IL-KTIEB TA’ TOBIT
1. Tobit
Il-Ktieb tal-grajja ta’ Tobit bin Tobijel, bin Ħananijel, bin Għadwel, bin
Gabajel, nisel Għażijel, mit-tribù ta' Naftali. [Tob:1:2] Tobit kien meħud ilsir,
fi żmien Enemessar, sultan ta' l-Assiri, minn Kedes, li tinsab fuq in-naħa
tal-lemin ta' Kades ta' Naftali fil-Galilija ta' fuq, 'il fuq minn Aser, mat-triq
ta' nżul ix-xemx, fuq in-naħa tax-xellug ta' Fogor.
L-imġiba ta' Tobit
[Tob:1:3] Jiena, Tobit, kont nimxi fit-triq tas-sewwa u l-ġustizzja l-jiem
kollha ta' ħajti, u kont nagħmel ħafna karità ma' ħuti u ma' ġensi, li kienu ġew
miegħi fl-art ta' l-Assiri, f'Ninwè. [Tob:1:4] Meta kont għadni ngħix f'pajjiżi,
fl-art ta' Iżrael, u kont għadni żagħżugħ, it-tribù kollha ta' Naftali, l-antenat
tiegħi, tbiegħdet mid-dar ta' David, l-antenat tiegħi, u minn Ġerusalemm, il-belt
magħżula minn fost it-tribujiet l-oħra ta' Iżrael biex fiha t-tribujiet kollha
joffru s-sagrifiċċju; hemm kien ikkonsagrat is-santwarju fejn kien jgħammar Alla
l-Għoli, mibni fiha għall-ġenerazzjonijiet kollha għal dejjem.
[Tob:1:5] Ħuti kollha u d-dar ta' Naftali, l-antenat tiegħi, kienu joffru s-sagrifiċċji
lill-għoġol, li kien għamel f'Dan Ġerobogħam, is-sultan ta' Iżrael, fuq l-għoljiet
kollha tal-Galilija. [Tob:1:6] Jien waħdi kont immur sikwit Ġerusalemm
għall-festi, kif inhu miktub b'liġi għal dejjem għal Iżrael. Kont inħaffef lejn
Ġerusalemm u nieħu miegħi l-bikri ta' l-uċuħ, u l-ewwel frott tal-merħla u l-għexur
mid-dħul, u l-ewwel ġeżżiet tan-nagħaġ. [Tob:1:7] Kont nagħtihom lill-qassisin,
ulied Aron, għas-servizz ta' l-artal; u l-għexur tal-qmuħ, u l-inbid, u ż-żejt,
u r-rummien, u t-tin, u tal-bqija tal-frott tar-raba' kont nagħtihom lil ulied
Levi, li kienu jservu f'Ġerusalemm. Għal sitt snin sħaħ, it-tieni għexur kont
insarrafhom fi flus, u mmur nonfoqhom f'Ġerusalemm kull sena; [Tob:1:8] u t-tielet
għexur kont inwarrabhom għall-iltiema, ir-romol u l-prosèliti, li kienu ngħaqdu
ma' wlied Iżrael. U kont nagħtihomlhom kull tliet snin, u konna nikluhom skond
ma tgħid għalihom il-Liġi ta' Mosè, u skond it-twissijiet li wissietni Debora,
omm Ħananijel missieri, għaliex missieri kien miet u ħallieni ltim. [Tob:1:9]
Meta sirt raġel, iżżewwiġt mara min-nisel tal-familja tagħna, u minnha kelli
tifel, u semmejtu Tobija.
[Tob:1:10] Meta kaxkruni lsir fl-Assirja u bqajt itturufnat hemmhekk, mort
f'Ninwè. Ħuti kollha u dawk ta' ġensi kienu jieklu l-ikel tal-Ġentili;
[Tob:1:11] iżda jiena kont inżomm ruħi 'l bogħod li ma nikolx mill-ikel
tal-Ġentili. [Tob:1:12] U billi kont dejjem niftakar f'Alla tiegħi b'qalbi
kollha, [Tob:1:13] Alla l-Għoli żejjinni bil-ġmiel u sibt grazzja quddiem
Enemessar, u kont nixtrilu kull ma kien jeħtieġ. [Tob:1:14] Għalhekk kont immur
fl-art tal-Medja, u kont nixtrilu minn hemm sakemm miet. Darba minnhom ħallejt
għaxar talenti tal-fidda f'boroż għal Gabajel bin Gabri, qarib tiegħi, li kien
joqgħod fil-pajjiż tal-Medja. [Tob:1:15] Meta miet Enemessar u kien isaltan
floku ibnu Sanħerib, ngħalqu t-toroq tal-Medja, u ma stajtx immur iktar il-Medja.
[Tob:1:16] Fi żmien Enemessar kont nagħmel ħafna karità ma' ħuti li kienu minn
ġensi. [Tob:1:17] Ħobżi kont inqassmu lill-imġewwħin, u ħwejġi lill-għarwenin; u
jekk kont nara lil xi ħadd minn ġensi mejjet mixħut barra l-ħitan ta' Ninwè,
kont nidfnu. [Tob:1:18] Hekk ukoll kont nagħmel meta s-sultan Sanħerib, wara li
kien raġa' lura maħrub mil-Lhudija, fi żmien il-vendetta li għamel minnu
s-sultan tas-sema u l-art għad-dagħa li kien dagħa, kien joqtol lil xi ħadd,
kont nidfnu wkoll. Għax fil-korla tiegħu qatel ħafna minn ulied Iżrael. Jien
kont nieħu l-iġsma tagħhom bil-moħbi u nidfinhom; u meta kien ifittixhom
Sanħerib ma kienx isibhom. [Tob:1:19] Imma wieħed minn Ninwè mar u għarraf
is-sultan bija, li jien kont nidfinhom, u kelli ninħeba. Malli sirt naf li
s-sultan kien jaf bija u li kont imfittex għall-mewt, bżajt u ħrabt. [Tob:1:20]
Kull ma kelli serquhuli, u ma kien baqagħli xejn. Kollox ħaduli għat-teżor tas-sultan,
barra minn marti Anna u ibni Tobija.
[Tob:1:21] Ma laħqux għaddew erbgħin jum li ma qatluhx iż-żewġ uliedu u ħarbu
lejn il-muntanja Ararat, u floku laħaq sultan ibnu Sarkedon. Dan qiegħed lil
Aħikar, bin ħija Ħananijel, teżorier ta' l-art kollha u telaq f'idejh l-amministrazzjoni
kollha. Aħikar bin ħija Ħananijel kellu setgħa fuq l-art kollha. [Tob:1:22]
Mbagħad Aħikar indaħal għalija, u nżilt Ninwè. Fi żmien Sanħerib, sultan ta' l-Assiri,
Aħikar kien diġà kuppier, kellu s-siġill f'idejh, kien amministratur u jżomm
il-kontijiet; u Sarkedon għamlu għat-tieni darba; kien bin ħija u min-nisel
tiegħi.
2. Il-prova ta' Tobit
[Tob:2:1] Mela fi żmien Sarkedon is-sultan, rġajt lura lejn dari, u reġgħu
ngħaqdu miegħi marti Anna u ibni Tobija. Kienet il-festa tagħna ta' Għid
il-Ħamsin, il-festa tal-ġimgħat; dak in-nhar għamluli pranzu kbir u jien
inxtħett biex niekol. [Tob:2:2] Il-mejda kienet lesta, u ħejjewli ħafna ikel, u
jien għedt lil ibni Tobija;"Mur ibni, u ara ssibx lil xi ħadd fqir minn ħutna l-itturufnati
f'Ninwè, wieħed li jiftakar fil-Mulej b'qalbu kollu, u ġibu hawn biex jiekol
magħna. Nistennik, ibni, sa ma terġa' tiġi."
[Tob:2:3] U Tobija mar ifittex lil xi ħadd fqir minn ħutna. Meta raġa' lura
Tobija qalli: "Missier." "Hawn jien, ibni," weġibtu; u hu wieġeb u qalli: "Ara,
hemm wieħed minn niesna, qatluh u xeħtuh fis-suq; għadhom kif fgawh." [Tob:2:4]
Qbiżt minn fejn kont, ħallejt il-pranzu bla ma doqt xejn, u mort ġbartu mit-triq,
u ħadtu fi dwejra sa ma tgħib ix-xemx biex imbagħad nidfnu. [Tob:2:5] Mbagħad
erġajt lura lejn id-dar, nħsilt u kilt bid-diqa f'qalbi. [Tob:2:6] Ftakart
fil-kelma tal-profeta Għamos li kien qal għal Betel: "Il-festi tagħkom jinbidlu
f'niket, u l-għana tagħkom kollu f'tinwiħ." U nfexxejt nibki. [Tob:2:7] Malli
niżlet ix-xemx, mort ħaffirt qabar u dfintu. [Tob:2:8] Il-ġirien daħku bija u
qalu: "Ma jibżax aktar? Darba kienu jfittxuh għall-mewt minħabba f'hekk u kellu
jaħrab, u issa qiegħed jidfen mill-ġdid!"
[Tob:2:9] Dak il-lejl inħsilt u mort fil-bitħa tad-dar u mteddejt taħt il-ħajt
b'wiċċi mikxuf minħabba s-sħana. [Tob:2:10] Ma ġinix f'rasi li kien hemm l-għasafar
fil-ħajt ta' fuqi, u l-ħmieġ sħun tagħhom waqa' fuq għajnejja, u ġiebli l-bjada
fuqhom. U jien mort għand it-tobba biex ifejjquni, iżda aktar ma kienu jdewwuni,
il-bjada aktar kienet tikber, sakemm għamejt għalkollox. U bqajt marid
b'għajnejja għal erba' snin. U ħuti kollha għelew għalija. Aħikar dam idur bija
għal sentejn sakemm ma telaqx għal Elimajs.
L-onestà ta' Tobit
[Tob:2:11] Dik il-ħabta Anna, marti, kienet taħdem xi xogħlijiet tan-nisa,
[Tob:2:12] u kienet tibgħathom għand sjiedhom, u huma kienu jħallsuha.
Darba minnhom fis-seba’ tax-xahar ta’ Distru, qatgħet in-nisġa u bagħtitha
lis-sidien, u dawn tawha l-ħlas kollu, u miegħu tawha wkoll gidi għall-mejda.
[Tob:2:13] Malli daħlet id-dar beda jgħajjat. Sejjaħtilha u staqsejtha: "Dan
il-gidi mnejn ġie? M'hux misruq, hux? Erġa' agħtih lil sjiedu. Ma nistgħu nieklu
xejn misruq." [Tob:2:14] Mbagħad hi qaltli: "Tawhuli rigal mal-ħlas." Jien
m'emminthiex u għedtilha tieħdu lura għand sjiedu, u jien stħajt flokha għax
għamlet dan. U hi wieġbet: "Fejn huma l-karitajiet tiegħek? Fejn huma l-opri
tajba tiegħek? Jidher sew minn dak li ġie fuqek."
3. It-talba ta' Tobit
[Tob:3:1] Qabditni bħal diqa f'qalbi, u nfexxejt nolfoq u nibki; u bdejt nitlob
u nitniehed: [Tob:3:2] "Int ġust, Mulej, u kull ma tagħmel hu sewwa; mġibtek hi
kollha ħniena u sewwa. Int tagħmel ħaqq mid-dinja.
[Tob:3:3] "Issa ftakar fija, Mulej, u ħares lejja. Titħallasx minn dnubieti u n-nuqqasijiet
tiegħi, jew ta' missirijieti. Huma dinbu quddiemek [Tob:3:4] u kisru l-kmandamenti
tiegħek; għalhekk int erħejtna biex jisirquna, ijassruna, joqtluna u jwaqqgħuna
għaż-żuffjett, u ġibtna f'ilsien il-ġnus kollha, li fosthom int xerridtna.
[Tob:3:5] Il-ħafna ġudizzji tiegħek huma tassew ġusti fl-imġiba tiegħek miegħi
minħabba dnubieti, għax aħna ma ħarisniex il-kmandamenti tiegħek u lanqas
imxejna sewwa quddiemek. [Tob:3:6] Agħmel miegħi kif jogħġbok, u ordna li
jneħħuli ħajti biex ninqered minn fuq wiċċ l-art, u nsir trab. Aħjar immut milli
ngħix; għax smajt biżżejjed tagħjir u gideb, u għandi għali u swied il-qalb kbir.
Mulej, agħmel li neħles minn dawn id-dwejjaq, ħallini mmur fil-post ta' dejjem,
iddawwarx wiċċek minni, Mulej. Jaqbilli mmut milli ngħix iżjed f'dawn id-dwejjaq
kollha, u nisma' aktar min jgħajjarni."
Sara bint Ragħwel
[Tob:3:7] Dakinhar stess ġara li Sara bint Ragħwel, li kien joqgħod f'Ekbatana
tal-Medja, semgħet waħda mis-sefturi ta' missierha tgħajjarha [Tob:3:8] li kienu
żewwġuha lil sebat irġiel, u Asmodew, l-ispirtu ħażin, qatilhom qabel ma laħqu
resqu lejha bħalma hu soltu għan-nisa miżżewwġa. Din is-seftura qaltilha: "Int
il-qattiela ta' żwieġek. Ara, iżżewwiġt sebat irġiel u isem ħadd minnhom ma
writt! [Tob:3:9] Għala ssawwatna minħabba żwieġek, ladarba mietu? Mur magħhom.
Jalla ma naraw qatt minnek u la tifel u la tifla."
[Tob:3:10] Meta semgħet dan imtliet bi swied il-qalb, u nfexxet tibki. Telgħet
fuq il-bejt ta' missierha, u riedet titgħallaq. Iżda reġgħet ħasbitha u qalet
bejnha u bejn ruħha: "Nibża' li jgħajjru lil missieri u jgħidulu: 'Kellek tifla
waħda għażiża, u hi tgħallqet minħabba l-hemm tagħha.' Għaliex għandi nwassal
fil-qabar bl-għali x-xjuħija ta' missieri? Aħjar għalija ma nitgħallaq xejn,
imma nitlob lil Alla li mmut u ma nismax aktar dan it-tagħjir f'ħajti."
[Tob:3:11] Dak il-ħin stess fetħet idejha lejn it-tieqa, u bdiet titlob u tgħid:
"Mbierek int, Alla ħanin;
Mbierek ismek għal dejjem ta' dejjem;
Iberkuk dejjem l-opri tiegħek!
[Tob:3:12] "Lejk illum indawwar wiċċi u għajnejja; [Tob:3:13] agħmel li neħles
minn din id-dinja, u ma nismax tagħjir aktar. [Tob:3:14] Int taf, Sidi, li jien
safja minn kull tinġis ta' raġel, [Tob:3:15] u qatt ma tebbajt ismi jew isem
missieri fl-art tal-jasar tiegħi.
“Jien il-bint waħdanija ta’ missieri, u ebda iben ma għandu biex ikun il-werriet
tiegħu; lil ħadd ma għandu li jiġi minnu mill-qrib jew mill-bogħod, li jista’
jżewwiġni lilu. Diġà mituli sebgħa. X’jiswieli li jien ngħix? Jekk int ma
tibgħatlix il-mewt, għallinqas agħti kas tat-tagħjir kontrija.”
[Tob:3:16] Fl-istess ħin il-talba tal-waħda u ta' l-ieħor instemgħet quddiem
il-maestà ta' Alla, [Tob:3:17] u ntbagħat Rafel biex ifejjaqhom it-tnejn; lil
Tobit jeħilsu mit-tbajja' tal-bjada ta' għajnejh, biex bihom jara d-dawl ta'
Alla, u lil Sara bint Ragħwel, jagħtiha lil Tobija bin Tobit b'martu, u jeħlisha
minn Asmodew, l-ispirtu ħażin, għax Tobija kien imissu jiritha qabel dawk kollha
li riedu jiżżewwġuha.
Fl-istess ħin Tobit daħal fil-bitħa ta’ daru u Sara bint Ragħwel niżlet minn fuq.
4. It-twissijiet ta' Tobit
[Tob:4:1] Dakinhar Tobit ftakar fil-flus li kien ħalla għand Gabajel f'Rages
tal-Medja, [Tob:4:2] u qal bejnu u bejn ruħu: "Arani, jien tlabt il-mewt.
Għaliex ma nsejjaħx lil ibni Tobija u ngħidlu b'dawk il-flus, qabel ma mmut?"
[Tob:4:3] U sejjaħ lil ibnu Tobija u meta resaq ħdejh kellmu u qallu: "Meta mmut
idfinni kif jixraq. Weġġaħ lil ommok u tabbandunaha qatt sakemm iddum ħajja.
Agħmel kull ma jogħġobha u ssewwdilhiex qalbha bl-ebda ħaġa. [Tob:4:4] Ftakar,
ibni, kemm perikli rat ma' wiċċha minħabba fik meta kont għadek f'ġufha. U meta
tmut, idfinha ħdejja f'qabar wieħed. [Tob:4:5] Kemm iddum ħaj, ibni, ftakar
dejjem fil-Mulej u ara li ma jfettillekx tidneb jew tikser il-kmandamenti tiegħu.
Agħmel is-sewwa l-jiem kollha ta' ħajtek, u taqbadx it-triq tal-ħażen. [Tob:4:6]
Għaliex kull min jagħmel is-sewwa, ikollu r-riżq f'għemilu.
[Tob:4:7] "Mill-ġid li jkollok agħmel il-karità, u qatt tagħti b'nofs qalb.
Iddawwarx ħarstek mill-ebda fqir, biex ma titwarrabx minnek il-ħarsa ta' Alla.
[Tob:4:8] Ġib ruħek skond ma jkollok; jekk il-ftit, tibżax tagħti l-karità mill-ftit
li tista'. [Tob:4:9] B'hekk tkun qiegħed taħżen teżor kbir għalik għal żmien
il-bżonn. [Tob:4:10] Il-karità teħles lil dak li jkun mill-mewt u ma tħallihx
jinżel fid-dlam. [Tob:4:11] Il-karità għal min jagħmilha hi offerta togħġob lil
Alla l-Għoli.
[Tob:4:12] "Ħares lilek innifsek, ibni, minn kull żína, u qabelxejn sib mara
minn nisel missirijietek. Teħux b'martek xi waħda barranija, li ma tkunx
mit-tribù ta' missirijietek, għax aħna wlied il-profeti. Ftakar, ibni, li Noè,
Abraham, Iżakk, u Ġakobb, missirijietna, sa minn dejjem iżżewwġu nisa minn
nisilhom u sabu l-barka biex nisilhom jikseb l-art. [Tob:4:13] Ibni, ħobb lil
ħutek, u titkabbarx f'qalbek quddiem is-subjien u l-bniet tal-poplu tiegħek hekk
li ma teħux mara minn fosthom. Is-suppervja ġġib qerda u diżordni kbira; u l-frugħa
ġġib telf u għaks bla tarf għax il-frugħa hi omm il-ġuħ.
[Tob:4:14] "Tħallix lejl jgħaddi bla ma tħallas lil min ikun ħadem għalik, imma
ħallsu u agħtih il-paga minnufih. Hekk int tkun isservi lil Alla, u tkun
imħallas int ukoll.
“Ħares lilek innifsek, ibni, f’kull ma tagħmel, u ġib ruħek bħal wieħed imrobbi
sewwa f’kull pass li tagħmel. [Tob:4:15] Dak li tobgħod int, tagħmlux lil
ħaddieħor. Tixrobx inbid sa tisker, għaliex is-sokor jimxi miegħek fi triqtek.
[Tob:4:16] Mill-ħobż tiegħek itma' lil min hu bil-ġuħ, u minn ilbiesek libbes
lil min hu għarwien. Kull ma jkollok żejjed, agħtih karità u tagħtix b'nofs qalb.
[Tob:4:17] Qassam ħobżok, u l-inbid tiegħek sawwab fuq il-qabar tal-ġusti, u
tagħtix minnhom lill-midinbin. [Tob:4:18] Fittex il-parir ta' min hu għaref;
tmaqdarx parir siewi.
[Tob:4:19] "Bierek f'kull ħin lill-Mulej Alla, u itolbu li jitwittew triqatek u
mogħdijietek, u jirnexxu fehmietek. Ebda poplu ma għandu l-fehma tajba, imma hu
l-Mulej li jagħti kull ġid lil min jogħġbu; u jbaxxi sal-qiegħnett lil min irid.
Ibni, ftakar f'dawn it-twissijiet, u tħassarhomx minn qalbek.
[Tob:4:20] "U issa ħallini ngħidlek bl-għaxar talenti tal-fidda, li kont ħallejt
għand Gabajel, ħu Gabri f'Rages tal-Medja. [Tob:4:21] Tibżax, ibni, li ftaqarna.
Int għad ikollok ħafna ġid jekk int tibża' minn Alla, taħrab id-dnub u tfittex
tagħmel it-tajjeb quddiem il-Mulej, Alla tiegħek."
5. L-anġlu Rafel
[Tob:5:1] Tobija wieġeb lil Tobit missieru u qallu: "Missier, nagħmel kull ma
għedtli. [Tob:5:2] Imma kif nista' nieħu mingħandu l-flus meta la hu ma jaf lili,
u lanqas jien ma naf lilu? X'sinjal nista' nagħtih biex jagħrafni, jemminni u
jagħtini l-flus? U lanqas naf it-toroq li jieħdu għall-Medja biex immur hemm."
[Tob:5:3] Tobit wieġeb u qal lil ibnu Tobija: "Hu tani kitba minn idu u jien
tajtu oħra minn idi, mbagħad qsamtha f'biċċtejn, u ħadna waħda kull wieħed u
tiegħi qegħedtha mal-flus. Issa għaddew għoxrin sena minn mindu jien ħallejt
dawk il-flus. Issa, ibni, fittex bniedem tafdah, biex jiġi miegħek, u nħallsuh
sakemm terġa' lura; mbagħad mur u ġib il-flus mingħand Gabajel."
[Tob:5:4] Tobija ħareġ ifittex raġel li jaf it-triq, biex imur miegħu l-Medja, u
kif ħareġ isib l-anġlu Rafel wieqaf quddiemu, u ma għarafx li kien anġlu ta'
Alla. [Tob:5:5] U qallu: "Mnejn int, żagħżugħ?" U dak wieġbu: "Jien wieħed minn
ulied Iżrael, ħutek, u ġejt infittex ix-xogħol." U staqsieh: "Tafha t-triq li
tieħu għall-Medja?" [Tob:5:6] U dak wieġeb: "Iva, kemm-il darba kont hemm!
Mdorri u naf it-toroq kollha. Bosta drabi mort il-Medja u qgħadt għand Gabajel,
ħuna, li joqgħod f'Rages tal-Medja, jumejn mixi 'l bogħod minn Ekbatana. Rages
tinsab fuq il-muntanji; u Ekbatana f'nofs il-wita. [Tob:5:7] U Tobija qallu: "Stennieni,
żagħżugħ, sakemm immur ngħid lil missieri, għax neħtieġ li inti tiġi miegħi, u
mbagħad inħallsek." [Tob:5:8] U dak qallu: "Ara, nistenniek, imma tiddawwarx."
[Tob:5:9] Tobija mar jgħid lil missieru Tobit, u qallu: "Ara, jien sibt raġel,
wieħed minn ħutna l-Iżraelin." Tobit wieġbu: "Sejjaħlu lil dan il-bniedem, biex
nara minn liema familja u tribù hu, u hux ta' min jafdah biex jivvjaġġa miegħek,
ibni."
[Tob:5:10] Tobija ħareġ, sejjaħlu u qallu: "Żagħżugħ, missieri qiegħed
isejjaħlek." U dan daħal għandu u Tobit sellimlu l-ewwel, u l-ieħor qallu: "Sliem
għalik bil-kotra." U Tobit wieġeb: "Xi sliem jista' fadalli? Jiena bniedem
għajnejja ma jiswew għal xejn, u ma narax id-dawl tas-sema; ninsab fid-dlam
bħall-mejtin, li ma jaraw qatt id-dawl. Jien ħaj fost il-mejtin, nisma' leħen
in-nies, imma ma narahomx." U wieġbu: "Agħmel il-qalb! Alla wasal biex ifejjqek,
kuraġġ!" U Tobit qallu: "Tobija, ibni, irid imur il-Medja. Tista' tmur miegħu u
twasslu int? Mbagħad nagħtik ħlasek, ħija." U Rafel wieġeb: "Nista' mmur miegħu;
jien naf it-toroq kollha, u bosta drabi kont il-Medja, qsamt il-witat kollha
tagħha, u naf il-muntanji u t-toroq kollha ta' hemm." [Tob:5:11] U Tobit wieġeb:
"Ħija, minn liema pajjiż, u minn liema tribù int? Għidli ħija." [Tob:5:12] U
qallu: "It-tribù x'għandu x'jaqsam?" U wieġbu: "Irrid naf is-sewwa kollu: ta'
min int u x'jismek, ħija." [Tob:5:13] U wieġbu: "Jiena Għażarija bin Ħananija l-kbir,
mir-razza tiegħek." [Tob:5:14] Tobit imbagħad qallu: "Merħba bik, ħija, u jalla
r-riżq. Teħodhiex miegħi, ħija, jekk ridt naf is-sewwa u x'inhi l-familja
tiegħek. Ħabat sewwa li int qarib, ġej minn familja sewwa u tajba. Jien naf lil
Ħananija u 'l Natan, iż-żewġ ulied ta' Xemajja l-kbir; kienu jiġu miegħi
Ġerusalemm u hemm jaduraw miegħi, u qatt ma tilfu triqthom. Ħutek nies sewwa.
Int ħiereġ minn siġra tajba, u merħba bik." [Tob:5:15] U ssokta jgħidlu: "Jien
inħallsek darik kull jum u nagħtik kull ma jeħtieġ għalik u għat-tifel tiegħi.
[Tob:5:16] Mur ma' ibni, u meta terġgħu lura nżidlek xi ħaġa oħra." [Tob:5:17] U
dak wieġbu: "Immur miegħu. Tibżax, qawwijin u sħaħ nitilqu, u qawwijin u sħaħ
nerġgħu lura għandek, għax it-triq hija żgura." Tobit wieġeb: "Tkun imbierek,
ħija." U sejjaħ lil ibnu u qallu: "Ibni, lesti l-meħtieġ għat-triq, u mur ma'
ħuk, u Alla li hu fis-sema jwassalkom hemmhekk bis-sliem, u jreġġagħkom lura
għandi qawwijin u sħaħ. L-anġlu tiegħu jkun magħkom u jħariskom, ibni."
Tobija qam u ħareġ biex jibda l-vjaġġ; bies lil missieru u lil ommu, u Tobit
qallu: “Mur bis-sliema.” [Tob:5:18] Imma ommu nfexxet tibki, u qalet lil Tobit;
"Għaliex bgħatt lil ibni? Mhux forsi l-bastun ta' idejna, dieħel u ħiereġ
quddiemna? [Tob:5:19] Flus bi flus aħjar nitlifhom, u nsalvaw it-tifel.
[Tob:5:20] Biżżejjed għalina ngħixu kif iridna l-Mulej." [Tob:5:21] U Tobit
wieġeb: "Taħseb xejn. Qawwi u sħiħ jitlaq, u qawwi u sħiħ jerġa' lura t-tifel
għandna, u int tarah b'għajnejk qawwi u sħiħ. [Tob:5:22] Titħasseb xejn, tibżax
minħabba fih, oħti. Anġlu tajjeb imur u jimxi miegħu, titwittielu t-triq u jerġa'
lura qawwi u sħiħ." [Tob:5:23] U ma bkietx aktar.
6. Rafel u Tobija fit-triq
[Tob:6:1] Telaq iż-żagħżugħ u l-anġlu miegħu; ħareġ miegħu l-kelb ukoll u mar
magħhom. Telqu t-tnejn flimkien, u meta laħaqhom l-ewwel lejl, waqfu ħdejn ix-xmara
Tigri. [Tob:6:2] Iż-żagħżugħ niżel jaħsel riġlejh fix-xmara, u qabżet mill-ilma
ħuta kbira u riedet taħtaflu riġlu; u ż-żagħżugħ beda jgħajjat. [Tob:6:3] "Aqbadha,"
qallu l-anġlu, "u żommha sewwa." Iż-żagħżugħ qabad il-ħuta u tellagħha l-art.
[Tob:6:4] "Iftaħ il-ħuta," qallu l-anġlu, "u aqlagħlha l-marrara, il-qalb u l-fwied,
u erfagħhom għandek; il-bqija tal-ġewwieni armihom. Il-marrara, il-qalb u l-fwied
ta' din il-ħuta jservuna ta' duwa tajba." [Tob:6:5] Iż-żagħżugħ fetaħ il-ħuta,
ħarġilha l-marrara, il-qalb u l-fwied; u mbagħad xewa biċċa minnha u kielha; l-biċċa
l-oħra mellaħha u refagħha. [Tob:6:6] Baqgħu sejrin flimkien sakemm qorbu lejn
il-Medja. [Tob:6:7] U ż-żagħżugħ staqsa lill-anġlu u qallu: "Ħija Għażarija,
x'inhi din id-duwa li fihom il-qalb, il-fwied u l-marrara tal-ħuta?" [Tob:6:8]
"Il-qalb u l-fwied tal-ħuta," wieġbu l-anġlu, "taħraqhom quddiem xi ħadd, raġel
jew mara, mħabbtin minn xi demonju jew spirtu ħażin u jaħrab minnu kull magħmul:
ma jkun qatt aktar fih. [Tob:6:9] Bil-marrara mbagħad togħrok għajnejn ta'
bniedem li fihom tkun trabbiet il-bjada, jew tonfoħ biha fuq il-bjada, u l-għajnejn
ifiqu."
L-anġlu jkellem lil Tobija fuq iż-żwieġ
[Tob:6:10] Daħlu l-Medja u kienu qrib Ekbatana. [Tob:6:11] Mela Rafel qal
liż-żagħżugħ: "Ħija Tobija." "Hawn jien," wieġbu. "Jenħtieġ," qallu l-anġlu, "li
l-lejl ngħadduh għand Ragħwel, qarib tiegħek li għandu bintu jisimha Sara.
[Tob:6:12] Ebda tifel ma għandu, u anqas tifla oħra ħlief din Sara. Int l-eqreb
lejha fost l-irġiel kollha bid-dritt li teħodha, u għandek ukoll id-dritt li
tiret kull ma għandu missierha. It-tfajla għaqlija, qalbiena u sabiħa ħafna; u
missierha bniedem ta' unur." [Tob:6:13] U ssokta jgħidlu: "Int għandek teħodha
b'martek. Isma' minni, ħija, jien inkellem illejla stess lil missierha dwar it-tfajla
biex teħodha b'għarustek, u meta nerġgħu lura minn Rages nagħmlu l-festa tat-tieġ.
Jien naf żgur li Ragħwel ma jistax jgħidlek le, għax jaf li jekk iżewwiġha lil
ħaddieħor, ikun ħaqqu l-mewt skond il-liġi tal-Ktieb ta' Mosè; jaf ukoll li
bintu lilek tmiss bi dritt aktar milli lil ħaddieħor. Issa isma' minni, ħija,
illejla nitkellmu fuq it-tfajla u ngħarrsuhielek, u meta nerġgħu lura minn
Rages, neħduha u nwassluha magħna d-dar tiegħek."
[Tob:6:14] Mbagħad Tobija wieġeb lil Rafel u qallu: "Ħija Għażarija, jiena smajt
li din diġà żewwġuha lil sebat irġiel, u li mietu fil-kamra ta' l-għarajjes; dak
il-lejl stess li kienu jersqu lejha, kienu jmutu. U smajthom ukoll jgħidu li
kien joqtolhom xi demonju. [Tob:6:15] U issa jien nibża' - għax id-demonju
jħobbha u lilha ma jagħmlilha ebda deni, iżda joqtol lil min jersaq lejha; u
missieri ma għandux ħliefi - nibża' li mmut u nwassal il-ħajja ta' missieri u ta'
ommi fil-qabar bl-għali tiegħi. Ma għandhomx tifel ieħor ħliefi biex jidfinhom."
[Tob:6:16] "Ma tiftakarx it-twissija ta' missierek," wieġbu Rafel, "li ordnalek
tieħu mara mid-dar ta' missirijietek? Issa isma' minni, ħija, taħseb xejn f'dan
id-demonju, u ħudha. Jien naf li llejla stess jagħtuhielek b'martek. [Tob:6:17]
Meta tidħol fil-kamra ta' l-għarajjes ħu mill-fwied u l-qalb tal-ħuta, u
qegħedhom fuq il-ġamar tal-bħur idaħħan; mbagħad toħroġ riħa li malli jħossha d-demonju,
dan jaħrab, u ma jidher qatt iżjed ħdejha. [Tob:6:18] U meta tkun se tingħaqad
magħha, l-ewwel qumu t-tnejn u itolbu lil Sid is-smewwiet, biex jinżlu fuqkom
il-ħniena u s-saħħa. Tibżax, għalik kienet maħluqa mill-bidu, u int issalvaha, u
tiġi miegħek. Jien naħseb li jkollok it-tfal minnha, li jkunu qishom ħutek;
taħseb xejn."
[Tob:6:19] U malli Tobija sama' kliem Rafel, u li Sara kienet qariba tiegħu minn
nisel dar missirijietu, ħabbha, u qalbu ntrabtet magħha.
7. Fid-dar ta' Ragħwel
[Tob:7:1] Kif daħlu f'Ekbatana, Tobija qal lil sieħbu: "Ħija Għażarija, ħudni
dritt għand qaribna Ragħwel!" U ħadu għand Ragħwel, u sabuh bilqiegħda fil-bieb
tal-bitħa, u sellmulu huma l-ewwel, u hu qalilhom: "Sliem sħiħ għalikom, ħuti,
wasaltu sewwa, qawwijin u sħaħ!" [Tob:7:2] U daħħalhom f'daru, u qal lil martu
Għedna: "Ara kemm jixbah lil ħija Tobit dan iż-żagħżugħ!" [Tob:7:3] Għedna
mbagħad bdiet tistaqsihom: "Mnejn intom, ħuti?" "Aħna minn ulied Naftali,"
weġbuha, "mill-itturufnati f'Ninwè." [Tob:7:4] "Tafu lil Tobit, qaribna?"
staqsiethom. U huma weġbuha: "Nafuh." [Tob:7:5] U staqsiethom: "Hux tajjeb?" "Ħaj,"
weġbuha," u qawwi u sħiħ." "Dak missieri!" issokta Tobija. [Tob:7:6] U mar
Ragħwel bil-ġirja fuqu, biesu u beka, kellmu u qallu: "Il-barka fuqek, ibni, int
bin raġel sewwa u tajjeb. X'ħasra u x'għali li bniedem ġust u ta' karità bħal
dak jagħma!" U ntefa' fuq għonq Tobija, ħuh, u nfexx jibki. [Tob:7:7] U bkiet
miegħu Għedna, u bkiet ukoll binthom Sara. [Tob:7:8] U mbagħad qatel muntun
mill-merħla u laqagħhom minn qalbu.
L-għerusija ta' Tobija
[Tob:7:9] Meta nħaslu u ndafu u qagħdu għall-mejda, Tobija qal lil Rafel: "Ħija
Għażarija, għid lil Ragħwel jagħtini b'marti lil oħti Sara."
[Tob:7:10] Ragħwel sama' dan il-kliem u qallu: "Kul u ixrob u għaddi l-lejl
kuntent. M'hawnx bniedem ħliefek li għandu d-dritt li jieħu 'l Sara binti,
għażiż ħija; lanqas jien ma nista' nagħtiha lil ħaddieħor ħlief lilek, għax int
l-eqreb lejja. Imma nħoss li għandi ngħidlek is-sewwa, ibni; [Tob:7:11] diġà
tajtha lil sebat irġiel oħra minn ħutna, u kollha mietu dak il-lejl stess li
resqu lejha. U issa, ibni, kul u ixrob, u jagħmel il-Mulej." [Tob:7:12] "Issa,"
wieġeb Tobija, "ma niekol u ma nixrob xejn hawn ġew qabel ma tkun irranġajt din
l-affari tiegħi."
U Ragħwel wieġbu: “Hekk nagħmel: nagħtiha lilek skond il-liġi tal-Ktieb ta’ Mosè;
is-sema stess qatagħha li nagħtiha lilek. Ħu lil oħtok. Minn issa ’l quddiem int
ħuha u hi oħtok. Tiegħek hi mil-lum ’il quddiem għal dejjem. U Sid is-sema
jagħtikom ir-risq il-lejla, ibni; ihenn għalikom u jagħtikom is-sliem.”
[Tob:7:13] Ragħwel sejjaħ lil bintu Sara, u meta ġiet, ħadilha idha u taha lil
Tobija, u qallu: "Ħudha kif għandi nagħtihielek b'martek skond il-liġi u l-ordni
li hemm miktuba fil-Ktieb ta' Mosè. Żommha għalik, u ħudha għand missierek
qawwija u sħiħa. Alla tas-smewwiet iwassalkom bis-sliema." [Tob:7:14] U sejjaħ
lil ommha, u qalilha biex iġġib karta, u kiteb il-kitba taż-żwieġ, u hekk
tahielu b'martu, skond l-ordni tal-Liġi ta' Mosè. U minn dak il-ħin bdew jieklu
u jixorbu.
Ħelsien mid-demonju
[Tob:7:15] Ragħwel sejjaħ lil martu Għedna, u qalilha: "Oħti, lesti l-kamra l-oħra
tar-rqad, u daħħal fiha lil Sara." [Tob:7:16] Għedna marret u lestiet il-kamra
kif qalilha, u daħħlet lil Sara fiha bid-dmugħ f'għajnejha minħabba fiha.
Mbagħad ixxuttat id-dmugħ u qaltilha: [Tob:7:17] "Agħmel il-qalb binti, Sid is-smewwiet
jagħtik ir-riżq wara dan l-għali kollu tiegħek. Qawwi qalbek, binti." U ħarġet
minn hemm.
8. [Tob:8:1] Meta spiċċaw jieklu u jixorbu, u riedu jmorru jorqdu, ħadu ż-żagħżugħ
u daħħluh fil-kamra tar-rqad. [Tob:8:2] Tobija ftakar fi kliem Rafel: ħareġ
il-fwied u l-qalb tal-ħuta mill-ħorġa li kellu miegħu; u qegħedhom fuq il-ġamar
tal-bħur, u bdew idaħħnu. [Tob:8:3] Ir-riħa tal-ħuta żammet 'il bogħod id-demonju,
u ħarrbitu lejn l-Eġittu ta' Fuq. Minnufih Rafel mar hemm u rabtu sewwa.
[Tob:8:4] Meta l-oħrajn ħarġu u għalqu l-bieb tal-kamra, Tobija qam mill-friex u
qalilha: "Oħti, qum, ħa nishru u nitolbu quddiem Sidna, li jagħmel ħniena magħna
u jsalvana." Sara qamet u bdew jitolbu bil-ħniena s-salvazzjoni u jgħidu:
[Tob:8:5] "Mbierek int, O Alla ta' missirijietna, u mbierek ismek għal dejjem ta'
dejjem. Iberkuk is-smewwiet u l-ħolqien kollu għal dejjem ta' dejjem. [Tob:8:6]
Int għamilt lil Adam, u tajtu b'martu lil Eva bħala għajnuna u appoġġ, u minnhom
it-tnejn tnisslu l-bnedmin. U int għedt: 'M'hux sewwa li r-raġel jibqa' waħdu,
ħa nagħmlu għajnuna li tkun tixbhu.' [Tob:8:7] U issa jien lil din oħti ma
żżewwiġthiex għall-passjoni tal-ġisem, imma fis-sewwa. Agħmel ħniena miegħi u
magħha ħa nixjieħu flimkien." [Tob:8:8] U qalu flimkien it-tnejn: "Amen. Amen."
[Tob:8:9] U dak il-lejl raqdu.
[Tob:8:10] Ragħwel qam u sejjaħ in-nies ta' daru li kienu miegħu u marru
flimkien iħaffru l-qabar. Għax hu ħaseb: "Li ma jmurx imut; għallinqas ma
jidħkux bina u jwaqqgħuna għaż-żuffjett." [Tob:8:11] U meta ħaffru l-qabar,
Ragħwel mar id-dar, u sejjaħ lil martu, [Tob:8:12] u qalilha: "Ibgħat lil xi
waħda mill-qaddejja ħa tidħol tara hux ħaj jew mejjet; fil-każ nidfnuh bla ma
jkun jaf ħadd." [Tob:8:13] U bagħtu l-qaddejja u xegħlet il-musbieħ u fetħet
il-bieb; daħlet u sabithom reqdin flimkien fil-fond. [Tob:8:14] U l-qaddejja
ħarġet tgħidilhom li kien ħaj u ma kien ġralu ebda ħsara. [Tob:8:15] U bierku
lil Alla tas-sema u qalu: "Mbierek int, o Alla; nberkuk minn qalbna; iberkuk
il-qaddisin għal dejjem ta' dejjem. [Tob:8:16] Mbierek int li mlejtni bil-ferħ,
u ma ġarax kif kont ħsibt jien; imma mxejt magħna skond il-kobor tal-ħniena
tiegħek. [Tob:8:17] Mbierek int, o Sid, li ħennejt għal dawn iż-żewġ ulied
waħdiena. Ħenn għalihom, żommhom qawwijin u sħaħ, u imlielhom ħajjithom bl-hena
u l-faraġ." [Tob:8:18] Ragħwel imbagħad ordna lin-nies tiegħu jordmu l-qabar
qabel ma jisbaħ. [Tob:8:19] U qal lil martu tlesti ħafna ħobż, u hu mar
il-maqjel u ġieb żewġ baqriet u erba' mtaten, u ordna li jsajjruhom u bdew
ilestu.
[Tob:8:20] Mbagħad sejjaħ lil Tobija, u qallu: "Ma titħarrikx minn hawn qabel
erbatax-il jum, imma tibqa' hawn tiekol u tixrob għandi u tferraħ lil binti wara
dan l-għali kollu li għaddiet minnu. [Tob:8:21] Minn kull ma għandi ħu nofsu
issa stess, u mur qawwi u sħiħ għand missierek. In-nofs l-ieħor ħudu meta mmut
jien u marti; kollox tiegħek. Agħmel il-qalb, ibni, jiena missierek u Għedna
ommok; minn issa 'l quddiem aħna miegħek u ma' oħtok għal dejjem. Qawwi qalbek
ibni!"
9. Rafel imur għand Gabajel
[Tob:9:1] Mbagħad Tobija sejjaħ lil Rafel u qallu: [Tob:9:2] "Ħija Għażarija, ħu
miegħek erba' qaddejja u żewġ iġmla, u itlaq lejn Rages, u mur għand Gabajel;
agħtih il-kitba u iġbor il-flus, u ġibu miegħek għat-tieġ. [Tob:9:3] Inti taf
biżżejjed, li missieri qiegħed jgħodd il-ġranet, u jekk niddawwar imqar jum
wieħed biss, isewwed qalbu bis-sħiħ. [Tob:9:4] Taf x'ħalfilna Ragħwel, u jien ma
nistax nikser il-ħalfa tiegħu."
[Tob:9:5] Rafel telaq bl-erba' qaddejja miegħu u b'żewġ iġmla lejn Rages
tal-Medja, u għadda l-lejl għand Gabajel; tah il-kitba u għarrfu b'Tobija bin
Tobit li kien iżżewweġ u li stiednu għat-tieġ. Mbagħad Gabajel qabad u għaddlu
l-boroż issiġillati, u ġabruhom flimkien. [Tob:9:6] Bakkru flimkien u ġew
għat-tieġ. Meta daħlu għand Ragħwel sabu lil Tobija fuq il-mejda, u dan qam
bil-ġirja u mar jgħannqu; u Gabajel beda jbierku u jgħidlu bid-dmugħ f'għajnejh:
"Żagħżugħ sewwa u tajjeb! Bin raġel sewwa u tajjeb, bniedem ġust u ta' karità,
jixħet il-Mulej il-barka tas-sema fuqek, fuq martek, fuq missierek u fuq omm l-għarusa
tiegħek. Mbierek Alla, li rajt il-kuġin tiegħi Tobija, jixbhu daqshekk."
10. L-inkwiet ta' omm u missier Tobija
[Tob:10:1] Tobit minn jum għal ieħor kien jgħodd il-ġranet; kemm kellu jdum ibnu
biex imur u kemm biex jerġa' lura. Meta għadda żmien biżżejjed, u ibnu ma deherx,
[Tob:10:2] beda jitħasseb: "Tgħid żammewh hemm? Tgħid miet Gabajel, u ma kien
hemm ħadd biex jagħtih il-flus?" [Tob:10:3] U beda jagħmel f'qalbu.
[Tob:10:4] U martu Anna bdiet tgħidlu: "Ibni spiċċa! Ma għadux aktar fost
il-ħajjin." U nfexxet tibki u titniehed minħabba binha, u tgħid: [Tob:10:5] "Jaħasra
għalija, ibni, għala ħallejtek tmur, id-dawl ta' għajnejja."
[Tob:10:6] "Iskot!" beda jgħidilha Tobit, "taħseb xejn, oħti, it-tifel qawwi u
sħiħ. Żgur li nqalgħetilhom xi ħaġa li żammithom hemm. Il-bniedem li mar miegħu
hu bniedem ta' fiduċja u wieħed minn qrabatna. Tagħmilx f'qalbek għalih, oħti,
dalwaqt ikun hawn." [Tob:10:7] "Iskot u ħallini," qaltlu,"u tidħakx bija. Ibni
spiċċa!" Ta' kuljum kienet toħroġ tiġġerra fit-triq li minnha kien telaq binha,
tħares 'l hemm u 'l hawn, u ma kienet tisma' minn ħadd; u meta kienet tinżel ix-xemx,
kienet tidħol u taqbad tibki, u titniehed il-lejl kollu bla ma torqod.
Tobija lura d-dar
[Tob:10:8] U meta għaddew l-erbatax-il ġurnata tal-festa tat-tieġ, li Ragħwel
kien ħalef li jagħmel lil bintu, resaq fuqu Tobija u qallu: "Ħallini mmur, għax
naf li missieri u ommi jaqtgħu qalbhom li għadd qatt jarawni. Għalhekk nitolbok,
missier, ħallini nitlaq, u mmur għand missieri. Diġà għarraftek fiex ħallejtu."
[Tob:10:9] Ragħwel wieġeb lil Tobija: "Ibqa' hawn, ibni, ibqa' miegħi, u jien
nibgħat messaġġier għand missierek Tobit, u jgħarrfu kif tinsab." "Ma jkun qatt,"
wieġbu Tobija, "nitolbok, ħallini nitlaq minn hawn għal għand missieri."
[Tob:10:10] Ragħwel qam u ta lil Tobija, lil martu Sara, nofs il-ġid li kellu:
qaddejja, rġiel u nisa, baqar u nagħaġ, ħmir u iġmla, lbies, flus u tagħmir.
[Tob:10:11] Tahom il-vjaġġ it-tajjeb, għannqu u qallu: "Saħħa ibni, mur qawwi u
sħiħ. Sid is-smewwiet iwassalkom bis-sliema, lilek u 'l martek Sara, u jalla
nara lil uliedkom qabel ma mmut." [Tob:10:12] Mbagħad lil bintu qalilha: "Mur
għand ħatnek, mil-lum 'il quddiem huma l-ġenituri tiegħek bħallikieku nissluk
huma. Mur bis-sliema, binti, jalla kemm indum ħaj ma nismax ħlief ġid fuqek!"
Ragħwel għannaqhom, u tahom il-vjaġġ it-tajjeb, u telaqhom.
[Tob:10:13] "Ibni u għażiż ħija," qalet imbagħad Għedna lil Tobija, "jalla l-Mulej
iwassalkom id-dar, lilek u lil binti Sara, u jalla nara 'l uliedek f'ħajtek, u
'l ulied binti Sara qabel ma mmut. Quddiem il-Mulej f'idejk nerħi 'l binti; ħu
ħsiebha u tiksrilha qatt qalbha kemm iddum ħaj. Mur bis-sliema, ibni. Minn issa
'l quddiem jien ommok, u Sara oħtok. Jalla jkollna lkoll ir-riżq il-jiem kollha
ta' ħajjitna." Mbagħad bisithom it-tnejn u tathom il-vjaġġ it-tajjeb.
[Tob:10:14] U Tobija telaq mingħand Ragħwel, qawwi u sħiħ, ferħan u jbierek lis-Sid
tas-smewwiet u l-art, is-sultan fuq kulħadd, li tah ir-riżq fi triqtu. U Ragħwel
qallu: "Jalla jkollok il-ġid biex tgħin lill-ġenituri tiegħek il-jiem kollha ta'
ħajjithom."
11. Tobija jasal id-dar
[Tob:11:1] Meta kienu qorbu lejn Kasrin, biswit Ninwè, [Tob:11:2] Rafel qal lil
Tobija: "Inti taf kif ħallejna lil missierek. [Tob:11:3] Ħa ngħaġġlu qabel
martek, u nlestu d-dar, huma u ġejjin." [Tob:11:4] U telqu t-tnejn flimkien u
Rafel qallu: "Ħu f'idek il-marrara." U ma' l-anġlu u Tobija mar il-kelb warajhom.
[Tob:11:5] Anna kienet toqgħod bilqiegħda tgħarrex lejn it-triq mnejn kienet
tistenna lil binha ġej. [Tob:11:6] Malli lemħitu ġej marret tgħid lil missieru:
"Ara, ibnek ġej, u miegħu hemm ir-raġel li mar miegħu."
[Tob:11:7] Rafel imbagħad qal lil Tobija qabel ma dan qorob lejn missieru: "Naf
li għajnejn missierek se jinfetħu. [Tob:11:8] Ogħroklu għajnejh bil-marrara
tal-ħuta, u d-duwa tixrob il-bjada u din titqaxxar, u missierek jieħu d-dawl u
jibda jara."
[Tob:11:9] Anna marret tiġri u nxteħtet fuq għonq binha u qaltlu: "Fl-aħħar
rajtek, ibni; issa nista' mmut." U nfexxet tibki. [Tob:11:10] Tobit qam, u
tfixkel f'riġlejh hu u ħiereġ mill-bieb tal-bitħa. [Tob:11:11] U Tobija mar
jilqgħu bil-marrara tal-ħuta f'idu, u nefaħ f'għajnejh u qabdu minn driegħu, u
qallu: "Agħmel il-qalb missier." Għamillu d-duwa fuq għajnejh u din bdiet
taħarqu. [Tob:11:12] Mbagħad b'idejh it-tnejn qaxxarlu l-bjada minn truf
għajnejh.
[Tob:11:13] Tobit inxteħet fuq għonq ibnu u nfexx f'bikja: "Qiegħed narak, ibni,
id-dawl ta' għajnejja." [Tob:11:14] "Mbierek Alla," issokta jgħid, "u mbierek l-isem
kbir tiegħu, u mberkin l-anġli qaddisa tiegħu. Kbir ismu fuqna, u mberkin l-anġli
tiegħu għal dejjem ta' dejjem. Wara li kkastigani, issa, ara, jien qiegħed nara
lil ibni Tobija." [Tob:11:15] Tobija daħal ġewwa ferħan ibierek lil Alla b'kemm
kellu saħħa, u għarraf lil missieru Tobit li Alla kien tah ir-riżq fit-triq;
ġabar il-flus; iżżewweġ lil Sara bint Ragħwel, li diġà qiegħda fil-bieb ta'
Ninwè, u għoddha waslet.
[Tob:11:16] Kollu ferħan Tobit ħareġ jilqa' l-għarusa ta' ibnu fil-bieb ta'
Ninwè. U n-nies ta' Ninwè stagħġbu meta rawh miexi mgħaġġel kemm jiflaħ bla ma
jżommu ħadd minn idu. Tobit stqarr quddiem kulħadd li Alla ħenn għalih, u
fetaħlu għajnejh.
[Tob:11:17] Mbagħad resaq lejn Sara, mart ibnu, berikha u qalilha:
"Merħba bik, binti!
Mbierek Alla tiegħek
li ġiebek għandna, binti!
Mbierek missierek!
Mbierek ibni Tobija!
Mbierka int, binti!
Idħol f'darek, qawwija u sħiħa!
Idħol imbierka u ferħana!
Idħol, binti!"
[Tob:11:18] Dakinhar kien hemm ferħ kbir fost il-Lhud ta' Ninwè. [Tob:11:19]
Aħikar u Nadab, kuġini ta' Tobit, ġew jifirħulu; [Tob:11:20] u għamlu l-festa
tat-tieġ li damet sejra sebat ijiem.
12. Rafel jurihom min kien u jgħib
[Tob:12:1] Malli għaddiet il-festa tat-tieġ, Tobit sejjaħ lil Tobija ibnu u
qallu: "Ibni, qis li tħallas skond ma ħaqqu lil dak ir-raġel li ġie jwasslek, u
agħtih xi ħaġa aktar." [Tob:12:2] "Missier, kemm se naqbad nagħtih?" staqsieh, "Jekk
nagħtih in-nofs ta' kull ma ġibna magħna, ma jien se nbati xejn. [Tob:12:3] Lili
wassalni qawwi u sħiħ; fejjaq lil marti, ġiebli l-flus, u lilek fejjqek. Xi ħlas
nista' nagħtih iżjed?" [Tob:12:4] "Jistħoqqlu jieħu n-nofs," wieġbu Tobit, "ta'
dak li ġibilna miegħu." [Tob:12:5] Mbagħad sejjaħlu u qallu: "Nofs kull ma
ġibtilna miegħek hu tiegħek bi ħlas. Ħudu, u tista' tmur bis-sliem."
[Tob:12:6] Rafel imbagħad sejjħilhom bil-moħbi u qalilhom: "Bierku lil Alla u
faħħruh quddiem il-ħajjin kollha għall-ġid kollu li għamel magħkom, biex iberkuh
u jgħannu għana ta' tifħir f'ġieħ ismu. Xandru mal-bnedmin kollha kull ma għamel
Alla u agħtuh ġieħ u titnikkrux biex tfaħħruh. [Tob:12:7] Tajjeb li wieħed iżomm
moħbi s-sigriet tas-sultan, iżda unur li wieħed ifaħħar u jxandar l-opri ta'
Alla. Agħmlu t-tajjeb u ma jilħaqkom ebda deni. [Tob:12:8] Aħjar it-talb
bil-qalb, u l-karità bis-sewwa, mill-għana bid-dnewwa. Aħjar tagħti l-karità,
milli taħżen id-deheb. [Tob:12:9] Il-karità teħilsek mill-mewt, u tnaddfek minn
kull dnub. Dawk li jagħmlu l-karità jimtlew bil-ħajja. [Tob:12:10] Dawk li
jagħmlu d-dnub u l-inġustizzja, huma l-għedewwa tagħhom infushom.
[Tob:12:11] "Irrid ngħidilkom is-sewwa kollu, u ma naħbilkom xejn. Diġà
għarraftkom: Tajjeb li wieħed iżomm moħbi s-sigriet tas-sultan, iżda unur li
wieħed ixandar l-opri ta' Alla. [Tob:12:12] U issa, meta int u Sara kontu
titolbu, jien kont inwassal it-talb tagħkom quddiem il-maestà tal-Mulej u
nfakkru fih; meta kont tidfen il-mejtin kont nagħmel l-istess. [Tob:12:13] Meta
int ma qgħadtx taħsibha darbtejn biex tqum, tħalli l-ikel, u tmur tkeffen
il-mejjet, jien kont mibgħut biex inġarrbek. [Tob:12:14] U issa Alla bl-istess
mod bagħatni biex infejjaq lilek u lil Sara, mart ibnek. [Tob:12:15] Jien Rafel,
wieħed mis-seba' anġli, li qegħdin quddiem il-maestà tal-Mulej, u nistgħu nersqu
lejh."
[Tob:12:16] U baqgħu mistagħġba t-tnejn u nxteħtu wiċċhom fl-art, għax qabadhom
il-biża'. [Tob:12:17] "Tibżgħux," qalilhom, "is-sliem magħkom. Bierku lill-Mulej
għal dejjem. [Tob:12:18] M'hux minn rajja li kont magħkom, imma għar-rieda tajba
ta' Alla. Lilu bierku l-jiem kollha, u lilu faħħru bl-innijiet. [Tob:12:19]
Rajtuni intom, kif ma kilt xejn; kull ma rajtu kien viżjoni. [Tob:12:20] Issa
bierku lill-Mulej fuq l-art; faħħru lil Alla. Jien tiela' għand min bagħatni.
Iktbu kull ma ġralkom." Kif qal hekk għola 'l fuq, [Tob:12:21] u meta qamu
bil-wieqfa, ma setgħux jarawh aktar. [Tob:12:22] U bdew ibierku, u jgħannu
innijiet lil Alla, u jirringrazzjawh għal kull ma għamel magħhom meta dehrilhom
l-anġlu ta' Alla.
13. Innu ta' ringrazzjament
[Tob:13:1] U Tobit qal:
[Tob:13:2] "Mbierek Alla, li jgħix għal dejjem, u s-saltna
tiegħu!
Jikkastiga u jħenn;
iwasslek sal-qabar f'qiegħ l-art,
u mbagħad jerfgħek mill-akbar qerda.
M'hemm ħadd li jeħles minn idejh.
[Tob:13:3] Faħħruh, ulied Iżrael, quddiem il-ġnus!
Hu xerridkom f'nofshom.
[Tob:13:4] U hemm uriekom il-kobor tiegħu.
Għolluh quddiem il-ħajjin kollha.
Hu Sidna, u Alla tagħna!
Hu Missierna, u Alla tagħna,
għal dejjem ta' dejjem.
[Tob:13:5] Minħabba dnubietkom jikkastigakom,
imma jħenn għalikom ilkoll;
u għad jiġborkom minn fost il-ġnus kollha,
li f'nofshom tinsabu mxerrda.
[Tob:13:6] Meta b'qalbkom sħiħa u ruħkom kollha,
terġgħu lura għal għandu,
mbagħad hu jdur lejkom,
u ma jaħbix iżjed wiċċu minnkom.
[Tob:13:7] Ara x'għamel magħkom!
Faħħruh b'kemm għandkom ħila,
u bierku l-Mulej il-ġust,
u faħħru s-sultan ta' dejjem.
[Tob:13:8] Nfaħħru jien f'art l-eżilju tiegħi,
u nuri l-qawwa u l-kobor tiegħu lill-ġens midneb.
Erġgħu lura għal għandu, midinbin,
u għamlu l-ġustizzja quddiemu.
Min jaf jilqagħkomx u jħennx għalikom?
[Tob:13:9] Jiena nkabbar lil Alla tiegħi
u ruħi tfaħħar lis-sultan tas-sema,
u tifraħ bil-kobor tiegħu.
[Tob:13:10] Ħa jxandru lkoll il-maestà tiegħu,
u jfaħħruh f'Ġerusalemm.
"Ġerusalemm, il-belt qaddisa,
għad jikkastigak minħabba għemil uliedek;
u mbagħad jerġa' jħenn għal ulied il-ġusti.
[Tob:13:11] Faħħar kif jixraq lill-Mulej,
u bierek is-sultan ta' dejjem;
u hekk terġa' tinbnielek daru bil-ferħ,
[Tob:13:12] biex jifirħu fik l-itturufnati,
u juri fik imħabbtu għall-imsejknin,
għal dejjem ta' dejjem.
[Tob:13:13] "Dawl kbir għad jiddi,
u joħroġ minnek sa truf l-art,
kotra ta' ġnus għad jiġuk mill-bogħod,
u nies minn kull rokna tad-dinja,
minħabba l-isem qaddis tiegħek,
iġibu r-rigali f'idejhom għas-sultan tas-sema.
Nisel wara nisel jaqbżu bil-ferħ fik,
u isem il-belt magħżula jibqa' għal dejjem.
[Tob:13:14] "Misħutin dawk kollha li jitkellmu iebes kontrik;
dawk kollha li jaħbtu għalik;
dawk kollha li jħottu lil ħitanek;
li jġarrfu t-torrijiet tiegħek,
u jagħtu n-nar lil djarek.
U mbierka għal dejjem dawk li jirrispettawk!
[Tob:13:15] "Ejja, ifraħ b'ulied il-ġusti,
għax ilkoll għad jinġabru,
u jbierku s-Sid ta' dejjem.
Hienja dawk li jħobbuk,
u hienja dawk li jifirħu bis-sliem tiegħek.
[Tob:13:16] Hienja n-nies kollha,
li sewwdu qalbhom għas-swat li qlajt,
fik għad jifirħu u jaraw il-ferħ tiegħek għal dejjem.
Bierek, ruħi, lill-Mulej, is-Sultan il-Kbir.
[Tob:13:17] "Ġerusalemm għad jibnuha mill-ġdid,
belt fejn jgħammar Alla għal dejjem ta' dejjem.
Kemm għad nifraħ meta l-fdal ta' nisli,
jaraw is-sebħ tiegħek,
u jfaħħru s-Sultan tas-sema!
Il-bibien ta' Ġerusalemm għad jinbnew
biż-żaffir u l-iżmerald;
tal-ħaġar prezzjuż ikunu ħitanek.
Tad-deheb jinbnew it-torrijiet tiegħek;
u l-fortizzi tad-deheb safi.
Il-pjazez ta' Ġerusalemm
jiċċangawhom b'ħaġar prezzjuż u
ġawhar ta' Ofir.
[Tob:13:18] Il-bwieb ta' Ġerusalemm għad ikantaw innijiet
ta’ ferħ;
u djarha lkoll jgħajjtu;
'Ħallelujah! Mbierek Alla ta' Iżrael!'
Hu jberikhom, u huma jbierku ismu,
qaddis għal dejjem ta' dejjem.
14. " [Tob:14:1] Hekk Tobit temm l-innu ta' ringrazzjament.
L-aħħar snin ta' Tobit u Tobija
[Tob:14:2] Tobit miet fis-sliem fl-għomor ta' mija u tnax-il sena, u difnuh
bl-unuri kollha fil-belt ta' Ninwè. Kellu tnejn u sittin sena meta marad
b'għajnejh; u wara li kien raġa' ħa d-dawl, għex fir-riżq u baqa' jagħmel
il-karità; qatt ma kien jehda milli jfaħħar lil Alla u jxandar il-glorja tiegħu.
[Tob:14:3] Meta kien se jmut sejjaħ lil ibnu Tobija u għamillu dawn
it-twissijiet:
“Ibni, aqbad lil uliedek [Tob:14:4] u itlaq lejn il-Medja, għax jien nemmen li
l-kelma ta' Alla li qal fuq Ninwè, permezz ta' Naħum, għad isseħħ. Kollox għad
jiġri lil Assirja u Ninwè, kull ma qalu l-profeti ta' Iżrael li Alla bagħat.
Xejn, lanqas kelma waħda, ma jonqos milli qalu l-profeti; kollox għad iseħħ
f'waqtu. Fil-Medja tkun fiż-żgur aktar milli tkun fl-Assirja jew fil-Babilonja.
Jien naf, anzi jien żgur li kull ma qal Alla, għad iseħħ u jsir, u ma tintilef
ebda kelma milli qal.
“Ħutna li joqogħdu fl-art ta’ Iżrael ilkoll għad iferrxuhom u jitturufnawhom
minn dik l-art tajba; u l-art kollha ta’ Iżrael issir deżert u Samarija u
Ġerusalemm isiru ħerba u d-dar ta’ Alla jagħtuha n-nar, u għal xi żmien tibqa’
fin-niket.
[Tob:14:5] Mbagħad il-Mulej jerġa' jħenn, u Alla jreġġagħhom lura fl-art ta'
Iżrael. Jerġgħu jibnu d-dar ta' Alla, mhux bħalma kienet qabel, u tibqa' hekk
sakemm jintemmu ż-żminijiet u s-sekli. Wara dan kollu lkoll jerġgħu lura
mill-eżilju u jerġgħu jibnu 'l Ġerusalemm fil-glorja, u fiha jibnu d-dar ta'
Alla, skond ma ħabbru fuqha l-profeti ta' Iżrael. [Tob:14:6] Il-ġnus kollha
tad-dinja għad jikkonvertu u jibżgħu minn Alla fis-sewwa, u lkoll iwarrbu
l-idoli li qarrquhom bil-gideb tagħhom, u jibdew ibierku lil Alla ta' dejjem
skond il-liġi tiegħu.
[Tob:14:7] "Ulied Iżrael kollha li jkunu salvaw f'dawk il-jiem jiftakru sewwa
f'Alla; jinġabru u jiġu Ġerusalemm u jgħammru għal dejjem fl-art ta' Abraham
fiż-żgur, u din tkun mogħtija lilhom. Jifirħu dawk kollha li jħobbu lil Alla
fis-sewwa; u dawk li jagħmlu d-dnub u l-inġustizzji jintemmu minn fuq wiċċ
l-art. [Tob:14:8] Issa, uliedi, dan ngħidilkom: [Tob:14:9] 'Servu lil Alla
fis-sewwa u agħmlu dak li jogħġob lilu.'
“Lil uliedkom darruhom jagħmlu s-sewwa u jagħtu l-karità; darruhom jiftakru
f’Alla u jbierku ismu minn qalbhom, u b’kemm għandhom ħila f’kull waqt.
“Int ibni; itlaq minn Ninwè. Tibqax hawn. Dak in-nhar li int tidfen lil ommok
ħdejja, dal in-nhar stess, toqgħodx aktar fl-inħawi ta’ Ninwè, għax, kif nara,
hawn ħafna ħażen u qerq bla mistħija ta’ xejn. [Tob:14:10] "Ara, ibni, x'għamel
Nadab lil Aħikar, li kien rabbieh: u ma fittixx li jidfnu ħaj taħt l-art? Imma
Alla dawwar l-għajb f'wiċċu. Aħikar ħareġ għad-dawl, u Nadab mar fid-dlam ta'
dejjem, għax kien fittex li joqtol lil Aħikar. Iżda għax jien kont nagħmel
il-karità, Aħikar ħeles mix-xibka li kien nasablu Nadab, u Nadab inqabad fiha
hu, u nqered. [Tob:14:11] Mela uliedi, araw x'tagħmel il-karità, u x'tagħmel
l-inġustizzja li toqtol. Ara, se toħroġli ruħi."
Qegħduh fuq il-friex, u miet; u difnuh bl-unuri kollha.
[Tob:14:12] Meta mietet ommu, Tobija difinha ħdejn missieru. U mbagħad mar
il-Medja, hu u martu u għammru f'Ekbatana għand ħatnu Ragħwel. [Tob:14:13] Ħa
ħsieb sewwa tal-kunjati tiegħu fi xjuħithom u difinhom f'Ekbatana tal-Medja;
[Tob:14:14] u wiret il-ġid kollu ta' Ragħwel u ta' missieru Tobit, u miet ta'
mija u sbatax-il sena rrispettat minn kulħadd.
[Tob:14:15] Qabel ma miet laħaq ra u sama' bil-qerda ta' Ninwè, u ra l-eżiljati
miġjubin fil-Medja minn Assweru, sultan tal-Medja. Għalhekk radd ħajr lil Alla
għal kull ma għamel lin-nies ta' Ninwè u l-Assirja. Feraħ qabel ma miet għal li
ġralha Ninwè u faħħar lil Alla li jgħix għal dejjem ta' dejjem. Ammen.