ŻJARA PASTORALI F’TURIN

 QIMA LIL-LIŻAR IMQADDES

MEDITAZZJONI TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

 Il-Ħadd 2 ta’ Mejju 2010

 

"Mal-mogħdija taż-żmien sirt iktar sensibbli għall-messaġġ ta’ din l-Ikona straordinarja"

 

Għeżież ħbieb,

 

Għalija dan hu mument li ili nistenna ħafna.  F’bosta okkażjonijiet oħra sibt ruħi quddiem il-Liżar imqaddes, imma din id-darba qed ngħix dan il-pellegrinaġġ u din il-waqfa b’intensità partikulari: forsi għax mal-mogħdija taż-żmien sirt iktar sensibbli għall-messaġġ ta’ din l-Ikona straordinarja; forsi, u ngħid fuq kollox, għaliex ninsab hawn bħala Suċċessur ta’ Pietru, u qed inġorr f’qalbi lill-Knisja kollha, anzi, lill-umanità kollha.  Irrodd ħajr lil Alla għad-don ta’ dan il-pellegrinaġġ, u anki għall-opportunità li nista’ naqsam magħkom meditazzjoni qasira, li tnebbaħt għaliha mis-sottotitlu ta’ din l-Ostensjoni solenni: “Il-misteru ta’ Sibt il-Għid”.

 

Nistgħu ngħidu li l-Liżar hu l-Ikona ta’ dan il-misteru, l-Ikona ta’ Sibt il-Għid.  Fil-fatt hu kefen, li fih kebbu l-ġisem mejjet ta’ raġel mislub li f’kollox jikkorrispondi għal dak li l-Vanġeli jgħidulna dwar Ġesù, li, mislub lejn nofs in-nhar, ħa l-aħħar nifs tiegħu lejn it-tlieta ta’ wara nofs in-nhar.  Qabel inżul ix-xemx, billi kien Jum it-Tħejjija, jiġifieri lejlet is-Sibt solenni ta’ l-Għid, Ġużeppi ta’ Arimatija, raġel għani u membru awtorevoli tas-Sinedriju, bil-kuraġġ kollu resaq jitlob lil Ponzju Pilatu jħallih jidfen lil Ġesù fil-qabar ġdid tiegħu, li kien tħaffer fil-blat tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod mill-Golgota.  Malli kiseb il-permess meħtieġ, xtara liżar ta’ l-għażel u, hekk kif niżżlu lil Ġesù mis-salib, keffnu f’dan il-liżar u qiegħdu f’dak il-qabar (ara Mk 15:42-46).  Hekk jgħidilna l-Vanġelu ta’ San Mark, u miegħu jaqblu l-Evanġelisti l-oħra.  Minn dak il-ħin, Ġesù baqa’ fil-qabar sa sbiħ il-jum ta’ l-għada tas-Sibt, u l-Liżar ta’ Turin joffrilna x-xbieha ta’ kif kien dan il-ġisem mimdud fil-qabar għal dak il-ħin, li kronoloġikament kien qasir (qrib ġurnata u nofs), imma kien immens, infinit fil-valur u fit-tifsira tiegħu.

 

Sibt il-Għid hu l-jum li fih Alla nħeba, kif naqraw f’Omelija antika: “X’inhu dan li ġara?  Il-lum fid-dinja waqa’ skiet kbir; skiet kbir, imbagħad solitudni; skiet kbir, għax is-Sultan raqad…  Alla bħala bniedem miet, u heżżeż art l-imwiet” (Omelija fuq is-Sibt qaddis ta’ l-Għid, PG 43, 439).  Fil-Kredu, aħna nistqarru li Ġesù Kristu “bata taħt Ponzju Pilatu, sallbuh, miet u difnuh; niżel bejn l-imwiet, mat-tielet jum qam minn bejn l-imwiet”.

 

Għeżież ħuti, fi żmienna, speċjalment wara l-esperjenza tas-seklu l-ieħor, l-umanità saret partikularment sensibbli għall-misteru ta’ Sibt il-Għid.  Il-ħabi ta’ Alla hu parti mill-ispiritwalità tal-bniedem tal-lum, b’mod eżistenzjali, kważi inkonxju, bħala vojt fil-qalb li dejjem jitwessa’ iżjed.  Lejn tmiem is-seklu dsatax, Nietzsche kiteb hekk: “Alla miet!  U aħna qtilnieh!”.  Din l-espressjoni ċelebri, meta nifluha mill-qrib, hi meħuda kważi kelma b’kelma mit-tradizzjoni Nisranija, spiss intennuha fil-Via Crucis, forsi mingħajr ma nintebħu għal kollox dwar dak li nkunu llissnu.  Wara ż-żewġ gwerer dinjija, il-lager u l-gulag, Hiroshima u Nagasaki, l-epoka tagħna saret dejjem iżjed Sibt il-Għid: id-dalma ta’ dan il-jum tqanqal lil dawk kollha li jistaqsu dwar il-ħajja, b’mod partikulari tqanqal lilna li nemmnu.  Anki aħna għandna x’naqsmu ma’ din id-dalma.

 

U minkejja dan kollu, il-mewt ta’ l-Iben ta’ Alla, ta’ Ġesù ta’ Nazareth għandha aspett oppost, totalment pożittiv, għajn ta’ faraġ u ta’ tama.  U dan ifakkarni fil-fatt li l-Liżar imqaddes hu bħal dokument “fotografiku”, li għandu “pożittiva” u “negattiva”.  U fil-fatt hekk hu: l-aktar misteru mudlam tal-fidi hu fl-istess waqt is-sinjal l-aktar imdawwal ta’ tama bla tmiem.  Sibt il-Għid hu “art m’hi ta’ ħadd” bejn il-mewt u l-qawmien, imma f’din l-“art m’hi ta’ ħadd” daħal Wieħed, il-Waħdieni, li qasamha bis-sinjali tal-Passjoni tiegħu għall-bniedem: “Passio Christi. Passio hominis”.  U l-Liżar ikellimna sewwa sew fuq dan il-mument, qiegħed hemm biex jagħti preċiżament xhieda ta’ dan l-intervall uniku u irripetibbli fl-istorja tal-bnedmin u ta’ l-univers, meta Alla, f’Ġesù Kristu, mhux biss qasam magħna fil-mewt tagħna, imma anki baqa’ magħna f’din il-mewt.  L-aktar solidarjetà radikali.

 

F’dak iż-“żmien-lil-hemm-miż-żmien” Ġesù Kristu “niżel bejn l-imwiet”.  Xi tfisser din l-espressjoni?  Tfisser li Alla, meta sar bniedem, wasal sal-punt li daħal fis-solitudni estrema u assoluta tal-bniedem, fejn l-ebda raġġ ta’ mħabba ma jwassal, fejn isaltan l-abbandun totali mingħajr ebda kelma ta’ faraġ: “l-imwiet”.  Ġesù Kristu qagħad f’din l-mewt, rifes lil hemm mill-bieb ta’ din is-solitudni aħħarija biex anki lilna jmexxina lil hemm miegħU.  Kollha kemm aħna xi darba jew oħra kellna sensazzjoni ta’ biża’ li ġejna mitluqin għal riħna, u dak li l-aktar ibeżżagħna fil-mewt hu sewwa sew dan, l-istess kif ta’ tfal bżajna li nibqgħu waħidna fid-dlam u l-preżenza ta’ persuna li tħobbna biss tista’ sserrħilna rasna.  Araw, dan hu li seħħ nhar Sibt il-Għid: fis-saltna tal-mewt instema’ jidwi leħen Alla.  Seħħ dak li ħadd ma kien jaħseb li seta’ jseħħ: jiġiferi li l-Imħabba daħlet “bejn l-imwiet”: anki fl-eqqel dlam ta’ l-iktar solitudni umana assoluta aħna nistgħu nisimgħu leħen li jsejħilna u nsibu driegħ li jerfagħna u joħroġna minn hemm.  Il-bniedem jgħix għax hu maħbub u jista’ jħobb; u jekk anki fl-ispazju tal-mewt daħlet l-imħabba, allura anki hemm waslet il-ħajja.  Fis-siegħa ta’ l-eqqel solitudni m’aħna se nkunu qatt waħidna: “Passio Christi. Passio hominis”.

 

Dan hu l-misteru ta’ Sibt il-Għid!  Sewwa sew minn hemm, mid-dalma tal-mewt ta’ l-Iben ta’ Alla, xiref id-dawl ta’ tama ġdida: id-dawl tal-Qawmien.  U araw, jidhirli li meta nħarsu lejn dan il-Liżar imqaddes bl-għajnejn tal-fidi, nistgħu nilmħu xi ħaġa minn dan id-dawl.  Fil-fatt, il-Liżar kien mgħaddas f’din id-dalma profonda, imma fl-istess waqt kollha dawl; u jiena naħseb li jekk eluf fuq eluf ta’ persuni jiġu jqimuh – bla ma ngħoddu kemm oħrajn jikkontemplawh permezz tax-xbihat – dan għax fih ma jarawx biss id-dlam, imma anki d-dawl; mhux daqstant it-telfa tal-ħajja u ta’ l-imħabba, imma pjuttost ir-rebħa, ir-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt, ta’ l-imħabba fuq il-mibegħda; jaraw, iva, il-mewt ta’ Ġesù, imma jilmħu riesaq il-Qawmien tiegħu; qalb il-mewt issa hemm tħabbat il-ħajja, la fiha hemm l-imħabba.  Din hi l-qawwa li għandu l-Liżar: minn wiċċ dan ir-“Raġel tat-tbatijiet”, li jġorr fuqu l-passjoni tal-bniedem ta’ kull żmien u ta’ kull post, anki l-passjonijiet tagħna, it-tbatijiet tagħna, id-diffikultajiet tagħna, id-dnubiet tagħna – “Passio Christi. Passio hominis” –, minn dan il-wiċċ tirrifletti maestà solenni, sinjorija paradossali.  Dan il-wiċċ, dawn l-idejn u dawn ir-riġlejn, dan il-kustat, dan il-ġisem kollu jitkellem, huwa nnifsu hu kelma li nistgħu nisimgħu fis-skiet.  Kif jitkellem il-Liżar?  Jitkellem bid-demm, u d-demm hu l-ħajja!  Il-Liżar hu Ikona miktuba bid-demm; dejjem ta’ bniedem imsawwat, inkurunat bix-xewk, mislub u miġruħ fil-kustat tal-lemin.  Ix-xbieha mmarkata fuq il-Liżar hi dik ta’ bniedem mejjet, imma d-demm jitkellem dwar ħajtu.  Kull ħjiel ta’ demm jitkellem dwar l-imħabba u l-ħajja.  Speċjalment dik it-tebgħa kbira qrib il-kustat, magħmula minn demm u ilma li ħarġu jgelglu minn ġerħa kbira kkawżata minn daqqa ta’ lanza Rumana, dawk id-demm u l-ilma jitkellmu dwar il-ħajja.  Huma bħal għajn li tpespes fis-silenzju, u aħna nistgħu nħossuha, nistgħu nisimgħuha, fis-skiet ta’ Sibt il-Għid.

 

Għeżież ħbieb, infaħħru dejjem lill-Mulej għall-imħabba fidila u ħanina tiegħu.  Aħna u ħerġin minn dan l-imkien qaddis, inġorru f’għajnejna x-xbieha tal-Liżar, inġorru f’qalbna dik il-kelma ta’ mħabba, u nfaħħru lil Alla b’ħajja mimlija bil-fidi, bit-tama u bl-imħabba.  Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard