DISKORS TA’ MONS. ARĊISQOF PAWLU CREMONA O.P.

FIL-QUDDIESA TA’ L-ORDINAZZJONI EPISKOPALI TIEGĦU

 

Knisja skond il-Qalb ta’ Ġesu’

 

Eċċellenza Sinjur President,

Eċċellenzi Reverendissimi,

Ħuti fis-Saċerdozju,

Ħuti Insara.

  

F’dan il-jum Solenni għall-Knisja f’Malta, meta l-Ispirtu s-Santu, permezz tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI, għażel lili bħala Ragħaj Spiritwali tal-Knisja f’Malta, biex immexxiha f’isem Ġesu’, ir-Ragħaj it-Tajjeb, inwasslilha l-Kelma kif għaddihielna dak li hu l-Verb ta’ Alla, u nqaddisha fil-Karita’ li hija l-Qdusija li ġiet murija fil-Ħajja ta’ Kristu, jiena, għalkemm bil-biża’ quddiem din il-missjoni tant kbira, nixtieq f’isem il-Knisja nrodd ħajr lil Alla.

Jiena nroddlu ħajr għaliex naf li Alla jgħin lil dawk li jħallu lilhom infushom f’idejh, ħalli d-dgħufija tal-bniedem issir qawwa ta’ Alla, bid-Don ta’ l-Ispirtu s-Santu. Hekk sar fl-ewwel dixxipli bl-inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu fuqhom f’Għid il-Ħamsin: saru bnedmin li bdew jitkellmu f’isem il-Mulej bla biża’ u bla dubju.

Jiena l-lum nitlob li dan id-don li l-Knisja rċeviet il-lum permezz ta’ din il-Konsagrazzjoni Episkopali tiegħi, jinxtered fuq il-membri kollha tal-Knisja: fuq is-Saċerdoti kollha biex ikunu dejjem sinjal ta’ għaqda fil-Knisja fil-ministeru saċerdotali tagħhom; lill-membri tal-Ħajja Konsagrata biex bil-kariżmi u l-ħajja tagħhom ikunu dejjem iktar xhieda tar-radikalita’ tal-ħajja nisranija, u b’mod speċjali lis-sorijiet ta’ Ħajja Kontemplativa biex isaħħu l-Knisja kollha u partikularment lili bit-talb tagħhom; lill-aħwa mgħammdin, biex isseħħ f’kull waħda u wieħed minnhom, il-grazzja tal-magħmudija fl-istat partikulari tagħhom, fil-ħajja personali, familjari u soċjali tagħhom.

 

 

Messaġġ ta’ ġid

Jiena nħeġġeġ lill-membri ta’ din il-Knisja f’Malta biex jitolbu lill-Ispirtu s-Santu ħalli dejjem iktar iġedded il-Knisja u lili personalment, biex isseħħ il-wegħda ta’ Ġesu’, li jibqa’ mal-Poplu tiegħu sa l-aħħar taż-żmien. Aħna rridu nwasslu dan il-messaġġ li huwa fil-qalba tat-tagħlim ta’ Ġesu’ Kristu, għax fuqu trid tissejjes kull Komunita’ Kristjana. Dan il-messaġġ huwa ta’ ġid lis-soċjeta’ Maltija kollha, għax ġie mwassal lilna minn Dak li huwa espert ta’ l-umilta’ għaliex ħalaq u feda lill-umanita’.

Dan il-messaġġ jibda mill-imħabba li Alla l-Missier għandu lejn kull bniedem li ħalqu xbieha tiegħu. Dan iġiegħlna nistagħġbu quddiem il-kobor tal-bniedem. Is-Salm 8 jurina dan b’mod sabiħ: “X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih, bin il-bniedem biex taħseb fih? Ftit anqas mill-allat għamiltu, żejjintu bis-sebħ u l-ġmiel, qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta’ jdejk”.

Aħna nistqarru li nemmnu u rridu nwasslu l-messaġġ li f’kull persuna hemm ix-xbieha ta’ Alla. Aħna nistqarru li rridu nibqgħu nemmnu u nistqarru li bl-għajnejn tal-fidi tagħna se nkomplu naraw din ix-xbieha f’kull persuna. Irridu nkomplu nistqarru li din ix-xbieha tinsab indaqs fid-dinjita’ ta’ kull raġel u mara; fil-persuni li huma mbegħdin mill-Mulej u li forsi qed jidhru li qed ifixklu l-missjoni tal-Knisja; lil dawk li jħaddnu twemmin li mhuwiex tagħna; lil dawk li huma ta’ kulur ta’ ġilda u nazzjonalita’ differenti minn tagħna u li forsi jinsabu fostna għaliex kellhom jaħarbu minn pajjiżhom; lit-trabi fil-ġuf ta’ l-omm, lill-anzjani li huma morda u forsi kultant abbandunati. Nistqarru li aħna naraw il-kobor u s-sbuħija ta' Alla fil-Ħolqien, iżda naraw wiċċu b’mod speċjali f’kull bniedem hu min hu.

Aħna nistqarru li bil-magħmudija rċevejna din il-grazzja li nkunu mmarkati minn Alla, iżda wkoll il-missjoni li nxandru din l-Aħbar it-Tajba u nagħmlu possibbli li min qiegħed ifittex lil Ġesu’, jersaq lejh permezz tax-xhieda f’ħajjitna tal-Ħajja tiegħu. Din hija l-Knisja li aħna nagħmlu parti minnha. Aħna l-lum nitolbu lill-Mulej biex jimliena l-ewwel bil-mod kif iħobbna hu, f’esperjenza personali miegħu fit-talb; nitolbu lill-Mulej biex ngħixu din l-imħabba bħalma għexha Hu: bla preġudizzji lejn ebda persuna, u b’imħabba speċjali għal dawk li nistgħu ntaffu ttbatija tagħhom bl-imħabba tal-Komunita’ Nisranija tagħna: il-fqar u l-abbandunati; dawk fil-ħabs, il-morda. Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jkattrilna l-Fidi ħalli ngħadduha wkoll lil dawk li qegħdin ifittxu għarfien u ħbiberija akbar mal-Mulej.

 

 

Inħejju t-Triq għall-Mulej

Aħna konxji li l-missjoni tiegħi u tal-Knisja hija li nħejju t-triq għall-Mulej, f’dan il-proġett tiegħu ta’ Mħabba. Nitolbu li jqiegħed fina disponibbilta’, hekk li xejn ma niċħdu minn dak li jrid jagħmel fina u permezz tagħna; nitolbu lill-Mulej umilta’, ħalli dak li nagħmlu, nagħmluh dejjem għax imnebbħin minnu, u b’tama kbira fil-provvidenza tiegħu; aħna nitolbu li jsaffi dak kollu li bħalissa qiegħed ifixkel din il-missjoni fil-ħajja tagħna personali, fil-familji u fil-komunita’ nisranija. Nitolbu b’mod speċjali li l-familja Maltija tkun dik il-benniena fejn dan kollu jingħex u jiġi mgħoddi lill-ulied.

 

 

 

Proponimenti

Jiena nixtieq li jkunu tiegħi xi wħud mill-proponimenti li għamel il-Beatu Papa Ġwanni XXIII fl-irtir tal-Konsagrazzjoni Episkopali tiegħu fl-1925. Naħseb tafu li din l-alba li jiena qed nilbes illum kienet tal-Papa Ġwanni XXIII, li jiena qed nilbes b’tant biża u tant venerazzjoni.  Il-Papa qal hekk:

“Jiena ma fittixtx jew xtaqt dan il-ministeru tiegħi; il-Mulej għażilni… imiss lilu li jgħatti n-nuqqasijiet tiegħi, u jimla l-limitazzjonijiet tiegħi…. Jiena nħoss u naf li jien bla saħħa u mhux kapaċI, raġuni oħra biex nibqa’ umli, ħafna ħafna umli. Jien irrid li nkun kollni u totalment għal Alla, mimli bid-dawl tiegħu, niddi bl-imħabba għal Alla u għall-erwieħ tal-bnedmin.

Jalla l-ministeru tiegħi jkun wieħed ta’ Rikonċiljazzjoni fil-kelma u fl-għemil; u l-predikazzjoni tiegħi mhux fil-persważjoni tal-kliem ta’ l-għerf uman, iżda fil-wirja ta’ l-ispirtu u l-qawwa; u l-awtorita’ li ġiet mogħtija lili mill-Knisja, qatt ma tiġi wżata għall-glorja tiegħi – użata mhux biex tkisser iżda biex tibni…”

 

 

Nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lill-Mulej għad-don ta’ l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca, li l-Mulej tana bħala Ragħaj Spiritwali tal-Knisja f’Malta, u li jiena nqisu bħala kollaboratur mill-qrib tiegħi fil-qadi tal-Ministeru.

Nitlob lil Missierna San Pawl, dak li l-Provvidenza Divina wasslitu fuq din il-gżira biex insiru nafu l-Bxara t-Tajba, biex ikompli jħares il-Knisja li qed tkompli l-Missjoni tiegħu.

Nafda f’idejn Marija Ommna din il-Knisja li hija l-Ġisem Mistiku ta’ Kristu f’Malta, biex kif ħadet ħsieb Binha Ġesu’, hekk ukoll tieħu ħsieb din il-preżenza tiegħu fi gżiritna.

Inħeġġeġ lil kull wieħed u waħda minnkom, dawk li qegħdin preżenti hawn, iżda wkoll lil dawk li huma fi djarhom, biex jgħinuni bit-talb u bil-ħidma nisranija tagħhom.

Nitlob lill-koppji miżżewġin biex, flimkien mat-tfal tagħhom, jitolbu għalija. Nitlob liż-żgħażagħ biex ifittxu wkoll il-ferħ li jaqdu lill-Mulej fiż-żgħożija tagħhom. Nitlob lill-morda biex jgħaqqdu t-tbatija tagħhom mas-Salib u l-Qawmien ta’ Ġesu’. Nitlob lil kull membru tal-Knisja biex ikun qrib tiegħi f’din il-Missjoni biex flimkien dejjem iktar nagħmlu Knisja skond il-Qalb ta’ Ġesu’.

Il-Mulej ibierek lil kull wieħed u waħda minnkom.

 

KonKattidral ta’ San Ġwann

26 ta’ Jannar 2007