BENEDITTU
XVI
UDJENZA ĠENERALI
Sala Pawlu VI
L-Erbgħa 30 ta’ Jannar 2013
Jiena nemmen f’Alla: il-Missier li jista’ kollox
Għeżież ħuti,
Fil-katekeżi ta’ nhar l-Erbgħa li
għadda waqafna fuq l-ewwel kelmiet tal-Kredu: “Jiena nemmen f’Alla”. Imma l-istqarrija tal-fidi tispeċifikaha
din l-affirmazzjoni: Alla hu l-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema
u l-art. Għalhekk nixtieq li issa
nirrifletti magħkom fuq l-ewwel definizzjoni fundamentali ta’ Alla li
jippreżentalna l-Kredu: Hu Missier.
M’hux dejjem faċli l-lum li nitkellmu
fuq il-paternità. Fuq kollox fid-dinja tal-Punent,
il-familji maqsuma, l-impenji tax-xogħol li dejjem qed jixorbu mill-ħin tagħna, it-tħassib u
spiss l-għeja biex jinstab il-bilanċ familjari, l-invażjoni
aljenanti tal-midja tal-massa fl-intern tal-ħajja ta’ kuljum huma xi
wħud mid-diversi fatturi li jistgħu jtellfu relazzjoni serena u
kostruttiva bejn il-missier u wliedu.
Kultant il-komunikazzjoni ssir diffiċli, tonqos il-fiduċja u
r-relazzjoni mal-figura tal-missier tista’ ssir problematika; u hekk issir
ukoll problema li timmaġina lil Alla bħala missier, għax ma
jibqgħux dawk il-mudelli adegwati ta’ riferiment. Għal min kellu esperjenza ta’ missier
awtoritarju żżejjed u iebes, jew indifferenti u li ftit li xejn jaf juri
mħabbtu, jew saħansitra assenti, m’hux faċli biex jaħseb
b’serenità dwar Alla bħala Missier u li jintreħa f’idejH
b’fiduċja.
Imma r-rivelazzjoni Biblika tgħinna
nirbħu din id-diffikultà meta tkellimna dwar Alla li jurina xi jfisser
tabilħaqq tkun “missier”; u hu l-Vanġelu li fuq kollox jikxef dan
il-wiċċ ta’ Alla bħala Missier li jħobb sal-punt li jasal
biex jagħti lill-istess Ibnu għall-fidwa tal-bnedmin. Għalhekk ir-riferiment għall-figura
tal-missier jgħinna nifhmu xi ħaġa minn dik l-imħabba ta’
Alla li, imma, tibqa’ infinitament wisq ikbar, wisq iżjed fidila, wisq
iżjed sħiħa minn dik ta’ kwalunkwe bniedem. “Min
hu dak il-bniedem fostkom”, jgħid Ġesù lid-dixxipli tiegħu biex
jurihom il-wiċċ tal-Missier, “li, jekk ibnu jitolbu biċċa
ħobż, sejjer jagħtih ġebla?
Jew jekk jitolbu ħuta, sejjer jagħtih serp? Mela jekk intom, nies ħżiena
bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar
Missierkom li hu fis-Smewwiet jagħti ħwejjeġ tajba lil min
jitlobhomlu?” (Mt 7:9-11; ara Lq 11:11-13).
Alla hu Missier tagħna għaliex berikna u għażilna sa
minn qabel il-ħolqien tad-dinja (ara Efes 1:3-6), f’Ġesù
għamilna tassew uliedu (ara 1 Ġw 3:1). U, bħala Missier, Alla bi mħabbtu
jsieħeb l-eżistenza tagħna, jagħtina l-Kelma tiegħu,
it-tagħlim tiegħu, il-grazzja tiegħu, l-Ispirtu tiegħu.
Hu – kif jurina Ġesù – hu l-Missier li
jitma’ l-għasafar tas-sema mingħajr il-bżonn li joqogħdu jiżirgħu
u jaħsdu, u jlibbes bi lwien kollhom ġmiel lill-ġilji ta’
l-għelieqi, bi lbies wisq isbaħ minn dak tar-Re Salamun (ara Mt 6:26-32;
Lq 12:24-28); u aħna, iżid jgħid Ġesù, niswew wisq aktar
mill-ġilji u mit-tajr tas-sema! U
jekk Hu daqshekk tajjeb li “italla’
x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u
jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex” (Mt 5:45),
aħna nistgħu dejjem, mingħajr biża’ u b’fiduċja
sħiħa, nafdaw ruħna fil-maħfra tiegħu ta’ Missier meta
niżbaljaw it-triq. Alla hu Missier
twajjeb u jilqa’ u jgħannaq miegħu lill-iben mitluf li nidem (ara Lq
15:11ss), jagħti mill-qalb u b’xejn lil dawk li jitolbuh (ara Mt 18:19; Mk
11:24; Ġw 16:23) u joffri l-ħobż tas-Sema u l-ilma ħaj li
jagħti l-ħajja ta’ dejjem (ara Ġw 6:32,51,58).
Għalhekk, il-bniedem li qed jitlob
fis-Salm 27, imdawwar mill-għedewwa, assedjat mill-ħżiena u dawk
li jgħidu l-gideb fuqu, huwa u jfittex l-għajnuna tal-Mulej u
jitolbu, jista’ jagħti xhieda mimlija fidi hu u jafferma: “Għalkemm telquni missieri u ommi, il-Mulej
jilqagħni għandu” (v . 10).
Alla hu Missier li ma jħalli qatt lil uliedu waħidhom, Missier
li jħobb u jwieżen, jgħin, jilqa’ għandu, jaħfer,
isalva, b’fedeltà bil-wisq akbar minn dik tal-bnedmin, li hekk tinfetaħ
għal dimensjonijiet eterni.
“Għax għal dejjem it-tjieba tiegħu”, kif ikompli jtenni
b’mod litaniku, f’kull vers tiegħu, is-Salm 136, huwa u jimxi pass pass
ma’ l-istorja tas-salvazzjoni.
L-imħabba ta’ Alla l-Missier qatt ma tonqos, ma tixbax minna; hi
mħabba li tagħti sa l-aħħar, sas-sagrifiċċju ta’
l-Iben. Il-fidi tagħtina din
iċ-ċertezza, li ssir blata żgura fil-binja ta’ ħajjitna:
aħna nistgħu naffrontaw il-mumenti kollha ta’ diffikultà u ta’
periklu, l-esperjenza tad-dalma tal-kriżi u taż-żmien ta’
l-uġigħ il-qalb, imwieżna mill-fiduċja li Alla ma
jħalliniex waħdina u hu dejjem qrib tagħna, biex isalvana u
jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
Hu fil-Mulej Ġesù li jidher b’mod sħiħ
il-wiċċ twajjeb tal-Missier li hu fis-Smewwiet. Meta nsiru nafu lilU, nistgħu
nagħrfu wkoll lill-Missier (ara Ġw 8:19; 14:7), u meta naraw lilU,
nistgħu naraw lill-Missier, għax Hu fil-Missier u l-Missier hu fiH
(ara Ġw 14:9,11). Hu “ix-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx”, kif isejjaħlu
l-innu ta’ l-Ittra lill-Kolossin, “il-kbir fost il-ħlejjaq kollha… il-kbir
li qam mill-imwiet”, “bih għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet” u
r-rikonċiljazzjoni tal-ħwejjeġ kollha, hu li “bid-demm
tiegħu, imxerred fuq is-salib, ġieb is-sliem permezz tiegħu
fis-sema u fl-art” (ara Kol 1:13-20).
Il-fidi f’Alla l-Missier titlobna li nemmnu
wkoll fl-Iben, imqanqlin mill-Ispirtu, u li fis-Salib li jsalva nagħrfu
r-rivelazzjoni definittiva ta’ l-imħabba divina. Alla hu Missierna għax jagħtina lil
Ibnu; Alla hu Missierna għax jaħfrilna dnubietna u jwassalna
għall-hena tal-qawmien għall-ħajja; Alla hu Misiserna għax
jagħtina l-Ispirtu li jagħmilna wlied u jagħtina li
nsejħulu, fil-verità, “Abbà, Missier” (ara Rum 8:15). Għalhekk Ġesù, meta jgħallimna
nitolbu, jistedinna ngħidu: “Missierna” (Mt 6:9-13; ara Lq 11:2-4).
Mela l-paternità ta’ Alla hi mħabba bla
tmiem, ħlewwa li titbaxxa lejna, ulied dgħajfa, neqsin minn kollox. Is-Salm 103, l-innu kbir tal-ħniena
divina, ixandar: “Bħalma
jħenn il-missier għal uliedu, hekk iħenn il-Mulej għal min
għandu l-biża’ tiegħu. Għax
hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab” (vv.
13-14). U hu sewwa sew dan
iċ-ċokon tagħna, hi din in-natura dgħajfa tagħna ta’
bnedmin, hi din id-dgħufija tagħna li ssir talba lill-ħniena
tal-Mulej biex juri l-kobor u l-ħlewwa tiegħu ta’ Missier u
jgħinna, jaħfrilna u jsalvana.
U Alla jwieġeb għat-talba
tagħna, meta jibagħtilna lil Ibnu, li jmut u jqum mill-mewt
għalina; jidħol fid-dgħufija tagħna u jagħmel dak li l-bniedem
waħdu qatt ma kien ikun jista’ jagħmel: jieħu fuqU d-dnub
tad-dinja, bħal ħaruf bla ħtija, u jiftħilna mill-ġdid
it-triq lejn il-komunjoni ma’ Alla, jagħmilna tassew ulied Alla. Huwa hemm, fil-Misteru ta’ l-Għid, li
jidher fid-dawl kollu tiegħu l-wiċċ definittiv tal-Missier. U huwa hemm, fuq is-Salib glorjuż, li
tasal il-manifestazzjoni sħiħa tal-kobor ta’ Alla bħala “Missier
li jista’ kollox”.
Imma nistgħu nistaqsu lilna nfusna: Kif
jista’ jkun naħsbu fuq Alla li jista’ kollox meta nħarsu lejn
is-Salib ta’ Kristu? Lejn din il-qawwa tal-ħażen,
li tasal sal-punt li toqtol lill-Iben ta’ Alla?
Żgur li aħna nixtiequ setgħa divina li tista’ kollox
skond l-iskemi mentali tagħna u x-xewqat tagħna: Alla “li jista’
kollox” li jsolvi l-problemi, li jindaħal biex jevitalna d-diffikultajiet,
li jirbaħ lill-qawwiet ta’ kontrina, jibdel il-mixja tal-ġrajjiet u
jħassar it-tbatija. Hekk, il-lum
diversi teologi huma tal-fehma li ma jistax ikun li Alla jista’ kollox,
għax kieku ma kienx ikun hawn daqshekk tbatija, tant ħażen
fid-dinja. Fir-realtà, quddiem il-ħażen
u t-tbatija, għal ħafna nies, għalina, isir problematiku,
diffiċli, li nemmnu f’Alla Missier u li dan jista’ kollox; xi wħud
ifittxu l-kenn fl-idoli, u jċedu għat-tentazzjoni li jistgħu
jsibu tweġiba f’xi għamla ta’ “maġija” li tippretendi li tista’
kollox u fil-wegħdiet illużorji tagħha.
Imma l-fidi f’Alla li jista’ kollox
timbuttana biex nimxu f’toroq bil-wisq differenti: nitgħallmu nifhmu li
l-ħsieb ta’ Alla hu differenti minn tagħna, li t-toroq ta’ Alla huma
differenti minn tagħna (ara Is 55:8) u anki l-qawwa tiegħu li tista’
kollox [l-omnipotenza tiegħu] hi differenti; ma tesprimix ruħha
bħala qawwa awtomatika jew arbitrarja, imma hi mmarkata minn libertà
paterna u mimlija mħabba. Fil-verità,
Alla, meta ħalaq kreaturi ħielsa, u tahom il-libertà, ċaħad
parti mis-setgħa tiegħu, biex ħalla s-setgħa f’idejn
il-libertà tagħna. Hekk Hu
jħobb u jirrispetta t-tweġiba ħielsa ta’ mħabba
għas-sejħa tiegħu.
Bħala Missier, Alla jixtieq li aħna nsiru wliedu u bħala
tali ngħixu f’Ibnu, f’komunjoni, f’familjarità sħiħa
miegħU. Il-qawwa tiegħu li
tista’ kollox ma tesprimix ruħha fil-vjolenza, ma tesprimix ruħha fit-tixjin
ta’ kull setgħa ta’ l-għadu kif nixtiequ aħna, imma tesprimi
ruħha fl-imħabba, fil-ħniena, fil-maħfra, f’li
jaċċetta l-libertà tagħna u fis-sejħa ma taqta’ qatt
għall-konverżjoni tal-qalb, f’atteġġjament li minn barra
biss jidher dgħajjef – Alla donnu dgħajjef, jekk naħsbu
f’Ġesù Kristu qed jitlob, li jingħata għall-mewt. Atteġġjament li minn barra jidher
dgħajjef, imsawwar mis-sabar, mill-umiltà u mill-imħabba, juri li dan
hu l-mod veru kif tkun qawwi! Din hi
s-setgħa ta’ Alla! U din
is-setgħa għad toħroġ rebbieħa! Il-bniedem għaref ta’ Ktieb
il-Għerf hekk jgħidlu lil Alla: “Int tħenn għal kulħadd, għax tista’
kollox; int tagħlaq għajnejk għal dnubiet il-bnedmin biex huma
jindmu. Għax int tħobb
il-ħlejjaq kollha… Int, o Sid li
tħobb kull ma jgħix, lil kulħadd tagħder, għax kollox
huwa tiegħek” (11:23-24a,26).
Hu biss min hu tassew qawwi li jista’
jissaporti l-ħażen u juri ħniena; hu biss min għandu tassew
is-setgħa f’idejh li jista’ jħaddem b’mod sħiħ il-qawwa ta’
l-imħabba. U Alla, li tiegħu
huma l-ħwejjeġ kollha għax kollox sar minnU, juri l-qawwa
tiegħu billi jħobb kollox u lil kulħadd, u jistenna bis-sabar
il-konverżjoni tagħna l-bnedmin, li jixtieqna nkunu wliedu. Alla jistenna l-konverżjoni tagħna. L-imħabba ta’ Alla li tista’ kollox ma
tafx b’limiti, hekk li “anqas
lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll” (Rum 8:32). Il-qawwa ta’ l-imħabba li tista’ kollox
m’hix dik tas-setgħa tad-dinja, imma hi dik ta’ l-għotja
sħiħa, u Ġesù, l-Iben ta’ Alla, juri lid-dinja l-vera qawwa li
tista’ kollox tal-Missier meta jagħti ħajtu għalina l-midinbin. Hawn hi s-setgħa vera, awtentika u
perfetta ta’ Alla: meta għall-ħażen ma jweġibx
bil-ħażen imma bit-tajjeb, għall-insulti bil-maħfra,
għall-mibegħda li toqtol bl-imħabba li taħji. Mela tassew li l-ħażen hu
mirbuħ, għax hu maħsul mill-imħabba ta’ Alla; mela l-mewt
hi mirbuħa għal dejjem għax mibdula fid-don tal-ħajja. Alla l-Missier iqajjem lil Ibnu: il-mewt,
l-għadu l-kbir (ara 1 Kor 15:26), inbelgħet
u tneħħielha għal dejjem is-semm tagħha (ara 1 Kor
15:54-55), u aħna, meħlusa mid-dnub, nistgħu nidħlu fir-realtà
tagħna ta’ wlied Alla.
Għalhekk, meta ngħidu “Jiena nemmen
f’Alla l-Missier li jista’ kollox”, aħna nesprimu l-fidi tagħna
fil-qawwa ta’ l-imħabba ta’ Alla li f’Ibnu li miet u rxoxta jirbaħ
il-mibegħda, il-ħażen, id-dnub u jiftħilna t-triq
għall-ħajja ta’ dejjem, dik ta’ wlied li jixtiequ biss li jkunu
dejjem fid-“Dar tal-Missier”. Meta
ngħidu “Jiena nemmen f’Alla l-Missier li jista’ kollox”, fil-qawwa
tiegħu, fil-mod tiegħu kif għalina hu Missier, dan hu dejjem att
ta’ fidi, ta’ konverżjoni, ta’ bidla tal-ħsieb tagħna, tal-mod sħiħ
kif inħobbu, kif ngħixu.
Għeżież ħuti, nitolbu
lill-Mulej biex isaħħaħ il-fidi tagħna, biex jgħinna
nsibu tassew il-fidi u biex jagħtina l-qawwa li nħabbru lil Kristu
mislub u rxoxt u nagħtu xhieda tiegħu fi mħabbitna lejn Alla u
lejn il-proxxmu. U jagħtina Alla li
nilqgħu d-don tal-filjazzjoni tagħna, biex ngħixu b’mod
sħiħa ir-realtajiet tal-Kredu, billi nintreħew b’fiduċja
f’idejn l-imħabba ta’ Alla u l-qawwa ħanina tiegħu li tista’
kollox, li hi l-vera qawwa li tista’ kollox u li ssalva.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard