Katekeżi tal-Papa Benedittu XVI dwar il-Kredu Nru
1
23
ta' Jannar 2013
Għeżież ħuti,
F’din is-Sena tal-Fidi, nixtieq il-lum nibda
nirrifletti flimkien magħkom fuq il-Kredu, jiġifieri fuq
l-istqarrija solenni tal-fidi li takkumpanja l-ħajja tagħna li nemmnu.
Il-Kredu jiftaħ hekk: “Jiena nemmen f’Alla”. Hi
stqarrija fundamentali, li minn barra tidher sempliċi fl-essenzjalità
tagħha, imma li tiftaħ lill-bniedem għad-dinja infinita
tar-relazzjoni tiegħu mal-Mulej u mal-misteru tiegħu. Li temmen
f’Alla jimplika li taċċetta li jidħol f’ħajtek, li tilqa’
l-Kelma tiegħu u tobdi bil-ferħ ir-rivelazzjoni tiegħu.
Kif jgħallem il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, “il-fidi hi
att personali: hi t-tweġiba ħielsa tal-bniedem għall-inizjattiva
ta’ Alla li jirrivela lilu nnifsu” (nru 166). Għalhekk, li aħna
nistgħu ngħidu li nemmnu f’Alla, dan hu don – Alla jurina lilu
nnifsu, jiġi jiltaqa’ magħna – u wkoll impenn, hu grazzja divina u
responsabbiltà umana, esperjenza ta’ djalogu ma’ Alla li, minħabba fi
mħabbtu, “jitkellem mal-bnedmin bħal ħbieb” (Dei Verbum,
2), jitkellem magħna sakemm, fil-fidi u bil-fidi, nistgħu nidħlu
f’komunjoni miegħU.
Fejn nistgħu nisimgħu lil Alla u l-kelma
tiegħu? Fundamentalment hu fl-Iskrittura Mqaddsa li l-Kelma ta’ Alla
nistgħu nisimgħuha u ssir ikel għall-ħajja tagħna ta’
“ħbieb” ta’ Alla. Il-Bibbja kollha tirrakkonta kif Alla wera
ruħu lill-bnedmin; il-Bibbja kollha titkellem dwar il-fidi u tgħallem
il-fidi billi tirrakkonta ġrajja li fiha Alla jwettaq il-pjan tiegħu
tal-fidwa u jersaq qrib tagħna l-bnedmin, permezz ta’ tant figuri
jixegħlu ta’ persuni li jemmnu fiH u jafdaw ruħhom f’idejH, sa ma
tasal il-milja tar-rivelazzjoni fil-Mulej Ġesù.
F’dan ir-rigward, hu sabiħ ħafna
l-kapitlu 11 ta’ l-Ittra lil-Lhud, li għadna kemm smajna. Hawn
l-awtur jitkellem dwar il-fidi u jpoġġi taħt il-lenti l-figuri
kbar Bibliċi li għexuha, biex hekk saru mudell għal dawk kollha
li jemmnu. Jgħid hekk it-test fl-ewwel vers: “Il-fidi hija pedament
tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ
li ma narawx” (11:1). Mela l-għajnejn tal-fidi huma kapaċi
jaraw dak li ma jidhirx u l-qalb ta’ min jemmen tista’ tittama ’l hemm minn
kull tama, l-istess bħal Abraham, li dwaru Pawlu fl-Ittra lir-Rumani
jgħid li “meta ma kellu ebda tama, ittama u emmen” (4:18).
U propju fuq Abraham li nixtieq nieqaf u
niġbed l-attenzjoni tagħna, għax hu l-ewwel figura importanti li
għaliha għandna nirriferu meta nitkellmu dwar il-fidi f’Alla:
Abraham, il-Patrijarka kbir, mudell eżemplari, missier ta’ dawk kollha li
jemmnu (ara Rum 4:11-12). L-Ittra lil-Lhud hekk tippreżentah:
“Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham jobdi s-sejħa ta’ Alla,
meta dan qallu biex imur f’art li kien se jagħtih b’wirt; u telaq, bla ma
kien jaf fejn kien sejjer. Kienet il-fidi li ġagħlitu jgħammar
fl-art imwiegħda, qisu barrani f’art barranija, u jgħix taħt
it-tined flimkien ma’ Iżakk u Ġakobb, li kienu werrieta miegħu
ta’ l-istess wegħda; għax hu kien iħares ’il quddiem, lejn
il-belt mibnija fis-sod, li l-imgħallem u l-bennej tagħha huwa Alla” (11:8-10).
L-awtur ta’ l-Ittra lil-Lhud hawn qed jirriferi
għas-sejħa ta’ Abraham, irrakkontata fil-Ktieb tal-Ġenesi,
l-ewwel ktieb tal-Bibbja. X’jitolbu Alla lil dan il-Patrijarka?
Jitolbu biex jitlaq u jħalli warajh lill-istess artu biex jimxi lejn
pajjiż li kellu jurih hu: “Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek,
u minn dar missierek, lejn l-art li jien nurik” (Ġen 12:1). Kif
konna nwieġbu aħna għal stedina bħal din? Fil-fatt,
dan hu tluq fid-dlam, mingħajr ma jaf lejn fejn sa jmexxih Alla; hi mixja
li titlob ubbidjenza u fiduċja radikali, li l-fidi biss tista’ twassal
għalihom. Imma d-dlam ta’ dak li m’hux magħruf – lejn fejn sa
jmur Abraham – jiġi ċċarat mid-dawl ta’ wegħda; mal-kmand
tiegħu Alla jżid kelma ta’ ċertezza li tiftaħ quddiem Abraham
futur ta’ ħajja fil-milja tagħha: “Jien nagħmlek ġens kbir,
inbierkek u nkabbarlek ismek… u jitbierku bik it-tribujiet kollha ta’ l-art”
(Ġen 12:2,3).
Fl-Iskrittura Mqaddsa, il-barka hi marbuta l-ewwel
u qabel xejn mar-rigal tal-ħajja li jiġi minn għand Alla u
jidher fuq kollox fil-fertilità, f’ħajja li titkattar, li tgħaddi
minn ġenerazzjoni għall-oħra. U ma’ din il-barka hi
marbuta wkoll l-esperjenza ta’ li wieħed ikollu art tiegħu, ta’ post
stabbli fejn jgħix u jikber fil-libertà u ċ-ċertezza, fil-biża’
ta’ Alla, huwa u jibni soċjetà ta’ bnedmin fidili lejn il-Patt, “saltna
ta’ qassisin u ġens qaddis” (ara Eż 19:6).
Għalhekk Abraham, fil-pjan divin, hu destinat
li jsir “missier kotra kbira ta’ ġnus” (Ġen 17:5; ara Rum 4:17-18) u
biex jidħol jgħix f’art ġdida. B’danakollu, martu Sara hi
sterili, ma jistax ikollha tfal; u l-pajjiż li lejh Alla qed imexxih hu
mbiegħed minn art twelidu, diġà hemm jgħixu fih ġnus
oħra, u qatt m’hu sa jkun tiegħu tassew. In-narratur Bibliku
jagħfas fuq dan il-fatt, anki jekk b’ħafna diskrezzjoni: meta Abraham
wasal fil-post tal-wegħda li saritlu minn Alla, “dak iż-żmien
kien hemm il-Kangħanin fl-art” (Ġen 12:6). L-art li Alla
jagħti lil Abraham m’hix tiegħu, hu barrani fiha u hekk sa jibqa’
għal dejjem, b’dak kollu li dan iġib miegħu: f’moħħok
ma jkollokx miri li tippossedi, tħossok dejjem fqir, tara kollox
bħala don. Din hi wkoll il-kundizzjoni spiritwali ta’ min
jaċċetta li jimxi wara l-Mulej, ta’ min jiddeċiedi li jitlaq
biex jilqa’ s-sejħa tiegħu, taħt is-sinjal tal-barka
tiegħu, barka li ma tidhirx imma hi qawwija. U Abraham, “missier ta’
dawk li jemmnu”, jilqa’ din is-sejħa, bil-fidi. Jikteb San Pawl
fl-Ittra lir-Rumani: “Meta ma kellu ebda tama, Abraham ittama u emmen; u hekk
sar missier ta’ kotra kbira ta’ ġnus, skond ma kien intqal lilu: ‘Hekk
għad ikun in-nisel tiegħek’. U ma naqasx fil-fidi tiegħu,
anqas meta ġieb quddiem għajnejh li ġismu kien mejjet għax
kien għoddu laħaq il-mitt sena, u mejjet ukoll kien ġuf
Sara. Quddiem il-wegħda ta’ Alla ma qagħadx italla’ u
jniżżel jekk jemminx jew le, imma ssaħħaħ fil-fidi,
filwaqt li gglorifika lil Alla u żamm bis-sħiħ li min kien
għamillu l-wegħda kien qawwi biżżejjed biex iżomm kelmtu” (Rum
4:18-21).
Il-fidi twassal lil Abraham biex jagħmel mixja
paradossali. Hu jkun imbierek imma mingħajr is-sinjali viżibbli
ta’ din il-barka: jilqa’ l-wegħda li jsir ġens kbir, imma
b’ħajja mmarkata mill-isterilità ta’ martu Sara; iħalli lil min
imexxih lejn pajjiż ġdid, imma hemm ikollu jgħix ta’ barrani; u
l-unika pussess ta’ art li jitħalla jkollu jkun biċċa
għalqa biex fiha jidfen lil Sara (ara Ġen 23:1-20). Abraham
jiġi mbierek għax, bil-fidi, jaf jiddixxerni l-barka divina u jmur ’l
hemm minn dak li jidher, jafda fil-preżenza ta’ Alla anki meta triqatU
jidhrulu misterjużi.
Xi jfisser dan għalina? Meta nistqarru
“Jiena nemmen f’Alla”, bħal Abraham inkunu ngħidulu: “Jiena nafda
fiK; nafda ruħi f’idejK, Mulej”, imma mhux bħala Xi Ħadd li
għandi ndur lejh fil-mumenti iebsin jew niddedikalu xi ftit ħin
mill-ġurnata jew mill-ġimgħa tiegħi. Meta ngħid
“Jiena nemmen”, dan ifisser li nibni ħajti fuqU, inħalli l-Kelma
tiegħu torjentaha kull jum tagħha, fl-għażliet konkreti,
mingħajr ma nibża’ li ħa nitlef xi ħaġa minni
nnifsi. Meta, fir-Rit tal-Magħmudija, għal tliet darbiet issir
il-mistoqsija: “Temmnu?” f’Alla, f’Ġesù Kristu, fl-Ispirtu s-Santu,
fil-Knisja Mqaddsa Kattolika u fil-veritajiet l-oħra tal-fidi, it-tweġiba
għal tliet darbiet hi fis-singular: “Nemmen”, għax hi
l-eżistenza personali tiegħi li bid-don tal-fidi jeħtieġ
tara bidla fid-direzzjoni, hi l-eżistenza tiegħi li trid tinbidel,
tikkonverti. Kull darba li nieħdu sehem f’xi Magħmudija,
jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna kif qed ngħixu ta’ kuljum id-don
kbir tal-fidi.
Abraham, dak li emmen, jgħallimna x’inhi
l-fidi; u, barrani fuq din l-art, jurina liema hu l-veru pajjiż
tagħna. Il-fidi tagħmilna pellegrini fuq din l-art, parti
mid-dinja u mill-istorja, imma mexjin lejn is-Sema pajjiżna.
Għalhekk jekk nemmnu f’Alla, għandna f’idejna valuri li spiss ma
jaqblux mal-moda u l-opinjoni tal-mument, li jitolbu minna li naddottaw
kriterji u nagħmlu tagħna mġibiet li ma jappartienux
għall-mod komuni kif jaħseb ħaddieħor. In-Nisrani
m’għandux jibża’ li jmur “kontra l-kurrent” biex jista’ jgħix
il-fidi tiegħu, jirreżisti t-tentazzjoni li “jsir uniformi”.
F’ħafna soċjetajiet tal-lum, Alla sar “l-akbar assenti” u minfloku
għandna ħafna idoli, idoli ta’ kull xorta, u fuq kollox il-pussess
tal-ġid u l-“jien” awtonomu. U anki l-istess progressi
pożittivi tax-xjenza u tat-teknoloġija, li huma ta’ min
ifaħħarhom, nisslu fil-bniedem illużjoni ta’ omnipotenza u
awtosuffiċjenza, u s-sens dejjem jikber ta’ egoċentriżmu
ġab mhux ftit żbilanċi qalb ir-relazzjonijiet interpersonali u
l-imġibiet soċjali.
U safrattant, l-għatx għal Alla (ara Salm
63:2) ma spiċċax u l-messaġġ tal-Vanġelu jibqa’ jidwi
fil-kliem u l-opri tajba ta’ tant irġiel u nisa ta’ fidi. Abraham,
missier dawk kollha li jemmnu, jibqa’ l-missier ta’ tant ulied li
jaċċettaw li jimxu fuq il-passi tiegħu u jibdew mexjin,
fl-ubbidjenza tas-sejħa divina, b’fiduċja fil-preżenza kollha
tjieba tal-Mulej, u jilqgħu l-barka tiegħu biex isiru barka għal
kulħadd. Hu għal din id-dinja mbierka mill-fidi li lkoll
aħna msejħin, biex nimxu bla biża’ wara l-Mulej Ġesù
Kristu. U din hi mixja kultant iebsa, li tħabbat wiċċha
wkoll mal-prova u l-mewt, imma li hi miftuħa għall-ħajja,
f’bidla radikali tar-realtajiet li l-għajnejn tal-fidi biss kapaċi
jaraw u jiggustaw b’mod sħiħ.
Għalhekk, l-istqarrija tagħna “Jiena
nemmen f’Alla” timbuttana biex kontinwament noħorġu minna nfusna,
sewwa sew bħal Abraham, biex fir-realtajiet ta’ kuljum li fihom
ngħixu, inqiegħdu ċ-ċertezza li tiġina mill-fidi:
iċ-ċertezza tal-preżenza ta’ Alla fl-istorja, anki l-lum;
preżenza li ġġib il-ħajja u s-salvazzjoni, u tiftaħna
għal futur flimkien miegħU għall-milja tal-ħajja li ma tafx
b’għabex.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn
Francesco Pio Attard