L-ITTRA LIL TITU
1. Tislima
[Tit:1:1] Jiena Pawlu, qaddej ta' Alla, u appostlu ta' Ġesù Kristu biex immexxi
l-maħturin ta' Alla fil-fidi u nwassalhom għat-tagħrif tal-verità li twassal
għat-tjieba, [Tit:1:2] bit-tama tal-ħajja ta' dejjem. Alla, li ma jigdibx,
wegħedhielna sa minn qabel iż-żminijiet, [Tit:1:3] u meta wasal il-waqt
irrivelahielna bil-kelma tiegħu permezz tal-predikazzjoni li kienet fdata lili
skond l-ordni ta' Alla, is-Salvatur tagħna. [Tit:1:4] Qiegħed nikteb lil Titu,
ibni veru fil-fidi tagħna lkoll: lilu grazzja u sliem mingħand Alla l-Missier u
mingħand Kristu Ġesù s-Salvatur tagħna.
Ix-xogħol ta' Titu fi Kreta
[Tit:1:5] Għalhekk jiena ħallejtek fi Kreta, biex tqassam kollox bl-ordni, u
biex taħtar presbiteri f'kull belt, skond ma ordnajtlek. [Tit:1:6] Kull min ikun
maħtur ma għandu jkollu xejn x'wieħed jgħid fih; ikun raġel ta' mara waħda, u
jkollu wliedu jemmnu, bla ma ħadd jista' jixlihom bi mġiba żienja jew bla rażan.
[Tit:1:7] L-isqof, bħala amministratur ta' Alla, għandu jkun bniedem li ħadd ma
jista' jgħid xejn fih; ma għandux ikun mimli bih innifsu, ma jinkurlax malajr,
ma jkunx mogħti għax-xorb, ma jkunx ġellied jew rgħib; [Tit:1:8] imma jkun
bniedem li jilqa' 'il-barranin, iħobb it-tajjeb, meqjus, ġust, qaddis, rżin;
[Tit:1:9] bniedem li jżomm sħiħ mal-kelma ta' min jemminha, biex ikun jista'
jqawwi qalb l-oħrajn bid-duttrina sħiħa u jegħleb lil min imieri.
[Tit:1:10] Għax hemm ħafna minn dawk li ma jridux joqogħdu għal ħaddieħor, li
jitkellmu fil-vojt u li jqarrqu bl-oħrajn; issibhom l-aktar fost dawk min-naħa
tal-Lhud. [Tit:1:11] Dawn jeħtiġilhom jitrażżnu, għax qegħdin jaqilbu ta' taħt
fuq familji sħaħ, billi għal qligħ baxx jgħallmu ħwejjeġ li ma jmisshomx
jgħallmuhom. [Tit:1:12] Wieħed minnhom, poeta tagħhom stess, qal: "In-nies ta'
Kreta dejjem giddibin, bhejjem qliel, żaqqiqin u għażżenin." [Tit:1:13] Din ix-xhieda
hi minnha. Għalhekk għandek teħodhom bl-iebes, biex iżommu sħiħ fil-fidi
[Tit:1:14] u ma jagħtux widen għall-ħrejjef tal-Lhud u għall-ordnijiet ta' nies
li warrbu l-verità minn quddiem għajnejhom. [Tit:1:15] Kollox hu safi għal min
hu safi; imma għal dawk li huma mħassrin u li ma jemmnux, xejn ma hu safi; sa
moħħhom u l-kuxjenza tagħhom huma mħassra. [Tit:1:16] Jistqarru li jagħrfu lil
Alla, biex imbagħad bl-għemil tagħhom jiċħduh; huma nies ta' min jistmerrhom,
rashom iebsa, u ma jinqalgħu għal xejn tajjeb.
2. Tagħlim sod
[Tit:2:1] Int, iżda, għallem skond id-duttrina sħiħa: [Tit:2:2] Li x-xjuħ ikunu
rżina, għaqlin, serji, meqjusa, sħaħ fil-fidi, fl-imħabba u fis-sabar. [Tit:2:3]
L-istess in-nisa xjuħ: għandhom iġibu ruħhom kif jixraq lil nisa qaddisa; ma
jqassux fuq ħaddieħor, anqas ikunu lsiera ta' l-inbid; għandhom jgħallmu t-tajjeb,
[Tit:2:4] biex hekk idarru n-nisa żgħażagħ iħobbu lil żwieġhom u lil uliedhom;
[Tit:2:5] ikunu meqjusa, safja, nisa tad-dar, twajba, ubbidjenti għal żwieġhom,
ħalli l-kelma ta' Alla ma titkasbarx. [Tit:2:6] Hekk ukoll ħeġġeġ liż-żgħażagħ
biex ikunu meqjusa. [Tit:2:7] Qis li inti nnifsek tkun f'kollox mera ta' bniedem
li jagħmel it-tajjeb; bniedem ta' duttrina safja, ta' serjetà; [Tit:2:8] li
għandu kelma sħiħa li ħadd ma jsib xi jgħid fiha, sabiex kull min jeħodha kontra
tagħna jibqa' mħawwad, billi ma jkollu xejn ħażin xi jgħid fuqna. [Tit:2:9] Għid
lill-ilsiera biex joqogħdu f'kollox għas-sidien tagħhom, u jfittxu li jogħġbuhom
u ma jmeruhomx; [Tit:2:10] ma jwarrbu xejn bil-moħbi, imma juru li huma tassew
nies ta' min jafdahom f'kollox, ħalli f'kollox jagħmlu ġieħ lit-tagħlim ta' Alla,
is-Salvatur tagħna.
[Tit:2:11] Għax dehret il-grazzja ta' Alla, għas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha;
[Tit:2:12] hi trawwimna nwarrbu l-ħażen u l-ġibdiet tad-dinja, biex ngħixu
bir-rażna u l-ġustizzja u t-tjieba f'dan iż-żmien, [Tit:2:13] u nistennew
it-tama hienja u d-dehra tal-glorja tal-kbir Alla u Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.
[Tit:2:14] Hu li ta lilu nnifsu għalina biex jifdina minn kull ħażen u jnaddafna
u jagħmel minna poplu magħżul għalih, poplu mħeġġeġ għall-għemil it-tajjeb.
[Tit:2:15] Dan li għandek tgħid. Ħeġġeġ u wissi bis-setgħa kollha; u ħadd ma
għandu jmaqdrek.
3. Id-dmirijiet ta' l-insara
[Tit:3:1] Fakkarhom biex joqogħdu għall-maġistrati u għall-awtorità, jobduhom u
jkunu dejjem imħejjija għal kull opra tajba; [Tit:3:2] biex ma jkasbru 'l ħadd,
jaħarbu t-tilwim, ikunu umli, jimxu bil-ħlewwa ma' kulħadd. [Tit:3:3] Għax aħna
wkoll konna darba bla moħħ; konna nies li ma jridux jobdu, bnedmin li tilfu t-triq,
ilsiera tal-passjonijiet u kull xorta ta' pjaċiri; konna ngħixu fil-ħażen u fl-għira;
konna nies ta' min jobgħodna u għedewwa ta' xulxin. [Tit:3:4] Iżda meta feġġet
it-tjieba ta' Alla, Salvatur tagħna, u l-imħabba tiegħu għall-bnedmin, [Tit:3:5]
hu salvana bil-ħasil ta' twelid ġdid u t-tiġdid ta' l-Ispirtu s-Santu, mhux
minħabba l-opri tajba li stajna għamilna aħna, iżda minħabba l-ħniena tiegħu.
[Tit:3:6] Dan l-Ispirtu hu xerrdu bil-kotra fuqna b'Ġesù Kristu, is-Salvatur
tagħna, [Tit:3:7] biex bis-saħħa tal-grazzja tiegħu nitqaddsu u nsiru werrieta
tal-ħajja ta' dejjem skond it-tama li għandna.
[Tit:3:8] Din hi kelma żgura; u jiena rridek tisħaq fuq dawn il-ħwejjeġ, sabiex
dawk li jemmnu f'Alla jieħdu ħsieb li jkunu minn ta' l-ewwel fl-opri tajba. Dan
hu sabiħ u fejjiedi għall-bnedmin. [Tit:3:9] Aħrab il-kwistjonijiet fiergħa u l-ġenealoġiji
u l-ġlied u t-tilwim fuq il-Liġi. Dawn kollha huma bla fejda u vojta. [Tit:3:10]
Bniedem li jġib il-firda widdbu darba darbtejn, u mbagħad aħrab minnu.
[Tit:3:11] Taf int, bniedem bħal dan hu korrott u midneb, ikkundannat minnu
nnifsu.
L-aħħar istruzzjonijiet u tislijiet
[Tit:3:12] Meta nibgħat għandek lil Artema jew lil Tikiku, fittex ejja ħdejja
f'Nikopoli, għax qtajtha li ngħaddi x-xitwa hemmhekk. [Tit:3:13] Għin lil Zena,
l-avukat, u lil Apollo biex ifittxu jitilqu, u qis li ma jkun jonqoshom xejn.
[Tit:3:14] In-nies tagħna mbagħad għandhom jitgħallmu jkunu minn ta' quddiem fl-opri
tajba, biex jieħdu ħsieb ta' kull ma hu meħtieġ u ma jgħaddux ħajja bla frott.
[Tit:3:15] Dawk kollha li hawn miegħi jsellu għalik. Sellili għal ħbiebna
fil-fidi. Il-grazzja magħkom ilkoll.