BENEDITTU
XVI
UDJENZA ĠENERALI
Sala
Pawlu VI
L-Erbgħa 6 ta’ Frar 2013
Jiena nemmen f’Alla: il-Ħallieq tas-sema u ta’ l-art, il-Ħallieq
tal-bnedmin
Għeżież ħuti,
Il-Kredu, li jibda
billi lil Alla jsejjaħlu “Missier li jista’ kollox”, kif diġà immeditajna l-ġimgħa
l-oħra, imbagħad iżid jgħid li
Hu “ħalaq is-sema u
l-art”, u hekk jerġa’ jaqbad ma’ l-istqarrija li biha tiftaħ il-Bibbja. Fl-ewwel vers ta’ l-Iskrittura Mqaddsa, fil-fatt, naqraw: “Fil-bidu Alla ħalaq
is-sema u l-art” (Ġen
1:1): hu Alla l-bidu ta’ kull ma jeżisti, u
fil-ġmiel tal-ħolqien
tinfetaħ quddiemna l-qawwa tiegħu li tista’ kollox ta’ Alla li jħobb.
Alla juri ruħu bħala Missier fil-ħolqien, għax hu għajn
tal-ħajja, u, hu u joħloq, juri l-qawwa tiegħu li tista’ kollox. Ix-xbihat li tuża l-Iskrittura Mqaddsa f’dawn ir-rigward huma qawwija ħafna (ara Is 40:12; 45:18; 48:13; Salm 104:2,5; 135:7; Prov 8:27-29; Ġob 38-39). Ta’ Missier tajjeb u setgħan li hu, jieħu ħsieb
ta’ dak li ħalaq bi mħabba u fedeltà li qatt ma jonqsu, itennulna s-salmi (ara Salm
57:11; 108:5; 36:6). Hekk,
il-ħolqien isir post li fih nistgħu nsiru nafu u
nagħrfu s-setgħa bla tarf tal-Mulej u t-tjieba tiegħu, u jsir
sejħa għall-fidi tagħna li nemmnu biex inxandru lil Alla
bħala Ħallieq. “Hu permezz
tal-fidi”, jikteb l-awtur ta’ l-Ittra lil-Lhud, “li aħna nemmnu kif Alla
ħoloq id-dinja bil-kelma tiegħu, hekk li minn dak li ma narawx sar
dak li jidher” (11:3). Mela l-fidi
titlob li nitgħallmu nagħrfu dak li ma jidhirx billi nfittxu
ħjiel tiegħu fid-dinja li tidher.
Min jemmen, jaf jaqra l-ktieb il-kbir tan-natura u jifhem
il-lingwaġġ tiegħu (ara Salm 19:2-5); imma hi meħtieġa
l-Kelma tar-Rivelazzjoni, li tqanqal il-fidi, biex il-bniedem jista’ jasal
għall-għarfien sħiħ tar-realtà ta’ Alla bħala
Ħallieq u Missier. Hu fil-ktieb ta’
l-Iskrittura Mqaddsa li l-għerf uman jista’ jsib, fid-dawl tal-fidi,
il-muftieħ ta’ interpretazzjoni biex jifhem id-dinja ta’ madwaru. B’mod partikulari, għandu post
speċjali l-ewwel kapitlu tal-Ġenesi, bil-preżentazzjoni solenni
ta’ l-opra divina tal-ħolqien mifruxa fuq sebat ijiem: f’sitt ijiem Alla
jwassal sa tmiemha l-opra tal-ħolqien u fis-seba’ jum, is-Sibt, jieqaf
mix-xogħol kollu tiegħu u jistrieħ. Hu jum ta’ ħelsien għal
kulħadd, jum ta’ komunjoni ma’ Alla.
U hekk, b’din ix-xbieha, il-ktieb tal-Ġenesi jurina li l-ewwel
ħsieb ta’ Alla kien li jsib imħabba li kapaċi twieġeb
għall-imħabba tiegħu.
It-tieni ħsieb imbagħad hu li joħloq dinja materjali fejn
jista’ jqiegħed din l-imħabba, dawn il-ħlejjaq li jweġbuh
b’libertà. Għalhekk, minħabba
f’din l-istruttura, it-test hu mibni fuq xi ripetizzjonijiet sinifikattivi. Għal sitt darbiet, ngħidu
aħna, insibu mtennija l-frażi: “U Alla ra li kollox kien tajjeb” (vv.
4,10,12,18,21,25), biex imbagħad is-seba’ darba, wara l-ħolqien
tal-bniedem, jikkonkludi hekk: “U ħares Alla lejn kull ma kien għamel,
u, ara, kollox kien tajjeb ħafna” (v. 31).
Kull ma joħloq Alla hu sabiħ u tajjeb, mogħni bl-għerf
u bl-imħabba; l-azzjoni ħallieqa ta’ Alla ġġib l-ordni, iddaħħal
l-armonija, tagħti l-ġmiel.
Mir-rakkont tal-Ġenesi, imbagħad, joħroġ ċar li
l-Mulej qed joħloq bil-kelma tiegħu: għal għaxar darbiet
naqraw fit-test l-espressjoni “qal Alla” (vv. 3,6,9,11,14,20,24,26,28,29). Hi l-kelma, il-Logos ta’ Alla, l-għerq tar-realtajiet tad-dinja, u allura meta
l-Ġenesi jgħid “qal Alla”, u hekk kien, irid jagħfas fuq
il-qawwa effikaċi tal-Kelma divina.
Hekk jgħanni s-Salmista: “Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet, u
b’nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom…, għax hu tkellem, u l-art saret;
hu ordna, u hi twaqqfet” (33:6,9). Tfiġġ
il-ħajja, teżisti d-dinja, għax kollox jobdi lill-Kelma divina.
Imma
l-mistqosija tagħna l-lum hi: F’din l-epoka tax-xjenza u
tat-teknoloġija, għadu jagħmel sens li nitkellmu fuq
il-ħolqien? Kif għandna nifhmu
r-rakkonti tal-Ġenesi? Il-Bibbja ma
tridx tkun xi manwal tax-xjenzi naturali; anzi trid tgħinna nifhmu
l-verità awtentika u profonda ta’ l-affarijiet.
Il-verità fundamentali li r-rakkonti tal-Ġenesi juruna
hi li d-dinja m’hix xi ġabra ta’ qawwiet waħda kontra l-oħra,
imma għandha l-għerq u l-istabbiltà tagħha
fil-Logos, fir-Raġuni eterna ta’
Alla, li tkompli twieżen l-univers.
Hemm pjan għad-dinja li jitwieled minn din ir-Raġuni,
mill-Ispirtu ħallieq. Jekk nemmnu
li fil-bażi ta’ kollox hemm din, dan idawwal kull aspett ta’
l-eżistenza tagħna u jagħtina l-kuraġġ biex naffrontaw
bil-fiduċja u t-tama l-avventura tal-ħajja. Għalhekk, l-Iskrittura tgħidilna li
fil-bidu ta’ l-eżistenza, tad-dinja, ta’ l-oriġni tagħna m’hemmx
l-irrazzjonali u n-neċessità, imma r-raġuni u l-imħabba u
l-libertà. Minn hawn toħroġ
l-alternattiva: jew prijorità lill-irrazzjonali, lin-neċessità, jew prijorità
lir-raġuni, lil-libertà, lill-imħabba. Aħna nemnu f’din it-tieni
pożizzjoni.
Imma
nixtieq ngħid ukoll kelma fuq dak li hu l-quċċata tal-ħolqien
kollu: ir-raġel u l-mara, il-bniedem, li hu waħdu “kapaċi li jagħraf
u jħobb lil Dak li ħalqu” (Kostituzzjoni
pastorali Gaudium et spes, 12). Is-Salmista, meta jħares lejn
is-smewwiet, jistaqsi: “Inħares lejn is-smewwiet, għemil
subgħajk, il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom! X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih, bin
il-bniedem, biex taħseb fih?” (8:4-5).
Il-bniedem, maħluq bl-imħabba ta’ Alla, hu tabilħaqq ħaġa
żgħira wisq quddiem l-immensità ta’ l-univers; xi drabi, meta
ħarisna mistagħġba lejn il-meded kbar tas-smewwiet, anki
aħna ntbaħna b’kemm aħna limitati. Il-bniedem għandu fih dan il-paradoss:
iċ-ċokon tagħna u l-limitazzjonijiet tagħna jgħixu
flimkien mal-kobor ta’ dak li l-imħabba eterna ta’ Alla riedet
għall-bniedem.
Ir-rakkonti
tal-ħolqien fil-ktieb tal-Ġenesi jdaħħluna wkoll f’dan
l-ambitu misterjuż, u jgħinuna nagħrfu l-pjan ta’ Alla
għall-bniedem. L-ewwel nett, jaffermaw
li Alla sawwar il-bniedem mit-trab ta’ l-art (ara Ġen 2:7). Dan ifisser li aħna m’aħniex Alla,
ma sirniex waħidna, aħna ħamrija ta’ l-art; imma jfisser ukoll
li aħna ġejjin mill-ħamrija t-tajba, frott il-ħidma tal-Ħallieq
twajjeb. Ma’ dan inżidu realtà oħra
fundamentali: il-bnedmin kollha huma
trab, lil hemm mid-distinzjonijiet maħluqa mill-kultura u l-istorja, lil
hemm minn kull differenza soċjali; aħna umanità waħda
magħġuna mill-istess ħamrija ta’ Alla. Imbagħad hemm ukoll element ieħor:
il-bniedem jidħol fl-eżistenza għax Alla jonfoħ nifs
il-ħajja fil-ġisem imsawwar mit-trab ta’ l-art (ara Ġen 2:7). Il-bniedem hu maħluq fuq is-sura u
x-xbieha ta’ Alla (ara Ġen 1:26-27).
Allura lkoll kemm aħna nġorru fina n-nifs ta’ Alla li
jagħti l-ħajja u kull ħajja umana – tgħidilna l-Bibbja –
qiegħda taħt il-ħarsien partikulari ta’ Alla. Din hi r-raġuni l-aktar profonda
għall-invjolabbiltà tad-dinjità umana kontra kull tentazzjoni li tiġina
li nivvalutaw il-persuna skond kriterji utilitarjanistiċi u ta’ poter. Il-fatt li aħna maħluqa fuq is-sura
u x-xbieha ta’ Alla mbagħad jindika li l-bniedem m’hux magħluq fih
innifsu, imma jsib riferiment essenzjali f’Alla.
Fl-ewwel
kapitli tal-ktieb tal-Ġenesi nsibu żewġ xbihat b’tifsira
importanti: il-ġnien bis-siġra ta’ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin,
u s-serp (ara 2:15-17; 3:1-5).
Il-ġnien jurina li r-realtà li fiha Alla poġġa
lill-bniedem m’hix foresta selvaġġa, imma post biex jipproteġih,
jitimgħu u jsostnih; u l-bniedem għandu jagħraf id-dinja mhux
bħala propjetà li jista’ jaħtaf taħt idejh u jisfruttaha, imma
bħala rigal tal-Ħallieq, sinjal tar-rieda tiegħu li ssalva, don
li għandu jikkultivah u jħarsu, ikabbru u jiżviluppah
bir-rispett, bl-armonija, billi jimxi mar-ritmi u l-loġika tiegħu,
skond il-pjan ta’ Alla (ara Ġen 2:8-15).
Imbagħad hemm is-serp, li hu figura li ġejja mill-kulti
Orjentali tal-fertilità, li lil Israel kienu jaffaxxinawh u kienu tentazzjoni
kontinwa għalih biex iwarrab għall-ġenb il-patt misterjuż
ma’ Alla. F’dan id-dawl, l-Iskrittura
Mqaddsa tippreżenta t-tentazzjoni li jġarrbu Adam u Eva bħala l-qalba
tat-tentazzjoni u tad-dnub. Fil-fatt
araw x’jgħid is-serp! Ma
jiċħadx lil Alla, imma jqajjem mistoqsija qarrieqa: “Tassew li Alla
qalilkom: ‘La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien’?” (Ġen 3:1). B’dan il-mod is-serp iqanqal is-suspett li
l-patt ma’ Alla hu bħal katina li torbot, li ċċaħħad
mil-libertà u mill-aktar ħwejjeġ sbieħ u prezzjużi
tal-ħajja. It-tentazzjoni ssir dik li
nibnu waħidna d-dinja li fiha ngħixu, li ma naċċettawx
il-limitazzjonijiet tagħna bħala ħlejjaq, il-limitazzjonijiet
tat-tajjeb u tal-ħażin, tal-moralità; id-dipendenza fuq
l-imħabba ħallieqa ta’ Alla tibda tidher bħala toqol li
wieħed għandu jeħles minnu.
Dejjem din hi l-qalba tat-tentazzjoni.
Imma meta r-relazzjoni ma’ Alla tiġi mgħawġa b’gidba, u
nieħdu postu aħna, jinbidlu wkoll ir-relazzjonijiet l-oħra
kollha. B’dan il-mod, l-ieħor isir
għadu, isir theddida: Adam, wara li jkun waqa’ għat-tentazzjoni,
mill-ewwel jakkuża lil Eva (ara Ġen 3:12); it-tnejn li huma
jistaħbew minn taħt għajnejn dak Alla li miegħu kienu
jitkellmu bi ħbiberija (ara 3:8-10); id-dinja m’għadhiex iżjed
dak il-ġnien li fih jgħixu fl-armonija, imma ssir post li jisfruttawh
u fejn hemm mistoħbija l-perikli (ara 3:14-19); jidħlu fil-qalb
tal-bniedem l-għira u l-mibegħda lejn l-ieħor: eżempju
ċar hu Kajjin li joqtol lill-istess ħuh Abel (ara 4:3-9). Huwa u jeħodha kontra l-Ħallieq tiegħu,
fir-realtà l-bniedem ikun qed imur kontra tiegħu nnifsu, jiċħad
l-oriġni tiegħu u allura l-verità tiegħu; u jidħol
fid-dinja l-ħażen, bil-katina tqila tiegħu tat-tbatija u
l-mewt. U hekk, kull ma Alla kien
ħalaq kien tajjeb, anzi, tajjeb ħafna; u wara din l-għażla ħielsa
tal-bniedem għall-gidba kontra l-verità, jidħol il-ħażen
fid-dinja.
Mir-rakkonti
tal-ħolqien, nixtieq niġbed tagħlima oħra ta’
l-aħħar: id-dnub iġib id-dnub, u d-dnubiet kollha ta’ l-istorja
huma marbuta bejniethom. Dan l-aspett iwassalna
biex nitkellmu dwar dak li jissejjaħ id-“dnub oriġinali”. Liema hi t-tifsira ta’ din ir-realtà, hekk
diffiċli biex nifhmuha? Nixtieq
biss nagħti ftit punti. Qabel xejn
għandna nqisu li l-ebda bniedem m’hu magħluq fih innifsu, ħadd
ma jista’ jgħix biss bih innifsu u għalih innifsu; aħna
nirċievu l-ħajja mill-ieħor, u dan mhux biss fil-waqt
tat-twelid, imma kuljum. Il-bniedem hu
relazzjoni: jiena jien innifsi biss fl-int u permezz ta’ l-int, fir-relazzjoni
ta’ l-imħabba ma’ l-Int ta’ Alla u l-int ta’ l-oħrajn. Għalhekk, id-dnub ifisser li xxekkel jew
teqred ir-relazzjoni ma’ Alla, din hi l-essenza tiegħu: li teqred
ir-relazzjoni ma’ Alla, ir-relazzjoni fundamentali, u tpoġġi int
fil-post ta’ Alla. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika
jgħidilna li bl-ewwel dnub tiegħu, il-bniedem “għażel lilu
nnifsu flok Alla, flok dak li kienet titlob minnu l-qagħda tiegħu ta’
maħluq, u għalhekk ukoll flok il-ġid propju tiegħu” (nru 398). Issa li ġiet imfixkla r-relazzjoni
fundamentali, jinsabu f’riskju jew inqerdu wkoll it-truf l-oħra
tar-relazzjoni; id-dnub jeqred ir-relazzjonijiet, mela jeqred kollox, għax
aħna relazzjoni. Issa, jekk
l-istruttura relazzjonali ta’ l-umanità hi mġarrba sa mill-bidu, kull
bniedem jiġi f’dinja mmarkata minn dan it-tifrik tar-relazzjonijiet,
jidħol f’dinja mħarbta mid-dnub, li minnu jiġi mmarkat b’mod
personali; id-dnub tal-bidu jhedded u jidrob in-natura umana (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika,
404-406). U l-bniedem waħdu,
wieħed waħdu, ma jistax joħroġ minn din is-sitwazzjoni, ma
jistax jifdi lilu nnifsu waħdu; il-Ħallieq innifsu biss jista’ jġedded
ir-relazzjonijiet it-tajba. Huwa biss
jekk Dak li minnu tbegħidna, jiġi għandna u jżommilna
jdejna bi mħabba, li r-relazzjonijiet tajba jistgħu jiġu
meħjuta flimkien mill-ġdid.
Dan iseħħ f’Ġesù Kristu, li jaqbad eżattament
it-triq bil-kontra ta’ dik ta’ Adam, kif ifissrilna l-innu fit-tieni kapitlu
ta’ l-Ittra ta’ San Pawl lill-Filippin (2:5-11): fil-waqt li Adam ma
jagħrafx li hu ħlejqa u jrid joqgħod hu fil-post ta’ Alla,
Ġesù, l-Iben ta’ Alla, jinsab f’relazzjoni filjali perfetta mal-Missier,
jitbaxxa, isir l-ilsir, jimxi t-triq ta’ l-imħabba billi
jiċċekken sal-mewt tas-salib, biex jerġa’ jqiegħed fl-ordni
r-relazzjonijiet ma’ Alla. Is-Salib ta’
Kristu b’hekk isir is-siġra l-ġdida tal-ħajja.
Għeżież ħuti, ngħixu bil-fidi jfisser nagħrfu l-kobor ta’ Alla u naċċettaw iċ-ċokon
tagħna, il-kundizzjoni
tagħna ta’ ħlejjaq,
u nħallu lill-Mulej jiksiha bl-imħabba
tiegħu,
u b’hekk jogħla ’l fuq il-veru kobor
tagħna. Il-ħażen,
bit-toqol tiegħu ta’ wġigħ u tbatija, hu misteru li jiddawwal
mill-fidi, li tagħtina
ċ-ċertezza li nistgħu
ninħelsu: iċ-ċertezza
li hi ħaġa tajba
li tkun bniedem.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti
minn Francesco Pio Attard