. U issa, jekk inti tħoss dak it-tqanqil mill-Mulej u tinduna li jkun Hu, imxi warajh. Iddedika għat-talb il-ħin kollu li hu ddedikat għalih, u agħmel in-notamenti tiegħek wara . . .

 

 

1619.            + L-aħħar jumejn tal-Karnival. (nota240) It-tbatijiet fiżiċi tiegħi saru iktar qawwijin. Qiegħda ningħaqad iktar mill-qrib mas-Salvatur li qed ibati, u nitolbu ħniena għad-dinja kollha, li tinsab mitlufa fil-ħażen tagħha. Matul il-jum ħassejt l-uġigħ tal-kuruna tax-xewk. X’ħin mort nimtedd, ma stajtx inserraħ rasi fuq l-imħadda. Imma fl-għaxra waqaf l-uġigħ u rqadt; imma l-għada ħassejtni bla saħħa.

 

 

1620.            + Ġesu’ Ostja, li kieku Inti stess ma kontx qiegħed iżżommni, ma kontx inkun kapaċi nippersevera fuq is-salib. Ma kont inkun kapaċi nissaporti daqstant tbatija. Imma l-qawwa tal-grazzja Tiegħek iżżommni fuq livell ogħla u tagħmel it-tbatijiet tiegħi jimmeritaw. Inti tagħtini s-saħħa biex nimxi dejjem ‘il quddiem u biex nikseb il-ġenna bil-forza u biex f’qalbi jkolli mħabba għal dawk li minn għandhom insofri kuntrarju u disprezz. Bil-grazzja Tiegħek wieħed jista’ jagħmel kollox.

 

 

1621.            1 ta’ Marzu 1938. Irtir ta’ ġurnata.

 

Fil-meditazzjoni, tgħallimt li għandi ninħeba kemm jista’ jkun fil-fond fil-Qalb ta’ Ġesu’, nimmedita fuq il-Passjoni Ħarxa Tiegħu u nibqa’ dieħla fis-sentimenti tal-Qalb Divina Tiegħu, li hi mimlija ħniena għall-midinbin. Sabiex nikseb ħniena għalihom, jiena rrid inbattal lili nnifsi f’kull mument, billi ngħix ir-rieda ta’ Alla.

 

 

1622.            Matul dan ir-Randan, jiena ostja f’idejk, Ġesu’. Agħmel użu minni sabiex Inti stess tkun tista’ tidħol fil-midinbin. Itlobni dak kollu li Inti trid; l-ebda sagrifiċċju ma jkun kbir wisq għalija meta fin-nofs hemm l-erwieħ.

 

 

1623.            + Offrejt il-Quddies u t-Tqarbin kollu tax-xahar għall-intenzjoni ta’ Patri Andrasz, sabiex Alla jagħtih għarfien dejjem iktar profond tal-imħabba u l-ħniena Tiegħu.

 

 

1624.            Matul dan ix-xahar ser nipprattika it-tliet virtujiet li Omm Alla rrakkomandatli: umilta’ safa u l-imħabba ta’ Alla, billi naċċetta b’sottomissjoni profonda għar-rieda ta’ Alla dak kollu li Hu jibgħatli.

 

 

1625.            2 ta’ Marzu (1938). Bdejt ir-Randan Imqaddes bil-mod li ried Ġesu’, billi għamilt mod li niddependi għal kollox mir-rieda qaddisa Tiegħu u naċċetta b’imħabba dak kollu li jibgħatli Hu. Ma nistax nipprattika mortifikazzjonijiet ikbar għax tant jien dgħajfa. Din il-marda twila xorbitli saħħti kollha kemm hi. Qiegħda ningħaqad ma’ Ġesu’ permezz tat-tbatija. Meta nimmedita fuq il-Passjoni Ħarxa Tiegħu, jonqsu t-tbatijiet fiżiċi tiegħi.

 

 

1626.            Il-Mulej qalli, Ser nieħdok fl-iskola Tiegħi għar-Randan kollu. Irrid ngħallmek kif għandek tbati. Jiena weġibt, “Flimkien miegħek, Mulej, jiena lesta għal kollox.” U smajt vuċi, Int għandek permess tixrob mill-kalċi li Jiena nixrob. Qiegħed nagħtik dak il-privileġġ esklussiv illum . . .

 

 

1627.            Illum ħassejt il-Passjoni ta’ Ġesu’ f’ġismi kollu, u l-Mulej għarrafni bil-konverżjoni ta’ ċerti erwieħ.

 

 

1628.            Waqt il-Quddiesa, rajt lil Ġesu’ minxur fuq is-Salib, u Hu qalli, Studenta Tiegħi, għandek ikollok imħabba kbira għal dawk li jġegħluk tbati. Agħmel il-ġid lil dawk li jobgħoduk. Jiena weġibt, “O Mgħallem tiegħi, Inti tista’ tara li jiena ma nħoss l-ebda mħabba għalihom u din il-ħaġa tinkwetani.” Ġesu’ wieġeb, Mhux dejjem ikollok is-saħħa tikkontrolla dak li tħoss. Inti tkun tista’ tinduna li għandek imħabba jekk, wara li jkollok l-esperjenza li jkunu dejquk u kkuntlarjawk, inti ma titlifx il-paċi tiegħek, imma titlob għal dawk li jkunu ġegħluk tbati u tixtiqilhom il-ġid. X’ħin ġejt lura (. . . )

 

 

+

Ġ.M.Ġ

 

1629.            Jiena ostja f’idejk

O Ġesu’, Ħallieq u Mulej tiegħi,

Fis-skiet u moħbija, bla ebda sbuħija jew ħajr,

Għax is-sbuħija kollha ta’ ruħi tinsab imnaqqxa ġewwa fija.

 

Jiena ostja f’idejk, O Saċerdot Divin,

Agħmel bija dak li trid;

Niddependi għal kollox mir-rieda Tiegħek, O Mulej

Għax din hi l-għaxqa u t-tiżjin ta’ ruħi.

 

Jiena bħala ostja bajda f’idejk, O Alla,

Nitolbok, ibdilni Fik.

Jalla nkun moħbija għal kollox Fik,

Maqfula fil-Qalb ħanina Tiegħek bħallikieku fil-ġenna.

 

Jiena bħal ostja f’idejk, O Saċerdot Etern,

Jalla l-ostja ta’ ġismi taħbini minn għajnejn il-bnedmin;

Jalla għajnejk biss ikejlu l-imħabba u d-devozzjoni tiegħi,

Għax qalbi tinsab dejjem maqgħuda mal-Qalb Divina Tiegħek.

 

Jiena bħal ostja ssagrifikata f’idejk, O Medjatur Divin,

U jiena qiegħda naqbad fuq l-altar tal-olokawstu.

Mgħaffġa u mitħuna bit-tbatija bħaż-żbul tal-qamħ,

U dan kollu minħabba l-glorja Tiegħek, għas-salvazzjoni tal-erwieħ.

 

Jiena ostja li tgħammar fit-tabernaklu ta’ Qalbek.

Jiena ninsab għaddejja mill-ħajja mgħarrqa fi mħabbtek,

U ma nibża’ minn xejn fid-dinja,

Għax Inti stess it-tarka tiegħi, is-saħħa tiegħi u l-ħarsien tiegħi.

 

Jiena ostja, poġġewni fuq l-altar ta’ Qalbek,

Sabiex naqbad għal dejjem bin-nar tal-imħabba,

Għax jiena naf li Inti għollejtni biss minħabba l-ħniena Tiegħek,

U għalhekk jiena nbiddel dawn id-doni u l-grazzji kollha għall-glorja Tiegħek.

 

Jiena ostja f’idejk, O Mħallef u Salvatur,

Fl-aħħar siegħa ta’ ħajti,

Jalla s-setgħa bla tarf  tal-grazzja Tiegħek tmexxini lejn l-għan tiegħi,

Jalla l-kompassjoni Tiegħek f’din l-għamara tal-ħniena ssir magħrufa.

 

 

1630.            Ġesu’, saħħaħ il-qawwiet ta’ ruħi sabiex l-għadu ma jirbaħ xejn. Mingħajrek, jiena l-istess dgħjufija. X’jiena mingħajr il-grazzja Tiegħek jekk mhux abbiss tal-miżerja tiegħi stess? Il-miżerja hi l-ħaġa li jiena nippossedi.

 

 

1631.            O Pjaga tal-Ħniena, Qalb ta’ Ġesu’, aħbini fil-fond Tiegħek bħallikieku kont qatra minn demmek stess, u tħallini qatt noħroġ minn hemm ġewwa! Aqfilni fil-fond Tiegħek, u kun Inti stess li tgħallimni kif inħobbok! Imħabba Eterna, kun Inti stess li ssawwarli ruħi sabiex hi ssir kapaċi li tpattilek għal imħabbtek. O Mħabba ħajja, agħmilni kapaċi li nħobbok għal dejjem. Jiena nixxennaq li nkun nista’ npatti għal imħabbtek għal dejjem. O Kristu, ħarsa waħda Tiegħek hi iktar għażiża għalija minn elf dinja, mill-istess ġenna kollha kemm hi. Mulej, Inti tista’ tagħmel ruħi kapaċi tifhem għal kollox Inti min Int. Jiena naf u nemmen li Inti tista’ tagħmel kollox; jekk Int indenjajt li tagħti lilek innifsek lili b’daqstant ġenerożita’, jiena għalhekk naf li Inti tista’ tkun iktar ġeneruż. Wassluni għal intimita’ miegħek sakemm hu possibbli għan-natura umana li tasal . . .

 

 

+

Ġ.M.Ġ

 

1632.            Ix-xewqat ta’ qalbi tant huma kbar u ħadd ma jista’ jifhimhom

Li xejn ma jista’ jimla l-abbiss ta’ qalbi.

Ukoll l-isbaħ affarijiet, miġburin mid-dinja kollha

Lanqas għal mument wieħed ma jieħdu postok, O Alla.

 

B’ħarsa waħda, jiena nfidt id-dinja kollha,

U ma sibt l-ebda mħabba oħra bħall-imħabba ta’ qalbi.

Jiena għalhekk ħarist fid-dinja tal-eternita’ –

għax din id-dinja żgħira wisq għalija.

Qalbi xtaqet l-imħabba ta’ dak li Hu Etern.

 

Qalbi ndunat li jiena wild sultan,

Li jiena sibt ruħi fl-eżilju, f’art barranija.

Jiena nista’ nara li l-palazz li hemm fis-sema hu dari,

Hemmhekk biss inħossni li qiegħda f’pajjiżi stess.

 

Inti stess ġbidt lil ruħi lejk, O Mulej;

O Verb Etern, Inti stess iċċekkint sa għandi,

U tajt lil ruħi għarfien iktar profond Tiegħek innifsek.

Ara, il-misteru tal-imħabba li għalih Inti ħalqtni!

 

Imħabba safja għamiltni qawwija u kuraġġuża.

Ma nibżax la mis-serafini lanqas il-kerubini, weqfin bix-xabla f’idhom,

U fejn l-oħrajn jitriegħdu jiena ngħaddi bla xkiel

Għax m’hemm xejn minn xiex tibża’, hemm fejn l-imħabba hi l-gwida.

 

U f’daqqa waħda l-għajnejn ta’ ruħi marru jistrieħu fuqek,

O Mulej Ġesu’ Kristu, minxur fuq is-Salib.

Hawn hu Mħabbti, li miegħu ser nistrieħ fil-qabar,

Dan hu l-Għarus tiegħi, il-Mulej u Alla tiegħi li ħadd ma jifhmu.

 

(Hawnhekk hemm spajzu ikbar fid-Djarju)

 

 

1633.            10 ta’ Marzu (1938). Tbatija fiżika l-ħin kollu. Ninsab fuq is-salib flimkien  ma’ Ġesu’. Darba, M. Superjura (Irene) qaltli, “Min-naħa tiegħek hu nuqqas ta’ mħabba lejn il-proxxmu, Sor, li inti tiekol u mbagħad toqgħod tbati u ddejjaq lill-oħrajn x’ħin ikunu jridu jistrieħu billejl.” Imma jiena naf żgur li dan l-uġigħ li nħoss fl-imsaren m’għandu x’jaqsam xejn mal-ikel. It-tabib (probabbilment Dr Silberg) qalli l-istess ħaġa. Dawn it-tbatijiet ġejjin mill-ġisem stess, jew pjuttost huma żjara tal-Mulej. Iżda, wara dik ir-rimarka ddeċidejt li nbati fis-skiet u ma nitlobx l-għajnuna, għax xorta waħda kollu għal xejn, ladarba nirrimetti l-mediċina li jagħtuni.

 

Ħafna drabi , irnexxieli nbati minħabba attakki li Ġesu’ biss kien jaf bihom. L-uġigħ hu tant qawwi u aħrax li nintilef minn sensija. Meta nintilef minn sensija u nixxarrab kollni kemm jiena b’għaraq kiesaħ, imbagħad jibda jispiċċa bil-mod il-mod. Xi drabi jdum tliet sigħat jew iktar. O Ġesu’ tiegħi, tkun magħmula r-rieda qaddisa Tiegħek; jiena nilqa’ kollox minn idejk. Jekk jiena nilqa’ l-pjaċiri u l-estasi ta’ mħabba li jwassluni li ma nkunx naf x’qiegħed isir madwari, bir-raġun kollu għalhekk li jiena nilqa’ bi mħabba dawn it-tbatijiet li jġegħluni nintilef minn sensija.

 

 

1634.            X’ħin ġie t-tabib (nota241), ma stajtx ninżel fil-parlatorju biex narah, bħas-sorijiet l-oħrajn, imma tlabt li jiġi fiċ-ċella tiegħi, għax ma stajtx ninżel minħabba ċerta diffikulta’. Wara ftit, hu ġie fiċ-ċella u x’ħin eżaminani qalli, “Ser ngħid kollox lis-Soru tal-Infermerija.” Meta ġiet is-Soru tal-Infermerija, wara li telaq it-tabib, jiena għidtilha r-raġuni għaliex ma stajtx ninżel fil-parlatorju, imma hi tatni x’nifhem kemm kienet iddispjaċuta. U x’ħin staqsejt, “Sor, x’qal it-tabib dwar dan l-uġigħ?” hija wieġbet li hu ma kien qal xejn, li kienet ħaġa ta’ xejn; hu biss qalli li l-pazjenta kienet qiegħda tagħmel f’qalbha. U b’dan il-kliem telqet ‘l hemm. Imbagħad jiena għidt lil Alla, “Kristu, agħtini s-saħħa u l-qawwa sabiex inkun nista’ nbati; agħti lil qalbi mħabba safja għal din is-soru.”  Wara dan, hi ma reġgħetx ġiet tarani għal ġimgħa sħiħa. Imma t-tbatijiet reġgħu ġew b’qawwa ikbar u damu għaddejjin kważi l-lejl kollu, u donnu kien wasal it-tmiem, dak il-ħin stess. Is-superjuri ddeċidew li jibagħtu għal tabib ieħor, (nota242) u huwa kien ċert li l-kundizzjoni tiegħi kienet serja u qalli, “Mhux possibbli nreġġgħuk lura għas-saħħa. Nistgħu nirrimedjaw il-kundizzjoni tiegħek parzjalment, imma m’hemm l-ebda ċans li terġa’ lura f’saħħtek għal kollox.” Huwa ppreskriva mediċina għall-uġigħ, u wara li ħadtha, l-attakki l-kbar ma reġgħux ġew. “Imma jekk inti tiġi hawn, Sor, nippruvaw b’xi mod nirranġaw xi ħaġa, jekk dan għadu possibbli.” It-tabib tassew riedni mmur hemmhekk għal trattament. (nota243) O Ġesu’ tiegħi, kemm huma strambi d-digrieti Tiegħek.

 

 

1635.            Ġesu’ kkmandani nikteb dan kollu għall-konsolazzjoni ta’ erwieħ oħrajn li spiss huma esposti għal tbatijiet bħal dawn.

 

 

1636.            Għalkemm kont qiegħda nħossni dgħajfa ħafna, mort nara lit-tabib (Silberg), għax hekk riedet is-superjura. Is-soru li akkumpanjatni ġiet kontra qalbha. Dan qalituli diversi drabi u fl-aħħar qaltli, “X’ser nagħmlu? M’għandix flus biżżejjed biex inħallas taxi.” Jiena ma weġibt xejn. “U jekk ma jkunx hemm taxi?” Kif ser naslu hemm? Hu tant ‘il bogħod.” Dan kollu qalitu u ħafna affarijiet oħrajn sabiex tinkwetani, għax is-superjuri għeżież tagħna kienu tawna flus biżżejjed għal kollox, u kellna kulma rridu. U meta fhimt dan kollu ġewwa fija, bdejt nidħak u għidt lis-soru li jiena ma kont qiegħda ninkwieta xejn: “Ejja nafdaw f’Alla.” Imma ndunajt li l-kalma profonda tiegħi kienet qiegħda tinnervjaha, u għalhekk bdejt nitlob għaliha.

 

 

1637.            O Mulejja, dan kollu għalik u sabiex nikseb il-ħniena għall-imsejkna midinbin. X’ħin ġejt lura, tant kont għajjiena li kelli mmur nimtedd fil-pront. Imma dan kien il-jum tal-qrar ta’ kull tliet xhur. Ippruvajt immur inqerr, mhux biss għax kelli bżonn, imma wkol biex nitlob parir mingħand id-direttur spiritwali tiegħi (Patri Andrasz). Bdejt inħejji ruħi; imma tant ħassejtni dgħajfa li ddeċidejt li mmur nitlob lill-Madre Superjura (Irene) tħallini mmur qabel in-novizzi. Il-Madre Superjura wieġbet, “Mur fittex lid-Direttriċi tan-Novizzi (Swor Callista). Jekk hi tħallik tmur qabel in-novizzi, għalija kollox sew.” Iżda, kien hemm biss tliet sorijiet qabli, jistennew għall-qrar, u għalhekk qgħadt nistenna għax ma kellix saħħa biżżejjed immur infittex id-Direttriċi tan-Novizzi. X’ħin dħalt biex inqerr, tant kont qiegħda nħossni ħażin li ma stajtx nagħti rendikont tal-kundizzjoni ta’ ruħi; bilkemm inrexxieli naqgħmel il-qrara tiegħi. F’dak il-waqt, innotajt kemm hemm bżonn il-ħeġġa tal-ispirtu; l-ittra waħedha ma tħallix l-imħabba tikber (ara 2 Kor 3:6).

 

 

1638.            Dak inhar, qam xi nuqqas ta’ ftehim bejn is-Superjura u bejni. La hi u lanqas jien ma konna naħtu, imma t-tbatija morali baqgħet għax ma stajtx infisser x’kienet il-ħaġa, għax kienet sigriet. Din hi r-raġuni għaliex bqajt inbati, għalkemm, permezz ta’ kelma waħda, stajt nirrivela l-verita’.

 

 

1639.            L-20 (ta’ Marzu). Illum akkumpanjajt fl-ispirtu, ċerta ruħ moribonda. Akkwistajt għaliha fiduċja fil-ħniena ta’ Alla. Ir-ruħ kienet qrib id-disperazzjoni.

 

 

1640.            Dan il-lejl Inti biss taf bih, O Mulej. Offrejtu għal midinbin l-aktar iebsin, sabiex nikseb il-ħniena Tiegħek għalihom. Ifflaġellani hawn, aħraqni hawn, sakemm Inti tagħtini l-erwieħ tal-midinbin, u speċjalment . . . . O Ġesu’, miegħek xejn m’hu mitluf; ħu kollox u agħtini l-erwieħ . . . . . . midinbin.

 

 

1641.            Waqt l-adorazzjoni tal-Kwaranturi, il-Mulej qalli, Binti, ikteb li l-offiżi li l-erwieħ jagħmluli mingħajr ma jridu ma jfixklux l-imħabba li Jiena għandi għalihom lanqas ma jżommuni milli ningħaqad magħhom. Imma offiżi volontarji, ukoll dawk li huma l-iċken, ixekklu l-grazzji Tiegħi, u Jiena ma nkunx nista’ nferra’ d-doni Tiegħi fuq erwieħ bħal dawn.

 

 

1642.            + Ġesu’ tani x’nifhem li kollox jiddependi mir-rieda Tiegħu u b’dan il-mod tani paċi profonda dwar is-sigurta’ tal-opra Tiegħu.

 

 

1643.            Isma’,binti, għalkemm l-opri kollha li jeżistu permezz tar-rieda Tiegħi jiġu esposti għal tbatijiet kbar, aħseb ftit jekk hemmx xi waħda minnhom li ġiet soġġetta għal diffikultajiet ikbar minn dik l-opra li hija Tiegħi b’mod dirett- l-opra tal-Fidwa. Inti m’għandekx tinkwieta żżejjed fuq il-kuntrarju. Id-dinja m’għandhiex daqshekk qawwa daqskemm tidher li għandha; saħħitha hi strettament limitata. Kun af, binti, li jekk ruħek tkun mimlija bin-nar tal-Imħabba safja Tiegħi, imbagħad id-diffikultajiet kollha jgħibu bħalma jgħib iċ-ċpar quddiem ir-raġġi tax-xemx u ma jażżardawx imissu lir-ruħ. L-għedewwa kollha jibżgħu jibdew ġlieda ma’ ruħ bħal din, għax jindunaw li hi iktar b’saħħitha mid-dinja kollha. . .

 

 

1644.            Binti, agħmel dak kollu li tippermettilek l-ubbidjenza għal din l-opra tal-ħniena, imma ppreżenta b’mod ċar lill-konfessur tiegħek sal-iċken waħda mit-talbiet Tiegħi, u ħallih jiddeċiedi hu. Inti m’għandekx tiskarta bl-ebda mod, imma wettaq kollox bil-fedelta’; jekk ma tagħmilx hekk, Jiena ma nsib l-ebda għożża fik . . .

 

 

1645.            25 ta’ Marzu 1938. Illum rajt il-Mulej Ġesu’ qed ibati. Miel lejja u qalli minn taħt l-ilsien, Binti, għinni nsalva l-midinbin. F’daqqa waħda, xewqa ħerqana sabiex insalva l-erwieħ daħlet ġewwa ruħi. X’ħin erġajt ġejt f’tiegħi, kont naf preċiżament x’kelli nagħmel biex insalva l-ewrieħ, u ħejjejt lili nnifsi għal tbatijiet ikbar.

 

 

1646.            + Illum (probabbilment il-Ġimgħa, 25 ta’ Marzu 1938) żdiedet it-tbatija tiegħi; minbarra dan, ħassejt il-pjagi f’idejja, f’saqajja u f’ġenbi. Dan issaportejtu bil-paċenzja. Ħassejt l-ostilita’ tal-għadu tal-erwieħ, imma ma messnix.

 

 

1647.            1 ta’ April (1938). Għal darb’oħra, illum qiegħda nħossni agħar. Deni għoli beda jikkonsmani, u ma nista’ nieħu ebda ikel. Nixtieq kieku jkolli xarba friska, imma m’hemm lanqas qatra ilma fil-ġarra tiegħi. Dan kollu, O Ġesu’, sabiex nikseb il-ħniena għall-erwieħ.

 

Hekk kif kont qiegħda nġedded l-intenzjoni tiegħi bi mħabba ikbar ġiet waħda min-novizzi u tatni larinġa kbira li kienet bagħtitli d-Direttriċi tan-Novizzi (Swor Callista). F’din il-ħaġa jiena rajt id il-Mulej. Reġgħet ġrat l-istess ħaġa, diversi drabi. Waqt dan iż-żmien, għalkemm kulħadd kien jaf bil-bżonnijiet tiegħi, qatt ma rċevejt xi ħaġa tajba x’niekol, għalkemm kont staqsejt għaliha. Iżda, kont naf li Alla kien qed jitlob tbatija u sagrifiċċji. Minix nikteb fid-dettall dwar dawn iċ-ċaħdiet, għax dawn huma affarijiet delikati, u huwa diffiċli li wieħed jemminhom. Imma Alla jista’ jitlob ukoll sagrifiċċju bħal dawn.

 

 

1648.            Kont sejra nitlob il-Madre Superjura (Irene) permess biex ikolli xi ħaġa fiċ-ċella tiegħi biex intaffi l-għatx kbir tiegħi, imma qabel ma rnexxieli nitlobha, il-Madre stess bdiet titkellem, “Sor, ejja nsibu tarf ta’ din il-marda darba għal dejjem, b’xi mod jew ieħor. Ser ikollok tagħmel xi trattament regolari jew xi ħaġa oħra. Ma jistax ikun nibqgħu sejrin hekk iżjed.” Ftit wara x’ħin kont waħdi għidt, “Kristu, x’għandi nagħmel? X’suppost nitolbok saħħa jew mewt?” Ma rċevejt l-ebda ordni speċifika, allura nżilt għarkobbtejja u għidt, “Isseħħ fija r-rieda qaddisa Tiegħek. Agħmel bija, Ġesu’, dak li trid.” F’dak il-waqt, ħassejtni qisni kont kollni waħdi, u bdew jattakkawni diversi tentazzjonijiet. Imma sibt il-paċi u d-dawl f’talb ħerqan, u fhimt lis-superjura xtaqet biss tippruvani.

 

 

1649.            Ma nafx kif tista’ tiġri ħaġa bħal din, imma l-kamra fejn kont mimduda tassew ittraskurawha. Xi drabi, lanqas biss naddfuha għal iktar minn ġimgħatejn. Ta’ spiss ħadd ma kien iqabbad in-nar fil-fuklar, u għalhekk is-sogħla bdiet tmur għall-agħar. Xi drabi kont nitlobhom iqabbdu n-nar, u drabi oħra ma kienx ikolli l-kuraġġ nitlobhom. Darba minnhom, meta l-Madre Superjura (Irene) ġiet tarani u staqsietni jekk kienx hemm il-bżonn li nsaħħan il-kamra iktar, jiena weġibt, Le, għax diġa’ kien qed jisħon it-temp barra, u t-tieqa kienet miftuħa.

 

 

1650.            L-ewwel ġimgħa tax-xahar. X’ħin ħadt f’idejja “Il-Messaġġier tal-Qalb Imqaddsa” u bdejt naqra r-rakkont tal-kanonizzazzjoni ta’ San Indri Bobola, ruħi fil-pront imtliet b’xewqa kbira li l-Kongregazzjoni tagħna, ukoll, ikollha xi qaddisa, u bdejt nibki bħal tarbija li fostna ma kien hemm l-ebda qaddisa. U għidt lill-Mulej, “Naf  bil-ġenerożita’ Tiegħek , xorta waħda jidhirli li m’intix daqshekk ġeneruż magħna.” U rġajt bdejt nibki bħal tarbija. Ġesu’ qalli, Tibkix, Inti dik il-qaddisa. Imbagħad id-dawl ta’ Alla mlieli ruħi, u sirt naf kemm kelli nbati, u għidt lill-Mulej, “Kif ser jiġri dan? Inti kont qiegħed tkellimni fuq il-Kongregazzjoni oħra.”  U l-Mulej wieġeb, Mhix ħaġa tiegħek tkun taf kif dan ser iseħħ. Id-dmir tiegħek hu li tkun fidila mal-grazzja Tiegħi u dejjem tagħmel dak li inti tista’ tagħmel u dak li tippermettilek l-ubbidjenza . . .

 

 

1651.            + Illum waħda mis-sorijiet ġiet f’kamara tiegħi u qalet li t-tali soru kienet inkwetata ħafna fuq il-marda tagħha stess, u din il-ħaġa kienet qiegħda ddejjaqha ħafna u, li kieku ma kenitx membru ta’ dan il-kunvent, kienet tgħidilha erba’ kelmiet sewwa. Jiena weġibt li kont sorpriża li kienet qiegħda taħseb b’dan il-mod: “Sor, aħseb biss kemm –il lejl għamlet mingħajr ma raqdet din is-soru marida u kemm dmugħ . . . “Is-soru mbagħad bdiet taħsibha mod ieħor.

 

 

 

+

Ġ.M.Ġ

 

1652.            Adura, ruħi, il-ħniena tal-Mulej,

O Qalbi, ifraħ bis-sħiħ fih,

Għax inti ntgħażilt minnu għal dan il-għan,

Biex inti xxerred il-glorja tal-ħniena Tiegħu.

 

It-tjubija Tiegħu ħadd ma jista’ jkejjilha,

M’hemmx kliem biex titfisser il-kumpassjoni Tiegħu.

Kull ruħ li tersaq lejh ikollha din l-esperjenza.

Huwa jħarisha u jħaddanha ma’ sidru.

 

Hienja dik ir-uħ li afdat fi tjubitek

U ntelqet kollha kemm hi fil-ħniena Tiegħek.

Ruħha mimlija bil-paċi tal-imħabba.

Inti tħarisha kullimkien bħallikieku kienet bintek stess.

 

O ruħ, inti min int f’din id-dinja,

Ukoll li kieku dnubietek kienu suwed bħal lejl

Tibżax minn Alla, għalkemm inti tarbija dgħajfa,

Għax kbira hi l-qawwa tal-ħniena ta’ Alla.

 

 

+

Ġ.M.Ġ

 

1653.            Id-dawl ta’ hemm fuq, fejn isaltan Alla tiegħi,

Dan hu li tixxennaq għalih ruħi,

Din hi l-ħaġa li għaliha tixxennaq qalbi,

U l-esseri tiegħi kollu jitlaq jiġri għal ħdejk.

 

Jiena nitlaq niġri għad-dinja l-oħra, għal għand Alla waħdu,

Għal ġod-dawl li ħadd ma jista’ jifhmu, l-istess nhar tal-imħabba,

Għax ruħi u qalbi ġew maħluqin għalih,

U qalbi ħabbitu sa miż-żgħożija tenera tiegħi.

 

Hemmhekk, fid-dawl jiddi ta’wiċċek

Għad tistrieħ imħabbti mifnija.

Għax il-verġni Tiegħek tagonizza għalik f’dan l-eżilju tagħha,

Għax hi tgħix biss meta tkun maqgħuda flimkien miegħek.

 

 

+

Ġ.M.Ġ

Il-jum tiegħi qed joqrob għat-tmiem tiegħu,

Issa wkoll jiena nista’ nilmaħ id-dija tad-dawl Tiegħek, O Alla tiegħi.

Ħadd ma hu ser isir jaf dak li qalbi qiegħda tħoss;

Xofftejja għad jiksru f’ umilta’ kbira.

 

Issa wkoll, jiena qiegħda noqrob lejn iż-żewġ etern,

Lejn il-ġenna bla tarf, lejn spazji bla limitu.

Jiena ma nixtieq l-ebda mistrieħ jew premju;

L-imħabba safja ta’ Alla tiġbidni lejn il-ġenna.

 

Issa, wkoll, jiena ġejja niltaqa’ miegħek, Imħabba eterna,

B’qalb mifnija bix-xewqa li għandha għalik.

Jiena nħoss li l-imħabba safja Tiegħek, Mulej, qiegħda tgħammar f’qalbi,

U qiegħda nħoss li d-destin etern tiegħi jinsab fil-ġenna.

 

Issa wkoll, jiena sejra għand Missieri, fil-ġenna eterna,

Minn din l-art tal-eżilju, minn dal-wied tad-dmugħ,

Id-dinja ma tistax iżżomm lura lil qalbi safja,

U l-għoljiet tas-sema qedgħin jiġbduni qribhom.

 

Jiena sejra, O Għarus tiegħi, sejra sabiex nara l-glorja Tiegħek,

Hemm fejn il-ġenna kollha tinsab mitfugħa tadurak,

Jiena nħoss li l-qima tiegħi togħġbok, minkejja x-xejn tiegħi.

 

Fil-hena etern, jiena minix sejra ninsa lil dawk li jinsabu fl-art,

U jiena niftakar b’mod speċjali f’dawk li kienu għeżież għal qalbi,

U għalkemm inkun mitlufa għal kollox f’Alla, xorta waħda ma ninsihomx.

 

F’dawn l-aħħar mumenti ma nafx kif għandi nitkellem ma’ l-oħrajn.

Fis-skiet jiena nistenna lilek biss, O Mulej.

Jiena naf li għad iż-żmien meta kulħadd għad jifhem il-ħidma ta’ Alla ġewwa ruħi.

Jiena naf li din hi r-rieda Tiegħek. – Hekk ikun.

 

 

+

Ġ.M.Ġ

 

1654.            O verita’, O ħajja mimlija xewk,

Sabiex ngħaddi minnek u nirbaħ

Hemm bżonn li nserraħ fuqek, O Kristu,

U li nkun dejjem qrib Tiegħek.

 

Ma nkunux naf  kif  inbati mingħajrek, O Kristu.

Waħdi ma nkunx kapaċi nilqa’ l-kuntrarju.

Waħdi, ma jkollix il-kuraġġ li nixrob mill-kalċi Tiegħek;

Imma Inti, Mulejja, tinsab dejjem miegħi, u Inti tmexxini minn mogħdijiet misterjużi.

 

Tifla dgħajfa, jiena bdejt it-taqtigħa f’ismek.

Iġġelidt bil-kuraġġ, għalkemm spiss bla suċċess,

U jiena naf li l-isforzi tiegħi għoġbuk,

U jiena naf li Inti tagħti premju etern għall-isforz biss.

 

O verita’, O taqbida tal-ħajja mal-mewt,

X’ħin qomt biex nissielet, bħala kavallier bla esperjenza

Jiena ħassejt li kelli demm ta’ kavallier, għalkemm għadni ċkejkna,

U għalhekk, O Kristu, kelli bżonn l-għajnuna u l-ħarsien Tiegħek.

 

Qalbi mhix ser tistrieħ mill-isforzi u t-taqbid tagħha

Sakemm Inti stess issejjaħli mill-kamp tat-taqtigħa.

Jiena noqgħod quddiemek, mhux biex nirċievi premju,

Imma biex nintlef  fik, fil-paċi għal dejjem.

 

 

1655.            + O Kristu, li kieku ruħi kienet taf, f’daqqa waħda, x’kien ser ikollha tbati matul ħajjitha, kienet tmut bil-biża’ malli kienet tara x’kellu jiġri; ma kenitx tmiss xofftejha mal-kalċi tal-imrar. Imma ladarba hi kellha tixrob qatra qatra, hi battlet il-kalċi sakemm waslet għall-qtiegħ. O Kristu, li kieku Inti stess ma weżintx lir-ruħ, kemm kienet tkun tista’ tagħmel waħedha? Aħna b’saħħitna, imma bis-saħħa Tiegħek; aħna qaddisin, imma bil-qdusija Tiegħek. Imma waħedna, aħna x’aħna? – inqas mix-xejn . . . .

 

+ Ġesu’ tiegħi, Inti biżżejjed għalija u ma neħtieġ xejn aktar fid-dinja. Għalkemm it-tbatijiet huma ħorox, Inti żżommni. Għalkemm il-waqtiet meta jiena nisfa waħdi huma terribbli, Inti tagħmilhomli ħelwin. Għalkemm id-dgħufija hija kbira, Inti tibdilhieli f’saħħa.

 

 

1656.            Ma nafx kif niddeskrivi dak kollu li jiena nbati, u dak li jiena ktibt s’issa hu biss qatra. Hemm waqtiet ta’ tbatija li fil-fatt jiena ma nistax nikteb dwarhom. Imma hemm ukoll waqtiet f’ħajti meta xofftejja jibqgħu siekta, u m’hemmx kliem biex niddefendi ruħi, u jiena nissottometti ruħi kollni kemm jien għar-rieda ta’ Alla; imbagħad il-Mulej stess iħarsini u jaqbeż għalija. Iżda, meta jiena nara l-interventi kbar Tiegħu, li jidhru f’forma ta’ kastigi, imbagħad jiena nitolbu bil-ħerqa għall-ħniena u l-maħfra. Imma mhux dejjem jismagħni. Il-Mulej jaħdem miegħi b’mod misterjuż. Ikun hemm żminijiet meta Hu stess jippermetti tbatijiet terribbli, u mbagħad hemm żminijiet meta ma jħallinix inbati u jneħħi min-nofs dak kollu li jista’ jnikket lir-ruħ. Dawn huma l-metodi Tiegħu, li ħadd minna ma jista’ jifhimhom. Il-parti tagħna hi li aħna nissottomettu ruħna kollna kemm aħna għar-rieda qaddisa Tiegħu. Hemm misteri li l-moħħ tal-bniedem qatt m’hu ser jifhimhom hawn fl-art; l-eternita’ għad tirrivelahom.

 

 

1657.            10 ta’ April 1938. Ħadd il-Palm. Mort il-Quddies, imma ma kellix is-saħħa immur u nġib il-palm. (nota244) Tant ħassejtni dgħajfa li bilkemm stajt noqgħod sal-aħħar tal-Quddiesa. Waqt il-Quddiesa, Ġesu’ tani x’nifhem l-uġigħ ta’ ruħu, u stajt inħoss b’mod ċar kif l-innijiet ta’ Osanna kienu jinstemgħu bħal eku ta’ uġigħ fil-Qalb Imqaddsa Tiegħu. Ruħi, ukoll, kienet mifnija f’baħar ta’ mrar, u kull Osanna nifditli qalbi wkoll sa ġewwanett. Ruħi kollha kemm hi nġibdet qrib ta’ Ġesu’. Smajt il-vuċi ta’ Ġesu’, Binti, il-kompassjoni tiegħek għalija sserraħni. Meta inti timmedita l-Passjoni Tiegħi, ruħek tikseb sbuħija ċara.

 

 

1658.            Tqarbint fuq, għax ma kienx hemm dubju li ma stajtx ninżel fil-kappella peress li kont eżawrita minħabba li kont qed negħreq ħafna, u wara telgħali d-deni  u bdejt inħoss il-bard. Ħassejtni ma niflaħx iżjed. Illum, wieħed mill-Ġiżwiti (Patri Zukowicz) (nota245) ġie biex iqarbinna. Huwa ta l-Mulej lil tliet sorijiet oħrajn u mbagħad lili; u peress li ħaseb li jiena kont l-aħħar waħda, tani żewġ Ostji. Imma waħda min-novizzi kienet mixħuta fis-sodda fiċ-ċella ta’ maġenbi, u ma kienx baqa’ Ostja għaliha. Is-saċerdot mar lura u ġabilha l-Mulej, imma Ġesu’ qalli, Jiena mmur ġo dik il-qalb kontra Qalbi. Inti rċevejt żewġ Ostji, għax Jiena bqajt lura milli mmur għand din ir-ruħ li tirreżisti l-grazzja Tiegħi. Iż-żjara Tiegħi għand ruħ bħal din mhix ħaġa li togħġobni.  F’dak il-waqt, ruħi nġibdet tant qrib Tiegħu, u jiena rċevejt dawl interjuri profond li tani x’nifhem, fl-ispirtu, il-ħidmiet kollha tal-ħniena. Kienet bħal berqa, imma iktar ċara milli kieku qgħadt nosservaha għal sigħat sħaħ bl-għajnejn tal-ġisem.

 

 

1659.            Iżda, sabiex nitkeb xi ħaġa, bilfors irrid nuża l-kliem, għalkemm dawn ma jistgħux jagħtu renidkont ta’ dak kollu li ruħi gawdiet filwaqt li kienet qiegħda tara l-glorja tal-ħniena ta’ Alla. Il-glorja tal-Ħniena Divina qiegħda tidwi, issa wkoll, minkejja l-isforzi tal-għedewwa tagħha u ta’ Satana nnifsu, li għandu mibgħeda kbira għall-ħniena ta’ Alla. Din l-opra għad taħtaflu minn idejh għadd kbir ta’ erwieħ, u din hi r-raġuni għaliex l-ispirtu tad-dlam xi drabi jittanta erwieħ twajba bil-vjolenza, sabiex huma jfixklu l-opra. Imma jiena rajt b’mod ċar li r-rieda ta’ Alla diġa' qiegħda titwettaq, u ser titwettaq sal-iċken dettal ta’ dak li ordna l-Mulej. Anqas l-ikbar sforzi tal-għadu ma jirnexxilhom ifixklu dak li l-Mulej ordna. Ma jimpurtax jekk għad jiġu żminijiet meta l-opra tidher meqruda totalment; huwa f’dak il-waqt li l-opra tkun qiegħda tiġi msaħħa iżjed u iżjed.

 

 

1660.            Ruħi mtliet b’paċi iktar profonda milli qatt kont ġarrabt qabel, assigurazzjoni divina li xejn ma jista’ jħassarha, paċi profonda li xejn ma jista’ jfixkilha, għalkemm kelli ngħaddi mill-provi l-iktar ħorox. Jiena ninsab fil-paċi; Alla nnifsu jrieġi kollox.

 

 

1661.            Għaddejt il-jum kollu f’radd il-ħajr, u l-gratitudni kompliet timlili ruħi. O Alla tiegħi, kemm Inti tajjeb, kemm hi kbira l-ħniena Tiegħek! Inti żżurni b’tant grazzji, lili li jiena farka trab mill-iżjed miżerabbli. Ninxteħet minn tuli f’riġlejk, O Mulej, u nistqarr b’qalb sinċiera li jiena m’għamilt xejn biex ikun jistħoqqli wkoll l-iċken waħda tal-grazzji Tiegħek. Hi fit-tjubija Tiegħek li Inti tagħti lilek innifsek lili b’tant ġenerożita’. Għalhekk, iktar ma jkunu kbar il-grazzji li qalbi tirċievi, iktar hija tintefa’ ‘l isfel fl-umilta’.

 

 

1662.            + O Kristu, li nbati għalik hi l-għaxqa ta’ qalbi u ta’ ruħi. Tawwal it-tbatijiet tiegħi sal-infinita’, sabiex jiena nkun nista’ nagħtik prova ta’ mħabbti. Jiena naċċetta dak kollu li idek għad tnewwilli. Imħabbtek, Ġesu’, hi biżżejjed għalija. Jiena nigglorifikak fl-abbandun u fid-dlam, fl-agunija u fil-biża’, fl-uġigħ u fl-imrar, fid-diqa tal-ispirtu u fin-niket tal-qalb. Tkun imbierek f’kollox. Qalbi tant hi ddistakkata mill-art, li Inti stess biżżejjed għalija. M’għad baqa’ l-ebda waqt f’ħajti meta jiena naħseb fija nnifsi.

 

 

1663.            Ħamis ix-Xirka. (14 ta’ April 1938). Illum ħassejtni b’saħħti biżżejjed biex nieħu sehem fiċ-ċerimonji tal-Knisja. Waqt il-Quddiesa, Ġesu’ qagħad quddiemi u qalli, Ħares ġewwa Qalbi u ara hemmhekk l-imħabba u l-ħniena li Jiena għandi għall-umanita’, u l-aktar għall-midinbin. Ħares, u idħol fil-Passjoni Tiegħi. F’waqt wieħed, kelli esperjenza li għext il-Passjoni kollha ta’ Ġesu’ f’qalbi. Kont sorpriża li dawn it-torturi ma ċaħħdunix minn ħajti.

 

 

1664.            Waqt l-adorazzjoni, Ġesu’ qalli, Binti, kun af li l-imħabba ħerqana tiegħek u l-kompassjoni li inti tħoss għalija kienu konsolazzjoni għalija fil-Ġnien (taż-Żebbuġ).

 

 

1665.            Waqt is-siegħa Adorazzjoni filgħaxija, smajt dan il-kliem, Inti tista’ tara l-ħniena Tiegħi mal-midinbin, li f’dan il-waqt qiegħda tidher fil-qawwa kollha tagħha. Ara kemm int ktibt ftit fuqha; hi biss qatra waħda. Agħmel dak kollu li inti tista’ sabiex il-midinbin ikunu jistgħu jsiru jafu bit-tjubija Tiegħi.

 

 

1666.            Il-Ġimgħa l-Kbira. (15 ta’ April 1938). Rajt lill-Mulej Ġesu’ ittorturat, imma mhux imsammar mas-Salib. Kien qabel ma ġie mislub, u Hu qalli, Inti Qalbi. Kellem lill-midinbin dwar il-ħniena Tiegħi. U l-Mulej tani għarfien interjuri tal-abbiss sħiħ tal-ħniena Tiegħu għall-midinbin , u sirt naf li dak li jiena kont ktibt hu tassew qatra.

 

 

1667.            Sibt il-Għid. (16 ta’ April 1938). Waqt l-adorazzjoni, il-Mulej qalli, Kun fil-paċi, binti. Din l-opra tal-ħniena hi Tiegħi; m’hemm xejn minnek fiha. Jiena ninsab kuntent li inti qiegħda twettaq bil-fedelta’ dak li Jiena kkmandajtek tagħmel, mingħajr ma żżid jew tnaqqas kelma waħda. U tani dawl interjuri li permezz tiegħu sirt naf li lanqas kelma waħda ma kienet tiegħi; minkejja d-diffikultajiet u l-kuntrarju, jiena dejjem, dejjem wettaqt ir-rieda Tiegħu, kif Hu kien għarrafhieli.

 

 

1668.            Il-Qawmien mill-imwiet. Qabel il-quddiesa tal-Għid, tant ħassejtni dgħajfa li tlift kull tama li nieħu sehem fil-purċissjoni li jkun hemm fil-knisja; u għidt lill-Mulej, “Ġesu’, jekk it-talb tiegħi jogħġbok, agħtini s-saħħa għal dan il-mument sabiex inkun nista’ nieħu sehem fil-purċissjoni.” F’dak l-istess waqt, ħassejtni b’saħħti u ċerta li kont nista’ nakkumpanja lis-sorijiet fil-purċissjoni.

 

 

1669.            X’ħin bdiet il-purċissjoni, rajt lil Ġesu’ f’dija ikbar mid-dawl tax-xemx. Ġesu’ ħares lejja bi mħabba u qalli, Qalb ta’ Qalbi, imtela’ bil-ferħ. F’dak il-ħin, l-ispirtu tiegħi ntilef fih . . . X’ħin erġajt ġejt f’tiegħi, kont qiegħda miexja fil-purċissjoni mas-sorijiet, filwaqt li ruħi kienet mgħaddsa għal kollox fih . . .

 

 

1670.            + L-Għid. (17 ta’ April 1938). Waqt il-Quddiesa, raddejt ħajr lill-Mulej Ġesu’ talli għoġbu jifdina u jagħtina dak l-ikbar wieħed fost id-doni kollha, jiġifieri, imħabbtu fit-Tqarbin Imqaddes; jiġifieri, Hu stess. F’dak il-waqt jiena nġbidt lejn is-Santissima Trinita’, u ġejt mgħaddsa fl-imħabba tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Dawn il-mumenti diffiċli biex niddeskrivihom.

 

 

1671.            F’dak il-waqt, jiena tlabt lill-Mulej għal ċerta persuna, u l-Mulej weġibni, Din ir-ruħ hi għażiża għalija b’mod speċjali. Din il-ħaġa ferrħitni ħafna. Il-ferħ ta’ erwieħ oħrajn jimlieni b’ferħ ġdid, u meta jiena nara doni iktar għoljin f’xi ruħ, qalbi ittir ‘il fuq lejn il-Mulej f’innu ġdid ta’ adorazzjoni.

 

 

1672.            19 ta’ April (1938). Waqt il-ħin tar-rikreazzjoni, waħda mis-sorijiet (Swor Gajetan) qalet, “Swor Fawstina tant tinsab ħażin li bilkemm tista’ timxi, imma jalla ma ddumx ma tmut għax hi ser tkun qaddisa.” Imbagħad waħda mis-sorijiet direttriċi, (Swor Casimir) (nota246) qalet, “Li ser tmut, nafuh; imma, jekk hix ser tkun qaddisa, dik ħaġa oħra.” Imbagħad bdew xi rimarki malizzjużi fuq dan is-suġġett. Jiena żammejt is-skiet; imbagħad ippruvajt ngħid xi ħaġa, imma rajt li l-koverżazzjoni kienet sejra għall-agħar, għalhekk erġajt qgħadt bi kwieti.

 

 

1673.            Bħalissa, qiegħda nirċievi ittri mingħand sorijiet li jinsabu fi djar oħra u li għamlu n-novizzjat miegħi. (nota247) Dawn spiss idaħħkuni, peress li ħafna drabi jiktbuli hekk: “Għażiża Swor Fawstina, jiddispjaċina ħafna li tinsab marida hekk serjament; imma aħna ninsabu ferħanin ħafna li, meta l-Mulej Ġesu’ jieħdok miegħu, inti ser titlob għalina, għax inti għandek influwenza kbira mal-Mulej.” Waħda mis-sorijiet poġġietha b’dan il-mod: “Meta inti tmur Sor, jekk jogħġbok hu ħsiebi b’mod speċjali, għax ċerta li inti tista’ tagħmilha din il-ħaġa għalija.” Soru oħra kitbet hekk: “Kemm qiegħda nistenna ż-żmien meta jieħdok il-Mulej Ġesu’, għax naf x’ser jiġri mbagħad; u jiena nixtieq b’qalbi kollha l-mewt għalik.” Jiena ridt nistaqsieha f’hiex kienet qiegħda taħseb, dwar il-mewt tiegħi, imma għamilt mortifikazzjoni u weġibt, “Tiġrili l-istess ħaġa, lili midinba, bħalma tiġri lill-midinbin kollha, jekk ma tħarisnix il-ħniena ta’ Alla.”

 

 

1674.            20 ta’ April (1938). Tluq għal Pradnik. Kont inkwetata ħafna li kienu ser ipoġġuni f’sodda f’sala fejn inkun esposta għal kollox. Li kieku kien biss għal ġimgħa jew tnejn . . .  imma ser indum żmien twil, xahrejn jew forsi iktar. Filgħaxija, mort nitkellem mal-Mulej Ġesu’. X’ħin rajt lill-Mulej Ġesu’, ferrajt qalbi quddiemu, l-inkwiet u l-biżgħat kollha tiegħi. Ġesu’ qagħad jismagħni bi mħabba u mbagħad qalli, Kun fil-paċi binti, Jiena miegħek. Mur f’paċi kbira. Kollox lest. Jiena ordnajt, bil-mod speċjali Tiegħi, sabiex kamra privata tiġi mħejjija għalik. B’din l-assigurazzjoni u mimlija gratitudni, mort fis-sodda.

 

 

1675.            L-għada, Swor Felicia ħaditni hemm. Mort f’paċi kbira u bi spirtu kalm. X’ħin wasalna, qalulna li kien hemm kamra privata għal Swor Fawstina. X’ħin dħalna fil-kamra, kellna sorpriża għax kollox kien mħejji sewwa: kollox kien nadif, miksi bit-tvalji u mżejjen bil-fjuri; is-Sorijiet kienu poġġew fuq il-komodina ħaruf ħelu tal-Għid. (nota248) Fil-pront, tliet sorijiet tas-Sacro Cuor (nota249) li kienu jaħdmu fis-sanatorju li kien ili nafhom, ġew biex jagħtuni merħba bil-qalb. Swor Felicia baqgħet sorpriża b’dan kollu. Sellimna lil xulxin bil-qalb u hi telqet. X’ħin kont waħdi, jiena biss mal-Mulej Ġesu’, irringrazzjajtu ta’ din il-grazzja kbira.

 

 

1676.            Ġesu’ qalli, Kun fil-paċi; Jiena miegħek. Kont għajjiena u rqadt. Filgħaxija, is-soru (Swor David) li kellha tieħu ħsiebi ġiet u qaltli, “Għada m’intix sejra tirċievi lill-Mulej Ġesu’, Sor, għax inti għajjiena ħafna, imbagħad naraw, iktar tard.” Din il-ħaġa weġġgħatni ħafna, imma għidtilha b’kalma kbira, “Tajjeb ħafna” u b’rassenjazzjoni sħiħa mar-rieda tal-Mulej, fittixt li norqod. Filgħodu, għamilt il-meditazzjoni tiegħi u ħejjet ruħi għat-Tqarbin Imqaddes, għalkemm ma kellix nirċievi lill-Mulej Ġesu’. X’ħin mħabbti u x-xewqa tiegħi laħqu grad għoli, rajt maġenbi s-sodda tiegħi Serafin, li qarbinni, (nota250) filwaqt li qal dan il-kliem “Ara s-Sid tal-Anġli.” X’ħin irċevejt il-Mulej, l-ispirtu tiegħi għereq fl-imħabba ta’ Alla u fi stagħġib. Din il-ħaġa rrepetiet ruħha għal tlettax –il jum, għalkemm minn jum għall-ieħor qatt ma kont żgura li kien ser jiġi jqarrbini l-għada. Imma jiena poġġejt il-fiduċja sħiħa tiegħi fit-tjubija ta’ Alla, imma lanqas biss ma kont nażżarda naħseb li kont sejra nerġa’ nitqarben b’dan il-mod l-għada.

 

Is-Serafin kellu madwaru dawl kbir, id-divinita’ u l-imħabba ta’ Alla  kienu riflessi fih. Kien liebes libsa tad-deheb u, fuqha, spelizza trasparenti u stola trasparenti. Il-kalċi kien tal-kristall, miksi b’velu trasparenti. Malli tani l-Mulej, għeb.

 

 

1677.            Darba, meta nibet ġewwa fija ċertu dubju ftit qabel it-Tqarbin Imqaddes, is-Serafin bil-Mulej Ġesu’ kien jinstab quddiemi għal darb’oħra. Staqsejt lill-Mulej Ġesu’ u meta ma rċevejt l-ebda tweġiba, jiena għidt lis-Serafin, “Tista’ forsi tqararni?” U hu weġibni, “L-ebda spirtu fis-sema m’għandu dik is-setgħa.” U f’dak il-waqt, l-Ostja Mqaddsa strieħet fuq xofftejja.

 

 

1678.            Il-Ħadd (24 ta’ April 1938) (nota251), is-soru li kienet inkarigata mill-morda qaltli, “Tajjeb, Sor, illum is-saċerdot ser iġiblek lill-Mulej Ġesu’.” Jiena weġibt, “Tajjeb”, u hu ġabu. Wara xi ħin, irċevejt il-permess li nqum mis-sodda. Għalhekk mort il-Quddies u stajt noqgħod xi ftit ħin mal-Mulej, regolarment.

 

 

1679.            Wara l-ewwel eżami li għamilli, it-tabib (Silberg) sab li l-kundizzjoni tiegħi kienet gravi. “Qegħdin nissuspettaw , Sor, li inti tassew għandek il-marda li inti kellimtni dwarha.” Imma Alla ta’ Setgħa Kbira kollox jista’ jagħmel.”

 

X’ħin dħalt fil-kamra tiegħi, għaddast lili nnifsi f’talb ta’ radd il-ħajr għal dak kollu li l-Mulej kien bagħatli matul ħajti kollha, u ssottometejt ruħi bis-sħiħ għar-rieda l-iżjed qaddisa Tiegħu. Ferħ u paċi profonda mlewli ruħi. Ħassejt paċi tant kbira li, li kieku l-mewt ġiet f’dak il-ħin, ma kontx ngħidilha, “Stenna, għax għad baqagħli xi affarijiet x’nagħmel.” Le, kont nagħtiha merħba bil-ferħ, għax jiena lesta li niltaqa’ mal-Mulej, mhux biss illum, imma minn dak il-waqt meta jiena poġġejt il-fiduċja sħiħa tiegħi fil-Ħniena Divina, u ntlaqt għal kollox fir-rieda l-iżjed qaddisa Tiegħu, mimlija ħniena u kompassjoni. Jiena naf x’jiena waħdi . . .

 

 

1680.            L-Ewwel Ħadd fuq l-Għid. Illum, jiena rġajt offrejt lili nnifsi lill-Mulej bħala olokawstu għall-midinbin. Ġesu’ tiegħi, jekk diġa’ qed joqrob it-tmiem ta’ ħajti, jiena qiegħda nitolbok bl-ikbar umilta’, aċċetta mewti f’għaqda miegħek bħala olokawstu li jiena qiegħda noffrilek illum, filwaqt li għadni f’pussess sħiħ tal-fakultajiet tiegħi u tar-rieda konxja tiegħi, u dan għal tliet għanijiet:

 

L-ewwel: sabiex l-opra tal-ħniena Tiegħek tinxtered fid-dinja kollha u sabiex il-Festa tal-Ħniena Divina tiġi mxerrda u ċċelebrata b’solennita’.

 

It-tieni: sabiex il-midinbin, speċjalment midinbin moribondi, jirrikorri għall-ħniena Tiegħek u jkollhom esperjenza tal-effetti ta’ din il-ħniena, effetti li ma tistax tpoġġihom fi kliem.

 

It-tielet: sabiex l-opra kollha tal-ħniena Tiegħek isseħħ skont ix-xewqat Tiegħek, u għal ċerta persuna li hi nkarigata minn din l-opra . . .

 

Aċċetta, Ġesu’ l-iktar ħanin, is-sagrifiċċju tiegħi li mhux biżżejjed, li Jiena qiegħda noffrilek illum quddiem is-sema u l-art. Jalla l-Qalb Imqaddsa Tiegħek, hekk mimlija ħniena, tkompli dak li hemm nieqes fl-offerta tiegħi u offrih lil Missierek għall-konverżjoni tal-erwieħ. Jiena għandi għatx għall-erwieħ, O Kristu.

 

 

1681.            + F’dak il-waqt, id-dawl ta’ Alla nifidni u ħassejt li jiena kont il-propjeta’ eskulussiva ta’ Alla; u kelli esperjenza tal-ikbar ħelsien spiritwali, li qabel ma kellix idea tiegħu. U fl-istess waqt, rajt il-glorja tal-Ħniena Divina u għadd infinit ta’ erwieħ li kienu qegħdin ifaħħru t-tjubija Tiegħu. Ruħi kienet għadha tinsab mgħarrqa kollha kemm hi f’Alla, u smajt dan il-kliem, Inti binti l-iżjed għażiża. Il-preżenza ħajja ta’ Alla kompliet isseħħ matul il-jum kollu.

 

 

1682.            + 1 ta’ Mejju (1938). Illum filgħaxija, Ġesu’ qalli, Binti, jonqsok xi ħaġa? Jien weġibt, “O Mħabba tiegħi, meta jiena għandi Lilek għandi kollox.” U l-Mulej wieġeb, Li kieku l-erwieħ kellhom jintelqu kollhom kemm huma f’idejja, Jiena stess kont nidħol għalihom biex inqaddishom, u kont inferra’ grazzji ikbar fuqhom. Hemm erwieħ li jfixklu l-isforzi Tiegħi, imma Jiena għadni ma qtajtx qalbi minnhom; kull darba li huma jduru lejja, Jiena mmur niġri biex ngħinhom, inħarishom bil-ħniena Tiegħi, u nagħtihom l-ewwel post fil-Qalb ħanina Tiegħi.

 

 

1683.            Ikteb għall-benefiċċju ta’ erwieħ reliġjużi li Jiena nieħu gost immur f’qalbhom fit-Tqarbin Imqaddes. Imma jekk insib lil xi ħaddieħor f’qalbhom, din il-ħaġa ma nkunx niflaħha u nitlaq malajr minn dik il-qalb u nieħu Miegħi d-doni u l-grazzji kollha li Jiena nkun ħejjejt għar-ruħ. U r-ruħ lanqas biss tinduna li Jiena nkun tlaqt. Wara xi ħin, tibda tinduna li għandha ġewwa fiha vojt u nuqqas ta’ sodisfazzjon. O, li kieku hi mbagħad iddur lejja, Jiena ngħinha tnaddaf lil qalbha, u Jiena nwettaq kollox fir-ruħ tagħha; imma jekk hi ma tkunx trid taf u ma tkunx trid, Jiena ma nistax inkun is-Sid tal-qalb tagħha.

 

 

1684.            + Jiena spiss nikkomunika mal-moribondi u niksbilhom il-ħniena divina. O, kemm hi kbira t-tjubija ta’ Alla, ikbar milli aħna nistgħu nifhmu. Hemm mumenti u hemm misteri tal-ħniena divina li bihom jistagħġbu s-smewwiet. Ejjew nieqfu milli niġġudikaw lill-erwieħ, għax il-ħniena ta’ Alla  fuqhom hi straordinarja.

 

 

1685.            Waqt is-siegħa Adorazzjoni llum, staqsejt lill-Mulej Ġesu’ jekk jogħġbux jgħallimni dwar il-ħajja spiritwali. Ġesu’ weġibni, Binti, għix bil-fedelta’ l-kliem li Jiena qed ngħidlek. Tpoġġix valur għoli fuq kull ħaġa esterna, tkun xi tkun, ukoll jekk tkun tidher prezzjuża ħafna f’għajnejk. Intelaq għal kollox, u għix flimkien miegħi l-ħin kollu. Afdali kollox f’idejja, u tagħmel xejn waħdek, u inti dejjem ikollok ħelsien kbir tal-ispirtu. L-ebda ċirkostanza, l-ebda ġrajja qatt ma tkun tista’ tinkwetak. Tagħtix kas ta' dak li jgħidu n-nies. Ħalli lil kulħadd jiġġudikak kif irid. Tippruvax tiskuża lilek innifsek; ma tiġrilek l-ebda ħsara. Agħti kollox mal-ewwel sinjal li xi ħadd ser jitolbok xi ħaġa, ukoll jekk jitolbok l-aktar affarijiet bżonnjużi. Titlob xejn mingħajr ma tikkonsultani. Ħallihom joħdulek ukoll dak li għandek dritt għalih – ir-rispett, isem tajjeb għalik innifsek – ħalli l-ispirtu tiegħek jogħla ‘l fuq minn dan kollu. U hekk meħlusa minn kollox, oqgħod strieħ qrib Qalbi, u tħalli xejn itellfek il-paċi tiegħek. Studenta Tiegħi, oqgħod aħseb fuq il-kliem li Jiena għidtlek.

 

 

1686.            O Mħabba tiegħi, Mgħallem etern tiegħi, kemm hi ħaġa tajba li wieħed jobdi; għax meta l-ubbidjenza tgħaddas ir-ruħ iġġib magħha l-qawwa u s-saħħa sabiex wieħed ikun jista’ jaħdem.

 

 

1687.            Illum rajt lill-Mulej Ġesu’ Msallab. Perli prezzjużi u djamanti kienu ħerġin mill-ferita ta’ Qalbu. Stajt nara kif qtajja’ ta’ erwieħ kienu qegħdin jiġbdu dawn id-doni, imma kien hemm ruħ waħda li kienet tinsab l-iktar qrib tal-Qalb Tiegħu u din, peress li kienet taf kemm huma kbar dawn id-doni, kienet qiegħda tiġborhom bl-abbudanza, mhux biss għaliha stess, imma għall-oħrajn ukoll. Is-salvatur qalli, Ara, it-teżori tal-grazzja li niżlin fuq l-erwieħ, imma mhux l-erwieħ kollha jafu kif japprofittaw mill-ġenerożita’ Tiegħi.

 

 

1688.            Illum, il-Mulej qalli, Binti, ħares fil-Qalb Ħanina Tiegħi u rrifletti l-kompassjoni tagħha fil-qalb tiegħek u fl-għemejjel tiegħek, sabiex inti, li qiegħda xxandar il-ħniena Tiegħi lid-dinja, inti stess tkun qiegħda taqbad bin-nar tagħha.

 

 

1689.            8 ta’ Mejju (1938). Illum, rajt żewġ kolonni enormi mwaqqfin fuq l-art; jiena kont waqqaft waħda minnhom, u ċerta persuna, S.M., kienet waqqfet l-oħra. Dan konna għamilnieh bi sforz liema bħalu, ħafna xogħol u diffikulta’. U meta jiena kont waqqaft il-kolonna, jiena stess bdejt nistagħġeb minn fejn kont ġibt dik is-saħħa straordinarja. U ntbaħt li dan ma kontx għamiltu bis-saħħa tiegħi stess, imma bis-saħħa li ġietni mis-sema. Dawn iż-żewġ kolonni kienu qrib xulxin, fl-isfond tax-xbieha. U rajt ix-xbieha, mgħollija ‘l fuq ħafna u mdendla minn dawn iż-żewġ kolonni. F’daqqa waħda, kien hemm tempju kbir, imwieżen minn ġewwa u minn barra, minn dawn iż-żewġ kolonni. Rajt id qiegħda tispiċċa (l-bini) tat-tempju, imma ma stajtx nara min kienet il-persuna. Kien hemm  għad kbir ta’ nies, fit-tempju u barra mit-tempju, u nixxigħat ħerġin bil-qawwa jgelglu mill-Qalb kollha Ħniena ta’ Ġesu’ kienu neżlin fuq kulħadd.

 

 

1690.            Wara t-Tqarbin illum, Ġesu’ qalli, Binti, agħtini l-erwieħ. Kun af li hi l-missjoni tiegħek li tirbaħ l-erwieħ għalija permezz tat-talb u tas-sagrifiċċju, u billi tħajjarhom jafdaw fil-ħniena Tiegħi.  

 

 

1691.            O, kemm nixtieq il-glorja tal-ħniena Tiegħek – għalija, imrar u tbatija! Meta jiena nara l-glorja tal-ħniena Tiegħek, il-ferħ tiegħi jkun bla qies. Ħalli l-umiljazzjoni u l-affarijiet kollha koroh jinżlu fuqi, sakemm il-glorja u t-tifħir tal-ħniena Tiegħek jibqgħu jidwu kullimkien – dak hu l-importanti. 

 

 

Il-Ħallieq u l-Ħlejqa.

 

1692.            Jiena nadurak, Sid u Ħallieq, moħbi fis-Sagrament Imqaddes. Nadurak għall-għemejjel kollha ta’ jdejk, li juruni daqshekk għerf, tjieba, u ħniena. O Mulej. Int xerridt tant sbuħija fuq l-art, u din tkellimni fuq il-ġmiel Tiegħek, għalkemm dawn il-ħwejjeġ sbieħ huma biss dell dgħajjef tal-ġmiel Tiegħek bla tarf. U għalkemm Inti ħbejt lilek innifsek u sbuħitek ma tidhirx, għajnejja mdawlin mill-fidi jarawk, u ruħi tagħraf fik il-Ħallieq tagħha, l-ogħla ġid tagħha; u qalbi tintilef għal kollox f’talba ta’ adorazzjoni.

 

O Sid u Ħallieq tiegħi, it-tjieba Tiegħek tagħmilli l-qalb biex nitkellem miegħek. Il-ħniena Tiegħek twarrab l-abbiss li jifred il-Ħallieq mill-ħlejqa. O Mulej, jiena nitgħaxxaq nitkellem miegħek. Fik insib kull ma’ qalbi tista’ tixtieq. Hawnhekk id-dawl Tiegħek idawwalli moħħi, biex ikun jista’ jagħrfek iżjed u aħjar. Hawnhekk xmajjar ta’ grazzji jinżlu ġo qalbi. Min hawnhekk ruħi tieħu l-ħajja ta’ dejjem. O Sid u Ħallieq tiegħi, Inti biss, lil hinn minn dawn id-doni kollha, tagħti lilek innifsek lili u tingħaqad b’mod sħiħ mal-imsejkna ħlejqa Tiegħek. Hawnhekk, mingħajr ma noqgħodu nfittxu l-kliem, il-qlub tagħna jifhmu lil xulxin. Hawnhekk, ħadd ma jista’ jwaqqaf it-taħdita tagħna. Dak li fuqu nkellmek, Ġesu’, hu s-sigriet tagħna, li l-ħlejjaq ma jsirux jafu u l-Anġli ma jażżardawx jistaqsu dwaru. Dawn huma atti sigrieti ta’ maħfra, li Ġesu’ u jiena biss nafu bihom; dan hu l-misteru tal-ħniena Tiegħu, li tgħannaq lil kull ruħ waħedha, mhux mal-oħrajn. Għal din it-tjubija Tiegħek bla tarf, jiena nadurak, O Mulej Ħallieq, b’qalbi kollha u b’ruħi kollha. U, għalkemm il-qima tiegħi hi hekk ċkejkna u fqira, jiena ninsab fil-paċi għax naf li Inti taf li hi sinċiera, għalkemm mhix biżżejjed . . .

 

 

1693.            Kif kont qiegħda nikteb dan il-kliem, rajt lill-Mulej Ġesu’ jitqarreb lejja, u staqsieni, Binti, x’inti tikteb? Jiena weġibt, “Qiegħda nikteb fuqek, Ġesu’, fuq kif Inti tinsab moħbi fis-Sagrament Imqaddes, fuq l-imħabba u l-ħniena Tiegħek bla tarf li Inti għandek għall-bnedmin.” U Ġesu’ qalli, Segretarja tal-misteru l-iżjed profond Tiegħi, kun af li din tiegħek hi intimita’ esklussiva li inti għandek miegħi. Ix-xogħol tiegħek hu li inti tikteb dan kollu li Jiena ngħarrfek bih dwar il-ħniena Tiegħi, għall-benefiċċju ta’ dawk li meta jaqraw dawn l-affarijiet jirċievu l-faraġ f’ruħhom u jkollom il-kuraġġ jersqu lejja. Għalhekk Jiena rridek tiddedika l-ħin liberu kollu tiegħek għall-kitba.” Imma, O Mulej, jiena dejjem ser ikolli xi mument, imqar wieħed qasir, li fih jiena nkun nista’ nikteb? U Ġesu’ wieġeb, M’għandekx toqgħod taħseb fuq din il-ħaġa. Agħmel biss dak li tista’ u Jiena dejjem nagħmel b’mod li inti tkun tista’ faċilment tagħmel dak li Jiena nkun qed nitlob mingħandek . . .

 

 

1694.            Illum ġiet tarani ċerta persuna lajka, (probabbilment Stanislava Kwietniewska) li ħolqot fija ħafna dwejjaq u li abbużat mit-tjubija tiegħi meta qalet ħafna kliem b’ieħor. Malli rajtha, demmi sar silġ fil-vini, għax hemm quddiemi stajt nara dak kollu li kelli nbati minħabba fiha, għalkemm b’kelma waħda stajt neħles lili nnifsi minn kollox. U ġieni f’moħħi ngħidilha l-verita’, fil-pront u b’mod sod. Imma fl-istess waqt, ġiet quddiem għajnejja l-ħniena ta’ Alla, u ddeċidejt li nimxi magħha bħalma Ġesu’ kien jimxi kieku kien minfloki. Bdejt inkellimha bil-ġentilezza, u x’ħin esprimiet ix-xewqa li tkellimni waħdi, jiena mbagħad, bid-delikatezza kollha, għarraftilha b’mod ċar l-istat ħażin tar-ruħ tagħha. Stajt nara li kienet emozzjonata ħafna, għalkemm dan kienet qiegħda tipprova taħbi minni. F’dak il-ħin, daħlet fil-kamra terza persuna, u għalhekk il-konverżazzjoni ta’ bejnietna ġiet fit-tmiem. Hi talbitni tazza ilma u xi żewġ affarijiet oħra li jiena qdejtha fihom bil-qalb. Iżda, li kieku ma kenitx il-grazzja ta’ Alla, ma kontx inkun kapaċi nġib ruħi magħha b’dan il-mod. Meta huma telqu, raddejt ħajr lil Alla għall-grazzja li kienet weżnitni dak il-ħin.

 

 

1695.            Imbagħad smajt dan il-kliem, Jiena qed nieħu pjaċir li inti ġibt ruħek bħala tassew binti. Kun dejjem ħanina bħalma Jiena ħanin. Ħobb lil kulħadd għall-imħabba Tiegħi, ukoll l-ikbar għedewwa tiegħek, sabiex il-ħniena Tiegħi tkun tista’ tiġi riflessa bis-sħiħ ġewwa qalbek.

 

 

1696.            O Kristu, għalkemm neħtieġu ħafna sforzi, kollox jista’ jsir bil-grazzja Tiegħek.

 

 

1697.            Illum kont qiegħda nħossni mhux ħażin, u kont ferħana li stajt nagħmel is-Siegħa Adorazzjoni. Imma x’ħin bdejt nagħmel is-siegħa Adorazzjoni, it-tbatijiet fiżiċi tiegħi bdew jiżdiedu, bir-riżultat li ma stajtx nitlob. X’ħin spiċċajt is-Siegħa Adroazzjoni, it-tbatijiet tiegħi waqfu, u lmentajt mal-Mulej li kont xtaqt ngħaddas ruħi fil-Passjoni Ħarxa Tiegħu, imma t-tbatijiet tiegħi ma kinux ħallewni nagħmel dan. Imbagħad Ġesu’ qalli, Binti, kun af li jekk Jiena nippermettilek tħoss u tkun taf b’mod iktar profond it-tbatijiet Tiegħi, din tkun grazzja mingħandi. Imma meta moħħok jiddallam u t-tbatijiet tiegħek ikunu ikbar, ikun f’dak il-waqt li inti tieħu sehem b’mod attiv fil-Passjoni Tiegħi, u Jiena nkun qiegħed nagħġnek iżjed fix-xbieha Tiegħi. Huwa dmirek f’waqtiet bħal dawn li tissottometti ruħek għar-rieda tiegħi, iktar milli f’waqtiet oħra . . .

 

 

1698.            Ta’ spiss nassisti mal-moribondi u permezz ta’ talb niksibilhom fiduċja fil-ħniena ta’ Alla, u nitlob lil Alla għal abbundanza ta’ grazzja divina, li hi dejjem rebbieħa. Il-ħniena ta’ Alla tmiss lil midneb fl-aħħar waqt b’mod tal-għaġeb u misterjuż. Minn barra, jidher bħallikieku kollox mitluf, imma mhux hekk ikun. Ir-ruħ, imdawla b’raġġ tal-grazzja qawwija ta’ Alla fl-aħħar mument, iddur lejn Alla f’dak l-aħħar waqt b’tant qawwa ta’ mħabba li, f’waqt wieħed, hija tirċievi mingħand Alla l-maħfra tad-dnub u tal-kastig, filwaqt li minn barra ma turi l-ebda sinjal ta’ ndiema, għax l-erwieħ, (f’dak l-istadju) ma jibqgħux jirreaġixxu għall-affarijiet esterni. O, kif  ħadd ma jista’ jifhem il-ħniena ta’ Alla! Imma – x’biża’! – hemm ukoll erwieħ li minn jeddhom u konxjament iwarrbu u jiddisprezzaw din il-grazzja! Għalkemm il-persuna tkun tinsab fil-punt tal-mewt, Alla ħanin jagħti lir-ruħ dak il-mument ta’ dawl interjuri, sabiex jekk ir-ruħ tkun trid, ikollha l-possibilta’ li ddur lejn Alla. Imma xi kultant, tant ikunu iebsin l-erwieħ li minn jeddhom jagħżlu l-infern; (b’dan il-mod) ikun kollu għalxejn it-talb kollu li erwieħ oħra joffru lil Alla għalihom kif ukoll l-isforzi ta’ Alla nnifsu. . .

 

 

1699.            Ġ.M.Ġ

Solitudni – waqtiet favoriti tiegħi,

Solitudni – imma dejjem flimkien miegħek, Ġesu’ u Mulej,

Qrib il-Qalb Tiegħek, il-ħin jgħaddi ħelu għalija,

U qrib Tiegħu, ruħi ssib is-serħan tagħha.

Meta l-qalb timtela bik sa ma tfur bl-imħabba,

U r-ruħ taqbad bin-nar safi,

Imbagħad, fost l-ikbar deżolazzjoni, ir-ruħ ma tħosshiex waħedha,

Għax tkun qiegħda tistrieħ fuq sidrek,

 

O Solitudni – mumenti ta’ kumpanija mill-aqwa,

Għalkemm jabbandunawni l-ħlejjaq kollha,

Jiena nintilef għal kollox fl-oċejan tad-divinita’ Tiegħek,

U Inti toqgħod tisma’ bil-ħlewwa tas-sigrieti tiegħi.

 

 

1700.            Illum filgħaxija, il-Mulej staqsieni, M’għandekx xi xewqat f’qalbek? Jiena weġibt, “Xewqa waħda kbira għandi, u din hi li ningħaqad miegħek għal dejjem.” U l-Mulej weġibni, Dalwaqt. Binti l-iżjed għażiża, kull ċaqliqa tiegħek tinsab riflessa ġewwa Qalbi. Ħarsti tistrieħ fuqek bil-ħniena qabel kull ħlejqa oħra.

 

 

1701.            Illum tlabt lill-Mulej biex jogħġbu jgħallimni dwar il-ħajja interjuri, għax waħdi la nista’ nifhem lanqas nimmaġina xejn b’mod perfett. Il-Mulej weġibni, Jiena kont l-Imgħallem tiegħek, għadni u nibqa’; ipprova agħmel mod li qalbek tkun tixbah lill-Qalb umli u tenera Tiegħi. Qatt tinsisti fuq id-drittijiet tiegħek. Issaporti b’kalma u paċenzja kbira dak kollu li jiġrilek. Tiddefendix lilek nnifsek meta jwaqqgħuk għaċ-ċajt, għalkemm tkun bla ħtija. Ħalli l-oħrajn jittrijonfaw. Tiqafx milli tkun twajba meta l-oħrajn jabbużaw mit-tjubija tiegħek. Jiena stess naqbeż għalik meta jkun hemm bżonn. Kun grata għall-iżgħar waħda mill-grazzji Tiegħi, għax il-gratitudni tiegħek iġġegħelni nagħtik il-grazzja ġodda . . .

 

 

1702.            Lejn it-tmiem tal-Via Sagra li kont qiegħda nagħmel, il-Mulej Ġesu’ beda jilmenta dwar l-erwieħ tar-reliġjużi u tas-saċerdoti u li ma kenitx teżisti l-imħabba fl-erwieħ magħżulin. Jiena ser nippermetti li l-kunventi u l-knejjes jiġu meqrudin. Jiena weġibt, “Ġesu’ imma hemm tant erwieħ qegħdin ifaħħruk fil-kunventi.” Il-Mulej wieġeb, Dak it-tifħir jagħmilli ferita f’Qalbi, għax l-imħabba għebet mill-kunventi. Erwieħ li m’għandhomx imħabba u devozzjoni; erwieħ mimlijin egoiżmu, erwieħ mimlijin suppervja u arroganza, erwieħ mimlijin qerq u ipokrisija, erwieħ berdin li għandhom bilkemm biżżejjed sħana ġewwa fihom biex iżżommhom ħajjin: Qalbi dan ma tifilħux. Il-grazzji kollha li Jiena nferra’ fuqhom jibqgħu għaddejjin fil-vojt bħalma l-ilma jibqa’ nieżel fuq wiċċ ta’ blata. Ma niflaħhomx, għax la huma tajbin u lanqas ħżiena. Jiena ridt li l-kunventi jibdew jeżistu sabiex id-dinja titqaddes permess tagħhom. Minn ġo fihom għandha toħroġ fjamma qawwija ta’ mħabba u sagrifiċċju. U jekk huma ma jindmux u ma jħossux jaqbad ġewwa fihom in-nar tal-ewwel imħabba tagħhom, Jiena ngħaddihom f’idejn din id-dinja . . .

 

Kif ser joqgħodu fuq it-tron imwiegħed tal-ġudizzju sabiex jiġġudikaw id-dinja, meta l-ħtija tagħhom hi ikbar mill-ħtija tad-dinja? La hemm penitenza lanqas tpattija. O qalb, li rċevietni filgħodu, u f’nofs inhar diġa’ qed taqbad bil-mibgħeda kontrija, mibgħeda ta’ kull kwalita’! O qalb li Jiena għażilt b’mod speċjali, inti għal dan ġejt magħżula, sabiex tweġġgħani iktar? Id-dnubiet kbar tad-dinja huma feriti tal-wiċċ fuq il-Qalb Tiegħi, imma d-dnubiet ta’ ruħ magħżula jinfduli Qalbi sa ġewwanett. . .

 

 

1703.            X’ħin ippruvajt ninterċedi għalihom, ma stajt nsib l-ebda skuża għall-imġieba tagħhom, u f’dak il-ħin ma stajt naħseb f’xejn biex niddefendihom, qalbi qabadha l-uġigħ, u bdejt nibki bil-qalb. Imbagħad il-Mulej tefa’ ħarsa ħanina fuqi u farraġni b’dan il-kliem: Toqgħodx tibki. Għad fadal għadd kbir ta’ erwieħ li jħobbuni ħafna, imma Qalbi tixtieq li kulħadd iħobbha, u għax imħabbti hi kbira, għalhekk Jiena nwissishom u nċanfarhom.

 

 

1704.            + Taqbida ma’ ċerta tentazzjoni. Kien hemm persuna li kien il-ħin kollu jwaqqafni bi kliem ta’ tmellis, u ladarba kien jaf x’ħin kont noħroġ biex imur fil-kappella jew fil-veranda, kien joqgħod fin-nofs minn fejn kont ngħaddi jiena. Peress li ma kienx jażżarda jersaq lejja waħdu, sab persuna oħra bħalu, imma l-ebda wieħed minnhom ma ażżarda jersaq lejja. Filwaqt li kont fi triqti sejra għad-devozzjonijiet ta’ Mejju, diġa’ kienu qegħdin hemm minn fejn kelli ngħaddi jiena. Kont għadni ma wasaltx ħdejhom meta smajt kliem indirizzat lejja biex jiġbidni. U l-Mulej ippermetthieli nsir naf l-intenzjonijiet li kellhom f’qalbhom, li ma kinux intenzjonijiet tajbin. Ħassejt ġewwa fija li kienu ser jagħlquli l-passaġġ minn fejn kelli ngħaddi wara li ħriġt mill-kappella, u mbagħad kien ikolli nkellimhom, għax sa dak iż-żmien ma kontx għidt kelma.

 

X’ħin ħriġt mill-kappella, kienu qegħdin hemm, ippreparati u jistennewni ngħaddi. Din id-darba, għelibni l-biża’. Imbagħad Ġesu’ qagħad maġenbi u qalli, Tibżax. Jiena qiegħed miegħek. Imbagħad ħassejt saħħa straordinarja ġewwa ruħi, li ma nistax niddeskriviha u, x’ħin kont ninsab ftit passi ‘l bogħod minnhom, għidt bil-kuraġġ u b’vuċi  għolja, “Ikun imfaħħar Ġesu’ Kristu.” U huma, filwaqt li warrbu minn triqti, wieġbu, “Għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.” Bħallikieku laqtithom sajjetta, baxxew rashom u lanqas biss ażżardaw iħarsu lejja. Wara li għaddejt stajt nisma’ xi kummenti malizzjużi. Minn dak iż-żmien ‘il hawn, meta dan il-bniedem jarani, jitlaq jiġri sabiex ma jiltaqax miegħi, u jiena, grazzi lill-Mulej, bqajt ngħix fil-paċi . . .

 

 

1705.            Wara l-Quddiesa, ħriġt fil-ġnien sabiex nagħmel il-meditazzjoni tiegħi, peress li kien għad m’hemmx pazjenti fil-ġnien dak il-ħin, u għalhekk ħassejtni komda nagħmel hekk. Kont qiegħda nimmedita fuq il-barkiet ta’ Alla, qalbi kienet qiegħda taqbad bi mħabba hekk qawwija li ħassejtni donnu sidri kien ser jinqasam. F’daqqa waħda sibt lil Ġesu’ quddiemi u qalli, X’inti tagħmel hawnhekk hekk kmieni? Jiena weġibt, “Qiegħda naħseb Fik, fil-ħniena Tiegħek u fit-tjubija Tiegħek magħna. U Inti, Ġesu’, x’inti tagħmel hawnhekk?” Ħriġt niltaqa’ miegħek, biex inferra’ fuqek grazzji ġodda. Qiegħed infittex erwieħ li jixtiequ jirċievu l-grazzja Tiegħi.

 

 

1706.            Waqt il-Vespri llum, il-Mulej urieni kemm togħġbu qalb li hi safja u ħielsa. Ħassejt lil Alla jitpaxxa jħares ġo qalb bħal din . . . Imma qlub bħal dawn huma qlub ta’ kavallieri; ħajjithom hi taqbida waħda l-ħin kollu . . .

 

 

1707.            Fi triqti lejn il-veranda, dħalt fil-kappella għal waqt wieħed. Qalbi ntilfet f’adorazzjoni profonda, filwaqt li qgħadt infaħħar it-tjubija u l-ħniena bla tarf ta’ Alla. Imbagħad smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Jiena Hu u għad inkun għalik dak li Inti qiegħda tfaħħarni li Jiena. Inti għad ikollok esperjenza tat-tjubija Tiegħi, diġa’ f’din il-ħajja u mbagħad, fil-milja kollha, fil-ħajja li għad trid tiġi.

 

 

1708.            O Kristu, jiena nieħu tant gost meta nara li Inti maħbub, u li qed jidwi t-tifħir u l-glorja Tiegħek, l-aktar it-tifħir tal-ħniena Tiegħek. O Kristu, sal-aħħar waqt ta’ ħajti, ma niqafx nagħti glorja lit-tjubija u l-ħniena Tiegħek. B’kull qatra ta’ demmi, b’kull taħbita ta’ qalbi, jiena nigglorifika l-ħniena Tiegħek. Nixtieq li niġi mibdula kollni kemm jien f’innu lill-glorja Tiegħek. X’ħin insib ruħi fuq is-sodda tal-mewt tiegħi, jalla l-aħħar taħbita ta’ qalbi tkun innu ta’ mħabba u ta’ tifħir lill-ħniena Tiegħek bla tarf.

 

 

1709.            Illum il-Mulej qalli, Qabel il-miġja tal-Ispirtu s-Santu għandek tagħmel irtir ta’ tlett ijiem. Jiena stess inkun id-direttur tiegħek. M’għandekx issegwi r-regoli tal-irtiri jew tuża kotba għall-meditazzjoni. Li għandek tagħmel hu li toqgħod tisma’ kliemi b’attenzjoni. Għall-qari spiritwali għandek taqra kapitlu wieħed mil-Evanġelju ta’ San Ġwann.

 

(Hawnhekk fil-pitazz oriġinali hemm spazju ta’ nofs paġna)

 

 

1710.            26 ta’ Mejju (1938 – Festa ta’ Tlugħ il-Mulej fis-sema). Illum jiena akkumpanjajt lill-Mulej Ġesu’ filwaqt li Hu tela’ s-sema. Kien għall-ħabta ta’ nofs inhar. Ġiet fuqi xewqa kbira għal Alla. Hi ħaġa stramba, iktar ma kont qiegħda nħoss il-preżenza ta’ Alla, bdejt nixxennaq għalih b’ikbar ħerqa. Imbagħad rajt lili nnifsi f’nofs ġemgħa kbira ta’ dixxipli u appostli, flimkien ma’ Omm Alla. Ġesu’ kien qed jgħidilhom sabiex . . . Imorru fid-dinja kollha u jgħallmu f’ismu. Huwa firex idejh fuqhom u berikhom u għeb fi sħaba. Rajt lill-Madonna tixxennaq. Ruħha kienet qiegħda tixxennaq għal Ġesu’ bil-qawwa kollha ta’ mħabbitha. Imma tant kienet fil-paċi u maqgħuda mar-rieda ta’ Alla li ma kien hemm l-ebda ċaqliqa f’qalbha ħlief għal dak li Alla ried.

 

 

1711.            X’ħin ħallewni waħdi mal-Verġni Mbierka, hija bdiet tgħallimni dwar il-ħajja interjuri. Hija qaltli, Il-vera kobor tar-ruħ jinsab filli tħobb lil Alla u tumilja ruħha fil-preżenza Tiegħu, filwaqt li tinsa lilha nnfisha għal kollox u temmen li hi m’hi ħlief xejn; għax il-Mulej Hu kbir, imma jogħġbuh biss dawk li huma umli; Huwa dejjem joħodha mas-suppervi.

 

  

1712.            Ċerta persuna li jiena diġa’ semmejtha qabel, reġgħet ġiet iżżurni. X’ħin rajt li kienet bdiet tinqabad fil-gideb tagħha stess, ħallejtha tinduna li jiena kont naf li hi kienet qiegħda tgħid kliem b’ieħor. Bdiet tħossha mbarazzata ħafna u ma komplietx titkellem. Imbagħad jiena kellimtha fuq il-ġudizzji kbar ta’ Alla, u rrimarkajt ukoll li hi kienet qiegħda tmexxi erwieħ innoċenti fit-triq il-ħażina u fil-periklu. Ġibtilha quddiem għajnejha dak kollu li kien hemm f’qalbha. Peress li jiena wkoll kelli nissielet mas-sentimenti tiegħi stess biex inkellimha, sabiex nagħti prova lil Ġesu’ li nħobb lil għedewwa tiegħi, tajtha dik ix-xi ħaġa żgħira li kelli x’niekol wara nofs inhar. Meta telqitni ruħha kienet imdawla, imma għadha ‘l bogħod mill-fatti . . .

 

 

1713.            Ikun hemm drabi meta l-Mulej Ġesu’ jaqtagħli sal-iċken xewqa. Illum għaddejt rimarka li xtaqt nara xi żbul tal-qamħ, imma ma jidhrux mis-sanatorjum tagħna. Iżda, wieħed mill-pazjenti sema’ din ir-rimarka u l-għada ħareġ fl-għalqa u ġabli xi żbul tal-qamħ sbieħ. Il-kamra tiegħi tkun dejjem imżejna bi fjuri friski, imma l-ispirtu tiegħi ma jista’ jistrieħ b’xejn. Ninsab imxenqa, iktar u iktar, għal Alla.

 

 

1714.            Illum offrejt talb ħerqan ta’ interċessjoni lill-Mulej Ġesu’ għad-dar tagħna, u tlabtu jekk jogħġbu jneħħilna s-salib li mess lill-kunvent tagħna. (nota252) Il-Mulej weġibni, It-talb tiegħek ġie milqugħ għal intenzjonijiet oħrajn. Ma nistax inneħħilkom dan is-salib qabel ma jagħrfu t-tifsira tiegħu. Imma xorta waħda, bqajt nitlob.

 

 

1715.            Tentazzjoni qawwija. Il-Mulej għarrafni kemm togħġbu qalb safja, u b’dan il-mod ksibt għarfien iktar profond tal-miżerja tiegħi stess. X’ħin bdejt inħejji ruħi għall-qrar, bdew ġejjin jattakkawni tentazzjonijiet qawwijin kontra l-konfessuri. Lil Satana ma stajtx narah, imma stajt inħossu, il-korla terribbli tiegħu. – “Iva, dak bniedem komuni.” –“Mhux komuni, għax għandu s-setgħa ta’ Alla.” – Iva, ma nsibhiex ħaġa diffiċli nakkuża lili nnifsi bi dnubieti. Imma nikxef il-fond l-iktar sigriet ta’ qalbi, li nagħti rendikont tal-ħidma tal-grazzja ta’ Alla, li nitkellem fuq kull talba li jitlob minni Alla, fuq dak kollu li jgħaddi bejni u bejn Alla . . . li nitkellem dwar dan ma’ xi ħadd hija ħaġa li m’għandix saħħa nagħmilha. Ħassejtni qiegħda nissielet mal-qawwiet u bdejt ngħajjat: “O Kristu, Inti u s-saċerdot, intom ħaġa waħda; ser nersaq għall-qrar bħallikieku kont rieqsa mhux lejn raġel, imma lejk.” X’ħin dħalt fil-konfessinarju, bdejt billi wrejt id-diffikultajiet tiegħi. Is-saċerdot wieġeb li l-aħjar ħaġa li stajt għamilt kienet li nuri mill-bidu x’kienu dawn it-tentazzjonijiet. Iżda, wara l-qrar, dawn għebu u ruħi qiegħda tgawdi l-paċi.

 

 

1716.            Darba waqt ir-rikreazzjoni, waħda mis-sorijiet direttriċi qalet lis-sorijiet lajċi kienu bla ebda sentimenti, u għalhekk wieħed seta’ jittrattahom b’riżerva. Iddispjaċini nara li s-sorijiet direttriċi ftit li xejn jafu fuq is-sorijiet lajċi u jiġġudikawhom biss minn dak li jidher minn barra.

 

 

1717.            Illum kont qiegħda nitkellem mal-Mulej u Hu qalli, Hemm erwieħ li ma nista’ nagħmel xejn magħhom. Dawn huma erwieħ li l-ħin kollu joqgħodu josservaw lill-oħrajn imma ma jafu xejn x’inhu jiġri ġewwa fihom stess. Il-ħin kollu jitkellmu fuq l-oħrajn, ukoll fil-ħinijiet ta’ skiet assolut, li hu riżervat sabiex huma jitkellmu miegħi biss. Erwieħ imsejknin, huma ma joqgħodux jismgħu kliemi; jibqgħu vojta minn ġewwa. Ma jfittxunix ġewwa l-qalb tagħhom stess, imma fi tpaċpiċ vojt, fejn lili qatt ma ssibni. Huma jħossu vojt ġewwa fihom, imma ma jagħrfux il-ħtija tagħhom stess, filwaqt li erwieħ li fihom Jiena nsaltan bis-sħiħ dejjem iġegħluhom iħossu rimors. Minflok ma jikkoreġu lilhom infushom, il-qlub tagħhom jintefħu bl-għira, u jekk ma jiġux f’sensihom, jibqgħu jgħoddsu iktar ‘l isfel. Qalb, li s’issa hi għajjura, issa tibda timtela bil-mibgħeda. U huma jkunu diġa’ f’xifer l-irdum. Jgħiru għar-rigali li Jiena nagħti lill-erwieħ l-oħrajn, imma huma stess la huma kapaċi u lanqas iridu jilqgħuhom.

 

 

1718.            Li noqgħod f’riġlejk, O Alla moħbi,

Hi l-għaxqa u l-ġenna ta’ ruħi.

Hawnhekk, Int tgħarrafni, O Dak li ħadd ma jista’ jifhmu,

U Inti tkellimni bi ħlewwa: Agħtini, agħtini qalbek.

 

Djalogu fis-skiet, waħdi flimkien miegħek,

Din hi l-esperjenza li jgawdu l-ħlejjaq fil-ġenna,

U ngħid lil Alla, “Ser nagħtik, ser nagħtik, qalbi, O Mulej.”

Filwaqt li Inti, O kbir li ħadd ma jista’ jifhmek tilqa’ bil-qalb.

 

L-imħabba u l-ħlewwa huma l-ħajja ta’ ruħi

U l-preżenza Tiegħek il-ħin kollu ġewwa ruħi.

Jiena qiegħda ngħix f’din l-art f’estasi kontinwa,

U bħal serafin intenni, “Osanna!”

 

Inti li tinsab moħbi, ġisem, ruħ u divinita’,

Taħt l-ispeċi fraġli tal-ħobż,

Inti ħajti li minnha tfawwar abbundanza ta’ grazzji;

U għalija, Inti aqwa mill-hena tal-ġenna.

 

Meta Inti tingħaqad miegħi fit-Tqarbin, O Alla,

Jiena mbagħad inħoss il-kobor tiegħi li ma nistax niddeskrivih

Kobor li ġej minnek, O Mulej, jien nistqarr bl-umilta’,

U minkejja l-miżerja tiegħi, bil-għajnuna Tiegħek, jiena nista’ nsir qaddisa.

 

 

1719.            + Waqt il-Quddiesa, sirt naf li ċertu saċerdot ma jistax iħalli effett wisq fl-erwieħ għax jaħseb fih innifsu u għalhekk jinsab waħdu. Il-grazzja ta’ Alla titlaq u taħrab; huwa jiddependi minn affarijiet żgħar esterni, li m’għandhom l-ebda importanza f’għajnejn Alla; u, peress li hu supperv, jaħli l-ħin tiegħu u jgħejja filwaqt li ma jaqbadx ħut.

 

 

1720.            Ikun hemm waqtiet meta Ġesu’ jagħtini għarfien ġewwa ruħi, u mbagħad kulma jeżisti f’din l-art ikun jinsab għad-dispożizzjoni tiegħi; ħbieb, għedewwa, suċċess, kuntrarju . . . . kollox, irid jew ma jridx, ikollu jaqdini. Jiena ma naħseb xejn fihom; nipprova nkun fidila lejn Alla u nħobbu sal-punt li ninsa lili nnifsi għal kollox. U Huwa stess jieħu ħsiebi u jiġġieled kontra l-għedewwa tiegħi.

 

 

1721.            Wara t-Tqarbin Imqaddes, x’ħin kont tajt merħba lil Ġesu’ ġewwa qalbi, jiena għidtlu, “Maħbub tiegħi, saltan fl-irkejjen l-iktar sigrieti ta’ qalbi, hemm fejn jitnisslu l-ħsibijiet, fejn Inti biss tista’ tidħol, f’dan is-santwarju fil-fond fejn il-ħsieb tal-bniedem ma jistax jidħol u jinfed. Jalla Int biss tgħammar hemm ġewwa, u jalla kulma nagħmel minn barra jibda fik u minnek. Bl-ikbar ħeġġa nixtieq, u qiegħda nipprova bis-saħħa kollha ta’ ruħi, li nara li Inti, Mulej, tħossok li qiegħed f’darek f’dan is-santwarju.”

 

 

1722.            Smajt dan il-kliem: Li kieku inti ma rbattlix idejja, kont nibgħat ħafna kastigi fl-art. Binti, il-ħarsa tiegħek iżżarmali l-korla Tiegħi. Għalkemm xofftejk siekta, inti tgħajjatli b’tant qawwa li l-ġenna kollha tiċċaqlaq. Ma nistax naħrab mit-talb tiegħek, għax inti tiġri warajja, mhux mill-bogħod imma ġewwa qalbek stess.

 

 

1723.            Meta ġiet iżżurni billejl ir-ruħ ta’ ċerta żagħżugħa, hija għarrfitni bil-preżenza tagħha, u qaltli li kellha bżonn it-talb tiegħi. Jiena qgħadt nitlob għal ftit, imma l-ispirtu tagħha ma telaqnix. Imbagħad jiena qgħadt naħseb bejni u bejn ruħi, “Jekk inti spirtu tajjeb, ħallini fil-paċi, u l-indulġenzi li nikseb għada jkunu għalik.” F’dak il-waqt, l-ispirtu telaq minn kamarti, u jiena ntbaħt li hi kienet tinsab fil-purgatorju.

 

 

1724.            Illum ħassejt il-Passjoni tal-Mulej f’ġismi iktar milli ħassejtha fi żminijiet oħrajn. Ħassejt li dan kien minħabba ruħ moribonda.

 

 

1725.            Illum, il-Mulej reġa’ beda jgħallimni, għal darb’oħra, kif  għandi nersaq lejn is-Sagrament tal-Qrar: Binti, bħalma inti tħejji ruħek fil-preżenza Tiegħi, hekk ukoll inti tqerr quddiemi. Il-persuna tas-saċerdot hija biss għalija paraventu. Qatt m’għandek tanalizza x’tip ta’ saċerdot Jiena nkun qiegħed nuża; iftaħ ruħek fil-qrar bħallikieku qiegħda tqerr għandi, u Jiena nimlieha bid-dawl Tiegħi.

 

 

1726.            Kristu u Mulej, Inti qiegħed tmexxini fuq tali preċipizzji li, meta jiena nħares lejhom, nimtela bil-biża’, imma fl-istess ħin ninsab fil-paċi hekk kif nitgeddes qrib il-Qalb Tiegħek. Qrib il-Qalb Tiegħek, ma nibża’ minn xejn. F’dawn il-waqtiet ta’ periklu, jiena nġib ruħi bħal tifla żgħira, hekk kif tkun qiegħda ġġorrha ommha; meta hi tara xi ħaġa li tbeżżagħha, tiggranfa iktar ma’ għonq ommha biex tħossha li tinsab fis-sod.

 

 

1727.            + Ta’ spiss jiena nara nases magħmulin għalija minn erwieħ li mhux suppost jagħmluhom. Jiena ma niddefendix ruħi, imma nafda lili nnifsi iktar u iktar f’idejn Alla, li jara ġewwa fija. U nista’ nara kif dawn l-erwieħ jinqabdu fin-nases tagħhom stess. O Alla, kemm inti ġust u twajjeb!

 

 

1728.            Ikteb: Jiena Qaddis, Qaddis, Qaddis u Jiena nobgħod l-iċken dnub. Ma nistax inħobb ruħ imtebbgħa bid-dnub; imma meta hija tindem m’hemmx limitu għall-ġenerożita’ Tiegħi magħha. Il-ħniena Tiegħi tgħannaqha u tiġġustifika. Bil-ħniena Tiegħi, Jiena niġri wara l-midinbin kull fejn ikunu, u Qalbi tifraħ meta huma jduru lura għandi. Ninsa l-imrar li jkunu sqew lil Qalbi u nifraħ li ġew lura.

 

Għid lill-midinbin li ħadd ma’ jista’ jaħrab minn taħt idejja; jekk huma jaħarbu ‘l bogħod mill-Qalb ħanina Tiegħi, huma jaqgħu fl-idejn ġusti Tiegħi. Għid lill-midinbin li Jiena dejjem ninsab nistennihom, li nkun qiegħed nissemma’ b’attenzjoni t-taħbit tal-qalb tagħhom . . . meta ser tibda tħabbat għalija? Ikteb, li Jiena nkun qiegħed inkellimhom permezz tar-rimors fil-kuxjenza tagħhom, permezz tad-disfatti u t-tbatijiet tagħhom, permezz ta’ maltempati, permezz tal-vuċi tal-Knisja. U jekk huma jġibu fix-xejn il-grazzji Tiegħi kollha, tibda l-korla Tiegħi għalihom, inħallihom waħedhom u nagħtihom dak li huma jkunu jridu.

 

 

1729.            O Ġesu’tiegħi, Inti biss taf bl-isforzi tiegħi. Donni ninsab daqsxejn aħjar, imma dan ifisser biss li nista’ noħroġ fil-veranda minflok ma noqgħod mimduda fis-sodda. Nista’ nara u konxja bis-sħiħ ta’ dak li qiegħed jiġrili. Minkejja l-kura diliġenti tas-superjuri tiegħi u l-isforzi tat-tobba, saħħti qiegħda tnin u sejra lura. Imma jiena ninsab tassew ferħana li Inti qiegħed issejjaħli; Alla Tiegħi, Imħabba tiegħi, għax naf li l-missjoni tiegħi ser tibda filwaqt tal-mewt tiegħi. O, kemm nixtieq li ninħeles mill-irbit ta’ dan il-ġisem. O Ġesu’ tiegħi, Inti taf li, fix-xewqat kollha tiegħi, jiena dejjem nixtieq nara r-rieda Tiegħek. Għal dak li jiddependi minni, la nixtieq immut minuta qabel, lanqas ngħix minuta iktar, la nbati inqas, lanqas inbati iżjed, imma jiena rrid biss li nagħmel ir-rieda qaddisa Tiegħek. Għalkemm għandi ħafna entużjażmu, u x-xewqat li hemm jaqbdu ġewwa qalbi huma kbar ħafna, dawn qatt ma jisbqu r-rieda tiegħek.

 

 

1730.            Jiena niġri lejn il-ħniena Tiegħek, O Alla kollok mogħdrija, li Inti waħdek tajjeb. Għalkemm il-miżerja tiegħi hija kbira, u dnubieti huma bosta, jiena nafda fil-ħniena Tiegħek għax Inti Alla tal-ħniena, u qatt ma nstema’ matul iż-żminijiet, lanqas is-sema u l-art ma jiftakru, li xi ruħ ittamat fil-ħniena Tiegħek u baqgħet imqarrqa.

 

O Alla kollok mogħdrija, Inti biss tista’ tiġġustifikani, u Inti qatt ma tkeċċini meta nersaq niedma lejn Qalbek ħanina, minn fejn qatt ħadd ma ġie mwarrab, imqar jekk kien l-akbar midneb. 

 

 

1731.            Illum qajmitni maltempata kbira. Ir-riħ kien qed ivenven, ix-xita nieżla bil-qliel, sajjetti jfaqqgħu l-ħin kollu. Bdejt nitlob li l-maltempata ma tikkawża l-ebda ħsara, meta smajt dan il-kliem: Għid il-kurunella li għallimtek, u l-maltemp jieqaf. Bdejt fil-pront ngħid il-kurunella u kien għadni lanqas biss spiċċajtha x’ħin il-maltempata waqfet f’daqqa waħda, u jiena smajt dan il-kliem: Permezz tal-kurunella intom tistgħu tiksbu kollox, jekk dak li intom titolbu jkun skont ir-rieda Tiegħi.

 

 

1732.            Kif kont qiegħda nitlob għall-Polonja, smajt dan il-kliem: Jiena għandi mħabba speċjali għall-Polonja, u jekk hi tkun ubbidjenti għar-rieda Tiegħi, jiena ngħolliha fil-qawwa u fil-qdusija. Minnha għad toħroġ il-ġamra li għad tħejji d-dinja għall-aħħar miġja Tiegħi.

 

 

1733.            + Merħba lilek, Imħabba moħbija, ħajja ta’ ruħi! Jiena nagħtik merħba, Ġesu’, taħt dawn ix-xbihat umli tal-ħobż. Merħba, Ħniena l-iktar ħelwa, li titferra’ għall-erwieħ. Merħba, Tjubija infinita, li tferra’ kullimkien ix-xmajjar tal-grazzji Tiegħek. Merħba, O Dija mgħottija b’velu, id-Dawl tal-erwieħ. Merħba, O Għajn ta’ ħniena li ma tispiċċa qatt, O Għajn l-iżjed safja li minnha joħorġu jgelglu għalina l-ħajja u l-qdusija. Merħba, Għaxqa ta’ erwieħ safjin. Merħba, Tama waħdanija ta’ erwieħ midinbin.

 

 

1734.            O Ġesu’ tiegħi, naf li hemm żminijiet meta jiena la jkolli ħsibijiet għoljin lanqas spirtu li jogħla ‘l fuq. Jiena nissaporti lili nnifsi bil-paċenzja u nammetti li jiena dak li jiena, għax kulma hu sabiħ hu grazzja mingħand Alla. U għalhekk jiena numilja ruħi profondament u nsejjaħ l-għajnuna Tiegħek; u l-grazzja taż-żjara ma ddumx ma tiġi f’qalb umli.

 

 

1735.            O verġni, fjura sabiħa,

Int m’intix ser tibqa’ ħafna iżjed f’din id-dinja.

O, xi ġmiel is-sbuħija tiegħek,

Għarusa safja tiegħi.

 

L-ebda numri ma jistgħu jgħodduk.

Kemm hi għażiża l-fjura verġinali tiegħek!

Id-dija tiegħek xejn ma jista’ jtellifha;

Hija kuraġġuża, b’saħħitha, ħadd ma jirbħilha.

 

Id-dija tgħammex tax-xemx ta’ nofs inhar

Tiddallam fil-preżenza ta’ qalb verġni.

Ma nista’ nara xejn ikbar mill-verġnita’

Hija fjura meħuda mill-Qalb Divina.

 

O verġni ġentili, warda tfuħ,

Għalkemm hemm ħafna slaleb f’din l-art,

L-ebda għajn ma rat, lanqas qatt daħal f’moħħ il-bniedem

X’hemm jistenna ruħ verġni fil-ġenna.

 

O verġni, ġilju abjad bħas-silġ,

Inti tgħix għal kollox u biss għal Ġesu’

U fil-kalċi safi tal-qalb tiegħek

Hemm għamara li togħġob lil Alla nnifsu.

 

O verġni, ħadd m’hu ser ikanta l-innu tiegħek,

Fl-għanja tiegħek tinsab moħbija l-imħabba ta’ Alla.

L-anġli stess ma jistgħux jifhmu

Dak li l-verġni jkantaw lil Alla.

 

O verġni, il-fjura tiegħek tal-ġenna

Tisboq il-ġmiel kollu ta’ din id-dinja

U għalkemm id-dinja ma tistax tifhmek,

Hija titbaxxa bl-umilta’ kollha quddiemek.

 

Għalkemm il-mogħdija tal-verġni hi mimlija xewk,

U ħajjitha kkuntlarjata b’ħafna slaleb,

Min hu kuraġġuż bħalha?

Xejn ma jkissirha; xejn ma jista’ jirbħilha.

 

O verġni, anġlu ta’ din l-art,

Il-kobor tiegħek taf bih il-Knisja kollha.

Int toqgħod għassa quddiem it-tabernaklu

U, bħal Serafin, issir imħabba kollok kemm int.

 

 

1736.            Darba, x’ħin kont fuq il-veranda, rajt li ċerta persuna kienet inkwetata b’tentazzjonijiet qawwijin dwar il-qrar għax kienet tiddubita kemm hu sigriet. Għalkemm kont naf l-istat ta’ dik ir-ruħ, ma bdejtx il-konverżazzjoni jiena stess. X’ħin sibna ruħna waħedna, hija fetħet qalbha miegħi u qaltli kollox. Wara li tkellimna xi ftit, hija qaltli, “Issa ninsab fil-paċi; ruħi rċeviet ħafna dawl.”

 

 

1737.            Illum Ġesu’ għarrafni li kelli nitkellem ftit li xejn ma’ ċerta soru reliġjuża. Grazzja speċjali mingħand Alla weżnitni waqt li konna qegħdin nitkellmu, li ma kellhiex tkun għall-glorja ta’ Alla li kieku ma kenitx għal din il-ħaġa.

 

 

1738.            Il-Mulej qalli, Idħol fil-Purgatorju spiss, għax jeħtiġuk hemmhekk. O Ġesu’ tiegħi, jiena qiegħda nifhem x’ifissru dan il-kliem li Inti qiegħed tgħidli, imma l-ewwel ħallini nidħol fit-teżor tal-ħniena Tiegħek.

 

 

1739.            Ikteb, binti li Jiena l-istess ħniena mar-ruħ niedma. L-ikbar miżerja tar-ruħ ma tqanqallix ir-rabja; imma, pjuttost, Qalbi titqanqal lejha bi ħniena kbira.

 

 

1740.            O Ġesu’ tiegħi agħtini s-saħħa biex inkun niflaħ għat-tbatija biex ma noqgħodx nitkerraħ meta jkolli nixrob mit-tazza tal-imrar. Għinni Inti stess sabiex is-sagrifiċċju tiegħi jkun jogħġbok. Tħallihx jittebba’ bl-egoiżmu tiegħi, ukoll jekk ikollu jtul għal ħafna snin. Jalla l-intenzjoni retta tagħmlu jogħġbok, frisk u mimli ħajja. Din ħajti hija taqbida kontinwa, sforz il-ħin kollu sabiex nagħmel ir-rieda qaddisa Tiegħek; imma jalla dak kollu li hemm ġo fija, kemm il-miżerja kif is-saħħa tiegħi, ifaħħrek, O Mulej.  

 

 

It-Tjubija Infinita’ ta’ Alla fil-Ħolqien tal-Anġli.

 

1741.            O Alla, li Inti l-hena stess fik innifsek u m’għandekx bżonn ta’ ħlejjaq biex iferrħuk, għax Int minnek stess il-milja tal-imħabba; iżda fil-ħniena Tiegħek bla tarf Inti toħloq il-ħlejjaq u tagħtihom sehem fil-hena etern Tiegħek u f’ħajtek, dik il-ħajja divina li hemm ġewwa fik u li Int tgħix, Alla wieħed fi tliet Persuni. Fil-ħniena Tiegħek bla tarf, Inti ħlaqt spirti anġeliċi u daħħalthom fl-imħabba Tiegħek u fl-intimita’ divina Tiegħek. Inti għamilthom kapaċi li jħobbu għall-eternita’. Għalkemm Int ferrajt fuqhom bl-abbundanza, O Mulej, lanqas ma żidulek xejn l-imħabba u s-sbuħija tagħhom, għax Inti kollox fik innifsek. U jekk Inti ppermettejtilhom li jieħdu sehem fil-hena Tiegħek u jeżistu u jħobbuk, dan biss grazzi għall-abbiss tal-ħniena Tiegħek. Din hi t-tjubija Tiegħek bla tarf, u huma għal dejjem jigglorifkawk minħabba fiha, u jumiljaw ruħhom f’riġlejn il-majesta’ Tiegħek filwaqt li jkantaw l-innu tagħhom għal dejjem: Qaddis, Qaddis, Qaddis . . .

 

 

1742.            Kun imfaħħar, Alla ħanin, Alla wieħed fis-Santissima Trinita’,

Bla tarf, infinit, li ħadd ma jista’ jifhmek,

Huma jintilfu fik imma xorta waħda moħħhom ma jasalx li jifhmek,

Għalhekk huma jtennu bla heda għal dejjem: Qaddis.

 

Kun igglorifikat, O Ħallieq ħanin tagħna, O Mulej,

Ta’ Setgħa bla tarf, imma mimli kompassjoni, inkonċepibbli;

Li jiena nħobbok hija l-missjoni tal-eżistenza tagħna,

Filwaqt li nkantawlek għal dejjem: Qaddis . . .

 

Kun imbierek, Alla ħanin, Imħabba Eterna,

Inti ‘l fuq mis-smewwiet, miż-żaffiri, mill-ogħla.

L-armata ta’ spirti safja tkantalek it-tifħir,

Bl-innu tagħha għal dejjem: Qaddis, Qaddis, Qaddis.

 

U filwaqt li huma jħarsu lejk wiċċ imb’wiċċ, O Alla,

Jiena nista’ nara li Inti stajt sejjaħt ħlejjaq oħra qabilhom.

Għalhekk huma jumiljaw ruħhom quddiemek b’umilta’ kbira,

Għax jistgħu jaraw sewwa li din il-grazzja ġejja biss mill-ħniena Tiegħek.

 

Wieħed mill-isbaħ spirti ma riedx jagħraf il-ħniena Tiegħek,

U ġibed lill-oħrajn warajh meta għamietu s-suppervja tiegħu.

Anġlu ta’ sbuħija kbira, huwa sar Satana

U f’daqqa waħda ġie mitfugħ mill-għoli tas-smewwiet għal ġol-infern.

 

Imbagħad l-ispirti fidili għajtu, “Glorja lill-ħniena ta’ Alla!”

U baqgħu sodi minkejja l-prova tan-nar.

Glorja lil Ġesu’, ‘il Kristu li ċċekken

Glorja lil Ommu, il-Verġni umli u safja.

 

Wara din il-battalja, l-ispirti safja għoddsu fl-oċejan tad-Divinita’;

Huma kkontemplaw u faħħru l-profondita’ tal-ħniena Tiegħu,

Għerqu fil-ħniena u fid-dawl qawwi Tiegħu,

Għax kellhom l-għarfien tat-Trinita’ tal-Persuni, Alla wieħed.

 

 

1743.            + It-Tjubija Infinita’ ta’ Alla meta ħalaq il-bniedem.

 

Alla, li fil-ħniena Tiegħek toħloq lill-bniedem mix-xejn, Inti ferrajt fuqu bil-ġenerożita’ n-natura u l-grazzja. Imma fit-tjubija infinita’ Tiegħek din il-ħaġa dehret ftit wisq. Fil-ħniena Tiegħek, O Mulej, Inti tajtna l-ħajja ta’ dejjem. Inti ddaħħalna fil-hena etern Tiegħek u tagħtina sehem fil-ħajja interjuri tiegħek. U dan Inti tagħmlu biss għax Inti ħanin. Inti tagħtina d-don tal-grazzja Tiegħek u dan tagħmlu biss għax Inti twajjeb u mimli mħabba. Inti ma kellekx bżonn bl-ebda mod sabiex tkun hieni, imma Inti, O Mulej , trid taqsam magħna l-hena Tiegħek stess. Imma l-bniedem m’għaddiex mill-prova. Inti stajt ikkastigajtu, bħall-anġli, billi ddawwar wiċċek minnu għal dejjem, imma hawn dehret il-ħniena Tiegħek, u fil-fond Tiegħek qanqlitlek kompassjoni kbira, u Int tajt wegħda li kont se tagħtina s-salvazzjoni. Huwa abbiss tal-kompassjoni Tiegħek li ħadd ma jista’ jifhmu li Inti ma kkastigajtniex bħalma kien jistħoqqlina. Jalla l-ħniena Tiegħek tkun igglorifikata, O Mulej, aħna nibqgħu nfaħħruha għal dejjem ta’ dejjem. U l-anġli stagħġbu bil-kobor tal-ħniena li Inti wrejt mal-bniedem . . .

 

 

1744.            Jalla tkun adurat, O Alla tagħna ħanin,

O Mulej u Ħallieq li tista’ kollox.

Bl-akbar umilta’ aħna nfaħħruk,

U nintefgħu fl-oċejan tad-divinita’ Tiegħek.

 

Imma l-bniedem ma pperseverax fis-siegħa tal-prova

Meta waqa’ fil-ħażin, ma baqax fidil lejk.

Hu tilef il-grazzja u d-doni Tiegħek; kien baqagħlu biss il-miżerja,

U dmugħ, tbatija, niket u mrar, sakemm imur jistrieħ fil-qabar.

 

Imma Int, O Alla ħanin, ma ħallejtx lill-umanita’ tinqered,

U tajtha l-wegħda ta’ Feddej.

Ma ħallejtniex naqgħu fid-disperazzjoni, minkejja l-offiżi gravi tagħna,

U Inti bgħatt il-profeti Tiegħek lil Iżrael.

 

Xorta waħda, lejl u nhar, l-umanita’ baqgħet tgħajjatlek,

Mill-abbiss tal-miżerja, tad-dnub u l-uġigħ kollu.

Isma’ l-krib u d-dmugħ, Inti li ssaltan fis-sema,

Alla ta’ ħniena kbira, Alla ta’ kompassjoni.

 

Il-bniedem żbalja, imma ma jistax jitlob maħfra,

Għax firda kbira dehret bejn Alla u l-bniedem.

Bil-vuċi tal-miżerja tiegħu, huwa jgħajjat, “Ħniena!”

Imma Jahwe jibqa’ sieket . . . u seklu wara jibqa’ għaddej.

 

Imma x-xenqa tal-umanita’ kollha tibqa’ tikber.

Xenqa għal Dak li ġie mwiegħed.

Ejja, Ħaruf ta’Alla, neħħi d-dnubiet koroh tagħna,

Ejja, dawwal id-dlamijiet tagħna bħal raġġ dawl.

 

L-umanita’ tibqa’ ssejjaħlek bla heda, O Sid tas-sidien,

Issejjaħ lill-ħniena Tiegħek bla tarf, il-kompassjoni Tiegħek.

O Jahwe kbir, agħmel li aħna nagħmlu tpattija għal dnubietna.

Ftakar fit-tjubija Tiegħek, u aħfrilna.

 

 

It-Tjubija Infinita’ ta’ Alla meta bagħatilna lil Ibnu l-Waħdieni.

 

1745.            Alla, Inti lill-bniedem ma qridtux wara li waqa’, imma fil-ħniena Tiegħek Inti ħfirtlu, Int ħfirt b’mod divin; jiġifieri, Inti mhux biss tajtu l-assoluzzjoni mill-ħtija, imma tajtu kull grazzja. Il-ħniena qanqlitek sabiex Inti jogħġbok tinżel fostna u terfgħana mill-miżerja tagħna. Alla ser jinżel fid-dinja; is-Sid tas-sidien immortali ser jiċċekken. Imma fejn ser tinżel, Mulej; sat-tempju ta’ Salamun? Jew ser ikollok tabernaklu ġdid mibni għalik? Fejn għandek intenzjoni li tinżel? O Mulej, x’tip ta’ tabernaklu nistgħu nħejjulek, ladarba l-art kollha hija l-banketta fejn Inti tpoġġi riġlejk?

 

Inti fil-fatt ħejjejt bħal tabernaklu għalik: il-Verġni Mbierka. Il-Ġuf Immakulat tagħha hu l-għamara Tiegħek, u jseħħ il-miraklu tal-ħniena Tiegħek li ħadd ma jista’ jifhmu, O Mulej. Il-Verb jinkarna; Alla jgħix fostna, il-Verb ta’ Alla, Ħniena Inkarnata. Meta Inti nżilt fostna, Inti għollejtna sad-divinita’ Tiegħek. Dawn huma l-eċċessi ta’ mħabbtek, l-abbiss tal-ħniena Tiegħek. Il-ġenna tistagħġeb bl-abbundanza bla tarf ta’ mħabbtek. Ħadd ma jibża’ jersaq lejk issa. Inti Alla tal-ħniena. Int turi kompassjoni mal-miżerja. Inti Alla tagħna, u aħna l-poplu Tiegħek. Inti Missierna, u aħna wliedek permezz tal-grazzja. Tkun imfaħħra l-ħniena Tiegħek, li Inti għoġbok tinżel fostna.

 

 

1746.            Tkun adurat, O Alla tal-Ħniena,

Għax Int għoġbok tinżel mis-sema sal-art.

Bl-akbar umilta’ aħna nadurawk

Għax Inti ridt tgħolli l-umanita’ kollha.

 

Ħadd ma jista’ jifhem il-ħniena Tiegħek bla tarf,

Għax tħobbna Inti ħadt il-ġisem

Mill-Verġni Immakulata, qatt mittiefsa mid-dnub,

Għax hekk Inti ridt sa minn dejjem.

 

Il-Verġni Mbierka, dik il-Ġilju abjad silġ,

Hi l-ewwel waħda li faħħret is-Setgħa bla tarf tal-ħniena Tiegħek.

Il-qalb safja tagħha tinfetaħ bl-imħabba għall-miġja tal-Verb;

Hija temmen il-kliem tal-messaġġier ta’ Alla u tiġi kkonfermata fil-fiduċja tagħha.

 

Il-ġenna tistagħġeb li Alla sar bniedem,

Li fl-art, tinstab qalb denja ta’ Alla nnifsu.

Għaliex Inti ma tingħaqadx ma’ Serafin imma ma’ midneb, O Mulej?

Għax, minkejja s-safa tal-ġuf verġinali, dan hu misteru tal-ħniena Tiegħek.

 

O misteru tal-ħniena ta’ Alla, O Alla tal-kompassjoni,

Li inti għoġbok tħalli t-tron Tiegħek fis-sema

U titbaxxa sal-miżerja tagħna, sad-dgħjufija umana,

Għax mhux l-anġli, imma l-bniedem li jeħtieġ il-ħniena.

 

Sabiex aħna nagħtu tifħir li jistħoqq lill-ħniena tal-Mulej,

Aħna ningħaqdu mal-Omm Immakulata Tiegħek,

Għax b’hekk l-innu tagħna jsir iktar jogħġbok,

Għax Hi magħżula fost il-bnedmin u l-anġli.

 

Permezz tagħha, bħal permezz ta’ kristall pur,

Il-ħniena Tiegħek tgħaddi għal għandna.

Permezz tagħha, il-bniedem sar jogħġob lil Alla;

Permezz tagħha, xmajjar ta’ grazzja niżlu jgelglu fuqna.

 

 

+ It-Tjubija nfinita’ ta’ Alla meta feda lill-bniedem.

 

1747.            Alla, Inti stajt salvajt eluf ta’ dinjiet b’kelma waħda; tnehida waħda mingħand Ġesu’ kienet tkun biżżejjed għall-ġustizzja Tiegħek. Imma Inti stess, Ġesu’, sempliċiment għall-imħabba tagħna, issottomettejt ruħek għal Passjoni hekk terribbli. Tnehida waħda mingħandek kienet tkun biżżejjed biex tpatti għall-ġustizzja ta’ Missierek, u dak kollu li Inti ċċekkint għalih kien biss opra tal-ħniena Tiegħek u tal-imħabba Tiegħek bla tarf. Meta Inti ħallejt din l-art, O Mulej, ridt tibqa’ magħna, u għalhekk ħallejtilna lilek innifsek fis-Sagrament tal-Altar, u ftaħt beraħ il-ħniena Tiegħek għalina. M’hemm l-ebda miżerja li tista’ tasal sat-tarf Tiegħek; Inti ssejjħtilna lkoll kemm aħna sa din il-għajn tal-imħabba, din l-għajn tal-kompassjoni ta’ Alla. Hawn jinsab it-tabernaklu tal-ħniena Tiegħek, hawn hu r-rimedju għall-gwaj kollu tagħna. Lejk, O għajn ħajja tal-ħniena, jinġibdu l-erwieħ kollha; xi wħud bħaċ-ċriev għatxana għal imħabbtek, oħrajn biex jaħslu l-ġrieħi ta’ dnubiethom, u oħrajn, għajjenin bit-tiġrib tal-ħajja, sabiex jiġbdu s-saħħa minnek. Filwaqt tal-mewt Tiegħek fuq is-Salib, Inti tajtna l-ħajja eterna; meta Int ħallejthom jiftħulek il-ġenb qaddis Tiegħek, Inti ftaħtilna għajn tal-ħniena li ma tispiċċa qatt meta Int tajtna l-egħżeż ħaġa li għandek, id-Demm u l-Ilma minn ġo Qalbek. Daqshekk hija kbira s-Setgħa bla tarf tal-Ħniena Tiegħek. Minnha tinżel sa għandna l-grazzja kollha.

 

 

1748.            Tkun adurat, O Alla , fl-opra tal-ħniena Tiegħek,

Tkun imbierek mill-qlub fidili kollha

Li fuqhom tistrieħ il-ħarsa Tiegħek,

Li fihom tgħammar il-ħajja immortali Tiegħek.

 

O Ġesu’ tiegħi, ikollok ħniena, imnikkta kienet ħajtek f’din l-art,

U f’turmenti terribbli waslet fi tmiemha l-opra Tiegħek,

Meta Inti sfajt imdendel u minxur fuq l-għuda tas-Salib,

U dan kollu għall-imħabba tar-ruħ tagħna.

 

Fl-imħabba Tiegħek bla tarf, Int ħallejt li ġenbek imqaddes jinfetaħ,

U ħarġu jgelglu minn qalbek xmajjar ta’ Demm u Ilma.

Hawn hi l-għajn ħajja tal-ħniena Tiegħek,

Hanwhekk l-erwieħ jirċievu faraġ u serħan.

 

Fis-Sagrament Imqaddes; Inti ħallejtilna l-ħniena Tiegħek;

Imħabbtek ippermettietli li dan jitwettaq,

Filwaqt li jiena ngħaddi minn din il-ħajja, bit-tbatija u t-taqbid tagħha,

Qatt ma nasal li niddubita mit-tjubija u l-ħniena Tiegħek.

 

Għax ukoll jekk il-miżerji tad-dinja kollha jagħfsu fuq ruħi,

M’għandniex niddubitaw lanqas għal waqt wieħed biss,

Imma għandu jkollna fiduċja fil-qawwa tal-ħniena ta’ Alla,

Għax Alla jilqa’ għandu bil-ħlewwa lir-ruħ niedma.

 

O ħniena ta’ Sidna li m’hemmx kliem għaliha,

Għajn ta’ kompassjoni u ta’ kull ħlewwa,

Afda, afda, O ruħ, għalkemm inti mtebbgħa bid-dnub,

Għax meta inti tersaq lejn Alla, inti ma dduqx imrar.

 

Għaliex Hu nar ħaj ta’ mħabba kbira,

Meta aħna nersqu lejh bis-sinċerita’

Jgħibu l-miżerji tagħna, id-dnubiet u l-għemejjel ħżiena tagħna;

Huwa jħallas id-djun tagħna meta aħna nintelqu f’idejh.

 

 

1749.            + It-Tjubija infinita’ ta’ Alla meta Huwa żejjen lid-dinja kollha bis-sbuħija sabiex jagħmel ż-żmien tagħna f’din l-art ikun żmien sabiħ.

 

O Alla, b’liema ġenerożita’ l-ħniena Tiegħek hi mxerrda ma’ kullimkien, u dan kollu Inti għamiltu għall-bnedmin. O kemm tħobbu Inti l-bniedem ladarba mħabbtek hi tant attiva sabiex tgħinu. O Ħallieq u Sid tiegħi, kullimkien jiena nista’ nara minn fejn għaddiet idek u s-siġill tal-ħniena tiegħek, li tgħannaq il-ħolqien kollu. O Ħallieq Tiegħi mimli kompassjoni, jiena rrid nagħtik il-qima tiegħi f’isem il-ħlejjaq kollha u f’isem il-ħolqien l-ieħor kollu; qiegħda nsejjaħ l-univers kollu biex jagħti glorja lill-ħniena Tiegħek. O kemm hi kbira t-tjubija Tiegħek, O Alla!

 

 

1750.            Tkun adurat, O Ħallieq u Mulej tagħna,

O univers, bl-umilta’ kollha agħti glorja lil Alla Tiegħek;

Rodd ħajr lill-Ħallieq tiegħek mill-aħjar li tista’

U faħħar il-ħniena ta’ Alla li ħadd ma jista’ jifhimha.

 

Ejja, O art, fil-ħdura kollha tiegħek sabiħa;

Ejja, inti wkoll, O baħar bla qiegħ.

Ħalli l-gratitudni tiegħek issir għanja ta’ mħabba

U kanta l-kobor tal-ħniena ta’ Alla.

 

Ejja, xemx sabiħa, li tiddi,

Ejja, żerniq jiddi li jiġi qabilha.

Ingħaqdu f’innu wieħed, u ħallu l-ilħna ċari tagħkom

Ikantaw flimkien il-ħniena kbira ta’ Alla.

 

Ejjew, għoljiet u widien, foresti u boskijiet jitniedhu,

Ejjew, fjuri sbieħ ta’ filgħodu;

Ħallu l-fwieħa unika tagħkom

Tadura u tigglorifika l-ħniena ta’ Alla.

 

Ejjew, intom affarijiet kollha sbieħ tal-art,

Li l-bniedem jibqa’ jiskanta bihom.

Ejjew, aduraw lil Alla fl-armonija tagħkom,

Agħtu glorja lill-ħniena bla tarf ta’ Alla.

 

Ejja, sbuħija li ma titħassarx tal-art kollha,

U, b’umilta’ kbira, adura l-Ħallieq tiegħek,

Għax kollox jinsab imsakkar fil-ħniena Tiegħu,

B’vuċi waħda qawwija kollox jgħajjat; kemm hi kbira l-ħniena ta’ Alla.

 

Imma ‘l fuq minn din is-sbuħija kollha,

Tifħir li jogħġob iktar lil Alla

Hi r-ruħ li hi innoċenti u mimlija fiduċja bħal tat-tfal,

U li, permezz tal-grazzja, tkun maqgħuda Miegħu mill-qrib.

 

 

1751.            + O Ġesu’, moħbi fis-Sagrament Imqaddes tal-Altar, l-unika mħabba u ħniena tiegħi, inpoġġi f’idejk il-ħtiġijiet kollha ta’ ruħi u ta’ ġismi. Inti tista’ tgħinni, għax Inti l-istess Ħniena. Fik tinsab it-tama kollha tiegħi.

 

(Fl-oriġinal hawnhekk hawn paġna kompletament vojta.)

 

 

+

Ġ.M.Ġ

Krakovja –Pradnik, 2 ta’ Ġunju 1938.

 

Irtir ta’ Tlett ijiem.

 

1752.            Taħt id-direzzjoni tal-Imgħallem Ġesu’, li Hu stess ikkmandani nagħmel dan l-irtir, u li għażel il-ġranet meta kelli nagħmlu; jiġifieri, it-tlett ijiem ta’ qabel Pentekoste u li, Hu stess, mexxa dan l-irtir.

 

Iżda, jiena staqsejt il-konfessur tiegħi (probabbilment Patri Andrasz) jekk kellix nagħmel irtir bħal dan, u tani l-permess tiegħu. Staqsejt ukoll lill-Madre Superjura (Irene) u hi wkoll tatni l-permess tagħha. Kont iddeċidejt li ma kontx ser nagħmel l-irtir mingħajr il-permess tas-Superjuri. Bdejt novena lill-Ispirtu s-Santu, u stennejt it-tweġiba tal-Madre Superjura.

 

Suppost li kelli nibda l-irtir illum, imma għadni ma rċevejtx l-aħbar tad-deċiżjoni tal-Madre Superjura.

 

X’ħin mort il-Knisja għad-devozzjonijiet ta’ filgħaxija, rajt lill-Mulej Ġesu’ waqt il-Litanija. Binti, ser nibdew l-irtir. Jiena weġibt, “Ġesu’, Mgħallem tiegħi l-iktar għażiż, nitolbok maħfra, imma l-irtir ma nistax nagħmlu, għax għadni ma rċevejtx aħbar jekk il-Madre Superjura tatnix il-permess jew le.” Toqgħodx tinkwieta, binti, is-Superjura tatek il-permess tagħha. Għada filgħodu ssir taf. Imma l-irtir ser nibdewh illum.

 

U fil-fatt, il-Madre Superjura kienet ċemplet dak inhar filgħaxija lis-soru li kienet qiegħda tieħu ħsiebi fil-mard tiegħi (Swor David), u qaltilha tgħidli li kelli permess nagħmel l-irtir, imma s-soru kienet insiet tgħidli. Kien wasal l-għada filgħodu x’ħin qaltli, u damet tiskuża ruħha li ma kenitx qaltli l-ġurnata ta’ qabel. Jiena weġibtha, “Tinkwetax. Jiena diġa’ bdejt l-irtir tiegħi, skont ix-xewqa tas-Superjura.”

 

 

+ L-ewwel Jum.

 

1753.            Filgħaxija, Ġesu’ tani s-suġġett tal-meditazzjoni. Sa mill-ewwel waqt, qalbi mtliet bil-biża’ u l-ferħ. Imbagħad mort nitgeddes qrib il-Qalb Tiegħu, u l-biża’ għeb; baqa’ biss il-ferħ. Ħassejtni kollni kemm jiena bħallikieku kont bint Alla, u l-Mulej qalli, Tibża’ minn xejn. Dak li ma ġiex permess lill-oħrajn ġie mogħti lilek. Dawk il-grazzji li l-erwieħ l-oħrajn ma jistgħux jagħrfuhom, lanqas mill-bogħod, lilek qegħdin imantnuk, bħall-ħobż ta’ kuljum.

 

 

1754.            Aħseb ftit, binti, ma’ min hi maqgħuda qalbek hekk mill-qrib permezz tal-voti. Qabel ma Jiena għamilt id-dinja, Jiena kont inħobbok b’dik l-imħabba li qalbek qiegħda tħoss illum u, matul is-sekli, Imħabbti ma titbiddel qatt.

 

 

1755.            Applikazzjoni għal ħajti: Meta biss bdejt naħseb f’Dak li qalbi hi miżżewġa miegħu, ruħi daħlet f’ġabra profonda, u s-siegħa għaddiet bħal minuta. Hekk kif kont mitlufa f’din il-ġabra, sirt naf x’inhuma l-attributi ta’ Alla. Bdejt naqbad bin-nar ta’ mħabba ġewwa fija u ħriġt fil-ġnien biex niffriska; x’ħin ħarist ‘il fuq lejn is-sema, fjamma ġdida ta’ mħabba mlietni qalbi.

 

 

1756.            Imbagħad smajt dan il-kliem: Binti, ħsibt biżżejjed fuq is-suġġett li Jiena tajtek? Jekk iva, nagħtik ieħor. Jiena weġibt, “O Majesta’ Infinita’, l-eternita’ mhix biżżejjed għalija sabiex insir nafek . . . Imma mħabbti għalik saret iktar qawwija. Bħala sinjal ta’ gratitudni jiena npoġġi qalbi f’riġlejk, bħal blanzun ta’ warda. Jalla l-fwieħa tagħha tpaxxilek il-Qalb Divina Tiegħek, issa u għall-eternita’ . . . X’ġenna hi għar-ruħ meta l-qalb tkun taf li hi daqshekk maħbuba minn Alla . . .”

 

 

1757.            Illum, inti ser taqra kapitlu ħmistax tal-Evanġelju ta’ San Ġwann. Irridek taqrah bil-mod ħafna.  

 

 

It-Tieni Meditazzjoni.

 

1758.            Binti, aħseb ftit fuq il-ħajja ta’ Alla li tinsab fil-Knisja għas-salvazzjoni u għall-qdusija ta’ ruħek. Aħseb ftit fuq l-użu li inti tagħmel minn dawn it-teżori tal-grazzja, minn dawn l-isforzi ta’ Mħabbti.

 

 

1759.            Applikazzjoni għal ħajti : O Ġesu’ l-iktar ħanin, jiena mhux dejjem għaraft kif nikseb il-ġid spiritwali minn dawn id-doni prezzjużi, għax tajt ftit li xejn attenzjoni lid-don u ħafna attenzjoni lill-mezz li Inti wżajt biex twassalli dawn id-doni Tiegħek. Mgħallem tiegħi l-iktar ħelu, minn issa ‘l quddiem l-affarijiet ikunu mod ieħor. Id-doni Tiegħek jiena ser nużahom bl-aħjar mod li ruħi hi kapaċi tużahom. Fidi ħajja tweżinni. Tkun xi tkun il-forma li Inti tuża biex tibgħatli l-grazzja Tiegħek, jiena nilqagħha bħallikieku ġejja direttament mingħandek, mingħajr ma noqgħod nagħti kas tal-mezz li Inti tuża biex tibgħathieli. Jekk ma jkunx dejjem possibli għalija li nilqagħha bil-ferħ, jiena dejjem naċċettaha b’sottomissjoni għar-rieda qaddisa Tiegħek.

 

 

Konferenza fuq it-Taqbid Spiritwali.

 

1760.            Binti, irrid ngħallmek fuq it-taqbid spiritwali. Qatt tafda fik innifsek, imma ntelaq għal kollox fir-rieda Tiegħi. Fid-deżolazzjoni, fid-dlam u f’diversi dubji, irrikorri għandi u għand id-direttur spiritwali tiegħek. Huwa dejjem iwieġbek f’ismi. Toqgħodx tinnegozja mat-tentazzjoni, tkun xi tkun; mill-ewwel issakkar fil-Qalb Tiegħi u, mal-ewwel ċans, uri t-tentazzjoni lill-konfessur. Poġġi l-egoiżmu tiegħek fl-aħħar post, biex ma jtebbagħlekx l-opri tiegħek. Issaporti lilek innifsek b’paċenzja kbira. Tittraskurax mortifikazzjonijiet interjuri. Dejjem iġġustifika l-opinjonijiet tas-superjuri u tal-konfessur tiegħek fik innifsek biss. Aħrab minn dawk li jgergru bħalma taħrab mill-pesta. Ħalli lil kulħadd jagħmel li jrid; inti trid tagħmel dak li Jiena rrid.

 

Osserva r-regola bl-akbar fedelta’. Jekk xi ħadd jagħmillek id-deni, aħseb fil-ġid li tista’ tagħmel lill-persuna li ġegħlitek tbati. Toqgħodx turi x’inti tħoss. Żomm is-skiet meta jċanfruk. Toqgħodx tistaqsi lil kulħadd x’jaħseb, imma biss lill-konfessur; miegħu iftaħ qalbek bl-ikbar sempliċita’ bħat-tfal. Tħallix l-ingratitudni taqtagħlek qalbek. Toqgħodx teżamina bil-kurżita’ t-toroq li Jiena ngħaddik minnhom. Meta tħoss id-dieqa u l-qtigħ il-qalb jħabbat fuq qalbek, aħrab minnek innifsek u nħeba ġewwa Qalbi. Toqgħodx tibża’ mit-taqbid; l-istess kuraġġ ħafna drabi jxejjen it-tentazzjonijiet, u huma ma jkollhomx saħħa jaħbtu għalina.

 

Dejjem issielet b’konvinzjoni soda li Jiena qiegħed miegħek. Timxix skont ma tħoss, għax dan mhux dejjem ikun taħt il-kontroll tiegħek; il-mertu kollu jinsab fir-rieda. Iddependi dejjem mis-superjuri tiegħek, ukoll fl-iċken affarijiet. Minix ser nilludik bi prospetti ta’ paċi u konsolazzjonijiet; għall-kuntrarju, hejji ruħek għal battalji kbar. Kun af li issa inti tinsab fuq palk kbir fejn is-sema u l-art kollha qegħdin iħarsu lejk. Issielet bħal kavallier, sabiex Jiena nkun nista’ nippremjak. Toqgħodx tibża’ bla bżonn, għax m’intix waħdek.

 

 

It-Tieni Jum.

 

1761.            Binti , illum aħseb fuq il-Passjoni Ħarxa Tiegħi fl-immesnita’ kollha tagħha. Aħseb fuqha bħallikieku Jiena batejtha għalik biss.

 

 

1762.            Applikazzjoni: Meta jiena bdejt nitlef lili nnifsi fil-Passjoni Divina, ġew irrivelati lili l-valur kbir tar-ruħ tal-bniedem u l-ħażen kbir li hu d-dnub. Fhimt li jiena ma nafx kif għandi nbati. Sabiex jiena nikseb mertu għat-tbatija tiegħi, ser ningħaqad iktar mill-qrib, fit-tbatija tiegħi, mal-Passjoni tal-Mulej Ġesu’, u nitolbu l-grazzja għall-erwieħ moribondi, sabiex il-ħniena ta’ Alla tkun tista’ tgħannaqhom f’dan il-waqt hekk serju.

 

 

It-Tieni Meditazzjoni

 

1763.            Binti, aħseb fuq ir-regola u l-voti li inti offrejtli. Inti taf kemm napprezzahom ħafna; il-grazzji kollha li Jiena għandi għall-erwieħ tar-reliġjużi għandhom x’jaqsmu mar-regola u mal-voti.

 

 

1764.            Applikazzjoni: O Ġesu’ tiegħi, inħossni ħatja ta’ ħafna nuqqasijiet f’din il-ħaġa imma, bil-għajnuna tal-grazzja tiegħek, ma niftakar l-ebda darba li, b’mod konxju u għax irrid, jiena ksirt ir-regola jew il-voti reliġjużi. Kompli ħarisni, O Ġesu’ twajjeb tiegħi, għax jiena minni nnifsi dgħajfa.

 

 

1765.            Illum, binti, il-qari tiegħek, għandu jkun kapitlu dsatax tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, u aqrah mhux biss b’xofftejk, imma b’qalbek . . .

 

 

1766.            Waqt dan il-qari, ruħi kienet mimlija bi ndiema profonda. Rajt l-ingratitudni kollha tal-ħlejjaq lejn il-Ħallieq u l-Mulej tagħhom; tlabt lil Alla jħarisni mill-għama spiritwali.

 

 

Konferenza dwar is-Sagrifiċċju u t-Talb

 

1767.            Binti, irrid ngħallmek kif għandek issalva l-erwieħ permezz tas-sagrifiċċju u tat-talb. Inti ser issalva iktar erwieħ permezz tat-talb u t-tbatija milli missjunarju permezz tat-tagħlim u l-priedki tiegħu biss. Irrid narak bħala sagrifiċċju ta’ mħabba ħajja, li mbagħad biss ikollu importanza f’għajnejja. Inti trid tixxejjen, tiġi meqruda, tgħix bħallikieku kont mejta fl-iktar profondita’ sigrieta tiegħek. Inti trid tinqered f’dak il-fond sigriet fejn qatt ma nifdet għajn ta’ bniedem; imbagħad Jiena nsib fik sagrifiċċju li jogħġobni, olokawstu mimli ħlewwa u fwieħa. U kbira tkun saħħtek meta inti tinterċedi għal min trid int. Is-sagrifiċċju tiegħek minn barra jrid jidher hekk: fis-skiet, moħbi, mimli mħabba, mimli talb. Jiena qed nitlob, binti, li s-sagrifiċċju tiegħek ikun safi u mimli umilta’, sabiex ikun jogħġobni. Jiena nagħtik il-grazzja Tiegħi, sabiex inti tkun tista’ twettaq dak li Jiena nitlob mingħandek.

 

Jiena issa ser ngħallmek f’hiex ser jikkonsisti l-olokawstu tiegħek, fil-ħajja ta’ kuljum, sabiex inħarsek mill-illużjonijiet. Inti tilqa’ t-tbatijiet kollha bi mħabba. Toqgħodx titnikket jekk qalbek spiss tħoss stmerrija għas-sagrifiċċju. Is-saħħa ta’ dan (tas-sagrifiċċju) kollha qiegħda fir-rieda, u għalhekk dawn is-sentimenti kuntrarji mhux talli ma jbaxxux il-valur tas-sagrifiċċju f’għajnejja, imma jżiduh. Kun af li ġismek u ruħek spiss għad ikunu fin-nar. Għalkemm il-preżenza Tiegħi ma tħosshiex f’xi okkażjonijiet, Jiena dejjem inkun miegħek. Tibżax; il-grazzja Tiegħi tkun miegħek . . .

 

 

It-Tielet Jum

 

1768.            Binti, f’din il-meditazzjoni, aħseb ftit fuq l-imħabba tal-proxxmu. L-imħabba tiegħek għall-proxxmu hi mmexxija minn imħabbti? Titlob int għall-għedewwa tiegħek? Tixtiqilhom il-ġid lil dawk li, b’xi mod jew ieħor, nikktuk jew offendewk?

 

Kun af li dak il-ġid kollu li inti tagħmel mal-proxxmu, ikun min ikun, Jiena nilqgħu bħallikieku għamiltu miegħi.

 

 

1769.            Applikazzjoni: O Ġesu’, Imħabba tiegħi, Inti taf  li minn ftit żmien ‘l hawn jiena mxejt mal-proxxmu tiegħi b’mod li mħabbtek kienet l-uniku gwida tiegħi. Inti biss taf xi sforzi kelli nagħmel biex nasal għal din il-ħaġa. Issa qiegħed jirnexxili iktar malajr, imma li kieku Inti stess ma kebbistx dik l-imħabba ġewwa ruħi, ma kontx inkun kapaċi nippersevera f’din il-ħaġa. Dan kollu nafu lill-imħabba Ewkaristika Tiegħek li kuljum tħeġġiġni.

 

 

It-Tieni Meditazzjoni

 

1770.            Issa rridek taħseb fuq Imħabbti fis-Sagrament Imqaddes. Hawnhekk ninsab Jiena, kollni kemm Jiena tiegħek, ruħ, ġisem u divinita’, bħala l-Għarus Tiegħek. Inti taf x’titlob l-imħabba: ħaġa waħda biss, li t-tnejn ikunu ta’ xulxin . . .

 

 

1771.            Applikazzjoni: O Ġesu’ Tiegħi, Inti taf li jiena nixtieq inħobbok bi mħabba li l-ebda ruħ qatt ma ħabbitek biha. Nixtieq lid-dinja kollha tinbidel fi mħabba għalik. Għarus tiegħi, Inti tagħtini niekol u nixrob l-għasel u l-ħalib tal-Qalb Tiegħek. Sa minn kmieni, Inti kabbartni għalik biss, sabiex jiena nsir naf kif nista’ nħobbok issa. Inti taf li jiena nħobbok, għax Inti biss taf kemm hu profond is-sagrifiċċju li jiena noffrilek kuljum.

 

 

1772.            Ġesu’ qalli, Binti, kellek xi diffikultajiet f’dan l-irtir? Weġibtu li ma kellix. Matul dan l-irtir, moħħi hu bħall-beraq. Nista’ nidħol fil-misteri kollha tal-fidi bl-akbar faċilita’. Mgħallem u Mexxej tiegħi, id-dlam kollu jgħib minn moħħni taħt ir-raġġi tad-dawl Tiegħek.

 

 

1773.            Illum il-qari spiritwali tiegħek, irridek taqra l-Evanġelju ta’ San Ġwann, kapitlu wieħed u għoxrin. Ħallih jimlielek qalbek iktar minn moħħok.

 

 

1774.            + Waqt id-devozzjonijiet ta’ Ġunju, il-Mulej qalli, Binti, il-grazzja Tiegħi qiegħda tistrieħ ġewwa qalbek. Meta f’Ħamis ix-Xirka Jiena ħallejt lili nnifsi fis-Sagrament Imqaddes, kont qed naħseb ħafna fik.

 

 

1775.            Wara dan il-kliem, imħabbti bdiet tagħmel sforzi kbar biex issib il-kliem li seta’ jurih Hu x’kien ifisser għalija, imma xorta waħda ma stajtx insib il-kliem u bdejt nibki għax ħassejtni ma niswa għal xejn. U Ġesu’ qalli, Għalik, Jiena l-istess ħniena; għalhekk Jiena qed nitolbok toffrili l-miżerja tiegħek u dan l-istess fatt li inti ma tiswa għal xejn u b’dan il-mod, int tpaxxili lil Qalbi.

 

 

1776.            Illum, daħlet ġewwa ruħi fjamma ħajja ta’ mħabba divina; li kieku damet ftit iktar, dak inhar kien jikkunsmani, u jeħlisni mill-irbit tal-preżent. Deherli li kieku damet waqt wieħed iżjed, kont negħreq fl-oċejan ta’ mħabba. Ma nistax niddeskrivi dawn il-vleġeġ ta’ mħabba li qegħdin jinfduli ruħi.

 

 

Konferenza fuq il-Ħniena

 

1777.            Binti, kun af li Qalbi hija l-istess ħniena. Minn dan il-baħar ta’ ħniena, jinżlu jgelglu l-grazzji għal fuq id-dinja kollha. L-ebda ruħ li resqet Lejja qatt ma marret lura mingħajr ma ġiet imfarrġa. Il-miżerja kollha tiġi midfuna fil-fond tal-ħniena Tiegħi, u kull grazzja li ssalva u tqaddes toħroġ minn din il-għajn. Binti, Jiena nixtieq li qalbek tkun post fejn tgħammar il-ħniena Tiegħi. Jiena nixtieq li din il-ħniena tgelgel fuq id-dinja kollha permezz tal-qalb tiegħek. L-ebda persuna li tersaq lejk m’għandha titlaq mingħajr dik il-fiduċja fil-ħniena Tiegħi li Jiena nixtieq b’tant ħerqa għall-erwieħ.

 

 

Itlob kemm tiflaħ għall-moribondi. Permezz tat-talb tiegħek, ikseb għalihom fiduċja fil-ħniena Tiegħi, għax huma l-iktar li għandhom bżonn tal-fiduċja, u l-inqas li għandhom. Kun żgura li l-grazzja tas-salvazzjoni eterna għal ċerti erwieħ fl-aħħar waqt ta’ ħajjithom tkun tiddependi mit-talb tiegħek. Inti taf l-abbiss sħiħ tal-ħniena Tiegħi, għalhekk iġbed minnu għalik u l-aktar għall-imsejkna midinbin. Iktar hemm ċans li s-sema u l-art jiġu fix-xejn milli l-ħniena Tiegħi ma tgħannaqx magħha ruħ mimlija fiduċja.

 

 

1778.            Ir-riżoluzzjoni tiegħi tibqa’ l-istess waħda: li jiena ningħaqad ma’ Kristu – Ħniena.

 

 

Għeluq tal-Irtir

L-Aħħar Taħdita mal-Mulej.

 

1779.            Grazzi, Imħabba Eterna tat-tjubija bla tarf li Int turi miegħi, tal-fatt li Inti tieħu ħsieb b’mod dirett tal-qdusija tiegħi.

 

Binti, ħalli tliet virtujiet iżejnuk b’mod partikulari: l-umilta’, is-safa tal-intenzjoni u l-imħabba. Tagħmel xejn iktar milli Jiena nitlob mingħandek, u aċċetta dak kollu li Jiena nibgħatlek. Agħmel mill-aħjar sabiex inti tgħix ħajja ta’ ġabra sabiex inti tkun tista’ tisma’ leħni, li tant hu ġentili li erwieħ miġburin biss jistgħu jisimgħuh . . .

 

 

1780.            Illum ma stajtx norqod qabel nofs il-lejl, tant kont emozzjonata bit-tiġdid tal-voti li kelli nagħmel l-għada. Il-kobor ta’ Alla kien jinsab madwari, kollni kemm jiena.

 

 

Pentekoste (5 ta’ Ġunju 1938). Tiġdid tal-Voti.

 

1781.            Qomt iktar kmieni mis-soltu u mort fil-kappella, filwaqt li għaddast lili nnifsi fl-imħabba ta’ Alla. Qabel ma tqarbint, fis-skiet ġeddidt il-voti reliġjużi tiegħi. Wara t-Tqarbin, l-imħabba infinita’ ta’ Alla għaddiet minn fuqi. Ruħi kienet tinsab f’għaqda mal-Ispirtu s-Santu, li Hu l-istess Mulej bħall-Missier u bħall-Iben. In-nifs Tiegħu mlieli ruħi b’tant hena li aħjar ma naħlix żmien nipprova nagħti mqar l-iċken idea ta’ dak li kienet qiegħda tħoss qalbi. Matul il-jum kollu, kont fejn kont u tkellimt ma’ min tkellimt, preżenza qawwija u ħajja ta’ Alla akkumpanjatni; ruħi għerqet fir-radd ta’ ħajr għal dawn il-grazzji kbar.

 

 

1782.            + X’ħin ħriġt fil-ġnien illum, il-Mulej qalli, Erġa’ mur f’kamartek, għax Jiena qed nistenniek hemmhekk. Malli mort lura, rajt lill-Mulej Ġesu’ bilqegħda mal-mejda qed jistennieni. Huwa ħares lejja bi tjubija u qalli, Binti, irridek toqgħod tikteb issa, għax dik il-mixja ma kenitx skont ir-rieda Tiegħi. Bqajt waħdi u bdejt nikteb fil-pront.

 

 

1783.            + X’ħin intlift fit-talb u ngħaqadt mal-Quddies kollu li kien qed jiġi ċċelebrat fid-dinja kollha f’dak il-ħin, jiena tlabt lil Alla, minħabba dak il-Quddies kollu, biex ikollu ħniena mid-dinja kollha u l-aktar mill-imsejkna midinbin li kienu qegħdin imutu f’dak il-waqt. Fl-istess waqt, irċevejt tweġiba interjuri mingħand Alla li elf ruħ kienu rċevew grazzja permess tat-talb tal-medjazzjoni li jiena offrejt lil Alla. Aħna ma nafux kemm hu l-għadd tal-erwieħ li aħna għandna nsalvaw permezz tat-talb u s-sagrifiċċju tagħna; għalhekk, għandna dejjem nitolbu għall-midinbin.

 

 

1784.            Illum, waqt li tkellimt fit-tul mal-Mulej, Hu qalli, Kemm nixtieq is-salvazzjoni tal-erwieħ! Segretarja l-iktar għażiża Tiegħi, ikteb li Jiena rrid inxerred il-ħajja divina Tiegħi fl-erwieħ tal-bnedmin u nqaddishom, li kieku huma jridu jilqgħu il-grazzja Tiegħi. L-ikbar midinbin kienu jsiru qaddisin kbar, li jafdaw fil-ħniena Tiegħi. Il-fond ta’ ġewwanett tal-esseri Tiegħi hu mimli u qed ifur bil-ħniena, u din qiegħda tiġi mferrgħa fuq il-ħolqien Tiegħi kollu. L-għaxqa Tiegħi hu li naħdem fir-ruħ tal-bniedem u li nimlieha bil-ħniena Tiegħi u li niġġustifikaha. Is-saltna Tiegħi fl-art hi ħajti fir-ruħ tal-bniedem. Ikteb, segretarja Tiegħi, li Jiena stess il-gwida spiritwali tal-erwieħ – u Jiena mmexxihom indirettament permezz tas-saċerdot, u mmexxi lil kull ruħ lejn il-qdusija permezz ta’ triq li Jiena biss naf biha.

 

 

1785.            Il-Madre Superjura (Irene) ġiet iżżurni llum, imma għal ftit. X’ħin ħarset madwarha, qalet li kollox kien sabiħ wisq hawnhekk. Tassew, is-sorijiet qegħdin jippruvaw biex iż-żmien li jiena għadni ngħaddi fis-sanatorju jkun żmien sabiħ. Imma din is-sbuħija kollha ma tnaqqas xejn mis-sagrifiċċju tiegħi, li Alla biss jista’ jara u li jispiċċa biss meta qalbi ma tibqax tħabbat iżjed. La s-sbuħija tad-dinja kollha, lanqas dik tal-istess sema ma tista’ ttaffi t-torturi ta’ ruħi li huma tassew reali f’kull ħin u f’kull mument għalkemm huma interjuri u jinsabu fil-fond. Jaslu fit-tmiem tagħhom meta Inti stess, l-Awtur tat-tbatija tiegħi, tgħid, “Biżżejjed.” M’hemm xejn li jista’ jnaqqas is-sagrifiċċju tiegħi.

 

 

L-Ewwel Ġimgħa wara Corpus Christi

(17 ta’ Ġunju 1938).

 

1786.            Fil-pront , il-Ġimgħa wara Corpus Christi, tant ħassejtni ma niflaħx li ħsibt li kien riesaq il-waqt tant mistenni. Kelli ħafna deni u kont tellajt ħafna demm matul il-lejl. Imma xorta waħda mort nirċievi lill-Mulej Ġesu’ filgħodu, imma ma stajtx nibqa’ għall-Quddiesa. Wara nofs inhar, it-temperatura ta’ ġismi niżlet f’daqqa waħda għal 35.8 C. Tant ħassejtni fjakka li qiesu kollox ġo fija kien qed imut. Imma meta tlaqt lili nnifsi f’talb profond, fhimt li kien għadu ma wasaltx il-waqt tal-ħelsien, imma kelli biss sejħa iktar mill-qrib mingħand l-Għarus tiegħi.

 

 

1787.            X’ħin iltqajt mal-Mulej, għidtlu, “Qiegħed tidħak bija, Ġesu’; Inti turini l-bieb miftuħ tas-sema, u terġa’ tħallini hawn fl-art.” Il-Mulej qalli, Meta, mis-sema inti għad tara dawn il-jiem ta’ issa, inti għad tifraħ u tkun trid tara kemm jista’ jkun minnhom. Ma neħodhiex bi kbira, binti, li inti din il-ħaġa ma tistax tifhimha issa, għax qalbek qiegħda tfur bl-uġigħ u bix-xewqa li għandek għalija. Is-sahra tiegħek togħġobni. Ħalli kelmti tkun biżżejjed għalik; m’għadx baqa’ wisq issa.

 

U ruħi għal darb’ oħra reġgħet sabet ruħha fl-eżilju. Jiena ngħaqadt bi mħabba mar-rieda ta’ Alla, u ssottomettejt ruħi għad-digrieti Tiegħu mimlijin grazzja.

 

 

1788.            It-taħdit li jiena nisma’ f’dan il-post fuq affarijiet ta’ din id-dinja tant jgħejjuni li kważi jħossni ħażin. Is-sorijiet li jduru bija ndunaw b’din il-ħaġa, għax hi ħaġa li tidher minn barra.

 

 

1789.            Illum (nota253) jiena rajt il-glorja ta’ Alla li toħroġ mix-xbieha. Ħafna erwieħ qegħdin jirċievu grazzji, għalkemm ma jitkellmux fuq din il-ħaġa. U għalkemm ix-xbieha iltaqgħet ma’ kull xorta ta’ kuntrarju, Alla qiegħed jirċievi glorja minħabba fiha. U l-isforzi ta’ Satana u ta’ nies ħżiena jitfarrku u jiġu fix-xejn. Minkejja l-korla ta’ Satana, il-Ħniena Divina għad tittrijonfa fid-dinja kollha u għad tiġi meqjuma minn kulħadd.

 

 

1790.            Jiena sirt naf li r-ruħ trid tieqaf milli taħdem għal rasha, sabiex Alla jista’ jaħdem fiha; jekk ma jkunx hekk, Alla ma jwettaqx ir-rieda Tiegħu fiha.

 

 

1791.            X’ħin kienet riesqa maltempata kbira, bdejt  ngħid il-kurunella. F’daqqa waħda smajt vuċi ta’ anġlu: “Ma nistax nersaq qrib f’din il-maltempata, għax id-dawl li joħroġ minn ġo ħalqha qiegħed jimbotta lura kemm lili kif ukoll it-tempesta.” Hekk beda jilmenta l-anġlu quddiem Alla. Jiena mbagħad indunajt kemm ħsara kien ser jagħmel permezz ta’ din it-tempesta; imma jiena ndunajt ukoll li din it-talba kienet togħġob lil Alla, u li din il-kurunella kellha ħafna qawwa.

 

 

1792.            Sirt naf li ċerta ruħ kienet togħġbu ħafna lil Alla u li, minkejja kull xorta ta’ persekuzzjoni, Alla kien qed ilibbes lil din il-persuna b’dinjita’ ġdida u ogħla. Qalbi ferħet ħafna b’din il-ħaġa.

 

 

1793.            Il-waqtiet li l-iktar jogħġbuni huma dawk meta jiena nkun qiegħda nitħaddet mal-Mulej fiċ-ċentru tal-esseri tiegħi. Nipprova nagħmel mill-aħjar biex ma nħallihx waħdu. Hu jieħu gost ikun dejjem magħna . . .

 

 

1794.            + O Ġesu’, Alla etern, inroddlok ħajr għall-grazzji u l-barkiet li sawwabt fuqi bil-kotra. Ilqa’ kull taħbita ta’ qalbi bħala għanja ġdida ta’ radd il-ħajr lilek, O Alla. Ħalli kull qatra ta’ demmi tiġri fil-vini tiegħi għall-imħabba Tiegħek, Mulej. Jiena inħobbok, O Alla, għalik innifsek biss.

 

 

1795.            Alla tiegħi, għalkemm it-tbatijiet tiegħi huma kbar u qegħdin jieħdu fit-tul, jiena nilqagħhom minn idejk bħala rigali mill-aqwa. Jiena nilqagħhom kollha kemm huma, ukoll dawk li erwieħ oħrajn ma ridux jilqgħuhom. Inti tista’ tiġi għandi b’kulma trid, Ġesu’ tiegħi; jiena ma nirrifjutalek xejn. Nitolbok ħaġa waħda biss: agħtini s-saħħa nissaportihom u agħmel li jirbħu l-merti. Hawn jiena, kollni hemm jiena; agħmel bija dak li jogħġbok.

 

 

1796.            Illum, (nota254) rajt il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ fis-sema, f’nofs dija kbira. Ir-raġġi kienu ħerġin mill-Pjaga (f’ġenbu) u kienu qegħdin jinfirxu fuq id-dinja kollha.

 

 

1797.            Illum, il-Mulej ġie għandi u qalli, Binti għinni nsalva l-erwieħ. Inti għandek tmur għand midneb moribond, u kompli itlob il-kurunella, u b’dan il-mod inti tiksiblu fiduċja fil-ħniena Tiegħi, għax hu diġa’ qed jiddispra.

 

 

1798.            F’daqqa waħda, sibt ruħi f’razzett stramb fejn anzjan kien qed imut fost turmenti kbar. Madwar is-sodda kien hemm qabda demonji u l-familja jibku. X’ħin bdejt nitlob, l-ispirti tad-dlam ħarbu, filwaqt li bdew iwaddbu lejja ħsejjes u theddid. Ir-ruħ ikkalmat, u mimlija fiduċja, strieħet fil-Mulej.

 

Fl-istess waqt, erġajt sibt ruħi f’kamarti. Kif jiġri dan . . . jiena ma nafx.

 

 

+

1799.            Ġ.M.Ġ. Inħoss qawwa qiegħda tiddefendini u tħarisni mid-daqqiet tal-għadu. Hija qiegħda tħarisni u tiddefendini. Inħossha ċara ħafna; huwa bħallikieku li d-dell ta’ ġwinħajh huwa t-tarka tiegħi.

 

 

1800.            Ġesu’ tiegħi, Int biss tajjeb. Ukoll li kieku qalbi kellha tagħmel sforz possibbli biex tikteb dwar it-tjubija Tiegħek almenu għal ftit, ma kontx nasal biex nagħmel dan – din il-ħaġa aħna ma nistgħux nifhmuha.

 

 

1801.             Jum minnhom waqt il-Quddiesa, il-Mulej tani għarfien profond tal-qdusija u l-majesta’ Tiegħu, u fl-istess ħin stajt nara l-miżerja tiegħi stess. Dan l-għarfien ferraħni, u ruħi għerqet kollha kemm hi fil-ħniena Tiegħu. Ħassejtni ferħana ħafna ħafna.

 

 

1802.            L-għada, kont konxja b’mod ċar ta’ dan il-kliem: “Qiegħda tara, Alla Hu tant qaddis, u inti midinba. Tersaqx lejh, u mur qerr kuljum.” U fil-fatt, kulma stajt naħseb fih deher f’għajnejja dnub. Imma ma tliftx it-Tqarbina, u qtajtha li mmur inqerr meta kelli mmur, għax ma kelli l-ebda impediment ċar. U meta wasal il-jum għall-qrar, ħejjejt dawk id-dnubiet kollha li kelli nakkuża lili nnifsi tagħhom. Imma, fil-konfessinarju, Alla ppermettieli nakkuża lili nnifsi biss ta’ żewġ nuqqasijiet, minkejja l-isforzi tiegħi biex nagħmel qrar skont ma kont ħejjejt. X’ħin ħriġt mill-konfessinarju l-Mulej qalli, Binti, dawk id-dnubiet kollha li inti kellek intenzjoni li tqerr mhumiex dnubiet f’għajnejja; u għalhekk ma ħallejtekx tkun kapaċi tgħidhom. Jiena fhimt li Satana ried itellifni l-paċi u ġabli ħsibijiet eseġerati. O Salvatur, kemm hi kbira tjubitek!

 

 

1803.            Darba, meta kont qiegħda nħejji ruħi għat-Tqarbin Imqaddes, u ndunajt li ma kelli xejn x’noffrilu, inżilt fl-art quddiemu u bdejt insejjaħ il-ħniena kollha tiegħu fuq ruħi msejkna:  “Jalla l-grazzja Tiegħek, li tinżel fuqi mill-Qalb ħanina Tiegħek, issaħħaħni għat-taqbida u għat-tbatijiet, sabiex jiena nibqa’ fidila lejk. U, għalkemm jiena miżerja bħal din, ma nibżax minnek, għax il-ħniena Tiegħek jiena nafha sewwa. Xejn ma jista’ jbeżżgħani u jbegħidni minnek, O Alla, għax kollox huwa ħafna inqas minn dak li jiena naf (li l-ħniena Tiegħek) – dan jiena nista’ narah ċar.

 

(Hawnhekk jispiċċa s-sitt u l-aħħar pitazz)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

It-Thejjija Tiegħi

għat-Tqarbin Imqaddes

 

+

Ġ.M.Ġ

Krakovja, 10 ta’ Jannar 1938.

It-Thejjija Tiegħi għat-Tqarbin Imqaddes

 

Swor Marija Fawstina tas-Sagrament Imqaddes

Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena.

 

1804.             Il-mument l-aktar solenni ta’ ħajti hu dak il-waqt meta jiena nitqarben. Nixxennaq għal kull Tqarbina, u għal kull Tqarbina rrodd ħajr lis-Santissima Trinita’.

 

Li kieku l-anġli kienu kapaċi jgħiru, kienu jgħiru għalina għal żewġ affarijiet; waħda li nistgħu nitqarbnu, u l-oħra li nistgħu nbatu.

 

 

1805.            1. + Illum, jiena qed nħejji ruħi għall-miġja Tiegħek bħalma għarusa tħejji ruħha għall-miġja tal-għarus tagħha. Dan l-għarus tiegħi hu l-Mulej. Is-smewwiet ma jesgħuhx. Is-serafini li huma l-eqreb Tiegħu jgħattu wiċċhom u jirrepetu bla heda: Qaddis, Qaddis, Qaddis.

 

Il-Mulej hu l-għarus tiegħi. Lilu jkantawlu l-kori. It-Troni jqimuh. Id-dija Tiegħu tgħatti x-xemx. U xorta waħda dan il-Mulej kbir hu l-Għarus tiegħi. Qalbi, tkomplix tagħmel din il-meditazzjoni profonda fuq kif jadurawh l-oħrajn, għax ma baqagħlekx ħin għal dan, għax Hu ġej u diġa’ jinsab fil-bieb.

 

 

1806.            Jiena noħroġ sabiex niltaqa’ miegħu, u nistiednu jiġi fl-għamara ta’ qalbi, filwaqt li numilja ruħi profondament quddiem il-majesta’ Tiegħu. Imma l-Mulej jerfagħni mit-trab u jistedinni, bħala l-għarusa Tiegħu, noqgħod bilqiegħda maġenbu u ngħidlu dak kollu li hemm f’qalbi. U jiena nħossni komda miegħu la Hu daqshekk qalbu tajba miegħi, inpoġġi rasi fuq sidru u ngħidlu kollox. L-ewwelnett, ngħidlu affarijiet li qatt ma nasal li ngħidhom lil ebda ħlejqa. U mbagħad nitkellem fuq il-bżonnijiet tal-Knisja, fuq l-erwieħ tal-imsejkna midinbin u kemm huma jeħtieġu l-ħniena Tiegħu. Imma l-ħin malajr jgħaddi. Ġesu’, hemm bżonn li jiena mmur inwettaq id-dmirijiet li hemm jistennewni. Ġesu’ jgħidli li għad baqa’ waqt biex insellmu lil xulxin. Nagħtu ħarsa profonda lejn xulxin, u fid-deher ninfirdu għal ftit; imma, fir-realta’, qatt ma ninfirdu. Il-qlub tagħna jinsabu dejjem magħqudin. Għalkemm minn barra jien inkun distratta bid-dmirijiet tiegħi ta’ kull xorta, il-preżenza ta’ Ġesu’ titfgħani l-ħin kollu f’ġabra profonda.

 

 

1807.            2. + Illum, it-tħejjija tiegħi għall-miġja ta’ Ġesu’ hi qasira, imma mmarkata b’mod profond bi mħabba qawwija. Il-preżenza ta’ Alla tinfidni u tqabbadni bl-imħabba tiegħi għalih. M’hemmx kliem; hemm biss ftehim interjuri. Negħreq f’Alla kollni kemm jien, permezz tal-imħabba. Il-Mulej jersaq lejn l-għamara ta’ qalbi. Wara li nitqarben, għandi biżżejjed attenzjoni f’moħħi biex nerġa’ lura fil-ġinokkjatur tiegħi. Fl-istess ħin, ruħi tinsab mitlufa għal kollox f’Alla, u jiena m’għadnix naf x’qed jiġri madwari. Alla qed jagħtini għarfien interjuri tal-Essenza Divina Tiegħu. Tassew dawn il-mumenti huma qosra, imma jinfdu sa ġewwanett.

 

Ir-ruħ toħroġ mill-kappella f’ġabra profonda, u ma tintilifx malajr f’ħafna distarzzjonijiet. F’ħinijiet bħal dawn, jiena nkun qisni qiegħda mmiss ml-art b’sieq waħda biss. L-ebda sagrifiċċju f’jum bħal dan ma jkun diffiċli jew tqil. Kull sitwazzjoni titlob att ġdid ta’ mħabba.

 

 

1808.            3. + Illum, jiena nistieden lil Ġesu’ ġewwa qalbi, bħala Mħabba. Inti l-istess Imħabba. Il-ġenna kollha taqbad mill-fjamma tiegħek u timtela bl-imħabba. U għalhekk ruħi tixxennaq għalik bħalma fjura tixxennaq għax-xemx. Ġesu’, ejja għaġġel ġewwa qalbi , għax Inti tista’ tara li, bħalma l-fjura hi ħerqana għax-xemx, hekk ukoll qalbi għalik. Jiena niftaħ qalbi bħal kalċi miftuħ sabiex tirċievi mħabbtek.

 

 

1809.            Meta Ġesu’ ġie ġewwa qalbi, kollox ġewwa ruħi kien qed jirtogħod bil-ħajja u bis-sħana. Ġesu’, ħu l-imħabba minn qalbi u ferra’ ġewwa fiha mħabbtek, imħabbtek li qed taqbad u tiddi, li taf kif għandha tissaporti kull sagrifiċċju, li taf  kif għandha tinsa lilha nnifisha kollha kemm hi.

 

Illum, il-jum tiegħi hu mmarkat bis-sagrifiċċju . . .

 

 

1810.            4. + Illum, jiena nħejji ruħi għall-miġja tas-Sultan.

 

Jiena x’jiena, u Inti min Inti, O Mulej, Sultan ta’ glorja eterna? O qalbi, inti taf min ġej għandek illum? Iva, naf imma – ħaġa stramba – minix kapaċi nifhimha. O, li kieku kien sultan biss, imma dan hu s-Sultan tas-Slaten, ir-Re tar-Rejiet. Quddiemu, jitriegħdu s-setgħat u l-qawwiet kollha. Hu ġej ġewwa qalbi llum. Imma qiegħda nisimgħu riesaq.

 

Noħroġ niltaqa’ miegħu u nistiednu. X’ħin daħal fl-għamara ta’ qalbi, tant imliet b’qima li ħassha ħażin bil-biża’ u waqgħet f’riġlejh. Ġesu’ jnewlilha idu u bil-ħlewwa jagħtiha permess tieħu postha maġenbu. Hu jassiguraha u jgħidilha, Ara, Jiena ħallejt it-tron Tiegħi fis-sema sabiex ningħaqad miegħek. Dak li qiegħda tara hu biss ftit u diġa’ ruħek qed tħossha tintilef minn sensiha bl-imħabba. Kemm għad tistagħġeb qalbek meta inti għad tarani fil-glorja Tiegħi kollha.

 

 

1811.            Imma Jiena rrid ngħidlek li l-ħajja ta’ dejjem trid tibda diġa’ hawn fl-art permezz tat-Tqarbin Imqaddes. Kull Tqarbina tagħmlek iktar kapaċi tikkomunika ma’ Alla matul l-eternita’.

 

U għalhekk, Sultan tiegħi, jiena ma nitolbok xejn, għalkemm naf li Inti tista’ tagħtini kollox. Ħaġa waħda biss nitolbok: ibqa’ għal dejjem is-Sultan ta’ qalbi; dak biżżejjed għalija.

 

 

1812.            Illum qiegħda nġedded l-att tiegħi ta’ sottomissjoni lejn is-Sultan tiegħi, permezz ta’ fedelta’ lejn l-ispirazzjonijiet interjuri tiegħi.

 

 

1813.            5. + Illum, minix qiegħda nisforza  lili nnifsi biex inħejji ruħi b’xi preparamenti speċjali. Ma nista’ naħseb fuq xejn, għalkemm qiegħda nħoss ħafna affarijiet. Nixxennaq għall-ħin meta Alla ser jiġi ġewwa qalbi. Nintefa’ f’dirgħajh u nkellmu dwar in-nuqqas ta’ kapaċita’ u l-miżerja tiegħi. Inferra’ l-uġigħ kollu ta’ qalbi, għax minix kapaċi nħobbu daqskemm irrid. Inħeġġeġ ġewwa fija atti ta’ fidi, tama u mħabba u matul l-ġurnata jiena ngħix b’din il-ħaġa.

 

 

1814.            6. + Illum, it-tħejjija tiegħi hi qasira. Fidi qawwija u ħajja għoddha tqaċċat minn nofs il-velu tal-imħabba. Il-preżenza ta’ Alla tinfed lil ruħi bħalma raġġ tax-xemx jinfed il-kristall. F’dak il-waqt li jiena nirċievi lil Alla, l-esseri tiegħi kollni kemm jiena jintilef fih. Stagħġib u ammirazzjoni jimlewni kollni kemm jiena meta nara l-majesta’ kbira ta’ Alla, li tinżel sa ħdejja li jiena l-istess miżerja. Minn ġo ruħi toħroġ gratitudni mmensa lejh għall-grazzji kollha li Hu jagħtini, u l-aktar għall-grazzja li ġejt imsejħa sabiex inservi lilu biss.

 

 

1815.            7. + Illum, fit-Tqarbin Imqaddes, jiena rrid ningħaqad kemm jista’ jkun mill-qrib ma’ Ġesu’, permezz tal-imħabba. Tant nixxennaq għal Alla b’ħerqa li jidhirli li qatt m’hu ser jasal il-waqt meta s-saċerdot iqarbinni. Ruħi donna tintilef minn sensiha tant kemm tixxennaq għal Alla.

 

 

1816.            X’ħin irċevejtu f’qalbi, iċċarrat il-velu tal-fidi. Rajt lil Ġesu’ li qalli, Binti, imħabbtek tpattili għall-kesħa ta’ tant erwieħ. Wara dan il-kliem, erġajt sibt ruħi waħdi, imma matul il-jum kollu għext f’att ta’ riparazzjoni.

 

 

1817.            8. + Illum, qiegħda nħoss abbiss ta’ miżerja ġewwa ruħi. Irrid nersaq lejn it-Tqarbin Imqaddes bħallikieku lejn għajn ta’ ħniena u negħreq għal kollox f’dan l-oċejan ta’ mħabba.

 

X’ħin irċevejt lil Ġesu’, intfajt ġo fih bħal f’abbiss ta’ ħniena bla tarf. U iktar ma ħassejt li jiena l-istess miżerja, iktar kibret il-fiduċja tiegħi fih.

 

Għaddejt il-jum kollu f’dan l-istat.

 

 

1818.            9. + Illum, ruħi għandha d-disposizzjoni ta’ tifla. Ningħaqad ma’ Alla bħalma tifla tingħaqad ma’ missierha. Inħossni b’mod sħiħ bint Alla.

 

 

1819.            X’ħin tqarbint, kelli għarfien iktar profond tal-Missier tas-Sema u ta’ kif hu l-Missier tal-erwieħ. Illum jiena qiegħda ngħix filwaqt li nigglorifika t-Trinita’ Qaddisa. Irrodd ħajr lil Alla li ndejna jadottana bħala wliedu, permezz tal-grazzja.

 

 

1820.            10. + Illum, irrid ninbidel, kollni kemm jiena, fl-imħabba ta’ Ġesu’ u noffri lili nnifsi, flimkien miegħu, lill-Missier tas-Sema.

 

Waqt il-Quddiesa, rajt lill-Bambin Ġesu’ fil-kalċi, u Hu qalli, Qiegħed ngħammar ġewwa qalbek bħalma qed tarani f’dan il-kalċi.

 

 

1821.            Wara t-Tqarbin Imqaddes, ħassejt it-taħbit tal-Qalb ta’ Ġesu’ ġewwa qalbi.

 

Għalkemm sirt konxja għal żmien twil, li t-Tqarbin ikompli ġewwa fija sat-Tqarbina ta’ wara, illum – u matul il-jum kollu – qiegħda nadura lil Ġesu’ ġewwa qalbi u nitolbu, permezz tal-grazzja Tiegħu, iħares lit-tfal ċkejknin mill-ħażen li qed jheddihom. Preżenza qawwija ta’ Alla u li tinħass ukoll fiżikament tkompli matul il-jum u ma ttellifnix bl-ebda mod id-dmirijiet tiegħi.

 

 

1822.            11. + Illum, ruħi tixtieq turi, b’mod speċjali, imħabbitha lejn Ġesu’. X’ħin il-Mulej daħal ġewwa qalbi, intfajt f’riġlejh bħal blanzun ta’ warda. Irrid li l-fwieħa ta’ mħabbti titla’ l-ħin kollu quddiem it-tron Tiegħek. Qiegħed tara, Ġesu’, f’dan il-blanzun, qalbi kollha (offerta) lilek, mhux issa biss meta qalbi qiegħda taqbad bħal faħam, imma wkoll matul il-jum, meta jiena ser nagħtik provi ta’ mħabbti permezz ta’ fedelta’ lejn il-grazzja divina.

 

Illum, ser naħtaf, bħallikieku kienu blanzuni, d-diffikultajiet u t-tbatijiet kollha li niltaqa’ magħhom u nitfagħhom f’riġlejn Ġesu’. Ma jimpurtax jekk l-id, jew il-qalb, tnixxi id-demm . . .

 

 

1823.            12. + Illum, ruħi qiegħda titħejja għall-miġja tas-Salvatur tiegħi, li Hu l-istess tjubija u mħabba. Tentazzjonijiet u distrazzjonijiet jitturmentawni u jħallunix inħejji ruħi għall-miġja tal-Mulej. Għalhekk jiena nixtieq b’ħerqa ikbar li nirċevik, Mulej, għax naf li meta Inti tiġi, Inti teħlisni u ssalvani minn dawn it-turmenti. U jekk hi r-rieda Tiegħek li jiena nbati, għalhekk, ssaħħaħni għat-taqbida.

 

Ġesu’ Salvatur, li ndenjajt li tiġi ġewwa qalbi, keċċi dawn id-distrazzjonijiet li mhumiex qegħdin iħalluni nkellmek.

 

Ġesu’ weġibni, Irridek issir bħal kavallier li għandu esperjenza tal-battalja, li jaf jagħti l-ordnijiet lill-oħrajn meta jkun jinsab fil-qilla tat-taqbida. Bl-istess mod, binti, inti għandek tkun taf kif tirbaħ lilek innifsek f’nofs l-ikbar diffikultajiet, u ma tħalli xejn ibiegħdek minni, lanqas il-waqgħat tiegħek.

 

Illum, ili nitqabad il-jum kollu ma’ċerta diffikulta’ li Inti, Ġesu’ taf biha . . .

 

 

1824.            13. + Illum qalbi qiegħda tirtogħod bil-ferħ. Nixtieq ħafna li Ġesu’ jiġi ġewwa qalbi. Qalbi mxenqa qiegħda taqbad bi mħabba dejjem tiżdied.

 

X’ħin ġie Ġesu’, intfajt f’dirgħajh bħal tifla żgħira. Għidtlu bil-ferħ tiegħi. Ġesu’ qagħad jismagħni nferra’ mħabbti. X’ħin tlabt lil Ġesu’ jaħfirli li ma ħejjejtx ruħi għat-Tqarbin Imqaddes, imma li kont qiegħda l-ħin kollu naħseb kif stajt naqsam Miegħu dan il-ferħ malajr kemm jista’ jkun, Huwa wieġeb li Togħġobni ħafna din it-tħejjija li biha inti lqajtni ġewwa qalbek. Illum, b’mod speċjali Jiena nbierek dan il-ferħ tiegħek. Xejn m’hu ser itellfek dan il-ferħ matul dan il-jum . . .

 

 

1825.            14. + Illum, qiegħda nħejji ruħi għall-miġja tal-Mulej li jista’ kollox, li jista’ jagħmilni perfetta u qaddisa. Qiegħda nħejji ruħi bil-premura kollha sabiex nirċevih, imma ġietni d-diffikulta’ kif nista’ nippreżentalu din il-ħaġa. Warrabtha (din id-diffikulta’) fil-pront. Nippreżentaha bħalma tgħidli qalbi.

 

 

1826.            X’ħin irċevejt lil Ġesu’ fit-Tqarbin Imqaddes, qalbi bdiet tgħajjat kemm tiflaħ, “Ġesu’, ibdilni f’ostja oħra! Jiena rrid inkun ostja ħajja għalik. Inti Mulej kbir u ta’ setgħa bla tarf; tista’ tagħtini din il-grazzja.” U l-Mulej weġibni, Inti ostja ħajja, li togħġob lill-Missier tas-Sema. Imma aħseb ftit: Ostja x’inhi? Sagrifiċċju. U għalhekk . . .?

 

O Ġesu’ tiegħi, qiegħda nifhem xi tfisser “ostja”, xi jfisser sagrifiċċju. Nixtieq li nkun quddiem il-Majesta’ Tiegħek ostja ħajja; jiġifieri, sagrifiċċju ħaj li kuljum ikun qed jaqbad f’ġieħek.

 

Meta saħħti tibda tnin, hu t-Tqarbin Imqaddes li jżommni u jagħtini s-saħħa. Fil-fatt, nibża’ minn dak il-jum li fih jiena ma nitqarbinx. Ruħi tiġbed saħħa barranija mit-Tqarbin.

 

O Ostja ħajja, dawl ta’ ruħi!

 

 

1827.            15. + Illum qiegħda nħejji ruħi għat-Tqarbin Imqaddes bħallikieku għal festa ta’ tieġ, fejn dawk kollha li jieħdu sehem jiddu bi sbuħija li ma titfissirx bil-kliem. U jiena wkoll, ġejt mistiedna għal din l-ikla, imma ma nistax nara dik is-sbuħija ġewwa fija, imma biss abbiss ta’ miżerja. U għalkemm ma nħossnix denja li npoġġi bilqiegħda mal-mejda, nintefa’ f’riġlejn Ġesu’, u nittallab għall-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda. Ladarba jiena naf il-ħniena Tiegħek, jiena għalhekk nersaq lejk, Ġesu’, għax eħfef li tispiċċa l-miżerja tiegħi milli tispiċċa l-ħniena tal-Qalb Tiegħek. Din hi r-raġuni għaliex matul il-jum jiena ser inkompli nitħeġġeġ bil-fiduċja fil-Ħniena Divina.

 

 

1828.            16. + Illum, hawn madwari l-Majesta’ ta’ Alla. M’hemm l-ebda mod kif jiena nista’ ngħin lili nnifsi biex nitħejja aħjar. Ninsab kollni kemm jiena mkebbsa f’Alla. Imħabbtu qiegħda tkebbisli ruħi. Kulma naf hu li jiena nħobb u li jiena maħbuba. Dak biżżejjed għalija. Qiegħda nipprova mill-aħjar li nista’ nkun fidila matul il-jum lejn l-Ispirtu s-Santu sabiex inwettaq dak li jitlobni. Qiegħda nagħmel mill-aħjar biex inżomm is-skiet interjuri sabiex inkun nista’ nisma’ leħnu  . . .

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Tqassir ta’ Kliem

Kif ġew użati fin-noti

 

A.A.S                  Atti tas-Sede Appostolika (Acta Apostolicae Sedis)

A.SF                    Arkivji ta’ Santa Fawstina

A.SF.Tif.             Arkivji ta’ Santa Fawstina

                             Tifkiriet tan-nies li kienu jafuha

A. SJ-K               Arkivji tas-Soċjeta’ ta’ Ġesu’ – Krakovja

A. SMDĦ-K       Arkivji tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena

- Kronaki

A. SMDĦ-KuM Arkivji tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena

- Kronaki u Dokumenti tal-Mewt

A. SMDĦ-M      Arkivji tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena

- Dokumenti tal-Mewt

cf.                         ara

Kost. Kongr.       Kostituzjonijiet tal-Kongregazzjoni (tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena)

 

 

 

 

 

 

Noti

tad-Djarju ta’ Santa Fawstina Kowalska tal-Kongregazzjoni tal-Madonna tal-Ħniena

 

 

1.     Fit-22 ta’ Frar 1931, waqt li kienet qiegħda Plock, Swor Fawstina rċeviet ordni mingħand Ġesu’ sabiex hija tpitter xbieha skont mudell li Hu wrieha. (ara Djarju Nru 47)

 

Il-Qaddisa ppruvat tagħmel dan, imma peress li hi ma kenitx taf it-teknika sabiex tpitter, ma setgħetx tagħmel din il-ħaġa hi stess. Baqgħet tipprova u fittxet l-għajnuna mingħand sorijiet oħrajn u mingħand il-konfessur tagħha.

 

Wara xi snin is-superjuri tagħha bagħtuha Vilnius (Wilno), fejn il-konfessur tagħha, ir-Rev. Prof. Michael Sopocko, li wera interess kif kellha tkun il-pittura b’tama li sa dak iż-żmien ħadd ma kien jaf biha talab lill-pittur Eugene Kazimierowski jpitter ix-xbieha skont l-istruzzjonijiet ta’ Swor Fawstina. Il-pittura tlestiet f’Ġunju 1934 u ġiet imdendla fil-kurudur tal-kunvent tas-Sorijiet Bernardini ħdejn il-Knisja ta’ San Mikiel f’Vilnius, fejn kien rettur Dun Sopocko.

 

Fil-1935, waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tas-sena tal-Ġublew tal-Fidwa tad-Dinja, ix-xbieha tal-Ħniena Divina ġiet trasferita f’Ostra Brama (il-“Bieb tal-Lvant” tal-belt ta’ Vilnius) u poġġewha f’tieqa fil-għoli sabiex tkun tista’ tidher mill-bogħod. Damet hemm mis-26 sat-28 ta’ April. Bil-permess tal-Arċisqof Romuald Jalbrzykowski, fl-4 ta’ April 1937, ix-xbieha ġiet imbierka u poġġewha fil-knisja ta’ San Mikiel f’Vilnius.

 

Fl-1944, twaqqaf kumitat ta’ esperti, bl-ordni tal-Arċisqof Jalbrzykowski, sabiex jagħti l-opinjoni tiegħu dwar ix-xbieha. L-opinjoni tal-esperti kienet li x-xbieha tal-Ħniena Divina, kif impittra minn E. Kazimierowski, kienet xogħol artiskitu u kontribuzzjoni importanti fl-arti reliġjuża kontemporanea.

 

Din ix-xbieha oriġinali għandha diversi karatteristiċi. Fuq sfond sempliċi, u għajnejh iħarsu kemmxejn ‘l isfel, bħallikieku qed iħares minn fuq, lejn min qed jarah. Idu l-leminija hi merfugħa f’ġest ta’ barka; filwaqt li idu x-xellugija qiegħda tifraħ il-libsa fejn tinsab Qalbu (li ma tidhirx), minn fejn jidhru ħerġin żewġ raġġi jiddu, waħda bajda fuq il-lemin, oħra ħamra fuq ix-xellug (meta tħares lejha). Id-dawl minn dawn ir-raġġi jiddi minn ġo idejh u l-libsa Tiegħu.

 

Fl-1943, fi Lwow, fuq talba tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena, Stanley Batowski pitter xbieha oħra, li poġġewha fuq altar tal-ġenb fil-kappella tal-komunita’ li tinsab f’numru 3/9 Triq Żytnia f’żVarsavja. Waqt ir-rewwixta ta’ Varsavja, din il-kappella (u flimkien magħha x-xbieha) ġiet maħruqa.

 

Ix-xbieha li pitter Batowski ntogħġbot minn kulħadd. Dan il-fatt ta l-kuraġġ lis-Superjura Ġenerali tal-Komunita’ tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena sabiex hija titlob lil Batowski biex ipitter xbieha oħra għad-dar ta’ Krakovja, fejn kienet qiegħda diġa’ tixtered il-forma ġdida tad-devozzjoni tal-Ħniena Divina. Ix-xbieha ġiet impittra u ntbatgħet Krakovja fis-6 ta’ Ottubru 1943.

 

Sadattant, is-Superjura tad-dar ta’ Krakovja ġiet avviċinata mill-pittur Adolf Hyla, li offra li jpitter xi tip ta’ xbieha għall-kappella tas-sorijiet bħala offerta votiva wara li hu baqa’ ħaj fil-gwerra. Is-Superjura, Madre Irene Krzyzanowska, wara li kkonsultat mas-sorijiet anzjani u ma’ Patri Andrasz, SJ, issuġġeriet li s-Sur Hyla kellu jpitter ix-xbieha skont l-istruzzjonijiet ta’ Swor Fawstina. Għalhekk, hu ġie mogħti d-deskrizzjoni (li ġiet meħuda mid-Djarju ta’ Swor Fawstina) flimkien ma’ kopja żgħira tax-xbieha kif kienet ġiet impittra minn Eugene Kazimierowski.

 

Ix-xbieha kienet lesta fil-ħarifa tal-1943 u ħaduha fid-dar ta’ Krakovja. Ix-xbieha ta’ Batowski waslet fl-istess żmien. Minħabba dan inqalgħet problema – liema waħda minn dawn ix-xbiehat kellha tinżamm fil-kappella tas-sorijiet? Din il-ħaġa ddeċidieha l-Kardinal Sapieha, li kumbinazzjoni nzerta kien hemm. Huwa ħares sewwa lejn iż-żewġ xbiehat u qal, “Ladarba Hyla pitter ix-xbieha tiegħu bħala offerta votiva, dik ix-xbieha għandha tinżamm fil-kappella tas-sorijiet.” Huwa bierek ix-xbieha u ta ordni li jdendluha. Sal-lum din ix-xbieha għadha tinżamm fuq l-altar tal-ġenb fuq ix-xellug tad-daħla prinċipali, fil-Kappella tal-Konfregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena f’numru 3/9 Triq Wronia fi Krakovja, u hija meqjuma bħala x-xbieha li ġiet impittra fuq l-istruzzjonijiet ta’ Swor Fawstina Kowalska. Nies mill-Polonja kollha u minn pajjiżi oħrajn jiġu quddiem din ix-xbieha ta’ Kristu Ħanin sabiex jitolbuh il-grazzji li jeħtieġu. Ikun hemm ħafna offerti votivi, u kopji ta’ din ix-xbieha jinsabu mxerrdin mad-dinja kollha.

 

ix-xbieha ta’ S. Batowski poġġewha fil-Knisja tal-Ħniena Divina fi Triq Smolensk fi Krakovja. Matul is-snin ħafna artisti oħrajn pittru xbiehat tal-Ħniena Divina ibbażati fuq xbiehat eżistenti jew mid-Djarju ta’ Santa Fawstina.

 

2.     Jiġifieri; fil-pittura.

 

3.     Waqt li kienet qiegħda Vilnius, il-konfessur tagħha, Dun Michael Sopocko, qal lil Swor Fawstina li kellha tikteb l-esperjenzi interjuri tagħha.

 

Meta xi ħadd mill-Kongregazzjoni staqsa għaliex Swor Fawstina kienet qiegħda żżomm djarju, Dun Sopocko wieġeb: “Jien kont professur fis-Seminarju u fl-Iskola tat-Teoloġija fl-Universita’ Stefan Batory f’Vilnius dak iż-żmien. Ma kellix żmien noqgħod nisma’ l-qrar tagħha fit-tul fil-konfessjonarju, għalhekk għidtilha tikteb kollox u mbagħad turihuli minn żmien għal żmien. B’dan il-mod id-Djarju beda jeżisti.” (Ittra ta’ Dun Sopocko li ġġib id-data tas-6 ta’ Marzu 1972).

 

Swor Fawstina ssemmi din l-ordni tal-konfessur f’numru 6 u 839 tad-Djarju.

 

Minbarra din l-ordni tal-konfessur taghha, il-Qaddisa ssemmi, f’ħafna paġni tad-Djarju tagħha, kmand ċar sabiex hija tikteb, mogħti lilha mill-Mulej Ġesu’ nnifsu (ara Djarju numri 372, 459, 895, 965, 1142, 1457, 1665 u oħrajn).

 

4.     Aldona Lipszycowa f’dak iż-żmien kienet qiegħda tgħix f’Ostrowek fir-reġjun ta’ Radzymin. Hija twildet fl-14 ta’ April 1896, fi Tbilisi, fir-Russja, bint Serafin Jastrzrebski u Mary Lemke. Fl-1965/66 hija kienet waħda mix-xhieda fil-kumpilazzjoni tal-proċess tal-Qaddisa.

 

Hija tiftakar, “żewġi kien talab il-kappillan tal-parroċċa ta’ San Ġakbu fis-subborg ta’ Ochota, isib xi ħadd li jkun jista’ jgħinni fix-xogħol tad-dar. Ir-Reverendu Kanonku James Dabrowski, Meta kien kappillan fi Klebow, kien sar il-ħabib ta’ żewġi. Huwa kien li għammdu, bierek iż-żwieġ tagħna u għammed it-tfal kollha tagħna. Ir-Reverendu Kanonku bagħtilna – fis-sajf tal-1924 – lil Helen Kowalska b’nota magħha li hu ma kienx jafha, imma kien qed jispera likella taqdina sewwa. (A.SF.Tif)

 

5.     Il-kunvent tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena li jinsab f’numru 3/9 Triq Zytnia f’Varsavja.

 

6.     Madre Michael – Olga Moraczewska twieldet fl-1873. Għal dawk iż-żminijiet kienu jikkunsidrawha edukata ħafna. Kienet kapaċi titkellem b’diversi lingwi u kienet spiċċat il-kors fil-Konservatorju tal-Mużika. Saret reliġjuża meta ma kenitx tant żgħira fl-eta’. Wara li għamlet l-aħħar professjoni tal-voti tagħha, ġiet magħżula superjura tad-dar ta’ Varsavja. Hija baqgħet f’din il-kariga sal-1928. Wara li temmet il-kariga tagħha s-Superjura Ġenerali M. Leonard Gelicka, hija saret Amministratriċi tal-Kongregazzjoni kollha. Waqt l-amministrazzjoni tagħha bħala Superjura Ġenerali, ġew approvati l-Kostituzzjonijiet tal-Kongregazzjonijiet. Kienet tħobb ħafna l-komunita’ tagħha u fittxet l-iżvilupp spiritwali u materjali tagħha. Hija waqqfet djar ġodda f’Varsavja fis-subborg ta’ Grochow, f’Robka, fi Lwow, u fi Biala, dar affiljata mad-dar ta’ Plock, 10 kilometri ‘l bogħod.

 

Hija mietet fi Krakovja fil-15 ta’ Novembru 1966, u tinsab midfuna fiċ-ċimiterju tal-Kongregazzjoni (A.SMDĦ-K).

 

 

7.     Hija tradizzjoni tal-Komunita’ li s-sorijiet jgħixu taħt l-istess saqaf flimkien mal-Mulej Ġesu’ fl-Ewkaristija. Ladarba l-kappella tad-dar ta’ Varsavja kienet tinsab f’bini maqtugħ għalih ftit metri ‘l bogħod mid-dar tas-sorijiet, inbniet kappella oħra fit-tieni sular tal-kunvent tas-sorijiet. Bil-permess tal-Kurja tal-Arċisqof, inżamm hemmhekk is-Sagrament Imqaddes u, skont il-liġi ekkleżjastika, kienet titqaddes Quddiesa f’ċerti ġranet. Il-kappella kienu jsibuha bl-isem ta’ “Il-Kappella ċ-Ċkejkna” jew “Ġesu’ ż-Żgħir”.

 

8.     Skont id-drawwa tal-Kongregazzjoni, kien jinżamm is-skiet kanoniku mid-9 ta’ filgħaxija ‘l quddiem. Talb privat seta’ jiġi rreċitat fis-skiet. Aktarx li l-Qaddisa ħasbet li talb li kien isir mill-persuna mixħuta minn tulha mal-art, mhux talb fih innifsu, kien imur kontra din id-drawwa.

 

9.      Is-“Superjuri” setgħu kienu s-Superjura Ġenerali u d-direttriċi tal-postulanti, għax huma kienu jiddeċiedu jekk il-Qaddisa kellhiex tirċievi l-abitu u għalhekk tibda’ n-novizzjat fi Krakovja.

 

Is-Superjura Ġenerali dak iż-żmien kienet Madre Leonard Cielecka, imwielda fl-24 ta’ Diċembru, 1850 f’Paplin ziemi Siedleckiej. Hi kienet ġejja minn familja ta’ proprjetarji tal-art, u rċeviet edukazzjoni għolja f’diversi lingwi u fil-mużika. Daħlet fil-Kongregazzjoni fl-1 ta’ Settembru, 1885, għamlet il-voti perpetwi f’Varsavja fl-1893, u ta’ eta’ żgħira ġiet mogħtija pożizzjonijiet ta’ responsabbilta’ fil-Kongregazzjoni. Fl-1908 hija saret superjura tad-dar f’Derdy qrib ta’ Varsavja. Mill-1912 hija saret superjura f’Varsavja, u mill-1918, f’Walendow. Wara li l-Kongregazzjoni nqatgħet mid-Dar Ġeneralizja fi Franza, fl-1922 fl-Ewwel Kapitlu fil-Polonja, hija saret l-ewwel Superjura Ġenerali tad-djar kollha fil-Polonja. Hija żammet din il-kariga għal 6 snin; jiġifieri, sal-1928, u mbagħad saret assistenta tas-Superjura Ġenerali l-ġdida. Hija mietet fl-1 ta’ Novembru 1933.

 

Id-direttriċi tal-postulanti, Madre Jane Bartkiewicz, twieldet fil-31 ta’ Lulju 1858. Daħlet fil-Kongregazzjoni fl-10 ta’ Diċembru 1877, u għamlet il-voti perpetwi tagħha f’Laval, fi Franza fl-1885. Filwaqt li l-Kongregazzjoni tal-Madonna tal-Ħniena kienet tiddependi mid-Dar Ġeneralizja fi Franza, Madre Jane kienet Vigarja Ġenerali tad-djar fil-Polonja.

 

Kienet persuna b’saħħitha u enerġika, xi drabi wkoll despotika. Hija kienet tħobb il-Kongregazzjoni ħafna u kienet tixtiqilha l-ġid, u dan ippruvat tagħmlu b’mod li ma kienx jaqbel man-natura umana. Ir-relazzjoni tagħha mal-kandidati u maż-żgħażagħ li kienu pprofessaw kienet waħda mill-aktar mimlija mħabba u simpatija. Kienet taf kif kella tkun qalbha tajba, imma fl-istess ħin il-metodu tagħha kif kienet tiddixxiplina s-sorijiet kien joħloq atmosfera ta’ biża’.

 

Wara li spiċċat iż-żmien tagħha bħala Vigarja Ġenerali, għamlet żmien bħala Direttriċi tan-Novizzi u tat-tielet prova. Għalhekk matul ħajjitha kollha hija ħasset li kellha l-privileġġ li tikkoreġi lis-sorijiet iż-żgħażagħ. Hi mietet f’Varsavja fl-1 ta’ Lulju 1940. (A.SMDĦ-KuM).

 

10.                       Helen Kowalska waslet fi Krakovja fit-23 ta’ Jannar 1926, sabiex ittemm iż-zżmien tagħha bħala postulanta. Dak inhar stess mietet fi Krakovja Swor Henry Losinska. Swor Henry twieled fl-20 ta’ Jannar 1897. Hija daħlet fil-Komunita’ fl-1920 u kiemet taħdem billi tagħmel iż-żraben (A.SMDĦ-M).

 

11.                       Swor Margaret – Anna Gimbutt, twieldet fl-1857 u daħlet fil-Kongregazzjoni fl-1893. Hija tat servizz kbir lill-Kongregazzjoni, meta wettqet id-dmir ta’ direttriċi tan-Novizzi, Superjura tad-dar f’Vilnius, u mbagħad, Għalliema tat-tielet prova. Kulħadd kien jaf kemm kellha spirtu ta’ ċaħda u mortifikazzjoni, għax kienet tippretendi ħafna minnha nnifisha. Kienet umli u ubbidjenti, dejjem titlob, tispikka fl-osservazzjoni tagħha tar-regola, u b’hekk kienet ta’ eżempju għas-sorijiet, l-aktar għal dawk li kienet tieħu ħsiebhom hi.

 

12.                       L-Isqof Stanislaus Rospond twieled fit-30 ta’ Settembru 1877, f’Liszki qrib Krakovja. Wara li ggradwa mill-iskola sekondarja St. Ann fi Krakovja, huwa daħal is-Seminarju jistudja għas-saċerdozju. Sena wara bagħtuh ikompli l-istudji tiegħu f’Innsbruck u rċieva l-grad ta’ Duttur tat-Teoloġija fl-1904. Ġie ordnat saċerdot fl-10 ta’ Awissu 1901. Sar prefett tas-Seminarju fi Krakovja, u mbagħad, rettur. Kien l-konfessur ordinarju tas-sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena. Ġie kkonsagrat Isqof fit-12 ta’ Ġunju 1927. Għal ħafna snin kien il-Vigarju Ġenerali. Kellu relazzjoni mill-iktar tajba mill-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena. Darbtejn fis-sena kien ikun ċelebrant prinċipali fiċ-ċerimonja tal-vestizzjoni u tal-professjoni tal-voti. Miet fl-14 ta’ Frar 1958, u ġie midfun fil-qabar tal-familja f’Liszki.

 

13.                       Kien jum il-vestizzjoni – 30 ta’ April 1926. Swor Clemens Buczek tiftakar li kienet qiegħda tgħin lill-kandidati jieħdu l-libsa. Kitbet hekk fit-tifkiriet tagħha: “F’Mejju (sic) 1926, kelli nlibbes lil Helen Kowalska. Wara li rċeviet il-libsa ħdejn l-altar, jiena għidtilha: ‘ Helen, ejja ngħaġġlu sabiex illibbsuk il-libsa.’ Helen ħassha ħażin. Mort niġri nġib vażett tal-ammonia biex ixxommu, biex ngħinha terġa’ tiġi f’tagħha... Wara kont noqgħod nittantaha kemm ma riditx titlaq lid-dinja. Kien biss wara l-mewt tagħha li skoprejt ir-raġuni għaliex kien ħassha ħażin ma kienx swied ta’ qalb għax kienet ser tħalli d-dinja warajha, imma ħaġa oħra.”

 

14.                       Swor Mary Joseph, Stephanie Brzoza, twieldet fl-1889. Daħlet fil-kongregazzjoni fl-1909 u għamlet il-voti perpetwi tagħha fil-5 ta’ Mejju 1917. Kienet l-għalliema tal-grupp tat-tfajliet fl-istitut ta’ Krakovja. Fl-1925 bagħtuha fid-Dar Ġenerali tal-Kongregazzjoni f’Laval, Franza, sabiex tkun tista’ tosserva aktar mill-qrib il-formazzjoni tan-novizzi u sbaiex tassorbi l-ispirtu tal-Kongregazzjoni. Meta ġiet lura minn Laval, hija saret direttriċi tan-novizzjat fl-20 ta; Ġunju 1926, sat-30 ta’ Ottubru 1934. Hija kienet direttriċi eżemplari u kienet turi dixxerniment kbir fl-għarfien tal-erwieħ. Kienet esiġenti, imma fl-istess ħin kienet mimlija premura u tjubija bħala omm ma’ kull novizza. Fil-Kapitlu Ġenerali fl-1934, ġiet magħżula membru tal-Kunsill Ġenerali u fl-istess ħin, superjura tal-Kunsill Ġenerali f’Varsavja. Ħames snin wara hija mietet bil-marda tal-kankru fid-19 ta’ Novembru 1939. (A.SMDĦ –K u M.)

 

15.                       Dun Theodore Czaputa kien f’dak iż-żmien il-konfessur tan-novizzjat. Twieled fl-1884 u ġie ordnat saċerdot fis-7 ta’ Lulju 1907. Huwa spiċċa l-istudji teoloġiċi tiegħu fl-Universita’ Jagellonika fi Krakovja. Mill-1916 huwa kien jgħallem ir-reliġjon fl-iskejjel sekondarji fi Krakovja. Imbagħad sar rettur tas-Seminarju Minuri u Imħallef tat-Tribunal. Minn Novembru 1925, sar konfessur tan-novizzi tal-Konsagrazzjoni tal-Madonna tal-Ħniena. Huwa baqa’ joffri dan is-servizz sakemm miet, u n-novizzi kellhom fiduċja kbira fih. Minħabba problemi f’saħħtu, neħħewlu d-dmirijiet ta’ rettur u bagħtuh Lagiewniki biex isir kappillan tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena, Huwa miet fit-2 ta’ Marzu 1945. (A. Kurja ta’ Krakovja).

 

16.                       Is-Superjuri tal-Kongregazzjoni jistgħu jikkmandaw “f’isem l-ubbidjenza qaddisa.” lis-sorijiet professati biss. Novizza mhix obbligata tobdi kmand bħal dan. Jekk id-direttriċi kienet tuża dan il-kliem, kienet tkun tiddependi mir-rieda tajba u l-virtu’ tan-novizza, li permezz tas-sottomissjoni tagħha għall-kmand stegħet tiġi mserrħa minn dawn l- esperjenzi koroh. (Ara Kost. Kongr. Art 96-99)

 

17.                       Aktarx qiegħda tirreferi għall-kliem tal-profeta Isaija (49:15 Jb): “Tista’ mara tinsa it-tarbija tagħha u ma tħennx għal bin ġufha? Imqar jekk din tinsa, jien ma ninsiek qatt!”

 

18.                       Xi dettalji fit-test jissuġerixxu li dan seħħ fid-dar ta’ Varsavja. Is-Superjura kienet Madre Raphael Buczynska. Kienet waħda mis-superjuri li l-iktar li kienu jispikkaw fiha kienu ġudizzju ċar u sod dwar in-nies u l-affarijiet, sens prattiku ħafna, u fl-istess ħin ħajja spiritwali profonda. Hija kienet tħobb il-kongregazzjoni u kien jimpurtaha mit-tkabbir materjali u spiritwali tagħha. Fir-relazzjonijiet tagħha mas-sorijiet kienet mimlija mħabba, kienet tolqot il-musmar fuq rasu u kellha sens ta’ dixxerniment. Kienet kapaċi tagħraf il-merti u tħaddem sewwa id-doni li kull soru kellha. Qatt ma kienet tbaxxi lill-individwu, imma pjutost kienet tipprova tferraħ u tgħin lil kulħadd. M. Raphael – Catherine Buczynska twieldet fit-23 ta’ Diċembru 1879. Daħlet fil-Kongregazzjoni fit-18 ta’ Ottubru 1900, u mietet fit-23 ta’ Diċembru 1956. (A.SMDĦ –K)

 

19.                       Id-deskrizzjoni tindika li din kienet id-dar ta’ Varsavja. Il-kappella kienet tinsab f’bini maqtugħ għalih. L-intrata kienet mill-bitħa. F’dak iż-żmien il-kappella kienu jużawha biss is-sorijiet u l-istudenti tagħhom. Il-lajċi rari kienu jersqu ‘l hemm.

 

20.                       Il-Komunita’ kienet qiegħda tieħu ħsieb djar għal tfajliet li kienu traskurati moralment u “diffiċli”. Lil dawn kienu ġeneralment isejħulhom “studenti”, “tfajliet” jew “tfal”. Kienu jibgħatuhom għand is-sorijiet is-Servizzi tas-Sigurta’ Soċjali jew il-ġenituri, u xi wħud marru hemm minn jeddhom biex jagħmlu “penitenza”. Kien hemm mal-230 tfajla fid-dar ta Zytnia. Kienu maqsumin fi tliet gruppi li kienu jsejħula l-“Omm tal-Klassi”. Id-deskrizzjoni kollha kemm hi tad-dehra kienet qisha tħabbira tad-diffikultajiet li l-Qaddisa kellha tħabbat wiċċha magħhom fil-ħidma tagħha bħala appostlu tal-Ħniena Divina. Tħabbar ukoll it-trijonf finali ta’ din l-opra, u s-sehem tagħha stess fih.

 

21.                       Il-konfessuri kienu Dun Kulesza u Dun Roslaniec; il-konfessur straordinarju kien Patri Aloysius Bukowski, SJ.

 

22.                       Ir-Rev. Prof. Michael Sopocko twieled l-1 ta’ Novembru 1888, f’Nowosady fir-reġjun ta’ Vilnius. Ġie ordnat saċerdot fil-15 ta’ Ġunju 1914. Iktar tard huwa ggradwa  mill-iskola tat-Teoloġija Pastorali fl-Univerista’ ta’ Varsavja u (fl-1924) mill-Istitut Pedagoġiku ta’ l-Istat.

 

Fl-1928 il-Ministeru tar-Reliġjon u Edukazzjoni Pubblika appuntawh għall-Kattedra tat-Teoloġija Pastorali fl-Iskola tat-Teoloġija fl-Universita’ Stefan Batory f’Vilnius.

 

Fl-1934 huwa sar għalliem fl-Universita’ ta’ Varsavja, delegat uffiċjalment għall-Kattedra tat-Teoloġija Pastorali fl-Universita’ ta’ Vilnius. Għal ħafna snin kien konfessur ordinarju tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena mill-1 ta’ Jannar 1933, sal-1 ta’ Jannar 1942. Matul il-gwerra kien professur fis-Seminarju f’Bialystok, fejn kien ġie trasferit is-seminarju ta’ Vilnius. (A.S.F. Awtobiografija).

 

Il-kronaka tad-dar ta’ Krakovja tgħid li Dun Sopocko kien fi Krakovja fit-28 ta’ Awissu 1938. X’aktarx li hu żar lil Santa Fawstina fi Pradnik wara, imma n-noti tagħha jieqfu qabel dik id-data.

 

Ir-Rev. Mons. Dr Michael Sopocko miet fil-jum ta’ l-isem ta’ Swor Fawstina, fil-15 ta’ Frar 1976, fit-8 ta’ filgħaxija f’Bialystok. Il-funeral sar fid-19 ta’ Frar. Iċ-ċelebrant prinċipali kien l-Eċċelenza tiegħu l-Wisq Reverendu l-Isqof Henry Gulbinowiez, l-ordinarju djoċesan. Ikkonċelebraw flimkien miegħu 80 saċerdot. L-Eminenza tiegħu l-Katidral Stephen Wyszynski, Primat tal-Polonja, bagħat telegram biex jesprimi s-sobgħa tiegħu.

 

23.                       Qabel ma waslet Vilnius, Santa Fawstina kienet rat lid-direttur spiritwali futur tagħha f’żewġ dehriet. L-ewwel waħda seħħet f’Varsavja waqt it-tielet prova, it-tieni waħda fi Krakovja. (Ara Djarju, par.53 u 61)

 

24.                       Din ma kenitx it-tuberkulosi, li iktar tard infirxet ma’ ġisimha kollu, imma eżawriment ġenerali minħabba l-ħajja ġdida tagħha, taqbid spiritwali intensiv u esperjenzi li għamluhielha diffiċli li taqdi dmirijietha.

 

25.                       Hija kienet qiegħda taħdem fil-kċina tat-tfajliet, fejn kienu jhejju l-ikel għal iktar minn mitejn ruħ.

 

26.                       Peress li t-tobba ma sabu l-ebda marda organika fi Swor Fawstina, is-sorijiet ħasbu li kienet qiegħda tippretendi li kienet marida, u li kienet tippreferi titlob milli taħdem. (A.SF.Tif).

 

27.                       Hekk kif Sodoma u Gomorra ġew distrutti bin-nar li niżel mis-sema (Ara Ġenesi 19:24), hekk ukoll Varsavja ġiet attwalment distrutta waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, bħalma ġralhom ħafna bliet Pollakki, bil-bombi li twaqqgħu mill-ajruplani u ġarrfu jew ħarqu fejn laqtu.

 

28.                       “Jozefinek”, dar ġdida tal-komunita’ li kient tinsab f’numru 44, Triq Hetmansak fis-sezzjoni Grochow ta’ Varsavja. Id-dar il-ġdida kienet ġiet amministrata mis-Superjura tad-dar fi 3/9 Triq Zyntia.

 

29.                       Il-konfessuri fi Plock kienu r-Rev. Mons. Adolf Modzelewski, ir-Rev. Mons. Louis Wikonski u r-Rev. Waclaw Jezusek.

 

30.                       Is-Superjura tad-dar ta’ Plock kienet Madre Rose – Jane Klobukowska li twieldet fl-1882. Daħlet fil-kongregazzjoni fl-1902, u għamlet il-voti perpetwi tagħha fl-1909. Kienet superjura f’ħafna mid-djar tal-kongregazzjoni. Mill-1934 sal-1945 kienet Assistenta tas-Superjura Ġenerali. Mill-1946 sal-1952 kienet Superjura Ġenerali.

31.                       Patri Joseph Andrasz SJ, twieled f’Zakopane fis-16 ta’ Ottubru 1981. Daħal mal-Ġiżwiti fit-22 ta’ Settembru 1906, u ġie ordnat fid-19 ta’ Marzu 1919. Kien jaħdem fid-Dar tal-Pubblikazzjonijiet tal-Ġiżwiti (Wydawnictwo Apostolstwa Modlitwy) għal tmien snin. Fl-1930 sar il-kap tad-Dar tal-Pubblikazzjonijiet u editur tal-“Messaġġier tal-Qalb ta’ Ġesu” li kien joħroġ kull xahar (Poslaniec Serca Jesuzowego). Mill-1932 huwa kien il-konfessur straordinarju tan-novizzjat tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena. Huwa miet fl-1 ta’ Frar 1963. (A.SJ –K).

 

32.                       Tfulija spirtwali skont il-kunċett ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’. (Ara “Awtobiografija ta’ Ruħ”).

 

33.                       Vilnius tinsab fuq ix-xmara Wilia. Fuq in-naħa l-oħra tax-xmara, il hemm mill-belt, fuq l-għoljiet miksijin siġar, kien hemm l-istazzjonijiet tal-Via Sagra imsejħin “Kalvarju” (bil-Pollakk “Kalwaria”). Il-mixja minn stazzjon għall-ieħor kienu jsejħulha “il-Mixja tal-Mogħdijiet”. Kien possibbli tmur hemm mid-dar tas-sorijiet bid-dgħajsa.

 

34.                       Madre Irene Kryzanowska. Swor Irene – Mary Kryzanowska. Twieldet fil-25 ta’ Novembru 1889. Hija daħlet fil-Kongregazzjoni fis-7 ta’ Diċembru 1916, u għamlet il-voti perpetwi tagħha fit-30 ta’ April 1924. Kienet tħobb ħafna liż-żgħażagħ u kienet mogħtija bis-sħiħ għall-ħidma appostolika. Hija serviet bħala edukatriċi fl-istitut ta-tfajliet, bħala assistenta tad-direttriċi tan-novizzjat, bħala Superjura, u assistenta tas-Superjura Ġenerali. Wara snin ta’ ħidma u sagrifiċċji, hija mietet f’ Wroclaw fit-3 ta’ Diċembru 1971.

 

35.                       Aktarx Swor Justine Golofit, ħabiba minn żmien in-novizzjat. Madre Irene xtaqet taqta’ x-xewqa ta’ Santa Fawstina u appuntatha bħala seħbitha.

 

Swor Justine Golofit twieldet fil-5 ta’ Lulju 1908, u daħlet fil-Kongregazzjoni f’Awissu 1927. Hija għamlet il-voti perpetwi tagħha fit-30 ta’ Ottubru 1934. Wara hija ħadmet fil-kċina f’Varsavja, Vilnius u Radom. Għax kienet marida b’qalbha imbagħad għamlet xogħol eħfef. Kienet waħda mix-xhieda waqt il-Proċess ta’ Informazzjoni ta’ Santa Fawstina.

 

36.                       Biala, raħal qrib Plock (illum magħruf għall-bjar taż-żejt) fejn il-Komunita’ xtrat xi rziezet u kienet waqqfet dar l-mistrieħ għas-sorijiet u għat-tfajliet tad-dar ta’ Plock. Is-sorijiet kienu jgħixu f’razzett żgħir li kien jinsab fil-ġnien, bil-bieb prinċipali fil-ġenb tal-ġnien. Kien hemm daħla quddiem il-bieb prinċipali.

 

37.                       Aktarx Dun Peter Trojanczyk, li kien qed jirkupra saħħtu f’Biala u fl-istess ħin kien qed iservi lis-sorijiet f’affarijiet spiritwali bħala l-kappillan tal-Komunita’. Filwaqt li kienet qiegħda iżżejjen il-kappella bil-fjuri, Swor Fawstina aktarx riedet tpoġġi xi ftit minnhom fil-kmamar tal-kappillan. Ir-Reverendu Peter Trojanczyk twieled fit-3 ta’ April 1887, u ġie ordnat saċerdot fit-22 ta’ Ġunju 1913. Fis-7 ta’ Mejju 1941, ġie arrestat mill-Ġermaniżi u bagħtuh f’kamp f’Dzialdow, fejn ġie maqtul dik is-sena stess. (Pastorali ta’ kull xahar, Plock numru 9, 1949)

 

38.                       It-Tfajliet kienu: Imelda, Edwarda, Ignasia, Margaret u Hedwig Owar (Ara A.SF u ittra J.Owar). L-ewwel erbgħa mietu. Hedwig Owar kienet waħda mix-xhieda fil-Proċess ta’ informazzjoni. L-att li għandu x’jaqsam mad-dehra ġie miktub f’Vilnius fit-28 ta’ Novembru 1934, u ġie ffirmat minn Sowr Fawstina, Swor Taida (li dokumentat id-dikjarazzjonijiet ta’ Swor Fawstina), u Imelda. Madre irene, is-Superjura tad-dar, ivverifikat l-awtentiċita’ tiegħu.

 

39.                       Dawk li kienu Direttriċi tan-Novizzjat għamlu l-Manwal tagħhom dwar il-voti, ibbażat fuq ix-xogħol ta’ Patri Peter Cotelle, SJ, “Katekiżmu tal-Voti”. Kull novizza kellha tikteb il-mistoqsijiet u t-tweġibiet fil-pitazz tagħha u tistudjhom bl-amment.

 

40.                       Fil-komunita’ tal-Madonna tal-Ħniena, is-sorijiet jgħixu fi kmamar flimkien, xi wħud minnhom f’kamra waħda. Il-post li kienet tokkupa kull waħda kien ikun mifrud mill-oħrajn b’ħajt. Dawn il-postijiet mifrudin minn xulxin kienu jsejħulhom ċelel.

 

 

 

41.                       Swor Stanislaus Stepczynska, li kienet tinsab marida, kienet qiegħda fid-dar ta’ Plock f’dak iż-żmien. Meta hija rat li Swor Fawstina kienet iktar miġbura, umli u moħħha fit-talb, hija qagħdet tispija fuqha u ċċekkjat ukoll is-sodda tagħha filwaqt li kienet qiegħda tfittex għal għodda straordinarja ta’ penitenza (din l-informazzjoni ġiet ipprovduta minn Swor Kristina Korzeniowska).

 

42.                       Dan qiegħed x’imkien ieħor fid-djarju. Għal żmien twil Swor Fawstinama kienitx iżżomm noti tal-esperjenzi tagħha u tal-grazzji li kienet taqla’. Kien biss meta l-konfessur tagħha, Dun Sopocko taha ordni ċara, li hi bdiet tikteb l-esperjenzi tagħha hekk kif kienu jseħħu, u oħrajn li seħħew qabel ukoll kif kienet tiftakarhom hi. Wara xi żmien, hija ħarqet in-noti tagħha. Dun Sopocko jagħti dan ir-rapport, “Meta kont fl-Art Imqaddsa għal ftit ġimgħat, xi ħadd li suppost kien anġlu pperswadiha taħraq id-djarju. Bħala penitenza, jien għidtilha terġa’ tibda mill-ġdid dik il-parti li kienet qerdet. Imma sadattant bdew ġejjin esperjenzi ġodda, u hi bdiet tikteb affarijiet ġodda u qodma mħalltin. Għalhekk m’hemmx ordni kronoloġiku fid-djarju.

 

43.                       Hemm indikazzjonijiet li dan seħħ fid-dar fi Triq Zytnia f’Varsavja. F’dak iż-żmien kien hemm dawn is-superjuri: Madre Jane Bartkiewicz. Madre Margaret Gimbutt, Madre Raphael Buczynska, Madre Michael Moraczewska, is-Superjura Ġenerali. Hemm probabblita’ kbira li dan għamlitu Madre Jane Bartkiewicz. li kienet tinteressa ruħha ħafna fis-sorijiet iż-żgħar.

 

44.                       Voti perpetwi. Fil-Kongregazzjoni tal-Madonna tal-Ħniena, is-Superjura Ġenerali, wara li tikkonsulta mal-Kunsill tagħha, kienet jew taċċetta soru professata biex tagħmel il-voti perpetwi jew tgħidilha itlaq wara ħames snin ta’ voti temporanji. (Kost.)

 

45.                       Swor Fawstina kkalmat waqt irtir li kien qed imexxih Patri Andrasz mill-20 ta’ Awissu sat-30 ta’ April 1933. Huwa fehemha u taha pariri siewja kif għandha timxi fit-triq fejn imexxiha Alla.

 

 

 

46.                       Il-Qaddisa kellha f’moħħha hawnhekk it-twettiq tax-xewqat ta’ Alla dwar ix-xbieha mpittra ta’ Kristu bir-raġġi ħomor u bojod u l-firma: “Ġesu’, jiena nafda Fik”; il-qima pubblika tax-xbieha; u t-tagħrif dwar il-kurunella u n-novena tal-Ħniena Divina. Dawn l-esiġenzi kollha twettqu bħala riżultat ta’ l-isforzi ta’ Dun Sopocko.

 

47.                       Swor Fawstina, li kienet postulanta f’dak iż-żmien, kienet qiegħda taħdem fil-kċina ma’ Swor Marcianna Oswiecimska. Swor Marcianna qaltilha taħsel u tbattal il-platti, u telqet. Helen (li iktar tard saret Swor Fawstina) bdiet ix-xogħol imma s-sorijiet baqgħu ġejjin għat-tieni ikla, u kultant xi waħda minnhom kienet titlob lil Helen isserviha l-ikel jew tagħmilha xi pjaċir. Helen ma riditx tgħidilhom le, serviet lil kulħadd, imma x-xogħol li kien ġie assenjat lilha m’għamlitux. Meta Swor Marcianna ġiet lura u rat li l-platti kienu għadhom hemm, ħasbet li Helen ma kenitx tat kas tal-ordni tagħha, u qaltlilha li bħala penitenza kellha toqgħod bil-qiegħda fuq il-mejda, filwaqt  li hi stess għamlet ix-xogħol.

 

Swor Marcianna – Julia Oswiecimska – twieldet fl-1879. Daħlet soru fl-1919. Għal ħafna snin kellha d-dmir ta’ koka. Kienet mimlija enerġija; kienet esiġenti imma mimlija mħabba għall-proxxmu (Tifkiriet ta’ Swor Marcianna.)

 

48.                       Is-superjuri biss jistgħu jagħtu ordnijiet “b’ubbidjenza”, u dan biss f’affarijiet serji. Swor Marcianna, ma setgħatx tagħmlu dan u ċertament m’għamlitux. Hija qalet lil Helen toqgħod bilqeda fuq il-mejda bħala forma ta’ penitenza. Helen stagħġbet b’dan it-tip ta’ penitenza u ħasbitha darbtejn biex tobdi l-ordni. Imbagħad Swor Marcianna staqsiet lill-postulanta: “Din hi l-ubbidjenza tiegħek, Helen?” Swor Fawstina fehmet ħażin din il-mistoqsija u ħasbet li kienet ordni “b’ubbidjenza” (Tifkiriet ta’ Swor Marċianna.)

 

49.                       F’xi djar, inkluża d-dar ta’ Varsavja fi triq Zytnia, is-Sorijiet kien ikollhom l-għassa ta’ bil-lejl. Dawk is-sorijiet li kien ikollhom dan id-dmir kienu jduru mad-dar, jixegħlu d-dawl fil-bitħa, u jittawlu mit-twieqi biex iħarsu d-dar mill-ħallelin.

 

 

50.                       Dan hu l-isem popolari tas-Sorijiet Franġiskani tal-Familja ta’ Marija, kongregazzjoni li ġiet imwaqqfa mill-Arċisqof Felinski fl-1857. Id-dar prinċipali tal-Kongregazzjoni tinsab f’Varsavja, fi Triq Zelazna u qiegħda bieb ma’ bieb mad-dar Ġenerali tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena.

 

51.                       Ara nota numru 7.

 

52.                       Aktarx kienet qiegħda tissostitwixxi lil Swor Modest Rzeczkowska, li kienet marida u kellha tmur għall-kura f’Varsavja (Tifkiriet Swor Pelagia.)

 

53.                       Is-sorijiet kollha jiddedikaw ġurnata fil-bidu tax-xahar għat-tiġdid spiritwali, dak li kienu jgħidulu rtir ta’ ġurnata. F’dak il-jum ma kienx ikun hemm rikreazzjoni. Is-sorijiet iżommu s-skiet u jkollhom siegħa meditazzjoni, it-Triq tas-Salib, eżami tal-kuxjenza ta’ kull xahar, u nofs siegħa meditazzjoni fuq il-mewt (ara Kost. Kongr.)

 

54.                       Kull xahar, kull novizza kellha tgħaddi ġurnata, magħżula mis-Soru Direttriċi, bħala dak li kienu jsejħulu l-jum tal-kruċjata. F’dak il-jum hi kienet obbligata tipprattika iktar ġabra u għaqda mal-Mulej Ġesu’ fl-Ewkaristija, titlob lis-Soru Direttriċi għal xi mortifikazzjonijiet żejda, u toffri x-xogħol, talb u tbatijiet tagħha kollha lill-Mulej Ġesu’ bħala tpattija għall-midinbin. Xi sorijiet kienu jibqgħu għaddejjin b’din il-prattika wkoll wara li jkunu spiċċaw in-novizzjat. 

 

55.                       Swor Fawstina ħalliet 4 faċċati vojta. Aktarx kellha intenzjoni terġa; tmur u timla’ xi esperjenzi mill-passat, imma dan ma għamlitux.

 

56.                       “It-Tielet Prova” kienet  perjodu ta’ thejjija għas-sorijiet li kellhom jagħmlu l-voti perpetwi. Fil-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena, iddum sejra għal ħames xhur. Il-Qaddisa għamlet it-Tielet Prova tagħha fl-1932/33 f’Varsavja. Id-Direttriċi kienet Madre Margaret Gimbutt.

 

57.                       Walendow, dar tal-Kongregazzjoni, kienet tinsab 20 kilometru ‘l bogħod minn Varsavja. Is-sorijiet kellhom dar għat-tfajliet hemmhekk. Fl-1936, fuq suġġeriment tal-Ministeru tal-Ġustizzja, twaqqaf hemmhekk riformatorju għal dawk (it-tfajliet u nisa) li kienu wettqu l-ewwel reat. Minbarra l-irtir, Swor Fawstina kienet Walendow mill-25 ta’ Marzu sa Mejju 1936.

 

58.                       L-irtir mexxieh ir-Rev. Edmund Elter, SJ. Twieled fl-14 ta’ Novembru 1887. Sar Ġiżwita fil-15 ta’ Lulju 1905. Kien imżejjen b’doni eċċezzjonali, studja l-klassiċi, it-teoloġija, u (fl-1919/20) il-liġi internazzjonali fl-Universita’ ta’ Varsavja. Imbagħad mar jistudja Ruma u Franza. Fl-1926 sar Professur tal-Etika fl-Universita’ Gregorjana f’Ruma. Mill-1932 sal-1935 kien Varsavja u mbagħad reġa’ mar lura Ruma bħala Professur tal-omelitikau tar-retorika. Miet f’Ruma fis-27 ta’ Awissu 1955.

 

59.                       Iċ-Ċentru ta’ dik li kienet biċċa art xi kilometru ‘l bogħod minn Walendow, fejn il-Kongregazzjoni għandha dar tat-tfal. Hija parti mill-fondazzjoni tal-Prinċipessa Czetwertynska, li tat lill-Kongregazzjoni biċċa art agrikola, foresta u xi rziezet bħala dar għal tfal li kienu mheddin moralment. Sal-1947 id-dar kienet tiġi amministrata mis-Superjura ta’ Walendow, imma mbagħad saret entita’ indipendenti (Storja tal-Kongregazzjoni).

 

60.                       “Il-Vestjarju”, jiġifieri post fejn kienu jinżammu l-ħwejjeġ tas-sorijiet u kamra fejn kienu jħituhom. Is-sorijiet li kienu jaħdmu hemmhekk kellhom id-dmir iħitu ħwejjeġ ġodda u bjankerija, isewwu u jqassmu lis-sorijiet il-ħwejjeġ u l-bjankerija ġejjin lura mill-ħasil, kif ukoll jipprovdu lis-sorijiet bil-ħwejjeġ meħtieġa.

 

      60a. Ara minn noti 122a.

 

61.                       F’dak iż-żmien il-Kongregazzjoni kienet maqsuma f’żewġ korijiet, dawk li kienu jseħulhom sorijiet direttriċi u sorijiet koadjuturi. Li soru tkun membru ta’ waħda jew tal-oħra kien jiġi deċiż mill-korp tal-gvernaturi tal-Kongregazzjoni fuq il-bażi tal-livell intellettwali, l-eta’ u l-kapaċitajiet tal-kandidata. Is-sorijiet direttriċi kellhom ix-xogħol li jmexxu l-Kongregazzjoni u d-djar tal-penitenti. Is-sorijiet koadjaturi kienu jagħmlu x-xogħol manwali u jservu billi jgħinu lis-sorijiet direttriċi, speċjalment f’dak li kellu x’jaqsam ma’ xogħol fiżiku (Kost. Kongr.)

62.                       Iċ-“ċintorin tal-ħadid” kien speċi ta’ ċintorin magħmul minn gożwajer, li kienu jużawh bħala strument tal-penitenza. Is-Sorijiet setgħu jilbsu ċ-ċintorin bil-permess tas-Superjura imma biss għal ħin speċifiku.

 

63.                       In-naħa l-oħra tas-sala quddiem “il-kappella ż-żgħira” kien hemm is-sala tal-Kongregazzjoni, fejn isiru l-laqgħat.

 

64.                       “Rikreazzjoni”; jiġifieri, il-ħin li s-sorijiet kellhom għal rilassament wara x-xogħol.

 

65.                       Oħt Santa Fawstina ż-żgħira, Wanda Kowalska twieldet fl-1920. Skont l-informazzjoni mogħtija minn oħthom il-kbira, Josephine Jasinska mwielda Kowalska, ftit qabel it-Tieni Gwerra Dinija, Wanda daħlet soru tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Ursolini. Fil-gwerra ħaduha l-Ġermanja biex taħdem f’kamp tax-xogħol. Hi ma reġgħetx marret lura l-Polonja, imma żżewwġet Ingliż u marret miegħu l-Ingliterra. Ftit żmien wara r-raġel inqabad suldat u miet fil-gwerra waqt il-qadi ta’ dmirijietu. Wanda reġgħet marret il-Polonja, imma kellha terġa’ lura l-Ingliterra ftit jiem wara minħabba s-sitwazzjoni politika ta’ dak iż-żmien. Xi snin wara saċerdot mhux magħruf għarraf lill-familja tagħha li Wanda kienet marida serjament u kienet iddaħħlet l-isptar. Minn dak iż-żmien ‘il hawn ħadd ma ħa iżjed aħbarijiet tagħha.

 

66.                       Probabilment wieħed mill-konfessuri ordinarji f’Varsavja.

 

67.                       Assumiet li kellha permess: meta soru kienet tagħmel xi ħaġa mingħajr ma tkun taf biha s-Superjura tagħha, għax kienet tassumi li s-Superjura kienet tagħtiha l-permess sabiex tagħmel dik il-ħaġa.

 

68.                       Is-sorijiet kienu jispiċċaw it-Tielet prova fin-Novizzjat, u b’dan il-mod jintemm il-perjodu ta’ voti temporanji.

 

69.                       Il-faldrappa- biċċa ċarruta kbira sewda b’salib abjad fin-nofs. Skont iċ-ċerimonjal tal-Kongregazzjoni, qabel ma jagħmlu l-voti perpetwi is-sorijiet kienu jinżlu wiċċhom mal-art quddiem l-altar u jiġu miksijin bil-faldrappa bħala simbolu li huma issa mietu għad-dinja. Sadattant, is-sorijiet l-oħrajn kienu jirreċitaw Salm 129, u l-qniepen kienu jdoqqu t-tokk solenni bħal funeral. Is-saċerdot li jkun qed jieħu ħsieb iċ-ċerimonjal, normalment isqof, bl-ilma mbierek iroxx is-sorijiet li jkunu fl-art u mbagħad kien jgħid: “Qumu bil-wieqfa, intom li intom mejtin għad-dinja, u Ġesu’ Kristu jdawwalkom.”

 

 

70.                       Nistgħu nissoponu li Swor fawstina qiegħda tirreferi hawnhekk għal Patri Elter, SJ, li waqt l-irtir qabel it-Tielet Prova, ikkalmaha u ħeġġiġha li tkun fidila mal-grazzji li Alla kien qed jagħtiha.

 

71.                       Ara nota 32.

 

72.                       Kien hemm drawwa fil-Kongregazzjoni li, kull xahar, is-sorijiet kienu jitolbu lis-superjura permess sabiex jipprattikaw mortifikazzjonijiet żgħar, jgħidu xi talb żejjed, ikollhom xi affarijiet żgħar li jkunu jistgħu jiddisponu minnhom, jiġu meħlusin għax xi żmien milli josservaw ir-regolamenti li ma setgħux iżommu, u ħafna affarijiet oħrajn skont il-bżonnijiet individwali tas-soru li tkun.

 

73.                       L-isqof Rospond, ħabib kbir tal-Kongregazzjoni, li għal ħafna snin ippresieda fuq iċ-ċerimonji tal-għoti tal-libsa u tal-voti, iċċelebra l-Quddiesa u għamel l-omelija tal-okkażjoni. Waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-libsa huwa kien jippreżenta lill-postulanta l-libsa u l-velu; lin-novizzi kien jippreżentalhom iċ-ċintura u r-Rużarju, il-Kurċifiss u l-velu l-iswed; lil dawk li kienu jipprofessaw b’mod temporanju kien jippreżentalhom xemgħa tixgħel u ċurkett sinjal tal-għerusija perpetwa mal-Mulej Ġesu’. (ara 12)

 

74.                       Il-Ġiżwiti jagħmlu rtir ta’ tletin jum waqt it-tielet prova tagħhom, qabel il-voti perpetwi.

 

75.                       Is-Superjura f’Czestochowa f’dak iż-żmien kienet Madre Seraphina Kukulska. Swor Seraphina, mgħammda Salomea, twieldet fit-30 ta’ Novembru 1873. Daħlet soru mal-Kongregazzjoni fit-18 ta’ Lulju1894. Kienet għalliema ta’ grupp u mbagħad Superjura fi Krakovja, F’Czestochowa u f’Walendow. Hija mietet fl-10 ta’Ġunju 1964. (A.SMDĦ – K u M)

 

76.                       Il-formazzjoni ta-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena hija bbażata fuq l-axxetika ta’ Sant’ Inazju ta’ Loyola, li jiddistingwi tliet gradi ta’ umilta’.

 

77.                       Ix-xbieha ġiet impittra f’Vilnius mill-artist Eugene Kazimierowski. (ara1)

 

78.                       Aktarx Swor Philomena Andreika, mietet f’Varsavja fit-13 ta’ Lulju 1934 fil-4.45pm.

 

79.                       Is-sorijiet kollha li kienu f’sikkithom kienu jagħmlu adorazzjoni ta’ tpattija, li kienu jsejħulha siegħa adorazzjoni, kull Ħamis mid-9 sal-10pm. Lejliet l-ewwel Ġimgħa ta’ kull xahar, l-adorazzjoni kienet tibqa’ sejra l-lejl kollu, bis-sorijiet jinbidlu kull siegħa.

 

80.                       Dr Helen Maciejewska, li twieldet fl-1888, kienet tabiba tas-sorijiet f’Vilnius. Fi Frar tal-1935 hija marret Wilejka biex issir direttriċi tal-isptar tal-provinċja. Kienet tabiba tajba u stmata. Ta’ min jinnota li kellha moħħ kapaċi jifhem u qalb sensittiva u lesta li tissagrifika ruħha għall-morda. Hija mietet fil-21 ta’ Settembru 1965.

 

80a. Ara numru 220a min-noti.

 

81.                       Hemm knisja tal-Ħniena Divina fi Triq Smolensk fi Krakovja, li ġiet mibnija fl-1629. Il-festa tal-patrun tagħha tiġi ċċelebrata fl-14 ta’ Settembru, il-Festa ta l-Eżaltazzjoni tas-Salib.

 

82.                       Il-Kapitlu (bil-Pollakk Kapitula) – laqgħa li fiha s-superjura tad-dar kienet tagħmel eżortazzjoni żgħira u xi kummenti fuq l-osservanza tar-regola, u s-sorijiet kienu jakkużaw lilhom nnfushom b’xi nuqqasijiet esterni.

 

83.                       Is-superjura f’Vilnius f’dan iż-żmien kienet Swor Borgia – Hedwig Tichy. Twieldet fil-25 ta’Jannar 1887. Daħlet soru mal-Kongregazzjoni fl-1913. Kienet infermiera, u s-superjura wkoll f’Vilnius u f’Walendow. Hija mietet f’Wroclaw fis-26 ta’ April 1970. Hija xehdet fil-proċess tal-informazzjoni.

 

84.                       Aktarx Swor Frances tas-Sorijiet Bernardini, li fil-15 ta’ Jannar 1936, għamlet żjara mas-Superjura tagħha lis-Sorijiet f’Vilnius. (A.SMDĦ – K).

 

85.                       “Il-Barka” – funzjoni żgħira li kienet tispiċċa bil-barka tas-Sagrament Imqaddes.

 

86.                       Il-katina, bħaċ-ċintorin (ara 62), kienet magħmula mill-ġożwajer f’forma ta’ brazzuletta u tintuża bħala strument ta’ pentitenza.

 

87.                       Nafu mill-ittra li Dun Sopocko kiteb f’Novembru 1937, lil Swor Faustina li hu kien tkellem man-nunzju, l-Arċisqof Cortesi, biex titwaqqaf il-festa tal-Ħniena Divina. Hu kien qed jispera li n-nunzju kien ser jippreżenta t-talba lill-Papa (ara Ittri 160)

 

88.                       Il-mod kif hi kienet iżżomm ir-riżoluzzjonijiet fuq paġni ġodda ġie riprodott skont kif kien imdaħħal fid-djarju oriġinali.

89.                       Id-dehra tikkonċerna lil Dun Sopocko, li kellu jbati ħafna minħabba l-qerda tad-devozzjoni tal-Ħniena Divina. Il-profezija seħħet kważi litteralment. Id-Digriet Numru 65/52 tas-Sagra Kongerazzjoni tas’Sant’ Uffizzju bid-data 28 ta’ Novembru 1958, u n-notifikazzjoni tas-6 ta’ Marzu 1959 waqqfu it-tixrid tad-devozzjoni tal-Ħniena Divina, fil-forma kif ġiet mogħtija minn Swor Fawstina. B’riżultat ta’ dan, ix-xbihat li kienu ġew imdendlin f’ħafna knejjes tneħħew. Is-saċerdoti ma baqgħux jippridkaw fuq il-Ħniena Divina. Dun Sopocko stess ġie mogħti twissija severa mis-Santa Sede u bata ħafna tbatijiet oħrajn minħabba t-tixrid tad-devozzjoni tal-Ħniena Divina.

 

Il-Kongregazzjoni tal-Madonna tal-Ħniena wkoll ġiet imwaqqfa milli xxerred id-devozzjoni; bħala konsegwenza ta’ dan, ix-xbihat, il-kurunella, in-novena u l-affarijiet l-oħrajn kollha li setgħu jagħtu xi ħjiel li kienet qiegħda tixtered id-devozzjoni ma tħallewx jitkomplew. Kien qed jidher li l-opra tal-ħniena, tant irrikmandata minn Swor Fawstina, kienet inqerdet u se tintesa.

 

Sakemm ħarġet in-notifikazzjoni, ix-xbieha tal-Ħniena Divina rċeviet qima kbira fid-dar tal-Kongregazzjoni fi Krakovja, fejn mietet Swor Fawstina u kienet miksija b’offerti votivi. Kienet issir Quddiesa solenni fit-tielet Ħadd ta’ kull xahar, u s-saċerdoti kienu jippridkaw dwar il-Ħniena Divina. L-Ewwel Ħadd fuq l-Għid kien jiġi ċċelebrat bħala l-Festa tal-Ħniena Divina, li l-Kardinal Adam Sapieha fl-1951 kien żejjinha b’indulġenza plenarja għal seba’ snin.

 

Minħabba l-projbizzjoni tas-Santa Sede, is-sorijiet talbu l-Ordinarju tal-Arċidjoċesi ta’ Krakovja, l-Arċisqof Baziak, jiddeċiedi x’kellu jsir bix-xbieha li kienet imdendla fuq l-altar tal-ġenb, miksija b’offerti votivi, u x’kella tkun l-attitudni lejn iċ-ċelebrazzjonijiet ad unur tal-Ħniena Divina. Bħala tweġiba, l-Arċisqof Baziak ordna li x-xbieha titħalla f’postha u l-fidili jitħallew jitolbu quddiem ix-xbieha għall-grazzji li jkollkom bżonn. Ordna wkoll li kellhom jitkomplew iċ-ċelebrazzjonijiet li kienu qed isiru sa dak iż-żmien.

 

B’dan il-mod id-devozzjoni tal-Ħniena Divina baqgħet ħajja fiċ-ċentru tal-Kongregazzjoni fi Krakovja f’munru 3/9 Triq Wronia, fejn jinsab midfun il-ġisem tal-Qaddisa. Fil-preżent, id-devozzjoni qed terġa’ tikber u tiġbed u ġġedded l-interess tat-teoloġi.

 

Ladarba l-ewwel parti tal-profezija tagħha seħħet kważi litterlament, nistgħu nissoponu li l-bqija tagħha għad iseħħ ukoll. Dawn il-fatti li ġejjin jagħtu xhieda li l-profezija tal-Qaddisa hi ġenwina:

Fit-30 ta’ Ġunju 1978, is-Sagra Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi (A.A.S paġna 350) ppublikat “Notifikazzjoni” iffirmata fil-15 ta’ April 1978, mill-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Franjo Seper, Prefett, u l-Arċisqof Jerome amer, OP, Segretarju li tgħid hekk:

 

Minn diversi postijiet, speċjalment mill-Polonja, ukoll mill-awtoritajiet kompetenti, qedgħin jaslu talbiet biex jistaqsu jekk għadhomx jgħoddu l-projbizzjonijiet li kienu msemmija fin-“notifikazzjoni” tas-Sagra Kongregazzjoni tas-Sant’ Uffizzju, ippublikata fil-Atti tas-Sede Apostolika fis-sena 1959, paġna 271, li kellhom x’jaqsmu mad-devozzjoni tal-Ħniena Divina fil-forom proposti minn Swor Fawstina Kowalska.

 

Din is-Sagra Kongregazzjoni, li issa għandha f’idejha l-ħafna dokumenti oriġinali, li ma konniex nafu bihom fl-1959, issa ħadet in konsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li huma profondament differenti u l-opinjoni ta’ ħafna Ordinarji Pollakki, u qiegħda tiddikjara li m’għadhomx jgħoddu l-projbizzjonjiet fin-“Notifikazzjoni” diġa’ msemmija.

 

Fit-12 ta’ Lulju 1979, bi tweġiba lis-Superjur Ġenerali tal-Kongregazzjoni tal-Marjani tal-Kunċizzjoni Immakluata tal-Verġni Imbierka Marija li f’isem is-Superjur Provinjċali tal-Provinċja Amerikana ta’ San Stanislaus Kostka ta’ din il-kongregazzjoni, kien talab spjegazzjoni ċara tal-iskop tat-test fin-“Notifikazzjoni” tal-1978 fejn twaqqfu l-projbizzjonijiet biex tinxtered id-devozzjoni tal-Ħniena Divina kif kienet ġiet proposta minn Swor Fawstina Kowalska, il-Prefett tas-Sagra Kongergazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi aċċerta dan:

 

B’referenza għal dik l-affari (li ġiet imsemmija fl-ittra tas-Superjur Ġenerali), għandi l-unur ninfurmak li bin-“Notifikazzjoni” l-ġdida (A.A.S. 30 ta’ Ġunju 1978, paġna 350) li wasalna għaliha fid-dawl ta’ dokumentazzjoni oriġinali li ġiet eżeminata wkoll permezz tal-intervent kawt u informattiv ta’ dak li kien Arċisqof ta’ dak iż-żmien fi Krakovja, il-Kardinal Karol Wojytla, kienet l-intezjoni tas-Santa Sede li tneħħi l-projbizzjoni li kien hemm fin-“Notifikazzjoni” ta’ qabel, tal-1959 (A.A.S. 1959 paġna 271). Bis-saħħa ta’ dan għandna nifhmu li m’għadx hemm, min-naħa ta’ din is-Sagra Kongregazzjoni, l-ebda mpediment għat-txirid tad-devozzjoni tal-Ħniena Divina fil-forom atwentiċi proposti mis-soru reliġjuża msemmija qabel (il-Qaddisa Swor Fawstina Kowalska).

 

Minbarra dan, id-direttur spiritwali ta’ Santa Fawstina għex biżżejjed biex ikun jista’ jagħti xhieda tiegħu taħt ġurament dwar il-ħajja qaddisa tagħha kif ukoll il-virtujiet erojċi tagħha fil-bidu tal-proċess kanoniku biex tiġi ddikjarata qaddisa. Imbagħad kien biss tlett snin u xahrejn wara mewtu (li ġrat fil-15 ta’ Frar, 1975) li nzertat il-ġurnata tal-festa tal-isem ta’ Swor Fawstina, kif ukoll il-ġurnata meta miet San Claude Colombiere, S.J., li kien id-direttur spirtwali ta’ Santa Margherita Maria Alacoque, li lilha ġiet irrivelta d-devozzjoni tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’) li tneħħiet il-projbizzjoni li kienet ilha hemm għal 20 sena dwar il-ktibiet ta’ Swor Fawstina, u l-forom proposti tal-Messaġġ u tad-Devozzjoni tal-Ħniena Divina reġgħu bdew jixterdu b’interess mill-ġdid mad-dinja kollha.

 

Eżatt sitt xhur wara li l-Papa Pawlu VI neħħa l-projbizzjoni, l-Arċisqof li kien beda l-proċess tal-beatifikazzjoni tagħha ġie elett Papa. It-tieni Enċiklika tal-pontifikat tiegħu kienet Dives of Misericordia (Alla għani fil-Ħniena). Ġiet ippublikata f’Novembru tal-1980. Dawk li mhumiex Kattoliċi laqgħuha fil-pront bħala l-ikbar waħda mill-Enċikliki Papali, għalkemm il-Kattoliċi damu kważi sena biex indunaw kemm kien f’waqtu dan it-tgħalim u kemm kien hemm bżonnu. F’dak iż-żmien, il-Papa Ġwanni Pawlu II kien għadu ma rax id-Djarju spiritwali ta’ Swor Fawstina.

 

Ma kienx biżżejjed li Swor Fawstina ġiet ibbeatifikata fl-1993 u li isimha kien fost il-lista tal-qaddisin għas-sena 2000 tal-Ġublew, imma wkoll waqt l-omelija fl-okkażjoni taċ-ċerimonji tal-kanonizzazzjoni tagħha l-Papa ħabbar li fil-Knisja kollha kellha tinxtered il-Festa tal-Ħniena Divina, li dwar it-twaqqif tagħha l-Mulej Ġesu’ kien għamel pressjoni fuq is-“Segretarja” u l-“Appostlu” tal-ħniena Tiegħu biex hi tagħmel ħilitha kollha. (Il-permess biex it-Tieni Ħadd tal-Għid jiġi ċċelebrat bħala l-Festa tal-Ħniena Divina ġie mogħti lill-Polonja fl-1995 bħala tweġiba għat-talba li saret lis-Santa Sede mill-ġerarkija Pollakka kollha). Il-Ħadd tal-Ħniena Divina qed jiġi ċċelebrat bil-ferħ u b’mod dejjem jikber tista’ tgħid fil-pajjiżi kollha tad-dinja. Dan qed iseħħ ftit iktar minn sittin sena wara l-mewt ta’ Santa Fawstina; filwaqt li kienu għaddew mitt sena qabel ma kienet ġiet stabbilita’ uffiċjalment id-Devozzjoni tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ fil-Knisja – f’dak il-każ kien ġara dan ukoll biss fuq talba tal-isqfijiet kollha tal-Polonja – u kellhom jgħaddu mitt sena oħra qabel ma l-Festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ ġiet estiża għall-Knisja universali.

 

Dan mhux kollox. Qisha twettqet il-profezija ta’ Santa Fawstina: “U mbagħad Alla għad jaħdem b’qawwa kbira, li tkun xiehda tal-awtentiċita’ tagħha. Għad tkun glorja ġdida għall-Knisja, għalkemm ilha teżisti fiha mingħajr ma tidher minn żmien ilu.” Il-Papa ddikjara fl-istess omelija: “Ġesu’ qal lil Swor Fawstina: ‘ L-umanita’ ma ssibx il-paċi jekk hi ma ddurx bil-fiduċja lejn il-ħniena divina’.” Permezz tal-ħidma ta’ din ir-reliġjuża Pollakka, dan il-messaġġ issa ġie assoċjat għal dejjem mas-seklu għoxrin, it-tmiem tat-tieni millenju u l-pont li jwassal għat-tielet millenju. Mhux messaġġ ġdid imma nistgħu nikkunsidrawh bħala don ta’ dawl speċjali li jgħinna nerġgħu ngħixu l-Evanġelju tal-Għid b’mod iktar instensiv, biex noffruh bħala raġġ ta’dawl lin-nisa u l-irġiel ta’ żminijietna. X’ser iġibu magħhom is-snin li ġejjin? Kif ser inkun il-ġejjieni tal-bniedem fuq din l-art? Mhux mogħti lilna li nkunu nafu dan. Iżda hi ħaġa ċerta li minbarra progress ġdid sfortunatament mhux ser jonqsu l-esperjenzi koroh. Imma d-dawl tal-ħniena divina (glorja), li l-Mulej ried b’xi mod jerġa’ jagħtih lid-dinja (ilha teżisti fiha mingħajr ma tidher) permezz tal-kariżma ta’ Swor Fawstina għad idawwal it-triq għall-irġiel u n-nisa tat-tielet millenju (enfasi miżjuda). Din l-aħħar parti tal-profezija wkoll ġiet ivverifikata: “Meta għad jiġi dan it-trijonf, aħna nkunu diġa’ dħalna fil-ħajja ġdida fejn m’hemm l-ebda tbatija. Imma qabel ma jseħħ dan, ir-ruħ (tad-direttur spiritwali) tiegħek għad timtela bl-imrar meta jara l-isforzi tiegħek jiġu meqruda... Imma Alla wiegħed grazzja kbira speċjalment lilek u lil dawk kollha (hawnhekk hi tikkwota l-kliem ta’ Ġesu’)...min ixandar il-ħniena kbira Tiegħi. Jiena stess inħarishom fis-siegħa tal-mewt tagħhom, daqslikieku l-glorja Tiegħi stess.”

 

90.                       L-irtir f’Vilnius, mill-4 ta’ Frar sat-12 ta’ Frar 1935, ġie immexxi minn Patri Macewicz, SJ. Fl-aħħar tal-irtir kien hemm Quddiesa bir-Rit Orjentali, u s-sorijiet tqarbnu biż-żewġ speċi.

 

91.                       Tiġdid tal-voti. Il-kostituzzjinijiet tal-Kongregazzjoni tal-Madonna tal-Ħniena kellhom klawsola li darbtejn fis-sena, wara l-irtir ta’ tmint ijiem, kull soru kellha ġġedded il-voti tal-kastita’, tal-faqar u tal-ubbidjenza, flimkien mal-komunita’ kollha, billi tirreċita b’vuċi għolja formula mqassra, li magħha kienu jżidu din it-talba li ġejja: “Mulejja agħtini l-grazzja li nosservahom b’fedelta’ ikbar milli għamilt s’issa.”

 

92.                       Il-familja ta’ Swor Fawstina kienet tgħix fir-raħal ta’ Glogowiec, distrett ta’ Turek, provinċja ta’ Lodz.

 

93.                       Swor Maria Salomea Olszakowksa mietet f’Ġunju 1962.

 

94.                       Ix-xbieha tal-Ħniena Divina, b’żewġ raġġi, wieħed abjad u l-ieħor aħmar, ġiet impittra minn Eugene Kazimierowski f’Vilnius. Ix-xbieha ġiet esposta għall-qima tal-pubbliku f’Bieb iż-Żerniq fit-tmiem tal-Ġublew tal-Fidwa tad-Dinja, 26 sat-28 ta’ April 1935. (Ara Djarju numru 49 u nota 1).

94a. Dwar din id-distinzjoni li nsibu f’paragrafu 424 fid-Djarju, l-interpretazzjoni ta’ din it-teoloġija dottrinali nbidlet fi żmien il-Konċilju Vatikan II, u għada tiżviluppa.

 

95.                       Swor Fawstina ħasbet li kellha titlaq mill-Kongregazzjoni tal-Madonna tal-Ħniena u tibda komunita’ ġdida, li x-xogħol tagħha kellu jkun li xxerred id-devozzjoni tal-Ħniena Divina u titlob għall-ħniena tad-dinja.

 

96.                       Swor Fawstina kitbet li l-Mulej Ġesu’ kien qed jitlob mingħandha t-twaqqif ta’ Komunita’ ġdida, li l-iskop tagħha kellu jkun li titlob għall-Ħniena Divina għad-dinja u li xxerred id-devozzjoni tal-Ħniena Divina. Peress li ma riedet tagħmel xejn waħedha Swor Fawstina afdat dawn l-ispirazzjonijiet f’idejn il-konfessuer tagħha, Dun Sopocko, fis-Superjura Ġenerali, Madre Michael Moraczewska u, wara li marret Krakovja, ukoll f’Patri J. Andrasz, SJ.

 

Il-konfessuri ma setgħux jiddeċiedu; Madre Michael tat il-permess tagħha wara li damet ittella’ u tinżel għal ħafna żmien, imma għamlet enfasi li ma kienet qiegħda tieħu l-ebda responsabbilta’. Swor Fawstina daret lejn l-Arċisqof Romuald Jalbrzykowski bl-ispirazzjonijiet tagħha. Huwa ma rrifjutax imma qal li kien meħtieġ li wieħed jistenna sinjal iktar ċar mis-sema.

 

Minkejja sforzi kontinwi, Swor Fawstina ma għexitx biżżejjed biex tara it-twaqqif tal-komunita’ ġdida. Kien biss grazzi għall-isforzi ta’ Dun Sopocko li l-affari tqajmet f’laqgħa tas-“Siegħa tal-Bibbja” li saret fl-1941; u fil-15 ta’ Ottubru 1941, l-ewwel kandidata ħadet il-vot tal-kastita’ quddiem Dun Sopocko, u wegħdet faqar u ubbidjenza. Fis-sena ta’ wara kandidati oħrajn ingħaqdu magħha u għamlu voti u wegħdiet simili. Fl-1946 l-ewwel kandidati, Osinska u Nabrowska, telqu minn Vilnius u marru joqgħodu f’Mysliborz, fid-djoċesi ta’ Gorzow. Xi wħud oħrajn ingħaqdu magħhom, u bil-mod il-mod bdiet tiżviluppa l-Kongregazzjoni.

 

Fit-2 ta’ Awissu 1955, l-Ordinarju ta’ Gorzow Zygmunt Szelazek, fuq bażi ta’ awtorizzazzjoni speċjali, waqqaf il-Kongregazzjoni tal-iżjed Qaddis Mulej Ġesu’ Kristu, Feddej Ħanin, li kellha l-iskop li xxerred il-kult tal-Ħniena Divina u li tgħin il-ġerarkija tal-Knisja. B’dan il-mod twettqet ix-xewqa tal-Qaddisa mingħajr il-parteċipazzjoni personali tagħha. (Ara O. Izydor Borkiewicz, OFM Con., il-manuskritt “Kowalska Helena”, paġna 18)

 

 

97.                       Swor Fawstina kellha f’moħħha it-twaqqif tal-komunita’ l-ġdida u kienet qiegħda titlob lil Sant’ Injazju biex jgħinha.

 

98.                       L-irtir ta’ tlett ijiem mit-12 sas-16 ta’ Awissu 1935, sar f’Vilnius u kien imexxi minn Patri Rzyczkowski SJ, li wara laħaq provinċjal tal-provinċja tan-Nord tas-Soċjeta’ li kienet ibbażata f’Varsavja.

 

99.                       L-Arċisqof ta’ Vilnius f’dak iż-żmien kien ir-Rev. Romuald Jalbrzykowski (1876-1955). Huwa ggradwa mis-seminarju ta’ Petersburg (1898-1902) u ġie ordnat saċerdot fl-1901. Sar professuer fis-seminarju f’Sejny u kanonku tal-kapitlu ta’ Sejny. Ġie evakwat fejn għal Petersburg fl-Ewwel Gwerra Dinija u mbagħad mar Minsk, fejn huwa mexxa attivitajiet pastorali, edukattivi u soċjali li kienu mimljin ħajja. Wara xi snin idur minn post għall-ieħor, huwa mar lura f’Sejny fl-1917. Ġie kkonsagrat Isqof fl-1918 u ħadem bħala Awżiljarju fis-sezzjoni Pollakka tad-Djoċesi ta’ Sejny. Mill-1921 ‘l quddiem kien Delegat Apostoliku u fl-1926 sar l-ewwel Ordinarju tad-djoċesi l-ġdida ta’ Lomza. Meta miet il-Metropolita’ ta’ Vilnius, l-Arċisqof Jan Cieplak, huwa assuma l-kmand tad-djoċesi ta’ Vilnius fit-8 ta’ Settembru 1926. Fit-13 ta’ Marzu 1940 ġie arrestat mill-Ġermaniżi u internat fil-monsasteru tal-Patrijiet f’Mariampol fil-Litwanja. Reġa’ lura f’Vilnius fil-5 ta’ Awissu 1944. F’Diċembru tal-istess sena, reġa’ ġie arrestat u għal darb’oħra ġie mitfugħ fil-ħabs f’Vilnius. Wara li spiċċat it-Tieni Gwerra Dinija, kellu jitrassferixxi għal Bialystok, fejn intefa’ b’ruħu u ġismu għall-organizzazzjoni tal-Kurja Metropolitana, appunta saċerdoti f’parroċċi fejn ma kien hemm ħadd u laħħaq ma’ ħafna affarijiet bżonnjużi.

 

Fir-relazzjonijiet tiegħu mal-oħrajn, l-Arċisqof Jalbrzykowski kien bniedem ta’ paċenzja. Imma miegħu nnifsu kien esiġenti ħafna. Huwa miet f’Bialystok fid-19 ta’ Ġunju 1955.

 

100.                 Dun Sopocko poġġa din il-kurunella tal-Ħniena Divina hekk kif tinsab hawnhekk fid-Djarju ta’ Swor Fawstina, fuq il-faċċata ta’ wara s-Santa (kopja tal-pittura ta’ Kazimierowski f’Vilnius) u ġiet ippublikata mid-Dar Editriċi Cebulski fi Krakovja (Ara Ittri #75, 87-90).

 

101.                 Dun Sopocko, peress li ma kienx ċert dwar l-ispirazzjonijiet ta’ Swor Fawstina dwar it-twaqqif ta’ komunita’ ġdida, ried jirreferi l-ħaġa lil saċerdot għall-konsiderazzjoni tiegħu, u għalhekk huwa qal lil Swor Fawstina tagħti rendikont ta’ l-ordnijiet kollha li hi kienet irċeviet lill-konfessur li hi kellha qabel, Patri Andrasz, SJ, fi Krakovja.

 

 

102.                 Il-Kongregazzjoni tal-Madonna tal-Ħniena għandha ċ-ċimiterju tagħha fi Krakovja, li jinsab fi ġnien u hu mifrud mill-bqija tal-Kunvent b’ħajt oħxon li fih entratura wiesgħa. Is-sorijiet u t-tfajliet kollha li kienu fil-kura tagħhom jinsabu midfunin hemmhekk. Swor Fawstina ndifnet hawnhekk ukoll, u ġisimha kien jinsab f’qabar fiċ-ċimiterju sakemm ġie eżaminat fil-25 ta’ Novembru 1966.

 

103.                 Swor Vitalina Maslowska twieldet fl-4 ta’ Diċembru 1852, u mietet fis-6 ta’ Jannar 1939.

 

104.                 Waqt laqgħat individwali ta’ kull xahar mas-Superjura, is-sorijiet kienu jitolbuha permess sabiex jgħidu talb privat li ma kienx inkluż fir-regolamenti tal-Kongregazzjoni (ara72)

 

105.                 M’hemm l-ebda drawwa il-Kongregazzjoni li jiżdied il-kunjom mal-isem reliġjuż. Imma hemm il-possibbilta’ li soru żżid ma’ isimha xi isem li kellu x’jaqsam mad-devozzjoni tagħha, bħalma għamlet, per eżempju, Santa Fawstina meta żieded “tas-Sagrament Imqaddes.”

 

106.                 Fir-reffetorju tas-sorijiet kien hemm tabella fejn is-Superjura kienet tpoġġi l-ismijiet tas-sorijiet li kellhom xi dmir speċjali għall-ġimgħa ta’ wara. F’dan il-każ, hemm referenza għal dmir mal-bieb waqt l-ikel tal-komunita’.

 

107.                 Fil-Kostituzzjonijiet ta’ qabel, it-titlu “Madre” kien riżervat għall-membri tal-Kunsill Ġenerali tal-Kongregazzjoni u s-Superjura kollha tad-djar. It-tfajliet ukoll kienu jindirizzaw lill-edukaturi tagħhom bħala “madre.”

 

108.                 Iż-żmien tal-Postulanti huwa l-ewwel perjodu ta’ prova fil-Kongregazzjoni. Waqt dan iż-żmien il-kandidata ssir taf aħjar il-Kongregazzjoni li hija tixtieq issir membru tagħha, u l-Kongregazzjoni wkoll issir taf lilha.

 

109.                 Wara żmien li tgħaddi bħala Postulanta, il-kandidata kienet tagħmel irtir ta’ tmint ijiem. Waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-libsa hija kienet tirċievi l-libsa ta’ reliġjuża, u tingħata isem ġdid u hekk tibda n-novizzjat tagħha. Dan kien pass ieħor fil-prova biex il-kandidata tagħraf jekk tgħoddx għaliha l-ħajja reliġjuża; u fl-istess żmien, il-kandidata kien ikollha l-opportunita’ ssir taf aħjar il-Kongregazzjoni li tagħha hija kienet ser issir membru.

 

Fil-Kongregazzjoni tal-Madonna tal-Ħniena n-novizzjat idum sentejn. L-ewwel sena, magħrufa bħala “l-kanonikali” hija ddedikata sabiex il-ħajja spiritwali ssir iktar profonda u jindraw il-prattiki tal-kunvent. Waqt dan iż-żmien in-novizza ma kenitx tista’ tattendi skola formali, tgħaddi iż-żmien fl-istudju jew tagħmel xi xogħol li joħdilha l-attenzjoni tagħha kollha.

 

Fit-tieni sena tan-novizzjat, in-novizzi kienu jistgħu, minbarra l-prattiki reliġjużi tagħhom, jistudjaw jew jaħdmu taħt id-direzzjoni tas-sorijiet professi.

 

Jekk, wara dan il-perjodu, il-Kongregazzjoni u n-novizza kienu ikunu sodisfatti, in-novizza kienet tagħmel il-professjoni tal-voti għal sena u ġġeddidhom kull sena għall-ħames snin ta’ wara. Waqt dan iż-żmien, is-soru professa kienet tista’ titlaq mill-Kongregazzjoni jew titkeċċa. Jekk kollox kien imur sewwa, is-soru professa kienet tingħata l-permess li tagħmel il-voti perpetwi (Kost. Kongr.)

 

110.                 Fil-Kongregazzjoni tal-Madonna tal-Ħniena s-sorijiet jagħmlu voti sempliċi. Fil-Kongregazzjoni proposta minn Swor Fawstina, is-sorijiet jagħmlu voti solenni.

 

111.                 L-Uffiċċju – talba liturġika tal-Knisja i tikkonsisti f’salmi u versi qosra. Is-sorijiet kollha obbligati jgħidu l-Uffiċċju.

 

112.                 Il-parti magħluqa, jew il-kjostru, tfisser ċerta parti tal-kunvent ristretta biss għall-membri tal-Kongregazzjoni.

 

113.                 Għal kull dar reliġjuża, l-Ordinarju tal-post kien jappunta konfessur regolari li għandu kellha tmur kull soru sabiex hija tqerr. Skont il-proviżjoni tal-Liġi Kanonika, l-Ordinarju tal-post suppost kellu jappunta wkoll konfessur straordinarju għal kull dar. Id-dmir tiegħu kien li jżur id-dar almenu erba’ darbiet fis-sena sabiex iqarar. Is-sorijiet kollha kellhom immorru għandu, jekk mhux biex iqerru, almenu biex jirċievu l-barka tiegħu.

 

114.                 Il-Qaddisa kellha dehra tad-dar li l-komunita’ kellu jkollha fil-futur. Kienet tinsab f’Vilnius, f’numru 12, Triq Sant’ Anna, u kienet tinsab fi stat ta’ qerda totali. Dun Sopocko ħa ħsieb biex id-dar tiġi restawrata minn flusu stess u kellu l-intenzjoni li xi darba jpoġġi fiha l-komunita’ l-ġdida. Minħabba l-gwerra dawn il-pjanijiet ma seħħewx (Ara l-ittra ta’ Dun Sopocko tal-31 ta’ Marzu, 1972).

 

115.                 “Fit-trab” – mod figurattiv kif il-Qaddisa kienet twieġeb għas-sens ta’ ħtija li hi kienet tħoss.

 

116.                 Fardal tista’ wkoll tfisser diversi affarijiet. Għat-tfal kien minflok qmis, u Swor Fawstina dan li kellha f’moħħha.

 

117.                 Swor Fawstina aktarx rat id-dar tal-Kongregazzjoni tal-Feddej l-Iżjed  Ħanin f’Mysilborz.

 

118.                 Probabilment Patri Ladislaus Wantuchowski SJ, li ħa ħsieb il-Kongregazzjoni tal-Feddej l-Iżjed Ħanin għal għaxar snin filwaqt li Dun Sopocko kien mistoħbi.

 

119.                 Frosta jew strument simili biex jikkawża l-uġigħ użat mir-reliġjużi bħala mezz ta’ penitenza.

 

120.                 Probabilment, is-sawm f’Ras ir-Randan u l-Ġimgħa l-Kbira.

 

121.                 Il-Knisja fil-Polonja aċċettat il-prattika li f’kull kwart tas-sena tliet ijiem – l-Erbgħa, il-Ġimgħa u s-Sibt, magħrufin bħala “ġranet tal-kwattru tempi” – kienu dedikati għas-sawm u l-penitenza, u kien jingħad talb speċjali għas-saċerdoti u għall-vokazzjonijiet għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża.

 

122.                 F’dak iż-żmien is-sawm kien obbligatorju lejliet dawn il-festi: Pentekoste, Marija mtellgħa s-Sema, u l-Qaddisin kollha.

 

122a. Il-qsim tal- wejfer – oplatek bil-pollakk. Il-qsim tal-wejfer hi tradizzjoni Pollakka li tmur lura sal-10 seklu. Il-kelma Oplatek ġejja mill-kelma Oblatum  li tfisser ħobż qaddis. Magħmula minn għaġina mingħajr ħmira, il-wejfer tkun minquxa b’disinji b’tema tal-Milied. Il-qsim tal-wejfer għadu sa llum il-qalba u l-essenza taċ-ċelebrazzjoni ta’ lejliet il-Milied fil-Polonja, u wara l-qsim, il-familja u l-ħbieb jagħtu lil xulxin ix-xewqat tajba għas-sena l-ġdida. Għal aktar tgħarif ara wkoll:

Polish traditions and customs: www.Polstore.com

Jew “The tradition of Christmas” f’The Warsaw Voice, 17 Dec. 2003.

 

123.                 Xi kommunitajiet, inkluża l-Kongreagzzjoni tal-Madonna tal-Ħniena, permezz ta’ att solenni kienu jagħżlu lil Omm Alla bħala s-Superjura Ġenerali tagħhom, u kienu jafdawlha f’idejha l-affarijiet kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ din il-ħajja u l-ħajja li ġejja. L-att sar fil-5 ta’ Awissu 1937, fid-Dar Ġenerali f’ Varsavja. Ħadu sehem is-Superjuri kollha. Imbagħad l-att ġie ripetut fid-djar kollha fil-15 ta’ Awissu 1937, bis-sorijiet kollha tal-Kongregazzjoni jieħdu sehem.

 

124.                 Is-saċerdot kien Dun Sopocko, li jikteb hekk it-tifkiriet tiegħu  ta’ Swor Fawstina: “. . .  il-gwaj li sibt ruħi fih laħaq il-quċċata tiegħu f’Jannar 1936. Qatt ma tkellimt dwar dan ma’ ħadd, u kien biss f’dak il-jum kruċjali li tlabt lil Swor Fawstina t-talb tagħha. B’sorpriża kbira għalija, il-gwaj tiegħi kollu għeb għal kollox f’dak il-jum stess, u Swor Fawstina qaltli li kienet ħadet fuqha stess it-tbatija tiegħi kollha u qatt ma kienet għaddiet minn tant tbatija tiegħi kollha u qatt ma kienet għaddiet minn tant tbatija daqskemm sofriet f’dak il-jum. (A.SF, Tif).

 

125.                 Te Deum, innu ta’ radd il-ħajr, jitkanta fil-festi prinċipali kollha u fid-devozzjonijiet ta’ radd il-ħajr. Il-Kongregazzjonijiet reliġjużi jitolbu bih fil-Matutin. Jgħidu li dan l-innu għamlu Sant’ Ambroġ, għalhekk spiss sejħulu l-“Innu Ambrosjan.”

 

126.                 Probabilment Swor Veronica Rapisz. Twieldet fit-18 ta’ Marzu 1835, daħlet soru mal-Kongregazzjoni fis-16 ta’ Diċembru 1881. Għaddiet ħajjitha kollha bħala reliġjuża taħdem fil-ġnien. Fl-aħħar snin ta’ ħajjitha tat il-ħin kollu tagħha għat-talb. Mietet f’Vilnius fit-28 ta’ Jannar 1936. (A.SMDH – K u M).

 

127.                 “Il-Kongregazzjoni kollha” aktarx tfisser is-sorijiet kollha fid-dar, f’dan il-każ, fid-dar ta’ Vilnius.

 

128.                 Aktarx Dun Anthony Korcik, kappillan tad-dar tal-Kongregazzjoni f’Vilnius mill-10 ta’ Awissu 1934 sal-1940. Dun Korcik twieled madwar l-1892, u ġie ordnat saċerdot fl-1920 għad-djoċesi ta’ Luck u Zytomierz. Huwa ggradwa mill-Iskola tat-Teoloġija tal-Universita’ ta’ Varsavja, u speċjalizza fil-filosofija. Mill-1929 huwa kien jgħallem l-istorja tal-filosofija fl-Universita’ ta’ Vilnius. Meta spiċċat il-gwerra mar Lublin, fejn għallem il-Loġika fl-Iskejjel tat-Teoloġija u l-Filosofija fl-Universita’ Kattolika ta’ Lublin. Huwa miet f’Lublin fl-24 ta’ Ottubru 1969.

 

129.                 Din id-dehra jsemmiha Dun Sopocko fl-ittra tiegħu tal-31 ta’ Marzu 1972.

 

130.                 Bħal fid-djar l-oħrajn, fid-dar ta’ Vilnius is-sorijiet kellhom istitut għat-tfajliet. Dawn xi kultant kienu jieħdu sehem fl-adorazzjoni flimkien mas-sorijiet biex ipattu għad-dnubiet tagħhom stess u tal-oħrajn.

 

131.                 Kienet aktarx Swor Antonina Grejwul, li kitbet hekk fit-tifkiriet tagħha ta’ Swor Fawstina: “Wara l-qrar kont inkwetata u kelli dubju jekk kienx ħafirli l-Mulej Ġesu’. Mort nibki għand Swor Fawstina u għidtilha titlob għalija. L-għada hija qaltli, ‘Sor, inti sibt grazzja ma’ Ġesu’, għax Hu mill-ewwel weġibni li ma kienx inkurlat miegħek minħabba dnubietek, imma kien urtat bil-fatt li inti ma wrejtx fiduċja fil-maħfra Tiegħu. Jiena ser nitlob biex inti terġa’ titħabbeb miegħu.’

 

Swor Antonina Grejwul twieldet fit-13 ta’ Settembru 1877, u daħlet soru mal-Kongregazzjoni f’Vilnius fid-29 ta’ Ġunju 1909. Hija baqgħet Vilnius sakemm għalqet id-dar fl-1945. Waqt it-Tieni Gwerra Dinija, fl-1939, inżammet priġuniera fil-ħabs ta’ Lubiszki f’Vilnius flimkien mas-sorijiet l-oħrajn. Peress li kienet nativa tal-Latvja wara ftit inħelset. Meta s-sorijiet telqu minn Vilnius, bagħtuha fid-dar tal-Kongregazzjoni fi Biala qrib Plock, fejn hija mietet fit-22 ta’ Jannar 1960 (A.SMDĦ – K u M)

 

132.                 Nistgħu nassumu li din kienet Swor Petronela Basiura, li kienet taħdem fil-ġnien qabel ma Swor Fawstina ġiet mibgħuta Vilnius, u għax kienet tiflaħ aktar tawha l-inkarigu li tieħu ħsieb il-baqar. Hija mietet fil-5 ta’ Marzu 1959 f’ Czestochowa (A.SMDĦ – K u M).

 

133.                 Din Kienet aktarx Swor Reġina Jaworska, li kienet taf lill-Qaddisa minn żmien in-novizzjat. Swor Reġina – Valeria Jaworska – twieldet fit-28 ta’ Novembru 1905. Daħlet soru mal-Kongregazzjoni fl-1926 u għamlet il-voti perpetwi tagħha fit-30 ta’ Ottubru 1933. Kienet waħda mix-xhieda fil-proċess ta’ informazzjoni tal-Qaddisa.

 

134.                  Aktarx dan kien il-konfessur regolari tas-Sorijiet f’Walendow, Dun Ceslaus Maliszewski.

 

135.                  Ittra ta’ Dun Sopocko, miktuba f’Vilnius fl-10 ta’ Lulju 1936 (ara ittra 49)

 

136.                 Aktarx il-fuljett ta’ Dun Sopocko jismu “Il-Ħniena Divina” (Studium teologiczne-praytyczne), li ġie ppubblikat f’Vilnius fl-1936. L-imprimatur ingħata mill-Isqof Romuald fit-30 ta’ Ġunju 1936, Numru R. 298/36 (A.SF). Il-qoxra tal-fuljett kienet kopja bil-kulur tax-xbieha li kienet ġiet impittra f’Vilnius minn Eugene Kazimierowski.

 

137.                 Dr Adam Silberg, mis-sanatorju fi Pradnik. Dr Silberg, li kien ikkonverta għall-Kattoliċiżmu, dak iż-żmien kellu xi 40 sena. Fis-snin 1937-1939 (sakemm faqqgħet il-gwerra) kien id-direttur tas-Sanatorji (Pollakk: miejskie zaklaoy sanitarne) tal-Belt fi Pradnik Bialy fi Krakovja, li kienu magħrufin b’mod popolari Sanatorium (dan issa huwa sptar speċjali tal-belt jismu ‘Sptar Dr Anka’.) Huwa kien jgħix fl-iptar stess flimkien ma’ martu u ibnu Kazimierz. Mhux magħruf x’sar minnu wara li bdiet il-gwerra. Skont ma qal is-Sur Ludwik Spytkowski, il-purtinar irtirat tal-isptar, Dr Silberg ipprova jmur lejn il-Lvant, flimkien ma’ martu u l-Ġermaniżi spraw fuqu qrib Lvov. Verżjoni oħra, skont Dr Adamczewski, radjologu fl-isptar, tgħid lil Dr Silberg irnexxielu jmur Franza ma’ grupp ta’ tobba, imbagħad mar l-Iskozja u miet hemmhekk waqt il-gwerra.

 

138.                 Aktarx Swor Fabiola li kellha t-tuberkolożi u għalhekk kienet fl-infermerija. Swor Fabiola Pawluk twieldet fl-1912, daħlet soru mal-Kongregazzjoni fis-16 ta’ April 1934. Hija mietet f’Czestochowka fil-25 ta’ Novembru 1947 (A.MDĦ – K).

 

139.                 Il-Festa tal-Ħniena Divina – bħalma qalet il-Qaddisa – skont ix-xewqa ta’ Ġesu’ kelli tiġi ċċelebrata fl-Ewwel Ħadd fuq l-Għid (ara Djarju par. 49,88,280,299,420,570,699,742)

 

140.                 Il-koka, Swor Bronislaus – Julianna Jaworska, twieldet fl-1886 u daħlet soru tal-Kongregazzjoni fl-1908. Hija mietet fil-11 ta’ Frar 1972.

 

141.                 It-tabib fis-sanatorju ta’ Pradnik ikkonferma li Swor Faustina kellha tuberkolożi fil-pulmun. Huwa ordna li tinżamm separata mill-oħrajn biex ma jkunx hemm infezzjoni. Lil Swor Fawstina poġġewha fil-kamra riservata għal dawk li kienu morda serjament, li kienu jsejħulha l-infermerija.

 

142.                 Dun Sopocko, fl-ittra tiegħu tal-5 ta’ Ottubru 1936, talab lil Swor Fawstina t-test tal-Kurunella u tan-Novena tal-Ħniena Divina.

 

143.                 Dawn is-sorijiet ġew biex jagħmlu l-vorti perpetwi f’dak iż-żmien: Swor Boleslaus Domagalska, imwielda fl-1902; Swor Cyprian Rzad, imwielda fl-1903; Swor Damiana Ziolek, imwielda fl-1909; Swor Marceline Kobrzyniecka, imwielda fl-1906; Swor Pancratia Nalewajko, imwielda fl-1908; Swor Sebastiana Gabinowska (1905-1942). Diffiċli tgħid liema waħda mis-sorijiet fetħet qalbha ma’ Swor Fawstina, imma nistgħu nissopponu li kienet Swor Sebastiana Gabinowska, li spiss kienet tbati minn perjodi ta’ dipressjoni. Hija saħansitra kienet talbet lis-Superjuri tagħha jipposponu d-data tal-voti perpetwi tagħha. Ftit wara l-professjoni perpetwa, hija bdiet turi sintomi ta’ mard mentali. Bagħtuha fl-isptar mentali f’Kobierzyn ħdejn Krakovja. Hija ġralha bħal pazjenti l-oħra fl-okkupazzjoni: ħaduhom u qatluhom il-Ġermaniżi. Aktarx mietet fl-aħħar ta’ Ġunju 1942. (A.SMDĦ- K u M).

 

144.                 F’dan il-każ il-predikatur kien Patri Ladislaus Wojton SJ, li mexxa l-irtir ta’ qabel il-voti mill-20 sad-29 ta’ Ottubru 1936.

 

145.                 Aktarx li Swor Gertrude Budzinska (1875-1966) li għal xi żmien kienet l-istess kamra ta’ Swor Faustina.

 

146.                 Wara n-novizzjat is-sorijiet jagħmlu l-voti temporanji għal sena. Dawn jiġġeddu għal ħames snin. Imbagħad jieħdu l-voti perpetwi. Swor Fawstina għamlet il-voti temporanji (li hi ssejħilhom voti annwali) fit-30 ta’ April 1928.

 

147.                 Din kienet ittra miktuba fil-21 ta’ Settembru 1936, fejn Dun Sopocko informa lil Swor Fawstina dwar l-iżviluppi rigward it-tixrid tad-devozzjoni tal-Ħniena Divina u t-twaqqif tal-komunita’ l-ġdida.

 

148.                 Aktarx dehra tad-dar tal-Kongregazzjoni tal-Feddej l-iżjed Ħanin f’Mysilborz. Il-komunita’ twaqqfet minn Dun Sopocko wara l-mewt ta’ Swor Fawstina. Is-sorijiet ta’ Mysilborz jieħdu ħsieb il-katekeżi tat-tfal.

 

149.                 Aktarx Swor Fawstina hawnhekk għamlet żball dwar l-eta’ tagħha; bħalma tikteb hi stess fid-Djarju, hija rċeviet il-grazzja fl-Ottava ta’ Corpus Christi fl-1925. La hija twieldet fl-1905, kellha 20 sena, mhux 18 fl-1925.

 

150.                 Swor David – Antonina Cedro. Twieldet fis-17 ta’ Settembru 1898, u daħlet soru mal-Kongregazzjoni tas-servi tal-Qalb Imqaddsa (Pollakk Sercanki jew Pelczarki), li kienet ġiet imwaqqfa mill-Isqof Joseph Penczar fl-1894. Sorijiet minn din il-kongregazzjoni kienu jaħdmu fl-isptar ta’ Pradnik.

 

151.                 Swor Felicia – Jane Zakowiecka. Twieldet fl-1900, hija daħlet soru mal-Kongregazzjoni fl-1926 u għamlet il-voti perpetwi fl-1934. Hija kienet l-ekonoma tad-dar f’Vilnius u fi Krakovja, u mbagħad saret Superjura tad-dar f’Rabka u fl-aħħarnett f’Derdy. Hija ltaqgħet mal-Qaddisa f’Vilnius u iktar tard, mill-1936 sal-1938, fi Krakovja. Kienet waħda mix-xhieda fil-proċess ta’ informazzjoni ta’ Swor Fawstina. Hija mietet fid-dar ta’ Wroclaw fis-7 ta’ Novembru 1975.

 

152.                 Id-dar tal-Kongregazzjoni fi Krakovja kienet xi 10 kilometri ‘l bogħod minn Pradnik, fejn kienet tinsab Swor Fawstina. F’dak iż-żmien żjara fis-sanatorju kienet tiswa ħafna ħin u diffikulta’, u għalhekk lil Swor Fawstina ma tantx kienu jżuruha ta’ spiss.

 

153.                 Dan jirreferi ghat-tbatijiet u l-umiljazzjonijiet li sofra Dun Sopocko fl-isforzi tiegħu biex ixerred il-kult tal-Ħniena Divina u jwaqqaf komunita’ ġdida. Swor Fawstina rċeviet għarfien interjuri ta’ dawn it-tbatijiet u kitbet dwar dan fl-ittra lil Dun Sopocko (Nafu dwar din l-ittra miktuba minn Dun Sopocko fis-6 ta’ Marzu 1972).

 

154.                 Swor Chrysostom - Mary Korczak. Twieldet fl-1892, daħlet soru mal-Kongregazzjoni fl-1921. Hija kienet taħdem bħala għalliema tal-gruppi u bħala infermiera. Kellha kuntatt ma’ Swor Fawstina f’Vilnius, u mbagħad fl-aħħar marda ta’ Swor Fawstina fi Krakovja. Hija ġiet magħżula sabiex tkun xhieda fil-proċess ta’ informazzjoni minħabba fl-uffiċċju tagħha.  

 

155.                 Swor Cajetan - Mary Bartkowiak. Twieldet fid-19 ta’ Jannar 1911, u daħlet soru mal-Kongregazzjoni fl-1933. Hija kienet ma’ Swor Fawstina f’Varsavja u fi Krakovja. Hija kienet waħda mix-xhieda fil-proċess ta’ informazzjoni fl-1965/66.

 

155a. Il-qsim tal- wejfer – oplatek bil-pollakk. Il-qsim tal-wejfer hi tradizzjoni Pollakka li tmur lura sal-10 seklu. Il-kelma Oplatek ġejja mill-kelma Oblatum  li tfisser ħobż qaddis. Magħmula minn għaġina mingħajr ħmira, il-wejfer tkun minquxa b’disinji b’tema tal-Milied. Il-qsim tal-wejfer għadu sa llum il-qalba u l-essenza taċ-ċelebrazzjoni ta’ lejliet il-Milied fil-Polonja, u wara l-qsim, il-familja u l-ħbieb jagħtu lil xulxin ix-xewqat tajba għas-sena l-ġdida. Għal aktar tgħarif ara wkoll:

Polish traditions and customs: www.Polstore.com

Jew “The tradition of Christmas” f’The Warsaw Voice, 17 Dec. 2003.

 

156.                 Wara l-Milied, Swor Damiana Ziolek ħadet lil Swor Fawstina lura fl-isptar ta’ Pradnik u kitbet hekk dwar iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-vjaġġ: Billejl ħallew tarbija ċkejkna ħdejn il-bieb tal-kunvent. Filgħodu sabitha Swor Frances, ħadet ħsiebha, ħaslitha u sqietha, u bdiet tara min kien ser jieħu ħsieb it-tarbija. Ġara li ġara tagħhom li ma kellhiex tfal u li riedet tadotta tarbija, saret taf b’din il-ħaġa. Hija aċċettat fil-pront l-offerta tal-Kongregazzjoni, ħadet għandha t-tarbija abbandunata u qablet li tagħtiha isimha stess. Il-karozza tal-kiri li kienet qiegħda tieħu lil Swor Fawstina Pradnik, ħadet ukoll lil din il-mara sal-knisja parrokkjali ta’ Podgorze, fejn għammdu lit-tarbija u dan il-fatt ġie miktub fid-dokumenti.

 

Swor Damiana - Sophia Ziolek: twieldet fit-18 ta’ Ottubru 1911. Hija daħlet soru mal-Kongregazzjoni fl-1927. Hija kellha kuntatt ma’ Swor Fawstina fi Plock fl-1932 u mbagħad fi Krakovja. Hija kienet waħda mix-xhieda fil-proċess ta’ informazzjoni.

 

157.                 Il-knisja ta’ San Ġużepp f’Podgorze. Dun Joseph Niemczynski kien il-kappillan dak iż-żmien.

 

158.                 Swor Damiana Ziolek.

 

159.                 Aktarx Swor Alana - Caroline Wilusz, tal-Kongregazzjoni tas-Servi tal-Qalb Imqaddsa. Hija kienet tbati bil-mard tas-sider u kellha kamra ħdejn dik ta’ Swor Fawstina. Hija twieldet fl-1910 u daħlet soru mal-Kongregazzjoni fl-1929.

 

160.                 Il-Qaddisa ftakret fid-data tat-2 ta’ Jannar 1934, meta hija kienet marret iżżur għall-ewwel darba l-pittur Eugene Kazimierowski biex tagħtih tagħrif dwar il-pittura tax-xbieha tal-Ħniena Divina.

 

161.                 Is-Surepjura tas-Servi tal-Qalb Imqaddsa fl-isptar ta’ Pradnik kienet Swor Sebastian - Helen Wasik (1889-1952).

 

162.                 Aktarx Patri Andrasz, imma seta’ kien ukoll Dun Theodore Czaputa, li żar lil Swor Fawstina fl-isptar u sema’ l-qrar tagħha.

 

163.                 Aktarx Stanislava Kwietniewska, li qabel kienet tfajla li ħadu ħsiebha s-sorijiet u kienet pazjenta fis-sanatorju dak iż-żmien.

 

164.                 Swor Fawstina kienet fis-Sala numru 1 tat-Tuberkulożi, xi 70 pass ‘il bogħod mill-kappella.

 

165.                 Stanislava Kwietniewska (ara 163).

 

166.                 Swor Fawstina qiegħda titlob aktarx għall-intenzjonijiet tal-Arċisqof Jalbrzykowski, Dun Sopocko, u Patri Andrasz.

 

167.                 Kien hemm Kungress Ewkaristuku mit-3 sas-7 ta’ Frar f’Manila fil-Filippini.

 

168.                 Patri Andrasz kien id-direttur spiritwali ta’ Swor Fawstina f’dak iż-żmien, għalhekk nistgħu nissopponu li l-ittra dwar permess għal prattiki żgħar penitenzjali kienet miktuba lilu.  

 

169.                 Aktarx Swor Fawstina qed tirreferi għal Patri Andrasz peress li hu kien id-direttur spiritwali tagħha f’dak iż-żmien, għalkemm il-kliem ta’ tifħir jistgħu jirreferu wkoll għal Dun Sopocko.

 

170.                 “Passjoni” (Pasja) – servizz tar-Randan biex iqim il-Passjoni ta’ Kristu. Kien jitkanta kant (gorkie zale) speċjali tar-Randan waqt is-servizz.  

 

171.                 Fuq il-bażi tal-invokazzjonijiet li jsegwu, Dun Sopocko kkompona Litanija lill-Ħniena Divina, ikkoreġa xi ftit mill-invokazzjonijiet u żied xi ftit minn tiegħu. (ara ittra ta’ Dun Sopocko bid-data tal-14 ta’ Mejju 1972).

 

172.                 Bħala d-direttur spiritwali ta’ Swor Fawstina, Dun Sopocko kien ordnalha biex toqgħod attenta tiġbed linja fid-djarju tagħha taħt dak kollu li hi kienet taħseb li kien ġej minn Alla, u b’mod speċjali dak kollu li kellu x’jaqsam mat-twaqqif tal-Festa tal-Ħniena u l-komunita’ l-ġdida.  

 

173.                 Swor Cornelia Trzaska mietet fi Plock fil-15 ta’ Frar. Hija twieldet fl-1888, daħlet soru fl-1905 u ħadmet fil-Kongregazzjoni bħala skarpan.  

 

174.                 Parti Bonaventura Kadeja tal-Ordni Piarist, Krakovja, Triq Pijariska. Twieled fl-1906, ġie ordnat saċerdot fl-1932. Fil-ħajja reliġjuża kellu d-dmirijiet ta’ Superjur tad-Dar, Kunsillier Ġenerali u Provinċjal. Fl-1965/66 kien imħallef fil-proċess ta’ informazjoni.

 

175.                 Ara nota 65 u l-ittra ta’ Swor Fawstina lil ħutha Natalie u Wanda li ġġib id-data tal-10 ta’ Ġunju 1938 (Ittri #296, 297).

 

176.                 Aktarx profezija li seħħet waqt l-okkupazzjoni Ġermaniża, meta ħafna saċerdoti kienu jiċċelebraw l-Ewkaristija b’mod sigriet fi djar privati u kantini, mingħajr ilbies liturġiku u wkoll f’kampijiet tal-konċentrament bl-ilbies ta’ ħabsin.  

 

177.                 Swor Fawstina, filwaqt li kienet qiegħda tagħmel il-jum tagħha ta’ riflessjoni ta’ kull xahar, approfittat mill-konferenzi li Patri Bonaventura Kadeja kien qiegħed jagħti waqt irtir għall-istaff tas-sanatorju.

 

178.                 Il-kelma “konfessuri donnha turi li lill-Qaddisa qalilha tikteb id-Djarju mhux biss Dun Sopocko, imma wkoll Patri Andrasz.

 

179.                 Id-direttur spiritwali ta’ Swor Fawstina, Dun Michael Sopocko, ftakar fid-doni speċjali li hi kellha: dehriet, illuminazzjonijiet, dawl speċjali li kien idawlilha moħħha, kienet tisma’ vuċijiet interjuri, eċċ. Hawnhekk hija qiegħda tirreferi għal wieħed minn dawn id-doni; jiġifieri, għarfien ta’ ġrajjiet li kellhom x’jaqsmu ma’ nies li kienu jiġu minnha. (ara A.SF. l-ittra ta’ Dun Sopocko’s tas-7 ta’ Marzu 1972).

 

180.                 Fl-aħħar professjoni tal-voti temporanji s-sorijiet kienu jirċievi velu iswed, salib żgħir, kuruna u ċintorin. Swor Fawstina qed tirreferi għal dan is-salib.

 

181.                 Il-Festa tal-Ħniena Divina, fl-Ewwel Ħadd fuq l-Għid.

 

182.                 F’dak iż-żmien il-kappella tal-Kongregazzjoni kienet miftuħa biss għas-sorijiet u t-tfajliet. Kien biss waqt l-okkupazzjoni Ġermaniża li nfetħet għall-pubbliku.

 

183.                 Din id-dehra aktarx tirreferi għall-investigazzjonijiet tal-kitbiet ta’ Swor Fawstina u l-interpretazzjoni żbaljata tagħhom.

 

184.                 Il-kelma Pollokka ciemnica, li tfisser litteralment ċella mudlama,” tirreferi kemm għall-altar ta’ Ħamis ix-Xirka (tar-Repożizzjoni) kif ukoll il-ħabs fejn Ġesu’ għadda l-lejl tal-Passjoni Tiegħu.

 

185.                 Aktarx partijiet tal-Liturġija tal-Ġimgħa Mqaddsa.

 

186.                 Dun Theodore Czaputa, bħala l-kappillan tal-Kongregazzjoni kien jagħmel omelija fil-kappella kull nhar ta’ Ħadd.

 

187.                 Id-Direttriċi tan-Novizzjat f’dak iż-żmien kienet Swor Callista - Helen Piekarczyk. Hija twieldet fit-30 ta’ Marzu 1900 u daħlet soru mal-Kongregazzjoni fl-1920. Hija kienet is-suċċessura ta’ Swor Mary Joseph Brzoza bħala direttriċi fl-10 ta’ Diċembru 1934, u kompliet sat-8 ta’ Settembru 1945. Hija mietet fil-11 ta’ Settembru 1947 (A. SMDM-C).

 

188.                 L-artiklu ta’ Dun Sopocko fuq il-Ħniena Divina li ġiet ppubblikat fil-Vilnius Catholic Weekly (Tygodnik Katolicki, nasz przyjaciel) fl-4 ta’ April 1937, Numru 14.

 

189.                 Fid-dar ta’ Krakovja, il-kappillan, Dun Theodore Czaputa, kien jagħmel lezzjonijiet kull ġimgħa lis-sorjiet fuq suġġetti axxetiċi. Dawn kienu jsejħulhom b’mod familjari “Katekiżmu.” Swor Fawstina aktarx qiegħda tirreferi għal waħda minn dawn il-lezzjonijiet.

 

190.                 Kull sena, minbarra l-irtir ta’ tmint ijiem, is-sorijiet kien ikollhom irtir ta’ tlett ijiem..

 

191.                 Kien qed isir irtir ta’ tmint ijiem fid-dar, qabel il-professjoni tal-voti u l-għoti tal-velu (20-29 April). Kien qed imexxeh Patri Plaza, S.J., Superjur tad-dar provinċjali li kienet tinsab f’numru 8 Maly Rynek, Krakovja (A. SMDĦ-K).

 

192.                 Ma nafux għal liema taħdidiet qiegħda tirreferi d-dehra. Imma nafu li Dun Sopocko bagħat memorjal fuq il-Ħniena Divina lil dawk li ħadu sehem fl-Ewwel Sinodu Plenarju, li sar f’Czestochowa fis-26-27 ta’ Awwissu 1936. Il-Legat tal-Papa, Mons. Marmaggi, ippresieda fis-Sinodu. Aktarx huwa semma l-affari tat-tixrid tal-Festa tal-Ħniena Divina fir-rapport tiegħu fuq is-Sinodu lis-Santa Sede. Dan seta’ wassal għal xi nuqqas ta’ qbil. Nistgħu nissopponu li r-rapport qanqal l-intress tal-Kardinal Eugenio Pacelli, Secretarju tal-Istat (u iktar tard, Papa Piju XII). Imma diffiċli tgħi x’setgħet kienet il-biċċa xogħol. Il-fatt li n-notifikazzjoni li kienet tipprojbixxi d-devozzjoni ma nħarġitx mis-Santa Sede qanel ma miet (28 ta’ Novembru 1958) jista’ jkun jindika li l-attitudni tal-Kardinal Pacelli għall-Ħniena Divina kienet waħda favorevoli.  

 

193.                 Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-ilbies, il-Professjonijiet Temporali u Finali kienu jsiru fil-Kongregazzjoni darbtejn fis-sena f’dak iż-żmien: fir-rebbiegħa fl-aħħar jum ta’ April jew l-ewwel ta’ Mejju, u fil-ħarifa fit-30 ta’ Ottubru.

 

194.                 Is-Santa Sede biss għandha d-dritt teħles lil xi ħadd mill-voti perpetwi.

 

195.                 Dan il-kliem tal-Mulej Ġesu’ lill-Qaddisa jixhed li, minkejja t-talbiet Tiegħu sabiex hija twaqqaf Kongregazzjoni ġdida, hi kellha tibqa’ fil-kongregazzjoni tal-Madonna tal-Ħniena. Id-djalogu tal-Qaddisa mal-Mulej Ġesu’ ikkwotat f’paġna oħra tad-Djarju (ara Djarju par. 1649), fejn Swor Fawstina tilmenta mal-Mulej Ġesu’ li l-Kongregazzjoni tagħha m’għandha l-ebda qaddisa u fejn hija tirċievi din it-tweġiba: inti ser tkun dik il-qaddisa, huwa prova oħra ta’ dan. Huwa fatt li Swor Fawstina baqgħet fil-Kongregazzjoni tal-Madonna tal-Ħniena sakemm mietet, u b’referenza għall-kongregazzjoni l-ġdida hija tat biss linji gwida.

 

196.                 Il-purċissjoni ta’ Corpus Christi lejn l-erba’ altari. Il-purċissjoni kienet tibda mill-knisja parrokkjali ta’ Borek Falecki u kienet tispiċċa fir-raba’ altar, li kien jinsab fil-ġnien tal-Kongregazzjoni. Imbagħad is-Sagrament kien jibqa’ fil-kappella tas-sorijiet.

 

197.                 Il-purċissjoni tas-sorijiet kienet issir dejjem fl-Ottava ta’ Corpus Christi. Kienu jarmaw u jżejnu l-altari fil-ġnien.

 

198.                 Ara dak li kiteb Isidore Borkiewicz, “O stosunku siostry Faustyny do Zgromadzenia Najmilosierniejszego Odkupiciela” (“Il-Konnessjoni ta’ Swor Fawstina mal-Kongregazzjoni tal-Feddej l-Iżjed Ħanin”), paġna 25.

 

199.                 Swor Jolanta, għalliema tal-gruppi fid-dar tal-Vilnius, kienet qiegħda tattendi kors fil-pedagoġija fi Krakovja f’dak iż-żmien (mit-3 ta’ Lulju 1937). Swor Jolanta - Aleksandra Wozniak twieldet fl-1909. Hija daħlet soru mal-Kongregazzjoni fl-1929. Kienet għalliema tal-gruppi, u mbagħad saret Superjura fid-djar ta’ Radom, Czestochowa u Krakovja.

 

200.                 Il-qaddisin patruni tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-madonna tal-Ħniena:

Il-Madonna tal-Ħniena         5 ta’Awissu

Sant’ Inazju ta’ Loyola        31 ta’ Lulju

San Ġużepp                         19 ta’ Marzu

San Mikiel Arkanġlu            29 ta’ Settembru

Santa Marija Maddalena      22 ta’ Lulju

Santa Tereża ta’ Ġesu’        15 ta’ Ottubru

Sant’Antnin ta’ Padova       13 ta’ Ġunju

 

201.                 Kienu qedgħin jidhru ħafna artikli fil-gazzetti Kattoliċi tal-Polonja f’dak iż-żmien dwar kemm in-nazzjon Pollakk ma kienx grat lejn Alla u lejn il-Knisja.

 

202.                 Post fil-għoljiet Karpazji, fejn il-Kongregazzjoni kellha dar żgħira tal-btajjel għas-sorijiet u għat-tfajliet.

 

203.                 Aktarx Swor Helen, li kienet is-Superjura tad-dar ta’ Rabka. Swor Helen – Mary Urbanska twieldet fl-1884, daħlet soru mal-Kongregazzjoni fl-908. Kienet infermiera u fl-1932 ħadet f’idejha t-treġija tad-dar li kienu għadhom kif akkwistaw f’Rabka. Mietet f’Rabka fis-6 ta’ Awissu 1940.

 

204.                 “Ftakar” – talba lil San Ġużepp li l-Kongregazzjoni kollha kienet tgħid kuljum.

 

205.                 Forsi kien wieħed mill-patrijiet Benedittini, Kazimerz Ratkiewicz (1906- 1965), li kien ħabib tas-sorijiet f’Rabka. L-ewwel grupp tal-Benedittini wasal fil-Polonja fl-1936 u mar joqgħod fil-villa “Jaworzyna” f’Rabka, mhux bogħod mid-dar tal-Kongregazzjoni tal-Madonna tal-Ħniena jisimha “Loretto”. Il-patrijiet kienu jqaddsu hemmhekk regolarment, u x-xogħol ta’ Patri Ratkiewicz kien li jqarar is-sorijiet. Kien ħbieb sewwa ma’ “Loretto”, u aktarx ħafna, li kien hu li qarar lil Swor Fawstina.

 

206.                 In-novena li tinsab fid-Djarju ġiet ippublikata fl-1937, b’xi tibdil, f’fuljett li kien jismu Chrystus Krol Milosierdzia (Kristu Sultan tal-Ħniena) mid-dar editriċi J.Celbuski, Krakovja. Il-qoxra kellha stampa bil-kulur ta’ Kristu Ħanin bir-raġġi u l-kliem “Jezu, ufam Tobie” (“ Ġesu’, jiena nafda Fik”). Il-fuljett kien jinkludi n-novena tal-Ħniena Divina, il-Litanija u l-Kurunella. Is-superjura tad-dar ta’ Krakovja, Madre Irene Krzyzanowska kienet tibgħat il-fuljett lid-djar l-oħra tal-Kongregazzjoni. Is-sorijiet kieneu jgħidu t-talb fil-privat, imma ma kinux jafu minn fejn kienu qed joriġinaw.

 

207.                 Skont id-drawwa tal-Kongregazzjoni, kienu jistgħu jidħlu fil-parlatorju s-Superjuri jew sorijiet li kellhom dik il-funzjoni. Is-sorijiet l-oħrajn kienu jistgħu jitlaqgħu mal-mistednin tagħhom biss bil-permess tas-Superjura tad-dar.

 

208.                 Hawn riferenza għall-Imprimatur ta’ żewġ pubblikazzjonijiet: 1. Xbieha ta’ Ġesu’ bil-Kurunella tal-Ħniena Divina fuq wara, li Dun Sopocko akkwista permess għaliha f’Vilnius fl-1 ta’ Settembru 1937 (Numru R. 200/37); 2. Fuljett żgħir bl-isem Chrystus Krol Milosierdzia (Kristu Sultan tal-Ħniena), li kien jinkludi n-novena, il-kurunella u l-litanija tal-Ħniena Divina. L-imprimatur ġie mogħti mill-Kurja Metropolitana ta’ Krakovja. (L. 671/37). It-tnejn li huma ġew ippubblikati mid-dar editriċi J. Celbuski, 22 Triq Szewska, Krakovja.

 

209.                 Aktarx min kiteb ħa żball u qal Awissu minflok Settembru.

 

210.                 Swor Fawstina qalet li l-kanċell kien “deżert” għax min kien ikun għassa mal-kanċell kien jibqa’ mifrud mill-bqija tal-Kongregazzjoni ħafna mill-ġurnata.

 

211.                 Il-Qaddisa kellha żewġ ħutha subien, Stanley u Mecislaus. Iktar tard ħareġ biċ-ċar li kien Stanley li mar iżurha. Huwa twieled fi Glogowieċ fis-26 ta’ Marzu 1912. Iktar tard hu mar jgħix Lodz fejn kien jaħdem ta’ mastrudaxxa, kien jagħmel l-għamara u kien organist.

 

212.                 Poslaniec Serca Jezusowego (Il-Messaġġier tal-Qalb Imqaddsa), ġurnal ta’ kull xahar iddedikat għad-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’, u ppubblikat mill-Ġiżwiti fid-Dar Wydawnictwo Apostolstwa Modlitwy, 26 Triq Kopernik, Krakovja.

 

213.                 Aktarx fil-ħanut ta’ Cebulski, fejn kienu jinbiegħu oġġetti reliġjużi.

 

214.                 Kopja tax-xbieha ta’ Ġesu’ li kien pitter Eugene Kazimirowski magħmula b’mod mhux daqstant tajjeb mis-Sinjorina Balzukiewicz f’Vilnius għall-partirijiet Redentoristi. Iktar tard tfaċċat fi Krakovja.

 

215.                 Kull soru kienet obbligata tieħu sehem darba f’sena f’irtir ta’ tmint ijiem (l-hekk imsejjaħ irtir kbir biex jintgħaraf mill-irtir ta’ tliet ijiem). Fid-dar ta’ Krakovja s-sorijiet professi kienu japprofittaw mill-irtiri li kienu jsiru qabel iċ-ċerimonji tal-għoti tal-velu u l-professjoni tal-voti. Fl-1937 l-irtir sar mill-20 sad-29 ta’ Ottubru, u kien immexxi minn Patri Nitka SJ. Dan kien l-aħħar irtir li Swor Fawstina għamlet flimkien mas-sorijiet.

 

216.                 Kien hemm drawwa fil-Kongregazzjoni li jinżammu rikordji bil-miktub tar-rebħiet u tal-waqgħat interjuri ta’ dak li jkun.

 

217.                 L-għoti tal-velu u l-voti.

 

218.                 Is-salib aktarx kien il-mard tas-sorijiet u tas-Superjura stess. Kien hemm epidemija fit-tul tal-influwenza fid-dar u, minbarra minn dan, dawn is-sorijiet imsemmijien hawnhekk kienu morda serjament: Swor Clemens Buczek, li kienet inkarigata mill-ġnien kienet marida b’gastrite u ulċeri; Swor Virginia Narkiewicz ittieħdet l-isptar minħabba nkwiet serju f’qalbha kkawżat mir-rewmatiżmu; Swor Dominic Szymanska, li kienet marida serjament, mietet fil-15 ta’ Novembru 1937.

 

219.                 Swor Dominic - Josephine Szymanska. Twieldet fit-28 ta’ Novembru 1875, u daħlet soru mal-Kongregazzjoni fl-1897. Hija ħadmet fid-dar ta’ Krakovja għal 30 sena bħala skarpan, u tant saret esperta f’din is-sengħa li kienet tgħallem lis-sorijiet żgħażagħ. Hija mietet fil-15 ta’ Novembru 1937.

 

220.                 Swor Damiana Ziolek, li riedet tagħżel l-Isqof S. Rospond bħala l-konfessur tagħha.

 

220a. Il-qsim tal- wejfer – oplatek bil-pollakk. Il-qsim tal-wejfer hi tradizzjoni Pollakka li tmur lura sal-10 seklu. Il-kelma Oplatek ġejja mill-kelma Oblatum  li tfisser ħobż qaddis. Magħmula minn għaġina mingħajr ħmira, il-wejfer tkun minquxa b’disinji b’tema tal-Milied. Il-qsim tal-wejfer għadu sa llum il-qalba u l-essenza taċ-ċelebrazzjoni ta’ lejliet il-Milied fil-Polonja, u wara l-qsim, il-familja u l-ħbieb jagħtu lil xulxin ix-xewqat tajba għas-sena l-ġdida. Għal aktar tgħarif ara wkoll:

Polish traditions and customs: www.Polstore.com

Jew “The tradition of Christmas” f’The Warsaw Voice, 17 Dec. 2003.

 

221.                 Din hija kwotazzjoni mill-Martiroloġju Ruman, li kien jinqara fir-refettorju wara t-talba ta’ qabel l-ikel.  

 

222.                 Pastirka” hija l-Quddies ta’ nofs il-lejl, bejn l-24 u l-25 ta’ Diċembru. Skont id-drawwa tal-Kongregazzjoni, is-sorijiet kienu jmorru jorqdu wara l-ikla ta’ filgħaxija lejliet il-Milied. Dawk li kienu jkunu jridu joqogħodu jitolbu fil-kappella sa nofs il-lejl kienu jitolbu permess biex jagħmlu dan.  

 

223.                 Aktarx il-Qaddisa kellha għarfien interjuri dwar meta kellha tmut. Kienet taf li din kellha tkun l-aħħar sena ta’ ħajjitha.

 

224.                 Fl-aħħar tas-sena is-sorijiet kienu jieħdu sehem f’servizz ta’ radd il-ħajr għall-grazzji li kienu rċevew, u kien jitkanta t-Te Deum. Ġeneralment is-sorijiet kollha kienu jieħdu sehem fis-servizz.  

 

225.                 Il-Kappillan (tal-isptar) kien imur iqarben lis-sorijiet li ma setgħux jieħdu sehem fil-Quddiesa tal-komunita’ għax kienu morda. Dawk li ma kienux daqshekk morda kienu jimxu sal-infermerija x’ħin kien jasal il-waqt tat-Tqarbin biex il-kappillan ma kienx ikollu joqgħod imur jżur kull ċella.  

 

226.                 Patri Matzanger, S.J., kien qed jissostitwixxi għal ftit żmien lill-kappillan Dun Theodore Czaputa, li kien mar għal ftit jiem iżur lil ħuh, li kien saċerdot ukoll.

 

227.                 Id-dehra ta’ Swor Fawstina dwar Madre Irene Krzyzanowska seħħet fis-sens li Madre Krzyzanowska kienet waħda mix-xhieda fil-proċess ta’ informazzjoni u aktarx sarulha mistoqsijiet dwar Swor Fawstina u l-kitbiet tagħha. Madre Mary Joseph Brzoza, iżda, mietet fid-9 ta’ Novembru 1939, u ma nafux jekk xi ħadd staqsihiex dwar Swor Fawstina.

 

228.                 Aktarx Swor Gertrude li kienet dak iż-żmien flimkien ma’ Swor Fawstina f’sala żgħira iżolata mill-oħrajn. Swor Gertrude Budzinska twieldet fl-1876, daħlet soru mal-Kongregazzjoni fl-1895. Hija mietet fi Krakorvja fil-11 ta’ Awwissu 1966.

 

229.                 Aktarx Swor Liguoria Poznanska, is-sagristana u esperta fix-xogħol tal-idejn, marret sabiex tgħallem lil Swor Gertrude kif tagħmel il-borduri tal-bjankerija tal-altar. Swor Liguoria Poznanska twieldet fil-15 ta’ Jannar 1880, daħlet soru mal-Kongregazzjoni fl-4 ta’ Diċembru 1919. Kważi ħajjitha kollha bħala reliġjuża għaddietha bħala sagristana. Fl-1953 ġie mogħtija l-inkarigu ta’ assistenta tas-Superjura tad-dar ta’ Krakovja. Hija mietet fi Krakovja fit-2 ta’ Mejju 1960.

 

230.                 Jista’ jkun li f’dan iż-żmien partikolari l-Qaddisa kellha għarfien tal-jum tal-mewt tagħha.

 

231.                 M’hemm l-ebda data mogħtija, imma nistgħu nissopponu li d-dehra seħħet bejn it-8 u l-15 ta’ Jannar 1938.

 

232.                 Swor Fawstina kienet sensittiva ħafna fuq id-diviżjoni f’korijiet. F’dan il-każ, Swor Seraphina tabilħaqq ma tatx kas tad-diviżjoni, imma peress li rat li Swor Fawstina kienet diġa’ imxarba, hija ħasbet li kienet ħaġa eħfef li Swor Fawstina tmur sal-kanċell milli xi soru oħra tixxarrab hi wkoll. Meta tat l-ordni kienet ħaġa ovvja li ma ndunatx li Swor Fawstina ma kienitx tiflaħ, għax kieku kienet taf ma kienitx iġġib ruħha b’dan il-mod. Swor Seraphina kienet soru twajba u qaddisa. Qatt ma ġie magħruf li għamlet xi differenzi fil-mod kif kienet timxi mas-sorijiet.  

 

233.                 Kienet id-drawwa fil-Kongregazzjoni li jitolbu għall-persuni moribonda, “O Ġesu’ l-iżjed twajjeb ...  u Salm 129 Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.”

 

234.                 Is-Superjuri ta’ Swor Fawstina tul ħajjitha bħala reliġjuża: M. Margaret Gimbutt – fil-bidu tan-novizzjat u t-tielet prova qabel il-voti perpetwi; M. Raphael Buczynska – fi Krakovja u f’Varsavja; M. Rose Klobukowska- fi Piock; M. Xavier Olszamowska – f’Kiekrz; M. Borgia Tichy – f’Vilnius; M. Seraphina Kikulska – f’Walendow. Sister Xavier - Jane Olszamowska, twieldet fl-1883, daħlet soru mal-Kongregazzjoni fl-1912. Kienet is-superjura f’Kiekrz u f’Varsavja, u mbagħad laħqet segretarja ġenerali. Hija mietet fil-11 ta’ Marzu 1970, fi Krakovja.

 

235.                 Ara l-Isqof Zbigniew Kraszewski, “Udzial Matki Bozej w Dziele Odkupienia” (“Ir-Rwol ta’ Omm Alla fl-Opra tal-Fidwa’) in Gratia Plena, Poznan, 1965.

 

236.                 Aktarx Dun M. Sopocko, għax hu l-iktar li kien attiv fit-tixrid tad-devozzjoni tal-Ħniena Divina u fl-isforzi għat-twaqqif tal-komunita’ l-ġdida; imma Swor Fawstina jista’ jkun li kienet qiegħda tirreferi wkoll għal Patri Andrasz jew Madre Irene Krzyzanowska, għax huma wkoll ippruvaw ixerrdu d-devozzjoni tal-Ħniena Divina.  

 

237.                 Dun Theodore Czaputa kien il-konfessur tan-novizzjat. Xi wħud mis-sorijiet professi wkoll kienu jqerru għandu. Id-direttur spiritwali tal-Qaddisa kien Patri Andrasz. Swor Fawstina qagħdet attenta li tagħmel din id-distinjoni.

 

238.                 Swor Tarcisia - Casimira Piotrowicz. Hija twieldet fl-1891, daħlet soru mal-Kongregazzjoni fl-1912. Għal ftit żmien hija kienet infermiera fid-dar ta’ Krakovja.

 

239.                 Aktarx Swor Amelia, li kienet ħabiba tal-qalb ta’ Swor Fawstina. Swor Amelia – Stanislava Socha twieldet fil-15 ta’ Mejju 1911. Hija daħlet soru mal-Kongregazzjoni fl-1930. It-tobba mill-ewwl indunaw li kienet qiegħda ssofri minn tuberkolożi fl-għadam ta’ idejha. Swor Amelia kienet tibża’ li kienet ser tkun ta’ piż fuq il-Kongregazzjoni u talbet lil Swor Fawstina titlob għaliha sabiex ma ddumx ma tmut. Swor Fawstina wegħditha li, fi żmien sena wara mewtha, Swor Amelia wkoll kienet ser tmut. U hekk ġara, għax Swor Amelia mietet fl-4 ta’ Ottubru 1939.

 

240.                 Il-Karnival – żmien ta’ xalar u briju qabel żmien ir-Randan.

 

241.                 Ġie tabib jara s-sorijiet li kienu morda. Diffiċli tgħid min kien. Ċertu Dr. Stoch kien imur iżurhom ta’ spiss.

 

242.                  Aktarx Dr. Silberg, li kien jaf bil-kundizzjoni ta’ Swor Fawstina.

 

243.                 Fl-isptar għall-mard li jittieħed li kien hemm fi Pradnik ħdejn Krakovja, magħruf bħala s-“sanitorju.

 

244.                 Hemm kuridur mid-dar għall-gallarija tal-kor fil-kappella. Swor Fawstina kienet qiegħda fil-gallarija tal-kor u għalhekk setgħet tisma’ l-Quddiesa, imma ma kellhiex saħħa biżżejjed biex tinżel u tieħu parti fil-purċissjoni bil-palm.

 

245.                 Parti Zukowicz, S.J., kien qed iqaddes dak in-nhar. Kien assistent tal-provinċjali għal ħafna snin. Kien ħabib mill-qrib tal-Kongregazzjoni tal-Madonna tal-Ħniena. Bħala benefattur kbir tal-ħidma appostolika tagħhom, kien iżur lit-tfajliet ta’ spiss u kien iġibilhom rigali żgħar.  

 

246.                 Swor Casimir - Irene Twarowska. Twieldet fl-1911, daħlet soru mal-Kongregazzjoni fl-1933. Kienet taħdem bħala għalliema tal-gruppi u iktar tard bħala l-kap tad-dar tat-tfajliet. Hija mietet fi Krakovja fit-18 ta’ April 1969.

 

247.                 Dawn is-sorijiet għamlu n-novizzjat ma’ Swor Fawstina:

Novizzi kbar: Swor Alice Dabrowska, Swor Cherubim Kowieska, Swor Ernest Szczyrba, Swor Yvonne Goebel, Swor Joachim Glue, Swor Kinga, Swor Crescentia Bogdanik, Swor Laurenta Kosinska, Swor Longina Suchomska, Swor Lucine, Swor Natalie Fiszer, Swor Placida Putyra, Swor Renata Jodlowska, Swor Simon Nalewajko, Swor Valentina Leszczynska.

 

Novizzi żgħar: Swor Anunciata Peraj, Swor Bernarda Wilczek, Swor Celine Bronikowska, Swor Felicia Zakowiecka, Swor Justine Golofit, Swor Clementine Glue, Swor Louise Gadzina, Swor Martina, Swor Regina Jaworska, Swor Severina Marciniak, Swor Teresita, Swor Zenobia Saja.

 

Sorijiet li rċevew il-libsa ta’ reliġjuża flimkien ma Swor Fawstina: Swor Bernadette Federowicz, Swor Bonaventure Edelmann-Glowacka (d. Dec. 17, 1936), Swor Florentine Pajak (d. Jan. 2, 1950), Swor Henry Skulimowska (d. Oct. 20, 1974).

 

Sorijiet li kkorispondew ma’ Swor Fawstina: Swor Justine Golofit, Swor Louise Gadzina, Swor Regina Jaworska; forsi kien hemm oħrajn, imma fil-preżent ma nafux bihom.

 

248.                 Sorijiet tal-Kongregazzjoni tas-Servi tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’, li kienu jaħdmu fl-isptar ta’ Pradnik. Il-Kongregazzjoni kienet ġiet imwaqqfa fi Krakovja fl-1894 mill-Isqof Peiczar.

 

249.                 Swor David Cedro; Swor Alana - Caroline Wilusz, twieldet fl-20 ta’ Lulju 1910; Swor Medarda - Caroline Podrazik, twieldet fis-16 ta’ Ġunju 1910, u mietet fl-1966.

 

250.                 Ġrajjiet bħal dawn insibuhom fil-ħajjiet tal-qaddisin; per eżempju, San Stanislaus Kostka u San Bonaventura.

 

251.                 L-Ewwel Ħadd fuq l-Għid. Il-Ħadd imsemmi minn Swor Fawstina kien l-ewwel Ħadd ta’ wara l-Għid; jiġifieri il-jum li kellu jsir il-Festa tal-Ħniena Divina.

 

252.                 Aktarx referenza għall-epidemija tal-influwenza li kienet bdiet fi Frar u kompliet għaddejja għal xhur. F’xi ġranet kien hemm daqs 22 soru marida.

 

253.                 Diffiċli nkunu nafu d-data. Swor Fawstina ma baqgħetx tagħmel id-data imma kienet tikteb biss illum.” Ħaġa hi żgura, li kien wara l-Pentekoste; jiġifieri, wara l-5 ta’ Ġunju.

 

254.                 Nistgħu nissopponu li Swor Fawstina kellha d-dehra tal-Qalb ta’ Ġesu l-Ġimgħa wara l-Ottava ta’ Corpus Christi; jiġifieri fl-24 ta’ Ġunju 1938.

 

 


 

 

INDIĊI

PARAGRAFI SKONT IS-SUĠĠETT

 

 

1.  ATTI TA’ ĦNIENA

Fawstina u, 280, 1312, 1694, 1695

Talba għall-għajnuna sabiex jitwettqu l-, 163, 1242

Modi kif jistgħu jitwettqu, 742, 1156, 1157, 1158, 1316, 1317

 

2. L-EWKARISTIJA

          Il-kundizzjoni sabiex wieħed jirċievi ħniena u maħfra, 699, 1108

Meta wieħed ma jitqarbinx ta' spiss, 1447

 

Raġġi mill-

Ewkaristija, 344, 370, 420, 657

Xbieha li tinfed l-Ostja Mqaddsa, 441

 

Simbolizzata bir-Raġġi tax-Xbieha, 299

 

Imħeġġin viżti lis-Sagrament Imqaddes, 1572

 

3. FESTA TAL-ĦNIENA

Kjarifika minn Ġesu’ dwar il-, 341

Kmand sabiex tiġi ċċelebrata l-, 280

Maħfra sħiħa tad-dnubiet u l-kastig fil-, 300

Għeluq tas-Sena tal-Ġublew tal-Fidwa, 1935, 420

Kundizzjonijieti għal maħfra sħiħa fil-, 699, 1109

Opri tal-ħniena flimkien mal-, 742

Ix-xewqa ta’ Ġesu’ għall-, 49, 299

It-tjubija ta’ Alla u l-, 458

Il-fejqan u t-tisħiħ ta’ erwieħ li jkollhom bżonn fil-, 99

Il-Qalb ta’ Ġesu’ tifraħ fil-, 998

L-importanza f’għajnejn il-Mulej Ġesu’ tal-, 1517

Tispira fiduċja l-, 570

“L-aħħar tama” tas-salvazzjoni l-, 687, 965, 998, 1228

Meta tiġi traskurata l-, 341

Kenn għal kulħadd, l-aktar għall-imsejkna midinbin, 699

L-Ewwel Ħadd fuq l-Għid bħala l-Festa tal-Ħniena, 49, 88, 280, 299, 420, 570, 699, 742

 

4. FIDUĊJA

Xbieha u kliem, “Ġesu’, jiena nafda Fik,”bħala mezz għall-grazzji, 341

Ġesu’ u n-nuqqas ta’, 50, 300, 379, 1076, 1447

Nuqqas ta’, fl-erwieħ magħżulin, 731

L-ammont ta’ ġenerożita’ jiddependi mill-, 548, 1602

Is-Setgħa bla tarf tal-, 1777

Tiftaħ il-bieb għall-immensita’ ta’ grazzji, 1074

Mewta fil-paċi garantita mill-, 1520, 1798

Qawwa ta’ ruħ mimlija, 198

Talba ta’, 84, 187

Mezz sabiex niksbu l-grazzji, 1485, 1578

 

5. FIDUĊJA FIL-ĦNIENA

Kurunella bħala mezz sabiex niksbu, 1797

Kundizzjoni għal qrara tajba, 1602

Xewqa ta’ Ġesu’ li l-ħlejjaq Tiegħu jkollhom, 718, 1059

Li jagħti grazzji bla tarf lill-erwieħ li juru, 687

L-obbligu ta’ Fawstina li tħeġġeġ l-erwieħ kollha li juru, 294, 1059, 1182

Ta’ Fawstina, 283

Il-missjoni ta’ Fawstina li tikkonvinċi n-nies juru, 1452

L-ikbar midinbin għandhom priorpita’ ta’, 723, 1146

Garanzija ta’ mewta fil-paċi permezz ta’, 1520

Meta nħajru lill-oħrajn juru, 1540

Ġesu’ u l-ewrieħ li juru,

isejħilhom l-iktar fortunati, 1273

jitpaxxa jaħdem fihom, 1784

jagħtihom prijorita’ għall-ħniena Tiegħu, 1541

iħobbhom, 294, 453, 1541

iwegħdhom kollox, 294, 453

Ġesu’ u n-nuqqas ta’, 300, 379

Il-ġustifikazzjoni tar-ruħ tiddependi minn, 570

Ħniena li jirċievu l-erwieħ li għandhom, 420

Bżonn ta’, 1577, 1777

Nistgħu niksbu permezz ta’ Swor Fawstina, 1777

Hemm bżonnha biex nimxu ‘l quddiem fil-perfezzjoni, 1578

Hemm bżonnha għall-paċi għall-umanita’, 300

Rigali ta’,

salvazzjoni, 723

qdusija, 1784

Għajn tal-grazzji, 1577, 1777

L-erwieħ u, 1577, 1578

 

6. ĦNIENA

Ma tħalli barra lil ħadd, 1182

Ħierġa mill-Pjagi ta’ Kristu, 1190

Alla bħala, 281, 1148

L-akbar ttribut ta’ Alla, 301

Is-siegħa tal-, 1320, 1572

Sultan tal-, 83, 88, 367, 378

Għarfien tal-ħniena mezz ta’ salvazzjoni, 1396

Opra ta’ Ġesu’, mhux ta’ Fawstina, 1667

 

7.  ĦNIENA DIVINA

Abbiss mimli bil-, 1576

Tista’ tintlaħaq fil-qrar, 1448 

Ktieb miktub bid-Demm fih l-ismijiet tal-erwieħ li jigglorifikaw il-, 689

Kurunella, mezz qawwi biex takkwista l-, 848

Kastig u, 1588

Ma tikkundanna lil ħadd, 1452

Ikkomfermatha f’kull opra ta’ Alla, u tilħaq il-qofol tagħha fil-maħfra tal-midinbin, 723

Difiża tal-erwieħ, 1516

Kulma jeżisti jinsab maqful fil-, 1076

Fawstina u l-,

Messaġġi minn Ġesu’ fuq il-, 1074

“Segretarja” tal-, 965, 1160, 1275, 1605, 1784

biex tgħarraf bil-, 635

biex tħabbar il-ħin kollu l-, 1521

biex tħabbarha lid-dinja kollha, 1142

biex tgħid lis-saċerdoti bil-, 177

biex tikteb u titkellem dwar il-, 1448

biex tikteb għall-erwieħ itturmentati dwar il-, 1146

L-ewwel attribut ta’ Alla, 180

Fl-ewwel post tal-esperjenza ta’ Fawstina fil-preżenza tas-Santissima Trinita’, 1073

Bla tarf, 1273

Ġesu, l-istess Imħabba u Ħniena, 1074

Il-kliem mhux biżżejjed biex jesprimi l-, 359

“L-aħħar tama tas-salvazzjoni” 998

Litanija ad unur tal-, 949

Ħafna ewrieħ jigglorifikaw il-, 1073

Il-miżerja m’għandhiex x’taqsam mal-, 1273

Tgħaddi minn ġo l-erwieħ bħalma x-xemx tgħaddi minn ġol-kristall, 528

Imferra mill-Qalb ta’ Ġesu’ permezz tal-qalb ta’ Fawstina, 1777

Talb għall-, 1570

Is-saċerdoti u l-, 1521

Reċita tal-kurunella u l-, 687

Is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni (Qrar) u l-, 975, 1602

Midinbin u l-, 1146, 1728, 1777

erwieħ niedma u l-, 1739

li l-aktar għandhom bżonn tal-, 1275, 1397

erwieħ li jappellaw lill-, 11 46

erwieħ li jirriflettu l-, 1148

żmien il-ħniena qabel żmien il-ġustizzja, 83

Tribunal tal-, 1448

 

8. KURUNELLA

Assistenza lill-moribondi, 810, 811, 1035, 1565, 1798

Iġġib lill-umanita’ eqreb lejn Ġesu’, 929

Konverżjoni u l-, 687

Kollox nistgħu niksbu permezz tal-, 1128, 1541

Formula għall-, 476

Il-ħniena u l-, 848

Novena qabel il-festa tal-Ħniena, 796, 1059

Biex tinkiseb il-ħniena għall-Polonja, 714

Bidu tal-, 474

 

9. MARIJA, OMM ALLA

Il-parir ta’ Ġesu’ biex nitolbu lil Marija għall-għajnuna fit-tentazzjonijiet, 1560

Fawstina flimkien ma’,

fis-Santwarju ta’ Czestochowa, 160

tistenna fl-Avvent, 793

Don tas-safa, 40

Issaħħaħ lil Fawstina fit-tbatija, 25

Tgħallem lil Fawstina

abbandun għar-rieda ta’ Alla, 1437

fuq il-ħajja interjuri flimkien ma’ Ġesu’, l-aktar fit-Tqarbin Imqaddes, 840

kif tgħix għal Alla, 620

biex tikkomunika ma’ Alla, 454

          Tkellem lil Fawstina,

dwar kongregazzjoni ġdida biex tħejji lid-dinja għat-tieni miġja, 625

dwar is-sebat isjuf li nifdulha lil Qalbha, 786

sabiex tħejji d-dinja għat-tieni miġja, 635

Dehriet lil Swor Fawstina,

sabiex tqawwilha qalbha, 449

sabiex tħeġġiġha

titlob għall-Polonja, 325

toffri wegħdiet għall-Polonja, 468

sabiex tinterċedi għall-Polonja, 1261

Ġesu’ u Marija, 88, 330

f’Ostrabrama, 529

f’kappella żgħira li saret tempju kbir, 561

Ġesu’, Marija, u Ġużeppi, 608, 846, 1442

Marija u l-Bambin, 677, 846

Marija u l-konfessur, 330, 597

Marija bħala Omm Alla tas-Saċerdoti, 1585

tas-saċerdot li jħobb lil Marija, 806

fil-festa tal-Kunċizzjoni Immakulata, 564, 805, 1414-1415

fil-festa tat-Tlugħ fis-Sema, 1711

fil-festa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, 1244

sabiex tħejjiha għal ħajja interjuri iktar profonda flimkien ma’ Ġesu’, 785

raġġi ħerġin mill-Qalb tagħha, 33

iżżur il-Purgatorju, 20

twissi dwar tbatijiet, 316

b’qalbha minfuda, tħares lill-Polonja mill-kastig, 686

 

10. NOVENA

Qabel il-Festa tal-Ħniena, 1059, 1209-1229

Tal-kurunelli

Qabel il-Festa tal-Ħniena, 796

Sabiex tikseb il-Ħniena Divina għall-Polonja, 714

Tat-talb, “O Demm u Ilma ... 33 darba għall-Qdusija tiegħu il-Papa, 341

 

 11. OPRI TAL-ĦNIENA

Effett fuq l-erwieħ, 1379

Dun Sopocko u l-, 421, 1608

Fawstina u l-,  154, 281, 1401, 1530, 1643, 1644

Riżultati fil-futur tal- of, 1300

Marbuta mal-opra tal-Fidwa, 89

Modi kif wieħed jista’ jkollu sehem fl-, 1155-1158

Opra ta’ Ġesu’, 1667

 

12. PRIEDKI DWAR IL-ĦNIENA DIVINA

Mis-saċerdoti, 50

Mis-saċerdoti dwar il-Festa tal-Ħniena, 570

Qawwa misterjuża għas-saċerdoti sabiex jikkonvertu lill-midinbin, 1521

Traskuraġni ta’, 341

Għad-dinja kollha, 300

 

13. SAGRAMENT TAR-RIKONĊILJAZZJONI (QRAR / PENITENZA)

Parir ta’ Ġesu’

lil Fawstina fuq is-, 1602, 1725

lill-erwieħ li jixtiequ jibbenifikaw mis-, 113, 132, 1784

Kundizzjoni sabiex nirċievu ħniena u maħfra, 300, 699, 1108

Għajn tal-ħniena, 1602

Il-post fejn jiltaqgħu Ġesu’ u l-erwieħ, 1602

Miraklu tal-Ħniena Divina, 225, 1448

Priedki fuq il-Ħniena Divina u s-, 1521

Tribunal tal-Ħniena, 975, 1448

Fiduċja u s-, 1602

 

 

14. IS-SIEGĦA TAL-ĦNIENA DIVINA (IT-TLIETA TA’ WARA NOFS   

      IN-NHAR)

It-talba ta’ Ġesu’

biex jiġu pprattikati ċerti devozzjonijiet kuljum, 1572

biex nitolbu ħniena b’mod speċjali għall-midinbin, 1320, 1572

Wegħdiet li għandhom x’jaqsmu mas-, 1320, 1572

Dehra ta’ Ġesu’ Msallab fis-, 648

 

 

15. TĦABBIR TAL-ĦNIENA TA’ ALLA

Eżortazzjoni ta’ Ġesu’ lil Fawstina dwar it-, 164, 300, 687, 1074, 1142, 1190, 1396, 1521, 1665, 1666

Grazzji mwiegħda lil dawk li jħabbru, 377, 378, 379, 1075, 1540

M’hemmx biżżejjed, 1273

 

16. IT-TIENI MIĠJA

Il-Verġni Mbierka, Fawstina u t-, 635

Opri tal-Ħniena u t-, 1158

Tinsab fil-qrib it-, 965

Talba ta’ Fawstina għat-, 1570

Sinjali tat-

Jiem tad-dlam, 83

Thejjija tal-Ħniena Divina għat-, 848, 1146, 1588

 

17. XHIEDA TAL-ĦNIENA DIVINA

Tberik tax-, 49, 341

Kawża ta’ estasi, 1299-1300

Il-parir tal-konfessur dwar il-pittura, 49

Disappunt dwar il-pittura tax-, 313

Wirja tax-xbieha l-Ewwel Ħadd fuq l-Għid, 88

Effett tax-, 1379

Espożiżżjoni tax-xbieha, fil-knisja, 570

Is-saċerdot Andrasz u Sopocko f’riġlejn ix-, 675

Il-ħarsa ta’ Ġesu’ mix-, 326

Kobor tax-, 313

Fir-ruħ ta’ Fawstina, 49

Kitba fuq ix-, 47

Kjarifikazzjoni dwar ix-, 327

Preokkupazzjoni dwar ix-, 88

Mod kif tiġi mpittra x-, 49

Obbligazzjoni għall-pittura, 154

Fil-festa ta’ Corpus Christi, 441

Parti mill-Opra kollha tal-Ħniena, 1 54

Talba b’konnessjoni max-, 187

Poeżija forma ta’ talba dwar ix-, 1

Wegħdiet marbutin mal-qima tax-, 48, 570

Tixrid tax-, 47

Qima pubblika tax-, 414, 742

Raġġi tal-Ħniena fuq ix-, 50

Spjegazzjoni tar-raġġi ħomor u bojod fuq ix-, 299

ħerġin         għal fuq moribond – b’mewta fil-paċi wara, 1565

mill-Qalb ta’ Kristu qed imut fuq is-Salib, 414

mill-Ostja fl-Ostensorju, 336, 344, 657, 1046

mix-Xbieha, 540

mix-Xbieha għall-Ostja fl-Ostensorju, jiksu d-dinja kollha, 441

mill-Ostensorju, jimlew il-knisja, 370

mill-Qalb Imqaddsa, 177, 1796

fil-Festa tal-Ħniena Divina, 420

jinfirxu fid-dinja kollha, 87

Niġu mfakkra nagħmlu opri tal-ħniena, 742

Talba mingħand Ġesu’ sabiex tiġi mpittra x-, 1, 47

Responsabbilta’ għall-pittura tax-, 154

Firma fuq ix-, 47

Oriġini tax-, 47, 67

Tron tal-Ħniena Divina, 1

Trijonf tal-Ħniena Divina u x-, 1789

Qima tax-xbieha, għajn ta’ ħafna grazzji, 742

Mezz ta’ grazzji, 327

Dehra tax-,

U r-raġġi fl-Ewwel Ħadd fuq l-Għid, 420

ħadet il-ħajja, 416, 417, 851

fuq il-kappella f’Vilnius, 87