Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Il-predikatur tad-Dar Pontifiċja, Padre Raniero Cantalamessa għamel omelija waqt iċ-Ċelebrazzjoni tal-Passjoni tal-Mulej, presjeduta mill-Papa, dwar l-esperjenza traġika ta' Ġuda, wieħed mit-tnax li kienu ma' Ġesù.  L-istorja tiegħu għandha messaġġ kbir x'tagħtina imma fuq kollox, dwar it-tweġiba ta' Ġesù għad-dnub, osserva l-predikatur.

 

L-Evanġelista Luqa jikteb li Ġuda l-Iskarjota sar traditur.  Għal din l-għażla drammatika inagħtaw ħafna interpretazzjonijiet: forsi raġunijiet ta' ideal jew politiċi.  Imma l-Vanġeli, l-uniċi sorsi ta' min jorbot fuqhom, qal Padre Cantalamessa, jitkellmu dwar raġuni ħafna aktar ċara: il-flus.  “Kemm lesti ttuni jekk nagħtihulkom f'idejkom?” staqsa Ġuda lill-mexxejja tas-saċerdoti.

Għaliex għandna nistgħaġbu b'din it-tweġiba u narawha daqstant banali?  Mhux dejjem hekk kien fl-istorja u hekk għadu sallum?  Mammona, il-flus, mhux wieħed mill-ħafna idoli: anzi l-idolu l-aktar li jispikka?

L-attakkament mal-flus, tgħid l-Iskrittura, huwa l-għerq tal-ħażen kollu.  Wara kull ħażen tas-soċjetà tagħna, hemm il-flus, jew aħjar, hemm ukoll il-flus.  X'hemm, per eżempju wara t-traffikar tad-droga, staqsa Padre Cantalamessa, l-isfruttament tal-prostituzzjoni, il-mafji, il-korruzzjoni politika, il-fabbrikazzjoni u l-bejgħ tal-armi, il-bejgħ tal-organi umani?

Il-kriżi finanzjarja li għaddejja bħalissa fid-dinja u li pajjiżna, l-Italja, għadu ma ħariġx minnha, forsi mhux ħtija tal-kilba bla rażan għall-flus, il-ġuħ sagru għad-deheb min-naħa tal-ftit?  Ġuda beda billi kien jieħu xi ħaġa żgħira mill-kaxxa komuni.  Dan ma jfisser xejn għal ċerti amministraturi tal-flus pubbliċi?  Imma mingħajr ma noqgħodu naħsbu dwar dawn il-metodi kriminali ta' ħażna tal-flus, forsi mhux skandlu li xi wħud jieħdu pagi u pensjonijiet mitt darba aktar mill-impjegati tagħhom u li mill-ewwel jibdew jinbħu malli xi ħadd jitlobhom inaqqsu ftit minn tagħhom biex ikun hemm aktar ġustizzja soċjali?

Kemm drabi, kompla Padre Cantalamessa, kellna nerġgħu naħsbu dwar il-kliem ta' Ġesù lill-għani li kien warrab tant ġid biex jgħix komdu 'l bqija ta' ħajtu?: Iblaħ, illejla stess int se trodd ruħek. 

Nies li qegħdin f-postijiet ta' responsabbiltà u li ma kienux jafu aktar f'liema bank jew organiżżazzjoni tal-ħasil tal-flus se jqiegħdu l-qligħ tal-korruzzjoni, sabu ruħhom fuq il-bank tal-imputati jew f'ċella f'ħabs meta kienu waslu biex jgħidu lilhom infushom: Gawdi issa, ruħi!

Għal min għamluh?  Kien ta' min jagħmlu?  Veru li għamlu ġid lil uliedhom, lill-familja, lill-partit, jekk kien dan li kienu qed ifittxu?  Jew, pjuttost, irvinaw lilhom infushom u lill-oħrajn?  L-alla flus jieħu hu stess l-inkarigu li jikkastiga lil min jaduraħ!

It-tradiment ta' Ġuda għadu għaddej fl-istorja, imma jkun wisq komdu li naħsbu biss dwar il-każijiet klamorużi jew dak li jagħmel ħaddieħor qal Padre Cantalamessa li ta xi ftit eżempji:

Jittradixxi lil Kristu min jittradixxi lill-martu jew lir-raġel.  Jittradixxi lil Kristu min hu infidil għall-istat tiegħu jew inkella li, minflok jirgħa n-nagħaġ, ipaxxi lilu nnifsu.  Jittradixxi lil Ġesù kull min jittradixxi l-kuxjenza tiegħu stess.
Wara li nduna li kien ittradixxa demm innoċenti, Ġuda mar tgħallaq.  X'seta' kien id-destin etern tiegħu, staqsa l-predikatur filwaqt li wissa li ħadd m'għandu jasal għall-ġudizzji bl-addoċċ.  Ġesù, sostna Cantalamessa, m'abbanduna lil Ġuda fl-ebda ħin u ħadd ma jaf fejn waqa' fil-ħin li qabeż mis-siġra bil-ħabel m'għonqu.  Min jista' jgħid x'għadda minn ruħu propju f'dak l-aħħar waqt?

Bl-istess mod li Ġesù fittex għajnejn Pietru wara ċ-ċaħda biex jagħtih il-maħfra, min jaf kif fittex għajnejn Ġuda f'xi waqt tul it-triq tal-Passjoni?

Imma Pietru kellu fiduċja fil-ħniena ta' Ġesù, Ġuda le.  L-akbar dnub tiegħu, temm Padre Cantalamessa, ma kienx il-fatt li ttradixxa lil Ġesù, imma li ddubita mill-ħniena tiegħu.  Jeżisti Sagrament li bih hu possibbli li wieħed ikollu esperjenza ċerta tal-ħniena ta' Kristu: is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.  Kemm hu sabiħ dan is-Sagrament!  Kemm hu ta' ħlewwa li tħoss lil Ġesù bħala l-Imgħallem, bħala Mulej, imma oħla tħossu bħala Redentur: bħala dak li jeħilsek mill-għarqa bħalma għamel ma' Pietru, li jmissek, kif għamel mal-lebbruż u jgħidlek: Irrid , kun imnaddaf!