Illustri Sinjuri!

 

Nixtieq qabelxejn nirringrazzjakom mill-qalb għal din l-opportunità li tajtuni li niltaqgħu hawnhekk. Il-gratitudni partikulari tiegħi tmur lejk, għażiż Ħija President Schneider, li tajtni merħba u li bi kliemek ilqajtni fostkom. Inti ftaħt qalbek, esprimejt b’mod miftuħ il-fidi tassew komuni, ix-xewqa għall-għaqda. U aħna ferħana wkoll, għax nemmen li din il-ġemgħa, il-laqgħat tagħna, qed niċċelebrawhom ukoll bħala festa tal-komunjoni fil-fidi. Nixtieq fuq kollox irrodd ħajr lilkom ilkoll tad-don li tajtuni li nistgħu niddjalogaw bħala Nsara hawnhekk, f’dan l-imkien storiku.

 

Għalija, bħala Isqof ta’ Ruma, dan hu mument ta’ emozzjoni qawwija li stajt niltaqa’ magħkom hawn, fil-kunvent antik Agostinjan ta’ Erfurt. Għadna kemm smajna li hawn Luteru studja t-teoloġija. Hawn iċċelebra l-ewwel Quddiesa tiegħu. Kontra x-xewqa ta’ missieru, hu ma ssoktax l-istudji tiegħu fil-liġi, imma studja t-teoloġija u mexa lejn is-saċerdozju fl-Ordni ta’ Santu Wistin. U f’din il-mixja ma kinux jinteressawh din jew dik il-ħaġa. Dak li ma kienx iħallih mistrieħ kien l-argument dwar Alla, li kien il-passjoni l-aktar qawwija u l-molla tal-ħajja tiegħu u tal-mixja sħiħa tiegħu. “Kif jista’ jkolli Alla ħanin?”: din il-mistoqsija kienet tinfidlu qalbu u kienet wara kull tiftixa teoloġika u kull taqbida ġewwiena tiegħu. Għal Luteru t-teoloġija ma kinitx kwistjoni akkademika, imma t-taqbida ġewwiena miegħu nnifsu, u din, imbagħad, kienet taqbida dwar Alla u ma’ Alla.

 

“Kif jista’ jkolli Alla ħanin?”. Dejjem inħossni iżjed milqut f’qalbi minn din il-mistoqsija li kienet il-qawwa li ċaqilqet il-mixja kollha tiegħu. Fil-fatt, min illum għadu jagħti kas ta’ dan, imqar fost l-Insara? X’tifsira għandu l-argument dwar Alla fil-ħajja tagħna? Fit-tħabbira tagħna? Il-parti l-kbira tan-nies, anki Nsara, illum jeħduha bħala ħaġa ovvja li Alla, fl-aħħar mill-aħħar, mhux interessat fi dnubietna u fil-virtujiet tagħna. Huwa jaf, fil-fatt, li aħna sempliċement biċċa laħam. Jekk għadna nemmnu f’ħajja oħra wara din u f’ġudizzju ta’ Alla, allura fil-prattika kważi kollha kemm aħna nippresupponu li Alla għandu jkun ġeneruż u li, fl-aħħar, fil-ħniena tiegħu, se jinjora n-nuqqasijiet żgħar tagħna. Il-kwistjoni ma tibqax tħabbatna. Imma huma tassew ħwejjeġ żgħar in-nuqqasijiet tagħna? Forsi mhux ħsara tkun issir lid-dinja mħabba l-korruzzjoni tal-kbar, imma anki taż-żgħar, li ħsiebhom biss x’ħa jiggwadanjaw huma? Forsi mhux ħsara ssirilha minħabba fil-poter tad-droga, li, minn naħa, tgħix fuq ix-xenqa għall-ħajja u għall-flus, u, mill-oħra, fuq il-kilba għall-pjaċir minn dawk li jaqgħu għaliha? Forsi mhix mhedda mid-dispożizzjoni dejjem tikber għall-vjolenza li, mhux darba u tnejn, tinħeba wara l-maskra tar-reliġjożità? Forsi kienu l-ġuħ u l-faqar se jifnu b’dan il-mod partijiet sħaħ mid-dinja, kieku kienet iżjed ħajja fina l-imħabba ta’ Alla u, ħierġa minnu, l-imħabba għall-proxxmu, għall-ħlejjaq ta’ Alla, il-bnedmin? U l-mistoqsijiet f’dan is-sens jistgħu jkomplu. Le, il-ħażen mhuwiex ħaġa żgħira. Ma kienx ikun hekk b’saħħtu li kellna nqiegħdu lil Alla tabilħaqq fil-qalba tal-ħajja tagħna. Il-mistoqsija: X’jaħseb Alla dwari, kif ninsab quddiem Alla?din il-mistoqsija li dejjem għafset fuq Luteru għandna nagħmluha mill-ġdid, u bla dubju f’xejra ġdida, il-mistoqsija tagħna wkoll, mhux akkademika, imma konkreta. Naħseb li din hi l-ewwel sejħa li għandna nħossu fil-laqgħa tagħna ma’ Martinu Luteru.

 

U mbagħad importanti: Alla, l-uniku Alla, il-Ħallieq tas-sema u tal-art, hu xi ħaġa differenti minn ipoteżi filosofika fuq il-bidu tal-univers. Dan Alla għandu wiċċ u kellimna. Fil-bniedem Ġesù Kristu hu sar wieħed minna – veru Alla u fl-istess waqt veru bniedem. Il-ħsieb ta’ Luteru, l-ispiritwalità kollha tiegħu kienet għalkollox Kristoċentrika: “Dak li jippromovi l-kawża ta’ Kristu” kien għal Luteru l-kriterju ermenewtiku deċiżiv fl-interpretazzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa. Imma dan jippresupponi li Kristu jkun fiċ-ċentru tal-ispiritwalità tagħna u li l-imħabba tagħna għalih, li ngħixu flimkien miegħu jorjenta l-ħajja tagħna.

 

Issa forsi wieħed jista’ jgħid: Tajjeb, imma dan kollu x’għandu x’jaqsam mas-sitwazzjoni ekumenika tagħna? Forsi dan kollu hu tentattiv biex b’ħafna paroli nevitaw il-problemi urġenti, fejn nistennew progressi prattiċi, riżultati konkreti? Għal dan inwieġeb: L-iktar ħaġa meħtieġa għall-ekumeniżmu hi qabelxejn li, taħt il-pressjoni tas-sekularizzazzjoni, ma nitilfux kważi bla ma nintebħu l-ħwejjeġ kbar li għandna komuni bejnietna, li fil-fatt jagħmluna Nsara u waslu għandna bħala don u dmir. Kien żball ta’ żmien il-Kontroriforma li ħafna drabi ra biss dak li jifridna, u ma fehemx b’mod eżistenzjali dak li għandna komuni bejnietna fid-dawl li tagħtina l-Iskrittura Mqaddsa u fl-istqarrijiet tal-fidi tal-Kristjaneżmu bikri. Għalija dan hu l-progress kbir ekumeniku tal-aħħar għaxriet ta’ snin: li ntbaħna b’din il-komunjoni u, fit-talb u fil-kant flimkien, fl-impenn komuni għall-ethos Nisrani quddiem id-dinja, fix-xhieda komuni ta’ Alla ta’ Ġesù Kristu f’din id-dinja, nagħrfu din il-komunjoni bħala l-qafas komuni tagħna li jibqa’ għal dejjem.

 

Bla dubju, il-periklu li nitilfuh mhuwiex irreali. Nixtieq fil-qosor insemmi żewġ aspetti. Fl-aħħar żmien, il-ġografija tal-Kristjaneżmu nbidlet mill-qiegħ u qed tkompli tinbidel. Quddiem għamla ġdida ta’ Kristjaneżmu, li qed jixtered b’dinamiżmu missjunarji qawwi, xi drabi li jħassibna fix-xejriet tiegħu, il-Knejjes konfessjonali storiċi spiss isibu ruħhom mifxula. Hu Kristjaneżmu ta’ konsistenza istituzzjonali skarsa, bi ftit li xejn bagalja razzjonali u wisq inqas kontenut dommatiku u anki ftit stabbiltà. Dan il-fenomenu dinji – li l-isqfijiet mid-dinja kollha kontinwament qed isemmuli – iqegħedna kollha quddiem mistoqsija: X’għandha x’tgħidilna pożittiv jew negattiv din l-għamla ġdida ta’ Kristjaneżmu? Hu x’inhu, terġa’ tqegħedna mill-ġdid quddiem il-mistoqsija dwar x’inhu dak li jibqa’ dejjem validu u x’jista’ jew għandu jinbidel, quddiem il-kwistjoni dwar l-għażla fundamentali tagħna fil-fidi.

 

Iktar qawwija u f’pajjiżna iżjed pressanti hi t-tieni sfida għall-Kristjanità kollha kemm hi; nixtieq nitkellem fuqha: hu l-kuntest tad-dinja sekularizzata, li fiha rridu ngħixu u nagħtu xhieda tal-fidi tagħna llum. L-assenza ta’ Alla fis-soċjetà tagħna qed issir iżjed peżanti, l-istorja tar-rivelazzjoni tiegħu, li dwarha tkellimna l-Iskrittura, donnha qiegħda f’passat li dejjem jitbiegħed iżjed. Forsi għandna nċedu għall-pressjoni tas-sekularizzazzjoni, insiru moderni u nġibu l-fidi fix-xejn? Naturalment, il-fidi rridu nerġgħu naħsbuha u fuq kollox ngħixuha llum b’mod ġdid biex issir ħaġa tal-preżent. Imma li nġibu l-fidi fix-xejn mhux ħa jgħinna, imma jgħinna biss jekk ngħixuha b’mod sħiħ fil-preżent tagħna. Din hi ħidma ekumenika ċentrali li fiha rridu ngħinu lil xulxin: biex nemmnu b’mod iżjed profond u iżjed ħaj. Mhix xi tattika jew oħra li ħa ssalvana, li ħa ssalva l-Kristjaneżmu, imma fidi maħsuba u megħjuxa mill-ġdid, li permezz tagħha Kristu, u miegħu Alla l-ħaj, jidħol f’din id-dinja tagħna. Bħalma l-martri fl-epoka Nażista qarrbuna lejn xulxin u qanqlu l-ewwel ftuħ kbir ekumeniku, hekk anki llum il-fidi, jekk ngħixuha billi nibdew mill-ġewwieni tagħna nfusna, f’dinja sekularizzata, issir il-qawwa ekumenika l-iżjed b’saħħitha li terġa’ xxerikna flimkien, u twassalna għall-għaqda fil-Mulej wieħed. U għalhekk nitolbu li nitgħallmu mill-ġdid ngħixu l-fidi biex hekk nistgħu nsiru ħaġa waħda.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard